Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/71

    Kawża T-195/07: Rikors imressaq fil- 5 ta' Ġunju 2007 — Lafarge Cement SA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 170, 21.7.2007, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 170/37


    Rikors imressaq fil-5 ta' Ġunju 2007 — Lafarge Cement SA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża T-195/07)

    (2007/C 170/71)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Partijiet

    Rikorrenti: Lafarge Cement SA (rappreżentanti: P.K. Rosiak, konsulent legali u F. Puel, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2007 dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjonijiet tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ppreżentat mill-Polonja skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea K (2007) 1295, fil-verżjoni finali tagħha tas-26 ta' Marzu 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ppreżentat mill-Polonja skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE (1) li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li ċerti aspetti tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' CO2 għall-perijodu 2008-2012, innotifikat lill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2006, mhumiex konformi ma' l-Artikoli 9(1) u (3), 10 u 13(2) kif ukoll mal-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE. Id-deċiżjoni kkontestata tnaqqas b'26.7 % il-limitu ta' emissjonijiet ta' dijossidu karboniku għas-snin 2008-2012 meta mqabbel mal-limitu propost mill-Polonja fil-pjan nazzjonali tagħha ta' allokazzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet innotifikat lill-Kumissjoni.

    In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat wara li skada t-terminu ta' tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li fis-26 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tagħti d-deċiżjoni kkontestata jew, minn ta' l-anqas, kisret rekwiżit proċedurali essenzjali meta għamlet dan.

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-ewwel u t-tieni kriterji ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE billi, mingħajr raġuni, naqset l-allokazzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet mħejjija mill-Polonja għal livel ħafna inqas meta mqabbel ma dak li kien innotifikat inizjalment u li kien konformi ma' l-obbligi aċċettati mill-Polonja taħt il-Protokoll ta' Kyoto.

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, meta ħadet id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(3), moqri flimkien ma' l-Artikolu 11(2), tad-Direttiva 2003/87/KE kif ukoll il-prinċipju ta' l-aspettativi leġittimi u dak tal-kooperazzjoni għaliex, minflok ma applikat il-kompetenzi limitati li jidhru fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, hija applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma kkunsidrat il-metodoloġija li tinsab fil-PNAQ II, il-metodoloġija tagħha stess sabiex tiddetermina l-kwota medja ta' emissjonijiet annwali massimi attribwiti lill-Polonja u imponietha fuq din ta' l-aħħar billi, mingħajr ma kellha dritt, eżerċitat kompetenza li kienet mogħtija mid-Direttiva lill-Istat Membru. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-organi ta' l-Istati Membri billi ma informatx lill-Polonja bl-applikazzjoni ta' mudell ekonomiku tagħha stess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fatt dan li ċaħħad lill-Polonja u lill-imprendituri interessati mill-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' l-utilità ta' dan il-mudell u milli eventwalment jikkontestaw l-informazzjoni u l-prinċipji li kienu l-bażi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

    Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret it-tielet kriterju li jinsab fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE billi applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni antikwata dwar iż-żieda prevista mill-PNB, billi bbażat ruħa fuq informazzjoni ta' natura ġenerali ħafna sabiex tikkalkula l-indiċi ta' emissjonijiet ta' CO2 u billi naqset b'mod arbitrarju l-livell annwali ta' emissjonijiet ta' CO2 b'2.5 % addizzjonali.

    Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed u b'hekk tikser l-Artikolu 253 KE.


    (1)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32).


    Top