Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/117/19

    Kawża C-135/07 P: Appell imressaq fis- 6 ta' Marzu 2007 mill-Bank Austria Creditanstalt AG kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l- 14 ta' Diċembru 2006 fil-Kawżi magħquda T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Raiffeisen Zentralbank Österreich AG et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b'riferiment għall-kawża T-260/02

    ĠU C 117, 26.5.2007, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 117, 26.5.2007, p. 11–11 (MT)

    26.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 117/11


    Appell imressaq fis-6 ta' Marzu 2007 mill-Bank Austria Creditanstalt AG kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-14 ta' Diċembru 2006 fil-Kawżi magħquda T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Raiffeisen Zentralbank Österreich AG et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b'riferiment għall-kawża T-260/02

    (Kawża C-135/07 P)

    (2007/C 117/18)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Bank Austria Creditanstalt AG (rappreżentanti: Dres. C. Zschocke u J. Beninca, avukati)

    Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tal-parti rikorrenti

    l-annullament totali jew parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Diċembru 2006, kawżi magħquda T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02 (1), f'dak li jirrigwarda l-kawża T-260/02;

    l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2002, kawża COMP/36.571, safejn tirrigwarda lil Bank Austria Creditanstalt;

    sussidjarjament, it-tnaqqis xieraq tal-multa li l-Kummissjoni imponiet fuq Bank Austria Creditanstalt permezz tad-deċiżjoni kkontestata;

    li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz tar-rikors tagħha r-rikorrenti titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Diċembru 2006. Ir-rikorrenti tilmenta li kien hemm diversi nuqqasijiet ta' motivazzjoni kif ukoll żbalji ta' dritt u vizzji ta' proċedura.

    Ir-rikorrenti tirrileva li s-sentenza kkontestata inġustament ikkonfermat l-opinjoni żbaljata tal-Kummissjoni li tgħid li l-akkordji interbankarji kellu jkollhom effetti ekonomiċi negattivi. Is-sentenza kkontestata, skond ir-rikorrenti, tikser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tal-prova billi tinterpreta ħażin ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-perizji ekonomiċi u tekniċi sabiex jipprovaw in-nuqqas ta' effetti ekonomiċi. Skond ir-rikorrenti, fid-dawl tal-perizja ppreżentata, ma kellhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti ekonomiċi fil-kuntest ta' l-iffissar tal-multa.

    Ir-rikorrenti tikkritika s-sentenza kkontestata talli injorat il-kundizzjonijiet, stabbiliti mill-qrati Komunitarji, li jeżiġu, jekk jiġu sodisfatti, tnaqqis tal-multa abbażi ta' ċirkustanzi attenwanti. Abbażi ta' tali żball ta' dritt is-sentenza kkontestata ma rrettifikatx l-iżball ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li huwa li ma ġewx ikkunsidrati bħala ċirkustanzi attenwanti li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa la l-parteċipazzjoni ta' entitajiet pubbliċi u lanqas l-għarfien wiesa u pprovat ta' l-akkordji interbankarji fuq livell tal-pubbliku.

    Permezz tat-tielet motiv tagħha r-rikorrenti ssostni li kien hemm nuqqasijiet ta' motivazzjoni, ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, kif ukoll żbalji oħrajn ta' dritt u vizzji ta' proċedura tas-sentenza kkontestata f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-kontribut tagħha għall-finijiet ta' kooperazzjoni.

    Ir-rikorrenti ssostni li hija sa mill-bidu kkollaborat mal-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-każ. Fil-fatt, fil-fażijiet bikrin tal-proċedura ppreżentat espożizzjoni wiesgħa ta' l-akkordji interbankarji, kif ukoll ħafna dokumenti, li hija ma kinitx obbligata li tipprovdi u li, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim'Istanza, intużaw mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ppreżentat espożizzjoni taċ-ċirkustanzi ta' fatt li, kif ġie ukoll ikkonstatat fid-deċiżjoni kkonstatata, il-Kummissjoni setgħet tuża fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    Is-sentenza kkontestata — bl-istess mod bħad-deċiżjoni kontroversa — naqset milli tagħti tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni wiesa, utli u pprovata tar-rikorrenti. Dan jikkostitwixxi applikazzjoni ħażina tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali u l-prinċipju tal-ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, is-sentenza kkontestata kisret id-dritt tar-rikorrenti li tiġi mismugħha peress li tiżviluppa, hija stess, kunsiderazzjonijiet dwar l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u li fuqhom din ta' l-aħħar ma ngħatatx l-opportunità tieħu pożizzjoni minn qabel.


    (1)  ĠU C 331, p. 29.


    Top