Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019TJ0169

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tat-2 ta’ Ġunju 2021.
Style & Taste, SL vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattivi li tirrappreżenta plejer tal-polo – Disinn nazzjonali preċedenti – Raġuni relattiva ta’ invalidità – Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 60(2)(d) tar-Regolament (UE) 2017/1001).
Kawża T-169/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2021:318

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

2 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattivi li tirrappreżenta plejer tal-polo – Disinn nazzjonali preċedenti – Raġuni relattiva ta’ invalidità – Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 60(2)(d) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T‑169/19,

Style & Taste, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn L. Plaza Fernández-Villa, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Palmero Cabezas u M. H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

The Polo/Lauren Company LP, stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Garayalde Niño, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑7 ta’ Jannar 2019 (Każ R 1272/2018‑5), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Style & Taste u The Polo/Lauren Company,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President tal-Awla, A. Kornezov, E. Buttigieg u K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Marzu 2019,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ġunju 2019,

wara li kkonstatat l-assenza ta’ talba għal żamma ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fid‑29 ta’ Settembru 2004, l-intervenjenti, The Polo/Lauren Company LP, ressqet applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, li min-naħa tiegħu ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2

It-trade mark li għaliha tressqet applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattivi li ġej:

Image

3

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tressqet għal prodotti fil-klassijiet 9, 18, 20, 21, 24 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4

It-trade mark ġiet irreġistrata fit‑3 ta’ Novembru 2005 bin-Numru 4049201.

5

Fit‑23 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti, Style & Taste, SL, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata abbażi ta’ dritt għall-proprjetà industrijali previst fl-Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 60(2)(d) tar-Regolament 2017/1001).

6

It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq id-disinn Spanjol irreġistrat fl‑4 ta’ Marzu 1997 bin-Numru D 0024087, riprodott hawn taħt:

//

Image

7

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Mejju 2018, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

8

Fil‑5 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, abbażi tal-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell minħabba li r-reġistrazzjoni tad-disinn preċedenti kienet skadiet fit‑22 ta’ Mejju 2017.

It-talbiet tal-partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tirriforma d-deċiżjoni kkontestata billi tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

11

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

12

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-dawl tad-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri d‑29 ta’ Settembru 2004, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantivi applikabbli, il-fatti tal-kawża preżenti huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 3940, u s-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C-371/18, EU:C:2020:45, punt 49). Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa li japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolamenti Nru 207/2009 u Nru 2017/1001.

Fuq l-ammissibbiltà

13

Prinċipalment, l-EUIPO jsostni li l-unika talba tar-rikorrenti hija inammissibbli. Fil-fatt, sa fejn il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex dwar ir-rekwiżiti kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata. L-EUIPO jkompli jesponi li l-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ toħroġ ordni kontrih intiża sabiex jiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

14

Sussidjarjament, l-EUIPO jqis li, f’kull każ, ir-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku fid-dawl tal-fatt li r-reġistrazzjoni tad-disinn preċedenti skadiet.

15

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tirriforma d-deċiżjoni kkontestata u mhux li toħroġ ordni kontra l-EUIPO.

16

Issa, minn naħa, għalkemm l-EUIPO huwa ġġustifikat meta jsostni li l-ammissibbiltà ta’ talba għal riformazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lill-Bord tal-Appell (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Raimund Schmitt Verpachtungsgesellschaft vs EUIPO (Brauwelt), T‑56/15, EU:T:2016:618, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa biżżejjed li jiġi osservat li, f’din il-kawża, il-Bord tal-Appell kellu l-kompetenza sabiex jiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata, konformement mal-Artikolu 71(1) u mal-Artikolu 163(1) tar-Regolament 2017/1001.

17

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar, hekk kif jagħmel l-EUIPO, li l-effett tas-setgħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma huwiex dak li jagħtiha s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell bl-evalwazzjoni tagħha u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi bord tal-appell għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riformazzjoni għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72). Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk, fil-kawża preżenti, r-rekwiżiti għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riformazzjoni tal-Qorti Ġenerali humiex issodisfatti hija kwistjoni fuq il-mertu li ma taffettwax l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Sumol + Compal Marcas vs EUIPO – Heretat Mont-Rubi (SUM011), T‑296/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:93, punt 22).

18

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku tar-rikorrent jippreżupponi li l-annullament jew ir-riformazzjoni tal-att ikkontestat jista’ jkollhom, minnhom infushom, konsegwenzi legali u li r-rikors għalhekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għandu jiġi kkonstatat li, konformament mal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 62(2) tar-Regolament 2017/1001), trade mark li ġiet iddikjarata invalida hija meqjusa li ma pproduċietx, sa mill-bidu, l-effetti previsti minn dan ir-regolament. Minn dan isegwi li l-invalidità tat-trade mark ikkontestata, li tista’ tiġi kkonstatata biss wara l-annullament jew ir-riformazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jkollha konsegwenzi legali ta’ natura li r-rikorrenti tikseb benefiċċju għall-perijodu preċedenti għall-iskadenza tar-reġistrazzjoni tad-disinn preċedenti. Konsegwentement, u bil-kontra ta’ dak li jallega, essenzjalment, l-EUIPO, la ċ-ċirkustanza li r-reġistrazzjoni tad-disinn preċedenti skadiet u lanqas iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma tistax tipprojbixxi, abbażi ta’ dan id-disinn, l-użu ta’ trade marks oħra rreġistrati wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tal-imsemmi disinn ma jċaħħdu lir-rikorrenti mill-interess li titlob l-annullament jew ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata.

19

Konsegwentement, għandu jitqies li r-rikors tar-rikorrenti huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

20

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, minkejja argumenti li ma humiex ċari wisq, motiv uniku bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ċaħad, żbaljatament, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għar-raġuni li r-reġistrazzjoni tad-disinn preċedenti kienet skadiet fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li d-dritt Spanjol ma kienx jippermettilha ġġedded ir-reġistrazzjoni ta’ dan id-disinn, iżda li dan tal-aħħar ma għebx minħabba l-fatt li kien skada u li, għall-finijiet tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kien biżżejjed li hija tistabbilixxi li l-imsemmi disinn kien preċedenti għat-trade mark ikkontestata u li kienet ġiet stabbilita probabbiltà ta’ konfużjoni, konformament mad-dritt Spanjol.

21

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

22

L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94 jelenka l-kawżi ta’ invalidità fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li t-“Trade-mark tal-[Unjoni] għandha […] tkun iddikjarata invalida ma l-applikazzjoni lejn l-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontra-talba fil-proċedimenti tal-ksur meta l-użu ta’ tali trade-mark jista’ jkun ipprojbit bis-saħħa ta’ dritt aktar kmieni, u partikolarment […] id-dritt għal proprjetà industrijali; skond il-leġislazzjoni tal-[Unjoni] jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni”.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prijorità li abbażi tiegħu d-dritt preċedenti jieħu preċedenza fuq it-trade marks irreġistrati wara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Fédération Cynologique Internationale, C‑561/11, EU:C:2013:91, punt 39). Konsegwentement, id-drittijiet mogħtija minn trade mark tal-Unjoni jiġu eżerċitati bla ħsara għad-drittijiet tal-proprjetarji miksuba qabel id-data ta’ applikazzjoni jew ta’ prijorità ta’ din it-trade mark.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż li jipproteġi l-interessi individwali tal-proprjetarji ta’ drittijiet għall-proprjetà industrijali preċedenti li jkunu konfliġġenti ma’ trade marks sussegwenti tal-Unjoni. Għalhekk, sabiex jitolbu d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ tali trade marks abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-imsemmija proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti għandhom neċessarjament jistabbilixxu l-eżistenza ta’ konfużjoni ma’ dawn it-trade marks sa mid-data tal-applikazzjoni jew ta’ prijorità tagħhom.

25

Minn dan isegwi li, sabiex jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju tad-dritt għall-proprjetà industrijali preċedenti msemmi f’din id-dispożizzjoni għandu neċessarjament jistabbilixxi li dan id-dritt jippermettilu jipprojbixxi l-użu ta’ din it-trade mark fid-data tal-applikazzjoni jew ta’ prijorità tagħha.

26

Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-użu tal-preżent fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94 jissuġġerixxi li l-EUIPO għandu jivverifika li r-rekwiżiti sabiex trade mark tal-Unjoni tiġi ddikjarata invalida abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti fid-data li huwa jiddeċiedi dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. L-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament għalhekk jipprevedi li trade mark tal-Unjoni tista’ tiġi ddikjarata invalida meta “jkun hemm” id-dritt preċedenti msemmi f’din id-dispożizzjoni u meta r-rekwiżiti “jkunu sodisfatti”, hekk kif barra minn hekk josserva, ġustament, l-EUIPO fil-Linji Gwida tiegħu dwar l-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament 2017/1001. Bl-istess mod, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li tali trade mark tista’ tiġi ddikjarata invalida jekk l-użu tagħha “jista’ jkun ipprojbit”. Mill-kumplament, għandu wkoll jiġi kkonstatat li r-regola 37(b)(iii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), jipprevedi li, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-persuna li titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tistabbilixxi li hija “proprjetarj[a]” ta’ wieħed mid-drittijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni jew li hija “intitolat[a]” li tinvoka tali dritt.

27

Min-naħa l-oħra, mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 40/94 dwar il-kawżi ta’ invalidità relattiva jirriżulta li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda meta jiġi stabbilit, b’ċertezza, li l-kunflitt mat-trade mark tal-Unjoni preċedenti waqaf wara l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

28

F’dan ir-rigward, pereżempju, mill-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, fuq talba tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade għandha tiġi miċħuda fil-każ fejn it-trade mark tal-Unjoni preċedenti invokata insostenn ta’ din it-talba ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fil-ħames snin ta’ qabel id-data tal-imsemmija talba u tista’, b’konsegwenza ta’ dan, tiġi rrevokata abbażi tal-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 40/94 jippermetti li proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni jevita li t-trade mark tiegħu tiġi ddikjarata invalida jekk il-persuna li titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tkunx kapaċi tipprova li l-kunflitt mat-trade mark tal-Unjoni preċedenti ser ikompli jeżisti wara l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

29

Minn dan isegwi li l-fatt li trade mark tal-Unjoni invokata insostenn ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma għadhiex tibbenefika mill-protezzjoni tal-Unjoni fid-data li fiha l-EUIPO jiddeċiedi dwar l-imsemmija talba għandu jwassal sabiex din tiġi miċħuda.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju ta’ dritt għall-proprjetà industrijali msemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jistabbilixxi li huwa jista’ jipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata tal-Unjoni, mhux biss fid-data tal-applikazzjoni jew ta’ prijorità ta’ din it-trade mark, kif ġie espost fil-punt 24 iktar ’il fuq, iżda wkoll fid-data ta’ meta l-EUIPO jiddeċiedi dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

31

F’din il-kawża, minn naħa, huwa paċifiku li r-reġistrazzjoni tad-disinn preċedenti skadiet matul is-sena 2017, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fis‑7 ta’ Jannar 2019. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li d-dritt Spanjol ma jippermettilhiex iġġedded ir-reġistrazzjoni ta’ dan id-disinn, iżda li dan id-disinn ma kienx għeb minħabba l-fatt li dan skada. Madankollu, hija la tallega u lanqas, a fortiori, ma turi li, konformament mad-dritt Spanjol, huwa possibbli li l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni jiġi pprojbit abbażi ta’ tali disinn wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tiegħu. Bil-kontra ta’ dan, hija tammetti li d-disinn preċedenti huwa, minħabba l-iskadenza tiegħu, fid-dominju pubbliku u li jista’, b’konsegwenza ta’ dan, jintuża mill-“Ispanjoli kollha”.

32

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-użu tat-trade mark ikkontestata ma setax jiġi pprojbit abbażi tad-disinn preċedenti fid-data tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti.

33

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv uniku tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, b’tali mod li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

34

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn jintalbu. Sa fejn ir-rikorrenti tilfet hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO hekk kif mitluba minn dan tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Style & Taste, SL, hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Papasavvas

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

Hekk mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ Ġunju 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq