Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/21

    Kawża C-233/07: Rikors imressaq fil- 11 ta' Mejju 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża

    ĠU C 170, 21.7.2007, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 170/12


    Rikors imressaq fil-11 ta' Mejju 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża

    (Kawża C-233/07)

    (2007/C 170/21)

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: S. Pardo Quintillán u P. Andrade, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

    Talbiet tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara li billi r-Repubblika Portugiża ma ssuġġettatx, matul l-istaġun ta' l-għawm, l-ilma urban mormi mill-agglomerazzjoni tal-kosta ta' Estoril, qabel ma jintrema fil-baħar, għall-inqas għal trattament primarju avvanzat u għal proċess ta' diżinfezzjoni, skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2001/720/KE ;

    billi ma ssuġġettatx, barra mill-istaġun ta' l-għawm, l-ilma urban mormi mill-agglomerazzjoni tal-kosta ta' Estoril, qabel ma jintrema, għall-inqas għal trattament primarju, skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2001/720/KE;

    billi ppermettiet li l-iskariki ta' ilma urban mormi mill-agglomerazzjoni tal-kosta ta' Estoril (1) jikkawża ħsara lill-ambjent;

    hija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 2, 3 u 5 tad-Deċiżjoni 2001/720/KE.

    tordna lir-Repubblika Portugiża tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fl-1999 ir-Repubblika Portugiża talbet lill-Kummissjoni sabiex l-iskariki fl-oċean Atlantiku, fil-viċinanzi ta' l-estwarju tax-xmara Tago, ta' ilma urban mormi mill-agglomerazzjoni tal-kosta ta' Esoril ikunu suġġetti għal trattament inqas rigrouż.

    Il-Kummissjoni vverifikat li r-rekwiżiti previsti fir-regola derogatorja tad-Direttiva 91/271/KEE (2) kienu sodisfatti u, permezz tad-Deċiżjoni 2001/720/KE, laqgħet it-talba tal-Portugall.

    Mir-risposti li tat l-amministrazzjoni Portugiża għall-ittra ta' intimazzjoni u għall-opinjoni motivata jirriżulta li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-artikoli msemmija iktar 'il fuq tad-Deċiżjoni 2001/720/KE.


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2001, li tagħti deroga lill-Portugall dwar it-trattament ta' ilma urban mormi ta' l-agglomerazzjoni tal-kosta ta' Estoril (ĠU L 269, p. 14).

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament ta' l-ilma urban mormi (ĠU L 135, p. 40).


    Top