Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006TJ0011

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) tal-5 ta' Ottubru 2011.
    Romana Tabacchi Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq - Parteċipazzjoni fil-ksur - Tul tal-ksur - Multi - Ċirkustanzi attenwanti - Limitu massimu ta' 10 % mid-dħul mill-bejgħ - Trattament ugwali - Ġurisdizzjoni sħiħa.
    Kawża T-11/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-06681

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2011:560

    Kawża T-11/06

    Romana Tabacchi Srl

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Parteċipazzjoni fil-ksur — Tul tal-ksur — Multi — Ċirkustanzi attenwanti — Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ — Ugwaljanza fit-trattament — Ġurisdizzjoni sħiħa”

    Sommarju tas-sentenza

    1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq — Assenza — Rwol primarju tal-kriterju bbażat fuq in-natura tal-ksur

    (Artikolu 81(1)(a) u (b) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    2.      Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Natura ġuridika

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ksur serju ħafna

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Effett ta’ prattika antikompetittiva — Kriterju mhux determinanti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ishma fis-suq miżmuma mill-impriża kkonċernata

    (Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impatt konkret fuq is-suq — Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Iffissar tal-multa proporzjonalment għall-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    8.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

    (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

    9.      Proċedura — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Motiv ġdid — Kunċett

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

    10.    Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Applikabbiltà tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

    (Artikolu 81(1) KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1))

    11.    Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni

    (Artikolu 81(1) KE)

    12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-realtà ekonomika fiż-żmien tal-ksur

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji — Kundizzjonijiet — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

    14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Theddid u pressjoni subiti minn impriża — Esklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

    15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża — Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel inċiż tal-punt 3)

    16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impriżi kkonċernati li huma parti mill-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju — Assenza ta’ effett

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, il-ħames paragrafu tal-punt 1 A)

    17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tieni inċiż tal-punt 3)

    18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Evalwazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

    19.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Distinzjoni bejn ammont finali u ammont intermedju tal-multa — Konsegwenzi

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    20.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata — Teħid inkunsiderazzjoni — Obbligu — Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

    21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa

    (Artikolu 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

    22.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

    1.      L-Artikolu 81(1)(a) u (b) KE jiddikjara espressament li huma inkompatibbli mas-suq komuni l-akkordji u l-prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ tranżazzjoni jew fil-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tas-swieq. Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkunu jikkonsistu f’akkordji orizzontali, huma kkwalifikati bħala partikolarment serji meta jkollhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, jew fil-ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    Skont il-metodu stabbilit mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni. Madankollu, dawn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, biex tikkaratterizza l-ksur “serju ħafna”. Min-naħa l-oħra, la l-impatt konkret fuq is-suq u lanqas id-daqs tas-suq ġeografiku ma jikkostitwixxu elementi neċessarji għall-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezzijiet. B’hekk, l-akkordji orizzontali ta’ dan it-tip jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

    (ara l-punti 67, 69, 74, 76-78)

    2.      Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-imsemmija Linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi.

    B’hekk, għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja, f’każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet.

    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ppreċiżat, permezz tal-Linji gwida, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju globalment skont iċ-ċirkustanzi pertinenti kollha, inklużi elementi li ma jissemmewx espressament fil-Linji gwida.

    (ara l-punti 71-73)

    3.      L-ammont bażiku minimu ta’ EUR 20 miljun stabbilit mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għal dak li jirrigwarda l-ksur serju ħafna, jirreferi għal impriża waħda u mhux għal għadd ta’ impriżi li jkunu kkommettew ksur.

    (ara l-punt 86)

    4.      F’dak li jirrigwarda l-impatt konkret fuq is-suq ta’ prattika restrittiva li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa imposta għal tali ksur, it-tul taż-żmien tal-elementi kollha li huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fosthom l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, is-sehem ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li huma setgħu kisbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-prodotti kkonċernati kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dak it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, kriterju determinanti fid-determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, b’mod partikolari meta dan ikun ksur intrinsikament serju, bħat-tqassim tas-swieq.

    (ara l-punt 90)

    5.      Is-sehem tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq li kien suġġett għal prattika restrittiva fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkostitwixxi, anki fl-assenza ta’ prova ta’ effett konkret tal-ksur fis-suq, element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tar-responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom fir-rigward tal-potenzjal ta’ din il-prattika li tagħmel ħsara lill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni. B’hekk, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa l-ishma tas-suq li jkollha impriża huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li hija setgħet teżerċita fuq is-suq.

    (ara l-punt 97)

    6.      Sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett konkret lill-intenzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni bħal żieda fil-prezzijiet fis-suq ikkonċernat li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa.

    (ara l-punti 99, 100)

    7.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni biex tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni biex tevalwa l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward għandha tapplika dawk l-elementi b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta tiffissa l-ammont bażiku tal-multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għal EUR 10 miljuni, peress li dan il-ksur jikkostitwixxi ksur serju ħafna u volontarju tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-imsemmi ammont jiġi ffissat f’livell nettament inqas mil-limitu minimu previst mil-Linji gwida għal dan it-tip ta’ akkordju.

    (ara l-punti 104, 105, 107)

    8.      Fil-kuntest tal-iffissar tal-multi abbażi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkwantifika l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur.

    F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha biex tieħu din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew indirizzati matul il-proċedura amministrattiva.

    F’dak li jirrigwarda deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju.

    (ara l-punti 109, 233)

    9.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-tressiq ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. F’dan ir-rigward, motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ argument diġà mressaq, b’mod dirett jew impliċitu, u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

    (ara l-punt 124)

    10.    Huwa oneru tal-Kummissjoni li tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda wkoll it-tul ta’ żmien tiegħu. B’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi neċessarji sabiex tintwera, b’mod korrett, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. L-eżistenza ta’ dubju fil-moħħ tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma għandhiex tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod korrett jekk ikun għadu jippersisti dubju f’moħħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors li jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li huma protetti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni u li ġie kkristallizzat fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi. B’hekk huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni soda li l-ksur twettaq.

    Kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji meta mqabbla ma’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-medda ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit.

    (ara l-punti 129, 130, 143)

    11.    Huwa normali li l-attivitajiet involuti fl-akkordji antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħal minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Barra minn hekk, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi.

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża inkwistjoni tkun ħadet sehem f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma tkun opponiet b’mod manifest, biex tiġi pprovata b’mod sodisfaċenti l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompettittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat fi spirtu differenti minn tagħhom. Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni twettaq żball ta’ evalwazzjoni jekk tistabbilixxi l‑parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fl-assenza ta’ indizji suffiċjenti f’dan is-sens.

    (ara l-punti 131, 132, 158, 165, 166)

    12.    Fir-rigward tal-għażla tas-sena ta’ riferiment sabiex jiġi stabbilit il-piż relattiv tal-impriżi, fil-qasam ta’ akkordju li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għalkemm il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedu, fir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-punt 1 A, trattament differenzjat tal-impriżi skont l-importanza ekonomika tagħhom, huma ma jindikawx fir-rigward ta’ liema sena għandu jiġi stabbilit il-piż relattiv tal-impriżi.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata tagħżel metodu ta’ kalkolu li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tas-setgħa ekonomika ta’ kull impriża kkonċernata kif ukoll tad-daqs tal-ksur imwettaq minn kull waħda fosthom, skont ir-realtà ekonomika li kienet teżisti fiż-żmien meta twettaq l-imsemmi ksur. Barra minn hekk, għandu jiġi ddelimitat il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li d-dħul mill-bejgħ, jew l-ishma tas-suq, miksuba jkunu wkoll kemm jista’ jkun komparabbli. Minn dan isegwi li s-sena ta’ riferiment mhux bilfors trid tkun l-aħħar sena sħiħa li matulha jkun baqa’ għaddej il-ksur.

    (ara l-punti 176, 177)

    13.    Il-metodu li jikkonsisti f’li l-membri li jkunu pparteċipaw f’akkordju jitqassmu f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, metodu li l-prinċipju warajh ġie, barra minn hekk, ikkonvalidat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, anki minkejja li jinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija, iġib miegħu l-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont bażiku għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija.

    Madankollu, tali tqassim f’kategoriji għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Sabiex jiġi vverifikat jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

    F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq li jkollha impriża membru ta’ akkordju fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur ikkonstatat sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tagħha f’suq partikolari kif ukoll il-portata tal-ksur imwettaq minnha, hija għandha madankollu tiżgura li l-ishma tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi involuti jirriflettu b’mod korrett ir-realtà ekonomika kif tkun tidher fiż-żmien meta jitwettaq il-ksur. Issa, bħala regola ġenerali, fil-każ ta’ ksur għal żmien twil, huwa biss meta l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, kif meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, tkun tikkoinċidi mat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi li l-ishma tas-suq relatati ma’ dik is-sena jkunu ta’ natura li jservu bħala indikaturi rilevanti f’dan ir-rigward u li jippermettu li jinkisbu riżultati kemm jista’ jkun komparabbli, b’mod speċjali sabiex l-impriżi involuti jitqassmu f’kategoriji.

    (ara l-punti 180-182, 184, 186)

    14.    L-eżistenza ta’ theddid u pressjoni li jwasslu lil impriża biex tipparteċipa fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tagħmilx parti miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA. Il-pressjoni eżerċitata mill-impriżi bil-għan li jiġu mġiegħla impriżi oħrajn sabiex jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma teżentax, irrispettivament minn kemm tkun kbira, lill-impriża kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq, ma tibdel bl-ebda mod il-gravità tal-akkordju u ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, peress li l-impriża kkonċernata setgħet tiddenunzja l-pressjoni kontriha u tippreżenta lment dwarhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni tali theddid bħala ċirkustanza attenwanti.

    (ara l-punti 211-213)

    15.    Fost l-elementi li jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, li jistgħu jiġġustifikaw tnaqqis ta’ multa skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri l-oħra tal-akkordju, kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li fih seħħ il-ksur, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fih, jew inkella l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. Barra minn hekk, ir-“rwol esklużivament passiv” ta’ membru ta’ akkordju jimplika l-adozzjoni minnu ta’ “profil baxx”, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni tal-akkordji antikompetttivi.

    F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li, matul ċerti perijodi tal-akkordju, jew fir-rigward ta’ ċerti akkordji tagħha, l-impriża kkonċernata tkun adottat profil baxx. Għalhekk, il-fatt li wieħed isejjaħ il-laqgħat, jipproponi aġenda, u jqassam id-dokumenti preparatorji għal-laqgħat huwa inkompatibbli ma’ rwol passiv ta’ segwaċi li jadotta profil baxx. Dawn l-inizjattivi juru attitudni favorevoli u attiva tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-elaborazzjoni, il-kontinwazzjoni u l-kontroll tal-akkordju.

    Barra minn hekk, meta impriża tkun ipparteċipat, anki mingħajr ma tiżvolġi rwol attiv, f’laqgħat bi skop antikompetittiv, hija għandha titqies li pparteċipat fl-akkordju sakemm ma tressaqx prova li ddistakkat ruħha apertament mill-ftehim illeċitu. Fil-fatt, permezz tal-preżenza tagħha għal-laqgħat, l-impriża taderixxi jew ta’ mill-inqas iġġiegħel lill-parteċipanti l-oħrajn jemmnu li hija qiegħda taderixxi fil-prinċipju mal-kontenut tal-akkordji antikompetittivi konklużi matul dawn il-laqgħat.

    (ara l-punti 217, 218, 220, 223, 225)

    16.    Il-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jippermetti lill-Kummissjoni żżid il-multi għall-impriżi l-kbar, iżda ma jeħtieġx li jitnaqqsu dawk iffissati għall-impriżi ta’ daqs żgħir. Id-daqs tal-impriża hu, fil-fatt, meħud inkunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1 u fid-dispożizzjonijiet tal-Linji gwida. Minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet rigward id-daqs, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jittratta impriżi ta’ daqs żgħir jew medju b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l-impriżi jkunu impriżi ta’ daqs żgħir jew medju ma jeżentahomx mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jitlobx li, meta jiġu imposti multi fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma tkunx iktar, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, minn dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-gravità u t-tul tal-ksur.

    (ara l-punti 226, 228, 260)

    17.    Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ akkordju skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ħlief jekk l-impriża li tinvoka n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordju tkun tista’ turi li hija opponiet b’mod ċar u b’mod rilevanti l-implementazzjoni ta’ dak l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet il-funzjonament tiegħu, u li hija ma dehritx li qiegħda taderixxi għall-akkordju u b’hekk ħeġġet lil impriżi oħrajn jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 240, 241)

    18.    Fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma hemmx indikat li l-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra separatament kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 tal-imsemmija Linji gwida. Minn dan isegwi, li hija ma hijiex obbligata tagħti tnaqqis supplimentari fuq din il-bażi b’mod awtomatiku, u li l-adegwatezza ta’ tnaqqis tal-multa fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

    (ara l-punt 242)

    19.    Il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali, previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu għan distint u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul ta’ żmien tal-ksur, jiġifieri li jiġi evitat li ma jiġux imposti multi meta jkun prevedibbli li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom, kif iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, mhux ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsuhom. B’hekk, dan il-limitu huwa applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u artikolat skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom u huwa intiż biex jiġu evitati multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat. L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu hija li l-ammont tal-multa kkalkolata fuq il-bażi tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul ta’ żmien tal-ksur jitnaqqas għal-livell massimu awtorizzat meta jaqbeż dan tal-aħħar. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx it-totalità tal-multa li, fil-prinċipju, tkun dovuta abbażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq dawn il-kriterji.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tirreferi, matul il-kalkolu tagħha, għal ammont intermedju li jkun ogħla minn dan il-limitu, anki jekk il-multa fl-aħħar nett imposta ma taqbżux. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata, f’xi stadju tal-applikazzjoni tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, tiżgura li l-ammonti intermedji tal-multi applikati jirriflettu kull differenza li tkun teżisti bejn id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma hija obbligata tiżgura li l-ammonti finali tal-multi li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha għall-impriżi jirriflettu kull differenza bejnhom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

    (ara l-punti 257, 259)

    20.    Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, meta tiddetermina l-ammont tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni l-qagħda finanzjarja prekarja tal-impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal biex jingħata vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat lill-impriżi li jkunu l-inqas adatti għall-kundizzjonijiet tas-suq.

    (ara l-punt 258)

    21.    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni li tippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors ta’ annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha, u konsegwentement, li tirriforma l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali, billi tiġi mmodifikata b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha.

    Min-natura tiegħu stess, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida tagħha fil-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA meta hija tiddeċiedi permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

    (ara l-punti 265, 266)

    22.    Il-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE, kif previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandhom l-għan li jrażżnu l-atti illeċiti tal-impriżi kkonċernati kif ukoll li jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed jinsab fl-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, u s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-imsemmija impriża.

    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija. Għalhekk il-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli tal‑kompetizzjoni, u l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat b’mod globali, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu.

    (ara l-punti 279, 280)







    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    5 ta’ Ottubru 2011 (*)

    “Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Parteċipazzjoni fil-ksur – Tul tal-ksur – Multi – Ċirkustanzi attenwanti – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

    Fil-Kawża T‑11/06,

    Romana Tabacchi Srl, li qabel kienet Romana Tabacchi SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa u G. C. Rizza, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u F. Amato, sussegwentement minn É. Gippini Fournier u V. Di Bucci, u fl-aħħar nett minn É. Gippini Fournier u L. Malferrari, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4012 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja), u, min-naħa l-oħra, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

    komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1        Ir-rikorrenti, Romana Tabacchi Srl, hija kumpannija Taljana li attwalment qiegħda tiġi stralċata, li l-attività prinċipali tagħha hija l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum. Fil-mument meta seħħew il-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, l-uniċi azzjonarji tar-rikorrenti kienu l-konjugi B., li kellhom – u għad għandhom sal-lum – l-ishma kollha konġuntament.

    1.     Il-proċedura amministrattiva

    2        Fil-15 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej indirizzat talbiet għal informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament ta’ applikazzjoni tal-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), rigward is-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum, lill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-proċessuri u tal-produtturi tat-tabakk Taljani, jiġifieri, rispettivament, lill-Associazione professionale trasformatori tabacchi italiani (APTI, Assoċjazzjoni professjonali tal-proċessuri ta’ tabakk mhux maħdum Taljani) u lill-Unione italiana tabacco (Unitab, Unjoni Taljana tat-tabakk).

    3        Fid-19 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità mill-multi min-naħa ta’ Deltafina SpA, proċessur membru tal-APTI, skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Kooperazzjoni”). Fis-6 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni tatha immunità kundizzjonali b’applikazzjoni tal-punt 15 tal-avviż imsemmi.

    4        Fl-4 ta’ April 2002, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità minn kull multa, abbażi tal-punt 8 tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis ta’ kull multa, abbażi tal-punti 20 sa 27 tal-avviż imsemmi, min-naħa ta’ Dimon Italia, kif ukoll talba għal tnaqqis ta’ kull multa, bis-saħħa tal-istess dispożizzjoni, min-naħa ta’ Transcatab SpA (sussidjarja ta’ Standard Commercial Corp., iktar ’il quddiem “SCC”).

    5        Fit-18 u fid-19 ta’ April 2002, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab, kif ukoll fil-bini ta’ Trestina Azienda Tabacchi SpA u tar-rikorrenti.

    6        Fit-8 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lil Dimon Italia u lil Transcatab li, peress li dawn kienu rispettivament l-ewwel u t-tieni impriża li pprovdew provi tal-ksur għall-finijiet tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni, hija kellha l-ħsieb li, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, tnaqqas l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom fir-rigward tal-ksur eventwalment ikkonstatat.

    7        Fil-25 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija indirizzat lil għaxar impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, fosthom Deltafina, Dimon Italia, Transcatab u r-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“proċessuri”) kif ukoll il-kumpanniji parent ta’ wħud fosthom, b’mod partikolari Universal Corp., Dimon u SCC. Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellhom aċċess għall-fajl amministrattiv, permezz ta’ kopja fuq CD-ROM li ntbagħtet lilhom mill-Kummissjoni, u bagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub b’risposta għall-oġġezzjonijiet invokati minnha. Sussegwentement, saret seduta fit-22 ta’ Ġunju 2004.

    8        Wara l-adozzjoni, fil-21 ta’ Diċembru 2004, ta’ addendum għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-25 ta’ Frar 2004, saret seduta oħra fl-1 ta’ Marzu 2005.

    9        Wara li kkonsultat mal-Kumitat konsultattiv dwar l-akkordji u l-pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2005, id-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Frar 2006 (ĠU L 353, p. 45).

    2.     Id-deċiżjoni kkontestata

    10      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, fl-ewwel lok, akkordju orizzontali implementat mill-proċessuri fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    11      Il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest ta’ dan l-akkordju, matul il-perijodu bejn l-1995 u l-bidu tal-2002, il-proċessuri kienu ffissaw il-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja, kemm fir-rigward tax-xiri dirett mill-produtturi kif ukoll tax-xiri mingħand terzi persuni li jippakkjaw, b’mod partikolari permezz tal-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    12      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, fit-tieni lok, żewġ każijiet ta’ ksur oħra, distinti mill-akkordju implementat mill-proċessuri, li seħħew bejn il-bidu tal-1999 u l-aħħar tal-2001 u li kienu jikkonsistu, fil-każ tal-APTI, fl-iffissar tal-prezzijiet tal-kuntratti li kienet sejra tinnegozja, f’isem il-membri tagħha, għall-konklużjoni tal-ftehim interprofessjonali mal-Unitab, u, fil-każ ta’ din tal-aħħar, fl-iffissar tal-prezzijiet li kienet sejra tinnegozja mal-APTI, f’isem il-membri tagħha, għall-konklużjoni tal-istess ftehim.

    13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kull prattika tal-proċessuri kienet tikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 264 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

    14      Fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, hija attribwixxiet ir-responsabbiltà għall-akkordju lill-proċessuri kif ukoll lil Universal Corp., kumpannija parent ta’ Deltafina, u lil Alliance One International, Inc. (iktar ’il quddiem “Alliance One”), bħala l-kumpannija li ħarġet mill-fużjoni bejn Dimon u SCC. Hija kkonstatat ukoll, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-APTI u l-Unitab kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE billi adottaw deċiżjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet li kienu sejrin jinnegozjaw, f’isem il-membri tagħhom, għall-konklużjoni ta’ ftehim interprofessjonali.

    15      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi fuq l-impriżi msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq kif ukoll fuq l-APTI u l-Unitab (ara l-punt 42 iktar ’il quddiem).

    16      Fil-premessi 356 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat il-multi li kellhom jiġu imposti fuq id-destinatarji tagħha.

    17      L-ammonti tal-multi ġew iddeterminati mill-Kummissjoni skont il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ kriterji msemmija espliċitament fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (premessi 356 u 357 tad-deċiżjoni kkontestata).

     Iffissar tal-ammont bażiku tal-multi

     Gravità

    18      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni fakkret li biex tevalwa dan il-fattur kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata).

    19      Il-Kummissjoni tindika, sussegwentement, li l-produzzjoni tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja tikkorrispondi għal 38 % tal-produzzjoni taħt il-kwota fl-Unjoni Ewropea, li kienet tirrappreżenta EUR 67 338 miljun fl-2001, jiġifieri fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur (premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

    20      Fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat li dan kien serju ħafna, peress li jikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri ta’ varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum fl-Italja kif ukoll it-tqassim tal-kwantitajiet mixtrija. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll, waqt li rreferiet għall-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-analiżi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (premessi 272 et seq), li akkordju dwar ix-xiri jista’ joħloq distorsjoni fir-rieda tal-produtturi li jiġġeneraw ċertu redditu waqt li fl-istess ħin jillimita l-kompetizzjoni bejn il-proċessuri fis-swieq downstream. Hija affermat ukoll li dan kien partikolarment il-każ meta, bħal fil-każ preżenti, il-prodott li jkun is-suġġett tal-akkordju, f’dan il-każ it-tabakk mhux maħdum, ikun jikkostitwixxi “input” importanti għall-attivitajiet eżerċitati mill-parteċipanti downstream, f’dan il-każ l-ewwel ipproċessar tat-tabakk u l-bejgħ ta’ tabakk ipproċessat (premessi 367 u 368 tad-deċiżjoni kkontestata).

    21      Fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet mill-premessi preċedenti li l-ksur imwettaq mill-proċessuri kellu jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna.

     Trattament differenzjat

    22      It-tieni nett, fil-premessi 370 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-“kobor speċifiku” u tad-“dissważjoni”. F’dan ir-rigward, hija indikat li, meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, irid jiġi kkunsidrat il-“piż speċifiku ta’ kull impriża u r-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir illeċitu tagħha” (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

    23      B’hekk, il-Kummissjoni qieset li l-multi kellhom jiġu ffissati skont il-pożizzjoni fis-suq ta’ kull parti inkwistjoni (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

    24      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-każ ta’ Deltafina, l-ammont bażiku tal-multa kellu jkun l-ogħla, minħabba li din irriżultat li kienet l-ikbar xerrej, bis-sehem tas-suq tagħha ta’ madwar 25 % fl-2001 (premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

    25      Peress li Transcatab, Dimon Italia u Romana Tabacchi kellhom inqas ishma tas-suq inkwistjoni, madwar 9 sa 11 % fl-2001, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn “kellhom jinġabru flimkien” u li l-ammont bażiku tal-multa kellu jkun iktar baxx fil-każ tagħhom (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata).

    26      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li ammont bażiku li jirrifletti biss il-pożizzjoni fis-suq ma jkollux effett dissważiv biżżejjed fuq Deltafina, Dimon Italia(Mindo) u Transcatab, peress li, minkejja d-dħul mill-bejgħ relattivament limitat tagħhom, kull waħda kienet tappartjeni – jew, fil-każ ta’ Mindo, qabel kienet tappartjeni – lil gruppi multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli, li kienu l-ikbar negozjanti fit-tabakk fid-dinja u li kienu joperaw f’diversi livelli ta’ attività fi ħdan l-industrija tat-tabakk u fuq swieq ġeografiċi differenti (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

    27      Konsegwentement, sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li tapplika koeffiċjent moltiplikatur ta’ 1.5 – jiġifieri żieda ta’ 50 % – fuq l-ammont bażiku stabbilit għal Deltafina, u koeffiċjent moltiplikatur ta’ 1.25 – jiġifieri żieda ta’ 25 % – fuq l-ammont bażiku stabbilit għal Dimon Italia (Mindo) u Transcatab (premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata).

    28      Għalhekk, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multi kif ġej:

    –        Deltafina:      EUR 37.5 miljun;

    –        Transcatab:      EUR12.5 miljun;

    –        Dimon Italia (Mindo): EUR 12.5 miljun;

    –        Romana Tabacchi: EUR 10 miljun.

     Iffissar tal-ammont bażiku tal-multi

    29      Fil-premessi 377 sa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur.

    30      Hija kkunsidrat li l-akkordju implementat mill-proċessuri kien beda fid-29 ta’ Settembru 1995 u kien waqaf jeżisti, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, fid-19 ta’ Frar 2002. Fir-rigward tar-rikorrenti, b’mod partikolari, il-Kummissjoni semmiet li hija kienet ingħaqdet mal-akkordju f’Ottubru 1997 u li hija kienet issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha bejn il-5 ta’ Novembru 1999 u d-29 ta’ Mejju 2001, u mbagħad reġgħet ingħaqdet fid-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002. Peress li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur damet sentejn u tmien xhur, il-Kummissjoni dehrilha li kellha tapplika żieda ta’ 25 % għall-ammont bażiku tal-multa tagħha, waqt li żidiet ta’ 60 % ġew applikati għall-ammont bażiku tal-multi imposti kontra l-proċessuri l-oħrajn.

    31      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ġew stabbiliti kif ġej:

    –        Deltafina:      EUR 60 miljun;

    –        Transcatab:       EUR 20 miljun;

    –        Dimon Italia (Mindo): EUR 20 miljun;

    –        Romana Tabacchi: EUR 12.5 miljun.

     Ċirkustanzi attenwanti

    32      Fil-premessi 380 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti.

    33      Għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija “ma ħaditx sehem f’ċerti aspetti tal-akkordju (jiġifieri, prinċipalment, dawk li jirrigwardaw ix-xiri dirett mill-produtturi, fejn hija bdiet tixtri kwantitajiet limitati biss fl-2000)”. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, fl-1997, meta r-rikorrenti ngħaqdet mal-akkordju, is-sehem tagħha mis-suq kien żgħir. Fl-aħħar nett, hija ppreċiżat li l-“aġir tar-rikorrenti spiss kien fixkel l-għan tal-akkordju sal-punt li l-parteċipanti l-oħrajn kellhom jiddiskutu bejniethom ir-reazzjoni li kellha tittieħed kontra dan l-aġir”.

    34      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas bi 30 % l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

    35      Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti kollha li huma ppreżentaw biex jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti (premessi 381 sa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

    36      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Deltafina u kkonkludiet li l-multa tagħha kellha titnaqqas b’50 %, minħabba l-kooperazzjoni tagħha (premessi 385 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata).

    37      Il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multi wara l-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti skont kif ġej (premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata):

    –        Deltafina:            EUR 30 miljun;

    –        Dimon Italia (Mindo):       EUR 20 miljun;

    –        Transcatab:            EUR 20 miljun;

    –        Romana Tabacchi:       EUR 8.75 miljun.

     Limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

    38      Fil-premessi 400 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok li tadatta l-ammonti bażiċi kkalkolati għad-diversi destinatarji sabiex dawk l-ammonti ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    39      B’hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li l-multa imposta fuq Romana Tabacchi ma kellhiex teċċedi EUR 2.05 miljun u li ma kienx meħtieġ li l-multi l-oħra jitnaqqsu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (premessi 402 u 403 tad-deċiżjoni kkontestata).

     Applikazzjoni tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni

    40      Fil-premessi 405 sa 500 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni.

    41      Wara li kkonstatat li Dimon Italia u Transcatab kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet imposti fuqhom abbażi tat-talba tagħhom għal tnaqqis tal-multa, il-Kummissjoni ddeduċiet, mill-evalwazzjoni tal-provi mressqa u mill-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura, li huma kellhom jibbenefikaw mill-ogħla rata ta’ tnaqqis stabbilita fl-iskali li kienu ġew indikati lilhom wara t-talba għal tnaqqis tagħhom, jiġifieri rispettivament 50 % u 30 % (premessi 492 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, ma ngħatat l-ebda immunità jew tnaqqis fil-multa lil Deltafina.

     Ammont finali tal-multi

    42      B’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ffissat, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej:

    –        Deltafina u Universal, in solidum: EUR 30 miljun;

    –        Dimon Italia (Mindo) u Alliance One: EUR 10 miljuni; peress li Alliance One hija responsabbli għall-multa kollha u Mindo hija responsabbli in solidum għal EUR 3.99 miljun;

    –        Transcatab u Alliance One, in solidum: EUR 14-il miljun;

    –        Romana Tabacchi: EUR 2.05 miljuni;

    –        APTI: EUR 1 000;

    –        Unitab: EUR 1 000.

     Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    43      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-19 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

    44      Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum (Kawża T‑11/06 R), ir-rikorrenti ppreżentat, fuq il-bażi tal-Artikolu 242 KE u tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talba għal miżuri provviżorji sabiex, minn naħa, tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u min-naħa l-oħra, tiġi eżentata mill-obbligu li tagħti garanzija bankarja għall-ħlas tal-multa, bħala kundizzjoni talli ma tistax tkopriha immedjatament.

    45      B’Digriet tal-president tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni (T‑11/06 R, Ġabra p. II‑2491), l-obbligu tar-rikorrenti li tagħti garanzija bankarja lill-Kummissjoni biex jiġi evitat l-irkupru immedjat tal-multa imposta fuqha mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġie sospiż, taħt ċerti kundizzjonijiet, u l-ispejjeż ġew irriżervati.

    46      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu mogħti.

    47      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2010.

    48      B’ittri tas-7 u tal-10 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni rrispondew, rispettivament, għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali adottata matul is-seduta u ppreżentaw dokumenti.

    49      Fid-19 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ppreżentat dokumenti oħrajn, fuq talba tal-Qorti Ġenerali.

    50      Fit-8 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija dokumenti.

    51      Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, fil-parti dwar il-kalkolu tal-multa imposta fuqha; 

    –        sussidjarjament, tannulla l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

    –        tordna kull miżura oħra, inklużi miżuri struttorji, li l-Qorti Ġenerali jidhrilha li huma xierqa;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    52      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

     Id-dritt

    53      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv jallega nuqqas ta’ investigazzjoni, nuqqas ta’ motivazzjoni jew in-natura illoġika tagħha kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għal dak li jirrigwarda l-ommissjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, tal-assenza ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-natura illoġika tal-motivazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-gradazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa sabiex dan jiġi proporzjonat għall-piż speċifiku tar-rikorrenti. It-tielet motiv jallega nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ investigazzjoni kif ukoll ksur tal-oneru tal-prova, rigward il-konstatazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur. Ir-raba’ motiv jallega tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa abbażi tar-rwol “ta’ tfixkil” li żvolġiet ir-rikorrenti kif ukoll in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti oħrajn. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq in-natura inġusta u sproporzjonata tal-multa, fir-rigward tal-istruttura patrimonjali u l-kapaċità kontributtiva reali tar-rikorrenti f’kuntest soċjali partikolari.

    54      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina fl-ewwel lok l-ewwel motiv, sussegwentement it-tielet motiv, u fl-aħħar nett, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames motivi.

    1.     Fuq it-talba ta’ prova bix-xhud 

    55      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet li r-rikorrenti hemżet mar-rikors, bħala mezzi ta’ prova, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux li l-partijiet jippreżentaw tali dikjarazzjonijiet. Madankollu, l-evalwazzjoni tagħhom tibqa’ rriżervata għall-Qorti Ġenerali, li tista’, jekk il-fatti deskritti fihom ikunu kruċjali għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kwistjoni, tordna, fil-forma ta’ miżura istruttorja, is-smigħ bħala xhud tal-awtur ta’ tali dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 97). Issa, f’din il-kawża, fid-dawl tan-noti ppreżentati mill-partijiet, tad-dokumenti mdaħħla fil-proċess u tal-eżiti tas-seduta, il-Qorti Ġenerali jidhrilha li hija informata biżżejjed sabiex tkun tista’ tiddeċiedi din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 80).

    56      Għaldaqstant, it-talba għal miżuri provviżorji ppreżentata mir-rikorrenti hija miċħuda.

    2.     Fuq l-ewwel motiv, li jallega nuqqas ta’ investigazzjoni, nuqqas ta’ motivazzjoni jew in-natura illoġika tagħha kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għal dak li jirrigwarda l-ommissjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq

     L-argumenti tal-partijiet

    57      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni “l-assenza ta’ impatt konkret fuq is-suq” tal-akkordju. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħarġitx konsegwenzi, minn naħa, mill-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata), li jgħidu li l-prezzijiet imħallsa lill-produtturi għat-tabakk mhux maħdum ġew miżjuda fl-Italja sa grad ferm ogħla mill-medja Komunitarja, u min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju, li ma jirrappreżentawx iktar minn 55 % tas-suq, baqgħu inevitabbilment esposti għall-pressjoni kompetittiva intensa tal-proċessuri li ma aderixxewx mal-akkordju.

    58      Skont ir-rikorrenti, fil-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont il-prassi deċiżjonali tagħha approvata mill-ġurisprudenza, li tiddistingwi l-akkordji li jkollhom impatt konkret kunsiderevoli minn dawk li ma jkollhomx effetti jew li l-effetti tagħhom ikunu limitati. Il-Kummissjoni b’hekk għandha “obbligu pożittiv” li tikkwantifika l-impatt effettiv tal-akkordju fuq is-suq meta hija tistabbilixxi l-gravità tiegħu sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multi. L-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-“impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta dan ikun kwantifikabbli” jirriżulta espliċitament mit-test tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti, mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u mill-Artikolu 65(5) [CA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), li minnhom il-Kummissjoni ma setgħetx titwarrab.

    59      B’mod iktar partikolari, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur. B’hekk, minn naħa jirriżulta li, fil-każ ta’ akkordji bbażati b'mod partikolari fuq il-prezzijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-akkordji effettivament ippermettew lill-partijiet ikkonċernati jilħqu livell ta’ prezzijiet ogħla minn dak li kien jintlaħaq fin-nuqqas ta’ akkordju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-kundizzjonijiet oġġettivi kollha tas-suq inkwistjoni, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq il-prezzijiet ma kinitx impossibbli u l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tagħmel tali analiżi, kif jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tagħha dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    60      Skont r-rikorrenti, kunċett skematiku u mekkaniku tal-kalkolu tal-multi li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tal-ksur fuq is-suq ukoll imur kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Ir-rispett tal-ewwel prinċipju jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddistingwi l-multi skont l-impatt konkret tal-akkordji fuq is-suq, u li dawn jiġu ppenalizzati każ b’każ. Ir-rispett tat-tieni prinċipju jeħtieġ li meta tiġi kkalkolata l-multa, din tkun proporzjonata b’mod raġonevoli mal-impatt reali tal-aġir illeċitu u, b’mod partikolari, mal-preġudizzju kkawżat lill-klijenti u lill-konsumaturi finali, li f’din il-kawża kien ineżistenti. Effettivament, il-livell ta’ tali preġudizzju jikkostitwixxi l-ewwel kriterju distintiv bejn l-akkordji. Il-multa imposta għal akkordju li l-impatt reali tiegħu fuq is-suq ma jkunx sinjifikattiv u li ma joħloqx preġudizzju lill-klijenti tal-impriżi parteċipanti u lill-konsumaturi għandha tikkorrispondi mal-grad minimu tal-iskala tal-multi, inkluż għal ksur “serju ħafna”.

    61      Ir-rikorrenti tikkontesta, barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni fejn tgħid li l-ammont ta’ EUR 20 miljun, imsemmi fil-punt 1 A tal-linji gwida, jirrappreżenta l-ammont minimu tal-penali bażika applikabbli fil-prinċipju għall-impriża li jkollha l-iktar pożizzjoni importanti fis-suq ikkonċernat mill-ksur u mhux għall-impriżi kollha li jipparteċipaw fl-akkordju. Barra minn hekk, fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 – Tabakk mhux maħdum – Spanja), li hija simili għal din il-kawża, il-Kummissjoni dderogat mill-ammont minimu ta’ EUR 20 miljun.

    62      Barra minn hekk, il-kwalifikazjoni formali bbażata fuq id-distinzjoni “serju/serju ħafna” ma għandhiex ir-rilevanza li tagħtiha l-Kummissjoni, peress li s-suġġett tal-ilmenti mqajma mir-rikorrenti huwa r-riżultat finali tal-kalkolu tal-Kummissjoni fid-dawl tal-linji gwida tagħha. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta l-effetti fuq is-suq ikunu minimi, akkordju dwar il-prezzijiet jista’ wkoll jiġi kkwalifikat bħala ksur “serju”, minflok “serju ħafna”. Fl-aħħar nett, biex jiġi kkunsidrat b’mod adegwat l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni tista’ wkoll tnaqqas l-ammont iffissat abbażi tal-gravità b’relazzjoni mal-ammont minimu li normalment jiġi applikat fil-każ ta’ ksur “serju ħafna”.

    63      B’mod definittiv, fin-nuqqas ta’ provi tal-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kellha tiġi ffissata f’livell li jikkorrispondi għall-iktar grad baxx tal-iskala tal-multi xierqa għall-akkordji.

    64      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv ikun miċħud.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    65      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqajjem diversi lmenti, waqt li tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, meta ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, iċ-ċirkustanza li l-akkordju ma kellux impatt konkret fuq is-suq.

    66      F’dan ir-rigward, qabel ma tindirizza l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessarju li jitfakkru l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-iffissar tal-ammont tal-multi fil-qasam tal-akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE u, b’mod iktar partikolari, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

     Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali

    67      L-Artikolu 81(1)(a) u (b) KE jiddikjara espressament li huma inkompatibbli mas-suq komuni l-akkordji u l-prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ tranżazzjoni jew fil-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tas-swieq. Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkunu jikkonsistu f’akkordji orizzontali, huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala partikolarment serji meta jkollhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 675), jew fil-ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 109, u tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 303).

    68      Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandu jiġi impost għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien tiegħu.

    69      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 54, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 91).

    70      Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha li jiffissaw multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni adottat il-linji gwida (l-ewwel pararafu tal-linji gwida).

    71      Il-linji gwida huma strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 209 sa 213, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 219 u 223).

    72      B’hekk, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja, f’każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet (ara, f’dan s-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 209 u 210, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91).

    73      L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II-2223, punti 246, 274 u 275). Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ppreċiżat, permezz tal-linji gwida, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju globalment skont iċ-ċirkustanzi pertinenti kollha, inklużi elementi li ma jissemmewx espressament fil-linji gwida (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 237).

    74      Skont il-metodu stabbilit mil-linji gwida, fil-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt tat-tluq ammont determinat abbażi tal-gravità “intrinsika” tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-imsemmija gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A).

    75      F’dan il-kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri l-“ksur ftit serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, il-“ksur serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab lil hinn minn EUR 20 miljun (l-ewwel u t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A). F’dak li jirrigwarda l-ksur serju ħafna, il-Kummissjoni tippreċiża li essenzjalment dawn ikunu restrizzjonijiet orizzontali bħal “kartelli ta’ prezzijiet” u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiki oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal qsim tas-swieq nazzjonali jew abbuż ċar ta’ pożizzjoni dominanti minn impriżi li jkollhom monopolju virtwali (it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A).

    76      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imsemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, biex tikkaratterizza l-ksur “serji ħafna” (sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 101, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T-456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 137).

    77      Min-naħa l-oħra, la l-impatt konkret fuq is-suq u lanqas id-daqs tas-suq ġeografiku ma jikkostitwixxu elementi neċessarji għall-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, għalkemm dawn iż-żewġ kriterji huma elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dawn huma kriterji fost oħrajn għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 74 u 81, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punti 240 u 311, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 91).

    78      B’hekk, skont ġurisprudenza li issa wkoll saret stabbilita sew, jirriżulta mil-linji gwida li l-akkordji orizzontali li b’mod partikolari, bħal f’din il-kawża, jiffissaw il-prezzijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 75; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150).

    79      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur serju ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq, dik tal-ksur serju ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq (sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 137; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 178).

    80      Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza li għandhom jiġu analizzati d-diversi lmenti mqajma mir-rikorrenti.

     Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq fid-determinazzjoni tal-multa

    81      Ir-rikorrenti fl-ewwel lok tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

    82      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa imposta fuq id-diversi destinatarji abbażi tal-metodu ġenerali li hija imponiet fuqha stess fil-linji gwida, u dan anki jekk hija ma ssemmihomx espressament fid-deċiżjoni msemmija.

    83      Għal dak li jirrigwarda speċifikament in-natura tal-ksur inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-akkordju inkwistjoni kellu l-għan, b’mod partikolari, li jiġu ffissati b’mod komuni l-prezzijiet imħallsa mill-proċessuri għat-tabakk mhux maħdum kif ukoll it-tqassim tal-fornituri u tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum. Dawn il-prattiki jikkostitwixxu restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell ta’ prezzijiet” fis-sens tal-linji gwida u għaldaqstant huma “serji ħafna” min-natura tagħhom stess. Kif tfakkar fil-punt 67 iktar ’il fuq, l-akkordji ta’ dan it-tip huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni jew ksur partikolarment serju meta dawn ikollhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fuq is-suq inkwistjoni.

    84      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tikkwalifika l-akkordju bħala ksur serju ħafna fuq il-bażi tan-natura proprja tiegħu, u dan indipendentement mill-impatt konkret fuq is-suq (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, is-sentenza Erste Groupe Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 103).

    85      Matul is-seduta, ir-rikorrenti madankollu affermat, bil-kontra ta’ dak li argumentat fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, li hija ma kinitx qed tikkontesta l-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna bħala tali. B’hekk, hija ppreċiżat il-portata tal-ilment tagħha kif ġej. Sostanzjalment, hija sostniet li l-limitu minimu ta’ EUR 20 miljun stabbilit mil-linji gwida għall-ksur serju ħafna japplika għall-valur tal-penali totali għall-impriżi kollha li ħadu sehem fl-akkordju. Peress li l-Kummissjoni ffissat, f’dan il-każ, ammont bażiku totali ta’ EUR 55 miljun għall-impriżi kollha li pparteċipaw fl-akkordju, hija qabżet dan il-limitu. Minħabba dan il-fatt, hija kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq u timmotiva r-raġuni għalfejn hija qabżet dan il-limitu.

    86      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-ammont bażiku minimu ta’ EUR 20 miljun stabbilit mil-linji gwida għal dak li jirrigwarda l-ksur serju ħafna jirreferi għal impriża waħda u mhux għal għadd ta’ impriżi li jkunu kkommettew ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 306 u 311; Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 81, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 187, u tat-30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, T‑13/03, Ġabra p. II‑947, punt 44).

    87      Barra minn hekk, il-konklużjoni li l-“ammonti prevedibbli” msemmija fil-linji gwida jirreferu għall-multa applikabbli għal impriża waħda u mhux għas-somma tal-multi applikabbli għall-impriżi kollha li jipparteċipaw fl-akkordju hija kkorroborata minn interpretazzjoni sistematika tat-test tal-linji gwida. Fil-fatt, il-frażi “ammont bażiku” tintuża sistematikament sabiex tapplika għall-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża waħda u mhux fuq il-membri kollha tal-akkordju. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tal-linji gwida, li jistabbilixxi li l-metodoloġija ġdida hija bbażata fuq l-iffissar ta’ ammont bażiku li għalih japplikaw iż-żidiet u t-tnaqqis abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Issa, tali ċirkustanzi huma applikabbli għal kull impriża u mhux għall-membri kollha tal-akkordju, b’hekk illi l-frażi “ammont bażiku” tista’ jirreferi biss għall-multa applikabbli għal impriża waħda. Bl-istess mod, is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, sa fejn jindika li “[f]il-każ ta’ ksur li jinvolvi diversi impriżi […], jista’ jkun konvenjenti li jiġu kkunsidrati, f’ċerti każijiet, l-ammonti ddeterminati fi ħdan kull waħda mit-tliet kategoriji stabbiliti [fil-linji gwida]”, jikkonferma li dawn l-ammonti jirreferu għall-ammonti tal-multi applikabbli għal kull impriża li tipparteċipa fil-ksur u mhux għas-somma totali ta’ dawn l-ammonti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġustament tissottometti li, għalkemm fil-punt 1 A tal-linji gwida hija effettivament riedet tirreferi, kif issostni r-rikorrenti, għall-ammont totali minimu tal-multi applikabbli għall-impriżi kollha, hija kkjarifikat dak l-approċċ billi użat espressjoni espliċita bħal l-“ammont minimu tal-multi applikabbli għall-impriżi kollha”.

    88      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 10 miljuni, li jikkorrispondi għal ammont nettament inqas mil-limitu minimu ta’ EUR 20 miljun previst mil-linji gwida.

    89      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-argument tar-rikorrenti li r-raġunament tal-Kummissjoni ma jispjegax ir-raġuni għalfejn, fil-każ li wassal għad-deċiżjoni C (2004) 4030 finali, l-ammonti inizjali kienu sostanzjalment inqas mill-ammont ta’ EUR 20 miljun imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif ġie ppreċiżat mill-ġurisprudenza, l-ammont ta’ EUR 20 miljun stabbilit fit-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-ksur serji ħafna ma jikkostitwixxix limitu minimu li taħtu wieħed ma jistax jinżel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 97; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, Ġabra p. II‑5005, punt 42).

    90      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret fuq is-suq meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jitfakkar li, għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat it-tul taż-żmien tal-ksur u tal-elementi kollha li huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom, fosthom l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, is-sehem ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li huma setgħu kisbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-prodotti kkonċernati kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dak it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 129, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 242). Minn dan jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, kriterju determinanti fid-determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, b’mod partikolari meta dan ikun ksur intrinsikament serju bħat-tqassim tas-swieq, element preżenti f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 118; Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 96, u tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C‑554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

    91      F’dan il-każ, jirriżulta mill-analiżi tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-fatti allegati li l-proċessuri implementaw xjentement l-aġir antikompetittiv li għalih ġew ippenalizzati (ara, b’mod partikolari, il-premessi 124, 132, 133 u 141 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk kif jirriżulta mill-premessi 363 u 473 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li l-akkordju kien ta’ natura sigrieta.

    92      Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata li l-proċessuri ftehmu f’diversi okkażjonijiet dwar miżuri intiżi biex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tal-akkordju, bħal li jibagħtu reċiprokament fatturi tal-fornituri rispettivi tagħhom (premessi 122 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata), obbligu ta’ konsultazzjoni fil-każ ta’ xiri barra mill-akkordji (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata), obbligi ta’ kontroll tal-impjegati sabiex jiġi evitat li jieħdu inizjattivi mingħajr il-koordinazzjoni meħtieġa (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll li l-akkordju ġie implementat.

    93      B’hekk, il-każ li qiegħed jiġi eżaminat huwa kkaratterizzat mill-preżenza mhux biss ta’ ksur serju ħafna tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda wkoll minn elementi li juru l-aspett volontarju bħal dawk imsemmija fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq.

    94      Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kkorrisponda għal ammont ferm inqas minn dak li, skont il-linji gwida, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra għal ksur serju ħafna.

    95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw żball min-naħa tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-multa applikata għaliha abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-allegat nuqqas ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq, anki jekk wieħed jassumi li dan kien kwantifikabbli.

    96      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, meta ffissat l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża inkwistjoni. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 370 u 371 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li l-multi jiġu ffissati skont il-pożizzjoni ta’ kull parti inkwistjoni fis-suq sabiex tqis, minbarra l-piż speċifiku tagħha, ir-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir illeċitu ta’ kull impriża.

    97      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li s-sehem tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq li kien suġġett għal prattika restrittiva jikkostitwixxi, anki fin-nuqqas ta’ prova ta’ effett konkret tal-ksur fis-suq, element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tar-responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom fir-rigward tal-potenzjal ta’ din il-prattika li tagħmel ħsara lill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punti 196 sa 198). B’hekk, skont il-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa l-ishma tas-suq li jkollha impriża huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li hija setgħet teżerċita fuq is-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 139, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 62).

    98      Konformement ma’ dawn il-prinċipji, f’dan il-każ, billi ffissat l-ammont bażiku tal-multa skont l-ishma tas-suq miżmuma minn kull parti fl-akkordju, il-Kummissjoni użat kriterju pertinenti sabiex tiddetermina l-influwenza li l-aġir tar-rikorrenti seta’ kellu fuq is-suq.

    99      Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li, skont ir-rikorrenti, turi n-nuqqas ta’ effetti tal-akkordju fuq is-suq, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett konkret lill-intenzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (ara s-sentenzi Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 287, u Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100    B’hekk f’kuntest bħal dak ta’ din il-kawża, fejn il-membri tal-akkordju adottaw miżuri biex jagħtu effett konkret lill-għanijiet antikompetittivi tagħhom (ara l-punti 91 u 92 iktar ’il fuq), bidla fil-prezzijiet tas-suq bħaż-żieda fil-prezzijiet tat-tabakk imsemmija mir-rikorrenti ma tistax tiġġustifika weħidha tnaqqis tal-multa. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-akkordju, iż-żieda fil-prezzijiet kellha tkun ogħla miż-żieda msemmija hawn fuq.

    101    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument li l-attività u l-istabbiltà tal-akkordju spiss kienu mfixkla mir-rikorrenti, li jsaħħaħ, fil-fehma tagħha, l-ipoteżi tan-nuqqas ta’ effetti tal-ksur fuq is-suq, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-aġir “ta’ tfixkil” tar-rikorrenti fir-rigward tal-akkordju ġie evalwat mill-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti (premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata).

     Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

    102    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, ħlief jekk tali trattament ikun iġġustifikat oġġettivament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-161/05, Ġabra p. II-3555, punt 79).

    103    Għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti sempliċement argumentat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li l-Kummissjoni tiddistingwi l-multi skont l-impatt konkret tal-akkordji fuq is-suq, ippenalizzati każ b’każ. Hija madankollu ma tispjegax kif il-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju fil-konfront tagħha f’dan il-każ. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħrajn, li r-rikorrenti lanqas biss issemmi, ma humiex ta’ natura indikattiva rigward il-possibbiltà li teżisti diskriminazzjoni, peress li huwa ftit probabbli li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 201 u 205; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Itochu vs Il-Kummissjoni, T‑12/03, Ġabra p. II‑883, punt 124).

    104    Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

    105    Fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni biex tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 532, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni biex tevalwa l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward għandha tapplika dawk l-elementi b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II-3435, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T-446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 171.

    106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx in-nuqqas ta’ dannu għall-klijenti u għall-konsumaturi finali, li fuqu hija tibbaża l-allegazzjoni tagħha ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-informazzjoni li hija invokat fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma tikkostitwixxix prova ta’ tali nuqqas ta’ effetti, sa fejn setgħet ġiet influwenzata minn fatturi oħrajn (ara l-punti 99 u 100 iktar ’il fuq).

    107    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat l-ammont bażiku tal-multa għal EUR 10 miljun peress li dan il-ksur jikkostitwixxi ksur serju ħafna u volontarju tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-proporzjonalità tal-ammont bażiku meħtieġ f’din il-kawża hija kkonfermata mill-fatt li din ġiet iffissata f’livell nettament inqas mil-limitu minimu previst mil-linji gwida għal dan it-tip ta’ akkordju.

     Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u n-natura illoġika tagħha

    108    Fir-rigward ta’ dan l-ilment, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti invokat in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew in-natura illoġika tagħha fit-titolu tal-motiv, iżda mingħajr ma żviluppat xi argument insostenn ta’ dan l-ilment fil-korp tal-motiv. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li kienet qiegħda ssostni l-eżistenza ta’ motivazzjoni illoġika fis-sens li l-Kummissjoni kienet imponiet penali ogħla minn dik prevista mil-linji gwida mingħajr ma analizzat l-impatt tal-akkordju fuq is-suq.

    109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fil-kuntest tal-iffissar tal-multi abbażi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan l-obbligu huwa sodisfatt meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkwantifika l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur. F’dak li jirrigwarda deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “PVC II”, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 463 u 465).

    110    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 365 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni meta ffissat l-ammonti inizjali tal-multi imposti fuq id-diversi impriżi inkwistjoni. Il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat il-kriterji li abbażi tagħhom, minn naħa, hija evalwat, b’mod konformi mal-linji gwida, il-gravità tal-ksur u, min-naħa l-oħra, hija sussegwentement iffissat l-ammont bażiku billi kklassifikat l-impriżi skont l-importanza tagħhom fis-suq iddeterminat mis-sehem tagħhom mis-suq billi ħadet inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża u r-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir illeċitu tagħhom. Il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’hekk ġew sodisfatti.

    111    Fl-aħħar nett, sa fejn ġie kkonstatat (ara l-punt 88 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti f’ammont nettament inqas mil-livell minimu previst mil-linji gwida għall-ksur serji ħafna, l-argument li jallega motivazzjoni illoġika ma jistax jiġi aċċettat.

    112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

    3.     Fuq it-tielet motiv, li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ investigazzjoni kif ukoll ksur tal-oneru tal-prova, fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur allegat

     L-argumenti tal-partijiet

    113    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti meta ffissat it-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għal sentejn u tmien xhur – jiġifieri minn Ottubru 1997 sad-19 ta’ Frar 2002, b’interruzzjoni mill-5 ta’ Novembru 1999 sad-29 ta’ Mejju 2001. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li kienet sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ġiet interrotta fi Frar 1999 u li qatt ma ssoktat sussegwentement. B’hekk, it-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kien ftit iktar minn sena. Hija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq provi sproporzjonati u li ma pprovditx motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

    114    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-fażi finali tal-ewwel perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, r-rikorrenti hija tal-fehma li għandu jitqies dan li ġej:

    –        bil-kontra ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, il-premessi 157 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata ma jsemmu ebda prova dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat jew f’attivitajiet oħrajn matul l-1999;

    –        jirriżulta mill-provi pprovduti mill-Kummissjoni li l-aħħar laqgħa li fiha pparteċipat ir-rikorrenti kienet dik tal-14 ta’ Diċembru 1998 (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata); barra minn hekk, memorandum intern ta’ Dimon Italia, tal-20 ta’ Ottubru 1998 (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ġie injorat mill-Kummissjoni, jindika li, sa mis-16 ta’ Ottubru 1998, il-kumpanniji multinazzjonali lmentaw dwar il-fatt li r-rikorrenti kienet qed tinjora r-regoli ta’ kondotta imposti mill-akkordju; 

    –        minkejja l-fatt li fl-1999 l-akkordju kien ferm attiv, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti ħadet sehem fih; fil-fatt, skont id-deċiżjoni kkontestata: (i) il-proċessuri l-oħra, jiġifieri Deltafina, Transcatab, Dimon Italia u Trestina Azienda Tabacchi, għamlu pressjoni kontinwa fuq l-APTI sabiex jinfluwenzaw in-negozjati għall-konklużjoni ta’ akkordji interprofessjonali (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata); (ii) fl-1999 saru diversi laqgħat tal-akkordju bejn Deltafina, Transcatab u Dimon Italia, fosthom, b’mod partikolari, uħud li kienu partikolarment importanti matul ix-xahar ta’ Ottubru, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti u mingħajr ma ġiet mistiedna (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata); (iii) memorandum dwar il-varjetajiet tat-tabakk mhux maħdum Bright u Burley ġie approvat unikament minn ċerti proċessuri (premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata).

    115    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-perijodu mid-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti tosserva dan li ġej:

    –        il-prova determinanti li hija reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju kienet ir-riċeviment ta’ faks, li ntbagħtitilha fid-29 ta’ Mejju 2001 minn Deltafina, li tindika l-prezz li bih din tal-aħħar kienet ser tiffirma l-kuntratti għall-varjetà Bright mal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi; din il-komunikazzjoni madankollu ma kinitx ta’ natura antikompetittiva; fil-fatt, dan kien kuntatt iżolat, intiż biex jgħinha tegħleb id-diffikultà ta’ komprensjoni tal-valuri tas-suq prevalenti fil-kuntratti bejn il-kultivaturi u l-proċessuri, li l-proċedura ta’ firma tagħha kienet irregolata mir-regoli tal-politika agrikola komuni, li kienet is-suġġett ta’ modifiki importanti;

    –        l-inizjattivi kummerċjali meħuda mir-rikorrenti ġew segwiti b’attenzjoni matul il-laqgħat tal-akkordju, li fihom hija ma pparteċipatx (premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata); barra minn hekk, ir-relazzjonijiet tal-akkordju mar-rikorrenti kienu wkoll punt fuq l-aġenda, li ntbagħtet minn Dimon Italia lil Deltafina u Transcatab, u li ġiet proposta għal laqgħa li kellha ssir fit-18 ta’ Settembru 2001, jiġifieri wara d-data meta ġiet irċevuta l-imsemmija faks (premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata);

    –        l-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju kienet limitata, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Transcatab matul il-verifika li saret fit-18 ta’ April 2002, għal żewġ laqgħat tas-16 ta’ Novembru 2001 u tat-8 ta’ Jannar 2002; ir-rikorrenti pparteċipat f’dawn il-laqgħat għaliex ġiet mistiedna minn Deltafina, Dimon Italia u Transcatab biex taġixxi bħala “medjatriċi” sabiex tiġġieled l-oppożizzjoni tal-“konsorzju ta’ protezzjoni u ta’ valorizzazzjoni tat-tabakk Burley Campano” (iktar ’il quddiem il-“konsorzju Burley”) għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ rkantijiet għall-bejgħ tat-tabakk, li tagħha l-Unitab u l-APTI kienu saru l-promoturi, li kellha titmexxa mill-kumitat ta’ ġestjoni nazzjonali tat-tabakk Burley (iktar ’il quddiem il-“Cogentab”); min-naħa tagħha, ir-rikorrenti stiednet lill-partijiet interessati għal-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 2002 (premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-ġurnata ta’ qabel kienet ippreċeduta b’laqgħa oħra, li matulha Deltafina, Dimon Italia u Transcatab probabbilment iddiskutew bejniethom, fl-assenza tar-rikorrenti u tal-fornituri membri tal-konsorzju Burley, l-atteġġament komuni li kellu jiġi adottat matul in-negozjati, fil-jum ta’ wara.

    116    Il-Kummissjoni tgħid, fl-ewwel lok, li hija qieset li r-rikorrenti interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-5 ta’ Novembru 1999, peress li nota miktuba bl-idejn tal-persuna ta’ Deltafina responsabbli għax-xiri, dwar laqgħa tal-akkordju li saret dakinhar stess, kienet turi li r-rikorrenti kienet tniżżlet fl-aġenda bħala entità li issa ma kinitx għadha tifforma parti mill-akkordju.

    117    F’dan ir-rigward, hija tiċħad l-argument tar-rikorrenti li d-data li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju kienet l-14 ta’ Diċembru 1998 (data tal-aħħar laqgħa tal-akkordju li fiha hija pparteċipat) jew li din kellha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-memorandum intern ta’ Dimon Italia tal-20 ta’ Ottubru 1998, imsemmi fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti stess irrikonoxxiet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li pparteċipat fl-akkordju ta’ mill-inqas sa Frar 1999 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi memorandum ta’ Dimon Italia ma jistax jikkostitwixxi prova tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju fl-1998, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, sal-mument meta impriża ma tiddistakkax ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat, hija tibqa’ għal kollox responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fin-nuqqas ta’ provi f’dan is-sens, id-deċiżjoni kkontestata b’hekk stabbilixxiet korrettament li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju baqgħet għaddejja ta’ mill-inqas sal-5 ta’ Novembru 1999.

    118    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tgħid li qieset li r-rikorrenti ssoktat bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fid-29 ta’ Mejju 2001, għaliex kien dakinhar li din tal-aħħar irċeviet faks li permezz tagħha Deltafina kkomunikatilha li kienet ser tiffirma l-kuntratti mal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi.

    119    Din il-komunikazzjoni bejn il-kompetituri kienet tikkostitwixxi prova li hija reġgħet issoktat bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, meta jitqies il-fatt li hija diġà kienet tagħmel parti mill-akkordju sal-1999 u li, ftit żmien wara, jiġifieri fis-16 ta’ Novembru 2001, hija kienet ser terġa’ tissokta bil-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-akkordju.

    120    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad, fir-replika tagħha, l-argument tar-rikorrenti li r-rikors juri b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li tikkontesta mhux biss it-tul taż-żmien tal-adeżjoni, iżda wkoll l-eżistenza stess tal-adeżjoni mill-ġdid f’dan l-akkordju matul il-perijodu bejn Mejju 2001 u l-bidu tas-sena 2002. Il-Kummissjoni hija tal-fehma, fl-ewwel lok, li kien biss fir-replika li r-rikorrenti kkontestat għall-ewwel darba n-natura illeċita ta’ dawn il-laqgħat, billi ċaħdet li reġgħet ingħaqdet mal-akkordju fl-2001. Dan l-ilment huwa inammissibbli, skont id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 44(1)(c) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-ilment huwa fi kwalunkwe każ infondat. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ Transcatab tat-18 ta’ April 2002 (dokument Nru 38281/03488) tinkludi lista ta’ diversi laqgħat li saru bejn il-membri tal-akkordju, li fuqha l-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 2001 ġiet deskritta bħala laqgħa “ristretta” (tip ta’ laqgħa li fiha jipparteċipaw l-amministraturi delegati) u dik tat-8 ta’ Jannar 2002 bħala laqgħa “ta’ ħidma” (tip ta’ laqgħa li matulha jipparteċipaw il-persuni responsabbli għax-xiri). Skont il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ laqgħat b’hekk kienu ta’ natura u skop antikompetittivi u għaldaqstant jikkostitwixxu attivitajiet ta’ akkordju. Il-fatt li, matul dawn il-laqgħat, ġiet diskussa wkoll il-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ bejgħ tat-tabakk bl-irkant ma jimplikax neċessarjament li ma ġewx diskussi kwistjonijiet relatati mal-akkordju jew li r-rikorrenti ma kinux involuti f’dawn id-diskussjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li hija ddistakkat ruħha pubblikament, matul dawn il-laqgħat, mid-diskussjonijiet li kellhom skop antikompetittiv.

    121    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li, fi kwalunkwe każ, dan il-motiv huwa ineffettiv. Fil-fatt, anki kieku dak il-motiv kellu jiġi aċċettat, dan ikun ifisser biss li l-ammont bażiku tal-multa stabbilit għar-rikorrenti kellu jiżdied għal 15 % u mhux 25 %, li ma kien ikollu ebda effett fuq l-ammont finali tal-multa, minħabba li dan tnaqqas għal EUR 2.05 miljun, skont il-limitu massimu ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    122    Għal dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur (premessi 302 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti ngħaqdet mal-akkordju f’Ottubru 1997. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux, sostanzjalment, minn naħa, fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni stabbilixxitx korrettament li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kienet intemmet fil-5 ta’ Novembru 1999, u min-naħa l-oħra, fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni stabbilixxitx korrettament li r-rikorrenti kienet ingħaqdet mill-ġdid mal-akkordju mid-29 ta’ Mejju 2001 sat-tmiem tal-ksur, jiġifieri fid-19 ta’ Frar 2002.

    123    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-illegalità tal-laqgħat tas-16 ta’ Novembru 2001 u tat-8 ta’ Jannar 2002 jikkostitwixxi motiv ġdid, imqajjem fl-istadju tar-replika, u li għalhekk huwa inammissibbli.

    124    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. F’dan ir-rigward, motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ argument diġà mressaq, b’mod dirett jew impliċitu, u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T‑195/00, Ġabra p. II‑1677, punti 33 u 34, u tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T-151/01, Ġabra p. II-1607, punt 71).

    125    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv ikkunsidrat bħala ġdid mill-Kummissjoni jikkostitwixxi elaborazzjoni tal-argumenti żviluppati mir-rikorrenti b’risposta għall-argument ippreżentat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għat-tielet motiv, dwar it-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju. Għalhekk l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

    126    Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma titlobx espliċitament l-annullament tal-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li jiddefinixxi t-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

    127    Madankollu, f’dan il-każ, jirriżulta min-noti li r-rikorrenti tikkontesta, sostanzjalment, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni tikkonstata, kif huwa indikat fl-Artikolu 1(b) tad-dispożittiv tagħha, li l-ksur kien mifrux, għal dak li jirrigwarda lilha, fuq perijodu minn Ottubru 1997 sal-5 ta’ Novembru 1999 u mid-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002. B’hekk, ir-rikorrenti indikat, fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, li t-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kellu jiġi ffissat għal ftit iktar minn sena, jiġifieri minn Ottubru 1997 sa Frar 1999 u li l-Kummissjoni, billi ddikjarat li l-ksur li hija kienet wettqet kien dam ferm iktar “wettqet żball fil-konstatazzjoni tal-fatti u fl-evalwazzjoni tal-provi mressqa mi[r-rikorrenti]”. Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti kkontestat it-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 212).

    128    Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma hijiex qed tindirizza biss l‑annullament jew it-tnaqqis tal-multa, iżda wkoll l‑annullament parzjali tad‑Deċiżjoni u b’mod partikolari tal-Artikolu 1(b) tagħha, inkwantu f’dan l-artikolu l‑Kummissjoni allegatament tikkonstata b’mod żbaljat li l-ksur kien seħħ minn Ottubru 1997 sad-19 ta’ Frar 2002, b’interruzzjoni mill-5 ta’ Novembru 1999 sad-29 ta’ Mejju 2001 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 213).

    129    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li huwa oneru tal-Kummissjoni li tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju, iżda wkoll it-tul ta’ żmien tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T-104/95, Ġabra p. II‑491, punt 2802, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi neċessarji sabiex tintwera, b’mod korrett, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 58; tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86, u s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 215). L-eżistenza ta’ dubju fil-moħħ tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma għandhiex tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod korrett jekk ikun għadu jippersisti dubju f’moħħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors li jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li huma protetti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni u li ġie kkristalizzat fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1). Fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punti 215 u 216). B’hekk huwa neċessarju li l-Kummissjoni tressaq provi preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni soda li l-ksur twettaq (ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 217, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    130    Hija ġurisprudenza stabbilita li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji meta mqabbla ma’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-medda ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    131    Barra minn dan, huwa normali li l-attivitajiet involuti fl-akkordji antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħal minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

    132    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79; ara s-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    133    F’dan il-każ, meta jitqiesu l-ilmenti invokati, tqum il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha provi biżżejjed biex tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju matul il-perijodu minn Ottubru 1997 sal-5 ta’ Novembru 1999, u li hija reġgħet bdiet tipparteċipa matul il-perijodu mid-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002.

     Fuq id-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju fl-1999

    134    Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux fuq id-data eżatta ta’ din l-interruzzjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta li pparteċipat fl-akkordju wara d-19 ta’ Frar 1999, id-data tal-aħħar laqgħa li fiha hija tafferma li pparteċipat, waqt li l-Kummissjoni ffissat il-5 ta’ Novembru 1999 bħala d-data ta’ tali rtirar. Din id-data ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet li jinsabu fin-noti miktuba bl-idejn fil-5 ta’ Novembru 1999 minn impjegat ta’ Deltafina dwar laqgħa tal-akkordju dakinhar stess (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 263 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, jirriżulta minn dawn in-noti li r-relazzjonijiet bejn il-membri tal-akkordju u r-rikorrenti kienu mniżżla fost il-punti li kellhom jiġu diskussi matul din il-laqgħa, li juri li hija kienet meqjusa li kienet entità esterna għall-akkordju.

    135    Issa, għandu jiġi rrilevat li dawn in-noti miktuba bl-idejn, li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni stabbilixxiet id-data ta’ meta r-rikorrenti interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999, fir-realtà ma jinkludu ebda riferiment għad-data ta’ meta waqfet din il-parteċipazzjoni. L-unika data ċerta li tista’ tiġi dedotta minn dawn in-noti hija dik ta’ meta nkitbu mill-awtur tagħhom.

    136    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-fatti li dwarhom l-awtur ta’ dawn in-noti jesprimi ruħu impliċitament, jiġifieri l-fatt li r-rikorrenti kienet saret entità esterna għall-akkordju, bilfors ġraw qabel id-data meta nkitbu dawn in-noti, kif tammetti l-Kummissjoni stess fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 263 tad-deċiżjoni kkontestata.

    137    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija noti ma jippermettux li l-5 ta’ Novembru 1999 tittieħed bħala d-data meta r-rikorrenti interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

    138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil-bidu tal-parti ddedikata għall-eżami tal-fatti allegati matul l-1999, il-Kummissjoni tafferma li “Deltafina, Dimon [Italia] u Transcatab żammew kuntatt informali fuq bażi regolari sabiex jiddiskutu l-previżjonijiet u l-iżviluppi fil-prezzijiet tax-xiri fl-Italja”, mingħajr ma ssemmi lir-rikorrenti [kif jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-punt 2.3 tat-talba għal klemenza ta’ Dimon Italia tal-4 ta’ April 2002 (dokument Nru 38281/04998), imsemmija fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata]. Sussegwentement, fil-premessi 165, 184 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi diversi kuntatti bejn dawn it-tliet proċessuri matul l-1999, iżda ebda wieħed minn dawn il-kuntatti ma jirrigwarda lir-rikorrenti. Barra minn hekk, kif huwa indikat fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, f’Ottubru tal-1999, Deltafina, Dimon Italia u Transcatab “ikkonkludew [akkordju] dwar il-Bright u l-Burley, li s-sustanza u l-forma tiegħu huma simili ħafna għall-akkordju dwar il-Villa Grazioli”. Skont il-Kummissjoni, dak l-akkordju “kien intiż prinċipalment biex jiffissa l-prezzijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum […] mingħand pakkjaturi terzi, li jiġu attribwiti pakkjaturi terzi bi kwantitajiet definiti għal kull proċessur u li jiġu bbojkottjati l-pakkjaturi terzi li ma aderixxewx mal-Cogentab”. Kif irrilevat il-Kummissjoni stess fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 263 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ Transcatab tat-18 ta’ April 2002, li ġew ipprovduti minnha matul l-investigazzjoni li saret fil-bini tagħha (ara wkoll il-punt 159 iktar ’il quddiem), li r-rikorrenti ħarġet mill-akkordju “peress li hija ma kinitx taqbel mal-ħolqien tal-Cogentab”, li kienet assoċjazzjoni maħluqa mill-APTI u l-Unitab f’Ottubru 1999, b’applikazzjoni tal-ftehim interprofessjonali għall-ħsad tal-1999 tal-Burley (premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata li ż-żewġ laqgħat tal-proċessuri li saru f’Ruma (l-Italja) fi Frar 1999, fejn ir-rikorrenti ma kinitx waħda mill-parteċipanti, “kienu wkoll l-okkażjoni biex jiġi diskuss […] il-ħolqien ta’ kumitat imħallat għax-xiri […], li sussegwentement ġie msejjaħ Cogentab”.

    139    B’mod definittiv, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tindika ebda prova fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju sal-5 ta’ Novembru 1999.

    140    Kien biss matul is-seduta li l-Kummissjoni invokat għall-ewwel darba l-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’laqgħa “operattiva” tat-22 ta’ Lulju 1999, li hija la kienet semmiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata.

    141    Min-naħa l-oħra, jirriżulta biss mid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti “telqet l-akkordju” fl-1999 “għaliex hija ma kinitx taqbel mal-ħolqien tal-Cogentab” (premessa 302 u nota ta’ qiegħ il-paġna 263 tad-deċiżjoni kkontestata) u li d-diskussjoni dwar il-ħolqien tagħha saret matul żewġ laqgħat fi Frar 1999 (ara l-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma l-Kummissjoni stabbilixxiet f’din id-deċiżjoni li r-rikorrenti pparteċipat f’dawn il-laqgħat.

    142    Il-Kummissjoni għaldaqstant, wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti waqfet tipparteċipa fl-akkordju fil-5 ta’ Novembru 1999.

    143    B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx id-data preċiża meta r-rikorrenti waqfet tipparteċipa fl-akkordju, hija ma kellhiex bażi biex tistabbilixxi d-data bħala l-5 ta’ Novembru 1999, u għaldaqstant, skont il-prinċipju in dubio pro reo (ara l-punt 129 iktar ’il fuq), ix-xahar ta’ Frar 1999 kellu jittieħed bħala l-aħħar xahar tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju.

    144    Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni li, skont il-ġurisprudenza, fin-nuqqas ta’ provi li juru li r-rikorrenti ddistakkat ruħha pubblikament fil-konfront tal-membri l-oħrajn tal-akkordju sa mill-1998, jew fi kwalunkwe każ minn Frar 1999, hija ġustament stabbilixxiet li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju baqgħet għaddejja sal-5 ta’ Novembru 1999, meta jitqiesu l-provi li jindikaw li, f’din id-data, il-membri l-oħrajn tal-akkordju kkunisdraw li r-rikorrenti kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha.

    145    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx li, matul is-sena 1999 u preċiżament sal-5 ta’ Novembru ta’ dik is-sena, ir-rikorrenti pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi jew implementati akkordji ta’ natura antikompetittiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 81). Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-laqgħat ta’ Frar tal-1999, huwa ppreċiżat fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata li, minbarra Deltafina, Dimon Italia u Transcatab, il-preżenza ta’ proċessuri oħrajn, inkluża r-rikorrenti, ma setgħetx tiġi “stabbilita b’mod ċar”.

    146    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni jikkontradixxi l-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ Transcatab tat-18 ta’ April 2002 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 263 tad-deċiżjoni kkontestata), li tgħid li, fil-5 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrenti “kienet diġà telqet l-akkordju” minħabba l-fatt li hija ma approvatx il-ħolqien tal-Cogentab. Issa, jirriżulta wkoll mill-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-ewwel diskussjonijiet dwar il-ħolqien tal-Cogentab kienu diġà bdew matul il-laqgħat ta’ Frar 1999 (ara wkoll il-punti 138 u 141 iktar ’il fuq).

    147    Bl-istess mod, huwa irrilevanti l-argument tal-Kummissjoni – li ġie ppreżentat, għall-ewwel darba, matul is-seduta – fejn hija qalet li kienet “ġeneruża” fil-konfront tar-rikorrenti meta ħadet inkunsiderazzjoni d-data tal-5 ta’ Novembru 1999, peress li, skont il-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti pparteċipat, fit-22 ta’ Novembru 1999, f’laqgħa tal-proċessuri b’kontenut “probabbilment” antikompetittiv. Fil-fatt, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrinunzjat li tattribwixxi lill-parteċipazzjoni possibbli tar-rikorrenti f’din il-laqgħa valur probatorju li kien jippermettilha tikkwalifikaha bħala element inkriminanti, li hija r-raġuni għalfejn hija ma kkunsidratx din l-affermazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, sabiex fl-aħħar nett ikkonkludiet li, fil-5 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrenti “kienet diġà telqet l-akkordju “(nota ta’ qiegħ il-paġna 263 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll, minn naħa, mit-talba għal klemenza ta’ Dimon Italia tal-4 ta’ April 2002 u, min-naħa l-oħra, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Transcatab tat-18 ta’ April 2002 (ara l-punt 138 iktar ’il fuq).

    148    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma stabbilixxiet li, matul is-sena 1999, ir-rikorrenti pparteċipat fl-implementazzjoni tal-akkordji interprofessjonali dwar id-diversi varjetajiet ta’ tabakk jew fil-laqgħat tal-proċessuri intiżi biex jiddefinixxu pożizzjoni komuni li huma kellhom jiddefendu sussegwentement fi ħdan l-APTI sabiex jikkundizzjonaw il-pożizzjoni matul il-laqgħat mal-Unitab fir-rigward ta’ dawn l-akkordji (ara l-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

    149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi aċċettat l-ilment li l-Kummissjoni kkonstatat, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-5 ta’ Novembru 1999, waqt li l-provi evalwati f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-elementi l-oħrajn tal-proċess jippermettu biss li jiġi kkunsidrat li din il-parteċipazzjoni seħħet biss sa Frar 1999 (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata u nota ta’ qiegħ il-paġna 263).

     Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju bejn id-29 ta’ Mejju 2001 u d-19 ta’ Frar 2002

    150    Fir-rigward tal-perijodu li fh ir-rikorrenti allegatament issoktat il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, jiġifieri bejn id-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq tliet elementi ta’ fatt. Fir-rigward tad-data ta’ meta r-rikorrenti ssoktat bil-parteċipazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ħadet id-29 ta’ Mejju 2001 bħala d-data rilevanti, għaliex kien dakinhar li impjegat ta’ Deltafina bagħat lil impjegat tar-rikorrenti faks b’informazzjoni dwar il-prezzijiet, għal kull kilogramma, li bihom Deltafina kienet iffirmat il-kuntratti għall-kultivazzjoni tal-varjetà Bright (premessi 211 u 302 tad-deċiżjoni kkontestata). Din iċ-ċirkustanza, flimkien mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’żewġ laqgħat li saru fis-16 ta’ Novembru 2001 (premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata) u fit-8 ta’ Jannar 2002 (premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata), sussegwentement wasslet lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju baqgħet għaddejja, bl-istess mod bħal Deltafina, Transcatab u Dimon Italia, sad-19 ta’ Frar 2002.

    –       Fuq il-faks mibgħut minn Deltafina fid-29 ta’ Mejju 2001

    151    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-faks tad-29 ta’ Mejju 2001, għandu jiġi rrilevat li dan jindika biss il-prezzijiet li Deltafina kellha ddaħħal fil-kuntratti tal-kultivazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi għall-varjetà tat-tabakk Bright, skont il-grad kwalitattiv tagħha.

    152    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li dawn il-prezzijiet kienu dawk iddeterminati fil-kuntest tal-akkordju, u lanqas li Deltafina ġiet inkarigata mill-akkordju biex tikkomunika dawn il-prezzijiet. Dan il-faks b’hekk jikkostitwixxi kuntatt iżolat bejn Deltafina u r-rikorrenti fir-rigward ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, iżda limitata għall-prezzijiet li għandhom jiddaħħlu fil-kuntratti ta’ kultivazzjoni għal varjetà waħda fost l-oħrajn imsemmija fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dan il-faks ma jippreċiżax liema reġjuni kienu kkonċernati minn dawn il-prezzijiet, minkejja li l-Kummissjoni stess ikkonstatat, fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum ivarjaw b’mod kunsiderevoli bejn reġjun u ieħor skont il-varjetà”.

    153    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-prezz imsemmi mill-faks ta’ Deltafina, li jirreferi espliċitament għal kuntratti ta’ kultivazzjoni, jista’ jkun biss “prezz kuntrattwali”. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li dan il-prezz jissemma mill-kuntratti ta’ dan it-tip – li jiġu ġeneralment konklużi, bejn il-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi u l-proċessuri, bejn ix-xahar ta’ Marzu u x-xahar ta’ Mejju tas-sena tal-ħsad – u jirrappreżenta l-“prezz li l-proċessuri jintrabtu li jħallsu skont il-kwalità tat-tabakk” (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

    154    Kif ġie spjegat fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-prezz ivarja mill-prezz li “effettivament jitħallas meta jiġi rċevut it-tabakk u li huwa direttament proporzjonali mal-gradi kwalitattivi u fatturi oħrajn”. Dan il-prezz, li jissejjaħ il-“prezz tal-kunsinna”, jiġi fil-fatt “normalment iddeterminat bejn ix-xhur ta’ Diċembru u ta’ Frar”. Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 279(a) tad-deċiżjoni kkontestata li l-ksur uniku u kontinwu implementat mill-proċessuri kien jinkludi, inter alia, il-prattika tal-“iffissar tal-prezzijiet tax-xiri komuni li l-proċessuri jħallsu mal-kunsinna tat-tabakk”.  

    155    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-riċeviment tal-imsemmi faks mir-rikorrenti ġie ppreċedut mill-istabbiliment minn Dimon Italia, fl-10 ta’ Mejju 2001, ta’ aġenda, diskussa internament fi ħdanha u li kienet tittratta laqgħa li kellha ssir fl-uffiċċji ta’ din tal-aħħar ġimagħtejn wara, li kienet tipprevedi, fost id-diversi punti li kellhom jiġu indirizzati, diskussjoni dwar “Romana Tabacchi/ATI” (premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, wara r-riċeviment mir-rikorrenti tal-imsemmi faks, intbagħtet aġenda minn Dimon Italia lil Deltafina u lil Transcatab fl-14 ta’ Settembru 2001, dwar laqgħa li effettivament saret fit-18 ta’ Settembru 2001, li fiha ma pparteċipatx ir-rikorrenti. F’din l-aġenda hemm punt li jgħid hekk: “Ns. rapporti Versus ATI, ETI, ROM TAB” (“Ir-relazzjonijiet tagħna fil-konfront ta’ ATI/ETI u Romana Tabacchi”) (ara l-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-ewwel punt tal-istess aġenda bit-titolu “Ribadire ns. rapporti” (“Insaħħu r-relazzjonijiet tagħna”), dan ma jistax jitqies li jikkonferma, kif issostni r-rikorrenti, li hija kienet estranea għall-akkordju. Fil-fatt, l-użu tal-kelma “versus” (fil-konfront ta’), minn naħa, u s-sejħa biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-membri tal-akkordju, min-naħa l-oħra, ma jqajmux dubji dwar il-pożizzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ Dimon Italia, Transcatab u Deltafina. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata li saret laqgħa operattiva oħra tal-akkordju f’Caserta (l-Italja) fil-5 ta’ Ġunju 2001, jiġifieri bejn id-data meta wasal il-faks ta’ Deltafina u l-laqgħa tat-18 ta’ Settembru 2001, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti.

    156    Issa, għalkemm il-faks ta’ Deltafina jista’ jitqies li huwa element li jipprova li r-rikorrenti kienet daħlet mill-ġdid f’kuntatt ma’ membru tal-akkordju sabiex tikseb informazzjoni tempestiva dwar il-“prezz kuntrattwali” ta’ varjetà ta’ tabakk partikolari li kellu jiddaħħal fil-kuntratti ta’ kultivazzjoni li hija kellha tistipula mal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, dan l-element, fih innifsu, ma jagħti ebda indikazzjoni suffiċjenti li r-rikorrenti kienet involuta mill-ġdid fl-akkordju, b’mod partikolari fid-dawl tal-kuntest imsemmi fil-punti 152 sa 155 iktar ’il fuq.

    –       Fuq il-laqgħat tas-16 ta’ Novembru 2001 u tat-8 ta’ Jannar 2002

    157    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ammettiet li pparteċipat fil-laqgħat tas-16 ta’ Novembru 2001 u tat-8 ta’ Jannar 2002. Hija ssostni, madankollu, li ġiet “mistiedna” minn Dimon Italia għal laqgħa, li saret fl-uffiċċji tal-APTI fis-16 ta’ Novembru 2001, li matulha hija ntalbet taġixxi bħala “medjatriċi” sabiex tikkumbatti l-oppożizzjoni tal-konsorzju Burley għas-sistema ta’ rkantijiet għall-bejgħ tat-tabakk – li l-promoturi tagħha kienu l-Unitab u l-APTI – li kellha tiġi ġġestita mill-Cogentab. Kien b’hekk fuq din il-bażi li r-rikorrenti sussegwentement stiednet lill-partijiet interessati fil-bini tagħha għal-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 2002.

    158    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża inkwistjoni tkun ħadet sehem f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma tkun opponiet b’mod manifest, biex tiġi pprovata b’mod sodisfaċenti l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompettittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat fi spirtu differenti minn tagħhom. Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 81 u 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    159    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjonijiet tat-18 ta’ April 2002, Transcatab tafferma li r-rikorrenti telqet l-akkordju fl-1999, meta ddaħħlet “sistema ta’ xiri Cogentab”, sabiex jintrebħu, hija tgħid, ishma tas-suq mingħand proċessuri oħrajn, li sadanittant kienu ħolqu l-konsorzju Burley bil-għan, essenzjalment, li jiġġieldu s-sistema Cogentab kif ukoll l-introduzzjoni tas-“sistema tal-irkantijiet”. Barra minn hekk, Transcatab tippreċiża dan li ġej: 

    “Wara madwar sentejn, Romana Tabacchi, fid-dawl inter alia tal-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni miksuba mal-ATI [li kienet it-taqsima ‘weraq’ ta’ dak li qabel kien il-monopolju (ara l-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata) u wara li saret membru tal-Cogentab fl-2001 (ara l-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata)], jidhrilha li huwa neċessarju li titlob li tiddaħħal fl-APTI. Għaldaqstant, hija jidhrilha li għandha tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il-politika tax-xiri fi ħdan il-Cogentab kif ukoll dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-irkantijiet. B’hekk, saru serje ta’ laqgħat, fl-aħħar tal-2001 u fil-bidu tal-2002, fi ħdan l-APTI u għand Romana Tabacchi, li matulhom din tal-aħħar biddlet il-pożizzjoni tagħha dwar l-irkantijiet u ddikjarat li taqbel ma’ medjazzjoni bejn il-pożizzjoni tal-[konsorzju Burley] u dik tal-Cogentab.”

    160    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku bejn il-partijiet li adattament tas-sistema tal-irkantijiet għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum, li kien qed jiġi diskuss fit-tmiem tas-sena 2001, ġie previst, ftit xhur iktar tard, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 546/2002, tal-25 ta’ Marzu 2002, li jiffissa l-premiums u l-livelli ta’ garanziji għat-tabakk tal-werqa skont il-gruppi ta’ varjetà u l-Istat Membru, għall-ħsad tal-2002, 2003 u 2004 u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2075/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 341).

    161    B’hekk jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Transcatab li r-rikorrenti telqet definittivament mill-akkordju fl-1999 u li, fl-2001, wara li talbet biex tiddaħħal fl-APTI, hija pparteċipat fil-laqgħat inkwistjoni sabiex tiddiskuti s-sistema tal-irkantijiet u biex tippromwovi medjazzjoni bejn il-konsorzju Burley u l-Cogentab fir-rigward ta’ din is-sistema. B’hekk, skont Transcatab, ir-rikorrenti pparteċipat f’dawn il-laqgħat billi segwiet għan partikolari u, b’hekk, f’perspettiva differenti minn dik tal-membri tal-akkordju, li ma jurix li kienet qiegħda taġixxi bi skop antikompetittiv.

    162    Fit-tieni lok, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 138 iktar ’il fuq, jirriżulta mill-punt 2.3 tat-talba għal klemenza ta’ Dimon Italia tal-4 ta’ April 2002 li, għal dak li jirrigwarda l-perijodu bejn l-1999 u l-2002, kienu biss it-tliet “proċessuri prinċipali”, jiġifieri Deltafina, Dimon Italia u Transcatab, li kellhom kuntatti regolari dwar is-suġġett tal-akkordju. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma hijiex identifikata minn Dimon Italia bħala membru attiv tal-akkordju matul dan il-perijodu. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, skont r-rikostruzzjoni li hija għamlet tal-imsemmi perijodu ta’ attività tal-akkordju, Dimon Italia ma dehrilhiex li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat inkwistjoni kienet motivata bi skop antikompetittiv.

    163    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, matul is-seduta li, matul il-perijodu mid-29 ta’ Mejju 2001 sa Frar 2002, kien hemm sitt laqgħat u li r-rikorrenti pparteċipat biss fi tnejn minnhom, fosthom dik tas-16 ta’ Novembru 2001, li ma kinitx proprjament laqgħa tal-akkordju, iżda tal-APTI. Barra minn hekk, fir-rigward tal-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 2002, it-tieni waħda li fiha pparteċipat ir-rikorrenti matul il-perijodu sħiħ mid-29 ta’ Mejju 2001 sad-data tat-tmiem tal-ksur, għandu jiġi osservat, minn naħa, li skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Transcatab tat-18 ta’ April 2002, minbarra hija stess, Dimon Italia, Deltafina u r-rikorrenti, kien preżenti wkoll għal-laqgħa rappreżentant ta’ entità oħra. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li lejliet din il-laqgħa saret laqgħa oħra, li fiha pparteċipaw biss Dimon Italia, Transcatab u Deltafina (ara l-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-affermazzjonijiet li jinsabu, rispettivament, fid-dikjarazzjonijiet ta’ Transcatab u fit-talba għal klemenza ta’ Dimon Italia (ara, b’mod partikolari, il-punti 161 u 162 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni b’hekk ma stabbilixxitx b’mod suffiċjenti, għall-finijiet tal-liġi, li l-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 2002 kienet tikkostitwixxi laqgħa tal-akkordju.

    164    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, f’kuntest bħal dak deskritt iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex provi jew medda ta’ indizji b’saħħa probatorja suffiċjenti għal dak li jirrigwarda l-involviment tar-rikorrenti fl-akkordju matul il-perijodu bejn id-29 ta’ Mejju 2001 u d-19 ta’ Frar 2002. Bil-kontra, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata, diversi elementi preżenti fil-fajl amministrattiv setgħu jwasslu lill-Kummissjoni għal konklużjoni differenti minn dik li hija fl-aħħar nett waslet għaliha dwar it-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti.

    165    Peress li l-indizji kollha invokati mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju matul il-perijodu msemmi hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti inkwantu kkunsidrat li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju matul il-perijodu bejn id-29 ta’ Mejju 2001 u d-19 ta’ Frar 2002, li jikkorrispondi għad-data tat-tmiem tal-ksur.

    166    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan il-motiv għandu jintlaqa’. Minn dan isegwi li l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu jikkonstata li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti baqa’ għaddej wara x-xahar ta’ Frar 1999, għandu jiġi annullat. Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ser jiġu eżaminati fil-punti 265 et seq iktar ’il quddiem.

    4.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura illoġika tal-motivazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-gradazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

     L-argumenti tal-partijiet

    167    Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kienx imissha għażlet l-2001 bħala s-sena ta’ riferiment sabiex tiddetermina s-sehem tagħha tas-suq. Fil-fatt, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet frammentata, il-Kummissjoni kellha tieħu bħala bażi għall-kalkolu tagħha l-medja tal-ishma tas-suq għall-perijodu kollu kkunsidrat – li fil-każ tagħha kien jammonta għal 4.69 % tas-suq –, li kien ikun iktar xieraq fil-każijiet tal-ksur ta’ żmien medju, jew inkella kien imissha, l-iktar l-iktar, tieħu inkunsiderazzjoni s-sehem tas-suq li hija kellha fl-1998 u mhux dak li kellha fl-2001, sena li matulha l-parteċipazzjoni tagħha kienet fi kwalunkwe każ parzjali, dejjem jekk wieħed jassumi li ġiet stabbilita. Hija targumenta wkoll li, fid-dawl tas-sehem tas-suq tagħha li kien iżgħar minn dak ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia, hija ma setgħetx titpoġġa fl-istess kategorija ta’ impriżi li fiha tpoġġew dawn tal-aħħar, li għalihom il-Kummissjoni ffissat ammont bażiku identiku ta’ EUR 10 miljun. Qabel l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent moltiplikatur, il-Kummissjoni b’hekk kellha tiffissa wkoll ammonti inizjali differenti.

    168    Ir-rikorrenti tikkontesta, b’mod partikolari, l-użu tas-sehem tas-suq matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur bħala kriterju ta’ riferiment biex jiġi stabbilit il-piż speċifiku ta’ impriża. L-użu ta’ tali sehem tas-suq kellu jiġi adattat fil-każijiet kollha fejn, bħal f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-akkordju tkun ġiet interrotta. Fil-fatt, fit-tali każijiet, is-sehem tas-suq matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur ma jirriflettix biss il-benefiċċji miksuba mill-impriża permezz tal-aġir antikompetittiv, iżda wkoll dawk miksuba permezz tal-azzjoni tagħha fis-suq matul il-perijodi meta ma tkunx ipparteċipat fl-akkordju. Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża, peress li t-tkabbir l-iktar importanti miksub mir-rikorrenti ġie rreġistrat bejn l-1999 u l-2000, perijodu li matulu huwa paċifiku li hija ma kinitx tagħmel parti mill-akkordju.

    169    Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni użat l-istess metodu ta’ kalkolu kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-impriżi l-oħrajn, li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju ma ġietx interrotta, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u bin-natura illoġika tal-motivazzjoni tagħha għall-parti kkonċernata.

    170    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu miċħuda.

    171    Fl-ewwel lok, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-istess ammont bażiku għall-impriżi li jkollhom sehem tas-suq fi ħdan medda dgħajfa – bħal f’din il-kawża – ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, meta tiffissa l-multi hija għandha diskrezzjoni wiesgħa u ma hijiex obbligata li tapplika formola matematika preċiża. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa ineffettiv peress li l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-aħħar nett tnaqqas għal EUR 2.05 miljun, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    172    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-użu tas-sehem tas-suq matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur bħala kriterju ta’ riferiment, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, hija tkun qiegħda taġixxi fi ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta tipproċedi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat għat-tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi. L-ishma tas-suq matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur jikkostitwixxu indizju idoneu tal-piż speċifiku u tal-impatt fuq il-kompetizzjoni tal-aġir illeċitu, peress li b’mod partikolari jistgħu jkunu r-riżultat, ta’ mill-inqas parzjalment, tal-ksur innifsu.

    173    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li, għal ksur ta’ tul ta’ żmien medju, ikun iktar xieraq li tittieħed bħala kriterju ta’ riferiment il-medja tal-ishma tal-impriżi kkonċernati matul is-snin tal-ksur, il-Kummissjoni tirribatti, fl-ewwel lok, li l-ksur ma kienx, f’din il-kawża, ta’ tul ta’ żmien “medju” iżda kien “twil”. Sussegwentement, hija tirrileva li huwa preċiżament għaliex ir-rikorrenti ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għal ċertu perijodu li l-imsemmija medja tal-ishma tas-suq ma tistax tikkostitwixxi parametru li jippermetti t-tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji bil-għan li jiġi ffissat l-ammont tal-multi. Barra minn hekk, sabiex tiġi kkalkolata din il-medja, il-Kummissjoni kellha tikseb mingħand kull waħda mill-impriżi involuti fl-akkordju mhux biss l-informazzjoni dwar ix-xiri tagħhom ta’ tabakk mhux maħdum bejn l-1995 sal-2000 inkluż, iżda wkoll il-valur totali tax-xiri ta’ tabakk mhux maħdum għal kull waħda minn dawn is-snin, li jikkorrispondi wkoll għax-xiri ta’ kwalunkwe proċessur tat-tabakk Taljan matul is-sitt snin tal-akkordju, bid-diffikultajiet kollha li dan jista’ jġib miegħu.

    174    Fi kwalunkwe każ, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-medja tal-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati matul is-snin tal-akkordju u jekk wieħed jassumi li dak tar-rikorrenti huwa ta’ madwar 5 %, medda ta’ bejn 5 % u 11 % ma tkunx sostanzjalment usa’ minn dik ta’ bejn 11 % u 18 %, li ġiet iġġudikata bħala raġonevoli mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti lanqas ma jkun plawżibbli kieku, pereżempju, hija pparteċipat fil-ksur biss matul l-aħħar sena tal-akkordju. B’hekk ma jkunx ġustifikabbli li r-rikorrenti tkun tista’ tikseb xi vantaġġ, f’termini ta’ tnaqqis tal-multa, mill-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju kienet għal iktar minn sena.

    175    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument li għandu jiġi adattat l-użu tas-sehem tas-suq fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur fil-każijiet kollha fejn il-parteċipazzjoni fl-akkordju ġiet interrotta, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata diġà ħadet inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien iqsar tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha. B’hekk, skont il-Kummissjoni, ma huwiex ċar għal liema raġuni din il-parteċipazzjoni għal żmien iqsar kellha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll bħala ċirkustanza attenwanti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    176    Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li fir-rigward tal-għażla tas-sena ta’ riferiment sabiex jiġi stabbilit il-piż relattiv tal-impriżi, għalkemm il-linji gwida jipprevedu, fir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-punt 1 A, trattament differenzjat tal-impriżi skont l-importanza ekonomika tagħhom, huma ma jindikawx fir-rigward ta’ liema sena għandu jiġi stabbilit il-piż relattiv tal-impriżi. F’dan ir-rigward, l-uniku punt tal-linji gwida li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sena finanzjarja ta’ qabel it-teħid tad-deċiżjoni huwa t-tieni paragrafu tal-punt 5(a) tagħhom, li madankollu japplika biss għad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ abbażi tar-rispett tal-limitu ta’ 10 %, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Minn dan isegwi li ma huwiex applikabbli għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-piż relattiv tal-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju.

    177    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni hija obbligata tagħżel metodu ta’ kalkolu li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tas-setgħa ekonomika ta’ kull impriża kkonċernata kif ukoll tad-daqs tal-ksur imwettaq minn kull waħda fosthom, skont ir-realtà ekonomika li kienet teżisti fiż-żmien meta twettaq l-imsemmi ksur. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi ddelimitat il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li d-dħul mill-bejgħ, jew l-ishma tas-suq, miksuba jkunu wkoll kemm jista’ jkun komparabbli. Minn dan isegwi li s-sena ta’ riferiment mhux bilfors trid tkun l-aħħar sena sħiħa li matulha jkun baqa’ għaddej il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il-Kummissjoni, T‑26/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 81 u 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    178    Kif jirriżulta mill-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, li tittratta dwar id-determinazzjoni tas-sehem tas-suq ta’ Deltafina, is-sena 2001, li ntgħażlet f’din il-kawża bħala s-sena ta’ riferiment sabiex jiġi stabbilit il-piż relattiv tal-impriżi, kienet l-aħħar sena sħiħa tal-ksur imwettaq mill-proċessuri.

    179    B’hekk, il-Kummissjoni kklassifikat lil Deltafina, b’sehem fis-suq ta’ 25 % fl-2001 (premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata), u ġabret lil Dimon Italia, Transcatab u r-rikorrenti, b’ishma fis-suq rispettivi fl-2001 ta’ 11.28 % (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata), ta’ 10.8 % (premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ 8.86 % (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata), f’kategorija oħra (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara din il-klassifikazzjoni, u wara li applikat koeffiċjent moltiplikatur ta’ 1.5 għal Deltafina u ta’ 1.25 għal Transcatab u Dimon Italia, l-ammonti inizjali ġew iffissati għal EUR 37.5 miljun għal Deltafina, EUR 12.5 miljun għal Transcatab u Dimon Italia u EUR 10 miljun għar-rikorrenti (premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata).

    180    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-metodu li jikkonsisti f’li l-membri li jkunu pparteċipaw f’akkordju jitqassmu f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, metodu li l-prinċipju warajh ġie, barra minn hekk, ikkonvalidat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, anki minkejja li jinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija, iġib miegħu l-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont bażiku għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Itochu vs Il-Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 73).

    181    Madankollu, tali tqassim f’kategoriji għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Sabiex jiġi vverifikat jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punti 84 u 85, u Itochu vs Il-Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 74).

    182    Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju l-ewwel matul il-perijodu bejn Ottubru 1997 sal-5 ta’ Novembru 1999, u t-tieni matul il-perijodu bejn id-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002, waqt li l-membri l-oħrajn ipparteċipaw, mingħajr interruzzjoni, mid-29 ta’ Settembru 1995 sad-19 ta’ Frar 2002. Għalkemm il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju għal perijodu iqsar u frammentat – li t-tul preċiż tiegħu, kif huwa kkonstatat fil-kuntest tat-tielet motiv iktar ’il fuq, huwa kkontestat minnha – meta mqabbel ma’ dak tal-membri l-oħrajn tal-akkordju, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati, inkluża r-rikorrenti, matul is-sena 2001, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti, skont id-deċiżjoni kkontestata, issoktat bil-parteċipazzjoni tagħha f’dak il-ksur biss mid-29 ta’ Mejju 2001.

    183    Billi użat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi, il-kriterju tas-sehem tas-suq fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur, il-Kummissjoni b’hekk ittrattat sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet differenti minn dik tat-tliet proċessuri l-oħrajn inkwantu, skont id-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, hija kienet ipparteċipat globalment fl-akkordju għal perijodu iqsar u fframmentat u, min-naħa l-oħra, hija allegatament ipparteċipat biss għal parti limitata tas-sena 2001, waqt li l-proċessuri l-oħrajn komplew jipparteċipaw, b’mod ininterrott, minn Settembru 1995 sa Frar 2002. B’hekk, l-għażla tas-sena 2001 bħala sena ta’ riferiment tikkostitwixxi trattament diżugwali għad-detriment tar-rikorrenti.

    184    Dan it-trattament diżugwali ma għandu ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq li jkollha impriża membru ta’ akkordju fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur ikkonstatat sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tagħha f’suq partikolari kif ukoll il-portata tal-ksur imwettaq minnha (ara l-punt 177 iktar ’il fuq), hija għandha madankollu tiżgura li l-ishma tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi involuti jirriflettu b’mod korrett ir-realtà ekonomika kif tkun tidher fiż-żmien meta jitwettaq il-ksur. Bħala regola ġenerali, fil-każ ta’ ksur għal żmien twil, bħal f’dan il-każ, huwa biss meta l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, kif meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, tkun tikkoinċidi mat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi li l-ishma tas-suq relatati ma’ dik is-sena jkunu ta’ natura li jservu bħala indikaturi rilevanti f’dan ir-rigward u li jippermettu li jinkisbu riżultati kemm jista’ jkun komparabbli, b’mod speċjali sabiex l-impriżi involuti jitqassmu f’kategoriji.

    185    Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tindika ebda ġustifikazzjoni valida, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-għażla tagħha li tqassam lill-erba’ proċessuri kkonċernati f’żewġ kategoriji u, b’mod partikolari, li tgħaqqad lir-rikorrenti kif ukoll lil Transcatab u Dimon Italia, sussidjarji rispettivament tal-gruppi multinazzjonali SCC u Dimon, fl-istess kategorija abbażi tal-ishma tas-suq rispettivi tagħhom fl-2001. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċement tikkonstata li peress li Transcatab, Dimon Italia u r-rikorrenti kellhom ishma tas-suq iżgħar, huma kellhom “jirċievu ammont bażiku tal-multa iżgħar” meta mqabbel ma’ Deltafina (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, meta jitqies it-tul ta’ żmien differenti tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, inkluż matul l-2001, ir-rwoli distinti li huma kellhom fil-ħolqien u fl-implementazzjoni tiegħu kif ukoll id-daqs u l-qawwa ekonomika differenti tagħhom, ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni oġġettiva biex il-Kummissjoni tassimila lir-rikorrenti ma’ Dimon Italia u Transcatab u tinkludi dawn it-tliet impriżi fl-istess kategorija, billi tapplika l-istess ammont bażiku tal-multa għalihom.

    186    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 301 u 302 tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-tul ta’ żmien tal-ksur, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra s-sena 2001 bħala l-aħħar sena sħiħa tal-ksur ikkonstatat mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rikorrenti, peress li skont il-Kummissjoni, hija pparteċipat fil-ksur biss mid-29 ta’ Mejju ta’ dik is-sena (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T‑319/94, Ġabra p. II‑1331, punt 43).

    187    Dan huwa saħansitra iktar minnu fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 150 sa 165 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet motiv, fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti kienet issoktat il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fid-29 ta’ Mejju 2001 u kompliet tieħu sehem sat-tmiem tal-ksur.

    188    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li, billi użat il-kriterju tas-sehem tas-suq fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur, jiġifieri l-2001, għall-impriżi kollha involuti, li kien l-oriġini tal-għażla tal-Kummissjoni li tiġbor fl-istess kategorija lir-rikorrenti, Mindo u Transcatab u li tapplika għalihom l-istess ammont bażiku, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    189    L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest ma humiex tali li jikkonfutaw din il-konklużjoni.

    190    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-ishma tas-suq fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur jikkostitwixxu indizju idoneu tal-piż speċifiku u tal-impatt fuq il-kompetizzjoni tal-aġir illeċitu, anki meta jitqies il-fatt li, normalment, dawn jistgħu jkunu r-riżultat, ta’ mill-inqas parzjalment, tal-ksur innifsu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma huwiex preċiżament il-każ meta l-impriża inkwistjoni ma tkunx ipparteċipat f’dak il-ksur matul dik l-aħħar sena kollha (ara l-punt 184 iktar ’il fuq). Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li tali konstatazzjoni ma tistax timpedixxi lil impriża milli turi, kif huwa l-każ f’din il-kawża, li s-sehem tas-suq tagħha matul il-perijodu inkwistjoni ma jkunx jikkostitwixxi, għal raġunijiet partikolari għaliha, indikazzjoni tad-daqs veru tagħha u tal-qawwa ekonomika tagħha, u lanqas tal-portata tal-ksur li hija tkun wettqet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 42). Fil-fatt, is-sehem tas-suq tar-rikorrenti fl-2001, meta mqabbel mal-iżvilupp kunsiderevoli fl-ishma tagħha tas-suq matul il-perijodu meta hija ma kinitx tagħmel parti mill-akkordju, ma jistax jitqies li huwa r-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur jew, ta’ mill-inqas, dan jista’ jkun biss sa grad inqas, kif ammettiet il-Kummissjoni matul is-seduta. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat l-argument imqajjem mill-Kummissjoni matul is-seduta li bih qalet li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju matul il-parti deċiżiva, jiġifieri t-tieni parti tas-sena 2001. Fil-fatt, dan l-argument ma huwiex issostanzjat mill-Kummissjoni u essenzjalment jikkontradixxi l-għażla, li hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Fi kwalunkwe każ, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet motiv (ara l-punti 150 sa 165 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju matul it-tieni semestru tas-sena 2001.

    191    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jikkontesta l-użu tal-ishma tas-suq medji, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kellha tikseb ċertu ammont ta’ informazzjoni li kien diffiċli li tikseb, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għal dak li jirrigwarda l-ishma tas-suq li hija stabbilixxiet għas-sena 2001, il-Kummissjoni sempliċement użat l-informazzjoni pprovduta lilha mill-impriżi nfushom. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 31, 35, 37 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ishma tas-suq rispettivi ta’ Deltafina, ta’ Dimon Italia, ta’ Transcatab u tar-rikorrenti li ntużaw mill-Kummissjoni fil-premessi 372 u 373 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi u t-trattament differenzjat, jikkorrispondu għall-estimi proprji ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali, hija kellha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar l-ishma tas-suq ta’ dawn l-impriżi għas-snin 1999 sal-2002, li kienu ntbagħtu lilha matul il-proċedura amministrattiva fuq it-talba espressa tagħha. B’hekk, l-argument li kien partikolarment diffiċli għall-Kummissjoni li tikseb iktar informazzjoni ma jistax jiġi aċċettat, peress li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni bbażat din id-deċiżjoni fuq informazzjoni, relatata mas-snin 1999 sa 2002, li hija stess dehrilha li kienet xierqa li titlob mingħand il-proċessuri u li huma pprovdewlha.

    192    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni kkontestata diġà ħadet inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien iqsar tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa intiż, fir-realtà, biex jikkontesta l-iffissar tal-ammont bażiku, li sar fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur u mhux tat-tul ta’ żmien tiegħu. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma talbitx li l-parteċipazzjoni tagħha, li kienet inqas f’termini ta’ żmien, tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza attenwanti.

    193    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li dan il-motiv neċessarjament jippresupponi li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju damet ħafna iktar minn sena, u li għaldaqstant huwa diffiċli biex jiġi ġġustifikat li hija tikseb xi vantaġġ minn din iċ-ċirkustanza f’termini ta’ tnaqqis tal-multa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa argument purament ipotetiku mingħajr ebda valur probatorju. Fil-fatt, fl-ipoteżi msemmija mill-Kummissjoni, fejn il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju tkun limitata għall-aħħar sena, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sehem tas-suq għal dik is-sena. Peress li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, il-Kummissjoni baqgħet ma spjegatx kif u sa liema grad ir-rikorrenti tista’ tikseb vantaġġ mill-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju qabżet sew l-aħħar sena tal-ksur.

    194    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-qari tal-valur tax-xiri tar-rikorrenti fl-2001, propost mill-Kummissjoni matul is-seduta u li juri li s-sehem tas-suq tagħha fl-2001 kien, essenzjalment, sottovalutat, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan l-argument għandu jitwarrab inkwantu jqajjem dubju dwar dak li ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    195    It-tieni motiv b’hekk għandu jintlaqa’ inkwantu, billi bbażat l-ammont bażiku attribwit lir-rikorrenti fuq is-sehem tas-suq li kellha matul is-sena ta’ riferiment 2001, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ser jiġu eżaminati fil-punti 265 et seq iktar ’il quddiem.

    5.     Fuq ir-raba’ motiv, li jallega tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa abbażi tar-rwol “ta’ tfixkil” li żvolġiet ir-rikorrenti kif ukoll il-fatt li ma ġewx ikkunsidrati ċirkustanzi attenwanti oħra

    196    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni applikat, fil-konfront tagħha, tnaqqis ta’ 30 % biss tal-ammont bażiku tal-multa.

    197    L-argument tar-rikorrenti jikkonsisti f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ma applikatx iċ-ċirkustanza attenwanti relatata mal-pressjoni li hija sofriet kif ukoll mar-rwol purament passiv li hija żvolġiet fil-ksur. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tallega li, waqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet iċ-ċirkustanza attenwanti tat-“tfixkil frekwenti tal-għanijiet tal-akkordju”, hija ma tatx piż xieraq, abbażi tal-linji gwida, lill-fatt li hija ma kinitx applikat sistematikament, de facto, id-deċiżjonijiet tal-akkordju.

     Fuq l-ewwel parti, li tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, il-pressjoni li sofriet ir-rikorrenti kif ukoll ir-rwol purament passiv li hija żvolġiet

     L-argumenti tal-partijiet

    198    Ir-rikorrenti tfakkar li diġà spjegat, matul il-proċedura amministrattiva, li l-involviment formali tagħha fl-akkordju kien ir-riżultat tal-pressjoni li għamlu fuqha l-proċessuri l-oħrajn u li l-biża’ ta’ ritaljazzjoni min-naħa tagħhom wassluha biex tieħu atteġġament li taparsi kienet qiegħda taderixxi ma’ dak li riedu l-“qalba” tal-akkordju, irrappreżentata minn Deltafina, Dimon Italia u Transcatab.

    199    Insostenn tal-affermazzjoni tagħha, hija tfakkar li pprovdiet dawn il-provi:

    –        il-memorandum intern ta’ Dimon Italia tad-9 ta’ Ottubru 1997 (dokument Nru 39281-4670/4671), li jirreferi għall-inizjattiva ta’ Deltafina biex jinkiseb akkordju bejn il-ħames proċessuri Taljani l-kbar, li jagħti xiehda tal-pressjonijiet eżerċitati minn din tal-aħħar fuq l-impriżi kollha tas-settur bi preżenza sinjifikattiva fis-suq, bil-għan li jinħoloq akkordju bejn il-proċessuri;

    –        id-dokument dwar il-ħsad tal-1997 (dokument Nru 38281-434/435), mibgħut minn Deltafina lill-proċessuri l-oħrajn, li jirreferi għall-“intenzjoni ta’ azzjoni miftiehma kontra tfixkil esterni fis-suq”;

    –        il-memorandum ippreżentat minn Transcatab fid-9 ta’ April 2002 (dokument Nru 38281-04103), fejn hija tammetti li ftehmet, fl-1996, ma’ Deltafina u Dimon Italia “biex teżerċita l-pressjonijiet li kienu possibbli sabiex jiġu adottati strateġiji [antikompetittivi] wkoll mill-proċessuri l-oħrajn li joperaw fl-Italja”;

    –        l-email mibgħuta fl-10 ta’ Mejju 2001 minn impjegat ta’ Dimon Italia lil kollega tal-istess impriża (dokument Nru 38281-04856), fejn tissemma l-intenzjoni tagħha li tagħmel żjara komuni ma’ Transcatab għand ċerti klijenti (xerrejja) sabiex tiddiskuti magħhom is-“sitwazzjoni fir-rigward tas-suq” u r-riskji marbuta max-xiri tat-tabakk mingħand proċessuri oħrajn (li ma jagħmlux parti mill-akkordju), fosthom probabbilment ir-rikorrenti, li f’dak il-mument kienet topera b’awtonomija sħiħa u kienet titqies li kienet element ta’ tfixkil tas-suq.

    200    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li sostniet ukoll, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li l-parteċipazzjoni tagħha kienet sa mill-bidu passiva u/jew emulattiva u baqgħet hekk għall-perijodu kollu tal-ksur li għalih ġiet akkużata.

    201    Minkejja dawn il-provi u l-affermazzjonijiet tempestivi tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda riferiment għall-pressjoni eżerċitata fuqha minn Deltafina u ż-żewġ membri l-oħra tal-“qalba”.

    202    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti kollha li impriża tkun ipprovat li tista’ tibbenefika minnhom u ma tistax tinjora xi waħda jew iktar minnhom mingħajr ma tagħti raġuni għall-għażla tagħha.

    203    Il-fatt li ma ttiħditx inkunsiderazzjoni l-pressjoni li sofriet ir-rikorrenti jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dmir li l-investigazzjoni ssir b’mod diliġenti u imparzjali.

    204    Fl-aħħar nett, hija tikkontesta l-applikazzjoni fir-rigward tagħha tal-prinċipju ġurisprudenzjali li jiċħad in-natura esklużivament passiva tal-involviment ta’ impriża fil-ksur għas-sempliċi raġuni li hija ma tkunx iddenunzjat l-akkordju. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-“impriżi ta’ dimensjoni kbira” bl-istess severità bħal fil-każ ta’ impriżi ta’ dimensjoni familjari tkun inġusta u sproporzjonata.

    205    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    206    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti ma jagħmilx distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-fatt, li ssemma f’diversi okkażjonijiet, li hija ġiet imġiegħla, taħt theddida ta’ ritaljazzjoni, mill-“qalba” tal-akkordju, biex tipparteċipa fl-istess akkordju, inkwantu hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ dgħjufija strutturali meta mqabbla mal-kompetituri tagħha u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija għażlet li tipparteċipa waqt li żżomm “profil baxx”, b’mod li l-parteċipazzjoni tagħha kienet biss finta u l-aġir tagħha kien passiv u/jew emulattiv.

    207    Għandhom jiġu eżaminati separatament iż-żewġ elementi msemmija mir-rikorrenti. Fil-fatt, għalkemm dawn iż-żewġ elementi jistgħu jkunu marbuta mill-qrib u jistgħu jinftiehmu bħala l-konsegwenza ta’ xulxin, billi l-“profil baxx” jista’ jkun espressjoni u manifestazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ pressjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma inerenti għal żewġ sitwazzjonijiet u mumenti differenti, peress li l-pressjoni li sofriet ir-rikorrenti seħħet l-iktar fil-mument qabel l-adeżjoni “sfurzata” tagħha fil-kartell u l-aġir “passiv” u/jew “emulattiv” tagħha ġara wara dan.

    208    B’hekk, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-ilmenti dwar il-fatt li ma ġewx ikkunsidrati, fl-ewwel lok, in-natura sfurzata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju u, sussegwentement, iċ-ċirkustanza attenwanti dderivata mir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur.

    209    B’mod partikolari, għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni aġixxietx korrettament u mingħajr ma kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta hija rrifjutat, fl-ewwel lok, li tirrikonoxxi li r-rikorrenti kienet ġiet sfurzata li tipparteċipa fl-akkordju u, fit-tieni lok, li hija kellha rwol passiv fil-kuntest tal-implementazzjoni tiegħu.

    –       Fuq l-ilment li ma ġietx ikkunsidrata n-natura sfurzata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju

    210    Ir-rikorrenti targumenta li, għalkemm il-provi miksuba fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva wrew l-eżistenza ta’ theddid jew pressjoni fil-konfront tagħha, essenzjalment min-naħa ta’ Deltafina, iżda wkoll mill-membri l-oħra tal-“qalba” tal-akkordju, il-Kummissjoni ma ħadithomx inkunsiderazzjoni.

    211    Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-eżistenza ta’ theddid u pressjoni li jwasslu lil impriża biex tipparteċipa fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma tagħmilx parti miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-linji gwida.

    212    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-pressjoni eżerċitata mill-impriżi bil-għan li jiġu mġiegħla impriżi oħrajn sabiex jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma teżentax, irrispettivament minn kemm tkun kbira, lill-impriża kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq, ma tibdel bl-ebda mod il-gravità tal-akkordju u ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, peress li l-impriża kkonċernata setgħet tiddenunzja l-pressjoni kontriha u tippreżenta lment dwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 369 u 370, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Unjoni Pigments vs Il‑Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 63).

    213    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni t-theddid, kif allegat f’din il-kawża, bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T-136/02, Ġabra p. II‑947, punt 640).

    214    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti.

    215    Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess li, għalkemm ir-rikorrenti setgħet kienet vittma ta’ pressjoni min-naħa ta’ impriżi oħrajn, li diġà kienu stabbilixxew l-akkordju inkwistjoni, meta fl-1997 hija daħlet fis-suq bħala operatriċi indipendenti, ma jirriżultax mill-proċess li hija, ta’ mill-inqas, ipprovat tiddenunzja din il-pressjoni lill-awtoritajiet kompetenti, u lanqas barra minn hekk li hija sofriet din il-pressjoni, speċjalment l-ewwel darba, b’mod totalment passiv (ara l-punti 221 sa 224 iktar ’il quddiem).

    216    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

    –       Fuq l-ilment li ma ġiex ikkunsidrat ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv tar-rikorrenti

    217    Fl-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, huwa ppreċiżat illi jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa skont iċ-ċirkustanzi attenwanti jekk, per eżempju, l-impriża kkonċernata jkun kellha “rwol esklużivament passiv jew ta’ segwaċi [emulattiv] fit-twettiq tal-ksur”.

    218    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fost l-elementi li jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri l-oħra tal-akkordju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 168; ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 331, u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li fih seħħ il-ksur, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il‑Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punt 100, u s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata), jew inkella l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 331, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet illi r-“rwol esklużivament passiv” ta’ membru ta’ akkordju jimplika l-adozzjoni minnu ta’ “profil baxx”, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni tal-akkordji antikompetttivi (ara s-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 252, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    219    Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-konklużjonijiet li jinsiltu fil-kuntest tat-tielet motiv fir-rigward tad-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju fl-1999 u tal-parteċipazzjoni tagħha matul il-perijodu mid-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002, ma hemmx lok li tittieħed pożizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rwol esklużivament passiv jew emulattiv tar-rikorrenti ħlief għall-perijodu bejn Ottubru 1997 u Frar 1999.

    220    Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-imsemmi perijodu tal-ksur, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li ġiet imġiegħla tipparteċipa fl-akkordju biex titlob il-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li ġie stabbilit li l-membri l-oħrajn tal-akkordju – dawk li hija tiddefinixxi bħala l-“qalba” – kienu eżerċitaw pressjonijiet ekonomiċi fil-konfront tagħha sabiex din tifforma parti mill-ftehim tal-akkordju, jibqa’ l-fatt illi, ladarba aderixxiet mal-akkordju, hija kkonformat mad-deċiżjonijiet tal-membri tal-akkordju mingħajr ma adottat rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur. Kif huwa ppreċiżat fil-linji gwida, huwa biss rwol “esklużivament” passiv jew emulattiv li jista’ jagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant ma huwiex suffiċjenti li, matul ċerti perijodi tal-akkordju, jew fir-rigward ta’ ċerti akkordji tagħha, l-impriża kkonċernata tkun adottat “profil baxx”, dejjem jekk nassumu li dan ġie stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 254, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 179).

    221    Fit-tieni lok, din l-evalwazzjoni hija kkonermata mill-fatt li, matul il-perijodu inkwistjoni, ir-rikorrenti pparteċipat b’mod ħafna regolari fil-laqgħat tal-akkordju. Kif tirrileva l-Kummissjoni, bejn Ottubru 1997 u Diċembru 1998, ir-rikorrenti pparteċipat f’għaxar laqgħat minn tnax (ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 124, 128, 129, 131, 132, 142, 144, 146 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata), u l-uniċi laqgħat li fihom ma pparteċipatx ir-rikorrenti matul dan il-perijodu kienu dawk tas-16 u t-22 ta’ Ottubru 1998 (premessi 145 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, tnejn minn dawn il-laqgħat saru fil-bini tagħha. Dawn kienu l-laqgħat tal-20 ta’ Ottubru 1997 (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata) u tat-2 ta’ Diċembru 1998 (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata li hija ftehmet, fit-2 ta’ Lulju 1998, ma’ Dimon Italia, Deltafina u Transcatab, dwar il-prezz massimu li kellu jiġi offrut għal sejħa għal offerti tal-ATI.

    222    Fit-tielet lok, jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata) li, fid-29 ta’ Mejju 1998, ir-rikorrenti stiednet lill-presidenti ta’ Deltafina, ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab biex jipparteċipaw fil-laqgħa li saret fl-4 ta’ Ġunju 1998. Wara din il-laqgħa, hija sejħet oħra għat-2 ta’ Lulju 1998, li madankollu saret fl-4 ta’ Lulju 1998. Matul din il-laqgħa, ġie konkluż ftehim bil-miktub, li tħejja jew ġie traskritt mir-rappreżentant tar-rikorrenti, l-hekk imsejjaħ ftehim “ta’ Villa Grazioli”, li jiffissa l-prezzijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum għall-varjetajiet Burley, Bright u DAC (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

    223    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tissottovaluta r-rwol ta’ president li hija kellha matul il-laqgħat tal-akkordju bil-għan li jitħejja dak il-ftehim, meta tallega li dak ir-rwol kien jinvolvi, essenzjalment, biss kompiti amministrattivi u li hija ma kellha ebda influwenza, mill-perspettiva tal-konċezzjoni u tal-abbozzar tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li wieħed isejjaħ il-laqgħat, jipproponi aġenda, u jqassam id-dokumenti preparatorji għal-laqgħat huwa inkompatibbli ma’ rwol passiv ta’ segwaċi li jadotta profil baxx. Dawn l-inizjattivi juru attitudni favorevoli u attiva tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-elaborazzjoni, il-kontinwazzjoni u l-kontroll tal-akkordju. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-president tar-rikorrenti, M. B. (li kellu l-kontroll tal-kumpannija), huwa stess ipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju ma huwiex insinjifikattiv, minkejja l-fatt li, fi ħdan din l-impriża, ma hemmx struttura ġerarkika ekwivalenti għal dik tal-membri l-oħrajn tal-akkordju. Fi kwalunkwe każ, dawn l-elementi ma jurux li r-rwol tar-rikorrenti kien “esklużivament passiv jew emulattiv” (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 257).

    224    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tippreżentax ċirkustanzi speċifiċi, jew elementi ta’ prova, bħal dikjarazzjonijiet minn membri oħrajn tal-akkordju, li juru li l-atteġġament tagħha matul il-laqgħat inkwistjoni kien notevolment differenti minn dak tal-membri l-oħra tal-akkordju minħabba n-natura tagħha purament passiva jew emulattiva.

    225    Barra minn hekk, meta impriża tkun ipparteċipat, anki mingħajr ma tiżvolġi rwol attiv, f’laqgħat bi skop antikompetittiv, hija għandha titqies li pparteċipat fl-akkordju sakemm ma tressaqx prova li ddistakkat ruħha apertament mill-ftehim illeċitu. Fil-fatt, permezz tal-preżenza tagħha għal-laqgħat, ir-rikorrenti aderixxiet jew ta’ mill-inqas ġiegħlet lill-parteċipanti l-oħrajn jemmnu li hija kienet qiegħda taderixxi fil-prinċipju mal-kontenut tal-akkordji antikompetittivi konklużi matul dawn il-laqgħat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 81, 82 u 85).

    226    F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi aċċettata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, essenzjalment, ikun inikwu u sproporzjonat li tiġi applikata din il-ġurisprudenza bl-istess severità għall-impriżi l-kbar, li jkollhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettilhom jevalwaw aħjar in-natura illeċita tal-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, u għall-impriżi ta’ dimensjoni familjari, li mhux neċessarjament jipperċepixxu bħala illeċitu ċertu aġir. Fil-fatt, biżżejjed jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jippermetti lill-Kummissjoni li żżid il-multi għall-impriżi l-kbar, iżda ma jeħtieġx li jitnaqqsu dawk iffissati għall-impriżi ta’ daqs żgħir. Barra minn hekk, peress li l-inkompatibbiltà tal-akkordju inkwistjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni hija msemmija espliċitament fl-Artikolu 81(1)(a) sa (ċ) KE u hija stabbilita minn ġurisprudenza kostanti, ir-rikorrenti ma tistax tallega li hija ma kinitx taf biżżejjed il-liġi rilevanti. Minbarra dan, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-impriżi akkużati kienu jafu sew bl-illegalità ta’ akkordju li kellu bħala skop l-iffissar ta’ prezzijiet indikattivi, it-tqassim tas-suq u l-assenjazzjoni ta’ klijenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza SNCZ vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 82).

    227    Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, sabiex ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun jista’ jitqies li twettaq volontarjament, ma huwiex neċessarju li l-impriża kienet taf li qiegħda tikser ir-regoli, iżda huwa biżżejjed li hija ma setgħetx tinjora li l-aġir tagħha seta’ kellu l-iskop li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑143/89, Ġabra p. II‑917, u SNCZ vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 83).

    228    Barra minn hekk, xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni tapplika attenwazzjoni tal-multi meta l-impriżi kkonċernati jkunu impriżi ta’ daqs żgħir jew medju (SMEs). Id-daqs tal-impriża hu, fil-fatt, meħud inkunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1 u fid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. Minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet rigward id-daqs, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jittratta SME b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l-impriżi jkunu SMEs ma jeżentahomx mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SNCZ vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 84; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, CD-Contact Data vs Il-Kummissjoni, T‑18/03, Ġabra p. II‑1021, punt 115).

    229    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx il-linji gwida meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti abbażi tar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv li kellha fit-twettiq tal-ksur.

    –       Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

    230    Ir-rikorrenti ssostni, sostanzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata kemm fir-rigward tar-rwol passiv tagħha fi ħdan l-akkordju kif ukoll fir-rigward tal-pressjoni li ġegħlitha tipparteċipa fih.

    231    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li fost l-elementi li r-rikorrenti invokat espliċitament bħala ċirkustanzi attenwanti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hemm biss dawk dwar ir-rwol passiv li hija allegatament żvolġiet fil-ksur u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni effettivament ma kkunsidratx din iċ-ċirkustanza attenwanti fid-deċiżjoni kkontestata.

    232    Madankollu ebda argument ma jista’ jiġi jinsilet mill-fatt li, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għaċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni ma tatx spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn hija dehrilha li ma setgħetx taċċetta wħud mill-elementi invokati fuq din il-bażi mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    233    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha biex tieħu din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew indirizzati matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 14 u 15, u s-sentenza Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 127).

    234    Jirriżulta mill-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni naqqset bi 30 % l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, billi evalwat l-adegwatezza tal-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti minn perspettiva globali u billi kkunsidrat iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

    235    Dan l-ilment, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud. Isegwi li l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

     Fuq it-tieni parti, dwar in-nuqqas, mill-Kummissjoni, li tikkunsidra debitament iċ-ċirkustanza attenwanti ta’ “tfixkil frekwenti tal-għanijiet tal-akkordju”, li kkonsista fin-nuqqas ta’ applikazzjoni sistematika tad-deċiżjonijiet tal-akkordju

     L-argumenti tal-partijiet

    236    Ir-rikorrenti tgħid li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, hija sostniet ukoll li ma implementatx id-deċiżjonijiet tal-akkordju. In-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-akkordji kien totali u sistematiku, u dan mhux biss matul kważi l-1999 kollha, iżda wkoll matul il-perijodu bejn Mejju 2001 u Frar 2002. Fir-rigward tal-perijodu bejn Ottubru 1997 u Frar 1999, wieħed jista’ wkoll jirreferi għal applikazzjoni parzjali u erratika tad-deċiżjonijiet tal-akkordju mir-rikorrenti, li jistħoqqilha tnaqqis tal-multa, bħala ċirkustanza attenwanti li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-akkordji jew tal-prattiki illeċiti.

    237    Fil-fatt, il-linji gwida ma jindikawx li tali ċirkustanza hija applikabbli biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni totali u sistematiku. B’hekk, imur kontra l-prinċipji ta’ non diskriminazzjoni u proporzjonalità jekk ma jiġix irrikonoxxut li parteċipant fl-akkordju implementa biss parzjalment l-akkordji restrittivi, għaliex dan ma josservax l-obbligu li ssir distinzjoni bejn id-diversi livelli ta’ gravità tal-aġir individwali tal-impriżi involuti fi ksur.

    238    Bħala konklużjoni ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti b’hekk titlob lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra mill-ġdid l-ammont tat-tnaqqis applikat għall-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha, billi jiżdied sostanzjalment dak it-tnaqqis, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti tal-pressjoni eżerċitata fuqha tagħha u tar-rwol esklużivament passiv kif ukoll l-effett reali taċ-ċirkustanza attenwanti tat-tfixkil frekwenti tal-għanijiet tal-akkordju.

    239    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    240    Permezz ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti tippretendi tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha abbażi tan-“nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-akkordji jew tal-prattiki illeċiti”, li jagħmel parti miċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 3 tal-linji gwida. Hija ssostni li t-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa ma jirriflettix bis-sħiħ iċ-ċirkustanza attenwanti tat-tfixkil frekwenti tal-għanijiet tal-akkordju, li fir-realtà rriżulta li kien jammonta għal nuqqas ta’ applikazzjoni sistematiku u effettiv tad-deċiżjonijiet tal-akkordju.

    241    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ akkordju ħlief jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tkun tista’ turi li hija opponiet b’mod ċar u b’mod rilevanti l-implementazzjoni ta’ dak l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet il-funzjonament tiegħu, u li hija ma dehritx li qiegħda taderixxi għall-akkordju u b’hekk ħeġġet lil impriżi oħrajn jimplementaw l-akkordju inkwistjoni (sentenzi Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 113, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 196). Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni (sentenzi Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punti 277 u 278, u Itochu vs Il-Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 145).

    242    Barra minn hekk, fil-linji gwida ma hemmx indikat li l-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra separatament kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 tal-linji gwida. Minn dan isegwi, skont din il-ġurisprudenza, li hija ma hijiex obbligata tagħti tnaqqis supplimentari fuq din il-bażi b’mod awtomatiku, u li l-adegwatezza ta’ tnaqqis tal-multa fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

    243    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

    “Romana Tabacchi ma ħaditx sehem f’ċerti aspetti tal-akkordju (jiġifieri, prinċipalment, dawk relatati max-xiri dirett mingħand il-produtturi, li mingħandhom hija bdiet tixtri kwantitajiet limitati biss fl-2000) […] Barra minn hekk, l-aġir ta’ Romana Tabacchi spiss fixkel l-iskop tal-akkordju sal-punt li l-parteċipanti l-oħrajn kellhom jiddiskutu bejniethom ir-reazzjoni kontra dan l-aġir […] Dawn l-elementi jagħtu lok għal tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Romana Tabacchi.”

    244    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, jirriżulta minn sempliċi qari ta’ din il-premessa li ċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti f’dan l-ilment diġà ġiet ikkunsidrata debitament.

    245    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-ilmenti u l-argumenti li r-rikorrenti tifformula fil-kuntest ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    6.     Fuq il-ħames motiv, dwar in-natura inġusta u sproporzjonata tal-multa fir-rigward tal-istruttura patrimonjali u l-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti

     L-argumenti tal-partijiet

    246    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-multa imposta fuqha, li hija ekwivalenti kważi għad-doppju tal-ammont tal-kapital azzjonarju tagħha, hija inġusta u sproporzjonata. B’mod partikolari, dan huwa każ klassiku ta’ “amministrazzjoni ħażina” min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-eżerċizzju abbużiv tas-setgħat diskrezzjonali tagħha fil-qasam tal-kalkolu tal-multi huwa ta’ gravità eċċezzjonali f’din il-kawża peress li għandu miegħu applikazzjoni ta’ politika ta’ klemenza fir-rigward tal-membri l-iktar importanti u l-iktar b’saħħithom tal-akkordju, li jwassal għal riżultat globali ta’ inġustizzja rari. In-negliġenza u l-attitudni superfiċjali tal-Kummissjoni fil-konfront tar-rikorrenti pproduċew sitwazzjoni paradossali fejn hija kienet l-impriża li weħlet l-ikbar penali f’termini ta’ perċentwali, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, u li effettivament ġiet ikkundannata toħroġ mis-suq, minkejja l-fatt li hija kienet l-unika waħda li poġġiet f’periklu l-istabbiltà tal-akkordju u li ħadet sehem fih għal perijodu ta’ żmien inqas, waqt li barra minn hekk il-parteċipazzjoni tagħha kienet limitata għal ċerti aspetti tal-akkordju.

    247    It-tqassim diżugwali li sar fid-deċiżjoni kkontestata bejn il-membri tal-“qalba” tal-akkordju, li bbenefikaw mill-klemenza tal-Kummissjoni, u r-rikorrenti, jirriżulta minn applikazzjoni mekkanika u formali tal-linji gwida, li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ individwalizzazzjoni u ta’ gradazzjoni tal-piena.

    248    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tisħaq ukoll li peress li l-ammont tal-multa tagħha qabel l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (EUR 8.75 miljun) kien ekwivalenti għal iktar minn 42 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2004/2005, waqt li l-multa imposta fuq Deltafina (EUR 30 miljun) tirrappreżenta biss 31 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha matul l-istess perijodu, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tipprevjeni dawn l-“effetti kollaterali” billi tagħtihom attenzjoni massima matul l-applikazzjoni tal-linji gwida, fl-istadju tad-deċiżjoni finali.

    249    Barra minn hekk, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti mhux biss tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda lanqas ma għandha effett utli, inkwantu tpoġġi irrimedjabbilment fil-periklu l-eżistenza tagħha. Fil-fatt, peress li din il-multa hija ekwivalenti għal madwar id-doppju tal-kapital azzjonarju tar-rikorrenti, fil-każ li tiġi eżegwita din tista’ twassal għall-istralċ tagħha.

    250    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-punt 5(b) tal-linji gwida, li għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża titqies li tinsab f’sitwazzjoni fejn ma tistax tħallas jekk l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja ta’ ammont għoli tkun tista’ tikkawżalha preġudizzju finanzjarju u ekonomiku mill-iktar serju u tikkawża immedjatament l-istralċ jew l-insolvenza tagħha, u twassal għall-falliment tagħha. Barra minn hekk, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kapaċità kontributtiva reali ta’ impriża hija rilevanti biss fil-kuntest soċjali partikolari tagħha, li huwa kkostitwit mill-konsegwenzi li l-ħlas tal-multa ser ikollu fir-rigward taż-żieda tal-qgħad jew id-deterjorament tas-setturi ekonomiċi upstream jew downstream tal-impriża kkonċernata. Skont ir-rikorrenti, il-multa imposta fuqha hija ta’ tali natura li twassal għad-deterjorament tas-suq upstream.

    251    Fil-fatt, kif huwa kkonfermat fid-dikjarazzjoni mogħtija fis-16 ta’ Jannar 2006 minn M. F., direttur taċ-Ċentru Kooperattiv Agroalimentari (Centro cooperativo agroalimentare, CECAS) u viċi president tal-Federazzjoni Nazzjonali tal-Kooperattivi Agrikoli u Agroalimentari (Federazione nazionale delle cooperative agricole e agroalimentari, Fedagri) kif ukoll president tal-kumitat “Tabakk” (Consulta Tabacco) fi ħdan din l-organizzazzjoni, l-għibien tar-rikorrenti mis-suq ikollha l-konsegwenza li jinġiebu fix-xejn jew jitnaqqsu b’mod drastiku l-esportazzjonijiet ta’ tabakk ikkultivat minn operaturi stabbiliti fl-Italja, li għalihom hija tirrappreżenta punt ta’ riferiment għall-esportazzjoni lejn ċerti “swieq niċċa”. Ir-rikorrenti tallega li l-għibien tagħha ser ikollu konsegwenzi diżastrużi għas-settur tat-tabakk iswed Taljan u tal-varjetà tat-tabakk Burley li hija kkultivata fiż-żona ta’ Benevento (l-Italja). Fil-każ ta’ għibien tar-rikorrenti, l-impriżi li jipproduċu l-varjetajiet li hija tikkummerċjalizza ma jibqgħalhomx suq, u dan ikollu impatt fuq l-impjiegi u, b’mod iktar ġenerali, fuq l-ekonomija ta’ reġjuni b’orjentament prinċipalment agrikolu.

    252    Barra minn hekk, l-għibien tagħha mis-suq lanqas ma jikkorrispondi mal-għan ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni u tas-suq, peress li l-grad ta’ konċentrazzjoni f’dan tal-aħħar tiġi aggravata. Fil-fatt, peress li fit-13 ta’ Mejju 2005, Dimon u SCC amalgamaw fl-Istati Uniti biex b’hekk ifformaw Alliance One, li wassal għall-ħruġ mis-suq tas-sussidjarji Taljani rispettivi tagħhom Dimon Italia u Transcatab, is-suq tat-tabakk Taljan issa jinsab f’idejn proċessur wieħed, Deltafina. Il-ħlas tal-multa ta’ EUR 2 miljun imposta mill-Kummissjoni b’hekk kellha l-effett li telimina lir-rikorrenti mis-suq għall-benefiċċju kbir ta’ Deltafina, li b’hekk saret l-aħħar proċessur kbir preżenti fl-Italja.

    253    Billi imponiet penali daqshekk sproporzjonata, il-Kummissjoni injorat l-aspett ta’ “prevenzjoni speċjali” u imponiet penali “eżemplari” illeċita.

    254    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv ikun miċħud.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    255    Essenzjalment, ir-rikorrenti tallega li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multa fuqha li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva reali tagħha fil-kuntest soċjali paritkolari.

    256    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tgħid, b’mod ġenerali, li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuqha multa inġusta u sproporzjonata fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ u l-kapital azzjonarju tagħha, li jpoġġi l-eżistenza tagħha f’periklu serju.

    257    Madankollu, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li penali ekwivalenti għal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, prevista mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hija ekwivalenti għal penali massima, hija żbaljata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan il-limitu għandu għan distint u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji tal-gravità u tat-tul ta’ żmien tal-ksur, jiġifieri li jiġi evitat li ma jiġux imposti multi meta jkun prevedibbli li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom, kif iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, mhux ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsuhom (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 280 u 282, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, T‑52/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 452). B’hekk, bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, dan il-limitu previst mil-leġiżlatur huwa applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u artikolat skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom u huwa intiż biex jiġu evitati multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 281, u s-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 453, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu hija li l-ammont tal-multa kkalkolata fuq il-bażi tal-kriterji tal-gravità u tat-tul ta’ żmien tal-ksur jitnaqqas għal-livell massimu awtorizzat meta jaqbeż dan tal-aħħar. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx it-totalità tal-multa li, fil-prinċipju, tkun dovuta abbażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq dawn il-kriterji (ara s-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 454, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    258    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li l-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti tpoġġi serjament fil-periklu l-eżistenza tagħha u tista’ twassal għall-istralċ tagħha, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, meta tiddetermina l-ammont tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni l-qagħda finanzjarja prekarja tal-impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal biex jingħata vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat lill-impriżi li jkunu l-inqas adatti għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 327, u tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5997, punt 105; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Unjoni Pigments vs Il-Kummissjoni, punt 212 iktar ’il fuq, punt 175, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ April 2010, BST vs Il-Kummissjoni, T‑452/05, Ġabra p. II‑1373, punt 95). Barra minn hekk, f’din il-kawża, ir-rikorrenti lanqas ma invokat dan l-argument matul il-proċedura amministrattiva.

    259    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, b’mod iktar speċifiku, iqabbel l-ammont bażiku tal-multa tagħha, ekwivalenti għal iktar minn 42 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, ma’ dak tal-multa imposta fuq Deltafina, li jirrappreżenta biss 31 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar, għandu jitfakkar li hija biss il-multa li tiġi fl-aħħar nett imposta li għandha titnaqqas għal-limitu massimu stipulat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tirreferi, matul il-kalkolu tagħha, għal ammont intermedju li jkun ogħla minn dan il-limitu, anki jekk il-multa fl-aħħar nett imposta ma taqbżux (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi PVC II, punt 109 iktar ’il fuq, punti 592 u 593, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 278; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 367). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata, f’xi stadju tal-applikazzjoni tal-linji gwida, tiżgura li l-ammonti intermedji tal-multi applikati jirriflettu kull differenza li tkun teżisti bejn id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland‑Werke vs Il-Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 87). Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni lanqas ma hija obbligata tiżgura li l-ammonti finali tal-multi li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha għall-impriżi jirriflettu kull differenza bejnhom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħha, ir-rikorrenti f’din il-kawża ma tistax tilmenta li ġiet imposta multa ogħla fuqha, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali, minn dik imposta fuq Deltafina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 315; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza SNCZ vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 114).

    260    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jitlobx li, meta jiġu imposti multi fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma tkunx iktar, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, minn dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-gravità u t-tul tal-ksur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 228 iktar ’il fuq, xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni tapplika attenwazzjoni tal-multi meta l-impriżi kkonċernati jkunu SMEs. Fil-fatt, ma hemm ebda raġuni biex l-SMEs jiġu ttrattati b’mod differenti minn impriżi oħrajn. Il-fatt li l-impriżi jkunu SMEs ma jeżonerahomx mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.

    261    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar in-neċessità għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva reali tagħha f’“kuntest soċjali partikolari”, fis-sens tal-punt 5(b) tal-linji gwida, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dawn l-argumenti jistgħu jkunu pertinenti, ma jirriżulta minn ebda element tal-proċess li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti allegat l-eżistenza ta’ tali “kuntest” jew qajmet kwistjonijiet inerenti għall-kapaċità kontributtiva reali tagħha.

    262    Kien biss matul il-kawża li r-rikorrenti allegat li l-għibien tagħha mis-suq, minħabba l-ammont għoli tal-multa, iwassal minn naħa għal deterjorament tas-suq upstream, inkwantu dan l-għibien jimplika li jisfgħu fix-xejn jew jitnaqqsu b’mod drastriku l-esportazzjonijiet tat-tabakk ikkultivat minn ċerti operaturi stabbiliti fl-Italja, u min-naħa l-oħra, effetti diżastrużi għall-impjiegi u l-ekonomija ta’ ċerti reġjuni kkonċernati b’orjentament prinċipalment agrikolu, inkwantu r-rikorrenti hija l-unika xerrejja tat-tabakk iswed mibjugħ mill-iktar konsorzju importanti ta’ kooperazzjoni ta’ din il-produzzjoni kif ukoll ta’ varjetà ta’ tabakk (il-Burley) ikkultivata fiż-żona ta’ Benevento.

    263    Għaldaqstant, ir-rikorrenti llum ma tistax tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tinvestiga l-applikazzjoni tal-punt 5(b) tal-linji gwida, li l-portata tiegħu ġiet evalwata, pereżempju, fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ argument invokat f’dan ir-rigward minn Transcatab b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    264    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-ilmenti u l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    7.     Fuq l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

    265    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni li tippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors ta’ annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali, billi tiġi mmodifikata b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 61 u 62, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    266    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, min-natura tiegħu stess, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-linji gwida tagħha meta hija tiddeċiedi permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 213, u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

    267    Jirriżulta mill-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motivi iktar ’il fuq li, meta jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni, minn naħa, wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju u, min-naħa l-oħra, marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta evalwat il-piż speċifiku ta’ din il-parteċipazzjoni.

    268    Fir-rigward tal-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kalkolu tat-tul ta’ żmien tal-ksur fir-rigward tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni akkużatha li pparteċipat fl-akkordju tal-proċessuri minn Ottubru 1997 sad-19 ta’ Frar 2002, b’din l-aħħar data tikkorrispondi għad-data tat-tmiem tal-ksur, waqt li l-parteċipazzjoni tagħha kienet sospiża bejn il-5 ta’ Novembru 1999 u d-29 ta’ Mejju 2001 (premessi 302 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti damet iktar minn sentejn u tmien xhur, il-Kummissjoni applikat żieda ta’ 25 % għall-multa li għandha tiġi imposta. L-ammont bażiku tagħha b’hekk ġie ffissat għal EUR 12.5 miljun (ara l-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata).

    269    Kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet motiv (ara l-punti 134 sa 143 u 150 sa 165 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju matul dan il-perijodu u ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha bejn Novembru 1999 u Mejju 2001. Fil-fatt, fir-rigward tal-perijodu sal-5 ta’ Novembru 1999, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati, b’mod partikolari, fil-punti 134 sa 149 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi biex tieħu din id-data bħala d-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, peress li l-provi li hija evalwat f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-elementi l-oħra tal-proċess setgħu jippermettulha biss tikkunsidra li din il-parteċipazzjoni kienet seħħet biss sa Frar 1999.

    270    Fir-rigward tal-allegat issoktar tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju matul il-perijodu mid-29 ta’ Mejju 2001 sad-19 ta’ Frar 2002, jirriżulta, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati, b’mod partikolari, fil-punti 150 sa 164 iktar ’il fuq, li l-indizji kollha li kellha l-Kummissjoni ma kinux biżżejjed biex tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju matul dan il-perijodu u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u li hija kkunsidrat li r-rikorrenti reġgħet ingħaqdet mal-akkordju matul dan il-perijodu.

    271    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tul ta’ żmien tal-ksur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-multa għandu jitnaqqas għal sittax-il xahar.

    272    Fir-rigward tal-illegalità l-oħra mwettqa mill-Kummissjoni, jirriżulta mill-punti 176 sa 195 iktar ’il fuq li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu l-Kummissjoni ħadet is-sena 2001 fir-rigward tar-rikorrenti bħala s-sena ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.

    273    Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 370 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ddeterminat il-piż relattiv tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju skont l-ishma tas-suq li huma kellhom matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur.

    274    Madankollu, l-għażla li tittieħed is-sena 2001, li għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 182 sa 186 iktar ’il fuq, ma setgħetx titqies fi kwalunkwe każ bħala l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, wasslet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra s-sehem tas-suq tagħha ta’ 8.86 % (ara l-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan is-sehem tas-suq fil-fatt kien sostanzjalment ikbar minn dak li kellha r-rikorrenti matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jiġifieri sehem tas-suq ta’ 2.71 % fl-1998, kif jirriżulta mill-komunikazzjoni tar-rikorrenti – li l-Kummissjoni ppreżentat fil-proċess wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali – imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 191 iktar ’il fuq).

    275    B’hekk, peress li d-diskrepanza li teżisti bejn is-sehem tas-suq tar-rikorrenti li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u dak li ttieħed, rispettivament, għal Mindo u Transcatab fl-2001, allegatament ma huwiex sinjifikattiv billi jinsabu f’medda ta’ madwar 9 sa 11 % (ara l-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn it-tliet impriżi setgħu jiġu kklassifikati fl-istess kategorija, li għaliha l-ammont bażiku tal-multa ġie ffissat għal EUR 10 miljun, ammont li, meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jirriflettix il-“piż speċifiku” tar-rikorrenti u r-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir illeċitu tagħha.

    276    Minn dan isegwi li l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, meta bbażat ruħha fuq is-sehem tas-suq li kellha r-rikorrenti fl-2001, iddetermina l-klassifikazzjoni żbaljata tagħha f’kategorija ta’ impriżi li ma kinitx dik tagħha, li fl-aħħar nett wassal lill-Kummissjoni tiddetermina ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti li kien sproporzjonat meta mqabbel mal-piż relattiv reali tagħha fil-ksur.

    277    Bħala konsegwenza, l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, minn naħa, fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u, min-naħa l-oħra, rigward id-determinazzjoni tas-sehem tas-suq tar-rikorrenti u, minħabba dak il-fatt, il-klassifikazzjoni tagħha fl-istess kategorija mal-impriżi ta’ daqs differenti kif ukoll piż differenti fl-akkordju, wasslu lill-Kummissjoni tattribwixxi rwol lir-rikorrenti li huwa essenzjalment simili għal dak tat-tliet produtturi l-oħrajn, jiġifieri Deltafina, Dimon Italia u Transcatab.

    278    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju huwa nettament differenti minn dak tat-tliet proċessuri l-oħrajn, li lkoll jappartjenu għal gruppi multinazzjonali. Dawn tal-aħħar huma, effettivament, l-uniċi li stabbilixxew l-akkordju u li pparteċipaw fl-aspetti kollha tiegħu mill-bidu sat-tmiem tal-ksur. Barra minn hekk, b’differenza mir-rikorrenti, it-tliet proċessuri msemmija hawn fuq kienu lkoll membri tal-APTI (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata), u għamlu tentattiv biex jikkundizzjonaw l-aġir tagħha (premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-premessa 380), ir-rikorrenti mhux biss ipparteċipat fl-akkordju b’mod skontinwu, iżda matul il-parteċipazzjoni tagħha spiss fixklet il-funzjonament tiegħu.

    279    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE, kif previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandhom l-għan li jrażżnu l-atti illeċiti tal-impriżi kkonċernati kif ukoll li jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed jinsab fl-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, u s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-imsemmija impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

    280    Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (ara l-punt 104 iktar ’il fuq). Għalhekk il-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli dwar il‑kompetizzjoni, u l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat b’mod globali, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq).

    281    F’din il-kawża, ir-rikorrenti hija impriża ta’ daqs żgħir, li l-kapital azzjonarju tagħha fl-2005 kien jammonta biss għal EUR 1.1 miljun u li l-istruttura azzjonarja tagħha tinsab f’idejn familja, bl-uniċi azzjonisti jkunu żewġ persuni fiżiċi, il-konjugi B. (Digriet Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 70 u 123). Jirriżulta wkoll mill-konstatazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-proċedura sommarja li wasslet għal din il-kawża li, fl-2005, sabiex jikkontribwixxu għall-kostituzzjoni ta’ riżerva biex jiġi kopert ir-riskju ta’ ħlas ta’ multa ta’ EUR 1 miljun, ir-rikorrenti kellha tipproċedi għall-bejgħ ta’ fabbrika li tinsab f’Cerratina, fil-komun ta’ Pianella (l-Italja), u b’hekk naqqset il-valur tal-assi immobiljari għal somma inqas mill-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (Digriet Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 87 u 107).

    282    Għal dak li jirrigwarda l-effetti li titniżżel multa ta’ EUR 2.05 miljun fil-kontijiet tagħha, ir-rikorrenti allegat ukoll, matul il-proċedura sommarja, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mill-Kummissjoni li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikoli 2447 u 2484 tal-kodiċi ċivili (kodiċi ċivili Taljan), ir-reġistrazzjoni fil-karta tal-bilanċ ta’ obbligu ekwivalenti għad-doppju tal-kapital azzjonarju, bħal ma huwa l-każ f’din il-kawża, hija ta’ tali natura li tnaqqas dan il-kapital għax-xejn. B’mod iktar partikolari, fil-każ ta’ tnaqqis tal-kapital azzjonarju ta’ società per azioni (SpA) għal livell inqas mill-minimu legali, din essenzjalment issib ruħha kkonfrontata bl-għażla segwenti: li torganizza x-xoljiment tagħha jew li tirrikapitalizza (ara, f’dan is-sens, id-digriet Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 88 u 123). F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-proċedura sommarja li, sa mit-13 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li la hija u lanqas iż-żewġ azzjonisti tagħha ma kienu f’pożizzjoni li jagħtu garanzija bankarja għall-ħlas tal-multa ta’ EUR 2.05 miljun imposta mill-Kummissjoni (Digriet Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 100 sa 122). B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-azzjonisti tar-rikorrenti ma għandhomx il-possibbiltà li jikkostitwixxu garanzija bankarja għall-ammont totali tal-multa u b’hekk ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jikkontribwixxu għall-kapital tal-kumpannija b’mod suffiċjenti biex jevitaw l-istralċ tagħha (ara, f’dan is-sens, id-Digriet Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 123). Il-banek li magħhom kienet taħdem normalment ir-rikorrenti kienu interrompew ukoll il-linji ta’ krediti tagħhom minħabba d-deterjorament tal-qagħda tagħha (Digriet Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 85). Barra minn hekk, f’din il-kawża, ebda element ma jindika li dan id-deterjorament kellu oriġini frawdolenti bil-għan li jiġi evitat il-ħlas tal-multa.

    283    Meta jitqiesu dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li multa ta’ ammont ta’ EUR 2.05 miljun, kif imposta mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2005, hija ta’ tali natura li twassal, fiha nfisha, għall-istralċ tar-rikorrenti u, bħala konsegwenza, għall-għibien tagħha mis-suq, li barra minn hekk jidher li jista’ jkollha riperkussjonijiet importanti, imsemmija mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha.

    284    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, meta jitqies b’mod partikolari l-effett kumulattiv tal-illegalitajiet li ġew ikkonstatati qabel kif ukoll il-kapaċità finanzjarja dgħajfa tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ billi jiġi ffissat l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 1 miljun. Fil-fatt, multa ta’ tali ammont ma tippermettix li jitrażżan b’mod effikaċi l-aġir illegali tar-rikorrenti, b’mod li ma huwiex negliġibbli u li jibqa’ suffiċjentement dissważiv. Kull multa ogħla minn dan l-ammont tkun sproporzjonata fir-rigward tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti meta jiġi evalwat fit-totalità tiegħu.

    285    F’din il-kawża, multa ta’ ammont ta’ EUR 1 miljun tikkostitwixxi l-penali ġusta għall-aġir li bih hija akkużata r-rikorrenti.

    286    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, fl-ewwel lok għandu jiġi annullat l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu jirrigwarda l-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti għall-perijodu wara Frar 1999, fit-tieni lok l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jiġi ffissat għal EUR 1 miljun, u fit-tielet lok għandu jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors.

     Fuq l-ispejjeż

    287    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.

    288    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li essenzjalment ġew milqugħa t-talbiet tar-rikorrenti. Għaldaqstant, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.

    289    Għal dak li jirrigwarda l-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-11/06 R, il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma, fid-dawl tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, li għandu jiġi ordnat li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 4012 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja], huwa annullat inkwantu l-Kummissjoni Ewropea kkonstatat fih li Romana Tabacchi Srl ħadet sehem fil-ksur wara x-xahar ta’ Frar 1999.

    2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Romana Tabacchi huwa ffissat għal EUR 1 miljun.

    3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    4)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Romana Tabacchi.

    5)      Fil-Kawża T-11/06 R, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Romana Tabacchi.

    Azizi

    Cremona

    Frimodt Nielsen

    Werrej


    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1.  Il-proċedura amministrattiva

    2.  Id-deċiżjoni kkontestata

    Iffissar tal-ammont bażiku tal-multi

    Gravità

    Trattament differenzjat

    Iffissar tal-ammont bażiku tal-multi

    Ċirkustanzi attenwanti

    Limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

    Applikazzjoni tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni

    Ammont finali tal-multi

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    Id-dritt

    1.  Fuq it-talba ta’ prova bix-xhud

    2.  Fuq l-ewwel motiv, li jallega nuqqas ta’ investigazzjoni, nuqqas ta’ motivazzjoni jew in-natura illoġika tagħha kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għal dak li jirrigwarda l-ommissjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali

    Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq fid-determinazzjoni tal-multa

    Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

    Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u n-natura illoġika tagħha

    3.  Fuq it-tielet motiv, li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ investigazzjoni kif ukoll ksur tal-oneru tal-prova, fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur allegat

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq id-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju fl-1999

    Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju bejn id-29 ta’ Mejju 2001 u d-19 ta’ Frar 2002

    –  Fuq il-faks mibgħut minn Deltafina fid-29 ta’ Mejju 2001

    –  Fuq il-laqgħat tas-16 ta’ Novembru 2001 u tat-8 ta’ Jannar 2002

    4.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura illoġika tal-motivazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-gradazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    5.  Fuq ir-raba’ motiv, li jallega tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa abbażi tar-rwol “ta’ tfixkil” li żvolġiet ir-rikorrenti kif ukoll il-fatt li ma ġewx ikkunsidrati ċirkustanzi attenwanti oħra

    Fuq l-ewwel parti, li tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, il-pressjoni li sofriet ir-rikorrenti kif ukoll ir-rwol purament passiv li hija żvolġiet

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    –  Fuq l-ilment li ma ġietx ikkunsidrata n-natura sfurzata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju

    –  Fuq l-ilment li ma ġiex ikkunsidrat ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv tar-rikorrenti

    –  Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

    Fuq it-tieni parti, dwar in-nuqqas, mill-Kummissjoni, li tikkunsidra debitament iċ-ċirkustanza attenwanti ta’ “tfixkil frekwenti tal-għanijiet tal-akkordju”, li kkonsista fin-nuqqas ta’ applikazzjoni sistematika tad-deċiżjonijiet tal-akkordju

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    6.  Fuq il-ħames motiv, dwar in-natura inġusta u sproporzjonata tal-multa fir-rigward tal-istruttura patrimonjali u l-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    7.  Fuq l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

    Fuq l-ispejjeż


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq