EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011TJ0156

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Settembru 2012.
Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Dumping — Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina — Bidu ta’ proċedura kontra kumpannija waħda — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Terminu ta’ tliet xhur previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Oneru tal-prova — Determinazzjoni tad-dannu.
Kawża T-156/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2012:431

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

18 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina — Bidu ta’ proċedura kontra kumpannija waħda — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Terminu ta’ tliet xhur previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Oneru tal-prova — Determinazzjoni tad-dannu”

Fil-Kawża T-156/11,

Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd, stabbilita f’Canton (iċ-Ċina), irrappreżentata minn V. Akritidis u Y. Melin, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen, bħala aġent, assistit minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avocat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Thomas u H. van Vliet, bħala aġenti,

u minn

Vale Mill (Rochdale) Ltd, stabbilita f’Rochdale (ir-Renju Unit),

Colombo New Scal SpA, stabbilita f’Rovagnate (l-Italja),

irrappreżentati minn G. Berrisch, avocat, u N. Chesaites, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd. (ĠU L 338, p. 22),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

Dritt tad-WTO

1

L-Artikolu VI.1 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) jipprovdi li, “il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li d-dumping, li jippermetti l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ xi pajjiż fuq is-suq ta’ pajjiż ieħor bi prezz orħos mill-valur normali tagħhom, huwa kkundannabbli jekk dan jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu materjali sinjifikattiv għal xi fergħa mill-produzzjoni stabbilita ta’ parti kontraenti jew jekk jittardja b’mod sostanzjali l-ħolqien ta’ fergħa mill-produzzjoni nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2

Il-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim antidumping”) jinsab fl-Anness I tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).

3

L-Artikolu 1 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Miżura kontra d-damping ser tiġi applikata biss taħt iċ-ċirkostanzi pprovduti fl-Artikolu VI tal-GATT [...] u skont l-investigazzjoni mibdija u kondotta skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim [...]”.

4

Skont l-Artikolu 3.1 tal-Ftehim antidumping, “[id-d]eterminażżjoni ta’ ħsara [dannu] għar-raġunijiet ta’ l-Artikolu VI tal-GATT 1994 għandha tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva fuq kemm (a) il-volum ta’ l-importazzjoni ddampjata u l-effett ta’ l-istess importazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq domestiku, kif ukoll (b) l-impatt konsegwenti li jkollha din l-importazzjoni fuq il-produtturi domestiċi ta’ dawn il-prodotti”.

5

L-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping jipprovdi li “L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni ddampjata fuq l-industrija domestika kkonċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi relevanti kollha u indiċi li jistgħu jkunu influwenti fuq l-istat ta’ l-industrija, li jkunu jinkludu tnaqqis fil-bejgħ, qligħ, xejriet imgħoddija, ishma tas-suq, produttività, dħul ta’ l-investimenti, jew utilizzazzjoni tal-kapaċità bħala effett ta’ natura attwali u potenzali; fatturi li jaffetwaw l-prezzijiet domestiċi; il-kobor tal-marġini ta’ d-damping; l-effetti negattivi attwali u potenzali fuq id-dħul tal-flus, inventorji, impjieg, kapaċità biex iżżid il-kapital jew l-investimenti [; din i]l-lista mhix waħda eżawrjenti, u lanqas wieħed jew ħafna minn dawn il-fatturi neċessarjament jista jagħti gwida deċisiva”.

6

L-Artikolu 5.2 tal-Ftehim antidumping jipprovdi li ġej:

“L-applikazzjoni taħt paragrafu 1 għandha tinkludi l-evidenza ta’ (a) damping, (b) ħsara [dannu] skond l-Artikolu VI tal-GATT 1994 kif interpretati minn dan il-Ftehim (ċ) il-konnessjoni kawżali bejn l-importazzjoni ddampjata u l-allegat ħsara. Sempliċi asserzjoni, mhux sostnuta minn evidenza rilevanti, mhix biżżejjed biex tilqa’ r-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu. L-applikazzjoni għandha tikkonsisti f’informazzjoni li hija raġonevolment disponibbli lill-applikant kif ġej:

[...]

ii)

Deskrizzjoni kompleta tal-prodotti allegatament iddampjati, l-ismijiet tal-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini jew esportazzjoni in kwistjoni, l-identità magħrufa ta’ kull esportatur jew produttur barrani u lista ta’ kull persuna magħrufa li qed timporta l-prodott in kwistjoni;

[...]”.

7

L-Artikolu 5.8 tal-Ftehim antidumping huwa miktub kif ġej:

“Applikazzjoni taħt il-paragrafu 1 għandha tkun miċħuda u l-investigazzjoni tintemm fil-pront malli l-awtoritajiet konċernati jkunu sodisfatti li m’hemmx evidenza biżżejjed li turi l-eżistenza ta’ damping jew ħsara [dannu] biżżejjed biex jipproċedu bil-każ. Ikun kemm waqfa immedjata fil-każijet fejn l-awtoritajiet jiddeterminaw li l-marġini tad-damping hija de minimis, jew li l-volum ta’ l-importazzjoni ddampjata, attwali jew potenzali, huwa negliġibbli [...]”.

8

L-Artikolu 6.1.3 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Malli l-investigazzjoni tinbeda, l-awtoritajiet għandhom jipprovdu test sħiħ tal-applikazzjonijiet bil-miktub riċevuti skont paragrafu 1 tal-Artikolu 5, lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-Membru esportatur, u jekk ikun hemm talba, dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe parti oħra interessata. Konsiderazzjoni mistħoqqa tingħata lir-rekwiżit għal protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzali, kif pprovduta fil-paragrafu 5.”

9

L-Artikolu 6.7 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Sabiex tkun verifikata informazzjoni jew sabiex jiġu pprovduti aktar dettalji, l-awtoritajiet jistgħu jesegwixxu investigazzjonijiet fit-territorji ta’ Membri oħra kif ikun meħtieġ, stante li jiksbu l-ftehim tad-ditti kkonċernati u jinnotifikaw ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Membru in kwistjoni, u sakemm il-Membru ma joġġezjonawx għall-investigazzjoni. Il-proċeduri msemmija fl-Anness I għandhom japplikaw dwar ta’ l-investigazzjonijiet eżegwiti fit-territorji tal-Membri l-oħra. Fuq bażi tar-rekwiżit li jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzali, l-awtoritajiet jagħmlu disponibbli kwalunkwe riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet, jew jipprovdu l-isvelar tagħhom skond il-paragrafu 9, lid-ditti relatati u jistgħu jagħmluhom disponibbli ukoll fir-rigward ta’ l-applikanti.”

10

Skont l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim antidumping, “l-awtortajiet għandhom, bħala regola, jistabbilixxu marġini individwali għal kull esportatur magħruf jew għal produtturi kkonċernati bil-prodott li qed ikun investigat [; f’]każijiet meta n-numru ta’ esportaturi, produtturi, importaturi jew tipi ta’ prodotti huwa kbir wisq sal-punt li jrendi din id-determinazzjoni impratikkabli, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżaminazzjoni jew għal numru raġonevoli ta’ partijiet interessati jew prodotti permezz ta’ l-użu ta’ kampjuni li huma validi statistikament fuq bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli lill-awtoritajiet fiż-żmien ta’ l-għażla, jew lill-ikbar persentaġġ tal-volum ta’ l-esportazzjoni mill-pajjiż in kwistjoni li jista’ jkun investigat b’mod raġonevoli”.

11

L-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Meta dazju kontra d-damping jiġu mposti fir-rigward ta’ kwalunkwe prodotti, dan it-tip ta’ dazju f’kull każ jinġabar f’ammonti xierqa, fuq bażi mhux diskriminatorja ta’ l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mis-sorsi kollha li jitqiesu għad-damping jew li qegħdin jikkawżaw ħsara [dannu], ħlief fil-rigward ta’ importazzjoni minn sorsi fejn l-intrapriża tal-prezzijiet ġew aċċettati skond it-termini ta’ dan il-Ftehim. L-awtoritajiet għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew fornituri tal-prodott ikkonċernat. Jekk, madankollu, ħafna fornituri mill-istess pajjiż huma nvoluti, u jekk huwa imprattikabbli li ssemmi l-fornituri kollha, l-awtoritatjiet jistgħu jsemmu l-pajjiż fornitur ikkonċernat. Jekk ħafna fornituri minn ħafna pajjiżi differenti huma nvoluti, l-awtoritajiet jistgħu jsemmu jew il-fornituri involuti, jew, jekk dan huwa imprattikabbli, il-pajjiżi fornituri kollha involuti.”

Dritt tal-Unjoni

12

Il-leġiżlazzjoni bażika antidumping hija kkostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Diċembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament bażiku”), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat.

13

Mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, “[f]l-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ukrajna, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat [; m]eta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw”.

14

Skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament:

“Pretensjoni [Talba] skond [is-subparagrafu 7] trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

..]

Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

15

L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“1.   Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ [‘dannu’] għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Id-deċisjoni ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq xiehda pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv kemm ta’:

a)

il-volum ta’ l-importazzjoni sussidjat[i] u l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili; u

b)

l-impatt riżultanti ta’ dik l-importazzjoni fuq l-industrija tal-Komunità.

3.   Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

4.   Fejn l-importazzjonijiet ta’ prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra dumping, l-effetti ta’ importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b’mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li:

a)

il-marġini ta’ dumping stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum ta’ l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli;

u

b) stima kumulattiva ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott Komunitarju simili.

5.   L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz [dumping] jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji, effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox [ma hijiex eżawrjenti], u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.”

16

L-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, dwar il-bidu tal-proċeduri, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment miktub minn kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandiex personalità legali, f’azzjoni għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja.[...]

2.   Ilment taħt paragrafu 1 għandu jinkludi evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz, ħsara [dannu] u rabta każwali bejn l-importazzjonijiet allegatament li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara allegata. L-ilment għandu jkun fih informazzjoni bħal din kif disponibbli b’mod raġjonevoli lil min qiegħed jagħmel l-ilment wara:

[...]

b)

deskrizzjoni sħiħa tal-prodott allegatament mixtri taħt il-prezz, l-ismijiet tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni msemmija, l-identità ta’ kull esportatur jew produttur barrani magħruf u lista ta’ persuni magħrufa li jimpurtaw il-prodott imsemmi;

ċ)

informazzjoni dwar il-prezzijiet li bihom il-prodott msemmi jiġi mibjugħ meta destinat għal konsum fis-swieq domestiċi tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni [...];

[...]

7.   L-evidenza kemm ta’ dumping kif ukoll tal-ħsara għandha tiġi kkunsidrata fl-istess ħin fid-deċiżjoni ta’ jekk għandiex tinbeda investigazzjoni jew le. Ilment għandu jiġi mwarrab fejn ma jkunx hemm biżżejjed evidenza ta’ dumping jew ta’ ħsara biex tiġġustifika proċediment bil-każ. Ma għandhomx jinbdew proċeduri kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta’ inqas minn 1 %, sakemm pajjiżi bħal dawn kollettivament ma jagħtux kont ta’ 3 % jew iktar mill-konsum tal-Komunità.

[...]

9.   Fejn, wara konsultazzjoni, ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċeduri, il-Kummissjoni għandha tagħmel hekk fi żmien 45 ġurnata minn meta jkun sar l-ilment u għandha tippubblika notifikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata evidenza biżżejjed, min jagħmel l-ilment għandu, wara konsultazzjoni, jiġi b’hekk infurmat fi żmien 45 ġurnata mid-data li fiha l-ilment jiġi mressaq lill-Kummissjoni.”

17

L-Artikolu 9(3) sa (6) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“3.   Għal proċediment mibdi skond l-Artikolu 5(9), ħsara [dannu] għandha normalment tiġi meqjusa negliġibbli fejn l-importazzjonijiet konċernati jirrapreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7). Għall-istess proċediment, għandu jkun hemm terminazzjoni immedjata fejn jiġi stabbilit li l-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz huwa inqas minn 2 %, espress bħala persentaġġ tal-prezz ta’ l-esportazzjoni, għalkemm hija biss l-investigazzjoni li għandha tiġi mitmuma fejn il-marġini huwa taħt 2 % għall-esportaturi individwali u għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċediment u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni mwettqa għall-pajjiż konċernat skond l-Artikolu 11.

4.   Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Fejn ikunu jseħħu dazji provviżorji, għandha tiġi sottomessa proposta għal azzjoni definittiva mhux aktar tard minn xhar qabel ma jiskadu dawn id-dazji. L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġni jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

5.   Dazju ta’ antidumping jiġi impost f’ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott mill-egħjun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk l-għejun li dwarhom ġew aċċettati garanziji skond it-termini ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan mhux prattikabbli, u b’mod ġenerali fejn jgħodd l-Artikolu 2(7)(a), għal kull pajjiż li jissupplixxi kkonċernat.

Madankollu, fejn japplika l-Artikolu 2(7)(a), għandu jiġi speċifikat dazju individwali għall-esportaturi li jistgħu juru, fuq bażi ta’ pretensjonijiet sostanzjati li:

a)

fil-każ ta’ ditti li huma kompletament jew parjalment ta’ sidien barranin jew intrapriżi konġunti, huma liberi li jibgħatu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

b)

il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kondizzjonijiert u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament;

ċ)

il-maġġoranza tal-ishma jappartjenu lill-persuni privati. L-uffiċjali ta’ l-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom karigi manaġerjali importanti jew huma [jew għandhom ikunu] fil-minoranza jew għandu jintwera’ li l-kumpannija hi xorta waħda indipendenti biżżejjed mill-indħil ta’ l-Istat.

d)

Il-kambji tal-muniti jitwettqu skond ir-rata tas-suq; [u]

e)

l-indħil ta’ l-Istat mhux tali li jippermetti ħelsien mir-restrizzjonijiet ta’ miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.

6.   Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skond l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju kontra d-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 17 imma ma ġewx inklużi fl-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż il-marġini medja stabbilit għall-partijiet fil-kampjun. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora kwalunkwe marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti fiċ-ċirkustanzi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 18. Dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali, kif previsti fl-Artikolu 17.”

18

L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, rigward it-teħid ta’ kampjuni, jipprovdi kif ġej:

“1.   F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet [transazzjonijiet] huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet [transazzjonijiet] bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum [rappreżentattiv] ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

[...]

3.   F’każijiet fejn l-eżaminazzjoni tkun ġiet limitata skond dan l-Artikolu, il-marġini individwali tal-bejgħ taħt il-prezz għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizzjalment magħżul li jissottometti l-informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien previsti f’dan id-Regolament, ħlief fejn in-numru ta’ esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżaminazzjonijiet individwali kienu jkunu ta’ piż mhux dovut u kienu jkunu ta’ xkiel għat-tmiem ta’ l-investigazzjoni f’qasir żmien.

4.   Fejn huwa deċiż li jiġi meħud kampjun u hemm grad ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn ftit jew ħafna mill-partijiet magħżula li x’aktarx materjalment jaffettwaw ir-riżultat ta’ l-investigazzjoni, jista’ jiġi magħżul kampjun ġdid. Madanakollu, jekk grad materjali ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni jippersisti jew ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jiġi magħżul kampjun ġdid, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 18 għandhom japplikaw.”

19

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001, tat-23 ta’ Lulju 2001, fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 50), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li “[k]ull meta i[l-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim j]adotta Rapport dwar miżura tal-Komunità li ttieħded skond ir-Regolament [...] Nru 384/96 [li sar ir-Regolament bażiku], ir-Regolament (KE) Nru 2026/97 jew dan ir-Regolament [...], il-Kunsill jista’ [...] jieħu wieħed jew aktar mill-miżuri li ġejjin, skond liema tqis xieraq: a) tħassar jew temmenda il-miżura kontestata, [jew] b) tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra meqjusa xierqa fiż-ċirkostanzi”.

20

Skont l-Artikolu 2(1) tal-istess regolament, “Il-Kunsill jista’ ukoll jadotta kwalunkwe mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) sabiex jieħu konsiderazzjoni ta’ l-interpretazzjonijiet legali magħmula fir-rapport adottat mi[ll-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim] dwar miżura mhux kontestata, jekk tqis li dan ikun xieraq”. L-Artikolu 2(3) jipprovdi li, “[s]akemm ikun xieraq li tiġi kondotta reviżjoni qabel jew fl-istess żmien li jittieħdu kwalunkwe miżuri taħt paragrafu 1, din ir-reviżjoni għandha tiġi mibdija mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

21

Ir-rikorrenti, Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd., hija kumpannija stabbilita f’Canton (iċ-Ċina), li tipproduċi u tesporta twavel għall-mogħdija.

22

Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 452/2007 li jimponi dazju definittiv antidumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (ĠU L 4M, p. 437). Permezz tal-imsemmi regolament, il-Kunsill impona miżuri definittivi antidumping fuq il-produtturi kollha tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw, b’mod partikolari, miċ-Ċina, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, li bbenefikat minn rata ta’ dazju żero (premessi 1 u 2 tar-regolament ikkontestat).

23

Fl-20 ta’ Awwissu 2009, tliet produtturi tal-Unjoni, jiġifieri Columbo New Scal SpA, Pirolla SpA u Vale Mill (Rochdale) Ltd, li jirrappreżentaw parti kbira tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tat-twavel għall-mogħdija, ippreżentaw ilment antidumping kontra r-rikorrenti (premessa 4 tar-regolament ikkontestat).

24

Fit-2 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 384/96 (li sar l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku), ippubblikat notifika ta’ bidu ta’ proċedura antidumping rigward l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina, limitata għal produttur esportatur Ċiniż, ir-rikorrenti, u, b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1515/2001, bdiet reviżjoni tal-miżuri antidumping rigward l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 452/2007 (ĠU C 237, p. 5) (premessa 3 tar-regolament ikkontestat).

25

Fin-notifika ta’ bidu, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ikkonkludiet, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment kien ġie ppreżentat mill-industrija Komunitarja jew f’isimha u li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 384/96 (punt 5 tan-notifika ta’ bidu).

26

Min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-fatt li r-Regolament Nru 452/2007 kien stabbilixxa dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija msemmija mill-imsemmi regolament u li r-rata ta’ dazju applikata għar-rikorrenti kienet ġiet stabbilita għal 0 % (punt 10 tan-notifika ta’ bidu), il-Kummissjoni enfasizzat li, fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, tad-29 ta’ Novembru 2005, intitolat “Messiku – Miżuri antidumping definittivi fuq il-Laħam taċ-Ċanga u r-Ross” (AB-2005-6) (WT/DS295/AB/R) (iktar ’il quddiem, ir-“rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO”), ma kienx hemm lok li titkompla l-impożizzjoni tal-miżuri li japplikaw għar-rikorrenti skont ir-Regolament Nru 452/2007.

27

Għaldaqstant il-Kummissjoni bdiet reviżjoni tar-Regolament Nru 452/2007, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1515/2001, sabiex tkun tista’ tagħmel it-tibdiliet neċessarji fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO (punt 10 tan-notifika ta’ bidu).

28

Fis-26 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat talba skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku], sabiex tingħata t-trattament ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem, l-“MET”) (premessa 26 tar-regolament ikkontestat).

29

Fid-19 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti bagħtet ir-risposti tagħha għall-kwestjonarju antidumping lill-Kummissjoni. Fit-23 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat kummenti rigward il-legalità tal-proċedura.

30

Fil-25 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti ittra ta’ osservazzjonijiet rigward it-talba tagħha għal MET sabiex tkun tista’ tipprovdilha informazzjoni ulterjuri. Ir-rikorrenti rrispondiet għal din l-ittra fis-7 ta’ Diċembru 2009.

31

Fit-18 ta’ Diċembru 2009, il-produtturi tal-Unjoni msemmija fil-punt 23 hawn fuq bagħtu lill-Kummissjoni r-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping. Il-Kummissjoni talbet lill-imsemmija produtturi jipprovdu informazzjoni addizzjonali fit-3 ta’ Frar 2010, u din l-informazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni b’ittri tad-19 u tal-24 ta’ Frar 2010.

32

Mill-4 sal-10 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika għand ir-rikorrenti relatata mal-informazzjoni mibgħuta mill-imsemmija rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha għal MET u fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju antidumping.

33

B’ittra tat-2 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni data statistika relatata mal-prezz ta’ sett ta’ prodotti tal-azzar fiċ-Ċina u indikat li dawn kienu simili għall-prezzijiet internazzjonali. Hija esponiet ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmija prezzijiet ma humiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk hija kellhiex tingħata l-MET.

34

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li kienet tal-fehma li hija ma tissodisfax il-kriterju msemmi fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u għalhekk kienet beħsiebha tipproponi ċ-ċaħda tat-talba tagħha għal MET.

35

Ir-rikorrenti għamlet l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward b’ittra tat-13 ta’ April 2010. F’din l-ittra, wara li sostniet li l-Kummissjoni kienet aġixxiet ultra vires billi bdiet proċedura kontra kumpannija waħda, ir-rikorrenti invokat ksur tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif ukoll nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel u tat-tieni kriterju tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament.

36

Inżammet seduta quddiem l-uffiċjal responsabbli għas-smigħ fid-29 ta’ April 2010.

37

B’ittra tat-30 ta’ April 2010, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti prinċipali tar-rikorrenti magħmula fl-ittra tagħha tat-13 ta’ April 2010 u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha rigward it-talba għal MET tar-rikorrenti, magħmula fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Marzu 2010.

38

Fid-dawl tal-elementi li kienu ġew diskussi waqt is-seduta tad-29 ta’ April 2010, ir-rikorrenti, b’ittra tal-31 ta’ Mejju 2010, ippreżentat osservazzjonijiet addizzjonali rigward il-bidu tal-proċedura, b’mod partikolari fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, u tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba tagħha għal MET. Il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-osservazzjonijiet b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2010. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali f’dan ir-rigward quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta’ Awwissu 2010.

39

B’ittra tal-21 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali, flimkien ma’ dokumenti li jipprovdu fid-dettall il-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u l-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġni ta’ dannu kif ukoll dokument ta’ informazzjoni partikolari li tindirizza l-argumenti tar-rikorrenti rigward il-bidu tal-investigazzjoni. Ir-rikorrenti rrispondiet għall-imsemmi dokument b’ittra tas-6 ta’ Ottubru 2010.

40

Seduta ġdida quddiem l-uffiċjal responsabbli għas-smigħ inżammet fil-11 ta’ Ottubru 2010, u wara dan il-minuti ntbagħtu lir-rikorrenti fis-27 ta’ Ottubru 2010.

41

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1241/2010, li jemenda r-Regolament Nru 452/2007 (ĠU L 338, p. 8). F’dan ir-regolament, il-Kunsill iddeċieda li jeskludi lir-rikorrenti mill-miżura antidumping definittiva stabbilita permezz tar-Regolament Nru 452/2007.

42

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1243/2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd (ĠU L 338, p. 22) (iktar ’il quddiem, ir-“regolament ikkontestat”).

Regolament ikkontestat

43

Fir-regolament ikkontestat, fl-ewwel lok, il-Kunsill fakkar il-miżuri stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 452/2007 kif ukoll iċ-ċirkustanzi li kienu fis-seħħ fil-bidu tal-proċeduri f’din il-kawża.

44

B’dan il-mod, il-Kunsill enfasizza li, fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, kienet inbdiet investigazzjoni ġdida antidumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku kontra r-rikorrenti minflok reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, għaliex minn dan ir-rapport jirriżulta (punti 305 u 306) li produttur-esportatur li ma jinstabx li ppratika dumping waqt l-investigazzjoni inizjali għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura definittiva stabbilita wara l-imsemmija investigazzjoni u ma jistax ikun suġġett għal reviżjonijiet amministrattivi jew għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi (premessa 5 tar-regolament ikkontestat).

45

Il-Kunsill irrikonoxxa li l-proċeduri antidumping normalment jinbdew kontra l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż u mhux kontra kumpanniji individwali. Madankollu, din il-kawża tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola msemmija hawn fuq, fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 216 sa 218 u 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, it-tieni nett, tal-fatt li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma teskludi l-bidu ta’ investigazzjoni ġdida antidumping kontra kumpannija waħda skont l-Artikolu 5 tiegħu, u, fit-tielet lok, tal-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha, sa fejn huwa possibbli, tiġi interpretata b’mod koerenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma intiżi sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (premessi 7, 8 u 87 tar-regolament ikkontestat).

46

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ dumping, u b’mod partikolari tad-determinazzjoni tal-MET, il-Kunsill osserva li l-investigazzjoni kienet stabbiliet li r-rikorrenti, li kienet ippreżentat talba għal MET, ma setgħetx tingħata dan it-trattament, għaliex ma kinitx tissodisfa l-kriterji stabbiliti permezz tal-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (premessi 26 u 27 tar-regolament ikkontestat). F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju, jiġifieri li d-deċiżjonijiet tal-impriżi jiġu adottati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sinjali tas-suq, mingħajr interferenza sinjifikattiva tal-Istat, u li l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq, il-Kunsill osserva li r-rikorrenti kienet sostniet li bdiet tixtri l-materji primi ewlenin tagħha fis-suq intern Ċiniż. L-Istat kompla jeżerċita influwenza importanti fuq is-suq intern tal-azzar u, għaldaqstant, il-prezzijiet tal-azzar fiċ-Ċina għal dawn il-materji primi speċifiċi ma jsegwux liberament it-tendenzi tas-swieq internazzjonali (premessi 28 sa 33 tar-regolament ikkontestat). Fir-rigward tat-tieni kriterju, il-Kunsill indika li l-kumpannija ma setgħetx tipprova li hija kellha sett wieħed ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà bażiċi li kienu s-suġġett ta’ verifika indipendenti konformi mal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà (IAS) u li jintużaw għall-finijiet kollha, għaliex il-kontijiet, u b’mod partikolari r-rapport ta’ verifika tal-kapital, ma kinux jirreferu għal tranżazzjoni importanti li seħħet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 34 tar-regolament ikkontestat).

47

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kunsill, qabel kollox, enfasizza n-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, b’mod partikolari l-fatt li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kienu applikabbli dazji antidumping għall-importazzjonijiet kollha li ġejjin miċ-Ċina u mill-Ukrajna (ħlief l-importazzjonijiet tar-rikorrenti). Peress li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta kontra l-effetti dannużi ta’ dawn l-importazzjonijiet matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kien ikun impossibbli li jsir eżami normali komplet tad-dannu. Għaldaqstant, skont il-Kunsill, ġie żviluppat approċċ speċifiku adattat għan-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, skont liema l-istituzzjonijiet iffokaw fuq ċerti indikaturi ta’ dannu. B’dan il-mod, il-Kummissjoni eżaminat: fl-ewwel lok, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdiija prodotti mir-rikorrenti u li kienu s-suġġett ta’ dumping; it-tieni nett, jekk dawn l-importazzjonijiet seħħewx bi prezzijiet inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u liema kien ir-redditu fuq dawk il-prezzijiet; it-tielet lok, kull informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-Unjoni li tindika li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu kkawżawlha dannu, pereżempju f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ klijenti u ta’ ordnijiet favur din il-kumpannija u r-redditu fuq il-bejgħ tagħhom fl-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni (premessi 58 sa 61 tar-regolament ikkontestat).

48

F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti, il-Kunsill ikkonstata, fl-ewwel lok, li dawn l-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni (premessa 66 tar-regolament ikkontestat), fit-tieni lok, li matul il-perijodu kkunsidrat l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu żdiedu sew, b’64 % (premessa 67 tar-regolament ikkontestat), fit-tielet nett, li l-parti tas-suq tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti kienet żdiedet b’mod konsiderevoli (premessi 68 u 69 tar-regolament ikkontestat), fir-raba’ lok, li l-industrija tal-Unjoni kienet tilfet tul dawn l-aħħar snin bosta ordnijiet li ttieħdu mir-rikorrenti (premessi 70 sa 72), fil-ħames lok, li l-marġni medju tat-twaqqigħ tal-prezzijiet li nstab għal Since Hardware, espress bħala perċentwali tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni, kien ta’ 16.1 % (premessi 73 u 74 tar-regolament ikkontestat), u, fis-sitt lok, li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni nstabu li bħala total kienu qed jagħmlu telf matul il-perijodu tal-investigazzjoni (premessa 75 tar-regolament ikkontestat).

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

49

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

50

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi din il-kawża permezz ta’ proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Għal dan il-għan, hija ppreżentat ukoll verżjoni mqassra tal-att. B’faks tal-4 ta’ April 2011, il-Kunsill oppona ruħu għal din it-talba. B’deċiżjoni tad-19 ta’ April 2011, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ċaħdet l-imsemmija talba.

51

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-partijiet prinċipali ma opponewx ruħhom għal din it-talba.

52

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2011, Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal ukoll talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-partijiet prinċipali ma opponewx ruħhom għal din it-talba.

53

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Vale Mill (Rochdale) u ta’ Colombo New Scal ta’ ċerti dokumenti annessi mal-att. Dawn tal-aħħar ma għamlu l-ebda oġġezzjoni għall-imsemmija talba.

54

B’digrieti tat-30 ta’ Awwissu 2011, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għal intervent.

55

Fil-5 ta’ Ottubru 2011, Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom. Fil-11 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

56

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

57

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

58

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

59

Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minnhom.

60

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2012.

Id-dritt

61

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(9) u tal-Artikolu 9(3) sa (6), u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, sa fejn il-bidu ta’ proċedura ma jistax jirreferi għal kumpannija b’mod partikolari, iżda għandu jirreferi għal pajjiż jew diversi pajjiżi u l-produtturi kollha li huma stabbiliti hemmhekk. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku, sa fejn ġew imposti dazji antidumping fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni kienet sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sa fejn, minn naħa, id-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tingħatax MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni imponiet, f’dan ir-rigward, oneru ta’ prova eċċessiv fuq ir-rikorrenti. F’dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(9), tal-Artikolu 9(3) sa (6), u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, sa fejn il-bidu ta’ proċedura ma jistax jirreferi għal kumpannija b’mod partikolari, iżda għandu jirreferi għal pajjiż jew diversi pajjiżi u l-produtturi kollha li huma stabbiliti hemmhekk

62

L-ewwel motiv huwa magħmul minn tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO. It-tielet parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

63

Fil-kuntest tal-ewwel parti, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami tal-Kummissjoni, li jinsab fil-premessi 7, 8 u 87 tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 45 hawn fuq), huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku jew tal-Ftehim antidumping ma tipprojbixxi l-bidu ta’ proċedura antidumping kontra kumpannija waħda. Fil-fehma tagħha, mill-istruttura tar-Regolament bażiku u tal-Ftehim antidumping jirriżulta biċ-ċar li proċedura antidumping tikkonċerna pajjiż jew diversi pajjiżi kif ukoll il-produtturi kollha tal-pajjiż jew tal-pajjiżi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, hija ssostni, għall-finijiet ta’ konformità mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li jipprojbixxi lill-membri tad-WTO li jissuġġettaw għal reviżjoni lill-kumpanniji li l-marġni ta’ dumping tagħhom kien de minimis waqt l-investigazzjoni inizjali, kien ikun biżżejjed li l-istituzzjonijiet jeskluduha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007 u li ma jerġgħux jissuġġettawha għal reviżjoni.

64

Fil-premessa 7 tar-regolament ikkontestat u fin-noti tiegħu, il-Kunsill irrikonoxxa li din il-kawża kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-investigazzjonijiet normalment immexxija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu r-Regolament bażiku ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tipprekludi lill-istituzzjonijiet, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, milli jibdew investigazzjoni fir-rigward ta’ produttur wieħed.

65

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-proċeduri antidumping jikkonċernaw, bħala regola ġenerali, l-importazzjonijiet kollha ta’ ċerta kategorija ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz u mhux il-prodotti ta’ impriżi speċifiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1993, Rima Electrometalurgia vs Il-Kunsill, C-216/91, Ġabra p. I-6303, punt 17).

66

Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit madankollu jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, kif ukoll il-paragrafi (1), 2(b) u (ċ) u (7) ta’ din id-dispożizzjoni, iċċitati wkoll mir-rikorrenti, moqrija flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, u b’mod konformi mal-istruttura ġenerali tal-imsemmi regolament, mal-Artikolu VI.1 tal-GATT u mal-Artikolu (1), mal-Artikolu 5.2(ii), u mal-Artikoli 6.1.3, 6.7, 6.10, u 9.2 tal-Ftehim antidumping, qatt ma jippermettu l-bidu ta’ proċedura antidumping fir-rigward ta’ prodottur wieħed, identifikat b’ismu u bl-esklużjoni tal-oħrajn kollha, u l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku ma setax għaldaqstant, f’dan il-każ, iservi ta’ bażi ġuridika sabiex jiġi deċiż li tinbeda l-proċedura f’din il-kawża.

67

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et, C-83/94, Ġabra p. I-3231, punt 22, u tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C-84/95, Ġabra p. I-3953, punt 11; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-45/06, Ġabra p. II-2399, punt 101, u tad-19 ta’ Ġunju 2009, Spanja vs Il-Kummissjoni, T-369/05, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).

68

Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li hija tinvoka ma jistax jiġġustifika l-affermazzjoni li proċedura antidumping qatt ma tista’ tinbeda fir-rigward ta’ produttur wieħed.

69

Mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li investigazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha, bħala regola ġenerali, tinbeda fuq ilment ippreżentat bil-miktub minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma għandhiex personalità ġuridika, li jaġixxu f’isem l-industrija Komunitarja. Tali lment għandu jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat. Skont il-paragrafu (9) ta’ din id-dispożizzjoni, il-bidu tal-proċedura jista’ jiġi deċiż, wara konsultazzjoni, biss meta jeżistu provi suffiċjenti.

70

B’dan il-mod, mill-kliem tal-paragrafi rilevanti tal-Artikolu 5 jirriżulta li dawn jifformulaw ir-rekwiżiti marbuta mal-preżentata ta’ lment f’isem l-industrija tal-Unjoni u mal-provi li għandhom ikunu inklużi fih rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu, u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat. Għaldaqstant huma ma jippermettux il-kunsiderazzjoni, affermata mir-rikorrenti, li proċedura antidumping qatt ma tista’ tinbeda fir-rigward ta’ produttur wieħed, b’mod partikolari f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, meta jiġi allegat li tali produttur, li nstab li ma pprattikax dumping fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti li matulha ġew imposti dazji antidumping, dazji li għadhom fis-seħħ, jipprattika dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(2)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, invokat b’mod speċifiku mir-rikorrenti, ma huwiex rilevanti, għaliex huwa jsemmi elementi li għandhom ikunu inklużi fl-ilment ippreżentat mill-industrija tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Però, mill-proċess jidher li l-ilment li ta lok għall-bidu tal-proċedura f’din il-kawża kien isemmi l-isem tal-pajjiż ikkonċernat.

71

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li r-rikorrenti ssostni l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari tal-paragrafu (9) tiegħu, hija ma ppreżentat, fin-noti tagħha, l-ebda argument intiż sabiex juri li l-kundizzjonijiet għall-bidu tal-proċedura previsti b’mod espliċitu minn din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfatti. B’mod partikolari, hija ma tikkontestax il-fatt li l-istituzzjonijiet ġew aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu mill-produtturi tal-Unjoni li jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat.

72

L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, li hija tgħid li jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika liema huma l-importazzjonijiet tal-pajjiż li huma s-suġġett tal-ilment u li tikkonkludi li huma jirrappreżentaw iktar minn 1 % mill-konsum tal-Unjoni, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-fatt, li “[m]a għandhomx jinbdew proċeduri kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta’ inqas minn 1 %, sakemm pajjiżi bħal dawn kollettivament ma [jirrappreżentawx] 3 % jew iktar mill-konsum tal-Komunità”. Minn naħa, din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-limitu minimu rigward in-numru ta’ produtturi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura mibdija mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, f’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssostnix li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, imsemmi fil-premessa 20 tar-regolament ikkontestat, ma jirrappreżentawx iktar minn 1 % mill-konsum tal-Unjoni.

73

L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim antidumping, jippermetti l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni biss fil-każijiet fejn in-numru tal-produtturi huwa importanti u li, fil-każijiet l-oħra kollha, il-produtturi kollha tal-pajjiż imsemmi għandhom jiġu offruti l-possibbiltà li jikkooperaw mal-Kummissjoni u jiksbu marġni ta’ dumping individwali, lanqas ma jista’ jintlaqa’, għaliex din id-dispożizzjoni lanqas ma tinkludi l-iċken kunsiderazzjoni rigward il-bidu mill-Kummissjoni ta’ proċedura kontra produttur wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex, f’dan il-każ, tieħu kampjuni tal-produtturi-esportaturi kkonċernati, peress li l-proċedura nbdiet biss kontra l-importazzjonijiet tar-rikorrenti.

74

Minbarra dan, ma jistax jitqies li mill-Artikolu VI.1 tal-GATT jew mill-Artikolu 1 tal-Ftehim antidumping jirriżulta li proċedura qatt ma tista’ tinbeda kontra produttur wieħed. L-Artikolu VI.1 tal-GATT ma jirrigwardax il-bidu tal-proċeduri u lanqas in-numru ta’ produtturi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali proċeduri. L-Artikolu 5.2(ii) u l-Artikoli 6.1.3, 6.7, 6.10 u 9.2 tal-Ftehim antidumping lanqas ma jinkludu restrizzjonijiet rigward in-numru ta’ produtturi li jistgħu jkunu kkonċernati fil-bidu ta’ proċedura.

75

Minn dak li ntqal hawn fuq ma jirriżultax li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku u tal-Ftehim antidumping li hija tinvoka jew mill-Artikolu IV.1 tal-GATT, proċedura qatt ma tista’ tinbeda kontra produttur wieħed.

76

Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku u tal-għan tiegħu, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mill-leġiżlazzjoni bażika rigward il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Artikolu 5 tagħha, li jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinbdew proċeduri intiżi sabiex jipproteġu l-Unjoni kontra tali importazzjonijiet li jikkawżawlha dannu. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li tobbliga lill-Kummissjoni, meta, wara konsultazzjonijiet, jeżistu provi biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura, tibda din il-proċedura fi żmien 45 jum li jibdew jgħoddu mill-preżentata tal-ilment u li tħabbar dan il-bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

77

Għaldaqstant l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sakemm ikunu ġew aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu li jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat, milli jibdew proċedura fir-rigward ta’ produttur wieħed, meta, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, ikun instab, waqt proċedura preċedenti, li l-imsemmi produttur kellu marġni ta’ dumping żero jew de minimis u li hemm fis-seħħ miżuri antidumping kontra l-produtturi l-oħra kollha tal-istess prodott ikkonċernat.

78

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO jipprojbixxi lill-Istati Membri tad-WTO milli jissuġġettaw għal reviżjoni lill-kumpanniji li l-marġni ta’ dumping tagħhom kien de minimis waqt l-investigazzjoni inizjali, li huwa l-każ tagħha. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom sempliċement jeskluduha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007 u ma jissuġġetawhiex għal reviżjoni. Ir-rikorrenti żżid li ma huwiex probabbli li kumpannija li ma pprattikatx id-dumping qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping tipprattika d-dumping meta hija ssir l-unika li tkun eżentata mid-dazji.

79

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġietx suġġetta formalment għal reviżjoni.

80

Kif il-Kunsill fakkar fil-premessa 7 tar-regolament ikkontestat, huwa ppreċiżat, fil-punti 216 sa 218 tar-rapport tal-Korp tal-Appel tad-WTO, li l-Artikolu 5.8 tal-Ftehim antidumping jobbliga lill-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni li tagħlaq l-imsemmija investigazzjoni f’dak li jikkonċerna esportatur li nstab li ma kellux marġni ogħla mil-livell de minimis matul investigazzjoni inizjali, u, fil-punt 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li l-esportatur għandu għaldaqstant jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping definittiva u ma għandux ikun suġġett għal reviżjonijiet amministrattivi u għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi.

81

Fil-punt 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, dan l-aħħar speċifika f’dan ir-rigward li, “l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni ovvjament ma [kinitx] timponi dazji – inklużi dazji ta’ rata żero fil-mija – fuq l-esportaturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping definittiva” u li huwa “għaldaqstant [kien] jaqbel mal-parir tal-Grupp Speċjali li l-‘konsegwenza loġika’ ta’ dan l-approċċ hija li dawn l-esportaturi ma jistgħux ikunu suġġetti għal reviżjonijiet amministrattivi jew għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi għaliex dawn ir-reviżjonijiet jirrigwardaw, rispettivament, id-‘dazju mħallas’ u ‘in-neċessità li titkompla l-impożizzjoni tad-dazju’ [; k]ieku l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni kellha tibda reviżjoni tal-esportaturi li ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping minħabba l-marġni de minimis tagħhom, dawn l-esportaturi jkunu effettivament suġġetti għall-miżura antidumping, b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 5.8”.

82

Għaldaqstant huwa minħabba l-fatt li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping u li l-esportazzjonijiet tagħhom huma eżenti mid-dazji li l-produtturi kkonċernati ma jistgħux ikunu suġġetti għal reviżjonijiet, għaliex dawn tal-aħħar jirrigwardaw id-dazji mħallsa jew in-neċessità li titkompla l-impożizzjoni tad-dazji, u għalhekk ma jistgħux japplikaw għall-produtturi li l-marġni tagħhom huwa de minimis.

83

Dak li ntqal hawn fuq, li jispjega f’iktar dettall biss ir-raġunijiet li għalihom il-Korp tal-Appell tad-WTO jeskludi l-possibbiltà ta’ reviżjoni, ma jistax jimplika li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-imsemmi korp jipprekludu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jibdew proċedura ġdida kontra kumpannija fil-każ li huma jiġu aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu li jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat.

84

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li r-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO jobbliga lill-istituzzjonijiet sabiex sempliċement jeskluduha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007. Fil-fatt, tali approċċ ikun ifisser li l-istituzzjonijiet jiġu obbligati jibqgħu lura milli jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ dumping li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, biss għar-raġuni li nstab li l-produttur-esportatur ikkonċernat ma kellux marġni ta’ dumping ogħla mil-livell de minimis waqt proċedura preċedenti, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu ġew aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu fir-rigward tal-imsemmi produttur-esportatur. Kif il-Kunsill ġustament osserva fil-premessa 8 tar-regolament ikkontestat (ara wkoll il-punt 45 hawn fuq), peress li l-Ftehim antidumping minn naħa, jippermetti lill-membri tad-WTO li jistabbilixxu dazji intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għad-dumping dannuż, iżda, min-naħa l-oħra, ġie interpretat fir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fis-sens li ma jippermettix ir-reviżjoni tal-kumpanniji li nstabu li ma kinux ipprattikaw dumping waqt l-investigazzjoni inizjali, ir-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-bidu ta’ proċedura mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, f’kawża bħal dik inkwistjoni hawnhekk.

85

F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ma huwiex probabbli li kumpannija li ma pprattikatx id-dumping qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping tipprattika d-dumping meta hija ssir l-unika li tkun eżentata mid-dazji lanqas ma tista’ tintlaqa’, għaliex hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li kumpannija li tkun ibbenefikat minn dazju de minimis qatt ma tista’ tipprattika dumping wara li jkun ġie stabbilit dazju b’rata żero fir-rigward tagħha.

86

Barra minn hekk, tali affermazzjoni hija kontradetta mill-fatt li, f’dan il-każ, filwaqt li, fil-kuntest tal-investigazzjoni li tat lok għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 452/2007 (iktar ’il quddiem, l-“ewwel investigazzjoni”), l-istituzzjonijiet ma kinux ikkonstataw dumping min-naħa tar-rikorrenti, deher, fil-kuntest tal-preżenti investigazzjoni, li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ dumping, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors l-eżistenza nfisha ta’ tali dumping.

87

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

88

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, moqri b’mod konformi mad-dritt tad-WTO, ma jippermettix l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li ġejjin minn kumpannija waħda, iżda jeżiġi l-impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet tal-kumpanniji kollha li jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż jew ta’ diversi pajjiżi.

89

Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta fuq il-portata ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti sostniet, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li kien ġie allegat biss il-ksur tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

90

B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fin-noti tagħha, ir-rikorrenti sempliċement affermat li, jekk ir-regolament ikkontestat jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li hija tipproduċi, u mhux dazju individwali kontra kull wieħed mill-produtturi Ċiniżi tat-twavel għall-mogħdija, jew dazju residwali kontra wħud minnhom, dan jikser l-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku.

91

Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet li hija tinvoka ma jirriżultax li l-Kunsill ma jistax jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti ta’ kumpannija waħda.

92

Qabel kollox, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, meta jipprovdi li dazju antidumping huwa impost meta jirriżulta mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti li jeżisti dumping u dannu konsegwenti u li l-interess tal-Komunità jeħtieġ azzjoni, ma jistabbilixxi l-ebda rekwiżit rigward in-numru ta’ kumpanniji li fir-rigward tagħhom tali konstatazzjoni għandha ssir u għandu jkun possibbli li jiġi impost dazju antidumping.

93

Imbagħad, fir-rigward tal-obbligu impost mit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li huwa intiż sabiex ir-regolament li jimponu d-dazju jispeċifika l-ammont tad-dazju impost fuq kull fornitur ikkonċernat jew, jekk dan ma jistax isir, l-isem tal-pajjiż tal-fornitur ikkonċernat, għandu jitqies li l-kliem “kull fornitur” għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal kull fornitur ikkonċernat mill-proċedura. Din id-dispożizzjoni ma titlobx, għaldaqstant, kif tallega r-rikorrenti, li jiġu imposti dazju fuq il-fornituri kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat. Għandu wkoll jiġi osservat f’dan ir-rigward li tali interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-kliem tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping, li jirreferi b’mod espliċitu għall-fatt li “[l]-awtoritajiet għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew fornituri tal-prodott ikkonċernat”.

94

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skont l-Artikolu 17, kull dazju ta’ kumpens applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu magħrufa skont l-Artikolu 17 imma li ma kinux ġew inklużi fl-investigazzjoni, ma għandhomx jeċċedu l-marġni medju ta’ dumping stabbilit għall-partijiet fil-kampjun. Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma ġietx applikata f’dan il-każ u li, għaldaqstant, hija irrilevanti, għaliex il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni kkonċernat biss l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti u ma ġie impost l-ebda dazju residwali. F’kull każ, hija ma tobbligax lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jimponu dazji antidumping biss fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti fabbrikati mill-produtturi kollha ta’ pajjiż.

95

Għaldaqstant ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku

– Osservazzjonijiet preliminari

96

Fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tal-Unjoni li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-ftehim tad-WTO ma humiex inklużi, bħala regola ġenerali, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa biss f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplementa obbligu partikolari li tkun assumiet fil-kuntest tad-WTO, jew f’każ bħal dak ineżami fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim tad-WTO li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsil, C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punti 52 u 53; tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C-377/02, Ġabra p. I-1465, punti 39 u 40, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra p. I-7723, punti 29 u 30.

97

Fil-kuntest ta’ argument prinċipali, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku ma huwiex intiż sabiex jittrasponi dispożizzjoni tal-Ftehim antidumping fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO ma għandux effett dirett u ma jistax jiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, sa fejn huwa inkompatibbli ma’ dan ir-rapport, u li tirrifjuta li tirrevedi dazju b’rata żero b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni fil-każ li lment ammissibbli jiġi ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni.

98

Billi pproċedew b’dan il-mod, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisru l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jidher li jirriżulta “li l-effett dirett tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom hija parti l-Unjoni ma jippermettix li jiġi eskluż test ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni meta ma jkunx possibbli li dan it-test jinqara b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni”.

99

Fil-kuntest ta’ argument sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku ma timplementax obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO u lanqas ma tirreferi għal dispożizzjoni speċifika tal-ftehim tad-WTO u għaldaqstant ma għandhiex effett dirett fid-dritt tal-Unjoni.

100

Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta dwar ir-rilevanza f’dan il-każ tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 96 hawn fuq, ir-rikorrenti indikat li hija kienet fakkret l-imsemmija ġurisprudenza insostenn tal-argument tagħha li l-qorti tal-Unjoni għandha teżamina jekk interpretazzjoni mill-istituzzjonijiet tar-Regolament bażiku hijiex konformi mal-obbligi tal-Unjoni fid-dritt tad-WTO.

101

Għalhekk, ir-rikorrenti ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, hija kienet qed tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni li tgħid li s-supremazija tal-ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità fuq it-testi ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-imsemmi ftehim.

102

F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li, f’din il-kawża, l-istituzzjonijiet ma bbażawx ruħhom fuq kwalunkwe tip ta’ effett dirett tar-regoli tad-WTO u lanqas tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO sabiex jiddeċiedu, f’dan il-każ, li ma jissuġġettawx lir-rikorrenti għal reviżjoni b’mod konformi mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. B’dan il-mod, mill-punt 10 tan-notifika ta’ bidu, mill-bażijiet legali ċċitati tar-Regolament Nru 1241/2010 u mill-premessi 3 u 7 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet wettqu l-modifiki meħtieġa tar-Regolament Nru 452/2007 fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO billi bbażaw ruħhom fuq ir-Regolament Nru 1515/2001.

103

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 96 sa 102 hawn fuq li għandha tingħata risposta għall-argumenti tar-rikorrenti magħmula f’din il-parti ta’ dan il-motiv.

– Fuq l-argument prinċipali, ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-istituzzjonijiet li jirrevedu d-dazji b’rata żero tal-produtturi li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa de minimis skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament

104

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku “jobbliga” lill-istituzzjonijiet sabiex jirrevedu d-dazji b’rata żero tal-produtturi li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa de minimis skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament.

105

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod espliċitu min-notifika ta’ bidu, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura f’din il-kawża b’mod konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, wara li kkonkludiet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment li kien ġie ppreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2009 minn tliet produtturi tal-Unjoni sar mill-industrija Komunitarja jew f’isimha u li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura (punti 1 u 5 tan-notifika ta’ bidu).

106

Minbarra dan, il-Kummissjoni mxiet mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1515/2001 meta ddeċidiet li tibda reviżjoni tar-Regolament Nru 452/2007, fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO (punt 10 tan-notifika ta’ bidu), u l-istess għamel il-Kunsill meta adotta r-Regolament Nru 1241/2010, li eskluda lir-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007.

107

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1515/2001, meta l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim jadotta rapport dwar miżura li ma hijiex ikkontestata, il-Kunsill jista’, skont il-każ, iħassar jew jimmodifika l-miżura kkontestata, jew jadotta kwalunkwe miżura oħra speċifika meqjusa bħala xierqa sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjonijiet legali magħmula fir-rapport. B’dan il-mod, skont il-premessa 5 tal-imsemmi regolament, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jqisu li huwa xieraq li jħassru jew jimmodifikaw miżuri adottati fil-kuntest tar-Regolament bażiku, inklużi miżuri li ma kinux is-suġġett ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-kuntest tal-ftehim fuq ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, jew li jadottaw kwalunkwe miżura speċifika oħra, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjonijiet legali ppreżentati f’rapport adottat mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim.

108

Fit-tieni lok, kif tosserva ġustament ir-rikorrenti, it-testi tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità, bħalma huwa l-każ tar-Regolament bażiku, li ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-Ftehim antidumping (ara l-premessa 3 tar-Regolament bażiku).

109

Is-supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità fuq it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi ma’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52; tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 20; tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 49; tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punti 56 u 57, u tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II-3663, punt 138).

110

Hawnhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku magħmula mill-istituzzjonijiet, f’dan il-każ, kienet konformi mal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi għal sempliċi possibbiltà, u mhux obbligu, għall-istituzzjonijiet li jagħmlu reviżjoni jekk ikun ġie kkonstatat li esportatur għandu marġni de minimis.

111

Fil-fatt mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-proċeduri jintemmu immedjatament kontra l-esportaturi individwali li nstabu, waqt l-investigazzjoni, li kellhom marġni ta’ dumping de minimis“għalkemm hija biss l-investigazzjoni li għandha tiġi mitmuma [...] u għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċediment u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni [ulterjuri]”.

112

F’dan ir-rigward mill-użu tal-verb “jista’” jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom il-fakultà, u mhux l-obbligu, waqt reviżjoni, li jissuġġettaw għal investigazzjoni ġdida produttur li l-marġni ta’ dumping tiegħu kien de minimis. Għaldaqstant għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tagħti lill-istituzzjonijiet setgħa diskrezzjonali rigward id-deċiżjoni li jibdew investigazzjoni ġdida kontra esportaturi individwali li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa inqas minn 2 % fil-kuntest ta’ reviżjoni. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-istituzzjonijiet “injoraw deliberatament” l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, għaliex din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-istituzzjonijiet sabiex iwettqu reviżjoni fil-każ li esportatur ikun ingħata marġni de minimis.

113

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u tal-konklużjoni tal-Korp tal-Appell li tinsab fil-punt 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li tgħid li l-esportaturi li ma għandhomx marġni ta’ dumping ogħla mil-livell de minimis ma jistgħux ikunu suġġetti għal reviżjonijiet amministrattivi jew għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li ma kienx hemm ksur tar-Regolament bażiku meta l-istituzzjonijiet, f’dan il-każ, użaw il-possibbiltà mogħtija lilhom mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) li ma jissuġġettawx lir-rikorrenti għall-proċedura ta’ reviżjoni stabbilita mill-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament u ssuġġettawha għal investigazzjoni ġdida, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

114

Għandu jitqies li l-istituzzjonijiet, b’mod konformi mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kellhom il-fakultà li ma jissuġġettawx lir-rikorrenti għall-proċedura ta’ reviżjoni.

115

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li l-użu minn proċedura ġdida minflok reviżjoni jkollu konsegwenzi konsiderevoli fir-rigward tagħha, biżżejjed jingħad li, anki jekk jiġi ammess li tali konsegwenzi jseħħu, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilietx illegalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, b’tali mod li dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

116

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-argument prinċipali tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

– Fuq l-argument magħmul sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal reviżjoni tad-dazju b’rata żero tar-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat b’mod konformi mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO

117

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal reviżjoni tad-dazju b’rata żero tar-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat b’mod konformi mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. B’dan il-mod, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-fatt ipprovaw jiċħdu l-effetti tal-imsemmi rapport.

118

Sabiex turi li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal tali reviżjoni, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni billi tirreferi għat-tieni motiv tagħha, li, minkejja li l-Kummissjoni indikat fil-punt 5.1 tan-notifika ta’ bidu li l-investigazzjoni kienet ser tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li ġej miċ-Ċina u li huwa ffabbrikat mir-rikorrenti huwiex is-suġġett ta’ prattiki ta’ dumping u jekk dawn tal-aħħar jikkontribwixxux għad-dannu, il-Kummissjoni ma wettqitx tali eżami. Fil-fatt, filwaqt li l-perijodu ta’ investigazzjoni kien bejn l-1 ta’ Lulju 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ma eżaminatx id-dannu sostnut mill-industrija tal-Unjoni matul dan il-perijodu, iżda sempliċement adottat il-konklużjonijiet li hija għamlet fl-ewwel investigazzjoni, fejn kien instab dannu għas-sena 2007, u eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fabbrikat mir-rikorrenti setax jikkontribwixxi għal dan id-dannu.

119

Għandu jiġi mfakkar li d-determinazzjoni tad-dannu wara l-bidu ta’ proċedura tippresupponi, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, li jiġi pprovat li jeżisti “ħsara [dannu] materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din”, filwaqt li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, dwar ir-reviżjonijiet interim, jipprovdi li, waqt tali reviżjoni, “il-Kummissjoni tista’, inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz [dumping] u l-ħsara [d-dannu], tbiddlux b’mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti humiex qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fit-tneħħija tal-ħsara stabbilita”.

120

Hawnhekk, fil-premessi 58 sa 61 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill enfasizza n-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, minħabba liema ma kienx possibbli, f’dan il-każ, li jitwettaq eżami normali komplet tad-dannu. Fl-ewwel lok, il-Kunsill indika b’dan il-mod li eżami komplet tad-dannu kien twettaq fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni. Fit-tieni lok, il-Kunsill osserva li, waqt din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kienet stabbiliet li l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li kienu s-suġġett ta’ dumping, li oriġina, b’mod partikolari, miċ-Ċina, bl-esklużjoni unika tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti, kienu kkawżaw dannu konsiderevoli lill-industrija tal-Unjoni. Fit-tielet lok, il-Kunsill enfasizza li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, dazji antidumping kienu applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet (ħlief l-importazzjonijiet tar-rikorrenti) u li l-industrija kienet, għaldaqstant, protetta mill-effetti dannużi ta’ dawn l-importazzjonijiet. Il-Kunsill indika wkoll li approċċ speċifiku ġie żviluppat, adattat għan-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, li fiha l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq indikaturi partikolari ta’ dannu.

121

Dawn l-indikaturi ta’ dannu inkludew l-istat tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti, il-volum tal-importazzjonijet li kienu s-suġġett ta’ dumping, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping, it-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-fatt li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu nstabu li globalment kienu qed jagħmlu telf matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll l-informazzjoni kollha pprovduta mill-industrija tal-Unjoni li turi li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu kkawżawlha dannu (premessi 71 sa 76 tar-regolament ikkontestat).

122

Mingħajr ma hemm lok, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, li tingħata deċiżjoni dwar ir-rilevanza tal-indikaturi ta’ dannu adottati mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 120 u 121 hawn fuq, li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha f’din l-investigazzjoni li teżamina jekk iċ-ċirkustanzi rigward id-dumping u d-dannu nbidlux konsiderevolment jew jekk il-miżuri eżistenzi kinux ikkawżaw l-effetti antiċipati u eliminaw id-dannu stabbilit preċedentement. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 76 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill kien ikkonkluda effettivament li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tbati dannu kkawżat mill-prodotti li kienu s-suġġett ta’ dumping mibjugħa mir-rikorrenti fis-suq tal-Unjoni.

123

Għalhekk, il-Kunsill kellu raġun jindika, fil-premessa 90 tar-regolament ikkontestat, li l-eżami tad-dannu li sar ma kienx limitat għall-konfermazzjoni li kien instab dannu waqt l-ewwel investigazzjoni. Bil-kontra, dan l-eżami tad-dannu ffoka fuq l-effetti fil-fatt dannużi li rriżultaw, għall-industrija tal-Unjoni, mill-importazzjonijiet tar-rikorrenti bi prezzijiet ta’ dumping wara l-imsemmija investigazzjoni, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li eżami normali tad-dannu ma kienx possibbli f’dan il-każ.

124

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dazju impost mir-regolament ikkontestat jiskadi fl-istess żmien bħad-dazji imposti mir-Regolament Nru 452/2007 kontra l-produtturi Ċiniżi l-oħra, filwaqt li l-perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku donnu huwa perijodu imperattiv. Madankollu, tali argument għandu wkoll jiġi miċħud.

125

Fil-fatt għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, miżura antidumping għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm, u sa fejn, hija meħtieġa sabiex tagħmel tajjeb għal dumping li jkun qiegħed jikkawża dannu. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, “[m]iżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali li tħallih jiffissa għal inqas minn ħames snin il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dazji definittivi antidumping jekk, minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, tali limitazzjoni tkun l-aħjar mod sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi diverġenti tal-partijiet fil-kawża u sabiex jinżamm l-ekwilibrju bejn dawn l-interessi li r-Regolament bażiku huwa intiż sabiex jistabbilixxi (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 1998, Cecom vs Il-Kunsill, T-232/95, Ġabra p. II-2679, punt 46).

126

Għaldaqstant l-istituzzjonijiet kellhom raġun iqisu, fil-premessa 90 tar-regolament ikkontestat, li, minkejja li r-rikorrenti ma kellu jkollha l-ebda vantaġġ li jirriżulta mill-fatt li bdiet il-prattiki ta’ dumping tagħha wara l-ewwel investigazzjoni, din il-kumpannija lanqas ma kellha tbati effetti negattivi mhux iġġustifikati. Għalhekk, skont il-Kunsill, jekk ma ntalbet l-ebda reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 452/2007, jidher li huwa diskriminatorju li titkompla l-applikazzjoni ta’ dazju għar-rikorrenti wara l-iskadenza tal-imsemmi regolament.

127

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, marbuta fost l-oħrajn mal-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta parzjalment permezz tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping skont ir-Regolament Nru 452/2007 u li kellu jiġi limitat id-dewmien tal-miżuri imposti permezz tar-regolament ikkontestat wara l-iskadenza tal-miżuri antidumping imposti bir-Regolament Nru 452/2007, sabiex tiġi evitata kull eventwali diskriminazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-produtturi suġġetti għall-imsemmi regolament u sabiex ikun possibbli li ssir, fejn xieraq, reviżjoni simultanja tal-miżuri imposti permezz tar-Regolament Nru 452/2007 u r-regolament ikkontestat, għandu jiġi konkluż li l-argument ibbażat fuq id-dewmien tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-regolament ikkontestat ma jipprovax li, f’dan il-każ, saret reviżjoni de facto tad-dazju antidumping b’rata żero tar-rikorrenti.

128

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet is-suġġett ta’ “trattament tenaċi” min-naħa tal-istituzzjonijiet, bl-għan evidenti li jintemm id-dazju b’rata żero li hija kienet tibbenefika minnu abbażi ta’ informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni u li qatt ma ġiet ikkontestata.

129

Għandu jiġi kkunsidrat li l-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex jistabbilixxi użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-istituzzjonijiet.

130

Dan l-argument għandu madankollu jiġi miċħud. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li deċiżjoni jew att tal-Unjoni ma humiex ivvizzjati b’użu ħażin ta’ poter jekk jidher, abbażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li huma ġew adottati sabiex jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk imsemmija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1990, Sermes, C-323/88, Ġabra p. I-3027, punt 33; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-167/94, Ġabra p. II-2589, punt 66, u tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T-2/95, Ġabra p. II-3939, punt 376). Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma pprovdietx tali provi.

131

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll il-motiv kollu kemm hu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku, sa fejn ġew imposti dazji antidumping fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni

132

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li f’din il-kawża ġew imposti dazji antidumping mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku.

133

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikoli 3.1 u 3.4 tal-Ftehim antidumping, interpretat f’dan is-sens mill-Korp tal-Appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO u mill-Qorti tal-Ġustizzja, jitlob li, f’kull investigazzjoni, għandha ssir evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi rilevanti kollha. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istituzzjonijiet sabiex mill-inqas iwettqu l-eżami tal-impatt tas-sittax-il fattur u indizji msemmija fl-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping tad-WTO, li magħhom jiġi miżjud il-fattur speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Issa, f’dan il-każ, l-eżami tad-dannu ġie limitat għal ċerti indizji, rigward esklużivament l-evoluzzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti, kif indikat mis-sehem tas-suq u mill-prezz, mingħajr l-ebda eżami tal-fatturi u tal-indizji rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li fir-rigward tagħhom il-Kunsill irrefera kompletament għall-konklużjonijiet tal-ewwel investigazzjoni.

134

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra p. 2913, punt 26; Ikea Wholesale, punt 96 iktar ’il fuq, punt 40, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C-535/06 P, Ġabra p. I-7051, punt 85).

135

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-determinazzjoni tad-dannu tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dan l-eżerċizzju, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 86; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T-164/94, Ġabra p. II-2681, punt 131, u tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T-107/04, Ġabra p. II-669, punt 43).

136

Għaldaqstant il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti adottati sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tan-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 135 iktar ’il fuq, punt 67; tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T-210/95, Ġabra p. II-3291, punt 57, u Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, punt 135 iktar ’il fuq, punt 43).

137

Barra minn hekk, hija r-rikorrenti li għandha tippreżenta l-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tad-dannu (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 119, u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill, T-300/03, Ġabra p. II-3911, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

138

Kif ġie mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ikea Wholesale, punt 96 iktar ’il fuq (punti 61 u 62), l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku jagħti lill-awtoritajiet tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali fl-eżami u fl-evalwazzjoni tad-diversi indizji msemmija f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teżiġi biss li jiġu eżaminati l-fatturi u l-indizji ekonomiċi “rilevanti [...] li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija [tal-Unjoni]”.

139

Huwa għaldaqstant fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom li l-istituzzjonijiet huma msejħa jeżaminaw il-fatturi msemmija hawn fuq u li jużaw fost l-elementi ta’ evalwazzjoni, elenkati għal dan il-għan fid-dispożizzjoni ċċitata hawn fuq, dawk li huma jqisu rilevanti f’kull każ partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1992, Sharp Corporation vs Il-Kunsill, C-179/87, Ġabra p. I-1635, punt 46).

140

Ladarba huwa stabbilit li, fir-regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet ma eżaminawx il-fatturi kollha msemmija fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, kif issostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eżaminaw biss il-fatturi u l-indizji ekonomiċi li huma qiesu rilevanti f’dan il-każ, li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

141

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-rilevanza tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi li ġew ikkunsidrati mill-istituzzjonijiet fl-eżami tad-dannu sostnut mill-industrija tal-Unjoni u lanqas l-eżami tagħhom li sar mill-Kummissjoni kif jirriżulta mill-premessi 58 sa 75 tar-regolament ikkontestat. Hija lanqas ma tikkontesta l-konklużjoni tal-istituzzjonijiet, li tinsab fil-premessa 76 tar-regolament ikkontestat, li tgħid li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu dovut għall-kwantitajiet ta’ prodotti li kienu s-suġġett ta’ dumping mibjugħa mir-rikorrenti fis-suq tal-Unjoni, li seta’ jiġi fornut daqstant tajjeb mill-industrija tiegħu stess.

142

Fil-fatt ir-rikorrenti sempliċement issostni, minn naħa, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux eżami tal-fatturi u tal-indizji kollha msemmija fl-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping u fl-Artikolu 3.5 tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill irrefera kompletament għall-konklużjonijiet tal-ewwel investigazzjoni fl-eżami tiegħu tal-fatturi u tal-indizji li huma marbuta mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, meta, fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjoni, kien instab li r-rikorrenti ma kinitx qed tipprattika dumping.

143

Minkejja li, huwa minnu, huwa stabbilit li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx, kif għamlet fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni, l-eżami tal-fatturi u tal-indizji kollha marbuta mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni [premessi 94 sa 107 tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1620/2006, tat-30 ta’ Ottubru 2006, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tat-twavel tal-mogħdija li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Ukrajna (ĠU L 314M, p. 293), u l-premessi 44 sa 47 tar-Regolament Nru 452/2007], minn dan ma jistax jiġi konkluż li, f’din il-kawża, l-istituzzjonijiet ma wettqux l-eżami tal-uniċi elementi rilevanti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 138 u 139 hawn fuq.

144

Kif ġie enfasizzat fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat, f’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat, l-ewwel nett, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti u li kienu s-suġġett ta’ dumping, it-tieni nett, jekk dawn l-importazzjonijiet kinux seħħew bi prezzijiet inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u liema kien ir-redditu fuq dawn il-prezzijiet, it-tielet lok, kull informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-Unjoni li tindika li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu kkawżawlha dannu, pereżempju f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ klijenti u ta’ ordnijiet favur din il-kumpannija u r-redditu fuq il-bejgħ tagħhom fl-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni.

145

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eżami mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kunsill qies, fil-premessi 70 sa 72 tar-regolament ikkontestat, minn naħa, li l-industrija tal-Unjoni kienet tilfet bosta ordnijiet li saru favur ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward tal-perijodu kopert mill-ewwel investigazzjoni, il-bejgħ ta’ diversi produtturi tal-Unjoni lil klijenti tal-Unjoni donnu naqas sew, filwaqt li l-bejgħ tar-rikorrenti lil dawn il-klijenti kien żdied sew matul il-perijodu ta’ investigazzjoni attwali. Ir-rikorrenti ma tikkontestatx ir-rilevanza tal-imsemmija fatturi u indizji ta’ dannu.

146

Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet ma eskludewx li jsemmu l-fatt li huma ma kkonstatawx dumping min-naħa tagħha fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni. Bil-kontra, huma ħadu debitament inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet kif ukoll l-effetti tar-Regolament Nru 452/2007 sabiex jeżaminaw biss l-indizji ta’ dannu rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

147

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ġie osservat fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 120 hawn fuq), mill-premessi 58 sa 61 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill irrefera għall-konklużjonijiet tal-ewwel investigazzjoni sabiex jispjega li, peress li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta kontra l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet kollha ta’ twavel għall-mogħdija li ġejjin miċ-Ċina u mill-Ukrajna, ħlief l-importazzjonijiet tar-rikorrenti, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kien impossibbli, f’dan il-każ, li jsir eżami normali komplet tad-dannu, b’tali mod li ġie żviluppat approċċ speċifiku, adattat għan-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, skont liema l-istituzzjonijiet iffokaw fuq ċerti indikaturi ta’ dannu. Barra minn hekk, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq data miġbura fl-ewwel investigazzjoni sabiex jistabbilixxi li ċerti klijenti importanti tal-industrija tal-Unjoni kienu bdew jużaw fornitur ieħor, u bdew jordnaw iżjed mingħand ir-rikorrenti, bi ħsara għall-industrija tal-Unjoni fi proporzjonijiet ikbar minn qabel (premessi 70 sa 72 tar-regolament ikkontestat).

148

Għaldaqstant il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta indika, fil-premessa 96 tar-regolament ikkontestat, li eżami ġdid tal-fatturi kollha ta’ dannu ma kienx ikun utli, għaliex, anki jekk jingħad li dawn il-fatturi kollha issa saru pożittivi, dan ikun dovut (almenu parzjalment) għall-fatt li l-industrija tal-Unjoni fil-preżent hija protetta kontra l-esportazzjonijiet kollha li huma s-suġġett ta’ dumping li ġejjin miċ-Ċina u mill-Ukrajna (ħlief għal dawk li ġejjin mir-rikorrenti).

149

Ladarba minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kunsill kellu raġun jeżamina biss l-elementi rilevanti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 138 u 139 hawn fuq, l-argument tar-rikorrenti li l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 96 tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 148 hawn fuq) hija “ammissjoni tal-fatt li, kieku l-Kummissjoni kienet wettqet eżami tal-fatturi u tal-indizji kollha, dawn il-fatturi kollha kienu jkunu pożittivi, sa fejn l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta mid-dazji fis-seħħ” għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

150

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sa fejn id-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tingħatax l-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha, fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

151

Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li ma tingħatax l-MET tikser id-dritt tal-Unjoni. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li tiġi miċħuda t-talba tagħha għal MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha. Fit-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-oneru tal-prova impost fuqha huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti għal MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

152

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtihiex l-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T-138/02, Ġabra p. II-4347, punti 43 u 44), u tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill (T-299/05, Ġabra p. II-565, punti 128 u 138). Hija ssostni wkoll li l-istituzzjonijiet kisru “b’mod iktar ġenerali d-drittijiet tagħha tad-difiża”.

153

B’mod preliminari, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra bħala sostenn. Għalhekk, ir-rikors għandu jiċċara f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li l-fatt li huwa sempliċement jissemma b’mod astratt ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-regoli tal-proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T-102/92, Ġabra p. II-17, punt 68; tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989 punt 333, u tat-12 ta’ Ottubru 2011, Association belge des consommateurs test-achats vs Il-Kummissjoni, T-224/10, Ġabra p. II-7177, punt 71). Peress li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ċċarat il-motiv tagħha bbażat fuq ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża, għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

154

Fir-rigward tal-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti ssostni li mis-sentenzi Nanjing Metalink vs Il-Kunsill u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, jirriżulta li t-terminu previst minn din id-dispożizzjoni jinkiser kull darba li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-MET f’mument li fih diġà għandha elementi li jippermettulha tikkalkola l-marġni ta’ dumping tal-produttur ikkonċernat, fil-każ li l-MET jingħata u fil-każ li ma jingħatax.

155

Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta dwar il-portata tal-argument tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi msemmija fil-punt 152 hawn fuq kif ukoll fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2011, Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill (T-274/07, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37), joffri protezzjoni kontra l-arbitrarjetà tal-Kummissjoni, li ma tistax tieħu deċiżjoni fuq it-talba għal MET ta’ kumpannija abbażi tal-fatt li hija taf bl-effett ta’ tali deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping ta’ din il-kumpannija.

156

Fil-prattika dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti meta l-Kummissjoni tkun talbet u rċeviet min-naħa tal-produttur ikkonċernat ir-risposti għat-taqsimiet tal-kwestjonarju antidumping rigward il-bejgħ intern tiegħu u rigward l-ispejjeż tiegħu, u rċeviet ukoll din l-informazzjoni min-naħa tal-kumpannija jew tal-kumpanniji fil-pajjiż analogu, jew meta l-Kummissjoni kienet taf bi kwalunkwe mezz ieħor li l-valur normali fis-suq analogu kien ogħla minn dak fiċ-Ċina.

157

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħha fit-18 ta’ Diċembru 2009, data li fiha l-Kummissjoni rċeviet ir-risposti għall-kwestjonarju antidumping tal-produtturi tal-Unjoni, b’tali mod li r-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, għaliex id-deċiżjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tibbenefika mill-MET setgħet tkun differenti kieku l-Kummissjoni ma kellhiex l-imsemmija elementi.

158

Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fil-każ tal-investigazzjonijiet antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, il-valur normali għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6), jekk jiġi muri, abbażi ta’ talbiet sostanzjati kif xieraq minn produttur jew minn diversi produtturi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri msemmija fl-istess Artikolu 2(7)(ċ), illi jipprevalu l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi, f’dak li jirrigwarda l-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

159

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku “[g]ħandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta [; d]in id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha”.

160

Fid-dawl tas-sentenzi invokati mir-rikorrenti, imsemmija fil-punti 152 u 155 hawn fuq, fl-ewwel lok, ma jistax jitqies li kull skadenza tat-terminu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku twassal awtomatikament għall-annullament tar-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi dazji definittivi antidumping, li l-proċess ta’ adozzjoni tiegħu jinkludi l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali osservat fis-sentenza tagħha Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq (punti 138 u 139), l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tista’ twassal għal tali annullament biss jekk ir-rikorrenti turi li, fin-nuqqas ta’ tali skadenza, il-Kunsill seta’ jadotta regolament differenti li huwa iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regolament ikkontestat.

161

It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq ir-ratio legis tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, hekk kif setgħet tiġi osservata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi msemmija fil-punti 152 u 155 hawn fuq, sabiex issostni li t-terminu previst minn din id-dispożizzjoni jinkiser kull darba li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-MET f’mument li fih diġà għandha elementi li jippermettulha tikkalkola l-marġni ta’ dumping tal-produttur ikkonċernat u, konsegwentement, teskludi l-applikazzjoni tal-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha terminu ta’ tliet xhur sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet għal MET mibgħuta lilha.

162

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li huwa fir-risposta tagħha għall-argument speċifiku tar-rikorrenti fil-kawża inkwistjoni, li jipprovdi li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku tipprovdi, mingħajr eċċezzjoni, li s-soluzzjoni adottata rigward l-MET tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni, li l-Qorti Ġenerali enfasizzat, fis-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq (punt 44), li l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kien jipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jevalwaw mill-ġdid l-informazzjoni li huma kellhom diġà waqt id-determinazzjoni inizjali tal-MET u li din id-dispożizzjoni kellha l-għan, fost l-oħrajn, li tiżgura li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur inkwistjoni operax fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma tiġix deċiża abbażi tal-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. L-argument tar-rikorrenti għandu madankollu jiġi miċħud, peress li l-element li pprevala fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali kien li deċiżjoni li jingħata l-MET li ma tibqax tirrifletti s-sitwazzjoni tal-produttur inkwistjoni ma għandhiex tinżamm (sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, punti 45 sa 47).

163

Imbagħad, fis-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq (punt 128), il-Qorti Ġenerali rreferiet għar-ratio legis tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq biss sabiex tistabbilixxi jekk l-effettività tal-imsemmi terminu tkunx imqiegħda f’dubju jekk, matul il-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur u d-deċiżjoni dwar l-MET, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien hemm lok li jiġi kkonstatat li l-impriżi li talbu li jiġi rikonoxxut l-MET kienu qiegħdu lill-Kummissjoni fl-impossibbiltà li ssir taf liema effett seta’ jkollha d-deċiżjoni tagħha rigward l-MET fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

164

Fl-aħħar nett, fis-sentenza Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 155 iktar ’il fuq (punt 37), il-Qorti Ġenerali semmiet ir-ratio legis tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku filwaqt li fakkret li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-għoti tal-MET ma jinżammx meta bidla fis-sitwazzjoni fattwali li abbażi tagħha kien ingħata dan l-istatus ma tibqax tippermetti l-kunsiderazzjoni li l-produttur inkwistjoni jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jew meta l-Kummissjoni jkollha tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi li jkomplu, bi ħsara għall-impriża kkonċernata, żball imwettaq fl-evalwazzjoni inizjali tal-kriterji materjali msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament.

165

Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fis-sentenzi Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, u Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 155 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li r-ratio legis tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kien jiġġustifika li regolament li jistabbilixxi dazji definittivi antidumping jiġi annullat fir-rigward ta’ impriża kull darba li l-Kummissjoni setgħet tkun taf bl-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ta’ din l-impriża u minħabba s-sempliċi fatt ta’ tali għarfien fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-MET. Għandu jiġi osservat, bħalma għamel il-Kunsill, li ma hemmx rabta immedjata bejn it-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u l-eventwali fatt li l-Kummissjoni tkun taf bl-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża. Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku ma jitlobx li d-deċiżjoni dwar l-MET tiġi adottata f’mument li fih il-Kummissjoni ma kinitx taf b’elementi li jippermettulha tkun taf l-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li, anki meta fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-MET ma jkunx skada dan it-terminu, il-Kummissjoni tieħu tali deċiżjoni anki meta hija jkollha diġà informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-effett ta’ din fuq il-marġni ta’ dumping tal-impriża kkonċernata.

166

F’kull każ, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C-141/08 P, Ġabra p. I-9147), jirriżulta li, billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ta’ legalità u ta’ amministrazzjoni tajba u suġġett għall-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mir-Regolament bażiku, l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiffavorixxi l-applikazzjoni korretta tal-kriterji materjali stabbiliti bl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku pjuttost milli r-rekwiżit ta’ deċiżjoni dwar l-MET li ma tinbidilx fiż-żmien jew inkella l-assenza ta’ għarfien tal-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’impriża waqt l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 155 iktar ’il fuq (punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat, f’din is-sentenza, li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ amministrazzjoni tajba, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi, li jkomplu bi ħsara għall-impriża kkonċernata żball imwettaq fl-evalwazzjoni tal-kriterji materjali stabbiliti permezz ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, fil-każ li l-Kummissjoni tinduna matul l-investigazzjoni li, bil-kontra tal-evalwazzjoni inizjali tagħha, impriża tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, hija jkollha tiddeduċi l-konsegwenzi xierqa, filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mir-Regolament bażiku (sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 111 u 112).

167

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li, huwa minnu, bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet kollha dwar l-MET, skont il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku għandhom jittieħdu fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni u li s-soluzzjoni adottata għandha tibqa’ fis-seħħ tul din l-investigazzjoni, jibqa’ l-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-qorti tal-Unjoni, imfakkra fil-punti 152 u 155 hawn fuq, minn naħa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni barra minn dan it-terminu ma twassalx sempliċement minħabba dan il-fatt għall-annullament tar-regolament li jistabbilixxi dazju antidumping u, min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni tista’ tiġi mibdula tul il-proċedura jekk jirriżulta li hija żbaljata.

168

F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni finali li tiġi miċħuda t-talba għal MET tar-rikorrenti ma ġietx addotata fit-terminu ta’ tliet xhur previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, in-notifika ta’ bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-2 ta’ Ottubru 2009. Madankollu d-deċiżjoni finali li tiċħad l-MET ġiet proposta fis-26 ta’ Marzu 2010 u ġiet ikkonfermata fit-30 ta’ April 2010.

169

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni rċeviet ir-risposti għall-kwestjonarju antidumping tar-rikorrenti fid-19 ta’ Novembru 2009, inklużi t-taqsimiet tal-imsemmi kwestjonarju rigward il-bejgħ intern u l-ispejjeż ta’ din (ara l-punt 29 hawn fuq). Skont ir-rikorrenti, din l-informazzjoni ppermettiet lill-Kummissjoni li tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħha fil-każ tal-għoti tal-MET. Minbarra dan, fit-18 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni rċeviet ir-risposti għall-kwestjonarji antidumping tal-produtturi tal-Unjoni msemmija fil-punt 23 hawn fuq u setgħet, kif osservat ir-rikorrenti, minn din id-data, tikkalkola l-effett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ MET tar-rikorrenti fuq il-marġni ta’ dumping tagħha.

170

Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jingħad li l-fatt li l-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, setgħet tkun taf bl-effett tad-deċiżjoni dwar l-MET tar-rikorrenti fuq il-marġni ta’ dumping tal-imsemmija rikorrenti jista’ jkun rilevanti, sa fejn jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tkun influwenzata minn tali għarfien fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li r-regolament ikkontestat seta’ jkollu kontenut differenti fin-nuqqas tal-allegata irregolarità li taffettwa l-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-MET.

171

Qabel kollox, l-argument tagħha li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tagħha għal MET ittieħdet “abbażi tal-fatt li hija kienet taf bl-impatt ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping [tagħha], u li din id-deċiżjoni setgħet tkun differenti kieku l-Kummissjoni ma kellhiex din l-informazzjoni” ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, is-sempliċi għarfien tal-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża ma jimplikax neċessarjament li tali deċiżjoni – u, konsegwentement, ir-regolament ikkontestat – seta’ jkollu kontenut differenti kieku din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata fit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Minn naħa, skont ir-rikorrenti nfisha, il-Kummissjoni diġà setgħet, fit-18 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, tkun taf bl-effett tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-MET fuq il-marġni ta’ dumping tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jingħad li l-Kummissjoni għandha informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-marġni ta’ dumping ta’ produttur fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-MET ta’ dan il-produttur, tibqa’ dejjem il-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni – u r-regolament li jistabbilixxi dazji definittivi antidumping – ma setgħetx tkun differenti. Dan jista’ jkun il-każ jekk kien manifest li tali produttur ma jkunx jista’ jibbenefika mill-MET minħabba li l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ġustament li l-produttur inkwistjoni ma osservax il-kriterji għall-għoti tal-MET previsti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping kienu kollha ssodisfatti.

172

Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti bl-ebda mod ma huwa sostnut. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti sempliċement tafferma, mingħajr ma ssostni din l-affermazzjoni, “li l-għan tal-Kummissjoni kien li ttemm id-dazju b’rata żero li [hija] kienet qed tibbenefika minnu [...], u li r-raġunijiet kollha kienu tajbin sabiex jintlaħaq dan l-għan”. F’dan il-kuntest, anki jekk jingħad li fil-formulazzjoni tal-argument tagħha r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni, l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 130 hawn fuq.

173

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni rigward l-elementi tad-deċiżjoni dwar l-MET li setgħu ġew evalwati mod ieħor kieku d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kienet ittieħdet fit-terminu ta’ tliet xhur jew fl-assenza ta’ kwalunkwe għarfien tal-effett ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping tagħha.

174

Huwa minnu li r-rikorrenti tagħmel, b’mod inċidentali, ċerti osservazzjonijiet rigward il-prezz imħallas għall-input prinċipali tagħha fis-suq intern. B’dan il-mod, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma osservat l-ebda influwenza tal-Istat Ċiniż fuq id-deċiżjonijiet tagħha rigward ix-xiri ta’ materji primi. F’dan ir-rigward, l-uniċi influwenzi allegati kienu dawk fuq il-livell makro-ekonomiku u jikkonċernaw l-allegata interferenza tal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jirregolaw il-prezz tas-suq kollu. Tali interferenzi ma humiex tali li jikkostitwixxu interferenza sinjifikattiva tal-Istat f’dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet tal-impriżi rigward il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-input, ta’ natura li tipprekludi li dawn id-deċiżjonijiet ma jiħdux inkunsiderazzjoni s-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda.

175

Tali osservazzjonijiet huma intiżi pjuttost biex jikkontestaw l-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku milli biex jistabbilixxu li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf fl-effett ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, li huwa madankollu l-ilment li fuqu huwa bbażat dan il-motiv.

176

F’kull każ, anki jekk jingħad li bil-kontestazzjoni tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmi kriterju r-rikorrenti beħsiebha tistabbilixxi li, indipendentement minn kull ksur tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, id-deċiżjoni dwar l-MET kienet żbaljata, ikollu jiġi kkunsidrat li, kif jirriżulta mill-premessi 27 sa 34 tar-regolament ikkontestat, l-investigazzjoni stabbiliet li r-rikorrenti la kienet tissodisfa l-kriterju msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, rigward l-ispejjeż tal-materji primi, u lanqas il-kriterju msemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, rigward iż-żamma tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tagħha.

177

Peress li l-produttur ikkonċernat għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-istatus rikonoxxut lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq u peress li, jekk huwa ma jissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, it-talba tiegħu għandha tkun miċħuda (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 54), l-argument tar-rikorrenti ma jistax iqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba tagħha għal MET, għaliex hija ma tikkontestax li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

178

Għaldaqstant ir-rikorrenti baqgħet ma pprovatx li r-regolament ikkontestat seta’ jkollu kontenut differenti kieku d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba tagħha għal MET kienet ġiet adottata fit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jew fl-assenza ta’ kwalunkwe għarfien mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħha.

179

Għalhekk hemm lok li din il-parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-oneru tal-prova impost mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti sabiex turi li kienet topera f’ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

180

Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-oneru tal-prova impost fuqha mill-Kummissjoni sabiex turi li kienet topera f’ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jeżiġu minn esportatur Ċiniż li huwa jġib il-prova ta’ fatt li huwa impossibbli li huwa jipprova sabiex jibbenefika minn dritt previst fir-Regolament bażiku.

181

F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżiġiet li r-rikorrenti tipprova li s-suq tal-azzar fiċ-Ċina kien eżenti minn kull interferenza sinjifikattiva min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi, li jikkostitwixxi prova impossibbli li tinġab min-naħa tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni għandha tindika biċ-ċar l-informazzjoni li hija tixtieq tirċievi mill-produtturi Ċiniżi u tara li l-informazzjoni mitluba ma tkunx eċċessiva fid-dawl tal-għan tat-talba u tal-kapaċitajiet tal-esportaturi kkonċernati.

182

Kif ġie mfakkar fil-punt 134 hawn fuq, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali diskrezzjoni, dan għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ikea Wholesale, punt 96 iktar ’il fuq, punti 40 u 41, u tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C-191/09 P u C-200/09 P,, punt 63).

183

L-istess japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ fatt, ta’ natura ġuridika jew politika, li jimmanifestaw ruħhom fil-pajjiż kkonċernat u li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jevalwaw sabiex jistabbilixxu jekk esportatur ikunx qiegħed jaġixxi fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat u jista’, għalhekk, jibbenefika mill-għoti ta’ status xieraq lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il-Kunsill, T-155/94, Ġabra p. II-873, punt 98; Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 49, u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, punt 81).

184

Madankollu, għalkemm, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali u, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet Komunitarji, hija għandha madankollu tiżgura li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, T-413/03, Ġabra p. II-2243, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

185

Minbarra dan, mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-oneru tal-prova hija fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mill-istatus rikonoxxut lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, talba ppreżentata skont id-dispożizzjoni msemmija taħt l-Artikolu 2(7)(b), għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi provi suffiċjenti li l-produttur jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jipprovaw li l-produttur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi status. Min-naħa l-oħra, huma l-imsemmija istituzzjonijiet li għandhom jevalwaw jekk il-provi pprovduti mill-produttur humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku huma ssodisfatti u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizjata bi żball manifest [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, C-249/10 P, punt 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 53, u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, punt 83].

186

Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet ma injorawx l-oneru tal-prova f’din il-kawża.

187

B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rikors u waqt is-seduta, ir-rikorrenti rreferiet għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 184 hawn fuq, mingħajr madankollu ma kkontestat l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet fuq it-talba tagħha għal MET li jinsabu fil-premessi 28 sa 33 tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat l-evalwazzjoni li saret fuq l-imsemmija talba mill-Kummissjoni, fil-premessi 37 sa 44 tar-regolament ikkontestat, provi mressqa b’mod partikolari minnha fl-ittri tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010 u tat-13 ta’ April 2010 sabiex turi li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u lanqas ma sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

188

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2009, Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group vs Il-Kunsill (T-498/04, Ġabra p. II-1969, punti 99 u 100), li l-oneru tal-prova impost fuq il-produttur-esportatur li qed jitlob l-MET huwa ssodisfatt meta dan tal-aħħar ikun ipprovda lill-Kummissjoni diversi provi li juru li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ), mitluba mill-Kummissjoni fil-kwestjonarju tagħha intiż għall-produtturi li jitolbu l-MET, u li ġew ivverifikati mill-Kummissjoni mingħajr ma tqiegħdet f’dubju l-awtentiċità tagħhom.

189

Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 187 hawn fuq, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-provi li hija ppreżentat insostenn tat-talba tagħha għal MET matul il-proċedura amministrattiva juru li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u ma tikkontestax il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward. L-argument tagħha, għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’.

190

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni talbitha “turi li s-suq tal-azzar fiċ-Ċina kien eżenti minn kull interferenza sinjifikattiva min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi”, u dan jikkostitiwixxi għar-rikorrenti prova impossibbli sabiex tinġab. Madankollu hija ma tippreżenta l-ebda prova tal-eżistenza ta’ tali rekwiżit min-naħa tal-istituzzjonijiet, li ġiet barra minn hekk ikkontestata mill-Kunsill fir-risposta tiegħu.

191

F’dan ir-rigward, kif enfasizza ġustament il-Kunsill, kienet ir-rikorrenti li kellha turi, permezz ta’ provi suffiċjenti, li hija kienet topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, b’mod partikolari, li l-infiq tal-inputs tagħha kien konformi mal-valuri tas-suq.

192

Peress li ġie stabbilit mill-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet xtrat il-materji primi tagħha matul il-perijodu tal-investigazzjoni fis-suq intern Ċiniż u kienet ibbenefikat b’dan il-mod minn prezzijiet tal-azzar artifiċjalment baxxi u distorti matul l-imsemmi perijodu (premessi 32 u 33 tar-regolament ikkontestat) u li l-infiq tal-inputs ma kienx jirrifletti l-valuri tas-suq, kienet ir-rikorrenti li kellha tippreżenta quddiem il-Kummissjoni provi sabiex tirribatti dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

193

Fid-dawl tal-fatt li l-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa bbażat biss fuq l-allegat ksur tal-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova, huwa wkoll għandu jiġi miċħud.

194

Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

195

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

196

Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill u minn Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal.

197

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u minn Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Truchot

Martins Ribeiro

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2012.

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Dritt tad-WTO

 

Dritt tal-Unjoni

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Regolament ikkontestat

 

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(9), tal-Artikolu 9(3) sa (6), u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, sa fejn il-bidu ta’ proċedura ma jistax jirreferi għal kumpannija b’mod partikolari, iżda għandu jirreferi għal pajjiż jew diversi pajjiżi u l-produtturi kollha li huma stabbiliti hemmhekk

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

 

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku

 

– Osservazzjonijiet preliminari

 

– Fuq l-argument prinċipali, ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-istituzzjonijiet li jirrevedu d-dazji b’rata żero tal-produtturi li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa de minimis skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament

 

– Fuq l-argument magħmul sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal reviżjoni tad-dazju b’rata żero tar-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat b’mod konformi mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku, sa fejn ġew imposti dazji antidumping fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sa fejn id-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tingħatax l-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha, fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti għal MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-oneru tal-prova impost mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti sabiex turi li kienet topera f’ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq