EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011TJ0233

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2015.
Ir-Repubblika Ellenika u Ellinikos Chrysos AE Metalleion kai Viomichanias Chrysou vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Settur tal-minjieri – Sussidju mogħti mill-awtoritajiet Griegi favur l-impriża tat-tħaffir Ellinikos Chrysos – Kuntratt ta’ trasferiment ta’ minjiera bi prezz inferjuri għall-valur tas-suq u eżenzjoni mit-taxxi fuq l-operazzjoni tagħha – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri ta’ għajnuna bħala illegali u li tordna l-irkupru tas-somom korrispondenti – Kunċett ta’ vantaġġ – Kriterju tal-investitur privat.
Kawża T-233/11 u T-262/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2015:948

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Diċembru 2015 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Settur tal-minjieri — Sussidju mogħti mill-awtoritajiet Griegi favur l-impriża tat-tħaffir Ellinikos Chrysos — Kuntratt ta’ trasferiment ta’ minjiera bi prezz inferjuri għall-valur tas-suq u eżenzjoni mit-taxxi fuq l-operazzjoni taghħa — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri ta’ għajnuna bħala illegali u li tordna l-irkupru tas-somom korrispondenti — Kunċett ta’ vantaġġ — Kriterju tal-investitur privat”

Fil-Kawżi T‑233/11 u T‑262/11,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos, V. Asimakopoulos, G. Kanellopoulos u A. Iosifidou, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża T‑233/11,

Ellinikos Chrysos AE Metalleion kai Viomichanias Chrysou, stabbilita fi Kifissia (il-Greċja), inizjalment irrappreżentata minn K. Adamantopoulos, E. Petritsi, E. Trova u P. Skouris, sussegwentement minn K. Adamantopoulos, E. Trova, P. Skouris u E. Roussou, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑262/11,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/452/UE, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar Għajnuna mill-Istat C 48/08 (ex NN 61/08) mogħtija mill-Greċja lil Ellinikos Xrysos SA (ĠU L 193, p. 27),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Il-kuntest fattwali

1

Il-minjieri ta’ Cassandra (il-Greċja) jinsabu fid-distrett reġjonali ta’ Chalkidiki (il-Greċja), li jagħmel parti mir-reġjun ta’ Maċedonja Ċentrali (l-Greċja), it-Tramuntanta tal-peniżola Griega, u jinkludi s-sit għat-tħaffir ta’ Olympias (il-Greċja), jiġifieri minjiera taċ-ċomb, taż-żingu u tad-deheb, is-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni (il-Greċja), jiġifieri minjieri taċ-ċomb u taż-żingu, u s-sit għat-tħaffir ta’ Skouries (il-Greċja), jiġifieri depożitu ta’ ram u ta’ deheb.

2

Wara l-annullament mis-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat Grieg) fis-6 ta’ Diċembru 2002 (sentenza Nru 3615/2002) tal-permessi li awtorizzaw il-proġett ta’ espansjoni eżistenti għas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni, minħabba difetti proċedurali, u b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ deċiżjoni ministerjali konġunta tal-ħames ministri kompetenti (ministri tal-iżvilupp, tal-ambjent, tal-agrikoltura, tal-kultura u tas-saħħa), ma kienx hemm iktar attività f’dan is-sit għat-tħaffir. Sabiex din is-sentenza tiġi implementata, il-ministru tal-iżvilupp waqqaf żewġ deċiżjonijiet: l-ewwel waħda kienet tipprojbixxi kwalunkwe estrazzjoni minerali fi Stratoni, u t-tieni waħda kienet tordna l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà supplimentari.

3

Fit-18 ta’ Frar 2003, il-ministru tal-iżvilupp ħareġ permess għat-tħaffir ġdid għall-isfruttament tas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni u annulla l-atti preċedenti tiegħu tas-7 u tad-29 ta’ Jannar 2003. Madankollu, l-attivitajiet baqgħu sospiżi fil-minjieri kollha ta’ Cassandra matul is-sena 2003 kollha.

4

Sa mis-sena 1927, il-minjieri ta’ Cassandra kienu miżmuma minn kumpannija Griega sal-bejgħ tagħhom permezz ta’ sejħa għal offerti lil TVX Hellas AE, kumpannija kkontrollata minn TVX Gold Inc., kumpannija Kanadiża li f’Ġunju 2002 ġiet amalgamata ma’ grupp Kanadiż li l-kumpannija parent tiegħu hija Kinross Gold Corp. (iktar ’il quddiem il-“grupp Kinross”).

5

Fid-dawl tal-investimenti diġà mwettqa kif ukoll tal-ispejjeż sabiex l-ambjent jerġa’ jiġi kif kien oriġinarjament, kif meħtieġa mid-deċiżjonijiet amministrattivi u legali msemmija fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq, TVX Hellas għamlet telf sinjifikattiv. Konsegwentement, il-grupp Kinross iddeċieda li jinterrompi l-attivitajiet tas-sussidjarja tiegħu fil-minjieri ta’ Cassandra minn Jannar 2003 u li jabbanduna s-suq Grieg.

6

Sabiex itemm definittivament l-attivitajiet tiegħu fil-Greċja, il-grupp Kinross beda negozjati mal-Istat Grieg li fit-12 ta’ Diċembru 2003 wasslu għal ftehim bonarju, irratifikat bl-Artikolu 51 tal-Liġi Ellenika Nru 322/2004 (iktar ’il quddiem il-“ftehim bonarju”).

7

Permezz tal-ftehim bonarju, ir-Repubblika Ellenika akkwistat il-proprjetà tal-attiv ta’ TVX Hellas, kif deskritt fil-parti II ta’ dan il-ftehim, u ħallset lil din tal-aħħar kumpens pekunjarju ta’ EUR 11 miljun.

8

Fl-istess jum, ir-Repubblika Ellenika ffirmat kuntratt ta’ bejgħ ta’ dan l-attiv ma’ Ellinikos Chrysos AE Metalleion kai Viomichanias Chrysou (iktar ’il quddiem “Ellinikos Chrysos”), kumpannija maħluqa sabiex tieħu lura dan l-attiv u li l-investitur prinċipali tagħha kien European Goldfields Ltd, kumpannija Kanadiża speċjalizzata fis-settur tax-xiri, tat-tiftix u tal-iżvilupp tas-siti għat-tħaffir fil-Balkani. Dan il-kuntratt ġie rrattifikat bl-Artikolu 52 tal-liġi Ellenika Nru 3220/2004 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

2. Dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti

9

L-Artikolu 51 tal-Liġi Ellenika Nru 3220/2004 jirratifika l-ftehim bonarju u jippreċiża li l-partijiet għal dan il-ftehim aċċettaw dan il-ftehim sabiex jevitaw snin ta’ proċeduri u ta’ kontenzjuż ta’ arbitraġġ u ġudizzjarju li jqumu ħafna mil-lat finanzjarju, b’riżultat inċert. Dan il-ftehim jikkostitwixxi sodisfazzjon reċiproku, totali u sħiħ tar-rekwiżiti kemm tal-Istat Grieg kif ukoll ta’ TVX Hellas u TVX Gold li jikkonċernaw kull dritt jew dejn ta’ parti kontra l-oħra.

10

Skont dan il-ftehim bonarju, l-Istat Grieg jakkwista l-attiv kollu ta’ TVX Hellas u jieħu l-impenn, minn naħa, sabiex iħallas lil din tal-aħħar, bħala kumpens pekunjarju raġonevoli, is-somma ta’ EUR 11-il miljun u, min-naħa l-oħra, li jneħħi l-konsegwenzi, rispettivament, għal din il-kumpannija u għall-membri tal-kunsilli ta’ amministrazzjoni tagħha, ta’ kwalunkwe responsabbiltà amministrattiva jew kriminali jew kull obbligu għal eventwali nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent b’mod ġenerali, li huma kkunsidrati preskritti. Minbarra dan, skont it-termini ta’ dan il-ftehim, it-trasferiment ta’ dan l-attiv iseħħ bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-liġi li tirratifika dan il-ftehim, mingħajr ma hija meħtieġa entrata fir-reġistru jew reġistrazzjonijiet oħra, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti.

11

L-Artikolu 52 tal-Liġi Ellenika Nru 3220/2004 tirratifika l-kuntratt inkwistjoni, li permezz tiegħu l-Istat Grieg ittrasferixxa lill-kumpannija Ellinikos Chrysos l-attiv kollu li kien ġie ttrasferit lilu minn TVX Hellas skont il-ftehim bonarju.

12

Skont l-Artikolu 1 tal-kuntratt inkwistjoni, l-Istat Grieg ibigħ, jittrasferixxi u jikkunsinna lil Ellinikos Chrysos l-attiv kollu ta’ TVX Hellas, ‘tale quale’, li huwa kien akkwista skont il-ftehim bonarju. Sussegwentement dan l-artikolu jelenka l-elementi kollha tal-assi u jipprovdi, b’mod partikolari, li “huma ttrasferiti wkoll mill-Istat Grieg lix-xerrej u li huma validi, f’ismu propju, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti kollha, amministrattivi u oħrajn, u approvazzjonijiet, li ma ġewx annullati jew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, hekk kif jidhru fl-Anness IV ta’ dan il-kuntratt”.

13

L-Artikolu 1.3 tal-kuntratt inkwistjoni jippreċiża li Ellinikos Chrysos “ma tieħu ebda responsabbiltà għal ħsara lill-ambjent jew ħsara lil terzi li seħħet qabel il-pubblikazzjoni li tirratifika dan il-kuntratt jew il-kawżi li ħolqu dan id-dannu li jkunu seħħew qabel din il-pubblikazzjoni”.

14

Skont l-Artikolu 2 tal-kuntratt inkwistjoni, “[i]l-prezz tal-attiv kollu li appartjena lil TVX Hellas, li jinbiegħ permezz ta’ dan il-ftehim, huwa ta’ EUR 11 miljun” u “[d]an il-prezz għandu jitħallas – fil-ħamest ijiem xogħol mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-liġi ta’ ratifikazzjoni – direttament lil TVX Hellas, billi jitħallas il-kreditu li din tal-aħħar għandha kontra l-Istat Grieg skont il-ftehim bonarju”.

15

Minbarra l-impenji meħuda skont l-Artikolu 1.3 tal-kuntratt inkwistjoni, l-Artikolu 3 ta’ dan il-kuntratt, intitolat “Obbligi tax-xerrej u tal-Istat Grieg”, jiddeskrivi l-impenji reċiproċi tal-partijiet. Skont l-Artikolu 3.1 ta’ dan il-kuntratt, ix-xerrej b’mod partikolari jimpenja ruħu:

“a)

li jwettaq l-azzjonijiet u proċeduri ta’ protezzjoni kollha tal-ambjent u tal-manutenzjoni [...] sal-iskadenza tat-terminu – imsemmi fl-Artikolu 3.3 – mogħti għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet u approvazzjonijiet neċessarji;

b)

jibda, f’kull minjiera jew parti minn minjiera li l-awtorizzazzjonijiet tagħhom ta’ sfruttament u approvazzjonijiet relatati ma ġewx annullati jew sospiżi minn deċiżjoni ġudizzjarja, l-atti preparatorji kollha li jagħmlu possibbli f’terminu raġonevoli li ma jaqbiżx tliet xhur il-bidu ta’ produzzjoni tagħhom. Fil-kuntest ta’ dan il-bidu mill-ġdid tal-funzjonament tal-minjieri ta’ Cassandra, l-akkwirent jimpjega l-persunal neċessarju għal dak iż-żmien partikolari, fejn fosthom huma inklużi l-ex ħaddiema tal-minjieri ta’ Cassandra [...]”

16

Skont l-Artikolu 3.2 tal-kuntratt inkwistjoni, l-akkwirent jimpenja ruħu li “jifformula, f’terminu ta’ mhux iktar tard minn 24 xahar mill-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifika dan il-kuntratt, proġett ta’ investiment komplet dwar l-iżvilupp tal-minjieri ta’ Cassandra kif ukoll dwar il-kostruzzjoni u dwar il-funzjonament tal-fabbrika ta’ metallurġija tad-deheb, flimkien mal-istudji kollha previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti li huma neċessarji sabiex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet u approvazzjonijiet relatati kollha”.

17

Skont l-Artikolu 3.3 tal-kuntratt inkwistjoni, l-Istat Grieg jimpenja ruħu “[l]i jeżamina l-proġett ta’ investiment, imressaq, skont il-formulazzjoni tal-paragrafu preċedenti, f’terminu ta’ xahrejn, u sabiex joħroġ l-awtorizzazzjonijiet neċessarji u approvazzjonijiet kollha f’terminu massimu ta’ għaxar xhur”.

18

L-Artikolu 3.4 tal-kuntratt inkwistjoni jistabbilixxi li “[i]l-proġett ta’ investiment, hekk kif approvat mill-awtoritajiet kompetenti, huwa kkunsidrat bħala anness għal dan il-kuntratt u parti integrali minnu u ser jorbot lill-partijiet skont l-approvazzjoni”.

19

Skont l-Artikolu 3.5 tal-kuntratt inkwistjoni, l-akkwirent timpenja ruħha sabiex “twettaq il-proġett ta’ investiment approvat billi tibda l-attività ta’ produzzjoni mhux iktar tard mit-termini li ser jiġu stabbiliti mill-awtorizzazzjonijiet amministrattivi u approvazzjonijiet li hija ser tirċievi”.

20

L-Artikolu 4 tal-kuntratt inkwistjoni, intitolat “Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tal-partijiet”, jipprevedi li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minn kwalunkwe mill-partijiet kontraenti, tal-obbligi li daħlu għalihom permezz tal-kuntratt jikkostitwixxi motiv ta’ denunzja ta’ dan il-kuntratt. F’każ ta’ denunzja, l-akkwirent għandu jirritorna l-attiv kollu lill-Istat Grieg u dan għandu jirrimborsa direttament lill-akkwirent il-prezz imħallas, għal EUR 11 miljun u kumpens raġonevoli. Il-modifika unilaterali min-naħa tal-Istat Grieg tat-termini ta’ dan il-kuntratt u tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet u ta’ approvazzjonijiet tal-proġett ta’ investiment, permezz tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari kif ukoll bl-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi oħra, ta’ kwalunkwe natura, hija waħda mill-motivi ta’ denunzja tal-kuntratt inkwistjoni.

21

Skont l-Artikolu 5 tal-kuntratt inkwistjoni, “kull obbligu finanzjarju marbut mal-funzjonament tal-minjieri ta’ Cassandra ma jaqax fuq l-akkwirent, fil-każ fejn dan jinħoloq qabel il-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifika dan il-kuntratt” u [i]t-trasferiment lill-akkwirent tal-attiv kollu li appartjena lil TVX Hellas, li ma kinex inxtara mill-Istat Grieg, huwa eżentat minn kull taxxa ta’ trasferiment”.

22

L-Artikolu 53 tal-Liġi Ellenika Nru 3220/2004 tirratifka kuntratt ieħor konkluż fit-22 ta’ Diċembru 2003 bejn TVX Hellas, TVX Gold, Ellinikos Chrysos u l-Istat Grieg u jirrigwarda l-modalitajiet ta’ ħlas tal-prezz tat-tranżazzjoni, kif stabbiliti bl-Artikolu 2 tal-kuntratt inkwistjoni. L-Artikolu 4 ta’ dan l-aħħar kuntratt jipprovdi li, jekk ir-ratifikazzjoni permezz tal-liġi ma tistax issir sal-31 ta’ Jannar 2004, l-Istat Grieg jimpenja ruħu li jirrimborsa lil Ellinikos Chrysos il-ħlas bil-quddiem li Ellinikos Chrysos għandu jħallas lil TVX Hellas skont l-Artikolu 1 ta’ dan l-istess kuntratt.

23

Skont l-Artikolu 56 tal-Liġi Ellenika Nru 3220/2004, il-kuntratt inkwistjoni kellu jidħol fis-seħħ il-ġurnata wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika ta’ din il-liġi. Din tal-aħħar ġiet ippubblikata fit-28 ta’ Jannar 2004. Fit-30 ta’ Jannar 2004, Ellinikos Chrysos ħallset EUR 11 miljun u ġiet rilaxxata minn kull obbligu ta’ ħlas.

3. Il-proċedura amministrattiva

24

Fid-9 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Eworpej irċeviet ilment li r-Repubblika Ellenika kienet tat, permezz tal-kuntratt inkwistjoni, żewġ miżuri ta’ għajnuna favur Ellinikos Chrysos. L-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan l-ilment permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Novembru 2007. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni supplimentari, permezz ta’ ittri tas-7 ta’ April u tal-25 ta’ Ġunju 2008 li l-awtoritajiet Griegi wieġbu għalihom rispettivament permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Mejju u tat-30 ta’ Lulju 2008.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali li kienet tikkonċerna l-miżuri inkwistjoni, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom [Deċiżjoni C (2008) 7852 finali (ĠU 2009, C 56, p. 45, iktar ’li quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”)].

26

Ellinikos Chrysos ippreżentat l-osservazzonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ fl-10 ta’ April 2009. Bħala tweġiba għal talba għal informazzjoni komplementari, Ellinikos Chrysos ippreżentat osservazzjonijiet komplementari fid-29 ta’ Lulju 2009. Minbarra dan, saru żewġ laqgħat bejn il-Kummissjoni u Ellinikos Chrysos fis-26 ta’ Ġunju 2009 u fl-24 ta’ Ġunju 2010.

27

Tliet partijiet interessati oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, jiġifieri European Goldfields, l-organizzazzjonijiet sindakali tal-minjieri ta’ Cassandra u ċ-ċentru ta’ monitoraġġ Grieg dwar l-operat tat-tħaffir. Fl-aħħar nett, fl-4 ta’ Jannar 2011, Ellinikos Chrysos indirizzat lill-Kummissjoni dokument informali li jesponi t-tħassib tagħha dwar l-evalwazzjoni u l-ftehim tal-kuntest fattwali u tal-metodu ta’ evalwazzjoni stabbiliti minnha.

4. Id-deċiżjoni kkontestata

28

Fit-23 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/452/UE dwar Għajnuna mill-Istat C 48/08 (ex NN 61/08) mogħtija mill-Greċja lil Ellinikos Chrysos (ĠU L 193, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiddikjara din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern (Artikolu 1) u tordna lir-Repubblika Ellenika li tirkupraha (Artikoli 2 u 3).

29

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna tal-Istat li tammonta għal 15.34 miljun EUR mogħtija b’mod illegali [mir-Repubblika Ellenika] lill-Ellinikos Chrysos bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE] [...] mhijiex konformi mas-suq intern.

Article 2

1.

[Ir-Repubblika Ellenika] għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.

Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom iħallu imgħax mid-data li fiha kienu saru disponibbli lill-benefiċjarju sad-data li fiha jiġu effettivament irkuprati.

[…]

Article 3

1.

L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.

[Ir-Repubblika Ellenika] għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur min-notifika tagħha.”

30

Din id-deċiżjoni tidentifika ż-żewġ miżuri ta’ għajnuna kif ġej (premessi 15 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata):

“ ΙΙ.c. Miżura 1: Prezzijiet tal-bejgħ taħt il-valur tas-suq

(15)

[…] l-Istat Grieg biegħ il-minjieri Cassandra lill-[Ellinikos Chrysos] għal 11-il miljun EUR, mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-assi jew offerta fil-miftuħ. Il-bejgħ kien jinkludi:

a)

il-minjieri ta’ Stratoni, Skouries u Olympias, flimkien mad-drittijiet tat-tħaffir rilevanti;

b)

art;

c)

riżervi minerali; u

d)

assi fissi (tagħmir għat-tħaffir u l-ipproċessar, djar għall-ħaddiema u bini industrijali).

Skont l-awtoritajiet Griegi, l-għan tal-miżura kien li jinsab proprjetarju lest li jopera l-minjieri u b’hekk iħares l-impjieg u l-ambjent.

[...]

ΙΙ.d. Miżura 2: Eżenzjoni mit-taxxa u tnaqqis tat-tariffi legali.

[…]

(18)

F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni waslet għal figura totali ta’ għajnuna ta’ 15.34 miljun EUR [...]”

31

Fir-rigward tal-ewwel miżura ta’ għajnuna u, b’mod partikolari, tal-kalkolu tal-valur tal-minjieri ta’ Cassandra, il-Kummissjoni eżaminat kull wieħed mis-siti għat-tħaffir differenti li jikkostitwixxuhom (Stratoni, Olympias u Skouries) skont il-valur ta kull minjiera, ibbażat fuq il-fatturi ekonomiċi eżistenti fil-mument tal-bejgħ, u tal-kapaċità ta’ funzjonament ta’ kull minjiera. Sabiex tevalwa dan il-valur, hija rreferiet għal perizja li saret minn kumpannija ta’ konsulenti internazzjonali speċjalizzata fis-settur tal-minjieri, f’isem European Goldfields, fil-kuntest tal-pjan tagħha ta’ żieda fil-kapital f’din il-kumpannija, li tikkunsidra bħala data effettiva għall-evalwazzjoni t-30 ta’ Ġunju 2004 f’nofsillejl (iktar ’il quddiem il-“perizja”). Din il-perizja, fuq il-bażi tal-approċċ tad-dħul, ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala applikabbli għall-evalwazzjoni inkwistjoni, kienet tagħti l-valuri netti li ġejjin għat-tliet minjieri: rispettivament il-valuri negattivi ta’ USD –28.79 miljun jew EUR -23.7 miljun għas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias u l-valuri pożittivi ta’ USD 10.48 miljun jew ta’ EUR 8.6 miljun għas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni u ta’ USD 15.72 miljun jew ta’ EUR 12.9 miljun għas-sit għat-tħaffir ta’ Skouries, fejn l-addizzjoni ta’ dawn it-tliet valuri tagħti l-ammont negattiv ta’ EUR -2.59 miljun (premessi 68 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

32

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-valur tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, il-Kummissjoni, fil-premessi 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu qieset dan li ġej:

“(75)

[…] l-valur nett preżenti (fuq livell li jqarreb lejn il-produzzjoni) tal-Olympias fiż-żmien tal-bejgħ kien tabilħaqq negattiv. Madankollu, [...] l-valur negattiv nett preżenti tal-Olympias ifisser li, fiż-żmien tal-bejgħ, il-profitti li kienu mistennija li jirriżultaw mill-operat tal-minjiera fil-livell tal-prezzijiet osservati tul dawn l-aħħar 11-il sena kellhom ikunu negattivi. Meta wieħed jikkunsidra l-prezz tad-deheb, kwalunkwe proprjetarju tal-Olympias kien jagħżel li ma joperax il-minjiera u kemm jista’ jkun possibbli kien ifittex li jevita t-telf. Kif muri, jekk ma joperax il-minjiera, ix-xerrej seta’ jillimita t-telf għal 5,5 miljun EUR, li jirrappreżentaw spejjeż li x-xerrej kellu jagħmel skont il-kuntratt għal raġunijiet ta’ ħarsien ambjentali u għal finijiet ta’ manutenzjoni. Madankollu, wieħed ma jistax jikkonkludi minn dan biss li l-valur tal-Olympias għandu jiġi kkalkulat fi –5,5 miljun EUR, peress li, fil-prinċipju, is-sjieda ta’ minjiera tagħti wkoll valur ta’ opzjoni: il-proprjetarju jista’ jopera l-minjiera meta ż-żminijiet ikunu opportuni (il-prezzijiet tad-deheb ikunu għolja biżżejjed) u jagħżel li ma joperax meta ż-żminijiet ma jkunux opportuni (il-prezzijiet tad-deheb ma jkunux għolja biżżejjed). Fid-dawl ta’ dan, l-[Ellinikos Chrysos] setgħet għażlet li ssir il-proprjetarja tal-minjiera bħala parti mill-pakkett tal-minjieri Cassandra jew bl-għan li iżjed tard tkun tista’ tagħmel l-investimenti meħtieġa fil-minjiera tal-Olympias sabiex tibda l-isfruttament mill-ġdid bi profitt jekk il-prezzijiet tad-deheb jogħlew sa ma jilħqu livelli (sostanzjalment) ’il fuq mil-livell osservat matul il-perjodu 1993-2003 preċedenti.

(76)

Il-ksib ta’ stima affidabbli ta’ dan il-valur ta’ opzjoni huwa pjuttost kumplikat. Ta’ iżjed importanza huwa li, kwalunkwe valur bħal dan ikollu jiġi aġġustat sabiex tiġi kkunsidrata l-probabbiltà (possibilment għolja) li, anke jekk il-prezzijiet tad-deheb ikunu għolja biżżejjed li jiġġustifikaw operat bi profitt, il-permess għal din il-minjiera jista’ ma jingħatax. [...] [I]l-permessi tat-tħaffir u l-ipproċessar tad-dehab ta’ Olympias kienu ġew annullati għal raġunijiet ambjentali li ġew meqjusa serji. Għalhekk jidher xieraq li jiġi kkunsidrat li l-Olympias għandha valur ta’ opzjoni li jista’ jiġi kkalkulat b’mod konservattiv bħala żero. Fid-dawl ta’ dan, il-valur nett tal-Olympias għandu jiġi kkalkulat bħala –5,5 miljun EUR.”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2011, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T‑233/11.

34

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Mejju 2011, Ellinikos Chrysos ippreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T‑262/11.

35

B’talba mressqa quddiem ir-Reġistru fid-9 ta’ Awwissu 2011, European Goldfields talbet sabiex tintervjeni fil-Kawża T‑233/11 insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ellenika.

36

B’digriet tas-7 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal intervent imsemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, peress li din kienet kawża bejn Stat Membru u istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, u kkundannat lil European Goldfields sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess.

37

B’talba mressqa fir-Reġistru fid-9 ta’ Awwissu 2011, European Goldfields talbet sabiex tintervjeni fil-Kawża T‑262/11 insostenn tat-talbiet ta’ Ellinikos Chrysos.

38

B’digriet tas-27 ta’ Marzu 2012, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal intervent imsemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, billi European Goldfields iġġustifikat biss interess indirett u potenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwima, u kkundannat lil din il-kumpannija sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess.

39

Wara l-modifika tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali, fit-3 ta’ Ottubru 2013, assenja mill-ġdid il-kawżi lil Imħallef Relatur ieħor, assenjat fir-Raba’ Awla, li lilha, konsegwentement, dawn il-kawżi ġew assenjati.

40

Fis-7 ta’ Awwissu 2014, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li huma wieġbu għalihom fit-termini stabbiliti.

41

Fl-istess jum il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet dwar l-eventwali tgħaqqid tal-Kawżi T‑233/11 u T‑262/11 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza li ttemm l-istanza.

42

Fit-2 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha filwaqt li indikat li ma kellhiex oġġezzjonijiet ta’ prinċipju għal dan it-tgħaqqid.

43

B’messaġġi elettroniċi tal-1 u tat-2 ta’ Ottubru 2014, ir-Repubblika Ellenika indikat li topponi t-tgħaqqid tal-Kawżi T‑233/11 u T‑262/11. Hija indikat ukoll li, f’każ ta’ tgħaqqid, ċerti elementi tal-proċess tal-Kawża T‑233/11 għandhom jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali u ressqet talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti siltiet ta’ dan il-proċess fir-rigward tal-intervenjenti u annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet bil-miktub.

44

Fid-29 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tgħaqqadx il-Kawżi T‑233/11 u T‑262/11 għall-finijiet tal-proċedura orali.

45

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

46

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduti tat-28 ta’ Jannar 2015. Waqt dawn is-seduti, il-partijiet ġew mistoqsija dwar l-evenwali tgħaqqid tal-Kawżi T‑233/11 u T‑262/11 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. Fil-Kawża T‑233/11, ir-Repubblika Ellenika tenniet l-oppożizzjoni tagħha għal tali tgħaqqid, filwaqt li l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet. Fil-Kawża T‑262/11, il-partijiet ma opponewx formalment dan it-tgħaqqid.

47

Ir-Repubblika Ellenika u Ellinikos Chrysos (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48

Il‑Kummissjoni titlob li li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑233/11 bħala infondat u tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑262/11 bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

49

Il-kawżi huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

1. Fuq l-ammissibbiltà

50

Fil-Kawża T‑262/11, il-Kummissjoni qajmet dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 sa fejn dan huwa inutilment twil jew fejn il-motivi żviluppati fih huma ppreżentati b’mod konfuż. Minbarra dan, ir-riferiment għall-annessi mingħajr indikazzjoni tal-paġna ma huwiex “selettiv”. Barra minn hekk, dawn l-annessi ma humiex kollha pprovduti fil-lingwa magħżula inkwantu lingwa tal-kawża f’din il-kawża skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u, minħabba dan il-fatt, il-Kummissjoni ma eżaminathomx. Minbarra dan, sa fejn l-Ellinikos Chrysos tallega żnaturament tal-argumenti tagħha mill-Kummissjoni, din tattribwixxih, skont il-każ, minħabba l-livell dgħajjef ta’ ċarezza tar-rikors.

51

Ellinikos Chrysos tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

53

Skont il-ġurisprudenza, din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-istess japplika għat-talbiet kollha, li għandhom jinkludu motivi u argumenti li jippermettu, kemm lill-konvenut kif ukoll lill-qorti, li jevalwaw il-fondatezza tagħhom (sentenza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra, EU:T:1994:79, punt 183). Għalhekk, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. F’dan ir-rigward, għalkemm il-korp tar-rikors jista’ jkun sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet partikolari minn atti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal sottomissjonijiet bil-miktub oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argument fid-dritt li, skont dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, Ġabra, EU:T:2009:144, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il‑Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra, EU:T:2011:562, punt 366 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il‑motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, billi l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2201, punt 40; NVV et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2009:144, punt 61, u Transcatab vs Il‑Kummissjoni , iċċitata iktar ’il fuq,EU:T:2011:562, punt 366).

54

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minkejja li l-motivi huma ppreżentati u strutturati b’mod ftit metikoluż, huwa possibbli li tinftiehem il-portata tal-ilmenti magħmula kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-suġġett tat-tilwima huwa ddefinit b’mod ċar, jiġifieri talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u l-motivi invokati huma bbażati, minn naħa, fuq żball ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u fuq diversi żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq dmir ta’ eżami imparzjali u diliġenti.

55

Minbarra dan, fir-rigward tal-annessi, skont il-ġurisprudenza, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal estratti ta’ atti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal sottomissjonijiet bil-miktub oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argument fid-dritt li għandhom jidhru fir-rikors (ara s-sentenza MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2201, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, Ellinikos Chrysos tirreferi, fit-test tar-rikors, għal annessi twal, fejn huma biss is-siltiet qosra li huma rilevanti sabiex jiġi sostnut argument partikolari, li kkontribwixxa sabiex l-eżami tar-rikors isir iktar kumpless. Madankollu, minkejja li dan huwa ta’ dispjaċir, dan ma jipprekludix, f’dan il-każ, u sa fejn, essenzjalment, dawn is-siltiet ġew enfasizzati fit-test stess tal-annessi, li tinftiehem is-sustanza tal-argumenti li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors li huma preżenti fit-test tas-sottomissjonijiet bil-miktub u li jibbażaw fuq l-annessi unikament sabiex jiġu pprovduti provi supplimentari.

57

Għalhekk, ir-rikors ippermetta lill-Kummissjoni li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li tifhem il-bażi ta’ dan ir-rikors u għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa konformi mar-rekwiżiti proċedurali hekk kif iddefiniti mill-ġurisprudenza invokata fil-punt 53 iktar ’il fuq. Għalhekk hemm lok li r-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli.

2. Fuq il-mertu

Sunt tal-motivi għal annullament

58

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-Repubblika Ellenika u Ellinikos Chrysos iqajmu rispettivament tliet motivi u żewġ motivi. L-ewwel motiv imqajjem minn kull wieħed mir-rikorrenti huwa, essenzjalment, identiku u huwa bbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE, u fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet:

fir-rigward tal-ewwel miżura ta’ għajnuna (il-bejgħ ta’ minjieri f’Cassandra għal prezz inferjuri għall-valur tas-suq tagħhom);

a)

b’mod żbaljat ikkunsidrat bħala ssodisfatta l-kundizzjoni tal-użu ta’ riżorsi statali, filwaqt li l-Istat Grieg kellu rwol ta’ sempliċi intermedjarju fit-tranżazzjoni;

b)

sussidjarjament, bi żball applikat il-kriterju tal-investitur privat;

c)

sussidjarjament, bi żball ikkunsidrat bħala ssodisfatta l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ mill-fatt ta’ żball ta’ kalkolu tal-valur tal-attiv li kien is-suġġett tat-tranżazzjoni;

d)

fil-Kawża T‑233/11, bi żball evalwat, skont ir-Repubblika Ellenika, il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri;

fir-rigward tat-tieni miżura ta’ għajnuna (l-eżenzjoni mill-obbligu li jitħallsu t-taxxi fuq it-tranżazzjoni):

a)

evalwat b’mod żbaljat il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ;

b)

fil-Kawża T‑233/11, bi żball evalwat, skont ir-Repubblika Ellenika, il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

59

Il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti f’dawn il-kawżi jvarjaw. Fil-Kawża T‑233/11, ir-Repubblika Ellenika tallega interpetazzjoni u applikazzjoni żbaljati tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), sa fejn ir-rekwiżit ta’ rkupru tal-għajnuna kien kiser il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (it-tieni motiv). Minbarrra dan, hija tikkritika lill-Kummissjoni b’motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja u bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE fuq diversi punti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ vantaġġ u l‑eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (it-tielet motiv). Fil‑Kawża T‑262/11, Ellinikos Chrysos tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha kif ukoll użu ħażin ta’ poter u l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ eżami imparzjali u diliġenti (ir-raba’ motiv).

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fuq diversi żbalji ta ’ evalwazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw l-eżistenza ta ’ għajnuna (Kawżi T‑233/11 u T‑262/11)

Fuq l-ewwel miżura ta’ għajnuna

– Osservazzjonijiet preliminari

60

Fir-rigward tal-ewwel miżura ta’ għajnuna, jiġifieri l-bejgħ tal-minjieri ta’ Cassandra għal prezz inferjuri għall-prezz tas-suq (iktar ’il quddiem il-“bejgħ inkwistjoni”), ir-rikorrenti jikkontestaw essenzjalment il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ favur Ellinikos Chrysos. F’dan il-kuntest, l-argumenti tar-rikorrenti jistgħu jiġu miġbura mill-ġdid fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, huma jikkontestaw l-użu ta’ riżorsi statali u għalhekk l-imputabbiltà tal-allegata għajnuna lill-Istat Grieg. Permezz tat-tieni parti, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni l-ewwel nett, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi essenzjali fl-istima tagħha tal-valur tas-suq tal-minjieri ta’ Cassandra, it-tieni nett, li applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-investitur privat, it-tielet nett, li bbażat ruħha b’mod żbaljat u b’mod selettiv fuq data ta’ perizja għal dan il-għan u, ir-raba’ nett, li wettqet żball ta’ kalkolu fl-evalwazzjoni tal-valur tas-suq tal-attiv akkwistat minn Ellinikos Chrysos. Permezz tat-tielet parti, ir-Repubblika Ellenika, fil-kuntest tal-Kawża T‑233/11, tikkontesta wkoll l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

61

Hemm lok li l-ewwel nett tiġi eżaminata t-tieni parti, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat, sussegwentement, l-ewwel parti, dwar l-imputabbiltà tal-għoti ta’ dan il-vantaġġ lill-Istat, u, fl-aħħar nett, it-tielet parti, dwar unikament il-Kawża T‑233/11, dwar l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

– Fuq it-tieni parti, dwar żball ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ

62

Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, li tirriżulta minn evalwazzjoni żbaljata ta’ ċerti ċirkustanzi fattwali (l-ewwel ilment) kif ukoll l-applikazzjoni mhux korretta u selettiva tal-perizja (it-tieni lment), żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat (it-tielet ilment) u żball ta’ kalkolu tal-valur tal-beni li huma s-suġġett tat-tranżazzjoni (ir-raba’ lment).

63

Fir-rigward tal-ewwel ilment, fost iċ-ċirkustanzi fattwali allegatament mhux korrettament evalwati mill-Kummissjoni, Ellinikos Chrysos issostni, fl-ewwel lok, li l-kuntratt inkwistjoni ma jwassalx għal trasferiment ta’ beni immobbli jew tal-minjieri ta’ Cassandra inkwantu impriża f’attività, iżda unikament tal-attiv ta’ TVX Hellas, kumpannija fi stat ta’ falliment. It-tieni nett, hija tafferma, minn naħa, li l-prezz ta’ EUR 11 miljun imħallas għat-trasferiment inkwistjoni ma jirriflettix il-valur tal-attiv ittrasferit, iżda biss parti mill-ispejjeż ta’ rtirar ta’ TVX Hellas mill-proġett ta’ investiment fil-minjieri ta’ Cassandra, u, min-naħa l-oħra, li dan l-ammont ma ħariġx minn kumpens veru tad-djun bejn l-Istat Grieg u TVX Hellas, fejn dawn id-djun la kienu ċerti u lanqas likwidi.

64

Ir-Repubblika Ellenika tallega li l-bejgħ inkwistjoni ma kellux jiġi ddikjarat permezz ta’ sejħa għal offerti, kif issostni l-Kummissjoni, peress li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fis-seħħ fl-2003 fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi. Minbarra dan, hija tinvoka l-punt II.2(d) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 143) li l-Kummissjoni kienet obbligata li tosserva.

65

Fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti jikkritikaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ sa fejn ibbażat ruħha fuq il-perizja, li tagħha huma ma jikkontestawx in-natura affidabbli inkwantu tali, iżda unikament l-użu tagħha u l-evalwazzjoni minnha. Fil-fatt, l-ewwel nett, din il-perizja kienet ġiet ifformulata fil-kuntest tal-proġett ta’ żieda tal-ishma ta’ European Goldfields f’Ellinikos Chrysos. It-tieni nett, l-evalwazzjoni kienet saret sussegwentement għad-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni. It-tielet nett, din il-perizja ma kinitx evalwat l-attiv kollu ta’ TVX Hellas fil-mument tal-bejgħ tiegħu f’Diċembru 2003, iżda unikament il-valur potenzjali u strettament attwali, fil-mument tal-evalwazzjoni, tal-minjieri li jappartjenu lil Ellinikos Chrysos, investitur ġdid, kredibbli, li taħdem sabiex tipprepara pjan ta’ investiment fid-deheb. Ir-raba’ nett, il-perizja inkwistjoni kienet ibbażata fuq il-premessa li t-tliet minjieri ta’ Cassandra kienu jinsabu f’sitwazzjoni “qrib tal-produzzjoni”, ipoteżi inizjali fir-realtà mhux applikabbli għall-minjieri ta’ Cassandra, minħabba l-assenza ta’ permessi għal tħaffir.

66

Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni interpretat b’mod selettiv u arbitrarju d-data tal-perizja billi aċċettat, bħala prinċipju, il-metodu ta’ kalkolu ta’ din il-perizja, iżda ma waslitx għall-konsegwenzi b’mod koerenti għas-siti għat-tħaffir ta’ Stratoni u ta’ Olympias. Għal dan il-għan huma jippreżentaw tabelli kkorreġuti li jindikaw il-kalkoli li huma jqisu korretti għal kull metodu ta’ evalwazzjoni propost minn din il-perizja. Ir-riżultat huwa evalwazzjoni negattiva li tinsab bejn EUR -4.20 u EUR -4.80 miljun.

67

Fir-rigward tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li bi żball applikat il-kriterju tal-investitur privat. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tallega li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-aġir tal-Istat Grieg kienx issodisfa l-“kriterju tal-investitur privat avżat”, sa fejn il-kumpens stabbilit fil-kuntest tal-ftehim bonarju ma kienx ivarja mill-prezz li seta’ jirriżulta minn negozjar liberu li jirrigwarda l-bejgħ tal-minjieri ta’ Cassandra lil terz li ma huwiex dak l-Istat, fejn id-djun reċiproċi tal-partijiet għal dan il-ftehim jirriżultaw mill-attività u mill-isfruttament ta’ dawn il-minjieri u li jidhru bħala elementi ta’ attiv jew ta’ passiv fl-assi tal-bejjiegħ ta’ dawn il-minjieri.

68

Ir-rikorrenti jikkritikaw, sussegwentement, l-applikazzjoni tal-“kriterju tal-investitur privat avżat” fil-“forma idealizzata” tiegħu. Huma jikkunsidraw essenzjalment li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-investitur privat reali, jiġifieri l-grupp Kinross/TVX Hellas, li kien jeżisti fil-mument li fih għandha tiġi evalwata l-eżistenza tal-għajnuna. Ir-Repubblika Ellenika żżid li investitur privat, fil-kuntest konkret tal-bejgħ tal-minjieri, kellu l-ħsieb li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb ta’ dawn il-minjieri, fejn waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji hija l-protezzjoni tal-ambjent u tal-impjieg.

69

Fir-rigward tar-raba’ lment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ kalkolu fl-evalwazzjoni tal-minjieri ta’ Cassandra. Huma jikkritikaw, minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni wettqet kalkolu separat għal kull wieħed mis-siti għat-tħaffir inkwistjoni filwaqt li dawn jikkostitwixxu kumpless ta’ minjieri wieħed u uniku li nbiegħ fl-intier tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni għal kull wieħed minn dawn is-siti għat-tħaffir filwaqt li jsostnu ċertu numru ta’ elementi li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni u li, fil-fehma tagħhom, kellhom iwasslu għal evalwazzjoni differenti.

70

Fir-rigward tas-sit għat-tħaffir ta’ Statoni, ir-rikorrenti jqisu li l-evalwazzjoni tiegħu kellu jkun wieħed baxx, peress li dan ma kienx kopert minn permess għal tħaffir validu, billi l-permess mogħti fit-18 ta’ Frar 2003 kien is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati nazzjonali fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni u li dan il-kuntratt ma setax jittrasferixxih lil Ellinikos Chrysos. Għaldaqstant, dan is-sit ġħat-tħaffir ma kellux jiġi kkunsidrat bħala minjiera li kienet tinsab fi stat “qrib tal-produzzjoni” u l-attività f’dan is-sit għat-tħaffir kienet tkompliet biss sentejn wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntatt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni la l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-minjiera fi stat ta’ inattività u lanqas l-ispejjeż ambjentali għall-istess sit għat-tħaffir, filwaqt li hija kienet għamlet dan għas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias.

71

F’dak li jikkonċerna s-sit għat-tħaffir ta’ Skouries, ir-rikorrenti jsostnu li dan jikkostitwixxi biss depożitu li t-tħaffir għalih jeħtieġ spiża ta’ investiment u ta’ awtorizzazzjoni għolja. Il-bejgħ tiegħu jkopri unikament it-trasferiment tad-drittijiet ghat-tħaffir li huma marbuta miegħu u l-eventwalità li jinkiseb permess għat-taffir ma hijiex eżentata minn riskji ta’ annullament, bħas-siti għat-tħaffir oħra. Dan is-sit għat-tħaffir qatt ma kien f’attività u, għaldaqstant, il-valur tiegħu neċessarjament kellu jkun insinjifikattiv fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

72

F’dak li jikkonċerna s-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, ir-rikorrenti jallegaw li dan kellu, fil-mument tat-trasferiment inkwistjoni, valur negattiv (EUR -23.7 miljun skont il-perizja), dovut għall-ispejjeż għolja ta’ trasport u ta’ pproċessar tad-deheb, ta’ mmaniġġar ta’ skart u ta’ protezzjoni tal-ambjent kif ukoll minħabba l-prezz baxx tad-deheb. Minbarra dan, huma jaffermaw li l-valur ta’ din il-mijiera kellu effett ekonomiku importanti fid-determinazzjoni tal-prezz ta’ bejgħ tal-minjieri ta’ Cassandra kollha, li jista’ jaffettwa b’mod negattiv ukoll il-valur tas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni, peress li, sabiex investiment f’dawn il-minjieri jagħmel profitt impriża għandha neċessarjament tkun tista’ tisfrutta l-minjiera tad-deheb tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias. Għalhekk il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tattribwixxi valur negattiv lil dan l-aħħar sit għat-tħaffir billi arbitrarjament ma osservatx l-evalwazzjoni pprovduta għal tali sit għat-tħaffir permezz tal-perizja (premessi 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, skont Ellinikos Chrysos, skont il-kuntratt inkwistjoni, ix-xerrej kellu immedjatament ikun obbligat li jinvesti fl-estrazzjoni tad-deheb jew li jbati l-ispejjeż tagħha.

73

Fir-rigward tal-valur tal-artijiet, ir-rikorrenti jallegaw li l-artijiet li kienu s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala attiv differenti mill-minjieri ta’ Cassandra, skont id-dritt għat-tħaffir Grieg (Artikolu 65 tad-Digriet Leġiżlattiv Elleniku Nru 210/1973), peress li l-użu tagħhom kien marbut fil-qrib mal-attività ta’ tħaffir. Fil-fatt, dawn huma kklassifikati bħala artijiet għat-tħaffir permezz ta’ kuntratt konkluż fl-1995 u kklassifikati bħala “żoni industrijali” mil-Liġi Ellenika Nru 3220/2004, li tirratifika l-kuntratt inkwistjoni. Issa, peress li l-minjieri ma kinux f’attività, dawn l-artijiet ma setgħux jintużaw għall-bżonnijiet tal-impriża tat-tħaffir u għalhekk kellhom valur inferjuri għal dak indikat mill-Kummissjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni kienet arbitrarjament għażlet li tagħmel indiċi fuq il-valur ta’ xiri ta’ dawn l-artijiet għat-tħaffir previst permezz ta’ dan il-kuntratt fuq l-indiċi ġenerali tal-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali, biex b’hekk dawn l-artijiet għat-tħaffir ġew assimilati mal-prodotti ffabbrikati fuq dawn tal-aħħar.

74

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-valur tar-riżervi minerali, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta d-deskrizzjoni tas-suġġett tal-bejgħ inkwistjoni kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tad-depożiti, kif deskritti fil-perizja, filwaqt li, bejn 2003 u 2004, Ellinikos Chrysos kienet ipproċessat parti mill-minerali. Minbarra dan, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-valur tar-riżervi ma setax jiġi kkalkolat. Min-naħa l-oħra dan il-valur huwa negattiv minħabba l-ispejjeż għolja ta’ ħażna u ta’ protezzjoni tal-ambjent, marbuta mal-minerali li fihom id-deheb ikkonċentrati, eżistenti fis-siti għat-tħaffir inkwistjoni.

75

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

76

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

77

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, u fid-dawl tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-provvista ta’ beni jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali tista’ tkkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra, EU:T:2004:266, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-valur ta’ għajnuna fil-forma ta’ bejgħ ta’ art bi prezz allegatament preferenzjali, għandu jiġi vverifikat jekk il-preżunt benefiċjarju tal-għajnuna xtrax l-art bi prezz li ma setax jikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra, EU:C:2010:480, punt 68; tas-16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe,C‑239/09, Ġabra, EU:C:2010:778, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra, EU:T:2002:59, punt 73). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur tal-għajnuna huwa ugwali għad-differenza bejn dak li l-benefiċjarju realment ħallas u dak li huwa kellu jħallas f’dak iż-żmien f’kundizzjonijiet normali tas-suq sabiex jixtri art ekwivalenti mingħand bejjiegħ privat (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2011, Konsum vs Il‑Kummissjoni, T‑244/08, EU:T:2011:732, punt 61). Meta tiddetermina l-prezz tas-suq, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura inċerta li jista’ jkollha d-determinazzjoni, min-naħa tagħha retrospettiva, ta’ tali prezzijiet tas-suq (sentenza Valmont vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, EU:T:2004:266, punt 45). Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll fir-rigward ta’ beni oħra, bħall-impriża tat-tħaffir.

80

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 79 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punt 68).

81

Meta l-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-istħarriġ min-naħa tal-qorti tal-Unjoni huwa neċessarjament ristrett. Din għandha sempliċement tivverifika l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, l-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll l-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, Ġabra, EU:C:2013:32, punti 74 u 75, u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, Ġabra, EU:C:2013:682, punti 77 u 78).

82

Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex titneħħa l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti kkunsidrati fid-deċiżjoni (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra, EU:T:1996:195, punt 59, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra, EU:T:2008:29, punt 221).

83

Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, din il-qorti għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet ibbażati fuqha (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra, EU:C:2005:87, punt 39; ara, ukoll, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing,C‑525/04 P, Ġabra, EU:C:2007:698, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 79 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ma hijiex din il-qorti, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenzi Spanja vs Lenzing, punt 83 iktar ’il fuq, EU:C:2007:698, punt 57; Il‑Kummissjoni vs Scott, point 79 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punt 66, u Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 75).

84

Fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München,C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u Spanja vs Lenzing, punt 83 iktar ’il fuq, EU:C:2007:698, punt 58).

85

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball fil-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

86

F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-bejgħ inkwistjoni seħħ fl-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jew ta’ perizja indipendenti (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

87

Huwa ppreċiżat fil-punt II.4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’għajnuna Statali dwar bejgħ ta’artijiet u bini ta’awtoritajiet pubbliċi li, meta l-Kummissjoni tirċievi xi lment jew osservazzjonijiet oħra minn partijiet terzi, fejn huwa allegat li kien hemm element ta’ għajnuna mill-Istat fi ftehim ta’ bejgħ ta’ artijiet jew ta’ bini mill-awtoritajiet pubbliċi, din għandha tikkunsidra li ma kien hemm ebda għajnuna Statali involuta jekk l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri inkwistjoni turi li l-prinċipji ddefiniti fil-punti II.I u II.2 ta’ din il-komunikazzjoni ġew osservati, jiġifieri jekk il-bejgħ kien seħħ permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jew wara l-istima tal-valur tas-suq minn perit indipendenti.

88

Peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-validità tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi, hemm lok, f’dan il-każ, li tiġi applikata l-ġurisprudenza li, fil-qasam speċifiku ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bir-regolamenti u bil-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn josservaw ir-regoli tat-Trattat u huma aċċettati mill-Istati Membri (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra, EU:C:2008:482, punt 61). Bl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax ma tosservax dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, skont il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 211, u Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2008:482, punt 60).

89

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi, peress li l-bejgħ inkwistjoni ma kienx seħħ la permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti u lanqas wara l-evalwazzjoni minn perit indipendenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikkunsidra li dan il-bejgħ ma kienx jinkludi element ta’ għajnuna.

90

Sabiex tevalwa hija stess il-valur tal-beni mibjugħa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-perizja. Fir-rigward tal-possibbiltà għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq din il-perijza, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni teżamina l-perizji stabbiliti wara l-operazzjoni inkwistjoni, għall-finijiet li tiddetermina jekk il-prezz ta’ bejgħ ta’ beni ma kienx inkiseb mix-xerrej f’kundizzjonijiet normali tas-suq, hija għandha l-obbligu li tipparaguna l-prezz ta’ bejgħ effettivament imħallas mal-prezz indikat minn dawn il-perizji u tiddetermina jekk dan ivarjax sal-punt li għandu jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ. Dan il-metodu jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura inċerta li jista’ jkollha d-determinazzjoni, min-naħa tagħha retrospettiva, ta’ tali prezzijiet tas-suq (ara s-sentenza Valmont vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Minbarra dan, għalkemm il-Kummissjoni tista’, mingħajr barra minn hekk tkun obbligata, tagħmel użu mill-għajnuna ta’ periti esterni, hija ma hijiex, madankollu, eżentata milli tevalwa x-xogħol tagħhom. Fil-fatt, ir-responsabbiltà ċentrali u esklużiva li tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE u l-implementazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, taqa’ fuq il-Kummissjoni u mhux fuq dawn il-periti (ara s-sentenza Valmont vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, EU:T:2004:266, punt 72 u l-ġurisdizzjoni ċċitata).

92

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-affidabbiltà u l-oġġettività tal-perizja ma humiex ikkontestati la mir-Repubblika Ellenika u lanqas minn Ellinikos Chrysos, li barra minn hekk kienet ġiet stabbilita f’isimha. Madankollu, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq din il-perizja, peress li ġiet stabbilita sitt xhur wara l-bejgħ inkwistjoni u fejn il-premessa ta’ analiżi tagħha kienet li t-tliet siti għat-tħaffir inkwistjoni kienu jinsabu fi stat “qrib tal-produzzjoni”. Huma jikkontestaw ukoll li dawn is-siti għat-tħaffir kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet tal-metodu ta’ evalwazzjoni rrakkomandat f’din il-perizja fid-data tat-trasferiment tagħhom.

93

F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, id-data ta’ stabbiliment tal-perizja, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq l-għajnuna ta’ periti għall-evalwazzjoni tal-prezz tas-suq ta’ beni, wara d-data ta’ bejgħ ta’ dan il-beni, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni tkun preċedenti jew kontemporanja għal din id-data u li din l-informazzjoni kienet disponibbli f’dik id-data.

94

Issa, dan kien tassew il-każ hawnhekk. Fil-fatt, fost it-tliet approċċi metodoloġiċi ta’ evalwazzjoni proposti mill-perizja, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni unikament l-ewwel wieħed, jiġifieri l-approċċ tad-dħul. F’dan ir-rigward, din il-perizja tagħmel distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ valuri skont prezzijiet meħuda inkunsiderazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, il-medja tal-prezzijiet storiċi bejn 1993 u 2003, it-tieni nett, il-prezzijiet fl-ewwel semester 2004 u, it-tielet nett, il-prezz medju għall-perijodu mill-1993 sa 2003 minbarra l-prezz fl-ewwel semester 2004 maqsum fi tnejn. Fost dawn it-tliet xenarji, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss l-ewwel wieħed, filwaqt li rreferiet għall-prezzijiet medji matul il-perijodu mill-1993 sa 2003 u għalhekk għal prezzijiet preċedenti għall-bejgħ inkwistjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data li tinsab f’din il-perizja meta rreferiet għall-attiv fil-futur jew għar-riżorsi minerali teoretiċi.

95

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanza li l-perizja kellha bħala data effettiva ta’ evalwazzjoni t-30 ta’ Ġunju 2004 f’nofsillejl, data sussegwenti għas-sitt xhur mill-bejgħ inkwistjoni, peress li l-prezzijiet medji meħuda inkunsiderazzjoni kienu, fir-rigward tagħhom, preċedenti għal dan il-bejgħ.

96

It-tieni nett, fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-ipoteżi inizjali tal-perizja, jiġifieri l-istat “qrib tal-produzzjoni” tas-siti għat-tħaffir inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mill-formulazzjoni tal-parti introduttiva tal-perizja li din tikkunsidra bħala li jinsab fi stat “qrib tal-produzzjoni” sit għat-tħaffir operattiv jew li huwa s-suġġett ta’ studju ta’ fattibbiltà. Dan kien il-każ, skont din il-perizja, tat-tliet minjieri ta’ Cassandra, billi s-siti għat-tħaffir ta’ Stratoni u ta’ Olympias kienu operattivi fil-passat u l-attività tagħhom kienet ġiet sospiża minħabba raġunijiet soċjali u ambjentali u mhux ekonomiċi u s-sit għat-tħaffir ta’ Skories kien is-suġġett ta’ studju ta’ fattibbiltà.

97

Il-perizja tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra dan, minn naħa, il-fatt li l-attività fis-siti għat-tħaffir inkwistjoni kienet sospiża u li hija tkompliet biss fl-2006 fir-rigward tas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni u fl-2008 fir-rigward tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-awtoritajiet Griegi kienu taw assigurazzjonijiet affidabbli fir-rigward tal-għoti tal-permessi għat-tħaffir neċessarji għat-tkomplija tal-attivitajiet fit-tliet siti għat-tħaffir inkwistjoni.

98

Din l-aħħar ċirkustanza hija kkonfermata mill-Artikolu 1 tal-kuntratt inkwistjoni, li jipprovdi li, “barra minn hekk, [...] huma ttrasferiti wkoll mill-Istat Grieg lix-xerrej u huma validi, f’ismu, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti kollha, amministrattivi u oħrajn, u approvazzjonijiet, li ma ġewx annullati jew sospiżi b’deċiżjoni ġudizzjarja, hekk kif jidhru fl-Anness IV ta’ dan il-kuntratt”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3.3 tal-istess kuntratt jipprovdi li “l-Istat Grieg jimpenja ruħu li jeżamina l-proġett ta’ investiment imressaq, [...] f’terminu ta’ xahrejn, u li joħroġ l-awtorizzazzjonijiet neċessarji u approvazzjonijiet kollha f’terminu massimu ta’ għaxar xhur”.

99

Jirriżulta minn dan kollu li l-argumenti tar-rikorrenti, intiżi sabiex jikkontestaw il-validità tal-perizja bħala punt ta’ riferiment għall-evalwazzjonijiet tal-minjieri ta’ Cassandra, u mqassra f’sunt fil-punt 65 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda.

100

It-tielet nett, fir-rigward tal-metodu ta’ evalwazzjoni, il-perizja tevalwa l-valur nett tad-dħul mistenni mill-produzzjoni futura tas-siti għat-tħaffir inkwistjoni, filwaqt li jiġi aċċettat li ċertu livell ta’ inċertezza jibqa’ fir-rigward tal-pjanijiet ta’ investiment għal tul ta’ żmien twil. Dan l-approċċ, imsejjaħ “approċċ tad-dħul”, huwa ddefinit bħala l-komponent essenzjali għall-evalwazzjoni tal-proprjetajiet għat-tħaffir minerali li huma “operattivi jew fi proċess ta’ żvilupp jew li għalihom studju ta’ fattibbiltà ġie kkompletat”. Dan l-approċċ, inkluż il-kapaċità ġenerali tiegħu li jintuża għall-evalwazzjoni ta’ dawn is-siti għat-tħaffir fil-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ma huwiex ikkontestat, inkwantu tali, mir-rikorrenti. Dawn jikkontestaw, min-naħa l-oħra, li dawn is-siti għat-tħaffir kienu jissodisfaw tali kundizzjonijiet fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni.

101

Għandu madankollu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni tas-siti għat-tħaffir ta’ Stratoni u ta’ Olympias kienet effettivament tikkorrispondi mad-definizzjoni mogħtija fil-perijza ta’ siti għat-tħaffir “li kienu operattivi fil-passat”. Fil-fatt, hekk kif ir-rikorrenti barra minn hekk jammettu, dawn kienu ġew sfruttati tal-inqas sal-1992, f’dak li jikkonċerna s-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, u sal-2002, għas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni, u s-sit għat-tħaffir ta’ Skories jikkorrispondi ma dak li din il-perizja tiddefinixxi bħala “sit li għalih l-istudju ta’ fattibbiltà ġie kkompletat” (ara l-punt 96 iktar ’il fuq). Din iċ-ċirkustanza, ikkonstatata f’din il-perizja, ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

102

L-ewwel nett, is-sit għat-tħaffir ta’ Statoni kellu permess għat-tħaffir mogħti fit-18 ta’ Frar 2003, li, minkejja li kien is-suġġett ta’ rikors għal annullament, kien għadu validu fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni. Minbarra dan, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3.1 tal-kuntratt inkwistjoni li tal-inqas permess għat-tħaffir wieħed kien diġà jeżisti. Għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jinvokaw valur inferjuri minħabba l-assenza ta’ permessi validi li kienu jikkonċernawhom fil-mument ta’ dan il-bejgħ u tan-nuqqas ta’ trasferiment permezz ta’ dan il-kuntratt tagħhom.

103

Sussegwentement, fir-rigward tal-valur tas-sit għat-tħaffir ta’ Skouries, huwa paċifiku li dan is-sit għat-tħaffir kien jippreżenta biss depożitu li kien għad ma kellux infrastruttura xierqa u lanqas permess għat-tħaffir u li qatt ma ġie sfruttat. Din il-konstatazzjoni għalhekk tikkorrispondi mad-definizzjoni, mogħtija mill-perizja, ta’ “sit li għalih studju ta’ fattibbiltà ġie kkompletat”. Tali studju ġie effettivament stabbilit minn kumpannija fl-1998. Skont din il-perizja, dan is-sit għat-tħaffir jista’ jiġi evalwat skont l-aproċċ tad-dħul, peress li dan jista’ jikseb permess għat-tħaffir u jibda jiġi sfruttat. Minbarra dan, din il-perizja tieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-valur tal-istess sit għat-taħriġ, tal-ispejjeż ta’ żvilupp, ta’ kostruzzjoni u ta’ funzjonament kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi sabiex jinkiseb tali permess. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest fil-premessi 77 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata, meta bbażat ruħha fuq il-valur stmat għas-sit għat-tħaffir inkwistjoni fir-rapport inkwistjoni.

104

Jirriżulta minn dan kollu li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra li l-approċċ tad-dħul kien applikabbli f’dan il-każ għas-siti għat-tħaffir ta’ Stratoni u ta’ Skouries.

105

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li użat b’mod selettiv id-data tal-perizja. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li ma tħarisx lejn ir-riżultati ppreżentati fil-kuntest ta’ perizja, iżda bil-kontra hija għandha tivverifikahom u tevalwa x-xogħlijiet ta’ dawn il-periti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ’il fuq,Valmont vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar EU:T:2004:266, punt 72). Il-kwistjoni hija pjuttost dik dwar jekk il-Kummissjoni, filwaqt li aċċettat il-perizja bħala punt ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-minjieri ta’ Cassandra, setgħetx tibbaża fuq ir-riżultati ta’ din il-perizja f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari dan is-sit għat-tħaffir, kif jirrżulta mill-premessi 74 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata.

106

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-valur nett attwali negattiv tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, hekk kif hija qieset skont l-approċċ tad-dħul fil-perizja. Fil-fatt, minn naħa, dan il-valur kien jippreżupponi l-eżistenza ta’ minjiera f’attività. Issa, fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan is-sit għat-tħaffir ma setax ikun operattiv matul diversi snin, minħabba l-problemi ambjentali serji fil-bażi tal-annullament tal-permessi għat-tħaffir eżistenti u tad-diffikultajiet sabiex jinkisbu oħrajn. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra, fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ipoteżi inizjali ta’ din il-perizja li, f’dan is-sit għat-tħaffir, l-attività hija fil-pożizzjoni li tkompli mill-2008 kif ukoll it-termini ta’ għoti tal-permessi previsti fl-Artikolu 3.3 tal-kuntratt ikkontestat kienu irrealistiċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess enfasizzaw diversi drabi n-natura inċerta tal-għoti tal-permessi f’dak li jikkonċerna l-istess sit għat-tħaffir.

107

Min-naħa l-oħra, huwa b’mod suffiċjentement plawżibbli li l-Kummissjoni qieset li ebda investitur privat ma kien aċċetta li jħallas prezz pożittiv sabiex jixtri beni li għandu valur negattiv. Fil-fatt, l-aġir ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq huwa ggwidat minn perspettivi ta’ profittabbiltà (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra, EU:T:2000:289, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hekk kif issostni b’mod plawżibbli l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-perspettivi ta’ profittabbiltà, tali investitur kien ħa inkunsiderazzjoni l-valur ta’ intenzjoni tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias u ppreveda li jibda l-attività fil-minjiera tiegħu unikament meta l-prezzijiet tad-deheb kienu jagħmluha li tirrendi profitti, sabiex jiġi evitat telf. Madankollu, ir-rikorrenti ma waslux sabiex iċaħdu minn plawżibbiltà l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-għoti tal-permessi neċessarji għall-isfruttament tal-minjiera kien improbabbli. L-istess japplika fir-rigward tal-ipoteżi li, anki jekk il-prezz tad-deheb teoretikament jirrendiha profittabbli, il-possibbiltà li din il-minjiera tibda tiffunzjona kienet totalment inċerta li dan il-valur ma setax jiġi kkalkolat u għalhekk ġie stabbilit għal żero.

108

Huwa wkoll mingħajr ma wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni naqset minn dan il-valur is-somma ta’ EUR 5.5 miljun bħala spejjeż ta’ manutenzjoni tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, kif stabbiliti mill-obbligu kuntrattwali abbażi tal-Artikolu 3 tal-kuntratt inkwistjoni (ara l-punt 75 tad-deċiżjoni kkontestata), li skont dan dawn l-ispejjeż kellhom jiġu sosntuti minn Ellinikos Chrysos għal perijodu massimu ta’ tliet snin. Fil-fatt, peress li n-numru ta’ snin li matulhom dan is-sit għat-tħaffir ma kienx ser jibqa’ f’attività ma kienx prevedibbli minħabba nuqqas ta’ permessi għat-tħaffir neċessarji, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni spejjeż ta’ manutenzjoni supplimentari. Minbarra dan, dan il-kuntratt kien jinkludi fl-Artikolu 4 klawżola ta’ xoljiment, li skont din, f’każ ta’ ksur, minn waħda mill-partijiet, tal-obbligi kuntrattwali li fosthom kien hemm l-għoti min-naħa tal-Istat Grieg tal-permessi għat-tħaffir, dan il-kuntratt seta’ jiġi ddenunzjat mill-parti l-oħra. Konsegwentement, f’każ ta’ nuqqas ta’ għoti ta’ dawn il-permessi, Ellinikos Chrysos setgħet tinħeles mill-obbligu tagħha li tbati l-ispejjeż ta’ manutenzjoni għas-snin wara t-termini previsti mill-Artikolu 3.3 ta’ dan il-kuntratt.

109

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-raġunament espost fil-premessi 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata huwa plawżibbli u koerenti u li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

110

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti differenti mressqa mir-rikorrenti.

111

Dan huwa l-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-bejjiegħ privat realment eżistenti f’dan il-każ, jiġifieri l-grupp Kinross/TVX Hellas, sabiex tevalwa jekk il-prezz tal-attiv ittrasferit fil-kuntest tal-bejgħ inkwistjoni kienx konformi mal-valur tas-suq tiegħu.

112

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-grupp Kinross/TVX Hellas kien l-ex proprjetarju ta’ dan l-attiv, li, peress li kien sostna telf importanti fl-attività tiegħu, kien qed ifittex li jtemm il-proġett ta’ investiment tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-prezz stabbilit għat-trasferiment tal-minjieri ta’ Cassandra lir-Repubblika Ellenika ma kienx manifestament ħareġ minn negozjat li kien jirrigwarda l-valur tal-attiv mibjugħ li jimplika evalwazzjoni oġġettiva tiegħu. Kif indikat espressament fil-formulazzjoni tal-preambolu tal-ftehim bonarju, il-prezz ta’ EUR 11 miljun kien ikklassifikat bħala “kumpens pekunjarju raġonevoli” li kien itemm id-djun reċiproċi kollha bejn dan l-ex proprjetarju u r-Repubblika Ellenika. Dan jimplika loġikament li mhux biss il-valur tal-attiv inkwantu tali kien ittieħed inkunsiderazzjoni, iżda wkoll id-djun li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi oħra. Issa tali elementi huma estrinsiċi għall-valur tal-attiv u jiddependu minn ċirkustanzi fattwali fil-passat li ma humiex neċessarjament rilevanti għal xerrej ġdid fil-futur.

113

Minbarra dan, l-allegazzjoni ta’ Ellinikos Chrysos ibbażata fuq li n-natura mhux kwantifikabbli f’ċifri u dovuta tad-djun fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni hija attestazzjoni tal-fatt li l-ammont ta’ EUR 11 miljun ma kienx ir-riżultat ta’ kumpens veru tad-djun għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, fil-mument meta l-partijiet fil-ftehim bonarju qablu sabiex jirregolaw it-talbiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom, huma qablu li tali ammont seta’ jiġi kkunsidrat bħala “kumpens pekunjarju raġonevoli”, sabiex jiġu evitati proċeduri ta’ arbitraġġ u ġudizzjarji ta’ diversi snin b’riżultat inċert (ara l-punt F tal-preambolu ta’ dan il-ftehim bonarju). Tali djun għalhekk ġew ikkwantifikati f’ċifri u kienu għalhekk dovuti mill-pubblikazzjoni tal-liġi li tikkonferma dan il-ftehim bonarju. Minbarra dan, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punti D u E tal-preambolu ta’ dan il-ftehim, kienu identifikati dawn id-djun, jiġifieri, minn naħa, l-allegazzjonijiet li l-Istat kien ressaq dwar l-assenza ta’ sfruttament tal-minjieri u l-assenza ta’ ċentru ta’ studji ġodda għall-ħolqien u għall-funzjonament tal-istabbiliment ta’ metallurġija tad-deheb kif ukoll dawk dwar in-nuqqasijiet (ikkonstatati jew le) fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet ta’ TVX Hellas, ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ sigurtà dwar il-garanzija u l-għoti tal-awtorizzazzjoniijet u l-approvazzjonijiet neċessarji kollha għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn il-minjieri u b’mod partikolari dawk dwar il-ħsara kkawżata mit-telf tal-kapital ta’ investiment.

114

Għalkemm ma jistax għalhekk bħala prinċipju jiġi eskuż li l-ammont ta’ EUR 11 miljun jirrappreżenta wkoll il-valur tas-suq ġust tal-beni ttrasferiti sussegwentement mir-Repubblika Ellenika lil Ellinikos Chrysos, ma huwiex possibbli li jiġi affermat li dan l-ammont ma kienx marbut mal-kumpens tad-djun eżistenti bejn ir-Repubblika Ellenika u TVX Hellas. Fir-rigward ta’ dak li ntqal, huwa wkoll mingħajr ma wettqet żbalji ta’ fatt li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-ammont kien jirriżulta mill-iskambju ta’ djun reċiproċi bejn iż-żewġ partijiet fil-ftehim bonarju.

115

Għalhekk, fl-assenza ta’ argumenti ddettaljati tar-rikorrenti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-riżultat tal-kumpens tad-djun seta’ jirrifletti l-valur tas-suq reali tal-minjieri, sa fejn id-djun reċiproċi, skambjati bejn il-partjiet, jikkostitwixxu komponenti tal-valur oġġettiv tal-attiv mibjugħ u għalhekk tal-prezz tiegħu, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li qieset, fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-iskambju ta’ djun ma kienx rappreżentattiv tal-valur tal-attiv mibjugħ.

116

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-grupp Kinross/TVX Hellas fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat bħala punt ta’ riferiment sabiex tevalwa l-attiv ittrasferit permezz tal-kuntratt inkwistjoni.

117

L-istess japplika, fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika li investitur privat, fil-kuntest konkret tal-bejgħ tal-minjieri, kien jaħseb biex jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tal-minjieri u, konsegwentement, ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-impjieg għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istima tal-valur tal-imsemmija minjieri. F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi enfasizzat li ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni li l-Istat Grieg xtaq, permezz tat-tranżazzjoni ma’ Ellinikos Chrysos, jikkontrolla t-trasferiment tar-responsabbiltajiet fil-qasam ambjentali u soċjali mill-ex proprjetarju għal dak ġdid jew li huwa kellu jaġixxi malajr sabiex jevita li l-ħsara lill-ambjent jew il-problemi soċjali ma jaggravawx. Bil-kontra, l-Istat Grieg ippreveda klawżola f’dan il-kuntratt li tiskaġuna għalkollox lil Ellinikos Chrysos minn kwalunkwe responsabbiltà għall-ħsara lill-ambjent u lil terzi li tkun seħħet qabel il-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifika l-kuntratt u li l-kawżi li ħolqu din il-ħsara kienu preċedenti għal din il-publikazzjoni. Skaġunar sħiħ huwa previst f’każ ta’ denunzja tal-kuntratt inkwistjoni għar-responsabbiltajiet li rriżultaw wara l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt (ara l-Artikolu 1.3 ta’ dan il-kuntratt).

118

Fit-tielet lok, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Ellenika li, billi intervjeniet fit-tranżazzjoni inkwistjoni, hija kienet naqset it-telf għaliha li kien irriżulta mit-trasferiment komplet tal-funzjonament tal-minjieri ta’ Cassandra. Fil-fatt, il-fatt li l-operazzjoni hija raġonevoli għall-awtoritajiet pubbliċi jew għall-impriża pubblika li jagħtu l-għajnuna ma jeżentax milli jiġi vverifikat jekk il-miżuri inkwistjoni jagħtux lill-impriża benefiċjarja vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jagħmel il-miżura inkwistjoni konformi mal-kriterju tal-investitur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, Ġabra, EU:T:2010:386, punti 213 u 214).

119

Fir-raba’ lok, l-argument ta’ Ellinikos Chrysos, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li jsostni l-eżistenza ta’ żball ta’ fatt li jikkonċerna l-inklużjoni bħala telf fir-rapport annwali tal-grupp Kinross/TVX Hellas tal-investiment fil-minjieri ta’ Cassandra, huwa wkoll irrilevanti.

120

Minn naħa, dan jitfixkel ma’ dak tal-allegat żball fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat sa fejn il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-investitur reali, il-grupp Kinross/TVX Hellas, fl-istima tal-valur tas-suq tal-attiv ittrasferit, kif analizzat fil-punti 110 sa 116 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, kif korrettament enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija mhux dejjem ikun ekwivalenti għal-valur tas-suq meta huwa każ li jiġi stmat attiv sabiex jiġi stabbilit il-prezz tiegħu waqt bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:2010:386, punti 307 sa 309).

121

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ elementi li jistgħu juru l-konnessjoni bejn il-valur ta’ kontabbiltà tal-attiv ittrasferit fil-kuntest tal-bejgħ inkwistjoni u l-valur tas-suq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan il-valur fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata.

122

Fil-ħames lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li jikkonċerna żball ta’ kalkolu tal-valur tal-minjieri ttrasferiti permezz tal-kuntratt inkwistjoni, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li eżaminat il-valur ta’ kull wieħed mis-siti għat-tħaffir inkwistjoni skont żewġ aspetti, jiġifieri, minn naħa, il-valur tal-minjiera, li għandu jkun ibbażat fuq il-fatturi ekonomiċi eżistenti fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità ta’ funzjonament tal-minjiera, li tippermetti li jitwettaq dan il-valur.

123

F’dan ir-rigward, Ellinikos Chrysos tikkontesta li l-Kummissjoni setgħet twettaq kalkolu separat għal kull wieħed mis-siti għat-tħaffir inkwistjoni. Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha, waqt is-seduta, fuq is-sentenza Nru 1492/2013 tas-Symvoulio tis Epikrateias, tas-17 ta’ April 2013, fejn iddikjarat li l-minjieri ta’ Cassandra kienu jikkostitwixxu entità unika u indiviżibbli. Il-Qorti Ġenerali tqis li tali argument ma huwiex fondat, minħabba li ma jinkludix iċ-ċirkustanza li l-valur globali ta’ dawn il-minjieri huwa biss is-somma tal-valur ta’ kull wieħed minnhom u li l-valur negattiv ta’ wieħed minn dawn is-siti għat-tħaffir jaffettwa l-valur pożittiv tal-oħrajn.

124

F’dak li jikkonċerna, l-ewwel lok, il-kalkolu tal-valur ta’ kull wieħed mis-siti għat-tħaffir inkwistjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-punti 100 sa 109 iktar ’il fuq.

125

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-valur tal-artijiet inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li l-kuntratt inkwistjoni jittrasferixxi, fost attiv ieħor, numru kbir ta’ beni immobbli u artijiet, li jistgħu jinbnew fuqhom, li ma jistgħux jinbnew fuqhom u agrikoli (ara l-Artikolu 1A ta’ dan il-kuntratt). Fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikklassifika dawn l-artijiet bħala attiv tal-impriża tat-tħaffir u mhux bħala beni immobili fis-sens wiesa’ tat-terminu, minħabba karatteristiċi partikolari tal-operat tat-tħaffir. Ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-minjieri ta’ Cassandra ma kinux f’attività fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni, dawn l-artijiet kellhom valur imnaqqas, mill-fatt tal-impossibbiltà li jintużaw.

126

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet, fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-perizja bħala punt ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-artijiet inkwistjoni, billi tikkunsidrahom bħala attiv separat tal-minjieri, filwaqt li ammettiet li dawn ma setgħux jintużaw għal skopijiet oħra għajr għall-operat ta’ tħaffir. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi kkonfermata, peress li dawn l-artijiet jikkostitwixxu elementi patrimonjali addizzjonali li għandhom valur intrinsiku, li jista’ jiġi ekonomikament ikkwantifikat.

127

Minbarra dan, peress li l-perizja kienet ibbażata fuq id-data ppreżentata minn Ellinikos Chrysos għall-istima tal-valur ta’ dawn il-minjieri u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi evalwazzjoni verament indipendenti, il-Kummissjoni vverifikat il-valur tal-artijiet inkwistjoni, kif indikat f’din il-perizja u li kien jikkorrispondi għal EUR 6 miljun, billi b’mod partikolari rreferiet għall-prezz imħallas għax-xiri tagħhom minn TVX Hellas fl-1995 u billi adattat dan il-prezz skont l-indiċi ġenerali tal-prezzijiet għall-produzzjoni industrijali għall-perijodu mill-1995 sa 2003 (ara l-premessi 84 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

128

Permezz ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni waslet għal valur ta’ EUR 3.5 miljun għall-artijiet mixtrija minn TVX Hellas fl-1995 u ta’ EUR 1.1 miljun għal 70 art supplimentari mixtrija minn din il-kumpannija wara 1995. Il-valur ta’ dawn tal-aħħar kien ibbażat fuq is-sitwazzjonijiet finanzjarji ta’ din il-kumpannija u l-Kummissjoni kkunsidrat il-prezz li kien indikat bħala rappreżentattiv f’ekonomija tas-suq peress li kien iffissat mis-suq stess (ara l-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont globali ta’ EUR 4.6 miljun hekk miksub kien ġie adattat skont l-indiċi ġenerali tal-prezzijiet għall-produzzjoni industrijali Griega għall-perijodi mill-1995 sa 2003 u mill-1998 sa 2003, li għalhekk laħaq ir-riżultat ta’ EUR 5.9 miljun. B’hekk il-Kummissjoni kisbet ammont li kien qrib ħafna dak propost mill-perizja u għalhekk ikkunsidratu bħala rappreżentattiv tal-valur tas-suq f’Diċembru 2003 (ara l-premessi 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontetata).

129

Issa, minn naħa, l-awtoritajiet Griegi stess ammettew, matul il-proċedura amministrattiva, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-artijiet iddefinit waqt is-sejħa għal offerti tal-1995 (ara l-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

130

Min-naħa l-oħra, tali proċedura hija konformi mal-ġurisprudenza, li rrikkonoxxiet li l-ispejjeż ta’ xiri jistgħu jipprovdu indikazzjoni sekondarja jew indiretta tal-valur ta’ art (sentenza tal-10 ta’ April 2003, Scott vs Il‑Kummissjoni, T‑366/00, Ġabra, EU:T:2003:113, punt 106, mhux appellata fuq dan il-punt). F’dan il-każ, il-Kummissjoni effettivament użat il-prezz imħallas minn TVX Hellas, fil-mument tax-xiri ta’ artijiet fl-1995, sabiex tivverifika u tikkonferma l-valur tagħhom li diġà kien ġie stmat mill-perizja, kif stabbilit fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata.

131

F’dan ir-rigward, il-kritika dwar l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-indiċi ġenerali tal-prezzijiet għall-produzzjoni industrijali sabiex jiġi adattat il-valur tal-artijiet inkwistjoni għall-inflazzjoni li seħħet sal-2003, sa fejn dan kien japplika għall-beni industrijali u mhux għall-artijiet li fuqhom dawn il-beni rriżultaw, ma tidhirx konvinċenti. Fil-fatt, minn naħa, hija l-Kummssjoni li għandha tfittex il-valur ta’ dawn l-artijiet, mhux fl-1995, iżda tassew fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni, fl-2003 u, min-naħa l-oħra, sa fejn ma kienx jeżisti indiċi tal-prezzijiet tal-artijiet industrijali, hija l-Kummissjoni li għandha kemm tapplika l-indiċi tal-prezzijiet tal-beni immobbli kummerċjali, kif ukoll l-indiċi ġenerali tal-prezzijiet għall-produzzjoni industrijali, li ntuża f’dan il-każ. Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li din l-għażla kienet pjuttost favorevoli għar-rikorrenti, peress li waslet għal prezz inferjuri għal dak li kienet twassal l-applikazzjoni tal-indiċi tal-prezzijiet ta’ beni immobbli kummerċjali. F’tali ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni użat l-indiċi ġenerali tal-prezzijiet għall-produzzjoni industrijali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, hija pprovdiet valur tal-artijiet korrispondenti, bi preċiżjoni suffiċjenti, għall-valur tagħhom f’Diċembru 2003, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza applikabbli (sentenza Scott vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, EU:T:2003:113, punt 100).

132

Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li l-ilment tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-valur tal-artjiet inkwistjoni jiġi miċħud.

133

F’dak li jikkonċerna, it-tielet nett, il-valur tar-riżervi ta’ minerali inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Istat Grieg ittrasferixxa lil Ellinikos Chrysos, permezz tal‑kuntratt inkwistjoni, minn naħa, riżervi ta’ minerali li fihom id-deheb u, min-naħa l-oħra, depożiti ta’ konċentrati oħra ta’ minerali (ċomb u żingu).

134

Fir-rigward tar-riżervi ta’ minerali li fihom id-deheb, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tammetti li l-valur ta’ riżervi ta’ deheb kien negattiv fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni, minħabba relazzjoni ta’ prezz/spiża, fid-dawl tal-prezz tad-deheb relattivament baxx u tal-ispejjeż konnessi ta’ trasport u ta’ pproċessar ta’ konċentrati ta’ deheb, ikkalkolati fil-punt 92 ta’ din id-deċiżjoni. Hija ssostni, minbarra dan, li l-perizja ma tevalwax il-valur tal-minerali ta’ deheb. Għaldaqstant, hija tikkonkludi li kien impossibbli li dan il-valur jiġi kkalkolat (ara l-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata).

135

Fil-fatt, fir-rigward tar-riżervi ta’ minerali li fihom id-deheb, il-Kummissjoni tikkunsidra li investitur avżat ma jipproċessahomx sabiex jevita telf u, għaldaqstant, il-valur tagħhom ma huwiex negattiv iżda null. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika osservat li l-konċentrati ta’ deheb jippreżentaw livell ta’ arseniku ta’ madwar 10 % u li, meta dawn ma jistax jiġu kkummerċjalizzati, huma jiġu kklassifikati bħala skart perikoluż, li t-trattament u l-immaniġġar tagħhom huma obbligatorji skont id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni (ĠU L 102, p. 15). Madankollu, il-Kummissjoni korrettament irrilevat li l-ispejjeż ambjentali kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur tal-minjieri u li, għaldaqstant, ma kienx hemm lok li jitnaqqsu t-tieni darba fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn ir-riżervi.

136

F’dak li jikkonċerna l-konċentrati oħra ta’ minerali li jinsabu fid-depożiti ttrasferiti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istima li tidher fil-perizja tal-konċentrazzjonijiet eżistenti fid-data tat-30 ta’ Ġunju 2004, abbażi tal-metodu standard ta’ kalkolu użat għall-ħlas ta’ metalli li jipprovdu r-ritorn nett mit-titwib tal-metalli (ara l-premessi 95 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija sussegwentement immultiplikat il-kwantitajiet ta’ minerali (ikkomunikati minn Ellinikos Chrysos) f’Diċembru 2003 permezz tal-prezz tal-metalli, kif indikat fil-kwotazzjonijiet fil-Borża tal-metalli, li wassal għal valur ta’ EUR 3 miljun. Minbarra dan, hija ppreċiżat li, peress li d-depożiti kienu nbiegħu f’Diċembru 2004 minn Ellinikos Chrysos, jiġifieri wara l-istabbiliment ta’ din il-perizja, ma kien jeżisti ebda bejgħ kontemporanju ieħor għall-bejgħ inkwistjoni li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex issir analiżi komparattiva. Il-kalkolu mill-Kummissjoni b’hekk ma huwiex ivvizzat minn żball manifest f’dan ir-rigward.

137

F’dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika Ellenika li, essenzjalment, fil-mument tal-bejgħ lil Ellinikos Chrysos, il-kwantitajiet ta’ minerali li kienu jinsabu fid-depożiti ttrasferiti kienu inferjuri minn dawk stmati fil-perizja, dan għandu jiġi miċħud, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex konoxxenza dwar dan matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta hija stabbilixxietha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni, T‑489/11, EU:T:2013:144, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li rikorrent ma jistax jibbaża ruħu, quddiem il-qorti, fuq punti ta’ fatt li ma tressqux matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 108 TFUE. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali punti ta’ fatt jew ta’ liġi li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u li tbassar liema huma l-punti li setgħu jitressqu quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il‑Kummissjoni, T‑303/10, EU:T:2012:505, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138

Għalhekk hemm lok li l-ewwel ilment jiġi miċħud sa fejn jirreferi għall-iżball ta’ kalkolu tal-valur tal-konċentrati ta’ minerali oħra li jinsabu f’depożiti ttrasferiti.

139

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv li tikkonċerna l-ewwel miżura ta’ għajnuna tiġi miċħuda kollha kemm hi, peress li ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, u lanqas ebda żball ta’ applikazzjoni ieħor tal-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ fatt jew ta’ kalkolu ma ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali.

– Fuq l-ewwel parti, dwar żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-użu ta’ riżorsi statali

140

Ir-rikorrenti essenzjalment iressqu li l-Kummissjoni, billi ssostni fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata li r-Repubblika Ellenika kellha rwol ta’ bejjiegħ, u mhux dak ta’ sempliċi intermedjarju li jaġixxi fl-interess pubbliku, evalwat ħażin il-fatti u, konsegwentement, ikkunsidrat b’mod żbaljat bħala ssodisfatt il-kriterju ta’ riżorsi statali. Fil-fatt, minn naħa, l-operazzjoni kienet, fir-realtà, ikkostitwita minn kuntratti “mera”, “konsekuttivi” jew “ta’ appoġġ” bejn impriżi privati, u għalhekk l-Istat Grieg kellu rwol ta’ sempliċi intermedjarju sabiex ifittex xerrej u sabiex jiggarantixxi funzjonament kontinwu tal-minjieri fl-istess waqt ma’ protezzjoni kostanti tal-ambjent u ż-żamma tal-impjieg fir-reġjun.

141

Min-naħa l-oħra, il-fondi użati sabiex jitħallas il-prezz tal-bejgħ inkwistjoni tal-minjieri ta’ Cassandra u li kienu tħallsu direttament lil TVX Hellas, skont l-Artikolu 2 tal-kuntratt inkwistjoni, ma jikkostitwixxux telf dirett ta’ riżorsi statali li jistgħu jkunu imputabbli fuq l-Istat Grieg, peress li ebda trasferiment tar-riżorsi statali ma kien seħħ direttament jew indirettament, fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti.

142

Minbarra dan, skont ir-Repubblika Ellenika, ir-rwol ta’ sempliċi intermedjarju fil-kuntest tat-tranżazzjoni inkwistjoni huwa kkonfermat mill-pożizzjoni meħuda f’dan ir-rigward mid-Diviżjoni “Leġiżlazzjoni tal-Kuntratti Pubbliċi”, tad-Direttorat “Kuntratti pubbliċi”, tad-Direttorat Ġenerali “Suq Intern u Servizzi”, f’ittra indirizzata, fil-21 ta’ Settembru 2009, lis-segretarju ġenerali tal-ministeru tal-iżvilupp Grieg, bħala tweġiba għall-mistoqsija tiegħu dwar jekk il-kuntratt inkwistjoni jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Dan it-teħid ta’ pożizzjoni jikkonferma wkoll il-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu li ssir sejħa għal offerti għall-bejgħ ta’ minjieri.

143

Ellinikos Chrysos iżżid li l-fatt li l-attiv inkwistjoni jew l-ammont ta’ EUR 11 miljun qatt ma ġew inklużi fil-baġit tal-Istat Grieg jagħmel impossibbli, skont id-dritt Grieg, l-irkupru tal-għajnuna, kif meħtieġ mid-deċiżjoni kkontestata. L-Istat Grieg fil-fatt għandu jadotta leġiżlazzjoni speċifika ġdida sabiex josserva l-obbligu ta’ rkupru.

144

Skont ir-Repubblika Ellenika, ma huwiex suffiċjenti, sabiex jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat il-prezz ta’ bejgħ tal-minjieri ta’ Cassandra, li dan il-prezz ikun inqas mill-valur tas-suq, li l-Istat Grieg kien akkwista, matul tul ta’ żmien potenzjali, il-proprjetà tal-attiv ta’ TVX Hellas qabel ma ttrasferih lix-xerrej Elliniks Chrysos u li l-Istat Grieg kien ikkontrolla dawn it-tranżazzjonijiet kollha u kien irrattifikahom permezz ta’ liġi.

145

Il‑Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

146

Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-użu tar-riżorsi statali u għalhekk tal-imputabbiltà tal-Istat tal-miżura inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex vantaġġi jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu [107](1) [TFUE], dawn għandhom, minn naħa, jiġu miftiehma direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi statali (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma distinti u kumulattivi (sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra, EU:T:2006:104, punt 103).

147

Min-naħa l-oħra, il-vantaġġ għandu jirriżulta minn trasferiment ta’ riżorsi statali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi statali jew li jikkostitwixxu piż supplimentari għall-Istat li għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, Ġabra, EU:C:2013:175, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma distinti u kumulattivi (sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra, EU:T:2006:104, punt 103).

148

F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi statali sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, huma kkunsidrati b’mod partikolari bħala għajnuna l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-baġit ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punti 100 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi statali abbażi tal-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, Ġabra, EU:C:2012:318, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punt 102).

150

Għalhekk, intervent statali jista’, fl-istess waqt, ipoġġi lill-impriżi li għalihom japplika f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn u joħloq riskju suffiċjentement konkret ta’ twettiq, fil-futur, ta’ spiża supplimentari għall-Istat li tista’ tkun ta’ piż fuq ir-riżorsi statali (ara s-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs France et, punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata.

151

Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li vantaġġi kkonsentiti fil-forma ta’ garanzija statali jistgħu jimplikaw spiża supplimentari għall-Istat (sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade,C‑200/97, Ġabra, EU:C:1998:579, punt 43; tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, Ġabra, EU:C:2011:814, punti 39 sa 42, u Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs France et, punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punt 107).

152

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, peress li, f’termini ekonomiċi, il-modifika tal-kundizzjonijiet tas-suq, li tiġġenera vantaġġ indirettament mogħti lil ċerti impriżi, hija r-riżultat tat-telf ta’ riżorsi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, anki t-teħid ta’ deċiżjoni awtonoma min-naħa tal-investituri ma għandux bħala effett li jħassar ir-rabta eżistenti bejn l-imsemmi telf tar-riżorsi u l-vantaġġ li jibbenefikaw minnu l-impriżi kkonċernati (sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs France et, punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punt 108).

153

Konsegwentement, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lil benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit statali, saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-ispejjeż li huma piż fuqu (sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs France et, punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punt 109).

154

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kuntratt inkwistjoni li minnu jirriżulta l-vantaġġ favur Ellinikos Chrysos kien ġie konkluż bejn din tal-aħħar u l-Istat Grieg. Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, l-Istat Grieg, inkwantu bejjiegħ, jassumi ċertu numru ta’ obbligi u ta’ drittijiet lejn il-parti kontraenti l-oħra bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 1.3, 3.3 u 4 ta’ dan il-kuntratt. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-vantaġġ li jirriżulta minn dan il-kuntratt li l-Istat Grieg huwa l-promotur, firmatarju u garanti tiegħu, jista’ jiġi imputat fuq dan tal-aħħar.

155

F’dak li jikkonċerna l-fatt li l-vantaġġ jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi statali, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-bejgħ inkwistjoni, jiġifieri l-bejgħ mill-ġdid lil Ellinikos Chrysos tal-minjieri ta’ Cassandra bi prezz inferjuri għall-prezz tas-suq, jimplika tnaqqis tad-dħul tal-Istat Grieg fir-rigward ta’ dak li seta’ jikseb u għalhekk telf ta’ riżorsi. Dan jinkludi, fih innifsu, vantaġġ għall-kumpannija li tixtri l-beni u l-ispiża li tista’ tkun ta’ piż fuq ir-riżorsi statali. It-tieni nett, permezz tal-impenji meħuda, skont l-Artikolu 1.3, 3.3 u 4 tal-kuntratt inkwistjoni, ikkonfermati bl-Artikoli 52 u 53 tal-Liġi Ellenika Nru 3220/2004, l-Istat Grieg espona l-baġit tiegħu għal riskju ta’ spejjeż marbuta mal-eventwali azzjonijiet li kellu jieħu sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli minflok ix-xerrej. Dawn il-garanziji mogħtija mill-Istat Grieg joħolqu riskju suffiċjentement konkret ta’ twettiq, fil-futur, ta’ spiża supplimentari għall-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 151 u 153 iktar ’il fuq.

156

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta affermat fil-premessi 105 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kriterju tat-trasferiment tar-riżorsi statali kien ġie ssodisfatt.

157

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

158

Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ operazzjoni unika, ikkostitwita minn kuntratti mwettqa bejn partijiet privati, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-formulazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll tal-ftehim bonarju jagħmlu espressament riferiment għal akkwist tal-beni inkwistjoni mill-Istat Grieg [ara l-punt II(a) u (e) tal-ftehim bonarju kif ukoll il-paragrafu 3(a) tal-preambolu u l-Artikolu 1 tal-kuntratt inkwistjoni]. Fil-fatt, dan neċessarjament akkwista dawn il-beni sabiex sussegwentement jittrasferixxi l-proprjetà tagħhom lil Ellinikos Chrysos. Minbarra dan, l-assenza ta’ traskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet f’isem l-Istat Grieg ta’ dawn il-beni, li tinvoka Ellinikos Chrysos sabiex turi li l-proprjetà tagħhom ma għaddietx għall-Istat Grieg, kienet prevista espressament, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet ġeneralment applikabbli, mill-Artikolu 51(2)(a) tal-Liġi Nru 3220/2004. Tali dispożizzjoni leġiżlattiva speċjali madankollu ma kellhiex bħala effett li tipprekludi l-passaġġ tal-proprjetà lejn l-Istat Grieg. Fil-fatt, kieku dan l-Istat ma kienx il-proprjetarju ta’ dawn il-beni, huwa ma setax jittrasferixxi l-proprjetà tagħhom lejn Ellinikos Chrysos.

159

Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika Ellenika dwar l-assenza ta’ trasferiment dirett tar-riżorsi statali għandu wkoll jiġi miċħud sa fejn jibbaża fuq interpretazzjoni parzjali u inkorretta tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punti 147 sa 149 iktar ’il fuq, trasferiment dirett ta’ riżorsi ma huwiex neċessarju.

160

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Ellinikos Chrysos li l-irkupru tal-għajnuna huwa impossibbli peress li l-Istat Grieg għandu jadotta leġiżlazzjoni speċifika ġdida għal dan il-għan, peress li l-attiv inkwistjoni jew l-ammont ta’ EUR 11 miljun qatt ma ġie inkluż fil-baġit statali. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-uniku motiv li Stat destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna jista’ jinvoka sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li jeżegwixxi korrettament id-deċiżjoni li tordna l-irkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, Ġabra, EU:C:2005:287, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-eventwali neċessità li tiġi adottata leġiżlazzjoni speċifika għal dan il-għan ma tikkostitwixxix tali impossibbiltà assoluta iżda tidħol pjuttost fl-obbligu li dan l-Istat għandu li jikkoopera in bona fide sabiex jirbaħ id-diffikultajiet fl-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari ta’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, EU:C:2005:287, punt 42).

161

Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv li tikkonċerna l-ewwel miżura ta’ għanuna għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

– Fuq it-tielet parti, dwar żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (Kawża T‑233/11)

162

L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika tallega ksur tar-regoli ta’ definizzjoni tas-suq rilevanti fid-dritt tal-kompetizzjoni sa fejn il-Kummissjoni inkludiet fih metalli li jinsabu fid-depożiti. Fil-fehma tagħha, fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni, l-uniku sit għat-tħaffir fi stat ta’ funzjonament fost is-siti għat-tħaffir inkwistjoni kien dak ta’ Stratoni u dan tal-aħħar kien jipproduċi biss minerali ta’ ċomb u ta’ żingu, fejn dan il-bejgħ kien jikkonċerna biss is-suq ta’ dawn il-minerali.

163

It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-attivitajiet ta’ estrazzjoni taż-żingu, tar-ram, taċ-ċomb, tad-deheb u tal-fidda kienu pprattikati fi ħdax-il Stat Membru, minbarra hija stess, u li dawn il-prodotti kienu suġġetti għal kummerċ fl-Unjoni kollha. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni setgħet tirreferi biss għas-suq tal-metalli, li ma kienx is-suq rilevanti korrett. Il-kompetituri produtturi ta’ minerali ta’ ċomb u ta’ żingu (suq rilevanti korrett) huma stabbiliti, min-naħa l-oħra, rispettivament f’sitta u ħamsa mill-ħdax-il Stat Membru ċċitati mill-Kummissjoni, kif indikat fir-rapport intitolat “Olympias Marketing Study”. Barra minn hekk, l-influwenza ta’ Ellinikos Chrysos fuq il-kompetizzjoni hija insinjifikattiva sa fejn, fis-sena wara l-bejgħ inkwistjoni, il-produzzjoni tagħha kienet tirrappreżenta biss 0.2 % tal-estrazzjoni minerali ta’ żingu u 0.9 % tal-estrazzjoni minerali ta’ ċomb fis-suq Ewropew. Fl-aħħar nett, dan il-bejgħ kellu bħala effett li jżid il-produzzjoni ta’ minerali msemmija iktar ’il fuq fi ħdan l-Unjoni. Dawn il-minerali kienu jkopru biss rispettivament 34 % u 54 % tal-potenzjal metallurġiku tal‑Unjoni, fejn l-insuffiċjenza kienet koperta minn importazzjonijiet minn pajjiżi li ma kinux jagħmlu parti mill-Unjoni. Minħabba dan il-fatt, dan il-bejgħ kien iffavorixxa u mhux ħoloq distorsjoni tal-kompetittività tal-industriji Ewropej.

164

Il‑Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Ellenika.

165

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma, bħala regola ġenerali, indissoċjabbilment marbuta. B’mod partikolari, meta għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta pparagunata ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma influwenzati mill-għajnuna (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166

Minbarra dan, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, mhux li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, imma unikament li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 44, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra, EU:C:2005:774, punt 54).

167

L-inkompatibbilità ta’ għajnuna mas-suq intern għandha definittivament tiġi kkonstatata ladarba hija taffettwa jew tista’ taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u għandha effett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li teżisti f’dan il-kummerċ (sentenza Unicredito Italiano, punt 166 iktar ’il fuq, EU:C:2005:774, punt 55).

168

F’dan il-każ, il-Kummssjoni rrilevat, fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-settur ta’ attività ta’ Ellinikos Chrysos, jiġifieri dak tal-estrazzjoni taż-żingu, tar-ram, taċ-ċomb, tad-deheb u tal-fidda, kien jikkonċerna prodotti li kienu jiċċirkolaw b’mod wiesa’ fis-suq intern, li din l-attività kienet ipprattikata fi ħdax-il Stat Membru, li l-għajnuna kienet tagħti vantaġġ lil din il-kumpannija fuq il-kompetituri tagħha u, bħala konklużjoni, li kien jeżisti riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

169

Issa, l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, intiżi sabiex jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq rilevanti adottata mill-Kummissjoni, ma jippermettux li tiġi kkonfutata l-fondatezza ta’ din il-konklużjoni. Fil-fatt, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, Ġabra, EU:T:2010:233, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika dwar allegata natura prokompetittiva tal-ewwel miżura ta’ għajnuna, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ insuffiċjenza fis-suq Ewropew tal-materji primi, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jirriżulta minnu, tali element ma jistax jikkontrobilanċja r-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li jirriżulta mit-tisħiħ tal-pożizzjoni tas-suq ta’ Ellinikos Chrysos minħabba l-adozzjoni ta’ din il-miżura, peress li, hekk kif tfakkar fil-punti 166 u 167 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni.

171

Fil-fatt, minkejja li s-suq Ewropew għandu insuffiċjenzi fir-rigward tal-produzzjoni ta’ minerali, Ellinikos Chrysos tibbenefika bi kwalunkwe mod minn vantaġġ kompetittiv meta pparagunata ma’ impriżi tat-tħaffir oħra, sa fejn hija f’kompetizzjoni fis-suq intern ma’ impriżi tat-tħaffir oħra, mingħajr ma hemm bżonn li jsir riferiment għall-importazzjoni ta’ dawn il-minerali.

172

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li t-tielet parti tal-ewwel motiv li tikkonċerna l-ewwel miżura ta’ għajnuna tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni miżura ta’ għajnuna

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ (Kawżi T‑233/11 u T‑262/11)

173

Ir-rikorrenti jsostnu li l-eżenzjoni minn taxxi applikata għall-bejgħ inkwistjoni kienet inqas mil-livell de minimis fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, minn naħa, id-drittijiet ta’ trasferiment kienu ġew ikkalkolati fuq il-bażi żbaljata tal-valur tal-artijiet inkwistjoni, jiġifieri ammont ta’ EUR 6 miljun, li hija ċifra mogħtija arbitrarjament minn Euroepan Goldfields. Min-naħa l-oħra it-taxxa ta’ trasferiment ta’ drittijiet tat-tħaffir kienet ġiet ikkalkolata fuq il-bażi żbaljata tal-valur totali tal-minjieri ta’ Cassandra, minflok tal-uniku valur tad-drittijiet għat-tħaffir, kuntrarjament għal dak li huwa previst mill-Artikolu 173(1) tal-kodiċi tal-minjieri Grieg, li jeskludi l-valur tal-minjieri mill-bażi ta’ kalkolu ta’ din it-taxxa.

174

Ellinikos Chrysos iżżid li d-drittijiet ta’ trasferiment ma kinux dovuti, fir-rigward tan-natura mhux definittiva tal-kuntratt inkwistjoni, peress li l-Artikoli 3 u 4 ta’ dan il-kuntratt jipprevedu obbligu għax-xerrej li jipprepara pjan ta’ impriża, li huwa ma ppreżentax.

175

Il‑Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

176

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinkludix trasferiment ta’ riżorsi statali, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ persuni taxxabbli oħra, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España,C‑387/92, Ġabra, EU:C:1994:100, punt 14; tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra, EU:C:1999:251, punt 16, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra, EU:C:2006:416, punt 87).

177

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li żewġ taxxi differenti kellhom jitħallsu waqt il-bejgħ inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, taxxa għat-trasferiment tal-proprjetà tal-minjieri ta’ Cassandra li, konformement mal-kodiċi tal-minjieri Griegi, kienet ekwivalenti għal 5 % tal-prezz ta’ bejgħ ta’ dawn il-minjieri u, min-naħa l-oħra, taxxa għat-trasferiment tal-proprjetà tal-artijiet inkwistjoni, li kienet tikkorrispondi għal 7 % sa 9 % tal-prezz ta’ bejgħ tagħhom.

178

F’dak li jikkonċerna t-tieni taxxa, kif espost fil-punti 125 sa 132 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma waslux sabiex juru li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji fil-kalkolu tal-valur tal-artijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, l-ammont ta’ din it-taxxa, li kien ġie kkalkolat fuq din il-bażi u li kien jikkorrispondi għal EUR 0.54 miljun (ara l-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata), lanqas ma huwa żbaljat. Issa, tali ammont jaqbeż il-limitu ta’ EUR 100000 għall-għajnuna de minimis, previst mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 138), fis-seħħ fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata minn żbalji fir-rigward tal-eżistenza ta’ element ta’ għajnuna, fir-rigward tal-eżenzjoni tal-obbligu li titħallas it-taxxa għat-trasferiment tal-proprjetà ta’ dawn l-artijiet.

179

Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-Repubblika Ellenika dwar l-impossibbiltà li l-artijiet inkwistjoni jintużaw għal skopijiet oħra għajr l-operat tat-tħaffir. Hekk kif ġie espost fil-punt 126 iktar ’il fuq, dawn l-artijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom valur proprju supplimentari meta pparagunat ma’ dak tas-siti għat-tħaffir inkwistjoni u l-bejgħ tagħhom ma jistax jevita l-obbligu fiskali inkwistjoni.

180

Peress li ġie kkonstatat fil-punti 107 sa 109 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta evalwat il-valur tal-minjieri ta’ Cassandra, għandu wkoll jiġi konkluż li l-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta għat-trasferiment tal-proprjetà ta’ dawn il-minjieri, u mhux imħallas minn Ellinikos Chrysos, skont l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 9(5) tal-kuntratt inkwistjoni, lanqas ma huwa vvizzjat bi żbalji.

181

Fil-fatt, tali eżenzjoni prevista minn dispożizzjoni leġiżlattiva, jiġifieri l-Artikolu 52 tal-Liġi Ellenika Nru 3220/2004 li jikkonferma l-kuntratt inkwistjoni, tikkostitwixxi miżura imputabbli fuq l-Istat u tinkludi kemm vantaġġ għax-xerrej tal-attiv li huwa s-suġġett tal-bejgħ inkwistjoni kif ukoll telf ta’ riżorsi għall-baġit statali.

182

Sa fejn ir-Repubblika Ellenika tinvoka l-fatt li huwa biss it-“trasferiment tad-drittijiet tat-tħaffir” li seta’ jiġi suġġett għal taxxa skont id-dritt tat-tħaffir Grieg (Artikolu 173(1) tal-kodiċi tat-tħaffir Grieg), hemm lok li dan l-argument jiġi ddikjarat inammissibbli skont il-ġurisprudenza evokata fil-punt 137 iktar ’il fuq.

183

Hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Ellinikos Chrysos li d-drittijiet ta’ trasferiment ma kinux dovuti, fir-rigward tan-natura mhux definittiva tal-kuntratt inkwistjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni ta’ dan il-kuntratt li dan kellu natura provviżorja u mhux definittiva. It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet invokati minn Ellinikos Chrysos (Artikoli 3 u 4 ta’ dan il-kuntratt) jipprevedu unikament klawżoli ta’ xoljiment tal-kuntratt, li jippermettu l-waqfien tal-effetti tiegħu, iżda ma jiprekludux il-formazzjoni tiegħu. It-tielet nett, dan il-kuntratt jipprevedi espliċitament, fl-Artikolu 9 tiegħu, li dan jidħol fis-seħħ mid-data ta’ pubblikazzjoni tal-liġi li tikkonfermah fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika.

184

Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda wkoll f’dak li jikkonċerna t-tieni miżura ta’ għajnuna.

– Fuq it-tieni parti, dwar żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati membri (Kawża T‑233/11)

185

Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-eżistenza ta’ theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tat-tieni miżura ta’ għajnuna, billi rreferiet, essenzjalment, għall-argumenti ppreżentati fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv dwar l-ewwel miżura ta’ għajnuna

186

Peress li t-tieni miżura ta’ għajnuna hija aċċessorja għall-ewwel miżura ta’ għajnuna u li, f’dak li jikkonċerna din tal-aħħar, il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandha tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta, hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta wkoll fir-rigward tat-tieni miżura ta’ għajnuna, għall-istess motivi bħal dawk imressqa bħala tweġiba għall-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, rigward l-ewwel miżura ta’ għajnuna, kif imsemmija fil-punti 165 sa 172 iktar ’il fuq.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljati tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u fuq il-ksur tal-prinċipji ta ’ proporzjonalità, ta ’ kooperazzjoni leali, ta ’ ċertezza legali u ta ’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (Kawża T‑233/11)

187

Ir-Repubblika Ellenika, filwaqt li tfakkar it-test tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll il-kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2005 intitolat “Pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-għajuna mill-Istat – Għajnuna mill-Istat inqas numeruża u iktar iffukata: mappa għar-riforma tal-għajnuna mill‑Istat 2005-2009” [COM (2005) 107 finali], tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teħtieġ l-irkupru tal-għajnuna, minħabba li hija taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-rekwiżit li jiġi rkuprat EUR 15.34 miljun jirriskja li jossospendi investiment dirett fil-Greċja ta’ EUR 850 miljun, u b’hekk jiġi limitat l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetizzjoni minflok ma dawn jissaħħu f’perijodu ta’ kriżi ekonomiku kbir għal dan il-pajjiż. Għahekk il-Kummissjoni wettqet żball fl-ibbilanċjar tat-theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni mal-effetti benefiċi tat-tkomplija tal-attivitajiet fis-siti għat-tħaffir inkwistjoni, billi għalhekk kisret il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

188

Il‑Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

189

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa fformulat kif ġej:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju [...].Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.”

190

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, peress li l-għan tal-irkupru tal-għajnuna illegalment mogħtija huwa li jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, fejn il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kien effettivament ipprofitta minnu meta pparagunat mal-kompetituri tiegħu. Għall-ħlas lura tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li kien ibbenefika minnu fis-suq meta pparagunat mal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna hija stabbilita mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑243/10, Ġabra, EU:C:2012:182, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

191

Minn din il-funzjoni tar-rimbors jirriżulta wkoll li, bħala regola ġenerali, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma tistax tikser is-setgħa diskrezzjonali tagħha meta titlob lill-Istat Membru jirkupra s-somom mogħtija bħala għajnuna illegali, peress li hija tkun qed sempliċement tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, Ġabra, EU:T:2009:315, punt 373).

192

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ċertament, din teħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel dik li hija l-inqas vinkolanti (sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:T:2009:315, punt 374).

193

Madankollu, l-irkupru tal-għajnuna illegali, peress li huwa intiż bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala miżura sproporzjonata meta pparagunat mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:T:2009:315, punt 372 u l-ġurisprudenza ċċitata.

194

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenka tillimita ruħha li tagħmel riferiment għall-prinċipju ta’ proporzjonalità mingħajr ma tispjega sa fejn dan preċiżament kien ġie miksur, minkejja li l-prinċipji mfakkra fil-punti 192 u 193 iktar ’il fuq jimplikaw argument partikolarment konvinċenti. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud inkwantu inammissibbli fir-rigward tal-ġurisprudenza li tgħid li l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 jeħtieġ “sunt tar-raġunijiet”, fejn tali rekwiżit kien meħtieġ ukoll fir-rigward tal-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Arbos vs Il‑Kummissjoni, T‑161/06, EU:T:2012:573, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sempliċi invokazzjoni ta’ prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tindika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiġi bbażata din l-allegazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il‑Kunsill, T‑37/07 u T‑323/07, EU:T:2009:296, punt 27).

195

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jsir riferiment għal dan il-prinċpju japplika għal kull individwu f’sitwazzjoni fejn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea tkun ħolqot fih aspettattivi bbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi li din tal-aħħar tkun ipprovdietlu (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑194/09 P, Ġabra, EU:C:2011:497, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, tkun xi tkun il-forma li taħtha tkun ikkomunikata, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi invokat ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS et vs Il‑Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, Ġabra, EU:T:2006:47, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196

Minn dan il-prinċipju, applikabbli speċjalment fil-qasam ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, jirriżulta li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ tiġi invokata, bil-kundizzjoni li dan il-benefiċjarju jkollu assigurazzjonijiet suffiċjentement preċiżi, li jirriżultaw minn azzjoni pożittiva tal-Kummissjoni, li jippermettulu li jikkunsidra li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra, EU:T:2009:474, punt 261). Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni speċifiku tal-Kummissjoni dwar miżura li ġiet innotifikata lilha, is-silenzju min-naħa tal-istituzzjoni ma jistax, abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Itsat, jipprekludi l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra, EU:C:2004:701, punt 44).

197

Ċertament, il-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali, li setgħu leġittimament inisslu fih aspettattivi fil-legalità ta’ din l-għajnuna, u li jiġi prekluż, għaldaqstant, ir-rimbors tagħha, ma tistax tiġi eskluża [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il‑Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra, EU:T:1998:207, punt 70; tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra, EU:T:2003:217, punti 201 u 204, u Franza vs Il‑Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, EU:T:2009:474, punt 263].

198

Min-naħa l-oħra, Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fl-Artikolu 108 TFUE, ma jistax jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji sabiex jevita l-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu li jirkupra l-għajnuna. Li tiġi aċċettata tali possibbiltà jwassal, fil-fatt, sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE jiġu miċħuda minn kull effettività, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu għalhekk jibbażaw ruħhom fuq l-aġir illegali tagħhom stess sabiex jostakolaw l-effettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑5/89, Ġabra, EU:C:1990:320, punt 17, u tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑99/02, Ġabra, EU:C:2004:207, punt 20). Dan l-Istat Membru lanqas ma jista’ jinvoka għall-istess għanijiet il-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra, EU:C:1994:325, punt 76).

199

Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika ma għandhiex id-dritt li tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex topponi l-irkupru tal-għajnuna, peress li hija tat l-għajnuna bi ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fl-Artikolu 108 TFUE.

200

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE li, skont dan il-prinċipju, l-Unjoni u l-Istati membri jirrispettaw lil xulxin u jassistu lil xulxin reċiprokament fit-twettiq tal-missjonijiet li jirriżultaw mit-Trattati.

201

Kien ġie dedott mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah li jirkupra għajnuna illegali għandu l-obbligu li jieħu l-miżuri proprji kollha sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jasal għal irkupru effettiv tas-somom dovuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑243/10, EU:C:2012:182, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju ma jistax, min-naħa l-oħra, jiġi invokat sabiex Stat Membru jiġi eżentat mill-irkupru ta’ din l-għajnuna.

202

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 190 iktar ’il fuq, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, peress li l-għan tal-irkupru tal-għajnuna illegalment mogħtija huwa li jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti. Minbarra dan, konformement mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni hija obbligata li tordna lill-Istat Membru li jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupra l-għajnuna illegali jekk hija tikkonstata l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern, ħlief jekk l-irkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jorbot reċiprokament il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-implementazzjoni tar-regoli tat-Trattat fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru kkonċernat għandu wkoll l-obbligu li jikkalkola l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑52/12, EU:T:2014:677, punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203

Hemm lok għalhekk li jiġi kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sabiex tevita l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnala li tirkupra l-għajnuna.

204

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-għajuna mill-Istat – Għajnuna mill-Istat inqas numeruża u iktar iffukata: mappa għar-riforma tal-għajnuna mill‑Istat 2005-2009” fil-kuntest ta’ dan il-motiv. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, li dan id-dokument jikkostiwixxi biss mappa għall-iżvilupp tal-politika tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat li ma tistax jorbotha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE u tal-istrumenti li jimplementaw din il-politika b’mod preċiż, bħar-regolamenti ta eżenzjoni skont il-kategorjia jew ir-regolamenti li jikkonċernaw l-għajnuna favur impriżi żgħar u medji, l-għajnuna għall-investiment għal għan reġjonali jew l-għajnuna għall-impjieg jew ukoll il-linji gwida u regolamenti adottati minnha.

205

Minbarra dan, sa fejn ir-Repubblika Ellenika tinvoka ċ-ċirkustanza li l-eventwali rkupru tal-għajnuna illegali jista’ jwassal għat-telf ta’ investiment dirett fil-pajjiż, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali ċirkustanza, jekk tirriżulta li seħħet, setgħet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jew linji gwida dwar l-għajnuna għal skopijiet reġjonali, dwar l-għajnuna għall‑protezzjoni tal-ambjent jew dwar l-għajnuna għall-impjieg. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma tallega ebda ksur mill-Kummissjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

206

Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li t-tieni motiv imqajjem mir-Repubblika Ellenika jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja u fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE (Kawża T‑233/11)

207

Ir-Repubblika Ellenika tikkritika l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna erba’ punti essenzjali.

208

L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li l-Kummissjoni mmotivat insuffiċjentement l-eżistenza tal-ewwel miżura ta’ għajnuna fil-premessi 105 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija ma spjegatx sa fejn il-fondi strettament privati, imħallsa minn Ellinikos Chrysos direttament lil TVX Hellas, kienu jikkostitwixxu telf dirett jew indirett tar-riżorsi tal-Istat Grieg li setgħu jiġu imputati fuq dan tal-aħħar.

209

It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement, fil-premessi 117 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza tat-tieni miżura ta’ għajnuna u l-motivi li għalihom din kienet ikkunsidrat bħala dovuti kemm it-taxxa għat-trasferiment tal-proprjetà tal-minjieri ta’ Cassandra kif ukoll it-taxxa għat-trasferiment tal-proprjetà tal-artijiet inkwistjoni, minflok din l-ewwel taxxa biss, billi naqset milli tesprimi l-pożizzjoni tagħha stess f’dan ir-rigward.

210

It-tielet nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata għal liema raġuni r-regola de mininmis ma tistax tiġi applikata b’mod separat għal kull waħda mill-miżuri ta’ għajnuna li hija kienet iddefinixxiet.

211

Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Ellenika tikkritika lill-Kummissjoni dwar evalwazzjonijiet kontradittorji u impreċiżi f’dak li jikkonċerna l-istima tal-valur tal-minjiera u t-teħid inkunsiderazzjoni selettiv tal-evalwazzjonijiet tal-perizja, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

il-valur negattiv tas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, billi bbażat ruħha fuq evalwazzjonijiet tagħha stess, kuntrarji għax-xjenza u għad-deontoloġija li jikkonċernaw il-possibbiltà għall-operatur tal-minjieri li jagħmilhom jiffunzjonaw u le skont jekk il-prezz tad-deheb huwa jew ma huwiex vantaġġuż (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata);

in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ protezzjoni tal-impjieg u tal-ambjent u ta’ żamma f’inattività tas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni jvarjaw minn dik li hija għamlet għas-sit għat-tħaffir ta’ Olympias, filwaqt li dawn iż-żewġ siti għat-tħaffir ma kinux attivi fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata);

it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ 1995 għall-kalkolu tal-valur tal-artijiet u mhux għall-kalkolu tal-prezz globali tal-bejgħ inkwistjoni (premessi 54 sa 57, 86 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata);

id-definizzjoni tas-suq rilevanti u tal-portata ġeografiku tiegħu fid-dawl tad-distinzjoni bejn il-metalli u l-minerali realment prodotti fil-minjieri.

212

Il‑Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Ellenika.

213

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tal-att, b’mod li minn naħa l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha u, min-naħa l-oħra, lill-partijiet interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata sew. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx issodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63, u tat-30 ta’ Novembru 2011, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑238/09, EU:T:2011:705, punt 37). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati fi proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Huwa suffiċjenti li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra, EU:C:2008:375, punt 96, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, Ġabra, EU:T:2010:62, punt 180).

214

Minbarra dan, hemm lok li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi sseparata mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, billi din taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att inkwistjoni (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, EU:C:2001:178, punt 35). Isegwi li, sa fejn l-ilmenti tar-rikorrenti huma intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-punti inkwistjoni, li barra minn hekk diġà ġew eżaminati fil-kuntest tal-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il‑Kummissjoni, T‑95/03, Ġabra, EU:T:2006:385, punt 107).

215

Għalhekk, fl-ewwel lok, billi ssostni l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Ellenika għandha l-intenzjoni fir-realtà li tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjoni tar-riżorsi pubbliċi u tal-imputabbiltà tal-Istat tal-miżura ta’ għajnuna. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fi kwalunkwe ipoteżi, hekk kif jirriżulta mill-punt 208 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ellenika setgħet tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u tivverifika jekk id-deċiżjoni kinitx fondata sew u, hekk kif jirriżulta mill-punti 146 sa 156 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet fil-pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 213 u 214 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata f’dan ir-rigward.

216

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza tat-tieni miżura ta’ għajnuna u tal-motivi li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat bħala dovuti kemm it-taxxa għat-trasferiment tal-proprjetà tal-minjieri ta’ Cassandra kif ukoll it-taxxa għat-trasferiment tal-proprjetà tal-artijiet inkwistjoni, hemm lok li jiġi osservat li, minn naħa, il-Kummissjoni spjegat suffiċjentement ir-raġunijiet għaliex din l-ewwel taxxa kienet dovuta, billi rreferiet għall-valur pożittiv ta’ dawn il-minjieri fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni.

217

Min-naħa l-oħra, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li r-Repubblika Ellenika kienet irrikonoxxiet li taxxa ta’ 7 sa 9 % kienet effettivament applikata għall-każijiet kollha ta’ bejgħ ta’ artijiet, li dan huwa attiv ta’ impriża jew beni ta’ individwi. Issa, fl-istess premessa, hija ppreċiżat li rċeviet f’dan ir-rigward żewġ ittri ta’ informazzjoni kontradittorji, waħda ġejja mill-ministeru tal-finanzi (kompetenti fil-qasam fiskali) u l-oħra mill-ministeru tal-ambjent (kompetenti għall-kwistjonijiet ta’ minjieri). Madankollu, hija spjegat li kienet ukoll irreferiet tali kontradizzjonijiet lill-awtoritajiet Griegi mingħajr ma għaldaqstant irċeviet tweġiba definittiva. Għaldaqstant, hija bbażat ruħha fuq l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, u b’mod partikolari fuq l-ittra ta’ informazzjoni rċevuta mill-ministeru tal-finanzi li kienet irrikonoxxiet l-applikabbiltà ta’ tali taxxa għall-bejgħ inkwistjoni.

218

Mill-punt 217 iktar ’il fuq jirriżulta li r-raġunament tal-Kummissjoni li wassalha sabiex tipprivileġġa rata ta’ tassazzjoni pjuttost milli oħra jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma huwiex ivvizzjat minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

219

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-applikabbiltà tar-regola de minimis għal waħda miż-żewġ miżuri ta’ għajnuna, ir-Repubblika Ellenika għandha l-intenzjoni, fir-realtà, li tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, li diġà ġiet analizzata fil-punt 178 iktar ’il fuq. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għalhekk hemm lok li l-argumenti tar-Repubblika Ellenika li jirreferu għaliha jiġu miċħuda.

220

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegati evalwazzjonijiet kontradittorji u impreċiżi dwar l-istima tal-valur tal-minjieri u t-teħid inkunsiderazzjoni allegatament selettiv tal-evalwazzjonijet tal-perizja, sa fejn ir-Repubblika Ellenika għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-argument tagħha huwa ineffettiv fil-kuntest tal-analiżi ta’ dan il-motiv. Minbarra dan, minn naħa, ir-Repubblika Ellenika setgħet tippreżenta d-difiża tagħha f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha, hekk kif jirriżulta mill-punti 105 sa 109 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-premessi 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjentement immotivati.

221

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mid-deċiżjoni kkontestata tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni tas-sit għat-tħaffir ta’ Stratoni, l-argument tar-Repubblika Ellenika jitfixkel mal-kontestazzjonijiet tagħha tal-fondatezza tal-kalkolu tal-valur tal-minjieri ta’ Cassandra, analizzati b’mod partikolari fil-punti 100 u 102 iktar ’il fuq, u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

222

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-bejgħ tal-1995 sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-artijiet inkwistjoni pjuttost milli l-prezz globali tal-minjieri ta’ Cassandra, għandu jiġi kkonstatat li tali argument huwa fir-realtà intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li għaliha hemm lok li jsir riferiment fil-punti 90 sa 109 u 116 sa 130 iktar ’il fuq, u għalhekk huwa ineffettiv fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

223

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kriterju tal-effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, anki fil-każ fejn kien irriżulta miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat l-għajnuna, li din kienet ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tal-inqas tevoka dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra, EU:C:2006:511, punt 89, u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, punt 165 iktar ’il fuq, EU:C:2009:272, punt 49).

224

Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tanalizza partijiet tas-suq nazzjonali jew Ewropej tal-impriża benefiċjarja, u lanqas il-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri, u lanqas il-movimenti ta’ kummerċ tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni bejn l-Istati Membri meta hija esponiet kif l-għajnuna toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra, EU:T:1998:77, punt 67; tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra, EU:T:2005:219, punt 85, u tas-6 ta’ Settembru 2006, L‑Italja u Wam vs Il‑Kummissjoni, T‑304/04 u T‑316/04, EU:T:2006:239, punt 64).

225

Bħalma huwa stabbilit fil-punt 169 iktar ’il fuq fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tanalizza b’mod iddettaljat il-metalli effettivament prodotti jew esportati fil-mument tal-bejgħ inkwistjoni, peress li kien biżżejjed, għall-finijiet tal-eżami ta’ dan il-kriterju, li jintwera u li jiġi mmotivat li l-għajnuna saħħet il-pożizzjoni tal-impriża benefiċjarja fis-suq fl-attività li hija kienet intiża li tidħol għaliha, hekk kif il-Kummissjoni għamlet fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar hija suffiċjentement immotivata f’dan ir-rigward.

226

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, fuq l-użu ħażin ta ’ poter kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta ’ amministrazzjoni tajba u fuq id-dmir għal eżami imparzjali u diliġenti (Kawża T‑262/11)

227

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Ellinikos Chrysos tallega, permezz tal-ewwel ilment, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari tad-drittijiet ta’ aċċess għall-fajl u tad-dritt għal smigħ, u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jirriżultaw min-nuqqas ta’ żvelar tal-identità tal-lanjant, element li huwa importanti sabiex tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u tikkontesta l-kredibbiltà u l-interess leġittimu li tali lanjant jista’ jinvoka.

228

Permezz tat-tieni lment, Ellinikos Chrysos tikkontesta l-ammissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, taċ-ċentru ta’ monitoraġġ Grieg dwar l-operat tat-tħaffir bħala parti interessata, kif iddefinita fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 u mill-ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ interess proprju ta’ dan l-organu li jista’ jiġi affettwat mill-għoti tal-għajnuna.

229

Permezz tat-tielet ilment, Ellinikos Chrysos issostni użu ħażin ta’ poter u l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmirijiet ta’ eżami diliġenti u imparzjali mill-Kummissjoni, li kienet adottat metodu selettiv, parzjali u arbitrarju meta hija eżaminat l-argumenti tal-partijiet billi żnaturat l-argumenti tagħha u ma rrikonoxxietx il-fatti. Insostenn tal-argument tagħha, hija tiċċita stqarrija għall-istampa li l-Kummissjoni ppubblikat fit-23 ta’ Frar 2011 u li fiha kienet affermat li d-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kienet ibbażata fuq il-perizja li kienet stmat il-valur tal-minjieri ta’ Cassandra għal EUR 25 miljun, filwaqt li dan l-ammont kien jikkorrispondi mal-istima magħmula minnha. Din tal-aħħar kienet ikkorreġiet din l-istqarrija għall-istampa fit-test tal-ewwel stqarrija mingħajr ma stabbilixxiet rettifika separata. Minbarra dan, il-proċedura amminstrattiva kienet tmexxiet b’mod irregolari bi ksur tad-dmirijiet ta’ eżami diliġenti u imparzjali, billi injorat il-valur reali tal-attiv ittrasferit minkejja l-provi suffiċjenti eżistenti fil-fajl.

230

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti.

231

Hemm lok li jiġi enfasizzat li ebda dispożizzjoni tal-proċedura ta’ stħarriġ/kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma tirriżerva, fost il-partijiet interessati, rwol partikolari lill-benefiċjarju tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat ma hijiex proċedura miftuħa “kontra” l-benefiċjarju tal-għajnuna li jimplika li dan tal-aħħar jista’ jibbaża ruħu fuq id-drittijiet daqstant wiesgħa bħad-drittijiet tad-difiża inkwantu tali. Madankollu, għalkemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma għandux l-istatus ta’ parti fil-proċedura, il-ġurisprudenza rrikonoxxietlu ċerti drittijiet proċedurali li għandhom l-għan li jippermettulu li jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni u li jsostni l-argumenti tiegħu (sentenza Scott vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, EU:T:2003:113, punt 54).

232

Din il-ġurisprudenza essenzjalment tagħti lill-persuni interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 108(2) TFUE (sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra, EU:T:1996:153, punt 256, u tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra, EU:T:1998:140, punt 59).

233

Ellinikos Chrysos, inkwantu benefiċjarja tal-miżuri inkwistjoni, ġiet mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u sabiex tagħti l-perspettiva tagħha fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru kkonċernat u sabiex tipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni li ġiet debitament meħuda inkunsiderazzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Hemm lok, għalhekk, li jiġi kkunsidrat li l-garanziji proċedurali tagħha ġew kompletament osservati f’dan il-każ mill-Kummissjoni.

234

Fir-rigward tal-ewwel ilment, dwar in-nuqqas ta’ żvelar tal-identità tal-lanjant, għandu jiġi rrilevat li, bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni, ma teżisti ebda dispożizzjoni li timponi fuqha li tiżvela l-identità tal-lanjant jew ta’ kwalunkwe sors ta’ informazzjoni lill-partijiet interessati. Għalhekk, Ellinikos Chrysos ma hijiex fondata sabiex tikkritika lill-Kummissjoni b’irregolarità proċedurali f’dan ir-rigward.

235

Fir-rigward tat-tieni lment, dwar l-ammissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, taċ-ċentru ta’ monitoraġġ Grieg dwar l-operat tat-tħaffir inkwantu parti interessata, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ tali organu bħala parti interessata tirriżulta direttament mill-Artikolu 108(2) TFUE u ma taffettwa bl-ebda mod l-istatus proċedurali ta’ Ellinikos Chrysos u lanqas id-drittijiet proċedurali tagħha fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

236

Fir-rigward tat-tielet ilment, dwar allegat użu ħażin ta’ poter u dwar ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmirijiet ta’ eżami diliġeni u imparzjali mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li Ellinikos Chrysos ma tasalx, permezz tal-argumenti tagħha mhux biżżejjed iddettaljati, sabiex turi li l‑Kummissjoni kisret id-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tagħha. Fil-fatt, jirriżulta mill-analiżi fuq il-mertu tal-kawża li l-Kummissjoni evalwat korrettament il-valur tal-elementi partimonjali kollha li kienu s-suġett tal-bejgħ inkwistjoni, applikat il-prinċipju tal-investitur privat u użat l-informazzjoni kollha li hija kellha sabiex tissodisfa l-kompitu tagħha li tevalwa korrettament dan il-valur.

237

Fit-tieni lok, dwar l-allegat użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, att huwa vvizzjat minħabba użu ħażin ta’ poter biss jekk kien jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ġie adottat esklużivament jew tal-inqas b’mod determinati, sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li għalihom kien eċċepit jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu affrontati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑121/10, Ġabra, EU:C:2013:784, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

238

Issa, l-allegazzjonijiet ta’ Ellinikos Chrysos f’dan ir-rigward huma ġenerali ħafna u ma humiex sostnuti. Hija essenzjalment tillimita ruħha li tinvoka l-iżball li jinsab fl-istqarrija għall-istampa ppubblikata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Frar 2011, li ġiet, kif hija rrikonoxxiet, ikkorreġuta wara talba min-naħa tagħha. F’tali ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza invokata fil-punt 237 iktar ’il fuq ma humiex manifestament issodisfatti f’dan il-każ.

239

Bħala konklużjoni, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, u għandhom jiġu miċħuda ż-żewġ rikorsi fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

240

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il‑Kawżi T‑233/11 u T‑262/11 huma magħqudin għall-finijiet tas-sentenza.

 

2)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

3)

Fil-Kawża T‑233/11, ir-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

4)

Fil-Kawża T‑262/11, Ellinikos Chrysos AE Metalleion kai Viomichanias Chrysou għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Diċembru 2015.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

1. Il-kuntest fattwali

 

2. Dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti

 

3. Il-proċedura amministrattiva

 

4. Id-deċiżjoni kkontestata

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

1. Fuq l-ammissibbiltà

 

2. Fuq il-mertu

 

Sunt tal-motivi għal annullament

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fuq diversi żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ għajnuna (Kawżi T‑233/11 u T‑262/11)

 

Fuq l-ewwel miżura ta’ għajnuna

 

– Osservazzjonijiet preliminari

 

– Fuq it-tieni parti, dwar żball ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ

 

– Fuq l-ewwel parti, dwar żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-użu ta’ riżorsi statali

 

– Fuq it-tielet parti, dwar żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (Kawża T‑233/11)

 

Fuq it-tieni miżura ta’ għajnuna

 

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ (Kawżi T‑233/11 u T‑262/11)

 

– Fuq it-tieni parti, dwar żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati membri (Kawża T‑233/11)

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljati tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (Kawża T‑233/11)

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja u fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE (Kawża T‑233/11)

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, fuq l-użu ħażin ta’ poter kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq id-dmir għal eżami imparzjali u diliġenti (Kawża T‑262/11)

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Grieg u l-Ingliż.

Fuq