EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/117/37

Kawża T-81/07: Rikors ippreżentat fl- 14 ta' Marzu 2007 — K.G. Holding vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 117, 26.5.2007, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 117, 26.5.2007, p. 22–23 (MT)

26.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 117/22


Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2007 — K.G. Holding vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-81/07)

(2007/C 117/36)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Jan Rudolf Maas, fil-kwalità tiegħu bħala kuratur fil-falliment ta' K.G. Holding N.V.(Rotterdam, l-Olanda) (rappreżentanti: G. van der Wal u T. Boesman, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-parti rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2006, fil-kawża C-30/2005;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent qed jikkontesta id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/939/KE tad-19 ta' Lulju 2006, dwar l-għajnuna mill-istat innotifikata mill-Olanda għal KG Holding NV (1).

Il-pjan ta' għajnuna kien jirrigwarda għajnuna għar-ristrutturazzjoni li l-Olanda riedet tagħti lil KG Holding NV, taħt il-forma ta' bdil f'kapital azzjonarju tas-self ta' salvataġġ preċedentement awtorizzat u ta' l-imgħaxijiet imposti relatati. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna mill-Istat, taħt il-forma ta' għajnuna għar-ristrutturazzjoni, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Il-Kummissjoni tiddeċiedi wkoll li l-Olanda għandha titlob lil KG Holding NV u lil Kliq BV ir-restituzzjoni ta' parti mill-għajnuna li bħala self ta' salvataġġ ġie ttrasferit minn KG Holding NV lill-kumpannija sussidjarja Kliq NV u li nbidel f'kapital azzjonarju, u li l-Olanda, inkwantu kreditriċi fil-proċedura ta' falliment, għandha tirreġistra l-kreditu tagħha kontra KG Holding NV u/jew Kliq Reïntergratie.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent l-ewwel nett isostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni, u għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed u tikser l-Artikolu 87(1) KE. B'mod partikolari l-Kummissjoni indebitament iddediċidiet li l-Olanda kellha tirreġistra mal-kuratur, fil-proċeduri ta' falliment, il-kreditu tagħha kontra KG Holding u Kliq Reïntegratie għall-ammont ta' EUR 35.75 miljun. Mhuwiex ċar jekk fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tgħidx li fir-rigward tal-KG dan jirrigwarda għajnuna illegali ta' EUR 35.75 miljun li l-Olanda għandu jitlob lura, jew jekk dan jirrigwardax għajnuna għal salvataġġ li l-Kummissjoni tapprova fid-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-punt 23(d) tal-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà (2). Barra minn dan, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Diċembru 2003 (3), qablet li dan l-ammont kien intiż għall-iffinanzjar tat-tkeċċija tal-persunal u l-fidi tal-kuntratti superfluwi ta' Kliq Reïntegratie, u li Kliq Reïntegratie kellha sussegwentement titqiegħed fi stralċ.

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni hija żbaljata dwar il-ħlas kollu ta' l-ishma ta' KG Holding fi Kliq BV permezz ta' tpaċija ta' l-obbligu ta' ħlas mal-kreditu ta' KG Holding fir-rigward ta' Kliq BV taħt il-kuntratt ta' self. Dan ma kienx parti mid-deċiżjoni tal-5 ta' Awissu 2005 li permezz tiegħu bdew il-proċeduri (4). Huwa allegat, li l-Kummissjoni, wetqet abbuż ta' poter, aġixxiet b'mod li mar kontra d-drittijiet tad-difiża u kontra l-prinċipju audi alteram partem.

It-tielet nett, il-Kummissjoni indebitament naqset milli tistabbilixxi li din l-għajnuna seta' jkollha effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri, jew għallinqas li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward mhumiex biżżejjed motivati.

Ir-raba' nett, il-Kummissjoni indebitament stabbilixxiet li l-Olanda għandha titlob lura l-allegata għajnuna ta' EUR 9.25 miljun mingħand KG Holding u Kliq BV. Il-Kummissjoni sostniet b'mod żbaljat li l-għajnuna ta' EUR 35.75 miljun għandha titħallas lura minn KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie permezz tar-reġistrazzjoni ta' dawn il-krediti fil-proċeduri ta' falliment. Minħabba fil-falliment ta' KG Holding, Kliq Reïntegratie u Kliq BV, il-ħlas lura ta' dawn l-ammonti ta' din l-għajnuna huwa fil-biċċa l-kbira impossibbli, u f'kull każ, bla sens, billi l-ħlas lura permezz ta' reġistrazzjoni tal-falliment ta' dawn il-kumpanniji mhuwiex neċessarju, u huwa superfluwu sabiex tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Il-ħames nett, il-Kummissjoni hija żbaljata meta sostniet u stabbilixxiet faċilità ta' kreditu ta' EUR 17 miljun għal kont kurrenti, ġà pprovdut mill-Olanda lil KG Holding meta din ta' l-aħħar ġiet stabbilita, skond ir-regoli ta' l-għajnuna mill-istat u li ma jagħmlux parti ta' l-għajnuna eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija żbaljata meta ddediċidiet li l-Olanda għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex titlob lura mingħand KG Holding l-ammont ta' EUR 9.25 miljun, flimkien ma' l-imgħax mid-data li fiha l-partijiet individwali ta' dan l-ammont tqegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħhom. Din it-talba tmur kontra l-liġi nazzjonali dwar il-falliment.


(1)  ĠU L 366, p. 40.

(2)  ĠU 1999, C 288, p. 2.

(3)  Għajnuna ta' l-Istat Nru 510/2003 — Għajnuna għal salvataġġ għall-Kliq Holding NV (ĠU 2004, C 33, p. 8).

(4)  Għajnuna ta' l-Istat C-30/2005 (ex Nru 78/2004) — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħti lil KG Holding NV — Talba sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE (ĠU 2005, C 280, p. 2).


Top