This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008XG0606(02)
Council conclusions of 22 May 2008 on adult learning
Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti
Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti
ĠU C 140, 6.6.2008, p. 10–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 140/10 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti
(2008/C 140/09)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Billi:
(1) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tar-Rebbiegħa 2000 (1) appellaw sabiex is-sistemi Ewropej edukattivi u ta' taħriġ jiġu mmodernizzati b'rispons għad-domanda ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien u ta' l-isfidi dejjem jiżdiedu soċjo-ekonomiċi u demografiċi li qed jikkonfrontaw lill-Unjoni f'dinja globalizzata. |
(2) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tar-Rebbiegħa 2002 (2) ħeġġew lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom il-kwalifiki bażiċi, kif ukoll biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-ħaddiema ta' età akbar biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jkun garantit aċċess reali għat-tagħlim tul il-ħajja. |
(3) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja (3) enfasizzat li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkopri t-tagħlim mill-età ta' qabel l-iskola sa dak ta' wara l-irtirar, inkluż l-ispektrum kollu tat-tagħlim formali, non-formali u dak informali. |
(4) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (4) nnotat li l-adattabbilità u l-impjegabbiltà ta' l-adulti, inklużi l-ħaddiema ta' età akbar, tiddependi ħafna mill-opportunitajiet li jiġu aġġornati u li jinkisbu kompetenzi ġodda matul il-ħajja tax-xogħol. |
(5) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2004 dwar it-tisħiħ tal-linji politiċi, is-sistemi u l-prattiki fil-qasam tal-gwida (5) enfasizzat li ċ-ċittadini Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta' gwida fl-istadji kollha tal-ħajja, b'attenzjoni partikolari għall-individwi u l-gruppi f'riskju. |
(6) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2004 dwar il-prinċipji komuni Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim non-formali u informali (6), kif stabbilit b'rispons għad-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen ta' Novembru 2002, appellaw għall-iżvilupp u t-tixrid ta' strumenti Ewropej biex jiġi rikonoxxut it-tagħlim non-formali u informali. |
(7) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (7) għandha l-għan fost oħrajn li jkun żgurat li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi tagħhom matul ħajjithom u li jkun hemm infrastruttura adatta biex jitkomplew l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' l-adulti. |
(8) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2007 dwar qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ (8) appellaw biex jiġi segwit l-iżvilupp ta' l-indikaturi dwar il-kompetenzi ta' l-adulti. |
(9) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (9) tippromwovi approċċ tad-deskrizzjoni tal-kwalifiki bbażati fuq riżultati tat-tagħlim, irrespettivament minn kif jew fejn dawn inkisbu. |
(10) |
Ir-rapport ta' progress konġunt 2008 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” jenfasizza li l-livell baxx tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ta' età akbar u ta' kompetenzi fit-tagħlim għall-adulti b'kompetenzi limitati jibqa' problema maġġuri. |
(11) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti: Qatt ma huwa tard wisq li titgħallem (10) iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-akkwist ta' l-għarfien u jiżviluppaw kultura ta' tagħlim tul il-ħajja, notevolment billi jiġu implimentati linji ta' politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi mfassla biex jagħmlu l-edukazzjoni għall-adulti aktar attraenti, aktar aċċessibbli u aktar effettiva, |
JILQA' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2006: Qatt ma huwa tard wisq li titgħallem (11) u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Settembru 2007 Dejjem huwa ħin f'waqtu li titgħallem (12), li t-tnejn li huma jenfasizzaw l-importanza tat-tagħlim għall-adulti bħala komponent prinċipali u jappella lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakoli għall-parteċipazzjoni, iżidu l-kwalità u l-effiċjenza ġenerali fit-tagħlim għall-adulti, biex jaċċelleraw il-proċess ta' validazzjoni u rikonoxximent u biex jiżguraw investiment suffiċjenti fi u l-monitoraġġ tal-qasam.
JIRRIKONOXXI r-rwol prinċipali li t-tagħlim għall-adulti jista' jkollu fil-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, billi jrawwem il-koeżjoni soċjali, jipprovdi liċ-ċittadini l-kompetenzi meħtieġa biex isibu impjiegi ġodda u jgħin lill-Ewropa biex twieġeb aħjar għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. B'mod partikolari, hemm ħtieġa biex:
(1) |
jitjiebu l-livelli tal-kompetenzi ta' numru li għadu sinifikanti ta' ħaddiema b'kompetenzi limitati, bil-ħsieb li ċ-ċittadini kollha jkun jistgħu jadattaw għall-bidla teknoliġika u l-ħtiġiet ta' kompetenzi futuri u b'hekk jikkontribwixxu għat-titjib ġenerali tal-prestazzjoni ekonomika; |
(2) |
tiġi indirizzata l-problema tan-numru persistentament għoli ta' dawk li jħallu l-iskola minn qabel billi jingħata ċans ieħor lil dawk li jilħqu l-età adulta mingħajr kwalifiki, b'fokus fuq oqsma ta' tħassib partikolari, bħal-litteriżmu u n-numeriżmu bażiku, il-kompetenzi ta' l-IT u t-tagħlim tal-lingwi; |
(3) |
il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali minħabba ċirkostanzi bħal livelli baxxi ta' l-edukazzjoni inizjali, il-qgħad u l-iżolament rurali, filwaqt li tingħata aktar attenzjoni — fil-konfront tat-tendenzi attwali demografiċi u ta' migrazzjoni — għat-tagħlim tul il-ħajja u l-ħtiġiet ta' taħriġ għall-ħaddiema ta' età akbar u l-migranti; |
(4) |
tiġi żgurata l-effiċjenza, l-effettività u l-kwalità tat-tagħlim għall-adulti, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni attiva f'tali tagħlim, speċjalment fost il-gruppi svantaġġati, li jiġi attirat l-investiment suffiċjenti privat u pubbliku f'dan il-qasam, u biex is-settur privat ikun inkoraġġut biex jikkunsidra tali tagħlim bħala komponent ewlieni ta' l-iżvilupp tal-post tax-xogħol u n-negozju. |
JIKKUNSIDRA li t-tagħlim għall-adulti jista' jagħmel kontribut importanti biex jinkisbu tali ħtiġiet billi jipprovdi mhux biss benefiċċji ekonomiċi u soċjali, bħal impjegabbiltà akbar, aċċess għal impjiegi ta' kwalità itjeb, ċittadinanza aktar responsabbli u aktar partiċipazzjoni ċivika, iżda wkoll benefiċċji individwali bħal awto-realizzazzjoni akbar, saħħa u benesseri mtejba u awto-stima msaħħa u għaldaqstant li:
(1) |
it-tagħlim għall-adulti għandu jingħata enfasi aktar qawwija u appoġġ aktar effettiv fil-livell nazzjonali, bħala parti mill-isforzi ġenerali biex tiġi żviluppata kultura ta' tagħlim tul il-ħajja; |
(2) |
il-miżuri speċifiċi dettaljati fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet jistgħu jifformaw qafas koerenti għal azzjoni futura f'dan il-qasam fil-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”; |
(3) |
l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri ta' tali miżuri għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, u għandhom jużaw il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni; |
(4) |
il-progress u l-monitoraġġ tat-tagħlim għandhom ikunu konsistenti mal-qafas koerenti ta' l-indikaturi u l-punti ta' referenza adottati mill-Kunsill f'Mejju 2007 u għandhom ikunu inklużi fir-rapporti futuri konġunti tal-progress dwar il-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ”; |
(5) |
in-natura, id-diversità, il-komplessità u r-rikkezza trasversali tat-tagħlim għall-adulti jimponu l-ħtieġa għal approċċ integrat li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, inklużi dawk fil-livell lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali u l-NGOs; |
Għalhekk JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI jindirizzaw il-kwistjonijiet marbutin mat-tagħlim għall-adulti identifikati f'dawn il-konklużjonijiet, b'mod partikolari billi jiġu implimentati l-miżuri delineati fl-Anness hawnhekk skond il-kuntest speċifiku u l-prijoritajiet ta' l-Istati Membri,
u JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI biex:
— |
tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tat-tagħlim għall-adulti f'termini mhux biss ta' aktar opportunitajiet, aċċess usa' u parteċipazzjoni akbar, iżda wkoll ta' eżiti tat-tagħlim rilevanti orjentati lejn ir-riżultati, bl-użu ta' miżuri bħal dawk delineati fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet, |
— |
tiżgura l-komplementarjetà u l-koerenza bejn is-segwitu mogħti lil kwalunkwe tali miżura u implimentazzjoni tal-proċessi ta' Bolonja u Kopenħagen, safejn dawn jirreletaw ma' studenti adulti, |
— |
issaħħaħ u tuża l-istruttura eżistenti ta' riċerka għall-ħtiġijiet ta' l-edukazzjoni għall-adulti, |
— |
issegwi u tintensifika l-kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi non-governattivi rilevanti li jaħdmu f'dan il-qasam, kif ukoll tistabbilixxi rabtiet ma' inizjattivi reġjonali bħall-kooperazzjoni Ewropa-Asja u inizjattivi dinjija bħall-“Edukazzjoni għal Kulħadd” u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp. |
(1) SN 100/00.
(2) SN 100/02, paragrafi 32 u 33.
(5) 9286/04.
(6) 9600/04.
(7) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(8) ĠU C 311, 21.12.2007, p. 13.
(9) Ir-referenza tal-ĠU għad trid tiġi pprovduta.
(10) (2007/2114 (INI)) — P6_TA-PROV(2008)0013.
(11) 14600/06 — COM(2006) 614 finali.
(12) 13426/07 — COM(2007) 558 finali.
ANNESS
MIŻURI SPEĊIFIĊI GĦALL-PERIJODU 2008-2010
A. MILL-KUMMISSJONI, BIL-KOOPERAZZJONI TA' L-ISTATI MEMBRI
1. |
L-analiżi ta' riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell nazzjonali, speċjalment l-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali għall-kwalifiki fir-rigward tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u s-sistemi għat-trasferiment tal-kreditu rigward kemm għat-tagħlim formali, non-formali kif ukoll dak informali, bil-ħsieb li jitjieb l-aċċess ta' l-adulti għas-sistemi għall-kwalifiki. |
2. |
L-analiżi ta' l-impatt tar-riformi nazzjonali ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ f'termini tad-distribuzzjoni tar-riżorsi ta' finanzjament fil-gruppi kollha ta' etajiet varji, f'konformità ta' l-approċċ tat-tagħlim tul il-ħajja. |
3. |
L-appoġġ ta' l-iżvilupp ta' l-opportunitajiet, il-kondizzjonijiet u r-riżorsi ta' karriera — ibbażati fuq il-prattika tajba eżistenti fl-Istati Membri — għal dawk li jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti, sabiex titjieb il-viżibbiltà u l-istatus tal-professjoni. |
4. |
It-twettiq ta' riċerka ulterjuri dwar l-iżvilupp ta' kriterji ta' kwalità għall-fornituri tat-tagħlim għall-adulti. |
5. |
It-tfassil ta' inventarju komuni ta' prattika tajba u proġetti mmirati lejn il-motivazzjoni ta' dawk il-gruppi li huma partikolarment diffiċli biex jintlaħqu, l-identifikazzjoni tal-fatturi ewlenin għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, u t-tisħiħ ta' l-awto-stima tagħhom. |
6. |
L-identifikazzjoni ta' prattika tajba fil-valutazzjoni ta' l-eżiti tat-tagħlim, partikolarment dawk tal-ħaddiema b'kompetenzi limitati u ta' età akbar u tal-migranti akwistati barra s-sistema għat-tagħlim formali. |
7. |
Il-produzzjoni ta' glossarju ta' definizzjonijiet maqbulin użati fit-tagħlim għall-adulti u, l-użu tal-ġabriet tad-data eżistenti, inkluzi dawk ta' l-OECD, u l-konsistenza mar-Regolament 2008 dwar l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja (1), l-istabbiliment ta' sett ta' data ċentrali komparabbli fil-livell Ewropew meħtieġa biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ (Għandu jiġi żgurat id-dritt ta' parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri kollha f'din il-ħidma). |
8. |
L-appoġġ għall-miżuri biex jissaħħaħ il-post tat-tagħlim għall-adulti fil-kuntest ta' l-istrateġiji nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja. |
9. |
L-appoġġ għall-kampanji mmirati li jżidu s-sensibilizzazzjoni u l-motivazzjoni fost studenti potenzjali u b'hekk tiżdied il-parteċipazzjoni ġenerali fit-tagħlim għall-adulti. |
B. MILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI
1. |
Il-promozzjoni u l-appoġġ għall-iskambju tal-prattika tajba, it-tagħlim reċiproku u l-iżvilupp ta' proġetti konġunti fil-qasam ta' l-edukazzjoni għall-adulti bejn il-partijiet interessati fl-Istati Membri. |
2. |
Bħala parti mill-isforz lejn l-iżvilupp ta' kultura ta' tagħlim tul il-ħajja, b'kooperazzjoni mill-qrib fl-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' l-ostakoli għat-tagħlim għall-adulti, u fl-istabbiliment ta' provediment u faċilitajiet ta' kwalità għolja u mmexxija mid-domanda għall-qasam tat-tagħlim għall-adulti, inkluż it-tagħlim elettroniku u l-opportunitajiet għat-tagħlim minn distanza. |
3. |
L-inkorraġġiment għall-istituzzjonijiet kemm ta' edukazzjoni ogħla kif ukoll ta' edukazzjoni vokazzjonali biex jintlaħqu aktar studenti adulti, kif ukoll l-iżvilupp ta' sħubijiet mal-komunità tan-negozji biex dawk li jimpjegaw jiġu motivati biex jorganizzaw, u biex l-impjegati jipparteċipaw fit-tagħlim għall-adulti fuq il-post tax-xogħol. |
4. |
Il-ħidma lejn l-objettiv li jiġi faċilitat l-aċċess għal u tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti miċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u li jixtiequ “ċans ieħor”, dawk bi ħtiġiet speċjali u dawk b'kompetenzi bażiċi insuffiċjenti jew b'kisbiet baxxi fl-edukazzjoni, bil-għan li jiġu inkorraġġuti jtejbu l-kwalifiki tagħhom. |
5. |
L-iżgurar ta' l-użu effettiv u effiċjenti tal-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Fondi Strutturali Ewropej u sorsi simili oħrajn ta' finanzjament, biex jitjieb it-twassil ta' l-opportunitajiet ta' tagħlim għall-adulti. |
6. |
Il-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi għall-gwida tul il-ħajja li jistgħu jipprovdu l-adulti b'informazzjoni u parir indipendenti, l-analiżi tal-kompetenzi individwali u l-gwida personalizzata dwar il-karrieri. |
7. |
Il-konsiderazzjoni — mill-perspettiva ta' kost/benefiċċju — tal-kontribut tat-tagħlim għall-adulti għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku. |
8. |
L-iffaċilitar ta' l-iżvilupp ta' metodoloġji u għodod meħtieġa biex jiġu valutati l-kompetenzi u l-kompetenzi ewlenin — inklużi dawk akkwistati prinċipalment barra mis-sistema għat-tagħlim formali — u jiġu validati u definiti f'termini ta' eżiti tat-tagħlim, filwaqt li jsir investiment fil-promozzjoni tal-proċeduri ta' validazzjoni u rikonoxximent. |
9. |
L-isforz biex jiġi żgurat sehem adegwat għat-tagħlim għall-adulti meta jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji fid-diversi setturi edukattivi kollha, f'konformità ma' l-approċċ tat-tagħlim tul il-ħajja. |
10. |
Il-promozzjoni ta' l-involviment attiv ta' l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, inklużi l-NGOs, fil-ksib ta' provediment ta' kwalità għolja mfassal għall-ħtiġijiet tad-diversi kategoriji ta' l-istudenti. Għandha titqiegħed enfasi speċjali fuq l-approċċi tat-tagħlim ICT u l-iżvilupp ta' kompetenzi ICT. |
11. |
Ir-rinfurzar tal-kooperazzjoni mas-CEDEFOP u l-Istitut ta' l-UNESCO għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, kif ukoll l-użu sħiħ tal-kapaċitajiet tar-riċerka ta' isitituzzjonijiet internazzjonali oħrajn, fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim għall-adulti. |
12. |
Abbażi tar-riżultati miksubin wara l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, tiġi kkunsidrata azzjoni possibbli ulterjuri lil hinn mill-2010 skond is-segwitu tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ”. |
(1) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 li jikkonċerna l-produzzjoni u l-iżvilupp ta' statistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja — Doc. PE-CONS 3659/3/07 REV 3/Ir-referenza tal-ĠU għad trid tiġi pprovduta.