Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/68

    Kawża T-188/07: Rikors ippreżentat fit- 28 ta' Mejju 2007 — Fastweb vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 170, 21.7.2007, p. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 170/35


    Rikors ippreżentat fit-28 ta' Mejju 2007 — Fastweb vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-188/07)

    (2007/C 170/68)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Fastweb SpA (rappreżentanti: M. Merola, membru tas-servizz legali, T. Ubaldi, avvocato)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6634 finali ta' l-24 ta' Jannar 2007 dwar għajnuna mill-Istat C 52/2005 (ex NN 88/2005, ex CP 101/2004) fil-parti fejn tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni favur it-trażmettituri diġitali terrestri li joffru servizzi televiżivi bi ħlas u l-operaturi tat-televiżjoni bil-kejbil bi ħlas il-miżuri implementati mill-Italja permezz tas-sussidju għax-xiri ta' decoders diġitali (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni);

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6634 finali ta' l-24 ta' Jannar 2007 fil-parti fejn tordna lill-Italja sabiex tirkupra l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji u b'mod partikolari mingħand ir-rikorrenti (Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni);

    tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hija l-istess waħda bħal dik tal-kawża T-96/07 Telecom Italia Media vs Il-Kummissjoni (1).

    Ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin in sostenn tar-rikors tagħha:

    ksur ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, motivazzjoni insuffiċjenti u nuqqas ta' investigazzjoni f'dak li jikkonċerna l-kwalifika tal-miżuri bħala għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li l-miżuri in kwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat inkwantu ma jinvolvux trasferiment ta' riżorsi ta' l-Istat favur allegati benefiċjarji u ma jagħtuhomx vantaġġ selettiv li jikkaġuna ħsara lill-kompetituri.

    ksur ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, natura kontradittorja u motivazzjoni insuffiċjenti f'dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni u l-eżistenza tal-vantaġġ ekonomiku favur allegati benefiċjari ta' l-għajnuna. Ir-rikorrenti tosserva li l-motivazzjoni ta' l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni rigward l-identifikazzjoni tal-forma ta' l-għajnuna, jiġifieri tal-vantaġġ ekonomiku li gawdew minnu l-allegati benefiċjarji ta' l-għajnuna, hija insuffiċjenti minbarra li hija kjarament kontradittorja. Id-deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata billi ma tipprovax b'liema mod is-sussidji mogħtija lill-konsumaturi għall-akkwist tad-decoders iddeterminaw l-għoti neċessarju, awtomatiku u ċert ta' vantaġġ ekonomiku favur l-allegati benefiċjarji tal-miżuri.

    nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li jikkonċerna l-kwantifikazzjoni ta' l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji kif ukoll l-illegalità ta' l-ordni ta' rkupru minħabba ksur tar-regoli tat-Trattat fuq l-għajnuna mill-Istat u ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999. Ir-rikorrenti ssostni li l-kwantifikazzjoni tal-vantaġġ li ngħata lill-allegati benefiċjarji tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni ma tistrieħx fuq motivazzjoni adegwata u tinvolvi l-eżerċizzju ta' setgħa li tmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat KE jew mir-Regoli tal-Proċedura fil-qasam ta' l-għajnuna.

    illegalità ta' l-ordni ta' rkupru inkwantu hija milquta ab origine minn impossibbiltà ta' eżekuzzjoni assoluta u oġġettiva, kif ukoll motivazzjoni difettuża u ksur ta' l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999, kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità.


    (1)  ĠU L 117, tad-29.5.2007, p. 32.


    Top