Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0614(03)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Kadmju u ossidu tal-kadmju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 149, 14.6.2008, p. 6–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 149/6


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Kadmju u ossidu tal-kadmju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 149/03)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (1) jinvolvi r-rappurtar tad-dejta, l-iffissar tal-prijoritajiet, il-valutazzjoni tar-riskju u, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta' strateġiji biex ikunu limitati r-riskji ta' sustanzi eżistenti.

Fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 is-sustanzi li ġejjin kienu identifikati bħala sustanzi ta' prijorità għall-valutazzjoni skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 143/97 (2) li jikkonċerna t-tielet lista ta' sustanzi ta' prijorità kif previst fir-Regolament (KEE) Nru 793/93:

kadmju,

ossidu tal-kadmju.

L-Istat Membru rapporteur maħtur skond dawk ir-Regolamenti temm l-attivitajiet tal-valutazzjoni tar-riskju għall-bniedem u għall-ambjent għal dawk is-sustanzi skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 tat-28 ta' Ġunju 1994 li jistipula l-prinċipji għal studju dwar ir-riskji lill-bniedem u l-ambjent ta' materjali eżistenti (3) skond ir-Regolament (KEE) Nru 793/93.

Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE) kien ikkonsultat u dan ħareġ opinjonijiet dwar il-valutazzjonijiet ta' riskju li saru mir-rapporteurs. Dawn l-opinjonijiet jinsabu fuq il-websajt tal-Kumitati Xjentifiċi.

L-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 jistipula li r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġija rakkomandata biex ikunu limitati r-riskji għandhom jiġu adottati fuq livell Komunitarju u ppubblikati mill-Kummissjoni. Din il-Komunikazzjoni, flimkien mar-Rakkomandazzjoni korrispondenti tal-Kummissjoni 2008/446/ KE (4) [inkludi ref. għar-rakkomandazzjoni], tipprovdi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju (5) u strateġiji biex ikunu limitati r-riskji għas-sustanzi msemmija hawn fuq.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji biex ikunu limitati r-riskji li għalihom tipprovdi din il-komunikazzjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93.


(1)  ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 25, 28.1.1997, p. 13.

(3)  ĠU L 161, 29.6.1994, p. 3.

(4)  ĠU L 156, 14.6.2008.

(5)  Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tar-Riskju komprensiv, kif ukoll sommarju tiegħu, jistgħu jinsabu fuq is-sit ta' l-internet ta' l-Uffiċċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi:

http://ecb.jrc.it/existing-substances/


ANNESS

PARTI 1

CAS-Nru: 7440-43-9

 

EINECS-Nru: 231-152-8

Isem EINECS:

Kadmju

Isem IUPAC:

Kadmju

Rapporteur:

Il-Belġju

Klassifikazzjoni (1):

Karċ. Kat. 2; R45

Muta. Kat. 3;R68

Ripr. Kat. 3; R62-63

T; R48/23/25

T+; R26

N; R50-53

Il-valutazzjoni tar-riskju hija bbażata fuq prattiki attwali relatati maċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza prodotta jew impurtata fil-Komunità Ewropea kif deskritti fil-valutazzjoni tar-riskju mibgħuta lill-Kummisjoni mill-Istat Membru Rapporteur (2).

Abbażi tat-tagħrif disponibbli, il-valutazzjoni tar-riskju ddeterminat li fil-Komunità Ewropea s-sustanza tintuża primarjament fil-manifattura tal-batteriji tan-nikil-kadmju iżda wkoll bħala materja prima għal varjetà wiesgħa ta' komposti oħrajn tal-kadmju (l-aktar pigmenti u stabilizzaturi). Tintuża wkoll f'kisjiet u fit-trattament ta' wċuh (kisi) kif ukoll f'komponenti ta' ligi. Il-kadmju jista' wkoll ikun preżenti bħala impurità u jista' jkun hemm esponiment waqt diversi attivitajiet li jinvolvu l-użu ta' materjali li ma fihomx ħadid (fost l-oħrajn proċessi ta' funderiji u ta' tidwib (mill-ġdid)). F'siti ta' ħidma fejn il-kadmju jiġi prodott jew użat, il-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għat-trab tal-metall tal-kadmju u/jew għad-dħaħen ta' l-ossidu tal-kadmju meta l-metall jissaħħan, l-aktar mill-inalazzjoni. Jista' jkun hemm esponiment tal-ġilda meta jkun hemm kuntatt mat-trab tal-metall tal-kadmju jew waqt operazzjonijiet ta' manutenzjoni.

Għall-popolazzjoni ġenerali involuta fl-industrija tal-kadmju mhux permezz tax-xogħol, l-assorbiment tal-kadmju (ġeneriku, mhux speċifikament metall tal-kadmju) iseħħ l-aktar permezz ta' inġestjoni ta' ikel ikkontaminat mill-kadmju. It-tipjip tat-tabakk huwa sors ieħor importanti ta' esponiment għall-kadmju mill-inalazzjoni.

L-esponiment ambjentali għall-kadmju huwa kkalkulat abbażi ta' l-emissjonijiet tal-kadmju antropoġeniċi kollha magħrufin attwalment, i.e. kadmju li jiġi rilaxxat mill-produtturi u l-proċessuri tal-kadmju/ta' l-ossidu tal-kadmju u kadmju f'sorsi mxerrdin bħall-fertilizzanti, il-produzzjoni ta' l-azzar, il-kombustjoni taż-żejt u tal-faħam, it-traffiku, l-inċinerazzjoni ta' l-iskart, il-miżbliet ikkontrollati eċċ. Il-valutazzjoni ta' l-esponiment lokali hija bbażata fuq emissjonijiet mill-produtturi u l-proċessuri tal-kadmju/ta' l-ossidu tal-kadmju u tinkludi l-konċentrazzjoni ambjentali reġjonali mbassra. Il-valutazzjoni ta' esponiment reġjonali u kontinentali hija bbażata fuq l-emissjonijiet antropoġeniċi kollha tal-kadmju, inklużi emissjonijiet imxerrdin, u turi l-konċentrazzjoni li ntlaħqet wara 60 sena ta' emissjonijiet imxerrdin. Il-konċentrazzjonijiet reali tal-kadmju fl-ambjent (il-konċentrazzjonijiet ambjentali) jinkludu wkoll l-oriġini naturali tal-kadmju (minn oriġini ġeoloġika jew minn proċessi naturali) u l-kadmju li żdied fl-ambjent permezz tal-bniedem fil-passat (tniġġis storiku).

VALUTAZZJONI TAR-RISKJU

A.   Is-saħħa tal-bniedem

Is-sustanza ma ġietx ittestjata biżżejjed għall-effetti newrotossiċi possibbli, speċjalment fuq l-iżvilupp tal-moħħ. Ikun meħtieġ aktar tagħrif epidemjoloġiku u sperimentali biex jiġu identifikati b'mod aktar preċiż in-natura ta' l-effetti, il-karatterizzazzjoni ta' l-esponiment u l-mekkaniżmu ta' l-azzjoni relatati man-newrotossiċità. Madankollu, minħabba li s-sustanza ġiet identifikata bħala karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu, normalment tkun teħtieġ miżuri ta' kontroll li ma jiġux influwenzati mir-riżultat aħħari tat-tossiċità ta' l-iżvilupp.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-ĦADDIEMA

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar tossiċità akuta bħala konsegwenza ta' esponiment minn inalazzjoni li jista' jkun hemm mill-produzzjoni tal-kadmju, f'sitwazzjonijiet ta' ligi u bbrejżjar, issaldjar u wweldjar,

tħassib dwar effetti fuq fertilità u organi riproduttivi bħala konsegwenza ta' esponiment minn inalazzjoni mill-produzzjoni tal-metall tal-kadmju, mill-manifattura u r-riċiklaġġ tal-batteriji, mill-produzzjoni tal-pigmenti, minn sitwazzjonijiet ta' ligi u bbrejżjar,

tħassib dwar irritazzjoni respiratorja, tossiċità tal-kliewi u ta' l-għadam minn dożi ripetuti, ġenotossiċità u karċinoġeniċità bħala konsegwenza ta' esponiment minn inalazzjoni mill-użijiet industrijali kollha, minħabba li s-sustanza hija meqjusa bħal karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-KONSUMATURI

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar effetti respiratorji akuti bħala konsegwenza ta' esponiment minn inalazzjoni li jista' jkun hemm meta jintużaw stikek ta' l-ibbrejżjar li fihom il-kadmju (bħala applikazzjoni tad-Do-It-Yourself);

tħassib dwar ġenotossiċità u karċinoġeniċità irrispettivament minn kif isir l-esponiment, għaliex is-sustanza hija kkunsidrata bħala karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu, mill-ilbies (impurtat) ta' ġojelli u/jew mill-użu ta' stikek ta' l-ibbrejżjar li fihom il-kadmju (bħala applikazzjoni tad-Do-It-Yourself).

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-BNEDMIN ESPOSTI MILL-AMBJENT

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar tossiċità respiratorja bħala konsegwenza ta' esponiment (l-aktar mill-inalazzjoni) li jista' jkun hemm qrib ta' wħud mill-punti ta' sorsi,

tħassib dwar tossiċità tal-kliewi u ta' l-għadam minn dożi ripetuti bħala konsegwenza ta' esponiment ambjentali f'adulti li jpejpu jew/u ħażna batuta ta' ħadid fil-ġisem jew/u jekk wieħed jgħix qrib punti ta' sorsi,

tħassib dwar ġenotossiċità u karċinoġeniċità bħala konsegwenza ta' esponiment ambjentali mis-sitwazzjonijiet ambjentali kollha, minħabba li s-sustanza hija kkunsidrata bħala karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għas-SAĦĦA TAL-BNIEDEM (proprjetajiet fiżikokimiċi)

hija li bħalissa m'hemmx il-ħtieġa għal aktar tagħrif u/jew ittestjar jew għal aktar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju minn dawk li qed jiġu applikati. Din il-konklużjoni tintlaħaq għaliex meta jitqies il-livell ta' kontroll fil-manifattura u fl-użu, ir-riskji minn proprjetajiet fiżikokimiċi huma żgħar.

B.   L-ambjent

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-EKOSISTEMA AKKWATIKA INKLUŻ IS-SEDIMENT

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar l-ekosistema akkwatika lokali f'ħames siti ta' produzzjoni tal-kadmju (metall tal-kadmju: sit wieħed) jew ta' proċessar tal-kadmju (żewġ siti ta' produzzjoni ta' pigmenti, siti/sitwazzjonijiet ta' kisi u ligi),

tħassib dwar l-ekosistema akkwatika lokali f'sit ta' riċiklaġġ wieħed,

tħassib dwar sit ta' miżbla kkontrollata li tnixxi direttament fl-ilma tal-wiċċ b'konċentrazzjoni ta' kadmju ta' 50 μg/L,

tħassib dwar l-ilmijiet fir-Renju Unit u fir-reġjun tal-Walloon tal-Belġju abbażi tal-medji reġjonali tad-90 perċentili tal-konċentrazzjonijiet tal-kamdju mkejlin fix-xmajjar u fil-lagi,

tħassib dwar organiżmi li jgħixu fis-sediment mis-settur tal-kisi u tal-ligi tal-kadmju,

tħassib dwar organiżmi li jgħixu fis-sediment f'erba' siti (wieħed ta' produzzjoni tal-metall tal-kadmju, tnejn ta' produzzjoni ta' pigment tal-kadmju u wieħed ta' riċiklaġġ tal-kadmju) u f'erba' sitwazzjonijiet ta' rimi (1 ta' inċinerazzjoni ta' skart solidu muniċipali (MSW) u 3 ta' miżbliet ikkontrollati ta' MSW) jekk għall-korrezzjoni tal-bijodisponibilità jintuża l-10 perċentili reġjonali l-aktar baxx ta' l-UE (dejta Ġermaniża minn tliet sistemi ta' xmajjar) mid-database tas-sulfidi ta' l-aċidu volatili.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-EKOSISTEMA TERRESTRI

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar siti ta' kisi tal-kadmju u ta' produzzjoni ta' ligi,

tħassib dwar reġjun wieħed (ir-Renju Unit) abbażi tad-90 perċentili tal-konċentrazzjonijiet tal-kadmju mkejlin fil-ħamrija Ewropea.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-ATMOSFERA

Ma tintlaħaq l-ebda konklużjoni għaliex:

ma saret l-ebda karatterizzazzjoni tar-riskju għall-atmosfera.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-MIKRO-ORGANIŻMI FL-IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAD-DRANAĠĠ

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar impjant għat-trattament tad-dranaġġ (STP) ta' fuq il-post u mhux ta' fuq il-post għall-industrija tal-kisi u tal-ligi,

tħassib dwar mikro-organiżmi ta' l-STP għal impjant wieħed ta' riċiklaġġ tal-batteriji tan-Nikil-kadmju li jarmi l-effluwenti tiegħu f'sit ta' l-STP mhux fuq il-post.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-AVVELENAMENT SEKONDARJU

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar reġjun wieħed (ir-Renju Unit) abbażi tad-90 perċentili tal-konċentrazzjonijiet tal-kadmju mkejlin fil-ħamrija Ewropea.

STRATEĠIJA BIEX IKUNU LIMITATI R-RISKJI

għall-ĦADDIEMA

Il-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħaddiema li bħalissa hija fis-seħħ fuq livell Komunitarju b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2004/37/KE (3) (id-Direttiva tal-Karċinoġeni u l-Mutaġeni), hija ġeneralment meqjusa li toffri qafas xieraq biex ikunu limitati r-riskji tas-sustanza sa fejn meħtieġ u għandha tapplika.

Fi ħdan dan il-qafas huwa rakkomandat li:

jiġu stabbiliti valuri ta' limitu għall-esponiment fuq il-post tax-xogħol għall-komposti tal-kadmju skond id-Direttiva 98//24/KE (4) jew id-Direttiva 2004/37/KE kif xieraq.

għall-KONSUMATURI

jiġu kkunsidrati fuq livell Komunitarju restrizzjonijiet għall-marketing u l-użu fid-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE (5) (Id-Direttiva tar-Restrizzjonijiet għall-Marketing u l-Użu) għal stikek ta' l-ibbrejżjar u ġojjelli li fihom il-kadmju li se jiġu f'kuntatt mal-ġilda.

għall-BNEDMIN ESPOSTI MILL-AMBJENT

tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-limiti tal-kadmju fl-oġġetti ta' l-ikel li hemm fir-Regolament 1881/2006/KE (6) li tiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel.

jiġi kkunsidrat l-iffissar ta' limitu għall-kadmju f'taħlita/weraq tat-tabakk skond id-Direttiva tal-Kunsill 2001/37/KE (Direttiva tal-Prodotti tat-Tabakk) (7)

jiġi kkunsidrat fuq livell Komunitarju l-iffissar ta' konċentrazzjonijiet massimi għall-kadmju fil-fertilizzanti billi jitqiesu l-varjetajiet ta' kundizzjonijiet f'kull parti tal-Komunità.

PARTI 2

CAS-Nru: 1306-19-0

 

EINECS-Nru: 215-146-2

Formula Molekulari:

CdO

Isem EINECS:

Ossidu tal-kadmju

Isem IUPAC:

Ossidu tal-kadmju

Rapporteur:

Il-Belġju

Klassifikazzjoni (8):

Karċ. Kat. 2; R45

Kat. 3; R68

Kat. 3; R62-63

T; R48/23/25

T+; R26

T+; R26

N; R50-53

Il-valutazzjoni tar-riskju hija bbażata fuq prattiki attwali relatati maċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza prodotta jew impurtata fil-Komunità Ewropea kif deskritti fil-valutazzjoni tar-riskju mibgħuta lill-Kummisjoni mill-Istat Membru Rapporteur.

Abbażi tat-tagħrif disponibbli, il-valutazzjoni tar-riskju ddeterminat li fil-Komunità Ewropea s-sustanza tintuża primarjament fil-manifattura tal-batteriji tan-nikil-kadmju, iżda wkoll bħala materja prima għal varjetà wiesgħa ta' komposti oħrajn tal-kadmju u primarjament f'pigmenti u fi stabilizzaturi. Il-kadmju jista' wkoll ikun preżenti bħala impurità u jista' jkun hemm esponiment waqt diversi attivitajiet li jinvolvu l-użu ta' materjali li ma fihomx ħadid (fost l-oħrajn proċessi ta' funderiji u ta' tidwib (mill-ġdid)). F'siti ta' ħidma fejn l-ossidu tal-kadmju jiġi prodott jew użat, il-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għal trabijiet u dħaħen l-aktar mill-inalazzjoni. Jista' jkun hemm esponiment tal-ġilda meta jkun hemm kuntatt mat-trab ta' l-ossidu tal-kadmju jew waqt operazzjonijiet ta' manutenzjoni. Għall-popolazzjoni ġenerali involuta fl-industrija tal-kadmju mhux permezz tax-xogħol, l-assorbiment tal-kadmju (ġeneriku, mhux speċifikament ossidu tal-kadmju) iseħħ l-aktar permezz ta' inġestjoni ta' ikel ikkontaminat mill-kadmju. It-tipjip tat-tabakk huwa sors ieħor importanti ta' esponiment għall-kadmju (l-aktar ossidu tal-kadmju) mill-inalazzjoni.

L-esponiment ambjentali għall-kadmju huwa kkalkulat abbażi ta' l-emissjonijiet tal-kadmju antropoġeniċi kollha magħrufin attwalment, i.e. kadmju li jiġi rilaxxat mill-produtturi u l-proċessuri tal-kadmju/ta' l-ossidu tal-kadmju u kadmju f'sorsi mxerrdin bħall-fertilizzanti, il-produzzjoni ta' l-azzar, il-kombustjoni taż-żejt u tal-faħam, it-traffiku, l-inċinerazzjoni ta' l-iskart, il-miżbliet ikkontrollati eċċ. Il-valutazzjoni ta' l-esponiment lokali hija bbażata fuq emissjonijiet mill-produtturi u l-proċessuri tal-kadmju/ta' l-ossidu tal-kadmju u tinkludi l-konċentrazzjoni ambjentali reġjonali mbassra. Il-valutazzjoni ta' esponiment reġjonali u kontinentali hija bbażata fuq l-emissjonijiet antropoġeniċi kollha tal-kadmju, inklużi emissjonijiet imxerrdin, u turi l-konċentrazzjoni li ntlaħqet wara 60 sena ta' emissjonijiet imxerrdin. Il-konċentrazzjonijiet reali tal-kadmju fl-ambjent (il-konċentrazzjonijiet ambjentali) jinkludu wkoll l-oriġini naturali tal-kadmju (minn oriġini ġeoloġiċi jew minn proċessi naturali) u l-kadmju li żdied fl-ambjent permezz tal-bniedem fil-passat (tniġġis storiku).

VALUTAZZJONI TAR-RISKJU

A.   Is-saħħa tal-bniedem

Is-sustanza ma ġietx ittestjata biżżejjed għall-effetti newrotossiċi possibbli, speċjalment fuq l-iżvilupp tal-moħħ. Ikun meħtieġ aktar tagħrif epidemjoloġiku u sperimentali biex jiġu identifikati b'mod aktar preċiż in-natura ta' l-effetti, il-karatterizzazzjoni ta' l-esponiment u l-mekkaniżmu ta' l-azzjoni relatati man-newrotossiċità. Madankollu, minħabba li s-sustanza ġiet identifikata bħala karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu, normalment tkun teħtieġ miżuri ta' kontroll li ma jiġux influwenzati mir-riżultat aħħari tat-tossiċità ta' l-iżvilupp.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-ĦADDIEMA

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar tossiċità akuta bħala konsegwenza ta' esponiment minn inalazzjoni li jista' jkun hemm waqt il-produzzjoni ta' l-ossidu tal-kadmju,

tħassib dwar effetti fuq fertilità u organi riproduttivi bħala kosegwenza ta' esponiment minn inalazzjoni mill-produzzjoni ta' l-ossidu tal-kadmju, mill-manifattura u r-riċiklaġġ tal-batteriji u mill-produzzjoni tal-pigmenti,

tħassib dwar irritazzjoni respiratorja, tossiċità tal-kliewi u ta' l-għadam minn dożi ripetuti, ġenotossiċità u karċinoġeniċità bħala konsegwenza ta' esponiment minn inalazzjoni mill-użijiet industrijali kollha, minħabba li s-sustanza hija meqjusa bħal karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-KONSUMATURI

hija li bħalissa m'hemmx il-ħtieġa għal aktar tagħrif u/jew ittestjar jew għal aktar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju minn dawk li qed jiġu applikati. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba li:

fost is-sitwazzjonijiet li ġew eżaminati fil-valutazzjoni tar-riskju, l-ossidu tal-Kadmju jintuża biss għall-manifattura tal-batteriji tan-Nikil-kadmju, u f'dan il-każ, huwa kkunsidrat li l-esponiment tal-konsumatur ma jeżistix jew huwa negliġibbli.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-BNEDMIN ESPOSTI MINĦABBA L-AMBJENT

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar tossiċità respiratorja bħala konsegwenza ta' esponiment (l-aktar mill-inalazzjoni) li jista' jkun hemm qrib ta' wħud mill-punti ta' sorsi,

tħassib dwar tossiċità tal-kliewi u ta' l-għadam minn dożi ripetuti bħala konsegwenza ta' esponiment ambjentali f'adulti li jpejpu jew/u li għandhom ħażna batuta ta' ħadid fil-ġisem jew/u jekk wieħed jgħix qrib punti ta' sorsi,

tħassib dwar ġenotossiċità u karċinoġeniċità bħala konsegwenza ta' esponiment ambjentali mis-sitwazzjonijiet ambjentali kollha, minħabba li s-sustanza hija kkunsidrata bħala karċinoġenu mingħajr valur ta' limitu.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għas-SAĦĦA TAL-BNIEDEM (proprjetajiet fiżikokimiċi)

hija li bħalissa m'hemmx il-ħtieġa għal aktar tagħrif u/jew ittestjar jew għal aktar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju minn dawk li qed jiġu applikati.

Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba li:

meta jitqies il-livell ta' kontroll fil-manifattura u fl-użu, ir-riskji minn proprjetajiet fiżikokimiċi huma żgħar.

B.   L-ambjent

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-EKOSISTEMA AKKWATIKA INKLUŻ IS-SEDIMENT

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar l-ekosistema akkwatika lokali f'ħames siti ta' produzzjoni tal-kadmju (metall tal-kadmju: sit wieħed) jew ta' proċessar tal-kadmju (żewġ siti ta' produzzjoni ta' pigmenti, siti/sitwazzjonijiet ta' kisi u ligi),

tħassib dwar l-ekosistema akkwatika lokali f'sit ta' riċiklaġġ wieħed,

tħassib dwar sit ta' miżbla kkontrollata li tnixxi direttament fl-ilma tal-wiċċ b'konċentrazzjoni ta' kadmju ta' 50 μg/L,

tħassib dwar l-ilmijiet fir-Renju Unit u fir-reġjun tal-Walloon tal-Belġju abbażi tal-medji reġjonali tad-90 perċentili tal-konċentrazzjonijiet tal-kamdju mkejlin fix-xmajjar u fil-lagi,

tħassib dwar organiżmi li jgħixu fis-sediment mis-settur tal-kisi u tal-ligi tal-kadmju,

tħassib dwar organiżmi li jgħixu fis-sediment f'erba' siti (wieħed ta' produzzjoni tal-metall tal-kadmju, tnejn ta' produzzjoni ta' pigment tal-kadmju u wieħed ta' riċiklaġġ tal-kadmju) u f'erba' sitwazzjonijiet ta' rimi (1 ta' inċinerazzjoni MSW u 3 ta' miżbliet ikkontrollati MSW) jekk għall-korrezzjoni tal-bijodisponibilità jintuża l-10 perċentili reġjonali l-aktar baxx ta' l-UE (dejta Ġermaniża minn tliet sistemi ta' xmajjar) mid-database tas-sulfidi ta' l-aċidu volatili.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-EKOSISTEMA TERRESTRI

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar siti ta' kisi tal-kadmju u ta' produzzjoni ta' ligi,

tħassib dwar reġjun wieħed (ir-Renju Unit) abbażi tad-90 perċentili tal-konċentrazzjonijiet tal-kadmju mkejlin fil-ħamrija Ewropea.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-ATMOSFERA

Ma tintlaħaq l-ebda konklużjoni għaliex: Ma saret l-ebda karatterizzazzjoni tar-riskju għall-atmosfera.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-MIKRO-ORGANIŻMI FL-IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAD-DRANAĠĠ

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar impjant għat-trattament tad-dranaġġ (STP) ta' fuq il-post u mhux ta' fuq il-post għall-industrija tal-kisi u tal-ligi,

tħassib dwar mikro-organiżmi ta' l-STP għal impjant wieħed ta' riċiklaġġ tal-batteriji tan-Nikil-kadmju li jarmi l-effluwenti tiegħu f'sit ta' l-STP mhux fuq il-post.

Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskji

għall-AVVELENAMENT SEKONDARJU

hija li hemm il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex ikunu limitati r-riskji. Din il-konklużjoni tintlaħaq minħabba:

tħassib dwar reġjun wieħed (ir-Renju Unit) abbażi tad-90 perċentili tal-konċentrazzjonijiet tal-kadmju mkejlin fil-ħamrija Ewropea.

STRATEĠIJA BIEX IKUNU LIMITATI R-RISKJI

għall-ĦADDIEMA

Il-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħaddiema li bħalissa hija fis-seħħ fuq livell Komunitarju b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2004/37/KE (3) (id-Direttiva tal-Karċinoġeni u l-Mutaġeni), hija ġeneralment meqjusa li toffri qafas xieraq biex ikunu limitati r-riskji tas-sustanza sa fejn meħtieġ u għandha tapplika.

Fi ħdan dan il-qafas huwa rakkomandat li:

jiġu stabbiliti valuri ta' limitu għall-esponiment fuq il-post tax-xogħol u valur ta' limitu bijoloġiku għall-ossidu tal-kadmju skond id-Direttiva 98//24/KE (4) jew id-Direttiva 2004/37/KE kif xieraq.

għall-BNEDMIN ESPOSTI MILL-AMBJENT

li tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-limiti ta' l-ossidu tal-kadmju fl-oġġetti ta' l-ikel li hemm fir-Regolament 1881/2006/KE (6) li tiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel,

jiġi kkunsidrat l-iffissar ta' limitu għall-kadmju f'taħlita/f'weraq tat-tabakk skond id-Direttiva tal-Kunsill 2001/37/KE (Direttiva tal-Prodotti tat-Tabakk) (7),

jiġi kkunsidrat fuq livell Komunitarju l-iffissar ta' konċentrazzjonijiet massimi għall-ossidu tal-kadmju fil-fertilizzanti billi jitqiesu l-varjetajiet ta' kundizzjonijiet f'kull parti tal-Komunità.


(1)  Il-klassifikazzjoni tas-sustanza hija stabbilita mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE tad-29 ta' April 2004 (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1 u ĠU L 216, 16.6.2004, p. 3) li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi.

(2)  Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tar-Riskju komprensiv jista' jinsab fuq is-sit ta' l-internet ta' l-Uffiċċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi:

http://ecb.jrc.it/existing-substances/

(3)  ĠU L 158, 30.4.2004.

(4)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

(5)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201.

(6)  ĠU L 394, 20.12.2006, p. 5.

(7)  ĠU L 194, 18.7.2001.

(8)  Il-klassifikazzjoni tas-sustanza hija stabbilita mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE tad-29 ta' April 2004 (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1 u ĠU L 216, 16.6.2004, p. 3) li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi.


Top