EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015TJ0673

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tas-7 ta’ Ġunju 2017.
Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rappreżentanza tal-Unjoni – Preskrizzjoni – Tħassir tal-effetti legali ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva – Preċiżjoni tar-rikors – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza – Ugwaljanza fit-trattament – Danni materjali – Telf subit – Lucrum cessans – Dannu mhux materjali – Rabta kawżali.
Kawża T-673/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2017:377

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

7 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Rappreżentanza tal-Unjoni — Preskrizzjoni — Tħassir tal-effetti legali ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva — Preċiżjoni tar-rikors — Ammissibbiltà — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza — Ugwaljanza fit-trattament — Danni materjali — Telf subit — Lucrum cessans — Danni mhux materjali — Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑673/15,

Guardian Europe Sàrl, stabbilita f’Bertrange (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn F. Louis, avukat, u C. O’Daly, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn:

1)Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, A. Dawes u P. van Nuffel, bħala aġenti,

2)Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Inghelram u K. Sawyer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li r-rikorrenti allegatament sofriet minħabba, minn naħa, it-tul tal-proċedura fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/39165 – Ħġieġ ċatt) u fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, I. Labucka, E. Bieliūnas (Relatur), V. Kreuschitz u I. S. Forrester, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2008, Guardian Industries Corp. u r-rikorrenti, Guardian Europe Sàrl, ippreżentaw rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39165 – Ħġieġ ċatt) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C (2007) 5791”). Fir-rikors, huma talbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tannulla parzjalment din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċernahom u tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom mill-imsemmija deċiżjoni.

2

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

3

Permezz ta’ att ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2012, Guardian Industries u r-rikorrenti appellaw mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494).

4

Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12, EU:C:2014:2363), l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), sa fejn din is-sentenza kienet ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Guardian Industries u r-rikorrenti in solidum u kienet ikkundannat lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2007) 5791 sa fejn dan kien jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Guardian Industries u r-rikorrenti fis-somma ta’ EUR 148000000. It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet l-ammont tal-multa imposta fuq Guardian Industries u r-rikorrenti in solidum minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2007) 5791 għas-somma ta’ EUR 103600000. Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-kumplament tal-appell. Il-ħames nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qasmet l-ispejjeż.

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6

Fis-17 ta’ Frar 2016, il-Qorti Ġenerali bagħtet din il-kawża quddiem it-Tielet Awla Estiża.

7

Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentaw risposta, rispettivament, fis-16 ta’ Frar 2016 u fit-18 ta’ Frar 2016.

8

Fit-22 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ppreżentat replika. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ppreżentaw kontroreplika, rispettivament, fil-25 ta’ Mejju 2016 u fis-7 ta’ Ġunju 2016.

9

Fit-12 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-preparazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kawża preżenti jeħtieġu, fir-rigward tas-suġġett tagħha, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha tal-proċess tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494) (iktar ’il quddiem il-“Kawża T‑82/08”). Għalhekk, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tallega fil-proċess ta’ din il-kawża l-proċess tal-Kawża T‑82/08.

10

Fl-14 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti tipproduċi ċerti dokumenti u twieġeb mistoqsija. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fit-terminu mogħti.

11

Fis-16 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet in-notifika tal-proċess tal-Kawża T‑82/08.

12

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Jannar 2017.

13

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tagħtiha kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, billi tħallasha l-ammonti hawn isfel imsemmija, inklużi l-interessi mit-12 ta’ Frar 2010, skont ir-rata medja applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fiż-żmien rilevanti, miżjuda b’żewġ punti perċentwali:

EUR 936000 bħala spejjeż ta’ garanzija;

EUR 1671000 bħala spejjeż ta’ opportunità jew lucrum cessans;

EUR 14800000 bħala danni mhux materjali;

tikkundanna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tagħtiha kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba l-ksur, mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi tħallasha l-ammonti hawn isfel imsemmija, inklużi l-interessi skont ir-rata medja applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fiż-żmien rilevanti, miżjuda b’żewġ punti perċentwali:

EUR 1547000 bħala spejjeż ta’ garanzija;

EUR 9292000 bħala spejjeż ta’ opportunità jew lucrum cessans;

EUR 14800000 bħala danni mhux materjali;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors sa fejn dan huwa indirizzat lilha;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad it-talba għall-kumpens bħala inammissibbli sa fejn tirrigwarda d-danni preċedenti għad-19 ta’ Novembru 2010 u sa fejn tirrigwarda l-kumpens għad-danni materjali relatati mal-spejjeż ta’ opportunità jew lucrum cessans;

tiċħad, fi kwalunkwe każ, bħala infondata t-talba għal kumpens kemm tad-danni materjali kif ukoll tad-danni mhux materjali;

sussidjarjament, tiċħad bħala infondata t-talba għal kumpens fir-rigward tad-danni materjali u tagħti ex aequo et bono kumpens f’ammont massimu ta’ EUR 5000 għal danni mhux materjali;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà

16

Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jqajmu diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

1.  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal kumpens ibbażata fuq allegat ksur ta ’ terminu raġonevoli għall-għoti ta ’ sentenza sa fejn din it-talba hija indirizzata lejn l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni

17

Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal kumpens għad-danni li allegatament kienu subiti minħabba l-allegat ksur tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza (iktar ’il quddiem it-“terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza”) hija inammissibbli sa fejn hija indirizzata lejn l-Unjoni, irrappreżentata minnha, għar-raġuni li, fil-kuntest ta’ din it-talba, ir-rikorrenti ma ressqet ebda ilment.

18

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Unjoni hija rrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba eventwali ksur tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza minn qorti tal-Unjoni (ara d-digrieti tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs Unjoni Ewropea, T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2, punti 14 sa 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs Unjoni Ewropea, T‑577/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:80, punti 22 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Għalhekk, it-talba għal kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba allegat ksur ta’ tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn din it-talba hija indirizzata lejn l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

2.  Fuq l-eċċezzjonijiet ta ’ inammissibbiltà bbażati fuq il-preskrizzjoni

20

Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa inammissibbli sa fejn din it-talba hija indirizzata lejn l-Unjoni, irrappreżentata minnha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din it-talba hija ammissibbli biss sa fejn hija intiża għall-kumpens għad-danni li seħħew inqas minn ħames snin qabel il-preżentata tar-rikors f’din il-kawża, jiġifieri wara d-19 ta’ Novembru 2010. Issa, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma annullatx, sat-12 ta’ Frar 2010, id-Deċiżjoni C(2007) 5791 għar-raġuni li kienet tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, isegwi li, skont l-argumenti stess tar-rikorrenti, l-allegati danni wara t-12 ta’ Frar 2010 huma kompletament imputabbli lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

21

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li ż-żewġ talbiet intiżi sabiex jinkiseb il-kumpens għad-danni allegati huma preskritti sa fejn jirrigwardaw id-danni li seħħew qabel id-19 ta’ Novembru 2010. Għalhekk, it-talbiet għal kumpens ikunu inammissibbli fir-rigward ta’ perijodi preċedenti għal din id-data.

22

Ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tat-talba tagħha għal kumpens għad-danni allegatament subiti minnha minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li t-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni C(2007) 5791 interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba tagħha intiża sabiex tikseb kumpens għad-danni subiti minnha minħabba allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, jipprovdi kif ġej:

“L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbilltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi interrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ l-Unjoni. […]”

24

F’dan il-każ, ir-rikorrenti qed titlob kumpens għad-danni li allegatament sofriet minħabba, minn naħa, it-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑82/08 u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494). Id-danni materjali allegatament subiti minħabba dawn il-ksur jikkonsistu, l-ewwel nett, fil-ħlas ta’ spejjeż tal-garanzija bankarja fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa immedjatament (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż tal-garanzija bankarja”) u, it-tieni nett, f’lucrum cessans marbut mad-differenza bejn, minn naħa, l-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni fuq il-parti tal-ammont tal-multa li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u, min-naħa l-oħra, id-dħul li hija setgħet tiġġenera li kieku, minflok ma ħallset il-Kummissjoni s-somma li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti kienet investietha fl-attivitajiet tagħha (iktar ’il quddiem il-“lucrum cessans”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti qed titlob kumpens għad-danni mhux materjali li jikkonsistu fi ħsara għar-reputazzjoni tagħha.

25

L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati, il-preskrizzjoni tal-azzjoni għall-kumpens tad-danni allegatament ikkawżati mill-allegat ksur ta’ terminu raġonevoli għall-għoti tas-sentenza u, it-tieni nett, il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet għal kumpens tad-danni allegatament ikkawżati mill-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

a)  Fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal kumpens bbażata fuq allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta ’ sentenza

26

Fil-każ speċifiku ta’ rikors għad-danni intiż għal kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba ksur eventwali ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu, meta deċiżjoni tkun waqqfet it-terminu kontenzjuż għall-għoti ta’ sentenza, jiġi stabbilit bħala d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, tali data tikkostitwixxi data ċerta, stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Hija tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tippermetti l-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea, T‑577/14, EU:T:2017:1, punt 47).

27

F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08. Din il-kawża tal-aħħar ġiet deċiża permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494). Għaldaqstant, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mis-27 ta’ Settembru 2012.

28

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha f’din il-kawża u għalhekk interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni fid-19 ta’ Novembru 2015, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29

Għaldaqstant, l-azzjoni ppreżentata f’din il-kawża ma hijiex preskritta peress li għandha bħala suġġett talba għal kumpens għall-allegati danni li ġew ikkawżati minn ksur eventwali tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u bbażata fuq il-preskrizzjoni tat-talba għal kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti minħabba allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 għandha tiġi miċħuda.

b)  Fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal kumpens bbażata fuq allegati ksur suffiċjentement serji tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament

31

Għandha ssir distinzjoni bejn il-preskrizzjoni ta’ azzjoni bbażata fuq allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u l-preskrizzjoni tal-azzjoni bbażata fuq allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494).

1) Fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni bbażata fuq allegat ksur suffiċjentement serju mwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791

32

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta r-responsabbiltà tal-Unjoni toriġina eventwalment minn att individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta d-deċiżjoni tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward tal-persuni li hija tirrigwarda. Soluzzjoni differenti terġa’ tqiegħed inkawża l-prinċipju tal-awtonomija tar-rikorsi peress li tkun tissuġġetta l-proċedura ta’ rikors għal danni għar-riżultat ta’ rikors għal annullament [sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 38].

33

Fl-ewwel lok, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, fi-rigward tal-allegati danni materjali, l-allegati effetti dannużi tad-Deċiżjoni C(2007) 5791 ġew neċessarjament prodotti fir-rigward tar-rikorrenti minn meta ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni, li imponitilha multa. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma setax jiġi interrott bit-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni C(2007) 5791. Fil-fatt, huwa irrilevanti, sabiex jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni, li l-aġir illegali tal-Unjoni jkun ġie kkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 31].

34

Għalhekk, ir-rikorrenti setgħet tippreżenta rikors sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 mill-mument li l-kawża għad-danni allegati saret ċerta, jiġifieri, f’dan il-każ, mill-kostituzzjoni tal-garanzija bankarja għal parti mill-ammont tal-multa u mill-pagament tal-multa fir-rigward tal-parti l-oħra tal-ammont [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 32].

35

Barra minn hekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-mument meta d-danni materjali allegati kienu effettivament ġew inkorsi, jiġifieri l-mument li fih, f’dan il-każ, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja bdew jiddekorru u l-lucrum cessans seħħ [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, EU:C:2007:226, punt 33; u tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, EU:C:2008:409, punt 63].

36

Għalhekk, jekk wieħed jassumi li jiġu stabbiliti, l-allegati danni materjali mir-rikorrenti, li jikkonsistu fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja u lucrum cessans minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, ġew inkorsi fil-mument tal-ħlas tal-ewwel spejjeż tal-garanzija bankarja u fil-mument li l-lucrum cessans invokat beda jseħħ, jiġifieri iktar minn ħames snin qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

37

Sussegwentement, id-danni materjali allegati mir-rikorrenti huma kkostitwiti, minn naħa, minn somom li hija kienet obbligata li tħallas lill-bank għall-għoti tal-garanzija u, min-naħa l-oħra, tal-lucrum cessans imsemmi fil-punt 24 hawn fuq. Issa, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, l-ammont tad-danni materjali allegati żdied bi proporzjon man-numru ta’ ġranet li għaddew.

38

Minn dan isegwi li d-danni materjali allegati mir-rikorrenti huma ta’ natura kontinwata.

39

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ danni ta’ natura kontinwata, il-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tapplika, skont id-data tal-att li jinterrompi, għall-perijodu preċedenti ta’ iktar minn ħames snin minn din id-data, mingħajr ma taffettwa d-drittijiet eventwali li nħolqu matul perijodi sussegwenti [sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, EU:C:2005:139, punt 70; ara, wkoll, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, Chart vs SEAE, T‑138/14, EU:T:2015:981, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata].

40

Konsegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha f’din il-kawża u għalhekk interrompiet it-terminu tal-preskrizzjoni fid-19 ta’ Novembru 2015, it-talba għall-kumpens għad-danni materjali allegatament subiti minħabba l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 hija preskritta sa fejn tirrigwarda d-danni materjali li kienu ġew subiti qabel id-19 ta’ Novembru 2010.

41

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegati danni mhux materjali, li jikkonsistu fi ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rikors, din tal-aħħar issostni li d-danni nħolqu bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2007) 5791, jiġifieri fit-28 ta’ Novembru 2007.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm hija tista’ tieħu forom differenti, il-ħsara għar-reputazzjoni hija ġeneralment dannu li jiġġedded kuljum u jdum sakemm tintemm l-allegata kawża ta’ tali ħsara. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-allegata ħsara għar-reputazzjoni allegatament toriġina minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li, għall-ewwel, tiġi adottata u reża pubblika permezz ta’ stqarrija għall-istampa u li, sussegwentement, tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ sommarju.

43

Minn dan isegwi li d-danni mhux materjali ta’ ħsara għar-reputazzjoni li hija invokata mir-rikorrenti u li jirriżultaw minn allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 huma ta’ natura kontinwata.

44

Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 hawn fuq, l-azzjoni għal kumpens hija preskritta sa fejn hija intiża għall-kumpens għal ħsara għar-reputazzjoni preċedenti għad-19 ta’ Novembru 2010.

45

Fit-tielet lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li, skont l-argumenti stess tar-rikorrenti, l-allegati danni wara t-12 ta’ Frar 2010 huma kompletament imputabbli lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-argumenti huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, preċedentement għas-27 ta’ Settembru 2012, il-Qorti Ġenerali ma kinitx iddeċidiet fuq il-legalità tad-Deċiżjoni C(2007) 5791 fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-azzjoni għal kumpens għad-danni materjali u għad-danni mhux materjali li allegatament ġew subiti mir-rikorrenti minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 hija preskritta sa fejn din l-azzjoni tirrigwarda d-danni li kienu ġew subiti qabel id-19 ta’ Novembru 2010.

2) Fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni bbażata fuq allegat ksur suffiċjentement serju mwettaq fis-sentenza tas-27 ta ’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08)

47

Għandu jiġi rrilevat li l-allegati danni li kienu ġew ikkawżati minn allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), ġew inkorsi neċessarjament wara d-data tal-pronunzja ta’ din is-sentenza.

48

Għalhekk, u sa fejn ir-rikors għad-danni ġie ppreżentat fid-19 ta’ Novembru 2015, l-azzjoni preżenti, ippreżentata inqas minn ħames snin wara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), ma hijiex affettwata mill-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

49

Minn dan isegwi li l-azzjoni għal kumpens għall-allegati danni li ġew ikkawżati minn allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), ma hijiex preskritta.

3.  Fuq l-eċċezzjonijiet ta ’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-kumpens għal-allegat lucrum cessans ixejjen l-effetti legali ta ’ deċiżjoni li saret definittiva

50

Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jsostnu li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli t-talbiet tar-rikorrenti intiżi għal kumpens għal-lucrum cessans imsemmi fil-punt 24 hawn fuq. Fil-fatt, wara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), l-Unjoni diġà ħallset interessi lir-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 988620. Issa, jekk ir-rikorrenti kienet tqis li dan l-ammont kien insuffiċjenti, hija kellha tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2014 li stabbilixxiet l-ammont ta’ dawn l-interessi, xi ħaġa li ma għamlitx.

51

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, wara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363), hija ħallset interessi lir-rikorrenti, konformement mal-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1). Din id-dispożizzjoni tillimita l-ammont ta’ rimbors għall-ammont tal-multa mhux dovut miżjud bl-interessi prodotti konformement mal-Artikolu 90(2) ta’ dan l-istess regolament, li jeżiġi li dawn il-fondi jkunu investiti b’mod prudenti u għalhekk b’rendiment relattivament modest. Issa, ir-rikorrenti naqset milli tikkontesta l-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità imqajma abbażi tal-Artikolu 277 TFUE.

52

Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

53

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għad-danni marbut ma’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tagħha ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu minn azzjonijiet ġudizzjarji oħra, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-iskop speċifiku tiegħu (sentenzi tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il-Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 6; tat-12 ta’ April 1984, Unifrex vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, 281/82, EU:C:1984:165, punt 11, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 54).

54

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, f’Diċembru 2014, il-Kummissjoni rrimborsat il-parti tal-ammont tal-multa li kienet tħallset mir-rikorrenti u li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħallset interessi fuq din is-somma għal EUR 988620.

55

Għalhekk, meta l-Kummissjoni rrimborsat, f’Diċembru 2014, il-parti tal-ammont tal-multa iddikjarata mhux dovuta permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), flimkien mal-interessi, din l-istituzzjoni eżegwiet l-imsemmija sentenza konformement mal-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li jipprevedi b’mod partikolari li, wara l-eżawriment tar-rimedji kollha u jekk il-multa jew is-sanzjoni ġiet annullata jew imnaqqsa, l-ammonti mħallsa indebitament, flimkien mal-interessi eventwalment prodotti huma rrimborsati lit-terz ikkonċernat.

56

Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jipprovdi, essenzjalment, li l-obbligu li l-istituzzjoni minn fejn joriġina l-att annullat għandha li tieħu l-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament ma jippreġudikax dak li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

57

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat li l-Artikolu 266 TFUE ma jimponix l-obbligu fuq l-amministrazzjoni li tagħmel tajjeb għad-danni addizzjonali li jistgħu jirriżultaw mill-att illegali annullat jekk il-kundizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huma sodisfatti (Digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 62).

58

Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti, li tinvoka, fost l-oħrajn, ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, issostni preċiżament li l-kundizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huma sodisfatti u li dan ir-rikors għandu l-għan li jevalwa jekk dan huwiex il-każ.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tinvokax l-illegalità tal-miżura meħuda mill-Kummissjoni f’Diċembru 2014, li biha din tal-aħħar ħallsitha interessi.

60

It-tieni nett, ir-rikors għad-danni ppreżentat f’din il-kawża ma huwiex intiż sabiex jirrestawra lir-rikorrenti, fuq livell finanzjarju, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha fl-assenza tal-miżura meħuda mill-Kummissjoni f’Diċembru 2014. Fi kliem ieħor, dan ir-rikors ma huwiex intiż li jikseb l-istess riżultat ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra l-miżura ta’ Diċembru 2014.

61

Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti qed titlob kumpens għall-lucrum cessans imsemmi fil-punt 24 hawn fuq. Hija għalhekk la titlob ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa iddikjarata mhux dovuta fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u lanqas il-ħlas tal-interessi akkumulati fuq din is-somma meta din tal-aħħar kienet fil-pussess tal-Kummissjoni.

62

Min-naħa l-oħra, l-eventwali annullament tal-miżura ta’ Diċembru 2014 ma tistax tagħti lok għall-ħlas, favur ir-rikorrenti, ta’ somma ugwali għal-lucrum cessans allegat u għalhekk ta’ somma superjuri għall-ammont ta’ interessi rrimborsati mill-Kummissjoni.

63

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti qed titlob kumpens għal danni li, minn naħa, huma differenti minn dawk li jirriżultaw minn eżekuzzjoni ħażina tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u li, min-naħa l-oħra, huma addizzjonali għas-somom irrimborsati mill-Kummissjoni f’Diċembru 2014.

64

It-talba għal kumpens ifformulata mir-rikorrenti fir-rigward ta’ allegat lucrum cessans għalhekk la għandha l-istess suġġett u lanqas l-istess effett ta’ eventwali rikors għal annullament ippreżentat kontra l-miżura meħuda mill-Kummissjoni f’Diċembru 2014 u ma għandhiex, għalhekk, titqies inammissibbli taħt użu ħażin ta’ proċedura.

65

L-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq il-fatt li l-kumpens għall-allegat lucrum cessans iħassar l-effetti ta’ deċiżjoni li saret definittiva għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

4.  Fuq l-eċċezzjoni ta ’ inammissibbiltà ibbażata fuq nuqqas ta ’ ċarezza u ta ’ preċiżjoni tar-rikors fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-danni mhux materjali allegati

66

Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-talba għal kumpens għad-danni mhux materjali allegati hija manifestament inammissibbli għar-raġuni li r-rikors fih biss affermazzjonijiet vagi u mhux sostnuti li jgħidu li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti stigmatizzat inġustament lil din tal-aħħar billi ħolqot impressjoni għal kollox żbaljata fir-rigward tal-irwol tagħha fil-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

67

Madankollu, ir-rikors jippreċiża li l-istigmatizzazzjoni allegata tirriżulta miċ-ċirkustanza li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 kienet l-ogħla waħda, għalkemm din tal-aħħar kienet l-iżgħar waħda mill-produtturi ta’ ħġieġ ċatt u l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kienet l-iktar waħda qasira. Minn dan, ir-rikorrenti tiddeduċi li bejn id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2007) 5791 u s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363), li naqqset l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha, it-terzi kkonkludew li hija kellha responsabbiltà partikolari fl-akkordju fis-suq tal-ħġieġ ċatt.

68

Għalhekk, ir-rikors jipprovdi indikazzjonijiet suffiċjentement ċari u preċiżi fir-rigward tad-danni mhux materjali allegatament subiti mir-rikorrenti. Dawn l-indikazzjonijiet ippermettew li l-Kummissjoni, minn naħa, tifhem l-argumenti tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tipprepara d-difiża tagħha. Barra minn hekk, dawn l-indikazzjonijiet jippermettu wkoll li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fur ir-rikors.

69

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors, fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-danni mhux materjali allegati, għandha għalhekk tiġi miċħuda.

5.  Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà

70

L-ewwel nett, l-azzjoni għal kumpens għad-danni li allegatament ġew ikkawżati minn allegat ksur ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 hija inammissibbli sa fejn din it-talba hija indirizzata lejn l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

71

It-tieni nett, l-azzjoni għal kumpens għad-danni li allegatament ġew ikkawżati minn allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 hija preskritta sa fejn tirrigwarda d-danni mhux materjali allegatament subiti qabel id-19 ta’ Novembru 2010.

72

Min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet għal kumpens għad-danni li ġew ikkawżati minn allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), u minn allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 ma humiex affettwati mill-preskrizzjoni.

73

It-tielet nett, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq il-fatt li l-kumpens għal-lucrum cessans allegat ixejjen l-effetti legali ta’ deċiżjoni li saret definittiva u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-danni mhux materjali allegati, għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

B. Fuq il-mertu

74

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jipprevedi li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

75

Skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jirriżulta li sabiex ikun hemm lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u għall-implementazzjoni tad-dritt għal kumpens tad-danni subiti għandhom jiġu sodisfatti assjem ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li jkun allegat li twettaq mill-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dak l-aġir u d-dannu allegat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106).

76

Meta wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma jkunx issodisfatt, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati r-rekwiżiti l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina dawn ir-rekwiżiti f’ordni ddeterminata (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

77

F’dan il-każ, ir-rikorrenti qed titlob kumpens għad-danni li allegatament sofriet, l-ewwel nett, minħabba ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), u, it-tieni nett, minħabba allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T-82/08.

1.  Fuq it-talbiet għal kumpens għad-danni li allegatament ġew subiti mir-rikorrenti minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u fis-sentenza tas-27 ta ’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08)

78

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li, fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, il-Kummissjoni eskludiet il-bejgħ intern tal-produtturi tal-ħġieġ ċatt vertikalment integrati meta hija kkalkolat l-ammont tal-multi imposti fuq dawn il-produtturi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni C(2007) 5791 minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija titlob kumpens għad-danni li hija sofriet minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791.

79

It-tieni nett, ir-rikorrenti tfakkar li s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494) ċaħdet ir-rikors tagħha ppreżentat kontra d-Deċiżjoni C(2007) 5791 għalkemm, fl-imsemmi rikors, hija kienet talbet tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha minħabba d-diskriminazzjoni pprovokata mill-esklużjoni tal-bejgħ intern fil-kalkolu tal-multa imposta fuq il-produtturi tal-ħġieġ ċatt vertikalment integrati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494) minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija titlob kumpens għad-danni li hija allegatament sofriet minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494).

a)  Fuq it-talba għal kumpens għad-danni li allegatament ġew subiti minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791

80

Ir-rikorrenti ssostni li l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 ikkawżalha danni materjali u danni mhux materjali li għandhom jiġu kkumpensati.

81

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-danni li l-kumpens għalihom jintalab permezz ta’ kawża għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandhom ikunu reali u ċerti, fatti li għandhom jiġu pprovati mill-parti rikorrenti (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija din tal-aħħar li għandha tipproduċi provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-danni invokati minnha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni marbuta mar-rabta kawżali stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali u effett suffiċjentement dirett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-danni (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 53, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T‑383/00, EU:T:2005:453, punt 193; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Hija l-parti rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-danni invokati (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tat-talba tar-rikorrenti.

1) Fuq id-danni materjali allegati u l-allegata rabta kawżali

84

Ir-rikorrenti ssostni li l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 ikkawżalha danni materjali, jiġifieri, l-ewwel nett, danni li jikkorrispondu għall-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja u, it-tieni nett, danni li jikkorrispondu mal-lucrum cessans imsemmi fil-punt 24 hawn fuq.

i) Osservazzjonijiet preliminari

85

Meta l-Kummissjoni nnotifikat id-Deċiżjoni C(2007) 5791 tagħha lir-rikorrenti, din l-istituzzjoni indikatilha li, jekk hija tistitwixxi proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda miżura ta’ rkupru tal-ammont tal-multa imposta fl-imsemmija deċiżjoni ma tkun meħuda sakemm il-kawża tkun pendenti, sakemm żewġ kundizzjonijiet ikunu sodisfatti qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 86(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu li ġejjin: l-ewwel nett, il-kreditu tal-Kummissjoni kellu jipproduċi interessi mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas bir-rata ta’ 5.64 %, it-tieni nett, garanzija bankarja aċċettabbli għall-Kummissjoni li tkopri kemm id-dejn u l-interessi jew iż-żidiet fid-dejn kellha tkun ipprovduta qabel id-data tal-iskadenza tal-ħlas.

86

Fir-rikors li hija ppreżentat f’din il-kawża, ir-rikorrenti tispjega li d-Deċiżjoni C(2007) 5791 ikkundannatha sabiex tħallas multa għall-ammont ta’ EUR 148000000. Hija ssostni li, l-ewwel nett, hija ħallset immedjatament is-somma ta’ EUR 111000000 u li hija kkostitwixxiet garanzija bankarja sabiex tkopri s-somma ta’ EUR 37000000. Hija ssostni li, it-tieni nett, hija annullat il-garanzija bankarja b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2013 u ħallset lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 37000000 flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 5.64 %, jiġifieri EUR 48263003. Hija tenfasizza li, it-tielet nett, wara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363), li naqqset l-ammont tal-multa b’ EUR 44400 00, kien jidher li l-multa emendata ta’ EUR 103600000 kienet koperta mill-bidu bil-ħlas tas-somma ta’ EUR 111000000. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrimborsat lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 55663003, bl-interessi moratorji ta’ EUR 988620. Is-somma ta’ EUR 55663003 inkisbet billi żdiedu, minn naħa, l-ammont imħallas lill-Kummissjoni wara l-annullament tal-garanzija bankarja, jiġifieri EUR 48263003 u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ EUR 7400000. Din l-aħħar somma tikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 111000000, imħallas immedjatament, li minnu għandu jitnaqqas l-ammont tal-multa finalment dovuta, jiġifieri EUR 103600000.

ii) Fuq l-allegat ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja u l-allegata rabta kawżali

87

Ir-rikorrenti tenfasizza li, bejn l-4 ta’ Marzu 2008, id-data effettiva tal-garanzija bankarja, u t-2 ta’ Awwissu 2013, data effettiva tal-annullament tal-imsemmija garanzija, hija ħallset spejjeż tal-garanzija bankarja fl-ammont totali ta’ EUR 1547000. Dawn l-ispejjeż kienu kkawżati bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni kienet iffissat immedjatament l-ammont tal-multa għal EUR 103600000 fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, il-garanzija bankarja qatt ma kienet tkun meħtieġa. Barra minn hekk, jekk dan ir-raġunament ma jiġix aċċettat, din għandha, fi kwalunkwe każ, tagħti lir-rikorrenti kumpens ta’ EUR 1268935, li jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa matul il-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Frar 2010, data li fiha kellha tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-82/08, u t-2 ta’ Awwissu 2013, data effettiva tal-annullament tal-garanzija.

88

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

89

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti, li kienet ippreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni C(2007) 5791, kellha l-għażla li ġejja: jew li tħallas il-multa fil-mument li din tkun eżiġibbli, u fejn applikabbli, l-interessi moratorji b’rata stabbilita mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, jew li titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni bl-applikazzjoni tal-Artikolu 242 KE u tal-Artikoli 104 et sequitur tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, jew li tikkostitwixxi garanzija bankarja intiża sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-multa u l-interessi moratorji, konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, EU:C:1995:141, punt 54; u tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 122].

90

L-għażla li tikkostitwixxi garanzija bankarja għal parti mill-ammont tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u li tħallas il-parti l-oħra tal-ammont ta’ din il-multa tħalla għad-diskrezzjoni tar-rikorrenti u ma kinitx ta’ natura vinkolanti. Fi kliem ieħor, xejn ma jżomm lir-rikorrenti milli tħallas l-ammont sħiħ tal-ammont tal-multa meta jiskadi t-terminu stabbilita fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 minkejja l-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, T‑52/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:253, punt 498).

91

Issa, kif jirriżulta mir-rikors, ir-rikorrenti ddeċidiet, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2007) 5791, li ma teżegwixxix b’mod sħiħ l-obbligu tagħha li tħallas il-multa immedjatament iżda li tikkostitwixxi garanzija bankarja għal parti mill-ammont tal-multa, konformement mal-possibbiltà offruta mill-Kummissjoni.

92

Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja li hija ħallset huma riżultat dirett tal-illegalità tad-Deċiżjoni C(2007) 5791. Fil-fatt, id-danni li hija tallega jirriżultaw direttament u b’mod determinanti mill-għażla tagħha stess, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2007) 5791, li ma teżegwixxix l-obbligu tagħha li tħallas il-multa sħiħa. Li kieku r-rikorrenti għażlet il-ħlas immedjat tal-ammont sħiħ tal-multa, hija kienet tevita li tħallas l-ispejjeż tal-garanzija bankarja fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punti 123 u 124; id-digrieti tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 38, u tal-4 ta’ Settembru 2009, Inalca u Cremonini vs Il-Kummissjoni, T‑174/06, mhux ippubblikat, EU:T:2009:306, punti 91 u 92].

93

Għalhekk, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li huwa possibbli li r-rikorrenti kkontribwixxiet għall-preġudizzju li ġarrbet, l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, u l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja għandha tiġi miċħuda.

94

Konsegwentement, it-talba għal kumpens għall-allegati danni materjali li jikkonsistu fil-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja minnħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 għandha tiġi miċħuda.

iii) Fuq il-lucrum cessans allegat u l-allegata rabta kawżali

95

Qabel kollox, ir-rikorrenti tispjega li l-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni fuq il-parti mill-ammont tal-multa li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), telgħu għal EUR 988620 għal perijodu kollu minn Marzu 2008 sa Novembru 2014.

96

Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont ta’ dawn l-interessi huwa ħafna inqas mid-dħul li setgħet tiġġenera li kieku, minflok ħallset lill-Kummissjoni s-somma li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija kienet investietha fl-attivitajiet tagħha. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti tipproduċi r-rapport ta’ kumpannija tal-awditjar u ta’ konsulenza li pproċediet bil-kalkolu tal-ispiża medja peżata tal-kapital tagħha. L-użu tal-ispiża medja peżata tal-kapital huwa bbażat fuq il-fatt li l-kumpannija għandha tikseb tal-inqas l-ispiża tal-kapital tagħha li huwa r-rendiment minimu mitlub mill-investituri sabiex jinvestu f’din il-kumpannija minflok f’oħra. Issa, bl-applikazzjoni tal-medja tal-valuri estremi tal-ispiża medja peżata tal-kapital tar-rikorrenti kif iddefinit fis-somma ta’ EUR 7400000 bejn l-4 ta’ Marzu 2008 u s-27 ta’ Lulju 2013, u wara fis-somma ta’ EUR 48263003 bejn is-27 ta’ Lulju 2013 u t-12 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti kienet taqla mill-inqas EUR 10281000. Għalhekk, sa fejn l-interessi mħallsa mill-Kummissjoni f’Diċembru 2014 telgħu għal madwar EUR 989000, jirriżulta li r-rikorrenti sofriet lucrum cessans ta’ EUR 9292000.

97

Fl-aħħar nett, huwa inkontestabbli li, li kieku l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma kienx ġie mwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, dan il-lucrum cessans kien jiġi evitat.

98

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

99

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti sabiex tipproduċi provi dokumentali sabiex turi li hija kienet ħallset lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 111000000 f’Marzu 2008 u s-somma ta’ EUR 48263003 f’Lulju 2013, kif hija allegat fir-rikors.

100

Issa, l-ewwel nett, mid-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti bi tweġiba għal din it-talba jirriżulta li Guardian Industries, u mhux ir-rikorrenti, ħallset EUR 20000000 lill-Kummissjoni f’Marzu 2008.

101

It-tieni nett, id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti juru li, ċertament, f’Marzu 2008, hija ħallset is-somma ta’ EUR 91000000 lill-Kummissjoni. Madankollu, qabel dan il-ħlas, jiġifieri mix-xahar ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet ftehim ma kull waħda mis-seba’ sussidjarji operattivi tagħha sabiex tipprevedi li kull waħda minnhom iġġarrab, mill-31 ta’ Diċembru 2007 u minn perspettiva ta’ kontabbiltà u finanzjarja, parti mill-ammont tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2007) 5791. Barra minn hekk, permezz ta’ ftehimiet konklużi f’Diċembru 2008 bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha, twettaq il-qsim definittiv, bejn kull waħda minn dawn is-sussidjarji, tas-somma ta’ EUR 91000000 mħallsa mir-rikorrenti.

102

It-tielet nett, id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jiċċertifikaw li, f’Lulju 2013, kienu s-seba’ sussidjarji operattivi tar-rikorrenti li, kull waħda minnhom, ħallsu direttament lill-Kummissjoni parti mis-somma ta’ EUR 48263003.

103

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ġarrbitx personalment il-piż marbut mal-ħlas tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2007) 5791. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax manifestament tallega li hija sofriet danni reali u ċerti li jikkonsistu fid-differenza bejn, minn naħa, l-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni fuq il-parti tal-ammont tal-multa li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u, min-naħa l-oħra, id-dħul li hija setgħet tiġġenera li kieku, minflok ma ħallset is-somma inkwistjoni lill-Kummissjoni, hija kienet investietha fl-attivitajiet tagħha.

104

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mir-rikorrenti u bbażat, minn naħa, fuq li Guardian tqieset li hija impriża unika bid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u, min-naħa l-oħra, li s-somom kollha kienu ġew imħallsa minn entitajiet li jappartjenu għall-impriża Guardian.

105

Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda dokument li jawtorizzaha tirrappreżenta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, is-seba’ sussidjarji operattivi tagħha, li kull waħda minnhom ġarrbet parti mill-ammont tal-multa imposta permezz tad-Deċiżjoni C(2007) 5791.

106

It-tieni nett, ir-rikorrenti lanqas ma tipproduċi dokument li jawtorizzaha li tirrappreżenta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, lil Guardian Industries. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tipprevalixxi ruħha minn memorandum intern li huwa datat 15 ta’ Novembru 2015 u li ġie indirizzat lilha minn Guardian Industries. Fil-fatt, dan il-memorandum ma huwiex iffirmat mir-rappreżentanti legali ta’ Guardian Industries. Barra minn hekk, dan il-memorandum ma jipprevedi l-ebda awtorizzazzjoni espressa mogħtija lir-rikorrenti, sabiex tirrappreżenta lil Guardian Industries fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, dan il-memorandum jillimita ruħu li jipprevedi li, jekk ir-rikorrenti tikseb kumpens għall-ispejjeż tal-garanzija bankarja, hija għandha tħallas 18 % minn dan il-kumpens lil Guardian Industries. Fl-aħħar nett, għandu jiżdied li l-ftehim dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà konkluż bejn Guardian Industries u r-rikorrenti f’Marzu 2008 huwa irrilevanti f’dan il-każ, sa fejn dan kien jirrigwarda l-ħlas tal-multa imposta mill-Kummissjoni u mhux dan ir-rikors għad-danni.

107

Għalhekk, it-talba għal kumpens għall-lucrum cessans li allegatament ġie subiti mir-rikorrenti minnħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 għandha tiġi miċħuda.

2) Fuq l-allegati danni mhux materjali u l-allegata rabta kawżali

108

Ir-rikorrenti ssostni li, bejn it-28 ta’ Novembru 2007, data tad-Deċiżjoni C(2007) 5791, u t-12 ta’ Novembru 2014, data tas-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fl-imsemmija deċiżjoni ħoloq impressjoni żbaljata inkwantu l-irwol tagħha fil-ksur. Din il-ħsara għar-reputazzjoni għandha tiġi kkumpensata permezz tal-għoti ta’ kumpens li jikkorrispondi għal 10 % tal-ammont tal-multa li kienet inizjalment ġiet imposta fuq ir-rikorrenti.

109

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

110

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ħsara għar-reputazzjoni allegata ma hijiex marbuta mal-impressjoni żbaljata li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑82/08 kien intiż biss għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni C(2007) 5791. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-appell ippreżentat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), ir-rikorrenti ma kkontestatx l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li bihom din tal-aħħar ċaħdet l-imsemmija talba għall-annullament parzjali.

111

Għalhekk, l-allegata ħsara għar-reputazzjoni tikkonsisti biss f’li d-Deċiżjoni C(2007) 5791 ħolqot impressjoni żbaljata inkwantu għall-irwol tar-rikorrenti fil-ksur li fih din tal-aħħar, effettivament, ipparteċipat fih. Din l-impressjoni żbaljata tirriżulta mill-fatt li l-multa li kienet ġiet imposta fuq ir-rikorrenti kienet ikbar minn dik li kienet ġiet imposta fuq il-parteċipanti l-oħra tal-ksur (ara l-punt 67 hawn fuq).

112

Issa, l-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti ma huwiex sostnut minn provi li juru li, bil-gravità tiegħu, l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 seta’ kellu effett fuq ir-reputazzjoni tagħha lil hinn mill-effett marbut mal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

113

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma turix li l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 kien tan-natura li jikkawża ħsara lir-reputazzjoni tagħha.

114

It-tieni nett, jekk wieħed jassumi li l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kkawża ħsara għar-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura u tal-gravità ta’ dan il-ksur, id-danni mhux materjali subiti mir-rikorrenti kienu kkumpensati suffiċjentement permezz tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u permezz tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363). Dan huwa iktar u iktar hekk peress li, minn naħa, ir-rikorrenti setgħet tipprevalixxi ruħha mill-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni C(2007) 5791 u, min-naħa l-oħra, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), kienet is-suġġett ta’ stqarrija għall-istampa fil-jum tad-deċiżjoni, li indikat li l-qorti tal-Unjoni kienet finalment naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għall-irwol tagħha fil-kartell tal-ħġieġ ċatt minn EUR 148000000 għal EUR 103600000.

115

Għalhekk, it-talba għal kumpens għall-allegati danni mhux materjali li kienu ġew ikkawżati lir-rikorrenti minnħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 għandha tiġi miċħuda.

116

Konsegwentement, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 76 hawn fuq, it-talba għal kumpens għall-allegati danni li kienu ġew ikkawżati minnħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

b)  Fuq it-talba għal kumpens għad-danni li ġew subiti minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta ’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08)

117

Ir-rikorrenti ssostni li l-iżball imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li l-imsemmi ksur ikkawżalha danni.

118

Fil-fatt, qabel kollox, ma huwiex ikkontestat li sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt ta’ rikorrent li jikseb kumpens fil-każ ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. Min-naħa l-oħra, din ir-responsabbiltà hija l-korollarju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li biha l-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat meta jċaħħdu lil rikorrent mill-benefiċċju ta’ dritt mogħti lilu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513).

119

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni u ma kellhiex il-possibbiltà li tikkonferma, kif għamlet, l-esklużjoni tal-bejgħ intern li jidher fid-Deċiżjoni C(2007) 5791, jekk dan kien jippenalizza l-uniku destinatarja ta’ din id-deċiżjoni li ma kinitx vertikalment integrata, jiġifieri r-rikorrenti.

120

Fl-aħħar nett, huwa inkontestabbli, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita relatata mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ intern, li s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T-82/08, EU:T:2012:494) kisret b’mod manifest il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

121

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

122

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ma jistax ikun hemm lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba kontenut ta’ deċiżjoni ġuridika li ma ġietx mogħtija minn qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi fl-aħħar istanza u li għalhekk setgħet tkun is-suġġett ta’ appell.

123

Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-iżball imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), kien ġie rrettifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363) wara l-eżerċizzju ta’ rimedji mir-rikorrenti.

124

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjoni fformulata fil-punt 122 hawn fuq hija bla ħsara għall-possibbiltà li rikorrent ifittex, f’każijiet eċċezzjonali, ir-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba funzjonament ħażin ġudizzjarji gravi, b’mod partikolari ta’ natura proċedurali jew amministrattiva, li jaffettwa l-attività ta’ qorti tal-Unjoni. Issa, tali funzjonament ħażin ma huwiex allegat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din it-talba, li hija relatata mal-kontenut ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

125

Konsegwentement, it-talba għal kumpens għall-allegati danni li ġew ikkawżati minn allegat ksur serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), għandha tiġi miċħuda.

126

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-talbiet għal kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba, minn naħa, allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u, min-naħa l-oħra, allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T-82/08, EU:T:2012:494), għandhom jiġu miċħuda.

2.  Fuq it-talba għal kumpens għad-danni li allegatament ġew subiti minħabba allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta ’ sentenza fil-Kawża T‑82/08

127

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑82/08 kiser it-terminu raġonevoli għall-għoti tas-sentenza. It-tieni nett, hija ssostni li dan il-ksur ikkawżalha danni li għandhom jiġu kkumpensati.

a)  Fuq l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta ’ sentenza fil-Kawża T‑82/08

128

Ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑82/08 kiser it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, fatt li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi.

129

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Fil-fatt, l-ewwel nett, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), solviet definittivament il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. It-tieni nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li t-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien ta’ sentejn fil-Kawża T‑82/08 hija totalment irreali fid-dawl tat-tul medju tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kkonstatat bejn l-2006 u 2010 fil-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. It-tielet nett, in-natura raġonevoli ta’ terminu għall-għoti ta’ sentenza ma għandux jiġi evalwat abbażi ta’ perijodu standard u għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-eventwali preżenza ta’ perijodu ta’ inattività anormalment twil. Ir-raba’ nett, fir-rigward tat-tul bejn it-tmien tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, l-eventwali perijodu ta’ inattività mhux spjegata fl-ipproċessar tal-Kawża T‑82/08 hija ħafna iktar limitata milli tallega r-rikorrenti. Fil-fatt, it-tul ta’ 3 snin u 5 xhur, li għaddew bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑82/08 qabeż bi 11-il xahar biss it-tul medju ta’ dan l-istadju tal-proċedura, osservat bejn l-2008 u l-2011 fil-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-kawżi tal-kompetizzjoni, tal-ambjent multilingwistiku li fih topera l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u t-tul limitat tal-mandat tal-Imħallfin.

130

Għandu jiġi enfasizzat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari jipprovdi li “Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

131

F’dan il-każ, minn eżami ddettaljat tal-proċess tal-Kawża T‑82/08 jirriżulta li, kif enfasizzat ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), it-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑82/08, li tela’ għal qrib 4 snin u 7 xhur, ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda ċirkustanza partikolari għal din il-kawża.

132

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Kawża T‑82/08 kienet dwar tilwima fuq l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza ġuridika li minnu għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-objettiv li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huma ta’ interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrenti stess u għall-kompetituri tagħha, iżda wkoll għal terzi, minħabba l-għadd kbir ta’ persuni kkonċernati u l-interessi finanzjarji inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 186).

133

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kawża T‑82/08, perijodu ta’ madwar 3 snin u 5 xhur, jew 41 xhar, għadda bejn, minn naħa, it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ikkaratterizzata bil-preżentata, fit-3 ta’ Lulju 2008, ta’ ittra li fiha r-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali li hija ma kinitx ser tippreżenta replika, u min-naħa l-oħra, il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, fit-13 ta’ Diċembru 2011.

134

In-natura raġonevoli ta’ dan il-perijodu tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kumplessità tat-tilwima kif ukoll fuq l-aġir tal-partijiet u fuq l-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

135

Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, qabel kollox, perijodu ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura bħala prinċipju jikkostitwixxi tul adegwat sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-Kawża T‑82/08. Sussegwentement, it-trattament parallel ta’ kawżi konnessi ma jistax jiġġustifika, f’dan il-każ, titwil tal-perijodu bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, il-grad ta’ kumplessità fattwali, legali u proċedurali tal-Kawża T‑82/08 ma jiġġustifikax li jinżamm perijodu itwal f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, il-proċedura la ġiet interrotta u lanqas ittardjata bl-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ kwalunkwe miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs Unjoni Ewropea, T‑577/14, EU:T:2017:1, punti 65 sa 74).

136

Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet u tal-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali, il-perijodu li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑82/08 bl-ebda mod ma kien influwenzat minn tali aġir jew mill-okkorrenza ta’ tali inċidenti.

137

Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-Kawża T‑82/08, għandu jiġi deċiż li l-perijodu ta’ 41 xahar li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali ta’ din tal-aħħar juri perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat ta’ 26 xahar.

138

Fit-tielet lok, l-eżami tal-proċess tal-Kawża T‑82/08 ma żvela l-ebda ċirkustanza li tippermetti l-konklużjoni li jeżisti perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat, minn naħa, bejn id-data tal-preżentata tar-rikors u t-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, bejn il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura u l-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494).

139

Minn dan isegwi li l-proċedura li ġiet segwita fil-Kawża T‑82/08 u li ntemmet bl-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi qabżet b’26 xahar it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza u dan jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

b)  Fuq id-danni allegati u l-allegata rabta kawżali

140

Ir-rikorrenti ssostni li l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 ikkawżalha danni materjali u danni mhux materjali bejn it-12 ta’ Frar 2010, data li fiha kellha tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u s-27 ta’ Settembru 2012, id-data li fiha effettivament ingħatat din is-sentenza.

141

Il-fondatezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 81 u 82 hawn fuq.

1) Fuq l-allegati danni mhux materjali u l-allegata rabta kawżali

142

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet ħsara għar-reputazzjoni tagħha fl-ammont ta’ EUR 14800000 għar-raġuni li, bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012, hija kienet b’mod żbaljat dehret bħala li ġġorr responsabbiltà aggravata għal-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 (ara l-punt 67 hawn fuq). It-tieni nett, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2007) 5791 kien ġie aggravat mit-12 ta’ Frar 2010 sas-27 ta’ Settembru 2012, perijodu li matulu l-proċedura fil-Kawża T‑82/08 kisret it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. It-tielet nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, teżisti preżunzjoni qawwija iżda konfutabbli li skontha t-tul eċċessiv ta’ proċedura joħloq danni morali. Ir-raba’ nett, id-danni subiti mir-rikorrenti għandhom jiġu evalwati bl-10 % tal-ammont tal-multa li ġiet inizjalment imposta fuqha permezz tad-Deċiżjoni C(2007) 5791. Fil-fatt, minn naħa, il-kumpens li għalih hija intitolata għandu jkun marbut mal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha matul il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. Min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ 5 % deċiż mill-Qorti Ġenerali f’ċerti kawżi li jirrigwardaw ksur tat-terminu raġonevoli mill-Kummissjoni huwa baxx wisq.

143

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Sussidjarjament, hija ssostni li d-danni mhux materjali kumpensabbli għandhom jiġu evalwati f’massimu ta’ EUR 5000.

144

F’dan il-każ, l-ewwel nett, jekk wieħed jassumi li, bl-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija dehret għal żmien twil bħala li għandha responsabbiltà partikolari fil-ksur minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08, dan l-argument ma huwiex appoġġat minn provi li juru li, minħabba l-gravità tiegħu, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza seta’ jaffettwa r-reputazzjoni tagħha, lil hinn mill-effett ikkawżat bid-Deċiżjoni C(2007) 5791.

145

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma turix li l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti tas-sentenza fil-Kawża T‑82/08 kien ta’ natura li jikkawżalha l-allegata ħsara għar-reputazzjoni.

146

It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, mwettqa fil-punt 139 iktar ’il fuq, hija suffiċjenti, fid-dawl tal-għan u tal-gravità ta’ dan il-ksur, sabiex tissewwa l-ħsara għar-reputazzjoni allegata mir-rikorrenti.

147

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma turix li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 kien ta’ natura li jikkawża ħsara għar-reputazzjoni u, fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza mwettqa fil-punt 139 iktar ’il fuq, hija suffiċjenti, fid-dawl tal-għan u tal-gravità ta’ dan il-ksur, sabiex tissewwa l-ħsara għar-reputazzjoni allegata mir-rikorrenti.

148

Għalhekk, it-talba għal kumpens għall-allegat ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

2) Fuq id-danni materjali allegati u l-allegata rabta kawżali

149

Ir-rikorrenti ssostni li l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kkawżalha żewġ kategoriji ta’ danni materjali bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012, jiġifieri, l-ewwel nett, danni li jikkorrispondu għall-ħlas tal-ispejjeż addizzjonali ta’ garanzija bankarja u, it-tieni nett, danni li jikkorrispondu mal-lucrum cessans imsemmi fil-punt 24 hawn fuq.

150

Għandhom jiġu eżaminati d-danni materjali allegati mir-rikorrenti u l-allegata rabta kawżali bejn dawn id-danni u l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08, fid-dawl tal-osservazzjonijiet preliminari fformulati fil-punti 85 u 86 hawn fuq.

i) Fuq il-lucrum cessans allegat u l-allegata rabta kawżali

151

Qabel kollox, ir-rikorrenti tispjega li l-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni wara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363), telgħu għal ammont ta’ EUR 224000 għal perijodu kollu bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012. Sussegwentement, bl-applikazzjoni tal-medja tal-valuri estremi tal-ispiża medja peżata tal-kapital tar-rikorrenti kif iddefinit fil-punt 96 hawn fuq fis-somma ta’ EUR 7400000, ir-rikorrenti ssostni li kieku kienet tikseb mill-inqas EUR 1895000 bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012. Għalhekk, sa fejn l-interessi mħallsa mill-Kummissjoni telgħu għal madwar EUR 224000, ir-rikorrenti sofriet lucrum cessans ta’ EUR 1671000. Fl-aħħar nett, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza huwa l-kawża suffiċjentement diretta u determinanti tal-lucrum cessans allegat mir-rikorrenti. Fil-fatt, li kieku t-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza ma ġiex miksur fil-Kawża T‑82/08, ir-rikorrenti kien ikollha għad-dispożizzjoni tagħha iktar kmieni somom li l-Qorti tal-Ġustizzja finalment iddeċidiet li ma humiex dovuti fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363).

152

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

153

F’dan ir-rigward, mill-punti 99 sa 103 hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ġarrbitx personalment il-piż marbut mal-ħlas tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2007) 5791. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax manifestament tallega li, bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012, hija sofriet danni reali u ċerti li jikkonsistu fid-differenza bejn, minn naħa, l-interessi rrimborsati mill-Kummissjoni fuq il-parti tal-ammont tal-multa li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), u, min-naħa l-oħra, id-dħul li hija setgħet tiġġenera li kieku, minflok ma ħallset is-somma inkwistjoni lill-Kummissjoni, hija kienet investietha fl-attivitajiet tagħha.

154

Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 76 hawn fuq, it-talba għal kumpens għal lucrum cessans allegat mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda mingħajr il-ħtieġa li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ allegata rabta kawżali.

ii) Fuq l-allegat ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja u l-allegata rabta kawżali

155

Ir-rikorrenti qed titlob kumpens għad-danni li hija subit minħabba l-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012.

156

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikorrenti ma tistabbilixxix li teżisti rabta ta’ kawżalità suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012 u, min-naħa l-oħra, l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. Fil-fatt, qabel kollox, dawn id-danni materjali jirriżultaw mill-għażla stess tar-rikorrenti li ma teżegwixxix immedjatament l-obbligu tagħha li tħallas l-ammont sħiħ tal-multa. Sussegwentement, fid-dawl tad-definizzjoni prevalenti tar-rabta kawżali fid-dritt tal-Unjoni, l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma tistax tiġi stabbilita biss fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li, fin-nuqqas li jinqabeż it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, ir-rikorrenti ma kinitx issib ruħha fl-obbligu li tħallas l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja għall-perijodu li jikkorrispondi ma’ dan il-qbiż. Fl-aħħar nett, anki jekk wieħed jassumi li għandha tiġi applikata d-definizzjoni tar-rabta ta’ kawżalità proposta mir-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li din tal-aħħar annullat il-garanzija fit-2 ta’ Awwissu 2013, jiġifieri 10 xhur wara l-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), u 16-il xahar qabel l-għoti tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363), tikkonferma l-assenza ta’ rabta diretta bejn il-perijodu li matulu r-rikorrenti pprovdiet garanzija bankarja u kwalunkwe tardività fit-trattament tal-Kawża T-82/08.

157

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li, bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012, hija ħallset spejjeż ta’ garanzija bankarja li jammontaw għal EUR 936000. Insostenn tat-talba tagħha, hija tipproduċi dokument bankarju li fih id-dettalji tal-kummissjonijiet trimestrali mħallsa lil bank matul il-proċedura fil-Kawża T‑82/08.

158

Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija fformulata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ppreċiżat li 82 % tal-ispejjeż tal-garanziji bankarji msemmija fir-rikors kienu ġew iffatturati lilha u 18 % tal-imsemmija spejjeż kienu ġew iffatturati lill-Guardian Industries.

159

Minn dan isegwi li r-rikorrenti turi biss li hija sofriet dannu reali u ċert minħabba l-ħlas ta’ 82 % tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsa matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-qbiż tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08. Barra minn hekk, u kif jirriżulta mill-punt 106 hawn fuq, ir-rikorrenti ma turix li hija kienet awtorizzata sabiex tirrappreżenta lil Guardian Industries fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

160

Fit-tieni lok, teżisti rabta ta’ kawża u effett bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 u l-okkorrenza tad-dannu li r-rikorrenti sofriet minħabba l-ħlas, minnha, ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-qbiż ta’ dan it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, fil-mument fejn ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T-82/08, fit-12 ta’ Frar 2008 u fil-mument fejn din tal-aħħar għamlet garanzija bankarja fi Frar 2008, b’effett mill-4 ta’ Marzu 2008, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li r-rikors tagħha jiġi ttrattat f’terminu raġonevoli. It-tieni nett, il-qbiż tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 ġrat wara l-għażla inizjali tar-rikorrenti li tagħmel garanzija bankarja. Għalhekk, ir-rabta bejn il-qbiż ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza u l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi għal dan il-qbiż ma setax ġie interrott mill-għażla inizjali tar-rikorrenti li ma tħallasx immedjatament parti mill-multa imposta fuqha bid-Deċiżjoni C(2007) 5791 u li tagħmel garanzija bankarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea, T‑577/14, EU:T:2017:1, punti 115 sa 121).

161

Minn dan isegwi li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 u d-danni subiti mir-rikorrenti minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja addizzjonali matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-qbiż ta’ dan it-terminu raġonevoli.

iii) Fuq l-evalwazzjoni tad-danni subiti

162

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li t-tul tal-proċedura qabeż b’26 xahar it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 (ara l-punti 134 sa 139 hawn fuq).

163

It-tieni nett, mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li, matul is-26 xahar li ppreċedew l-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), din tal-aħħar personalment ħallset l-ispejjeż trimestrali tal-garanzija bankarja segwenti:

Trimestri

Spejjeż ta’ garanzija mħallsa (EUR)

Perijodu kumpensabbli

(f’xhur)

Danni kumpensabbli (EUR)

3/2010

72,523.66.

2.

48,349.11.

4/2010

72,523.66.

3.

72,523.66.

1/2011

48,874.64/23,137.15

3.

72,011.79.

2/2011

75,195.73.

3.

75,195.73.

3/2011

76,022.06.

3.

76,022.06.

4/2011

76,022.06.

3.

76,022.06.

1/2012

52,884.91/23,337.53

3.

76,222.44.

2/2012

78,656.11.

3.

78,656.11.

3/2012

79,520.47.

3.

79,520.47.

 

 

 

 

 

 

Total

654,523.43.

164

Minn dan isegwi li, matul is-26 xahar li ppreċedew l-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa mir-rikorrenti telgħu għal EUR 654523.43.

165

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jingħata kumpens fl-ammont ta’ EUR 654523.43 lir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni materjali li hija sostniet minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08 u li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja addizzjonali.

3) Fuq l-interessi

166

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li żżid mal-ammont tal-kumpens li jista’ jingħatalha, l-interessi mit-12 ta’ Frar 2010, skont ir-rata medja applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fiż-żmien rilevanti, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

167

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C-37/90, EU:C:2000:38, punt 55).

168

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interessi kumpensatorji, il-kumpens dovut lir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni materjali tagħha jista’ jiżdied b’tali interessi għall-perijodu bejn is-27 ta’ Lulju 2010, jiġifieri 26 xahar qabel l-għoti tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), u d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova sabiex turi li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja li hija ħallset bejn is-27 ta’ Lulju 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012 setgħu jipproduċu interessi bir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, għandu jiġi kkunsidrat li l-erożjoni monetajra marbuta mal-mogħdija taż-żmien hija riflessa fir-rata tal-inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istat Membru fejn ir-rikorrenti hija stabbilita, fil-limitu tat-talba fformulata minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs Unjoni Ewropea, T‑577/14, EU:T:2017:1, punti 168 sa 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interessi moratorji, il-kumpens imsemmi fil-punt 165 hawn fuq, inklużi l-interessi kumpensatorji li jiżdiedu ma’ dawn tal-aħħar, għandu jiżdied b’interessi moratorji, li jibdew jiddekorru mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-pagament sħiħ. Barra minn hekk, ir-rata tal-interessi moratorji tkun dik stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, kif qed titlob ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs Unjoni Ewropea, T‑577/14, EU:T:2017:1, punti 178 sa 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

4) Konklużjoni fuq l-ammont ta ’ kumpens u fuq l-interessi

170

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi milqugħ parzjalment sa fejn jitlob il-kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑82/08.

171

Il-kumpens dovut lir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni subiti minnha minħabba l-ħlas tal-ispejjeż addizzjonali tal-garanzija bankarja jammonta għal EUR 654523.43, miżjuda bl-interessi kumpensatorji, mis-27 ta’ Lulju 2010, sal-għoti ta’ din is-sentenza, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata mill-Eurostat fl-Istat Membru li fih hija stabbilita din il-kumpannija.

172

L-ammont tal-kumpens imsemmi fil-punt 171 hawn fuq, inklużi l-interessi kumpensatorji li jiżdiedu ma’ dan tal-aħħar, għandu jiżdied b’interessi moratorji fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 169 hawn fuq.

173

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

IV. Fuq l-ispejjeż

174

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

175

F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet it-talbiet tagħha għal kumpens indirizzati kontra l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

176

Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

177

F’dan il-każ, ir-rikorrenti kisbet sodisfazzjon parzjali fir-rigward tal-kapijiet tat-talbiet tagħha indirizzati kontra l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, hija tilfet, fil-parti l-kbira, it-talba tagħha għal kumpens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 654523.43 lil Guardian Europe Sàrl bħal danni materjali subiti minn din il-kumpannija minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494). Dan il-kumpens għandu jiġi evalwat mill-ġdid b’interessi kumpensatorji, dekorribbli mis-27 ta’ Lulju 2010 sal-għoti ta’ din is-sentenza, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali stabbilita, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istati Membru li fih hija stabbilita din il-kumpannija.

 

2)

Il-kumpens imsemmi fil-punt 1) għandu jiżdied bl-interessi moratorji, mill-għoti tas-sentenza odjerna sal-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Guardian Europe għandha tbati l-ispejjeż tal-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

 

5)

Guardian Europe, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Papasavvas

Labucka

Bieliūnas

Kreuschitz

Forrester

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 2017.

Werrej

( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq