EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CA0268

Kawża C-268/06: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal- 15 ta' April 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Labour Court, l-Irlanda) — Impact vs Minister for Agriculture and Food, Minister for Arts, Sport and Tourism, Minister for Communications, Marine and Natural Resources, Minister for Foreign Affairs, Minister for Justice, Equality and Law Reform, Minister for Transport (Direttiva 1999/70/KE — Klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss — Impjieg għal żmien fiss fis-servizz pubbliku — Kundizzjonijiet ta' l-impjieg — Pagi u pensjonijiet — Tiġdid ta' kuntratti għal żmien fiss għal perijodu li jwassal sa tmien snin — Awtonomija proċedurali — Effett dirett)

ĠU C 142, 7.6.2008, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 142/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' April 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Labour Court, l-Irlanda) — Impact vs Minister for Agriculture and Food, Minister for Arts, Sport and Tourism, Minister for Communications, Marine and Natural Resources, Minister for Foreign Affairs, Minister for Justice, Equality and Law Reform, Minister for Transport

(Kawża C-268/06) (1)

(Direttiva 1999/70/KE - Klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss - Impjieg għal żmien fiss fis-servizz pubbliku - Kundizzjonijiet ta' l-impjieg - Pagi u pensjonijiet - Tiġdid ta' kuntratti għal żmien fiss għal perijodu li jwassal sa tmien snin - Awtonomija proċedurali - Effett dirett)

(2008/C 142/05)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Labour Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Impact

Konvenuti: Minister for Agriculture and Food, Minister for Arts, Sport and Tourism, Minister for Communications, Marine and Natural Resources, Minister for Foreign Affairs, Minister for Justice, Equality and Law Reform, Minister for Transport

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Labour Court — Interpretazzjoni tal-klawżoli 4(1) [prinċipju ta' non-diskriminazzjoni] u 5(1) [miżuri għall-prevenzjoni ta' l-użu abużiv ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss] ta' l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, p. 43) — Rikors intiż sabiex jinvoka l-effett dirett ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet — Nuqqas ta' kompetenza, skond id-dritt nazzjonali, tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża — Kompetenza skond id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari skond il-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività

Dispożittiv

1)

Il-liġi Komunitarja, b'mod partikolari l-prinċipju ta' effettività, teżiġi li qorti speċjalizzata, inkarigata, fil-kuntest tal-kompetenza li ġiet ikkonferita lilha, anki b'mod volontarju, mil-leġiżlazzjoni li tassigura t-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, biex tisma' talba bbażata fuq ksur ta' din il-leġiżlazzjoni, tiddikjara ruħha kompetenti biex tisma' wkoll pretensjonijiet tar-rikorrent ibbażati direttament fuq din id-Direttiva stess għall-perijodu inkluż bejn id-data ta' meta skada t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni msemmija, jekk jirriżulta li l-obbligu li dan ir-rikorrent għandu li jressaq, b'mod parallel, quddiem qorti ordinarja, talba separata direttament ibbażata fuq l-imsemmija Direttiva kellu jwassal għal inkonvenjenti proċedurali ta' natura tali li jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li huma għandhom abbażi tas-sistema legali Komunitarja. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f'dan ir-rigward.

2)

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta' Marzu 1999, li huwa anness mad-Direttiva 1999/70, hija mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista' tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali. Min-naħa l-oħra, dan mhuwiex il-każ fil-konfront tal-klawżola 5(1) ta' l-imsemmi ftehim qafas.

3)

L-Artikoli 10 KE u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, kif ukoll id-Direttiva 1999/70, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità ta' Stat Membru li taġixxi fil-kwalità ta' persuna pubblika li tħaddem mhijiex awtorizzata li tadotta miżuri, li jmorru kontra l-għan persegwit mid-Direttiva msemmija u mill-ftehim qafas f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni ta' l-użu abużiv tal-kuntratti għal żmien fiss, li jikkonsistu fit-tiġdid ta' tali kuntratti għal terminu insolitament twil matul il-perijodu ta' bejn id-data ta' l-iskadenza tat-terminu ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva u dik tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li tassigura din it-traspożizzjoni.

4)

Safejn il-liġi nazzjonali applikabbli tinkludi fiha regola li teskludi l-applikazzjoni retroattiva ta' liġi fin-nuqqas ta' indikazzjoni ċara u mhux ambigwa li tgħid mod ieħor, qorti nazzjonali, li jkollha quddiema talba bbażata fuq ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 1999/70, mhijiex marbuta, skond il-liġi Komunitarja, li tikkonferixxi effett retroattiv lid-dispożizzjoni msemmija b'effett mid-data ta' l-iskadenza tat-terminu ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva ħlief jekk teżisti, f'din il-liġi nazzjonali, indikazzjoni ta' din in-natura, li tkun ta' natura tali li tikkonferixxi tali effett retroattiv lil din id-dispożizzjoni

5)

Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg skond din il-klawżola jinkludu l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-pagi kif ukoll il-pensjonijiet li jiddependu fuq ir-relazzjoni ta' impjieg, bl-esklużjoni tal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-pensjonijiet li jirriżultaw minn sistema legali ta' sigurtà soċjali.


(1)  ĠU C 212, 2.9.2006.


Top