Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1110(05)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u ta' l-oġġetti ta' l-ikel

    ĠU C 268, 10.11.2007, p. 28–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 268/28


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u ta' l-oġġetti ta' l-ikel

    (2007/C 268/14)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “AFUEGA'L PITU”

    Nru tal-KE: ES/PDO/005/0307/20.08.2003

    DPO ( X ) IĠP ( )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Subdirección General de Calidad Agroalimentaria y Agricultura Ecológica. Dirección General de Industria Agroalimentaria y Alimentación. Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación de España

    Indirizz:

    Infanta Isabel, 1

    E-28071 Madrid

    Tel.:

    (34) 91 347 53 94

    Faks:

    (34) 91 347 54 10

    Posta elettronika:

    sgcaproagro@mapya.es

    2.   Grupp:

    Isem:

    Quesería La Borbolla, C.B. y otros

    Indirizz:

    La Borbolla, 9

    E-33820 Grado

    Tel.:

    (34) 985 75 08 10

    Faks:

    (34) 985 75 08 10

    Posta elettronika:

    queseríalaborbolla@hotmail.com

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi: 1.3 — Ġobon

    4.   Speċifikazzjoni:

    (sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem: “Afuega'l Pitu”

    4.2.   Deskrizzjoni: Dan huwa ġobon li jista' jkun sew frisk sew maturat, ipproċessat b'ħalib tal-baqra sħiħ pasturizzat, ta' pasta ratba miksuba permezz tal-koagulazzjoni lattika, ta' lewn abjad jew oranġjo fl-aħmar jekk tiżdiedlu l-paprika. Minkejja dan ta' fuq, fil-ġobnijiet li għandhom perjodu ta' maturazzjoni ta' 60 jum, il-pasturizzazzjoni tal-ħalib mhijiex rekwiżit indispensabbli.

    Il-prodott li jirriżulta jkun ġobon ta' forma konika bla ponta jew ta' qargħa bagħli, b'piż bejn 200 u 600 gramma, għoli ta' madwar 5 sa 12 ċm, djametru bejn 8 u 14 ċm mkejjel mill-bażi, u qoxra naturali li tvarja skond il-grad ta' maturazzjoni tal-ġobon u ż-żieda tal-paprika.

    Jeżistu erba' indikazzjonijiet tradizzjonali, iżda b'karatteristiċi finali simili:

    Atroncau blancu: Forma konika bla ponta, mhux impastat u ta' lewn abjad.

    Atroncau roxu: Forma konika bla ponta, impastat u ta' lewn aħmar fl-oranġjo.

    Trapu blancu: Forma ta' qargħa bagħli, impastat u ta' lewn abjad.

    Trapu roxu: Forma ta' qargħa bagħli, impastat u ta' lewn aħmar fl-oranġjo.

    Għal dak li jirrigwarda l-karatteristiċi kimiċi tiegħu, għandu kontenut minimu ta' materjal niexef ta' 30 %, kif ukoll kontenut minimu fuq l-estratt niexef ta' xaħam u proteina ta' 45 % u 35 % rispettivament, u valur ta' pH bejn 4,1 u 5.

    Għal dawk li huma l-karatteristiċi sensorjali, huwa ta' lewn abjad safrani skond il-grad ta' maturazzjoni tiegħu, jew aħmar fl-oranġjo jekk tiżdiedlu l-paprika; għandu togħma kemmxejn aċida, ftit mielħa jew xejn affattu, kremuża u pjuttost niexfa; fil-ġobnijiet ħomor, it-togħma ssir aktar qawwija u pikkanti; l-aroma hija ħafifa, li tiżdied bil-maturazzjoni; u l-konsistenza tal-pasta hija ftit jew wisq ratba — aktar ma titwal il-maturazzjoni, anqas tinħass din il-karatteristika.

    4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona ġeografika delimitata permezz tal-ħolqien tad-Denominazzjoni Protetta ta' l-Oriġini “Afuega'l Pitu” tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin: Morcín, Riosa, Santo Adriano, Grado, Salas, Pravia, Tineo, Belmonte, Cudillero, Candamo, Las Regueras, Muros del Nalón u Soto del Barco. Il-fażijiet kollha ta' l-ipproċessar tal-ġobon isiru f'din iż-żona, inkluża l-maturazzjoni, kif ukoll il-produzzjoni tal-ħalib użat bħala materja prima.

    4.4.   Prova ta' l-oriġini: Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni jikkonsisti fi spezzjonijiet viżivi, sorveljanza tad-dokumenti u teħid ta' kampjuni tal-prodott. Skond ir-rekwiżiti kollha msemmija, id-Denominazzjoni Protetta ta' l-Oriġini “Afuega'l Pitu” tista' tiġi applikata esklussivament għall-ġobon li ġej mill-ħalib miksub minn azjendi rreġistrati li jrabbu l-bhejjem u li ġie pproċessat f'imħaleb imniżżla fil-Consejo Regulador, skond l-istandards preskritti minn dan id-dokument, fir-Regolament tad-D.P.O. u fil-Manwal ta' Kwalità u ta' Proċeduri, u li ġie spezzjonat u ċċertifikat minn persunal tekniku tal-Consejo Regulador, skond il-kontrolli previsti.

    Il-ġobon li jikseb iċ-ċertifikazzjoni għandu jkollu tikketta ta' wara nnumerata u bil-logo tad-Denominazzjoni Protetta ta' l-Oriġini “Afuega'l Pitu” mogħtija mill-Consejo Regulador.

    4.5.   Metodu ta' produzzjoni: Il-ħalib użat għall-ipproċessar tal-ġobon protett għandu jkun dak miksub minn baqar b'saħħithom tar-razza Friesian u Asturiana de los Valles u t-taħlit ta' bejniethom, u miskub f'kundizzjonijiet iġjeniċi, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

    L-għalf tal-bhejjem għandu jkun dak stabbilit mill-prattiki tradizzjonali, ibbażat fuq merħliet li jirgħu matul is-sena kollha u ssupplimentat b'ħaxix frisk, ħuxlief u għalf fis-sajlo miksub fl-azjendi tagħhom.

    Fundamentalment, is-sistema li tintuża hija waħda li fiha t-trobbija tal-bhejjem issir parzjalment fl-istalel: il-bhejjem jibqgħu jirgħu matul il-biċċa l-kbira tal-jum u ma' l-għabex jinġemgħu biex jinħalbu, jibqgħu fl-istalel sa filgħodu tal-jum ta' wara u jerġgħu jinħalbu. Huwa waqt it-taħlib li r-razzjoni tagħhom tiġi ssupplimentata b'magħlef frisk, imsawwar f'ħuxlief u maħżun f'sajlo, miksub mill-azjenda stess, u eċċezzjonalment bi kwantitajiet żgħar ta' konċentrati ta' ċereali u ta' leguminużi meta l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi jkunu negattivi.

    Mal-ħalib li jinsab fit-tankijiet tal-baqta tiżdied kwantità żgħira ta' ilma tat-tames, flimkien ma' fermenti lattiċi jekk il-ħalib huwa pasturizzat. It-temperatura tat-tank tvarja bejn 22 u 32 °C. Il-perjodu ta' koagulazzjoni huwa ta' 15 sa 20 siegħa.

    Wara l-koagulazzjoni tal-ħalib, il-baqta titqiegħed fi qwieleb bit-toqob, tal-plastik għall-ikel, sabiex titħalla toqtor għal madwar tnax-il siegħa.

    Ladarba jintemm dan il-ħin, il-baqta bilkemm niexfa tiġi trasferita f'qaleb iżgħar u l-melħ jinfirex fuq wiċċ il-ġobon. Wara tnax-il siegħa titneħħa mill-qaleb u titqiegħed fuq trej bit-toqob biex jiffaċilita t-tqattir finali, u wara dan il-proċess, il-ġobon jgħaddi għall-kamra tal-maturazzjoni.

    Għall-ġobon li hu pproċessat minn taħlita impastata, it-tqattir isir f'reċipjenti tal-plastik akbar, bl-użu ta' garżi. Wara madwar erbgħa u għoxrin siegħa, jgħaddi għall-impastatriċi. Waqt l-impastatura, jiżdied il-melħ u xi kultant il-paprika wkoll, fi proporzjon aprossimattiva ta' 1 % li f'dan il-każ ikun jissejjaħ “trapu roxu”. Wara, it-taħlita impastata bil-paprika jew mingħajrha titqiegħed fi qwieleb u/jew garżi, li fihom titħalla toqtor għal erbgħa u għoxrin siegħa oħra.

    Il-ġobon jiġi kkonservat fi kmamar tal-maturazzjoni minn ħamsa sa sittin jum, skond il-grad ta' maturazzjoni (minn frisk għal maturat).

    Il-ġobon ippakkjat u tikkettat fuq l-imballaġġ awtorizzat jinżamm fi kmamar tat-tkessiħ, f'temperatura bejn erbgħa u għaxar gradi Celsius, fejn jinżamm sa ma jinbiegħ.

    4.6.   Rabta:

    Rabta storika

    Fin-nuqqas ta' referenzi preċedenti, il-ġobon “Afuega'l Pitu” jissemma fid-dokumenti bil-miktub talanqas mis-seklu 18 bħala munita għall-ħlas ta' taxxi, iżda taħt l-isem ta' quesu de puñu jew ġobon ta' Afueg'l Pitu sas-seklu 19. Fi tmiem l-istess seklu, Félix Aramburu y Zuloaga jiddeskrivih hekk: “ġobon primittiv ta' puñu jew ta' afuega el pitu, li huwa komuni fi kważi l-muniċipalitajiet kollha ta' Asturias”. Fi żminijiet aktar reċenti, ix-xogħol Asturias ta' Octavio Bellmunt u Fermín Canella jerġa' jisħaq fuq it-tixrid ta' dan il-ġobon billi jiddeskrivuh bħala “dak komuni magħruf kullimkien bl-isem afuega el pitu jew b'ismijiet oħra”.

    Il-fatt hu li, minkejja li r-referenzi bibljografiċi jqiegħdu l-ġobon f'muniċipalitajiet differenti tar-reġjun ta' Asturias, ma jispeċifikawx u lanqas ma kienu magħrufa l-limiti definiti f'dak iż-żmien, forsi minħabba li kien grupp kbir ta' muniċipalitajiet, u jeħtieġ li nirrikorru għal dokumenti aktar reċenti, għall-għerf popolari u għar-reġistru ta' l-ewwel industriji ta' pproċessar ta' dan il-ġobon biex nindunaw li l-produzzjoni ssir biss fiż-żona ġeografika delimitata.

    L-etimoloġija ta' l-isem li ngħata lil din il-varjetà ta' ġobon hija affaxxinanti proprju għax għadha inċerta. Litteralment, “Afuega'l Pitu” bil-Malti tfisser “toħnoq it-tiġieġa”, isem kurjuż li ta lok għal bosta interpretazzjonijiet: mill-allużjoni għat-tagħfis ta' għonq il-borża (fardela) fejn jitħalla joqtor, għad-diffikultajiet li f'xi każijiet jistgħu jinbtu meta jinbela', sa l-allużjoni għall-użu tradizzjonali tiegħu bħala għalf għat-trobbija tat-tiġieġ.

    Fir-reġjun max-xatt tax-xmajjar Narcea u Nalón, fejn hu aktar komuni, għadd ta' ġobnijiet huma magħrufa bl-isem Afuega'l Pitu b'karatteristiċi u partikolaritajiet biżżejjed omoġenji f'termini ta' għamla, perjodu ta' maturazzjoni u togħma.

    Il-partikolaritajiet fl-ipproċessar baqgħu jissawru, sakemm irriżultaw fi prodott uniku b'erba' indikazzjonijiet tradizzjonali, li jiddistingwu ruħhom fil-kulur aħmar jew abjad, skond jekk tiżdiedx il-paprika jew le, u fil-forma konika bla ponta jew ta' qargħa bagħli, skond liema qwieleb ikunu ntużaw.

    Rabta naturali

    It-territorju delimitat għandu klima tat-tip oċeaniku, karatterizzata minn ammont kbir ta' xita u borra persistenti u ħfief, tul is-sena kollha, radjazzjoni mix-xemx moderata u ħafna sħab, li jidhru fil-prodott protett permezz ta' l-impatt fuq l-għalf, bażi tal-produzzjoni tal-ħalib; peress li:

    jiffavorixxi l-iżvilupp rapidu ta' l-ispeċijiet li jirgħu ta' kwalità eċċellenti fil-bosta artijiet naturali bil-ħaxix u mergħat li nsibu fiż-żona; fenomenu li jiggarantixxi, barra mir-riżorsi alimentari li ġejjin mill-magħlef frisk, tul is-sena kollha, provvista għal dawk il-jiem li fihom il-kundizzjonijiet klimatiċi jkunu negattivi;

    jippermetti li jiġi stabbilit pjan ta' provvista annwali, li jissejjes fuq it-tinwib billi tintuża art bil-ħaxix, permezz tal-mergħat u/jew tal-bwar;

    jippermetti li l-bhejjem jibqgħu barra fil-beraħ, prattikament tul is-sena kollha.

    Dan kollu jassigura li l-produzzjoni tal-ħalib tkun abbundanti u ta' kwalità mill-iprem, mogħnija bi kwalitajiet ta' kompożizzjoni determinati, l-aktar f'dak li jirrigwarda aċidi xaħmin u aċidi organiċi, li lill-ġobon jagħtuh il-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tiegħu, speċjalment f'dak li huwa fwieħa u togħma.

    Il-klima wkoll tinfluwenza l-prodott permezz ta' l-ipproċessar. Din l-influwenza hija ddeterminata mill-esponiment tal-prodott, l-aktar matul il-fażijiet ta' tqattir u ta' tqegħid fil-qwieleb, minħabba n-natura artiġjanali tiegħu, għall-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona, bil-livell għoli tagħha ta' rtuba u temperaturi diefja, li jikkontribwixxu għall-konsistenza speċjali tiegħu, flimkien ma' l-għarfien tal-proċessuri li adattaw il-proċess skond dawn il-fatturi klimatiċi.

    Ġeneralment, l-orografija ta' din iż-żona ġeografika tikkonsisti fi nżul wieqfa li jinsabu fid-distanza qasira bejn ix-xatt b'altitudni baxxa ħafna u l-medda art għolja ħafna fejn in-nixxigħat jitferrqu lejn il-ġnub. Aktar minn nofs dan it-territorju jinsab 'il fuq minn 400 metru għoli, u aktar minn kwart jaqbeż it-800 metru.

    Din l-orografija ffavoriet xejra lejn it-trobbija tal-bhejjem bħala sfruttament tar-riżorsi naturali eċċellenti ta' l-artijiet l-aktar weqfin u għaldaqstant l-anqas adatti għall-attività agrikola, u l-pjanuri vasti li jinsabu l-aktar fil-widien fejn jgħaddu x-xmajjar Nalón, Narcea u t-tributarji tagħhom.

    Din influwenzat ukoll l-importanza ta' l-attività fil-qasam tal-produzzjoni tal-ġobon, billi l-konfigurazzjoni muntanjuża ilha tostakola l-komunikazzjonijiet. B'hekk, f'dak iż-żmien, dawk li jrabbu l-bhejjem kienu xprunati li jużaw il-prattika tal-produzzjoni tal-ġobon bħala soluzzjoni għall-eċċess tal-prodotti tal-ħalib, f'forma sempliċi permezz ta' l-aċidifikazzjoni spontanja. Iżda jekk l-orografija kumplessa hija indiskutibbli, mal-miġra taż-żminijiet, sar ukoll ċert li huwa possibbli li l-iżolament tal-villaġġi jingħeleb bil-mod, li bla dubju influwenza mill-ġdid il-produzzjoni u partikolarment il-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon, billi dan tħalla joqrob lejn iċ-ċentri l-kbar tal-popolazzjoni, li minkejja li minn dejjem huma qrib, huma maqtugħin minħabba diffikultajiet fl-aċċess.

    Il-ħamrija hija wkoll element li jagħmel differenza li ġeneralment hija ta' natura kemmxejn aċida (pH 6,9 — 6,5), b'kontenut għoli ta' materja organika u tendenza li żżomm kontenuti bilanċjati biżżejjed ta' nitroġenu, fosfru, manjeżju u potassju. Dawn il-kundizzjonijiet edafiċi jiddeterminaw kompożizzjoni pjuttost ibbilanċjata u speċifika f'elementi minerali, li jistgħu jikkontribwixxu biex jiddifferenzjaw il-mergħat tagħna minn dawk ta' żoni ġeografiċi oħrajn.

    Il-kompożizzjoni botanika ta' l-art bil-ħaxix għandha diversità kbira li fiha, essenzjalment, speċijiet ta' interess agronomiku bħalma huma t-tgħam (Gramineae), il-bus u l-ħemsi (Leguminosae) u l-Labiatae li jagħtuha kwalitajiet alimentari mill-aqwa għall-baqar.

    Il-fatt li r-ragħi huwa prattika regolari u permanenti fuq l-artijiet fejn dan jista' jsir, jinfluwenza direttament kemm il-kompożizzjoni tal-ħamrija, billi tiffavorixxi l-kontenut ta' materja organika minħabba, sa ċertu punt, il-preżenza kważi permanenti tal-bhejjem fuq il-mergħat; kif ukoll il-kompożizzjoni botanika.

    L-ispeċijiet li jirgħu msemmija baqgħu maż-żminijiet minħabba ċ-ċiklu tar-ragħi u l-eliminazzjoni ta' żrieragħ fil-bagħar tal-bhejjem.

    Rabta umana

    Minn żminijiet imbiegħda, l-azjendi agrikoli taż-żona nbnew minn unitajiet żgħar, il-caserías (irħula żgħar), li kienu awtosuffiċjenti permezz ta' l-għelejjel u l-prodotti li ġejjin mill-bhejjem ta' l-ifrat u min-nagħaġ.

    Mill-eċċessi tal-ħalib, huma pproċessaw dawn il-ġobnijiet, li l-valur tagħhom huwa marbut mal-konsistenza speċifika u mat-togħma partikolari u karatteristika f'kull waħda mill-erba' indikazzjonijiet tradizzjonali; u kif jgħid Enric Canut, espert kbir tal-ġobnijiet Spanjoli, in ġenerali, “fi kwalunkwe post fi Spanja, meta tgħid afuega'l pitu, jew ma għandekx idea ta' x'inhu, jew jekk taf bih, mhemm bżonn iżżid l-ebda aġġettiv supplimentari: huwa ġobon mill-Asturias.”

    It-tradizzjoni artiġjanali għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra, min-nanniet għal binthom għan-neputijiet, sakemm saret hekk illum, billi huma mħaleb familjari li fihom, fil-biċċa l-kbira, huma n-nisa li komplew żammew din il-produzzjoni billi bbażaw ruħhom fuq metodi artiġjanali.

    It-twaqqif tas-swieq, li fosthom jispikka dak ta' Grado, li fih, ladarba l-produzzjoni qabżet l-awtosuffiċjenza, kienu jasluil-ġobnijiet taż-żona, flimkien mal-progress gradwali fil-komunikazzjonijiet, għamlu l-espansjoni kummerċjali possibbli lil hinn mil-limiti tat-territorju tal-produzzjoni u barra mill-Asturias.

    Fit-tieni nofs tas-seklu li għadda, skond ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Spanjola, li timponi l-pasturizzazzjoni tal-ħalib għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon b'perjodi ta' maturazzjoni ta' anqas minn 60 jum, ġie żviluppat ferment speċifiku li ppermetta l-ipproċessar tal-ġobon b'ħalib pasturizzat u kiseb l-istess karatteristiċi organolettiċi u reoloġiċi fil-ġobon prodott tradizzjonalment b'ħalib nej kif ukoll kwalità iġjenika garantita.

    L-istrains tal-ferment speċifiku għandhom kapaċità kbira ta' produzzjoni ta' djaċetil fil-ħalib pasturizzat. Hija preċiżament l-aroma ta' djaċetil li tikkaratterizza l-baqta u l-ġobon “Afuega'l Pitu”.

    Mill-1981 sal-ġurnata tal-lum, il-muniċipalità ta' Morcín torganizza konkors tal-ġobon ta' “Afuega'l Pitu” li fih jipparteċipaw il-proċessuri kollha taż-żona. Dan ittella' fuq inizjattiva ta' grupp ta' żgħażagħ megħjuna mill-Hermandad de la Probe, bil-għan li jippromwovu l-produzzjoni ta' din il-varjetà ta' ġobon ftit li xejn magħruf f'dak iż-żmien, u li minn produzzjoni ristretta għall-użu għall-konsum proprju u għall-bejgħ ta' l-eċċessi skarsi fis-suq ta' Grado, sar preżenza komuni fuq ħafna imwejjed u f'ħafna restoranti ta' Asturias u ta' Spanja, u saħansitra qasam il-fruntieri u jista' jinstab f'postijiet oħra tad-dinja.

    4.7.   Organu ta' spezzjoni:

    Isem:

    Consejo Regulador de la DOP Afuega'l Pitu

    Indirizz:

    Polígono ind. Silvota, C/ Peñamayor, Par. 96

    E-33192 Llanera

    Tel.:

    (34) 985 26 42 00

    Faks:

    (34) 985 26 56 82

    Posta elettronika:

    info@alcecalidad.com

    Il-Consejo Regulador, bħala organu ta' ċertifikazzjoni ta' prodotti agroalimentari, se jaqdi l-funzjonijiet skond il-kriterji stabbiliti mill-istandard EN 45 011.

    4.8.   Tikkettar: Il-ġobon protett mid-Denominazzjoni Protetta ta' l-Oriġini “Afuega'l Pitu” maħsub għall-konsum, għandu jkun identifikat b'tikketta ta' quddiem jew ta' wara numerata, approvata, kontrollata u fornita mill-Consejo Regulador, b'konformità ma' l-istandards deskritti fil-Manwal tal-Kwalità. Fuqha għandha tidher b'mod li tispikka l-indikazzjoni “Denominación de Origen ProtegidaAfuega'l Pitu”, flimkien mat-tagħrif u r-rekwiżiti meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top