Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/60

    Kawża T-177/07: Rikors ippreżentat fit- 23 ta' Mejju 2007 — Mediaset vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 170, 21.7.2007, p. 31–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 170/31


    Rikors ippreżentat fit-23 ta' Mejju 2007 — Mediaset vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-177/07)

    (2007/C 170/60)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Mediaset SpA (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: D. O'Keeffe, Solicitor, K. Adamantopoulos u G. Rossi, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla, abbażi ta' l-Artikolu 230 tat-Trattat KE (li qabel kien l-Artikolu 173), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007 dwar għajnuna mill-Istat C 52/2005 li ġiet implimentata mir-Repubblika Taljana bis-sussidju għax-xiri ta' decoders diġitali fl-Italja, b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 3 tagħha;

    tordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti f'dawn il-proċedimenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6634 finali (1) ta' l-24 ta' Jannar 2007 li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li l-iskema implementata mill-Italja favur trażmettituri diġitali terrestri li joffru servizzi televiżivi bi ħlas u operaturi tat-televiżjoni bil-kejbil bi ħlas tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

    Ir-rikorrenti, li hija benefiċjarja ta' l-għajnuna mill-Istat in kwistjoni, tinvoka l-motivi li ġejjin.

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE safejn i) il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna li ngħatat direttament lill-konsumaturi taqa' fl-ambitu ta' l-Artikolu 87(1) KE; ii) il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kienet tagħti 'vantaġġ ekonomiku' selettiv lir-rikorrenti; iii) il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura hija selettiva minħabba li hija allegatament diskriminatorja, u iv) il-Kummissjoni qieset li l-miżura tikkaġuna distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

    Ir-rikorrenti ssostni ulterjorment li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni u żball manifest ta' liġi billi kkonkludiet li l-miżura ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret rekwiżit proċedurali essenzjali billi tat raġunijiet kontradittorji u insuffiċjenti kontra dak li jitlob l-Artikolu 253 KE.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 (2) billi ordnat l-irkupru ta' l-għajnuna, minħabba li naqset milli tikkonstata li i) ir-rikorrenti kellha aspettattiva leġittima biex tassumi li l-għajnuna kienet legali u ii) huwa impossibbli li jiġi stabbilit l-ammont ta' l-għajnuna u li jiġu identifikati l-benefiċjarji potenzjali indiretti.


    (1)  C 52/2005 (ex NN 88/2005, ex CP 101/2004).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU 1999 L 83, p. 1).


    Top