Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012TJ0517

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014  .
    Alro SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Elettriku – Tariffi preferenzjali – Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Miżura ta’ għajnuna totalment eżegwita, parzjalment, fid-data tad-deċiżjoni u, parzjalment, fid-data tal-preżentata tar-rikors – Inammissibbiltà.
    Kawża T‑517/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2014:890

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    16 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat — Elettriku — Tariffi preferenzjali — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE — Rikors għal annullament — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Miżura ta’ għajnuna totalment eżegwita, parzjalment, fid-data tad-deċiżjoni u, parzjalment, fid-data tal-preżentata tar-rikors — Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża T‑517/12,

    Alro SA, stabbilita f’Slatina (Ir-Rumanija), irrappreżentata minn C. Quigley, QC, O. Bretz, solicitor, u S. Verschuur, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 2517 finali, tal-25 ta’ April 2012, li tiftaħ proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat SA 33624 (2012/C) (ex 2011/NN) – Ir-Rumanija – Tariffi preferenzjali ta’ elettrikku favur Alro Slatina SA, u, sussidjarjament, talba għal annullament tad-Deċiżjoni C (2012) 2517 finali sa fejn din tapplika għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2009,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

    komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, Alro SA, hija produttur Rumen tal-aluminju, li fit-8 ta’ Settembru 2005, ikkonkluda mal-impriża pubblika Hidroelectrica SA (iktar ’il quddiem il-“fornitur”) kuntratt għal żmien twil ta’ provvista ta’ elettriku kontinwu għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u l-31 ta’ Jannar 2013. Sa mill-1 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti, abbażi ta’ dan il-kuntratt, xtrat l-elettriku għall-grupp kollu li hija tifforma parti minnu fir-Rumanija.

    2

    Il-kuntratt għal żmien twil ta’ provvista ta’ elettriku kontinwu kien suġġett, qabel l-10 ta’ Awwissu 2012, għal 17-il emenda (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ għajnuna preżunta”), li r-raba’ waħda minnhom, iffirmata fis-6 ta’ Ġunju 2006, ipprevediet formula ġdida ta’ kalkolu tal-prezz tax-xiri tal-elettriku, li ġiet applikata mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-2005 emendat”). Is-sbatax-il emenda ġiet iffirmata fil-11 ta’ Marzu 2010 u pprevediet formula ġdida ta’ kalkolu, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2010 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-2010”).

    3

    Il-formula tal-kalkolu inkluża fil-kuntratt tal-2005 emendat kienet tipprevedi li l-prezz tal-megawatthour (MWh) ta’ elettriku kellu jiġi indiċizzat fuq l-ispejjeż tal-fornitur, li l-komponenti prinċipali tiegħu kienu l-ispiża tal-ħaddiema, l-ispejjeż tal-funzjonament u l-ispejjeż ta’ deprezzament, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inflazzjoni. Il-formula tal-kalkolu kienet tintroduċi prezz minimu, obbligu ta’ ħlas f’leu Rumen (RON) u l-ħlas ta’ sitt xhur ta’ xiri bil-quddiem.

    4

    Il-formula tal-kalkolu inkluża fil-kuntratt tal-2010, li ssostitwixxiet il-formula preċedenti, ma kinitx iktar ibbażata fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-fornitur, iżda fuq il-prezz tal-aluminju fil-London Metal Exchange (Borża tal-metalli ta’ Londra), ħassret il-prezz minimu, għażlet id-dollaru tal-Istati Uniti (USD) bħala l-munita tal-ħlas u ffissat għal xahar l-obbligu ta’ ħlas minn qabel għall-provvista tal-elettriku.

    5

    Fid-dawl tal-informazzjoni ppubblikata fl-istampa Rumena, il-Kummissjoni Ewropea, f’Jannar 2011, fetħet investigazzjoni ex officio fuq il-kuntratti għal żmien twil fil-qasam tal-provvista tal-elettriku nnegozzjati direttament bejn il-fornitur u r-rikorrenti.

    6

    Il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand ir-Rumanija dwar il-kuntratti għal żmien twil ta’ provvista ta’ elettriku msemmija iktar ’il fuq, permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Frar, tal-4 ta’ Marzu u tal-14 ta’ April 2011, li għalihom ir-Rumanija rrispondiet permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Marzu, tas-16 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Settembru u tad-9 ta’ Novembru 2011, u tad-29 ta’ Frar u tat-8 ta’ Marzu 2012. Saru wkoll laqgħat mar-rappreżentanti tar-Rumanija u tar-rikorrenti.

    7

    Permezz tad-Deċiżjoni C (2012) 2517 finali, tal-25 ta’ April 2012, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tal-għajnuna ġdida mħallsa lir-rikorrenti u lill-membri l-oħra tal-grupp li hija kienet tifforma parti minnu fir-Rumanija, minn naħa, matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2009 u, min-naħa l-oħra, mill-1 ta’ Jannar 2010, fil-kuntest tal-miżura ta’ għajnuna prezunta (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    8

    Fil-premessi 61 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, ħarġet opinjoni preliminari li l-miżura ta’ għajnuna preżunta kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mogħtija fil-forma ta’ tariffi preferenzjali għall-provvista tal-elettriku, li setgħu jibbenefikaw minnhom r-rikorrenti u membri oħra tal-grupp li kienet tifforma parti minnu r-rikorrenti fir-Rumanija, u, min-naħa l-oħra, li hija kellha dubju dwar kif, billi tnaqqas l-ispejjeż operattivi li kellhom jiġu sostnuti interament mill-benefiċjarji mingħajr ma ssegwi l-ebda oġġettiv ta’ interess ġenerali, tali għajnuna setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mat-Trattat.

    9

    Fil-premessi 74 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ta’ għajnuna preżunta kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida sa mid-data ta’ adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2007. Hija għamlet distinzjoni bejn żewġ perijodi, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2010, li matulu kien japplika l-kuntratt tal-2005 emendat, u, fit-tieni lok, il-perijodu ta’ wara l-1 ta’ Jannar 2010, li warajh daħal fis-seħħ il-kuntratt tal-2010.

    Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    10

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

    11

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata s afejn din tikkonċerna l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2009;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    12

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    13

    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti talab lill-Qorti Ġenerali, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li hija titlob lill-Kummissjoni li tipproduċi dokumenti li hija bbażat ruħha fuqhom fir-risposta tagħha.

    14

    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ressqet parti mill-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

    Id-dritt

    Kunsiderazzjonijiet preliminari

    15

    Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, li permezz tagħhom hija tikkritika l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjoni ta’ imputabbiltà tal-miżura ta’ għajnuna preżunta fl-Istat Rumen. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi żball ta’ liġi, li jikser l-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tagħha tal-kriterji tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex debitament immotivata.

    16

    Prinċipalment, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikors huwa inammissibbli u, sussidjarjament, li huwa infondat.

    17

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli peress li r-rikorrenti ma għandhiex interess dirett u attwali sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, il-miżura ta’ għajnuna preżunta ma kinitx għadha fi stat ta’ eżekuzzjoni. Hija sostniet ukoll li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal-interess personali tagħha, dirett u attwali sabiex tikseb l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

    18

    B’mod partikolari, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, li jikkonsisti, essenzjalment, fiċ-ċaħda tad-deċiżjoni kkontestata mill-kwalità tagħha ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tan-natura u tal-portata tal-kwistjonijiet ġuridiċi implikati minn dan il-motiv ta’ inammissibbiltà.

    Fuq in-natura ta ’ att li jista ’ jiġi kkontestat tad-deċiżjoni kkontestata

    19

    Skont il-Kummissjoni, ir-rikors huwa inammissibbli, minħabba li r-rikorrenti ma għandhiex interess attwali u dirett sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-kuntratt tal-2010 ma kienx għadu qiegħed jiġi eżegwit fid-data tal-preżentata tar-rikors, għaliex kien ġie rexiss u ssostitwit, wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tal-fornitur, permezz tat-tmintax-il emenda, iffirmata fl-10 ta’ Awwissu 2012, li tinkludi kundizzjonijiet ġodda kuntrattwali, li jikkostitwixxu emenda tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3). Tali konklużjoni tapplika wkoll għall-kuntratt tal-2005 emendat, li waqaf jipproduċi l-effetti tiegħu fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal-2010 u li l-għajnuna li tirriżulta minnu ngħatat u tħallset.

    20

    Ir-rikorrenti tqis li r-rikors huwa ammissibbli, peress li deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ dejjem tiġi kkontestata, meta l-Kummissjoni u l-Istat Membru jew il-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna preżunta ma jkunux jaqblu dwar in-natura eżatta ta’ din tal-aħħar – għajnuna ġdida, għajnuna eżistenti jew miżura li ma tikkostitwixxix għajnuna –, irrispettivament jekk għadhiex fi stadju ta’ eżekuzzjoni.

    21

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li mit-termini tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tista’, bħala tali, tiġi kkontestata, meta din hija, barra minn hekk, deċiżjoni formali, li skont il-kliem tal-Artikolu 263 TFUE, tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Tali deċiżjoni tista’ tipproduċi effetti legali, fid-dawl tal-possibbiltà ta’ proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali bil-għan li tiġi sospiża jew irkuprata l-għajnuna illegali, fejn il-qorti nazzjonali tista’ tintalab tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

    22

    Minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita żviluppata fil-kuntest ta’ kawżi għal annullament ippreżentati minn Stati Membri jew minn istituzzjonijiet jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement mill-forma, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġi kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR”, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42; tat-2 ta’ Marzu 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-316/91, Ġabra p. I-625, punt 8, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-463/10 P u C-475/10 P, Ġabra p. I-9639, punt 36). Barra minn hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li Stat Membru jista’ jippreżenta rikors għal annullament ta’ att li jipproduċi effetti legali vinkolanti mingħajr il-bżonn li dan juri interess ġuridiku (ara s-sentenza Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, fil-prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 42, u Deutsche Post u Il-Ġermajna vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 50). L-atti intermedjarji msemmija b’dan il-mod huma qabelxejn atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni (sentenza Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

    24

    Meta r-rikors għal annullament kontra att adottat minn istituzzjoni jiġi ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan jista’ jseħħ biss meta l-effetti legali vinkolanti ta’ dan l-att huma tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 9, u Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 37).

    25

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti li huma kienu d-destinatarji tagħhom. Meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrent bħala parti mhux privileġġjata kontra att li huwa ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolati tal-miżura kkontestat għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jemendaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 38).

    26

    Għaldaqstant, bil-għan li jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kkontestata, hemm lok li fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, jiġi eżaminat jekk din tal-aħħar tikkostitwixxix att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 40).

    27

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tikklassifika l-miżura fi stadju ta’ eżekuzzjoni bħala għajnuna ġdida, tali deċiżjoni tagħti lok għal effetti legali awtonomi, b’mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni tal-miżura kkunsidrata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, Ġabra p. I-7303, punt 62 ; tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T-346/99 sa T-348/99, Ġabra p. II-4259, punt 33, u tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, T‑332/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35). Din il-konklużjoni ma tapplikax biss fil-każ li l-miżura fi stadju ta’ eżekuzzjoni titqies mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bħala għajnuna eżistenti iżda anki fil-każ li dawn l-awtoritajiet iqisu li l-miżura koperta mid-deċiżjoni ta’ ftuħ ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    28

    Fil-fatt, deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura fi stadju ta’ eżekuzzjoni u li tkun ikklassifikata bħala għajnuna ġdida mill-Kummissjoni tibdel neċessarjament il-portata legali tal-miżura kkunsidrata, kif ukoll is-sitwazzjoni legali tal-impriżi li jkunu l-benefiċjarji tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tkomplija tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura. Sal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, l-Istat Membru, l-impriżi benefiċjarji u l-operaturi ekonomiċi l-oħra jistgħu jaħsbu li l-miżura tkun qiegħda tiġi implementata b’mod legali bħala miżura ġenerali li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE jew bħala għajnuna eżistenti. Għall-kuntrarju, wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, ikun hemm minn tal-inqas dubju kunsiderevoli dwar il-legalità ta’ din il-miżura, li, bla ħsara għall-possibbiltà li jintalbu miżuri provviżorji quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji, għandu jwassal lill-Istat Membru sabiex jissospendi l-applikazzjoni tagħha, peress li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jeskludi deċiżjoni immedjata li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, konstatazzjoni li tfisser li l-eżekuzzjoni tagħha tkun tista’ titkompla b’mod legali. Deċiżjoni bħal din tista’ wkoll tkun invokata quddiem qorti nazzjonali mitluba sabiex tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Fl-aħħar nett, din tista’ twassal lill-impriżi li jibbenefikaw mill-miżura jirrifjutaw, f’kull każ, ħlasijiet ġodda jew vantaġġi ġodda jew li jżommu s-somom neċessarji għal kumpensi finanzjarji eventwali ulterjuri. Il-komunità tan-negozju wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-benefiċjarji msemmija, is-sitwazzjoni legali u finanzjarja prekarja ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 59; Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 34, u Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 36).

    29

    Fl-aħħar nett, l-effetti legali awtonomi msemmija fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq għandhom jinftiehmu bħala l-effetti legali vinikolanti prodotti mill-miżuri preparatorji jew intermedjarji, bħal, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħhom rikors kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura marbuta mal-għajnuna mill-Istat preżunta ma huwiex ta’ natura li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti fir-rigward tal-benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna preżunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punti 54 sa 56).

    30

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att li huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti u, għaldaqstant, att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

    31

    L-argument tal-Kummissjoni jibbaża fuq il-premessa li, bħala regola ġenerali, deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tikkostitwixxi sempliċement att preparatorju, li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti u ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-interessi tal-benefiċjarju tal-għajnuna preżunta billi tbiddel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, eċċezzjonalment, tali deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat jekk il-miżura li hija tikkonċerna tkun fi stadju ta’ eżekuzzjoni. Hija tal-opinjoni li, f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tipproduċi effetti legali awtonomi minħabba l-effett sospensiv tagħha, l-Istat Membru destinatrju ikun obbligat li jissospendi l-għajnuna.

    32

    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 74 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura ta’ għajnuna preżunta kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida, sa fejn din kienet tirriżulta kemm mill-kuntratt tal-2005 emendat kif ukoll mill-kuntratt tal-2010 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), u, fil-premessa 145 tal-imsemmija deċiżjoni, li din il-miżura ingħatat bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ projbizzjoni ta’ implementazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 108(3) TFUE, applikabbli għall-għajnuna kklassifikata bħala ġdida. Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret lir-Rumanija li din l-aħħar dispożizzjoni kellha effett sospensiv u li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kien jipprevedi li l-għajnuna illegali kollha setgħet tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju.

    33

    Hemm lok li jiġi nnotat li r-rikorrenti tiddikjara li hija ma tikkontestax quddiem il-Qorti Ġenerali l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ żewġ kuntratti separati, il-kuntratt tal-2005 emendat u l-kuntratt tal-2010.

    34

    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, sal-lum, la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kellhom l-okkażjoni li jiddeċiedu dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li ma kinitx għadha fi stadju ta’ eżekuzzjoni fid-data tad-deċiżjoni inkwistjoni jew fid-data tal-preżentata tal-imsemmi rikors. Issa, għalkemm ir-rikorrenti tqis li kull deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament tiddependi, fir-realtà, fuq il-punt dwar jekk tali deċiżjoni tagħtix lok għal effetti legali awtonomi fis-sens tal-punt 29 iktar ’il fuq (sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 62; Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 33, u Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 35).

    35

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tagħti lok għal effeti legali awtonomi, meta, fid-dawl tal-konklużjonijiet inklużi fiha, hija tipproduċi effett immedjat, ċert u suffiċjentement vinkolanti fuq l-Istat Membru li huwa destinatarju tagħha fuq il-benefiċjarju jew benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna ineżami. Għaldaqstant din hija deċiżjoni li, permezz tal-effett tagħha biss u mingħajr il-bżonn ta’ miżuri oħra meħuda mill-Kummissjoni jew awtorità oħra, tobbliga lill-Istat Membru destinatarju sabiex jadotta miżura waħda jew iktar sabiex jikkonforma ruħu magħha.

    36

    Dan ikun il-każ meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna implementata mingħajr ma tkun ġiet innotifkata u dejjem waqt li tkun fi stadju ta’ eżekuzzjoni fid-data li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni. F’dan il-każ, il-portata tal-miżura ineżami tiġi neċessarjament emendata, fid-dawl tal-konklużjoni provviżorja tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-għajnuna illegali mill-Istat, peress li tkun ġiet implementata mingħajr ma tkun ġiet innotifikata. Fid-dawl ta’ tali evalwazzjoni, li tagħti lok għal dubju serju dwar il-legalità tal-miżura ineżami, l-Istat Membru destinatarju tad-deċiżjoni għandu jissospendi l-applikazzjoni ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 59; Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 34, u Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 36). Fejn ikun hemm effett immedjat, ċert u suffiċjentement vinkolanti tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Istat Membru jkollu jissospendi l-applikazzjoni tal-miżura ineżami permezz tal-effett tad-deċiżjoni waħidha u bil-għan li jislet il-konsegwenzi tal-konklużjonijiet provviżorji tiegħu dwar l-illegalità tal-imsemmija miżura.

    37

    Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, meta l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li tkun fi stadju ta’ eżekuzzjoni, il-qrati nazzjonali huma obbligati li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jinsiltu l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, punt 42).

    38

    Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jissospendu l-eżekuzzjoni tal-miżura ineżami u li jordnaw l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li jordnaw miżuri provviżorji bil-għan li jissalvagwardjaw, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza Deutsche Lufthansa, punt 37 iktar ’il fuq, punt 43).

    39

    B’differenza minn deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li tkun fi stadju ta’ eżekuzzjoni, deċiżjoni ta’ din in-natura li tikkonċerna miżura li ma għadhiex fi stadju ta’ eżekuzzjoni ma tagħtix lok għal effetti legali awtonomi, minħabba nuqqas ta’ portata immedjata, ċerta u suffiċjentement vinkolanti fil-konfront tal-Istat Membru destinatarju u l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-miżura ineżami.

    40

    Għalhekk, l-Istat Membru ma huwiex obbligat li jirkupra l-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarju minħabba l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 659/1999 jimponi huwa stess kundizzjonijiet stretti ħafna fuq il-Kummissjoni meta din tipprevedi li timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat l-irkupru provviżorju tal-għajnuna. L-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jeżiġi li ma għandu jkun hemm ebda dubju dwar in-natura tal-għajnuna tal-miżura kkonċernata, li għandu jkun hemm urġenza għal azzjoni u li jkun hemm riskju serju ta’ dannu sostanzjali u irrimedjabbli għall-kompetitur. Tali kundizzjoniijet, filwaqt li huma stabbiliti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni separata u ta’ portata differenti mid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jikkostitwixxu indizji dwar l-ineżistenza, għall-Istat Membru destinatarju, ta’ obbligu ġenerali ta’ rkupru ta’ għajnuna mħallsa illegalment, li jirriżulta biss minn din l-aħħar imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi espressament li, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni ma għandhiex teżiġi l-irkupru ta’ din tal-aħħar jekk, permezz ta’ dan, hija tmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    41

    Barra minn hekk, ġie deċiż, minn naħa, li l-qorti nazzjonali ma kinitx obbligata li tordna l-irkupru ta’ għajnuna implementata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta l-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni finali li tikkonstata l-kompatibiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, iżda li kienet obbligata li tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas l-interessi fuq il-perijodu ta’ illegalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, C-199/06, Ġabra p. I-469, punt 55). Min-naħa l-oħra, meta l-kawża quddiem qorti nazzjonali jkollha bħala suġġett l-irkupru ta’ għajnuna, l-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li tadotta miżuri ta’ salvagwardja jeżisti biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali miżuri, jiġifieri jekk ma jkunx hemm dubju dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, jekk l-eżekuzzjoni tal-għajnuna tkun imminenti jew tkun diġà ġiet eżegwita u jekk ma jkunux ġew ikkonstatati ċirkustanzi eċċezzjonali li jagħmlu l-irkupru inadegwat, u jekk dan ma jkunx il-każ il-qorti nazzjonali għandha tiċħad it-talba (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2010, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, C-1/09, Ġabra p. I-2099, punt 36).

    42

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li ma għadhiex fi stadju ta’ eżekuzzjoni tipproduċi effett immedjat, ċert u suffiċjentement vinkolanti fuq l-Istat Membru sabiex tobbligah li jirkupra l-għajnuna mħallsa illegalment.

    43

    Fir-rigward tan-natura ċerta tal-effetti legali awtonomi prodotti mid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, b’mod kuntrarju għall-obbligu ta’ sospensjoni tal-miżura ineżami li tirriżulta minn tali deċiżjoni meħuda fir-rigward ta’ miżura fi stadju ta’ eżekuzzjoni, l-irkupru ta’ għajnuna illegali jista’, bħala regola ġenerali, isir biss waqt kawża quddiem il-qorti nazzjonali li l-eżitu tagħha ikun, min-natura tiegħu, inċert, fid-dawl tal-parametri differenti li din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tikkundanna lill-benefiċjarju tal-għajnuna illegali għall-ħlas lura tagħha (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

    44

    Sussegwentement, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li ma għadhiex fi stadju ta’ eżekuzzjoni, bħal f’dan il-każ il-kuntratt tal-2005 emendat, ma tagħtix lok għal effetti legali awtonomi u, għaldaqstant, ma tipproduċix effetti legali vinkolanti. B’hekk, din ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

    45

    Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 44 iktar ’il fuq ma tistax tapplika għall-kuntratt tal-2010, li kien fi stadju ta’ eżekuzzjoni fid-data tad-deċiżjoni kkontestata. Madakollu, huwa stabbilit li l-kuntratt tal-2010 ġie rexiss u ssostitwit bit-tmintax-il emenda, iffirmata fl-10 ta’ Awwissu 2012, li daħlet fis-seħħ retroattivament fl-1 ta’ Jannar 2012. Issa, fid-dawl tal-fatt li dan ir-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2012, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ għajnuna preżunta ma kinitx għadha fi stadju ta’ eżekuzzjoni fid-data tal-preżentazzjoni tal-imsemmi rikors.

    46

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata b’riferiment għas-sitwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, Ġabra p. 3991, punt 8, u tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill, C-61/96, C-132/97, C-45/98, C-27/99, C-81/00 u C-22/01, Ġabra p. I-3439, punt 23).

    47

    Għaldaqstant, sa fejn din tirrigwarda l-kuntratt tal-2010, id-deċiżjoni kkontestata ma għadhiex tagħti lok għal effetti legali awtonomi u, għaldaqstant, ma tipproduċix iktar effetti legali vinkolanti. Fid-dawl ta’ dan, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonstitwixxix iktar att li jista’ jiġi kkontestat fid-data tal-preżentata tar-rikors.

    48

    Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argumenti differenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux reviżjoni tal-konklużjonijiet fil-punti 44 u 47 iktar ’il fuq.

    49

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka t-termini tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex issostni li d-deċiżjoni kkontestata tista’, bħala tali, tiġi kkontestata, peress li din hija, barra minn hekk, deċiżjoni formali li, skont il-kliem tal-Artikolu 263 TFUE, tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fatt li huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    50

    Għalkemm huwa veru li r-Regolament Nru 659/1999 juża l-kliem tad-deċiżjoni sabiex isemmi diversi miżuri li l-Kummissjoni tista’ tadotta waqt il-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari sabiex ssir distinzjoni bejn miżura preparatorja minn deċiżjoni finali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sustanza tal-miżura li tagħha jintalab l-annullament, peress li l-forma li biha din ġiet adottata hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AETR, punt 22 iktar ’il fuq, punt 42; IBM vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 9; tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-3/93, Ġabra p. II-121, punti 43 u 57, u tas-17 ta’ April 2008, Cestas vs Il-Kummissjoni, T-260/04, Ġabra p. II-701, punt 68).

    51

    F’dan il-każ, mill-punti 39 sa 44 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod suffiċjenti li deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li ma għadhiex fi stadju ta’ eżekuzzjoni fid-data ta’ din id-deċiżjoni ma tagħtix lok għal effetti legali awtonomi, billi ma tipproduċix b’hekk effetti legali vinkolanti, li jirrilevaw l-eżistenza ta’ atti li jista’ jiġi kkontestat. Fi kliem ieħor, tali att, li jikkostitwixxi deċiżjoni fuq il-livell formali, ma għandux, minħabba s-sustanza tiegħu, il-portata deċiżiva.

    52

    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq is-sentenza Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq (punti 43 sa 45), sabiex tibbaża l-argument tagħha dwar in-natura determinanti tal-forma li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata sabiex tiddetermina jekk din tal-aħħar tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Ċertament, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ppreveda li l-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni, prevista fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, kellu jieħu l-forma ta’ deċiżjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti natura vinkolanti lil tali att, u li, għalhekk, tali ordni kien intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti u li għaldaqstant dan jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Madakollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatax ruħha sempliċement fuq din l-analiżi sabiex tiddeċiedi li l-att ikkontestat f’dan il-każ seta’ jkun suġġett għal rikors għal annullament. Fil-kumplament tas-sentenza Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk, kif kienet iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fid-digriet li ġie appellat quddiemha, l-att ikkontestat jikkostitwixxix miżura intermedjarja tan-natura preparatorja u jekk kienx jagħti lok għal effetti legali awtonomi li kontrihom ir-rikors kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura marbuta mal-għajnuna mill-Istat preżunta kien ta’ natura li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti fir-rigward tar-rikorrenti f’din il-kawża (punti 48 sa 63). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ma kienx il-każ peress li, għalkemm l-att ikkontestat kien fil-fatt jikkostitwixxi att intermedjarju, l-effetti tal-illegalità eventwali tiegħu ma setgħux jiġu mxejna permezz ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura marbuta mal-għajnuna mill-Istat preżunta (sentenza Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punti 56 sa 60). Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-forma li fiha ġie adottat l-att ikkontestat, jiġifieri deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, sabiex tikkunsidra li dan kien att li seta’ jkun suġġett għal rikors għal annullament, din l-evalwazzjoni kienet biss element mir-raġunament tagħha sabiex tasal għal din il-konklużjoni.

    53

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti insistiet, waqt is-seduta, fuq l-importanza tas-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 37 iktar ’il fuq, sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Fl-opinjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tipproduċi effetti legali awtonomi minħabba li toħloq rabtiet vinkolanti għall-qrati nazzjonali, b’mod partikolari sa fejn dawn tal-aħħar jistgħu jiddeċiedu li jissospendu l-miżura inkwistjoni, jordnaw l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa lill-benefiċjarju ta’ din il-miżura jew jiddeċiedu dwar miżuri provviżorji sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tal-partijiet. Hija tal-opinjoni li hemm riskju li hija tiġi kkonfrontata, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi proċeduri ġudizzjarji minkejja li l-miżura ta’ għajnuna preżunta ma tkunx għadha fi stadju ta’ eżekuzzjoni, peress li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

    54

    Qabelxejn, hemm lok li jitfakkar li l-kawża prinċipali, li kienet adita biha l-qorti Ġermaniża u li kienet tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta, kienet tirrigwarda miżura ta’ għajnuna fi stadju ta’ eżekuzzjoni fid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

    55

    Sussegwentement għalkemm ma huwiex kontestabbli li, meta tkun adita b’talba f’dan is-sens, il-qorti nazzjonali tista’ tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa, kemm jekk il-miżura ta’ għajnuna tkun għadha fi stadju ta’ eżekuzzjoni u kemm jekk le fid-data tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tali possibbiltà ma tistax titqies bħala effett immedjat, ċert u suffiċjentement vinkolanti tal-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tagħti lok għal tali effett fir-rigward tal-Istat Membru biss fil-każ fejn il-miżura kkonċernata tkun fi stadju ta’ eżekuzzjoni, peress li, f’dan l-aħħar każ, l-Istat Membru jkun obbligat, permezz tal-istess deċiżjoni, li tissospendi l-miżura ta’ għajnuna mingħajr il-bżonn li jirrikorri għall-qorti nazzjonali (ara l-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-prinċipji ddikjarati iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa (ara l‑punti 40 u 41 iktar ’il fuq), u dan jista’ jsir biss, bħala regola ġenerali, fil-każ ta’ kawża li l-eżitu tagħha huwa, min-natura tiegħu, inċert (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

    56

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa biss li tadotta l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari adatti sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li din tastjenti minn dawk li jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat, b’mod partikolari, ta’ deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din tkun ta’ natura provviżorja (sentenza Deutsche Lufthansa, punt 37 iktar ’il fuq, punt 41).

    57

    Sussegwentement, l-interpretazzjoni tas-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 37 iktar ’il fuq, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li ma għadhiex fi stadju ta’ eżekuzzjoni hija ta’ portata immedjata, ċerta u suffiċjentement vinkolanti fir-rigward tal-Istat Membru destinatarju.

    58

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti sostniet, waqt is-seduta, li s-sempliċi possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament fir-rigward tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew dik li tiġi invokata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata bħala eċċezzjoni, ma kinux jiżguraw protezzjoni suffiċjenti.

    59

    L-argument tar-rikorrenti jista’ jitqies bħala li jfisser li l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni finali jew dik li tiġi invokata, bħala eċċezzjoni, l-illegalità tad-deċiżjoni kkontesata ma humiex suffiċjenti sabiex jiżgurawlha protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li hija tista’ tiffaċċja azzjonijiet possibbli għall-irkupru ta’ għajnuna mħallsa qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni finali. Issa, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, il-protezzjoni ġudizzjarja tar-rikorrenti fid-dawl tat-Trattat hija żgurata mill-possibbiltà tal-qorti nazzjonali, adita b’kawża li tirrigwarda l-irkupru ta’ għajnuna illegali mħallsa, tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal domanda preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 267 TFUE, peress li huma biss esklużi minn dan ir-rimedju l-persuni li jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra tali deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I-833, punt 26).

    60

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-kuntratt tal-2005 emendat u l-kuntratt tal-2010 jikkostitwixxu miżura ta’ għajnuna illegali mill-Istat, mingħajr ma jirriżultaw, b’mod partikolari fid-dispożittiv, id-dubji ta’ din tal-aħħar dwar il-fatt li din kienet għajnuna mill-Istat, peress li kklassifikat il-miżura ta’ għajnuna preżunta li hija għajnuna mill-Istat “possibbli” jew “issuspettata”.

    61

    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod suffiċjenti li l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar in-natura illegali tal-miżura ta’ għajnuna preżunta saru b’mod provviżorju, fi tmien evalwazzjoni preliminari b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Għalhekk, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonferma li, “[w]ara li eżaminat l-informazzjoni u l-argumenti ppreżentati sa dakinhar mir-[Rumanija] u [ir-rikorrenti], [hija] toħroġ l-opinjoni preliminari li [l-miżura ta’ għajnuna preżunta] timplika għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE”, u li hija kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mat-Trattat. Fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi l-indizji li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u d-dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna preżunta mas-suq intern. Mill-qari ta’ dawn il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni tat evalwazzjoni definittiva tan-natura tal-għajnuna mill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna preżunta. Fir-rigward tal-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet fiha, preliminarjament, li l-kuntratt tal-2005 emendat u l-kuntratt tal-2010 jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat, li ma tidher li tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà mas-suq intern.

    62

    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tqis li bis-saħħa ta’ kuntratti passati mal-fornitur, id-deċiżjoni kkontestata ħolqot inċertezza sinjifikattiva fil-komunità tan-negozju kif ukoll fir-relazzjonijiet tiegħu mal-banek, il-klijenti tiegħu u l-kompetituri tiegħu, b’mod partikolari rigward talba possibbli mill-fornitur sabiex jitħallas l-ammonti addizzjonali abbażi ta’ provvisti preċedenti.

    63

    Bħalma għamlet il-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-inċertezza kummerċjali u l-perċezzjonijiet tal-operaturi l-oħra dwar is-sitwazzjoni tal-benfiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna, bħalma hija r-rikorrenti f’dan il-każ, ma jistgħux jitqiesu bħala effetti legali vinkolanti, peress li dawn huma sempliċi konsegwenzi fattwali u mhux effetti legali li d-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija maħsuba li tipproduċi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja IBM vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 19; tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-301/03, Ġabra p. I-10217, punt 30, u tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-258/06, Ġabra p. II-2027, punt 151). Ċertament, il-qorti tal-Unjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-membri tal-komunità tan-negozju jieħdu inkunsiderazzjoni, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna illegali, tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja indebbolita ta’ dan tal-aħħar (sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 59; Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 34, u Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 36). Madankollu, permezz ta’ tali kunsiderazzjonijiet, huwa ċar li l-qorti tal-Unjoni sempliċement esponiet il-konsegwenzi fattwali tal-effetti legali vinkolanti li fid-dawl tagħhom hija qieset, f’dawn is-sentenzi, li d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura fi stadju ta’ eżekuzzjoni jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati.

    64

    Sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jinċidi fuq il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

    65

    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal ċirkustanza li hija tallega li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li l-kumpannija V., li hija s-sussidjarja tagħha, issospendiet il-proġett tagħha ta’ kostruzzjoni ta’ ċentrali tal-gass ta’ koġenerazzjoni fir-Rumanija, minħabba r-riluttanza tal-banek sabiex jiffinanzjawha.

    66

    Tali ċirkustanza ma tistax titqies bħala effett legali vinkolanti tad-deċiżjoni kkontestata iżda l-iktar l-iktar bħala konsegwenza fattwali possibbli ta’ din id-deċiżjoni (ara l-punt 63 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova ta’ dak li ssotni, peress li ma jinstab ebda dokument fil-proċess li juri l-intenzjoni inizjali tal-kumpannija V. li tidħol fil-proġett inkwistjoni, id-deċiżjoni tagħha li tissospendi dan il-proġett u r-rabta kawżali bejn din il-preżunta deċiżjoni u rifjut ta’ finanzjament min-naħa tal-banek minħabba d-deċiżjoni.

    67

    Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u li, konsegwentement, ir-rikors huwa inammissibbli, mingħajr il-bżonn li tintlaqa’ l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

    Fuq l-ispejjeż

    68

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li f’dan il-każ ir-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

     

    2)

    Alro SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Dittrich

    Schwarcz

    Tomljenović

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ottubru 2014.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq