EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016TJ0061

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2017.
The Coca-Cola Company vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva Master – Trade marks tal-Unjoni Ewropea figurattivi preċedenti Coca-Cola u nazzjonali figurattiva preċedenti C – Raġuni relattiva għal rifjut – Vantaġġ indebitament miksub mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Provi dwar l-użu kummerċjali, barra mill-Unjoni, ta’ sinjal li jinkludi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni – Deduzzjonijiet loġiċi – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni preċedenti – Artikolu 8(5) u Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li saru Artikolu 8(5) u Artikolu 72(6) tar-Regolament (UE) 2017/1001].
Kawża T-61/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2017:877

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla)

7 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva Master - Trade marks tal-Unjoni Ewropea figurattivi preċedenti Coca-Cola u nazzjonali figurattiva preċedenti C - Raġuni relattiva għal rifjut - Vantaġġ indebitament miksub mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti - Provi dwar l-użu kummerċjali, barra mill-Unjoni, ta’ sinjal li jinkludi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni - Deduzzjonijiet loġiċi - Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni preċedenti - Artikolu 8(5) u Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li saru Artikolu 8(5) u Artikolu 72(6) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T‑61/16,

The Coca-Cola Company, stabbilita f’Atlanta, Georgia (l‑Istati Uniti), irrappreżentata minn S. Malynicz, QC, S. Baran, barrister, D. Stone u A. Dykes, solicitors,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Modern Industrial & Trading Investment Co. Ltd (Mitico), stabbilita f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentata minn A.-E. Malamis, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-2 ta’ Diċembru 2015 (Każ R 1251/2015‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Coca-Cola Company u Mitico,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Mejju 2016,

wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għal din il-mistoqsija ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 u fl-20 ta’ April 2017,

wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fl-10 ta’ Mejju 2010, l-intervenjenti, Modern Industrial & Trading Investment Co. Ltd (Mitico), ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l‑Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1) [issostitwita bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

3

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-limitazzjoni li seħħet matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, fil-klassijiet 29, 30 u 32 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 29: “Jogurt, laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ, estratt tal-laħam, frott u ħaxix ippreservat, iffriżat, imnixxef u msajjar, ġeli, marmellata, frott ippreservat, bajd ippreservat u ppreservat bil-ħall, insalati ppreparati bil-ħall, krisps tal-patata”;

klassi 30: “Kafè, tè, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sagu, kafè artifiċjali, dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, hlewwiet, ħelu, silġijiet u ġelati, għasel, għasel iswed, għaġin, dqiq, ħmira tal-furnara, trabijiet tal-ħami, melħ, mustarda, ħall, bżar, zlazi (kondimenti), ħwawar, bl-eċċezzjoni speċifikament ta’ prodotti tal-għaġina u tal-furnara, silġ, ċikkulata, gum, kull tip ta’ hors-d’œuvre magħmula mill-qamħirrum u mill-qamħ, bl-eċċezzjoni speċifikament ta’ prodotti tal-għaġina u tal-furnara”;

klassi 32: “Ilma minerali u naturali, xorb magħmul mix-xgħir, birra mingħajr alkoħol, xorb bil-gass mingħajr alkoħol ta’ kull xorta, b’mod partikolari mħawwra (kola, ananas, mango, larinġ, lumi, aromatizzat, tuffieħ, magħmul minn taħlita ta’ frott, tropikali, enerġetiċi, lampun, frott, luminati, rummien…), u kull tip ta’ xorb mingħajr alkoħol magħmul mill-frott naturali (tuffieħ, lumi, larinġ, taħlita magħmul mill-frott, rummien, ananas, mango…), u konċentrati ta’ meraq mingħajr alkoħol u konċentrati sabiex isiru meraq mingħajr alkoħol ta’ kull tip, trab u puré sabiex jiġi prodott puré mingħajr alkoħol”.

4

L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 128/2010, tal-14 ta’ Lulju 2010.

5

Fl-14 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti, The Coca-Cola Company, ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6

L-oppożizzjoni kienet ibbażata, fl-ewwel lok, fuq erba’ trade marks tal-Unjoni Ewropea figurattivi preċedenti, riprodotti iktar ’il quddiem:

trade mark irreġistrata bin-numru 8792475:

Image

trade mark irreġistrata bin-numru 3021086:

Image

trade mark irreġistrata bin-numru 2117828:

Image

trade mark irreġistrata bin-numru 2107118:

Image

7

Dawn l-erba’ trade marks tal-Unjoni Ewropea figurattivi preċedenti kienu jindikaw b’mod partikolari l-prodotti u s-servizzi, rispettivament, għall-ewwel, fil-klassijiet 30, 32 u 33, għat-tieni, fil-klassi 32, għat-tielet, fil-klassijiet 32 u 43 u, għar-raba’, fil-klassijiet 32 u 33, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn it-trade marks u minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 8792475:

klassi 30: “Kafé, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafé artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, prodotti tal-għaġina u prodotti ħelwin, ġelati; għasel, ġulepp tal-karamella; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ”;

klassi 32: “Birra; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex jiġi ppreparat xorb”;

klassi 33: “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni tal-birra)”;

għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 3021086: “Xorb, jiġifieri ilma tax-xorb, ilmijiet b’togħma, ilma minerali u bil-gass; u xorb ieħor mingħajr alkoħol, jiġifieri xorb mingħajr alkoħol, xorb enerġetiku u xorb għall-isportivi; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp, konċentrati u trab sabiex jiġi ppreparat xorb, jiġifieri ilmijiet b’togħma, ilma minerali u bil-gass, xorb rinfreskanti, xorb enerġetiku, xorb għall-isportivi, xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott”, fil-klassi 32;

għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 2117828:

klassi 32: “Birra; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex jiġi ppreparat xorb”;

klassi 43: “Catering (ikel u xorb); hosting temporanju”;

għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 2107118:

klassi 32: “Birra; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex jiġi ppreparat xorb”;

klassi 33: “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni tal-birra)”.

8

L-oppożizzjoni kienet ibbażata, fit-tieni lok, fuq it-trade mark tar-Renju Unit figurattiva preċedenti, irreġistrata bin-numru 2428468, riprodott iktar ’il quddiem:

Image

9

Din it-trade mark tar-Renju Unit figurattiva preċedenti kienet tindika b’mod partikolari l-prodotti fil-klassi 32 u li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja: “Birer; ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra għax-xarbiet”.

10

Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001) u fl-Artikolu 8(5) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001).

11

Matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti pproduċiet provi relatati, fil-fehma tagħha, mal-użu kummerċjali mill-intervenjenti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Dawn l-elementi kienu jinkludu xhieda tas-Sinjura R, li kienet konsulent tar-rikorrenti, tat-23 ta’ Frar 2011, li magħha annettiet screenshots stampati fis-16 ta’ Frar 2011 mis-sit internet tal-intervenjenti, “www.mastercola.com”. Dawn l-iscreenshots għandhom l-għan li juru li l-intervenjenti kienet tuża, fil-kummerċ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni b’mod partikolari fil-forma li ġejja:

Image

12

Fis-26 ta’ Settembru 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha.

13

Fis-17 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

14

B’deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Minn naħa, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dan qies li mal-ewwel kien jidher li s-sinjali kunfliġġenti bl-ebda mod ma kienu jixxiebhu u għalhekk ikkonkluda li ma kienx hemm probabbilta ta’ konfużjoni bejniethom, minkejja l-identiċità tal-prodotti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament, dan ikkunsidra li, peress li s-sinjali ma kinux jixxiebhu, l-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, ma kinitx issodisfatta. Barra minn hekk, dan ma laqax il-provi prodotti mir-rikorrenti (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), għar-raġuni li, fil-kuntest ta’ dan l-artikolu, seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-użu tat-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha kienet mitluba mill-intervenjenti.

15

Fil-5 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u li jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, hija tikkritika lill-EUIPO li amalgama l-evalwazzjoni tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti skont l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn dawn it-trade marks skont l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament. Fit-tieni parti, hija tikkritika lill-EUIPO li ma rrikonoxxiex il-provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li huma rilevanti sabiex tintwera l-intenzjoni tal-intervenjenti li tikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

16

Permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Coca-Cola vs OHMI – Mitico (Master) (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel deċiżjoni.

17

F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-motiv uniku, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, fakkret li l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti kienet tikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artiklu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, billi ċaħdet ilment kuntrarju tar-rikorrenti. Sussegwentement, fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li s-sinjali kunfliġġenti kienu jippreżentaw, minbarra d-differenzi viżivi manifesti tagħhom, elementi ta’ xebh viżiv li kienu relatati mhux biss mal-“linja” li ttawwal l-ittri inizjali rispettivi tagħhom “c” u “m” ta’ kurvatura fil-forma ta’ firma, iżda wkoll mal-użu komuni tagħhom bħala tipa li ma tantx tintuża fin-negozju kontemporanju, l-iskrittura spencerjana, ipperċepita kollha kemm hi mill-konsumatur rilevanti. Fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, billi applikat evalwazzjoni globali tal-elementi ta’ xebh u ta’ differenza, ikkunsidrat li s-sinjali kunfliġġenti, tal-inqas l-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu ppreżentaw livell baxx ta’ xebh, id-differenzi fonetiċi u kunċettwali kienu, minkejja l-elementi ta’ differenza viżiva, innewtralizzati mill-elementi ta’ xebh viżiv globali, ta’ importanza ħafna ikbar. Min-naħa l-oħra, it-trade mark tar-Renju Unit preċedenti, fid-dawl b’mod partikolari tal-qosor tagħha, ġiet meqjusa bħala differenti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-sinjali kunfliġġenti kienu jippreżentaw livell ta’ xebh, ċertament dgħajjef, iżda madankollu suffiċjenti sabiex il-pubbliku rilvanti jwettaq approssimazzjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola, jiġifieri jistabbilixxi bejniethom rabta fis-sens ta’ dan l-artikolu. Konsegwentement, hija stiednet lill-Bord tal-Appell sabiex jeżamina l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni l-oħra ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ riskju li l-użu mingħajr raġuni ġġustifikata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mil-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew jikkawżalhom dannu.

18

Barra minn hekk, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali qieset xieraq li teżamina t-tieni parti tal-motiv uniku, dwar ir-rilevanza tal-provi prodotti mir-rikorrenti u miċħuda mill-Bord tal-Appell, jiġifieri l-iscreenshots tas-sit internet tal-intervenjenti “www.mastercola.com” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Fil-punti 86 sa 88 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ġurisprudenza bl-ebda mod ma kienet limitat għall-unika trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit ir-riskju ta’ parassitiżmu, jiġifieri dak li jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, iżda ppermettiet ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha ddestinati sabiex titwettaq analiżi ta’ probabbiltajiet rigward l-intenzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, iktar u iktar, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi relatati mal-użu kummerċjali effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienu jikkostitwixxu manifestament elementi rilevanti sabiex jiġi stabbilit tali riskju ta’ parassitiżmu fil-każ u, għalhekk, ikkonkludiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta ċaħad dawn il-provi. Għalhekk, fil-punt 93 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi waqt l-eżami tiegħu tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2015, wara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell bagħat lura l-kawża quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell, bir-referenza R 1251/2015‑4.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell mill-ġdid ċaħad l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li ċaħdet l-oppożizzjoni.

21

L-ewwel nett, filwaqt li jirrikonoxxi r-rinunzja tar-rikorrenti, quddiem il-Qorti Ġenerali, tal-ilment tagħha bbażat fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 21), il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appell kien limitat għall-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. Sussegwentement, billi rrikonoxxa l-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-differenza tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark tar-Renju Unit preċedenti (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 70), dan qies l-oppożizzjoni bħala infondata sa dan il-punt. Minbarra dan, billi rrikonoxxa l-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 74) u billi fakkar li huwa paċifiku li dawn it-trade marks preċedenti għandhom reputazzjoni bħala “xorb mingħajr alkoħol”, dan indika li l-unika kundizzjoni ta’ applikazzjoni li baqgħet li tiġi eżaminata kienet dik tar-riskju li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu minn din ir-reputazzjoni.

22

Fir-rigward tal-kundizzjoni tar-riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni, il-Bord tal-Appell fakkar li, fl-ewwel deċiżjoni, kien ikkonstata, essenzjalment, li l-provi – jiġifieri l-iscreenshots tas-sit internet tal-intervenjenti “www.mastercola.com” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) – ma kkonċernawx it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u konsegwentement, ma kienx ħadhom inkunsiderazzjoni. Dan madankollu żied li, “[j]ekk it-trade marks ippreżentati fl-immaġnijiet iktar ’il fuq effettivament kienu s-suġġett tal-applikazzjoni inkwistjoni, ma jkun hemm ebda dubju li r-reġistrazzjoni tagħha tista’ tiġi prekluża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, “[b]il-kontra, jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni f’dan il-każ kienet intużat fis-suq, effettivament kien ikun hemm lok li wieħed jistaqsi jekk l-użu ta’ dan is-sinjal partikolari jistax jiġi evitat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minbarra dan, ikkonstata li “[i]l-provi [kienu] juru li l-[intervenjenti] [kienet] tbigħ ix-xorb tagħha fi fliexken li għandhom l-istess apparenza, l-istess immaġni, l-istess stil, l-istess tipa u l-istess ippakkjar bħall-fliexken mibjugħa mir-[rikorrenti] bl-isem Coca-Cola” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23

Madankollu, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn il-provi kellhom portata tali li ma jistgħux ikunu l-bażi ta’ oppożizzjoni u, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ riskju ta’ parassitiżmu, essenzjalment għat-tliet motivi li ġejjin. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata li dawn il-provi ma wrewx li l-intervenjenti użat fl-Unjoni Ewropea l-preżentazzjoni li kienet tidher fis-sit internet tagħha “www.mastercola.com”. Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, dan irrileva l-fatt li dan is-sit internet kien essenzjalment ifformulat bl-Għarbi, minkejja l-eżistenza ta’ paġna bl-Ingliż, kif ukoll l-assenza ta’ kull indikazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ ordni online u li dawn il-prodotti proposti jintbagħtu lejn l-Unjoni. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies li s-sempliċi fatt li trade mark tal-Unjoni tiġi ppreżentata – li l-preżentazzjoni tagħha kienet differenti minn dik li kienet tidher fis-sit internet tal-intervenjenti – ma kienx jindika li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tippromwovi l-prodotti tagħha fl-Unjoni bl-istess mod bħal ma għamlet fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell afferma li ma kienx jaf min kien kien iżomm id-drittijiet f’dawn il-pajjiżi u li r-rikorrenti ma kinitx invokat ksur tad-drittijiet tagħha f’dan ir-reġjun. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti lanqas ma kienet uriet l-immaġni konkreta li tista’ tiġi ttrasferita tal-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola għall-applikazzjoni inkwistjoni fl-Unjoni jew barra mill-Unjoni, b’mod partikolari għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30, iżda wkoll għax-xorb fil-klassi 32. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, il-provi prodotti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit b’mod ċar dak li kienet tfisser Coca-Cola. Il-Bord tal-Appell osserva li, sa fejn kien marbut bl-argumenti tal-partijiet skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95 tar-Regolament 2017/1001), ma kellux jipprova jikseb huwa stess il-produzzjoni ta’ dawn l-argumenti. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell applika argument analogu għar-riskji ta’ tidjif jew ta’ titbigħ. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-provi prodotti kollha, il-Bord tal-Appell qies l-oppożizzjoni bħala infondata u ċaħad l-appell.

It-talbiet tal-partijiet

24

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk sostnuti minnha f’kull stadju tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u tal-appell, inklużi l-ispejjeż ta’ din li-proċedura.

25

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26

L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha kemm quddiem l-EUIPO kif ukoll quddiem il‑Qorti Ġenerali.

Id-dritt

27

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur rispettivament tal-Artikolu 8(5) u tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001). Permezz tal-ewwel motiv, hija tikkritika lill-EUIPO li ma ħax inkunsiderazzjoni r-rilevanza tal-provi li juru l-intenzjonijiet tal-intervenjenti rigward l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ riskju li l-użu mingħajr raġuni ġġustifkata ta’ din it-trade mark jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Permezz tat-tieni motiv, hija tikkritika lill-EUIPO li ma eżegwixxiex id-dispożittiv tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), jew, tal-inqas, li ma eżegwixxiex dan id-dispożittiv b’mod adegwat.

28

L‑EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li dawn iż-żewġ motivi jiġu miċħuda.

29

L-ewwel nett, ma hemmx lok li jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, mhux ikkontestati mill-partijiet, rigward il-pubbliku rilevanti u l-identiċità tal-prodotti intiżi mit-trade marks kunfliġġenti (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 22). Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tapprova espressament id-deċiżjoni kkontestata fuq diversi punti, inklużi l-limitazzjoni tal-portata tal-appell għall-oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, bħala konsegwenza tal-punt 21 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), kif ukoll l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Bord tal-Appell dwar, minn naħa, l-eżistenza ta’ xebh u ta’ rabta bejn l-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħala konsegwenza tal-punt 74 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, (T‑480/12, EU:T:2014:1062) u, min-naħa l-oħra, it-tgwadija, minn dawn it-trade marks preċedenti, ta’ reputazzjoni għax-xorb mhux alkoħoliku fil-klassi 32. Fl-aħħar nett, jista’ jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċaħda tal-appell u tal-oppożizzjoni abbażi tat-trade mark tar-Renju Unit preċedenti, bħala konsegwenza tal-punt 70 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 70) (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

30

Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li t-tieni motiv jiġi eżaminat qabel l-ewwel motiv.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009

31

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma ħax il-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), bi ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), ikkonkludiet billi sostniet in-natura manifestament rilevanti tal-provi relatati mal-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni “f’għarfien perfett tal-portata ġeografika” ta’ dawn il-provi, peress li din il-kwistjoni kienet tqajmet mill-intervenjenti matul il-proċedura amministrattiva f’dikjarazzjoni tad-9 ta’ Mejju 2012 u għalhekk kienet tagħmel parti mill-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell jmissu llimita ruħu li jevalwa l-kwistjoni tal-vantaġġ indebitu billi ħa inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura rilevanti tal-provi relatati mal-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għalhekk il-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta ċaħad dawn il-provi minħabba l-portata ġeografika tagħhom.

32

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Ċertament, huwa mifhum li l-Bord tal-Appell kien inizjalment wettaq l-iżball li jiċħad dawn il-provi. Madankollu, dan isostni li, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma evalwatx dawn il-provi, din ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-vantaġġ indebitu abbażi ta’ dawn il-provi. Għalhekk, dan jistieden lill-Qorti Ġenerali tippreċiża jekk il-kwistjoni tal-post tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-Unjoni jew barra minnha, kinitx tagħmel parti jew le mill-kunsiderazzjonijiet miġjuba quddiem il-Qorti Ġenerali meta din tat is-sentenza tagħha.

33

L-intervenjenti ssostni li l-Bord tal-Appell effettivament ħa inkunsiderazzjoni l-estratti tas-sit internet tagħha u, wara li eżaminahom, ikkonkluda korrettament li ma dawn ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit riskju ta’ ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat li jikkonstata li l-estratti ta’ dan is-sit kienu jipprovaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

34

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, dan tal-aħħar huwa obbligat, skont l-Artikolu 266 TFUE u tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, li jieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ eventwali sentenza ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni.

35

Skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tindirizza lill-EUIPO ordnijiet u huwa dan tal-aħħar li skont il-każ għandu jiġbed il-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali [sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T‑331/99, EU:T:2001:33, punt 33; tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I), T‑441/05, EU:T:2007:178, punt 13, u tas-6 ta’ Ottubru 2011, Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), T‑508/08, EU:T:2011:575, punt 31].

36

F’dan il-każ, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li s-silta rilevanti fil-paġna 12 tal-osservazzjonijiet dwar l-appell, quddiem il-Bord tal-Appell, tal-intervenjenti tad-9 ta’ Mejju 2012 hija fformulata kif ġej:

“[…] it-trade mark [tal-Unjoni] figurattiva Master tintuża fuq prodotti differenti b’mod li ma għandux x’jaqsam mal-mod li bih il-prodotti Coca-Cola huma kkummerċjalizzati. Hemm lok li jiġi enfasizzat li […] it-trade mark [tal-Unjoni] figurattiva Master ma tixbahx it-trade marks Coca-Cola. Minbarra dan, l-[appellanti] qatt ma pprovat li kwalunkwe użu ta’ din it-trade mark fl-Unjoni kien jisfrutta l-isforzi [tagħha] ta’ marketing.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif isostni l-EUIPO, fl-osservazzjonijiet tiegħu msemmija iktar ’il fuq, li l-intervenjenti ma esprimietx ruħha dwar il-provi inkwistjoni, jiġifieri l-estratti mis-sit internet “www.mastercola.com” li kienu annessi max-xhieda tas-Sinjura R. tat-23 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-dikjarazzjoni tal-intervenjenti li ebda parassitiżmu ma kien ġie stabbilit fl-Unjoni għandha tiġi interpretata bħala affermazzjoni li hija qatt ma użat it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-intervenjenti ma tatx deċiżjoni dwar il-portata ġeografika ta’ dawn il-provi.

38

Minbarra dan, la d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas it-Tieni Bord tal-Appell, fl-ewwel deċiżjoni, ma taw deċiżjoni dwar is-suġġett.

39

Minn dan kollu jirriżulta li l-kwistjoni tal-portata ġeografika ta’ dawn il-provi la kienet ġiet diskussa bejn il-partijiet matul il-proċedura amministrattiva u lanqas ma ġiet eżaminata mill-Bord tal-Appell fl-ewwel deċiżjoni.

40

Isegwi li din il-kwistjoni ma tressqitx quddiem il-Qorti Ġenerali u ma kinitx is-suġġett tal-tilwima mressqa quddiemha meta din tat is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062).

41

Konsegwentement, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-portata ġeografika ta’ dawn il-provi.

42

Fil-punti 89 u 90 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-provi relatati mal-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħal ma kienu ġew prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, kienu jikkostitwixxu manifestament elementi rilevanti sabiex jiġi stabbilit riskju ta’ parassitiżmu f’dan il-każ. Minn dan ikkonkludiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta ċaħad dawn il-provi fl-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

43

Min-naħa l-oħra, kif josserva ġustament l-EUIPO, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma evalwatx hija stess dawn il-provi, b’mod partikolari l-portata ġeografika tagħhom, din ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk dawn jurux jew le vantaġġ indebitu mikusb mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

44

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi dwar kwistjoni mhux eżaminata mill-Bord tal-Appell mingħajr ma twettaq sostituzzjoni tal-motivi li taqbeż l-istħarriġ tal-legalità tagħha, bi ksur tal-ġurisprudenza.

45

Dan għaliex, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“Madankollu, hekk kif intqal fil-punt 75 iktar ’il fuq, peress li l-kwistjoni tal-vantaġġ indebitu eventwali li jirriżulta mill-karattru distint jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma ġietx eżaminata mill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiddeċiedi fir-rigward tagħha, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha tad-deċiżjoni kkontestata [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 72 u 73; tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, EU:T:2011:739, punt 63, u tad-29 ta’ Marzu 2012, You-Q vs UASI – Apple Corps (BEATLE), T‑369/10, EU:T:2012:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata].

B’hekk, hija responsabbiltà tal-Bord tal-Appell, fl-eżami tiegħu tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 76 iktar ’il fuq), li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hekk kif prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.”

46

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq il-Bord tal-Appell li jevalwa huwa stess dawn il-provi waqt l-eżami tiegħu tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma rabtitu permezz ta’ evalwazzjoni speċifika.

47

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 27 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, billi kkonforma ruħu mas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), debitament ħa inkunsiderazzjoni dawn il-provi rilevanti, mingħajr ma ċaħadhom bħal fl-ewwel deċiżjoni, u wettaq evalwazzjoni tal-portata u tal-valur probatorju tagħhom waqt l-eżami tiegħu tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari dik tar-riskju ta’ vantaġġ indebitu.

48

Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma ħax il-miżuri li kienu jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), bi ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009.

49

Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

50

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi relatati mal-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minħabba li ebda waħda minn dawn il-provi ma kienet tikkonċerna l-Unjoni. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell jmissu evalwa l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu fid-dawl ta’ dawn il-provi rilevanti, li kienu jwassluh sabiex jikkonkludi li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien ħoloq tal-inqas riskju serju li vantaġġ kien ġie indebitament miksub mill-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola. F’dan ir-rigward hija essenzjalment tressaq żewġ ilmenti.

51

Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-imsemmija provi b’mod xieraq u konformement ma dak li imponiet fuqu s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062). Hija tqis li l-kwistjoni tal-portata ġeografika ta’ dawn il-provi kienet diġà tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, li madankollu kienet ikkonkludiet li dawn kienu manifestament rilevanti, ħaġa li l-Bord tal-Appell kien obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni.

52

Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni, fi kwalunkwe każ, li l-Bord tal-Appell wettaq żball sa fejn ma ħax inkunsiderazzjoni deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn dawn il-provi. Fil-fehma tagħha, l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-intervenjenti taħt preżentazzjoni partikolari u magħżula b’mod deliberattiv barra mill-Unjoni jwassal neċessarjament għad-deduzzjoni loġika li jeżisti riskju serju li din it-trade mark tintuża bl-istess mod ġewwa l-Unjoni. Dan jidher a fortiori validu meta, bħal f’dan il-każ, minn naħa, il-provi ma jippermettux li jiġi konkluż li s-sit internet “www.mastercola.com” ma kienx intiż għall-konsumaturi tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-intervenjenti espressament talbet it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal użu fl-Unjoni.

53

Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-provi dwar l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu biżżejjed sabiex tintwera l-intenzjoni tal-intervenjenti li tisfrutta b’mod parassitarju r-reputazzjoni tat-trade marks tagħha stess. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell imissu kkonstata, kemm bħala kwistjoni ta’ fatt, kemm permezz ta’ deduzzjoni loġika, l-intenzjoni tal-intervenjenti li tittrasferixxi l-immaġni tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti għall-prodotti li juru it-trade mark li hija tuża, jew ir-riskju serju li hija tagħmel dan, ġewwa l-Unjoni.

54

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. L-ewwel nett, dan jirrileva li l-Bord tal-Appell, fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), ħa dawn il-provi inkunsiderazzjoni. Għalhekk, dan ikkonkluda li dawn il-provi ma kinux juru li l-preżentazzjoni li kienet tidher fis-sit internet “www.mastercola.com” intużat fl-Unjoni.

55

Sussegwentement, l-EUIPO jqis li l-kwistjoni rilevanti hija jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bil-mod muri jistax jagħti lok għal vantaġġ indebitu miksub. Minn naħa, l-EUIPO jaqbel li provi ta’ użu konkret magħmul fi kwalunkwe parti fid-dinja jistgħu jipprovdu indikazzjoni dwar il-mod kif it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tintuża fl-Unjoni, b’mod li tali użu barra mill-Unjoni jista’ jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistax jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Min-naħa l-oħra, l-EUIPO jikkunsidra li, li jiġi eżaminat jekk l-użu fl-Unjoni jistax jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-ksur maħsub fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 fid-dawl ta’ atti ta’ użu mwettqa f’pajjiżi terzi jwassal sabiex titwettaq analiżi bbażata fuq sempliċi spekulazzjoni. Dan jirriżulta iktar minnu minħabba li elementi ta’ preżentazzjoni li jintużaw barra mill-Unjoni, iżda ma jagħmlux parti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri t-tikketta ħamra li fuqha l-espressjoni “Master Cola” hija mitkuba bl-abjad, il-forma karatteristika tal-kontenut u t-tapp aħmar (iktar ’il quddiem l-“elementi ta’ preżentazzjoni”), għandhom rwol kbir fil-kapaċità tal-pubbliku li jassoċja t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ dik tar-rikorrenti b’mod parassitarju.

56

Skont l-EUIPO, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa bbażat fuq l-idea li, għalkemm l-analiżi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, hija prospettiva min-natura tagħha, din għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi pjuttost milli fuq ipoteżijiet u fuq spekulazzjonijiet. F’dan il-każ, l-EUIPO jaqbel ċertament li atti ta’ użu konkreti fl-Unjoni setgħu juru r-riskju reali li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fl-Unjoni. Madankollu, l-EUIPO jqis li analiżi bbażata fuq atti ta’ użu mwettqa barra mill-Unjoni ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet, b’livell ta’ ċertezza suffiċjenti, fir-rigward tal-mod kif it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tintuża fit-territorju rilevanti, jiġifieri dak tal-Unjoni. Fil-fehma tal-EUIPO, il-bilanċ tal-probabbiltajiet jista’ jkun dgħajjef wisq. Fil-fatt, ma jistax jiġi preżunt li l-parti l-oħra ser tapplika fl-Unjoni l-istess strateġija ta’ marketing bħal dik użata f’pajjiżi terzi. Għalhkek, użu possibbli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-Unjoni flimkien ma’ ppakkjar speċifiku u kuluri differenti minn dawk li jidhru fl-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni jista’ ma jkunx suffiċjenti sabiex isostni l-allegazzjoni tar-rikorrenti. Fi kliem ieħor, il-fatt li użu jsir barra mill-Unjoni b’dawn l-elementi ta’ preżentazzjoni ma jistax jiġi assimilat ma’ “intenzjoni” li tintuża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bl-istess mod fl-Unjoni.

57

Minbarra dan, l-EUIPO jallega li l-fatt li deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artiklu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tkun ibbażata fuq fatti li seħħew barra mit-territorju tal-Unjoni jċaħħad il-prinċipju ta’ territorjalità mill-kontenut tiegħu. L-EUIPO jirrileva li, konfomement mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, tal-20 ta’ Marzu 1883, kif irreveduta u emendata, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li r-reġistrazzjoni jew l-użu ta’ trade mark f’pajjiż jipproduċu effetti f’pajjiż ieħor, bħal meta dritt għall-prijorità huwa sostnut jew meta l-karattru magħruf f’pajjiż ta’ trade mark użata jew irreġistrata f’pajjiż ieħor huwa invokat (rispettivament Artikolu 4 u Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi). Bħal kull eċċezzjoni oħra, din għandha tiġi interpretata b’mod strett u, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja speċifika, li tinsab kemm fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi, kemm fir-Regolament Nru 207/2009, ikun impossibbli li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark fl-Unjoni abbażi ta’ atti mwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni.

58

Fl-aħħar nett, l-EUIPO jsostni li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova dwar aspetti differenti. Għalhekk, hija ma kienet tat ebda indikazzjoni dwar in-numru ta’ konsumaturi tal-Unjoni li kienu żaru s-sit internet “www.mastercola.com” sabiex jiksbu informazzjoni dwar l-użu tat-trade mark f’preżentazzjoni li għadha ssaħħaħ ix-xebh. Iktar ġeneralment, hija ma kienet ipproduċiet ebda prova li turi li l-preżentazzjoni inkwistjoni hija jew ser tintuża fl-Unjoni u li l-intervenjenti ser tikseb vantaġġ attwali jew futur minnha fl-Unjoni. Skont l-EUIPO, anki jekk seta’ jiġi dedott b’livell ta’ ċertezza raġonevoli li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tintuża taħt l-istess forma bħal fuq dan is-sit internet, bl-elementi ta’ preżentazzjoni, dan ma jkunx suffiċjenti sabix jiġi stabbilit vantaġġ favur l-intervenjenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinitx uriet liema immaġni konkreta setgħet tiġi ttrasferita mill-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-Unjoni jew barra mill-Unjoni, b’mod partikolari rigward il-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30, iżda wkoll fir-rigward tax-xorb fil-klassi 32. F’dan ir-rigward, l-EUIPO josserva li r-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li, rigward il-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30, hija ma pprovdiet ebda argument jew prova dwar eventwali trasferiment tal-immaġni ta’ dawn it-trade marks Coca-Cola. L-EUIPO jżid li ebda wieħed mill-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30 ma huwa xarba rinfreskanti li għaliha t-trade marks preċedenti jgawdu minn reputazzjoni.

59

L-intervenjenti tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. L-ewwel nett, hija tallega li t-trade mark irrappreżentata fuq l-estratti tas-sit internet tagħha “www.mastercola.com” ma hijiex it-trade mark Master, miktuba bl-ittri latini u għarab ta’ kulur iswed, iżda t-trade mark Master Cola, miktuba bl-ittri latini ta’ kulur abjad. Fil-fehma tagħha, l-użu ta’ trade mark oħra, bħal Master Cola, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

60

Sussegwentement, l-intervenjenti ssostni li ma huwiex ipprovat li hija tuża l-preżentazzjoni li tidher fis-sit internet tagħha “www.mastercola.com” fl-Unjoni. Sussegwentement għall-Bord tal-Appell, hija tqis li s-sempliċi preżentazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni – li l-preżentazzjoni tagħha tvarja minn dik li tidher fis-sit internet tagħha – ma tindikax li hija kellha l-intenzjoni li tippromwovi l-prodotti tagħha fl-Unjoni bl-istess mod bħal ma tagħmel fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma semmietx ksur tad-drittijiet tagħha f’dan ir-reġjun.

61

Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ssostni li r-rikorrenti lanqas ma wriet liema kienet l-immaġni konkreta li setgħet tiġi ttrasferita tal-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-Unjoni jew barra mill-Unjoni.

62

L-intervenjenti tikkonkludi minn dan li huwa paċifiku li hija bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li tikseb kwalunkwe vantaġġ mill-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola u mir-reputazzjoni tagħhom. F’għajnejha, huwa “inkonċepibbli” li l-preżentazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, komposta mill-element “master” miktub fl-iswed u bl-abjad akkumpanjat minn test bl-Għarbi, tista’ sservi sabiex jinkiseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tar-rikorrenti.

Tfakkira ta’ ġurisprudenza u osservazzjonijiet preliminari

63

Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, “[b]arra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark [tal-Unjoni] preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni [fl-Unjoni] u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

64

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti; it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata fl-oppożizzjoni; it-tielet nett, l-eżistenza ta’ riskju li l-użu mingħajr raġuni ġġustifikata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom dannu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u l-assenza ta’ waħda minnhom huwa suffiċjenti sabiex din id-dispożizzjoni ssir mhux applikabbli (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Fir-rigward ta’ din it-tielet kundizzjoni, għandu jitfakkar li r-riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti huwa b’mod partikolari stabbilit f’każ ta’ tentattiv ta’ sfruttament jew ta’ parassitiżmu manifesti minn fuq dahar it-trade mark li għandha reputazzjoni u li, għalhekk, isir riferiment għalih permezz tal-kunċett ta’ “riskju ta’ parassitiżmu”. Fi kliem ieħor, dan huwa r-riskju li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi projettati minn din tal-aħħar jiġu ttrasferiti lill-prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata minn din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 41).

66

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu mis-sinjal jiksibx vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad ta’ karattru distintiv tat-trade mark, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-grad ta’ prossimità tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-grad ta’ karattru distintiv tat-trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, iktar ma jkunu sinjifikattivi l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ ksur. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, iktar ma tkun immedjata u b’saħħitha l-evokazzjoni tat-trade mark mis-sinjal, iktar huwa kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, jew jikkawżalhom dannu (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Huwa l-proprjetarju preċedenti li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li għandu jipproduċi l-prova li l-użu tat-trade mark sussegwenti jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tiegħu. Għal dan il-għan, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat li juri l-eżistenza ta’ ksur effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu, bħal ma tikkonferma l-formulazzjoni fil-kondizzjonali ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, meta huwa prevedibbli li tali ksur jirriżulta mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jkun jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma jistax jiġi obbligat li jistenna t-twettiq effettiv ta’ dan sabiex ikun jista’ jipprojbixxi dan l-użu. Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm riskju serju li tali ksur iseħħ fil-futur [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Environmental Manufacturing vs UASI – Wolf (Rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ lupu), T‑570/10, EU:T:2012:250, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata] jew, fi kliem ieħor, jipproduċi provi li jippermettu li jiġi konkluż prima facie li jeżisti riskju futur mhux ipotetiku ta’ vantaġġ indebitu jew ta’ dannu [ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Panrico vs UASI – HDN Development (Krispy Kreme DOUGHNUTS), T‑534/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:751, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata].

68

Skont ġurisprudenza stabbilita, konklużjoni li jeżisti riskju ta’ parassitiżmu, bl-istess mod bħal riskju ta’ tidjif jew ta’ titbigħ, tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari abbażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi – sa fejn ma humiex limitati għal sempliċi suppożizzjonijiet – li jirriżultaw minn analiżi tal-probabbiltajiet u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll iċ-ċirkustanzi tal-każ l-oħra kollha (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ lupu, T‑570/10, EU:T:2012:250, punt 52; ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-evalwazzjoni globali intiża sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, kellu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-użu tal-ippakkjar u tal-fliexken simili għal dawk tal-fwejjaħ imitati kellu bħala għan li jittieħed vantaġġ, għal finijiet ta’ reklamar, mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tat-trade marks li bihom kienu kkummerċjalizzati dawn il-fwejjaħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, meta terz ikun ipprova, bl-użu ta’ sinjal simili għal trade mark li għandha reputazzjoni, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex jisfrutta, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża l-isforzi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark, il-vantaġġ li jirriżulta minn dan l-użu kellu jiġi kkunsidrat bħala miksub indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punti 48 u 49, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master, T‑480/12, EU:T:2014:1062, punt 85).

70

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali repetutament iddeċidiet li kien possibbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark li kienet tgawdi minn reputazzjoni eċċezzjonalment għolja, li l-probabbiltà mhux ipotetika ta’ riskju futur ta’ dannu jew ta’ vantaġġ miksub indebitament mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun tant evidenti li l-parti li tkun qed topponi ma jkollhiex bżonn li tinvoka element fattwali ieħor għal dan il-għan, u lanqas li tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ tali element [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, EU:T:2007:93, punt 48, u tas-27 ta’ Ottubru 2016, Spa Monopole vs EUIPO – YTL Hotels & Properties (SPA VILLAGE), T‑625/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:631, punt 63].

71

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk huwiex korrett li l-Bord tal-Appell qies li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

72

L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-ewwel ilment tar-rikorrenti. Fil-fatt, ġie deċiż fil-punti 34 sa 49 iktar ’il fuq li l-Bord tal-Appell kien ħa l-miżuri li kienu jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), billi ħa inkunsiderazzjoni l-provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

73

Sussegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni lment tar-rikorrenti, dwar l-istabbiliment ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, kif ukoll, l-ewwel nett, ċerti argumenti tal-EUIPO u tal-intervenjenti f’dan ir-rigward.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ trade mark kumpelessa li tinkludi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

74

L-intervenjenti tallega li t-trade mark irrappreżentata fl-estratti tas-sit internet tagħha “www.mastercola.com” ma hijiex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri Master, iżda trade mark oħra, Master Cola, li l-użu tagħha ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

75

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, fil-kuntest tal-kisba tal-karattru distintiv ta’ trade mark permezz tal-użu u taż-żamma ta’ trade mark permezz tal-prova tal-użu ġenwin, li, b’mod ġenerali, il-kunċett ta’ “użu” ta’ trade mark jinkludi, l-istess bħas-sens ta’ dan it-terminu, ukoll l-użu indipendenti ta’ din it-trade mark kif ukoll l-użu tagħha inkwantu komponent ta’ trade mark oħra meħuda kollha kemm hi jew flimkien magħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li trade mark irreġistrata li tintuża unikament inkwantu parti minn trade mark kumplessa jew konġuntament ma’ trade mark oħra għandha tkompli tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, EU:C:2005:432, punti 29 u 30; tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C‑12/12, EU:C:2013:253, punti 32, 35 u 36, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punti 23 u 26).

76

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu “master” huwa l-element distintiv u dominanti tat-trade mark Master Cola użata fis-sit internet “www.mastercola.com” tal-intervenjenti b’mod partikolari għax-xorb. Għalhekk, fi ħdan it-trade mark kumplessa Master Cola, l-element “master” ikompli jiġi pperċepit bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti tal-intervenjenti. Għalhekk, l-użu ta’ dan it-terminu inkwantu komponent tat-trade mark kumplessa Master Cola jikkostitwixxi tassew użu tat-trade mark Master inkwantu tali.

77

Isegwi li l-provi estratti mis-sit internet “www.mastercola.com” tal-intervenjenti ma jistgħux jiġu miċħuda għas-sempliċi raġuni li t-trade mark li tidher fih hija t-trade mark Master Cola u mhux it-trade mark Master b’mod indipendenti. Dan jirriżulta iktar u iktar peress li tal-ewwel tinkludi din tal-aħħar fl-intier tagħha.

78

Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat, bħal ma ġie deċiż fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), li dawn il-provi huma effettivament relatati mal-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

79

Kien għalhekk b’mod korrett li l-Bord tal-Appell, fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062), ħa inkunsiderazzjoni dawn il-provi.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni barra mill-Unjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ territorjalità

80

L‑EUIPO jallega li huwa impossibbli li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Eworpea abbażi ta’ atti mwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tiġi bbażata fuq fatti li seħħew barra mit-territorju tal-Unjoni jċaħħad il-prinċipju ta’ territorjalità mill-kontenut tiegħu.

81

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ territorjalità, fid-dritt tat-trade marks, jimplika li huwa d-dritt tal-Istat – jew tal-unjoni tal-Istati – fejn il-protezzjoni ta’ trade mark hija mitluba li jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punt 22, u tat-13 ta’ Settembru 2012, Protégé International vs Il‑Kummissjoni, T‑119/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:421, punt 78). Għandu għalhekk jiġi ppreċiżat li l-prinċipju ta’ territorjalità jimplika wkoll li l-qorti ta’ Stat jew ta’ unjoni ta’ Stati għandha ġurisdizzjoni, sħiħa jew parzjali, sabiex tiddeċiedi fatti ta’ ksur imwettqa jew ikun hemm theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ dan l-Istat jew ta’ din l-unjoni ta’ Stati, bl-esklużjoni ta’ Stati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punti 37 u 38).

82

F’dan il-każ, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni. Skont il-prinċipju ta’ territorjalità, huwa d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament Nru 207/2009, li jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ din il-protezzjoni.

83

It-tieni nett, ir-rikorrenti ppreżentat oppożizzjoni għal din l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni abbażi tal-erba’ trade marks tal-Unjoni preċedenti Coca-Cola. Skont il-prinċipju ta’ territorjalità, dawn it-trade marks huma protetti fl-Unjoni u jistgħu jiġu invokati f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark sussegwenti.

84

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma bbażatx ruħha fuq eventwali drittijiet preċedenti rrikonoxxuti f’pajjiżi terzi fir-rigward tal-Unjoni. L-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx jaf min kien iżomm id-drittijiet f’dawn il-pajjiżi u r-rikorrenti ma kinitx invokat ksur għad-drittijiet tagħha f’dan ir-reġjun hija għalhekk irrilevanti.

85

F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda wkoll l-allegazzjoni tal-EUIPO li, konformement mal-Artikoli 4 u 6a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li r-reġistrazzjoni jew l-użu ta’ trade mark f’pajjiż jipproduċu effetti f’pajjiż ieħor, bħal meta dritt għall-prijorità huwa sostnut jew meta l-karattru magħruf f’pajjiż ta’ trade mark użata jew irreġistrata f’pajjiż ieħor huwa invokat. Ċertament, huwa minnu li l-invokazzjoni ta’ trade mark magħrufa, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, tidderoga mill-prinċipju ta’ territorjalità fis-sens li trade mark mhux ippreżentata fl-Unjoni tista’ madankollu tiġi invokata fiha fl-oppożizzjoni fir-rigward tar-reputazzjoni tagħha fi Stat terz li huwa parti f’din il-konvenzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka insostenn tal-oppożizzjoni tagħha trade marks tal-Unjoni, jiġifieri l-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola, u mhux trade marks magħrufa fi Stati terzi li ma ġewx ippreżentati fl-Unjoni. Għalhekk, ma hemm l-ebda deroga mill-prinċipju ta’ territorjalità.

86

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jikkonċernaw eventwali drittijiet preċedenti u mhux applikazzjoni sussegwenti ta’ trade mark tal-Unjoni. Għalhekk, huma bl-ebda mod ma jipprojbixxu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu fi Stat terz tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-Unjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ motiv ta’ oppożizzjoni fl-Unjoni.

87

It-tielet nett, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza ta’ riskju li jinkiseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha fl-Unjoni, u mhux barra minnha. Hija teċċepixxi l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fi Stati terzi unikament sabiex tagħmel deduzzjoni loġika relatata mal-użu kummerċjali probabbli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-Unjoni. Hija għalhekk tassew din tal-aħħar li hija rilevanti b’mod definittiv.

88

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ territorjalità fid-dritt tat-trade marks bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ atti ta’ użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni barra mill-Unjoni sabiex issir deduzzjoni loġika dwar l-użu kummerċjali probabbli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-Unjoni, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rikju li vantaġġ jinkiseb indebitament, fl-Unjoni, mir-reputazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

89

Isegwi, f’dan il-każ, li l-prinċipju ta’ territorjalità ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi relatati mal-użu kummerċjali effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Master (flimkien mat-terminu “cola”) fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani, bħal estratti mis-sit “www.mastercola.com”, li huwa fformulat prinċipalment bl-Għarbi, sabiex jiġi stabbilit riskju li l-użu ta’ din it-trade mark fl-Unjoni jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tal-erba’ trade marks tal-Unjoni preċedenti Coca-Cola.

Fuq l-evalwazzjoni tad-deduzzjonijiet loġiċi fir-rigward ta’ riskju ta’ parassitiżmu fl-Unjoni

90

Il-Bord tal-Appell, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstata li “[i]l-provi [kienu] juru li l-[intervenjenti] [kienet] tbigħ ix-xorb tagħha fi fliexken li kellhom l-istess apparenza, l-istess immaġni, l-istess stil, l-istess tipa u l-istess ippakkjar bħall-fliexken mibjugħa mir-[rikorrenti] bl-isem Coca-Cola”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

91

Madankollu, fil-punti 28 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn il-provi kellhom portata tali li ma setgħux ikunu l-bażi tal-oppożizzjoni u, b’mod partikolari, isostnu l-eżistenza ta’ riskju ta’ parassitiżmu, essenzjalment għat-tliet motivi li ġejjin. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata li dawn il-provi ma kinux juru li l-intervenjenti użat fl-Unjoni l-preżentazzjoni li kienet tidher fis-sit internet tagħha “www.mastercola.com”. Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, dan irrileva l-fatt li dan is-sit internet kien essenzjalment ifformulat bl-Għarbi, minkejja l-eżistenza ta’ paġna bl-Ingliż, kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ordni online u li prodotti proposti jintbagħtu lejn l-Unjoni. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies li s-sempliċi fatt li trade mark tal-Unjoni tiġi ppreżentata – li l-preżentazzjoni tagħha tvarja minn dik li tidher fis-sit internet tal-intervenjenti – ma kienx jindika li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tippromwovi l-prodotti tagħha fl-Unjoni bl-istess mod li hija għamlet fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti lanqas ma kienet uriet l-immaġni konkreta li tista’ tiġi ttrasferita tat-trade marks preċedenti Coca-Cola għall-applikazzjoni inkwistjoni fl-Unjoni jew barra mill-Unjoni, b’mod partikolari għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30 iżda wkoll għax-xorb fil-klassi 32. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, il-provi prodotti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit b’mod ċar dak li kienet tfisser Coca-Cola. Il-Bord tal-Appell osserva li, sa fejn kien marbut mill-argumenti tal-partijiet skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, ma kienx huwa stess li kellu jipprova jikseb il-produzzjoni ta’ dawn l-argumenti.

92

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-provi ma wrewx li l-intervenjenti użat fl-Unjoni l-preżentazzjoni li kienet tidher fis-sit internet tagħha “www.mastercola.com” hija, fiha nnifisha, ineffettiva f’dan il-każ.

93

Ċertament, għandu jiġi osservat li s-sit internet “www.mastercola.com”, fl-istat attwali tiegħu, ma huwiex intiż prinċipalment għall-konsumaturi tal-Unjoni, fir-rigward kemm tal-assenza f’dan is-sit ta’ riferiment għall-Unjoni kif ukoll għall-formulazzjoni tiegħu prinċipalment bl-Għarbi. Dan huwa hekk minkejja l-preżenza tal-element tiegħu “.com” enfasizzat mir-rikorrenti, kif ukoll dik tal-paġna bl-Ingliż li huwa għandu bl-indirizz li ġej: http://www.mastercola.com/companyprofile-en.htm.

94

Madankollu, din l-osservazzjoni għaldaqstant ma tagħmilx l-estratti ta’ dan is-sit internet irrilevanti. Fil-fatt, dawn jistgħu jkunu bażi ta’ deduzzjoni loġika dwar l-użu kummerċjali probabbli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-Unjoni, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju li vantaġġ jinkiseb indebitament fl-Unjoni (ara l-punti 88 u 89 iktar ’il fuq).

95

Huwa għalhekk b’mod korrett li l-EUIPO jaqbel, fil-punt 32 tar-risposta tiegħu, li provi ta’ użu konkret li jsir fi kwalunkwe parti fid-dinja jistgħu jipprovdu indikazzjoni dwar il-mod kif it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tinuża fl-Unjoni, b’mod li tali użu barra mill-Unjoni jista’ jippermetti li jiġi stabbilit jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistax jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

96

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali jikkunsidra li, bħala prinċipju, jista’ jiġi dedott loġikament minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni li l-proprjetarju tagħha għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza l-prodotti jew is-servizzi tiegħu fl-Unjoni.

97

F’dan il-każ, huwa għalhekk loġikament prevedibbli li l-intervenjenti, jekk hija tikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tbiddel is-sit internet tagħha f’konformità ma’ tali intenzjoni li tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha taħt din it-trade mark fl-Unjoni.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sit internet “www.mastercola.com” ma huwiex wieħed statiku u jista’ jiġi mibdul sabiex jolqot konsumaturi tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jżid kontenut f’waħda jew f’iktar lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

99

Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell qies li s-sempliċi fatt li trade mark tal-Unjoni tiġi ppreżentata mill-intervenjenti ma indikax li din kellha l-intenzjoni li tippromwovi l-prodotti tagħha fl-Unjoni bl-istess mod li hija għamlet fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani.

100

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-intervenjenti ma indikatx b’liema mod hija kellha l-intenzjoni li tippromwovi l-prodotti tagħha fl-Unjoni u ma pproduċiet ebda prova f’dan ir-rigward.

101

Sussegwentement, fl-assenza ta’ elementi speċifiċi fir-rigward tal-intenzjonijiet kummerċjali tal-intervenjenti fl-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-estratti tas-sit internet “www.mastercola.com” prodotti mir-rikorrenti u relatati mal-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-intervenjenti barra mill-Unjoni jistgħu jppermettu li jiġi konkluż prima facie li jeżisti riskju futur mhux ipotetiku ta’ vantaġġ indebitu fl-Unjoni.

102

Fil-fatt, il-ġurisprudenza tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti riskju ta’ parassitiżmu fuq il-bażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi – sa fejn ma humiex limitati għal sempliċi suppożizzjoniijet – li jirriżultaw minn analiżi tal-probabbiltajiet u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll iċ-ċirkustanzi tal-każ l-oħra kollha (ara l-punti 67 u 68 iktar ’il fuq).

103

F’dan il-każ, il-fatt li l-intervenjenti ma pprovdiet ebda element speċifiku fir-rigward ta’ eventwali intenzjonijiet kummerċjali fl-Unjoni differenti minn dawk li jikkonċernaw il-pajjiżi terzi ma huwiex irrilevanti. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti pprovat l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-intervenjenti barra mill-Unjoni, permezz tal-produzzjoni ta’ estratti mis-sit internet “www.mastercola.com”, għandu jiġi rrilevat li, f’termini ta’ oneru tal-prova, jirriżulta iktar faċli għall-intervenjenti li tipprova d-differenza tal-intenzjonijiet kummerċjali tagħha fl-Unjoni milli għar-rikorrenti li tipprova ix-xebh tal-intenzjonijiet kummerċjali probabbli tal-intervenjenti fl-Unjoni mal-prattika kummerċjali effettiva tagħha barra mill-Unjoni. Iżda l-intervenjenti ma pproduċietx tali prova.

104

Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż, bħal ma ssostni r-rikorrenti, li l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-intervenjenti taħt preżentazzjoni partikolari u magħżula b’mod deliberattiv barra mill-Unjoni jista’ – ħlief bi prova kuntrarja, assenti f’dan il-każ, prodotta mill-intervenjenti – jwassal għal deduzzjoni loġika li jeżisti riskju serju li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tintuża bl-istess mod fi ħdan l-Unjoni bħal fil-pajjiżi terzi, iktar u iktar peress li l-intervenjenti talbet espressament ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal użu fl-Unjoni.

105

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tal-EUIPO li, essenzjalment, l-elementi ta’ preżentazzjoni li jintużaw barra mill-Unjoni iżda ma jagħmlux parti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (jiġifieri t-tikketta ħamra li fuqha l-espressjoni “Master Cola” hija miktuba bl-abjad, il-forma karatteristika tal-kontenut u t-tapp aħmar) jistgħu ma jintużawx fl-Unjoni. Ċertament, kif josserva l-EUIPO, dawn l-elementi ta’ preżentazzjoni jistgħu jkollhom ċertu rwol fil-kapaċità tal-pubbliku li jassoċja t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ dawk tar-rikorrenti b’mod parassitarju. Madankollu, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Master (T‑480/12, EU:T:2014:1062, punti 64 u 74), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li x-xebh globali bejn is-sinjali kunfliġġenti, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami ta’ eventwali riskju ta’ parassitiżmu, seta’ rriżulta unikament mill-elementi ta’ xebh viżiv relatati mhux biss mal-“linja” li ttawwal l-ittri inizjali rispettivi tagħhom “c” u “m” ta’ kurvatura fil-forma ta’ firma, iżda wkoll mal-użu komuni tagħhom bħala tipa li ma tantx tintuża fin-negozju kontemporanju, l-iskrittura spencerjana, ipperċepita kollha kemm hi mill-konsumatur rilevanti. Għalhekk, minkejja li eventwali użu ta’ dawn l-elementi ta’ preżentazzjoni fl-Unjoni jista’ jsaħħaħ id-deduzzjoni loġika fir-rigward ta’ riskju ta’ parassitiżmu, għaldaqstant ma jikkostitwixxix il-kundizzjoni neċessarja ta’ tali deduzzjoni. Minbarra dan, il-fatt li tali elementi ta’ preżentazzjoni diġà ntużaw fis-sit internet tal-intervenjenti fl-istat attwali jista’ jkun il-bażi ta’ deduzzjoni loġika li dawn jistgħu jintużaw fil-futur f’dan is-sit ladarba mibdul sabiex jolqot konsumaturi tal-Unjoni (ara l-punt 98 iktar ’il fuq).

106

Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-EUIPO li r-rikorrenti ma kienet tat ebda indikazzjoni dwar in-numru ta’ konsumaturi tal-Unjoni li kienu żaru s-sit internet “www.mastercola.com” hija ineffettiva. Minn naħa, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jimplika analiżi prospettiva tar-riskju futur u mhux ipotetiku ta’ parassitiżmu fl-Unjoni abbażi ta’ elementi attwalment disponibbli, iżda mhux l-istabbiliment ta’ parassitiżmu attwali fl-Unjoni. Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat li juri l-eżistenza ta’ ksur effettiv u attwali tat-trade mark tiegħu, kif tikkonferma l-formulazzjoni fil-kondizzjonali ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, filwaqt li r-riskju ta’ tidjif (jiġifieri r-riskju li jiġi ppreġudikat il-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti) jippreżupponi li tintwera bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur permezz ta’ prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata wara l-użu tat-trade mark sussegwenti (ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Environmental Manufacturing vs UASI, C‑383/12 P, EU:C:2013:741, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), tali prova ma hijiex meħtieġa għar-riskju ta’ parassitiżmu, jiġifieri r-riskju li jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ parassitiżmu huwa evalwat fir-rigward tal-konsumatur medju ta’ prodotti u ta’ servizzi intiżi mit-trade mark sussegwenti, u mhux mit-trade mark preċedenti, sa fejn dak li huwa pprojbit huwa l-vantaġġ miksub minn din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 36, u tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO, C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 92).

107

Minn dan kollu jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tal-provi relatati mal-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni barra mill-Unjoni, b’mod partikolari l-estratti mis-sit internet “www.mastercola.com” tal-intervenjenti prodotti mir-rikorrenti, billi ma ħax inkunsiderazzjoni deduzzjonijiet loġiċi u analiżijiet ta’ probabbiltà li jistgħu jirriżultaw minn dawn fir-rigward a’ riskju ta’ parassitiżmu fl-Unjoni. Billi għamel hekk, dan kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

108

Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel motiv jintlaqa’.

109

Minbarra dan u bħala obiter dictum, sabiex it-tilwima tiġi eżawrita u sabiex jiġu evitati annullamenti u rinviji suċċessivi, fir-rigward tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tagħti deċiżjoni, fid-dawl tal-proċess u tal-osservazzjonijiet tal-partijiet irċevuti kemm permezz ta’ mistoqsijiet bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta, dwar l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li r-rikorrrenti lanqas ma kienet uriet l-immaġni konkreta li tista’ tiġi ttrasferita mit-trade marks preċedenti Coca-Cola tagħha għat-talba inkwistjoni fil-Unjoni jew barra mill-Unjoni u l-provi prodotti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit b’mod ċar dak li kienet tfisser Coca-Cola.

110

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(2) tar-Regolament 2017/1001), il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa minnhom, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-punti ta’ fatt li tressqu quddiem l-imsemmija bordijiet. Għalhekk, fil-limiti ta’ dan l-artikolu, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħmel stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, skont il-bżonn, billi tfittex jekk dawn il-bordijiet tawx kwalifika ġuridika eżatta għall-fatti tat-tilwima jew jekk l-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt li tressqu quddiem dawn il-bordijiet ma hijiex ivvizzjata bi żbalji (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punti 3839).

111

Fil-fatt, meta tintalab tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun marbuta minn evalwazzjoni żbaljata tal-fatti magħmula minn dan il-bord, sa fejn din l-evalwazzjoni tagħmel parti mill-konklużjonijiet li l-legalità tagħhom qed tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 48).

112

F’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata u bbażat l-ewwel motiv tagħha fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu, b’mod partikolari l-konstatazzjoni tal-immaġni li tista’ tiġi ttrasferita tat-trade marks preċedenti għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tagħmel parti mill-konklużjonijiet li l-legalita tagħhom hija kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

113

Fir-rigward tal-provi relatati mal-immaġni li tista’ tiġi ttrasferita tat-trade marks preċedenti għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu ċertament, jiġi rrilevat li, fl-appell, ir-rikorrenti llimitat ruħha sabiex tinvoka “intenzjoni manifesta [tal-intervenjenti] li tisfrutta r-reputazzjoni [tagħha] […] u l-isforzi kummerċjali kunsiderevoli li hija użat sabiex toħloq l-immaġni tat-trade mark Coca-Cola”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

114

Madankollu, jirriżulta mill-proċess li, fil-punti 20 sa 29 tal-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fit-23 ta’ Frar 2011 quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u riprodotti fl-Anness 1 fin-nota tagħha tal-25 ta’ Jannar 2012 li tesponi l-aggravji tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti evokat fit-tul l-immaġni tal-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola, li hija rreferiet għalihom sabiex tistabbilixxi r-reputazzjoni. Fil-punti 27 sa 29 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, hija b’mod partikolari ċċitat estratti minn ktieb u minn studju tal-organu indipendenti Superbrands (mehmuża rispettivament fl-Anness 4 u fl-Anness 5 ta’ dawn l-osservazzjonijiet), li skont dawn, b’mod partikolari, “Coca-Cola hija t-trade mark l-iktar irrikonoxxuta fid-dinja, b’94 % ta’ rikonoxximent dinji”, “Coca-Cola hija magħrufa għall-kampanji ta’ marketing innovattivi u rilevanti u hija magħrufa għar-reklamar emblematiku tagħha”, u “[i]l-valuri tat-trade mark Coca-Cola rreżistew l-iżvolġiment taż-żmien u huma intiżi sabiex jikkomunikaw l-ottimiżmu, il-ġovjalità [jew il-komunità] u l-awtentiċità [;] Coca-Cola ma hijiex politika iżda hija intiża li tgħaqqad il-ġnus b’wegħda li tispira għal żmien u għal possibbiltajiet aħjar [; d]awn il-valuri jagħmlu lil Coca-Cola daqstant rilevanti u attraenti llum daqs ’lbieraħ u jsostnu l-lealtà, l-affezzjoni u l-imħabba li ġenerazzjonijiet sħaħ ħassew għat-trade mark [; i]r-reputazzjoni ta’ The Coca-Cola Company għal marketing b’saħħtu tiżgura li din il-konnessjoni tibqa’ daqstant b’saħħitha bħal qatt qabel”.

115

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, teżisti kontinwità funzjonali bejn id-dipartimenti differenti tal-EUIPO, jiġifieri l-eżaminatur, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, id-Diviżjoni tal-Amministrazzjoni ta’ Trade marks u Diviżjonijiet Legali u d-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni, minn naħa, u l-Bordijiet tal-Appell, min-naħa l-oħra. Minn din il-kontinwità funzjonali bejn id-dipartimenti differenti tal-EUIPO jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid li l-Bordijiet tal-Appell ikollhom jagħmlu tad-deċiżjonijiet meħuda mid-diviżjonijiet tal-EUIPO li jiddeċiedu fl-ewwel istanza, dawn huma obbligati li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-partijiet ikunu esponew jew fil-proċedura quddiem id-diviżjoni li tkun iddeċidiet fl-ewwel istanza, jew fil-proċedimenti ta’ appell. L-istħarriġ eżerċitat mill-Bordijiet tal-Appell ma huwiex limitat għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda, minħabba l-effett devoluttiv tal-proċedimenti ta’ appell, jimplika evalwazzjoni ġdida tat-tilwima fl-intier tagħha, il-Bordijiet tal-Appell għandhom jeżaminaw mill-ġdid integralment ir-rikors inizjali u jieħdu inkunsiderazzjoni provi prodotti fil-ħin [ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2007, SAEME vs OHMI – Racke (REVIAN’s), T‑407/05, EU:T:2007:329, punti 49 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk, mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001) jirriżulta li, bl-effett tal-appell ippreżentat quddiemu, il-Bord tal-Appell huwa mitlub li jwettaq eżami komplet ġdid tal-mertu tal-oppożizzjoni, inkwantu dritt u fatt [sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 57, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Guiral Broto vs EUIPO – Gastro & Soul (Café del Sol), T‑548/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:720, punt 21].

116

Skont il-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kien obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ifformulati fl-osservazzjonijiet tagħha tat-23 ta’ Frar 2011 quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u annessi man-nota tal-25 ta’ Jannar 2012 li tesponi l-aggravji, rigward l-immaġni tal-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola, li setgħet tiġi ttrasferita lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

117

Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell allega, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx uriet liema kienet l-immaġni konkreta li tista’ tiġi ttrasferita tal-erba’ trade marks preċedenti Coca-Cola għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Kien ukoll b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell żied li l-provi prodotti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit b’mod ċar dak li kienet tfisser Coca-Cola.

118

Minbarra dan, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Bord tal-Appell osserva b’mod korrett li kien marbut mill-argumenti tal-partijiet skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, kien ukoll b’mod żbaljat li huwa qies, essenzjalment, li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat quddiem l-EUIPO argumenti u provi relatati mal-immaġni li tista’ tiġi ttrasferita tat-trade marks preċedenti għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

119

Kuntrarjament għal dak li kkunsidra l-Bord tal-Appell fil-punti 30 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti effettivament ippreżentat quddiem l-EUIPO argumenti u provi relatati mal-immaġni li tista’ tiġi ttrasferita tat-trade marks preċedenti għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod partikolari l-estratti tal-istudju ta’ Superbrands iċċitati fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti insostenn tal-oppożizzjoni.

120

B’xewqa ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali ssostni fl-aħħar nett in-natura mhux deċiżiva tal-allegazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li ebda wieħed mill-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30 ma huwa xarba rinfreskanti li għaliha t-trade marks preċedenti għandhom reputazzjoni.

121

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ċerti trade marks jistgħu jkunu kisbu reputazzjoni tali li tmur lil hinn mill-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom dawn it-trade marks ġew irreġistrati. F’sitwazzjoni bħal din, huwa possibbli li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata jagħmel approssimazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti għalkemm ikun totalment differenti mill-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 51 u 52).

122

Mill-bqija, f’dan il-każ, l-istudju ta’ Superbrands prodott mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċċitat fil-punt 114 iktar ’il fuq jindika li “[b]ħal Coca-Cola tibqa’ fil-quċċata tar-rikonoxximent dinji għal trade mark, l-impriża hija kapaċi tuża r-relazzjoni tagħha mal-konsumaturi sabiex ikollha impatt lil hinn mis-suq tax-xorb mingħajr alkoħol”.

123

Fid-dawl li ntlaqa’ l-ewwel motiv fil-punt 108 iktar ’il fuq, hemm lok li r-rikors jintlaqa’ u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

124

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

125

Peress li l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu, hemm lok, minn naħa, li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, b’mod konformi mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, li jiġi deċiż li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

126

Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob li l-EUIPO jiġi kundannat għall-ispejjeż sostnuti minnha f’kull stadju tal-proċedimenti ta oppożizzjoni u ta’ rikors. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu dan ma japplikax għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti li peress li l-EUIPO tilef it-talbiet tiegħu, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati mal-proċedimenti amministrattivi ma tistax tintlaqa’ ħlief jekk dawn huma biss spejjeż indispensabbli sostnuti mill-intervenjenti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, Guccio Gucci vs EUIPO – Guess? IP Holder (Rappreżentazzjoni ta’ erba’ ittri G imrikkbin fuq xulxin), T‑753/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:604, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata].

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-2 ta’ Diċembru 2015 (Każ R 1251/2015‑4) hija annullata.

 

2)

L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn The Coca-Cola Company, inklużi dawk quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

 

3)

Modern Industrial & Trading Investment Co. Ltd (Mitico) għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Collins

Kancheva

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2017.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

It-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

 

Tfakkira ta’ ġurisprudenza u osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu ta’ trade mark kumpelessa li tinkludi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

 

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni barra mill-Unjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ territorjalità

 

Fuq l-evalwazzjoni tad-deduzzjonijiet loġiċi fir-rigward ta’ riskju ta’ parassitiżmu fl-Unjoni

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq