Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013TJ0106
Judgment of the General Court (Fourth Chamber) of 18 November 2015 (Extracts).#d.d. Synergy Hellas Anonymi Emporiki Etaireia Parochis Ypiresion Pliroforikis v European Commission.#Arbitration clause — Sixth and Seventh Framework Programmes for research, technological development and demonstration activities — Early termination of contracts — Legitimate expectations — Proportionality — Good faith — Non-contractual liability — Reclassification of the action — Coexisting applications to establish contractual and non-contractual liability — Early warning system (EWS) — Sufficiently serious breach of a rule of law conferring rights on individuals — Causal link.#Case T-106/13.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Novembru 2015 (Estratti).
d.d. Synergy Hellas Anonymi Emporiki Etaireia Parochis Ypiresion Pliroforikis vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Klawżola ta’ arbitraġġ – Sitt u Seba’ Programm Qafas ta’ attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Xoljiment antiċipat tal-kuntratti – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Bona fide – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors – Koeżistenza ta’ talbiet għal kumpens kuntrattwali u mhux kuntrattwali – Sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS) – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali.
Kawża T-106/13.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Novembru 2015 (Estratti).
d.d. Synergy Hellas Anonymi Emporiki Etaireia Parochis Ypiresion Pliroforikis vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Klawżola ta’ arbitraġġ – Sitt u Seba’ Programm Qafas ta’ attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Xoljiment antiċipat tal-kuntratti – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Bona fide – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors – Koeżistenza ta’ talbiet għal kumpens kuntrattwali u mhux kuntrattwali – Sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS) – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali.
Kawża T-106/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2015:860
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
18 ta’ Novembru 2015 ( *1 )
“Klawżola ta’ arbitraġġ — Sitt u Seba’ Programm Qafas ta’ attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni — Xoljiment antiċipat tal-kuntratti — Aspettattivi leġittimi — Proporzjonalità — Bona fide — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors — Koeżistenza ta’ talbiet għal kumpens kuntrattwali u mhux kuntrattwali — Sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS) — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Rabta kawżali”
Fil-Kawża T‑106/13,
d.d. Synergy Hellas Anonymi Emporiki Etaireia Parochis Ypiresion Pliroforikis, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn M. Angelopoulos u K. Damis, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u A. Sauka, bħala aġenti, assistiti minn L. Athanassiou u G. Gerapetritis, avukati,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talbiet għal kumpens kuntrattwali u mhux kuntrattwali mressqa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ diversi kuntratti li l-Kummissjoni kkonkludiet mar-rikorrenti abbażi tas-Sitt u s-Seba’ Programm Qafas ta’ attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-ispazju Ewropew tar-riċerka u għall-innovazzjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[omissis]
Id-dritt
I – Fuq it-talba għal kumpens kuntrattwali
[omissis]
B– Fuq l-ammissibbiltà
[omissis]
2. Fuq l-ammissibbiltà ta’ argumenti li jirrigwardaw proġetti differenti mill-proġett ARTreat
44 |
Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma tistax validament tinvoka argumenti li jikkonċernaw lil proġetti differenti mill-proġett ARTreat li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, din tqis li l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw il-proġett J-WeB diġà kienu tressqu fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża Τ-365/12, li r-rikorrenti kienet ċediet (digriet Synergy Hellas vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, EU:T:2012:461). Din tqis li jmur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju li l-partijiet jiġu awtorizzati jippreżentaw mill-ġdid it-talbiet u l-allegazzjonijiet li dawn kienu rrinunzjaw għalihom. Ir-rikorrenti b’hekk tilfet kull interess leġittimu biex tifformula lmenti kontra l-konklużjonijiet tal-awditu mwettaq fil-kuntest tal-kuntratt J-WeB. Ir-rikorrenti tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti. |
45 |
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni xoljiet il-kuntratt ARTreat konkluż mar-rikorrenti b’applikazzjoni tal-Artikolu II.38(1)(c) tal-kuntratt imsemmi minħabba irregolaritajiet imwettqa mir-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt J-WeB. Peress li l-eżekuzzjoni inadegwata tal-kuntratt J-WeB hija l-kawża tax-xoljiment tal-kuntratt ARTreat, ir-rikorrenti għandha tkun tista’ tikkontesta l-eżekuzzjoni msemmija f’rikors għar-responsabbiltà kuntrattwali kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ xoljiment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tallega b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka argumenti relatati mal-proġett J-WeB fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà kuntrattwali bbażat fuq il-kuntratt ARTreat. |
46 |
Il-fatt li r-rinunzja għall-atti tar-rikorrenti fil-Kawża T-365/12, Synergy Hellas vs Il-Kummissjoni (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), għandha bħala suġġett il-kuntratt J-WeB, ma jaffettwax id-dritt tagħha, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kummissjoni minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ARTreat, li tinvoka l-irregolaritajiet relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt J-WeB. |
47 |
Fil-fatt, f’każ ta’ rinunzja għall-atti, il-Qorti Ġenerali ma tippronunzja ruħha la dwar l-ammissibbiltà u lanqas dwar il-mertu, iżda tirreġistra r-rieda tar-rikorrenti li ma tkomplix il-proċedura ġudizzjarja. Id-digriet ta’ rinunzja għall-atti ma huwiex res judicata. Diġà ġie deċiż li meta rikorrenti tirrinunzja għall-atti f’rikors pendenti, it-tilwima li tirriżulta minnu tieqaf teżisti u, għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ lis pendens ma rikors ieħor tintemm. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-interess li jiġi evitat li individwi jużaw din il-possibbiltà b’mod kuntrarju għall-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju ma jeħtieġx li sitwazzjoni ta’ lis pendens tippersisti anki fir-rigward ta’ rikors li r-rikorrenti rrinunzjat l-atti għalih, peress li dan l-interess huwa protett biżżejjed mill-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra EU:C:2011:368, punt 32). |
3. Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet
48 |
Skont il-Kummissjoni, it-talbiet relattivi għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 343828.88 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-awditu tal-proġett ARTreat għadu għaddej. Il-Kummissjoni tindika li l-osservazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż il-ġodda u d-dokumentazzjoni supplimentari voluminuża ppreżentati mir-rikorrenti wara l-komunikazzjoni tar-rapport ta’ awditu provviżorju għall-proġett ARTreat għadhom qed jiġu eżaminati mill-awdituri kompetenti. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li, fid-data tal-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors, in-nuqqas tagħha li tħallas l-ammont mitlub ta’ EUR 343828.88 huwa inċert u ipotetiku (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Settembru 2013, Planet vs Il-Kummissjoni, T‑489/12, EU:T:2013:496, punti 38 u 42). Issa, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti biex tiġġustifika interess ċert u attwali għas-soluzzjoni tat-tilwima. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tippronunzja ruħha fuq kwistjoni ineżistenti, u saħansitra fuq att ineżistenti. Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni u tqis li s-somma ta’ EUR 343828.88 kien dovut lilha. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull persuna li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja għandu jkollha interess ġuridiku ċert u attwali (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Lior vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Lior, T‑192/01 u T‑245/04, EU:T:2009:365, punt 247) u li dan l-interess leġittimu għandu jinftiehem bħala benefiċċju li r-rikors, bir-riżultat tiegħu, jista’ jikseb għar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra EU:C:2009:610, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
F’dan il-każ, it-talbiet inkwistjoni huma intiżi biex tinkiseb il-kundanna tal-Kummissjoni għal ħlas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ARTreat. Fil-fatt, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 343828.88 abbażi tal-ħlasijiet dovuti fil-kuntest tal-proġett ARTreat, flimkien mal-interessi. |
51 |
Il-fatt li l-Kummissjoni tinsab fl-istadju li tevalwa jekk l-ispejjeż imħallsa mir-rikorrenti humiex eliġibbli u, għalhekk, jekk il-ħlas tas-somma ta’ EUR 343828.88 huwiex dovut ma jippermettix li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ interess ġuridiku ċert u attwali tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, mal-preżentata tar-rikors, huwa manifest li r-rikorrenti għandha interess li r-rikors tagħha jirnexxi. B’hekk ir-rikorrenti għandha interess ċert u attwali li tikseb mingħand il-Qorti Ġenerali l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 343828.88 flimkien mal-interessi b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ARTreat. |
52 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka nuqqas ta’ interess ġuridiku min-naħa tar-rikorrenti minħabba li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, in-nuqqas ta’ ħlas minnha lir-rikorrenti tal-ammont ta’ EUR 343828.88 kien inċert jew ipotetiku. Fil-fatt, mal-preżentata tar-rikors, kien ċert li l-Kummissjoni ma kinitx ħalset l-ammont inkwistjoni. |
53 |
Il-kwistjonijiet jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta li tħallas l-ammont inkwistjoni qabel il-preżentata tar-rikors, jekk hija setgħet tissospendi l-ħlas tiegħu minħabba li l-awditu kien għadu qed isir u jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex tissospendi l-proċedura ġudizzjarja sa meta jintemm l-awditu tal-l-Kummissjoni jew, b’mod kuntrarju, jekk kellhiex tippronunzja ruħha direttament fuq l-eliġibbiltà tal-ispejjeż jimplikaw l-evalwazzjoni tal-provi fil-mertu tar-rikors u mhux l-ammissibbiltà tiegħu. B’hekk, diġà ġie deċiż, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq klawżola ta’ arbitraġġ, li l-eżistenza tan-natura ċerta, likwida u dovuta ta’ kreditu tikkostitwixxi, skont id-dritt applikabbli għall-kawża, kundizzjoni tal-fondatezza tat-talba għall-ħlas ippreżentata mill-proprjetarju tal-kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il-Kummissjoni, T‑59/11, Ġabra EU:T:2014:679, punt 280). |
54 |
L-ammissibbiltà tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ somma flus ma titpoġġix indiskussjoni mid-digriet Planet vs Il-Kummissjoni (punt 48 iktar ’il fuq, EU:T:2013:496) invokat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, diversament minn dan il-każ fejn l-azzjoni tar-rikorrenti hija intiża biex tikseb azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, l-azzjoni mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża Planet kienet intiża biex tinkiseb dikjarazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Unjoni li tawtorizzaha żżomm somom diġà mħallsa mill-Kummissjoni abbażi tal-kuntratti inkwistjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il-Kummissjoni, C-564/13 P, EU:C:2015:124, punt 18). |
55 |
Issa, kif indika l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, Ġabra EU:C:2014:2352), għalkemm, fil-kuntest ta’ azzjoni intiża sabiex tinkiseb ordni, li tkun intiża sabiex jiġu ssodisfatti talbiet speċifiċi, l-interess ġuridiku jkun jista’ ġeneralment jiġi dedott direttament mill-kuntest tat-talba stess, l-interess leġittimu tar-rikorrent li jikseb dikjarazzjoni ġuridika astratta mill-qorti fir-rigward tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ relazzjoni legali jew ta’ dritt partikolari jeħtieġ, bħala regola ġenerali, motivazzjoni partikolari. Fil-fatt, ma huwiex id-dmir tal-qrati tal-Unjoni li jistabbilixxu opinjonijiet legali astratti (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Planet vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, EU:C:2014:2352, punt 41). |
56 |
Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-inammissibbiltà mqajma f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni. |
C– Fuq il-mertu
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
57 |
L-Artikolu II.38(1) tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat jipprovdi li: “[…] il-Kummissjoni tista’ xxolji l-ftehim ta’ sussidju jew ittemm il-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju fil-każijiet segwenti: […]
|
58 |
Il-kunċett ta’ irregolarità huwa ddefinit fl-Artikolu II.1(10) tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat bħala “kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju jew kull ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ kontraent li kellu jew li seta’ kellu effett li jikkawża dannu lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew lill-baġit immexxi minnhom permezz ta’ nfiq indebitu”. |
59 |
Il-Kummissjoni xoljiet il-kuntratt konkluż mar-rikorrenti għall-proġett ARTreat b’applikazzjoni tal-Artikolu II.38 msemmi iktar ’il fuq minħabba li l-awditu finanzjarju tal-kuntratt J-WeB imwettaq mill-kumpannija Kypris & Associates f’isimha żvela li parti kbira mill-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti ma kinux eliġibbli (ara r-rapport tal-awditu finali tal-kuntratt J-WeB). |
60 |
Ir-rikorrenti tikkunsidra dan ix-xoljiment bħala illegali, għaliex il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat l-ispejjeż tagħha għall-proġett J-WeB ma kinux eliġibbli. Din tibbaża t-talba għal kumpens kuntrattwali tagħha fuq l-allegazzjoni li tgħid li x-xoljiment imsemmi jikser, minn naħa, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tal-proporzjonalità (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Skont ir-rikorrenti, ix-xoljiment illegali tal-kuntratt ARTreat ikkawżalha dannu li jammonta għal EUR 343828.88. Minn din is-somma, EUR 94112.93 huma dovuti minħabba n-nuqqas ta’ qliegħ għall-perijodu bejn id-data tax-xoljiment tal-kuntratt ARTreat u t-tmiem tal-proġett ARTreat u EUR 249715.95 huma dovuti minħabba spejjeż magħmula qabel ix-xoljiment tal-kuntratt ARTreat. |
2. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
61 |
Insostenn tal-motiv tagħha li jgħid li x-xoljiment tal-kuntratt ARTreat jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkontesta l-affidabbiltà tar-rapport tal-awditu finali li jikkonċerna l-proġett J-WeB. Fil-fatt, ir-rapporti ta’ awditu tal-kumpannija Ernst & Young dwar il-proġett Metabo u dawk tal-kumpannija BDO dwar il-proġett J-WeB jikkonfermaw l-affidabbiltà tas-sistema ta’ qari tal-ħin tar-rikorrenti u n-natura eliġibbli tal-ispejjeż tagħha. It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li, sabiex tippronunzja ruħha dwar in-neċessità li tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċħid tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tagħha sittax-il xahar wara l-awditu magħmul mill-kumpannija Ernst & Young tal-kuntratt Metabo jaqbeż it-terminu raġonevoli. It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis, hekk kif juru l-minuti tal-laqgħa tat-22 ta’ Awwissu 2012 u l-posta elettronika tal-24 ta’ Settembru 2012, li hija kienet waslet għal ftehim mal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ xoljiment tal-kuntratt ARTreat. Madankollu, il-Kummissjoni rtirat ruħha illegalment minn dan il-ftehim u b’hekk ikkawżatilha dannu materjali u immaterjali kbir. |
62 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Qabel kollox, fid-dawl tar-relazzjoni kjarament kuntrattwali tagħha mar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li din ma tistax tilmenta kontriha ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li din hija marbuta li tosserva bħala awtorità amministrattiva fir-rigward taċ-ċittadini tagħha. Barra min hekk, din tqis li r-rikorrenti ma qajmet ebda motiv dwar il-manifestazzjonijiet tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-liġi tal-kuntratti. Sussegwentement, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide u fuq l-abbuż ta’ dritt huma inammissibbli, għaliex tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u huma vagi wisq. Finalment u f’kull każ, il-Kummissjoni tqis li hija ma tatx xi aspettattivi leġittimi lir-rikorrenti u li hija ma kisritx it-terminu raġonevoli. |
63 |
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li t-Trattat FUE stabbilixxa sistema ta’ rimedji ġudizzjarji awtonomi. L-Artikolu 272 TFUE jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola tal-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skont id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f’isimha. |
64 |
Ir-rikorrenti ppreżentat talba għal kumpens kuntrattwali abbażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tal-kuntratt ARTreat li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali waħedha hija kompetenti li tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, dwar kull tilwima bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-validità tal-imsemmi kuntratt ta’ sussidju (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). |
65 |
Fil-kuntest ta’ din it-talba għal kumpens kuntrattwali, ir-rikorrenti allegat, għall-motivi msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-aspettattiva leġittima invokata hija “eżaminata mill-perspettiva taċ-ċittadin” u “teżiġi l-protezzjoni tal-aspettattiva ta’ din tal-aħħar f’azzjoni statali kontinwa u affidabbli, li din tista’ tibbaża ruħha fuqha sabiex twettaq ċerti azzjonijiet u tibbaża ċerti pretensjonijiet”. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, dan il-prinċipju jikkostitwixxi “limitazzjoni tad-dritt ta’ rtirar tal-atti amministrattivi illegali”. |
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hekk kif invokat mir-rikorrenti jirregola r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni ta’ ċittadin mal-amministrazzjoni u għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tiġi invokata l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kontra l-amministrazzjoni tal-Unjoni jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni msemmija, meta pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot fih tamiet fondati. Jikkostitwixxu tali assigurazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma li jkunu kkomunikati fiha, informazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti li jingħataw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li tkun ipprovdietlu l-amministrazzjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra EU:T:2003:78, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk dan il-prinċipju huwa suġġett għall-istħarriġ tal-legalità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, li l-Qorti Ġenerali tista’ twettaq fuq atti adottati mill-istituzzjonijiet. |
67 |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali hija adita fil-kwalità tagħha bħala qorti tal-kuntratt. Ċertament, għalkemm, abbażi tal-Artikolu 9 tal-kuntratt ARTreat (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), dan il-kuntratt huwa b’mod partikolari rregolat mid-dritt tal-Unjoni, dan il-fatt ma jippermettix li tiġi emendata l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hekk kif inhi ddefinita mir-rimedju ġudizzjarju magħżul mir-rikorrenti. Għalhekk, fit-talba għal kumpens kuntrattwali tagħha, ir-rikorrenti tista’ biss tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-liġi applikabbli għall-kuntratt, jiġifieri ksur tal-klawżoli kuntrattwali, tar-regolament finanzjarju jew tal-prinċipju tal-liġi tal-kuntratti tal-Unjoni u, sussidjarjament, tal-prinċipji tal-liġi tal-kuntratti Belġjana (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Burie Onderzoek en Advies, T‑179/06, EU:T:2009:171, punt 118). |
68 |
Għaldaqstant, fil-kuntest tat-talba għal kumpens kuntrattwali mressqa mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara inammissibbli lment ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni, fl-eżekuzzjoni minnha tal-kuntratt ARTreat, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif iddefinit fil-punt 66 iktar ’il fuq. |
69 |
Madankollu, fir-replika, ir-rikorrenti tippreċiża li l-ilment tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jitqies fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet bona fide u tal-projbizzjoni tal-applikazzjoni abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali. |
70 |
Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, din l-allegazzjoni ma hijiex inammissibbli minħabba t-tardività jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħha. Fil-fatt, motiv, jew argument, li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imqajjem preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T‑107/04, Ġabra EU:T:2007:85, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti invokat fir-rikors tagħha l-applikazzjoni tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, applikabbli għall-kuntratt ARTreat abbażi tal-Artikolu 9 tiegħu. Dan l-Artikolu tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jistabbilixxi l-obbligu tal-partijiet fi ftehim li jeżegwuh f’bona fide. Barra minn hekk, tista’ tiġi invokata forma ta’ aspettattivi leġittimi fil-liġi tal-kuntratti peress li din tiddependi fuq l-osservanza tal-obbligu tal-partijiet f’kuntratt li jeżegwuh f’bona fide. |
71 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ilment tar-rikorrenti peress li, fil-kontroreplika, din argumentat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni li ma josservax kundizzjoni essenzjali li għaliha kien issuġġettat l-għoti tal-għajnuna ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bil-għan li jikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtih l-ammont inizjalment miftiehem u li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li din ma osservatx l-obbligi finanzjarji li hija suġġetta għalihom l-għajnuna finanzjarja. |
72 |
Il-fatt li ma jistax jiġi eskluż li tiġi invokata forma ta’ aspettattivi leġittimi fil-liġi tal-kuntratti peress li din tiddependi fuq l-osservanza tal-obbligu tal-partijiet f’kuntratt li jeżegwuh f’bona fide jirriżulta mill-fatt li dan il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni f’bona fide tal-ftehimiet jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti li tikkostitwixxi abbuż ta’ liġi. |
73 |
B’hekk, il-Qorti tal-Kassazzjoni Belġjana ddeċidiet li l-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li abbażi tiegħu il-ftehimiet għandhom jiġu eżegwiti f’bona fide, kien jipprekludi lil parti milli tabbuża minn dritt li kien irrikonoxxut lilha mill-ftehim. L-abbuż ta’ dritt jikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ dritt b’mod li jeċċedi manifestament il-limiti tal-eżerċizzju normali ta’ dan id-dritt minn persuna prudenti u diliġenti (Cass 16 ta’ Novembru 2007 AR nr C.06.0349.F.1). Issa, ma jistax jiġi eskluż li jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt il-fatt li l-proprjetarju ta’ dritt jinvokah wara li jkun ħoloq, fil-parti l-oħra, l-aspettattiva leġittima li ma kienx ser jinvokah permezz ta’ aġir oġġettivament inkompatibbli mal-eżerċizzju normali ta’ dan id-dritt. |
74 |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni b’ebda mod ma kkonferiet aspettattiva leġittima lir-rikorrenti li ma kinitx ser ixxolji l-kuntratt ARTreat b’applikazzjoni tal-Artikolu II.38(1)(c) tal-Anness II tal-kuntratt imsemmi wara r-riżultati tal-awditu tal-kuntratt J-WeB mill-kumpannija Kypris & Associates li żvelaw numru kbir ta’ spejjeż inammissibbli. |
75 |
Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti tqis li hija seta’ jkollha aspettattiva leġittima sa fejn l-ispejjeż tagħha għall-proġett J-Web huma eliġibbli, għaliex il-kumpannija Ernst & Young kienet wettqet awditu simili fir-rigward tal-proġett Metabo u kienet qieset li l-ispejjeż tagħha kienu eliġibbli, għandu jiġi osservat li r-rapport tal-awditu li jikkonċerna l-proġett Metabo, li tinvoka r-rikorrenti, kien biss proġett ta’ rapport ta’ awditu. In-natura provviżorja ta’ dan ir-rapport tipprekludi l-ħolqien ta’ kull aspettattiva leġittima fir-rikorrenti. |
76 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tonqos milli tesponi b’mod preċiż biżżejjed għalfejn tqis li l-evalwazzjoni tal-ispejjeż tal-kuntratt Metabo kien trasponibbli għall-ispejjeż tal-proġett J-WeB. Din lanqas ma tindika abbażi ta’ xiex tqis li dan ir-rapport ta’ awditu li jikkonċerna l-proġett Metabo ġie aċċettat mill-Kummissjoni. Dan il-proġett ta’ rapport ta’ awditu jindika li r-rapport imsemmi ġie ppreparat fuq talba tal-Kummissjoni, iżda li l-proposti espressi huma dawk tal-awditur indipendenti u ma jirrappreżentawx l-opinjoni uffiċjali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat fil-kontroreplika li dan il-proġett ta’ rapport qatt ma ġie ffinalizzat, peress li ma ġiex aċċettat, u li għandu jiġi ssostitwit mir-rapport ta’ awditu tal-proġett ARTreat. |
77 |
Dawn it-talbiet ma jitpoġġewx indiskussjoni mill-fatt imsemmi mir-rikorrenti li jgħid li għaddew sittax-il xahar bejn l-adozzjoni tal-proġett ta’ rapport ta’ awditu mill-kumpannija Ernst & Young li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Metabo u ċ-ċħid ta’ numru kbir ta’ spejjeż wara l-awditu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt J-WeB. Fil-fatt, it-terminu li għadda bejn dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet ma għandux impatt fuq l-eżattezza jew le tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-awditi inkwistjoni. Il-mogħdija ta’ tali terminu ma tikkonferixxix kredibbiltà ikbar lill-evalwazzjoni li tinsab fl-ewwel rapport ta’ awditu. [omissis] |
3. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
a) Fuq in-natura proporzjonata tax-xoljiment
87 |
Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li x-xoljiment tal-kuntratt ARTreat wara r-rapport ta’ awditu tal-kuntratt J-Web huwa sproporzjonat. Insostenn ta’ dan l-ilment, l-ewwel nett, din tallega li r-rapport ta’ awditu li jikkonċerna l-proġett J-WeB jikkonstata irregolaritajiet finanzjarji, hekk kif juru r-rapporti ta’ awditu mwettqa mill-kumpanniji BDO u Ernst & Young, u li r-rapport ta’ awditu li jirrigwarda l-proġett J-WeB huwa r-riżultat ta’ evalwazzjoni arbitrarja minħabba n-nuqqas ta’ imparzjalità tal-kumpannija Kypris & Associates. It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li x-xoljiment inkwistjoni kien kuntrarju għal dak li kienet ftiehmet mal-Kummissjoni waqt il-laqgħa tat-22 ta’ Awwissu 2012. It-tielet nett, din tallega l-ksur tat-termini stabbiliti, minn naħa, fil-punt 5.3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2011/161, għall-eżami mill-ġdid tax-xoljiment tal-kuntratt ARTreat mill-kumitat ta’ rimedju, u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu II.22 tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat, għall-komunikazzjoni tar-rapport ta’ awditu finali. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tqis li x-xoljiment tal-kuntratti ARTreat u Metabo huwa illegali, għaliex seħħ qabel kemm l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors quddiem il-kumitat ta’ rimedju kif ukoll id-deċiżjoni ta’ dan il-kumitat. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet u tqis li x-xoljiment imsemmi kien proporzjonat. |
88 |
Fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, Ġabra EU:T:2013:431, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Dan il-prinċipju huwa intiż biex jirregola r-rimedji kollha tal-Unjoni, kemm jekk ikunu kuntrattwali jew le (sentenza tal-25 ta’ Mejju 2004, Distilleria Palma vs Il-Kummissjoni, T‑154/01, Ġabra EU:T:2004:154, punt 44). Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju tiddependi fuq l-obbligu iktar ġenerali tal-partijiet f’kuntratt li jeżegwuh f’bona fide. Abbażi tal-liġi Belġjana applikabbli għall-kuntratt ARTreat (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), l-obbligu li l-ftehimiet jiġu eżegwiti f’bona fide jipprekludi lil parti milli teżerċita dritt b’mod li jeċċedi manifestament il-limiti tal-eżerċizzju normali ta’ dan id-dritt minn persuna prudenti u diliġenti (ara l-punt 73 iktar ’il fuq). |
90 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu II.38(1)(c) tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat, xoljiet unilateralment il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-kuntratt wara r-rapport ta’ awditu finali tal-kuntratt J-WeB. Il-Kummissjoni qieset li r-rapport ta’ awditu finali li jikkonċerna l-proġett J-WeB kien juri li r-rikorrenti kienet wettqet irregolarità fis-sens tal-Artikolu II.1 tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat li kien jippermettilha xxolji unilateralment il-kuntratt imsemmi b’applikazzjoni tal-Artikolu II.38(1)(c) tal-Anness II tal-imsemmi kuntratt. |
91 |
Sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni għamlitx applikazzjoni proporzjonat tal-Artikolu II.38(1)(c) tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat, għandu jiġi osservat li, fir-rapport ta’ awditu finali li jikkonċerna l-kuntratt konkluż mill-Kummissjoni mar-rikorrenti għas-sussidju tal-proġett J-WeB, l-awdituri tal-kumpannija Kypris & Associates ċaħdu l-ispejjeż tal-persunal kollha ddikjarati billi kkunsidraw li ma kinux eliġibbli. Dawn waslu għal din il-konklużjoni billi ħadu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet segwenti:
|
92 |
Isegwi li d-dikjarazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż mir-rikorrenti bil-għan li jiġu rrimborsati mill-Kummissjoni ma kinitx affidabbli u li r-rikorrenti naqset mill-obbligi kuntrattwali tagħha li tiddikjara biss spejjeż eliġibbli. Dawn in-nuqqasijiet jikkostitwixxu irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu II.1(10) tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat. Fil-fatt, dawn għandhom jew jista’ jkollhom l-effett li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dawn jiġġustifikaw, b’applikazzjoni tal-Artikolu II.38(1)(c) tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat, ix-xoljiment tal-kuntratt imsemmi mingħajr ma dan ix-xoljiment jista’ jitqies li huwa sproporzjonat jew li jikkostitwixxi abbuż ta’ liġi. Il-legalità tar-raġunijiet għax-xoljiment stabbiliti mill-Artikolu II.38(1)(c) tal-Anness II tal-kuntratt ARTreat ma titqiegħedx indiskussjoni mir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-irregolaritajiet stabbiliti mill-awditu huma suffiċjentement serji, b’mod li x-xoljiment tal-kuntratt ARTreat ma jikkostitwixxix eżerċizzju tad-dritt għal xoljiment unilaterali li jeċċedi manifestament il-limiti tal-eżerċizzju normali ta’ dan id-dritt minn persuna prudenti u diliġenti. [omissis] |
II– Fuq it-talba għal kumpens mhux kuntrattwali
[omissis]
C– Fuq il-mertu
[omissis]
2. Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità u tal-ftehim imsemmi fil-minuti tat-22 ta’ Awwissu 2012, fuq in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-osservazzjonijiet fuq l-awditu provviżorju tal-kuntratti ARTreat u Metabo, fuq n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ rapport ta’ awditu definittiv u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”
141 |
Il-Kummissjoni tqis li l-għan tat-talba għal kumpens mhux kuntrattwali tar-rikorrenti jikkonċerna, f’dan il-każ, dannu kuntrattwali. Minn dan, hija tiddeduċi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti insostenn tat-talba għal kumpens mhux kuntrattwali tagħha għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-klawżoli kuntrattwali. |
142 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-Trattat FUE jistabbilixxi sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji. Kull wieħed minn dawn ir-rimedji huwa awtonomu, jissodisfa funzjoni partikolari fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2004, Médiateur vs Lamberts, C‑234/02 P, Ġabra EU:C:2004:174, punt 59, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra EU:C:2008:461, punt 281). |
143 |
Ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali stabbilit fl-Artikolu 268 TFUE għandu bħala suġġett it-talba għal kumpens għal dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni jew lil organu tal-Unjoni (sentenza Médiateur vs Lamberts, punt 142 iktar ’il fuq EU:C:2004:174, punt 59). Kif tfakkar fil-punt 124 iktar ’il fuq, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet relattivi għall-illegalità tal-aġir ilmentat kontra l-istituzzjoni tal-Unjoni, għar-realtà tad-dannu u għall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni msemmija u d-dannu invokat. |
144 |
Ir-rikors għal responsabbiltà kuntrattwali, stabbilit fl-Artikolu 272 TFUE, għandu bħala suġġett it-talba għal kumpens għal dannu li jirriżulta minn kuntratt magħmul mill-Unjoni jew f’isimha. Il-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni u r-responsabbiltà tal-partijiet kontraenti jiddependu mill-portata tal-klawżoli kuntrattwali u, b’mod partikolari, mill-klawżoli li jattribwixxu l-kompetenza u li jistabbilixxu l-liġi applikabbli għall-kuntratt. Din il-ġurisdizzjoni tapplika b’deroga mid-dritt Komunitarju u għalhekk, għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra EU:C:1986:501, punt 11, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa, T‑259/09, EU:T:2010:536, punt 39). B’hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tisma biss it-talbiet li joriġinaw mill-kuntratt li fih il-klawżola ta’ arbitraġġ jew li għandhom rabta diretta mal-obbligi li jirriżultaw minnu (sentenza Il-Kummissjoni vs Zoubek, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1986:501, punt 11). |
145 |
Fid-dawl tal-awtonomija tar-rimedji ġudizzjarji msemmija iktar ’il fuq u tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ kull wieħed minn dawn ir-rimedji, il-Qorti Ġenerali hija marbuta li tiddetermina jekk ir-rimedju li għandha quddiemha għandux bħala għan talba għad-danni bbażata oġġettivament fuq drittijiet u obbligi b’oriġini kuntrattwali jew b’oriġini mhux kuntrattwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, Ġabra EU:C:2013:245, punt 66). |
146 |
B’hekk ġie deċiż li s-sempliċi invokazzjoni ta’ regoli jew ta’ prinċipji legali li ma jirriżultawx mill-kuntratt li jorbot lill-partijiet, iżda li jorbtuhom, ma tistax ikollha l-konsegwenza li tbiddel in-natura kuntrattwali ta’ tilwima [ara s-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2009, Guigard vs Il-Kummissjoni, C‑214/08 P, EU:C:2009:330, punt 43; Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, punt 145 iktar ’il fuq EU:C:2013:245, punt 65, u tad-19 ta’ Mejju 2010, Nexus Europe (Ireland) vs Il-Kummissjoni, T‑424/08, EU:T:2010:211, punt 60]. |
147 |
Madankollu, peress li, abbażi tat-Trattat FUE, il-qrati tal-Unjoni huma, fil-prinċipju, kompetenti biex jiddeċiedu kemm fuq rikors li jirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet kif ukoll fuq rikors li jirrigwarda r-responsabbiltà kuntrattwali tal-istituzzjonijiet meta jkunu kkonkludew kuntratt li jkun fih klawżola ta’ arbitraġġ, ġie deċiż li, meta l-Qorti Ġenerali jkollha quddiemha rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, meta t-tilwima tkun, fir-realtà, ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali għandha tikkwalifika mill-ġdid ir-rikors jekk il-kundizzjonijiet għal tali kwalifika mill-ġdid ikunu sodisfatti (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2001, Lecureur vs Il-Kummissjoni, T‑26/00, Ġabra EU:T:2001:222, punt 38; digriet tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il-Kummissjoni, T‑314/03 u T‑378/03, Ġabra EU:T:2004:139, punt 88, u s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2014, Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni, T‑29/11, Ġabra EU:T:2014:912, punt 42). |
148 |
B’mod iktar partikolari, hekk kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, fil-preżenza ta’ tilwima ta’ tali natura, huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tikkwalifika mill-ġdid rikors meta jew ir-rieda espressa tar-rikorrent li ma jibbażax it-talba tiegħu fuq l-Artikolu 272 TFUE tipprekludi tali kwalifika mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, id-digriet Musée Grévin vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq EU:T:2004:139, punt 88; sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq EU:T:2010:240, punt 59, u d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2012, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, T‑657/11, EU:T:2012:411, punt 55), jew meta r-rikors ma jkun ibbażat fuq ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk ikunu klawżoli kuntrattwali jew dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali stabbiliti fil-kuntratt (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Federación Española de Hostelería vs EACEA, T‑340/13, EU:T:2014:889, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
149 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali minn istituzzjoni ma jistax, fih innifsu, iwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni msemmija fir-rigward ta’ waħda mill-partijiet li magħha din tkun ikkonkludiet il-kuntratt li fih id-dispożizzjoni msemmija. Fil-fatt, f’tali każ, l-illegalità imputabbli għall-istituzzjoni msemmija għandha oriġini purament kuntrattwali u toriġina mill-obbligu tagħha bħala parti kontraenti u mhux minħabba xi kwalità oħra bħal dik ta’ awtorità amministrattiva. Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali insostenn ta’ talba għal kumpens mhux kuntrattwali għanda tiġi ddikjarata ineffettiva. |
150 |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li r-responsabbiltajiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jikkoeżistu fir-rigward ta’ wieħed mill-kontraenti tiegħu. Fil-fatt, in-natura tal-aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni li tikkawża dannu li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal kumpens mhux kuntrattwali ma hijiex predefinita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Médiateur vs Lamberts, punt 142 iktar ’il fuq EU:C:2004:174, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, Ġabra EU:T:2009:530, punt 65). Anki jekk jitqies li teżisti tali koeżistenza tar-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet, din tkun possibbli biss bil-kundizzjoni li, minn naħa, l-illegalità li hija imputata lill-istituzzjoni inkwistjoni tkun tikkostitwixxi nuqqas mhux biss ta’ obbligu kuntrattwali, iżda wkoll ta’ obbligu ġenerali impost fuqha u, min-naħa l-oħra, li din l-illegalità fir-rigward tal-imsemmi obbligu ġenerali, tkun ikkawżat dannu differenti minn dak li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt. |
151 |
F’dan il-każ, tlieta mill-erba’ lmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal kumpens mhux kuntrattwali, miġbura fil-punti 125 u s-segwenti iktar ’il fuq, huma bbażati oġġettivament fuq allegati nuqqasijiet ta’ oriġini kuntrattwali, u ma ġie invokat ebda dannu ieħor minbarra dak li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt. |
152 |
Fil-fatt, fir-rigward tal-allegat tixrid ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li din tikkonsisti mill-informazzjoni mogħtija lill-koordinaturi tal-proġetti ARTreat u Metabo dwar ix-xoljiment, rispettivament, tal-kuntratt ARTreat u tal-kuntratt Metabo. L-allegata informazzjoni kunfidenzjali, jiġifieri x-xoljiment mill-Kummissjoni tal-kuntratti ARTreat u Metabo mar-rikorrenti, hija informazzjoni li ħarġet mill-Kummissjoni u li hija għandha fil-kwalità tagħha bħala parti kontraenti u mhux fil-kwalità tagħha bħala awtorità amministrattiva. Barra minn hekk, il-koordinaturi tal-proġetti inkwistjoni li lilhom ġiet ikkomunikata l-allegata informazzjoni kunfidenzjali ma humiex persuni terzi għall-kuntratti inkwistjoni. Dawn huma partijiet kontraenti tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni. Finalment, ir-rikorrenti tinvoka hija stess, insostenn ta’ dan l-ilment, il-ksur tal-Artikoli II.22(8) tal-Anness II ta’ dawn il-kuntratti li jgħidu li l-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjonijiet fuq il-post konformement mar-Regolamenti Nru 2185/96 u (CE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), u tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu II.38(2) tal-Anness II tal-kuntratti msemmija jipprevedi li t-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-benefiċjarji fl-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha tkun innotifikata lill-benefiċjarji kkonċernati, b’kopja lill-koordinatur. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li r-rikorrenti tilmenta li kisret il-Kummissjoni huwa bbażat oġġettivament fuq drittijiet u obbligi ta’ oriġini kuntrattwali u mhux l-obbligi msemmija mill-Artikolu 339 TFUE u fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li ġew invokati wkoll. |
153 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikorrenti ma tippreċiżax, u lanqas biss ma turi, li l-imsemmi tixrid tal-allegata informazzjoni kunfidenzjali lill-koordinaturi tal-kuntratti kkawżatilha dannu differenti minn dak dovut għall-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt, b’mod partikolari, tal-Artikoli II.22 u II.38 tal-Anness II tal-kuntratti msemmija. |
154 |
Fir-rigward tal-ksur tal-allegat ftehim konkluż bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni imsemmi fil-minuti tal-laqgħa tat-22 ta’ Awwissu 2012, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment jirrigwarda l-mod li bih il-partijiet eżegwew il-kuntratti ARTreat u Metabo. Il-fatt li r-rikorrenti tqis li, bin-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim imsemmi, il-Kummissjoni kisret ir-regoli ta’ bona fide u ta’ lealtà, abbużat mill-poter tagħha, wettqet diskriminazzjoni u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ kontinwità amministrattiva ma jpoġġix indiskussjoni lil din il-konstatazzjoni. Dawn l-ilmenti jirrigwardaw, fir-realtà, allegat ksur li huwa oġġettivament marbut ma’ drittijiet u ma’ obbligi ta’ natura kuntrattwali. Barra minn hekk u f’kull każ, ir-rikorrenti ma tippreċiżax, u lanqas biss ma tipprova, li l-ksur imsemmi kkawżalha dannu differenti minn dak li kien dovut għall-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratti inkwistjoni. |
155 |
Finalment, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-osservazzjonijiet dwar ir-rapport ta’ awditu provviżorji tal-proġetti ARTreat u Metabo kif ukoll tal-allegat dewmien fl-adozzjoni tar-rapporti ta’ awditu definittivi dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratti ARTreat u Metabo, dawn l-ilmenti jirrigwardaw oġġettivament l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni mill-Kummissjoni bħala parti kontraenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka, insostenn ta’ dawn l-ilmenti, ksur tal-Artikolu II.22(5) tal-kuntratti inkwistjoni. Is-sempliċi invokazzjoni tal-osservanza tal-prinċipji tat-terminu raġonevoli u tad-drittijiet tad-difiża dovuta mill-Kummissjoni ma jistax ikollha l-konsegwenza li tibdel in-natura kuntrattwali tat-tilwima. Finalment u f’kull każ, ir-rikorrenti ma tippreċiżax, u lanqas biss ma tipprova, li l-ksur imsemmi kkawżalha dannu differenti minn dak li kien dovut għall-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratti inkwistjoni. |
156 |
Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali staqsiet lir-rikorrenti jekk kinitx topponi ruħha milli tikkwalifika mill-ġdid it-talba għal kumpens mhux kuntrattwali tagħha f’talba għal kumpens kuntrattwali għall-parti tat-talba għal kumpens mhux kuntrattwali tagħha bbażata fuq ilmenti bbażati fuq il-ksur tar-regoli tal-kuntratti inkwistjoni. B’risposta għal din id-domanda, ir-rikorrenti ddikjarat li topponi ruħha għal tali kwalifika mill-ġdid. |
157 |
Fid-dawl ta’ din l-oppożizzjoni tar-rikorrenti għal kwalifika mill-ġdid u peress li t-tliet ilmenti msemmija fil-punti 151 u s-segwenti iktar ’il fuq, imressqa insostenn tat-talba għal kumpens mhux kuntrattwali tar-rikorrenti, jirrigwardaw oġġettivament l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, it-talba għal kumpens mhux kuntrattwali tar-rikorrenti bbażata fuq l-ilmenti msemmija għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. [omissis] |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Prek Labucka Kreuschitz Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2015. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-Kawża: il-Grieg.
( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.