EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2007C0906(02)

Linji Gwida dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE

ĠU C 208, 6.9.2007, p. 1–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 208/1


Linji Gwida dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE

(2007/C 208/01)

A.

Dan l-avviż huwa maħruġ taħt ir-regoli tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn ‘il-quddiem “il-Ftehim ŻEE”) u l-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar l-istabbiliment ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza u l-Qorti tal-Ġustizzja (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”).

B.

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ‘il-quddiem “il-Kummissjoni Ewropea”) ħarġet avviż bit-titlu ta' “Linji Gwida dwar l-Applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat” (1). Dan l-att li ma jorbotx jistabbilixxi l-prinċipji li ssegwi l-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet għal eċċezzjoni li jinsabu fl-Artikolu 81(3) KE.

C.

L-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tqis dan l-att imsemmi hawn fuq bħala rilevanti għaż-ŻEE. Sabiex jinżammu kondizzjonijiet indaqs tal-kompetizzjoni u biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-kompetizzjoni taż-ŻEE fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tadotta din in-Notifika taħt is-setgħat mogħtija lilha bl-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. Hija bi ħsiebha ssegwi l-prinċipji u r-regoli stabbiliti f’din in-Notifika meta tapplika r-regoli taż-ŻEE rilevanti għal każ partikolari (2).

D.

B’mod partikolari, l-għan ta' din in-Notifika huwa biex tistabbilixxi l-interpretazzjoni mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tal-kondizzjonijiet għall-eċċezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 53(3) u biex tipprovdi gwida dwar kif l-Artikolu tas-Sorveljanza ta' l-EFTA ser tapplika l-Artikolu 53 f’każ partikolari.

E.

Din in-Notifika tgħodd għal każijiet fejn l-Awtorità hija l-awtorità tas-sorveljanza kompetenti taħt l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE.

1.   DAĦLA

(1)

L-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE jistabbilixxi regola ta' eċċezzjoni, li tipprovdi difiża lil intrapriżi kontra sejba ta' ksur ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, ftehimiet, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi u prattiki miftiehma (3) maqbuda mill-Artikolu 53(1) li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) huma validi u infurzabbli, u mingħajr bżonn ta' ebda deċiżjoni minn qabel f’dan is-sens.

(2)

L-Artikolu 53(3) jista’ jiġi applikat f’każijiet individwali jew għal kategoriji ta' ftehimiet u prattika miftiehma permezz ta' atti li jikkorrispondu għar-regolamenti Komunitarji ta' eżenzjoni ġenerali msemmija fl-Anness XIV tal-Ftehim ŻEE (minn hawn ‘il quddiem “eżenzjonijiet ġenerali”). Il-Kapitolu II tal-Protokoll 4 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (minn hawn ‘il quddiem “il-Kapitolu II”) (4) ma jaffettwax il-validità u n-natura legali ta' l-eżenzjonijiet ġenerali. L-eżenzjonijiet ġenerali eżistenti kollha jibqgħu fis-seħħ u l-ftehimiet koperti mill-eżenzjonijiet ġenerali huma legalment validi u infurzabbli wkoll jekk jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 53(1). Dawn il-ftehimiet jistgħu biss jiġu pprojbiti għall-futur, u dan isir biss meta l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA, jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' l-EFTA jirtiraw b’mod formali l-eżenzjoni ġenerali (5). Il-ftehimiet li huma eżentati b’mod ġenerali ma jistgħux jiġu ddikjarati invalidi mill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta' litigazzjoni privata.

(3)

Il-linji gwida eżistenti dwar ir-restrizzjonijiet vertikali, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali u l-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija (6) jittrattaw l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53 għal bosta tipi ta' ftehimiet u prattiki miftiehma. L-għan ta' dawk il-linji gwida huwa li jistabbilixxu l-perspettiva ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar il-kriterji sostantivi ta' stima applikati għall-bosta tipi ta' ftehimiet u prattika.

(4)

Dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-interpretazzjoni ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar il-kondizzjonijiet għall-eċċezzjoni li jinsabu fl-Artikolu 53(3). B’hekk hija tipprovdi gwida dwar kif se tapplika l-Artikolu 53 fil-każijiet individwali. Għalkemm ma jorbtux, dawn il-linji gwida huma wkoll maħsuba li jipprovdu gwida lill-qrati u lill-awtoritajiet ta' l-Istati ta' l-EFTA fl-applikazzjoni tagħhom ta' l-Artikolu 53(1) u (3) tal-Ftehim ŻEE.

(5)

Il-linji gwida jistabbilixxu qafas analitiku għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3). L-għan huwa li tiġi żviluppata metodoloġija għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Din il-metodoloġija hija bbażata fuq l-istrateġija ekonomika diġà introdotta u żviluppata fil-linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali, il-ftehimiet orizzontali dwar il-kooperazzjoni u l-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija. L-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA se ssegwi dawn il-linji gwida, li jipprovdu gwida aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni ta' l-erba’ kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) mil-linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali, il-ftehimiet orizzontali dwar il-kooperazzjoni u l-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija, ukoll fir-rigward ta' ftehimiet koperti minn dawk il-linji gwida.

(6)

L-istandards stabbiliti f’dawn il-linji gwida għandhom jiġu applikati fid-dawl taċ-ċirkostanzi li huma speċifiċi għal kull każ. Dan jeskludi applikazzjoni mekkanika. Kull każ irid jiġi evalwat skond il-fatti tiegħu u l-linji gwida għandhom jiġu applikati b’mod raġonevoli u flessibbli.

(7)

Dwar għadd ta' kwistjonijiet, dawn il-linji gwida jissottolinjaw l-istat preżenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti ta' l-EFTA u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej taħt id-dispożizzjonijiet korrispondenti fit-Trattat tal-KE (7). Madankollu, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA bi ħsiebha wkoll tispjega l-politika tagħha fir-rigward ta' kwistjonijiet li ma ġewx ittrattati fil-każistika, jew li huma soġġetti għall-interpretazzjoni. Iżda l-pożizzjoni ta' l-Awtorità hija mingħajr preġudizzju għall-ġurisprudenza tal-Qorti ta' l-EFTA, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti ta' l-Ewwel Istanza tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 53(1) u (3), u ghall-interpretazzjoni li jistgħu jagħtu l-Qorti ta' l-EFTA u l-Qrati Komunitarji għal dawk id-dispożizzjonijiet fil-futur.

2.   IL-QAFAS ĠENERALI TA' L-ARTIKOLU 53 TAL-FTEHIM ŻEE

2.1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE

(8)

L-Artikolu 53(1) jipprojbixxi l-ftehimiet kollha bejn intrapriżi, deċiżonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi u prattika miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kuntraenti tal-Ftehim ŻEE (8) u li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom it-trażżin, ir-restrizzjoni jew it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni (9).

(9)

Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, l-Artikolu 53(3) jipprovdi li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 53(1) tista’ tiġi ddikjarata inapplikabbli fil-każ ta' ftehimiet li jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-merkanzija jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku, filwaqt li jagħtu lill-konsumaturi sehem ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw, u li ma jimponux restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli għall-ksib ta' dawn l-għanijiet, u ma jagħtux lil dawn l-intrapriżi l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati.

(10)

Skond l-Artikolu 1(1) tal-Kapitolu II il-ftehimiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 53(1) u li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) huma pprojbiti, mingħajr bżonn ta' ebda deċiżjoni minn qabel f’dan is-sens (10). Skond l-Artikolu 1(2) tal-Kapitolu II il-ftehimiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 53(1) iżda li jissodisdfaw il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) mhumiex ipprojbiti, mingħajr bżonn ta' ebda deċiżjoni minn qabel f’dan is-sens. Dawn il-ftehimiet huma validi u infurzabbli mill-mument li l-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) huma sodisfatti u sakemm dan jibqa’ jkun il-każ.

(11)

L-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 53 għalhekk jikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel pass huwa li jiġi evalwat jekk ftehim bejn intrapriżi, li huwa kapaċi li jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kuntraenti tal-Ftehim ŻEE, għandux għan anti-kompetittiv, jew effetti anti-kompetittivi attwali jew potenzjali (11). It-tieni pass, li jsir rilevanti biss meta ftehim jinstab li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, huwa li jiġu ddeterminati l-benefiċċji pro-kompetittivi u jiġi stmat jekk dawn l-effetti pro-kompetittivi humiex akbar mill-effetti anti-kompetittivi. Il-bilanċjar ta' dawn l-effetti pro-kompetittivi jsir esklużivament fil-qafas stabbilit mill-Artikolu 53(3) (12).

(12)

L-evalwazzjoni ta' kwalunkwe benefiċċju kontrobilanċjanti taħt l-Artikolu 53(3) bilfors teħtieġ li ssir determinazzjoni minn qabel tan-natura u l-impatt restrittivi tal-ftehim. Biex l-Artikolu 53(3) jitqiegħed fil-kuntest tajjeb tiegħu, huwa xieraq li jiġu deskritti fil-qosor l-għan u l-kontenut ewlieni tar-regola ta' projbizzjoni taħt l-Artikolu 53(1). Il-Linji Gwida ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar ir-restrizzjonijiet vertikali, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali u l-ftehimiet tat-trasferiment tat-teknoloġija (13) fihom gwida sostanzjali dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(1) għal bosta tipi ta' ftehimiet. Dawn il-linji gwida għalhekk huma limitati li jfakkru l-qafas analitiku bażiku għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(1).

2.2.   Ir-regola ta' projbizzjoni ta' l-Artikolu 53(1)

2.2.1.   Rimarki Ġenerali

(13)

L-għan ta' l-Artikolu 53 huwa li jħares il-kompetizzjoni fis-suq bħala mezz biex jittejjeb il-benessri tal-konsumatur u biex tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi. Il-kompetizzjoni u l-integrazzjoni tas-suq jaqdu dawn l-għanijiet ladarba l-ħolqien u l-preżervazzjoni ta' ŻEE miftuħa jippromwovu allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi tul it-territorju kollu kopert mill-Ftehim ŻEE għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

(14)

Ir-regola ta' projbizzjoni fl-Artikolu 53(1) tgħodd għal ftehimiet restrittivi u prattiki miftiehma bejn intrapriżi u deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi sa fejn huma kapaċi li jaffetwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kuntraenti tal-Ftehim ŻEE. Prinċipju ġenerali li jirfed l-Artikolu 53(1) huwa li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod indipendenti l-politika, li bi ħsiebu jadotta fis-suq (14). “Ftehimiet”, “deċiżonijiet” u “prattiki miftiehma” huma kunċetti tal-liġi taż-ŻEE li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-imġiba unilaterali ta' intrapriża u l-koordinazzjoni ta' l-imġiba jew il-ftehim bejn l-intrapriżi (15). L-imġiba unilaterali hija soġġetta biss għall-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE sa fejn hija kkonċernata l-liġi tal-kompetizzjoni taż-ŻEE. Barra minn dan, ir-regola ta' konverġenza stabbilita fl-Artikolu 3(2) tal-Kapitolu II ma tgħoddx għall-imġiba unilaterali. Din id-dispożizzjoni tgħodd biss għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li huma kapaċi li jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kuntraenti tal-Ftehim ŻEE. L-Artikolu 3(2) jipprovdi li meta dawn il-ftehimiet, deċiżonijiet u prattiki miftiehma mhumiex ipprojbiti mill-Artikolu 53, ma jistgħux ikunu pprojbiti mil-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 3 tal-Kapitolu II huwa mingħajr preġudizzju għall-prinċipju fundamentali li kwalunkwe kunflitt bejn regoli implimentati taż-ŻEE u l-liġi nazzjonali għandu jiġi riżolt sabiex ir-regoli taż-ŻEE jieħdu preċedenza. Għalhekk il-ftehimiet u l-prattiki abbużivi li huma pprojbiti mill-Artikoli 53 u 54 ma jistgħux jiġu ritenuti validi mil-liġi nazzjonali (16).

(15)

It-tip ta' koordinazzjoni ta' mġiba jew ftehim bejn l-intrapriżi li jaqa’ fl-ambitu ta' l-Artikolu 53(1) huwa dak fejn għall-inqas intrapriża waħda vis-à-vis intrapriża oħra tintrabat li tadotta ċerta mġiba fis-suq jew li b’riżultat tal-kuntratti bejniethom l-inċertezza dwar l-imġiba tagħhom fis-suq hija eliminata jew għall-inqas imnaqqsa b’mod sostanzjali (17). Isegwi li l-koordinazzjoni tista’ tieħu l-forma ta' obbligi li jirregolaw l-imġiba fis-suq ta' għall-inqas waħda mill-partijiet kif ukoll ta' arranġamenti li jinfluwenzaw l-imġiba ta' għall-inqas waħda mill-partijiet billi jikkaġunaw tibdil fl-inċentivi tagħha. Mhuwiex meħtieġ li l-koordinazzjoni tkun fl-interess ta' l-intrapriżi kkonċernati kollha (18). Il-koordinazzjoni wkoll mhux neċessarjament trid tkun espliċita. Tista’ wkoll tkun taċita. Biex ftehim ikun jista’ jitqies li ġie konkluż bl-aċċettazzjoni taċita, għandu jkun hemm stedina minn intrapriża lil intrapriża oħra, kemm jekk espressa kif ukoll jekk impliċita, biex għan jintlaħaq b’mod konġunt (19). F’xi ċirkostanzi, ftehim jista’ jiġi inferit minn u attribwit għal relazzjoni kummerċjali li tkun għaddejja bejn il-partijiet (20). Madankollu, is-sempliċi fatt li miżura adottata minn intrapriża taqa’ fil-kuntest ta' relazzjonijiet kummerċjali kurrenti mhuwiex biżżejjed (21).

(16)

Il-ftehimiet bejn l-intrapriżi huma maqbuda mir-regola ta' projbizzjoni ta' l-Artikolu 53(1) meta x’aktarx ser ikollhom impatt negattiv apprezzabbli fuq il-parametri tal-kompetizzjoni fis-suq, bħall-prezz, il-produzzjoni, il-kwalità tal-prodott, il-varjetà tal-prodott u l-innovazzjoni. Il-ftehimiet jista’ jkollhom dan l-effett billi b’mod apprezzabbli jnaqqsu l-kompetizzjoni bejn il-partijiet tal-ftehim jew bejniethom u terzi.

2.2.2.   Il-prinċipji bażiċi biex jiġu evalwati l-ftehimiet taħt l-Artikolu 53(1)

(17)

L-evalwazzjoni dwar jekk ftehim jirrestrinġix il-kompetizzjoni għandha ssir fil-kuntest attwali li fih isseħħ il-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-ftehim bir-restrizzjonijiet allegati tiegħu (22). Meta ssir din l-evalwazzjoni huwa meħtieġ li jitqies l-impatt probabbli tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki (jiġifieri l-kompetizzjoni bejn il-provdituri ta' marki li jikkompetu) u fuq il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka (jiġifieri kompetizzjoni bejn id-distributuri ta' l-istess marka). L-Artikolu 53(1) jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kemm tal-kompetizzjoni bejn il-marki kif ukoll kompetizzjoni fi ħdan il-marka (23).

(18)

Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim jew il-partijiet individwali tiegħu jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn il-marki u/jew il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka jeħtieġ li jitqies kif u sa fejn il-ftehim jaffettwa jew x’aktarx jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq. Dawn iż-żewġ mistoqsijiet jipprovdu qafas utli biex issir din l-evalwazzjoni. L-ewwel mistoqsija hija dwar l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki filwaqt li t-tieni mistoqsija hija dwar l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka. Minħabba li r-restrizzjonijiet jistgħu jkunu kapaċi li jaffettwaw kemm il-kompetizzjoni bejn il-marki kif ukoll il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka fl-istess ħin, jista’ jkun meħtieġ li tiġi analizzata restrizzjoni fid-dawl taż-żewġ mistoqsijiet qabel ma jista’ jiġi konkluż jekk il-kompetizzjoni hijiex ristretta fis-sens ta' l-Artikolu 53(1):

(1)

Il-ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali li setgħet eżistiet mingħajr il-ftehim? Jekk iva, il-ftehim jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 53(1). Biex issir din l-evalwazzjoni huwa meħtieġ li titqies il-kompetizzjoni bejn il-partijiet u l-kompetizzjoni minn terzi. Per eżempju, fejn żewġ intrapriżi stabbiliti fi Stati differenti taż-ŻEE jintrabtu li ma jbigħux prodotti fis-swieq domestiċi ta' xulxin, il-kompetizzjoni (potenzjali) li eżistiet qabel il-ftehim hija ristretta. B’mod simili, fejn provditur jimponi obbligi fuq id-distributuri tiegħu li ma jbiegħux prodotti li jikkompetu u dawn l-obbligi jagħlqu l-aċċess ta' terzi għas-suq, il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali li setgħet eżistiet fin-nuqqas tal-ftehim hija ristretta. Meta jiġi stmat jekk il-partijiet ta' ftehim humiex kompetituri attwali jew potenzjali għandu jitqies il-kuntest ekonomiku u legali. Per eżempju, jekk minħabba r-riskji finanzjarji involuti u l-kapaċitajiet tekniċi tal-partijiet mhux probabbli fuq il-bażi ta' fatturi oġġettivi kull parti tkun tista twettaq waħedha l-attivitajiet koperti mill-ftehim, il-partijiet jitqiesu li mhumiex kompetituri fir-rigward ta' dik l-attività (24). Hija r-responsabbiltà tal-partijiet li jressqu l-provi f’dan is-sens.

(2)

Il-ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali li setgħet eżistiet fin-nuqqas ta' restrizzjoni(jiet) kuntrattwali? Jekk iva, il-ftehim jista’ jinqabad mill-Artikolu 53(1). Per eżempju fejn provditur jirrestrinġi lid-distributuri tiegħu milli jikkompetu ma' xulxin, il-kompetizzjoni (potenzjali) li setgħet eżistiet bejn id-distributuri mingħajr ir-restrizzjonijiet hija ristretta. Dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu ż-żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid r-restrizzjonijiet dwar bejn territorjali jew lil klijenti partikolari bejn id-distributuri. Iżda, xi restrizzjonijiet jistgħu f’xi każijiet ma jinqabdux mill-Artikolu 53(1) meta r-restrizzjoni hija oġġettivament neċessarja għall-eżistenza ta' ftehim ta' dak it-tip jew ta' dik in-natura (25). Din l-esklużjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(1) tista’ ssir biss fuq il-bażi ta' fatturi esterni għall-partijiet stess u mhux il-fehmiet u l-karatteristiċi suġġettivi tal-partijiet. Il-kwistjoni mhijiex jekk il-partijiet fis-sitwazzjoni partikolari ma kinux jaċċettaw li jikkonkludu ftehim inqas restrittiv, iżda jekk minħabba n-natura tal-ftehim u l-karatteristiċi tas-suq kienx jiġi konkluż ftehim inqas restrittiv mill-intrapriżi f’sitwazjoni simili. Per eżempju, ir-restrizzjonijiet territorjali fi ftehim bejn provditur u distributor jistgħu għal xi żmien jaqgħu taħt l-Artikolu 53(1), jekk ir-restrizzjonijiet huma oġġettivament meħtieġa biex id-distributur jippenetra suq ġdid (26). B’mod simili, projbizzjoni imposta fuq id-distributuri kollha li ma jbigħux lil xi kategoriji ta' konsumaturi aħħarin tista’ ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni jekk din id-restrizzjoni hija oġġettivament meħtieġa għal raġunijiet ta' sigurtà jew saħħa relatati man-natura perikoluża tal-prodott in kwistjoni. Il-pretensjonijiet li fin-nuqqas ta' restrizzjoni l-provditur kien jirrikorri għal integrazzjoni vertikali mhumiex biżżejjed. Id-deċiżjonijiet dwar jekk issirx integrazzjoni vertikali jew le jiddependu fuq firxa kbra ta' fatturi ekonomiċi kumplessi, li għadd minnhom huma interni għall-intrapriża in kwistjoni.

(19)

Fl-applikazzjoni tal-qafas analitiku stabbilit fil-paragrafu ta' qabel, għandu jitqies li l-Artikolu 53(1) jiddistingwi bejn dawk il-ftehimiet li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u dawk il-ftehimiet li għandhom restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala l-effett tagħhom. Ftehim jew restrizzjoni kuntrattwali huwa/hija pprojbit(a) biss mill-Artikolu 53(1) jekk l-għan jew l-effett huwa li j/tirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn il-marki jew il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka.

(20)

Id-distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet skond l-għan u r-restrizzjonijiet skond l-effett hija importanti. Ladarba jkun ġie stabbilit li ftehim għandu bħala l-għan tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, ma hemmx bżonn li jitqiesu l-effetti konkreti tiegħu (27). Fi kliem ieħor, għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(1) ebda effett anti-kompetittivi attwali ma għandu għalfejn jintwera fejn il-ftehim għandu bħala l-għan tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 53(3) ma jiddistingwix bejn ftehimiet li jirrestrinġu kompetizzjoni bħala għan u l-ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bħala effett. L-Artikolu 53(3) jgħodd għall-ftehimiet kollha li jilħqu l-erba’ kondizzjonijiet li jinsabu fih (28).

(21)

Ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skond l-għan huma dawk li min-natura tagħhom stess għandhom il-potenzjal li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Dawn huma restrizzjonijiet li fid-dawl ta' l-għanijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni taż-ŻEE għandhom potenzjal ta' effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li tant huwa għoli, li, sabiex jiġi applikat l-Artikolu 53(1), mhux meħtieġ li jintwerew effetti attwali fis-suq. Din il-preżunzjoni hija bbażata fuq in-natura serja tar-restrizzjoni u fuq l-esperjenza li turi li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skond l-għan x’aktarx jipproduċu effetti negattivi fis-suq u jqiegħdu fil-periklu l-għanijiet imfittxija mir-regoli tal-kompetizzjoni taż-ŻEE. Ir-restrizzjonijiet skond l-għan bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq inaqqsu l-produzzjoni u jgħollu l-prezzijiet, li jwasslu għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, għaliex il-prodotti u s-servizzi mitluba mill-klijenti ma jiġux prodotti. Iwasslu wkoll għal tnaqqis fil-benessri tal-konsumatur, għaliex il-konsumaturi jkollhom iħallsu prezzijiet ogħla għall-prodotti u s-servizzi in kwistjoni.

(22)

L-evalwazzjoni jekk ftehim għandu jew m’għandux bħala l-għan tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hija bbażata fuq għadd ta' fatturi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, il-kontenut tal-ftehim u l-għanijiet oġġettivi mfittxija minnu. Jista’ wkoll ikun meħtieġ li jitqies il-kuntest fejn (għandu) jiġi applikat u l-imġiba attwali tal-partijiet fis-suq (29). Fi kliem ieħor, tista’ tkun meħtieġa eżaminazzjoni tal-fatti li jirfdu l-ftehim u ċ-ċirkostanzi speċifiċi fejn jopera qabel ma jiġi konkluż jekk restrizzjoni partikolari tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni skond l-għan. Il-mod li bih ftehim huwa attwalment implimentat jista’ jiżvela restrizzjoni skond l-għan ukoll meta l-ftehim formali ma fihx dispożizzjoni espressa f’dan is-sens. Il-provi ta' intenzjoni soġġettiva min-naħa tal-partijiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni huwa fattur rilevanti, iżda mhux kondizzjoni neċessarja.

(23)

Gwida mhux eżawrjenti dwar x’jikkostitwixxu r-restrizzjonijiet skond l-għan tista’ tinsab fl-eżenzjonijiet ġenerali u fil-linji gwidi u l-avviżi ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA. Ir-restrizzjonijiet li huma assolutament ipprojbiti (lista sewda) fl-eżenzjonijiet ġenerali jew li huma ddefiniti bħala restrizzjonijiet assolutament projbiti fil-linji gwida u fl-avviżi ġeneralment jitqiesu mill-Awtorità li jikkostitwixxu restrizzjonijiet skond l-għan. Fil-każ ta' ftehimiet orizzontali ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skond l-għan jinkludu l-iffissar tal-prezzijiet, il-limitazzjoni tal-produzzjoni u t-tqassim tas-swieq u l-konsumaturi (30). Dwar il-ftehimiet vertikali l-kategorija ta' restrizzjonijiet skond l-għan tinkludi, b’mod partikolari, iż-żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid fiss u minimu, u restrizzjonijiet li jipprovdu protezzjoni territorjali assoluta, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv (31).

(24)

Jekk ftehim ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skond l-għan għandu jiġi eżaminat jekk għandux effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għandhom jitqiesu kemm l-effetti attwali kif ukoll dawk potenzjali (32). Fi kliem ieħor il-ftehim għandu jkollu effetti x’aktarx anti-kompetittivi. Fil-każ ta' restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skond l-effett ma hemm ebda preżunzjoni ta' effetti anti-kompetittivi. Biex ftehim ikun restrittiv skond l-effett għandu jaffettwa l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali sa tali punt li fis-suq rilevanti jistgħu jiġu mistennija b’livell raġonevoli ta' probabbiltà effetti negattivi fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni, l-innovazzjoni jew il-varjetà jew il-kwaltià tal-prodotti jew is-servizzi (33). Dawn l-effetti negattivi għandhom ikunu apprezzabbli. Ir-regola ta' projbizzjoni fl-Artikolu 53(1) ma tgħoddx meta l-effetti anti-kompetittivi identifikati huma insinjifikanti (34). Dan it-test jirrefletti l-istrateġija ekonomika li tapplika l-Awtorità tas-sorveljanza ta' l-EFTA. Il-projbizzjoni fl-Artikolu 53(1) tgħodd biss meta fuq il-bażi ta' analiżi tas-suq tajba jista’ jiġi konkluż li l-ftehim għandu effetti x’aktarx anti-kompetittivi fis-suq (35). Biex jinstab dan mhuwiex biżżejjed li l-ishma tas-suq tal-partijiet jeċċedu l-limiti stabbiliti fl-avviż de minimis ta' l-Awtorità (36). Il-ftehimiet li jaqgħu taħt il-’kennijiet’ ta' l-eżenzjonijiet ġenerali jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 53(1) iżda dan mhuwiex neċessarjament il-każ. Barra minn dan, il-fatt li minħabba l-ishma tas-suq tal-partijiet, ftehim jaqa’ barra mill-kenn ta' eżenzjoni ġenerali huwa fih innifsu bażi insuffiċjenti biex jinstab li l-ftehim jaqa’ taħt l-Artikolu 53(1) jew li ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3). L-evalwazzjoni individwali ta' l-effetti probabbli prodotti mill-ftehim hija meħtieġa.

(25)

L-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti x'aktarx iseħħu meta l-partijiet individwalment jew b'mod konġunt għandhom jew jiksbu xi livell ta' setgħa fis-suq u l-ftehim jikkontribwixxi għall-ħolqien, iż-żamma jew it-tisħiħ tas-setgħa tas-suq jew jippermetti lill-partijiet jisfruttaw din is-setgħa fis-suq. Is-setgħa fis-suq hija l-abilità li jinżammu l-prezzijiet ogħla mil-livell kompetittiv għal żmien sinjifikanti jew li tinżamm il-produzzjoni f'termini ta' kwantitajiet ta' prodotti u varjetà jew innovazzjoni inqas mil-livelli kompetittivi għal żmien sinjifikanti. Fi swieq bi spejjeż fissi għoljin, l-intrapriżi għandhom jipprezzaw b'mod sinjifikanti ogħla mill-ispejjeż marġinali tal-produzzjoni sabiex jiżguraw dħul lura kompetittiv fuq l-investiment tagħhom. Il-fatt li l-intrapriżi jipprezzaw ogħla mill-ispejjeż marġinali mhuwiex fih innifsu sinjal li l-kompetizzjoni fis-suq mhiex qed taħdem tajjeb u li l-intrapriżi għandhom setgħa tas-suq li tippermettilhom jipprezzaw ogħla mil-livell kompetittiv. Huwa meta l-limitazzjonijiet kompetittivi huma insuffiċjenti biex jinżammu l-prezzijiet u l-produzzjoni f'livelli kompetittivi li l-intrapriżi għandhom is-setgħa fis-suq fis-sens ta' l-Artikolu 53(1).

(26)

Il-ħolqien, iż-żamma jew it-tisħiħ tas-setgħa fis-suq jistgħu jirriżultaw minn restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet tal-ftehim. Jista' wkoll jirriżulta minn restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn waħda mill-partijiet u partijiet terzi, eż., minħabba li l-ftehim iwassal għall-għeluq barra tal-kompetituri jew minħabba li jżid l-ispejjeż tal-kompetituri, u jillimita l-kapaċità tagħhom li jikkompetu b'mod effettiv mal-partijiet kuntraenti. Is-setgħa fis-suq hija kwistjoni ta' grad. Il-grad tas-setgħa fis-suq normalment meħtieġ għas-sejba ta' ksur taħt l-Artikolu 53(1) fil-każ ta' ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skond l-effett huwa inqas mil-grad ta' setgħa fis-suq meħtieġ biex tinstab id-dominanza taħt l-Artikolu 54.

(27)

Sabiex jiġu analizzati l-effetti restrittivi ta' ftehim normalment huwa meħtieġ li jiġi ddefinit is-suq rilevanti (37). Normalment huwa wkoll meħtieġ li jiġu eżaminati u evalwati, fost l-oħrajn, in-natura tal-prodotti, il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet, il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri, il-pożizzjoni fis-suq tax-xerejja, l-eżistenza ta' kompetituri potenzjali u l-livelli ta' l-ostakoli għad-dħul. F'xi każijiet, madankollu, jista' jkun possibbli li jintwerew l-effetti anti-kompetittivi direttament billi tiġi analizzata l-imġiba fis-suq tal-partijiet għall-ftehim. Per eżempju, jista' jkun possibbli li jiġi aċċertat li ftehim wassal għal żjidiet fil-prezzijiet. Il-linji gwida dwar il-kooperazzjoni orizzontali u dwar il-limitazzjonijiet vertikali jistabbilixxu qafas dettaljat biex jiġi analizzat l-impatt kompetittiv ta' bosta tipi ta' ftehimiet orizzontali u vertikali skond l-Artikolu 53(1) (38).

2.2.3.   Ir-restrizzjonijiet anċillari

(28)

Il-paragrafu 18 hawn fuq jistabbilixxi qafas biex jiġi analizzat l-impatt ta' ftehim u r-restrizzjonijiet individwali tiegħu fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki u l-kompetizzjoni fi ħdan il-marka. Jekk fuq il-bażi ta' dawk il-prinċipji huwa konkluż li t-tranżazzjoni ewlenija koperta mill-ftehim ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni, isir rilevanti li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet individwali li jinsabu fil-ftehim humiex ukoll kompatibbli ma' l-Artikolu 53(1) għaliex huma anċillari għat-tranżazzjoni ewlenija mhux restrittiva.

(29)

Fil-liġi tal-kompetizzjoni taż-ŻEE il-kunċett ta' restrizzjonijiet anċillari jkopri kwalunkwe restrizzjoni allegata tal-kompetizzjoni li hija direttament relatata u neċessarja għall-implimentazzjoni ta' tranżazzjoni ewlenija mhux restrittiva u proporzjonata magħha (39). Jekk ftehim fil-partijiet ewlenin tiegħu, per eżempju ftehim tad-distribuzzjoni jew intrapriża konġunta, m'għandux bħala għan jew effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, allura r-restrizzjonijiet, li huma direttament relatati ma' u neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dik it-tranżazzjoni, jaqgħu barra mill-Artikolu 53(1) (40). Dawn ir-restrizzjonijiet relatati jissejħu restrizzjonijiet anċillari. Restrizzjoni hija direttament relatata mat-tranżazzjoni ewlenija jekk hija subordinata għall-implimentazzjoni ta' dik it-tranżazzjoni u hija marbuta inseparabbilment magħha. It-test tan-neċessità jimplika li r-restrizzjoni għandha tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni ewlenija u tkun proporzjonata għaliha. Isegwi li t-test tar-restrizzjonijiet anċillari huwa simili għat-test stabbilit fil-paragrafu 18(2) hawn fuq. Madankollu t-test tar-restrizzjonijiet anċillari jgħodd fil-każijiet kollha fejn it-tranżazzjoni ewlenija ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni (41). Mhuwiex limitat għad-determinazzjoni ta' l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka.

(30)

L-applikazzjoni tal-kunċett tar-restrizzjoni anċillari għandha tiġi distinta mill-applikazzjoni tad-difiża taħt l-Artikolu 53(3) li hija relatata ma' xi benefiċċji ekonomiċi prodotti minn ftehimiet restrittivi u li huma bbilanċjati ma' l-effetti restrittivi tal-ftehimiet. L-applikazzjoni tal-kunċett tar-restrizzjoni anċillari ma tinvolvi ebda bbilanċjar ta' effetti pro-kompetittivi u dawk anti-kompetittivi. Dan l-ibbilanċjar huwa rriservat għall-Artikolu 53(3) (42).

(31)

L-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet anċillari hija llimitata għal determinazzjoni jekk, fil-kuntest tat-tranżazzjoni jew attività ewlenija mhux restrittiva, restrizzjoni partikolari hijiex neċessarja għall-implimentazzjoni ta' dik it-tranżazzjoni jew attività u proporzjonata għaliha. Jekk fuq il-bażi ta' fatturi oġġettivi jista' jiġi konkluż li mingħajr ir-restrizzjoni, it-tranżazzjoni ewlenija mhux restrittiva tkun diffiċli jew impossibbli li tiġi implimentata, ir-restrizzjoni tista' titqies bħala oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni tagħha u proporzjonata għaliha (43). Jekk, per eżempju, l-għan ewlieni ta' ftehim dwar franchise ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni, allura r-restrizzjonijiet, li huma neċessarji biex il-ftehim jopera tajjeb, dawk l-obbligi mmirati li jħarsu l-uniformità u r-reputazzjoni tas-sistema tal-franchise, ukoll jaqgħu barra mill-Artikolu 53(1) (44). B’mod simili jekk intrapriża konġunta fiha nfisha ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni, allura r-restrizzjonijiet meħtieġa biex jopera l-ftehim jitqiesu li huma anċillari għat-tranżazzjoni ewlenija u għalhekk ma jaqgħux taħt l-Artikolu 53(1). Per eżempju, f’TPS  (45) il-Kummissjoni kkonkludiet li obbligu fuq il-partijiet li ma jkunux involuti f'kumpanniji li jaħdmu fid-distribuzzjoni u l-marketing tal-programmi tat-televixin bis-satellita kien anċillari għall-ħolqien ta' l-intrapriża konġunta matul il-fażijiet inizzjali. Ir-restrizzjoni għalhekk tqieset li ma taqax taħt l-Artikolu 81(1) KE għal żmien ta' tliet snin. Meta waslet għal din il-konklużjoni l-Kummissjoni qieset l-investimenti kbar u r-riskji kummerċjali involuti biex wieħed jidħol fis-suq tat-televixin bil-ħlas.

2.3.   Ir-regola ta' eċċezzjoni ta' l-Artikolu 53(3)

(32)

L-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet skond l-għan u skond l-effett taħt l-Artikolu 53(1) hija biss aspett wieħed ta' l-analiżi. L-aspett l-ieħor, li huwa rifless fl-Artikolu 53(3), huwa l-evalwazzjoni ta' l-effetti ekonomiċi pożittivi tal-ftehimiet restrittivi.

(33)

L-għan tar-regoli tal-kompetizzjoni taż-ŻEE huwa li jħarsu l-kompetizzjoni fis-suq bħala meżż biex jittejjeb il-benessri tal-konsumatur u li tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Il-ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jistgħu fl-istess ħin ikollhom effetti pro-kompetittivi bħala żjidiet fl-effiċjenza (46). L-effiċjenzi jistgħu joħolqu l-valur addizzjonali billi jnaqqsu l-prezz tal-produzzjoni ta' prodott, itejbu l-kwalità tal-prodott jew joħolqu prodott ġdid. Meta l-effetti pro-kompetittivi ta' ftehim huma akbar mill-effetti anti-kompetittivi, il-ftehim huwa, bħala bilanċ, pro-kompetittiv u kompatibbli ma' l-għanijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni taż-ŻEE. L-effett nett ta' dawn il-ftehimiet huwa li jippromwovu l-essenza proprja tal-proċess kompetittiv, jiġifieri li jintrebħu l-klijenti billi jiġu offruti prodotti aħjar jew prezzijiet aħjar minn dawk li joffru l-kompetituri. Dan il-qafas analitiku huwa rifless fl-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 53(3). Din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tagħraf b’mod espress li l-ftehimiet restrittivi jistgħu jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi oġġettivi sabiex ikunu akbar mill-effetti negattivi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (47).

(34)

L-applikazzjoni tar-regola ta' l-eċċezzjoni fl-Artikolu 53(3) hija soġġetta għal erba' kondizzjonijiet kumulattivi, tnejn pożittivi u tnejn negattivi:

(a)

Il-ftehim għandu jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew jikkontribwixxu għall-progress tekniku jew ekonomiku,

(b)

Il-konsumaturi għandhom jirċievu sehem ekwu mill-benefiċċji li jirriżultaw;

(ċ)

Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu indispensabbli biex jinkisbu dawn l-għanijiet, u fl-aħħar

(d)

Il-ftehim m'għandux jippermetti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

Meta dawn l-erba' kondizzjonijiet huma milħuqa l-ftehim itejjeb il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti, għaliex iwassal lill-intrapriżi kkonċernati biex joffru prodotti irħas jew aħjar lill-konsumaturi, u jikkumpensawhom għall-effetti negattivi tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

(35)

L-Artikolu 53(3) jista' jiġi applikat għal ftehimiet individwali jew għal kategoriji ta' ftehimiet permezz ta' eżenzjoni ġenerali. Meta ftehim huwa kopert minn eżenzjoni ġenerali, il-partijiet għall-ftehim restrittiv huma meħlusa mill-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 2 tal-Kapitolu II li juru li l-ftehim individwali tagħhom jilħaq kull waħda mill-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3). Għandhom biss jippruvaw li l-ftehim restrittiv jibbenefika minn eżenzjoni ġenerali. L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3) għal kategoriji ta' ftehim permezz ta' eżenzjonijiet ġenerali hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-ftehimiet restrittivi li jaqgħu fl-ambitu tagħhom (48) jilħqu kull waħda mill-erba' kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53(3).

(36)

Jekk f'każ individwali l-ftehim jaqa' taħt l-Artikolu 53(1) u l-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) ma jintlaħqux, l-eżenzjoni ġenerali tista' tiġi rtirata. Skond l-Artikolu 29(1) tal-Kapitolu II l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA għandha s-setgħa li tirtira l-benefiċċju ta' eżenzjoni ġenerali meta ssib li f'każ partikolari ftehim kopert minn eżenzjoni ġenerali għandu xi effetti li huma inkompatibbli ma' l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE. Skond l-Artikolu 29(2) tal-Kapitolu II awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat ta' l-EFTA tista' wkoll tirtira l-benefiċċju ta' eżenzjoni ġenerali fir-rigward tat-territorju tagħha (jew parti mit-territorju tagħha), jekk dan it-territorju għandu l-karatteristiċi kollha ta' suq ġeografiku distint. Fil-każ ta' rtirar, huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati li jridu juru li l-ftehim jikser lill-Artikolu 53(1) u li ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3).

(37)

Il-qrati ta' l-Istati ta' l-EFTA ma għandhom ebda setgħa li jirtiraw il-benefiċċju ta' l-eżenzjonijiet ġenerali. Barra minn dan, meta japplikaw l-eżenzjonijiet ġenerali, il-qrati ta' l-Istati ta' l-EFTA ma jistgħux jimmodifikaw l-ambitu tagħhom billi jestendu l-isfera ta' l-applikazzjoni tagħhom għal ftehimiet mhux koperti mill-eżenzjoni ġenerali in kwistjoni (49). Barra mill-ambitu ta' l-eżenzjonijiet ġenerali, il-qrati ta' l-Istati ta' l-EFTA għandhom is-setgħa japplikaw l-Artikolu 53 b’mod sħiħ (ara l-Artikolu 6 tal-Kapitolu II).

3.   L-APPLIKAZZJONI TA' L-ERBA' KONDIZZJONIJIET TA' L-ARTIKOLU 53(3)

(38)

Il-bqija ta' dawn il-linji gwida se jqisu kull waħda mill-erba' kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) (50). Minħabba li dawn l-erba' kondizzjonijiet huma kumulattivi (51) mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-kondizzjonijiet li jifdal ladarba jinstab li waħda mill-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) ma tkunx intlaħqet. F'każijiet individwali jista' għalhekk ikun xieraq li jitqiesu l-erba' kondizzjonijiet f'ordni differenti.

(39)

Għall-iskopjiet ta' dawn il-linji gwida jitqies xieraq li l-ordni tat-tieni u t-tielet kondizzjoni tiġi maqluba, u b'hekk il-kwistjoni ta' l-indispensabilità tiġi ttrattata qabel il-kwistjoni tal-mogħdija lill-konsumaturi. L-analiżi tal-mogħdija teħtieġ ibbilanċjar ta' l-effetti negattivi u pożittivi ta' ftehim fuq il-konsumaturi. Din l-analiżi m'għandhiex tinkludi l-effetti ta' kwalunkwe restrizzjoni, li diġà ma tgħaddix mit-test ta' l-indispensabilità u li għal dik ir-raġuni hija pprojbita mill-Artikolu 53.

3.1.   Il-prinċipji ġenerali

(40)

L-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE jsir rilevanti biss meta ftehim bejn l-intrapriżi jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 53(1). Fil-każ ta' ftehimiet mhux restrittivi ma hemm ebda bżonn li jiġu eżaminati l-benefiċċji ġġenerati mill-ftehim.

(41)

Fejn f'każ individwali restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 53(1) tkun ġiet ippruvata, l-Artikolu 53(3) jista' jitqajjem bħala difiża. Skond l-Artikolu 2 tal-Kapitolu II, l-oneru tal-prova taħt l-Artikolu 53(3) jistrieħ fuq l-intrapriża/i li tinvoka/jinvokaw il-benefiċċju tar-regola ta' l-eċċezzjoni. Fejn il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) mhumiex sodisfatti, il-ftehim huwa null u mingħajr effett, ara l-Artikolu 53(2). Iżda, din in-nullità awtomatika tgħodd biss għal dawk il-partijiet tal-ftehim li mhumiex inkompatibbli ma' l-Artikolu 53, kemm-il darba dawn il-partijiet jistgħu jinqatgħu barra mill-ftehim sħiħ (52). Jekk parti biss mill-ftehim huwa null u mingħajr effett, il-liġi nazzjonali applikabbli tiddetermina l-konsegwenzi ta' dan għall-bqija tal-ftehim (53).

(42)

L-erba' kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) huma kumulattivi (54), jiġifieri għandhom kollha jintlaħqu biex tgħodd ir-regola ta' l-eċċezzjoni. Jekk ma jintlaħqux, l-applikazzjoni tar-regola ta' eċċezzjoni ta' l-Artikolu 53(3) għandha tiġi rifjutata (55). L-erba' kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) huma wkoll eżawrjenti. Meta jintlaħqu l-eċċezzjoni tgħodd u ma tistax tkun magħmula dipendenti fuq xi kondizzjoni oħra. L-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Ftehim ŻEE jistgħu jitqiesu sa fejn jistgħu jiġu inklużi taħt l-erba' kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) (56).

(43)

L-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 53(3) tal-benefiċċji li jirriżultaw minn ftehimiet restrittivi bħala prinċipju ssir fil-limiti ta' kull suq rilevanti li għalih jirrelata l-ftehim. Ir-regoli tal-kompetizzjoni taż-ŻEE għandhom bħala għan il-ħarsien tal-kompetizzjoni fis-suq u ma jistgħux jinfirdu minn dan l-għan. Barra minn dan, il-kondizzjoni li l-konsumaturi (57) għandhom jirċievu sehem ekwu mill-benefiċċji timplika b’mod ġenerali li l-effiċjenzi ġġenerati mill-ftehim restrittiv f'suq rilevanti għandhom ikunu biżżejjed biex ikunu akbar mill-effetti anti-kompetittivi prodotti minn dak il-ftehim f'dak l-istess suq rilevanti (58). L-effetti negattivi fuq il-konsumaturi f'suq wieħed ġeografiku jew f'suq wieħed tal-prodotti normalment ma jistgħux jiġu kontrobilanċjati u kkumpensati mill-effetti pożittivi għall-konsumaturi f'suq ġeografiku ieħor jew suq tal-prodotti ieħor, mhux relatat. Madankollu, fejn żewġt iswieq huma relatati, l-effiċjenzi miksuba fi swieq separati jistgħu jitqiesu kemm-il darba l-grupp ta' konsumaturi affettwati mir-restrizzjoni u li jibbenefikaw mill-kisbiet fl-effiċjenzi huma sostanzjalment l-istess (59). Tassew, f'xi każijiet huma biss il-konsumaturi f'suq ‘l isfel li huma affettwati mill-ftehim f'liema każ l-impatt tal-ftehim fuq dawn il-konsumaturi għandu jiġi evalat. Dan per eżempju huwa l-każ dwar ftehimiet ta' xiri (60).

(44)

L-evalwazzjoni tal-ftehimiet restrittivi taħt l-Artikolu 53(3) ssir fil-kuntest attwali fejn iseħħu (61) u fuq il-bażi tal-fatti eżistenti fi kwalunkwe punt fiż-żmien definit. L-evalwazzjoni hija sensittiva għal tibdil materjali fil-fatti. Ir-regola ta' eċċezzjoni ta' l-Artikolu 53(3) tgħodd sa fejn l-erba' kondizzjonijiet huma milħuqa u tieqaf tgħodd meta dan m'għadux il-każ (62). Meta jiġi applikat l-Artikolu 53(3) skond dawn il-prinċipji huwa meħtieġ li jitqiesu l-ewwel investimenti mhux rikoverabbli li jagħmlu l-partijiet u ż-żmien meħtieġ u r-restrizzjonijiet meħtieġa sabiex isir l-irbit u jinġabar lura investiment li jtejjeb l-effiċjenza. L-Artikolu 53 ma jistax jiġi applikat mingħajr ma jitqies dan l-investiment ex ante. Ir-riskju li jiffaċċjaw il-partijiet u l-investiment li ma jistax jinġabar lura li għandu jiġi impenjat biex jiġi implimentat il-ftehim għalhekk jistgħu jwasslu biex il-ftehim ma jaqax taħt l-Artikolu 53(1) jew li jilħaq il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3), skond il-każ, għaż-żmien meħtieġ biex jinġabar lura l-investiment.

(45)

F'xi każijiet il-ftehim restrittiv huwa ġrajja irriversibbli. Ladarba l-ftehim restrittiv ikun ġie implimentat, is-sitwazzjoni ex ante ma tistax tiġi stabbilita mill-ġdid. F'dawn il-każijiet l-evalwazzjoni għandha ssir esklussivament fuq il-bażi tal-fatti prevalenti fil-ħin ta' l-implimentazzjoni. Per eżempju, fil-każ ta' ftehim dwar riċerka u żvilupp fejn kull parti tiftiehem li tabbanduna l-proġett ta' riċerka rispettiv tagħha u tiġbor il-kapaċitajiet tagħha ma' dawk ta' parti oħra, jista’ jkun minn perspettiva oġġettiva, teknikament u ekonomikament impossibbli li jerġa’ jinbeda l-proġett ladarba jkun ġie abbandunat. L-evalwazzjoni ta' l-effetti anti-kompetittivi u pro-kompetittivi tal-ftehim biex jiġu abbandunati l-proġetti ta' riċerka individwali għalhekk għandha ssir bħala fil-ħin meta tlestiet l-implimentazzjoni tiegħu. Jekk f'dak il-punt fiż-żmien il-ftehim huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 53, per eżempju għax għadd suffiċjenti ta' partijiet terzi għandhom proġetti li jikkompetu ta' riċerka u żvilupp, il-ftehim tal-partijiet li jabbandunaw il-proġetti individwali tagħhom jibqa' kompatibbli ma' l-Artikolu 53, ukoll jekk fi żmien aktar tard il-proġetti tat-terzi jfallu. Iżda, il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 53 tista’ tgħodd għal partijiet oħrajn tal-ftehim fir-rigward ta' liema l-kwistjoni ta' l-irriversibilità ma tqumx. Jekk per eżempju minbarra l-iżvilupp u r-riċerka konġunti, il-ftehim jipprovdi għall-isfruttament konġunt, l-Artikolu 53 jista’ jgħodd għal din il-parti tal-ftehim jekk minħabba żviluppi sussegwenti fis-suq il-ftehim jibda’ jrażżan il-kompetizzjoni u ma jissodisfax jew ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) meta jitqiesu investimenti ex ante li ma jistgħux jinġabru lura, ara l-paragrafu ta' qabel.

(46)

L-Artikolu 53(3) ma jeskludix a priori xi tipi ta' ftehimiet mill-ambitu tiegħu. Bħal kwistjoni ta' prinċipju il-ftehimiet restrittivi kollha li jilħqu l-erba' kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3) huma koperti mir-regola ta' eċċezzjoni (63). Madankollu, ir-restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni x'aktarx ma jilħqux il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3). Dawn ir-restrizzjonijiet huma normalment mqiegħda f'lista sewda f'eżenzjonijiet ġenerali jew identifikati bħala restrizzjonijiet assolutament ipprojbiti fil-linji gwida u l-avviżi ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA. Il-Ftehimiet ta' dan it-tip ġeneralment ma jgħaddux (għall-inqas) mill-ewwel żewġ kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3). La joħolqu benefiċċji ekonomiċi oġġettivi (64) u lanqas ma jibbenefikaw lill-konsumaturi (65). Per eżempju, ftehim orizzontali biex jiġu ffissati l-prezzijiet jillimita l-produzzjoni u jwassal għall-allokazzjoni ħażina tar-riżorsi. Huwa jittrasferixxi wkoll il-valur mill-konsumaturi għall-produtturi, għaliex iwassal għal prezzijiet ogħla mingħajr ma jipproduċi ebda valur kontrobilanċjanti għall-konsumaturi. Barra minn dan, dan it-tip ta' ftehim ġeneralment ukoll ma jgħaddix mit-test ta' l-indispensabilità taħt it-tielet kondizzjoni (66).

(47)

Kwalunkwe pretensjoni li l-ftehimiet restrittivi huma ġġustifikati minħabba li jimmiraw li jiżguraw kondizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni fis-suq hija, min-natura tagħha infondata u għandha titwarrab (67). L-għan ta' l-Artikolu 53 huwa li jħares il-kompetizzjoni effettiva billi jiżgura li s-swieq jibqgħu miftuħin u kompetittivi. Il-ħarsien tal-kondizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni hija funzjoni tal-leġiżlatur skond l-obbligi fil-liġi taż-ŻEE (68) u mhux biex l-intrapriżi jirregolawhom huma nfushom.

3.2.   L-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3): Il-kisbiet ta' l-effiċjenzi

3.2.1.   Rimarki ġenerali

(48)

Skond l-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3), il-ftehim restrittiv għandu jikkontribwixxi għat-titjib tal-produzzjoni jew distribuzzjoni tal-prodotti jew għall-promozzjoni tal-progrss tekniku jew ekonomiku. Id-dispożizzjoni tirreferi espressament għall-prodotti biss, iżda tgħodd, b'analoġija, għas-servizzi.

(49)

Isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li jistgħu jitqiesu biss il-benefiċċji oġġettivi (69). Dan ifisser li l-effiċjenzi mhumiex evalwati mill-perspettiva soġġettiva tal-partijiet (70). L-iffrankar ta' l-ispejjeż li jirriżulta minn sempliċi eżerċizzju tas-setgħa tas-suq mill-partijiet ma jistax jitqies. Per eżempju, meta l-kumpanniji jaqblu li jiffissaw il-prezzijiet jew jaqsmu s-swieq inaqqsu l-produzzjoni u b'hekk l-ispejjeż tal-produzzjoni. Il-kompetizzjoni mnaqqsa tista' wkoll twassal għal inqas bejgħ u spejjeż aktar baxxi għall-bejgħ fis-suq. Dan it-tnaqqis fl-ispejjeż huwa konsegwenza diretta tat-tnaqqis fil-produzzjoni u fil-valur. It-tnaqqis ta' l-ispejjeż in kwistjoni ma jipproduċi ebda effett pro-kompetittiv fis-suq. B’mod partikolari ma jwassalx għall-ħolqien ta' valur permezz ta' integrazzjoni ta' assi u attivitajiet. Sempliċement jippermetti lill-intrapriżi kkonċernati jżidu l-profitti tagħhom u għalhekk huma irrilevanti mill-perspettiva ta' l-Artikolu 53(3).

(50)

L-għan ta' l-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) huwa li jiddefinixxi t-tipi ta' kisbiet ta' effiċjenza li jistgħu jitqiesu u jkunu soġġetti għat-testijiet ulterjuri tat-tieni u t-tielet kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 53(3). L-għan ta' l-analiżi huwa li tiżgura x'inhuma l-benefiċċji oġġettivi maħluqa mill-ftehim u x'inhi l-importanza ekonomika ta' dawn l-effiċjenzi. Minħabba li biex jgħodd l-Artikolu 53(3) l-effetti pro-kompetittivi li jirriżultaw mill-ftehim għandhom ikunu akbar mill-effetti anti-kompetittivi tiegħu, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat x'inhija l-konnessjoni bejn il-ftehim u l-effiċjenzi allegati u x'inhu l-valur ta' dawn l-effiċjenzi.

(51)

L-allegazzjonijiet kollha dwar l-effiċjenzi għalhekk għandhom ikunu sostanzjati sabiex jistgħu jiġu vverifikati dawn li ġejjin:

(a)

In-natura ta' l-effiċjenzi allegati;

(b)

Il-konnessjoni bejn il-ftehim u l-effiċjenzi;

(ċ)

Il-probabbiltà u d-daqs ta' kull effiċjenza allegata; u

(d)

Kifmeta se tinkiseb kull effiċjenza allegata.

(52)

L-ittra (a) tippermetti lil min qed jieħu d-deċiżjoni jivverifika jekk l-effiċjenzi allegati humiex fin-natura tagħhom oġġettivi, ara l-paragrafu 49 hawn fuq.

(53)

L-ittra (b) tippermetti lil min qed jieħu d-deċiżjoni jivverifika jekk hemmx konnessjoni kawżali suffiċjenti bejn il-ftehim restrittiv u l-effiċjenzi allegati. Normalment din il-kondizzjoni teħtieġ li l-effiċjenzi jirriżultaw mill-attività ekonomika li tifforma l-għan tal-ftehim. Dawn l-attivitajiet jistgħu, per eżempju jieħdu l-forma ta' distribuzzjoni, liċenzjar tat-teknoloġija, produzzjoni konġunta jew riċerka u żvilupp konġunti. Iżda, sa fejn ftehim għandu effetti akbar ta' titjib ta' l-effiċjenzi, per eżempju minħabba li jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż ta' l-industrija kollha, dawn il-benefiċċji addizzjonali jitqiesu wkoll.

(54)

Il-kollegament kawżali bejn il-ftehim u l-effiċjenzi allegati normalment għandhom ukoll ikunu diretti (71). L-allegazzjoni ibbażati fuq l-effetti indiretti bħala regola ġenerali huma inċerti wisq u remoti wisq biex jitqiesu. Konnessjoni kawżali direttament teżisti per eżempju fejn ftehim tat-trasferiment tat-teknoloġija jippermetti lil-partijiet liċenzjati jipproduċu prodotti ġodda jew imtejba jew ftehim tad-distribuzzjoni jippermetti lill-prodotti jiġu distribwiti bi spiża inqas jew jippermetti li jiġu prodotti servizzi ta' valur. Eżempju ta' effett indirett ikun każ fejn huwa allegat li ftehim restrittiv jippermetti lill-intrapriżi kkonċernati jżidu l-profitti tagħhom, li jippermettihom jinvestu aktar fir-riċerka u l-iżvilupp għall-benefiċċu, fl-aħħar mill-aħħar, tal-konsumaturi. Filwaqt li jista' jkun hemm kollegament bejn il-profitabilità u r-riċerka u l-iżvilupp, dan il-kollegament normalment mhuwiex dirett biżżejjed biex jitqies fil-kuntest ta' l-Artikolu 53(3).

(55)

L-ittri (c) u (d) jippermettu lil min qed jieħu d-deċiżjoni jivverifika l-valur ta' l-effiċjenzi pretiżi, li fil-kuntest tat-tielet kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) għandu jiġi bbilanċjat kontra l-effetti anti-kompetittivi tal-ftehim, ara l-paragrafu 101 hawn taħt. Minħabba li l-Artikolu 53(1) jgħodd biss f'każijiet fejn il-ftehim x'aktarx għandu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-konsumaturi (fil-każ ta' restrizzjonijiet assolutament ipprojbiti, dawn l-effetti huma preżunti) l-allegazzjonijiet ta' l-effiċjenza għandhom jiġu sostanzjati sabiex jistgħu jiġu vverifikati. L-allegazzjonijiet mhux sostanzjati huma miċħuda.

(56)

Fil-każ ta' effiċjenzi fl-ispejjeż allegati, l-intrapriżi li jinvokaw il-benefiċċju ta' l-Artikolu 53(3) għandhom b’mod raġonevolment preċiż kemm jista' jkun jikkalkolaw jew jistmaw il-valur ta' l-effiċjenzi u jiddeskrivu fid-dettall kif ġie kkalkolat l-ammont. Għandhom ukoll jiddeskrivu l-metodu/i li bih/bihom l-effiċjenzi nkisbu jew se jiġu miksuba. Id-data sottomessa għandha tista' tkun tiġi vverifikata sabiex jista' jkun hemm livell biżżejjed ta' ċertezza li l-effiċjenzi mmaterjalizzaw jew x'aktarx jimmaterjalizzaw.

(57)

Fil-każ ta' effiċjenzi allegati fil-forma ta' prodotti ġodda jew aħjar u effiċjenzi oħrajn mhux ibbażati fuq spejjeż, l-intrapriżi li jinvokaw il-benefiċċu ta' l-Artikolu 53(3) għandhom jiddeskrivu u jispjegaw f'dettall sħiħ x'inhija n-natura ta' l-effiċjenzi u kif u għaliex jikkostitwixxu benefiċċju ekonomiku oġġettiv.

(58)

F'każijiet fejn il-ftehim għadu mhux implimentat għal kollox il-partijiet għandhom jissostanzjaw kwalunkwe projezzjoni sa mid-data li fiha jibdew joperaw l-effiċjenzi sabiex ikollhom effett sinjifikanti pożittiv fis-suq.

3.2.2.   Il-kategoriji differenti ta' effiċjenzi

(59)

It-tipi ta' effiċjenzi elenkati fl-Artikolu 53(3) huma kategoriji wesgħin li huma maħsuba li jkopru l-effiċjenzi ekonomiċi oġġettivi kollha. Hemm sovrapożizzjoni konsiderevoli bejn il-bosta kategoriji msemmija fl-Artikolu 53(3) u l-istess ftehim jista' jagħti lok għal bosta tipi ta' effiċjenzi. Għalhekk mhuwiex xieraq li jsiru distinzjonijiet ċari u inflessibbli bejn il-kategoriji differenti. Għall-għanijiet ta' dawn il-linji gwida, issir distinzjoni bejn l-effiċjenzi fl-ispejjeż u l-effiċjenzi ta' natura kwalitattiva li biha l-valur jinħalaq fil-forma ta' prodotti ġodda jew imtejbin, varjetà akbar ta' prodotti eċċ.

(60)

B’mod ġenerali, l-effiċjenzi jirriżultaw minn integrazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi li bihom l-intrapriżi jikkombinaw l-assi tagħhom biex jiksbu dak li ma jistgħux jiksbu b’mod effiċjenti indaqs waħedhom, jew li bihom jafdaw lil intrapriża oħra b’funzjonijiet li jistgħu jitwettqu b’mod aktar effiċjenti minn dik l-intrapriża l-oħra.

(61)

Il-proċess tar-riċerka u l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni jista' jiġi osservat bħala katina ta' valur li tista’ tinqasam f'għadd ta' stadji. F'kull stadju ta' din il-katina intrapriża għandha tagħmel għażla bejn li twettaq l-attività hija stess, twettaqha flimkien ma' intrapriża/i oħra(jn) jew tikkuntratta l-attività esternament lil intrapriża/i oħra(jn).

(62)

F'kull każ fejn l-għażla magħmula tinvolvi l-kooperazzjoni fis-suq ma' intrapriża oħra normalment jeħtieġ li jiġu konkluż ftehim fis-sens ta' l-Artikolu 53(1). Dawn il-ftehimiet jistgħu jkunu vertikali, bħalma huwa l-każ fejn il-partijiet joperaw fuq livelli differenti tal-katina tal-valur jew orizzontali, bħalma huwa l-każ fejn il-marki joperaw fuq l-istess livell tal-katina tal-valur. Iż-żewġ kategoriji ta' ftehimiet jistgħu joħolqu l-effiċjenzi billi jippermettu lill-intrapriżi in kwistjoni jwettqu funzjoni partikolari bi spiża aktar baxxa jew bl-ogħla valur miżjud għall-konsumaturi. Dawn il-ftehimiet jista' wkoll ikun fihom, jew jistgħu jwasslu għal, restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni f'liema każ ir-regola tal-projbizzjoni ta' l-Artikolu 53(1) u r-regola ta' l-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 53(3) jistgħu jsiru rilevanti.

(63)

It-tipi ta' l-effiċjenzi msemmija f'dawn li ġejjin huma biss eżempji u mhumiex maħsuba li jkunu eżawrjenti.

3.2.2.1.   L-effiċjenzi fl-ispejjeż

(64)

L-effiċjenzi fl-ispejjeż li jirriżultaw minn ftehimiet bejn l-intrapriżi jistgħu joriġinaw minn għadd ta' għejun differenti. Għajn wieħed importanti ħafna ta' l-iffrankar ta' l-ispejjeż huwa l-iżvilupp ta' teknoloġiji u metodi ġodda tal-produzzjoni. B’mod ġenerali huwa meta jsiru l-qabżiet teknoloġiċi li jinkiseb l-akbar potenzjal għall-iffrankar ta' l-ispejjeż. Per eżempju, l-introduzzjoni tal-linja ta' l-assemblaġġ wasslet għal tnaqqis sostanzjali ħafna fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-vetturi bil-mutur.

(65)

Għajn ieħor importanti ħafna ta' l-effiċjenzi huma s-sinerġiji li jirriżultaw minn integrazzjoni ta' l-assi eżistenti. Meta l-partijiet ta' ftehim jikkombinaw l-assi rispettivi tagħhom jistgħu jkunu jistgħu jiksbu konfigurazzjoni ta' spejjeż/produzzjoni li mod ieħor ma tkunx possibbli. Il-kombinazzjoni ta' żewġ teknoloġiji eżistenti li għandhom saħħiet komplementarji tista' tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni jew twassal għall-produzzjoni ta' prodott ta' kwalità ogħla. Per eżempju, jista' jkun li l-assi tal-produzzjoni tal-kumpannija A jiġġeneraw produzzjoni akbar fis-siegħa iżda jirrikjedu tidħil relativament għoli ta' materja prima għal kull unità tal-produzzjoni, filwaqt li l-assi tal-produzzjoni tal-kumpannija B jiġġeneraw produzzjoni aktar baxxa fis-siegħa iżda jeħtieġu tidħil relattivament aktar baxx ta' materja prima għal kull unità tal-produzzjoni. Is-sinerġiji jinħolqu jekk bl-istabbiliment ta' intrapriża konġunta tal-produzzjoni li tikkombina l-assi tal-produzzjoni ta' A u B l-partijiet jistgħu jiksbu livell għoli (ogħla) ta' produzzjoni fis-siegħa, b'tidħil (aktar) baxx ta' materja prima għal kull unità tal-produzzjoni. B’mod simili, jekk intrapriża waħda ottimizzat parti waħda tal-katina tal-valur u oħra tkun ottimizzat parti oħra tal-katina tal-valur, il-kombinazzjoni ta' l-operazjzonijiet tagħhom tista' twassal għal spejjeż aktar baxxi. Il-kumpannija A tista' per eżempju jkollha faċilità tal-produzzjoni b'awtomazzjoni qawwija li tirriżulta fi spejjeż tal-produzzjoni baxxi għal kull unità filwaqt li B tkun żviluppat sistema effiċjenti biex tipproċessa l-ordnijiet. Is-sistema tippermetti li produzzjoni tkun imfassla skond it-talbiet tal-konsumaturi, li jiżgura twassil f'waqtu u tnaqqis tal-ħażna u spejjeż ta' l-ossolexxenza. Billi jiġbru l-assi tagħhom, A u B jistgħu jkunu jistgħu jiksbu tnaqqis fl-ispejjeż.

(66)

L-effiċjenzi fl-ispejjeż jistgħu wkoll jirriżultaw mill-ekonomiji ta' l-iskala, jiġifieri jitnaqqsu l-ispejjeż għal kull unità tal-produzzjoni meta tiżdied il-produzzjoni. Biex nagħtu eżempju: l-investiment fit-tagħmir u f'assi oħrajn spiss għandu jsir fi blokki li ma jistgħux jinqasmu. Jekk intrapriża ma tistax tuża blokk sħiħ, l-ispejjeż medji tagħha jkunu ogħla milli kieku tista' tagħmel dan. Per eżempju, l-ispejjeż ta' l-operat ta' trakk huwa virtwalment l-istess irrispettivament minn hekk huwiex kważi vojt, nofsu mimli, jew mimli kollu. Il-ftehimiet li bihom l-intrapriżi jikkombinaw l-operati loġistiċi tagħhom jistgħu jippermmettuhom iżidu l-fatturi ta' tagħbija u jnaqqsu l-għadd ta' vetturi wżati. Skala akbar tista' wkoll tippermetti għal tqassim aħjar tax-xogħol li jwassal għal spejjeż aktar baxxi għal kull unità. Il-kumpanniji jistgħu jiksbu l-ekonomiji ta' l-iskala fir-rigward tal-partijiet kollha tal-katina tal-valur, inkluż ir-riċerka u l-iżvilupp, il-produzzjoni, it-tqassim u l-kummerċjalizzazzjoni. L-ekonomiji tat-tagħlim jikkostitwixxu tip relatat ta' effiċjenza. Hekk kif tinkiseb l-esperjenza fl-użu ta' proċess tal-produzzjoni partikolari jew fit-twettiq ta' funzjonijiet partikolari, il-produttività tista' tiżdied għaliex il-proċess ikollu jimxi b’mod aktar effiċjenti jew minħabba li l-funzjoni titwettaq aktar malajr.

(67)

L-ekonomiji tal-firxa huma għajn ieħor ta' effiċjenza fl-ispejjeż, li jseħħu meta l-kumpanniji jiksbu l-iffrankar fl-ispejjeż billi jipproduċu prodotti differenti fuq il-bażi ta' l-istess tidħil. Dawn l-effiċjenzi jistgħu jirriżultaw mill-fatt li huwa possibbli li jintużaw l-istess komponenti u l-istess faċilitajiet u impjegati sabiex jiġu prodotti varjetà ta' prodotti. B’mod simili, l-ekonomiji tal-firxa jistgħu jirriżultaw fid-distribuzzjoni meta bosta tipi ta' prodotti jiġu mqassma fl-istess vetturi. Per eżempju, produttur tal-pizez iffriżati u produttur tal-ħaxix iffriżat jistgħu jiksbu l-ekonomiji tal-firxa billi jqassmu l-prodotti tagħhom flimkien. Iż-żewġ gruppi ta' prodotti jridu jitqassmu f'vetturi mkessħa u x'aktarx li hemm bosta skorrimenti bħala klijenti. Billi jikombinaw l-operazzjonijiet tagħhom iż-żewġ produtturi jistgħu jiksbu spejjeż aktar baxxi tat-tqassim għal kull unità mqassma.

(68)

L-effiċjenzi fil-forma ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż jistgħu wkoll jirriżultaw minn ftehimiet li jippermetu l-ippjanar aħjar tal-produzzjoni, li jnaqqsu l-bżonn li jinżamm inventarju ta' valur għoli u li jippermettu l-użu aħjar tal-kapaċità. L-effiċjenzi ta' din in-natura jistgħu per eżempju jirriżultaw mill-użu ta' xiri “eżatt fil-waqt”, jiġifieri obbligu tal-fornitur ta' komponenti li dejjem jipprovdi lix-xerrej skond il-bżonnijiet tiegħu u b'hekk jevita l-bżonn li x-xerrej iżomm ħażna sinjifikanti ta' komponenti li jirriskjaw li jsiru antiki. L-iffrankar ta' l-ispejjeż jista' wkoll jirriżulta minn ftehimiet li jippermettu lill-partijiet jirrazjonalizzaw il-produzzjoni tagħhom tul il-faċilitajiet tagħhom.

3.2.2.2.   L-effiċjenzi kwalitattivi

(69)

Il-ftehimiet bejn l-intrapriżi jistgħu jiġġeneraw bosta effiċjenzi ta' natura kwalitattiva li huma rilevanti għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3). F'għadd ta' każijiet il-potenzjal ewlieni ta' titjib ta' l-effiċjenzi tal-ftehim mhuwiex it-tnaqqis fl-ispejjeżl hija titjib fil-kwalità u effiċjenzi oħrajn ta' natura kwalitattiva. Skond il-każ individwali, dawn l-effiċjenzi jistgħu għalhekk ikunu ta' importanza indaqs jew akbar minn effiċjenzi fl-ispejjeż.

(70)

L-avvanzi tekniċi u teknoloġiċi jiffurmaw parti essenzjali u dinamika ta' l-ekonomija, u jiġġeneraw benefiċċji sinjifikanti fil-forma ta' prodotti u servizzi ġodda jew aħjar. Billi jikkooperaw, l-intrapriżi jistgħu jkunu kapaċi joħolqu effiċjenzi li ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-ftehim restrittiv jew li kienu jkunu possibbli biss b'dewmien sostanzjali jew bi spiża ogħla. Dawn l-effiċjenzi jikkontribwixxu għajn importanti ta' benefiċċji ekonomiċi li huma koperti mill-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3). Il-ftehimiet li huma kapaċi li jipproduċu l-effiċjenzi ta' din in-natura jinkludu b’mod partikolari, il-ftehimiet tar-riċerka u l-iżvilupp. Eżempju jkun li A u B joħolqu intrapriża konġunta għall-iżvilupp u, jekk tirnexxi, il-produzzjoni konġunta ta' tajer ibbażat fuq ċelloli. It-titqib ta' ċellola waħda ma jaffettwax iċ-ċelloli l-oħrajn, li jfisser li ma hemm ebda riskju li jikkollassa t-tajer fil-każ li jittaqqab. It-tajer għalhekk huwa aktar sikur mit-tajers tradizzjonali. Dan ifisser ukoll li ma hemm ebda bżonn immedjat li jinbidel it-tajer u għalhekk li jinġarr tajer żejjed. Iż-żewġ tipi ta' effiċjenzi jikkostitwixxu benefiċċji oġġettivi fis-sens ta' l-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3).

(71)

Bl-istess mod li l-kombinazzjoni ta' l-assi komplementarji tista' twassal għall-iffrankar ta' l-ispejjeż, il-kombinazzjoni ta' l-assi tista' wkoll toħloq sinerġiji li joħloqu effiċjenzi ta' natura kwalitattiva. Il-kombinazzjoni ta' l-assi tal-produzzjoni tista' per eżempju twassal għall-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja jew prodotti b'karatteristiċi ġodda. Dan jista' per eżempju jkun il-każ għal ftehimiet ta' liċenzjar, u ftehimiet li jipprovdu għall-produzzjoni konġunta ta' prodotti jew servizzi ġodda jew aħjar. Il-ftehimiet dwar il-liċenzji jistgħu, b’mod partikolari, jiżguraw tixrid aktar mgħaġġel tat-teknoloġija fiż-ŻEE u jippermettu lill-partijiet liċenzjati jagħmlu disponibbli prodotti ġodda jew jużaw tekniċi ġodda tal-produzzjoni li jwasslu għal titjib fil-kwalità. Il-ftehimiet tal-produzzjoni konġunt jistgħu, b’mod partikolari, jippermettu prodotti ġodda jew aħjar jiġu introdotti fis-suq aktar malajr jew bi prezz aktar baxx (72). Per eżempju, fis-settur tat-telekomunikazzjoni l-ftehimiet ta' kooperazzjoni ġew dikjarati li joħolqu l-effiċjenzi billi jagħmlu disponibbli aktar malajr is-servizzi globali (73). Fis-settur tal-banek il-ftehimiet ta' kooperazzjoni li għamlu disponibbli faċilitajiet aħjar biex isiru l-ħlasijiet transkonfinali wkoll ġew dikjarati li joħolqu l-effiċjenzi li jaqgħu taħt l-ambitu ta' l-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) (74).

(72)

Il-ftehimiet tad-distribuzzjoni ukoll jagħtu lok għal effiċjenzi kwalitattivi. Id-distributuri, per eżempju, jistgħu jkunu kapaċi jipprovdu servizzi li huma mfassla aħjar għall-ħtiġiet tal-klijenti jew jipprovdu konsenja aktar malajr jew assikurazzjoni aħjar tal-kwalità tul il-katina tad-distribuzzjoni (75).

3.3.   It-tielet kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3): L-indispensabilità tar-restrizzjonijiet

(73)

Skond it-tielet kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3), il-ftehimiet restrittivi m'għandhomx jimponu r-restrizzjonijiet, li mhumiex indispensabbli għall-kisba ta' l-effiċjenzi maħluqa mill-ftehim in kwistjoni. Din il-kondizzjoni timplika test f'żewġ partijiet. L-ewwel, il-ftehim restrittiv innifsu għandu jkun raġonevolment neċessarju sabiex jikseb l-effiċjenzi. It-tieni, ir-restrizzjonijiet individwali tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-ftehim għandhom ukoll ikunu raġonevolment neċessarji għall-kisba ta' l-effiċjenzi.

(74)

Fil-tielet kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3), il-fattur deċiżiv huwa jekk il-ftehim restrittiv u r-restrizzjonijiet individwali jagħmluhiex possibbli li titwettaq l-attività in kwistjoni b’mod aktar effiċjenti milli x'aktarx kien ikun il-każ fin-nuqqas tal-ftehim jew ir-restrizzjoni kkonċernati. Il-mistoqsija mhijiex jekk fin-nuqqas tar-restrizzjoni l-ftehim kienx jiġi konkluż, iżda hekk humiex prodotti aktar effiċjenzi bil-ftehim jew restrizzjoni iżda fin-nuqqas tal-ftehim jew restrizzjoni (76).

(75)

L-ewwel test li jinsab fit-tielet kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) jeħtieġ li l-effiċjenzi jkunu speċifiċi għall-ftehim in kwistjoni fis-sens li ma hemm ebda mezz ieħor ekonomikament prattikabbli u inqas restrittiv biex jinkisbu l-effiċjenzi. Meta s-sir din l-evalwazzjoni ta' l-aħħar il-kondizzjonijiet tas-suq u r-realtajiet kummerċjali li jiffaċċjaw il-partijiet tal-ftehim tal-ftehim għandhom jitqiesu. L-intrapriżi li jinvokaw il-benefiċċju ta' l-Artikolu 53(3) mhumiex meħtieġa jqisu alternattivi ipotetiċi jew teoretiċi. L-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA mhux se taqta’ l-ħsieb kummerċjali tal-partijiet. Hija tintervjeni fejn huwa raġonevolment ċar li hemm alternattivi realistiċi u li jistgħu jinkisbu. Il-partijiet għandhom biss jispjegaw u juru għaliex dawn l-alternattivi tal-ftehim li tant jidhru realistiċi u b’mod sinjifikanti inqas restrittivi ikunu b'mod sinjifikanti inqas effiċjenti.

(76)

Huwa partikolarment rilevanti li jiġi eżaminat jekk, filwaqt li jitqiesu kif xieraq iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali, il-partijiet setgħu jiksbu l-effiċjenzi permezz ta' tip inqas restrittiv ta' ftehim u, jekk iva, meta x’aktarx jiksbu l-effiċjenzi. Jista’ wkoll ikun neċessarju li wieħed jeżimina jekk il-partijiet setgħux jiksbu l-effiċjenzi waħedhom. Per eżempju, fejn l-effiċjenzi allegati jieħdu l-forma ta' tnaqqis fl-ispejjeż li jirriżultaw mill-ekonomiji ta' l-iskala jew tal-firxa l-intrapriżi konċernati għandhom jispjegaw u jissostanzjaw għaliex l-istess effiċjenzi ma kinux aktarx jinkisbu permezz tat-tkabbir intern u l-kompetizzjoni fil-prezzijiet. Meta ssir din l-evalwazzjoni huwa rilevanti li wieħed iqis, fost l-oħrajn, x’inhi l-iskala minima effiċjenti fis-suq ikkonċernat. L-iskala minima effiċjenti hija l-livell tal-produzzjoni meħtieġ biex jiġu mminimizzati l-ispejjeż medji u jiġu eżawriti l-ekonomiji ta' l-iskala (77). Akbar ma tkun l-iskala minima effiċjenti meta mqabbla mad-daqs kurrenti ta' kull parti tal-ftehim, aktar ma jkun probabbli li l-effiċjenzi jitqiesu li huma speċifiċi għall-ftehim. Fil-każ ta' ftehimiet li jipproduċu sinerġiji sostanzjali permezz tal-kombinazzjoni ta' assi u kapaċitajiet komplementarji in-natura stess ta' l-effiċjenzi tagħti lok għal preżunzjoni li l-ftehim huwa neċessarju biex jinkisbu.

(77)

Dawn il-prinċipji jistgħu jiġu illustrati b’dan l-eżempju ipotetiku:

A u B jikkombinaw fi ħdan intrapriża konġunta it-tekonoloġiji rispettivi tal-produzzjoni biex jiksbu produzzjoni akbar u konsum aktar baxx ta' materja prima. L-intrapriża konġunta tingħata liċenzja esklussiva għat-teknoloġiji rispettivi tal-produzzjoni. Il-partijiet jittrasferixxu l-faċilitajiet eżistenti tal-produzzjoni tagħhom lill-intrapriża konġunta. Jittrasferixxu wkoll lill-impjegati ewlenin sabiex jiżguraw li l-ekonomiji tat-tagħlim eżistenti jistgħu jkunu sfruttati u żviluppati aktar. Huwa stmat li dawn l-ekonomiji jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni b’5 % oħra. Il-produzzjoni ta' l-intrapriża konġunta tinbiegħ b’mod indipendenti minn A u B. F’dan il-każ il-kondizzjoni ta' l-indispensabilità teħtieġ evalwazzjoni ta' jekk il-benefiċċji jistgħux jinkisbu b’mod sostanzjali permezz ta' ftehim ta' liċenzjar, li x’aktarx ikun inqas restrittiv minħabba li A u B jkomplu jipproduċu b’mod indipendenti. Fiċ-ċirkostanzi deskritti dan x’aktarx ikun il-każ minħabba li taħt ftehim ta' liċenzjar il-partijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mingħajr interruzzjoni u kontinwat mill-esperjenza rispettiva fl-operazzjoni taż-żewġ teknoloġiji, li jirriżultaw f’ekonomiji tat-tagħlim sinjifikanti.

(78)

Ladarba jinstab li l-ftehim in kwistjoni huwa meħtieġ sabiex jiġu prodotti l-effiċjenzi, l-indispensabilità ta' kull restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-ftehim għandha tiġi evalwata. F’dan il-kuntest għandu jiġi evalwat jekk ir-restrizzjonijiet individwali humiex raġonevolment neċessarji sabiex jiġu prodotti l-effiċjenzi. Il-partijiet tal-ftehim għandhom jissostanjzaw l-allegazzjoni tagħhom fir-rigward ta' kemm in-natura tar-restrizzjoni u l-intensità tagħha.

(79)

Restrizzjoni hija indispensabbli jekk in-nuqqas tagħha jelimina jew inaqqas b’mod sinjifikanti l-effiċjenzi li jsegwu mill-ftehim jew jagħmilha b’mod sinjifikanti inqas probabbli li jimmaterjalizzax. L-evalwazzjoni ta' soluzzjonijiet alternattivi għandha tqis it-titjib attwali u potenzjali fil-qasam tal-kompetizzjoni bl-eliminazzjoni ta' restrizzjoni partikolari jew l-applikazzjoni ta' alternattiva inqas restrittiva. Aktar ma tkun restrittiva r-restrizzjoni, aktar ma jkun strett it-test taħt it-tielet kondizzjoni (78). Ir-restrizzjonijiet li huma fil-lista sewda fl-eżenzjonijiet ġenerali jew identifikati bħala restrizzjonijiet assolutament ipprojbiti fil-linji gwida u fl-avviżi ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA x’aktarx ma jitqisux indispensabbli.

(80)

L-evalwazzjoni ta' l-indispensablità ssir fil-kuntest attwali li fih jopera l-ftehim u għandha b’mod partikolari tqis l-istruttura tas-suq, ir-riskji ekonomiċi relatati mal-ftehim, u l-inċentivi li jiffaċċjaw il-partijiet. Aktar ma jkun inċert is-suċċess tal-prodott kopert mill-ftehim, aktar ma tista’ tkun meħtieġa restrizzjoni biex jiġi żgurat li l-effiċjenzi jimmaterjalizzaw. Ir-restrizzjonijiet jistgħu wkoll ikunu indispensabli sabiex l-inċentivi tal-partijiet jiġu allinjati u jiġi żgurat li jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim. Restrizzjoni tista’ per eżempju tkun meħtieġa sabiex jiġu evitati problemi li jwaqqfu ladarba jkun sar investiment sostanzjali li ma jistax jinġabar lura minn waħda mill-partijiet. Per eżempju ladarba provditur ikun għamel investiment sostanzjali speċifiku għar-relazzjoni skond l-għan li jipprovdi lil klijent b’tidħil, il-provditur huwa marbut mal-klijent. Sabiex jiġi evitat li wara l-fatt il-klijent jisfrutta din id-dipendenza biex jikseb termini akar favorevoli, jista’ jkun meħtieġ li tiġi imposta obbligazzjoni li ma jinxtarax il-komponent minn terzi jew li jinxtraw kwantitajiet minimi tal-komponent mill-fornitur (79).

(81)

F’xi każijiet restrizzjoni tista’ tkun indispensabbli biss għal ċertu żmien, f’liema każ l-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 53(3) tgħodd biss matul dak iż-żmien. Meta ssir din l-evalwazzjoni huwa meħtieġ li jitqies b’mod xieraq iż-żmien meħtieġ biex il-partijiet jiksbu l-effiċjenzi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tar-regola ta' eċċezzjoni (80). Fil-każijiet fejn il-benefiċċji ma jistgħux jinkisbu minħajr investiment konsiderevoli, għandu jitqies b’mod partikolari iż-żmien meħtieġ biex jiġi żgurat dħul lura xieraq fuq dan l-investiment, ara wkoll il-paragraph 44 hawn fuq.

(82)

Dawn il-prinċipji jistgħu jiġu illustrati b’dan l-eżempju ipotetiku:

P tipproduċi u tiddistribwixxi l-pizez iffriżati, u għandha 15 % tas-suq fl-Istat taż-ŻEE, X. Il-konsenji jsiru direttament lill-bejjiegħa bl-imnut. Ladarba l-parti l-kbira tal-bejjiegħa bl-imnut għandhom kapaċità limitata għall-ħażna, huma meħtieġa konsenji relattivament spiss, li jwassal għal użu baxx tal-kapaċità u l-użu ta' vetturi relattivament żgħar. T hija bejjiegħa bl-ingrossa tal-pizez iffriżati u prodotti ffriżati oħrajn, u tikkonsenja lill-parti l-kbira ta' l-istess klijenti bħal P. Il-prodotti tal-pizza mqassma minn T għandhom 30 % tas-suq. T għandha flotta ta' vetturi akbar u għandha kapaċità żejda. P tikkonkludi ftehim ta' distribuzzjoni esklussiva ma' T għall-Istat taż-ŻEE X u timpenja ruħha li tiżgura li d-distributuri fl-Istati taż-ŻEE l-oħrajn ma jbiegħux fit-territorju ta' T attivament jew passivament. T tintrabat li tirreklama l-prodotti, tistħarreġ xi jridu l-konsumaturi u r-rati ta' sodisfazzjon u tiżgura l-konsenja lill-bejjiegħa bl-imnut tal-prodotti kollha fi żmien 24 siegħa. Il-ftehim iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż totali tad-distribuzzjoni ta' 30 % għaliex il-kapaċità tintuża aħjar u tiġi eliminata d-duplikazzjoni tar-rotot. Il-ftehim iwassal ukoll għall-proviżjon ta' servizzi addizzjonali lill-konsumaturi. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv huma restrizzjonijiet assolutament ipprojbiti taħt l-eżenzjoni ġenerali dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (81) u jistgħu jitqiesu indispensabbli biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-pożizzjoni fis-suq stabbilita ta' T u n-natura ta' l-obbligi imposti fuqha jindikaw li dan mhumiex każ eċċezzjonali. Il-projbizzjoni ta' bejgħ attiv, min-naħa l-oħra, x’aktarx huwa indispensabbli. T x’aktarx ikollha inqas inċentiva li tbiegħ u tirreklama l-marka ta' P, jekk id-distributuri fl-Istati l-oħrajn taż-ŻEE jistgħu jbiegħu attivament fl-Istat taż-ŻEE X u għalhekk jirkbu bla ħlas fuq l-isforzi ta' T. Dan huwa partikolarment il-każ, għaliex T wkoll tqassam marki li jikkompetu u għalhekk għandha l-possibbiltà li timbotta aktar mid-ditti li huma l-inqas esposti għal dan l-irkib bla ħlas.

S hija produttur ta' xorb minerali karbonat, li għandha 40 % tas-suq. L-eqreb kompetitur għandu 20 %. S tikkonkludi ftehimiet tal-produzzjoni ma' klijenti li huma responsabbli għal 25 % tad-domanda, li bihom jintrabtu li jixtru esklussivament minn S għal 5 snin. S tikkonkludi l-ftehimiet ma' klijenti oħrajn li huma responsabbli għal 15 % tad-domanda li bihom jingħataw skontijiet tal-mira kull erba’ xhur, jekk ix-xiri tagħhom jeċċedi ċerti miri ffissati individwalment. S tallega li l-ftehimiet jippermettuha tbassar id-domanda b’mod aktar preċiż u b’hekk tippjana l-produzzjoni aħjar, tnaqqas il-ħażna ta' materja prima u l-ispejjeż ta' l-imħażen u tevita n-nuqqasijiet fil-provvista. Minħabba l-pożizzjoni fis-suq ta' S u l-medja kkombinata tar-restrizzjonijiet, x’aktarx li r-restrizzjonijiet ma jitqisux indispensabbli. L-obbligu tax-xiri esklussiv jeċċedi dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi ppjanata l-produzzjoni u l-istess jgħodd għall-iskema tal-iskonti skond il-miri. Il-prevedibbiltà tad-domanda tista’ tinkiseb b’mezz inqas restrittivi. Per eżempju, S tista’ tipprovdi inċentivi biex il-klijenti jordnaw kwantitajiet kbar f’daqqa billi toffri roħs skond il-kwantità jew toffri roħs lill-klijenti li jagħmlu ordnijiet definiti minn qabel għall-konsenja f’dati speċifikati.

3.4.   It-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3): Sehem ekwu għall-konsumaturi

3.4.1.   Rimarki ġenerali

(83)

Skond it-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3), il-konsumaturi għandhom jirċievu sehem ekwu tal-benefiċċji ġġenerati mill-ftehim restrittiv.

(84)

Il-kunċett ta' “konsumaturi” jinkludi l-utenti kollha diretti jew indiretti tal-prodotti koperti mill-ftehim, inklużi l-produtturi li jużaw il-prodotti bħala tidħil, il-bejjiegħa bl-ingrossa, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi finali, jiġifieri persuni naturali li qed jaġixxu għal skopijiet li jistgħu jitqiesu barra min-negozju jew il-professjoni tagħhom. Fi kliem ieħor, il-konsumaturi fis-sens ta' l-Artikolu 53(3) huma l-klijenti tal-partijiet tal-ftheim u xerrejja sussegwenti. Dawn il-klijenti jistgħu jkunu intrapriżi bħal fil-każ ta' xerrejja ta' makkinarju industrijali jew tidħil għal proċessar ulterjuri jew klijenti finali bħal per eżempju fil-każ ta' xerrejja ta' ġelat ta' l-impuls jew tar-roti.

(85)

Il-kunċett ta' “sehem ekwu” jimplika li l-mogħdija ‘l quddiem tal-benefiċċji għandha għall-inqas tikkumpensa lill-konsumaturi għal kwalunkwe impatt attwali jew probabbli negattiv ikkawżat minnhom mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni misjuba taħt l-Artikolu 53(1). Skond l-għan ġenerali ta' l-Artikolu 53 biex jiġu mrażżna l-ftehimiet anti-kompetittivi, l-effett nett tal-ftehim għandu għall-inqas ikun newtrali mill-perspettiva ta' dawk il-konsumaturi direttament jew x’aktarx affettwati mill-ftehim (82). Jekk dawn il-konsumaturi huma agħar wara l-ftehim, it-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) ma ntlaħqitx. L-effetti pożittivi ta' ftehim għandhom jiu bbilanaċjati kontra u jikkumpensaw għall-effetti negattivi tiegħu fuq il-konsumaturi (83). Meta dan huwa l-każ il-konsumaturi ma jsofrux dannu mill-ftehim. Barra minn dan, is-soċjetà in ġenerali tibbenefika fejn l-effiċjenzi jwassli jew għal użu ta' inqas riżorsi għall-produzzjoni tal-prodotti kkonsmati, jew għall-produzzjoni ta' prodotti ta' valur akbar, u għalhekk għal allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi.

(86)

Mhuwiex meħtieġ li l-konsumaturi jirċievu sehem ekwu minn kull kisba ta' effiċjenzia identifikata taħt l-ewwel kondizzjoni. Huwa biżżejjed li jitgħaddew biżżejjed benefiċċji biex jiġu kkumpensati l-effetti negattivi tal-ftehim restrittiv. F’dak il-każ il-konsumaturi jiksbu sehem ekwu tal-benefiċċji totali (84). Jekk ftehim restrittiv x’aktarx iwassal għal prezzijiet ogħla, il-konsumaturi għandhom jiġu kkumpensati b’mod sħiħ permezz ta' kwalità akbar jew benefiċċji oħrajn. Jekk le, it-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) mhijiex sodisfatta.

(87)

Il-fattur deċiżiv huwa l-impatt totali fuq il-konsumaturi tal-prodotti fis-suq rilevanti u mhux l-impatt fuq membri individwali ta' dan il-grupp ta' konsumaturi (85). F’xi każijiet jista’ jkun meħtieġ ċertu żmien qabel ma jimmaterjalizzaw l-effiċjenzi. Sa dan iż-żmien, il-ftehim jista’ jkollu biss effetti negattivi. Il-fatt li l-mogħdija lill-konsumatur isseħħ b’ċertu dewmien minnu nnifsu ma jeskludix l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3). Madankollu, akbar ma jkun id-dewmien, akbar ma jridu jkunu l-effiċjenzi biex ukoll jikkumpensaw għat-telf lill-konsumaturi matul il-perjodu qabel il-mogħdija.

(88)

Meta ssir din l-evalwazzjoni għandu jitqies li l-valur ta' kisba għall-konsumaturi fil-futur mhux l-istess bħal valur fil-preżent għall-konsumaturi. Il-valur li jiffrankaw 100 Euro llum huwa akbar milli jiffrankaw l-istess valur sena wara. Kisba għall-konsumaturi fil-futur għalhekk ma tikkumpensax għal kollox għal telf fil-preżent għall-konsumaturi ta' daqs nominali ndaqs. Sabiex ikun hemm lok għal tqabbil xieraq tat-telf preżenti għall-konsumaturi ma' kisba fil-futur għall-konsumaturi, il-valur tal-kisbiet fil-futur għandu jitnaqqas. Ir-rata ta' tnaqqis għandha tirrefletti r-rata ta' l-inflazzjoni, jekk hemm, u l-interess mitluf bħala indikazzjoni tal-valur aktar baxx ta' kisbiet fil-futur.

(89)

F’każijiet oħrajn il-ftehim jista’ jippermetti lill-partijiet jiksbu l-effiċjenzi aktar kmieni milli mod ieħor kien ikun possibbli. F’dawn iċ-ċirkostanzi jkun meħtieġ li jitqies l-impatt probabbli negattiv fuq il-konsumaturi fis-suq rilevanti ladarba dan iż-żmien ta' bidu jkun skada. Jekk permezz tal-ftehim restrittiv il-partijiet jiksbu pożizzjoni b’saħħitha fis-suq, jistgħu jkunu jitolbu prezz li huwa b’mod sinjifikanti ogħla milli kien ikun il-każ mod ieħor. Biex tiġi soddisfatta t-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) il-benefiċċju għall-konsumaturi li jkollhom aċċess qabel għall-prodotti għandu jkun sinjifikanti ndaqs. Dan jista’ per eżempju jkun il-każ meta ftehim jippermetti lil żewġ manifatturi tat-tajers idaħħlu fis-suq tliet snin qabel tajer ġdid sostanzjalment aktar sikur iżda fl-istess ħin, billi jżidu s-setgħa tagħhom fis-suq, jippermettihom jgħollu l-prezzijiet b’5 %. F’dan il-każ x’aktarx li l-aċċess bikri għal prodott sostanzjalment imtejjeb huwa akbar miż-żjieda fil-prezz.

(90)

It-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) tinkorpora skala progressiva. Akbar ma tkun ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni misjuba taħt l-Artikolu 53(1) akbar għandhom ikunu l-effiċjenzi u l-mogħdija tal-benefiċċji lill-konsumaturi. Din l-istrateġija ta' skala progressiva timplika li jekk l-effetti restrittivi ta' ftehim huma relativament limitati u l-effiċjenzi huma sostanzjali, x’aktarx li sehem ekwu ta' l-iffrankar ta' l-ispejjeż jitgħadda lill-konsumaturi. F’dawn il-każijiet għalhekk normalment mhux meħtieġ li ssir analiżi dettaljata tat-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3), kemm-il darba t-tliet kondizzjonijiet l-oħrajn għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jintlaħqu.

(91)

Jekk, min-naħa l-oħra, l-effetti restrittivi tal-ftehim huma sostanzjali u l-iffrankar ta' l-ispejjeż huwa relativament insinjifikanti, x’aktarx t-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) ma tintlaħaqx. L-impatt tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni jiddependi fuq l-intensità tar-restrizzjoni u l-livell tal-kompetizzjoni li jifdal wara l-ftehim.

(92)

Jekk il-ftehim għandu effetti anti-kompetittivi sostanzjali u effetti pro-kompetittivi sostanzjali, hija meħtieġa analiżi bir-reqqa. Fl-applikazzjoni tat-test ta' l-ibbilanċjar f’dawn il-każijiet għandu jitqies li l-kompetizzjoni hija mexxej importanti fiż-żmient twil ta' l-effiċjenza u l-innovazzjoni. L-intrapriżi li mhumiex soġġetti għal limitazzjonijiet kompetittivi effettivi – bħal per eżempju l-kumpanniji dominanti – għandhom inqas inċentiva biex iżommu jew jibnu l-effiċjenzi. Aktar ma jkun sostanzjali l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni, aktar ikun probabbli li l-konsumaturi jbatu fuq żmien twil.

(93)

Iż-żewġ taqsimiet li ġejjin jiddeskrivu f’aktar dettall il-qafas analitiku biex tiġi evalwata l-mogħdija lill-konsumatur tal-kisbiet ta' l-effiċjenzi. L-ewwel taqsima tittratta l-effiċjenzi fl-ispejjeż, filwaqt li t-taqsima ta' wara tkopri tipi oħrajn ta' effiċjenzi bħal prodotti ġodda jew aħjar (l-effiċjenzi kwalitattivi). Il-qafas, li huwa żviluppat f’dawn iż-żewġ taqsimiet, huwa ta' importanza partikolari f’każijiet fejn mhuwiex ovvju minnufih li d-dannu kompetittiv jeċċedi l-benefiċċji għall-konsumaturi jew vice versa  (86).

(94)

Meta tapplika l-prinċipji stabbiliti hawn taħt, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA tqis il-fatt li f’ħafna każijiet huwa diffiċli li jiġu kkalkolati b’mod preċiż ir-rata tal-mogħdija lill-konsumatur u tipi oħrajn ta' mogħdija lill-konsumatur. L-intrapriżi huma meħtieġa biss jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħhom billi jipprovdu stimi u data oħra sa fejn raġonevolment possibbli, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali.

3.4.2.   Il-mogħdija u l-ibbilanċjar ta' l-effiċjenzi fl-ispejjeż

(95)

Meta s-swieq, kif normalment huwa l-każ, mhumiex perfettament kompetittivi, l-intrapriżi jistgħu jinfluwenzaw il-prezz tas-suq fi grad akbar jew inqas billi jibdlu l-produzzjoni tagħhom (87). Jistgħu wkoll ikunu jistgħu jagħmlu diskriminazzjoni fil-prezzijiet fost il-klijenti.

(96)

L-effiċjenzi fl-ispejjeż jistgħu, f’xi ċirkostanzi, iwasslu għal produzzjoni akbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi affettwati. Jekk minħabba l-effiċjenzi fl-ispejjeż l-intrapriżi in kwistjoni jistgħu jżidu l-profitti billi jespandu l-produzzjoni, tista’ sseħħ il-mogħdija lill-konsumatur. Fl-evalwazzjoni tal-grad sa fejn l-effiċjenzi fl-ispejjeż x’aktarx jitgħaddew lill-konsumaturi u r-riżultat tat-test ta' l-ibbilanċjar li jinsab fl-Artikolu 53(3) jitqiesu b’mod partikolari dawn il-fatturi li ġejjin:

(a)

Il-karatteristiċi u l-istruttura tas-suq,

(b)

In-natura u d-daqs tal-kisbiet ta' l-effiċjenza

(ċ)

L-elastiċità tad-domanda, u

(d)

Id-daqs tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

Normalment il-fatturi kollha għandhom jitqiesu. Ladarba l-Artikolu 53(3) jgħodd biss f’każijiet fejn il-kompetizzjoni fis-suq qed tiġi ristretta b’mod apprezzabbli, ara l-paragrafu 24 hawn fuq, ma jista’ jkun hemm ebda preżunzjoni li l-kompetizzjoni residwali tiżgura li l-konsumaturi jirċievu sehem ekwu tal-benefiċċji. Madankollu, il-livell tal-kompetizzjoni li jifdal fis-suq u n-natura ta' din il-kompetizzjoni jinfluwenzaw il-probabbiltà tal-mogħdija.

(97)

Akbar ma jkun il-livell tal-kompetizzjoni residwali, aktar huwa probabbli li l-intrapriżi individwali jipprovaw iżidu l-bejgħ taghhom billi jgħaddu l-effiċjenzi fl-ispejjeż. Jekk l-intrapriżi jikkompetu l-aktar fuq il-prezz u mhumiex soġġetti għal limitazzjonijiet sinjifikanti dwar il-kapaċità, il-mogħdija tista’ sseħħ relattivament malajr. Jekk il-kompetizzjoni l-aktar hija fuq il-kapaċità u l-adattazzjonijiet tal-kapaċità jseħħu b’ċertu dewmien, il-mogħdija tkun aktar bil-mod. Il-mogħdija x’aktarx tkun aktar bil-mod meta l-istruttura tas-suq jippermetti l-kollużjoni taċita (88). Jekk il-kompetituri x’aktarx jirretaljaw kontra żjieda fil-produzzjoni minn parti waħda jew aktar għall-ftehim, l-inċentiva li tiżdied il-produzzjoni tista’ titnaqqas, sakemm il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-effiċjenzi ma jkunx tali li l-intrapriżi kkonċernati għandhom inċentiva li jersqu lil hinn mill-politika komuni adottata fis-suq mill-membri ta' l-oligopolija. Fi kliem ieħor, l-effiċjenzi ġġenerati mill-ftheim jistgħu jdawru lill-intrapriżi fl-hekk imsejħa “mavericks” (89).

(98)

In-natura tal-kisbiet ta' l-effiċjenzi għandha wkoll rwol importanti. Skond it-teorija ekonomika l-intrapriżi jimmassimizzaw il-profitti tagħhom billi jbiegħu unitajiet ta' produzzjoni sakemm id-dħul marġinali huwa daqs l-ispiża marġinali. Id-dħul marġinali huwa t-tibdil fid-dħul totali li jirriżulta mill-bejgħ ta' unità addizzjonali tal-produzzjoni u l-ispiża marġinali hija t-tibdil fl-ispiża totali li jirriżulta mill-produzzjoni ta' dik l-unità addizzjonali tal-produzzjoni. Minn dan il-prinċipju jsegwi li bħala regola ġenerali d-deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni u l-prezzijiet ta' intrapriża li timmassimizza l-profitt mhumiex iddeterminati mill-ispejjeż fissi tagħha (jiġifieri spejjeż li ma jvarjawx mar-rata tal-produzzjoni) iżda mill-ispejjeż varjabbli tagħha (jiġifieri spejjeż li jvarjaw mar-rata tal-produzzjoni). Wara li jiġu mħallsa spejjeż fissi u tiġi stabbilita l-kapaċità, id-deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni u l-prezzijiet huma ddeterminati skond l-ispiża varjabbli u l-kondizzjonijiet tad-domanda. Wieħed jista’ jieħu bħala eżempju sitwazzjoni fejn żewġ kumpanniji t-tnejn jipproduċu żewġ prodotti f’żewġ linji ta' produzzjoni li joperaw b’nofs il-kapaċitajiet tagħhom. Ftehim ta' speċjalizzazzjoni jista’ jippermetti liż-żewġ intrapriżi jispeċjalizzaw fil-produzzjoni ta' wieħed miż-żewġ prodotti u jwarrbu t-tieni linja tal-produzzjoni għall-prodott l-ieħor. Fl-istess ħin l-ispeċjalizzazzjoni tista’ tippermetti lill-kumpanniji jnaqqsu l-ispejjeż varjabbli tal-materjali u tal-ħażniet. Huwa dan l-iffrankar ta' l-aħħar biss li jkollu effett dirett fuq id-deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni u l-prezzijiet ta' l-intrapriżi, għaliex jinfluwenza l-ispejjeż marġinali tal-produzzjoni. Jekk kull intrapriża twarrab waħda mil-linji tal-produzzjoni tagħha ma jonqsux l-ispejjeż varjabbli tagħhom u ma jkunux effettwati l-ispejjeż tal-produzzjoni. Isegwi li l-intrapriżi jista’ jkollhom inċentiva diretta biex jgħaddu lill-konsumaturi fil-forma ta' produzjoni ogħla u prezzijiet orħos, dawk l-effiċjenzi li jnaqqsu l-ispejjeż marġinali, filwaqt li ma għandhom ebda inċentiva diretta fir-rigward ta' effiċjenzi li jnaqqsu l-ispejjeż fissi. Għalhekk il-konsumaturi aktar probabbli li jirċievu sehem ekwu ta' l-effiċjenzi fl-ispejjeż fil-każ ta' tnaqqis fl-ispejjeż varjabbli milli huma fil-każ ta' tnaqqis fl-ispejjeż fissi.

(99)

Il-fatt li l-intrapriżi jista’ jkollhom inċentiva li jgħaddu xi tipi ta' effiċjenzi fl-ispejjeż ma jfissirx li r-rata tal-mogħdija neċessarjamet tkun ta' 100 %. Ir-rata tal-mogħdija attwali tiddependi fuq l-grad sa liema l-konsumaturi jirreaġixxu għal tibdil fil-prezz, jiġifieri l-elastiċità tad-domanda. Akbar ma tkun iż-żjieda fid-domanda kkawżata minn roħs fil-prezz, akbar tkun ir-rata tal-mogħdija. Dan isegwi mill-fatt li akbar ma jkun il-bejgħ addizzjonali kkawżat minn roħs fil-prezz minħabba żjieda fil-produzzjoni, aktar huwa probabbli li dan il-bejgħ jikkontrobilanċja t-telf ta' dħul ikkawżat mill-prezz orħos li jirriżulta miż-żjieda fil-produzzjoni. Fin-nuqqas ta' diskriminazzjoni fil-prezzijiet, ir-roħs tal-prezzijiet jaffettwa lill-unitajiet kollha li tbiegħ l-intrapriża, f’liema każ id-dħul marġinali huwa inqas mill-prezz miksub għall-prodott marġinali. Jekk l-intrapriżi kkonċernati jistgħu jitolbu prezzijiet differenti lil klijenti differenti, jiġifieri jiddiskriminaw fil-prezzijiet, il-mogħdija normalment tibbenefika biss lill-konsumaturi sensittivi għall-prezz (90).

(100)

Għandu wkoll jitqies li l-kisbiet ta' l-effiċjenzi spiss ma jaffettwawx l-istruttura kollha ta' l-ispiża ta' l-intrapriża kkonċernata. F’dan il-każ l-impatt fuq il-prezz għall-konsumaturi huwa mnaqqas. Jekk per eżempju, ftehim jippermetti lill-partijiet inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni b’6 %, iżda l-ispejjeż tal-produzzjoni huma biss terz ta' l-ispejjeż fuq il-bażi ta' liema huma ddeterminati l-prezzijiet, l-impatt fuq il-prezz tal-prodott huwa 2 %, jekk wieħed jassumi li jitgħadda l-ammont kollu.

(101)

Fl-aħħar, u importanti ħafna, huwa meħtieġ li jiġu bbilanċjati ż-żewġ forzi opposti li jirriżultaw mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-effiċjenzi ta' l-ispejjeż. Min-naħa l-waħda, kwalunkwe żjieda fis-setgħa fis-suq ikkawzata mill-ftehim restrittiv jagħti lill-intrapriżi kkonċernati l-abilità u l-inċentiva li jżidu l-prezz. Min-naħa l-oħra, it-tipi ta' effiċjenzi fl-ispejjeż li jitqiesu jistgħu jagħtu lill-intrapriżi kkonċernati inċentiva li jnaqqsu l-prezz, ara l-paragrafu 98 hawn fuq. L-effetti ta' dawn iż-żewġ forzi opposti għandhom jiġu bbilanċjati kontra xulxin. Huwa mfakkar f’dan ir-rigward li l-kondizzjoni tal-mogħdija lill-konsumaturi tinkorpora skala progressiva. Meta l-ftehim jikkawża tnaqqis sostanzjali fil-limitazzjoni kompetittiva li jiffaċċjaw il-partijiet, normalment huma meħtieġa effiċjenzi fl-ispejjeż straordinarjament kbar biex issir mogħdija suffiċjenti.

3.4.3.   Il-mogħdija u l-ibbilanċjar ta' tipi oħrajn ta' effiċjenzi

(102)

Il-mogħdija lill-konsumatur tista’ wkoll tieħu l-forma ta' effiċjenzi kwalitattivi bħal prodotti ġodda jew aħjar, li joħolqu valur biżżejjed għall-konsumaturi biex jikkumpensaw għall-effetti anti-kompetittivi tal-ftehim, inkluża żieda fil-prezz.

(103)

Kwalunkwe stima bħal din neċessarjament teħtieġ deċiżjoni dwar il-valur. Huwa diffiċli li jiġu assenjati valuri preċiżi għal effiċjenzi dinamiċi ta' din in-natura. Iżda, l-għan fundamentali ta' l-evalwazzjoni tibqa’ l-istess, jiġifieri li jiġi aċċertat il-valur totali tal-ftehim fuq il-konsumaturi fis-suq rilevanti. L-intrapriżi li jinvokaw il-benefiċċju ta' l-Artikolu 53(3) għandhom jissostanzjaw li l-konsumaturi jiksbu benefiċċji kontrobilanċjanti (ara f’dan ir-rigward il-paragrafi 57 u 86 hawn fuq).

(104)

Id-disponibbiltà ta' prodotti ġodda jew aħjar tikkostitwixxi għajn importanti tal-benessri tal-konsumatur. Sakemm iż-żieda fil-valur li jirriżulta minn dan it-titjib teċċedi kwalunkwe dannu minn żamma jew żjieda fil-prezz ikkawżata mill-ftehim restrittiv, il-konsumaturi huma aħjar milli mingħajr il-ftehim u r-rekwiżit tal-mogħdija lill-konsumatur taħt l-Artikolu 53(3) normalment huwa milħuq. Fil-każijiet fejn l-effett probabbli tal-ftehim huwa li jżid il-prezzijiet għall-konsumaturi fis-suq rilevanti għandu jiġi evalwat b’attenzjoni jekk l-effiċjenzi allegati joħolqux valur reali għall-konsumaturi f’dak is-suq sabiex jikkumpensaw għall-effetti avversi tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

3.5.   Ir-raba’ kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3): Ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

(105)

Skond ir-raba’ kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3), il-ftehim m’għandux jagħti lill-intrapriżi kkonċernati l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati. Fl-aħħar mill-aħħar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u l-proċess kompetittiv tingħata priorità fuq il-kisbiet ta' effiċjenzi potenzjalment pro-kompetittivi li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet restrittivi. L-aħħar kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) tagħraf il-fatt li l-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi hija mexxejja essenzjali ta' l-effiċjenza ekonomika, li tinkludi effiċjenzi dinamiċi fil-forma ta' innovazzjoni. Fi kliem ieħor, l-għan aħħari ta' l-Artikolu 53 huwa li jħares lill-proċess kompetittiv. Meta l-kompetizzjoni hija eliminata, il-proċess kompetittiv jintemm u l-kisbiet ta' l-effiċjenzi fiż-żmien qasir huma megħluba minn telf f’terminu itwal li jirriżultaw fost l-oħrajn minn spejjeż li jsiru mill-monopolist biex iżomm il-pożizzjoni tiegħu (tfittixija għall-kera), l-allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, l-innovazzjoni mnaqqsa u prezzijiet ogħla.

(106)

Il-kunċett fl-Artikolu 53(3) ta' l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati hija kunċett tal-liġi taż-ŻEE speċifika għall-Artikolu 53(3) (91). Iżda, fl-applikazzjoni ta' dan il-kunċett huwa meħtieġ li titqies ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 53 u l-Artikolu 54. L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3) ma tistax trażżan l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (92). Barra minn dan, ladarba l-Artikoli 53 u 54 it-tnejn għandhom l-għan li jżommu l-kompetizzjoni effettiva fis-suq, il-konsistenza teħtieġ li l-Artikolu 53(3) jiġi interpratat bħala li jipprekludi kwalunkwe applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni għal ftehimiet restrittivi li jikkostitwixxu abbuż ta' pożizzjoni dominanti (93)  (94). Madankollu, mhux il-ftehimiet restrittivi kollha konklużi minn intrapriża dominanti jikkostitwixxu abbuż ta' pożizzjoni dominanti. Per eżempju, dan huwa l-każ fejn intrapriża dominanti hija parti ta' intrapriża konġunta li m’għandiex il-funzjonijiet sħaħ (95), li jinstab li jkun jirrestrinġi l-kompetizzjoni iżda fl-istess ħin jinvolvi integrazzjoni sostanzjali ta' l-assi.

(107)

Jekk il-kompetizzjoni hijiex qed tiġi eliminata fis-sens ta' l-aħħar kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) jiddependi fuq il-livell tal-kompetizzjoni eżistenti qabel il-ftehim u fuq l-impatt tal-ftehim restrittiv fuq il-kompetizzjoni, jiġifieri t-tnaqqis fil-kompetizzjoni li jġib il-ftehim. Aktar ma tkun diġà mdgħajfa l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, aktar ma jkun ħafif it-tnaqqis ulterjuri meħtieġ biex tiġi eliminata l-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 53(3). Barra minn dan, akbar ma jkun it-tnaqqis tal-kompetizzjoni li jikkawża l-ftehim, aktar ma jkun probabbli li l-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati tissogra li tiġi eliminata.

(108)

L-applikazzjoni ta' l-aħħar kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) teħtieġ analiżi realistika ta' l-għejun differenti tal-kompetizzjoni fis-suq, il-livell tal-limitazzjoni kompetittiva li jimponu fuq il-partijiet tal-ftehim u l-impatt tal-ftehim fuq din il-limitazzjoni kompetittiva. Għandhom jitqiesu kemm il-kompetizzjoni attwali kif ukoll dik potenzjali.

(109)

Filwaqt li l-ishma tas-suq huma rilevanti, id-daqs ta' l-għejun li jifdal tal-kompetizzjoni attwali ma jistax jiġi stmat esklussivament fuq il-bażi tas-sehem tas-suq. Normalment hija meħtieġa analiżi kwalitattiva u kwantitattiva aktar estensiva. Il-kapaċità tal-kompetituri attwali li jikkompetu u l-inċentiva tagħhom li jagħmlu dan għandhom jiġi eżaminati. Jekk, per eżempju, il-kompetituri jiffaċċjaw limitazzjonijiet ta' kapaċità jew għandhom spejjeż ta' produzzjoni relattivament ogħla, ir-reazzjoni kompetittiva tagħhom neċessarjament tkun limitata.

(110)

Fl-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni, huwa wkoll rilevanti li tiġi eżaminata l-influwenza tagħha fuq bosta parametri tal-kompetizzjoni. L-aħħar kondizzjoni ta' l-Artikolu 53(3) mhijiex soddisfatta jekk il-ftehim jelimina l-kompetizzjoni f’waħda mill-espressjonijiet l-aktar importanti tagħha. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fejn ftehim jelimina l-kompetizzjoni fuq il-prezz (96) jew il-kompetizzjoni fir-rigward ta' l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda.

(111)

L-imġiba attwali fis-suq tal-partijiet tista’ tipprovdi perspettiva interna fl-impatt tal-ftehim. Jekk wara l-konklużjoni tal-ftehim il-partijiet implimentaw u żammew żjidiet sostanzjali fil-prezzijiet jew wettqu mġieba oħra li tindika l-eżistenza ta' livell konsiderevoli ta' setgħa fis-suq, din hija indikazzjoni li l-partijiet mhumiex soġetti għall-pressjoni kompetittiva reali u li l-kompetizzjoni ġiet eliminata fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati.

(112)

L-interazzjoni kompetittiva fl-imgħoddi tista’ wkoll tipprovdi indikazzjoni ta' l-impatt tal-ftehim fuq l-interazzjoni kompetittiva fil-ġejjieni. Intrapriża tista’ tkun tista telimina l-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 53(3) billi tikkonkludi ftehim ma' kompetitur li fl-imgħoddi kien “maverick” (97). Dan il-ftehim jista’ jibdel l-inċentivi u l-kapaċitajiet kompetittivi tal-kompetitur u b’hekk ineħħi għajn importanti tal-kompetizzjoni fis-suq.

(113)

Fil-każijiet li jinvolvu prodotti differenzjati, jiġifieri prodotti li huma differenti fl-għajnejn tal-konsumaturi, l-impatt tal-ftehim jista’ jiddependi fuq ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-prodotti mibjugħa mill-partijiet tal-ftehim. Fejn l-intrapriżi joffru prodotti differenzjati l-limitazzjoni kompetittiva li jimponu fuq xulxin il-prodotti individwali hija differenti skond il-livell ta' sostitwibbiltà bejniethom. Għalhekk għandu jitqies x’inhu l-livell ta' sostitwibbiltà bejn il-prodotti offruti mill-partijiet, jiġifieri x’inhija l-limitazzjoni kompetittiva li jimponu fuq xulxin. Aktar ma l-prodotti tal-partijiet tal-ftehim ikunu sostituti fil-qrib, aktar ma jkun probabbli l-effett restrittiv tal-ftehim. Fi kliem ieħor, aktar ma jkunu sostitwibbli l-prodotti, aktar ma tkun kbira t-tibdila probabbli kkaġunata mill-ftehim bħala r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq u aktar ma jkun probabbli li l-kompetizzjoni fir-rigward parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati tirriskja li tiġi eliminata.

(114)

Filwaqt li l-għejun tal-kompetizzjoni attwali normalment huma l-aktar importanti, għaliex huma l-aktar faċli biex jiġu vverifikati, l-għejun tal-kompetizzjoni potenzjali jistgħu jitqiesu wkoll. L-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali teħtieġ analiżi ta' l-ostakoli għad-dħul li jiffaċċjaw l-intrapriżi li mhumiex diġà qed jikkompetu fis-suq rilevanti. Kwalunkwe asserzjoni mill-partijiet li hemm ostakoli baxxi għad-dħul għandha tiġi sostnuta minn informazzjoni li tidentifika l-għejun tal-kompetizzjoni potenzjali u l-partijiet għandhom ukoll jissostanjzaw għaliex dawn l-għejun jikkostitwixxu pressjoni kompetittiva reali fuq il-partijiet.

(115)

Fl-evalwazzjoni ta' l-ostakoli għad-dħul il-possibbiltà reali għal dħul ġdid fuq skala sinjifikanti, huwa rilevanti li jiġi eżaminat, fost l-oħrajn, dan li ġej:

(i)

Il-qafas regolatorju skond l-għan li jiġi ddeterminat l-impatt tiegħu fuq id-dħul ġdid.

(ii)

L-ispejjeż tad-dħul inklużi spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati. L-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati huma dawk li ma jistgħux jinġabru lura jekk l-entrat wara joħroġ mis-suq. Aktar ma jkunu għoljin l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, aktar ikun għoli r-riskju kummerċjali għall-entranti potenzjali.

(iii)

L-iskala minima effiċjenti fl-industrija, jiġifieri r-rata tal-produzzjoni fejn l-ispejjeż medji huma minimizzati. Jekk l-iskala minima effiċjenti hija kbira meta mqabbla mad-daqs tas-suq, id-dħul effiċjenti x’aktarx ikun ta' spiża ogħla u aktar riskjuż.

(iv)

Is-saħħiet kompetittivi ta' l-entranti potenzjali. Id-dħul effettiv huwa b’mod partikolari probabbli fejn l-entranti potenzjali għandhom aċċess għal, għall-inqas, teknoloġiji effiċjenti daqs il-monopolisti jew vantaġġi oħrajn kompetittivi li jippermettuhom jikkompetu b’mod effettiv. Fejn l-entranti potenzjali huma f’triq teknoloġika li hija l-istess jew inferjuri meta mqabbla mal-monopolisti u ma għandhom ebda vantaġġ ieħor sinjifikanti, id-dħul huwa aktar riskjuż u inqas effettiv.

(v)

Il-pożizzjoni tax-xerrejja u l-abilità tagħhom li jdaħħlu fis-suq għejun differenti ta' komeptizzjoni. Huwa irrilevanti li xi xerrejja b’saħħithom ikunu jistgħu jiksbu kondizzjonijiet aktar favorevoli mill-partijiet tal-ftehim minn kompetituri aktar dgħajfa (98). Il-preżenza ta' xerrejja b’saħħithom tista’ sservi biss biex tilqa’ sejba prima facie ta' l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni jekk x’aktarx ix-xerrejja in kwistjoni jwittu t-triq għal dħul ġdid effettiv.

(vi)

Ir-reazzjoni probabbli tal-monopolisti għall-attentat ta' dħul ġdid. Per eżempju l-monopolisti jistgħu, permezz ta' mġieba fl-imgħoddi, ikunu kisbu reputazzjoni ta' mġieba aggressive, li għandha impatt fuq id-dħul fil-futur.

(vii)

Il-perspettiva ekonomika għall-industrija tista’ tkun indikatriċi ta' l-attraenza fiż-żmien twil. L-industriji li qed jistaġnaw jew li sejrin lura huma kandidati inqas xierqa għad-dħul minn industriji kkaratterizzati mit-tkabbir.

(viii)

Id-dħul fl-imgħoddi fuq skala sinjifikanti jew in-nuqqas ta' dan.

(116)

Dawn il-prinċipji jistgħu jiġu illustrati b’dan l-eżempji ipotetiċu, li mhumiex maħsuba li jistabbilixxu limiti:

Il-kumpannija A hija birrerija, li għandha 70 % tas-suq rilevanti, li jinkludi l-bejgħ tal-birra minn kafetteriji u postijiet oħrajn fuq il-kummerċ. F’dawn l-aħħar 5 snin, A żiedet is-sehem tas-suq tagħha minn 60 %. Hemm erba’ kompetituri oħrajn fis-suq, B, C, D u E b’ishma tas-suq ta' 10 %, 10 %, 5 % u 5 %. L-ebda dħul ġdid ma seħħ fl-imgħoddi riċenti u t-tibdil fil-prezzijiet implimentat minn A ġeneralment ġie segwit mill-kompetituri. A tikkonkludi ftehimiet ma' 20 % tal-postijiet fuq kummerċ li jirrappreżentaw 40 % tal-volumi tal-bejgħ fejn il-partijiet kuntraenti jintrabtu li jixtru l-birra biss mingħand A għal żmien ta' 5 snin. Il-ftehimiet jgħollu l-ispejjeż u jnaqqsu d-dħul tar-rivali, li huma magħluqa barra mill-ħwienet l-aktar attraenti. Minħabba l-pożizzjoni fis-suq ta' A, li ġiet imsaħħa fis-snin riċenti, in-nuqqas ta' dħul ġdid u l-pożizzjoni diġà dgħajfa tal-kompetituri, x’aktarx li l-kompetizzjoni fis-suq hija eliminata fis-sens ta' l-Artikolu 53(3).

Il-kumpanniji tal-bastimenti A, B, C, u D, li għamdhom flimkien aktar minn 70 % tas-suq rilevanti, jikkonkludu ftehim li bih jaqblu li jkkoordinaw l-iskedi u t-tariffi tagħhom. Wara l-implimentazzjoni tal-ftehim il-prezzijiet jogħlew bejn 30 % u 100 %. Hemm erba’ provdituri oħrajn, u l-akbar għandha madwar 14 % tas-suq rilevanti. Ma kien hemm ebda dħul ġdid fis-snin riċenti u l-partijiet tal-ftehim ma tilfux sehem sinjifikanti tas-suq wara ż-żieda fil-prezzijiet. Il-kompetituri eżistenti ma ġabu ebda kapaċità ġdida sinfjikanti fis-suq u l-ebda dħul ġdid ma seħħ. Fid-dawl tal-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet u n-nuqqas tar-reazzjoni kompetittiva għall-kondotta konġunta tagħhom, jista’ raġonevolment jiġi konkluż li l-partijiet tal-ftehim mhumiex soġġetti għal pressjonijiet kompetittivi reali u li l-ftehim jagħtihom il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 53(3).

A hija produttur ta' tagħmir elettriku għal utenti professjonali b’sehem tas-suq ta' 65 % ta' suq nazzjonali rilevanti. B hija manifattur li jikkompeti b’sehem tas-suq ta' 5 % li żviluppa tip ġdid ta' mutur li għandu aktar saħħa filwaqt li jikkonsma aktar elettriku. A u B jikkonkludu ftehim li bih jistabbilixxu intrapriża konġunta għall-produzzjoni tal-mutur il-ġdid. B tintrabat li tagħti liċenzja esklussiva lill-intrapriża konġunta. L-intrapriża konġunta tikkombina t-teknoloġija l-ġdida ta' B mal-proċess effiċjenti tal-manifattura u tal-kontroll tal-kwalità ta' A. Hemm komeptituri wieħed ewlieni ieħor li għandu 15 % tas-suq. Kompetitur ieħor li għandu sehem tas-suq ta' 5 % dan l-aħħar inkiseb minn C, produttur kompetitur ewlieni internazzjonali tat-tagħmir elettriku, li huwa stess għandu teknoloġiji effiċjenti. Sa issa C ma kienx attivi fis-suq l-aktar minħabba l-fatt li huma meħtieġa mill-konsumaturi l-preżenza u s-servizzi lokali. Permezz tal-kisba C tikseb aċċess għall-organizzazzjoni tas-servizz meħteġa sabiex tippenetra s-suq. Id-dħul ta' C x’aktarx jiżgura li l-kompetizzjoni mhux qed tiġi eliminata.


(1)  ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97.

(2)  Il-kompetenza biex jiġu ttrattati każijiet individwali li jaqgħu taħt l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE, hija maqsuma bejn l-Awtorità tas-Sorveljanza taż-ŻEE u l-Kummissjoni skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE. Waħda biss mill-awtoritajiet tas-sorveljanza hija kompetenti biex tittratta każ speċifiku.

(3)  F'dan li ġej it-terminu “ftehim” jinkludi prattika miftiehma u deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi.

(4)  Meta l-Ftehim li jemenda l-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' l-Istati ta' l-EFTA dwar l-istabbiliment ta' Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Settembru 2004 ikun daħal fis-seħħ, il-Kapitolu II tal-Protokoll 4 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti fil-parti l-kbira jiġi rifless fir-Regolament Pilastru tal-Kunsill ta' l-EFTA (KE) Nru 1/2003 (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(5)  Ara l-paragrafu 36 hawn taħt.

(6)  Ara n-Notifika ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar il-Linji Gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (ĠU C 122, 23.5.2002, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-ĠU, Nru 26, 23.5.2002, p.7), in-Notifika ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni orizzontali (ĠU C 266, 31.10.2002, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-ĠU, Nru 55, 31.10.2002, p. 1) u n-Notifika ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija, li għadhom mhumiex adottati.

(7)  L-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għall-iżviluppi futuri tal-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, sa fejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u għal Atti addottati b'applikazzjoni ta' dawn iż-żewġ Trattati, għandhom fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati skond id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data tal-Ftehim ŻEE. Dwar id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija wara li ġie ffirmat il-Ftehim ŻEE, isegwi mill-Artikolu 3(2) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti li l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA u l-Qorti ta' l-EFTA għandhom iqisu b'mod xieraq il-prinċipji stabbiliti minn dawn id-deċiżjonijiet.

(8)  Il-kunċett ta' l-effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kuntraenti taż-ŻEE huwa ttrattat f'linji gwida separati, ara l-Linji Gwida ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar il-kunċett ta' l-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE, għadhom mhumiex ippubblikati.

(9)  F'dan li ġej, it-terminu “restrizzjoni” jinkludi l-prevenzjoni u t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

(10)  Skond l-Artikolu 53(2), dawn il-ftehimiet huma awtomatikament nulli.

(11)  L-Artikolu 53(1) jipprojbixxi l-effetti anti-kompetittivi kemm attwali kif ukoll potenzjali, ara f'dan ir-rigward il-Kawża C-7/95 P, John Deere, [1998] ECR I-3111, paragrafu 77.

(12)  Ara l-Kawża T-65/98, Van den Bergh Foods, (għad mhux irrapportat), paragrafu 107 u l-Kawża T-112/99, Métropole télévision (M6) u oħrajn, [2001] ECR II-2459, paragrafu 74, fejn il-Qorti ta' l-Ewwel Istanza rriteniet li huwa biss fil-qafas preċiż ta' l-Artikolu 81(3) li l-aspetti pro- u anti- kompetittivi ta' restrizzjoni jistgħu jintiżnu.

(13)  Ara n-nota 6 hawn fuq.

(14)  Ara eż., il-Każ C-49/92 P, Anic Partecipazioni, [1999] ECR I-4125, paragrafu 116; u l-Każijiet Konġunti 40/73 sa 48/73 u oħrajn, Suiker Unie, [1975] ECR 1663, paragrafu 173. Ara f'dan ir-rigward ukoll il-Każ E-3/97, Jan and Kristian Jæger AS u Opel Norge AS, Ir-Rapport tal-Qorti ta' l-EFTA [1998] p 1.

(15)  Ara s-sentenza fil-Każ E-3/97 iċċitata fin-nota ta' qabel u wkoll f'dan ir-rigward il-paragrafu 108 tas-sentenza f'Anic Partecipazioni iċċitata fin-nota ta' qabel u l-Każ C-277/87, Sandoz Prodotti, [1990] ECR I-45.

(16)  Ara f'dan ir-rigward il-Każ E-1/94 Restamark [1994-1995] Ir-Rapport tal-Qorti ta' l-EFTA p 15 u l-Każ 14/68, Walt Wilhelm, [1969] ECR 1, u aktar riċenti l-Każ T-203/01, Michelin (II), għad mhux irrapportat, paragrafu 112.

(17)  Ara l-Każijiet Konġunti T-25/95, Cimenteries CBR u oħrajn, [2000] ECR II-491, paragrafi 1849 u 1852; u l-Każijiet Konġunti T-202/98, British Sugar u oħrajn, [2001] ECR II-2035, paragrafi 58 sa 60.

(18)  Ara f'dan is-sens il-Każ C-453/99, Courage v Crehan, [2001] ECR I-6297, u l-paragrafu 3444 tas-sentenza f'Cimenteries CBR iċċitata fin-nota ta' qabel.

(19)  Ara f'dan ir-rigward l-Każijiet Konġunti C-2/01 P u C-3/01 P, Bundesverband der Arzneimittel-Importeure, għad mhux irrapportati, paragrafu 102.

(20)  Ara, eż., il-Każijiet Konġunti 25/84 u 26/84, Ford, [1985] ECR 2725.

(21)  Ara f'dan ir-rigward il-paragrafu 141 tas-sentenza f'Bundesverband der Arzneimittel-Importeure iċċitata fin-nota 19.

(22)  Ara l-Kawża 56/65, Société Technique Minière, [1966] ECR 337, u l-paragrafu 76 tas-sentenza f'John Deere, iċċitata fin-nota 11.

(23)  Ara f'dan ir-rigward eż., il-Kawżi Konġunti 56/64 u 58/66, Consten u Grundig, [1966] ECR 429.

(24)  Ara f'dan ir-rigward eż., id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Elopak/Metal Box – Odin, (ĠU L 209, 8.8.1990, p. 15) u f'TPS, (ĠU L 90, 2.4.1999, p. 6).

(25)  Ara f'dan ir-rigward is-sentenza f'Société Technique Minière iċċitata fin-nota 22 u l-Każ 258/78, Nungesser, [1982] ECR 2015.

(26)  Ara r-regola 10 fil-paragrafu 119 tal-Linji Gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali ċċitati fin-nota 6 hawn fuq, skond liema fost l-oħrajn ir-restrizzjonijiet ta' bejgħ passiv – restrizzjoni assolutament ipprojbita – jitqiesu li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 53(1) għal żmien ta' sentejn meta r-restrizzjoni hija marbuta mal-ftuħ ta' swieq ta' prodotti jew ġeografiċi ġodda.

(27)  Ara eż., il-paragrafu 99 tas-sentenza f'Anic Partecipazioni iċċitata fin-nota 14.

(28)  Ara l-paragrafu 47 hawn taħt.

(29)  Ara l-Kawżi Konġunti 29/83 u 30/83, CRAM ud Rheinzink, [1984] ECR 1679, paragrafu 26, u l-Kawżi Konġunti 96/82, ANSEAU-NAVEWA u oħrajn, [1983] ECR 3369, paragrafi 23-25.

(30)  Ara l-Linji Gwida dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali, iċċitati fin-nota 6, paragrafu 25, u l-Artikolu 5 ta' l-att imsemmi fil-punt 6 ta' l-Anness XIV tal-Ftehim ŻEE (Ir-Regolament (KE) Nru 2658/2000 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE għal xi kategoriji ta' ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni, ĠU L 304, 5.12.2000, p. 3, kif inkorporat fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 113/2000 tat-22.12.2000 (ĠU L 52, 22.2.2001, p. 38 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-ĠU Nru 9, 22.2.2001, 22.,p. 5), e.i.f. 1.1.2001.

(31)  Ara l-Artikolu 4 ta' l-Att imsemmi fil-punt 2 ta' l-Anness XIV Annex XIV tal-Ftehim ŻEE (ir- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21 (kif inkorporat fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2000 tat-28 ta' Jannar 2000, ĠU, L 103, 12.4.2001, p. 36), u l-Linji Gwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali, iċċitati fin-nota, paragrafu 46 et seq. (ĠU C 122, 23.5.2002, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-ĠU Nru 26, 23.5.2002, p. 7). Ara wkoll il-Kawża 279/87, Tipp-Ex, [1990] ECR I-261, u l-Kawża T-62/98, Volkswagen v Il-Kummissjoni, [2000] ECR II-2707, paragrafu 178.

(32)  Ara l-paragrafu 77 tas-sentenza f'John Deere iċċitata fin-nota 10.

(33)  Mhuwiex biżżejjed fih inifsu li l-ftehim jirrestrinġi l-libertà ta' l-azzjoni ta' parti waħda jew aktar, ara l-paragrafi 76 u 77 tas-sentenza f'Métropole television (M6) iċċitata fin-nota 12. Dan huwa skond il-fatt li l-għan ta' l-Artikolu 53 huwa li jħares il-kompetizzjoni fis-suq għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

(34)  Ara eż., il-Każ 5/69, Völk, [1969] ECR 295, paragrafu 7. Gwida dwar il-kwistjoni ta' l-apprezzabbilità tista' tinsab fl-Avviż ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar ftehimiet ta' importanza minuri li ma jirrestrinġux b'mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (ĠU C 67, 20.3.2003, p. 20 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-ĠU Nru 15, 20.3.2003, p. 11). L-avviż jiddefinixxi l-apprezzabilità b'mod negattiv. Il-ftehimiet li jaqgħux fl-ambitu ta' l-avviż de minimis, mhux neċessarjament għandhom effetti restrittivi apprezzabbli, Hija meħtieġa evalwazzjoni individwali.

(35)  Ara f'dan ir-rigward il-Kawżi Konġunti T-374/94 u oħrajn, European Night Services, [1998] ECR II-3141. Ara wkoll il-Kawża E-8/00, Landsorganisasjonen i Norge u Oħrajn v Kommunenes Sentralforbund u Oħrajn, [2002] EFTA Court Report p 114, u l-Kawża E-7/01, Hegelstad Eiendomsselskap Arvid B. Hegelstad u oħrajn u Hydro Texaco AS, [2002] Rapport tal-Qorti ta' l-EFTA p 310.

(36)  Ara n-nota 35.

(37)  Ara f'dan ir-rigward in-Notifika ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE (ĠU L 200, 16.7.1998, p. 46 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-ĠU Nru 28, 16.7.1998, p. 3).

(38)  Għar-riferenza fil-ĠU ara n-nota 6.

(39)  Ara l-paragrafu 104 tas-sentenza f’Métropole télévision (M6) u oħrajn, iċċitata fin-nota 12.

(40)  Ara eż., il-Kawża C-399/93, Luttikhuis, [1995] ECR I-4515, paragrafi 12 sa 14.

(41)  Ara f'dan ir-rigward il-paragrafi 118 et seq. tas-sentenza ta' Métropole television iċċitata fin-nota 12.

(42)  Ara l-paragrafu 107 tas-sentenza f'Métropole télévision iċċitata fin-nota 12.

(43)  Ara eż., Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Elopak/Metal Box – Odin iċċitata fin-nota 24.

(44)  Ara l-Kawża 161/84, Pronuptia, [1986] ECR 353.

(45)  Ara n-nota 24. Id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti ta' l-Ewwel Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fis-sentenza f'Métropole télévision (M6) iċċitata fin-nota 12.

(46)  L-iffrankar ta' l-ispejjeż u kisbiet oħrajn mill-partijiet, li jirriżultaw mis-sempliċi eżerċizzju tas-setgħa fis-suq ma jagħtux lok għal benefiċċji oġġettivi u ma jistgħux jitqiesu, ara l-paragrafu 49 below.

(47)  Ara s-sentenza f'Consten and Grundig, iċċitata fin-nota 23.

(48)  Il-fatt li ftehim huwa eżentat b'mod ġenerali minnu nnifsu ma jindikax li l-ftehim individwali jaqa' taħt l-Artikolu 53(1).

(49)  Ara eż., il-Kawża C-234/89, Delimitis, [1991] ECR I-935, paragrafu 46.

(50)  L-Artikolu 36(4) tar-Regolament 1/2003 meta ġie inkorporat fil-Ftehim ŻEE, ara n-nota hawn fuq, fost l-oħrajn, iħassar lill-Artikolu 5 ta' l-att imsemmi fil-punt 10 ta' l-Anness XIV tal-Ftehim ŻEE (Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68) li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permess tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Iżda l-prattika fil-każijiet adottata taħt dak l-Att għadha rilevanti għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3) fis-settur tat-trasport fuq l-ilma intern.

(51)  Ara l-paragrafu 42 hawn taħt.

(52)  Ara s-sentenza f'Société Technique Miniere iċċitata fin-nota 22.

(53)  Ara f'dan ir-rigward il-Każ 319/82, Kerpen & Kerpen, [1983] ECR 4173, paragrafi 11 u 12.

(54)  Ara eż., il-Kawża T-185/00, Métropole télévision SA (M6) u oħrajn, [2002] ECR II-3805, paragrafu 86, il-Kawża T-17/93, Matra, [1994] ECR II-595, paragrafu 85; u l-Kawżi Konġunti 43/82 u 63/82, VBVB u VBBB, [1984] ECR 19, paragrafu 61.

(55)  Ara l-Kawża T-213/00, CMA CGM u oħrajn, għad mhux irrapportat, paragrafu 226.

(56)  Ara f'dak is-sens impliċitament il-paragrafu 139 tas-sentenza f'Matra judgment iċċitata fin-nota, u l-Każ 26/76, Metro (I), [1977] ECR 1875, paragrafu 43.

(57)  Dwar il-kunċett tal-konsumaturi ara l-paragrafu 84 hawn taħt fejn jingħad li l-konsumaturi huma l-klijenti tal-partijiet u xerrejja ta' wara. Il-partijiet stess mhumiex “konsumaturi” għall-għanijiet ta' l-Artikolu 53(3).

(58)  It-test huwa speċifiku għas-suq, ara f'dak is-sens il-Każ T-131/99, Shaw, [2002] ECR II-2023, paragrafu 163, fejn il-Qorti ta' l-Ewwel Istanza tal-Komunitajiet Ewropej irriteniet li l-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE għandha ssir fl-istess qafas analitiku bħal dak użat għall-evalwazzjoni ta' l-effetti restrittivi, u l-Kawża C-360/92 P, Publishers Association, [1995] ECR I-23, paragrafu 29, fejn f'każ fejn is-suq rilevanti kien usa’ minn nazzjonali l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej irriteniet li fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) ma kienx korrett li jitqiesu biss l-effetti fit-territorju nazzjonali.

(59)  Fil-Kawża T-86/95, Compagnie Générale Maritime u oħrajn, [2002] ECR II-1011, paragrafi 343 sa 345, il-Qorti ta' l-Ewwel Istanza tal-Komunitajiet Ewropej irriteniet li l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE ma jirrikjedix li l-benefiċċji huma marbuta ma' suq speċifiku u li f'każijiet xierqa għandhom jitqiesu kif xieraq il-benefiċċji “għal kull suq ieħor li fih il-ftehim in kwistjoni jista' jkollu effetti ta' benefiċċju, u wkoll, f'sens aktar ġenerali, għal kwalunkwe servizz li l-kwalità jew l-effiċjenza tiegħu tista' titjieb bl-eżistenza tal-ftehim”. Iżda huwa importanti, f'dan il-każ, li l-grupp affettwat ta' konnsumaturi kien l-istess. Il-każ kien jikkonċerna s-servizzi tat-trasport intermodali li jinkludu, fost l-oħrajn, għaqda ta' transport intern u marittimu provduti lill-kumpanniji tal-bejgħ fil-Komunità. Ir-restrizzjonijiet relatati mas-servizzi tat-trasport intern, li ġew dikjarati li jikkostitwixxu suq separat, filwaqt li l-benefiċċji ġew allegati li seħħu fir-rigward ta' servizzi tat-trasport marittimu. Iż-żewġ servizzi kieni mitluba minn utenti tat-trasport li jeħtieġu s-servizzi tat-trasport intermodali bejn l-Ewropa ta' fuq u l-Asja tax-Xlokk u tal-Lvant. Is-sentenza f'CMA CGM, iċċitata fin-nota hawn fuq, ukoll ikkonċernat sitwazzjoni fejn il-ftehi, filwaqt li jkopri bosta servizzi distinti, affettwat lill-istess grupp ta' konsumaturi, jiġifieri t-trasportaturi tal-merkanzija fil-kontejners bejn l-Ewropa ta' Fuq u l-Lvant. Taħt il-ftehim il-partijiet iffissaw it-tariffi u l-ħlasijiet ulterjuri relatati mas-servizzi tat-trasport intern, is-servizzi fil-port u s-servizzi tat-trasport marittimu. Il-Qorti ta' l-Ewwel Istanza rriteniet (ara l-paragrafi 226 sa 228) li fiċ-ċirkostanzi tal-każ ma kien hemm ebda ħtieġa li jiġu ddefiniti s-swieq rilevanti sabiex jiġi applikat l-Artikolu 81(3). Il-ftehim kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni skond l-għan tiegħu stess u ma kien hemm ebda benefiċċju għall-konsumaturi.

(60)  Ara l-paragrafi 126 u 132 tal-Linji Gwida dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali iċċitati fin-nota hawn fuq.

(61)  Ara s-sentenza f'Ford iċċitata fin-nota 20.

(62)  F'dan ir-rigward ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'TPS, ĠU L 90, 2.4.1999, p. 6. B'mod simili, il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 53(1) jgħodd biss sa fejn il-ftehim għandu għan restrittiv jew effetti restrittivi.

(63)  Ara l-paragrafu 85 tas-sentenza ta' Matra ċċitata fin-nota 54.

(64)  Fir-rigward ta' dan ir-rekwiżit ara l-paragrafu 49 hawn taħt.

(65)  Ara eż., il-Kawża T-29/92, Vereniging van Samenwerkende Prijsregelende Organisaties in de Bouwnijverheid (SPO), [1995] ECR II-289.

(66)  Ara eż., il-Kawża 258/78, Nungesser, [1982] ECR 2015, paragrafu 77, dwar il-protezzjoni territorjali assoluta.

(67)  Ara f'dan ir-rigward, eż., is-sentenza f'SPO iċċitata fin-nota 65.

(68)  Il-miżuri nazzjonali għandhom, fost l-oħrajn, iħarsu r-regoli tal-Ftehim ŻEE dwar il-moviment ħieles tal-prodotti, is-servizzi, il-persuni u l-kapital.

(69)  Ara eż., is-sentenza f'Consten and Grundig iċċitata fin-nota 23.

(70)  Ara f'dan ir-rigward id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Van den Bergh Foods, ĠU L 246, 4.9.1998, p. 1.

(71)  Ara f'dan ir-rigward id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Glaxo Wellcome, ĠU L 302, 17.11.2001, p. 1.

(72)  Ara eż., id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'GEAE/P&W, ĠU L 58, 3.3.2000, p. 16; f'British Interactive Broadcasting/Open, ĠU L 312, 6.12.1999, p. 1; u f'Asahi/Saint Gobain, ĠU L 354, 31.12.2004, p. 87.

(73)  Ara eż., id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Atlas, ĠU L 239, 19.9.1996, p. 23, u f'Phoenix/Global One, ĠU L 239, 19.9.1996, p. 57.

(74)  Ara eż., id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Uniform Eurocheques, ĠU L 35, 7.2.1985, p. 43.

(75)  Ara eż., id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Cégétel + 4, ĠU L 88, 31.3.1999, p. 26.

(76)  Dwar il-mistoqsija ta' qabel, li tista' tkun rilevanti fil-kuntest ta' l-Artikolu 53(1), ara l-paragrafu 18 hawn fuq.

(77)  L-ekonomiji tal-firxa normalment huma eżawriti f'ċertu punt. Wara dan l-ispejjeż medji jistabbilixxu u eventwalment jogħlew minħabba, per eżempju, il-limitazzjonijiet tal-kapaċità u l-ostakoli.

(78)  Ara f'dan ir-rigward il-paragrafi 392 sa 395 tas-sentenza f'Compagnie Générale Maritime iċċitata fin-nota 59.

(79)  Għal aktar dettall ara l-paragrafu 116 tal-Linji Gwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali ċċitati fin-nota 6.

(80)  Ara l-Kawżi Konġunti T-374/94, European Night Services u oħrajn, [1998] ECR II-3141, paragrafu 230.

(81)  Ara l-Att imsemmi fil-punt 2 ta' l-Anness XIV tal-Ftehim ŻEE Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, ĠU L 336, 29.12.1999, page 21 (kif inkorporat fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2000 tat-28 ta' Jannar 2000, ĠU L 103, 12.4.2001, p. 36).

(82)  Ara f'dan ir-rigward is-sentenza f'Consten and Grundig iċċitata fin-nota 23, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej irriteniet li t-titjib fis-sens ta' l-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE għandu juri vantaġġi oġġettivi apprezzabbli ta' karattru tali li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jikkawżaw fil-qasam tal-kompetizzjoni.

(83)  Huwa mfakkar li l-effetti pożittivi u negattivi fuq il-konsumaturi huma bħala prinċipju bbilanċjati f'kull suq rilevanti (ara l-paragrafu 43 hawn fuq).

(84)  Ara f'dan ir-rigward il-paragrafu 48 tas-sentenza ta' Metro (I) iċċitata fin-nota 56.

(85)  Ara l-paragrafu 163 tas-sentenza f'Shaw iċċitata fin-nota 58.

(86)  Fit-taqsimiet li ġejjin, għall-konvenjenza id-dannu kompetittiv huwa msemmi bħala prezzijiet ogħla; id-dannu kompetittiv jista' wkoll ifisser kwalità aktar baxxa, inqas varjetà jew innovazzjoni aktar baxxa milli kien iseħħ mod ieħor.

(87)  Fis-swieq perfettament kompetittivi l-intrapriżi individwali huma dawk li jieħdu l-prezzijiet. Ibiegħu l-prodotti tagħhom bil-prezz tas-suq, li huwa ddeterminat mill-provvista u d-domanda ġenerali. Il-produzzjoni ta' l-intrapriża individwali tant hi żgħira li t-tibdil fil-produzzjoni ta' kwalunkwe intrapriża individwali ma jaffettwa l-prezz fis-suq.

(88)  L-intrapriżi jaqblu taċitament meta f'suq oligopolistiku jistgħu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fis-suq mingħajr ma jirrikorru għal ftehim espliċitu ta' kartell.

(89)  Dan it-terminu jirreferi għal intrapriżi li jillimitaw l-imġiba dwar il-prezzijiet ta' intrapriżi oħrajn fis-suq li mod ieħor kienu jiftiehmu b'mod taċitu.

(90)  Il-ftehim restrittiv jista' wkoll jippermetti lill-intrapriżi in kwistjoni jitolbu prezzijiet ogħla lill-klijenti b'elastiċità baxxa tad-domanda.

(91)  U b'mod speċifiku għall-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE, ara l-Kawżi Konġunti T-191/98, T-212/98 u T-214/98, Atlantic Container Line (TACA), għad mhux irrapportat, il-paragrafu 939, u l-Każ T-395/94, Atlantic Container Line, [2002] ECR II-875, paragrafu 330.

(92)  Ara l-Kawżi Konġunti C-395/96 P u C-396/96 P, Compagnie maritime belge, [2000] ECR I-1365, paragrafu 130. B'mod simili, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53(3) ma jrażżanx l-applikazzjoni tar-regoli tal-Ftehim ŻEE dwar il-moviment ħieles tal-prodotti, is-servizzi, il-persuni u l-kapital. Dawn id-dispożizzjonijiet f'xi ċirkostanzi jgħoddu għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattika miftiehma fis-sens ta' l-Artikolu 53(1), ara f'dak is-sens il-Kawża C-309/99, Wouters, [2002] ECR I-1577, paragrafu 120.

(93)  Ara f'dan ir-rigward il-Kawża T-51/89, Tetra Pak (I), [1990] ECR II-309, u l-paragrafu 1456 tas-sentenza ta' Atlantic Container Line (TACA) iċċitata fin-nota 91.

(94)  Hekk huwa kif il-paragrafu 135 tal-Linji Gwida dwar it-trażżin vertikali u l-paragrafi 36, 71, 105, 134 u 155 tal-Linji Gwida dwar il-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni orizzontali, iċċitata fin-nota 6, għandhom jinftiehmu meta jiddikjaraw li bħala prinċipju il-ftehimiet restrittivi konklużi minn intrapriżi dominanti ma jistgħux jiġu eżentati.

(95)  L-intrapriżi konġunti bil-funzjonijiet kollha, jiġifieri l-intrapriżi konġunti li jwettqu fuq bażi permanenti l-funzjonijiet kollha ta' entità ekonomika awtentika, huma koperti mill-att imsemmi fil-punt 1 ta' l-Anness XIV tal-Ftehim ŻEE (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Amalgamazzjoni), ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (kif inkorporat fil-Ftehim ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 78/2004 ta' l-8 ta' Ġunju 2004, ĠU L 219, 19.6.2004, p. 13 u s-Suppliment taż-ŻEE għall-ĠU, 19.6.2004, p. 1).

(96)  Ara l-paragrafu 21 tas-sentenza f'Metro (I) iċċitata fin-nota 56.

(97)  Ara l-paragrafu 97 hawn fuq.

(98)  Ara f'dan ir-rigward il-Kawża T-228/97, Irish Sugar, [1999] ECR II-2969, paragrafu 101.


Top