Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007TJ0177

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Ġunju 2010.
    Mediaset SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat - Telekomunikazzjonijiet - Sussidji għax-xiri ta’ dekoders diġitali - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha - Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat - Esklużjoni tad-dekoders li jippermettu r-riċezzjoni ta’ programmi televiżivi mxandra bis-satellita - Vantaġġ - Natura selettiva - Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni - Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża T-177/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-02341

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2010:233

    Kawża T-177/07

    Mediaset SpA

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Għajnuna mill-Istat — Telekomunikazzjonijiet — Sussidji għax-xiri ta’ dekoders diġitali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Esklużjoni tad-dekoders li jippermettu r-riċezzjoni ta’ programmi televiżivi mxandra bis-satellita — Vantaġġ — Natura selettiva — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Sommarju tas-sentenza

    1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

    2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat

    (Artikolu 87(1) KE)

    3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġi indiretti — Inklużjoni

    (Artikolu 87(1) KE)

    4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 87(3)(ċ) KE)

    5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Karatterizzazzjoni tal-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

    (Artikoli 87(1) KE u 253 KE)

    6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE — Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji — Ċertezza legali — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

    (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(1))

    1.      Ir-rikors promotur li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandu jesponi s-suġġett tal-kawża u l-motivi invokati, jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, iżda l-annessi għandhom biss funzjoni purament probatorja u strumentali. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw motiv espost sommarjament fir-rikors billi jressqu lmenti jew argumenti li ma humiex fih. Rikorrent għandu jindika fir-rikors tiegħu l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti Ġenerali hija mitluba tagħti deċiżjoni, kif ukoll, għall-inqas b’mod sommarju, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l‑ilmenti.

    (ara l-punti 24, 25)

    2.      Miżura li tikkonsisti f’sussidju pubbliku mogħti lil kull utent tas-servizz ta’ xandir li jixtri jew jikri apparat adattat li jippermetti r-riċezzjoni, b’mod mhux ikkodifikat u li ma jinvolvi ebda ћlas għall-utenti u għall-fornitur tal-kontenut, tas-sinjali televiżivi ta’ teknoloġija diġitali terrestri tikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE mogħti lix-xandara diġitali terrestri u lill-operaturi li jxandru bil-kejbil meta mqabbla max-xandara bis-satellita.

    Fil-fatt, meta l-benefiċċju ta’ din il-miżura huwa suġġett għall-ħtieġa li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, li fosthom hemm dik li l-apparat li jippermetti r‑riċezzjoni ta’ sinjali televiżivi diġitali terrestri għandu jinxtara jew jinkera, din evidentement ma tistax tkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur li jiddeċiedi li jixtri jew jikri apparat li jippermetti esklużivament ir-riċezzjoni ta’ sinjali televiżivi diġitali bis‑satellita. Għaldaqstant, fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna marbuta mas-suq tat-televiżjoni diġitali, l-imsemmija miżura ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ newtralità teknoloġika imposta mill-Kummissjoni.

    L-iżvilupp ta’ udjenza jirrappreżenta parti essenzjali tal‑attività kummerċjali ta’ xandara ta’ programmi televiżivi. Barra minn hekk, għandu jitqies li din il-miżura ta’ għajnuna, minn naħa, tinkoraġġixxi lill‑konsumaturi jgħaddu mis-sistema analoga għas-sistema diġitali terrestri filwaqt li jiġu limitati l-ispejjeż li x-xandara ta’ televiżjoni diġitali terrestri kien ikollhom ibatu u, min-naħa l-oħra, tippermetti li l-istess xandara jikkonsolidaw il-pożizzjoni eżistenti tagħhom fis-suq, f’termini tal-immaġni tat-trade mark u tal-fiduċja tal‑klijentela, meta mqabbla mal-kompetituri ġodda.

    Il-fatt li din il-miżura hija ta’ benefiċċju kbir għall‑konsumaturi peress li tnaqqas il-prezz tad-dekoders iktar sofistikati għal‑livell tal-prezz ta’ dekoders bażiċi ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li din tikkostitwixxi wkoll vantaġġ għax-xandara terrestri u għall‑operaturi li jxandru bil-kejbil.

    Barra minn hekk, il-prezz tad-dekoder jikkostitwixxi karattersitika determinanti li t-telespettatur jieħu inkunsiderazzjoni meta jagħmel l-għażla tiegħu. Fir-rigward ta’ sussidju mogħti b’mod dirett lill-konsumaturi, dan għandu bħala effett awtomatiku li jwassal għal tnaqqis fil-prezz tax-xiri jew tal-kiri tal-apparat li jippermetti r-riċezzjoni ta’ sinjali televiżivi diġitali terrestri. Issa, tali tnaqqis fil-prezz jista’ jaffettwa l-għażla tal-konsumaturi li huma attenti għall‑ispejjeż.

    Barra minn hekk, din il-miżura għandha natura selettiva anki jekk ix-xandara bis-satellita jistgħu jibbenefikaw minn din il-miżura billi joffru dekoders “ibridi”, jiġifieri dekoders kemm terrestri kif ukoll li jaħdmu bis-satellita. Fil-fatt, f’din l‑ipoteżi, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dekoders “ibridi” mix-xandara bis-satellita jimplika spiża supplimentari li, trażmessa fuq il-prezz tal-bejgħ lill-konsumaturi, tista’ tiġi kkumpensata aħjar permezz tal-miżura inkwistjoni li minnha jibbenefikaw dawn tal-aħħar. Għalhekk, ix-xandara bis-satellita jinsabu f’pożizzjoni inqas vantaġġuża meta mqabbla max-xandara terrestri u mal‑operaturi li jxandru bil-kejbil, peress li dawn tal-aħħar ma jkollhom għalfejn jgħaddu l-ebda spiża supplimentari għal fuq il-prezz tal-bejgħ tad‑dekoders imħallas mill-konsumaturi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

    (ara l-punti 56, 57, 60, 62, 64, 65, 68, 95)

    3.      L-Artikolu 87 KE jipprojbixxi l-għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont jekk il-vantaġġi relatati mal-għajnuna jingħatawx b’mod dirett jew indirett. Għaldaqstant, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex neċessarjament impriżi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li huma impriżi.

    Għaldaqstant, sussidju mogħti lill-konsumaturi jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat favur operaturi li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi ta’ konsum.

    (ara l-punti 75, 76)

    4.      Sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, għajnuna għandha jkollha għan ta’ interess komuni u tkun meħtieġa u proporzjonali għal dan l-għan.

    Fir-rigward ta’ miżura li tikkonsisti f’sussidju pubbliku mogħti lil kull utent tas-servizz ta’ xandir li jixtri jew jikri apparat adattat li jippermetti r-riċezzjoni, b’mod mhux ikkodifikat u li ma jinvolvi ebda ћlas għall-utenti u għall-fornitur tal-kontenut, tas-sinjali televiżivi ta’ teknoloġija diġitali terrestri, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-għan ta’ interess komuni huwa li jirrimedja għal problemi ta’ funzjonament tas-suq li jirrigwardaw b’mod partikolari l-problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi, li hija l-oriġini ta’ ostakolu għall-iżvilupp tax-xandir diġitali.

    Fil-fatt, meta ix-xandara tat-televiżjoni li huma diġà attivi fis-suq ikollhom iqisu l‑iffissar ta’ terminu legali għas-sospensjoni tat-trażmissjonijiet b’mod analogu bħala fatt stabbilit u, għaldaqstant, jibdew strateġiji kummerċjali ġodda, is-sussidji għax-xiri tad-dekoders diġitali ma humiex meħtieġ sabiex jikkoreġu l-problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-suq, peress li l-imsemmija problema hija diġà rregolata mill-eżistenza ta’ data vinkolanti għat-tranżizzjoni għad-diġitali.

    Barra minn hekk, peress li t-televiżjoni diġitali tokkupa pożizzjoni importanti ħafna, ir-riskju, għall-operaturi kummerċjali, li ma tintlaħaqx massa kritika ta’ konsumaturi, minħabba problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi, ma huwiex tali li huma ma jkunux f’pożizzjoni li jaffaċċjawh.

    (ara l-punti 125, 126)

    5.      Applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna, l‑obbligu ta’ motivazzjoni jirrikjedi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il‑Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, għalkemm il‑Kummissjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija marbuta tirreferi, għall-inqas, għaċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna meta dawn jippermettu li jintwera li l‑għajnuna hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija, madankollu, ma hijiex marbuta tagħmel analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-swieq ikkonċernati, tas-sehem tas-suq tal-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-kurrenti kummerċjali bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-każ ta’ għajnuna mogħtija kontra l-liġi, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta turi l-effett reali li din l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Li kieku dan kien il-każ, fil-fatt, din in-neċessità twassal sabiex jiġu avvantaġġati l-Istati Membri li jagħtu għajnuna illegali bi ħsara għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta’ proposta. B’mod partikolari, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni.

    (ara l-punti 144 -146)

    6.      Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fíl-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, li l-Istat Membru kkonċernat għandu jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju tagħha. Madankollu, din l-istess dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma għandhiex timponi l-irkupru tal-għajnuna jekk, billi tagħmel hekk, hija tikser prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Madankollu, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal‑għajnuna biss jekk l-għajnuna tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura. Fil‑fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet osservata, anki meta n-natura illegali tad‑deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna hija imputabbli lill-Istat li jagħti l-għajnuna b’tali mod li r-revoka ta’ din il-miżura tkun tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ bone fide.

    Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju. Fil-kuntest tal-ħlas lura ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, l-ebda dispożizzjoni ma teżiġi li l‑Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Fil-fatt, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha nnifsu jkun jista’ jiddetermina, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont. Minn dan jirriżulta li ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba d-diffikultà li jiġi ddeterminat il-valur eżatt ta’ wieħed mill-parametri tal-metodu ta’ kalkolu espost fid-deċiżjoni kkontestata.

    (ara l-punti 170, 173, 179-181)







    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

    15 ta’ Ġunju 2010 (*)

    “Għajnuna mill-Istat – Telekomunikazzjonijiet – Sussidji għax-xiri ta’ dekoders diġitali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Esklużjoni tad-dekoders li jippermettu r-riċezzjoni ta’ programmi televiżivi mxandra bis-satellita – Vantaġġ – Natura selettiva – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża T‑177/07,

    Mediaset SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn K. Adamantopoulos, G. Rossi, E. Petritsi u A. Nucara, avukati, D. O’Keeffe u P. Boyle, solicitors,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk, G. Conte u E. Righini, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Sky Italia Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata inizjalment minn F.E. González Díaz u D. Gerard, sussegwentement minn González Díaz, avukati,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2007/374/KE, tal‑24 ta’ Jannar 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat C 52/2005 (ex NN 88/2005, ex CP 101/2004) li ġiet implementata mir-Repubblika Taljana bis-sussidju għax-xiri ta’ decoders diġitali (ĠU L 147, p. 1),

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

    komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

    Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1        L-Artikolu 4(1) tal-legge n°350 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2004) (Liġi Nru 350 dwar id‑dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat, iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja 2004”), tal‑24 ta’ Diċembru 2003, kien jipprovdi:

    “Gћall-2004, kull utent tas-servizzi ta’ xandir li jkun ħallas il-miżata ta’ abbonament gћas-sena kurrenti, li jixtri jew jikri apparat adattat li jippermetti r‑riċezzjoni, b’mod mhux ikkodifikat u li ma jinvolvi ebda ћlas min-naħa tal‑utenti u tal-fornitur tal-kontenut, tas-sinjali televiżivi ta’ teknoloġija diġitali terrestri (T‑DVB/C‑DVB) u l-interattività li tirriżulta, għandu jingħata sussidju mill-Istat ekwivalenti għal EUR 150. L-gћoti tas-sussidju huwa suġġett għal-limitu ta’ EUR 110 miljun.”

    2        L-Artikolu 1(211) tal-legge n°311 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2004) (Liġi Nru 311 dwar id‑dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat, iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja 2005”), tat‑30 ta’ Diċembru 2004, kien jipprovdi li l-miżura inkwistjoni kellha tiġi rifinanzjata taħt l-istess limitu ta’ EUR 110 miljun, filwaqt li s-sussidju għad-dekoder tnaqqas għal EUR 70.

    3        Din is-sistema ma baqgħetx fis-seħħ mill‑1 ta’ Diċembru 2005.

    4        Il-proċess tad-diġitalizzazzjoni tas-sinjali televiżivi nbeda fl-Italja permezz tal‑legge n°66 – Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 23 gennaio 2001, n 5, recante disposizioni urgenti per il differimento di termini in materia di trasmissioni radiotelevisive analogiche e digitali, nonché per il risanamento di impianti radiotelevisivi ([…]), tal‑20 ta’ Marzu 2001, li kienet tipprovdi li t-tranżizzjoni lejn id-diġital kienet ser tintlaħaq u li t-trażmissjonijiet analog kienu ser jitwaqqfu definittivament qabel Diċembru 2006. F’dan ir‑rigward, l‑Artikolu 2a(5) tal-imsemmija liġi kien jipprovdi:

    “It-trażmissjonijiet televiżivi ta’ programmi u ta’ servizzi multimedia b’frekwenza terrestri għandhom jixxandru esklużivament b’teknkoloġija diġitali qabel l-aħħar tal-2006.”

    5        Id-data prevista għal waqfien tat-trażmissjonijiet analog ġiet posposta darbtejn, l‑ewwel darba sal-2008, imbagħad it-tieni darba, sat‑30 ta’ Novembru 2012.

    6        Fil‑11 ta’ Mejju 2004, Centro Europa 7 Srl ippreżentat ilment quddiem il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sussidju mogħti mir‑Repubblika Taljana, skont l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Finanzjarja 2004, għax-xiri ta’ ċerti dekoders diġitali terrestri. B’ittra tal‑10 ta’ Frar 2005, Centro Europa 7 ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni oħra u sostniet li l-Gvern Taljan, fl‑Artikolu 1(211) tal-Liġi Finanzjarja 2005, kien ipprovda għar-rifinanzjament tal‑miżura inkwistjoni.

    7        Fit‑3 ta’ Mejju 2005, Sky Italia Srl ippreżentat ukoll ilment kontra l-istess dispożizzjonijiet tal-Liġi Finanzjarja 2004 u tal-Liġi Finanzjarja 2005.

    8        B’ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Taljana d-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ĠU 2006 C 118, p. 10, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali”) fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tal‑Liġi Finanzjarja 2004 u tal-Artikolu 1(211) tal-Liġi Finanzjarja 2005 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“miżura inkwistjoni”). F’din id-deċiżjoni, hija stiednet lill-partijiet interessati jissottomettulha l-kummenti tagħhom fuq l‑imsemmija miżura.

    9        Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/374/KE, dwar għajnuna mill-Istat C 52/2005 (ex NN 88/2005, ex CP 101/2004) li ġiet implementata mir-Repubblika Taljana bis-sussidju għax-xiri ta’ decoders diġitali (ĠU L 147, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    10      Qabel xejn, il-Kummissjoni indikat li l-miżura inkwistjoni, peress li tistabbilixxi l‑għoti mir-Repubblika Taljana ta’ sussidju għax-xiri, matul l-2004 u l-2005, ta’ ċerti dekoders diġitali terrestri, tikkostitiwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE, favur xandara diġitali terrestri li joffru servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas, b’mod partikolari s-servizzi “pay per view”, kif ukoll favur operaturi li jipprovdu servizzi ta’ televiżjoni diġitali bil-kejbil bi ħlas.

    11      Wara dan, il-Kummissjoni qieset li l-ebda waħda mid-derogi previsti fl‑Artikolu 87(3) KE ma hija applikabbli għall-miżura inkwistjoni. B’mod partikolari, hija teskludi l-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fl‑Artikolu 87(3)(ċ) KE, sa fejn, anki jekk it-tranżizzjoni minn xandir televiżiv analog għal xandir televiżiv diġitali tikkostitwixxi għan ta’ interess komuni, il‑miżura inkwistjoni ma kinitx proporzjonali mat-tfitxija ta’ dan l-għan u ma kinitx ta’ natura li tevita distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni. Din il-konklużjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni ma hijiex teknoloġikament newtrali, sa fejn din ma tapplikax għad-dekoders diġitali bis‑satellita. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li, sakemm il-miżura inkwistjoni setgħet titqies bħala għajnuna lill-produtturi ta’ dekoders, din tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fil-fatt, minn naħa, tinkoraġixxi l-iżvilupp teknoloġiku fil-forma ta’ dekoders ta’ rendiment aħjar, mgħammra bi standards li huma għad-dispożizzjoni tal-produtturi kollha, u, min‑naħa l-oħra, il-produtturi kollha li jipproponu dan it-tip ta’ dekoder, inklużi dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, setgħu jibbenefikaw mill-finanzjament. Fl‑aħħar nett, iż-żieda fit-talba għal dekoders wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura inkwisjtoni kienet l-effett, fih innifsu inevitabbli, ta’ kull politika favur it‑tranżizzjoni għad-diġitali, anki dik l-iktar newtrali mill-perspettiva teknoloġika.

    12      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont il‑miżura inkwisjtoni, li ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li ngħatat b’mod illegali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni pprovdiet ċerti indikazzjonijiet dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna.

    13      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

    “Artikolu 1

    L-iskema adottata illegalment mir-Repubblika Taljana favur ix-xandara diġitali terrestri li joffru servizzi televiżivi bi ħlas u lill-operaturi li jipprovdu servizz ta’ televiżjoni bil-kejbil bi ħlas tikkostitwixxi għajnuna ta’ l-Istat inkumpatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    1. Ir-Repubblika Taljana għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

    2. L-irkupru għandu jseħħ mingħajr telf ta’ żmien u skond il-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, kemm-il darba dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-interessi, li jiddekorru mid-data meta l-għajnuna tpoġġiet għad-disposizzjoni tal-benefiċjarji sad-data ta’ l-irkupru tagħhom.

    3. L-imgħaxijiet li għandhom jiġu rkuprati skond il-paragrafu 2 għandhom jiġu kkalkulati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE]. tat-Trattat [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3].

    Artikolu 3

    Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Taljana għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri adottati biex tikkonforma magħha. Din l-informazzjoni għandha tingħata permezz tal-kwestjonarju anness ma’ din id‑Deċiżjoni.

    Fl-istess terminu hawn fuq imsemmi r-Repubblika Taljana għandha tibgħat id‑dokumenti meħtieġa biex turi li tat bidu għall-proċedura ta’ rkupru mingħand il-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet illeġittimi u inkumpatibbli.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.”

    14      Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 6630 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, il‑Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Taljana skont il-legge n°266 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006) (Liġi Nru 266 dwar id-dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat, iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja 2006”) tat-23 ta’ Diċembru 2005, għax-xiri, fl‑2006, ta’ dekoders diġitali b’interface għal programmi ta’ applikazzoni miftuħa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l‑2006”). Bid-differenza tad-deċiżjoni kkontestata, is-sussidji inkwistjoni fid-deċiżjoni dwar l-2006 tqisu “teknoloġikament newtrali”, sa fejn huma setgħu jingħataw għad-dekoders tal‑pjattaformi diġitali kollha (terrestri, bil-kejbil u bis-satellita), sakemm dawn ikunu interattivi u interoperabbli, jiġifieri li dawn ikunu dekoders “miftuħin”, u mhux dekoders imsejħa “proprjetarji”.

     Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), fit-23 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti, Mediaset SpA, kumpannija li xxandar programmi diġitali terrestri, ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

    16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2007, Sky Italia talbet li tintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tal‑Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Jannar 2008, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

    17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    18      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sky Italia, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

     Fuq l-ammissibbiltà tal-Annes A.8 tar-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    19      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sky Italia, tqis li l-Anness A.8 tar-rikors, intitolat, “Is-settur Taljan tax-xandir: sunt qasir tal-kuntest storiku, leġiżlattiv u tas-suq” (iktar ’il quddiem l-“Anness A.8”), kif ukoll kull riferiment għalih għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli u li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tikkunsidra l-kontenut tiegħu. Fil-fatt, l-Anness A.8 jinkludi diversi argumenti u osservazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li ma jinsabux fir-rikors. Għaldaqstant, l-imsemmi anness u r-riferimenti għalih fir-rikors jiksru l-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja kif ukoll l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jgħid li r-rikors innifsu għandu jesponi s-suġġett u l-motivi invokati.

    20      Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi kollha mqajma insostenn tar-rikors tagħha huma żviluppati fir-rikors, b’mod li l-motiv ta’ inammissibbiltà tal-Anness A.8 u tar‑riferimenti għall-imsemmi anness, kif imqajjem mill-Kummissjoni, huwa irrilevanti u infondat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    21      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tirrileva li fir-rikors hemm ħames riferimenti għall-Anness A.8, jiġifieri, minn naħa, il-paragrafi 11 u 109 u, min-naħa l-oħra, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 57, 94 u 115.

    22      Fir-rigward tal-ewwel riferiment, fil-paragrafu 11 tar-rikors, għandu jiġi rrilevat li dan jinsab fil-paragrafu introduttiv tat-tieni titolu,“Kuntest fattwali”, li jippreċedi t-tielet titolu, “Motivi għal annullament”. L-għan ta’ dan ir-riferiment għall‑Anness A.8 huwa li jippermetti li l-Qorti Ġenerali jkollha spjegazzjoni tal‑kuntest legali u tal-kuntest relatat mas-suq li fih il-miżura inkwistjoni għandha tiġi eżaminata.

    23      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dan l-ewwel riferiment, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lir-rikorrenti talli għamlet riferiment għall-Anness A.8.

    24      Fir-rigward tal-aħħar erba’ riferimenti, li din id-darba jinsabu fit-tielet titolu, “Motivi għal annullament”, għandu jitfakkar li, għalkemm ir-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 34). Għaldaqstant, l‑annessi ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw motiv espost sommarjament fir‑rikors billi jressqu lmenti jew argumenti li ma humiex fir-rikors. Ir-rikorrenti għandha tindika fir-rikors tagħha l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti Ġenerali ntalbet tagħti deċiżjoni, kif ukoll, għall-inqas b’mod sommarju, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑52/90, Ġabra p. I‑2187, punt 17 u d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007 France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 167).

    25      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-aħħar erba’ riferimenti huma intiżi, kif jirriżulta wkoll mid-dokumenti tar-rikorrenti, li japprofondixxu l‑argumenti esposti insostenn tal-motivi mqajma.

    26      Huwa għalhekk li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 tapprofondixxi d-dikjarazzjoni li tgħid li “l-obbligu ta’ tranżizzjoni għad-diġitali jirriżulta f’obbligu għax-xandar u għar-rikorrenti li ma huwiex impost fuq l-impriżi li joperaw fuq pjattaformi oħra ta’ trażmissjoni”.

    27      Bl-istess mod, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 94 tapprofondixxi d-dikjarazzjoni li tgħid li “s-sussidju jikkumpensa l-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tal-obbligi speċifiċi imposti mil-liġi li jirrigwardaw biss il-pjattaforma terrestri”.

    28      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment fil-paragrafu 109, hemm espressament indika li “[mill-Anness A.8] jirriżulta li x-xandara b’mod analog ma bbenefikaw minn ebda privileġġ, kemm fuq livell ta’ frekwenzi kif ukoll fuq livell ta’ suq”.

    29      Fl-aħħar nett, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 115 tapprofondixxi, min-naħa tagħha, d‑dikjarazzjoni li tgħid li “[l]-miżura inkwistjoni hija proporzjonata, għaliex tillimita ruħha għall-ispejjeż supplimentari tal-interoperabbiltà u l-interattività kif ukoll għall-ispejjeż li r-rikorrenti subiet b’mod partikolari fl-eżekuzzjoni tal‑obbligi li l-liġi imponitilha b’mod speċifiku”.

    30      Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni, l-aħħar erba’ riferimenti għall-Anness A.8 huma intiżi li jsostnu argumenti esposti fid-dokumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fid-dokumenti tagħha, ir-rikorrenti ma esponietx motiv jew argument b’mod sommarju li hija mbagħad żviluppatu fl-Anness A.8.

    31      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata meta ssostni li l-Anness A.8 għandu jitqies inammissibbli u li ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni mill‑Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-motiv tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq l-ammissibbiltà tal-annessi tar-rikors li ma ġewx tradotti fil-lingwa tal‑kawża

     L-argumenti tal-partijiet

    32      Il-Kummissjoni tosserva li diversi annessi tar-rikors, jiġifieri l-Annessi A.1, A.2, A.3, A.4, A.7, A.11, A.12 u A.13, ġew ippreżentati mir-rikorrenti biss bit-Taljan, meta, kif jeżiġi l-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura, dawn kellhom jiġu ppreżentati flimkien ma traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

    33      Ir-rikorrenti twieġeb u tgħid li hija lesta tipprovdi l-annessi kkonċernati mir-rikors fil-lingwa tal-kawża, skont l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li l-Qorti Ġenerali titlob hekk.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    34      L-ewwel sat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdu:

    “Il-lingwa tal-kawża għandha tiġi użata b’mod partikolari fis-sottomissjonijiet bil‑miktub u orali tal-partijiet u fl-atti u d-dokumenti annessi, kif ukoll fil-proċessi verbali u fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

    Kull att u kull dokument ippreżentat jew anness li huwa miktub f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

    Madankollu, fil-każ ta’ atti jew dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ estratti. Il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, ex officio jew fuq talba ta’ xi parti, tordna li ssir traduzzjoni aktar kompluta jew sħiħa”.

    35      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tal-Istruzzjonijiet lir‑Reġistratur tal-Qorti Ġenerali (ĠU 2007, L 232, p. 1) jipprovdi:

    “Meta xi atti jew dokumenti annessi mas-sottomissjonijiet jew ma’ att ta’ proċedura ma jkollhomx magħhom traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jordna lill-parti kkonċernata r-regolarizzazzjoni, jekk din it-traduzzjoni tkun neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura”.

    36      F’din il-kawża, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma talbitx b’mod espress li l-Qorti Ġenerali teżiġi li r-rikorrenti tittraduċi fil-lingwa tal‑kawża l-Annessi A.1, A.2, A.3, A.4, A.7, A.11, A.12 u A.13. Fil-fatt, il‑Kummissjoni sempliċiment osservat, permezz ta’ inċiż fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 15 tar-risposta, li r-rikorrenti ppreżentat l-imsemmija annessi tar-rikors biss bit-Taljan, mingħajr ma ppreżentat, flimkien magħhom, traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

    37      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssosnti l-Kummissjoni, fid-dawl tal‑għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura u tal-Istruzzjonijiet lir‑Reġistratur, hemm lok li jitqies li, fin-nuqqas ta’ talba minn waħda mill‑partijiet f’dan is-sens, huwa biss meta t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tidher li hija meħtieġa għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li r-Reġistratur għandu jitlob it-traduzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat‑18 ta’ Settembru 2002, Puente Martín vs Il-Kummissjoni, T‑29/01, ĠabrsSP p. I‑A‑157 u II‑833, punt 40).

    38      F’din il-kawża, fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li kien meħtieġ li titlob it-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tal-Annessi A.1, A.2, A.3, A.4, A.7, A.11, A.12 u A.13 għar-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, fir-rigward tal-Annessi A.1 sa A.4, dawn ġew ikkomunikati abbażi tar-rekwiżiti proċedurali sabiex jiġu identifikati l-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom. It-tieni nett, l‑Anness A.7 jipproduċi mill-ġdid l-att li huwa s-suġġett tar-rikors għall‑annullament preżenti. Issa, dan l-att, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea wara l-preżentata tal-imsemmi rikors, ġie tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, fosthom il-lingwa tal-kawża preżenti. It-tielet nett, fir‑rigward tal-Annessi A.11, A.12 u A.13, dawn jipproduċu mill-ġdid dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali rilevanti. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ġew essenzjalment imsemmija, u saħansitra ċċitati in extenso, rispettivament, fil‑premessi 7, 6 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata, fatt li jippermetti li jiġi preżunt li l-awtur ta’ din id-deċiżjoni huwa f’pożizzjoni li jifthem il-kontenut tagħhom.

    39      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata li tikkritika lir-rikorrenti talli ma kkomunikatx it-traduzzjoni tal-Annessi A.1, A.2, A.3, A.4, A.7, A.11, A.12 u A.13 fil-lingwa tal-kawża.

     Fuq il-motivi

    40      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, fir-rikors, erba’ motivi bbażati, rispettivament, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball manifest ta’ liġi waqt l-evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-Artikolu 87(3) KE, it-tielet nett, ksur tal-Artikolu 253 KE, u, ir-raba’ nett, ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal‑Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1 , p. 339), kif ukoll tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

    41      Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet motiv essenzjalment ibbażat fuq il-fatt li l‑Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad‑determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi Finanzjarja 2004.

    42      Għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan l-aħħar motiv, u sussegwentement, tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-erba’ motivi mqajma fl‑istadju tar-rikors.

     Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal‑Liġi Finanzjarja 2004

     L-argumenti tal-partijiet

    43      Ir-rikorrenti, matul is-seduta, espliċitament ikkontestat il-fatt li, skont l‑Artikolu 4(1) tal-Liġi Finanzjarja 2004, ix-xandara diġitali bis-satellita kienu esklużi mill-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni. Bi tweġiba għal mistoqsija tal‑Qorti Ġenerali fejn ġiet mistiedna tispeċifika f’liema stadju tal-proċedura bil‑miktuba hija kienet qajmet dan il-motiv, hija wieġbet billi għamlet riferiment għall-paragrafi 69 et seq u għall-paragrafu 76 tar-replika tagħha.

    44      Matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni u lil Sky Italia jagħtu r-reazzjoni tagħhom għal din il-kontestazzjoni tar-rikorrenti, u huma sostnew li peress li dan il-motiv tqajjem tard, dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    45      Għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u l‑Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett u sunt tal-motivi invokati u li t-tressiq ta’ motivi ġodda matul il-kawża huwa pprojbit, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

    46      F’din il-kawża, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet li r-rikorrenti għamlet matul is‑seduta, hija ma qajmitx dan il-motiv fir-rikors iżda fir-replika. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnietx li l-imsemmi motiv huwa bbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura.

    47      Għaldaqstant, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 4(1) tal-Liġi Finanzjarja 2004 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

    48      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE inkwantu l‑Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat fis-sens tal-imsemmi artikolu. Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet li jirrigwardaw, rispettivament, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ benefiċjarju indirett, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku, it-tielet nett, fuq in‑nuqqas ta’ natura selettiva tal-miżura inkwisjtoni u fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

     Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku

    –       L-argumenti tal-partijiet

    49      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-miżura inkwistjoni ma tagħtha l-ebda vantaġġ ekonomiku, bħalma huwa l-ħolqien ta’ opportunità kummerċjali. Fil-fatt, fid‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara, inġustament u bla ebda prova, li din il-miżura ppermettiet li x-xandara jevitaw li jbatu l-ispejjeż marbuta mas-sussidju tad-dekoders, prattika kummerċjali li hija kkwalifikat, b’mod żbaljat, bħala mifruxa fis-suq. Skont ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni hija preċiża biss fir‑rigward tal-operaturi ta’ televiżjoni b’abbonament, u dan minħabba r-relazzjoni kuntrattwali stabbli li dawn tal-aħħar jistabbilixxu mal-abbonati tagħhom. Fin‑nuqqas ta’ din ir-relazzjoni kuntrattwali stabbli, ix-xandara ta’ televiżjoni diġitali terrestri ma għandhom l-ebda interess li jissussidjaw ix-xiri ta’ dekoders li jippermettu l-interoperabbiltà. Fil-fatt, huma jesponu ruħhom għalhekk għal riskju ta’ parassitiżmu, fis-sens li l-kompetituri tagħhom jistgħu jipprofittaw daqshom mis-sussidju. Il-miżura inkwistjoni hija pjuttost ta’ benefiċċju għall-konsumaturi li huma f’pożizzjoni li jixtru dekoders ta’ teknoloġija miftuħa.

    50      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura inkwistjoni ma tagħtha l-ebda vantaġġ f’termini ta’ penetrazzjoni aħjar fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas jew fil-ħolqien ta’ udjenza. Fuq din il-bażi, hija tikkontesta l-fatt li l-miżura inkwistjoni ppermettitilha toħloq udjenza għat-televiżjoni bi ħlas jew li taċċedi fis-suq tat‑televiżjoni bi ħlas bi spejjeż minimi. L-ewwel nett, huma l-kwalità u l‑karatteristiċi tal-programmi mxandra, u mhux il-prezz tad-dekoder, li jiddeterminaw il-preferenzi tal-konsumaturi. It-tieni nett, il-vantaġġi stabbiliti permezz tal-miżura inkwistjoni kienu ta’ benefiċċju għal operaturi diġitali terrestri kollha, anki dawk potenzjali. Fl-aħħar nett, il-miżura inkwistjoni tiżgura u tiggarantixxi ż-żamma, matul it-tranżizzjoni lejn it-televiżjoni diġitali, tan-natura ġenerali u bla ħlas tal-mudell televiżiv analog aċċessibbli għal kulħadd.

    51      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-investimenti magħmula mir-rikorrenti mhux biss minħabba d-diġitalizzazzjoni iżda wkoll sabiex tkopri l-ispejjeż meħtieġa għat-tnedija tas-servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ssostni li kull xandar diġitali terrestri ta’ televiżjoni bi ħlas, u b’mod partikolari l-futuri kompetituri ġodda fis-suq, seta’ jibbenefika mill‑vantaġġi msemmija mill-Kummissjoni, u li dan l-effet huwa inerenti f’kull miżura favur it-televiżjoni diġitali, inkluża dik l-iktar newtrali mill-perspettiva teknoloġika.

    52      It-tielet nett, ir-rikorrenti tiddikjara li s-sussidju jikkorrispondi għall-ispejjeż supplimentari tad-dekoders interoperabbli u interattivi, fatt li l-Kummissjoni, barra minn hekk, ammettiet fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata.

    53      Ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti ta’ Sky Italia, dwar allegati vantaġġi li hija kienet ibbenefikat minnhom, jiġifieri aċċess “bla riskju” għal suq ġdid, għajnuna kummerċjali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi u aċċess għal kapital bi spejjeż imnaqqsa, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli jew, f’kull każ, miċħuda bħala infondati.

    54      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sky Italia, titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    55      Preliminarjament, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-tieni parti tal‑ewwel motiv kif ukoll fuq it-tliet partijiet l-oħra tal-imsemmi motiv, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi Finanzjarja 2004 u tal‑Artikolu 1(211) tal-Liġi Finanzjarja 2005 sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni setgħetx tkun ta’ benefiċċju kemm għall-pjattaforma diġitali terrestri kif ukoll għall-pjattaforma diġitali bis-satellita.

    56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 4(1) tal-Liġi Finanzjarja 2004, sussidju pubbliku ta’ EUR 150 (imnaqqas għal EUR 70 fil-Liġi Finanzjarja 2005) għandu jingħata lil kull utent ta’ servizz ta’ xandir li jkun ħallas il-miżata ta’ abbonament gћas-sena kurrenti, li jixtri jew jikri apparat adattat li jippermetti r-riċezzjoni, b’mod mhux ikkodifikat u li ma jinvolvi ebda ћlas min-naħa tal-utenti u tal-fornitur tal-kontenut, tas-sinjali televiżivi ta’ teknoloġija diġitali terrestri u l-interattività li tirriżulta.

    57      Fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament qieset il-Kummissjoni fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑benefiċċju tal-miżura inkwistjoni kien suġġett għall-fatt li jiġu sodisfatti diversi kundizzjonijiet kumulattivi, fosthom ix-xiri jew il-kiri ta’ apparat li jippermetti r‑riċezzjoni ta’ sinjali televiżivi diġitali terrestri.

    58      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fil-paragrafu 122 tar-rikors, ir‑rikorrenti espliċitament tikkritika lill-Kummissjoni talli pproduċiet żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni dwar l-2006, kontradittorji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni u ta’ dik stabbilita mil-Liġi Finanzjarja 2006 mas-suq komuni, meta dawn ingħataw, skont ir-rikorrenti, f’ċirkustanzi ta’ fatti li huma essenzjalment simili. Insostenn ta’ dan il-motiv, hija ssostni li l-unika raġuni għaliex il-konklużjoni ta’ inkompatibbiltà li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ġiet sussegwentement mibdula fid-deċiżjoni dwar l-2006 tinsab fl-introduzzjoni, mil-leġiżlatur Taljan, ta’ termini intiżi li jinkludu speċifikament ix-xandara bis-satellita.

    59      Għalhekk, mill-paragrafu 122 tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti ma tikkontestax il‑fatt li l-leġiżlatur fl-aħħar mill-aħħar qies li kien meħtieġ li, fl-adozzjoni tal-Liġi Finanzjarja 2006, jinkludi espressament ix-xandara bis-satellita fid‑dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

    60      Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta evidenti li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur li jiddeċiedi li jixtri jew jikri apparat li jippermetti esklużivament ir-riċezzjoni ta’ sinjali televiżivi diġitali bis‑satellita. Għaldaqstant, fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna marbuta mas-suq tal-televiżjoni diġitali, l-imsemmija miżura ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ newtralità teknoloġika imposti mill-Kummissjoni.

    61      Prinċipalment, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kwistjoni dwar jekk ix-xandara kienx ikollhom neċessarjament jiffinanzjaw ix‑xiri ta’ dekoders fin-nuqqas tal-miżura inkwistjoni ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija miżura bħala għajnuna mill‑Istat.

    62      Fil-fatt, dak li huwa importanti f’dan ir-rigward huwa jekk l-issussidjar tad‑dekoders ħoloqx vantaġġ għax-xandara terrestri bħalma hija r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-premessi 82 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni esponiet fid-dettall ir-raġunijiet kollha għaliex fil‑fehma tagħha l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku favur xandara terrestri. F’dan ir-rigward, hija, b’mod partikolari u ġustament, tosserva li l-iżvilupp ta’ udjenza jirrappreżenta parti essenzjali tal‑attività kummerċjali ta’ xandar ta’ programmi televiżivi. Barra minn hekk, il‑Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex hija ġustament qieset li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, minn naħa, inkoraġġiet lill‑konsumaturi jgħaddu mis-sistema analog għas-sistema diġitali terrestri filwaqt li llimitat l-ispejjeż li x-xandara ta’ televiżjoni diġitali terrestri kien ikollhom ibatu u, min-naħa l-oħra, ippermettiet li l-istess xandara jikkonsolidaw il-pożizzjoni eżistenti tagħhom fis-suq, f’termini tal-immaġni tat-trade mark u tal-fiduċja tal‑klijentela, meta mqabbla mal-kompetituri ġodda.

    63      Għal din l-istess raġuni, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li x-xandara terrestri ma kellhom l-ebda interess li jissussidjaw dekoders minħabba l-fatt li kienu jesponu ruħhom għal riskju ta’ parassitiżmu, fis-sens li l-kompetituri tagħhom kienu ser jibbenefikaw daqshom mis-sussidju, għandu jiġu miċħud. F’kull każ, il-fatt li r‑rikorrenti taqsam il-vantaġġ li jirriżulta mis-sussidju ma’ xandara oħra ma jneħħix in-natura ta’ vantaġġ, fir-rigward tagħha, tal-miżura inkwistjoni.

    64      Bl-istess mod, il-fatt li l-miżura inkwistjoni hija ta’ benefiċċju kbir għall‑konsumaturi peress li tnaqqas il-prezz tad-dekoders iktar sofistikati għal‑livell tal-prezz ta’ dekoders bażiċi ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li l‑imsemmija miżura tikkostitwixxi wkoll vantaġġ għax-xandara terrestri u għall‑operaturi li jxandru bil-kejbil.

    65      Fir-rigward tal-argument li jgħid li t-telespettaturi jibbażaw l-għażla tagħhom fuq il-karatteristiċi tal-programmi mxandra u mhux fuq il-prezz tad-dekoder, il-Qorti Ġenerali tqis li, għalkemm dawn il-karatteristiċi jistgħu jinfluwenzaw l-għażla tat‑telespettaturi, xorta jibqa’ l-fatt li l-prezz tad-dekoder jikkostitwixxi karattersitika determinanti li t-telespettatur jieħu inkunsiderazzjoni meta jagħmel l-għażla tiegħu. F’din il-kawża, is-sussidju mogħti b’mod dirett lill-konsumaturi kellu bħala effett awtomatiku li jwassal għal tnaqqis fil-prezz tax-xiri jew tal-kiri tal-apparat li jippermetti r-riċezzjoni ta’ sinjali televiżivi diġitali terrestri. Issa, tali tnaqqis fil-prezz jista’ jaffettwa l-għażla tal-konsumaturi li huma attenti għall‑ispejjeż.

    66      Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-miżura inkwistjoni tiggarantixxi ż-żamma tan-natura ġenerali u bla ħlas tal-mudell televiżiv matul it-tranżizzjoni għad‑diġitali, għandu jiġi rrilevat li din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis‑sens tal-Artikolu 87(1) KE. Tali ċirkustanza tista’, l-iktar l-iktar, titqies bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni fil-kuntest tal-Artikolu 87(3) KE.

    67      Għal din l-istess raġuni, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-sussidju kien obbligatorju peress li, f’ċirkustanzi kummerċjali normali, hija ma kinitx ser tbati minn jeddha l-ispiża supplimentari meħtieġa għax-xiri ta’ dekoders interoperabbli għandu jiġi miċħud.

    68      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta, mingħajr ma hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà u fuq il-fondatezza tal-argumenti mqajma minn Sky Italia, li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-miżura inkwistjoni ppermettiet lix-xandara diġitali terrestri u lill-operaturi bil-kejbil, li jinkludu lir‑rikorrenti, li jibbenefikaw minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE meta mqabbla max-xandara bis-satellita u, għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar il-kunċett ta’ benefiċjarju indirett

    –       L-argumenti tal-partijiet

    69      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni inġustament qieset, billi bbażat ruħha fuq is‑sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑156/98, Ġabra p. I‑6857), u tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑382/99, Ġabra p. I‑5163), li l-miżura inkwistjoni, li l-benefiċjarji diretti tagħha huma l-konsumaturi finali, twassal għal vantaġġ fis‑sens tal-Artikolu 87(1) KE, li minnu jibbenefikaw b’mod indirett ċerti operaturi.

    70      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li dawn iż-żewġ sentenzi ma humiex rilevanti għal din il-kawża. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji indiretti għandha tkun differenti meta l-benefiċċju dirett jingħata lill-konsumaturi individwali pjuttost milli lill-impriżi. Peress li l-benefiċjarji diretti u primarji tal-miżura inkwistjoni ma jeżerċitawx attività ekonomika, l-imsemmija miżura tiġi awtomatikament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

    71      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni arbitrarjament iddeċidiet li tirrestrinġi l-kunċett ta’ benefiċċjarji indiretti sabiex tinkludi biss ix‑xandara diġitali terrestri u l-operaturi li jipprovdu servizz televiżiv bil-kejbil bi ħlas ma hijiex ċara. Hija ssostni li kemm ix-xandara diġitali terresti, b’mod partikolari, kif ukoll l-operaturi li jipprovdu servizz bil-kejbil, b’mod ġenerali, jistgħu wkoll jibbenefikaw indirettament mill-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b’mod arbitrarju ma inkludietx il‑produtturi ta’ dekoders fil-kategorija ta’ benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

    72      Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti tispeċifika li hija ma tikkontestax il-possibbiltà li għajnuna mill-Istat jista’ jkollha benefiċjarji indiretti, iżda tikkontesta l-mod ta’ kif ġie applikat il-kunċett ta’ benefiċjarju indirett fid-deċiżjoni kkontestata.

    73      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 87(1) KE ma jinkludi l-ebda rekwiżit fir-rigward ta’ kif għandha tingħata l-għajnuna. It-tieni nett, id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2)(a) KE jkunu totalment superfluwi li kieku, kif issostni r-rikorrenti, l-għajnuna mogħtija l-ewwel nett lill-konsumaturi qatt ma tkun tista’ titqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. It-tielet nett, is-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, li tikkonferma li l-benefiċjarju dirett, l-istess bħal kull benefiċjarju indirett, jista’ jitqies bħala benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, tikkontradixxi l-argument tar-rikorrenti. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li, li kieku kellu jiġi segwit l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-għajnuna lill‑konsumaturi qatt ma tista’ twassal għal għajnuna mill-Istat, ir-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu faċilment jiġu evitati billi jingħataw lill‑konsumaturi sussidji suġġetti għal kundizzjoni ta’ xiri ta’ beni jew servizzi speċifiċi. Il-ħames nett, il-Kummissjoni tikkontesta d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija arbitrarjament għażlet li tirrestrinġi l-kunċett ta’ benefiċjarji indiretti u ffokat biss fuq ix-xandara terrestri u l-operaturi li jipprovdu servizzi ta’ televiżjoni bil-kejbil bi ħlas.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    74      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-miżura inkwistjoni ma tagħtix benefiċċju dirett lill-operaturi fis-suq tat-televiżjoni diġitali bħalma hija r-rikorrenti.

    75      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87 KE jipprojbixxi għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont jekk il-vantaġġi relatati mal-għajnuna jingħatawx b’mod dirett jew indirett. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza aċċettat li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex neċessarjament impriżi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li huma impriżi (sentenza tal‑Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑424/05, Ġabra p. II‑23, punt 108).

    76      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li sussidju mogħti lill-konsumaturi ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat favur operaturi li jipprovdu l-prodotti jew is‑servizzi ta’ konsum huwa wkoll f’kontradizzjoni mal-Artikolu 87(2)(a) KE, li jgħid li l-għajnuna ta’ natura soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali hija kompatibbli mas-suq komuni sakemm din tingħata mingħajr diskriminazzjoni marbuta mal-oriġini tal-prodott. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, li kieku l‑argument tar-rikorrenti kellu jintlaqa’, l-imsemmija dispożizzjoni ssir superfluwa.

    77      Fl-aħħar nett, il-kritika li r-rikorrenti għamlet dwar in-nuqqas ta’ ċarezza fi‑raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni rrestrinġiet il-kunċett ta’ benefiċjarji indiretti għax-xandara diġitali terrestri u għall-operaturi li jipprovdu servizzi ta’ televiżjoni bil-kejbil bi ħlas, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li l-Kummissjoni kellha tqis li x-xandara diġitali terrestri kollha u l-operaturi li jipprovdu servizz bil-kejbil kollha jistgħu jibbenefikaw indirettament mill-miżura inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li, kif irrilevat fil-punti 55 sa 60 iktar ’il fuq, il‑miżura inkwistjoni ma setgħetx tkun ta’ benefiċċju għax-xandara bis-satellita.

    78      Għal din l-istess raġuni, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni arbitrarjament ma inkludietx il-produtturi ta’ dekoders fil-kategorija tal‑benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikklassifikat lir-rikorrenti bħala benefiċjarja indiretta tal-miżura inkwistjoni. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondat.

     Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ natura selettiva tal‑miżura inkwistjoni

    –       L-argumenti tal-partijiet

    80      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l‑miżura inkwistjoni hija selettiva minħabba n-natura allegatament diskriminatorja tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħawdet il-kunċett ta’ selettività u l-allegata diskriminazzjoni, b’mod li ma wrietx debitament li l-kriterju ta’ selettività kien sodisfatt.

    81      Il-Kummissjoni ssostni li din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti ma hija bbażata fuq l‑ebda prova. Is-selettività tal-vantaġġ li l-miżura inkwistjoni tagħti lix-xandara diġitali terrestri u lill-operaturi li jipprovdu servizz ta’ televiżjoni bil-kejbil bi ħlas hija pprovata mill-fatt li l-ebda impriża oħra, u b’mod partikolari x-xandara bis‑satellita, ma bbenefikat minnha. Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv huwa wkoll infondat.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    82      Preliminarjament, għandu jiġi indikat li, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali fejn ġiet mistiedna tiċċara l-argumenti mressaq insostenn tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti indikat li, kuntrarjament għas-selettività, li tikkostitwixxi element essenzjali għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE, id-diskriminazzjoni ma tissemmiex f’dan l-aħħar artikolu. Ir-rikorrenti żiedet tgħid li l-Kummissjoni ħawdet id-diskriminazzjoni u s‑selettività u li, meta ddikjarat li kien hemm diskriminazzjoni, hija ma kinitx newtrali fuq il-livell teknoloġiku.

    83      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett u sunt tal-motivi invokati. Skont il-ġurisprudenza, din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill‑konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir‑rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn (sentenzi tal‑Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 106, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois u Fils vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 29). Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja, hemm bżonn, sabiex argument ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan tal-aħħar ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara, f’dan is-sens, id‑Digriet tal‑Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Lulju 2000, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T‑110/98, Ġabra p. II‑2971, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T‑195/00, Ġabra p. II‑1677, punt 26).

    84      F’din il-kawża, l-argumenti tar-rikorrenti insostenn tat-tielet parti tal-ewwel motiv, kemm fid-dokumenti tagħha kif ukoll matul is-seduta, ma jissodisfawx ir‑rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal‑Proċedura. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tispjega fl-ebda mument kif il-fatt li għajnuna tapplika b’mod diskriminatorju, fis-sens li din tkun ta’ benefiċċju biss, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-punti 57 u 60 iktar ’il fuq, għal ċerti kategoriji ta’ impriżi, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li din għandha natura selettiva fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    85      Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

     Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ distorsjoni tal‑kompetizzjoni

    –       L-argumenti tal-partijiet

    86      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni toħloq distorsjoni indebita tal-kompetezzjoni fis-suq komuni.

    87      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li x-xandara bis-satellita kollha, Sky Italia inkluża, setgħu jibbenefikaw ukoll mis-sussidju billi joffru dekoders “ibridi”, jiġifieri dekoders kemm terrestri kif ukoll li jaħdmu bis-satellita. Is-sussidju kien għalhekk ikopri l-ispiża supplimentari marbuta mal-inklużjoni tat-teknoloġiku meħtieġ sabiex ikun hemm riċezzjoni tat-televiżjoni terrestri. F’kull każ, il-fatt li r-riżultati ta’ Sky Italia fis-suq inkwistjoni baqgħu eċċellenti juri li s-sussidji ma kellhomx effett materjali fuq is-sitwazzjoni tagħha.

    88      It-tieni nett, fl-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il‑“VAT”) li tapplika għall-pjattaformi li jxandru bis-satellita hija iktar vantaġġuża minn dik applikabbli għall-pjattaformi ta’ xandir terrestri. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni tikkumpensa l-vantaġġ ekonomiku li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT tagħti lill dawn tal-ewwel. Sabiex issostni dan l-argument, ir‑rikorrenti tagħmel riferiment għal ilment dwar ksur tad-dritt Komunitarju u lment ieħor dwar għajnuna mill-Istat ippreżentata lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2007. Ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti Ġenerali tiċħad bħala inammissibbli l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li Sky Italia tqajjem fir-rigward tal-argument dwar il-vantaġġ fiksali li x-xandara bis-satellita jibbenefikaw minnu, peress li din l-eċċezzjoni ma tqajmitx mill-Kummissjoni nnifisha, li insostenn tagħha tintervjeni Sky Italia.

    89      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, bl-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi fuq il-pjattaforma bis-satellita, il-miżura inkwistjoni kellha, bil-kontra ta’ dan, tippermetti l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni tippermetti li l-konsumaturi jibbenefikaw, għall-istess prezz, minn dekoders li jagħtu aċċess għal għażla ferm iktar vasta. Fl-aħħar nett, il-fatt li teknoloġiji li huma s-suġġett għal dritt ta’ proprjetà ġew esklużi huwa inerenti fl-għan ta’ interess komuni intiż li jiffavorixxi standards miftuħa u ma joħloqx distorsjoni tal‑kompetizzjoni. L-unika distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi bis‑satellita u terrestri hija dik li tiżvantaġġa lix-xandara terrestri peress li Sky Italia għażlet li tipprojbixxi lil terzi aċċess għat-teknoloġija tagħha ta’ encryption.

    90      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tikkritika lill-Kummissjoni talli adottat żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni dwar l-2006, kontradittorji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni u ta’ dik stabbilita mil-Liġi Finanzjarja 2006 mas-suq komuni, meta dawn ġew adottati f’ċirkustanzi ta’ fatti li huma essenzjalment simili. Insostenn ta’ dan l-argument, hija ssostni li l-unika raġuni għaliex il-konklużjoni ta’ inkompatibbiltà li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ġiet sussegwentement mibdula fid-deċiżjoni dwar l-2006 tinsab fl-introduzzjoni, mil-leġiżlatur Taljan, ta’ termini intiżi li jinkludu speċifikament ix-xandara bis-satellita.

    91      Il-ħames nett, fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti, billi tibbaża ruħha fuq id‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4286 finali, tal-25 ta’ Settembru 2007, dwar għajnuna (N 103/2007) għax-xiri ta’ dekoders diġitali u għall-adattazzjoni tal-antenni fil-provinċja ta’ Soria (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Soria”), tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli adottat id-deċiżjoni kkontestata b’mod arbitrarju. Fil-fatt, hija tosserva li fil-paragrafu 16 tad-deċiżjoni Soria, il‑Kummissjoni ddikjarat l-imsemmija miżura kompatibbli mas-suq komuni peress li n-newtralità teknoloġika kienet imħarsa, għaliex “id-dekoders issussidjati setgħu jippermettu r-riċezzjoni ta’ sinjali mxandra mhux biss bit-teknoloġija tat‑televiżjoni diġitali terrestri (TDT), iżda wkoll bil-kejbil, bis-satellita u/jew bl‑internet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont ir-rikorrenti, il-miżura msemmija fid-deċiżjoni Soria kienet tipprovdi li l-benefiċjarju tagħha kien suġġett għall‑kundizzjoni li d-dekoders TDT ikunu interattivi u interoperabbli, b’mod li jkunu jistgħu jirċievu wkoll sinjali minn pjattaformi oħra, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża.

    92      It-tieni nett, il-miżura inkwistjoni tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ix‑xandara diġitali. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament bejn il-pjattaformi diġitali hija ġġustifikata mill-fatt li dawn jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti. F’kull każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi reali tas-suq ikkonċernat f’dak iż-żmien u tal-promozzjoni ta’ standards miftuħa, ksur eventwali ta’ dan il-prinċipju jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat. Skont ir-rikorrenti, il-pjattaforma bis-satellita ma ġietx espressament inkluża preċiżament għaliex ma kienx hemm offerta ta’ dan it-tip ibbażata fuq standards miftuħa, u lanqas ma kien hemm l-iċken probabbiltà li t-tali offerta tibda tiġi offruta matul il-perijodu qasir li fih il-miżura inkwistjoni kienet ġiet applikata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li s-suq tat-televiżjoni bis-satellita kien ikkaratterizat mill-preżenza ta’ impriża waħda, jiġifieri Sky Italia, li kellha monopolju de facto u li setgħet ukoll tipprekludi l-aċċess għas-suq. Fl-aħħar nett, hija tirrimarka li wara l-emenda introdotta bil-Liġi Finanzjarja 2006 sabiex tippermetti li d-dekoders interoperabbli kollha jibbenefikaw mis-sussidju, Sky Italia ma għażlitx id-dekoders li setgħu jibbenefikaw mis-sussidju.

    93      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li peress li d-deċiżjoni kkontestata ma ssolvix b’mod ċar il-kwistjoni dwar jekk il-problema li għamlet il-miżura inkwistjoni inkompatibbli kinitx marbuta man-newtralità teknoloġika jew inkella mal-allegat aċċess bi spejjeż minimi għas-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-argumenti esposti fir-raba’ motiv.

    94      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sky Italia, issostni, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma tipprovdix il-prova tal-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni li hija wettqet meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lix-xandara diġitali terrestri. It-tieni nett, ir-rikorrenti inġustament issostni li d-differenza fit-trattament bejn il-pjattaformi diġitali hija ġġustifikata mill-fatt li dawn jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti. Ir-rikorrenti lanqas ma hija ġġustifikata meta tinvoka l-fatt li ma kienx hemm offerta bis-satellita bbażata fuq standards miftuħa meta l-miżura inkwistjoni ġiet adottata. It-tielet nett, fid‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura inkwistjoni inkompatibbli għaliex din ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Għaldaqstant, hija kkonfermat il-pożizzjoni kostanti tagħha li kienet tgħid li l-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna mill-Istat favur it‑tranżizzjoni għad-diġitali hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġija.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    95      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li Sky Itali setgħet tibbenefika mill-miżura inkwistjoni billi toffri dekoders “ibridi”, għandu jiġi rrilevat li dan l‑argument jenfasizza n-natura selettiva tal-imsemmija miżura. Fil-fatt, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dekoders “ibridi” mix-xandara bis-satellita bħal Sky Italia jimplika spiża supplimentari li, trażmessa fuq il-prezz ta’ bejgħ lill-konsumaturi, tista’ tiġi kkumpensata aħjar permezz tal-miżura inkwistjoni li minnha jibbenefikaw dawn tal-aħħar. Għalhekk, ix-xandara bis-satellita jinsabu f’pożizzjoni inqas vantaġġuża meta mqabbla max-xandara terrestri u mal‑operaturi li jipprovdu servizz bil-kejbil, peress li dawn tal-aħħar ma jkollhom għalfejn jgħaddu l-ebda spiża supplimentari għal fuq il-prezz tal-bejgħ tad‑dekoders imħallas mill-konsumaturi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    96      Barra minn hekk, il-fatt li, wara l-emendi introdotti mil-Liġi Finanzjarja 2006 sabiex id-dekoders interoperabbli kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sussidju, Sky Italia ma abbandunatx id-dekoders b’teknoloġija ta’ proprjetà sabiex tadotta id-dekoders li setgħu jibbenefikaw mis-sussidju, huwa irrilevanti. Fil-fatt, kif il‑Kummissjoni sostniet fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi eskluż li din hija strateġija li tista’ tiddependi fuq numru ta’ fatturi, pereżempju l‑investimenti mwetqa preċedentement mill-kumpannija, u l-għażla li tistenna d‑deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura l-ġdida.

    97      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi fuq il-pjattafomra bis-satellita kellha tiffaxorixxi iktar il‑kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li, minħabba r-raġunament li fuqu huwa mfassal dan l-argument, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li teżisti kompetizzjoni bejn il‑pjattaforma terrestri u dik bis-satellita u li l-miżura inkwistjoni affettwat il‑kompetizzjoni.

    98      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq diversi ċirkustanzi li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni favur il-pjattaforma bis‑satellita, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti huma irrilevanti għall‑finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-miżura inkwistjoni toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni, min naħa tagħha, tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

    99      It-tielet nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni dwar l-2006 ġew adottati f’ċirkustanzi simili, din hija manifestament ineżatta. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 57 u 60 iktar ’il fuq, id-dekoders bis-satellita kienu esklużi mill-benefiċċji tal-miżura inkwistjoni. Min naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-paragrafu 122 tar-rikors, il-Liġi Finanzjarja 2006 tapplika wkoll għad-dekoders bis-satellita.

    100    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument dwar in-natura arbitrarja tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tad-deċiżjoni Soria li tgħid li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżura msemmija f’din l-aħħar deċiżjoni kienu l-istess bħal dawk tal-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li dan ma jistax jintlaqa’.

    101    Ċertament, it-termini użati mill-Kummissjoni fil-paragrafu 16 tad-deċiżjoni Soria, kif iċċitati fil-punt 91 iktar ’il fuq, setgħu wasslu sabiex ir-rikorrenti tiżbalja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura msemmija fl-imsemmija deċiżjoni.

    102     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, kemm it‑termini tal-premessa 58 tad-deċiżjoni Soria kif ukoll il-kontenut tal-ittra kkomunikata fl-anness tal-kontroreplika jippermettu li titneħħa kull ambigwità f’dan ir-rigward.

    103     Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 58 tad-deċiżjoni Soria, il-Kummissjoni espressament ikkonstatat li l-miżura msemmija f’din id-deċiżjoni kienet tippermetti li l-konsumaturi, permezz tas-sussidju, jixtru kwalunkwe kip ta’ dekoder, irrispettivament mill-pjattaforma teknoloġika li l-konsumatur jiddeċiedi li juża (terrestri, bil-kejbil, bis-satellita jew broadband internet). Għaldaqstant, hija espressament ikkonkludiet li l-imsemmija miżura tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika.

    104    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma hija kkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni vverifikat, qabel ma adottat id-deċiżjoni Soria, li l-miżura msemmija kienet tosserva l-kriterju ta’ newtralità teknoloġika. Għalhekk, mill-ittra kkomunikata fl-anness tal‑kontroreplika, jirriżulta li, b’risposta għal talba f’dan is-sens tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Spanjoli, b’ittra tat-23 ta’ Lulju 2007, espressament ikkonfermaw li t-tip ta’ trażmissjoni ma kienx fost il-kriterji għall-għoti tas-sussidju, b’mod li kien “possibbli li jingħata sussidju għal dekoders li jservi għat-televiżjoni diġitali terresti, ix-xandir bil-kejbil [jew bis-]satellita […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    105    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għall-miżura inkwistjoni, il-miżura msemmija fid-deċiżjoni Soria setgħet tkun ta’ benefiċċju għat-teknoloġiji kollha ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni diġitali. Għaldaqstant, peress li l-fatti li fuqhom huma bbażati d-deċiżjoni kkontestata u d‑deċiżjoni Soria huma manifestament differenti, ir-rikorrenti ma tistax tipparaguna l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjonijiet sabiex tikkonkludi n-natura arbitrarja tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-argument dwar in-natura arbitrarja tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tad-deċiżjoni Soria għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    106    Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ix-xandara diġitali u fuq il-fatt li, f’kull każ, eventwali ksur jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat, għandu jiġi kkonstatat is-segwenti.

    107    Minn naħa, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-pjattaforma bis‑satellita ma ġietx espressament inkluża, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, preċiżament għaliex ma kienx hemm offerta ta’ dan it-tip ibbażata fuq standards miftuħa, u lanqas ma kien hemm l-iċken probabbiltà li t-tali offerta tibda tiġi offruta matul il-perijodu qasir li fih il-miżura inkwistjoni kienet ġiet applikata, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li kien biss fl-2004 u sal-ewwel xhur tal-2005 li Sky Italia kienet bdiet il-bidla lejn teknoloġija bi standard “magħluq”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l‑Kummissjoni kienet iġġustifikata meta minn dan iddeduċiet, fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li Sky Italia setgħet tagħmel għażla differenti li kieku l‑miżura inkwistjoni kienet tirrigwada wkoll il-pjattaforma bis-satellita.

    108    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li s-suq tat‑televiżjoni bis-satellita kien ikkaratterizat mill-preżenza ta’ impriża waħda, jiġifieri Sky Italia, li kellha monopolju de facto u li setgħet ukoll tipprekludi l‑aċċess għas-suq, għandu jiġi kkonstatat li din hija irrilevanti għall-finijiet tal‑evalwazzjoni ta’ jekk il-miżura inkwistjoni toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni, min naħa tagħha, tal-kompetizzjoni tas-suq inkwistjoni.

    109    Is-sitt nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat ksur, min‑naħa tal-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan huwa manifestament infondat. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod espliċitu, b’mod partikolari mill-premessi 104, 135 u 140 tagħha, li l-inkompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni hija strettament marbuta mal-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li mill‑premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kienet espremiet id‑dubji tagħha dwar in-nuqqas ta’ ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika mill-miżura inkwistjoni.

    110    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    111    Għaldaqstant, fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fil-punti 68, 79, 85 u 110 iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, kollu kemm hu, bħala infondat.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball manifest ta’ liġi meta saret l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE

     Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti esposti fil-paragrafi 93 sa 96 tar-rikors

    –       L-argumenti tal-partijiet

    112    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sky Italia, tqis li l-argumenti li r-rikorrenti tesponi fil-paragrafi 93 sa 96 tar-rikors ma humiex ċari. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tagħmel riferiment ġenerali għall-analiżi tagħha dwar in-nuqqas ta’ għajnuna. Barra minn hekk, il-lista ta’ fatturi li l-Kummissjoni, skont ir-rikorrenti, ma ħaditx inkunsiderazzjoni tirrigwarda l-kwistjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat u mhux dwar l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni dwar il-fatturi indikati u ma tispeċifikax kif l-argumenti huma relatati mal-evalwazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti invokati mir‑rikorrenti fil-paragrafi 93 sa 96 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    113    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk l-analiżi huma differenti skont jekk il-kwistjoni hijiex dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew dwar il-kompatibbiltà tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma teknikament marbuta. Għaldaqstant, l-argumenti dwar l‑għajnuna jsostnu l-motivi għal annullament li jirrigwardaw il-kompatibbiltà u dan mingħajr ma tiġi affettwata l-ammissibbiltà tagħhom.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    114    Fl-ewwel lok, fil-paragrafi 93 sa 96 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal‑Artikolu 87(3)(ċ) KE. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għall-analiżi tagħha dwar in-nuqqas ta’ għajnuna. Barra minn hekk, hija ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma analizzatx il-kuntest ekonomiku tal-miżura inkwistjoni. Il-Kummissjoni ma rrilevatx, l-ewwel nett, li l-miżura inkwistjoni kienet tipprevedi sussidji għall-promozzjoni ta’ teknoloġija sostnuta mill-Unjoni, jiġifieri teknoloġija miftuħa li tippermetti l-interoperabbiltà u l-interattività, it‑tieni nett, li s-sussidji jikkorrispondu għall-ispejjeż supplimentari li tinvolvi din it-teknoloġija, it-tielet nett, li s-sussidji kienu skont ir-rakkomandazzjonijiet tal‑Unjoni u, ir-raba’ nett, li s-sussidji ma kinux taw vantaġġ ekonomiku. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-vera distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq kienet dovuta għall-eżistenza ta’ politika li tiffavorixxi standards magħluqa, għad-differenza li hemm bejn standards miftuħa u standards magħluqa u għall-fatt li s-sussidji kienu jikkumpensaw l-ispejjeż marbuta mal‑eżekuzzjoni tal-obbligi imposti mil-liġi.

    115    Fit-tieni lok, l-approfondimenti li jinsabu fil-paragrafi 93 sa 96 tar-rikors, miġbura taħt it-Titolu 3.2(a), “Il-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mhux biss talli ma jinkludux argumenti intiżi li jsostnu t-tieni motiv iżda talli huma intiżi li jintroduċu l-argumenti esposti insostenn tat-tlett partijiet tat-tieni motiv li huma esposti taħt it-Titolu 3.2(b), “Il‑konvenuta marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tas-sitwazzjoni meta kkonkludiet li l‑miżura [inkwistjoni] kienet inkompatibbli mas-suq komuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    116    Huwa għalhekk li, fil-paragrafu 96 tar-rikors, li jiġi qabel it-Titolu 3.2(b), ir‑rikorrenti ssostni li, billi ma wettqietx analiżi korretta tal-kuntest ekonomiku, il‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni u, għalhekk, żball manifest meta kkonkludiet li l-imsemmija miżura kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

    117    Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni dwar l-allegati argumenti esposti fil-paragrafi 93 sa 96 tar‑rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-konklużjoni li tgħid li l‑miżura inkwistjoni ma tirrimedjax għall-problemi ta’ funzjonament tas-suq hija vvizzjata bi żball

    –       L-argumenti tal-partijiet

    118    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma studjatx b’mod suffiċjenti s-suq ikkonċernat, meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni ma kinitx kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, għall-erba’ raġunijiet segwenti.

    119    L-ewwel nett, hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-eżistenza ta’ data vinkolanti sabiex issir it-tranżizzjoni għad-diġitali għamlet il-miżura inkwistjoni inadattata. Din il-konklużjoni mhux biss tikkontradixxi l-pożizzjoni li l-Kummissjoni adottat fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha fil-qasam tat-televiżjoni diġitali terrestri, iżda turi wkoll li l-Kummissjoni ma evalwax biżżejjed l-eżistenza ta’ problemi ta’ funzjonament tas-suq marbuta mal-problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-suq.

    120    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura inkwistjoni kienet tirrappreżenta kumpens għall-ispejjeż ta’ diġitalizzazzjoni li l-konsumaturi kellhom ibatu sabiex jiksbu dekoder ta’ teknoloġija miftuħa li jippermetti l-interoperabbiltà u l‑interattività.

    121    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrikonoxxix l‑eżistenza ta’ esternalitajiet bħala problemi ta’ funzjonament tas-suq. F’dan ir‑rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod arbitrarju u mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva kkonkludiet li huwa normali li x-xandara terrestri jissussidjaw id-dekoders ta’ teknoloġija miftuħa u li jbatu, għalhekk, l-ispiża ta’ parassitiżmu. Issa, ir-rikorrenti ma kellha l-ebda interess li tissussidja d-dekoders għall-benefiċċju tal-kompetitturi, sa fejn hija setgħet faċilment tkompli tibbenefika mis-suq analog.

    122    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinitx toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda li l-effett tagħha kien pjuttost li tinkoraġġixxi l-użu ta’ standards miftuħa u interattivi skont ir‑rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li tagħmel riferiment għall-Anness A.8, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma fehmitx il-kuntest leġiżlattiv u l-evoluzzjoni tas-suq inkwistjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-inċertezzi leġiżlattivi li kien għad fadal fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-frekwenzi u tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddikjarat, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konċessjonijiet tat‑televiżjoni analog kienu ngħataw mingħajr sejħa għall-offerti u mingħajr ma ġiet stabbilita data ta’ skadenza.

    123    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma kinitx kapaċi turi għaliex il-miżura inkwistjoni ma kinitx tiffavorixxi l-innovazzjoni, għalkemm hija tirrikonoxxi li l-imsemmija miżura ppermettiet li l-prezz tad-dekoders li joffru l‑interattività jonqos u jkun fil-livell tal-prezz tad-dekoders bażiċi.

    124    Il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament tar-rikorrenti huwa manifestament żbaljat u huwa bbażat fuq interpretazzjoni “mgħawġa” tad-deċiżjoni kkontestata. Il‑Kummissjoni kienet espliċitament aċċettat li l-miżura inkwistjoni setgħet tirrigwarda għan ta’ interess komuni, jiġifieri t-tranżizzjoni għad-diġitali u għal standards miftuħa u interattivi f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, il-fatt li l-miżura inkwistjoni setgħet taġixxi fuq ċerti problemi ta’ funzjonament tas-suq ma kienx ġie kategorikament eskluż. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet ma setgħet tiġġustifika esklużjoni tal-pjattaforma bis‑satellita mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sussidju.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    125    L-ewwel nett, billi tikkonfuta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li s-sussidji għax-xiri tad-dekoders diġitali ma kienx meħtieġ sabiex jikkoreġi l-problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-suq, peress li l-imsemmija problema kienet diġà rregolata mill-eżistenza ta’ data vinkolanti għat-tranżizzjoni għad-diġitali, ir‑rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Sabiex tkun kompatibbli mas‑suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3)(ċ), għajnuna għandu jkollha għan ta’ interess komuni u tkun meħtieġa u proporzjonali għal dan l-għan. L-allegat għan ta’ interess komuni mfittex mill-miżura inkwistjoni huwa li jirrimedja problemi ta’ funzjonament tas-suq li jirrigwardaw b’mod partikolari l-problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi, li hija l-oriġini ta’ ostakolu għall-iżvilupp tax‑xandir diġitali. Issa, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni adottatx pożizzjoni differenti minn dik adottata f’deċiżjoni preċedenti fil-qasam tat-televiżjoni diġitali terrestri, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’din il-kawża, in-natura vinkolanti tad-data prevista għat-tranżizzjoni għad-diġitali tista’ ssolvi l-problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi, b’mod li s-sussidju għax-xiri ta’ dekoders diġitali ma huwiex meħtieġ.

    126    Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, ix-xandara tat-televiżjoni li huma diġà attivi fis-suq kellhom iqisu l-iffissar ta’ terminu legali għas-sospensjoni tat-trażmissjonijiet b’mod analog bħala fatt stabbilit u, għaldaqstant, jibdew strateġiji kummerċjali ġodda. F’kull każ, kif irrilevat fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li t-televiżjoni terrestri fl-Italja tokkupa pożizzjoni sinjifikattiva, ir-riskju li ma tintlaħaqx massa kritika ta’ konsumaturi, minħabba problema ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi, ma kienx tali li l-operaturi kummerċjali ma kinux f’pożizzjoni li jaffaċjawh. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    127    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni tirrappreżenta kumpens għall-konsumaturi, għandu jiġi osservat li argument bħal dan, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm jiġġustifika l-għajnuna mogħtija lill-konsumaturi ma jiġġustifikax, madankollu, id-diskriminazzjoni bejn id-diversi pjattaformi, sa fejn ma huwiex meħtieġ li l-konsumaturi jiġu orjentati lejn pjattaforma diġitali partikolari kif tipprovdi l-miżura inkwistjoni. Għalhekk, l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    128    It-tielet nett, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ esternalitajiet bħala problemi ta’ funzjonament tas-suq ma hijiex preċiża. Fil-fatt, fil-premessa 160 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni espliċitament taċċetta l-eżistenza ta’ esternalitajiet li ġġib magħha t-tranżizzjoni għad-diġitali kif ukoll il-problemi ta’ parassitiżmu li jistgħu jirriżultaw. Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl‑istess premessa, tali ċirkustanzi ma jistgħux jiġġustifikaw il-fatt li l-miżura inkwistjoni hija mfassla b’mod selettiv għat-televiżjoni diġitali u teskludi l‑pjattaforma bis-satellita. Għaldaqstant, l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    129    Ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi turi li l-miżura inkwistjoni ma tiffavorixxix l-innovazzjoni għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet. Għalkemm huwa ċertament minnu li l‑Kummissjoni, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, irrikonoxxiet li l‑miżura inkwistjoni ppermettiet li l-prezz tad-dekoders interattivi jiġi allinjat mal‑prezz tal-mudelli sempliċi li ma humiex adattati għal servizzi interattivi. Madankollu, għalkemm il-miżura inkwistjoni tippromovi, permezz tal-użu ta’ dekoders interattivi u interoperabbli, l-innovazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din il‑promozzjoni ma tistax tiġġustifika, kif jirriżulta mill-punti 57 u 60 iktar ’il fuq, l‑esklużjoni tal-pjattaforma bis-satellita mill-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni.

    130    Mill-kunsiderazzjonijet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġu miċħuda bħala infondata.

     Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-konklużjoni li tgħid li l‑miżura inkwistjoni la hija strument neċessarju u lanqas proporzjonali sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ funzjonament tas-suq, hija vvizzjata bi żball

    –       L-argumenti tal-partijiet

    131    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjon wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni ma kinitx strument neċessarju u proprozjonali sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ funzjonament tas-suq. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proporzjonalità tal-miżura, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li din tal-aħħar hija limitata għall-ispiża supplimentari tal-interoperabbiltà u tal‑interattività kif ukoll għall-ispiża li hija, b’mod partikolari, sostniet biex teżegwi l-obbligi legali u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija miżura kienet għal‑perijodu limitat peress li l-applikazzjoni tagħha skadiet fl-1 ta’ Diċembru 2005.

    132    Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati peress li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    133    Anki jekk jitqies li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li l-miżura inkwistjoni kienet neċessarja u proporzjonali sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ funzjonament tas-suq huma preċiżi, xorta jibqa’ l-fatt li din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġġustifika l-esklużjoni tax-xandara bis-satellita mill-benefiċċju tal‑imsemmija miżura.

    134    Peress li huwa preċiżament in-nuqqas ta’ newtralità teknoloġika li wassal lill‑Kummissjoni sabiex tqis li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni, l‑argumenti insostenn tat-tieni parti tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

    135    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE

     L-argumenti tal-partijiet

    136    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata u li għalhekk tikser l-Artikolu 253 KE, kemm fir-rigward tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

    137    Fir-rigward tal-eżistenza tal-għajnuna, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni b’mod partikolari talli ma spjegatx il-vera sors ta’ distorsjoni jew ta’ riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma ddeskrivitx b’mod korrett, minn qabel, la s-suq ikkonċernat u lanqas is‑sitwazzjoni tal-imsemmi suq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni naqset milli teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk id-distorsjoni hijiex reali jew probabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma mmotivatx ir-raġuni li abbażi tagħha hija ma inkludietx il-produtturi ta’ dekoders fil-kategorija tal‑benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. Fl-aħħar nett, hija, b’mod partikolari, baqgħet ma mmotivatx suffiċjentement l-allegat ħolqien ta’ udjenza kif ukoll l‑allegata penetrazzjoni bi spejjeż minimi għas-suq tat-televiżjoni bi ħlas.

    138    Fir-rigward tal-analiżi tal-eventwali kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni, id-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax jekk il-problema hijiex li l‑kriterju ta’ newtralità teknoloġika ma ġiex allegatament osservata jew jekk tinsabx fl-allegata penetrazzjoni bi spejjeż minimi fit-televiżjoni bi ħlas.

    139    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sky Italia, tqis li d-deċiżjoni tagħha hija suffiċjentement motivata u skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    140    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-motiv ibbażat fuq il‑ksur tal-Artikolu 253 KE huwa differenti minn dak ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed, li jirrigwarda nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti, it-tieni, li jirrigwarda l-legalità fil-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ liġi dwar l-applikazzjoni tat-Trattat u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67)

    141    It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod li, minn naħa, il-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tkun tista’ teżerċità l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 140 iktar ’il fuq, punt 63; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 278, u tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 119).

    142    Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir‑rigward ta’ kliemha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernata (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 36; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 175, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 279).

    143    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l‑argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jqajmu quddiemha, iżda huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punt 31, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrheim-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 280). Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li kienu manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 52 iktar ’il fuq, punt 64).

    144    It-tielet nett, meta applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, l‑obbligu ta’ motivazzjoni jirrikjedi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il‑Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE. (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 281).

    145    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il‑Kummissjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija marbuta tirreferi, għall-inqas, għaċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna meta dawn jippermettu li jintwera li l‑għajnuna hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija ma hijiex marbuta tagħmel analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-swieq ikkonċernati, tas-sehem tas-suq tal-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-kurrenti kummerċjali bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-każ ta’ għajnuna mogħtija kontra l-liġi, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta turi l-effett reali li din l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Li kieku dan kien il-każ, fil-fatt, din in-neċessità twassal sabiex jiġu avvantaġġati l-Istati Membri li jagħtu għajnuna illegali bi ħsara għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta’ proposta (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punti 100 u 102 sa 103; tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T‑152/99, Ġabra p. II‑3049, punt 225, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punt 215).

    146    B’mod partikolari, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas‑6 ta’ Settembru 2006, L-Italja u Wam vs Il-Kummissjoni, T‑304/04 u T‑316/04, Ġabra p. II‑64, punt 64, u tal-11 ta’ Frar 2009, Iride u Iride Energia vs Il-Kummissjoni, T‑25/07, Ġabra p. II‑245, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    147    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi evalwat jekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata.

    148    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata dwar id-demostrazzjoni ta’ distorsjoni jew riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-premessi 102 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni teżamina l-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il‑kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    149    L-ewwel nett, fir-rigward tal-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 102 sa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni eżaminat l-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni fir‑rigward tax-xandara. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni indikat, fil‑premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tixtieq iżżomm il-pożizzjoni tagħha deskritta fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri li l-vantaġġ mogħti lix-xandara u operaturi tan-networks terrestri kien għad-detriment tax-xandara li jużaw pjattaformi differenti.

    150    Sabiex issotni l-pożizzjoni tagħha fuq dan is-suġġett, u għalhekk tistabilixxi, skont l-Artikolu 87(1) KE li l-miżura inkwistjoni thedded li toħloq distorsjoni tal‑kompetizzjoni peress li tagħti vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni qieset, fil‑premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, li hemm ċertu livell ta’ sostitwibbiltà bejn l-offerta ta’ televiżjoni diġitali terrestri bi ħlas u l-offerta ta’ televiżjoni bi ħlas disponibbli bis-satellita. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kkonkludeit li ladarba “s‑sistema diġitali terrestri tkun stabbilixxiet ruħha fis-suq tas-servizzi tat‑televiżjoni bi ħlas – anki bis-saħħa tas-sussidji fuq id-decoders – tkun tista’ tikkompeti mas-servizzi analogali fornuti fuq sistemi alternattivi”.

    151    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet ħsieb issostni l-konklużjoni tagħha billi tibbaża ruħha fuq l-iżviluppi kkonstatati fi Stati Membri oħra.

    152    Barra minn hekk, fil-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, hija fakkret li l‑Autorità garante della concorrenza e del mercato (Awtorità tal-kompetizzjoni u tas-suq) nnifisha kkunsidrat li x-xandara li jużaw tipi differenti ta’ pjattaformi setgħu jitqiesu bħala kompetituri potenzjali fis-suq Taljan tat-televiżjoni bi ħlas.

    153    Barra minn hekk, fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, issemmi studju li indirettament jikkonferma li aċċess għas-suq tat‑televiżjoni bi spejjeż imnaqqsa għandu l-effett li joħloq distorsjoni tal‑kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, tindika li ċ-ċifri pprovduti minn Sky Italia jikkoroboraw ukoll il-fehma li tgħid li hemm ċerta kompetizzjoni fi ħdan is-suq tat-televiżjoni bi ħlas.

    154    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni b’mod partikolari insistit fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni ngħatat f’fażi kritika, jiġifieri fil-mument meta diversi spettaturi tat-televiżjoni analog terresti kellhom jaffaċjaw it-tranżizzjoni lejn it-televiżjoni diġitali u setgħu jgħażlu li jinvestu f’apparat ta’ riċezzjoni ta’ trażmissjonijiet terrestri jew ta’ trażmissjonijiet bis-satellita.

    155    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-effetti tal‑miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

    156    It-tieni nett, fir-rigward tal-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l‑Istati Membri, mill-premessi 113 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni qieset li s-swieq tas-servizzi tax-xandir u tas-servizzi ta’ network huma miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali u li, meta ċerti operaturi ta’ network jew ċerti xandara jiġu ffavoriti b’mod selettiv, tinħoloq distorsjoni tal‑kompetizzjoni għad-detriment tal-operaturi ekonomiċi li jistgħu joriġinaw minn Stati Membri oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    157    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 145 u 146 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni debitament immotivat id-deċiżjoni kkontestata.

    158    Barra minn hekk, jekk jitqies li r-rikorrenti xtaqet b’mod iktar ġenerali tallega ksur tal-Artikolu 253 KE fir-rigward tal-kassifikazzjoni, min-naħa tal‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id‑dispożizzjoni ġewx osservati kollha. Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-premessa 80 tad‑deċiżjoni kkontestata, hija eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni seħħietx permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, fil-premessi 81 sa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, hija eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni kinitx toffri vantaġġ ekonomiku selettiv għall-benefiċjarji. It-tielet nett, fil-premessi 102 sa 112 tad‑deċiżjoni kkontestata, hija ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni ħolqietx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, fil-premessi 113 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat jekk il-miżura inkwistjoni setgħetx taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    159    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma speċifikatx, fid‑deċiżjoni kkontestata, jekk ir-raġuni li għaliha hija ddikjarat il-miżura inkwistjoni inkompatibbli mas-suq komuni kinitx marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterju ta’ newtralità teknoloġika jew mal-allegata penetrazzjoni bi spejjeż minimi tat-televiżjoni bi ħlas. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fil-punt 109 iktar ’il fuq, li mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 104, 135 u 140, jirriżulta b’mod espliċitu li l-inkompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni hija marbuta strettament mal‑ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika u li, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kienet espremiet id‑dubji tagħha dwar l-utilità tal-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika mill‑miżura inkwistjoni. Għaldaqstant, anki dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    160    Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-produtturi ta’ dekoders, il‑Kummissjoni mmotivat kif titlob il-liġi d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fir‑rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna, fil-premessi 120 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li fakkret id-dubji li hija kellha matul il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ikkonstatat li ma kienx possibbli li teskludi kompletament l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal‑produtturi ta’ dekoders. Madankollu, hija żiedet tgħid li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-miżura inkwistjoni kienet f’kull każ kompatibbli mas-suq komuni. F’dan ir-rigward, fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-miżura inkwistjoni kellha titqies bħala neċessarja u proporzjonali sabiex tilħaq għan ta’ interess komuni, peress li l-produtturi kollha ta’ dekoders, inklużi dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra, setgħu jibbenefikaw minnha.

    161    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni debitament immotivat id‑deċiżjoni kkontestata inkwantu hija qieset li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u, min-naħa l-oħra, hija kompatibbli mat-Trattat KE.

    162    Mill-kunsiderazzjoni kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

     L-argumenti tal-partijiet

    163    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 inkwantu dan jipprovdi li l-Kummissjoni ma għandhiex timponi l‑irkupru tal-għajnuna jekk, billi tagħmel dan, hija tkun qed tikser prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

    164    Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali għaliex ċirkustanzi eċċezzjonali wasslu sabiex ir-rikorrenti taħseb li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    165    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li hija leġittimament ħasbet li l-miżura inkwistjoni kienet issegwi l-politika ta’ promozzjoni tad-diġitali mmexxija mill-Kummissjoni peress li din tal-aħħar kienet indikat, fil-paragrafu 3.4.2 tal-Komunikazzjoni COM (2004) 541 finali, tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l‑interoperabbiltà tas-servizzi ta’ televiżjoni diġitali interattiva (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni”), li s-sussidji diretti lill-konsumaturi jikkostitwixxu miżura li permezza tagħha l-Istati Membri setgħu jinkoraġġixxu x-xiri ta’ dekoders li jippermettu l-interattività u l-interoperabbiltà, u dan iktar u iktar peress li din il‑komunikazzjoni tinkludi riferiment espress għas-sussidji Taljani.

    166    It-tieni nett, peress li l-kunċett ta’ benefiċjarji indiretti ta’ għajnuna mill-Istat kien għadu ma ġiex iddefinit b’mod ċar fil-ġurisprudenza, wieħed ma jistax leġittimament jistenna li operatur diliġenti jikkonċepixxi li għajnuna intiża għall‑konsumaturi kellha tagħmlu mhux biss benefiċjarju indirett ta’ din l‑għajnuna, iżda wkoll l-uniku benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, bl-esklużjoni ta’ kull benefiċjarju indirett potenzjali. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l‑benefiċjarji potenzjali l-oħra kollha kellhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala benefiċjarji indiretti, bl-implikazzjonijiet kollha li dan jinvolvi fir-rigward tal-irkupru.

    167    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali għaliex il-metodu ta’ kalkolu, propost fil-premessi 191 sa 205 tad-deċiżjoni kkontestata u intiż li jikkwantifika l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, la huwa effikaċi, la huwa trasparenti u lanqas adegwat. L-ewwel nett, huwa diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, li jiġi ddeterminat il-valur eżatt ta’ wieħed mill-parametri ta’ dan il-metodu, jiġifieri n-numru ta’ spettaturi supplimentari li l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni waħedha attirat lejn it‑televiżjoni bi ħlas. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma rnexxiliex tipprova li l‑klijenti xtraw dekoders sussidjati sabiex ikollhom aċċess għas-servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas. It-tieni nett, il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna kif ukoll tal‑interessi ta’ din l-għajnuna huma estremament diffiċli li jiġu evalwati. F’dan ir‑rigward, il-Kummissjoni kellha minn tal-inqas teżamina l-mudell propost, u jista jkun saħansitra tagħmel paragun ma’ mudelli oħra possibbli, b’mod partikolari peress li l-ebda waħda mill-partijiet fil-proċedra ma kienet f’pożizzjoni li tikkwantifika b’mod jew ieħor l-allegata għajnuna.

    168    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sky Italia, tqis li l-argumenti mqajma mir‑rikorrenti dwar il-metodu ta’ kwantifikazzjoni tal-għajnuna aktar jagħmlu parti mill-isfera tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni milli minn dik tal-legalità tagħha. Għaldaqstant, din għandha tiġi injorata bħala inammissibbli. Barra minn hekk, id‑deċiżjoni kkontestata tosserva l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, skont l‑Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni kellha tordna l‑irkupru tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    169    L-ewwel nett għandu jitfakkar li t-tneħħija ta’ għajnuna mogħtija illegalment, permezz tal-irkupru, hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Fil-fatt, l-obbligu li l-Istat għandu li jneħħi għajnuna meqjusa mill‑Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni huwa intiż li jerġa’ jistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra p. II‑2957, punt 223, u l‑ġurisprudenza ċċitata], billi jtellef lill-benefiċjarju l-vantaġġ li huwa effettivament ibbenefika minnu meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu (ara s‑sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 99, u tad-29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punt 75, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    170    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fíl-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, li l-Istat Membru kkonċernat għandu jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju tagħha. Madankollu, din l-istess dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma għandhiex timponi l-irkupru tal-għajnuna jekk, billi tagħmel hekk, hija tikser prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

    171    Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni li l-irkupru tal-għajnuna jikser, minn naħa, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    172    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali, huwa disponibbli għal kull individwu li jinsab f’sitwazzzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni, billi tatu garanziji preċiżi, ħolqot aspettativi leġittimi fondati fi ħdanu. Jikkostitwixxu tali garanziji, indipendentement mill-forma li biha jiġu kkomunikati, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 u 107). Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin‑nuqqas ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il‑Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punt 59, u tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat‑Akademie vs Il‑Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 26).

    173    Għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għajuna mill-Istat hija ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tan-natura imperativa tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill‑Kummissjoni skont l-Artikolu 88 KE, bħala regola, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal‑għajnuna biss jekk l-għajnuna tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura. Fil‑fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet osservata, anki meta n-natura illegali tad‑deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna hija attribwibbli lill-Istat inkwistjoni b’tali mod li r-revoka ta’ din il-miżura tkun tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ bone fide (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, L-Italja u Brandt Italia vs Il-Kummissjoni, T‑239/04 u T‑323/04, Ġabra p. II‑3265, punt 154 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    174    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, f’din il-kawża, żewġ ċirkustanzi eċċezzjonali ħolqu aspettattivi leġittimi fi ħdana dwar in-natura regolari tal-miżura inkwistjoni.

    175    L-ewwel nett, hija tinvoka l-paragrafu 3.4.2 tal-komunikazzjoni, li espressament tirreferi għall-miżura inkwistjoni u tindika li l-Istati Membri jistgħu jagħtu sussidji lill-konsumaturi.

    176    Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt imsemmi fil‑paragrafu 3.4.2 tal-komunikazzjoni ma jikkostitwixxix garanzija min-naħa tal‑Kummissjoni dwar ir-regolarità tal-miżura inkwistjoni. Bil-kontra ta’ dan, peress li fl-imsemmi paragrafu l-Kummissjoni tindika espressament li “dawn is‑sussidji għandhom ikunu newtrali mill-perspettiva teknoloġika, għandhom jiġu nnotifikati u għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-komunikazzjoni ma setgħetx toħloq fi ħdan operatur diliġenti tamiet fondati dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mar-regoli li japplikaw għall-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti kellu jkun jaf mhux biss li l-miżura inkwistjoni ma kinitx newtrali mill‑perspettiva teknoloġika, iżda wkoll li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u ma kinitx ġiet awtorizzata.

    177    It-tieni nett, anki l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-forma indiretta tal-għajnuna tikkostitwixxi wkoll ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet toħloq aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, bħal kull operatur ekonomiku diliġenti, ir-rikorrenti kellha tkun taf li n-natura indiretta tal-għajnuna ma kellu jkollha ebda effett fuq l‑irkupru tagħha. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-għajnuna lill-konsumaturi hija forma ta’ għajnuna stabbilita ferm, kif jirriżulta mill-Artikolu 87(2)(a) KE, li għandha tiġi nnotifikata u awtorizzata bħal forom l-oħra kollha ta’ għajnuna u fejn il-benefiċjarji potenzjali huma indiretti.

    178    Għalhekk, l-argument dwar ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    179    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi prinċipju jirrikjedi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra p. I‑8027, punt 69).

    180    Dan il-prinċipju allegatament inkiser peress li, minn naħa, huwa diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, li jiġi ddeterminat il-valur eżatt ta’ wieħed mill‑parametri tal-metodu ta’ kalkolu, jiġifieri n-numru ta’ telespettaturi supplimentari li huma attirati mill-offerta ta’ televiżjoni bi ħlas permezz tal‑miżura inkwistjoni, u li, min-naħa l-oħra, il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna u tal-interessi hija ferm diffiċli.

    181    Madankollu, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-ebda dispożizzjoni ma teżiġi li, meta tordna l-irkupru ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Fil-fatt, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha nnifsu jkun jista’ jiddetermina, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 39; tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, Ġabra p. I‑8887, punt 29, u tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, C‑419/06, Ġabra p. I‑27, punt 44).

    182    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet f’dan il-qasam, l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni għandu jsir skont il-modalitajiet previsti fid-dritt nazzjonali. Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar kawżi li jirrigwardaw din l-eżekuzzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    183    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-obbligu li Stat Membru għandu li jikkalkula l-ammont preċiż tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata jifforma parti mill‑kuntest usa’ tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jorbot b’mod reċiproku lill‑Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implementazzjoni tar-regoli tat-Trattat fil‑qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 91).

    184    Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq jirriżulta li hija l‑qorti nazzjonali, fil-każ li titressaq kawża quddiemha, li għandha tiddeċiedi fuq l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li l-irkupru tagħha ġie ordnat mill-Kummissjoni, jekk ikun il-każ wara li tkun ressqet domanda preliminari quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja.

    185    Isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    186    Mill-konklużjonijiet esposti fil-punti 178 u 185 iktar ’il fuq jirriżulta li r‑raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    187    Fl-aħħar nett, peress li l-ebda motiv imqajjem insostenn tar-rikors preżenti ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

     Fuq l-ispejjeż

    188    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjez, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u ta’ Sky Italia.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Mediaset SpA hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Sky Italia Srl.

    Pelikánová

    Jürimäe

    Soldevila Fragoso

    Firem

    Werrej

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    Fuq l-ammissibbiltà tal-Annes A.8 tar-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ammissibbiltà tal-annessi tar-rikors li ma ġewx tradotti fil-lingwa tal‑kawża

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq il-motivi

    Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal‑Liġi Finanzjarja 2004

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar il-kunċett ta’ benefiċjarju indirett

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ natura selettiva tal‑miżura inkwistjoni

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ distorsjoni tal‑kompetizzjoni

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball manifest ta’ liġi meta saret l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltŕ tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE

    Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti esposti fil-paragrafi 93 sa 96 tar-rikors

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-konklużjoni li tgħid li l‑miżura inkwistjoni ma tirrimedjax għall-problemi ta’ funzjonament tas-suq hija vvizzjata bi żball

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-konklużjoni li tgħid li l‑miżura inkwistjoni la hija strument neċessarju u lanqas proporzjonali sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ funzjonament tas-suq, hija vvizzjata bi żball

    – L-argumenti tal-partijiet

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fuq l-ispejjeż



    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq