EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IG0227(01)

Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Renju ta' Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju ta' l-Olanda, tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju ta' l-Iżvezja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' … dwar it-tisħiħ ta' l-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI

ĠU C 54, 27.2.2008, p. 4–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 54/4


Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Renju ta' Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju ta' l-Olanda, tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju ta' l-Iżvezja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' … dwar it-tisħiħ ta' l-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI

(2008/C 54/02)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 31 u 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Renju ta' Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju ta' l-Olanda, tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju ta' l-Iżvezja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ ta' l-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Eurojust ġie stabbilit bid-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI (1) bħala korp ta' l-UE b'personalità ġuridika, sabiex jiġu stimulati u mtejba l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istati Membri.

(2)

Wara aktar minn 5 snin, wasal il-waqt li tiġi valutata l-espjerenza miksuba mill-Eurojust u li tissaħħaħ aktar l-effikaċja operattiva tagħha billi jittieħed kont ta' dik l-esperjenza.

(3)

Wasal il-waqt li jiġi żgurat li l-Eurojust issir aktar operattiva u li l-istatus tal-Membri Nazzjonali jiġu approssimati.

(4)

L-istabbiliment ta' Ċellula għall-Koordinazzjoni ta' Emerġenza fl-Eurojust hu meħtieġ sabiex l-Eurojust issir disponibbli kull ħin tal-ġurnata u sabiex tkun tista' tintervjeni f'każijiet urġenti.

(5)

Is-sistemi ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri sabiex tiġi kkoordinata l-ħidma mwettqa mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust, il-korrispondent nazzjonali għall-kwistjonijiet ta' terroriżmu, il-korrispondent nazzjonali għan-Network Ġudizzjarju Ewropew, punti ta' kuntatt oħrajn tan-Network Ġudizzjarju Ewropew u r-rappreżentanti fin-Network għal Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunta u tan-Networks stabbiliti bid-Deċiżjoni 2002/494/ĠAI (2) (networks ta' delitti tal-gwerra), bid-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI (3) (uffiċċji għall-irkupru ta' l-assi) u bi kwalunkwe Deċiżjoni futura dwar punt ta' kuntatt kontra l-korruzjoni.

(6)

Teħtieġ li tiġi riżolta l-kwistjoni ta' sforzi doppji u l-kjarifika tad-diviżjoni tal-ħidma bejn l-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew, filwaqt li tinżamm l-ispeċifiċità tan-Network Ġudizzjarju Ewropew. Filwaqt li jżomm l-ispeċifiċità bħala network u l-kapaċitajiet nazzjonali u operattivi tiegħu, in-Network Ġudizzjarju Ewropew għandu jkun jista' juża l-baġit Komunitarju għall-ispejjeż operattivi tiegħu.

(7)

Hu meħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-Eurojust li taħdem ma mseħbin esterni, bħal pajjiżi terzi, l-Europol, l-OLAF u l-FRONTEX.

(8)

Għandu jsir provvediment sabiex l-Eurojust tissekonda maġistrati ta' kollegament lil pajjiżi terzi,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Kull membru nazzjonali għandu jkun assistit minn deputat wieħed u minn persuna oħra bħala membru assistent. Il-membru nazzjonali jew, fl-assenza tiegħu, id-deputat tiegħu, għandhom ikollhom il-post permanenti tax-xogħol tagħhom fis-sede ta' l-Eurojust. Jekk meħtieġ u bi ftehim mal-Kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 10, diversi persuni jistgħu jassistu lill-membru nazzjonali, jew bħala assistenti jew bħala esperti nazzjonali sekondati skond l-Artikolu 30.”;

(b)

il-paragrafi li ġejjin jiżdiedu wara l-paragrafu 2:

“3.   Id-deputat għandu jissostitwixxi lill-membru nazzjonali f'każ ta' assenza. Assistent jista' wkoll jissostitiwixxi lill-membru nazzjonali. sabiex jissostitwixxu lill-membru nazzjonali, id-deputat u l-assistent għandhom jissodisfaw il-kriterji previsti fil-paragrafu 1.

4.   L-Eurojust għandha wkoll tkun konnessa mas-sistema ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust skond l-Arikolu 12. L-ispejjeż operattivi ta' din is-sistema għandhom ikunu jistgħu jiġu koperti mill-baġit ta' l-Eurojust skond l-Artikolu 33.

5.   L-Eurojust għandha jkollha l-possibbiltà li tibgħat maġistrati ta' kollegament f'pajjiżi terzi f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.”;

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-kompetenza ġenerali ta' l-Eurojust għandha tkopri:

(a)

it-tipi ta' kriminalità u r-reati li fir-rigward tagħhom l-Europol hi f'kull ħin kompetenti li taġixxi skond l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Europol tas-26 ta' Lulju 1995 u l-Anness magħha.

(b)

reati oħrajn mwettqin flimkien mat-tipi ta' kriminalità u mar-reati msemmijin fil-punt (a).”;

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Ċellula għall-Koordinazzjoni ta' Emerġenza (ECC)

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha abbażi ta' emerġenza, l-Eurojust għandha tistabbilixxi ‘Ċellula għall-Koordinazzjoni ta' Emerġenza’ (ECC).

2.   L-ECC għandha tkun komposta minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, li jista' jkun jew il-membru nazzjonali, id-deputat tiegħu jew tagħha, jew assistent intitolat li jissostitwixxi l-membru nazzjonali L-ECC għandha tkun kuntattabbli u tkun tista' taġixxi fi kwalunkwe mument kull erbgħa u għoxrin siegħa.

3.   Meta f'każi urġenti, teħtieġ titwettaq talba għal koperazzjoni ġudizzjarja f'diversi Stati Membri, l-awtorità kompetenti tista' tressaqha lill-ECC permezz tar-rappreżentant ta' l-Istat Membru tagħha fl-ECC. Ir-rappreżentant ta' l-Istat membru konċernat fl-ECC għandu jibgħat it-talba sabiex titwettaq lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri rilevanti. Fejn ma ġiet identifikata l-ebda awtorità nazzjonali jew mhuwiex possibbli li tiġi identifikata b'mod f'waqtu, il-membru ta' l-ECC għandu jkollu s-setgħa li jwettaq it-talba huwa stess.

4.   Ir-rappreżentant msemmi fil-paragrafu 2 jista' juża s-setgħat konferiti lilu skond l-Arikolu 9a bil-ħsieb tas-segwitu ta' deċiżjonijiet meħudin fl-ECC inkluża, fejn applikabbli, is-setgħa li titwettaq it-talba msemmija fil-paragrafu 3.

5.   L-Eurojust għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu faċilment u fi kwalunkwe waqt jikkuntattjaw lill-ECC direttament.”;

(4)

L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

Artikolu 6

Kompiti ta' l-Eurojust meta taġixxi permezz tal-membri nazzjonali tagħha

“1.   Meta l-Eurojust taġixxi permezz tal-membri nazzjonali kkonċernati tagħha, hi:

(a)

tista' titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati, filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha, sabiex:

(i)

jieħdu l-impenn ta' investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta' atti speċifiċi;

(ii)

jaċċettaw li wieħed minnhom jista' jkun f'pożizzjoni aħjar li jieħu l-impenn ta' investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' atti speċifiċi;

(iii)

jikkoordinaw bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati;

(iv)

jistabbilixxu grupp ta' investigazzjoni konġuntai konformi ma' l-istrumenti ta' koperazzjoni rilevanti;

(v)

jipprovduha bi kwalunkwe informazzjoni li hi teħtieġ sabiex twettaq il-kompiti tagħha;

(vi)

jieħdu miżuri investigattivi speċjali;

(vii)

jieħdu kwalunkwe miżura ġustifikata għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni;

(b)

għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati jinformaw lil xulxin dwar investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li ġiet informata dwarhom;

(c)

għandha tassisti lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, fuq talba tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-aħjar koperazzjoni possibbli ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet;

(d)

għandha tagħti għajnuna sabiex tittejjeb il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

(e)

għandha tikkopera u tikkonsulta man-Network Ġudizzjarju Ewropew, anke tagħmel użu minn, u tikkontribwixxi għal, titjib tal-bażi ta' informazzjoni dokumentarja tagħha;

(f)

għandha, fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(2) u (3) u bi ftehim mal-Kulleġġ, tgħin f'investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet dwar l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru wieħed biss;

(g)

tista', f'każ ta' twettiq parzjali jew inadegwat ta' talba għal assistenza ġudizzjarja, titlob lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti għal investigazzjoni supplimentari sabiex it-talba titwettaq kompletament.

2.   L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwieġbu mingħajr dewmien talbiet magħmulin skond dan l-artikolu.”;

(5)

L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Kompiti ta' l-Eurojust meta taġixxi bħala Kulleġġ

1.   Meta l-Eurojust taġixxi bħala Kulleġġ, hija:

(a)

tista' rigward it-tipi ta' kriminalità u reati msemmijin fl-Artikolu 4(1) titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati, waqt li tagħti r-raġunijiet tagħha:

(i)

biex jibdew ta' investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta' atti speċifiċi;

(ii)

biex jaċċettaw li waħda minnhom tista' tkun f'pożizzjoni aħjar li tibda investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta' atti speċifiki;

(iii)

biex jikkoordinaw bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati;

(iv)

biex jistabbilixxu tim ta' investigazzjoni konġunta f'konformità ma' l-istrumenti rilevanti ta' koperazzjoni;

(v)

biex jipprovduha b'kull informazzjoni li teħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

(b)

għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jinformaw lil xulxin dwar investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li dwarhom hi ġiet informata u li għandhom riperkussjonijiet fil-livell ta' l-Unjoni jew li jistgħu jaffettwaw Stati Membri għajr dawk li huma direttament konċernati;

(c)

għandha tassisti lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, fuq talba tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-aħjar koperazzjoni possibbli ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet;

(d)

għandha tagħti għajnuna sabiex ittejjeb il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari abbażi ta' l-analiżi ta' l-Europol;

(e)

għandha tikkopera u tikkonsulta man-Network Ġudizzjarju Ewropew, inklużi l-użu u l-kontribut għat-titjib tal-bażi ta' informazzjoni dokumentarja tagħha;

(f)

tista' tassisti lill-Europol, b'mod partikolari billi tipprovdiha b'opinjonijiet ibbażati fuq analiżijiet mwettqin mill-Europol;

(g)

tista' tagħti appoġġ loġistiku fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a), (c) u (d). Tali appoġġ loġistiku jista' jinkludi għajnuna għat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u l-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' koordinazzjoni.

2.   Fejn żewġ membri nazzjonali jew aktar ma jaqblux dwar kif jiġi solvut każ ta' konflitt ta' ġurisdizzjoni rigward li jinbdew investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet skond l-Artikolu 6, il-Kulleġġ għandu joħroġ opinjoni non-vinkolanti bil-miktub dwar kif għandu jiġi solvut il-każ. L-opinjoni tal-Kulleġġ għandha tintbagħat minnufih lill-Istati Membri konċernati.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet li jinsabu fi kwalunkwe strument adottat taħt it-Titolu VI tat-Trattat, l-awtoritajiet kompetenti rikjedenti jistgħu jirrapportaw lill-Eurojust kwalunkwe ċaħda jew diffikultà dwar it-twettiq ta' talba għal koperazzjoni ġudizzjarja u jitolbu lill-Kulleġġ sabiex joħroġ opinjoni non-vinkolanti bil-miktub dwar kif il-każ għandu jiġi solvut. L-opinjoni tal-Kulleġġ għandha tintbagħat minnufih lill-Istati Membri konċernati.

4.   Il-Kulleġġ jista', fuq talba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti konċernati u f'koperazzjoni magħhom, jiddeċiedi li l-ispiża rilevanti ta' grupp ta' investigazzjoni konġunta stabbilit skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f'Affarijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jew id-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/ĠAI (4) dwar gruppi investigattivi konġunti* għandha tiġi kkunsidrata bħala spiża operattiva ta' l-Eurojust fis-sens ta' l-Artikolu 41(3) tat-Trattat..”;

(6)

L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Effetti ta' deċiżjonijiet ta' l-Eurojust

Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati jiddeċiedu li ma jikkonformawx ma' talba msemmija fl-Artikolu 6(1)(a), 6(1)(g), 7(1)(a), 7(2) u 7(3), huma għandhom jinformaw lill-Eurjust dwar id-deċiżjoni tagħhom u r-raġunijiet għaliha.”;

(7)

Fl-Artikolu 9:

(a)

Il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Il-membri nazzjonali għandhom ikunu soġġetti għal-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri tagħhom rigward l-istatus tagħhom. It-tul tal-mandat ta' membru nazzjonali għandu jkun ta' mill-anqas 4 snin. L-Istati Membri ta' oriġini jistgħu jġeddu l-mandat. Il-membru nazzjonali m'għandhux jitneħħa qabel l-aħħar ta' mandat mingħajr ma' l-Kunsill ikun informat minn qabel u l-indikazzjoni għar-raġuni għal dan. Fejn membru nazzjonali jkun President jew Viċi-President ta' l-Eurojust, il-mandat tiegħu għandu ta' l-anqas ikun tali li hu jkun jista' jwettaq il-funzjoni tiegħu bħala President jew Viċi-President għall-mandat elett kollu.

2.   L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-Eurojust u l-Istati Membri, inklużi talbiet imwettqin fil-qafas ta' l-Artikolu 6(1)(a) u 6(1)(g), għandha tkun diretta permezz tal-membru nazzjonali.”

(b)

Il-paragrafu 3 jitħassar;

(c)

Il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Biex jilħaq l-objettivi ta' l-Eurojust, il-Membru nazzjonali għandu jkollu aċċess komplet għal:

(a)

l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri li ġejjin:

(i)

rekords kriminali nazzjonali,

(ii)

reġistri ta' persuni arrestati,

(iii)

reġistri ta' investigazzjoni,

(iv)

reġistri tad-DNA;

(b)

reġistri, diversi minn dawk indikati fil-punt (a), ta' l-Istat Membru tiegħu li fihom informazzjoni li jeħtieġ sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu.”;

(d)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Il-modalitajiet ta' aċċess imsemmijin fil-paragrafu 4 għandhom ta' l-anqas ikunu bl-istess mod kif stipulat mil-liġi nazzjonali fil-każ ta' prosekutur, imħallef jew uffiċjal tal-pulizija ta' kompetenza ekwivalenti.”;

(e)

Il-paragrafu 3 jitħassar;

(8)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Setgħat tal-membru nazzjonali konferiti lilu fil-livell nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jiddefinixxi n-natura u l-estent tas-setgħat ġudizzjarji li jagħti lill-membri nazzjonali tiegħu fir-rigward ta' koperazzjoni ġudizzjarja rigward dak l-Istat. Huma għandhom ta' l-anqas jinkludu s-setgħat ekwivalenti li ġejjin:

(a)

Ir-riċeviment, it-trasmissjoni, it-tħejjija tat-twettiq ta', il-forniment ta' informazzjoni supplimentari fir-rigward ta' u l-monitoraġġ ta' talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja dwar strumenti adottati taħt it-Titolu VI tat-Trattat, inklużi strumenti konstitwenti tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku.

(b)

It-tħejjija ta' l-istabbiliment ta', u l-parteċipazzjoni fi, gruppi ta' investigazzjoni konġuntaa stabbiliti skond l-Artikolu 13 tal-konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f'Affarijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jew id-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/ĠAI dwar l-Istati Membri tagħha inklużi l-gruppi ta' investigazzjoni konġunta kollha appoġġati mill-Eurojust skond l-Artikolu 7(4) ta' din id-Deċiżjoni.

(c)

Il-qadi tal-kompiti kollha ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta' Fajls ta' Ħidma ta' Analiżi ta' l-Europol.

2.   Il-membri nazzjonali jistgħu, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, bi ftehim ma' awtorità nazzjonali kompetenti jew fuq talba tagħha u abbażi ta' każ b'każ, jeżerċitaw is-setgħat delegati li ġejjin:

(a)

il-ħruġ u t-tkomplija ta' talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja rigward strumenti adottati taħt it-Titolu VI tat-Trattat, inklużi strumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku;

(b)

l-ordni għal miżuri ta' tfittxija u qbid;

(c)

l-awtorizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' konsenji kkontrollati.

3.   Il-membri nazzjonali jistgħu, f'każi urġenti u fejn ma hemm l-ebda awtorità nazzjonali kompetenti identifikata jew ma jkunx possibbli li tiġi identifikata f'waqtha, jawtorizzaw u jikkoordinaw kunsenji kkontrollati.

4.   Is-setgħat eżerċitati taħt il-paragrafu 1(a) għandhom għall-ewwel dejjem jiġu eżerċitati minn awtorità nazzjonali kompetenti.

5.   Meta s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 u 3 jkunu ġew eżerċitati minn membru nazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tiġi informata minnufih.

6.   Meta regoli kostituzzjonali rigward id-diviżjoni ta' setgħat bejn prosekuturi u mħallfin jagħmluha imposibbli sabiex tiġi konferita waħda jew aktar mis-setgħat imsemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 5a(3) lill-membru nazzjonali, huwa għandu ta' l-anqas ikun kompetenti li joħroġ talba lill-awtorità kompetenti għat-twettiq ta' tali setgħat.

7.   Kull Stat Membru għandu wkoll jiddefinixxi d-dritt għal membru nazzjonali li jaġixxi fir-rigward ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji barranin, f'konformità ma' l-impenji internazzjonali tiegħu.

8.   Meta jaħtar lill-membru nazzjonali tiegħu u f'kull ħin ieħor jekk xieraq, l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Eurojust u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 sabiex dan ta' l-aħħar ikun jista' jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn. L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jaċċettaw u li jirrikonoxxu l-prerogattivi mogħtija sakemm ikunu konformi ma' l-impenli internazzjonali.

9.   Fil-qadi tal-kompiti tiegħu, membru nazzjonali għandu, fejn xieraq, jgħarraf jekk hux qed jaġixxi skond is-setgħat ġudizzjarji mogħtija lilu skond dan l-Artikolu.”;

(9)

L-Artikolu 10(2) jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Wara konsultazzjoni mal-Korp Konġunt ta' Sorveljanza msemmi fl-Artikolu 23 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta' data personali, il-Kunsill għandu japprova r-regoli ta' proċedura ta' l-Eurojust fuq proposta mill-Kulleġġ li kienet adottata minn qabel b'maġġoranza ta' żewġ terzi minn dan ta' l-aħħar. Id-dispożizzjonijiet tar-regoli ta' proċedura li jikkonċernaw l-ipproċessar ta' data personali jistgħu jsiru s-suġġett ta' approvazzjoni separata mill-Kunsill.”;

(10)

L-Artikolu 12 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Sistema ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korrispondent nazzjonali wieħed jew aktar għall-Eurojust.

2.   Kull Stat membru għandu jistabbilixxi sistema ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust sabiex tkun żgurata l-koordinazzjoni ta' ħidma mwettqa minn:

(a)

il-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust;

(b)

il-korrispondenti nazzjonali għal kwistjonijiet ta' terroriżmu;

(c)

il-korrispondent nazzjonali għan-Network Ġudizzjarju Ewropew u sa tliet punti ta' kuntatt oħra tan-Network Ġudizzjarju Ewropew;

(d)

membri nazzjonali jew punti ta' kuntatt tan-Network għal Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunta u n-Networks stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/ĠAI (5) (networks ta' delitti tal-gwerra), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI (6) (uffiċċji għall-irkupru ta' l-assi) u bi kwalunkwe Deċiżjoni tal-Kunsill futura dwar punt ta' kuntatt kontra l-korruzjoni.

3.   Il-persuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom iżommu l-pożizzjoni u l-istatus tagħhom skond il-liġi nazzjonali.

4.   Wieħed mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust għandu jkun responsabbli għall-funzjonament tas-sistema ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust.

5.   Is-sistema ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust għandha:

(a)

tkun konnessa mas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet ta' l-Eurojust;

(b)

tassisti lill-Eurojust sabiex jiġi determinat jekk każ għandux jiġi ttrattat mill-Eurojust jew min-Network Ġudizzjarju Ewropew;

(c)

tiffaċilita fl-Istati Membri t-twettiq tal-kompiti ta' l-Eurojust, b'mod partikolari billi tippermetti lill-membru nazzjonali jidentifika l-awtoritajiet korretti għat-twettiq ta' talbiet għall-koperazzjoni ġudizzjarja;

(d)

iżżomm relazzjonijiet mill-qrib ma' l-Unità Nazzjonali ta' l-Europol u b'mod partikolari:

(i)

tkun informata u kkonsultata dwar il-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat f'Fajl ta' Ħidma Analitika u tkun informata dwar il-funzjonament u r-riżultati ta' tali Fajl ta' Ħidma Analitika,

(ii)

tkun informata dwar kwalunkwe talba ta' l-Europol sabiex tinbeda investigazzjoni jew jiġi stabbilit tim ta' investigazzjoni Konġunta u sabiex l-Unità Nazzjonali ta' l-Europol tiġi informata dwar tali talbiet magħmulin mill-Eurojust.

6.   Ir-relazzjonijiet bejn il-membru nazzjonali u l-korrispondenti nazzjonali m'għandhomx jipprekludu relazzjonijiet diretti bejn il-membru nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti tiegħu.

7.   Xejn f'dan l-Artikolu m'għandu jinftiehem li jaffettwa kuntratti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti kif previst fi strumenti dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja, bħall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f'Affarijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

8.   L-ispejjeż għas-sistema ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust bħall-kera, it-tagħmir, it-telekominikazzjonijiet u l-pagi tal-persunal amministrattiv għandhom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala spejjeż operattivi ta' l-Eurojust skond l-Artikolu 30.

(11)

Fl-Artikolu 13:

(a)

Fil-paragrafu 2:

(i)

il-kliem “Skond l-Artikolu 9”, jiġu mħassra;

(ii)

is-sentenza l-ġdida li ġejja tiżdied fl-aħħar tal-paragrafu 1: “B'mod partikolari membri nazzjonali li ma ġewx informati b'każ li jikkonċernahom għandhom jiġu informati minnufih.”

(b)

Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal obbligi oħrajn rigward it-trasmissjoni ta' informazzjoni lill-Eurojust, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi (7).

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri nazzjonali huma informati dwar it-tħejjija ta' l-istabbiliment ta' tim ta' investigazzjoni konġunta, kemm jekk stabbilit skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar assistenza reċiproka f'Affarijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk skond id-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/ĠAI jew kemm jekk le, u dwar żviluppi sussegwenti fir-rigward ta' tali timijiet.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membru nazzjonali tagħhom ikun informat b'mod f'waqtu, fi stadju bikri, u malli l-informazzjoni tkun disponibbli, dwar l-investigazzjonijiet kriminali kollha li jikkonċernaw tliet Stati jew aktar, li minnhom tnejn jew aktar ikunu Stati Membri, li jaqgħu taħt il-mandat ta' l-Eurojust u safejn ikun meħtieġ għall-qadi tal-funzjonijiet ta' l-Eurojust, b'mod partikolari fejn ittri rogatorji paralleli ikunu meħtieġa f'diversi Stati jew fejn hemm ħtieġa għall-koordinazzjoni mill-Eurojust jew f'każijiet ta' konflitti ta' ġurisdizzjoni pożittivi jew negattivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu tar-rappurtar ikun sorveljat fil-livell nazzjonali.

6.   Bħala l-ewwel pass, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-paragrafu 5 fir-rigward ta' każijiet relatati mar-reati li ġejjin:

(a)

traffikar tad-droga,

(b)

traffikar ta' bnedmin u armi,

(c)

traffikar ta' skart nukleari,

(d)

traffikar ta' opri ta' l-arti,

(e)

kummerċ ta' speċi fil-periklu li jinqerdu,

(f)

kummerċ ta' organi umani,

(g)

money laundering,

(h)

frodi, inkluża frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità,

(i)

falsifikazzjoni ta' muniti, inkluż l-euro,

(j)

terroriżmu, inkluż il-finanzjament tat-terroriżmu,

(k)

kriminalità ambjentali,

(l)

forom oħrajn ta' kriminalità organizzata.

7.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-paragrafu 5 għal reati diversi minn dawk imsemmija fil-paragrafu 6 fi żmien tliet snin mid-data fl-Artikolu 2.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membru nazzjonali tagħhom jkun informat ukoll dwar

(a)

it-talbiet kollha għal koperazzjoni ġudizzjarja rigward strumenti adottati taħt it-Titolu VI tat-Trattat, inklużi l-istrumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta' riknoxximent reċiproku, mibgħutin mill-awtoritajiet kompetent tagħhom f'każijiet li jinvolvu ta' l-anqas tliet Stati, li minnhom tnejn jew aktar ikunu Stati Membri;

(b)

il-kunsenji kontrollati kollha u investigazzjonijiet diskreti li jaffettwaw ta' l-anqas tliet Stati, li minnhom ta' l-anqas tnejn ikunu Stati Membri;

(c)

iċ-ċaħdiet kollha ta' talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja rigward strumenti adottati taħt it-Titolu VI tat-Trattat, inklużi strumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku;

(d)

it-talbiet kollha għal assistenza legali reċiproka li jaslu minn Stat li ma jkunx Stat Membru fejn jidher li dawn it-talbiet huma parti minn investigazzjoni li tinvolvi talbiet oħrajn mibgħutin minn dak l-Istat li ma jkunx Stat Membru lil, ta' l-anqas, żewġ Stati Membri oħrajn.

9.   Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-membru nazzjonali bi kwalunkwe informazzjoni oħra li l-membru nazzjonali jqis meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu.

10.   L-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandha tinbagħat lill-Eurojust f'mod strutturat.”

(12)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Informazzjoni provduta mill-Eurojust lill-awtoritajiet nazzjonali

1.   L-Eurojust, fuq inizjattiva proprja, għandha tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'informazzjoni u feedback dwar ir-riżultati ta' l-ipproċċessar ta' l-informazzjoni, inkluża l-eżistenza ta' kollegamenti ma' każijiet diġà maħżunin fis-Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet.

2.   Barra minn hekk, fejn awtorità nazzjonali kompetenti titlob lill-Eurojust sabiex tipprovdiha b'informazzjoni, l-Eurojust għandha tibgħatha fiż-żmien mitlub minn dik l-awtorità.”;

(13)

Fl-Artikolu 14(4) u 16(1), il-kliem “indiċi ta'” jinbidlu bi “Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet li fiha”;

(14)

Fl-Artikoli 15(4), 16(1), u 16(2) il-kelma “indiċi” tinbidel bi “Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet”;

(15)

Fl-Artikolu 15:

(a)

Fil-paragrafu 1:

(i)

l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta tkun qed tiġi proċessata data skond l-Artikolu 14(1), l-Eurojust tista' tipproċessa biss id-data personali dwar persuni li, skond il-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri konċernati, huma s-suġġett għal investigazzjoni kriminali jew prosekuzzjoni għal waħda jew aktar forom ta' kriminalità u ir-reati definiti fl-Artikolu 4, bħal:”;

(ii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(1)

numri tat-telefon, data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi, kontijiet ta' indirizzi elettroniċi, data relatata ma' traffiku permezz tat-telefon u l-posta eletrronika, rekords ta' DNA u ritratti.”;

(b)

Fil-paragrafu 2, titħassar il-kelma “biss”;

(16)

Fl-Artikolu 16, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Is-Sistema ta' Maniġġar tal-Każijiet għandha tippermetti d-dħul ta' data u l-aċċess fil-livell nazzjonali. Is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet, safejn dan ikun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data li tinsab f'din id-Deċiżjoni, tista' tiġi konnessa man-network ta' telekomunikazzjonijiet stabbilit imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill…/…/ĠAI dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew.” ;

(17)

Fl-Artikolu 23(10), tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

“Is-Segretarjat tal-Korp Konġunt ta' Sorveljanza għandu jkun jista' jiddependi fuq it-tagħrif espert tas-segretarjat stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/641/ĠAI.”

(18)

Fl-Artikolu 26:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kulleġġ jista' effettivament ikun jista' jiftaħ Fajl ta' Ħidma Analitika ta' l-Europol u li jkun jista' jipparteċipa fil-funzjonament tiegħu.”

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew għandhom iżommu relazzjonijiet privileġġati ma' xulxin, ibbażati fuq konsultazzjoni u komplementarjetà, speċjalment bejn il-membru nazzjonali, il-punti ta' kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew ta' l-istess Stat Membru u l-korrispondenti għall-Europol u n-Network Ġudizzjarju Ewropew. Sabiex tiġi żgurata koperazzjoni effiċjenti, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

L-Eurojust għandha jkollha aċċess għal informazzjoni ċentralizzata min-Network Ġudizzjarju Ewropew skond l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni …/…/ĠAI u għan-network ta' telekomunikazzjoni stabbilita skond l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni msemmija.

(b)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 ta' din id-Deċiżjoni u skond l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni…/…/ĠAI, il-punti ta' kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew għandhom, fuq bażi ta' każ b'każ, jinformaw lill-Eurojust dwar każijiet li jinvolvu żewġ Stati Membri u li jidħlu fil-kompetenza ta' l-Eurojust:

f'każijiet fejn probbabilment ikun hemm konflitti ta' ġurisdizzjoni,

jew

f'każijiet ta' ċ-ċaħda ta' talba għal koperazzjoni ġudizzjarja rigward strumenti adottati taħt it-Titolu VI tat-Trattat, inklużi strumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku.

Il-punti ta' kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew għandhom ukoll, fuq bażi ta' każ b'każ, jinformaw lill-Eurojust dwar il-każijiet kollha li jidħlu fil-kompetenza ta' l-Eurojust u li jinvolvu ta' l-anqas tliet Stati Membri.

Il-membri nazzjonali għandhom, fuq bażi ta' każ b'każ, jinformaw lill-punti ta' kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew dwar il-każijiet kollha li għat-trattament tagħhom in-network jitqies li jkun f'pożizzjoni aħjar.

(c)

is-segretarjat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew għandu jifforma parti mis-segretarjat ta' l-Eurojust. Għandu jiffunzjona bħala unità separata u awtonoma. Għandu jkun kapaċi li juża r-riżorsi ta' l-Eurojust li huma meħtieġa għall-qadi tal-kompiti tan-Network Ġudizzjarju Ewropew. Ir-regoli li japplikaw għall-persunal ta' l-Eurojust għandhom japplikaw għall-persunal tas-segretarjat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fejn dan mhux inkompatibbli ma' l-awtonomija operattiva tas-segretarjat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew;

(d)

In-Network Ġudizzjarju Ewropew għandu jkun appoġġat mill-Amministrazzjoni ta' l-Eurojust. L-ispejjeż operattivi tan-Network Ġudizzjarju Ewropew għandhom ikunu jistgħu jiġu koperti mill-baġit ta' l-Eurojust skond l-Artikolu 33;

(e)

Il-membri nazzjonali ta' l-Eurojust jistgħu jattendu għal laqgħat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fuq l-istedina ta' dan ta' l-aħħar. Il-punti ta' kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew jistgħu jiġu mistiedna fuq bażi ta' każ b'każ sabiex jattendu l-laqgħat ta' l-Eurojust;

(f)

is-segretarjat tan-Network għal Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunta u n-Networks stabbiliti bid-Deċiżjoni 2002/494/ĠAI (networks ta' delitti tal-gwerra), bid-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI (uffiċċji għall-irkupru ta' l-assi) u bi kwalunkwe Deċiżjoni futura dwar punt ta' kuntatt kontra l-korruzjoni għandhom jifformaw parti mis-segretarjat ta' l-Eurojust u għandhom jiffunzjonaw bħala unitajiet separati u awtonomi. Huma jistgħu jużaw ir-riżorsi ta' l-Eurojust li huma meħtieġa għall-qadi tal-kompiti tagħhom. Ir-regoli li japplikaw għall-persunal ta' l-Eurojust għandhom japplikaw għall-persunal tas-segretarjati tagħhom fejn dan mhux kompatibbli ma' l-awtonomija operattiva tas-segretarjati tagħhom; id-Direttur Amministrattiv ta' l-Eurojust għandu jaħtar Segretarju Ġenerali, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, tas-segretarjati tan-Networks.”;

(c)

Jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“7.   L-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm koperazzjoni mill-qrib ma' l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni (FRONTEX), safejn din tkun rilevanti għal qadi tal-kompiti ta' l-Eurojust u għall-kisba ta' l-objettivi tagħha, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi evitat sforz doppju. L-elementi essenzjali għal tali koperazzjoni għandhom jiġu determinati bi ftehim li għandu jkun approvat mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Korp Konġunt ta' Sorveljanza dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

8.   L-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm koperazzjoni mil-qrib maċ-Ċentru Konġunt ta' Kontroll tas-Sitwazzjoni, safejn din tkun rilevanti għall-qadi tal-kompiti ta' l-Eurojust u għall-kisba ta' l-objettivi tagħha, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi evitat sforz doppju. L-elementi essenzjali għal tali koperazzjoni għandhom jiġu determinati bi ftehim li għandu jkun approvat mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Korp Konġunt ta' Sorveljanza dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

9.   L-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm koperazzjoni mill-qrib ma' l-Interpol, safejn din tkun rilevanti għall-qadi tal-kompiti ta' l-Eurojust u għall-kisba ta' l-objettivi tagħha, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi evitat sforz doppju. L-elementi essenzjali għal tali koperazzjoni għandhom jiġu determinati bi ftehim li għandu jkun approvat mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Korp Konġunt ta' Sorveljanza dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

10.   L-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm koperazzjoni mill-qrib ma' l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, safejn din tkun rilevanti għal qadi tal-kompiti ta' l-Eurojust u għall-kisba ta' l-objettivi tagħha, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi evitat sforz doppju. L-elementi essenzjali għal tali koperazzjoni għandhom jiġu determinati bi ftehim li għandu jkun approvat mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Korp Konġunt ta' Sorveljanza dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data.”;

(19)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 26a

Maġistrati ta' Kollegament mibgħutin fi Stati terzi

1.   Għall-finijiet tal-faċilitazzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja, l-Eurojust tista' tissekonda maġistrati ta' kollegament f'pajjiżi terzi, soġġett għal ftehim mal-pajjiż ospitanti li għandu jiġi approvat mill-Kunsill. Il-maġistrat ta' kollegament għandu jkun deputat, assistent, membru nazzjonali ta' l-Eurojust jew maġistrat issekondat lill-Eurojust. Is-sekondament bħala maġistrat ta' kollegament f'isem l-Eurojust għandu jkun soġġett għall-kunsens preċedenti tal-maġistrat jew u l-Istat Membru tiegħu.

2.   Il-maġistrati ta' kollegament sekondati skond il-paragrafu 1 għandhom ikunu maġistrati ta' kollegament għall-benefiċċju ta' l-Eurojust u ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. L-attivitajiet tal-maġistrati ta' kollegament sekondati mill-Eurojust għandhom ikunu s-soġġett ta' sorveljanza mill-Korp Konġunt ta' Sorveljanza. Huma għandhom jirrapportaw darba fis-sena lill-Kulleġġ ta' l-Eurojust li għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tagħhom f'manjiera adatta. Il-maġistrati ta' kollegament għandhom ukoll jinformaw lill-membri nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-każijiet kollha rigward l-Istat Membru tagħhom.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u l-maġistrati ta' kollegament imsemmijin fil-paragrafu 1, jistgħu jikkontattjaw lil xulxin direttament. F'tali każijiet, il-maġistrat ta' kollegament għandu jinforma lill-membru nazzjonali konċernat dwar tali kuntatti.

4.   Il-maġistrati ta' kollegament imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konnessi mas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet.

5.   In-nefqa rilevanti tal-maġistrati ta' kollegament sekondati mill-Eurojust f'pajjiż terz għandha titqies bħala nefqa operattiva fis-sens ta' l-Art. 41(3) tat-Trattat. Qabel id-dħul f'negozjati ma' pajjiż terz, il-Kunsill għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu. L-Eurojust għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe pjan li għandha għad-dħul f'tali negozjati u l-Kunsill jista' jasal għal kwalunkwe konklużjoni li jqis adatta.”;

(20)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 27a

Talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja minn Stati terzi

1.   L-Eurojust għandha tikkoordina t-twettiq ta' talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat terz fejn dwan it-talbiet huma parti mill-istess investigazzjoni u jeħtieġu twettiq f'ta' l-anqas żewġ Stati Membri.

2.   It-talbiet imsemmijin fil-Paragrafu 1 jistgħu jiġu rċevuti direttament mill-Eurojust jekk hemm konformità ma' l-istrumenti applikabbli għar-relazzjoni bejn dak l-Istat terz u l-Unjoni Ewropea jew l-Istat Membru konċernat.

3.   It-talbiet imsemmijin fil-Paragrafu 1 jistgħu wkoll jinbagħtu lill-Eurojust minn awtorità nazzjonali kompetenti li taġixxi jew fuq l-inizjattiva tagħha proprja jew għaliex l-intervent ta' l-Eurojust intalab minn Stat terz konċernat.

4.   F'każ ta' urġenza, iċ-Ċellula għall-Koordinazzjoni ta' Emerġenza msemmija fl-Artikolu 5a tista' tittratta talbiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 27b

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Eurjust għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

2.   Fil-każ tar-responsabbiltà non-kuntrattwali, l-Eurojust għandha, indipendentement minn kwalunkwe responsabbiltà skond l-Artikolu 24, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkawżata ħtija tal-Kulleġġ jew il-persunal ta' l-Eurojust fil-qadi tad-doveri tagħhom, independentement mill-proċeduri differenti għat-talba tad-danni li teżisti skond il-liġi ta' l-Istati Membri.

3.   Il-paragrafu 2 għandu wkoll japplika għal danni kawżati minn membru nazzjonali fil-qadi tad-doveri tiegħu, ħlief meta jkun qed jaġixxi abbażi tas-setgħat konferiti lilu skond l-Artikolu 9a.

4.   Il-parti milquta għandha jkollha d-dritt li titlob li l-Eurojust ma' tieħu l-ebda, jew tieqaf minn kull, azzjoni.

5.   Il-qrati nazzjonali ta' l-Istati Membri kompetenti li jittrattaw disputi li jinvolvu r-responsabbiltà ta' l-Eurojust kif imsemmi f'dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati b'referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (8).

(21)

Fl-Artikolu 29:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-kelma “unanimament” tinbidel bi “maġġoranza ta' żewġ-terzi”

(b)

Fil-paragrafu 2, it-tieni sentenza “Għandu jkun rinovabbli” tinbidel bi “Għandu jkun jista' jiġi estiż mingħajr il-ħtieġa ta' sejħa għal applikazzjonijiet, dment li l-Kulleġġ jiddeċiedi hekk b'maġġoranza ta' tliet-kwarti u jaħtar id-Direttur Amministrattiv bl-istess maġġoranza”

(22)

L-Artikolu 32 jiġi emendat kif ġej

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Rappurtar lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea”;

jiżdied il-paragrafu i ġej:

“3.   Il-Kummissjoni Ewropea jew il-Kunsill jistgħu jfittxu l-opinjoni ta' l-Eurojust dwar l-abbozz ta' l-istrumenti kollha taħt it-Titolu VI tat-Trattat.”

(23)

L-Artikolu 33(2) jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Fejn membri nazzjonali, deputati, assistenti u persuni fis-sistema ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' l-Eurojust jaġixxu fil-qafas tal-kompiti ta' l-Eurojust, in-nefqa rilevanti, inkluża dik fuq il-persunal nazzjonali ta' l-Eurojust, għandha titqies bħala nefqa operattiva fis-sens ta' l-Art. 41(3) tat-Trattat.”

(24)

Is-sentenza li ġejja tinżdied fl-aħħar ta' l-Artikolu 35(1):

“Qabel tintbagħat l-istima lill-Kummissjoni, in-Network Ġudizzjarju Ewropew għandu jiġi kkonsultat skond il-modalitajiet definiti minnu.”

(25)

L-Artikolu 41 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 41

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Eurojust u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bi kwalunkwe bidla rigward il-membri nazzjonali, deputati u assistenti kif ukoll l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt ta' persuni msemmijin fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 u l-paragrafu 2. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jżomm lista aġġornata ta' dawn il-persuni u għandu jagħmel l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom disponibbli lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni.

2.   Kull Stat Membru għandu wkoll, skond l-Artikolu 9a(4), meta jaħtar il-membru nazzjonali tiegħu u fi kwalunkwe waqt ieħor jekk adatt, jinforma lill-Eurojust u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar kwalunkwe setgħa konferita lill-membru nazzjonali skond dak l-Artikolu.

3.   Il-ħatra definittiva ta' membru nazzjonali għandha jkollha effett fil-jum li fih is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jirċievi n-notifika uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1.”

(26)

Fl-Artikolu 42, il-paragrafu attwali jsir il-paragrafu 1 u jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina regolarment l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' din id-Deċiżjoni u għandha tippreżenta rapport dwarha lill-Kunsill flimkien ma', jekk xieraq, il-proposti meħtieġa sabiex jitjiebu l-koperazzjoni ġudizzjarja u l-funzjonament ta' l-Eurojust. Dan għandu japplika b'mod partikolari għall-kapaċitajiet ta' l-Eurojust sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.”

Artikolu 2

Traspożizzjoni

Jekk meħtieġ l-Istati Membri għandhom iġibu l-liġi nazzjonali tagħhom f'konformità ma' din id-Deċiżjoni ma' l-ewwel opportunità u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn… (9).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]


(1)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2003/659/ĠAI (ĠU L 245, 29.9.2003 p. 44).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra (ĠU L 167, 26.6.2002, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-koperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta' l-Assi ta' l-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta' rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103).

(4)  ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra (ĠU L 167, 26.6.2002, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-koperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta' l-Assi ta' l-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta' rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103).”;

(7)  ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22.

(8)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).”;

(9)  Nota lill-ĠU: Daħħal id-data ta' sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.


Top