Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/297/43

    Kawża C-451/07: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (l-Italja) fit- 3 ta' Ottubru 2007 — Federfarma vs Agenzia Italia del Farmaco (AIFA), Ministero della Salute

    ĠU C 297, 8.12.2007, p. 27–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 297/27


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (l-Italja) fit-3 ta' Ottubru 2007 — Federfarma vs Agenzia Italia del Farmaco (AIFA), Ministero della Salute

    (Kawża C-451/07)

    (2007/C 297/43)

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio.

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Federfarma.

    Konvenuta: Agenzia Italia del Farmaco (AIFA), Ministero della Salute.

    Domandi preliminari

    1)

    Wara d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 [tad-Direttiva 89/105/KEE (1)] li jistabbilixxu r-relazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru u l-impriżi farmaċewtiċi — fejn l-iffissar tal-prezz ta' prodott mediċinali jew iż-żieda tiegħu għandhom isiru skond l-indikazzjonijiet mogħtija minn [dawn l-impriżi] iżda safejn dan ikun aċċettat mill-awtorità kompetenti, jiġifieri abbażi ta' djalogu bejn l-istess impriżi u l-awtorità kompetenti għall-kontroll ta' l-ispiża għall-prodotti mediċinali — l-Artikolu 4(1) jistabbilixxi li għandu “jkun hemm friża tal-prezzijiet fuq prodotti mediċinali kollha jew fuq xi kategoriji ta' prodotti mediċinali” bħala miżura ta' natura ġenerali li, għall-inqas darba fis-sena, għandha tkun suġġetta għal verifika sabiex, fid-dawl tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi eżistenti fl-Istat Membru, jiġi stabbilit jekk għandhiex tinżamm fis-seħħ jew le. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-awtoritajiet kompetenti terminu ta' 90 ġurnata sabiex jieħdu deċiżjoni filwaqt li tobbligahom li, f'għeluq it-terminu, iħabbru ż-żidiet jew it-tnaqqis li jkunu saru fil-prezzijiet, jekk dan ikun il-każ. Din id-dispożizzjoni, fejn tirreferi għat-“tnaqqis [li jkun qiegħed isir], jekk ikun il-każ” għandha tiġi interpretata fis-sens li, minbarra r-rimedju ġenerali ta' l-iffriżar tal-prezzijiet tal-kategoriji tal-prodotti mediċinali kollha, jew ta' uħud minnhom, huwa previst ukoll rimedju ieħor ġenerali, jiġifieri l-possibbiltà ta' tnaqqis tal-prezzijiet tal-kategoriji tal-prodotti mediċinali kollha, jew ta' uħud minnhom, jew fis-sens li l-espressjoni “tnaqqis […], jekk ikun il-każ” tirreferi esklużivament għall-prodotti mediċinali li l-prezzijiet tagħhom huma diġà ffriżati?

    2)

    L-Artikolu 4(1) — fil-parti fejn jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru l-obbligu li jivverifikaw, għall-inqas darba fis-sena, fil-każ ta' ffriżar tal-prezzijiet, jekk il-kundizzjonijiet makroekonomiċi jiġġustifikawx li dan l-iffriżar jibqa' fis-seħħ — jista' jiġi interpretat fis-sens li, f'każ li r-risposta għall-ewwel domanda taċċetta t-tnaqqis tal-prezzijiet, huwa possibbli li tali miżura tintuża aktar minn darba fl-istess sena u li dan isir għal diversi snin (mill-2002 sa l-2010)?

    3)

    Fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 4 — li għandu jinqara fid-dawl tal-premessi li jenfasizzaw li l-iskop prinċipali tal-miżuri ta' kontroll tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali huwa li “tinġieb 'il quddiem is-saħħa pubblika billi jkun żgurat li jkun hemm provvista biżżejjed ta' prodotti mediċinali bi prezz raġjonevoli” u li jiġu evitati miżuri li “jistgħu jfixklu u jgħawġu l-kummerċ intra-Komunitarju ta' prodotti mediċinali” — l-adozzjoni ta' miżuri li jirreferu għall-valuri ekonomiċi ta' l-ispiża li huma biss “stmati” u mhux “ċerti” hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju? (din id-domanda tirrigwarda ż-żewġ sitwazzjonijiet)

    4)

    Ir-rekwiżiti li jirrigwardaw l-osservanza tal-limiti ta' l-ispiża għal prodotti mediċinali, li kull Stat Membru huwa kompetenti sabiex jistabbilixxi, għandhom ikunu konnessi speċifikament ma' l-ispiża għal prodotti mediċinali biss, jew jista' jiġi kkunsidrat li, fost il-kompetenzi tagħhom, l-Istati għandhom id-diskrezzjoni li jieħdu in kunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni li tirrigwarda spejjeż oħra relatati mas-saħħa?

    5)

    Il-prinċipji ta' trasparenza u ta' parteċipazzjoni ta' l-impriżi interessati fil-miżuri ta' ffriżar jew ta' tnaqqis ġenerali tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali, li jirriżultaw mid-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li tingħata dejjem u f'kull każ il-possibbiltà ta' deroga għall-prezz stabbilit (Artikolu 4(2) tad-direttiva) u ta' parteċipazzjoni konkreta ta' l-impriża li titlob dan, bl-obbligu sussegwenti għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet tagħha għal rifjut eventwali?


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta' sistemi nazzjonali ta' assigurazzjoni tas-saħħa (ĠU L 40, p. 8).


    Top