EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002TJ0210(01)

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tas-7 ta’ Marzu 2012.
British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat — Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet — Vantaġġ — Natura selettiva.
Kawża T-210/02 RENV.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2012:110

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

7 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet — Vantaġġ — Natura selettiva”

Fil-Kawża T-210/02 RENV,

British Aggregates Association, stabbilita f’Lanark (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn C. Pouncey, J. Coombes, solicitors, u L. Van den Hende, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Afonso, J. Flett u B. Martenczuk, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn T. Harris, sussegwentement minn S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn M. Hall u G. Facenna, barristers,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 1478 finali, tal-24 ta’ April 2002, dwar il-fajl tal-għajnuna mill-Istat N 863/01 — Ir-Renju Unit/Taxxa fuq il-granulat,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, I. Labucka, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2006, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (T-210/02, Ġabra p. II-2789, iktar ’il quddiem is-“sentenza annullata” jew is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”), fit-termini li ġejjin:

“1

British Aggregates Association hija assoċjazzjoni li tiġbor impriżi indipendenti żgħar li jaħdmu f’barrieri fir-Renju Unit. Hija tinkludi 55 membru li jaħdmu f’aktar minn 100 barriera.

2

Il-granulat huwa materjal granuluż, kimikament inerti, użat fis-settur tal-bini u tax-xogħlijiet pubbliċi. Huwa jista’ jiġi użat per eżempju bħala mili jew saborra, jew taħlit għal ma’ affarijiet li jgħaqqdu, bħas-siment (li permezz tiegħu jsir il-konkrit) jew l-asfalt. Xi materjal naturalment granuluż bħar-ramel u ż-żrar jistgħu jsiru permezz ta’ għarbiel. Materjal ieħor, bħall-blat iebes, għandu jitkisser qabel l-għarbiel. Il-granulat użat għal attivitajiet differenti għandu jissodisfa l-ispeċifikazzjoni korrispondenti, u l-proprjetajiet fiżiċi tal-materjal ta’ oriġini jiddeterminaw jekk huwiex tajjeb għall-attività maħsuba. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet fil-qasam ta’ mili huma inqas ristretti minn dawk għall-kisi tat-toroq, li min-naħa tagħhom huma inqas ristretti minn dawk għas-superfiċji għal użu intensiv bħall-kisi mill-ġdid tat-toroq jew is-saborra tal-linji tal-ferroviji. Varjetà akbar ta’ materjal tista’ tiġi użata bħala granulat għall-użu fejn ir-restrizzjonijiet huma inqas filwaqt li l-materjal li jirrispondi għar-restrizzjonijiet akbar jinsab f’inqas kwantità.

Il-Finance Act 2001

3

L-Artikoli 16 sa 49 tat-tieni parti tal-Finance Act 2001 (liġi tal-finanzi għas-sena 2001, iktar ’il quddiem il-‘liġi’) u l-Annessi tagħha 4 sa 10 jistabbilixxu taxxa li tissejjaħ Aggregates Levy fuq il-granulat, iktar ’il quddiem l-‘AGL’ (jew it-‘taxxa’) fir-Renju Unit.

4

Id-dispożizzjonijiet li jipprovdu l-istabbliment ta’ l-AGL daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002, skond ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-liġi.

5

Il-liġi ġiet emendata permezz ta’ l-Artikoli 129 sa 133 u ta’ l-anness 38 tal-Finance Act 2002 (liġi dwar il-finanzi għas-sena 2002). Id-dispożizzjonijiet kif emendati jipprovdu eżenzjonijiet favur skart (spoils) li jirriżulta mill-estrazzjoni ta’ ċerti minerali, b’mod partikolari l-lavanja, is-skistu, it-tafal tal-balla u l-kaolina. Barra minn hekk, huma żiedu perijodu tranżitorju għall-introduzzjoni tat-taxxa fl-Irlanda ta’ Fuq.

6

L-AGL hija applikata bir-rata’ ta’ 1.60 lira sterlina (GBP) għal kull tunnellata ta’ granulat li jkun is-suġġett ta’ użu kummerċjali (Artikolu 16(4) tal-liġi).

7

L-Artikolu 16(2) tal-liġi kif emendata jgħid li l-AGL hija dovuta meta kwantità ta’ granulat taxxabbli hija suġġetta għal użu kummerċjali fir-Renju Unit sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi. Għaldaqstant hija tikkonċerna l-granulat kollu importat kif ukoll dak estratt fir-Renju Unit.

8

L-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament ta’ implementazzjoni jippermetti lil minn jaħdem f’dan is-settur li jibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa meta l-granulat taxxabbli jiġi esportat jew ittrasportat barra mir-Renju Unit mingħajr ma jirċievi trattament ieħor.

9

L-Artikolu 17(1) tal-liġi kif emendata jipprovdi:

‘F’din il-parti, ‘granulat’ ifisser (bla ħsara għall-Artikolu 18 iktar ’l isfel) il-blat, iż-żrar jew ir-ramel, kif ukoll is-sustanzi kollha li huma provviżorjament inkorporati jew naturalment imħallta miegħu.’

10

L-Artikolu 17(2) tal-liġi jipprovdi li granulat mhuwiex taxxabbli f’erba’ każijiet: jekk huwa espressament eżentat; jekk kien użat qabel għal skopijiet ta’ bini; jekk kien diġà suġġett għal taxxa fuq il-granulat, jew jekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi, ma jinsabx fuq il-post ta’ oriġini tiegħu.

11

L-Artikolu 17(3) u (4) tal-liġi kif emendata jipprovdi xi każijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa.

12

Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1), (2) u (3) tal-liġi kif emendata jiddeskrivi l-proċessi eżentati mit-taxxa u s-sustanzi kkonċernati minn din l-eżenzjoni.

Il-Proċedura amministrattiva kontenzjuża quddiem il-qorti nazzjonali

13

Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni rċeviet [l-ewwel] ilment, mingħand żewġ impriżi li ma kellhom ebda konnessjoni mar-rikorrenti u li talbu li l-identità tagħhom tinżamm mill-Istat Membru kkonċernat, skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1). Il-persuni li għamlu l-ilment fis-sustanza osservaw li kienu jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat l-esklużjoni ta’ xi materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet u d-derogi li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq.

14

Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Novembru 2001, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq innotifika lill-Kummissjoni bl-għajnuna mogħtija mill-Istat intitolata ‘Introduzzjoni permezz ta’ fażijiet tat-taxxa fuq il-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq’.

15

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni kkomunikat sinteżi ta’ l-ewwel ilment lil dan l-Istat Membru, u stiednitu, minn naħa, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan l-ilment u, min-naħa l-oħra, jipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq l-AGL, li huwa għamel permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2002.

16

Fil-11 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors kontra l-AGL quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division [Qorti tal-Ġustizzja Għolja (Ingilterra u Wales), diviżjoni ta’ l-Imħallef Irjali, …]. Hija invokat b’mod partikolari l-ksur tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2002, il-High Court of Justice ċaħdet ir-rikors filwaqt li awtorizzat lir-rikorrenti tressaq appell quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) [qorti ta’ l-appell (Ingilterra u Wales), …]. Peress li din effettivament ippreżentat appell, il-Court of Appeal ordnat is-sospensjoni tal-proċedura, fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [Qorti Ġenerali].

17

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2002, ir-rikorrenti kienet sadanittant ippreżentat ilment mal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ l-AGL […]. Hija fis-sustanza ssostni li l-esklużjoni ta’ xi materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL kif ukoll l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet kien jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Fir-rigward tad-derogi li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq, innotifikati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, dawn huma inkompatibbli mas-suq komuni.

Id-deċiżjoni kkontestata

18

Fl-24 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat [id-deċiżjoni kkontestata] li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ l-AGL […].

19

Fit-2 ta’ Mejju 2002, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Din kienet ġiet formalment innotifikata lilha mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2002.

20

Fid-Deċiżjoni tagħha ([punt] 43), il-Kummissjoni tqis li t-taxxa ma tinkludix element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, safejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tiġġustifika ruħha bil-loġika u n-natura tas-sistema fiskali. Barra minn hekk, hija tqis li l-eżenzjoni mogħtija lill-Irlanda ta’ Fuq, li kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, hija kumpatibbli mas-suq komuni.

21

Filwaqt li tiddeskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, il-Kummissjoni ssostni, fis-sustanza, li din it-taxxa ser tiġi imposta fuq il-granulat pur, ‘iddefinit bħala granulat prodott minn riżervi naturali ta’ minerali li jkunu parti mill-ewwel estrazzjoni’, u komposti ‘minn biċċiet ta’ blat, ramel u żrar li jistgħu jiġu użati fl-istat naturali tagħhom jew wara trattament mekkaniku bħat-tkissir, il-ħasil u t-tkejjil’ ([punti] 8 u 9). Fir-rigward tal-materjal eskluż u l-għanijiet mixtieqa, hija tindika fil-[punti] 11 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata:

‘L-AGL mhux ser tiġi imposta fuq materjal li huwa sekondarju jew fuq skart ta’ proċessi oħra. Skond l-awtoritajiet Brittanniċi, fost dawn il-materjali hemm l-iskart tas-skistu u tal-kaolina, materjal mormi minn mineral grezz wara li jissaffa, irmied, gagazza minn fran sħan, l-skart tal-ħġieġ, u l-gomma. Bl-istess mod, hija ma teffettwax il-granulat irriċiklat, kategorija li fiha jidħlu l-blat, ir-ramel u ż-żrar li kienu ġew użati ta’ l-anqas darba (ġeneralment fis-settur tal-bini u tax-xogħlijiet pubbliċi).

Skond l-awtoritajiet Brittanniċi, l-esklużjoni ta’ tali materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-użu tiegħu in kwantu materjal ta’ kostruzzjoni u sabiex titnaqqas l-estrazzjoni eċċessiva tal-granulat pur, u għaldaqstant tiġi inkoraġġata ġestjoni razzjonali tar-riżorsi.

L-istimi inizjali ta’ l-awtoritajiet Brittanniċi jerrħu fuq l-ipoteżi li l-AGL ser tippermetti li jitnaqqas il-volum tat-talba tal-granulat pur għal 20 miljun tunnellata kull sena bħala medja, sabiex tirrapporta talba annwali fir-Renju Unit minn 230 sa 250 miljun tunnellata.’

22

Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni relattiva fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL, id-Deċiżjoni kkontestata tipprovdi fil-[punti] 29 u 31:

‘Il-Kummissjoni tirrileva li l-AGL ser tolqot biss l-użu kummerċjali tal-blat, tar-ramel u ż-żrar użat in kwantu granulat. Hija mhux ser tolqot dan il-materjal jekk jintuża għal skopijiet oħra. L-AGL ser tiġi imposta biss fuq il-granulat pur. Hija mhux ser tiġi intaxxata fuq il-granulat estratt in kwantu prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra (granulat sekondarju) lanqas fuq il-granulat irriċiklat. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-AGL tikkonċerna biss xi setturi ta’ attività u xi impriżi. B’hekk hija tinnota li għandu jiġi evalwat jekk il-kamp ta’ evalwazzjoni ta’ l-AGL jiġġustifika ruħu bil-loġika u l-ekonomija tas-sistema fiskali.

[…] [I]r-Renju Unit, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-libertà tiegħu li jiddetermina s-sistema fiskali nazzjonali tiegħu, stabbilixxa l-AGL b’mod li jimmassimizza r-rikors għal granulat irriċiklat jew għal prodotti ta’ sostituzzjoni oħra fir-rigward tal-granulat pur u sabiex jippromwovi użu razzjonali tal-granulat pur, riżors naturali li ma jerġax jiġġedded. It-theddida fuq l-ambjent li l-estrazzjoni tal-granultat jirrappreżenta, li r-Renju Unit jixtieq jillimita permezz ta’ l-AGL jinkludi fastidju minħabba l-istorbju, it-trabijiet, it-theddida għall-biodiversità u d-degradazzjonijiet viżivi’.

23

Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan, fil-[punt 32], li ’l-AGL hija taxxa speċifika, fejn il-kamp ta’ applikazzjoni huwa limitat ħafna, iddefinit mill-Istat Membru in funzjoni tal-karatteristiċi proprji tas-settur ta’ attività kkonċernata’ u li ‘[l]-istruttura u l-portata tat-taxxa jirriflettu d-distinzjoni ċara bejn l-estrazzjoni ta’ granulat pur, li jkollu konsegwenzi mhux mixtieqa għall-ambjent, u l-produzzjoni ta’ granulat sekondarju jew irriċiklat li jirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għat-trattament tal-blat, żrar u ramel li jirriżulta mit-tħaffir, minn xogħlijiet oħra jew minn trattamenti effettwati legalment f’attivitajiet differenti’.

24

Fir-rigward ta’ l-eżenzjoni tal-granulat esportat mingħajr ma jkun għadda minn tibdil fuq it-territorju tar-Renju Unit, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi fil-premessa 33:

‘[…] tali soluzzjoni tiġġustifika ruħha mill-fatt li l-granulat jista’ jiġi eżentat fir-Renju Unit jekk jiġi użat fi proċessi ta’ fabbrikazzjoni eżentati (eżempju, il-fabbrikazzjoni tal-ħġieġ, tal-plastik, tal-karta, tal-fertilizzanti u tal-pestiċidi). Peress illi l-awtoritajiet Brittanniċi ma jistgħux jeżerċitaw kontoll fuq l-użu tal-granulat barra t-territorju tagħhom, l-eżenzjoni ta’ l-esportazzjonijiet hija imposta għaċ-ċertezza legali ta’ l-esportaturi tal-granulat u sabiex tevita trattament mhux ugwali ta’ l-esportaturi tal-granulat li jistgħu fil-każ kuntrarju jibbenefikaw minn eżenzjoni ġewwa r-Renju Unit’.

25

Il-Kummissjoni tikkonkludi fil-[punt] 34:

‘L-impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-estrazzjoni ta’ granulat pur ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ l-estrazzjoni ta’ granulat primarju, it-tnaqqis ta’ l-użu ta’ riżorsi li ma jerġgħux jiġġeddu u l-konsegwenzi dannużi għall-ambjent. B’hekk il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-vantaġġi li jistgħu jiżviluppaw għall-benefiċċju ta’ xi impriżi għar-raġuni tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-AGL huma ġġustifikati minħabba n-natura u l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali.’”

Il-proċeduri kkontestati u t-talbiet tal-partijiet

2

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti, British Aggregates Association, ippreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 1478 finali, tal-24 ta’ April 2002, dwar il-fajl tal-għajnuna mill-Istat N 863/01 — Ir-Renju Unit/Taxxa fuq il-granulat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

3

B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġie ammess li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

4

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, fit-tieni lok, in-nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE, fit-tielet lok, il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u, fir-raba’ lok, il-ksur minn din l-istituzzjoni tal-obbligi tagħha matul l-investigazzjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE.

5

Il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors billi sostniet li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax lir-rikorrenti b’mod individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

6

Permezz tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet esposti fil-punti 45 sa 68, iddikjarat ir-rikors bħala ammissibbli. Barra minn hekk, hija ċaħdet l-ewwel u t-tieni motivi, eżaminati konġuntament, imbagħad it-tielet u r-raba’ motivi għar-raġunijiet esposti rispettivament fil-punti 104 sa 156, 163 sa 173 u 177 sa 180 tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

7

Permezz ta’ nota ppreżentata fis-27 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiż għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, u tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief fir-rigward tal-eżenzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq. Il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali fejn talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-imsemmija sentenza u tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli. Ir-Renju Unit talab li l-appell prinċipali jiġi miċħud.

8

Permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C-487/06 P, Ġabra p. I-10505, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, u rrinvijat il-kawża quddiemha.

9

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fl-intier tagħha l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 24 sa 58).

10

Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ żewġ żbalji ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali.

11

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, fil-punti 115, 117, 120, 121 u 128 tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-kriterju ta’ selettività tal-vantaġġ, li ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-għan ambjentali segwit sabiex tiġġustifika l-esklużjoni ta’ miżuri li jinvolvu vantaġġ selettiv mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 82 sa 92).

12

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, b’mod partikolari fil-punti 118, 134, 139, 154 u 171 tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 88(3) KE, il-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tal-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi eżerċitat fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna, li huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal dik ir-raġuni, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea għandha, bħala prinċipju, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Dak il-prinċipju japplika wkoll għal deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni wara l-proċedura ta’ eżami preliminari fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, peress li l-Kummissjoni hija obbligata, mingħajr ebda marġni ta’ diskrezzjoni, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu meta l-investigazzjoni preliminari ma tippermettilhiex li tegħleb id-diffikultajiet kollha ta’ evalwazzjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dak l-iżball ta’ liġi jivvizzja fl-intier tagħha l-analiżi fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata mwettqa mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 109 sa 115).

13

Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ukoll ilment li jikkonċerna l-punt 112 tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq. Hemmhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-Kummissjoni ddeċidiet fid-deċiżjoni kkontestata kollha, u b’mod partikolari fil-punt 29 tar-raġunijiet tagħha, li l-kliem “granulat primarju” kien jinkludi essenzjalment il-granulat “suġġett għall-AGL”, filwaqt li l-kliem “granulat sekondarju” kien jirreferi essenzjalment għall-granulat “eżentat” enumerat fil-liġi. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni f’dak il-punt kienet limitata ruħha li tikkonferma li “l-AGL ma tinġabarx fuq prodotti derivati jew l-iskart li jirriżulta mill-ewwel estrazzjoni meta dawn ikunu eżentati permezz tal-liġi”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni u ssostitwixxiet l-interpretazzjoni li tirriżulta direttament mid-deċiżjoni kkontestata bl-interpretazzjoni tagħha, minkejja l-fatt li dan ma kien iġġustifikat minn ebda element materjali (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 140 sa 145, b’mod partikolari l-punt 144, u l-punt 151).

14

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ilment li jikkonċerna l-punt 150 tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, li jirrigwarda l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, il-motivazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 91 KE ma tistax titqies li hija marbuta mar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ mezzi tal-awtoritajiet tar-Renju Unit fuq l-użu ta’ materjali bħala granulat barra mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, iżda tirrappreżenta, fir-realtà, motivazzjoni differenti, ipprovduta wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 253 KE billi ħadet inkunsiderazzjoni dik il-motivazzjoni skont ir-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 172 sa 179, b’mod partikolari l-punt 178).

15

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motivi tal-appell ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li jikkonċernaw, minn naħa, in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 185 sa 189) u, min-naħa l-oħra, l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 192 sa 194).

16

Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, li tirrinvija l-kawża quddiemha minħabba ż-żewġ żbalji ta’ liġi msemmija fil-punti 11 u 12 iktar ’il fuq, u li tirriżerva l-ispejjeż (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 195, 197 u 198).

17

Wara r-rinviju ta’ din il-kawża, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi tas-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, li jeħtieġ li jiġu individwati sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni. Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ippreżentaw in-noti tal-osservazzjonijiet tagħhom.

18

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ħlief fir-rigward tal-eżenzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-appell.

19

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

20

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

21

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2011.

22

Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni u lir-Renju Unit, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jippreżentaw quddiemha, f’terminu ta’ tliet ġimgħat, id-dokumenti kollha jew riferimenti għad-dokumenti kollha li diġà jinsabu fil-fajl amministrattiv li jkopru ċerti elementi fattwali tal-proċedura amministrattiva mibdija wara n-notifika tal-Aggregates Levy (taxxa fuq il-granulat, iktar ’il quddiem l-“AGL” jew it-“taxxa”) fir-rigward tal-estrazzjoni tal-granulat “pur” maħsub għall-użu kummerċjali. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ħalliet il-proċedura orali miftuħa, u dan ittieħed nota tiegħu fil-proċess verbal tas-seduta.

23

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni u lir-Renju Unit, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna ċerti fatti kkontestati waqt is-seduta. Il-Kummissjoni u r-Renju Unit ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fit-13 u fl-14 ta’ Lulju 2011.

24

Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni u r-Renju Unit rispettivament osservaw it-talba tal-Qorti Ġenerali għall-produzzjoni tad-dokumenti. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawk id-dokumenti fit-18 ta’ Lulju 2011 u l-proċedura orali ngħalqet.

Id-dritt

1. Osservazzjonijiet preliminari

25

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod definittiv l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, dwar l-ammissibbiltà tar-rikors (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 24 sa 58), u dan ġie rrikonoxxut mill-partijiet, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli u li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi limitata għal-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata.

26

Għal dan il-għan, wara r-rinviju ta’ din il-kawża minħabba żbalji ta’ liġi kkonstatati fil-punti 82 sa 92 u 109 sa 115 tas-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni żblajata mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ għajnuna u tal-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 10 sa 12 u 16 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina mill-ġdid il-fatti kollha rilevanti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża u li tikklassifikahom mill-ġdid fid-dawl tal-inibizzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE.

27

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jeħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE.

2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

Sinteżi tal-osservazzjonijiet tal-partijiet wara r-rinviju

28

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna, b’mod partikolari tan-natura selettiva tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-AGL. La l-Kummissjoni u lanqas ir-Renju Unit ma wrew li, fid-dawl tal-għan ambjentali segwit mill-AGL, it-trattament li jagħmel distinzjoni bejn ċertu granulat u/jew materjali kien jista’ jiġi ġġustifikat min-natura, mill-istruttura ġenerali jew mil-loġika ambjentali tal-liġi. L-inkoerenza tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL tagħti wkoll lok għal vantaġġi selettivi preklużi mill-Artikolu 87(1) KE. Skont ir-rikorrenti, dik l-inkoerenza hija kkonfermata, b’mod partikolari, mill-eżenzjoni mit-taxxa ta’ ċerti materjali, bħal-lavanja, it-tafal, u l-iskistu, minkejja li dawn jikkostitwixxu “granulat” fis-sens tal-liġi u li l-granulat ta’ materjali sostitwibbli huma suġġetti għat-taxxa. Madankollu, fin-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-kunċett ta’ “granulat”, tali eżenzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-argument li l-AGL hija intiża sabiex tinkoraġixxi devjazzjoni tad-domanda għal granulat “pur” lejn materjali li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari biex jiġi promoss l-użu ta’ granulat irriċiklat u prodotti oħra ta’ sostituzzjoni kif ukoll l-użu effiċjenti tal-imsemmi granulat pur, li huwa riżors mhux rinnovabbli (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

29

Fir-rigward tal-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċċensura r-raġunament fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata li jsostni li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma humiex f’pożizzjoni li jikkontrollaw l-esportazzjonijiet tal-granulat, li jwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ trattament ugwali tal-granulat esportat. Fil-fatt, 90 % tal-granulat esportat u eżentat joriġina minn barriera waħda tal-granit, li tinsab fi Glensanda fl-Iskozja, li minnha ma jista’ jintuża l-ebda prodott fi proċessi eżentati fir-Renju Unit. Għalhekk, il-vera ġustifikazzjoni għal dik l-eżenzjoni, estranja għan-natura u l-istruttura ġenerali ta’ taxxa ambjentali, hija dik li tiġi ppreżervata l-kompetittività. Għaldaqstant, l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tagħti vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

30

Il-Kummissjoni ttenni li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha “qabel xejn tevalwa l-eżistenza ta’ miżura (jew ta’ ‘sistema’) li ma tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-għan ambjentali jew in-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema”.

31

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li piż fiskali eċċezzjonali impost fuq settur limitat ma huwiex għajnuna mill-Istat, mingħajr il-bżonn li jiġu evalwati l-għanijiet tat-taxxa jew in-natura u l-ekonomija ġenerali tas-sistema. F’dan il-każ, il-granulat huwa suġġett għat-taxxa, filwaqt li materjali oħra li ma humiex granulat jew li ma humiex użati bħala tali ma humiex hekk suġġetti. Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema tipprevedi eċċezzjonijiet għal prodotti riċiklati u għas-sostituti tal-granulat pur, b’mod partikolari r-radam, ukoll użat bħala granulat, u li dawk id-derogi jaqgħu taħt in-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema u jikkontribwixxu b’mod effettiv sabiex titnaqqas iktar l-estrazzjoni tal-granulat pur. Madankollu, ir-rikorrenti tippersisti fl-iżball inizjali tagħha billi tispostja l-għan ambjentali, li jaqa’ taħt in-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema, mit-tieni għall-ewwel stadju ta’ dak ir-raġunament. Għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, dak ir-raġunament japplika għal kull taxxa li tikkostitwixxi piż fiskali eċċezzjonali impost fuq settur limitat, indipendentement mill-għanijiet tiegħu. Is-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, irrilevat b’mod korrett dak l-iżball u għalhekk ikkonfermat id-deċiżjoni kkontestata u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

32

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li l-AGL ma ssegwix loġika koerenti minħabba li setturi oħra li għandhom effett paragunabbli fuq l-ambjent ma humiex suġġetti għat-taxxa (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 82, 86 u 87). Piż fiskali eċċezzjonali impost fuq settur limitat — jiġifieri l-granulat — ma jinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat favur is-setturi l-oħra kollha li ma humiex suġġetti għat-taxxa. Dawk is-setturi l-oħra ma ġewx suġġetti għat-taxxa jew peress li huma ma kinux granulat (faħam, faħam artab kannella, tafal, kaolina, tafal tal-balla, lavanja u skistu; sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punt 129), jew peress li ma kinux jintużaw bħala granulat (kalċju maħsub għall-produzzjoni tas-siment u ramel maħsub għall-produzzjoni tal-ħġieġ) (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 90 sa 92 u 128, l-ewwel sentenza). Fis-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali b’mod korrett ċaħdet dak l-argument tar-rikorrenti u ddeċidiet li bħala prinċipju huwa l-Istat Membru li għandu jiddetermina l-oġġetti jew is-servizzi li huwa jiddeċiedi li jissuġġetta, mingħajr ma dan ikun jirriżulta f’għajnuna mill-Istat favur setturi oħra li għandhom effett paragunabbli fuq l-ambjent (punti 114 sa 116, 128 u 129 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq).

33

Madankollu, il-Qorti Ġenerali żiedet aspett li ma jirriżultax mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li ma ġiex invokat mill-Kummissjoni matul is-seduta peress li huwa inkompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 84, 85 u 87), jiġifieri l-għan ambjentali (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 115 u 128). Fil-fatt, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali interpretat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala li kienet limitata għat-taxxi ambjentali, peress li dik il-motivazzjoni tapplika għal kull taxxa indipendentement mill-għan tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod korrett dak l-iżball (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 86 u 87). Sabiex tikkoreġih, il-Qorti Ġenerali għandha telimina l-għan ambjentali minn dik il-parti tar-raġunament tagħha sabiex tasal għall-konklużjoni li piż fiskali eċċezzjonali impost fuq settur limitat ma jinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat favur is-setturi l-oħra kollha mhux suġġetti u li ma hemmx għajnuna mill-Istat favur materjali li ma humiex granulat u favur granulat maħsub għal użu li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li s-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, tiċħad espressament l-ilmenti differenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-fatt li ċertu granulat huwa suġġett għat-taxxa u li ċerti materjali oħra li ma humiex granulat jew li ma humiex użati bħala tali ma humiex hekk suġġetti.

34

Il-Kummissjoni ssostni li l-punt 88 tas-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, jikkonferma dik l-evalwazzjoni billi jirrileva li ż-żieda fis-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, tal-għan ambjentali tikkontradixxi manifestament l-esklużjoni ta’ setturi oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħal dawk tal-faħam, u l-invokazzjoni ta’ għanijiet oħra sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ dawk is-setturi l-oħra għat-taxxa, fosthom l-intenzjoni li tiġi ppreżervata l-kompetittività internazzjonali. F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ġustament li tali kontradizzjoni ma tistax tintgħeleb billi jiġu invokati motivi bbażati fuq in-natura jew [fuq] l-istruttura ġenerali tas-sistema, iktar u iktar meta “ma huwiex l-għan li jgħodd iżda l-effetti” (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 84, 85 u 87).

35

Fir-rigward tad-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 120 u 121 tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, bejn dan il-każ u dak li ta lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra p. I-8365, iktar ’il quddiem is-“sentenza Adria-Wien Pipeline”), il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 87(1) KE jiddefinixxi l-interventi statali skont l-effetti tagħhom, u għalhekk b’mod indipendenti mit-tekniki użati (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punt 89). Fir-rigward tal-effetti, il-Kummissjoni tfakkar li l-AGL hija taxxa speċifika imposta fuq settur limitat, jiġifieri l-granulat (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Dik il-karatteristika ta’ piż fiskali eċċezzjonali impost fuq settur limitat tiġġustifika l-konklużjoni li dik it-taxxa ma hijiex fiha nnifisha — u jkun xi jkun l-għan tagħha — għajnuna mill-Istat favur materjali oħra li ma humiex granulat jew favur granulat li ma huwiex użat bħala tali (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 90 sa 92). Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, dik il-karatteristika tikkostitwixxi l-“punt ta’ riferiment newtrali”, jew “is-sistema”, jew “in-normalità” — li “fiha nnifisha ma tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat u ma hijiex implementata b’kunsiderazzjoni jew abbażi tal-għan tat-taxxa jew […] in-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema” —, li tippermetti li jiġi determinat jekk eżenzjonijiet oħra mit-taxxa jaqgħux jew le taħt in-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema. Issa, tali settur limitat bħala “punt ta’ riferiment” huwa nieqes fis-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Adria-Wien Pipeline iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-miżura inkwistjoni pproduċiet effetti fuq parti kbira tal-istruttura ġenerali, u dan kien jiġġustifika approċċ differenti.

36

B’hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina mill-ġdid, b’osservanza tal-livell meħtieġ ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tas-settur tal-granulat (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 75, 90, 91, 110, 138 u 139, u s-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 96 sa 101). F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa kif definit mir-Renju Unit. Il-materjali li ma humiex granulat, bħall-faħam, il-faħam artab kannella, it-tafal, il-kaolina, it-tafal tal-balla, il-lavanja u l-iskistu, u l-granulat li ma huwiex użat bħala tali, b’mod partikolari l-kalċju maħsub għall-produzzjoni tas-siment u r-ramel maħsub għall-produzzjoni tal-ħġieġ, ma jistgħux jiġu suġġetti għat-taxxa peress li huma ma jaqgħux taħt is-settur tal-granulat. Għaldaqstant ma huwiex eżatt li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-materjali kkonċernati huma kollha granulat. Is-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq (punt 130), tikkonferma wkoll li ċerti materjali ma humiex suġġetti għat-taxxa peress li ma humiex granulat. Fit-tieni lok, dak l-eżami mill-ġdid għandu jikkonċerna l-issuġġettar tal-granulat ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għolja, bħall-frak taż-żrar aħmar għall-passaġġi għar-roti, il-kisi tas-superfiċji u s-saborra tal-linji tal-ferroviji, minħabba li huma granulat, indipendentement mill-fatt li jkunu jew ma jkunux jeżistu sostituti għal dawk il-materjali (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 85, 90 sa 92, 135 u 136, u s-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 125, 126, 130 u 131). Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina mill-ġdid l-issuġġettar tal-kalċju u tar-ramel “sekondarji” minħabba li huma użati bħala granulat, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom jew le bħala prodotti “sekondarji” ta’ ċerti barrieri (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 86, 90 sa 92 u 137, u s-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 146 sa 151). Fir-raba’ lok, dak l-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda n-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ prodotti li ma humiex granulat u bċejjeċ, bħal-lavanja, l-iskistu, it-tafal, il-kaolina, it-tafal tal-balla, il-faħam u l-faħam artab kannella, anki meta dawk jintużaw bħala granulat, peress li l-inċentiv għall-użu ta’ sostituti għal granulat pur jaqa’ taħt in-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 83, 94 sa 98 u 130 sa 132, u s-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 152 sa 154 u 160 sa 162). Finalment, fir-rigward tal-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti Ġenerali teżamina mill-ġdid jekk tali eżenzjoni hijiex iġġustifikata mill-motivi esposti fil-punti 22 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata.

37

Ir-Renju Unit jikkontesta b’mod partikolari l-argument tar-rikorrenti li l-kunċetti essenzjali tal-AGL qatt ma ġew iddefiniti b’mod ċar u li dawn ġew mogħtija kontenut differenti skont iċ-ċirkustanzi.

38

Għalhekk, l-espressjoni “granulat primarju” tintuża l-iktar frekwentement mill-operaturi tal-barrieri sabiex jirreferu għall-granulat primarju jew prinċipali li huwa prodott hemmhekk. Dawk l-operaturi ħafna drabi jipproduċu sensiela ta’ granulat differenti, li jvarja skont il-proprjetà fiżika tiegħu, l-ispeċifikazzjoni teknika tiegħu u l-adegwatezza tiegħu fid-dawl ta’ ċerti applikazzjonijiet. Għalhekk, il-granulat ta’ speċifikazzjoni għolja jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-qatran jew tal-konkrit, filwaqt li l-granulat ta’ speċifikazzjoni inqas għolja jista’ jkun adatt sabiex jintuża fil-mili jew fis-saborra. Il-granulat primarju huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala li għandu l-iktar valur għoli, bħala li huwa s-suġġett ta’ domanda kbira u bħala li għandu kontenut qawwi biżżejjed li jirrendih adattat għall-sensiela wiesgħa ta’ applikazzjonijiet. Il-vijabbiltà ekonomika tal-estrazzjoni tiddependi b’mod sinjifikattiv fuq il-ġeoloġija tas-sit u, sa ċertu punt, fuq il-faċilità li biha wieħed jista’ jittrasporta fuq is-sit il-materjal meħtieġ sabiex tiġi rraffinata l-materja prima u mmassimizzati l-kwalitajiet mixtieqa tagħha.

39

Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “granulat sekondarju” tintuża l-iktar frekwentement mill-operaturi tal-barrieri sabiex jirreferu għall-granulat li jikkostitwixxi prodotti derivati tal-produzzjoni tal-granulat primarju, li ħafna drabi jimplika trattament fiżiku, bħat-tkissir, l-għarbil, it-tisħiq u t-tifrik. F’kull stadju ta’ dak it-trattament, il-granulat idderivat maħluq ma jkollux kontenut qawwi daqs dak tal-granulat primarju u għalhekk jiġi sseparat minn dan tal-aħħar. Il-granulat sekondarju jista’ jiġi ssuġġettat għal trattament addizzjonali f’diversi stadji bil-għan li jintlaħaq il-potenzjal massimu tiegħu bħala granulat. Għalhekk, tiġi prodotta sensiela ta’ prodotti b’kontenut differenti u ta’ kwalità jew valur iktar u iktar limitat, sa kemm ikun baqa’ biss materjal granulari fin ħafna, jiġifieri l-“partikoli fini”, li għandhom użu limitat u li għalihom id-domanda hija baxxa. Madankollu dawn mhux bilfors ikunu prodotti derivati jew skart. Għall-kuntrarju, il-parti l-kbira tal-granulat sekondarju jkollu valur u kwalità partikolarment għolja u jkun imfittex, b’tali mod li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, huma biss il-“partikoli fini” li jistgħu jiġi kklassifikati bħala skart. Għaldaqstant, il-kontenut tal-granulat sekondarju, li huwa iktar baxx minn dak tal-granulat primarju, jikkostitwixxi l-aspett essenzjali li jippermetti li ssir distinzjoni bejn dawk iż-żewġ tipi ta’ granulat. L-espressjoni “granulat sekondarju” kultant tintuża wkoll biex tirreferi għall-prodotti derivati minn ċertu numru ta’ proċessi ta’ estrazzjoni u ta’ fabbrikazzjoni li l-għan tagħhom ma huwiex li jiġi prodott il-granulat, iżda li jwasslu b’mod inevitabbli għall-produzzjoni ta’ tali materjali, bħar-residwi tal-estrazzjoni mill-minjieri, l-estrazzjoni tal-kaolin, il-produzzjoni tal-lavanja, l-irmied ta’ stallazzjonijiet elettriċi u l-iskart ta’ fran industrijali. Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn dawk il-proċessi u l-isfruttar tal-granulat.

40

Ir-Renju Unit jirrileva li huwa jixtieq inaqqas l-eliminazzjoni ta’ tali prodotti dderivati bħala skart u għalhekk ifittex li jinkoraġġixxi l-użu tagħhom bħala soluzzjoni ta’ sostituzzjoni vijabbli għall-isfruttament tal-granulat bħala tali. Għalkemm l-AGL ma tiddefinixxix dawk il-materjali bħala “granulat sekondarju”, din il-frażi tintuża spiss fis-setturi kkonċernati. Madankollu, it-terminoloġija użata fis-settur tal-isfruttar tal-barrieri tista’ tqarraq peress li l-materjali suġġetti u mhux suġġetti spiss jissejħu, b’mod żbaljat, granulat primarju u sekondarju rispettivament, anki meta l-kategorija ta’ granulat suġġett tinkludi kemm il-granulat primarju kif ukoll dak sekondarju. Barra minn hekk, it-termini “granulat pur” jirreferu għal granulat kemm primarju kif ukoll sekondarju li ma jkunx intuża qabel peress li dan ikun is-suġġett ta’ estrazzjoni riċenti. Għaldaqstant il-granulat irriċiklat ma huwiex granulat pur.

41

Ir-Renju Unit jikkontesta l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni bħar-Renju Unit ma wrewx loġika ambjentali koerenti fl-AGL jew naqsu milli jistabbilixxu li n-natura u l-istruttura ġenerali tagħha jistgħu jiġġustifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Huwa stabbilit li l-estrazzjoni tal-granulat tipproduċi numru ta’ effetti ambjentali negattivi, inklużi fastidji li jirriżultaw mill-ħsejjes, trabijiet, fastidju viżiv, danni lill-biodiversità u effetti negattivi fuq it-tgawdija. L-AGL hija intiża sabiex tintegra dawk l-ispejjeż ambjentali fil-prezz tal-granulat biex hekk tnaqqas l-isfruttar tal-granulat pur, tinkoraġixxi l-użu effiċjenti tagħhom, l-użu ta’ materjali oħra rriċiklati kif ukoll dak ta’ materjali li fin-nuqqas ta’ tali użu jiġu eliminati bħala skart. Għalkemm l-AGL hija miġbura direttament mill-produtturi tal-granulat, il-piż tat-taxxa jġorruh b’mod definittiv l-utenti finali tal-granulat, peress li l-imsemmija produtturi jirkupraw l-ispiża tat-taxxa mill-klijenti tagħhom bl-istabbiliment tal-prezzijiet tagħhom. F’dan is-sens, l-AGL hija taxxa indiretta li taffettwa lill-konsumaturi finali tal-granulat pur.

42

Ir-Renju Unit jikkontesta l-eżistenza ta’ inkoerenzi fl-ekonomija ġenerali tal-AGL li minnha joriġinaw vantaġġi selettivi favur ċerti setturi jew prodotti mhux suġġetti għat-taxxa. Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex teżamina mill-ġdid, b’mod dettaljat, l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura, il-loġika u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdithom fil-parti l-kbira tagħhom fid-dawl tal-evalwazzjonijiet fattwali sovrani tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 94 sa 101). Barra minn hekk, in-natura u l-loġika tal-AGL, kif ukoll il-prinċipji ambjentali li jiġġustifikawha, huma sempliċi, koerenti u raġunati. Għalhekk, in-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ ċerti materjali, bħall-koalina, it-tafal tal-balla, il-lavanja u skart minerali u industrijali ieħor, jirriżulta min-natura u mill-istruttura globali tal-AGL, u dan għandu bħala konsegwenza l-fatt li tali eżenzjoni taħrab mill-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

43

Fir-rigward tal-eżenzjoni tat-taxxa tal-lavanja, tal-iskistu u tal-kaolina, ir-Renju Unit jallega li l-proċess tal-produzzjoni tal-lavanja u tal-kaolina jiġġenera numru ta’ prodotti derivati tal-granulat. Barra minn hekk, ċerti setturi tas-suq tal-granulat użaw b’suċċess tali prodotti derivati sabiex jissostitwixxu granulat pur ieħor suġġett għall-AGL. Fil-fatt, il-proċessi ta’ estrazzjoni tal-kaolina, tal-lavanja, tal-faħam u ta’ materjali oħra ma għandhomx bħala l-għan aħħari tagħhom il-produzzjoni tal-granulat iżda jwasslu b’mod inevitabbli għall-produzzjoni ta’ materjali adatti għal tali użu. Għalkemm tali proċessi ta’ estrazzjoni, sa ċertu punt, jiġġeneraw skart u huma ta’ ħsara għall-ambjent, ma jeżisti l-ebda mezz iktar effettiv għall-produzzjoni ta’ materjali bħal-lavanja u l-kaolina. Fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent tal-AGL, jeħtieġ li jiġi pprivileġġat, sa kemm dan ikun possibbli, l-użu bħala granulat ta’ prodotti derivati minn tali proċessi iktar milli li jiġi użat granulat pur ieħor, b’mod partikolari meta l-unika possibbilità oħra tkun li jiġu eliminati dawk il-prodotti derivati bħala skart. Fil-fatt, volum kbir ta’ materjali derivati minn dawk il-proċessi fil-preżent jinbiegħu bħala granulat mhux suġġett għall-AGL, filwaqt li qabel id-dħul tat-taxxa, il-parti l-kbira ta’ dawk il-materjali kienu jintremew. Fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ materjali maħsuba għal użi oħra mhux bħala granulat, bħar-ramel siliku għall-manifattura tal-ħġieġ, din tkun applikabbli meta jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet prinċipali b’mod kumulattiv, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li ma jkun jeżisti l-ebda materjal ta’ sostituzzjoni vijabbli u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-materjal ma jkunx użat bħala granulat.

44

Skont ir-Renju Unit, essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konformità tal-AGL mal-prinċipju ta’ min iħammeġ iħallas, dwar l-impatt fuq l-ambjent tal-estrazzjoni ta’ diversi materjali, dwar id-definizzoni mill-Kummissjoni tas-“settur tal-granulat” u dwar l-allegata loġika reali li fuqha huma msejsa l-eżenzjonijiet ta’ ċerti materjali, jiġifieri l-preżervazzjoni tal-kompetittività internazzjonali, kollha ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 99 sa 101, 128 sa 132, 149, 150, 161 u 162) u għalhekk għandhom jiġu injorati. F’kull każ, dawk l-argumenti huma manifestament żbaljati minħabba n-natura u l-loġika tal-AGL kif esposti iktar ’il fuq (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 1 iktar ’il fuq, punti 129, 133, 134, 138 u 153). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel użu skorrett tat-termini “granulat primarju”, “granulat sekondarju” u “granulat pur” u tagħtihom sens li ma huwiex sostnut minn definizzjoni legali prevista mill-liġi.

Fuq il-kundizzjonijiet ta ’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE

Fuq il-kriterji li jirregolaw in-natura selettiva tal-vantaġġ

45

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-kriterji tal-vantaġġ u tan-natura selettiva tiegħu fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li wettqet żbalji fl-applikazzjoni ta’ dak il-kunċett.

46

Fir-rigward tal-kriterju ta’ vantaġġ, ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, peress li dan jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji fihom infushom, iżda wkoll interventi statali li, taħt diversi forom, iħaffu l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, Ġabra p. I-4035, punt 35; tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 131, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, Ġabra p. I-5293, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). F’dak li jirrigwarda t-taxxa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni mit-taxxa li tpoġġi lill-benefiċċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli meta mqabbla ma’ dik ta’ kontribwenti oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Bl-istess mod, miżura li tagħti lil ċerti impriżi tnaqqis mit-taxxa jew ħlas differit ta’ taxxa normalment dovuta tista’ wkoll tikkostiwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 132).

47

Fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività tal-vantaġġ, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura statali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE meta mqabbla ma impriżi oħra li jkunu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fir-rigward tal-għan segwit mill-miżura kkonċernata (sentenza Adria-Wien Pipeline, punt 35 iktar ’il fuq, punt 41; ara, ukoll, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 40; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġu u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 119; tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, Ġabra p. I-7115, punt 54, u tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et, C-428/06 sa C-434/06, Ġabra p. I-6747, punt 46).

48

Madankollu, ma tissodisfax dik il-kundizzjoni ta’ selettività miżura li, minkejja li tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċjarju tagħha, hija ġġustifikata minħabba n-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali li din tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Adria-Wien Pipeline, punt 35 iktar ’il fuq, punt 42, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 52). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istat Membru kkonċernat jista’ juri li dik il-miżura tirriżulta direttament minn prinċipji fundamentali u regolatorji tas-sistema fiskali tiegħu u li, f’dak ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet mogħtija lil sistema fiskali partikolari u li huma estranji għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti tas-sistema fiskali stess li huma neċessarji sabiex jinkisbu tali għanijiet (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 81). Fil-fatt, eżenzjonijiet fiskali li jirriżultaw minn għan li ma jkunx relatat mas-sistema fiskali li jifformaw parti minnha ma jistgħux jaħarbu mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 87(1) KE.

49

Barra minn hekk, bil-għan li tiġi evalwata n-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni, id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referiment għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali għaliex l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 56, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T-308/00, Ġabra p. II-1933, punt 81). Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva” tippreżumi, qabel kollox, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa fir-rigward ta’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li jeħtieġ fit-tieni lok, li tiġi evalwata u stabbilita n-natura selettiva eventwali tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni billi jintwera li din tal-aħħar tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, inkwantu din tintroduċi distinzjonijiet bejn operaturi li jinsabu, fir-rigward tal-għan mogħti lis-sistema fiskali ta’ dak l-Istat Membru, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

50

Għaldaqstant, fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġu identifikati l-kriterji determinanti tat-tassazzjoni “normali” msemmija mill-AGL.

Fuq it-tassazzjoni “normali” msemmija mill-AGL

51

F’dan il-każ, il-partijiet jirrikonoxxu li l-kuntest ta’ referiment, li fid-dawl tiegħu għandhom jiġu ddeterminati t-tassazzjoni normali u l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi eventwali, huwa kkostitwit mill-AGL bħala tali, li stabbilixxiet sistema fiskali speċifika applikabbli għas-settur tal-granulat tar-Renju Unit.

52

Madankollu, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq), anki li kieku jiġi preżunt li dik is-sistema tista’ tiġi deskritta bħala “piż fiskali eċċezzjonali limitata għal settur ekonomiku magħluq”, dan fih innifsu ma jevitax l-inibizzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heiser, punt 47 iktar ’il fuq, punt 42), peress li dik is-sistema tista’ twettaq distinzjonijiet fi ħdan l-istess settur li jistgħu jissodisfaw il-kriterji ta’ vantaġġ u ta’ selettività fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, b’mod konformi man-natura legali tal-kunċett ta’ għajnuna, li għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punt 111), l-għan aħħari ta’ miżura statali, bħalma huwa, f’dan il-każ, l-għan ambjentali jew in-natura ta’ ekotaxxa ta’ sistema fiskali speċifika jew settorjali, ma huwiex suffiċjenti sabiex jevita b’mod immedjat tali miżura mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punt 84), peress li tali miżura għandha tiġi evalwata skont l-effetti tagħha b’mod indipendenti mill-kawżi jew għanijiet tagħha (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 85 sa 88). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jeżiġi li jiġi eżaminat jekk sistema fiskali speċifika jew settorjali tinkludix distinzjonijiet li jkollhom l-effett li jiffavorixxu “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fi ħdan is-settur previst minn dik is-sistema, u dan jippreżumi li għandha tiġi ddeterminata qabel xejn it-tassazzjoni “normali” li fuqha hija mibnija (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

53

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Renju Unit (ara l-punti 37 sa 43 iktar ’il fuq) u mit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-prinċipju ta’ tassazzjoni “normali” li fuqu hija mibnija l-AGL huwa dak tal-isfruttar kummerċjali fir-Renju Unit ta’ materjal issuġġettat bħala “granulat” [l-Artikolu 16(1) u (2) u l-Artikolu 17(1) tal-Finance Act 2001 (liġi dwar il-finanzji għas-sena 2001, iktar ’il quddiem il-“liġi”], fejn il-liġi ma tipprevedix definizzjoni preċiża tat-terminu “granulat” jew kriterji ġenerali ta’ tassazzjoni li jippreċiżaw dak it-terminu, b’mod partikolari skont il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi, il-kompożizzjoni, id-daqs jew il-valur kummerċjali tal-materjali kkonċernati.

54

F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-ismijiet tal-granulat “pur”, “primarju” jew “sekondarju”, użati ubikwitament kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-partijiet matul is-seduta, ma humiex determinanti, peress li l-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-AGL ma jagħmilx tali distinzjoni. Fil-fatt, kif irrikonoxxa r-Renju Unit waqt is-seduta, minn naħa, is-sistema normali ta’ tassazzjoni tal-AGL ma hijiex iddefinita fid-dawl ta’ kunċett ġeneriku tal-granulat; min-naħa l-oħra, il-liġi teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL il-granulat li jkun irriżulta minn ċerti materjali (Artikolu 17 tal-liġi), indipendentement mill-kundizzjoni fiżika tagħhom, jew minn ċerti proċessi ta’ estrazzjoni jew ta’ produzzjoni (“Exempt processes” skont l-Artikolu 18 tal-liġi), jew sempliċement minħabba li huwa jkun maħsub għall-esportazzjoni (Artikolu 16(2) tal-liġi). L-AGL tinkludi wkoll lista ta’ granulat li jirriżulta minn materjali jew minn proċessi ta’ estrazzjoni jew ta’ produzzjoni li huwa eżentat mit-taxxa, indipendentement mill-appartenenza eventwali tiegħu f’waħda mill-kategoriji msemmija ta’ granulat (Artikolu 17(2) sa (4), u Artikolu 18(1) sa (3) tal-liġi).

55

Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta’ tassazzjoni normali li fuqu hija mibnija l-AGL huwa msejjes biss fuq il-kunċett tal-isfruttar kummerċjali fir-Renju Unit ta’ materjal issuġġettat bħala “granulat”.

56

Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset manifestament milli tieħu inkunsiderazzjoni dak il-prinċipju ta’ tassazzjoni normali sabiex tiddetermina n-natura selettiva ta’ vantaġġi eventwali ġġenerati mill-AGL. Għalhekk, id-deskrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL inkluża, b’mod partikolari, fit-tieni u t-tielet sentenza tal-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkorrispondix ma’ dik id-definizzjoni tat-tassazzjoni normali. Fil-fatt, skont dawk is-sentenzi, essenzjalment, it-taxxa tinġabar biss minn fuq il-granulat “pur” u mhux “minn fuq il-granulat estratt bħala prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra (granulat sekondarju) u lanqas minn fuq il-granulat irriċiklat”. Madankollu, l-AGL ma tipprovdix tali regola ġenerali ta’ tassazzjoni li tagħmel distinzjoni bejn dawk il-kategoriji differenti ta’ granulat (“pur”, “sekondarju” u “irriċiklat”).

57

Dik il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-punt 144 tas-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, li ma jsemmix id-determinazzjoni tal-prinċipju ta’ tassazzjoni normali li fuqu hija mibnija l-AGL u, bħala raġuni iktar qawwija, ma jiddeċidix li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq definizzjoni korretta ta’ dak il-prinċipju. Fil-fatt, fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex dritt li tinterpreta l-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata bħala li jiddikjara li l-kunċett ta’“granulat primarju” jirreferi essenzjalment għall-granulat issuġġettat għall-AGL u li dak ta’ “granulat sekondarju” jirreferi essenzjalment għal “granulat eżentat enumerat b’mod preċiż fil-liġi” (sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, punt 112). Issa, jekk jiġi preżunt li, f’dan il-kuntest, l-użu tal-kunċetti ta’ granulat “primarju” u/jew “sekondarju” huwa rilevanti, il-prinċipju ta’ tassazzjoni normali li fuqu hija mibnija l-AGL, kif imfakkar fil-punt 55 iktar ’il fuq, bl-ebda mod ma jeskludi li granulat “sekondarju” jikkostitwixxi wkoll granulat “pur” jew li huwa, bħala prinċipju, issuġġettat għall-AGL preċiżament minħabba l-fatt li huwa jissodisfa l-funzjoni ta’ “granulat”. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jirrileva, b’mod kategoriku, il-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li l-“granulat sekondarju” suppost jirreferi għal “granulat estratt bħala prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra” ma għandux neċessarjament l-effett li l-imsemmi granulat huwa eżentat mit-taxxa. Dan jgħodd ukoll għall-materjali “irriċiklati” peress li dawn jikkostitwixxu “granulat” fis-sens tal-AGL (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

58

Dik l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-ispjegazzjonijiet plawżibbli pprovduti mir-Renju Unit esposti fil-punti 37 sa 40 iktar ’il fuq, li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, jikkorrispondu għal dik ipprovduta fil-punt 19 tan-notifika tal-AGL, li fiha lanqas ma jinstabu, bħalma huwa l-każ fil-liġi, il-kunċetti ta’ granulat “primarju” u/jew “sekondarju”. Essenzjalment, minn dawk l-ispjegazzjonijiet jirriżulta li, minn naħa, it-terminoloġija użata fid-deċiżjoni kkontestata sabiex isir riferiment għall-kategoriji differenti ta’ granulat ma tikkorrispondix ma’ dik użata mill-AGL, iżda iktar ma’ dik użata fis-settur tal-isfruttar tal-barrieri, u li, min-naħa l-oħra, teżisti sovrapożizzjoni kbira bejn il-kunċett ta’ granulat “sekondarju” — li huwa l-oppost ta’ dak ta’ granulat “primarju” — u dak ta’ granulat “pur”. Fil-fatt, skont ir-Renju Unit, il-kunċett ta’ granulat “pur” jinkludi kemm il-granulat “primarju” kif ukoll il-granulat “sekondarju”, filwaqt li l-granulat “irriċiklat” ma huwiex granulat “pur”. Ir-raġuni għal din is-sovrapożizzjoni hija li l-granulat “sekondarju” spiss jirreferi għall-granulat li jikkostitwixxi prodotti derivati jew prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-granulat “primarju”, jiġifieri tal-ewwel estrazzjoni ta’ ċerti materjali ta’ taħt l-art bil-għan li jinkiseb il-granulat fis-sens tal-AGL. Id-differenza prinċipali bejn granulat “primarju” u l-granulat “sekondarju” tinsab fil-kompożizzjoni rispettiva tagħhom li tiddetermina l-użu industrijali speċifiku tagħhom. Għaldaqstant, kemm il-granulat “primarju” kif ukoll il-granulat “sekondarju” jista’ jikkostitwixxi granulat “pur” sa kemm huwa jkun is-suġġett ta’ estrazzjoni riċenti u sa kemm huwa ma jkunx ġie użat qabel (bħala granulat). Waqt is-seduta, in-natura rilevanti ta’ dik il-preċiżjoni pprovduta mir-Renju Unit ġiet rikonoxxuta wkoll mill-partijiet l-oħra.

59

Minn dan jirriżulta li, b’mod kuntrarju għal dak li ġie espost fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, l-AGL ma tipprevedix eżenzjoni ġeneralizzata tal-granulat “sekondarju”, li hija applikabbli għall-materjali kollha koperti mill-kunċett ta’ “granulat”, iżda tillimita ruħha sabiex torbot il-klassifikazzjoni tal-granulat eżentat kemm ma’ materjali preċiżi, identifikati b’isimhom mil-liġi, kemm ma’ proċess speċifiku ta’ estrazzjoni jew ta’ produzzjoni ta’ wieħed minn dawk il-prodotti, kif ukoll ma’ granulat esportat.

60

Konsegwentement, kif issostni r-rikorrenti (sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, punt 79), meta llimitat ruħha sabiex tiddeskrivi, b’mod żbaljat, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL, il-Kummissjoni telqet minn interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ tassazzjoni normali li fuqu hija mibnija l-liġi, u dan seta’ jivvizzja l-legalità tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżenzjonijiet mit-taxxa fid-dawl tal-kunċett ta’ għajnuna u, b’mod partikolari, tan-natura eventwalment selettiva tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 47 sa 49 iktar ’il fuq.

61

Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk u sa liema punt, f’dan il-każ, dak l-iżball tal-Kummissjoni vvizzja l-evalwazzjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ kriterji oħra li jirregolaw is-selettività tal-vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tiskarta l-eżistenza ta’ vantaġġi riżultanti minn distinzjonijiet fiskali magħmula mill-AGL, abbażi tal-fatt innifsu li “il-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL” kien iġġustifikat mill-loġika u mill-ekonomija ġenerali tiegħu (ara l-punti 29, 34 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

Fuq l-eżistenza ta’ distinzjonijiet fiskali magħmula mill-AGL

– Fuq il-kriterji li jirregolaw il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni

62

Hemm lok li jiġi mfakkar li, sabiex tiġi evalwata n-natura selettiva tal-vantaġġi mogħtija minn sistema fiskali, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-miżuri bbażati fuq l-imsemmija sistema humiex ta’ natura li jiffavorixxu lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fir-rigward tal-għan segwit mill-miżura kkonċernata (sentenza Adria-Wien Pipeline, punt 35 iktar ’il fuq, punt 41).

63

Kif ġie rrikonoxxut b’mod unanimu mill-partijiet, b’mod partikolari waqt is-seduta, l-AGL hija msejsa fuq l-għan prinċipali tal-protezzjoni tal-ambjent, minkejja li dan ma jirriżultax direttament mill-kliem tagħha.

64

Dak l-għan jikkonsisti essenzjalment fil-promozzjoni, fis-settur tal-kostruzzjoni, tal-użu tal-granulat li jikkostitwixxi prodott sekondarju jew skart li jirriżulta minn ċerti proċessi (granulat ukoll imsejjaħ “sekondarju”), jew tal-granulat irriċiklat, biex b’hekk jitnaqqas l-użu tal-granulat estratt mill-barrieri (granulat ukoll imsejjaħ “primarju”), riżorsi naturali mhux rinnovabbli, u, għaldaqstant, jitnaqqsu l-effetti fuq l-ambjent li huma marbuta ma’ dan il-proċess ta’ estrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“għan ta’ devjazzjoni tad-domanda” jew l-“għan ambjentali tal-AGL”). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex issostni, essenzjalment, li, b’kunsiderazzjoni tal-inkoerenza tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, dak l-għan ma jistax jintlaħaq b’mod sistematiku u li l-AGL tiffavorixxi l-granulat li jirriżulta minn ċerti materjali meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta minn materjali oħra li madankollu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward ta’ dak l-istess għan. Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, skont il-prinċipju ta’ tassazzjoni normali li jirregola l-AGL, kif deskritt fil-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq, dik id-definizzjoni ġenerali tal-għan ambjentali tal-AGL — li ma huwiex espost espliċitament b’dan il-mod fit-test stess tal-liġi — ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kategoriji differenti tal-materjali li huma ta’ natura li jiġġeneraw tali granulat.

65

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni inkluża fid-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq dik id-definizzjoni tal-għan ambjentali tal-AGL (ara l-punti 5, 29, 31, 32 u 35 tal-imsemmija deċiżjoni; ara wkoll is-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 150 u 161).

66

Qabel kollox, f’dan il-każ, ma għandhiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk l-AGL hijiex iggwidata wkoll mill-prinċipju ta’ min iħammeġ iħallas, li ma jirriżulta la mill-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-AGL u lanqas mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punti 128 sa 131). Dak il-prinċipju jippreżumi li t-taxxa tapplika, bħala prinċipju, għal kull attività ta’ estrazzjoni ta’ minerali sabiex jiġu internalizzati l-ispejjeż ambjentali ġġenerati. Issa, ir-rikorrenti ammettiet waqt is-seduta li dan ma kienx il-każ. F’kull każ, jekk tali għan aħħari addizzjonali jimplika li t-taxxa għandha tiġi imposta fuq kull mineral estratt minn taħt l-art, indipendentement mill-isfruttar kummerċjali previst tiegħu bħala granulat, din tista’ mhux biss tqiegħed indiskussjoni l-prinċipju ta’ tassazzjoni normali, kif deskritt fil-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq, iżda tista’ wkoll tippreġudika l-implementazzjoni koerenti u effettiva tal-għan ta’ devjazzjoni tad-domanda.

67

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-AGL tipprovdix trattament fiskali iktar favorevoli lil ċerti impriżi jew produtturi meta mqabbla ma’ dak ta’ impriżi jew produtturi oħra (iktar ’il quddiem id-“distinzjoni fiskali”) li, fid-dawl tal-għan ambjentali tal-AGL ikkonstatat fil-punti 63 u 64 iktar ’il fuq, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

68

Fil-fatt, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni wara r-rinviju ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali (ara l-punti 30 sa 33 iktar ’il fuq), fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu jinjoraw dak l-għan ambjentali tal-AGL (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punt 87; sentenza Adria-Wien Pipeline, punt 35 iktar ’il fuq, punt 41, u punt 49 iktar ’il fuq), peress li l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni kif ukoll ta’ prinċipji u għanijiet tal-qasam li jaqa’ fih l-imsemmi att (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 26, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-176/09, Ġabra p. I-3727, punt 32).

69

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-għan ambjentali tal-AGL, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ta’ diversi materjali għandha bħala konsegwenza distinzjoni fiskali mhux iġġustifikata bi ħsara għal ċerti materjali oħra (sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, punti 81 sa 86).

70

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk mill-atti tal-proċess jirriżultax li, fid-dawl tal-għan ambjentali tal-AGL, dawk il-materjali eżentati jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik ta’ materjali oħra li huma ssuġġettati għat-taxxa.

– Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-granulat tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku (tafal tal-balla) u tal-iskistu mas-sitwazzjonijiet ta’ granulat ieħor

71

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-granulat tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku u tal-iskistu, li huma eżentati mit-taxxa skont l-Artikolu 17(3) u (4) u l-Artikolu 18(3) tal-AGL, għandu jiġi kkonstatat lir-rikorrenti ġustament ssostni li, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tiegħu fil-prattika kummerċjali, jiġifieri bħala granulat “pur”, “primarju” jew “sekondarju”, l-imsemmi granulat jissodisfa, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ tassazzjoni normali skont l-AGL peress li jikkostitwixxi “granulat” fis-sens tal-liġi. Dik l-affermazzjoni ta’ prinċipju ma ġiet ikkontestata la mill-Kummissjoni u lanqas mir-Renju Unit, li llimitaw ruħhom sabiex jsostnu li dawk il-materjali normalment ma jintużawx bħala granulat.

72

Madankollu, sa kemm dak il-granulat jintuża u jiġi sfruttat kummerċjalment bħala tali, pereżempju fil-kostruzzjoni tal-bini jew tat-toroq, dan ikun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli jekk mhux identika għal dik ta’ granulat ieħor ta’ sostituzzjoni intaxxat. F’dan ir-rigward, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Renju Unit ma rnexxielhom jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, f’tali każ, teżisti, tal-inqas, rabta potenzjali ta’ kompetizzjoni jew ta’ sostitwibbiltà bejn dak il-granulat differenti għall-finijiet tal-użu jew tal-isfruttar kummerċjali tiegħu. Għalhekk għandu jinċaħad l-argument tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit li jgħid li l-materjali, bħal-lavanja, it-tafal plastiku, il-kaolina u l-iskistu, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL minħabba l-fatt li huma ma jaqgħux taħt is-“settur tal-granulat”, li huma ma humiex “ġeneralment” jew “tradizzjonalment” użati bħala tali, u lanqas estratti għal dan il-għan, jew li huma ma jirriżultawx f’“rapport ta’ kompetizzjoni sinjifikattiva mas-settur intaxxat” (ara l-punti 32 u 36 iktar ’il fuq), peress li d-dħul tal-imsemmija materjali fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa, skont ir-regola ta’ tassazzjoni normali applikabbli (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), jiddependi biss mill-isfruttar effettiv li sar minnu bħala granulat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ma kkontestawx l-argument tar-rikorrenti li jeżistu, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, diversi barrieri li jipproduċu granulat (primarju) tal-iskistu u tal-lavanja.

73

Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-estrazzjoni ta’ materjali mhux intaxxati, b’mod partikolari tal-lavanja u tat-tafal, tagħmel ħsara lill-ambjent daqs, jekk mhux iktar, mill-estrazzjoni ta’ materjali oħra intaxxati, li bl-istess mod tista’ tipproduċi bċejjeċ, skart jew prodotti sekondarji oħra li jistgħu jintużaw bħala granulat (ara l-punt 41 iktar ’il fuq). Għalhekk, il-partijiet enfasizzaw in-natura ferm ineffiċjenti tal-estrazzjoni tal-lavanja, tat-tafal plastiku u tal-kaolina kif ukoll l-eżistenza ta’ stokkijiet kbar ta’ bċejjeċ u ta’ skart tal-imsemmija materjali li jiddegradaw il-pajsaġġ, u għalhekk l-effett partikolarment danneġġanti tal-proċess ta’ estrazzjoni kkonċernat fuq l-ambjent, li hija r-raġuni li wasslet lil-leġiżlatur tar-Renju Unit sabiex jeżenta dawk il-materjali mit-taxxa bil-għan li jiġi promoss l-użu jew ir-riċiklaġġ tagħhom bħala granulat (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-granulat ta’ dawk il-materjali differenti jinsab a priori f’sitwazzjoni tal-inqas paragunabbli fir-rigward tal-għan ambjentali tal-AGL.

74

F’dak ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni u r-Renju Unit ma rnexxilhomx juru sal-grad rikjest mil-liġi lil dik hija preċiżament in-natura partikolarment dannuża għall-ambjent tal-estrazzjoni ta’ materjali mhux intaxxati li tiddistingwi s-sitwazzjoni tagħhom minn dik ta’ materjali ntaxxati, peress li la l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, la l-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002, mehmuża mar-risposta bil-miktub tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2005 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, u lanqas it-tweġibiet ta’ dawk il-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta ma joffru spjegazzjoni suffiċjenti f’dak ir-rigward.

– Fuq id-distinzjoni fiskali bejn sitwazzjonijiet paragunabbli

75

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li jiġi eżentat mit-taxxa l-granulat ta’ ċerti materjali, bħal-lavanja, it-tafal plastiku, il-kaolina u l-iskistu, u li jiġi ssuġġettat għaliha l-granulat ta’ materjali oħra, anki meta, fid-dawl tal-għan ambjentali tal-AGL, dawk il-granulati differenti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-użu tagħhom bħala “granulat”, tikkostitwixxi distinzjoni fiskali li tista’ tagħti lok għall-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq.

76

Anki jekk tiġi aċċettata r-rilevanza tad-distinzjoni bejn granulat “primarju” u “sekondarju”, li madankollu ma tirriżultax mill-kliem tal-liġi (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), il-produtturi tal-granulat intaxxat li huwa sostitut għall-granulat ta’ materjali eżentati huma żvantaġġjati doppjament. Fil-fatt, il-granulat intaxxat mhux biss huwa suġġett għall-AGL, iżda huwa wkoll suġġett, tal-inqas sa punt ogħla minn dak tal-materjali eżentati, għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-effett ta’ riorjentament tat-talba għall-granulat “sekondarju” eżentat li jirriżulta mill-unika tassazzjoni tal-granulat issuġġettat.

77

L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit ma jistgħux jiżvalutaw dik l-evalwazzjoni.

78

Għall-kuntrarju, wara mistoqsija preċiża magħmula waqt is-seduta mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ma spjegawx ruħhom fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni tal-granulat tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku u tal-iskistu tiġġenerax neċessarjament, fis-settur tal-kostruzzjoni, domanda ikbar għal dak il-granulat, jew anki inċentiv ekonomiku biex jiġi estratt iktar granulat (“primarju”) ta’ dawk il-materjali eżentati. Issa, tali riorjentazzjoni tat-talba lejn il-granulat (“primarju”) tal-materjali eżentati ssaħħaħ l-effetti ekonomiċi mhux ugwali li d-distinzjoni fiskali diġà tipproduċi fiha nnifisha fuq l-isfruttar kummerċjali tal-granulat sostitwibbli intaxxat. Barra minn hekk, din tista’ tippreġudika l-għan ambjentali tal-AGL, li jikkonsisti preċiżament fl-iskoraġġiment u fiż-żieda fl-effiċjenza tal-estrazzjoni tal-granulat (“primarju”) ta’ ċerti materjali, l-iktar tal-materjali eżentati, u fl-iżgurar tal-fatt li l-istokkijiet tal-bċejjeċ u tal-iskart tal-imsemmija materjali jkunu likwidi.

79

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżenzjoni ġenerali tal-granulat tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku u tal-iskistu twassal għal distinzjoni fiskali bi ħsara għall-granulat sostitwibbli li jirriżulta minn materjali oħra ssuġġettati għall-AGL. Barra minn hekk, f’dak ir-rigward, ir-Renju Unit rrikonoxxa waqt is-seduta, li jeżistu differenzi ta’ trattament fir-rigward tal-AGL, filwaqt li kkonferma li dawk id-differenzi jistgħu jiġu ġġustifikati min-natura u mill-ekonomija ġenerali tas-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita.

80

Barra minn hekk, dik l-evalwazzjoni lanqas ma hija kkontestata miċ-ċirkustanza li, fil-punti 158 sa 163 tas-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkritikatx il-punt 130 tas-sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet f’dawk il-punti għal ilment limitat ħafna tar-rikorrenti, ibbażat b’mod partikolari fuq sostituzzjoni illegali tal-motivi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw il-ġustifikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ ċerti materjali, bħall-iskistu u l-lavanja ta’ kwalità ħażina, it-tafal u l-iskart tal-kaolina tat-tafal plastiku, anki meta dawn jintużaw bħala granulat wara l-estrazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-għanijiet ambjentali segwiti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha sabiex tikkunsidra, f’dan il-kuntest biss, li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li dawk il-materjali “sal-lum [kienu] ftit li xejn użati bħala granulat minħabba l-ispejjeż ta’ trasport għoli tagħhom” ma kinitx ivvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li “l-inċentiv għall-użu ta’ materjali puri li sal-lum jintużaw ftit li xejn bħala granulat huwa […] koerenti mal-għan li jikkonsisti fir-razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-granulat” u li, għaldaqstant, “l-inċentiv sabiex jintużaw l-imsemmija materjali lanqas ma jdgħajjfu n-natura u l-ekonomija ġenerali ambjentali tal-AGL” (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punt 161; ara, wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mengozzi relattivi għal dik is-sentenza, Ġabra p. I-10521, punti 120 sa 122). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma esprimietx ruħha, f’dan il-kuntest, fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rijorjentazzjoni tad-domanda favur il-granulat li jirriżulta minn dawk il-materjali eżentati setgħetx tikkostitwixxi distinzjoni fiskali bi ħsara għal granulat li jirriżulta minn materjali ssuġġettati.

81

F’dawk il-kundizzjonijiet, għandu jintlaqa’ l-argument prinċipali tar-rikorrenti li jgħid li l-AGL twassal għal distinzjoni fiskali bejn, minn naħa, il-materjali eżentati tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, il-granulat sostitwibbli li jirriżultaw minn materjali ssuġġettati, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ilmenti u l-argumenti l-oħra li ġew invokati mir-rikorrenti f’dak ir-rigward.

82

Madankollu, dik id-distinzjoni fiskali tagħti lok għal vantaġġi selettivi favur ċerti impriżi jew produtturi biss sa kemm ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata min-natura u mill-ekonomija tas-sistema fiskali stabbilita mill-AGL (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

Fuq il-ġustifikazzjoni min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-AGL

83

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata li tikkunsidra li l-vantaġġi fiskali kkonstatati favur ċerti produtturi jew ċerti materjali kienu ġġustifikati min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-AGL, li tikkostitwixxi l-unika kuntest ta’ referiment rilevanti f’dan il-każ (ara l-punti 5, 29, 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll, il-punt 51 iktar ’il fuq).

84

F’dak ir-rigward, għandu jitfakkar li għall-finijiet ta’ dik l-evalwazzjoni, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet mogħtija lil sistema fiskali partikolari u li huma estranji għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali nnifisha li huma neċessarji sabiex jintlaħqu tali għanijiet, peress li dawk l-għanijiet u mekkaniżmi, bħala prinċipji fundamentali jew regolatorji tas-sistema fiskali inkwistjoni, jistgħu jsostnu tali ġustifikazzjoni, li għandha tintwera mill-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 80 u 81).

85

Kif ġie espost fil-punti 63 u 64 iktar ’il fuq, l-għan ambjentali tal-AGL huwa intiż essenzjalment sabiex jippromwovi devjazzjoni tad-domanda, fis-settur tal-kostruzzjoni, mill-granulat imsejjaħ “primarju” lejn il-granulat imsejjaħ “sekondarju”, li huwa prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra, kif ukoll lejn granulat “irriċiklat”, b’tali mod li dik id-definizzjoni ġenerali ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn materjali differenti li huma ta’ natura li jiġġeneraw tali granulat. Il-kriterji li jiddeterminaw in-natura “normali” tat-tassazzjoni prevista mill-AGL (ara l-punti 53 u 54 iktar ’il fuq) u dak l-għan jikkostitwixxu għalhekk il-prinċipji fundamentali jew regolatorji tal-liġi, li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni eventwali ta’ distinzjoni fiskali.

86

Issa, fid-dawl tal-elementi pprovduti mir-rikorrenti, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ma rnexxilhomx juru li d-distinzjoni fiskali li hija marbuta mal-eżenzjoni tal-granulat tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku u tal-iskistu hija ġġustifikata mill-prinċipju ta’ tassazzjoni “normali” li fuqu hija mibnija l-AGL jew fid-dawl tal-għan ambjentali tal-AGL.

87

Minn naħa, dik id-distinzjoni fiskali tidderoga b’mod ċar mil-loġika tat-tassazzjoni normali tal-AGL, peress li l-granulat kollu tal-materjali eżentati jikkostitwixxi, tal-inqas potenzjalment, “granulat” issuġġettat għall-isfruttar kummerċjali fis-sens tal-liġi.

88

Min-naħa l-oħra, dik id-distinzjoni fiskali hija ta’ natura li tippreġudika l-għan ambjentali tal-AGL minn żewġ lati.

89

Fl-ewwel lok, bla ħsara għal prova kuntrarja li ma ġietx prodotta sal-lum la mill-Kummissjoni u lanqas mir-Renju Unit, l-eżenzjoni tal-granulat tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku u tal-iskistu tista’ toħloq, fis-settur tal-kostruzzjoni, domanda iktar qawwija għal granulat “primarju” ta’ dak it-tip milli għal granulat “sekondarju” — jiġifieri prodotti sekondarji jew skart ta’ ċerti proċessi, inklużi dawk li jirriżultaw minn materjali oħra sostitwibbli iżda ssuġġettati għat-taxxa — u għalhekk tista’ tintensifika l-estrazzjoni tal-imsemmi granulat “primarju”, u dan ikun kontra l-għan ambjentali tal-AGL, li huwa intiż sabiex jinkoraġixxi l-użu tal-granulat “sekondarju” biss u sabiex jiġi evitat ir-rimi u l-istokkjar tiegħu (ara l-punt 78 iktar ’il fuq). F’dak ir-rigward, ħlief għal dikjarazzjoni ġenerali li tgħid li dawk il-materjali ma jikkostitwixxux “tradizzjonalment” jew “ġeneralment” granulat, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ma kinux f’pożizzjoni li jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti li jgħid li fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jeżistu diversi barrieri li jipproduċu granulat (“primarju”) tal-iskistu u tal-lavanja li għalhekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni bil-mod deskritt iktar ’il fuq.

90

Fit-tieni lok, b’dan il-mod, ma hijex iktar żgurata devjazzjoni effettiva u koerenti ta’ dik id-domanda lejn l-użu tal-granulat “sekondarju” tal-kategoriji kollha tal-materjali, jiġifieri l-prodotti sekondarji u l-iskart ta’ ċerti proċessi, jew ta’ granulat “irriċiklat”, biex b’hekk jiġi evitat ir-rimi ta’ dak il-granulat “sekondarju” u tiġi inċentivata estrazzjoni iktar effettiva tal-granulat “primarju” b’mod globali u mhux unikament ta’ dak li jirriżulta minn ċerti materjali eżentati. Issa, tali riżultat huwa manifestament inkompatibbli mal-għan ambjentali tal-AGL kif invokat mir-Renju Unit. Barra minn hekk, f’dawk il-kundizzjonijiet, l-effett potenzjalment benefiku għall-ambjent, fid-dawl ta’ dak l-istess għan, li jikkonsisti fl-eżawriment, fl-ewwel lok, tal-istokkijiet eżistenti tal-granulat “sekondarju” tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku u tal-iskistu, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika d-distinzjoni fiskali kkonstatata, peress li, ġaladaba mhux limitat biż-żmien, dak l-effett jista’, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja li, f’dan il-każ, ma ġietx prodotta mir-Renju Unit, jiġġenera problemi simili ta’ stokkjar tal-iskart tal-granulat li jirriżulta minn materjali oħra ssuġġettati għat-taxxa, li fir-rigward tagħhom id-domanda għalihom ġiet minn issa ’l quddiem iddevjata, u dan ukoll imur kontra l-għan ambjentali tal-AGL.

91

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, li jindikaw l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tikkonkludi, fil-punti 34 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-vantaġġi li setgħu jirriżultaw favur ċerti impriżi minħabba d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL huma ġġustifikati min-natura u [mill-]ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali” inkwistjoni.

92

Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, b’tali mod li jeħtieġ li jintlaqa’ l-ewwel motiv sa fejn dan jirrigwarda l-eżistenza ta’ distinzjoni fiskali mwettqa mill-AGL u n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni f’dak ir-rigward min-natura u mill-ekonomija tas-sistema fiskali inkwistjoni.

93

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra bħala neċessarju li hija tevalwa l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna sa fejn dan jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tal-granulat, li tikkonċerna aspett tad-deċiżjoni kkontestata li ma huwiex ikkonċernat mill-ilment milqugħ fil-punt preċedenti.

Fuq l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tal-granulat

94

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 16(2) tal-liġi, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-AGL huwa limitat għat-territorju tar-Renju Unit, bil-konsegwenza li kull kummerċjalizzazzjoni tal-granulat li ssir barra dak it-territorju, jiġifieri kull tranżazzjoni ekonomika marbuta mal-isfruttar tiegħu, hija eżentata mit-taxxa [ara wkoll l-Artikolu 13(2)(a) tar-regoli ta’ eżekuzzjoni tal-liġi]. F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li r-rikorrenti stiednet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċċensura r-raġunament li jinsab fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata li jgħid li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma humiex f’pożizzjoni li jikkontrollaw l-esportazzjonijiet tal-granulat, liema ħaġa twassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ trattament ugwali tal-granulat esportat (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

95

Bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tinkludix vantaġġ selettiv favur ċerti impriżi jew produtturi, jeħtieġ li jiġi evalwat, b’mod konformi mal-prinċipju ddikjarat fil-punt 47 iktar ’il fuq, fl-ewwel lok, jekk il-granulat esportat u l-granulat ikkummerċjalizzat fit-territorju tar-Rejnu Unit jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli jekk mhux identiċi.

96

F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tagħha li jinsab fil-punti 174 sa 178 tas-sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jeżisti żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 253 KE dwar l-interpretazzjoni tal-portata tal-motivazzjoni esposta fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza annullata, punt 1 iktar ’il fuq, punt 150). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod partikolari li dik il-motivazzjoni “tirreferi għalhekk għan-nuqqas ta’ trattament ugwali li tirriżulta, fin-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-granulat esportat, minħabba l-fatt li l-granulat li jiġi kkummerċjalizzat fir-Renju Unit huwa eżentat sa kemm dan jintuża għal ċerti skopijiet, filwaqt li l-granulat użat għall-istess skopijiet fl-Istat tal-importazzjoni jiġi ssuġġettat għall-AGL minħabba n-nuqqas ta’ mezzi ta’ kontroll tal-awtoritajiet [tar-Renju Unit] fuq l-użu tal-granulat barra mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru” (sentenza tal-appell, punt 8 iktar ’il fuq, punt 176).

97

Kif indikat il-Kummissjoni fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-għan tal-AGL, li tipprevedi li tintaxxa biss il-materjali użati bħala granulat, għandu jiġi kkonstatat li l-materjali kkummerċjalizzati fir-Renju Unit u dawk esportati ’l barra jinsabu effettivament f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-fatt li, wara esportazzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tassazzjoni determinanti, jiġifieri l-isfruttar kummerċjali bħala granulat, fil-prinċipju, ma jibqax iktar verifikabbli mill-awtoritajiet [tar-Renju Unit]. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu, jew ikun diffiċli għalihom li jiddeterminaw jekk materjal esportat jistax jintuża u jiġi sfruttat bħala granulat, jekk dan isirx realment jew jekk jintużax għal għanijiet oħra, u dan ikun jiddependi wkoll fuq speċifikazzjonijiet regolamentarji applikabbli fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. F’dak ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li huwa partikolarment faċli għall-awtoritajiet tar-Renju Unit li jidentifikaw il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tal-materjali maħsuba għall-esportazzjoni biex għalhekk jiġi ddeterminat jekk humiex adatti jew le sabiex jintużaw fil-proċessi li jippermettu li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-AGL. Anki jekk jiġi preżunt li dan kuwa l-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni bħala “granulat” jew bħala materjal eżentat ma tiddependix b’mod preċiż fuq dawk il-proprjetajiet, iżda, b’mod partikolari, fuq esklużjoni li ssir fuq bażi ta’ każ b’każ ta’ ċerti materjali identifikati b’isimhom jew li jirriżultaw minn ċerti proċessi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL. Barra minn hekk, il-fatt li l-materjali esportati u dawk ikkummerċjalizzati fir-Renju Unit ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli hija kkonfermata fid-dawl tal-għan ambjentali tal-AGL (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), peress li, fil-każ tal-esportazzjoni, il-leġiżlatur u l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jkunux f’pożizzjoni li jorjentaw mill-ġdid, permezz ta’ tassazzjoni differenzjata, id-domanda għall-granulat b’mod konformi ma’ dak l-għan.

98

Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li 90 % tal-granulat esportat u għalhekk eżentat joriġina minn barriera tal-granit, li tinstab f’Glensanda fl-Iskozja, u ma jistax jintuża fi proċessi eżentati fir-Renju Unit ma huwiex stabbilit. Madankollu, anki jekk jiġi hekk preżunt, dak l-argument ma huwiex suffiċjenti sabiex jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 97 iktar ’il fuq. Fil-fatt, anki jekk, fil-każ tal-isfruttar kummerċjali tagħhom bħala granulat fir-Renju Unit, dawk il-materjali kienu suġġetti għat-taxxa, dak l-argument ma huwiex ta’ natura li juri li l-awtoritajiet tar-Renju Unit huma f’pożizzjoni li jivverifikaw li, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, il-materjali esportati jinsabu f’sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt li fiha, li kieku huma kienu s-suġġett tal-istess sfruttar fir-Renju Unit, huma kienu jkunu ssuġġettati għall-AGL.

99

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, ir-rikorrenti ma wrietx li l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tagħti lok għal distinzjonijiet fiskali li jistgħu jikkostitwixxu vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk dik l-eżenzjoni hijiex ta’ natura li tinkoraġġixxi l-isfruttar tal-granulat “primarju” u għalhekk li tipproduċi konsegwenzi kuntrarji għall-għan ambjentali tal-AGL li jistgħu jiġu ġġustifikati min-natura u mill-ekonomija tagħha.

100

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma writex li l-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat minn żball sa fejn dan jikkonstata, minn naħa, in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ kontroll mill-awtoritajiet tar-Renju Unit tal-“użu tal-granulat barra mit-territorju tiegħu” u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġi “evitat trattament inekwu tal-esportazzjonijiet tal-granulat”.

101

Għaldaqstant, dak l-ilment għandu jiġi miċħud. Madankollu, dan ma jpoġġix indiskussjoni l-illegalità tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-punt 43 tagħha, li jiddikjara li l-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront tal-AGL fl-intier tagħha, minħabba li l-“kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa ġġustifikat mil-loġika u [min-]natura tas-sistema fiskali” inkwistjoni.

102

Fid-dawl tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna, kif ikkonstatati fil-punti 51 sa 92 iktar ’il fuq, jeħtieġ għalhekk li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni tal-eżenzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq, li ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, minħabba ksur tal-Artikolu 87(1) KE, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni, it-tielet, u r-raba’ motiv.

Fuq l-ispejjeż

103

Fis-sentenza tal-appell tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha sostnuti fil-proċeduri differenti, b’mod konformi mal-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura.

104

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, jeħtieġ li hija tiġi kkundannata għall-ispejjez sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, b’mod konformi mat-talbiet tar-rikorrenti.

105

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom. Isegwi li r-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 1478 finali, tal-24 ta’ April 2002, dwar il-fajl tal-għajnuna mill-Istat Nru 863/01 — Ir-Renju Unit/Taxxa fuq il-granulat, hija annullata, bl-eċċezzjoni tal-eżenzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn British Aggregates Association quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

 

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

 

Azizi

Labucka

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2012.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċeduri kkontestati u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

1. Osservazzjonijiet preliminari

 

2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

 

Sinteżi tal-osservazzjonijiet tal-partijiet wara r-rinviju

 

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE

 

Fuq il-kriterji li jirregolaw in-natura selettiva tal-vantaġġ

 

Fuq it-tassazzjoni “normali” msemmija mill-AGL

 

Fuq l-eżistenza ta’ distinzjonijiet fiskali magħmula mill-AGL

 

– Fuq il-kriterji li jirregolaw il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni

 

– Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-granulat tat-tafal, tal-lavanja, tal-kaolina, tat-tafal plastiku (tafal tal-balla) u tal-iskistu mas-sitwazzjonijiet ta’ granulat ieħor

 

– Fuq id-distinzjoni fiskali bejn sitwazzjonijiet paragunabbli

 

Fuq il-ġustifikazzjoni min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-AGL

 

Fuq l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tal-granulat

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq