Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006TJ0025

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Settembru 2011.
    Alliance One International, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta' tabakk mhux maħdum - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq - Imputabbiltà tal-aġir illegali - Multi.
    Kawża T-25/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-05741

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2011:442

    Kawża T-25/06

    Alliance One International, Inc.

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi”

    Sommarju tas-sentenza

    1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

    2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju

    (Artikoli 81 KE, 82 KE u 85 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

    3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Ksur minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni — Kundizzjonijiet

    (Artikoli 81 KE, 82 KE u 85 KE)

    4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

    (Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

    5.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Persuna ġuridika responsabbli għat-tmexxija tal-impriża matul il-ksur — Eċċezzjonijiet

    (Artikolu 81(1) KE)

    6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

    7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva — Applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni

    (Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A)

    1.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, meta l-kapital kollu ta’ kumpannija sussidjarja jkun il-proprjetà tal-kumpannija parent, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja, mingħajr ma tkun meħtieġa li tressaq provi supplimentari li jistabbilixxu li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat tali influwenza jew kellha għarfien tal-ksur jew tal-involviment ta’ dik il-kumpannija sussidjarja f’dan il-ksur. Din hija preżunzjoni konfutabbli, li tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ prova kontrarja. Għalhekk hija l-kumpannija parent, meqjusa mill-Kummissjoni bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha tikkonfuta din il-preżunzjoni permezz ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu li l-kumpannija sussidjarja tagħha tiddetermina l-linja ta’ azzjoni tagħha fis-suq b’mod awtonomu, u li għalhekk dawn iż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Fin-nuqqas ta’ dan, l-eżerċizzju ta’ kontroll jiġi pprovat bil-fatt li l-preżunzjoni bbażata fuq il-pussess totali tal-kapital ma ġietx ikkonfutata.

    Sabiex jiġi evalwat jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, liema elementi jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi ta’ kull każ.

    Il-fatt li kumpannija sussidjarja jkollha l-maniġment lokali u l-mezzi proprji ma jfissirx, fih innifsu, li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq indipendentement mill-kumpannija parent tagħha. Il-fatt li t-tmexxija tal-attivitajiet ta’ kuljum tiġi fdata f’idejn l-amministrazzjoni lokali ta’ kumpannija sussidjarja li tkun 100 % proprjetà tal-kumpannija parent huwa, fil-fatt, prattika komuni u, għaldaqstant, ma huwiex prova tal-awtonomija reali tal-kumpanniji sussidjarji. Bl-istess mod, fil-gruppi integrati b’mod vertikali, it-tqassim tal-inkarigi bejn il-kumpanniji sussidjarji u l-kumpanniji parent tagħhom hija prattika normali, li ma tistax tikkonfuta l-preżunzjoni li tgħid li l-kumpanniji parent effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji.

    (ara l-punti 125, 126, 130, 131)

    2.      L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża matul it-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat. L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprovdi li l-partijiet għandhom jirċievu dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tiddikjara b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni.

    Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni hija dokument preparatorju u l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja. Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ dritt insostenn tal-ilmenti li hija fformulat.

    (ara l-punti 179-181)

    3.      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argument imressaq minn impriża matul il-proċedura, mingħajr ma din tkun tpoġġiet f’pożizzjoni li tesprimi ruħha, f’dan ir-rigward, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, ma jistax jikkostitwixxi, bħala tali, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

    F’dan ir-rigward, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha setgħet twassal għal riżultat differenti. Impriża tistabbilixxi li tali ksur ikun seħħ meta turi biżżejjed, mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha fin-nuqqas tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li setgħet tuża għad-difiża tagħha dokumenti li għalihom ma ngħatatx aċċess waqt il-proċedura amministrattiva.

    (ara l-punti 182, 183)

    4.      Il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-kumpanniji kollha li jiffurmaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, minħabba li d-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji komponenti jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tal-qawwa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

    (ara l-punti 210, 211)

    5.      Fil-prinċipju, huwa obbligu tal-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta jkun twettaq il-ksur, li tirrispondi għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra.

    Meta entità li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil ġuridiku jew organizzattiv, dan it-tibdil ma jkollux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-entità preċedenti jekk, mill-perspettiva ekonomika, iż-żewġ entitajiet huma identiċi.

    Fil-fatt, għall-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, jista’ jkun neċessarju, bħala eċċezzjoni, li akkordju jiġi attribwit lill-operatur il-ġdid tal-entità involuta, f’sitwazzjoni fejn, f’termini ekonomiċi, dan jista’ fil-fatt jitqies bħala s-suċċessur tal-operatur inizjali.

    Dan il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” japplika biss f’ċirkustanzi partikolari, bħal fil-każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mit-tmexxija tal-impriża tkun waqfet milli teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur.

    Meta impriża tieqaf teżisti minħabba li ġiet assorbita minn xerrej, dan tal-aħħar jassumi l-attiv u l-passiv tagħha, inkluż ir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża assorbita tista’ tiġi attribwita lix-xerrej.

    Il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ma jistax jitqiegħed indiskussjoni minn dak tal-kontinwità ekonomika fil-każ fejn impriża involuta fl-akkordju tkun ġiet ittrasferita lil terza persuna indipendenti u fejn ma teżisti l-ebda rabta strutturali bejn l-operatur preċedenti u dak ġdid.

    (ara l-punti 215-218, 220, 221)

    6.      Is-sanzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi kemm sabiex jitwaqqaf l-aġir li jikkostitwixxi ksur kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ tali aġir futur. Għalhekk, id-dissważjoni hija l-iskop tal-multa.

    Il-ħtieġa li bil-multa jiġi żgurat effett dissważiv titlob li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mistenni fuq l-impriża li fuqha tkun ġiet imposta, u dan bil-għan li l-multa ma ssirx ineffettiva, jew b’mod kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, b’mod konformi mal-eżiġenzi bbażati, min-naħa waħda, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    (ara l-punti 234, 235)

    7.      L-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal finijiet dissważivi fil-kalkolu tas-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi oġġettivi tal-parteċipanti fil-ksur, bħad-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom. F’dan ir-rigward, l-istess kliem tar-raba’ paragrafu tal-punt 1A tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jikkonferma din it-teżi peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ dissważjoni jsir, irrispettivament min-natura tal-ksur, mill-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u mid-daqs ġeografiku tiegħu.

    Peress li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża unika, fid-dawl tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpannija parent għall-kalkolu tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, u mhux biss dak tal-kumpanniji sussidjarji kkonċernati.

    Jekk l-unità ekonomika tkun ġiet mitmuma sadanittant, kull destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu d-dritt li fil-konfront tiegħu jiġi applikat b’mod individwali l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tiegħu. Ir-riżorsi globali ta’ impriża għandhom jiġu evalwati, sabiex jiġi milħuq l-għan ta’ dissważjoni b’mod korrett, u dan bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-ġurnata meta l-multa tiġi imposta.

    (ara l-punti 243, 252, 255, 257)







    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    9 ta’ Settembru 2011 (*)

    “Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi”

    Fil-Kawża T‑25/06,

    Alliance One International, Inc., stabbilita f’Danville, Virginia (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C. Osti u A. Prastaro, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u F. Amato, sussegwentement minn É. Gippini Fournier u N. Khan, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4012 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Kawża COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Alliance One International,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

    komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

    Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1        Ir-rikorrenti, Alliance One International, Inc. (iktar ’il quddiem “Alliance One”), hija kumpannija Amerikana, stabbilita fl-Istati Uniti, li tmexxi grupp li nħoloq mill-fużjoni tal-gruppi Dimon Inc. (iktar ’il quddiem “Dimon Inc.”) u Standard Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”), li seħħet fit-13 ta’ Mejju 2005, wara l-ksur inkwistjoni.

    2        Tul il-perijodu tal-ksur, Dimon Italia Srl u Transcatab SpA, li huma tnejn mill-erba’ impriżi ewlenin tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum stabbiliti fl-Italja (iktar ’il quddiem il-“proċessuri”), kienu sussidjarji kkontrollati 100 %, rispettivament, minn Dimon Inc. u minn SCC, li Alliance One hija s-suċċessur legali tagħhom.

    A –  Il-proċedura amministrattiva

    3        Fil-15 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej indirizzat talbiet għal informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament ta’ applikazzjoni tal-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), rigward is-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum, lill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-proċessuri u tal-produtturi tat-tabakk Taljani, jiġifieri, rispettivament, lill-Associazione professionale trasformatori tabacchi italiani (APTI, Assoċjazzjoni professjonali tal-proċessuri ta’ tabakk mhux maħdum Taljani) u lill-Unione italiana tabacco (Unitab, Unjoni Taljana tat-tabakk).

    4        Fid-19 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità mill-multi min-naħa ta’ Deltafina SpA, proċessur membru tal-APTI, skont l-Avviż [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002”). Fis-6 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni tatha immunità kundizzjonali b’applikazzjoni tal-punt 15 tal-Komunikazzjoni msemmija.

    5        Fl-4 ta’ April 2002, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità mill-multi, abbażi tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis ta’ kull multa, abbażi tal-punti 20 sa 27 tal-Komunikazzjoni msemmija, min-naħa ta’ Dimon Italia, kif ukoll talba għal tnaqqis ta’ kull multa, bl-istess bażi, min-naħa ta’ Transcatab.

    6        Fit-18 u fid-19 ta’ April 2002, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab, kif ukoll fil-bini ta’ Trestina Azienda Tabacchi SpA u ta’ Romana Tabacchi SpA.

    7        Fit-8 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lil Dimon Italia u lil Transcatab li, peress li dawn kienu rispettivament l-ewwel u t-tieni impriża li pprovdew provi tal-ksur għall-finijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002, hija kellha l-ħsieb li, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, tnaqqas l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom fir-rigward tal-ksur eventwalment ikkonstatat.

    8        Fil-25 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija indirizzat lil għaxar impriżi jew assoċjazzjonijiet, fosthom il-proċessuri u l-kumpanniji parent ta’ xi wħud minn dawn. Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellhom aċċess għall-fajl amministrattiv, permezz ta’ kopja fuq CD‑ROM li ntbagħtet lilhom mill-Kummissjoni, u bagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub b’risposta għall-oġġezzjonijiet invokati minnha. Sussegwentement, saret seduta fit-22 ta’ Ġunju 2004.

    9        Wara l-adozzjoni, fil-21 ta’ Diċembru 2004, ta’ addendum għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-25 ta’ Frar 2004, saret seduta oħra fl-1 ta’ Marzu 2005.

    10      Wara li kkonsultat mal-Kumitat konsultattiv dwar l-akkordji u l-pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2005, id-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Frar 2006 (ĠU L 353, p. 45).

    B –  Id-deċiżjoni kkontestata

    11      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, fl-ewwel lok, akkordju orizzontali implementat mill-proċessuri fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    12      Il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest ta’ dan l-akkordju, matul il-perijodu bejn l-1995 u l-bidu tal-2002, il-proċessuri kienu ffissaw il-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja, kemm fir-rigward tax-xiri dirett mill-produtturi kif ukoll tax-xiri mingħand terzi persuni li jippakkjaw, b’mod partikolari permezz tal-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    13      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, fit-tieni lok, żewġ każijiet ta’ ksur oħra, distinti mill-akkordju implementat mill-proċessuri, li seħħew bejn il-bidu tal-1999 u l-aħħar tal-2001 u li kienu jikkonsistu, fil-każ tal-APTI, fl-iffissar tal-prezzijiet tal-kuntratti li kienet sejra tinnegozja, f’isem il-membri tagħha, għall-konklużjoni tal-ftehim interprofessjonali mal-Unitab, u, fil-każ ta’ din tal-aħħar, fl-iffissar tal-prezzijiet li kienet sejra tinnegozja mal-APTI, f’isem il-membri tagħha, għall-konklużjoni tal-istess ftehim.

    14      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kull prattika tal-proċessuri kienet tikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 264 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

    15      Fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, hija attribwixxiet ir-responsabbiltà tal-akkordju lill-erba’ proċessuri Taljani, lil Universal Corp., kumpannija parent ta’ Deltafina, kif ukoll lil Alliance One, bħala l-kumpannija li ħarġet mill-fużjoni bejn Dimon Inc. u SCC. Hija kkonstatat ukoll, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-APTI u l-Unitab kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE billi adottaw deċiżjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet li kienu sejrin jinnegozjaw, f’isem il-membri tagħhom, għall-konklużjoni ta’ ftehim interprofessjonali.

    16      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi fuq l-impriżi msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq kif ukoll fuq l-APTI u l-Unitab (ara l-punt 54 iktar ’il quddiem).

    1.     Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

    17      Il-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata jittratta d-determinazzjoni tad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

    18      Preliminarjament, il-Kummissjoni rreferiet għall-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-kunċett ta’ “impriża”, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika għall-fini tas-suġġett tal-ftehim inkwistjoni, anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni, fiżiċi jew ġuridiċi (premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

    19      Sussegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat li kien ġie stabbilit li Deltafina, Dimon Italia (li wara ssemmiet Mindo), Transcatab u Romana Tabacchi, kif ukoll l-APTI u l-Unitab, kienu pparteċipaw direttament, matul il-perijodi rispettivi ta’ ksur, fil-ksur ikkonstatat u li, għalhekk, kull waħda minn dawn l-impriżi u assoċjazzjonijiet kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata).

    20      Il-Kummissjoni kompliet l-analiżi tagħha billi eżaminat il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ ċerti kumpanniji sussidjarji (Deltafina, Dimon Italia u Transcatab) lill-kumpanniji parent rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, matul il-perijodu tal-ksur, Deltafina kienet sussidjarja 100 % ta’ Universal, Dimon Italia kienet sussidjarja 100 % ta’ Dimon Inc., u Transcatab kienet sussidjarja 100 % ta’ SCC (premessa 328 tad-deċiżjoni kkontestata).

    21      Il-Kummissjoni ddikjarat b’mod partikolari li, skont il-ġurisprudenza, kumpannija parent setgħet tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha, meta din ma tkunx kapaċi tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu. F’dan ir-rigward, hija fakkret li wieħed jista’ jassumi li, meta kumpannija parent ikollha l-kapital azzjonarju kollu ta’ kumpannija sussidjarja, din ikollha influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha meta twettaq ksur tal-Artikolu 81(1) KE (premessi 329 u 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

    22      Fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li, fir-rigward ta’ Deltafina, Dimon Italia u Transcatab, jista’ jkun leġittimament preżunt li huma “ma kellhomx awtonomija” peress li kienu, jew qabel kienu, fil-każ ta’ Dimon Italia, miżmuma 100 % mill-kumpanniji parent rispettivi tagħhom.

    23      Filwaqt li rrifjutat it-teżi, imressqa mill-imsemmija kumpanniji fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tgħid li huma meħtieġa iktar elementi, minbarra dak tal-kontroll 100 %, sabiex ikun indikat l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, il-Kummissjoni ppreċiżat li kull preżunzjoni ta’ tali influwenza fil-każ ta’ kumpannija sussidjarja kkontrollata 100 % kienet konfutabbli. Il-prova kuntrarja għandha tingħata mill-parti li tixtieq tirribatti tali preżunzjoni permezz ta’ “provi solidi”, li ma jistgħux ikunu sempliċement informazzjoni ġenerali mingħajr is-sostenn ta’ provi konvinċenti (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).

    24      F’dan ir-rigward, hija eżaminat suċċessivament l-argumenti mressqa mill-kumpanniji parent destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ elementi dwar l-ispeċifiċità tal-gruppi rigward l-awtonomija tal-attivitajiet tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom.

    25      Il-Kummissjoni ċaħdet, fl-ewwel lok, l-argument ġenerali mressaq mill-kumpanniji parent ikkonċernati dwar ir-responsabbiltà sħiħa tal-amministraturi lokali għall-attivitajiet tal-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom. Fil-fehma tagħha, il-fatt li Dimon Inc. u SCC żammew l-amministraturi eżistenti meta akkwistaw 100 % tas-sehem tal-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom ma jistax jeskludi li l-kumpanniji parent eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji Taljani rispettivi tagħhom, peress li hija prattika komuni li t-tmexxija lokali ta’ kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % tiġi fdata f’idejn l-amministraturi tan-negozju ta’ kuljum (premessa 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

    26      Skont il-Kummissjoni, l-ebda waħda minn dawn l-impriżi ma wriet, b’mod ġenerali, xi karatteristika speċifika tal-grupp tagħha li għamlet l-attivitajiet tal-kumpannija sussidjarja tagħha kunsiderevolment indipendenti mill-influwenza tagħha (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata).

    27      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat is-solidità tar-rabtiet ekonomiċi eżistenti bejn Deltafina, Dimon Italia, Transcatab u l-kumpanniji parent rispettivi tagħhom, li turi li l-kumpanniji sussidjarji Taljani kienu jikkostitwixxu unità ekonomika mal-bqija tal-grupp tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-gruppi kkonċernati kienu l-ikbar negozjanti tal-weraq tat-tabakk fid-dinja u li huma spiss kienu jixtru u jikkummerċjalizzaw it-tabakk mixtri mill-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom (premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata).

    28      F’dak li jirrigwarda lil Dimon Inc. u SCC, il-Kummissjoni rrilevat li, qabel ma xtraw il-kapital kollu ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab, dawn iż-żewġ impriżi kienu diġà jikkontrollaw lil dawn tal-aħħar flimkien mal-imsieħba Taljani rispettivi tagħhom. Il-fatt li dawn ma “kinux bidlu l-amministraturi” tal-kumpanniji sussidjarji wara dan l-akkwist ma setax, għalhekk, jitqies bħala prova li ma eżerċitaw l-ebda influwenza fuq l-amministraturi wara li kienu saru l-uniċi proprjetarji. Il-Kummissjoni żiedet li, fil-każ ta’ Dimon Italia, il-bord tad-diretturi kien kompost biss minn rappreżentanti tal-grupp Dimon u li wieħed minnhom kien involut esklużivament fit-tmexxija ta’ kuljum tal-impriża. Rigward id-delegazzjoni tas-setgħat eżekuttivi lid-direttur ġenerali ta’ Transcatab, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kellha l-ebda informazzjoni li tippermettilha tikkonstata li ma kienx inħatar minn SCC, l-istess bħall-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi (premessi 341 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata).

    29      Sussegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ Dimon Inc. u ta’ SCC li jgħid li ma teżisti l-ebda linja ta’ komunikazzjoni bejniethom u bejn il-kumpanniji sussidjarji tagħhom (premessi 343 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata).

    30      L-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ linji possibbli ta’ komunikazzjoni bejn Transcatab u SCC. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-attivitajiet ta’ Transcatab kienu meqjusa bħala attivitajiet ta’ SCTC, kumpannija holding fi ħdan il-grupp SCC, li hija proprjetà 100 % ta’ SCC, u li dawn kienu analizzati fil-kuntest tal-attivitajiet tal-grupp, li kienu jinkludu l-bejgħ tal-grupp SCC lill-manifatturi tas-sigaretti. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riżultati tal-attivitajiet ta’ Transcatab kienu ġew irrappurtati lil livelli ogħla fi ħdan il-grupp u mbagħad ġew ikkonsolidati (premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata).

    31      It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat is-sitwazzjoni ta’ Dimon Italia u ta’ Dimon Inc. Hija rrilevat li l-kumpannija sussidjarja kienet tfassal rapporti perjodiċi li kien fihom informazzjoni kunfidenzjali dwar l-istrateġiji u r-riżultati tagħha, peress li dawn ir-rapporti kienu indirizzati lill-kumpanniji fi ħdan il-grupp li kienu jixtru mingħand Dimon Italia. Hija osservat ukoll li dokumenti oħrajn kienu jindikaw intervent dirett mill-amministrazzjoni ta’ Dimon International Inc. u minn kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon fl-attivitajiet ta’ Dimon Italia. Hija żiedet ukoll li Dimon Inc. kienet spiss indirizzata bħala “Dimon International Inc.”, li jfisser li din tal-aħħar kienet fil-fatt topera fl-ogħla livell tal-grupp f’isem il-kumpannija parent. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma setax ikun hemm dubju rigward l-eżistenza ta’ linji ta’ komunikazzjoni bejn Dimon Italia u Dimon Inc., anki jekk dawn kienu jikkomunikaw permezz ta’ Dimon International (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

    32      Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li jgħid li Dimon Inc. ma kinitx il-kumpannija parent diretta ta’ Dimon Italia, minħabba li ma kienet ġiet ipprovduta l-ebda prova rigward ir-rwol ta’ Intabex Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Intabex”), lanqas rigward xi linji ta’ komunikazzjoni eventwali eżistenti bejn Intabex u Dimon Italia, u bejn Intabex u Dimon Inc. Barra minn hekk, deher li Intabex aġixxiet biss bħala kumpannija holding finanzjarja intermedjarja mingħajr ebda rabta mal-aspetti operattivi ta’ Dimon Italia (premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata).

    33      Il-Kummissjoni ppreċiżat li, peress li l-gruppi li kienu jagħmlu parti minnhom Transcatab u Dimon Italia matul il-perijodu tal-ksur ma baqgħux jeżistu wara l-fużjoni tagħhom fl-entità l-ġdida Alliance One, din tal-aħħar, bħala s-suċċessur legali ta’ dawk iż-żewġ gruppi, kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika għal Dimon Italia, li kienet inbiegħet minn Intabex lil xi individwi li semmewha Mindo (premessi 349 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata).

    34      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, li Deltafina, Universal, Mindo (li qabel kienet Dimon Italia), Transcatab, Alliance One, Romana Tabacchi, l-APTI u l-Unitab kellhom jinżammu responsabbli għall-ksur u jkunu d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

    2.     Id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi

    35      Fil-premessi 356 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat il-multi li kellhom jiġu imposti fuq id-destinatarji tagħha.

    36      L-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat il-gravità tal-ksur. Wara li fakkret li, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, hija kkonkludiet, fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur imwettaq mill-proċessuri kellu jiġi kkunsidrat bħala gravi ħafna.

    37      It-tieni nett, fil-premessi 370 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-“kobor speċifiku” u tad-“dissważjoni”. F’dan ir-rigward, hija indikat li kien jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-“kobor speċifiku ta’ kull impriża u b’hekk l-effett possibbli tal-aġir illeċitu tagħha”.

    38      Qabel kollox, il-Kummissjoni qieset li l-multi kellhom ikunu ffissati skont il-pożizzjoni fis-suq ta’ kull parti inkwistjoni (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

    39      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-każ ta’ Deltafina, l-ammont inizjali tal-multa kellu jkun l-ogħla, minħabba li din irriżultat li kienet l-ikbar xerrej, b’sehem mis-suq tagħha ta’ madwar 25 % fl-2001 (premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

    40      Peress li Transcatab, Dimon Italia u Romana Tabacchi kellhom inqas ishma mis-suq inkwistjoni, madwar 9 sa 11 % fl-2001, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn “kellhom jiġu raggruppati flimkien” u li l-ammont inizjali tal-multa kellu jkun iktar baxx fil-każ tagħhom (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata).

    41      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li ammont inizjali li jirrifletti biss il-pożizzjoni fis-suq ma jkollux effett dissważiv biżżejjed fuq Deltafina, Dimon Italia/Mindo u Transcatab, peress li, minkejja d-dħul mill-bejgħ relattivament limitat tagħhom, kull waħda kienet tappartjeni – jew, fil-każ ta’ Mindo, qabel kienet tappartjeni – lil gruppi multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli, li kienu l-ikbar negozjanti fit-tabakk fid-dinja u li kienu joperaw f’diversi livelli ta’ attività fi ħdan l-industrija tat-tabakk u fuq swieq ġeografiċi differenti (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

    42      Konsegwentement, sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1,5 – jiġifieri żieda ta’ 50 % – fuq l-ammont inizjali stabbilit għal Deltafina, u koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1,25 – jiġifieri żieda ta’ 25 % – fuq l-ammont inizjali stabbilit għal Dimon Italia (Mindo) u Transcatab (premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata).

    43      Għalhekk, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multi kif ġej:

    –        Deltafina:          EUR 37.5 miljun;

    –        Transcatab:          EUR 12.5 miljun;

    –        Dimon Italia (Mindo):      EUR 12.5 miljun;

    –        Romana Tabacchi: EUR 10 miljun.

    44      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tat-tul tal-ksur.

    45      Mill-premessi 377 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni żiedet l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur, u b’5 % għal kull perijodu addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar. Għaldaqstant, l-ammont inizjali tal-multa żdied b’60 %, li jikkorrispondi għal perijodu ta’ ksur ta’ sitt snin u erba’ xhur, għal Deltafina, Dimon Italia (Mindo) u Transcatab, u b’25 %, li jikkorrispondi għal perijodu ta’ ksur ta’ sentejn u tmien xhur, għal Romana Tabacchi.

    46      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ġew stabbiliti kif ġej:

    –        Deltafina:          EUR 60 miljun;

    –        Transcatab:          EUR 20 miljun;

    –        Dimon Italia (Mindo): EUR 20 miljun;

    –        Romana Tabacchi: EUR 12.5 miljun.

    47      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 380 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni xi ċirkustanzi attenwanti. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab, hija ċaħdet l-argumenti kollha tagħhom intiżi sabiex jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti.

    48      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multi li jirriżulta mill-applikazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, billi naqqset, b’50 % u bi 30 % rispettivament, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq Deltafina u fuq Romana Tabacchi, u eżaminat jekk kienx meħtieġ li tadatta l-ammonti bażiċi għad-diversi destinatarji sabiex dawk l-ammonti ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessi 399 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata).

    49      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li, meta l-impriżi inkwistjoni jappartjenu għal grupp, ikun stabbilit li dawn l-impriżi jkunu taħt l-influwenza determinanti tal-kumpanniji parent tagħhom u li, għalhekk, peress li dawn tal-aħħar ikunu responsabbli in solidum għall-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħhom, huwa d-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex ikun iddeterminat il-limitu ta’ 10 % msemmi iktar ’il fuq (premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata).

    50      B’hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li l-multa imposta fuq Romana Tabacchi ma kellhiex teċċedi EUR 2.05 miljun u li ma kienx meħtieġ li l-multi l-oħra jitnaqqsu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (premessi 402 u 403 tad-deċiżjoni kkontestata).

    51      Il-Kummissjoni kkonkludiet l-analiżi tagħha tal-limitu massimu tal-multa bil-limitazzjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ Mindo għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-iktar sena finanzjarja reċenti, jiġifieri EUR 3.99 miljun, peress li meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, din ma kellha l-ebda konnessjoni ma’ dak li qabel kien il-grupp Dimon, li sar Alliance One (premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata).

    52      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 (premessi 405 sa 500 tad-deċiżjoni kkontestata).

    53      Wara li kkonstatat li Dimon Italia u Transcatab kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet imposti fuqhom abbażi tat-talba tagħhom għal tnaqqis tal-multa, il-Kummissjoni ddeduċiet mill-evalwazzjoni tal-provi mressqa u mill-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura, li huma kellhom jibbenefikaw mill-ogħla rata ta’ tnaqqis stabbilita fl-iskali li kienu ġew indikati lilhom wara t-talba għal tnaqqis tagħhom, jiġifieri rispettivament 50 % u 30 % (premessi 492 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, ma ngħatat l-ebda immunità jew tnaqqis fil-multa lil Deltafina.

    54      B’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ffissat, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej:

    –        Deltafina u Universal, in solidum: EUR 30 miljun;

    –        Dimon Italia (Mindo) u Alliance One: EUR 10 miljun, peress li Alliance One hija responsabbli għall-multa kollha filwaqt li Mindo hija responsabbli in solidum biss għal EUR 3.99 miljun;

    –        Transcatab u Alliance One, in solidum: EUR 14-il miljun;

    –        Romana Tabacchi: EUR 2.05 miljun;

    –        APTI: EUR 1 000;

    –        Unitab: EUR 1 000.

     Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    55      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2006, Alliance One ippreżentat dan ir-rikors.

    56      Fir-rikors, Alliance One talbet li din il-kawża tingħaqad ma’ dawk li jirrigwardaw ir-rikorsi ppreżentati minn Mindo u minn Transcatab (ara l-punti 57 u 58 iktar ’il quddiem).

    57      Fl-20 ta’ Jannar 2006, Mindo ppreżentat rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha bid-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑19/06).

    58      Fit-3 ta’ Frar 2006, Transcatab ippreżentat ukoll rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha bid-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑39/06), filwaqt li talbet li l-kawża tingħaqad ma’ din il-kawża.

    59      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2006, Mindo talbet li l-Kawża T-19/06 tingħaqad ma’ din il-kawża. Fil-21 ta’ Awwissu 2006, Alliance One ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba u ddikjarat li kienet favur li l-kawżi jingħaqdu.

    60      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni indikat li fil-fehma tagħha, l-għaqda ta’ dawn il-kawżi ma kinitx ser tippermetti li titjieb b’mod sinjifikattiv l-effettività tal-proċedura, u li hija kienet sejra tħalli din il-kwistjoni f’idejn il-Qorti Ġenerali.

    61      Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba biex il-kawżi jingħaqdu.

    62      Fl-24 ta’ Novembru 2009, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ressqet domanda bil-miktub lil Alliance One, li rrispondiet għaliha fit-terminu mogħti. Fit-2 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat il-kummenti tagħha fuq ir-risposta ta’ Alliance One.

    63      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu mogħti.

    64      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2010.

    65      Alliance One titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċerna lil SCC, Dimon Inc. u Alliance One;

    –        konsegwentement tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Transcatab u fuq Dimon Italia/Mindo, b’mod li l-multi ma jaqbżux l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-aħħar sena finanzjarja;

    –        sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq Transcatab u fuq Dimon Italia/Mindo, peress li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ma kienx applikabbli;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    66      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lil Alliance One għall-ispejjeż.

     Id-dritt

    67      Insostenn tar-rikors tagħha, Alliance One tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, li jinqasmu f’diversi partijiet. L-ewwel motiv, invokat b’mod prinċipali, huwa bbażat fuq ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà lil kumpannija parent għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, billi l-ammont tal-multa impost jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fl-2005 minn, Transcatab u Dimon Italia rispettivament, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fl-iffissar tal-ammont finali tal-multa. Alliance One tressaq ukoll, sussidjarjament, it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni.

    A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà lil kumpannija parent għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

    68      Dan il-motiv jista’ jinqasam f’erba’ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Alliance One tosserva li l-Kummissjoni kisret ir-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-prattiki tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Fil-kuntest tat-tieni parti, Alliance One tallega li SCC u Dimon Inc. ipprovdew lill-Kummissjoni bi provi li jindikaw li huma ma eżerċitawx influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħhom, li l-Kummissjoni, essenzjalment, injorat. Fil-kuntest tat-tielet parti, Alliance One tilmenta li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ SCC u ta’ Dimon Inc. billi użat, sabiex tikkontesta l-provi mressqa minnhom, dokumenti mhux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dokumenti mhux aċċessibbli. Fil-kuntest tar-raba’ parti, Alliance One tosserva li l-Kummissjoni kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

    1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-prattiki tal-kumpannija sussidjarja tagħha

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    69      Alliance One issostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li SCC u Dimon Inc. kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq Transcatab u Dimon Italia rispettivament, matul il-perijodu tal-ksur u meta, minħabba f’hekk, żammitha responsabbli in solidum għall-aġir li jikkostitwixxi ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar.

    70      Skont Alliance One, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza rilevanti, peress li fiha jiġi kkonstatat li jista’ jkun preżunt li kumpannija parent li jkollha l-ishma kollha ta’ kumpannija sussidjarja teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tagħha. Insostenn tat-teżi tagħha, Alliance One tinvoka diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali f’xi wħud mill-kawżi li wasslu għal dawk is-sentenzi, kif ukoll ċerti sentenzi tal-Qorti Ġenerali. Jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I-9925), li kienet ikkonfermata minn sentenzi oħrajn, li jeħtieġ dejjem li jitressqu provi supplimentari minbarra s-sempliċi pussess mill-kumpannija parent tal-ishma kollha ta’ kumpannija sussidjarja, fiż-żmien meta din tkun wettqet ksur tal-Artikolu 81(1) KE, biex ikun preżunt li l-kumpannija parent kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha u biex b’hekk, il-kumpannija parent tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mil-kumpannija sussidjarja.

    71      Barra minn hekk, fil-prattika deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat f’diversi okkażjonijiet li s-sempliċi fatt li impriża jkollha l-ishma kollha ta’ kumpannija sussidjarja direttament involuta fil-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fih innifsu ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha u li, għaldaqstant, huma meħtieġa provi supplimentari biex tkun stabbilita b’ċertezza r-responsabbiltà ta’ grupp għall-aġir ta’ waħda mill-kumpanniji sussidjarji tiegħu, meta l-kumpannija parent ma tkunx ipparteċipat b’mod dirett fl-akkordju.

    72      Alliance One tirreferi, b’mod partikolari, għal każijiet fejn il-Kummissjoni ma ddikjaratx lill-kumpannija parent responsabbli għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha [filwaqt li kkritikat, b’mod partikolari, l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni fil-każ li wassal għad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004 fil-Kawża Tabakk mhux maħdum - Spanja (COMP/38.238/B.2)], u ddikjarat lill-kumpannija parent responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju, jew ibbażat ruħha fuq elementi oħrajn sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpannija parent.

    73      B’mod partikolari, mill-eżami tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li din teżiġi wkoll provi oħrajn “minbarra” is-sempliċi fatt li kumpannija jkollha l-ishma kollha tal-kumpannija sussidjarja tagħha, bħal:

    –        l-involviment dirett tal-kumpannija parent fil-ksur;

    –        ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-implementazzjoni tal-ksur;

    –        il-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent f’laqgħat li matulhom jiġu diskussi prattiki anti-kompetittivi;

    –        il-fatt li l-kumpannija parent ma ddikjaratx jew ma indikatx l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja tagħha;

    –        il-fatt li l-kumpannija parent ippreżentat lilha nnifisha bħala l-unika interlokutriċi matul il-proċedura;

    –        elementi li jindikaw li l-kumpannija parent kienet “konxja” mill-ftehim jew il-fatt li hija ma tkunx ikkontestat espressament li hija kienet konxja mill-aġir li jikkostitwixxi ksur.

    74      Finalment, mill-analiżi tal-ġurisprudenza u mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li:

    –        hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha;

    –        l-oneru ta’ din il-prova ma jinqalibx, iżda sempliċiment jiġi ffaċilitat meta l-kumpannija sussidjarja tkun ikkontrollata 100 %, kemm-il darba jitressqu provi jew ħjiel ieħor sabiex isostnu din il-konklużjoni;

    –        huwa biss fil-każijiet fejn il-kumpannija parent ikollha 100 % tal-ishma tal-kumpannija sussidjarja u fejn jeżisti ħjiel ieħor rigward l-involviment tagħha li r-responsabbiltà tal-kumpannija parent tista’ tkun preżunta u li l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ involviment tagħha jiġi ttrasferit fuqha;

    –        din il-preżunzjoni tista’ dejjem tinqeleb jekk Alliance One tkun tista’ tressaq provi biżżejjed sabiex turi li, għalkemm setgħet teżerċita influwenza determinanti, din ma għamlitx hekk f’dan il-każ.

    75      Għalhekk, Alliance One tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-ġurisprudenza fid-deċiżjoni kkontestata u tenfasizza li, waqt il-proċedura, il-Kummissjoni osservat biss li SCC u Dimon Inc. kellhom l-ishma kollha tal-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom, u dan ikkunsidratu suffiċjenti sabiex tittrasferixxi l-oneru tal-prova fuq il-partijiet.

    76      B’hekk, bit-trasferiment mhux xieraq tal-oneru tal-prova fuq SCC u Dimon Inc., il-Kummissjoni bidlet preżunzjoni “iuris tantum” fi preżunzjoni “iuris et de iure”, jiġifieri preżunzjoni li ma tistax tiġi kkonfutata permezz ta’ provi kuntrarji.

    77      Għaldaqstant, l-oneru tal-prova tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha ma jinqalibx meta l-kumpannija sussidjarja tkun 100 % proprjetà tal-kumpannija parent. F’dan il-każ, dan l-oneru seta’ jiġi ttrasferit fuq Alliance One biss kieku l-Kummissjoni kienet ipprovdiet ħjiel konvinċenti, li juri li Transcatab u Dimon Italia kienu jinsabu, matul il-perijodu tal-ksur, taħt l-influwenza determinanti tal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom.

    78      Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ppreżumiet ir-responsabbiltà ta’ Dimon Inc. u SCC għall-aġir tal-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom.

    79      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    80      Għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 112, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 54).

    81      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 55; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

    82      Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, din għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 145; tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 39, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 56).

    83      Il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandu jkun attribwit b’mod ċar lil persuna ġuridika li tkun tista’ tiġi imposta multa fuqha. Għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, jeħtieġ, fil-fatt, li tiġi identifikata, bħala destinatarja, entità li jkollha personalità ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 978).

    84      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din il-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 59).

    86      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni iuris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza determinanti (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sa kemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tressaqx provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 61).

    88      Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq għat-tressiq ta’ ħjiel supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 57).

    89      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, biex tattribwixxi lil kumpannija parent ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni telqet mill-premessa li tgħid li din l-imputazzjoni hija possibbli meta l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jkunu jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għalhekk, jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

    90      L-element ċentrali li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu sabiex tistabbilixxi li l-kumpannija parent setgħet tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha huwa n-nuqqas ta’ awtonomija tal-kumpannija sussidjarja f’dak li jirrigwarda l-aġir tagħha fis-suq. Fil-fatt, dan in-nuqqas ta’ awtonomija huwa l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ “influwenza determinanti” mill-kumpannija parent fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, peress li l-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza jista’ jkun preżunt, skont il-ġurisprudenza, fil-każ fejn kumpannija parent ikollha l-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara l-premessi 329 u 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

    91      Għaldaqstant, fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, f’dan il-każ, Deltafina, Dimon Italia u Transcatab “ma kellhomx awtonomija” ladarba kienu kkontrollati 100 % mill-kumpanniji parent rispettivi tagħhom.

    92      Kuntrarjament għal dak li ssostni Alliance One, jiġifieri li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bidlet preżunzjoni “iuris tantum” fi preżunzjoni “iuris et de iure”, dan ir-raġunament ma jitbegħidx mil-loġika ta’ preżunzjoni konfutabbli. B’hekk, fil-każ ta’ preżunzjonijiet konfutabbli oħrajn ammessi fid-dritt tal-kompetizzjoni, għalkemm fatt jista’ legalment ikun preżunt mill-Kummissjoni, dan jitqies bħala stabbilit, sakemm l-impriża kkonċernata ma tikkonfutax il-preżunzjoni billi tressaq provi konklussivi f’sens kuntrarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 82 iktar ’il fuq, punti 121 u 126, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 162 u 167). Barra minn hekk, minħabba n-natura konfutabbli tagħha, l-imsemmija preżunzjoni, li tista’ f’kull każ tiġi ribattuta, ma twassalx għal attribuzzjoni awtomatika ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li jkollha l-kapital azzjonarju kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha, liema ħaġa tmur kontra l-prinċipju tar-responsabbiltà personali li fuqu huwa bbażat id-dritt tal-kompetizzjoni.

    93      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx ir-regoli dwar l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha meta, essenzjalment, żammet lil SCC u lil Dimon Inc., li Alliance One hija s-suċċessur legali tagħhom bħala l-kumpannija li ħarġet mill-fużjoni tagħhom, responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpanniji sussidjarji tagħhom Transcatab u Dimon Italia.

    94      Għandu jiġi kkonstatat li tali konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti mressqa minn Alliance One b’risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq. L-ewwel nett, skont Alliance One, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ħażin il-ġurisprudenza preċedenti, b’mod partikolari s-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, u, f’kull każ, il-ġurisprudenza ma hijiex inekwivoka f’dan ir-rigward. It-tieni nett, il-fatti tal-każ li wasslu għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, huma differenti mill-fatti f’din il-kawża, peress li diversi kumpanniji sussidjarji kienu involuti fl-akkordju u, għaldaqstant, kien iktar diffiċli li jintwera li l-kumpannija parent ma kinitx konxja mill-attivitajiet antikompetittivi. Madankollu, fir-rigward tal-ewwel argument, biżżejjed li jiġi kkonstatat li mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq (ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑8241, punti 60 u 61) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss ħadet inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li fuqha Alliance One tibbaża parti kbira mill-argumentazzjoni tagħha, u, b’mod partikolari, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, iżda tat ukoll interpretazzjoni inekwivoka tal-ġurisprudenza preċedenti (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punti 58 sa 62). Fir-rigward tat-tieni argument, biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-differenza allegata bejn il-kawża li wasslet għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, u din il-kawża hija rrilevanti, minħabba li l-kriterju ta’ imputabbiltà tar-responsabbiltà fl-ewwel kawża ma kien bl-ebda mod dak tal-għarfien dirett jew indirett, min-naħa tal-kumpannija parent, tal-attivitajiet implementati mill-kumpannija jew kumpanniji sussidjarji. F’kull każ, hekk kif tosserva tajjeb il-Kummissjoni, dan l-element lanqas biss ittieħed inkunsiderazzjoni f’din is-sentenza.

    95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    2.     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi mressqa minn SCC u minn Dimon Inc. sabiex jirribattu l-preżunzjoni

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    96      Alliance One issostni li SCC u Dimon Inc., għalkemm ma kinux obbligati li jagħmlu dan, ġabu diversi provi kompluti li juru li huma la kienu pparteċipaw fl-akkordju u lanqas influwenzaw l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom, u stabbilixxew b’mod ċar li l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li kienu ġew ippenalizzati mill-ġurisprudenza ma kienet teżisti f’din il-kawża. Għalhekk dawk il-provi juru li SCC u Dimon Inc. ma eżerċitawx influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom u ma kinux f’pożizzjoni li jagħmlu dan.

    97      Barra minn hekk, Alliance One tilmenta li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-provi ppreżentati minn SCC u minn Dimon Inc. Hija tikkritika mhux biss id-diversi siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li fihom il-Kummissjoni teżamina u tiċħad dawn il-provi, iżda wkoll l-użu li għamlet mid-dokumenti ta’ sostenn.

    98      Skont ir-rikorrenti, ir-risposti ta’ SCC u ta’ Dimon Inc. għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu juru biċ-ċar li ż-żewġ gruppi kienu strutturati b’mod ferm deċentralizzat, l-iktar minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum. Għalhekk, l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent huwa inkompatibbli mal-ħtiġijiet tas-suq. Barra minn hekk, il-fatt li dawn iż-żewġ gruppi għandhom kumpanniji sussidjarji fis-suq nazzjonali tat-tabakk ta’ diversi pajjiżi, kull wieħed bil-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, ma jippermettilhomx li jeżerċitaw influwenza kummerċjali fuq il-kumpanniji sussidjarji, tkun ta’ liema forma tkun.

    99      Transcatab u Dimon Italia, min-naħa tagħhom, spjegaw li huma minn dejjem kienu kumpanniji awtonomi fis-suq inkwistjoni u li huma kienu jiddeterminaw il-politiki kummerċjali tagħhom stess f’dan il-qasam. F’dak li jirrigwarda l-bejgħ tat-tabakk ipproċessat, Alliance One tfakkar li l-kumpanniji sussidjarji kienu joperaw bħala kumpanniji indipendenti fir-rigward tal-klijenti. Dwar dan il-punt, hija tosserva li l-bejgħ tat-tabakk ipproċessat fi ħdan il-grupp bejn Settembru 1995 u Ġunju 2001, kien jirrappreżenta biss sehem minimu mill-bejgħ totali ta’ Dimon Italia (bejn 20 u 30 %), peress li l-parti l-kbira tat-tabakk tagħha kien inbiegħ direttament lil klijenti oħrajn.

    100    Barra minn hekk, fir-replika, Alliance One tenfasizza li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-ebda preċedent fil-ġurisprudenza ma jeħtieġ li l-partijiet involuti fi proċedura juru karatteristika speċifika tal-grupp tagħhom bħala ġustifikazzjoni għall-awtonomija ta’ kumpannija sussidjarja. Barra minn hekk, SCC u Dimon Inc. ipprovaw b’mod ċar li l-ebda element minn dawk meħtieġa mill-ġurisprudenza ma kien jeżisti fil-każ tagħhom.

    101    Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-provi ppreżentati minn SCC sabiex turi n-nuqqas ta’ kull influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja Taljana tagħha Transcatab, Alliance One tfakkar li:

    –        il-bord tad-diretturi ta’ Transcatab kien kompost prinċipalment minn uffiċjali tal-kontabbiltà Taljani u li l-ebda wieħed minnhom ma kellu xi konnessjoni qabel jew wara, diretta jew indiretta, ma’ SCC; barra minn hekk, ir-rwol ta’ SCC fl-għażla tal-membri tiegħu kien limitat biss għall-ħatra formali tal-persuni magħżula mid-direttur ġenerali ta’ Transcatab, li huwa stess kien kompletament indipendenti minn SCC;

    –        b’mod konformi mal-Artikolu 19 tal-istatut ta’ Transcatab, il-bord tad-diretturi tagħha kien igawdi mill-iktar setgħat wiesgħa possibbli biex imexxi l-kumpannija;

    –        mill-4 ta’ Awwissu 1994, jiġifieri qabel ma SCC ħadet il-kontroll totali ta’ Transcatab, l-aġir ta’ Transcatab kien deċiż b’mod esklużiv mid-direttur ġenerali tagħha, li lilu, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ Transcatab tal-istess data, il-bord kien fdalu s-setgħat kollha elenkati fl-imsemmi Artikolu 19 tal-istatut relatati mat-tmexxija tal-attivitajiet ordinarji u straordinarji tal-kumpannija; din is-sitwazzjoni qatt ma nbidlet minn SCC u d-direttur ġenerali baqa’ dejjem l-istess persuna;

    –        għaldaqstant, il-politika kummerċjali ta’ Transcatab kienet deċiża b’mod esklużiv mid-direttur ġenerali tagħha, hekk kif jikkonfermaw il-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi, li matulhom, bħala regola ġenerali, huwa kien jillimita ruħu sabiex jinforma lill-membri l-oħrajn tal-bord bis-sitwazzjoni kummerċjali tal-kumpannija u dawn kienu japprovaw formalment u a posteriori l-azzjonijiet tad-direttur.

    102    Dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jirribattu l-preżunzjoni tal-Kummissjoni.

    103    Sussegwentement, Alliance One tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li SCC ma kinitx kapaċi turi li d-direttur ġenerali ta’ Transcatab ma kienx maħtur minnha; f’kull każ, il-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi ta’ Transcatab kellhom setgħat eżekuttivi, u SCC ma stabbilixxietx li dawn il-membri kienu magħżula mid-direttur ġenerali u mhux maħtura minnha stess.

    104    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-indipendenza tad-direttur ġenerali, Alliance One issostni li tat prova li ma kien hemm l-ebda konnessjoni bejnu, li kien maħtur ferm qabel ma SCC xtrat il-kumpannija sussidjarja, u bejn SCC. F’kull każ, kienet il-Kummissjoni li kellha tipprova li l-amministrazzjoni ta’ Transcatab kienet inħatret minn SCC qabel ma din akkwistat il-kontroll totali tagħha.

    105    It-tieni nett, fir-rigward tal-poteri eżekuttivi tal-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi, fl-ewwel lok, hija tfakkar li d-delegazzjoni tas-setgħat ordinarji u straordinarji ta’ tmexxija tal-kumpannija lid-direttur ġenerali ma kinitx ikkontestata mill-Kummissjoni. Fit-tieni lok, hija tiċħad l-allegati provi dettaljati li juru li membri oħrajn tal-bord tad-diretturi, pereżempju S. M., kellhom pożizzjonijiet eżekuttivi, u ma tikkunsidrahomx sinjifikattivi, peress li, minn naħa, ma jindikawx li kien hemm xi setgħa kondiviża għat-tmexxija tal-attivitajiet ta’ Transcatab, u, min-naħa l-oħra, ma juru l-ebda intervent tal-membri tal-bord tad-diretturi fid-definizzjoni tal-politika ta’ akkwist ta’ Transcatab. F’kull każ, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu invokati b’mod effettiv mill-Kummissjoni peress li saru qabel il-bidu tal-akkordju inkwistjoni.

    106    Barra minn hekk, minn eżempju tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi, ippreżentat fil-proċess minn Alliance One, jirriżulta li d-direttur ġenerali kien jinforma lill-membri l-oħrajn tal-bord dwar is-sitwazzjoni kummerċjali tal-kumpannija u li dawn kienu japprovaw awtomatikament u a posteriori l-azzjonijiet kollha tiegħu. Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda prova li l-membri l-oħrajn tal-bord tad-diretturi kienu b’xi mod involuti fil-politika kummerċjali tal-kumpannija.

    107    It-tielet nett, Alliance One issostni li l-kwistjoni dwar jekk il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Transcatab kinux maħtura minn SCC ma hijiex rilevanti minħabba li, anki kieku SCC ħatret membri oħrajn fil-bord tad-diretturi, dawn xorta ma kien ikollhom l-ebda setgħa li jamministraw l-attivitajiet ta’ Transcatab.

    108    Barra minn hekk, minn ċerti dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-azzjonisti kienu biss japprovaw ir-rapporti annwali. Apparti dan, ma hemm l-ebda prova li d-direttur ġenerali kien jiddiskuti l-politika ta’ akkwist ta’ Transcatab mal-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi, inqas u inqas mal-kumpannija parent. L-eżistenza ta’ ċerti kuntatti meħtieġa, iżda għal kollox barranin għat-tmexxija tal-attivitajiet lokali, ma tikkostitwixxix kriterju ta’ prova tal-influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha.

    109    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-provi mressqa minn Dimon Inc. sabiex turi n-nuqqas ta’ kull influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha Dimon Italia, Alliance One tfakkar li:

    –        il-bord tad-diretturi ta’ Dimon Italia kien kompost minn esperti fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum u li Dimon Inc. ma ħatret l-ebda membru ta’ dan il-bord tad-diretturi wara li akkwistat il-kontroll ta’ Dimon Italia, ħlief għal żewġ persuni li kienu jeżerċitaw inkarigi marbuta mal-aspetti finanzjarji u V. R. (maħtur fl-1998), li kien membru eżekuttiv ta’ Reditab Srl, kumpannija li l-familja tiegħu kellha 50 % tagħha, u li l-50 % l-oħra tagħha kienu proprjetà ta’ Dibrell Brothers Inc. li kienet ġiet akkwistata minn Dimon Inc. fl-aħħar tal-1995; Dimon Inc. għalhekk iddelegat il-kontroll ta’ Dimon Italia lil persuni li kellhom għarfien eċċellenti tas-suq lokali;

    –        id-diretturi responsabbli mix-xiri, jiġifieri V. u F. R. (membri tal-familja R.) u R. B. (li qabel kien direttur ta’ Dibrell Italia), kienu jgawdu minn awtonomija totali fid-definizzjoni tal-istrateġija tal-akkwist ta’ Dimon Italia, anki wara li Dimon Inc. ħadet il-kontroll;

    –        ma kien hemm l-ebda sovrapożizzjoni bejn id-diretturi u t-tim tal-akkwisti ta’ Dimon Italia u d-diretturi ta’ Dimon Inc. jew ta’ kull kumpannija oħra tal-grupp Dimon, u l-ebda membru tal-bord tad-diretturi ma qatt kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ xi kumpannija oħra tal-grupp u lanqas ma okkupa pożizzjonijiet ta’ amministrazzjoni jew eżekuttivi f’dawn il-kumpanniji.

    110    Fir-replika, Alliance One tiċħad bħala infondat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li Alliance One ma tikkontestax li Dimon Inc. ħatret lill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon Italia wara li akkwistat il-kontroll esklużiv tagħha.

    111    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli ssemmi li, meta Dimon Inc. akkwistat lil Dimon Italia (dak iż-żmien Reditab), it-tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ Reditab inżammu fil-pożizzjonijiet tagħhom, u li l-ebda membru ġdid tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon Italia ma kien inħatar qabel l-1 ta’ Jannar 1996. Kien f’din id-data li, meta n-numru tal-membri tal-bord tad-diretturi żdied minn tlieta għal ħamsa, Dimon Inc. ħatret lil V. R., ex kap eżekuttiv ta’ Reditab u membru tal-familja fundatriċi tal-kumpannija, u lil G. N., espert fl-akkwisti li qatt qabel ma kellu kuntatt mal-grupp Dimon.

    112    Wara l-akkwist totali ta’ Dimon Italia, Dimon Inc. ħatret biss lil żewġ esperti finanzjarji (W. C. M., li sussegwentement ġie sostitwit minn J. M. C.), li ma kinux involuti fil-politika tal-akkwist tal-kumpannija sussidjarja u li ma kinux jiffurmaw parti mill-bord tad-diretturi ta’ xi kumpanniji oħra tal-grupp Dimon, u, fl-1998, lil F. R., li kellu konnessjonijiet mal-kumpannija qabel ma din inxtrat minn Dimon Inc.

    113    Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, W. C. M. kien impjegat ta’ Dimon International Services Ltd, sister company ta’ Dimon Italia, u ma kellu l-ebda konnessjoni ma’ Dimon International u lanqas ma eżerċita xi setgħat eżekuttivi fi ħdan Dimon Italia. Konsegwentement, il-ħatra ta’ W. C. M. ma tistax turi li Dimon Inc. “eżerċitat” xi kontroll fuq il-politika kummerċjali ta’ Dimon Italia.

    114    Fit-tieni lok, Alliance One tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li huwa biżżejjed li jintwera li l-kumpannija parent ħatret wieħed biss mill-membri tal-bord tad-diretturi sabiex turi li din kellha influwenza reali fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Skont il-ġurisprudenza, l-uniċi elementi rilevanti huma li jiġi stabbilit jekk il-persuna maħtura kellhiex is-setgħa li tmexxi l-attivitajiet tal-kumpannija sussidjarja u jekk kinitx ukoll, fl-istess ħin, membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpanniji oħrajn tal-grupp, liema ħaġa ma hijiex il-każ tal-persuni maħtura minn Dimon Inc.

    115    It-tielet nett, Alliance One tfakkar ir-rwol li kellha l-familja R. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, V. R., bħala membru ta’ din il-familja li qabel kienet proprjetarja ta’ Reditab, kien imexxi l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija meta din inxtrat minn Dimon Inc. u kompla jagħmel dan wara, qabel kollox bħala direttur tal-akkwisti, u wara bħala membru tal-bord tad-diretturi.

    116    Ir-raba’ nett, Alliance One tfakkar li R. B. kien membru tal-bord tad-diretturi qabel l-akkwist tal-kumpannija minn Dimon Inc. u li ma hemm l-ebda prova ta’ xi konnessjoni oħra bejnu u bejn Dimon Inc. Il-fatt li R. B., hekk kif issostni l-Kummissjoni, kien involut fl-akkordju ma jiżvela xejn rigward rabtiet eventwali mal-kumpannija parent u ma jurix li l-kumpannija parent kienet involuta jew kienet konxja minn dawn il-prattiki antikompetittivi.

    117    Il-ħames nett, hija tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni bejn l-amministrazzjoni u t-tim tal-akkwisti ta’ Dimon Italia u l-amministrazzjoni ta’ Dimon Inc. jew ta’ kull kumpannija oħra tal-grupp Dimon.

    118    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw l-allegata eżistenza ta’ linji ta’ komunikazzjoni bejn Dimon Italia u l-bqija tal-grupp Dimon, Alliance One tosserva, qabel kollox, li dawn id-dokumenti ma humiex suffiċjenti sabiex jimputaw lil Dimon Inc. ir-responsabbiltà għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, peress li dawk id-dokumenti ma jirrigwardawx il-politika kummerċjali ta’ Dimon Italia.

    119    B’mod partikolari, Alliance One tosserva li d-dokumenti marbuta mal-laqgħa tal-APTI huma ta’ natura ġenerali ħafna u ma jirriflettux il-politika kummerċjali ta’ Dimon Italia. Il-posta elettronika tat-12 ta’ Frar 2002 mibgħuta minn J. M. C. lil G. S. tindika biss li Dimon Italia aġixxiet bħala entità awtonoma fis-suq nazzjonali tat-tabakk mhux maħdum. Fir-rigward tal-posta elettronika tal-10 ta’ Mejju 2001 ta’ R. B. lil G. S., Alliance One tikkontesta l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti ta’ dan id-dokument fid-difiża tagħha, jiġifieri li dan juri li Dimon Inc. kienet konxja mill-akkordju, minħabba li din hija oġġezzjoni ġdida u għalhekk mhux ammissibbli. Barra minn hekk, dan id-dokument ma jispjegax u bl-ebda mod ma jipprova l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li G. S. kien konxju mill-akkordju. Din l-allegazzjoni, barra minn hekk, hija għal kollox infondata, peress li minn dan id-dokument jirriżulta li dan jirreferi għall-bejgħ tat-tabakk ipproċessat (u mhux għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum) u li l-għan ewlieni tal-laqgħa proposta fid-dokument kien li jiġi diskuss klijent li jimmanifattura t-tabakk. Fir-rigward tad-dokumenti intiżi sabiex isostnu l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li Dimon Italia kienet tfassal rapporti perjodiċi dwar l-uċuħ tar-raba’ għall-kumpanniji l-oħra tal-grupp Dimon, Alliance One tikkontesta l-konklużjoni li tasal għaliha l-Kummissjoni, peress li din hija bbażata biss fuq preżunzjoni infondata. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti ma jistgħux isostnu l-konklużjoni li Dimon Italia kienet suġġetta għall-influwenza ta’ Dimon Inc. fid-definizzjoni tal-politika tal-akkwist tagħha, peress li dawn jirrigwardaw suq differenti (dak tal-bejgħ tat-tabakk ipproċessat) u jipprovdu biss informazzjoni fuq il-bejgħ u fuq is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fl-Italja, mingħajr ebda referenza għall-fornituri, għall-prezzijiet jew għall-akkordji mal-kompetituri. B’mod partikolari, dawn id-dokumenti qatt ma jagħmlu referenza għall-politika ta’ Dimon Italia dwar it-tabakk mhux maħdum. Alliance One tosserva li, filwaqt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ssemmi d-dokumenti 2892 sa 2893 bħala prova supplimentari tal-komunikazzjonijiet bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha, fir-risposta tagħha ssemmi wkoll, u għall-ewwel darba, id-dokumenti 2894 sa 2902. Peress li dawn id-dokumenti kienu ppreżentati fil-kuntest tal-fużjoni eventwali bejn Dimon Italia u Transcatab, ma jistgħux juru li Dimon Inc. interveniet fit-“tmexxija” ta’ Dimon Italia u li l-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar kienet definita fil-livell tal-grupp. F’dak li jirrigwarda l-posta elettronika li fiha evalwazzjoni minn Dimon Inc. tal-attivitajiet ta’ Dimon Italia u r-rapport imħejji minn G. N. li kien anness magħha, dan kien biss, fil-fatt, sempliċi “xhieda” ta’ president li kien wasal fit-tmiem tal-mandat tiegħu li jiddeskrivi s-sitwazzjoni ġenerali ta’ Dimon Italia. Fir-rigward, finalment, tal-email ta’ R. B. lil G. S., li kienet tirrigwarda l-laqgħa annwali tal-bord tad-diretturi, Alliance One tosserva li din tippreżenta viżjoni ġenerali tas-sitwazzjoni tal-kumpannija, kif ikkonstatata matul laqgħa annwali tal-bord tad-diretturi, u li bl-ebda mod ma tipprova li Dimon Inc. kienet normalment tirċievi “informazzjoni dettaljata” min-naħa ta’ Dimon Italia.

    120    Finalment, Alliance One tikkontesta l-konklużjoni li l-Kummissjoni tasal għaliha miż-żewġ dokumenti l-ġodda annessi mar-risposta tagħha, jiġifieri li G. S. kien “uffiċjal għoli fil-quċċata tal-grupp ta’ kumpanniji Dimon” u li Alliance One ippruvat iċċekken ir-rwol tiegħu. Fil-fehma tagħha, dawn id-dokumenti ma jagħmlu xejn għajr li jikkonfermaw li G. S. kien responsabbli mill-koordinazzjoni tal-bejgħ tat-tabakk ipproċessat fl-Ewropa.

    121    Fl-aħħar, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li Dimon Italia kienet awtonoma fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika kummerċjali tagħha u li l-uniċi komunikazzjonijiet li hija skambjat mal-grupp kienu ta’ natura ġenerali jew kienu jirrigwardaw, l-iktar, kwistjonijiet speċifiċi mhux marbuta mal-politika kummerċjali tagħha.

    122    Bħala konklużjoni, Alliance One tqis li stabbilixxiet li d-dokumenti li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex issostni r-responsabbiltà ta’ SCC u ta’ Dimon Inc. ma kinux juru li ż-żewġ kumpanniji kienu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw, jew influwenzaw l-aġir ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia, rispettivament. Dawn id-dokumenti lanqas ma jappoġġjaw il-konklużjoni li tgħid li jeżistu linji ta’ komunikazzjoni diretti bejn il-kumpanniji msemmija.

    123    Fil-fehma tagħha, id-dokumenti li tirreferi għalihom il-Kummissjoni huma dokumenti ġenerali li ma jurux li l-kumpanniji parent kienu konxji mill-eżistenza tal-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda dokument li jiżvela li SCC jew Dimon Inc. taw istruzzjonijiet lill-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom jew talbuhom, jew saħansitra irċevew, informazzjoni dwar il-politiki tal-akkwist tagħhom.

    124    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    125    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, hekk kif tfakkar fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq, meta l-kapital kollu ta’ kumpannija sussidjarja jkun il-proprjetà tal-kumpannija parent, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja, mingħajr ma tkun meħtieġa li tressaq provi supplimentari li jistabbilixxu li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat tali influwenza jew kellha għarfien tal-ksur jew tal-involviment ta’ dik il-kumpannija sussidjarja f’dan il-ksur. Din hija preżunzjoni konfutabbli, li tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ prova kontrarja. Għalhekk hija l-kumpannija parent, meqjusa mill-Kummissjoni bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha tikkonfuta din il-preżunzjoni permezz ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu li l-kumpannija sussidjarja tagħha tiddetermina l-linja ta’ azzjoni tagħha fis-suq b’mod awtonomu, u li għalhekk dawn iż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Fin-nuqqas ta’ dan, l-eżerċizzju ta’ kontroll jiġi pprovat bil-fatt li l-preżunzjoni bbażata fuq il-pussess totali tal-kapital ma ġietx ikkonfutata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑175/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 93).

    126    Sabiex jiġi evalwat jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent. Dawn l-elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 74, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 100).

    127    Għalhekk, f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-argumenti u l-provi mressqa biex tintwera l-awtonomija ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħhom ma setgħux jipprovaw li dawn il-kumpanniji sussidjarji kienu jaġixxu b’mod awtonomu mill-kumpanniji parent tagħhom u li ma kinux jikkostititwixxu entità ekonomika waħda mal-kumpanniji parent.

    128    Il-Kummissjoni tiddedika l-premessi 335 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata għall-eżami tal-argumenti u tal-provi mressqa minn SCC u minn Dimon Inc., fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex jipprovaw li ma eżerċitawx influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom. B’mod partikolari, fil-premessi 335 sa 340, hija teżamina u tiċħad l-argumenti ġenerali li SCC u Dimon Inc. jidderivaw mill-fatt li l-kumpanniji sussidjarji kellhom amministrazzjoni lokali kompletament awtonoma. Sussegwentement, fil-premessi 341 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina u tiċħad l-argumenti iktar speċifiċi mressqa minn SCC u minn Dimon Inc. sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni.

     Fuq il-fatturi ġenerali invokati bil-għan li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni

    129    Qabel kollox, Alliance One tosserva li l-gruppi SCC u Dimon Inc. kienu strutturati b’mod ferm deċentralizzat, b’amministrazzjoni lokali għal kollox indipendenti, li lilha kienu jiġu ddelegati l-funzjonijiet kollha, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq tat-tabakk mhux maħdum ta’ kull Stat Membru. Fil-fatt, il-produtturi tat-tabakk għandhom bżonn, b’mod partikolari, li jistabbilixxu relazzjoni personali mal-klijenti tagħhom, jiġifieri l-proċessuri, liema ħaġa, de facto, tagħmel l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent inkompatibbli mal-ħtiġijiet tas-suq.

    130    Madankollu, kif osservat tajjeb il-Kummissjoni fil-premessa 338 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li kumpannija sussidjarja jkollha l-maniġment lokali u l-mezzi proprji ma jfissirx, fih innifsu, li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq indipendentement mill-kumpannija parent tagħha. Il-fatt li t-tmexxija tal-attivitajiet ta’ kuljum tiġi fdata f’idejn l-amministrazzjoni lokali ta’ kumpannija sussidjarja li tkun 100 % proprjetà tal-kumpannija parent huwa, fil-fatt, prattika komuni u, għaldaqstant, ma huwiex prova tal-awtonomija reali tal-kumpanniji sussidjarji. L-istess japplika għall-argument li SCC u Dimon Inc. huma attivi f’għexur ta’ pajjiżi.

    131    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-Kummissjoni, SCC u Dimon Inc. kienu fil-quċċata tal-gruppi li kienu integrati vertikalment, bil-kumpanniji sussidjarji jikkonċentraw fuq ix-xiri ta’ tabakk mhux maħdum u l-kumpanniji parent jieħdu ħsieb il-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk ipproċessat, liema ħaġa tkompli turi li Dimon Italia u Transcatab kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda mal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II‑757, punt 312). F’dan ir-rigward, ma tista’ tiġi dderivata l-ebda konklużjoni mill-fatt li l-kumpanniji parent kienu joperaw fi swieq separati u ma kellhomx konnessjonijiet ta’ fornituri mal-klijenti. Fil-fatt, it-tqassim tax-xogħol bejn il-kumpanniji sussidjarji u l-kumpanniji parent tagħhom hija prattika normali fi gruppi integrati vertikalment li ma tistax tirribatti l-preżunzjoni li SCC u Dimon Inc. kienu effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia, rispettivament. Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument li jgħid li Dimon Italia ma biegħetx il-produzzjoni kollha tagħha lil kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, sa kemm it-tabella li tidher fir-replika tikkonferma li, bejn l-1995 u l-2000, il-bejgħ tagħha fi ħdan il-grupp irrappreżenta bejn 20 u 30 % tal-bejgħ kollu tagħha, din l-informazzjoni ma tikkontradixxix dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li l-gruppi inkwistjoni “jixtru u jikkummerċjalizzaw spiss it-tabakk mixtri mill-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom”.

    132    Fir-rigward tal-argument li ma hemm l-ebda preċedent li jitlob lill-partijiet li juru karatteristika speċifika tal-grupp tagħhom bħala ġustifikazzjoni tal-awtonomija ta’ kumpannija sussidjarja, biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-preċedenti msemmija minn Alliance One jirrigwardaw kollha każijiet li fihom il-kumpannija parent kienet miżmuma responsabbli u mhux każijiet fejn il-preżunzjoni ġiet ikkonfutata. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, fil-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li SCC u Dimon Inc. ma kinux ressqu l-prova ta’ karatteristika speċifika tal-grupp tagħhom, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma talbet li tinġieb tali prova. Il-Kummissjoni, fil-fatt, ikkonstatat biss, wara li eżaminat l-argumenti ġenerali ppreżentati minn SCC u minn Dimon Inc., li dawn kienu ressqu provi li ma setgħux juru li l-gruppi tagħhom kienu f’sitwazzjoni speċifika, jiġifieri sitwazzjoni partikolari mhux tas-soltu – peress li l-preżunzjoni hija regola li tibbaża fuq l-esperjenza ġenerali –, li kienet tippermetti li jitqies li l-attivitajiet tal-kumpanniji sussidjarji Taljani jiġu kkunsidrati indipendenti mill-influwenza tal-kumpanniji parent tagħhom. Minn din il-perspettiva, il-karatteristiċi tas-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum ma jippermettux, fihom infushom, li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ karatteristika speċifika bħal din.

     Fuq il-fatturi speċifiċi invokati bl-għan li tiġi ribattuta l-preżunzjoni

    133    Alliance One tinvoka wkoll argumenti speċifiċi li jirrigwardaw, minn naħa, ir-relazzjoni bejn SCC u Transcatab, u, min-naħa l-oħra, ir-relazzjoni bejn Dimon Inc. u Dimon Italia, li juru, fil-fehma tagħha, li la SCC u lanqas Dimon Inc. ma eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom.

    –       Fuq ir-relazzjoni bejn SCC u Transcatab

    134    Fl-ewwel lok, Alliance One tosserva li l-bord tad-diretturi ta’ Transcatab kien kompost prinċipalment minn uffiċjali tal-kontabbilità Taljani, li ma kellhom l-ebda konnessjoni diretta jew indiretta ma’ SCC, u li din tal-aħħar kienet tinnomina biss formalment il-persuni magħżula mid-direttur ġenerali ta’ Transcatab, li huwa stess kien għal kollox indipendenti minn SCC.

    135    Fit-tieni lok, hija tenfasizza li, mill-4 ta’ Awwissu 1994, jiġifieri saħansitra qabel ma SCC ħadet il-kontroll totali ta’ Transcatab, il-politika kummerċjali u, b’mod ġenerali, l-“aġir” ta’ Transcatab kienu ġew deċiżi mid-direttur ġenerali tagħha (presidente del consiglio di amministrazione e amministratore delegato), li l-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija kien fdalu s-setgħat kollha li kien awtorizzat jagħti fis-sens tal-Artikolu 19 tal-istatut tagħha. Essenzjalment, skont Alliance One, iċ-ċirkustanza li d-direttur ġenerali, li kien fil-kariga fiż-żmien meta sar il-ksur, kien maħtur qabel l-akkwist ta’ Transcatab minn SCC turi, prinċipalment fid-dawl tas-setgħat wiesgħa li għandu, li SCC qatt ma influwenzat l-aġir tal-kumpannija sussidjarja Taljana tagħha.

    136    Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument, li jikkorrispondi kważi verbatim ma’ dak li sostniet SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ġie eżaminat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-premessi 341 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata. Fihom il-Kummissjoni tippreċiża, minn naħa, li qabel ma akkwistat il-kapital kollu ta’ Transcatab, SCC kienet diġà tikkontrolla lil din il-kumpannija mal-imsieħeb Taljan tagħha u li l-fatt li ma bidlitx l-amministrazzjoni ta’ dik il-kumpannija, wara li ħadet il-kontroll, ma jistax jitqies, għalhekk, bħala prova li ma eżerċitat l-ebda influwenza fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha wara li saret il-proprjetarja sħiħa tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni osservat li d-delega tas-setgħat eżekuttivi lid-direttur ġenerali ta’ Transcatab, li fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, jista’ raġonevolment jitqies li kien inħatar minn SCC, ma żammitx lill-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi milli jokkupaw pożizzjonijiet eżekuttivi u milli jwettqu funzjonijiet eżekuttivi.

    137    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni minn SCC, ġustament tattribwixxi importanza għall-fatt li din, li kellha s-setgħat kollha sabiex tibdel il-bord tad-diretturi kollu jew parti minnu meta saret l-uniku azzjonist, ma ħadet l-ebda miżura f’dan is-sens. Minn dan isegwi li l-fatt li l-membri tal-bord tad-diretturi u, b’mod partikolari, D. J. baqgħu fil-kariga, jista’ biss ikun attribwit għal deċiżjoni ta’ SCC, bħala azzjonist uniku ta’ Transcatab. Barra minn hekk, in-nazzjonalità jew l-identità tal-membri tal-bord tad-diretturi ma hija bl-ebda mod rilevanti biex ikun evalwat jekk hemmx unità ekonomika bejn SCC u Transcatab.

    138    Barra minn hekk, il-fatt li persuna waħda, jiġifieri d-direttur ġenerali, għandu setgħat kunsiderevoli li ġew iddelegati lilu mill-bord tad-diretturi jista’, b’mod kuntrarju, juri r-rieda tal-kumpannija parent li tissemplifika l-eżerċizzju tal-kontroll tagħha fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, eżattament billi llimitat ir-rwol tal-bord tad-diretturi għal attivitajiet marġinali u billi kkonċentrat is-setgħat kollha f’idejn “persuna ta’ fiduċja”. Fil-fatt, ma huwiex kredibbli li kumpannija multinazzjonali tiddelega s-setgħat kollha ta’ kumpannija sussidjarja li topera fuq suq nazzjonali, bħal fil-każ ta’ Transcatab, – jew saħansitra taċċetta, kif tidher li qiegħda tissuġġerixxi Alliance One, delegazzjoni tas-setgħat eżistenti minn qabel l-akkwist tal-kontroll totali – lil persuna fiżika li, filwaqt li topera f’awtonomija totali u mingħajr ma nħatret kif inhu allegat mill-azzjonist uniku, tagħżel, min-naħa tagħha, il-membri tal-bord tad-diretturi, filwaqt li ċċaħħad lil kull persuna oħra minn kull influwenza fuq it-tmexxija tal-kumpannija, u li, jekk it-teżi ta’ Alliance One kellha tkun aċċettata, ma tagħtix rendikont, de facto, tal-azzjonijiet tagħha lil ħaddieħor.

    139    Għalhekk, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li delega tas-setgħat lid-direttur ġenerali ta’ kumpannija sussidjarja huwa għal kollox normali, tali argument ma jistax jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent fuq Transcatab.

    140    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, meta evalwat ċerti provi miġjuba minn SCC b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tivverifika l-kredibbiltà tal-affermazzjonijiet ta’ SCC, dokumenti, bħal dawk imsemmija fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, li jindikaw li mill-inqas, membru ieħor tal-bord tad-diretturi, S. M., kien il-viċi president eżekuttiv tal-kumpannija, filwaqt li D. J. kien id-direttur ġenerali tal-kumpannija, u kien jorganizza laqgħat kull ġimgħa mal-kapijiet tad-dipartimenti kollha tal-kumpannija sabiex tiġi diskussa l-politika tagħha u kien jagħti istruzzjonijiet dwar għadd kbir ta’ kwistjonijiet. L-allegazzjoni ta’ Alliance One li dawk id-dokumenti huma ta’ qabel il-perijodu tal-ksur ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dawn intużaw mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kredibbiltà tal-argument, sostnut minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u adottat minn Alliance One fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li jgħid li d-delega tas-setgħat lid-direttur ġenerali kellhom l-effett li jċaħħdu lil kull persuna oħra minn kull influwenza fuq it-tmexxija tal-kumpannija. Sa fejn dawk id-dokumenti juru li, fi żmien meta d-delega tas-setgħat lil D. J. kienet diġà saret, membru ieħor tal-bord tad-diretturi ta’ Transcatab, f’dan il-każ S. M., kellu rwol kunsiderevoli fit-tmexxija tal-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija, il-fatt li dawn jirrigwardaw perijodu preċedenti għall-ksur ma għandux importanza.

    –       Fuq ir-relazzjoni bejn Dimon Inc. u Dimon Italia

    141    F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn Dimon Inc. u Dimon Italia, Alliance One issostni, minn naħa, li meta Dimon Inc. akkwistat il-kontroll tal-kumpannija sussidjarja Taljana tagħha, hija ma ħatret lil ebda membru tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija sussidjarja, għajr żewġ persuni, li kienu jwettqu inkarigi relatati essenzjalment ma’ aspetti finanzjarji u li ma kellhom ebda konnessjoni mal-politika tal-akkwist tal-kumpanija. Hija tiddikjara, min-naħa l-oħra, li ma kien hemm ebda sovrapożizzjoni tal-persunal bejn iż-żewġ kumpanniji, b’mod partikolari bejn id-diretturi, it-tim tax-xiri jew il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon Italia u d-diretturi jew il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon Inc. jew ta’ xi kumpannija oħra tal-grupp Dimon. Hija tenfasizza, finalment, li l-ebda tim ċentrali ta’ Dimon Inc. ma kien imexxi l-istrateġija tax-xiri tal-kumpanniji sussidjarji tagħha. Dawn l-elementi kollha jindikaw li din ma eżerċitat l-ebda influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja Taljana tagħha.

    142    Madankollu, il-Kummissjoni ġustament toġġezzjona wkoll għal Dimon Inc., fil-premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata, li din tal-aħħar kellha diġà l-kontroll ta’ Dimon Italia qabel ma akkwistat il-kapital kollu tagħha. B’hekk, il-fatt li Dimon Inc. ma bidlitx l-amministraturi ta’ Dimon Italia wara li ħadet il-kontroll tagħha ma jistax jitqies bħala prova li Dimon Inc. ma eżerċitat l-ebda influwenza fuq l-amministraturi tal-kumpannija sussidjarja Taljana tagħha wara li saret il-proprjetarja assoluta tagħha.

    143    Finalment, fl-istess premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinnota, barra minn hekk, li “jirriżulta wkoll mir-risposta mogħtija minn [Dimon Inc.] għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li wara l-1995, il-bord tad-diretturi kien kompost biss minn rappreżentanti tal-grupp Dimon u li wieħed minnhom [R. B.] kien involut esklużivament fit-tmexxija ta’ kuljum tal-impriża”. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, anki wara l-ħatra ta’ F. R. fil-bord tad-diretturi ta’ Dimon Italia, R. B. kien assoċjat mal-aspetti kollha tat-tmexxija tal-kumpannija, inkluż l-eżekuzzjoni tal-kuntratti għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum.

    144    Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni fir-risposta, din l-osservazzjoni, fiha nfisha, hija biżżejjed sabiex turi, anki mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-preżunzjoni inkwistjoni, li Dimon Inc. eżerċitat is-setgħa tal-kontroll tagħha fuq Dimon Italia. Barra minn hekk, Alliance One ma tidhirx li tikkontesta, bħalma tagħmel Dimon Inc. fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li membri tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon Italia nħatru minn Dimon Inc., wara li din ħadet il-kontroll assolut ta’ Dimon Italia.

    145    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-oriġini u fuq il-kompetenza lokali tal-membri tal-bord tad-diretturi, issir referenza għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 130 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, l-allegazzjoni li “[k]ull funzjoni u responsabbiltà li kienu jirrigwardaw ix-xiri tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja ġiet iddelegata lill-amministrazzjoni lokali ta’ Dimon Italia” ma hijiex rilevanti. Anki jekk titqies li hija korretta, iċ-ċirkustanza msemmija minn Alliance One bl-ebda mod ma tfisser li Dimon Inc. ma setgħetx teżerċita, jew fil-fatt ma eżerċitatx, influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ Dimon Italia, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar minbarra dawk tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum fis-suq Taljan. L-istess japplika għall-argument li ma kien hemm l-ebda sovrapożizzjoni bejn id-diretturi u t-tim tax-xiri ta’ Dimon Italia u d-diretturi ta’ Dimon Inc. jew ta’ xi kumpannija oħra tal-grupp Dimon.

     Fuq l-elementi allegatament użati mill-Kummissjoni sabiex tikkonferma n-nuqqas ta’ awtonomija ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia

    146    Alliance One tikkritika l-premessi 343 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata u tqis li d-dokumenti li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni f’din il-kawża huma irrilevanti.

    147    Minn dan, hija tikkonkludi, minn naħa, li dawn id-dokumenti ma jurux li l-kumpanniji parent setgħu jinfluwenzaw jew influwenzaw l-aġir ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia u, min-naħa l-oħra, li dawn huma dokumenti ġenerali li ma jurux li l-kumpanniji parent kienu konxji mill-akkordju inkwistjoni.

    148    Madankollu, kif diġà ġie indikat fil-punt 125 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja li hija 100 % proprjetà tagħha, mingħajr ma tkun meħtieġa li tressaq provi supplimentari li jistabbilixxu li l-kumpannija parent fil-fatt eżerċitat tali influwenza jew kienet konxja tal-ksur jew tal-involviment tal-imsemmija kumpannija sussidjarja f’dan il-ksur.

    149    Kuntrarjament għal dak li tiddikjara Alliance One, id-dokumenti msemmija f’dawk il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx l-għan li juru li l-kumpanniji parent setgħu jinfluwenzaw jew, fil-prattika, influwenzaw l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom, u wisq inqas li juru li l-kumpanniji parent kienu konxji tal-akkordju inkwistjoni. B’mod kuntrarju, il-Kummissjoni użat sempliċement ċerti dokumenti li kienu jiffurmaw parti mill-fajl amministrattiv sabiex tistabbilixxi l-grad ta’ kredibbiltà tal-provi u tal-argumenti mressqa minn SCC u minn Dimon Inc. fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jirribattu l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom.

    150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta invokat, f’dawk il-premessi, provi maħsuba sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ “linji ta’ komunikazzjoni” bejn il-kumpanniji parent u l-kumpanniji sussidjarji.

    151    Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li bosta elementi jixhdu l-eżistenza ta’ dawn il-linji ta’ komunikazzjoni.

    152    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ linji ta’ komunikazzjoni bejn Transcatab u SCC, il-Kummissjoni ġustament tirreferi, fil-premessa 344 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 281 tad-deċiżjoni kkontestata, għal dokumenti li nstabu fl-uffiċċju ta’ D. J. li kienu jindikaw li l-attivitajiet ta’ Transcatab kienu meqjusa bħala l-attivitajiet ta’ SCTC (kumpannija holding operattiva fi ħdan il-grupp SCC; bi Transcatab indikata bħala li tappartjeni għall-grupp SCC, jew bħala kumpannija ta’ SCTC) u li dawn ġew analizzati fl-ambitu tal-attivitajiet tal-grupp, li kienu jinkludu l-bejgħ tal-grupp SCC lill-manifatturi tas-sigaretti. F’dan ir-rigward, il-fatt li dawk id-dokumenti ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma huwiex importanti, minħabba li l-għan tagħhom kien biss li jikkontradixxu l-argument li jgħid li ma kienx hemm linji ta’ komunikazzjoni bejn il-kumpannija sussidjarja u l-kumpannija parent. Fir-rigward tal-argument ta’ Alliance One li jgħid li l-informazzjoni li tinsab f’dawk id-dokumenti kellha tintuża minn SCC sabiex tikkonsolida r-riżultati ta’ Transcatab, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li d-dokumenti inkwistjoni ma humiex dokumenti ta’ kontabbilità maħsuba għat-tħejjija tar-rapporti annwali tal-grupp, iżda dokumenti li jirrigwardaw l-attivitajiet kummerċjali li l-għan tagħhom żgur ma kienx dak li jippermetti lil SCC li tikkonsolida r-riżultati ta’ Transcatab.

    153    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ linji ta’ komunikazzjoni bejn Dimon Italia u Dimon Inc., il-Kummissjoni ġustament ukoll tagħmel referenza, fil-premessa 345 u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 282 u Nru 283 tad-deċiżjoni kkontestata, għal rapporti perjodiċi dwar l-uċuħ tar-raba’, li jipprovdu tagħrif dwar ir-riżultati li Dimon Italia kienet kisbet fl-Italja, indirizzati lill-kumpanniji tal-grupp Dimon li kienu jixtru mingħand Dimon Italia, kif ukoll għal dokumenti oħrajn li jindikaw intervent dirett tal-amministrazzjoni ta’ Dimon International u ta’ kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon fl-attivitajiet ta’ Dimon Italia.

    154    Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-“rapporti dwar l-uċuħ tar-raba’”, minn naħa, u l-profil tal-Italja mfassal minn Dimon f’Jannar 2000, min-naħa l-oħra (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 282 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat tajjeb li, minħabba li x-xiri jsir prinċipalment fi ħdan il-grupp (premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn id-dokumenti kienu mfassla għall-benefiċċju tal-kumpanniji tal-grupp Dimon responsabbli mix-xiri. Anki jekk jiġi aċċettat li l-affermazzjoni ta’ Alliance One li tgħid li dawn id-dokumenti ntbagħtu lil klijenti barra l-grupp Dimon hija korretta, jibqa’ l-fatt li ma tindikax lil min intbagħtu, b’mod speċjali meta dawn id-dokumenti kienu jinkludu informazzjoni dettaljata dwar ix-xiri tat-tabakk mhux maħdum kif ukoll informazzjoni kunfidenzjali dwar l-istrateġija u r-riżultati ta’ Dimon Italia.

    155    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dokument imħejji minn Dimon International li jipparaguna l-faċilitajiet ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 283 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li, irrispettivament mill-kontenut tiegħu, jiġifieri l-proposta ta’ impriża konġunta bejn Transcatab u Dimon fl-Italja, dan jindika li l-kwistjonijiet strateġiċi li kellhom impatt fuq il-politika kummerċjali ta’ Dimon Italia kienu indirizzati fil-livell tal-grupp. Għalhekk, kien ġust li dan jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex, bl-għan li jiġi kkontestat l-argument imressaq minn Dimon Inc., tkun stabbilita l-eżistenza ta’ linji ta’ komunikazzjoni bejn Dimon Italia u Dimon Inc., u mhux, kif tiddikjara Alliance One, sabiex ikun stabbilit li Dimon Inc. eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Dimon Italia.

    156    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-rapport intitolat “The Present and Future of Dimon Italia” tal-president preċedenti tal-kumpannija, G. N., għandu jiġi osservat li dan jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ispejjeż u l-kwalità tax-xiri li sar mingħand il-produtturi, id-djgħufijiet tal-kumpannija, il-faċilitajiet tagħha, il-ħtieġa li jinħatar direttur tal-fabbrika ġdid u li dan jitħarreġ fl-“aqwa impjant ta’ Dimon fl-Amerika ta’ Isfel jew fl-Afrika”, il-ħiliet professjonali tal-membri tat-tim tagħha responsabbli mix-xiri u l-istruttura tat-tmexxija tagħha. Kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 283 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rapport, li ntbagħat lil Dimon International u ġie kkuppjat lill-ogħla mexxejja tal-grupp Dimon, juri li informazzjoni dettaljata dwar il-kumpannija sussidjarja Taljana kif ukoll dwar il-politika kummerċjali tagħha ċċirkolat fil-livell tal-grupp. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fil-paġna 4 ta’ dan ir-rapport, G. N. jilmenta dwar ir-“rekwiżiti ġodda, u fil-fehma [tiegħu] eċċessivi, ta’ rappurtar ta’ Dimon International rigward l-aspetti kollha [tal-]attivitajiet [tal-kumpannija sussidjarja]”. Fl-istess paġna, huwa jiddikjara li, għalkemm R. B. huwa wieħed mill-aqwa persuni fl-Ewropa f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet mal-klijenti, dan il-vantaġġ tal-kumpannija “tilef iktar u iktar mill-importanza tiegħu, peress li l-organizzazzjoni Dimon UK qiegħda ssaħħaħ il-kontroll tagħha fuq il-bejgħ tal-kumpanniji kollha tal-grupp”. Barra minn hekk, fil-posta elettronika li takkumpanja r-rapport hemm indikat li l-kwistjonijiet li jirriżultaw fil-preżent fil-livell ta’ Dimon Italia jistgħu jkunu solvuti mill-amministrazzjoni tagħha “bl-awtorità ta’ Dimon International” u huwa propost “li l-amministrazzjoni ta’ Dimon Italia tiġi awtorizzata torganizza l-kumpannija mill-ġdid”. Iċ-ċirkustanza, imsemmija minn Alliance One, li dan ir-rapport tħejja mill-president ta’ Dimon Italia sabiex fih jesponi r-riżultati tal-mandat tiegħu ma jneħħi xejn mill-konstatazzjoni li, anki fid-dawl tal-kontenut tiegħu, huwa jixhed l-eżistenza ta’ linji ta’ komunikazzjoni bejn Dimon Italia u l-kumpannija parent tagħha.

    157    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bejn Dimon Italia u G. S., għandu jiġi rrilevat li, kif ġustament ippreċiżat il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 283 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-proċess jirriżulta li dawn il-komunikazzjonijiet kienu jinkludu informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet ta’ Dimon Italia u l-istruzzjonijiet riċevuti minn din tal-aħħar rigward ċerti attivitajiet kummerċjali.

    158    Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li fir-rigward tar-rwol ta’ G. S. fi ħdan il-grupp Dimon, id-deċiżjoni kkontestata ma tmurx lil hinn minn dak li tammetti Alliance One stess, meta tiddikjara li dan kien responsabbli mill-koordinazzjoni tal-bejgħ tat-tabakk ipproċessat fl-Ewropa. Mill-proċess jirriżulta wkoll li r-rwol ta’ G. S. fi ħdan il-grupp kien dak ta’ “Direttur eżekuttiv reġjonali għall-Ewropa” (ara, pereżempju, il-profil tal-Italja mfassal minn Dimon f’Jannar 2000) u li, bħala tali, kien wieħed fost l-uffiċjali ewlenin tal-grupp Dimon. Minn posta elettronika li ntbagħtitlu minn R. B., president ta’ Dimon Italia, jirriżulta wkoll li G. S. kellu jiltaqa’ mal-president ta’ Deltafina sabiex jiddiskuti miegħu dwar “opportunitajiet futuri”.

    159    Għalkemm, tabilħaqq, G. S. kien formalment sempliċi impjegat f’waħda mill-kumpanniji tal-grupp Dimon, hekk kif tosserva Alliance One, xorta jibqa’ l-fatt li l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet li kellu fi ħdan il-grupp Dimon kienu ta’ livell għoli ħafna, b’mod partikolari minħabba li kienu jirrigwardaw wieħed mis-setturi prinċipali ta’ attività ta’ dan il-grupp u tal-Ewropa kollha.

    160    Il-fatt li G. S., minħabba r-rwol tiegħu fi ħdan il-grupp, kien ikun miżmum informat direttament u personalment dwar l-attivitajiet ta’ Dimon Italia jista’ biss, għalhekk, jikkonferma li kien hemm linji ta’ komunikazzjoni sinjifikattivi bejn din tal-aħħar u l-kumpannija parent tagħha.

    161    F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-posta elettronika mibgħuta minn R. B. lil G. S., li tirreferi għal laqgħa annwali tal-bord tad-diretturi, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Alliance One, dan id-dokument ma huwiex relatat b’mod ċar mat-tħejjija jew mal-konsolidazzjoni tal-kontabbilità ta’ Dimon Italia, u fih informazzjoni strateġika dwar l-attivitajiet ta’ Dimon Italia u l-pożizzjoni tagħha fil-konfront tal-kompetituri tagħha.

    162    Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dokument li fih preżentazzjoni “power point” imħejji għal laqgħa tal-APTI, mibgħut ukoll minn R. B. lil G. S., biżżejjed li jiġi kkonstatat li kuntrarjament għal dak li ssostni Alliance One, minn dan id-dokument jirriżulta li waqt din il-laqgħa saru diskussjonijiet dwar il-prezzijiet (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fil-posta elettronika li takkumpanjah, R. B. jinforma lil G. S. dwar l-iskop ta’ dik il-laqgħa u jsemmi wkoll laqgħa bejn M. M., ta’ Deltafina, u G. S. f’dan ir-rigward.

    163    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-posta elettronika mibgħuta minn J. M. C. lil G. S. u lil R. B., għandu jiġi kkonstatat li din tindika li l-istrateġija l-ġdida ta’ xiri ta’ Dimon Italia sejra teħtieġ “l-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni eżekuttiva Ewropea ta’ Dimon, għaliex din jista’ jkollha impatt kbir fuq il-bejgħ tagħna”, li b’hekk tistabbilixxi konnessjoni bejn ix-xiri u l-bejgħ.

    164    F’dak li jirrigwarda, finalment, il-posta elettronika mibgħuta minn R. B. lil G. S. fl-10 ta’ Mejju 2001 (ara wkoll il-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat li din turi li G. S. kien jirċievi informazzjoni dettaljata dwar il-politika kummerċjali ta’ Dimon Italia, rigward, b’mod partikolari, l-attivitajiet tax-xiri, inklużi l-aspetti rilevanti għall-finijiet tal-akkordju.

     Fuq l-interpretazzjoni tal-provi li jistgħu jirribattu l-preżunzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza

    165    Skont Alliance One, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, iċċarat “in-natura tal-provi jew tal-argumenti li kumpannija parent għandha tressaq sabiex tirribatti l-preżunzjoni”. F’dan ir-rigward, hija tidentifika żewġ gruppi ta’ fatturi, l-ewwel grupp relatat mal-aġir tal-kumpannija sussidjarja fis-suq u t-tieni relatat mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jorbtu lill-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, u tqis li, f’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed, ma huwiex ikkontestat li SCC u Dimon Inc. urew li l-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom kienu aġixxew b’mod indipendenti fis-suq.

    166    F’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-uniċi fatturi rilevanti msemmija fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, huma r-“rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi” li jorbtu flimkien lill-kumpannija parent u lill-kumpannija sussidjarja tagħha (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

    167    Is-suġġeriment ta’ Alliance One li l-fatturi inerenti f’dawk ir-rabtiet għandhom jinqraw fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni (T‑339/94 sa T‑342/94, Ġabra p. II‑1727) u tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005), u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud. Fil-fehma tagħha, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li mhux kull rabta ekonomika, organizzattiva jew ġuridika hija suffiċjenti sabiex wieħed jikkonkludi li l-kumpannija parent hija responsabbli għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda li huma suffiċjenti biss ir-rabtiet tat-tip li jistgħu jorbtu l-aġir tal-kumpannija sussidjarja mal-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent.

    168    Madankollu, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, is-siltiet meħuda mis-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, ta’ min ifakkar li dan il-każ kien jirrigwarda assoċjazzjoni, Finnboard, li, skont id-definizzjoni ma kinitx kumpannija sussidjarja u li la setgħet tifforma parti minn impriża, u lanqas ikollha politika kummerċjali (ara, rigward in-natura eżatta tar-relazzjoni ġuridika bejn l-imsemmija assoċjazzjoni u l-membri tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T-338/94, Ġabra p. II‑1617, punti 271 sa 281). Rigward, it-tieni nett, is-siltiet mis-sentenzi Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, u Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li dawn ma jirrigwardawx il-problema tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil kumpannija parent. Fil-fatt, il-kawża li wasslet għas-sentenza Dansk Rørindustri, punt 80 iktar ’il fuq, tirrigwarda r-responsabbiltà tal-kumpanniji, Henss/Isoplus, li ma kellhomx kumpannija parent komuni bejniethom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 55 sa 61). Bl-istess mod, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Aristrain vs Il‑Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li r-responsabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija sussidjarja tiġi imputata lil “sister company” li ma kinitx ġiet identifikata bħala l-persuna ġuridika f’ras il-grupp (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 98).

    169    Fl-analiżi finali, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-kawżi li wasslu għat-tliet sentenzi invokati minn Alliance One bl-ebda mod ma jirrigwardaw il-kwistjoni tal-imputabbiltà tar-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha. Dawn it-tliet sentenzi sempliċement jagħmlu kjarifiki fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet oħrajn fejn tista’ tintalab ir-responsabbiltà in solidum, anki fin-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ kontroll bejn il-kumpanniji. Għaldaqstant isegwi li dawn ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli minn Alliance One.

    170    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-preżunzjoni li tgħid li SCC u Dimon Inc. kienu effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom ma ġietx ikkonfutata bi provi suffiċjenti. Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

    3.     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

    171    It-tielet parti tal-ewwel motiv tinqasam, essenzjalment, f’żewġ ilmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent, fuq dokumenti li lanqas biss kienet semmiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. It-tieni lment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża ta’ SCC u ta’ Dimon Inc. minħabba l-fatt li użat dokumenti mhux aċċessibbli sabiex tipprova r-responsabbiltà tagħhom.

    172    Madankollu, fis-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, Alliance One iddikjarat li kienet sejra tirrinunzja għat-tieni lment, li tagħha ttieħdet nota formali fil-proċess verbali tas-seduta. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eżaminat.

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    173    Alliance One tikkontesta l-argumenti li l-Kummissjoni ressqet fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiċħad il-provi mressqa minn SCC u minn Dimon Inc. Hija ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn il-kumpanniji u, għaldaqstant, ta’ Alliance One stess. B’mod partikolari, hija tosserva li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha rigward ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent fuq dokumenti li lanqas biss kienu msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    174    F’dan ir-rigward, hija tfakkar, l-ewwel nett, li la SCC u lanqas Dimon Inc. ma setgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq l-imsemmija dokumenti, peress li l-Kummissjoni qatt ma informathom dwar l-importanza li setgħet tagħtihom. Għalhekk, SCC u Dimon Inc. ikkunsidraw li dawn id-dokumenti ma kinux rilevanti f’dan il-każ u ma kkummentawx dwarhom fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn dan isegwi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tali dokumenti ma jikkostitwixxux provi ammissibbli kontra Alliance One, minħabba li ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fuqhom, peress li ċ-ċirkustanza li l-partijiet kienu jafu dwar dawn id-dokumenti ma kinitx suffiċjenti biex jiġi konkluż li dawn setgħu jikkummentaw dwarhom fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    175    Fir-replika, Alliance One tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li n-natura tal-oġġezzjonijiet baqgħet ma nbidlitx. Meta tipparaguna d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mad-deċiżjoni kkontestata, Alliance One tenfasizza li, b’mod partikolari fil-premessi 339 sa 343 ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni żiedet diversi elementi u tagħmel referenza għal dokumenti inkriminanti mhux imsemmija qabel. Għaldaqstant, in-“natura tal-oġġezzjonijiet” inbidlet minn preżunzjoni ġenerali ta’ influwenza determinanti għal konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza bħal din ibbażata fuq dawn id-dokumenti l-ġodda. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka provi li ma jidhrux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma tagħti lill-impriżi inkwistjoni l-opportunità li jikkummentaw fuq dawn id-dokumenti l-ġodda. Ladarba dawn id-dokumenti jikkostitwixxu, skont Alliance One, l-uniċi provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni, ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent ma hijiex ipprovata u d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata fuq dan il-punt.

    176    Fir-replika, Alliance One targumenta wkoll, minn naħa, li d-dokumenti 2894 sa 2902, li l-Kummissjoni tinvoka għall-ewwel darba fid-difiża, huma dokumenti ġodda u għaldaqstant inammissibbli, u, min-naħa l-oħra, li, bl-interpretazzjoni mill-ġdid libera, fid-difiża, tal-posta elettronika li R. B. bagħat fl-10 ta’ Mejju 2001 lil G. S., li fiha l-prova li Dimon Inc. kienet informata dwar l-attivitajiet tal-akkordju, il-Kummissjoni qiegħda tintroduċi oġġezzjoni għal kollox ġdida u għaldaqstant inammissibbli.

    177    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    178    Ta’ min ifakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-Qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    179    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21).

    180    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprovdi li l-partijiet għandhom jirċievu dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tiddikjara b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 67), sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    181    Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punt 14), peress li din id-dikjarazzjoni hija dokument preparatorju u l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70). Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ dritt insostenn tal-ilmenti li hija fformulat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 448, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, punt 438).

    182    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argument imressaq minn impriża waqt il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi opinjoni f’dan ir-rigward, qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni finali, ma jikkostitwixxix, bħala tali, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑497/99 P, Ġabra p. I‑5333, punt 24).

    183    Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha setgħet twassal għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur ikun seħħ meta turi biżżejjed, mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha fin-nuqqas tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li setgħet tuża għad-difiża tagħha dokumenti li għalihom ma ngħatatx aċċess waqt il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 28).

    184    F’dan il-każ, Alliance One tallega li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq dokumenti li ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fir-replika, hija żżid li fir-risposta, il-Kummissjoni invokat dokumenti ġodda, li għalhekk huma inammissibli, u li l-Kummissjoni interpretat ukoll dokument mill-ġdid b’mod liberu, li hija tqis li huwa lment ġdid u għalhekk inammissibbli.

    185    Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika l-imputazzjoni lil SCC u lil Dimon Inc. tar-responsabbiltà għall-ksur tal-liġi dwar l-akkordji mwettaq mill-kumpanniji sussidjarji Taljani li tagħhom jippossjedu 100 % tal-kapital, setgħet, fil-prinċipju, fid-dawl tal-prinċipji tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 86 sa 88 iktar ’il fuq, sempliċement tistabbilixxi kif kien it-tqassim tal-kapital bejn il-kumpanniji sussidjarji u l-kumpanniji parent (ara l-punti 336 sa 338 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Skont dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza, fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti invokati mill-partijiet, b’risposta għall-imsemmija dikjarazzjoni (ara l-premessi 335 u s-segwenti tad-deċiżjoni kkontestata), intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

    186    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod kuntrarju għal dak li tosserva Alliance One, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma bidlet fid-deċiżjoni kkontestata, la legalment u lanqas fattwalment, l-oġġezzjonijiet, il-kriterju użat għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil SCC u lil Dimon Inc., jew il-provi li fuqhom tibbaża ruħha. F’dan ir-rigward, jirriżulta minn qari flimkien tal-premessi 328 sa 334 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni sostniet il-konklużjoni tagħha, esposta b’mod ċar fil-punti 336 sa 338 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li r-responsabbiltà ta’ SCC u ta’ Dimon Inc. kienet tirriżulta, fil-prinċipju, mill-fatt li huma kellhom 100 % kontroll tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom, li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat minn Alliance One. Huwa biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-argumenti u tal-provi mressqa mill-partijiet waqt il-proċedura amministrattiva, fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom, li l-Kummissjoni tindirizza, fil-premessi 335 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti aspetti u dokumenti speċifiċi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn SCC u Transcatab, u Dimon Inc. u Dimon Italia, rispettivament u, b’dan, tirreferi għad-dokumenti li jidhru fil-proċess amministrattiv. Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ dawn l-aspetti u dokumenti ma setgħetx taffettwa l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta’ SCC u ta’ Dimon Inc., l-iktar peress li kellhom aċċess għal dawk id-dokumenti – li f’kull każ kienu diġà fil-pussess tagħhom – waqt il-proċedura amministrattiva.

    187    Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li SCC u Dimon Inc., li tagħhom Alliance One hija s-suċċessur legali, setgħu jirrispondu għall-ilment li sar b’mod espliċitu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lilhom u setgħu jippreżentaw id-difiża tagħhom waqt is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-smigħ. Għalhekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju ġie osservat matul il-proċedura amministrattiva.

    188    F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-Kummissjoni hija obbligata li tippreżenta biss, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ksur, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-provi li jirrigwardaw il-fatt li l-kumpannija parent kienet proprjetarja tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha, l-argument dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi milqugħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 64).

    189    Finalment, l-argument invokat fir-replika rigward l-inammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti mqiegħda fil-proċess mill-Kummissjoni, kif ukoll rigward l-interpretazzjoni mill-ġdid b’mod liberu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Kummissjoni tuża dawn id-dokumenti bħala mezz ieħor sabiex issostni l-konstatazzjoni tagħha li l-kumpanniji parent huma responsabbli. Jeħtieġ, barra minn hekk, li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Alliance One, id-dokumenti mħejjija minn Dimon International li jipparagunaw il-faċilitajiet ta’ Dimon u ta’ Transcatab ġew iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 283 tad-deċiżjoni kkontestata.

    190    Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

    4.     Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    191    Alliance One tfakkar, qabel kollox, li peress li l-Kummissjoni ma setgħetx turi l-parteċipazzjoni tal-kumpanniji parent fl-akkordju, l-oneru tal-prova jdur fuqha.

    192    Anki kieku jiġi aċċettat li l-preżunzjoni hija applikabbli f’dan il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-elementi pprovduti minn SCC u minn Dimon Inc. fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dejjem tkun il-Kummissjoni li jkollha turi r-responsabbiltà tagħhom.

    193    Fil-fatt, dawn l-elementi kkonfutaw il-preżunzjonijiet tal-Kummissjoni. Din, min-naħa l-oħra, minflok ma ġabet biżżejjed provi sabiex tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ SCC u ta’ Dimon Inc. u, b’hekk, tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħhom, essenzjalment, hija għamlet użu minn preżunzjonijiet oħrajn sabiex tikkonfuta l-argumenti jew tiċħad li l-provi li kienu ġabu kellhom xi valur.

    194    Meta ċaħdet il-provi u l-argumenti kollha li ġabu SCC u Dimon Inc. fuq il-bażi biss ta’ affermazzjonijiet ġenerali dwar in-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jikkonvinċu lill-Kummissjoni, din naqset milli tiżviluppa raġunament adegwat fir-rigward tagħhom. Għaldaqstant ma huwiex faċli li wieħed ikun jaf liema elementi, għajr dawk diġà pprovduti, għandhom jiġu ppreżentati minn impriża sabiex tikkonvinċi lill-Kummissjoni li din ma eżerċitat l-ebda influwenza fuq kumpannija sussidjarja li l-kapital tagħha huwa kollu proprjetà ta’ dik l-impriża.

    195    Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda titlob probatio diabolica, jiġifieri prova li fil-prattika hija impossibbli li titressaq peress li din għandha tkun prova negattiva li l-impriżi inkwistjoni ma intervjenewx fid-deċiżjonijiet tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom.

    196    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    197    Skont Alliance One, essenzjalment, ma huwiex possibbli li kumpannija parent iġġib prova diretta, pożittiva u inkonfutabbli li ma eżerċitat l-ebda influwenza fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha fis-suq, peress li tkun meħtieġa probatio diabolica.

    198    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni Alliance One, il-partijiet ikkonċernati ma humiex meħtieġa li jġibu prova diretta u inkonfutabbli tal-awtonomija tal-aġir tal-kumpannija sussidjarja fis-suq, iżda biss li jressqu provi li jistgħu juru din l-awtonomija (ara punt 125 iktar ’il fuq).

    199    Il-fatt li, f’dan il-każ, biex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà, Alliance One ma rnexxiliex turi li l-kumpanniji sussidjarji tal-kumpanniji parent, li tagħhom hija s-suċċessur legali, kienu jiddeċiedu b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq, ma jfissirx li, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni Alliance One, il-preżunzjoni msemmija ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkonfutata.

    200    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minħabba n-natura tal-preżunzjoni, li tippermetti li tiġi dedotta l-prova ta’ fatt mhux magħruf minn fatt magħruf, huwa għal kollox loġiku li l-persuna li kontriha tapplika dik il-preżunzjoni, fil-prinċipju, għandha ġġib il-prova negattiva tal-fatt preżunt. Madankollu, dan ma jfissirx li l-preżunzjoni ssir inkonfutabbli, minħabba li, f’dan il-każ, dik il-prova għandha tinstab fl-isfera tal-persuna li kontriha tapplika dik il-preżunzjoni.

    201    Minn dan isegwi li l-argument ta’ Alliance One huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

    202    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni, imressqa minn Alliance One b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li, skont is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, l-unika konsegwenza li tirriżulta mill-preżunzjoni applikabbli hija l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, li l-oneru tal-prova huwa ikbar għall-parti l-oħra mill-oneru tal-Kummissjoni.

    203    Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma indikatx liema kien il-“livell” ta’ prova meħtieġ, iżda kkonstatat biss li l-provi miġjuba minn SCC u minn Dimon Inc. ma setgħux jirribattu l-preżunzjoni.

    204    Għaldaqstant, ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda ukoll.

    205    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fl-iffissar tal-ammont finali tal-multa

    1.     L-argumenti tal-partijiet

    206    Skont Alliance One, l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Transcatab, fuq Dimon Italia u fuqha stess, bħala suċċessur legali ta’ SCC u ta’ Dimon Inc., jikser l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba li jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull kumpannija sussidjarja. Fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom, l-ammont massimu tal-multi li l-Kummissjoni setgħet timponi kien ta’ EUR 3.23 miljun, f’dak li jirrigwarda lil Transcatab, u ta’ EUR 3.99 miljun, f’dak li jirrigwarda lil Dimon Italia, minflok EUR 14-il miljun u EUR 10 miljun, rispettivament.

    207    Barra minn hekk, hija tosserva li, bl-impożizzjoni ta’ multa totali ta’ EUR 24 miljun fuqha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, din injorat, meta ffissat l-ammont inizjali, li SCC u Dimon Inc. kienu diġà ngħaqdu fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u li, minħabba f’hekk, Transcatab biss kienet għadha tifforma parti mill-grupp il-ġdid filwaqt li Dimon Italia (bl-10 % tagħha tas-sehem mis-suq) kienet inbiegħet lil partijiet terzi. Minħabba li kien fadlilha biss 10 % tas-sehem mis-suq, Alliance One tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi imponiet fuqha multa li l-ammont inizjali tagħha kien simili għal dak impost fuq Deltafina/Universal, minkejja l-fatt li din kellha 25 % tas-sehem mis-suq.

    208    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    209    Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Minn naħa, Alliance One tilmenta li l-Kummissjoni qabżet il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia. Min-naħa l-oħra, hija tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-ammont inizjali tal-multa tagħha jixbah lil dak ta’ Deltafina/Universal, u dan minkejja d-differenza kbira bejn iż-żewġ gruppi f’dak li jirrigwarda l-ishma mis-suq.

    210    F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi osservat li din hija marbuta mill-qrib mal-ewwel motiv, minħabba li r-rifjut tal-ewwel motiv ikollu neċessarjament effett fuq il-fondatezza ta’ din il-parti. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għaċ-ċaħda tal-ewwel motiv, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ħadet id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ Dimon Inc. (kumpannija parent ta’ Dimon Italia matul il-ksur) u ta’ SCC (kumpannija parent ta’ Transcatab matul il-ksur), li ngħaqdu fit-13 ta’ Mejju 2005 fl-entità l-ġdida Alliance One, bħala referenza għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 114).

    211    Fil-fatt, dan il-limitu għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-kumpanniji kollha li jiffurmaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, minħabba li d-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji komponenti jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tal-qawwa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, punti 528 u 529, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 114).

    212    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    213    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi osservat, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, li taħt il-kopertura tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Alliance One tqajjem fir-realtà kwistjoni ta’ suċċessjoni ta’ impriżi. Fil-fatt, Alliance One essenzjalment tissuġġerixxi li hija għandha tinżamm responsabbli biss għall-multa imposta fuq Transcatab/SCC u mhux għal dik imposta fuq Dimon Italia, għaliex din tal-aħħar – li kellha 10 % tas-sehem mis-suq matul il-perijodu tal-ksur – ma tiffurmax parti mill-grupp il-ġdid, peress li nbiegħet lil partijiet terzi qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

    214    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li Alliance One inżammet responsabbli għall-ksur bħala suċċessur legali tal-kumpanniji parent SCC u Dimon Inc. Barra minn hekk, tali konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, minħabba li Alliance One hija s-suċċessur legali tal-gruppi (SCC u Dimon Inc.) li għalihom kienu jappartjenu Transcatab u Dimon Italia matul il-perijodu tal-ksur, huwa fuq dik il-bażi li hija kkunsidrata bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

    215    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, bħala prinċipju, huwa obbligu tal-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta jkun twettaq il-ksur, li tirrispondi għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 37; sentenzi tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, punt 103, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 50).

    216    Il-Qorti tal-Ġusitzzja fakkret ukoll li meta entità li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil ġuridiku jew organizzattiv, dan it-tibdil ma jkollux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-entità preċedenti jekk, mill-perspettiva ekonomika, iż-żewġ entitajiet huma identiċi (ara s-sentenza ETI et, punt 82 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10893, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    217    Fil-fatt, għall-implementazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, jista’ jkun neċessarju, bħala eċċezzjoni, li jiġi attribwit akkordju lill-operatur il-ġdid tal-impriża li pparteċipat fl-akkordju, f’sitwazzjoni fejn, f’termini ekonomiċi, dan jista’ fil-fatt jitqies bħala s-suċċessur tal-operatur inizjali (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza ETI et, punt 82 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10896, punti 75 sa 78).

    218    Dan il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” japplika biss f’ċirkustanzi partikolari, bħal fil-każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mit-tmexxija tal-impriża tkun waqfet milli teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 82 iktar ’il fuq, punt 145).

    219    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-ksur inkwistjoni sar mill-entitajiet immexxija, fiż-żmien tal-fatti, minn SCC u minn Dimon Inc. Dawn iż-żewġ entitajiet waqfu jeżistu legalment wara li twettaq il-ksur, minħabba li ħolqu, wara l-fużjoni tagħhom fl-2005, l-entità l-ġdida Alliance One.

    220    Meta impriża tieqaf teżisti minħabba li ġiet assorbita minn xerrej, dan tal-aħħar jassumi l-attiv u l-passiv tagħha, inkluż ir-responsabbilitajiet tagħha fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża assorbita tista’ tiġi attribwita lix-xerrej (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 326, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    221    Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li Alliance One tibqa’ responsabbli, minkejja l-fatt li Dimon Italia inbiegħet lil partijiet terzi, għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar. Is-sitwazzjoni ta’ Mindo f’dan ir-rigward hija differenti, minħabba li, kif tgħid ċar il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ma jistax jitqiegħed indiskussjoni minn dak tal-kontinwità ekonomika fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, impriża involuta fl-akkordju tkun ġiet ittrasferita lil terza persuna indipendenti u fejn ma teżisti l-ebda rabta strutturali bejn l-operatur preċedenti u dak ġdid (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 61).

    222    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament attribwixxiet lil Alliance One il-ksur imwettaq minn Transcatab/SCC u Dimon Italia/Dimon Inc., rispettivament.

    223    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, huwa għal kollox irrilevanti li ssir riferenza għas-sehem mis-suq ta’ Alliance Once fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kif issostni Alliance One, minħabba li l-ishma mis-suq użati biex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multi kienu, hekk kif jirriżulta mill-premessi 372 u 373 tad-deċiżjoni kkontestata, dawk tal-impriżi involuti fl-aħħar tal-ksur, jiġifieri fl-2001.

    224    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

    225    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni

    226    It-tielet motiv jinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata, essenzjalment, fuq l-“effett dissważiv biżżejjed” tal-multa kif ukoll fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. It-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat għal Alliance One huwa ikbar minn dak applikat għal Deltafina. It-tielet parti hija bbażata fuq l-inkonsistenza fir-raġunament tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal Mindo.

    227    Madankollu, b’risposta għal domanda mressqa mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, Alliance One iddikjarat li t-tieni parti ta’ dan il-motiv kienet ir-riżultat ta’ żball materjali u li kienet sejra tirtiraha, u ttieħdet nota formali ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata.

    1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-effett dissważiv biżżejjed u fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    228    Alliance One tikkontesta l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.25 għall-ammont inizjali tal-multi imposti fuq Transcatab u fuq Dimon Italia li ġie ffissat għal EUR 10 miljun.

    229    B’mod partikolari, hija tqis li d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji parent tagħhom ma kienx jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni u li, f’dan il-każ, fid-dawl tad-daqs tagħhom u minħabba l-fatt li ma kinux konxji mill-prattiki tal-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom fis-suq tat-tabakk mhux maħdum, il-multa ta’ EUR 10 miljun kienet dissważiva biżżejjed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċokon tas-suq ġeografiku kkonċernat mill-ksur.

    230    Alliance One tirreferi, sussegwentement, għall-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, u pparagunat id-dħul mill-bejgħ ta’ SCC u ta’ Dimon Inc. u l-livell tal-multi imposti fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħhom u dawk ta’ impriżi li fuqhom il-Kummissjoni imponiet sanzjonijiet fil-kawżi msemmija, sabiex turi li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ma kinitx iġġustifikata f’dan il-każ sabiex jintlaħaq effett dissważiv biżżejjed.

    231    Fir-replika, Alliance One tiddikjara wkoll li, meta applikat separatament koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal Transcatab u għal Dimon Italia, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u tbiegħdet ukoll mil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5)[KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), li jgħidu li l-ebda aġġustament tal-ammont bażiku ma għandu jiġi applikat awtomatikament fil-każ ta’ gruppi multinazzjonali, iżda għandu jkun applikat biss jekk ikun meħtieġ li jiġi ggarantit effett dissważiv biżżejjed.

    232    Alliance One tikkonkludi, għalhekk, li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.25 għal Transcatab u għal Dimon Italia ma hijiex iġġustifikata u għaldaqstant titlob li jitnaqqas l-ammont tal-multi.

    233    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’Alliance One.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    234    Għandu jiġi mfakkar li s-sanzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi kemm sabiex jitwaqqaf l-aġir li jikkostitwixxi ksur kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ tali aġir futur. Għalhekk, id-dissważjoni hija l-iskop tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punti 218 u 219, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 150).

    235    Il-ħtieġa li bil-multa jiġi żgurat effett dissważiv titlob li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mistenni fuq l-impriża li fuqha tkun ġiet imposta, u dan bil-għan li l-multa ma ssirx ineffettiva, jew b’mod kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, b’mod konformi mal-eżiġenzi bbażati, min-naħa waħda, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 283; Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 379, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 154).

    236    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida, għalkemm ma għamlitx referenza espliċita għalihom, li jsemmu l-għan dissważiv fil-punt 1 A tagħhom, iddedikat għas-serjetà tal-ksur. B’mod iktar speċifiku, ir-raba’ paragrafu ta’ dan il-punt jgħid li jkun meħtieġ li “tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv”.

    237    Dan l-għan jissemma fl-intestatura tal-punt 2.6.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata (“Piż speċifiku u dissważjoni”) u, b’mod partikolari, fil-premessi 374 u 375 tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5 (jiġifieri żieda ta’ 50 %) fuq l-ammont inizjali tal-multa ffissata għal Universal/Deltafina u ta’ 1.25 (jiġifieri żieda ta’ 25 %) għal dak iffissat għal Dimon Italia/Dimon Inc. u Transcatab/SCC sabiex tiżgura effett dissważiv biżżejjed lill-multa, li jkun nieqes li kieku l-ammont inizjali kellu jirrifletti biss il-pożizzjoni fis-suq ta’ dawn l-impriżi. Il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq id-dħul mill-bejgħ dinji rispettiv ta’ USD 3,276 biljun, ta’ USD 1,311 biljun, u ta’ USD 0,896 biljun fl-2005, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-“saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli” ta’ dawn il-gruppi, fid-dawl tal-fatt li huma wkoll in-negozjanti ewlenin tat-tabakk fid-dinja, u joperaw f’livelli differenti ta’ attività fi ħdan l-industrija tat-tabakk u fi swieq ġeografiċi differenti.

    238    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ta’ Alliance One li l-ammont inizjali ta’ EUR 10 miljun huwa dissważiv biżżejjed, għandu jiġi kkonstatat li din bl-ebda mod ma ssostni l-affermazzjoni tagħha li l-ammont tal-multa, kieku ġie stabbilit mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni marbut mal-effett dissważiv, kien ikun biżżejjed sabiex jiżgura tali effett tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 107).

    239    F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li ż-żieda tal-multa inkwistjoni hija bbażata fuq deċiżjoni ta’ adegwament ta’ ammont partikolari ta’ multa u l-għan ta’ dissważjoni tal-multa evalwata fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriżi.

    240    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-operazzjoni intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali għall-finijiet ta’ dissważjoni tifforma parti minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, permezz taż-żieda tal-ammonti inizjali stabbilita fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, indipendentement mil-livell ta’ dawn l-ammonti, fir-realtà sempliċement applikat, biex tiżgura li l-multi jkollhom effett dissważiv, trattament differenti għall-membri tal-istess akkordju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif dawn kienu sejrin jintlaqtu fir-realtà mill-multa. Dan it-trattament differenti sar permezz ta’ koeffiċjenti ta’ multiplikazzjonii ffissati skont id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi, irrispettivament mil-livell tal-ammonti li għalihom ġew applikati dawn il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjonii (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 234 iktar ’il fuq, punti 241).

    241    Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ġustament qieset li, minħabba d-daqs u r-riżorsi globali tal-gruppi SCC u Dimon Inc., evalwati abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2005, kien xieraq, għal finijiet ta’ dissważjoni, li żżid il-multa fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji mingħajr, barra minn hekk u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Alliance One, ma l-kwistjoni dwar jekk kinux konxji mill-prattiki tal-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom ma setgħet titqies importanti (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 125 iktar ’il fuq).

    242    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument ibbażat fuq l-effett dissważiv biżżejjed fid-dawl tal-prassi ta’ impożizzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni tal-Kummissjoni, biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan il-kuntest legali huwa definit biss fir-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fil-Linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 292).

    243    Fir-rigward, it-tielet nett, tal-argument ibbażat fuq iċ-ċokon tas-suq ġeografiku, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-akkordju inkwistjoni kien nazzjonali u ma kienx limitat, għall-kuntrarju ta’ dak li tidher li qiegħda tissuġġerixxi Alliance One, għar-reġjuni ta’ produzzjoni tat-tabakk. L-akkordju implementat mill-proċessuri kien jirrigwarda, fil-fatt, is-suq tax-xiri u mhux tal-produzzjoni (li huwa kkonċentrat f’ċerti reġjuni tal-peniżola, ara l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett u f’kull każ, jeħtieġ li jiġi osservat li din il-kwistjoni ma għandhiex konnessjoni mal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni. Fil-fatt, id-daqs tas-suq ġeografiku huwa fattur li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni meta tevalwa l-gravità tal-ksur (ara, f’dan il-każ, il-premessi 365 u 366 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-fattur jikkorrispondi, minħabba f’hekk, ma’ karatteristika oġġettiva u intrinsika tal-ksur, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal finijiet dissważivi tippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi oġġettivi tal-parteċipanti, bħad-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom. Barra minn hekk, l-istess kliem tar-raba’ paragrafu tal-punt 1A tal-Linji gwida jikkonferma din it-teżi peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ dissważjoni jsir, irrispettivament min-natura tal-ksur, mill-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u mid-daqs ġeografiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 235 iktar ’il fuq, punt 273). Dan l-argument għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    244    Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-argument imqajjem fir-replika li jgħid li f’dan il-każ, il-Kummissjoni tbiegħdet mil-Linji gwida, minħabba li dawk il-Linji gwida jipprekludu l-applikazzjoni ta’ żieda awtomatika fl-ammont bażiku tal-multa għall-gruppi multinazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li dak l-argument ma għandux bażi fattwali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont inizjali, il-Kummissjoni, qabel kollox, evalwat il-piż speċifiku ta’ kull impriża, skont is-sehem tagħha fis-suq, u wara, ħadet inkunsiderazzjoni s-saħħa ekonomika u finanzjarja tal-gruppi multinazzjonali li għalihom kienu jappartjenu l-impriżi li wettqu l-ksur, sabiex tiżgura li dan l-ammont ikollu effett dissważiv biżżejjed. Għaldaqstant, iż-żieda tal-ammont bl-ebda mod ma ġiet applikata b’mod awtomatiku.

    245    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta żiedet l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq SCC u fuq Dimon Inc. sabiex tiżgura li dawn ikollhom effett dissważiv biżżejjed.

    2.     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-inkonsistenza fir-raġunament li użat il-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal Mindo

    a)     L-argumenti tal-partijiet

    246    Alliance One tilmenta li l-Kummissjoni użat raġunament inkonsistenti meta ma applikatx koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal Mindo, fuq il-bażi li din tal-aħħar ma kellhiex iktar rabtiet magħha u b’hekk kienet impriża distinta. Ladarba Alliance One hija responsabbli għall-multa imposta fuq Dimon Italia/Mindo, jekk ma jiġix applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal Mindo, dan huwa wisq inqas applikabbli għal Alliance One.

    247    Meta applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni separat għal Dimon Italia u għal Transcatab minħabba li kienu jappartjenu għal żewġ gruppi multinazzjonali fiż-żmien tal-ksur, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u l-multa kellha titħallas, Transcatab biss kienet għadha tifforma parti minn grupp multinazzjonali filwaqt li sadanittant Dimon Italia kienet inbiegħet.

    248    Barra minn hekk, fid-dawl tal-effet dissważiv imfittex mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, l-applikazzjoni ta’ tali koeffiċjent hija ġġustifikata biss fir-rigward tal-kumpannija li wettqet l-att li jikkostitwixxi ksur u mhux ta’ kumpannija totalment barranija għall-akkordju u li l-unika rabta tagħha mal-kumpannija involuta direttament hija li kellha xi ishma tagħha fil-passat.

    249    Ladarba Mindo ma waqfitx teżisti, kull koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għandu jiġi applikat għaliha, fil-kapaċità tagħha bħala parteċipanti diretta fl-akkordju. Konsegwenza mhux aċċettabbli tal-kriterju użat mill-Kummissjoni hija, skont Alliance One, li l-kumpannija li wettqet direttament il-ksur tirċievi sanzjoni inqas ħarxa mill-kumpannija li kienet tikkontrollaha qabel, li mhux biss ma pparteċipatx fl-akkordju u ma kinitx konxja mill-eżistenza tiegħu, iżda li saħansitra ma għadx għandha rabtiet magħha.

    250    Fl-aħħar nett, skont Alliance One, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra żewġ kumpanniji responsabbli in solidum għal ammonti differenti u separati tal-istess multa, hekk kif għamlet f’dan il-każ.

    251    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Alliance One.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    252    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ il-Kummissjoni ġustament ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpanniji parent, jiġifieri Dimon Inc. u SCC, sabiex tikkalkula l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, u mhux biss dak tal-kumpanniji sussidjarji kkonċernati, ladarba l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja, hekk kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, kienu jikkostitwixxu, fir-rigward tal-Artikolu 81 KE, impriża unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 49, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 379). Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni abbażi tal-effett dissważiv kienet iġġustifikata, f’dan il-każ, proprju minħabba l-fatt li l-impriżi li wettqu l-aġir li jikkostitwixxi ksur kienu jappartjenu lil gruppi multinazzjonali (ara l-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

    253    Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 291 fil-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni fir-rigward tal-multa imposta fuq Mindo (li qabel kienet Dimon Italia) hija ġġustifikata fuq il-bażi tar-responsabbiltà in solidum ta’ Alliance One, filwaqt li, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà stess ta’ Mindo, l-applikazzjoni ta’ tali koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ma hijiex iġġustifikata, minħabba li din ħallet kull rabta li kellha mal-azzjonist tagħha. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li r-responsabbiltà ta’ Mindo għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-limiti tal-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien inutli li tikkalkula separatament ammont inizjali għal din l-impriża. Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha ma għandux bażi fattwali.

    254    Fil-premessi 403 u 404 tad-deċiżjoni kkontestata (fil-punt 2.6.3.6, intitolat “Multi li jirriżultaw u l-applikazzjoni tal-limiti għall-multa”), il-Kummissjoni tippreċiża s-sitwazzjoni ta’ Mindo. B’mod iktar speċifiku, fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika: “[…] ir-responsabbiltà [in solidum] ta’ Mindo (li fil-preżent ma għandha l-ebda rabta ma’ dak li qabel kien il-grupp Dimon) għandha tiġi kkunsidrata fil-limiti ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena finanzjarja l-iktar reċenti (jiġifieri EUR 3.99 miljun)”.

    255    Fil-fatt, jekk unità ekonomika tkun ġiet mitmuma sadanittant, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li fil-konfront tiegħu jiġi applikat b’mod individwali l-limitu msemmi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 390, u tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il‑Kummissjoni T‑26/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 113).

    256    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni bħala dissważjoni għal Mindo ma kellha l-ebda konsegwenza prattika minħabba li l-multa tagħha kienet limitata għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Għaldaqstant, l-argument invokat minn Alliance One huwa irrilevanti.

    257    F’kull każ, ir-riżorsi globali ta’ impriża għandhom jiġu evalwati, sabiex jiġi milħuq l-għan ta’ dissważjoni b’mod korrett, u dan bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-ġurnata meta l-multa tiġi imposta, liema ħaġa, barra minn hekk, ma hijiex ikkontestata minn Alliance One (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 235 iktar ’il fuq, punt 285).

    258    Għaldaqstant, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, meta ddeterminat iż-żieda abbażi tal-effett dissważiv, id-dħul mill-bejgħ miksub mill-gruppi li l-fużjoni tagħhom seħħet bejn tmiem il-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    259    Kien ukoll ġustament li l-Kummissjoni żammet lil Mindo responsabbli in solidum għall-ħlas flimkien ma’ Alliance One sal-ammont ta’ EUR 3.99 miljun, filwaqt li din tal-aħħar tibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-ammont totali tal-multa, jiġifieri EUR 10 miljun.

    260    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

    261    Isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa meħtieġ li tkun eżaminata, f’dan il-każ, l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kapijiet tat-talbiet imressqa minn Alliance One.

     Fuq l-ispejjeż

    262    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Alliance One tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Alliance One International, Inc., hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2011.

    Firem

    Werrej


    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    A –  Il-proċedura amministrattiva

    B –  Id-deċiżjoni kkontestata

    1.  Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

    2.  Id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    Id-dritt

    A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltŕ lil kumpannija parent għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

    1.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltŕ lill-kumpannija parent tal-prattiki tal-kumpannija sussidjarja tagħha

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    2.  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi mressqa minn SCC u minn Dimon Inc. sabiex jirribattu l-preżunzjoni

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq il-fatturi ġenerali invokati bil-għan li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni

    Fuq il-fatturi speċifiċi invokati bl-għan li tiġi ribattuta l-preżunzjoni

    –  Fuq ir-relazzjoni bejn SCC u Transcatab

    –  Fuq ir-relazzjoni bejn Dimon Inc. u Dimon Italia

    Fuq l-elementi allegatament użati mill-Kummissjoni sabiex tikkonferma n-nuqqas ta’ awtonomija ta’ Transcatab u ta’ Dimon Italia

    Fuq l-interpretazzjoni tal-provi li jistgħu jirribattu l-preżunzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza

    3.  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    4.  Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, fl-iffissar tal-ammont finali tal-multa

    1.  L-argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni

    1.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-effett dissważiv biżżejjed u fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    2.  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-inkonsistenza fir-raġunament li użat il-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal Mindo

    a)  L-argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ispejjeż


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq