Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62011TJ0401
Judgment of the General Court (Appeal Chamber), 10 July 2014.#Livio Missir Mamachi di Lusignano v European Commission.#Appeal — Civil service — Officials — Non-contractual liability — Personal damage suffered by the close relatives of the deceased official — Damage suffered by the official before his death — Respective jurisdiction of the General Court and the Civil Service Tribunal — Rule of correspondence between the request for compensation and the complaint against the decision rejecting that request.#Case T‑401/11 P.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2014 .
Livio Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni Ewropea.
Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu personali ta’ qraba ta’ uffiċjal deċedut – Dannu subit mill-uffiċjal qabel mewtu – Kompetenzi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Regola ta’ konkordanza bejn it-talba għad-danni u l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din it-talba.
Kawża T‑401/11 P.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2014 .
Livio Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni Ewropea.
Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu personali ta’ qraba ta’ uffiċjal deċedut – Dannu subit mill-uffiċjal qabel mewtu – Kompetenzi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Regola ta’ konkordanza bejn it-talba għad-danni u l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din it-talba.
Kawża T‑401/11 P.
Rapporti tal-qorti - Rapporti dwar Każijiet tal-Istaff ; Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2014:625
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
10 ta’ Lulju 2014 ( *1 )
“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu personali ta’ qraba ta’ uffiċjal deċedut — Dannu subit mill-uffiċjal qabel mewtu — Kompetenzi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Regola ta’ konkordanza bejn it-talba għad-danni u l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din it-talba”
Fil-Kawża T‑401/11 P,
li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,
Livio Missir Mamachi di Lusignano, residenti f’Kerkhove Avelgem (il-Belġju), li qed jaġixxi kemm f’ismu proprju kif ukoll bħala rappreżentant legali tal-eredi ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, ibnu, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn F. Di Gianni, R. Antonini, G. Coppo u A. Scalini, sussegwentement minn F. Di Gianni, G. Coppo u A. Scalini, avukati,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Martin, B. Eggers u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),
komposta minn M. Jaeger, President, N. J. Forwood (Relatur) u S. Papasavvas, Imħallfin,
Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent, Livio Missir Mamachi di Lusignano, jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li biha dan tal-aħħar ċaħad ir-rikors tiegħu intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens għad-danni materjali u morali li rriżultaw mill-qtil ta’ ibnu u tal-mara ta’ ibnu, fit-18 ta’ Settembru 2006 f’Rabat (il-Marokk), u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu, kif ukoll lill-aventi kawża ta’ ibnu, diversi somom bħala kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li rriżultaw minn dan il-qtil. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma stabbiliti fil-punti 16 sa 34 tas-sentenza appellata bil-kliem li ġejjin:
[…]
[…]
|
Il-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u s-sentenza appellata
3 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rikorrent, li qed jaġixxi kemm f’ismu proprju kif ukoll bħala rappreżentant tal-eredi ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, ippreżenta, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fit-12 ta’ Mejju 2009, rikors li fil-kuntest tiegħu talab lill-imsemmi Tribunal jogħġbu:
|
4 |
Il-Kummissjoni talbet, fl-ewwel istanza, iċ-ċaħda tar-rikors. |
5 |
Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors bħala infondat, filwaqt li kkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha. |
6 |
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabelxejn ikkunsidra, fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, billi rrefera għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni (T-90/95, ĠabraSP p. I-A-471 u II-1231, punt 45), li t-talbiet għal annullament ippreżentati mir-rikorrent ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu mit-talbiet għal kumpens, b’tali mod li r-rikors għandu jiġi analizzat bħala li għandu bħala għan waħdieni l-kumpens għad-danni li r-rikorrent, l-uffiċjal deċedut u l-ulied tiegħu ġarrbu minħabba l-aġir tal-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
7 |
Peress li l-Kummissjoni qajmet, b’mod partikolari, żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra t-talbiet tar-rikorrent intiżi għall-kumpens għad-danni morali, li jgħidu, minn naħa, li t-talba għad-danni tal-25 ta’ Frar 2008 ma tinkludi ebda talba għall-kumpens għad-dannu morali, u, min-naħa l-oħra, li l-ilment tal-10 ta’ Settembru 2008 qatt ma kellu talba għall-kumpens għad-dannu morali subit mir-rikorrent fil-persuna tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrisponda b’dawn il-kelmiet, fil-punti 82 sa 91 tas-sentenza appellata:
|
8 |
Huwa u jaqta’, fuq il-mertu tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqasijiet fit-tort tal-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabelxejn iddeċieda li l-Kummissjoni kienet wettqet nuqqas ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà tagħha, għaliex l-assenza tal-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni adatti għall-akkomodazzjoni provviżorja ta’ Missir Mamachi di Lusignano f’Rabat kienet tikkostitwixxi nuqqas tal-obbligu tagħha li tiżgura s-sigurtà tal-uffiċjal tagħha u tal-familja tiegħu mibgħuta f’pajjiż terz. |
9 |
F’dak li jirrigwarda r-rabta kawżali bejn dan in-nuqqas u d-dannu patrimonjali allegat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qieset li din kienet ġiet stabbilita. |
10 |
F’dan l-istadju tar-raġunament tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku espona, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, li kien jifdal li tiġi ddeterminata l-parti ta’ responsabbiltà tal-qattiel fit-twettiq tad-danni. |
11 |
Billi ħa inkunsiderazzjoni ż-żewġ danni invokati mir-rikorrent, jiġifieri l-qtil doppju u t-telf ta’ opportunità ta’ sopravvivenza, u l-fatt li dan it-tieni dannu huwa inqas wiesa’ mill-ewwel wieħed, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies, fil-punt 197 tas-sentenza appellata, li għandha tiġi attribwita lill-Kummissjoni r-responsabbiltà ta’ 40 % tad-danni subiti. |
12 |
F’dak li jirrigwarda l-portata tad-dannu patrimonjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, qies li d-dannu materjali marbut mat-telf ta’ dħul li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża kellu jiġi stabbilit għas-somma ta’ EUR 3 000 000. |
13 |
Wara li fakkar, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tħallas 40 % ta’ dan id-dannu, jiġifieri EUR 1 200 000, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva, fil-punt 202 tal-imsemmija sentenza, li l-ammonti li l-Kummissjoni kienet diġà ħallset u li hija kienet ser tkompli tħallas lill-aventi kawża, ammonti li diġà jmorru lil hinn mill-benefiċċji normalment previsti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”), joqorbu lejn EUR 1 400 000, liema ammont jista’ jitla’ għal EUR 2 400 000 li kieku l-benefiċċji kkonċernati kellhom jitħallsu sa għeluq is-sitta u għoxrin sena ta’ kull wieħed mill-erbat ulied. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għaldaqstant ikkonstata, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet diġà kkumpensat kollu kemm hu d-dannu materjali li għaliha hija tinsab responsabbli. |
14 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li l-motiv tar-rikors, għalkemm huwa fondat, ma jippermettihx jilqa’ t-talbiet tar-rikorrent għall-kumpens tad-danni materjali mġarrba. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
15 |
Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-29 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta dan l-appell. |
16 |
Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fit-16 ta’ Diċembru 2011. |
17 |
Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fit-23 ta’ Jannar 2012. |
18 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-1 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent ressaq talba fejn indika l-motivi li għalihom kien jixtieq li jinstema’, skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
19 |
Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) laqgħet din it-talba u fetħet il-proċedura orali, billi rrilevat ex officio aggravju ta’ ordni pubbliku u filwaqt li stiednet lill-partijiet, skont miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li jirrispondu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet b’rabta ma’ dan l-aggravju. Il-Kummissjoni wieġbet fit-terminu previst. |
20 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret lill-partijiet li, kif kien sostna fil-punt 57 tar-rikors tiegħu tal-ewwel istanza, ir-rikorrent jitlob il-kumpens għal erba’ danni differenti, jiġifieri:
|
21 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jesprimu ruħhom bil-miktub fuq kwistjoni dwar jekk id-dritt għall-kumpens tad-dannu materjali subit mill-eredi ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano (kif imsemmi fl-ewwel inċiż tal-punt 20 iktar ’il fuq), peress li jiġi kkalkolat b’riferiment għall-parti tad-dħul professjonali ta’ dan tal-aħħar li kienu jistgħu jistennew li jibbenefikaw jekk missierhom kien baqa’ ħaj, kienx ġie trażmess lill-imsemmija eredi permezz ta’ devoluzzjoni ta’ suċċessjoni u kien għaldaqstant attwat minnhom fil-kwalità tagħhom ta’ eredi, kif jagħmel id-dritt għall-kumpens għad-dannu morali subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano huwa stess bejn il-mument tal-aggressjoni tiegħu u dak tal-mewt tiegħu (kif imsemmi fit-tieni inċiż tal-punt 20 iktar ’il fuq), jew jekk kienx minflok dritt għall-kumpens ta’ dannu li kien tagħhom, attwat jure proprio, u li għaldaqstant ma kienx ġie trażmess lilhom permezz tad-devoluzzjoni tas-suċċessjoni (bħad-danni msemmija fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-punt 20 iktar ’il fuq). |
22 |
Bla ħsara għat-tweġiba li kien xieraq li ġġib għal din id-domanda, iżda b’rabta stretta magħha, il-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok, irrilevat ex officio aggravju ta’ ordni pubbliku, ibbażat fuq l-inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens tad-danni msemmija fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ inċiżi tal-punt 20 iktar ’il fuq. |
23 |
Il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fakkret lill-partijiet il-ġurisprudenza kkostitwita mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Mejju 1980, Fournier vs Il‑Kummissjoni (114/79 sa 117/79, Ġabra p. 1529), mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink et vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801), mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn f’din is-sentenza (Ġabra p. 2818 u 2819), u mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il‑Parlament (T-48/01, ĠabraSP p. I-A-51 u II-197). |
24 |
Il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni kienet li jsir magħruf jekk ma jirriżultax mill-ambitu strettament legali ddefinit permezz tal-Artikoli 268 TFUE u 270 TFUE, permezz tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u permezz tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, li l-qraba ta’ uffiċjal huma neċessarjament obbligati li jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn huma drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbu kumpens għal dannu, materjali jew morali, li huwa personali għalihom. |
25 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom, jekk ikun il-każ, jinsiltu, għall-finijiet ta’ dan l-appell u b’risposta għall-aggravju ta’ ordni pubbliku rrilevat ex officio fil-punt 22 iktar ’il fuq, jekk it-tieni fergħa tal-alternattiva msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq kellhiex tintlaqa’ u jekk, barra minn hekk, il-kwistjoni mqajma fil-punt 24 iktar ’il fuq kellhiex tirċievi risposta pożittiva. |
26 |
It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-12 ta’ Diċembru 2013. |
It-talbiet tal-partijiet
27 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
28 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Fuq l-appell
Fuq il-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza
Osservazzjonijiet tal-partijiet b’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura
29 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, ippreżentati fir-reġistru fl-10 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni tibda billi ssostni, b’risposta għall-ewwel mistoqsija tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), li d-dritt għall-kumpens tad-dannu materjali subit mill-eredi ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano huwa dritt li huwa tagħhom u li huma jinsiltu direttament, b’mod partikolari, mill-Artikolu 73(2)(a) u mill-Artikoli 76 u 80 tar-Regolamenti. |
30 |
B’risposta għall-aggravju ta’ ordni pubbliku rrilevat ex officio (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), sussegwentement il-Kummissjoni tinvoka li kull kawża li tislet l-oriġini tagħha minn ommissjoni allegata ta’ istituzzjoni fil-konfront ta’ wieħed mill-uffiċjali tagħha, fil-kuntest tar-relazzjoni tax-xogħol irregolata esklużivament mir-Regolamenti, jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 270 TFUE. |
31 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li, fil-każ ta’ mewt ta’ uffiċjal, l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti jissostitwixxi r-relazzjoni ta’ rbit reċiproku bejn l-imsemmi uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu, interrotta mill-mewt skont l-Artikolu 47(g) tar-Regolamenti, ir-relazzjoni statutorja tal-istituzzjoni inkwistjoni mal-persuni msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, li fosthom hemm l-aventi kawża. |
32 |
Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li l-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija ġġustifikata miċ-ċirkustanza li huwa l-eventwali aġir dannuż u skorrett tal-istituzzjoni fid-dawl tal-uffiċjal jew ex uffiċjal tagħha li huwa inkwistjoni. |
33 |
Il-Kummissjoni tosserva, f’dan ir-rigward, li huwa stabbilit li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti biex jieħu deċiżjoni fuq kull kawża dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 73, 76 u 80 tar-Regolamenti. Dan ikun biss jekk il-benefiċċji tas-sistema statutorja ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-dannu subit li l-aventi kawża jistgħu jippretendu kumpens ieħor, liema jista’ jkun biss komplementari għal dak diġà miksub skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti u ma jistax jagħmel użu doppju minn dan (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Leussink et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C-257/98 P, Ġabra p. I-5251, punti 21 u 22). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti biex jieħu deċiżjoni wkoll fuq dan il-kumpens komplementari eventwali, iktar u iktar meta d-danni jkunu kkawżati mill-istess aġir skorrett tal-istituzzjoni fil-konfront tal-uffiċjal ikkonċernat. |
34 |
It-teżi tal-Kummissjoni hija wkoll iġġustifikata kemm minn imperattiv ta’ ċertezza legali, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti, kif ukoll mill-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, li trid li qorti waħda biss tkun kompetenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Mejju 2004, IAMA Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑517/03, punt 17). |
35 |
Fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata mill-Qorti Ġenerali u ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, hija ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li, fil-kawżi inkwistjoni, l-uffiċjal kien ħaj. Fit-tali każ, fil-fatt, l-Artikolu 73(2)(b) u (c) tar-Regolamenti jirrikonoxxi dritt għall-kumpens lill-uffiċjal invalidu biss, u mhux lill-aventi kawża tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut huma espressament imsemmija fl-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti li jagħtihom dritt lilhom. |
36 |
Fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali kellha tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx kompetenti biex jieħu deċiżjoni fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu mitlub jure proprio mill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, ħlief sa fejn din iddeċidiet fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu morali ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano. Peress li din l-aħħar talba għandha, ġustament skont il-Kummissjoni, tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba l-ksur tal-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, is-sentenza appellata għandha tiġi kkonfermata fuq dan il-punt. |
37 |
Għall-kumplament, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, ma tistax tkompli tittratta l-kawża fil-mertu. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għandha għaldaqstant terġa’ tiġi adita permezz ta’ rikors ordinarju tal-ewwel istanza u huwa l-obbligu tagħha għaldaqstant li tiddeċiedi s-segwitu kemm ta’ dan ir-rikors ġdid kif ukoll tar-rikors fil-Kawża parallela T‑494/11. |
38 |
Ir-rikorrent ma ppreżentax risposta bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-terminu stabbilit. Matul is-seduta, huwa rrimetta ruħu, f’dan ir-rigward, għall-għerf tal-Qorti Ġenerali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
39 |
Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat liema huma t-tipi differenti ta’ dannu li għalihom ir-rikorrent jitlob kumpens kif ukoll il-kwalità li fiha jaġixxi fid-dawl ta’ kull wieħed minnhom. |
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-parti l-kbira tas-sistemi tiddistingwi, fil-każ ta’ mewt tal-vittma fiċ-ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, mill-inqas tliet tipi ta’ dannu li għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu kkumpensati mill-persuna jew persuni responsabbli u li jikkorrispondu, essenzjalment, għat-tipoloġija li ġejja:
|
41 |
Fir-rikors tiegħu tal-ewwel istanza fil-Kawża F‑50/09 li ta lok għal dan l-appell, ir-rikorrent huwa stess ikkonforma ma’ din it-tipoloġija fil-kategorizzazzjoni tiegħu tad-diversi danni mitluba. Għaldaqstant, fost l-erba’ danni ċċitati fl-ewwel u t-tieni inċiżi fil-punt 3, iktar ’il fuq, l-ewwel jikkorrispondi għad-dannu materjali subit personalment mill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, it-tieni jikkorrispondi għad-dannu morali msejjaħ “ex haerede” subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu u mitlub bis-saħħa tas-suċċessjoni tiegħu, it-tielet jikkorrispondi għad-dannu morali personali subit mill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, u r-raba’ jikkorrispondi għad-dannu morali personali subit mir-rikorrent bħala missier Alessandro Missir Mamachi di Lusignano. |
42 |
Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ser tibbaża ruħha, għaldaqstant, fuq iż-żewġ premessi li ġejjin:
|
43 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ premessi li għandhom jiġu eżaminati l-kwistjonijiet ta’ kompetenza li jqajjem dan l-aggravju. |
44 |
Fir-rigward id-determinazzjoni tar-regoli ta’ kompetenza applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE, hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza, b’mod partikolari, tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 268 TFUE, u 270 TFUE, bl-eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita taħt l-Artikolu 257 TFUE u ta’ dawk li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżerva għall-Qorti tal-Ġustizzja. |
45 |
Peress li l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżjud mal-imsemmi Statut permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [Euratom], tat-2 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, p. 84), irrikonoxxa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 256(1) TFUE, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-kompetenza li jieħu deċiżjoni fl-ewwel istanza fuq ir-rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE, li jirrigwarda kull tilwima bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħha fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ma hijiex iktar kompetenti biex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi għall-kumpens ippreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE (digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2009, Thoss vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-545/08, Ġabra II-115, punt 26). Inversament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa biss kompetenti meta jiġi adit b’azzjoni ppreżentata validament skont l-Artikolu 270 TFUE. |
46 |
Is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, kif stabbilita permezz tat-Trattat FUE, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tagħmel b’hekk delimitazzjoni preċiża tal-kompetenzi rispettivi tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’mod li l-kompetenza ta’ waħda minn dawn iż-żewġ qrati biex tieħu deċiżjoni fl-ewwel istanza fuq rikors teskludi neċessarjament il-kompetenza tal-oħra. |
47 |
Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, din id-delimitazzjoni hija bbażata fuq l-istatus personali tar-rikorrent u fuq l-oriġini tat-tilwima, skont ġurisprudenza stabbilita li tgħid li tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha huwa dipendenti jew kien dipendenti tipproċedi, meta toriġina mir-rabta tal-impjieg li torbot jew kienet torbot lill-persuna interessata mal-istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 270 TFUE (li kien l-Artikolu 236 KE) u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti u tinsab, konsegwentement, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 268 TFUE (li kien Artikolu 235 KE) u 340 TFUE (li kien Artikolu 288 KE), li jirregolaw is-sistema ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il‑Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punt 7; tas-17 ta’ Frar 1977, Reinarz vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 48/76, Ġabra p. 291, punt 10; tal-4 ta’ Lulju 1985, Allo et vs Il‑Kummissjoni, 176/83, Ġabra p. 2155, punt 18, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1987, Pomar vs Il‑Kummissjoni, 317/85, Ġabra p. 2467, punt 7; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2004, Polinsky vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑1/02, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47). |
48 |
Madankollu, l-imsemmija ġurisprudenza ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk huwiex quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-qraba ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano kellhom iressqu t-talba tagħhom għall-kumpens għad-dannu personali, kemm materjali kif ukoll morali, li huma jqisu li ġarrbu. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma ssemmix b’mod speċifiku li l-każ ta’ tilwima (i) bejn uffiċjal jew ex uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha jiddependi jew kien jiddependi u (ii) li toriġina mir-rabta tal-impjieg li torbot jew li kienet torbot, u għaldaqstant hija biss parzjalment applikabbli fil-każ ta’ tilwima li ssib ċertament toriġina mir-rabta tal-impjieg, iżda li topponi mhux uffiċjal jew ex uffiċjal, iżda qarib terz, membru familjari tiegħu jew li jinvoka d-drittijiet tiegħu, u l-istituzzjoni li minnha jiddependi jew kien jiddependi dan l-uffiċjal. |
49 |
Jekk dan it-terz għandux id-drittijiet tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal ikkonċernat, u għaldaqstant jekk jaġixxix fil-kwalità ta’ aventi kawża tiegħu, li jaġixxi f’din il-kwalità, sabiex tibbenefika s-suċċessjoni, il-kumpens ta’ dannu tal-uffiċjal innifsu, tali traspożizzjoni hija meħtieġa, billi l-kawża tibqa’, minkejja d-devoluzzjoni tas-suċċessjoni li sseħħ, tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha kien jiddependi, li toriġina fir-rabta tal-impjieg li kienet torbothom. |
50 |
F’dan il-każ, din il-kunsiderazzjoni tiswa fir-rigward it-tieni dannu mitlub mir-rikorrent, kif indikat fil-punt 20 iktar ’il fuq, jiġifieri d-dannu morali ex haerede, subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano bejn il-mument tal-aggressjoni tiegħu u dak ta’ mewtu. F’dan is-sens, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva ġustament, fl-aħħar sentenza tal-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq kienet applikabbli għal tilwima bejn l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut jew ir-rappreżentant legali tagħhom u l-istituzzjoni li minnha dan l-uffiċjal kien dipendenti. |
51 |
Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmi terz jaġixxi bil-għan li jikseb kumpens għal dannu li huwa personali, kemm jekk dan id-dannu jkun materjali u kemm jekk morali, tali traspożizzjoni tal-ġurisprudenza inkwistjoni ma hija ġġustifikata la mill-kontenut tagħha u lanqas mill-kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju li jkunu ispirawha. Anki jekk jiġi ammess li tali tilwima toriġina mir-rabta tal-impjieg bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-istituzzjoni, il-kundizzjoni suġġettiva personali, marbuta mal-istatus tal-uffiċjal proprjetarju tad-drittijiet inkwistjoni, fi kwalunkwe każ hija nieqsa u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għaldaqstant, fil-prinċipju, ma huwiex kompetenti ratione personae biex jieħu konjizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti. |
52 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli (T‑143/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), tikkonferma din l-analiżi u tesponi r-raison d’être tagħha. Fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 236 KE (li sar Artikolu 270 TFUE) u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, inkluż dak intiż għall-kumpens għal dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, isegwi regoli partikolari u speċjali meta mqabbel ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 235 KE (li sar l-Artikolu 268 TFUE) u tal-Artikolu 288 KE (li sar l-Artikolu 340 TFUE). Skont il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, meta taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà ikbar, li timmanifesta ruħha b’obbligu li tikkumpensa d-danni kkawżati lill-persunal tagħha għal kull illegalità mwettqa f’din il-kwalità, minkejja, skont id-dritt komuni, li hija obbligata li tikkumpensa biss id-danni kkawżati minn ksur “suffiċjentement ikkaratterizzat” minn regola tad-dritt (ġurisprudenza stabbilita wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291). |
53 |
Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet tas-sistema partikolari u speċjali tar-responsabbiltà ikbar tal-Unjoni fid-dawl tal-persunal tagħha, iġġustifikata b’mod partikolari mir-relazzjoni tal-impjieg, bid-drittijiet tiegħu, u l-obbligi speċifiċi bħad-dmir ta’ premura, u b’relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, fl-interess ġenerali, huma nieqsa fil-każ ta’ terzi mhux uffiċjali. Anki fir-rigward tal-eqreb membri tal-familja ta’ uffiċjal, u bla ħsara għall-benefiċċji soċjali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 76 tar-Regolamenti, il-ġurisprudenza ma tirrikonoxxix l-eżistenza ta’ dmir ta’ premura tal-istituzzjonijiet lejnhom (sentenza Leussink et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 sa 23). |
54 |
Dan l-orjentament tal-ġurisprudenza huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mid-deċiżjonijiet iċċitati fil-punt 23 iktar ’il fuq. |
55 |
B’hekk, fid-digriet Fournier vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja vvalidat, fil-prinċipju tagħha, tal-inqas b’mod impliċitu, il-fatt li l-membri tal-familja ta’ uffiċjal li jaġixxu “fuq bażi spontanja” u li jitolbu l-kumpens għal dannu subit “personalment”, għandhom jirrikorru għall-Artikolu 178 KEE (li sar l-Artikolu 268 TFUE) minflok l-Artikolu 179 KEE (li sar l-Artikolu 270 TFUE). |
56 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-għażla fis-sentenza Leussink et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, f’kuntest fejn ir-rikorrenti kienu espressament ibbażaw ir-rikors għad-danni tagħhom fuq bażi legali differenti skont jekk kinux jew le uffiċjali, jiġifieri l-Artikolu 179 KEE għas-Sur Leussink u l-Artikoli 178 KEE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 KEE għall-konjuġi u l-ulied tiegħu. |
57 |
Fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza Leussink et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn irrikonoxxa li r-rikors tal-familja kien ġie korrettament ibbażat fuq l-Artikoli 178 KEE u 215 KEE, billi kien jirrigwarda d-danni separati subiti minnha u li ma kienx jikkonċerna tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu. |
58 |
Mingħajr ma qatgħet formalment din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu vvalidat l-għażla tal-invokazzjoni tal-Artikolu 178 KEE minflok l-Artikolu 179 KEE, fir-rigward tal-familja tal-uffiċjal, fil-punt 25 tas-sentenza Leussink et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li hija qieset li t-tilwima kienet issib “l-oriġini tagħha fir-relazzjoni bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod espliċitu bbażat id-deċiżjoni tagħha dwar l-ispejjeż fuq l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jiġifieri d-dispożizzjoni applikabbli għar-rikorsi ta’ individwi li ma humiex uffiċjali. |
59 |
Fl-aħħar nett, permezz tas-sentenza Vainker vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tas-Sinjura Vainker bħala infondat, billi bbażat ruħha fuq il-preċedent tas-sentenza Leussink et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u billi vvalidat b’mod impliċitu l-għażla tal-Artikolu 235 KE bħala bażi legali adegwata ta’ dan ir-rikors. |
60 |
Għandu jiġi miċħud, barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat, essenzjalment, fuq l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti. |
61 |
Ċertament, il-possibbiltà, saħansitra l-obbligu, għall-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut, li jippreżentaw rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, bil-għan li jiġi rrikonoxxut il-benefiċċju tal-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti, diġà ġie rrikonoxxut mill-qorti tal-Unjoni mill-inqas b’mod impliċitu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Jannar 1996, Bitha vs Il‑Kummissjoni, T-23/95, ĠabraSP p. I-A-13 u II-45; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-20 ta’ Jannar 2009, Klein vs Il‑Kummissjoni, F-32/08, ĠabraSP p. I-A-1-5 u II-A-1-13; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Ġunju 2001, Hotzel-Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni, T‑145/00, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 17). |
62 |
Madankollu, l-ewwel nett, dan l-argument huwa validu biss għall-aventi kawża speċifikament indikati fl-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti, jiġifieri l-konjuġi u l-ulied jew, fin-nuqqas ta’ dawn, id-dixxendenti l-oħra jew, fin-nuqqas tagħhom, id-dixxendenti l-oħra jew, fin-nuqqas tagħhom, l-axxendenti jew fl-aħħar, fin-nuqqas tagħhom, l-istituzzjoni nnifisha. B’hekk, f’dan il-każ, anki jekk jiġi preżunt li l-argument tal-Kummissjoni huwa applikabbli fil-każ tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, ma huwiex hekk fil-każ tar-rikorrent Livio Missir Mamachi di Lusignano nnifsu, peress li dan tal-aħħar ma għandux il-kwalità ta’ aventi kawża, fis-sens tal-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti fil-preżenza tal-ulied. Dan ma huwiex iktar fil-każ tal-omm, ta’ ħu u ta’ oħt Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, li huma rikorrenti fil-każ parallel T‑494/11. |
63 |
It-tieni nett, dan l-argument jissuġġetta l-implementazzjoni proċedurali tad-dritt komuni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal dik tad-dritt partikolari tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali kif previst mir-Regolamenti. Issa, ma teżistix raġuni valida li għaliha l-kompetenza eċċezzjonali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fir-rigward tal-uffiċjali, għandha b’dan il-mod ikollha prijorità fuq il-kompetenza ġenerali tal-Qorti Ġenerali biex tieħu konjizzjoni ta’ kull kawża li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-Unjoni. |
64 |
It-tielet nett, fl-aħħar, anki fir-rigward tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, dak li qed jiġi ttrattat f’dan il-każ ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-benefiċċji statutorji ggarantiti, liema benefiċċji, barra minn hekk, diġà tħallsu lill-persuni kkonċernati, iżda l-obbligu eventwali tagħha li tikkumpensa għad-danni materjali u morali kollha allegati. Il-Qorti Ġenerali tfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rikorrent isostni b’mod speċifiku, fil-kuntest tat-tielet aggravju tal-appell, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kumpens ta’ dawn id-danni, l-imsemmija benefiċċji statutorji rrikonoxxuti lill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx possibbli li regola ta’ kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tiġi bbażata fuq id-dispożizzjoni tal-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti, filwaqt li jiġi preċiżament allegat li l-imsemmi artikolu ma jikkostitwixxix il-bażi tar-rikors ippreżentat fl-isem tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano. |
65 |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-uniku kuntest legali ddelimitat mill-Artikoli 268 TFUE u 270 TFUE, l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, jimponi li jiġi konkluż li l-familjari ta’ uffiċjal deċedut huma neċessarjament obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, wieħed quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali, skont jekk dawn jirrigwardawx drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew jekk jitolbux kumpens għal dannu materjali jew morali, li jkun personalment għalihom. |
66 |
Jirriżulta wkoll minn dak li ntqal hawn fuq li dawn iż-żewġ rikorsi għad-danni huma suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ mertu differenti, skont id-distinzjoni operata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Petrilli, iċċitata iktar ’il fuq, u mfakkra fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq. |
67 |
Jirriżulta wkoll minn dak li ntqal hawn fuq li, meta l-qraba inkwistjoni jitolbu d-danni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huma suġġetti għat-termini u għar-restrizzjonijiet proċedurali l-oħra, bħar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel u r-rikors, stabbilit mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ April 1987, Dufay vs Il‑Parlament, 257/85, Ġabra p. 1561, punt 21), filwaqt li huma suġġetti għal terminu uniku ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, meta jaġixxu quddiem il-Qorti Ġenerali. |
68 |
Tali dupplikazzjoni proċedurali hija profondament insodisfaċjenti għal ħafna raġunijiet, kemm għall-partijiet ikkonċernati kif ukoll għall-qrati tal-Unjoni. Id-duwaliżmu tar-rikorsi li jirriżulta mill-applikazzjoni stretta tar-regola stabbilita fil-punt 65 iktar ’il fuq hija fil-fatt sors ta’ inkonvenjenzi gravi, bħat-taqqil tal-proċeduri u tal-ispiża għall-partijiet f’kawża, il-ħela tar-riżorsi limitati tal-qrati tal-Unjoni u, fuq kollox, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji konfliġġenti mogħtija fil-kuntest tal-istess kawża, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
69 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-prinċipji rrikonoxxuti minn ħafna fis-sistemi proċedurali tal-Istati Membri, għandhom jeżistu mekkaniżmi ta’ prevenzjoni jew ta’ regolazzjoni tal-kunflitti ta’ kompetenza bejn qrati aditi fl-istess waqt jew li jistgħu jkunu hekk aditi, bħall-estenzjonijiet, prorogazzjonijiet jew astensjonijiet tal-kompetenza, ir-rikonoxximent ta’ setgħa ta’ evokazzjoni favur il-qorti superjuri, il-prijorità mogħtija lill-qorti li l-ewwel tkun ġiet adita jew l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ accessorium sequitur principale (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai, 266/85, Ġabra p. 239, punt 19), peress li dawn il-mekkaniżmi huma jew previsti mil-liġi, jew inkella mill-ġurisprudenza. |
70 |
Bl-istess mod, fid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà marret lil hinn mill-kuntest proċedurali strett previst mit-testi fis-seħħ, biex tidderoga permezz tal-ġurisprudenza minn regoli ta’ kompetenza jew ta’ proċedura ta’ ordni pubbliku, billi ispirat ruħha essenzjalment minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju u mal-amministrazzjoni t-tajba tal-ġustizzja. |
71 |
B’hekk, fir-rigward tar-regoli ta’ kompetenza, fid-digriet IAMA Consulting vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi ċaħdet l-approċċ tal-Qorti Ġenerali li kienet segwiet il-kuntest strett tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 225(1) KE u tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikat regola ġurisprudenzjali, liema regola kienet iġġustifikata mill-“interess tal-ekonomija tal-ġudizzju u [...] il-prijorità rrikonoxxuta lill-qorti li quddiemha tressaq il-każ fl-ewwel lok, liema kunsiderazzjonijiet huma wkoll normalment rikonoxxuti fis-sistemi proċedurali tal-Istati Membri” (punt 17 tad-digriet). |
72 |
Fir-rigward tar-regoli tal-proċedura, għalkemm, skont is-sistema tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, ir-rikorsi kollha għandhom ikunu preċeduti minn proċedura prekontenzjuża regolarment imressqa, u għaldaqstant ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja dderogat ġurisprudenzjalment minn din ir-regola, sabiex tippermetti li qorti tkun adita direttament mill-Unjoni, fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ deċiżjonijiet, bħal dawk tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjonijiet jew ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, li fid-dawl tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra ma għandha ebda marġini ta’ diskrezzjoni fil-kuntest ta’ tali kontestazzjoni (ara, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjonijiet, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Ġunju 1972, Marcato vs Il‑Kummissjoni, 44/71, Ġabra p. 427, u tas-7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il‑Kummissjoni, 52/85, Ġabra p. 1555, u, għal dak li jikkonċerna r-rapporti ta’ evalwazzjoni, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il‑Kunsill, 6/79 u 97/79, Ġabra p. 2141, u tal-15 ta’ Marzu 1989, Bevan vs Il‑Kummissjoni, 140/87, Ġabra p. 701). Din il-ġurisprudenza ġiet motivata miċ-ċirkustanza li kontestazzjoni diretta kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jew kontra rapport ta’ evalwazzjoni tkun “mingħajr sens”, peress li l-istituzzjoni kkonċernata ma għandhiex is-setgħa li tannulla jew temenda d-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla jew tal-evalwazzjoni tal-evalwaturi. Konsegwentement, “interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti jwassal biss li jtawwal, mingħajr ebda utilità, il-proċedura” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Marzu 1978, Ritter von Wüllerstorff u Urbair vs Il‑Kummissjoni, 7/77, Ġabra p. 769). |
73 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċedenti, u fil-preżenza ta’ raġunijiet imperattivi marbuta maċ-ċertezza legali, mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, mal-ekonomija tal-ġudizzju u mal-prevenzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji konfliġġenti, hemm lok li jitqies li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn l-aventi kawża ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal deċedut jitolbu l-kumpens ta’ diversi danni kkawżati mill-istess att, kemm fil-kwalità tagħhom ta’ aventi kawża kif ukoll f’isimhom personali u jure proprio, huma liberi li jgħaqqdu dawn it-talbiet biex jippreżentaw rikors uniku. |
74 |
Dan ir-rikors uniku għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar ma hijiex biss il-qorti “ġeneralista” jew “ta’ dritt komuni”, u li għandha fuq din il-bażi “ġurisdizzjoni sħiħa”, bil-kontra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa l-qorti ta’ eċċezzjoni, iżda hija wkoll il-qorti ta’ grad superjuri, li magħha huwa “anness” it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont il-kliem tal-Artikolu 257 TFUE. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, meta żewġ qrati ta’ grad differenti jiġu aditi b’kawżi li jkollhom l-istess suġġett, hija ġeneralment il-qorti superjuri li tkun kompetenti taqta’ t-tilwima kollha. B’hekk, fid-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddisponi li, fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi li jkollhom l-istess suġġett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża. Soluzzjoni analoga hija prevista mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi fejn tkun qed issir l-istess talba, fejn titqajjem l-istess kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew jitqanqal dubju dwar il-validita’ tal-istess att. |
75 |
Għandu wkoll jiġi osservat, f’dan il-kuntest, li jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, il-qraba tal-uffiċjal deċedut kienu obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi, din timplika li fl-istess waqt jinġiebu kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fejn tkun qed issir l-istess talba, jiġifieri, essenzjalment, it-talbiet għal kumpens tad-dannu li jirriżultaw mill-mewt tal-uffiċjal ikkonċernat, li r-responsabbiltà tiegħu tkun ipotetikament attribwita għall-istess nuqqas tal-istituzzjoni konvenuta. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu immedjatament jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża. |
76 |
B’hekk, l-applikazzjoni, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ta’ regola ta’ prorogazzjoni ta’ kompetenza favur il-Qorti Ġenerali, tidher ukoll li hija l-korollarju tar-regola tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din ma jkollhiex sens, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tobbliga l-persuni kkonċernati jressqu l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-qafas ta’ kompetenzi ddelimitati mill-Artikoli 268 TFUE u 270 TFUE, l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti twassal biss li ttawwal, mingħajr ebda utilità, il-proċedura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq). |
77 |
Fil-każ speċifiku inkwistjoni, jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza ab initio biex jieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, ħlief fir-rigward tat-talba għall-kumpens tad-dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu. |
78 |
Għaldaqstant hemm lok, b’applikazzjoni tar-regola ta’ tqassim strett tal-kompetenzi bejn iż-żewġ qrati kkonċernati, kif imsemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq, li jiġi kkonstatat ex officio li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza biex jieħu konjizzjoni tat-talba għall-kumpens ta’ dannu proprju, kemm materjali kif ukoll morali, tar-rikorrent personalment u tal-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, u li tiġi annullata, f’dan ir-rigward, is-sentenza appellata. |
79 |
Il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament ser jiġu analizzati fil-punti 102 u 103 iktar ’il quddiem. |
80 |
Għall-kumplament, għandu jitkompla l-eżami tal-appell, fid-dawl tal-aggravji tar-rikorrent, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu kompetenza biex jieħu konjizzjoni tat-talba li tressqet quddiemu, jiġifieri sa fejn ħa deċiżjoni fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sa fejn ċaħad bħala inammissibbli t-talba għall-kumpens tad-dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu.
81 |
L-ewwel aggravju jinqasam fi tliet partijiet. Madankollu, peress li t-tieni parti tal-imsemmi aggravju ssemmi ċ-ċaħda tat-talba għal kumpens tad-dannu morali subit mir-rikorrent personalment, hija mhux ser tkun is-suġġett ta’ eżami usa’, fid-dawl tal-annullament ta’ dan l-aspett tas-sentenza appellata, diġà mwettqa fil-kuntest tal-eżami tal-aggravju ta’ ordni pubbliku rrilevat ex officio. |
82 |
Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju, li ssemmi b’mod iktar partikolari ċ-ċaħda tat-talba għal kumpens tad-dannu morali subit qabel il-mewt tiegħu mill-uffiċjal maqtul (dannu morali ex haerede) bħala inammissibbli, ir-rikorrent isostni li r-regola tal-proċedura ta’ konkordanza, applikabbli għar-rikors fil-qasam tas-servizz pubbliku, jeżiġu identiċità tar-raġuni u tas-suġġett bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors, u mhux, kif iddeċieda b’mod żbaljat it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bejn it-talba u l-ilment. Huwa jinvoka, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il‑Kummissjoni (58/75, Ġabra p. 1139). Issa, f’dan il-każ, l-ilment tal-10 ta’ Settembru 2008 jinkludi korrettament talba intiża għall-kumpens tad-dannu morali subit qabel mewtu mill-uffiċjal maqtul u mill-aventi kawża tiegħu. |
83 |
Permezz tat-tielet parti tal-aggravju, barra minn hekk ir-rikorrent jargumenta, essenzjalment, li r-regola ta’ konkordanza, bħal dik applikata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tillimita d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
84 |
Il-Kummissjoni tirrispondi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward u li l-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li din tal-aħħar tista’ tinkludi restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jimplikawx intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-kontenut essenzjali stess tad-drittijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punti 63 et seq). |
85 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma osservax, fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, ir-regoli u r-restrizzjonijiet ta’ proċedura li jirriżultaw mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, fil-kuntest ta’ rikors ta’ uffiċjal ta’ natura strettament kumpensatorja. |
86 |
Ċertament, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar, b’mod għaqli, il-ġurisprudenza li tgħid li, fis-sistema ta’ rimedji previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, meta rikors ta’ natura strettament kumpensatorja, fis-sens li ma jkollu l-ebda talba għall-annullament ta’ att partikolari, iżda jikkonċerna esklużivament il-ħlas tad-dannu allegatament ikkawżat minn serje ta’ nuqqasijiet jew ommissjonijiet li, fl-assenza ta’ kull effett ġuridiku, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala atti li jikkawżaw preġudizzju, il-proċedura amministrattiva għandha imperattivament, taħt piena ta’ inammissibbiltà ta’ rikorsi ulterjuri, tibda permezz ta’ talba mill-parti interessata li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra tħallas id-danni allegati u tkompli, jekk ikun il-każ, bil-preżentazzjoni ta’ lment dirett kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Saby vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u tat-13 ta’ Diċembru 2012, A vs Il‑Kummissjoni, T‑595/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 111 u 118, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
Fil-punt 83 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar, ukoll ġustament, il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li t-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni għandhom ikollhom l-istess suġġett bħal dawk esposti fl-ilment u għandhom jinkludu biss kontestazzjonijiet ibbażati fuq l-istess kawża bħal dawk invokati fl-ilment, liema kontestazzjonijiet jistgħu, fil-fażi kontenzjuża, jiġu żviluppati permezz tat-tressiq ta’ motivi u argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment iżda li jkunu marbutin strettament miegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il‑Kummissjoni C-62/01 P, Ġabra p. I-3793, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
88 |
Madankollu, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żviluppa din il-ġurisprudenza filwaqt li żied li, fil-qasam strettament kumpensatorju, il-kunċett ta’ “kawża” ma huwiex iddefinit b’riferiment għal “kontestazzjonijiet” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti iżda għal “danni” invokati mill-uffiċjal ikkonċernat fit-talba tiegħu għal kumpens, u li huma dawn id-danni li jiddeterminaw is-suġġett tal-kumpens mitlub mill-uffiċjal u, konsegwentement, is-suġġett tat-talba li fuqha għandha tiddeċiedi l-amministrazzjoni. |
89 |
Fil-punt 85 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 86 sa 88 iktar ’il fuq li t-talbiet għal kumpens ibbażati fuq diversi danni huma ammissibbli quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss jekk, qabel kollox, ikunu ppreċeduti b’talba indirizzata lill-amministrazzjoni bl-istess suġġett u li ssemmi l-istess danni, imbagħad b’ilment ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni wara li din tkun iddeċidiet, espliċitament jew impliċitament, fuq din it-talba. |
90 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat minnufih li dawn l-iżviluppi u l-konklużjonijiet li wasslu għalihom jirriżultaw minn konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ “suġġett” u ta’ “raġuni”. B’mod iktar speċifiku, b’mod kuntrarju għal dak li huwa msemmi fis-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 84 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ “raġuni” ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal “danni” invokati mill-uffiċjal fit-talba tiegħu għal kumpens, peress li dawn jiddeterminaw fir-realtà s-“suġġett” tat-talba għal kumpens, kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, barra minn hekk, żied minnufih fl-aħħar sentenza tal-istess punt 84. |
91 |
Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija żviluppi u konklużjonijiet ma humiex kompatibbli mal-ġurisprudenza li fuqha jserrħu, lanqas, fuq kollox, mal-prinċipji li huma sottostanti din il-ġurisprudenza. |
92 |
Għandu qabel kollox jitfakkar, f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni (224/87, Ġabra p. 99), li tgħid li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti, hija ammissibbli talba għad-danni li tkun tressqet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel ikun semma’ biss l-annullament tad-deċiżjoni allegatament dannuża, għaliex talba għall-annullament tista’ timplika talba għall-kumpens tad-dannu subit (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Lulju 1995, Saby vs Il‑Kummissjoni, T-44/93, ĠabraSP p. I-A-175 u II-541, punt 28). |
93 |
Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita, talba għall-interessi moratorji fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex bżonn, biex tkun ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali, li tkun issemmiet espressament fl-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il‑Kummissjoni, T-4/92, Ġabra p. II-357, punt 50, tat-8 ta’ Ġunju 1995, P vs Il‑Kummissjoni, T-583/93, ĠabraSP p. I-A-137 u II-433, punt 50, u tat-12 ta’ Novembru 2002, López Cejudo vs Il‑Kummissjoni, T-271/01, ĠabraSP p. I-A-221 u II-1109. |
94 |
B’mod kuntrarju għal dak li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara fil-punt 90 tas-sentenza appellata, din il-ġurisprudenza ma hijiex speċifika għall-kontenzjuż tal-annullament u ma huwiex permess li jiġi konkluż li ma tkunx applikabbli għall-kontenzjuż strettament tad-danni. |
95 |
B’hekk, fis-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament (T-84/91, Ġabra p. II-2335, punt 44), li kienet tikkonċerna rikors strettament għad-danni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talbiet intiżi li jiksbu kumpens għad-danni materjali u morali kkawżati lil uffiċjal permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni, ippreżentati fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, ma għandhomx, fid-dawl tar-regola li timponi li lment minn qabel u rikors li jkollhom l-istess suġġett, jitqiesu li huma differenti minn dawk intiżi, minn naħa, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu morali subit mill-persuna kkonċernata, esposta fl-ilment. Fil-fatt, għandu jiġi ammess li talba għall-annullament ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, li tressqet fl-ilment, tista’ timplika talba għall-kumpens tad-dannu kemm materjali kif ukoll morali li din id-deċiżjoni setgħet tikkawża. |
96 |
Iżjed minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sergy vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, billi ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fid-dawl ta’ tnejn mid-danni differenti allegati, minħabba li ma kinux issemmew fl-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 91 tar-Regolamenti għandu bħala suġġett li jippermetti u li jiffavorixxi ftehim bonarju tat-tilwima li tinqala’ bejn l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal u l-amministrazzjoni; li, b’mod kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma għandhiex ikollha l-effett li torbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenżjuza eventwali, peress li t-talbiet ippreżentati f’dan l-aħħar stadju la jbiddlu r-raġuni u lanqas is-suġġett tal-ilment; li, fl-ilment tiegħu, ir-rikorrent, wara li espona l-ilmenti tiegħu, kien sostna li l-ingaġġ mill-ġdid tardiv tiegħu kien ikkawżalu dannu kbir li tiegħu kien indika sussegwentement l-“elementi prinċipali”; u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi supplimentari li kien allega li kienu jinsabu fl-aġir ikkontestat tal-amministrazzjoni u li kienu intiżi għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrent kien allega li subixxa minn din il-kategorija, setgħu jkunu suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 31 sa 36 tas-sentenza). |
97 |
Għalkemm din il-ġurisprudenza tikkonċerna biss, stricto sensu, ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors, il-prinċipji li jispirawha, u għaldaqstant il-flessibbiltà li tippermetti, huma wkoll trasponibbli għar-regola ta’ “konkordanza” bejn it-talba u l-ilment, proprju għar-rikorsi strettament kumpensatorji, kif imfakkra fil-punt 86 iktar ’il fuq. |
98 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi konkluż li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel motiv tar-rikors u li tiġi annullata s-sentenza appellata, sa fejn din tilqa’ l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, kontra t-talba għall-kumpens għad-dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu. |
99 |
Il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament ser jiġu analizzati fil-punti 104 sa 112 iktar ’il quddiem. |
100 |
Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq l-aggravji l-oħra tal-appell. |
Fuq ir-rikors tal-ewwel istanza
101 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess. Jekk il-kawża tkun f’punt fejn għad ma tistax tinqata’, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. |
102 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba għall-kumpens tad-dannu personali, kemm materjali kif ukoll morali, tal-persuna tar-rikorrent u tal-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li kkonstata li ma kellux il-kompetenza biex jieħu konjizzjoni ta’ dan l-aspett tar-rikors, peress li dan jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, kien imissu bagħatha lill-imsemmija Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
103 |
Il-kawża hija, f’dan ir-rigward, fi stat li tiġi deċiża u għandu jiġi rrinvijat dan l-aspett tar-rikors lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tagħha bħala qorti tal-ewwel istanza, skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE. Ma hijiex, fil-fatt, il-qorti tal-appell, adita skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tieħu konjizzjoni ta’ tali rikors. |
104 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba għall-kumpens tad-dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu l-kompetenza biex jieħu konjizzjoni tagħha, iżda ċaħadha b’mod żbaljat bħala inammissibbli fid-dawl tar-regola ta’ “konkordanza” bejn it-talba u l-ilment amministrattiv. |
105 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis, b’applikazzjoni tal-prinċipji u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 92 sa 97 iktar ’il fuq, li, bil-kontra ta’ dak li ġie deċiż fis-sentenza appellata, it-talba għall-kumpens għad-danni morali subiti kemm minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu kif ukoll mill-qraba tiegħu, allegatament ikkawżati mill-istess nuqqas bħal dak ikkontestat lill-Kummissjoni fl-ittra tar-rikorrent, tal-25 ta’ Frar 2008, għalkemm ippreżentat għall-ewwel darba b’mod espliċitu fl-ilment, ma biddlet la s-suġġett u lanqas ir-raġuni tat-talba inizjali għal kumpens imressqa fl-imsemmija ittra. |
106 |
F’dan ir-rigward, għalkemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li kien “paċifiku” li, f’din l-ittra, ir-rikorrent ma kienx “talab biss il-ħlas ta’ danni materjali” u li “mkien ma semma d-danni morali allegati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”, huwa obbligu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa de novo l-portata tat-talba għal kumpens li tinsab f’din l-ittra. |
107 |
Issa, fl-imsemmija ittra, ir-rikorrent talab lill-President tal-Kummissjoni, M. Barroso, “deċiżjoni personali u espliċita [...] fuq l-implikazzjonijiet politiċi u finanzjarji kollha ta[l-]qtil doppju”. |
108 |
B’mod iktar speċifiku, fil-Parti I ta’ din l-ittra, ir-rikorrent qabelxejn semma n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-proposti li kienu sarulu mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda ammont tad-“diversi kumpensi u drittijiet favur l-eredi”, li apparentement jirreferu, hawnhekk, għall-ħlasijiet statutorji previsti mir-Regolamenti favur l-orfni. Sussegwentement, fil-Parti II ta’ din l-ittra, ir-rikorrent għamel riferiment espress għall-“kumpens għal dannu morali” mogħti mill-ġustizzja Marokkina, filwaqt li enfasizza n-natura inadegwata tiegħu. Fl-aħħar nett, fil-Parti III ta’ din l-ittra, ir-rikorrent talab il-ħlas ta’ “kumpens ekwivalenti mill-inqas għat-total tas-26 sena ta’ salarji annwali tal-uffiċjal maqtul, ikkalkolat għaldaqstant bejn l-2006 (id-data tat-traġedja ta’ Rabat) u 2032 (sena preżunta ta’ ħajja tal-uffiċjal sakemm jirtira)”. F’dan il-kuntest, huwa reġa’ enfasizza li dan il-kumpens, li għandu jitħallas mill-Kummissjoni lill-erbat itfal minuri, kien “ovvjament separat u komplementari” minn dak imsemmi fil-Parti II tal-istess ittra, jiġifieri kumpens għad-dannu morali. |
109 |
Fid-dawl tal-ittra tar-rikorrent tal-25 ta’ Frar 2008, u bil-kontra ta’ dak indikat fil-punt 88 tas-sentenza appellata, hemm lok, għaldaqstant, li jiġi kkonstatat li, fit-talba għad-danni li tinsab fl-imsemmija ittra, ir-rikorrent ma talabx sempliċement kumpens għad-danni materjali, iżda wkoll għamel allużjoni b’mod ċar għal dannu morali. |
110 |
Barra minn hekk, permezz tal-fatt li għamel talba għal teħid ta’ pożizzjoni mill-istituzzjoni fuq “l-implikazzjonijiet politiċi u finanzjarji kollha” tal-qtil doppju, ir-rikorrent bażikament talab il-kumpens sħiħ u kollu tad-dannu kkawżat min-nuqqas tal-Kummissjoni li kien wassal għal mewt ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano. Iċ-ċirkustanza li ma speċifikax immedjatament dan id-dannu globali skont il-kategoriji legali partikolari li ċertament ma kinux familjari għalih, bħal dannu materjali, morali jew eżistenzjali, ex haerede jew jure proprio, ma jidhirx deċisiv għal dan l-istadju kmieni tal-proċedura amministrattiva prekontenzjuża, fejn l-intervent ta’ avukat ma huwiex obbligatorju u fejn l-Awtorità tal-Ħatra għandha qabel xejn tagħmel kull sforz biex tippromwovi ftehim bonarju tat-tilwima, fuq kollox fiċ-ċirkustanzi wkoll traġiċi bħal dawk ta’ dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, għandu b’hekk jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sergy vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li r-rikorrent indika l-“elementi prinċipali” tad-dannu li tiegħu kien qed jitlob kumpens, fil-Partijiet I, II u III tal-ittra tiegħu tal-25 ta’ Frar 2008. |
111 |
Barra minn hekk, fit-talba tiegħu tal-10 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrent debitament speċifika d-diversi danni allegati, billi talab b’mod espliċitu l-kumpens tad-dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu. |
112 |
B’hekk jirriżulta li l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni kontra t-talba għall-kumpens tad-dannu morali ex haerede subit minn Alessandro Missir Mamachi di Lusignano qabel mewtu għandha tiġi miċħuda. |
113 |
F’dak li jirrigwarda eċċezzjonijiet oħra ta’ inammissibbiltà mqajma wkoll mill-Kummissjoni kontra din l-istess talba (ara l-punt 91 tas-sentenza appellata), il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. |
114 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, normalment dan l-aspett tar-rikors għandu jiġi rrinvijat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jagħti deċiżjoni mill-ġdid. |
115 |
Għandu jiżdied, madankollu, fl-istess ħin, li jekk wieħed kellu jwettaq it-tali rinviju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun minnufih obbligat jikkonstata li huwa stess u l-Qorti Ġenerali huma attwalment aditi b’kawżi li għandhom l-istess suġġett, jiġifieri, għal dak li jikkonċerna l-Qorti Ġenerali, din il-kawża u l-kawża parallela T‑494/11. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa għaldaqstant obbligat li jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq dawn il-kawżi (ara wkoll il-punt 75 iktar ’il fuq). |
116 |
Tali rinviju jidher b’hekk li huwa mingħajr sens, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux alternattiva oħra ħlief li jibgħat lura min-naħa tiegħu l-kawża lill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, applikazzjoni eċċessivament stretta tal-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja twassal biss li ttawwal, mingħajr ebda utilità, il-proċedura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq). |
117 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrinvijat ukoll dan l-aspett tar-rikors lill-Qorti Ġenerali, biex tieħu konjizzjoni tiegħu bħala qorti tal-ewwel istanza, skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE. |
118 |
Jirriżulta mill-argumenti kollha preċedenti li l-Kawża F‑50/09 għandha tintbagħat lura fl-intier tagħha lill-Qorti Ġenerali. |
Fuq l-ispejjeż
119 |
Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.