Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/25

    Kawża C-242/07 P: Appell imressaq fit- 18 ta' Mejju 2007 mir-Renju tal-Belġju kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba Awla) mogħti fil- 15 ta' Marzu 2007 fil-kawża T-5/07, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 170, 21.7.2007, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 170/14


    Appell imressaq fit-18 ta' Mejju 2007 mir-Renju tal-Belġju kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba Awla) mogħti fil-15 ta' Marzu 2007 fil-kawża T-5/07, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-242/07 P)

    (2007/C 170/25)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: L. Van den Broeck, aġent, J.-P. Buyle u C. Steyaert, Avukati)

    Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej

    Talbiet

    tannulla d-digriet ikkontestat;

    tikkonstata li r-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrent kontra l-Kummissjoni Ewropea (T-5/07) huwa ammissibbli u, b'konsegwenza, tilqa' t-talbiet tar-rikorrent li jinsabu fir-rikors għal annullament tiegħu u, jekk ikun il-każ, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta' dan ir-rikors;

    tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' l-appell u tat-talba fil-Prim'Istanza.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrent jinvoka erba' motivi in sostenn ta' l-appell tiegħu.

    Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jsostni li d-digriet ikkontestat huwa vvizjat minn nuqqas ta' motivazzjoni safejn, bi ksur ta' l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, din ta' l-aħħar tiċċita l-ġurisprudenza dwar ċirkostanzi imprevedibbli u żball skużabbli, mingħajr ma tindika r-raġunijiet għalfejn iċ-ċirkostanzi invokati mir-rikorrent ma jikkostitwux tali ċirkostanzi imprevedibbli jew li huma sors ta' tali żball skużabbli.

    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni sussegwentement li meta l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li kwistjonijiet marbuta mat-tħaddim tas-servizzi tar-rikorrent ma setgħux, waħedhom, jagħtu karattru skużabbli lill-iżball imwettaq, din wettqet żball ta' dritt fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' eżistenza ta' l-iżball skużabbli. Il-ġurisprudenza Komunitarja dwar l-iżball skużabbli fil-fatt tindika li dan jirrigwarda ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal-kwadru li fih dawn iseħħu.

    Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt jew, ta' l-anqas, naqset mill-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni billi naqset milli teżamina wieħed mill-argumenti li huwa kien qajjem, ibbażat fuq ir-rigorożità proċedurali eċċessiva li titqiegħed fuq ir-rikorrent jekk l-appell tiegħu jiġi miċħud bħala inammissibbli meta huwa kien ressaq il-prova, f'dan il-każ, ta' diliġenza kbira u, b'mod partikolari, ressaq ir-rikors permezz ta' faks fi żmien sew qabel l-iskadenza tat-terminu ta' rikors.

    Fl-aħħar nett, permezz tar-raba' motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li ċ-ċaħda ta' rikors minħabba tardività meta dan kien ġie kkomunikat minn qabel lir-Reġistratur fit-termini ta' żmien stipulati permezz ta' faks, hija kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità. B'hekk, ir-rispett ta' dan il-prinċipju jirrikjedi li rikors ippreżentat lir-Reġistratur permezz ta' faks fit-terminu ta' żmien għal rikors stabbilit mit-Trattat KE, anki meta r-rikors oriġinali ffirmat jasal għand ir-Reġistratur iktar minn 10 ġranet wara, ma jiġix iddikjarat inammissibbli, kemm-il darba dan jitressaq matul l-10 ġranet wara l-aħħar ġurnata awtorizzata għall-preżentata ta' rikors permezz ta' faks.


    Top