EUR-Lex Juurdepääs Euroopa Liidu õigusaktidele

Tagasi EUR-Lexi avalehele

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 62008CN0038

Kawża C-38/08 P: Appell ippreżentat fil- 11 ta' Frar 2008 minn Jörn Sack mis-sentenza mogħtija fil- 11 ta' Diċembru 2008 fil-Kawża T-66/05, Jörn Sack vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 107, 26.4.2008, lk 11—12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 107/11


Appell ippreżentat fil-11 ta' Frar 2008 minn Jörn Sack mis-sentenza mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2008 fil-Kawża T-66/05, Jörn Sack vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-38/08 P)

(2008/C 107/17)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Jörn Sack (rappreżentanti: U. Lehmann-Brauns u D. Mahlo, Rechtsanwalte)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 2007, fil-Kawża T-66/05 u (billi tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' ugwaljanza, fuq il-kwistjonijiet ta' dritt li b'mod żbaljat baqgħu mingħajr risposta) tilqa' r-rikors billi tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-iffissar tal-ħlas ta' kull xahar tar-rikorrent għax-xahar ta' Mejju 2004

sussidjarjament, tannulla s-sentenza ċċitata hawn fuq u tirreferi lura l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza għal deċiżjoni mill-ġdid, sabiex din tiddeċiedi fuq il-ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza minħabba fin-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest ta' l-għoti taż-żieda għal kariga skond l-Artikolu 44(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li biha l-appellant, bħala koordinatur tal-grupp ta' ħidma tas-servizzi legali tal-Kummissjoni għal kwistjonijiet kollha ġuridiċi relatati mat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, m'għandhux dritt għaż-żieda prevista għall-kap ta' diviżjoni, hija bbażata fuq l-aggravji li ġejjin.

L-ewwel aggravju: il-Qorti tal-Prim'Istanza ma fehmitx is-sinjifikat u l-portata tal-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza applikabbli taħt id-dritt Komunitarju u għaldaqstant kisritu.

Il-prinċipju ta' ugwaljanza huwa applikabbli kemm fid-definizzjoni ġenerali tiegħu kif ukoll fl-espressjoni specifika tiegħu bħala projbizzjoni ta' diskriminazzjoni taħt l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Europea u minn żmien twil huwa rrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala dritt Komunitarju ta' livell superjuri. L-osservanza tal-prinċipju ta' trattament ugwali jirrappreżenta fid-dritt Komunitarju mhux biss obbligu għall-istituzzjonijiet kollha, iżda wkoll dritt suġġett għat-trattament ugwali għal kull persuna kkonċernata minn att ta' dawn l-istituzzjonijiet. Billi — hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet żmien ilu fis-sentenzi ċċitati tagħha — dan id-dritt jibbenefika minn prijorità fuq id-dritt Komunitarju sekondarju, l-importanza ta' dan id-dritt bħala dritt fundamentali għandha tittieħed sew in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-interpretazzjoni u ta' l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha wkoll tirrispetta l-prinċipju ta' trattament ugwali fil-kuntest tar-regoli tal-proċedura u ta' proċeduri differenti.

Fl-argumentazzjoni kollha tiegħu, ir-rikorrent kontinwament invoka l-prinċipju ta' ugwaljanza, u mhux ir-Regolamenti tal-Persunal, u invoka l-fatt li huwa eżerċita funzjonijiet li mhux biss huma ekwivalenti għal dawk ta' kap ta' diviżjoni, iżda li għandhom jitqiesu li huma ta' valur għola, meta mqabbla mal-funzjonijiet ta' numru ta' kapijiet ta' diviżjoni, f'dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta' funzjonijiet ta' livell intermedju. Billi l-Qorti tal-Prim'Istanza ma pproċedietx għal eżami komparattiv tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik ta' kategoriji oħra ta' uffiċjali li bbenefikaw miż-żieda, hija tkun qed tipprivah mid-dritt fundamentali tiegħu għall-protezzjoni minn trattament arbitrarju u għalhekk tikser il-prinċipju ta' ugwaljanza.

It-tieni aggravju: il Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju tal-loġika ġuridika.

Meta jiġi invokat trattament arbitrarju fost numru ta' persuni kkonċernati, l-ugwaljanza u ċ-ċertezza legali jistgħu biss jiġu żgurati jekk il-qorti tikkonstata li s-sitwazzjoni paragunabbli ma teżistix jew jekk tistabbilixxi li l-persuni kkonċernati li għalihom tezisti sitwazzjoni paragunabbli indebitament jibbenefikaw minn dan il-vantaġġ u li, konsegwentement, ir-rikorrent ukoll mhuwiex intitolat għalih. Minn dawn il-prinċipji tal-loġika ġuridika jirriżulta li, sabiex jiġi miċħud ir-rikors, jeħtieġ li tiġi eżaminata għallinqas waħda miż-żewġ kwistjonijiet li ġejjin u li fir-rigward tar-rikorrent r-risposta għandha tkun fin-negattiv. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tiddeċiedi jekk il-funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċjali li l-Kummissjoni tqiegħed tassimila għal kap ta' diviżjoni huma ekwivalenti għal dawk imwettqa mir-rikorrent, u t-tieni nett, hija kellha tistabbilixxi jekk lil dawn l-uffiċjali ż-żieda għal kariga ngħatatx debitament jew indebitament.

Billi dawn iż-żewġ kwistjonijiet baqgħu bla risposta, sabiex dawn jiġu kkunsidrati bħala nieqsa minn rilevanza ġuridika għandu jiġi preżunt li r-rikors kellu jiġi miċħud anki jekk dawn iż-żewġ kwistjonijiet kellu jingħatalhom risposta fis-sens ta' l-argumenti tar-rikorrenti. Madankollu konklużjoni bħal din mhijiex possibbli. Billi l-Qorti tal-Prim'Istanza ma eżaminatx il-kwistjoni tal-legalità ta' l-inklużjoni mill-Kummissjoni ta' kategoriji oħra ta' uffiċjali bil-preċiżjoni prevista mid-dritt, jiġifieri billi tingħata prijorità lill-prinċipju ta' ugwaljanza meta mqabbel mad-dritt Komunitarju sekondarju, għandu jiġi preżunt li eżami bħal dan kellu jwassal għall-konklużjoni li, billi l-Kummissjoni estendiet din għal kategoriji oħra hija għamlet dan legalment. Bil-kontra ta' l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti għalhekk mhux qed jitlob trattament ugwali fl-illegalità, iżda trattament ugwali skond il-liġi.

It-Tielet aggravju: il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipji elementari tal-proċedura ordinarja.

Skond l-appellanti, ir-rifjut assolut ta' verifika ta' l-eżistenza ta' l-allegat ksur ta' dritt fundamentali jikkostitwixxi ksur iktar serju minn żball ta' liġi dwar il-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-dritt fundamentali effettivament kienx suġġett għal ksur jew le, billi l-persuna kkonċernata tkun qed titneħħila l-protezzjoni offruta mid-dritt fundamentali. Huwa biss fil-każ fejn l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li jgħid li d-dritt fundamentali ġie miksur, tkun totalment nieqsa mill-fondatezza jew jekk il-fatti invokati fil-kuntest tat-tqabbil tas-sitwazzjonijiet ma jikkonfermawx l-affermazzjoni, li ezami tal-mertu dwar il-ksur tad-dritt fundamentali tista' tiġi eżentata. Iżda dan bl-ebda mod mhuwa l-każ f'din il-kawża. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hekk qed tikser prinċipji elementari tal-proċedura ordinarja. Għalhekk, is-sentenza u l-motivi li hija tindika, ma tistax tinżamm.


Üles