Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007TJ0263

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Seba' Awla) tat-23 ta' Settembru 2009.
    ir-Repubblika ta' l-Estonja vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Ambjent - Direttiva 2003/87/KE - Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra - Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Estonja għall-perijodu taż-żmien mis-sena 2008 sas-sena 2012 - Kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni - Trattament ugwali - Artikolu 9(1) u (3), u Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87.
    Kawża T-263/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-03463

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2009:351

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

    23 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

    “Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Estonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 — Kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni — Trattament ugwali — Artikolu 9(1) u (3), u Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87”

    Fil-Kawża T-263/07,

    Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn L. Uibo, bħala aġent,

    rikorrenti,

    sostnuta minn

    Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

    u minn

    Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata inizjalment minn J. Čorba, sussegwentement minn B. Ricziová, bħala aġenti,

    intervenjenti

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn U. Wölker, bħala aġent, assistit minn T. Tamme, avukat,

    konvenuta

    sostnuta minn

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn Z. Bryanston-Cross, sussegwentement minn L. Seeboruth, u fl-aħħar minn S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn J. Maurici, barrister,

    intervenjent,

    li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċizjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2007 dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika tal-Estonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3 p. 80),

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, D. Šváby u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

    Reġistratur: K. Pocheć, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-kuntest ġuridiku

    1

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18):

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”

    2

    L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jipprovdi:

    “Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa pjan nazzjonali fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-pjan għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku. Mingħajr pr[e]ġudizzju għat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2003 gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

    Għall-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1), il-pjan għandu jiġi ppjanat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru [Marzu] 2004. Għall-perjodi sussegwenti taż-żmien, il-pjan għandu jiġi ppubblikat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-inqas 18-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien rilevanti.”

    3

    L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jipprovdi dan li ġej:

    “Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni.”

    4

    Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva:

    “Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perjodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.”

    5

    L-Anness III tad-Direttiva (iktar ’il quddiem l-“Anness III”) jelenka tnax-il kriterju applikabbli għall-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet. Il-kriterji nri 1 sa 3, 5 u 6, 10 u 12 tal-Anness III jipprovdu rispettivament dan li ġej:

    “1.

    Il-kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti taż-żmien għandha tkun konsistenti ma’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 2002/358/KE [tal-25 ta’April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu (ĠU L 130, p. 1)] u l-Protokoll ta’ Kyoto, fil-waqt li jitqiesu, minn banda waħda, l-proporzjon ta’ l-emissjonijiet ġenerali li dawn l-emissjonijiet jirrappreżentaw f’paragun ma’ l-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti b’din id-Direttiva u, mill-banda l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness. Qabel is-sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew in-nuqqas tal-kisba [l-oltrepassar] tal-mira ta’ kull wieħed mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta’ Kyoto.

    2.

    Il-kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li trid tiġi allokata għandha tkun konsistenti ma’ l-istimi tal-progress attwali u proġettati sabiex iwettqu l-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri għall-impennji Komunitarji magħmula skond id-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 93/389/KEE [tal-24 ta’ Ġunju 1993 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ gassijiet serra oħrajn fil-Komunità, ĠU L 167, p. 31].

    3.

    Il-kwantitajiet tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom ikunu konsistenti mal-potenz[j]ali, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ l-attiviajiet koperti b’din l-iskema sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jsejsu d-distribuzzjoni tagħhom tal-kwoti fuq l-emissjonijiet medji tal-gassijiet serra skond il-prodott f’kull attività u l-progress li jista’ jinkiseb f’kull attività.

    […]

    5.

    Il-pjan ma għandux jiddiskrimina bejn il-kumpaniji jew is-setturi hekk li jiffavorixxi kif mhux mistħoqq lil ċerti impriżi jew attivitajiet skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 87 u 88 tiegħu.

    6.

    Il-pjan għandu jkun fih tagħrif dwar il-manjiera li fiha dawk li jidħlu ġodda jkunu kapaċi li jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja fl-Istati Membri interessati.

    […]

    10.

    Il-pjan għandu jkun fih lista ta’ l-istallazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva bil-kwantitajiet tal-konċessonijiet maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda.

    […]

    12.

    Il-pjan għandu jispeċifika l-ammont massimu ta’ CERs u ERUs li jista’ jintuża minn operaturi fl-iskema tal-Komunità bħala persentaġġ ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti għal kull stallazzjoni. Il-persentaġġ għandu jkun konsistenti ma’ l-obbligi supplimentari ta’ l-Istati Membri taħt il-Protokoll ta’ Kjoto u d-deċiżjonijiet adottati skond il-UNFCCC jew il-Protokoll ta’ Kjoto.”

    Il-fatti u l-proċedura

    6

    Ir-Repubblika tal-Estonja nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bil-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, skont id-Direttiva. Skont ir-Repubblika tal-Estonja, din in-notifika seħħet fit-30 ta’ Ġunju 2006 filwaqt li skont il-Kummissjoni, hija saret fis-7 ta’ Lulju 2006.

    7

    Wara skambju ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni, fi Frar 2007, ir-Repubblika tal-Estonja ppreżentat lill-Kummissjoni verżjoni ġdida tal-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    8

    Fl-4 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika tal-Estonja għall-perjodu taż-żmien mis-sena 2008 sas-sena 2012, skont id-Direttiva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni tipprevedi tnaqqis ta 47.8% meta mqabbla mal-kwoti ta’ emissjonijiet li r-Repubblika tal-Estonja pproponiet li toħroġ.

    9

    Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi dan li ġej:

    “Artikolu 1

    L-aspetti segwenti tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ [r-Repubblika tal-] Estonja għall-ewwel perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva huma inkompatibbli, rispettivament, ma’:

    1.

    il-kriterji [nru ]1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva: il-porzjon mill-kwantità totali ta’ kwoti li trid tiġi allokata, jiġifieri 11.657987 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 fis-sena, li hija inkompatibbli mal-istimi mwettqa skont id-Deċizjoni Nru 280/2004/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ [ta]l-emissjonijiet ta’ gass[ijiet] serra tal-Komunità u biex jiġi implementat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 273)] u mal-potenzjal, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet, peress li dan il-porzjon huwa mnaqqas sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tal-attivitajiet ta’ proġetti li kienu diġà għaddejjin fl-2005, u li fl-2005 wasslu għal tnaqqis jew għal limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, sa fejn dan it-tnaqqis jew dawn il-limitazzjonijiet ġew iġġustifikati u vverifikati: barra minn hekk, il-parti tal-kwantità totali tal-kwoti li tikkorrispondi għall-emissjonijiet addizzjonali ta’ installazzjoni ta’ kombustjoni li mhijiex inkluża fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni stabbilit għall-ewwel fażi, valutat għal 0.313883 miljun tunnellata fis-sena, li mhijiex iġġustifikata skont il-metodi ġenerali stabbiliti fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, abbażi ta’ data dwar l-emissjonijiet ivverifikata u ġġustifikata;

    2.

    il-kriterju [nru] 3 tal-Anness III tad-Direttiva: in-nuqqas ta’ inklużjoni, fil-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati prevista skont il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, ta’ riżerva ta’ kwoti kkostitwita mir-[Repubblika tal-]Estonja skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2006/780/KE tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar li jiġi evitat l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tal-effett tas-serra skont l-iskema Komunitarja tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-attivitajiet tal-proġetti skont il-Protokoll ta’ Kyoto [skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Vol. 07 p. 631)], u l-fatt li l-kwantità ta’ kwoti allokati għall-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet ikkonċernati mhijiex imnaqqsa proporzjonalment;

    3.

    il-kriterju [nru] 5 tal-Anness III tad-Direttiva: il-kwoti allokati lil ċerti installazzjonijiet ikbar mill-ħtieġa prevista tagħhom, li jirriżultaw mill-akkumulazzjoni ta’ bonus għall-miżuri adottati fi stadju bikri u tal-allokazzjonijiet ikkalkolati b’mod ieħor;

    4.

    il-kriterju [nru] 6 tal-Anness III tad-Direttiva: informazzjoni dwar il-mod kif dawk li jidħlu ġodda jkunu jistgħu jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja.

    Artikolu 2

    Ma ser issir l-ebda oġġezzjoni għall-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni sakemm isirulu t-tibdiliet li ġejjin b’mod nondiskriminatorju u dawn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni l-iktar fis possibbli, b’kunsiderazzjoni għat-termini neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali:

    1.

    il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati għall-finijiet tal-iskema Komunitarja tiġi mnaqqsa b’11.657987 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 fis-sena, u l-kwantitajiet allokati lil installazzjoni ta’ kombustjoni addizzjonali, li mhijiex inkluża fil-pjan stabbilit għall-ewwel fażi, jiġu stabbiliti skont il-metodi ġenerali speċifikati fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, abbażi ta’ data tal-emissjonijiet vverifikata u ġġustifikata, u l-kwantità totali tiġi mnaqqsa wkoll bl-ekwivalenti tad-differenza eventwali bejn il-kwoti allokati lil din l-installazzjoni, u ż-0.313883 miljun tunnellata rriżervati kull sena għal din l-installazzjoni; barra minn hekk, il-kwantità totali tiġi miżjuda sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tal-attivitajiet ta’ proġetti li kienu diġà għaddejjin fl-2005 u li fl-2005 wasslu għal tnaqqis jew għal limitazzjonijiet fl-emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, sa fejn dan it-tnaqqis jew limitazzjonijiet ġew iġġustifikati u vverifikati;

    2.

    ir-riżerva ta’ kwoti li [r-Repubblika tal-]Estonja beħsiebha tikkostitwixxi skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780/KE tiġi inkluża fil-kwantità totali ta’ kwoti ta’ 12.717058 miljun tunnellata kkalkolata skont il-kriterji [nru]1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali finali dwar l-allokazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, u l-kwantità ta’ kwoti allokata lill-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet ikkonċernati tiġi mnaqqsa b’mod proporzjonali;

    3.

    il-kwoti allokati lil ċerti installazzjonijiet ma jmorrux lil hinn mill-ħtieġa prevista bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ bonus għall-miżuri adottati fi stadju bikri;

    4.

    tingħata informazzjoni dwar il-mod kif dawk li jidħlu ġodda jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja, b’mod konsistenti mal-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 ta’ din tal-aħħar.

    Artikolu 3

    1.   It-total annwali medju ta’ kwoti ta’ 12.717058 miljun tunnellata – imnaqqas mir-riżerva li [r-Repubblika tal-]Estonja beħsiebha tikkostitiwxxi skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780/KE, u mnaqqas ukoll bl-ekwivalenti tad-differenza eventwali bejn il-kwoti allokati lil installazzjoni ta’ kombustjoni addizzjonali li mhijiex inkluża fil-pjan ta’ allokazzjoni stabbilit għall-ewwel fażi u ż-0.313883 miljun tunnellata rriżervati kull sena għal din l-installazzjoni, li mhumiex iġġustifikati skont il-metodi ġenerali speċifikati fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, abbażi ta’ data ta’ emissjonijiet ivverifikata u ġġustifikata, u miżjud sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tal-attivitajiet ta’ proġetti li kienu diġà għaddejjin fl-2005, u li fl-2005 wasslu għal tnaqqis jew għa limitazzjonijiet fl-emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, sakemm dan it-tnaqqis jew limitazzjonijiet jkunu ġew iġġustifikati u vverifikati – li jridu jiġu allokati mir-[Repubblika tal-]Estonja skont il-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjoni, lill-installazzjonijiet imsemmija f’dan il-pjan u lil dawk li jidħlu ġodda ma jinqabiżx.

    2.   Il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti jista’ jiġi mibdul mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni jekk it-tibdil jikkonċerna l-kwoti allokati lil ċerti installazzjonijiet, fil-limiti tal-kwoti kollha li jridu jiġu allokati lill-installazzjonijiet msemmija fil-pjan, wara titjib fil-kwalità tad-data, jew jekk dan jikkonsisti fi tnaqqis tal-persentaġġ tal-kwoti li jridu jiġu allokati b’xejn fil-limiti definiti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva.

    3.   Kull tibdil fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni intiż sabiex jikkoreġi dawk l-inkompatibbiltajiet indikati fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, iżda li jiddevja mit-tibdil imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jiġi nnotifikat mill-iktar fis possibbli, b’kunsiderazzjoni għat-termini neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali, u jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva. Kull tibdil ieħor fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dak meħtieġ skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, huwa inammissibbli.

    Artikolu 4

    Ir-[R]epubblika tal-Estonja hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    11

    Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

    12

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Ottubru 2007, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummssjoni.

    13

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Ottubru u fit-8 ta’ Novembru 2007 rispettivament, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Slovakka talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Estonja.

    14

    Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Jannar 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza dawn it-tliet interventi.

    15

    Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tagħmel xi mistoqsijiet lill-partijiet bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet.

    16

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-11 ta’ Frar 2009.

    It-talbiet tal-partijiet

    17

    Ir-Repubblika tal-Estonja titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    18

    Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

    19

    Ir-Repubblika Slovakka ma ppreżentatx nota ta’ intervent u ma għamlet ebda talba.

    20

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata;

    tiċħad ir-rikors bħala infondat għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

    21

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

    Fuq l-ammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    22

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tenfasizza li l-motivi invokati jikkonċernaw, essenzjalment, il-legalità tal-limitu stabbilit għall-kwantità totali ta’ kwoti prevista fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, parzjalment, in-nuqqas milli jiġu inklużi r-riżervi ta’ kwoti msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(2) tagħha. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li l-motivi mqajma huma fondati, dan ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha, peress li r-Repubblika tal-Estonja ma ppreżentat l-ebda motiv fattwali jew legali marbut ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

    23

    Il-Kummissjoni tfakkar li skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull rikors ippreżentat quddiem il-qrati Komunitarji għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Hija ssemmi li l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdu wkoll li r-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, ir-rikors ma jikkonformax ma’ dawn ir-rekwiżiti għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jibqgħu fis-seħħ b’mod awtonomu anki fil-każ li l-bqija tad-deċiżjoni tiġi annullata. Għalhekk, sa fejn dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    24

    Qabel kollox, ir-Repubblika tal-Estonja tenfasizza li fir-rikors, hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

    25

    Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Estonja tfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att.

    26

    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija att individwali indirizzat lir-Repubblika tal-Estonja u li għandu sens u struttura koerenti, inkwantu hemm rabta bejn il-premessi u l-artikoli tal-parti operattiva tiegħu. Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li ċerti elementi ma jistgħux jinfirdu mingħajr ma jitneħħa l-effett u l-koerenza tad-deċiżjoni kkontestata.

    27

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-Repubblika tal-Estonja tqis li l-eċċezzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni, ibbażata fuq l-inammissibbiltà parzjali ta’ dan ir-rikors, mhijiex fondata u li d-deċizjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    28

    Qabel kollox għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-29/99, Ġabra p. I-11221, punt 45 u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-239/01, Ġabra p. I-10333, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-378/00, Ġabra p. I-937, punt 30). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li din l-eżiġenza ta’ separazzjoni mhijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel is-sustanza ta’ dan l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I-4021, punt 13, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 257 u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    29

    F’dan il-każ, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jibda b’dan il-kliem: “L-aspetti segwenti tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ [r-Repubblika tal-] Etonja għall-ewwel perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva huma inkompatibbli, rispettivament, ma’ […]”. Sussegwentement, fis-subartikoli 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni telenka diversi inkompatibbiltajiet tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti tar-Repubblika tal-Estonja ma’ wieħed jew iktar mill-kriterji tal-Anness III. Fid-dawl tal-istruttura tal-Artikolu 1, l-eventwali annullament ta’ ċerti paragrafi tagħha jirriżulta fit-tnaqqis tan-numru ta’ inkompatibbiltajiet mad-Direttiva, li ġew ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata.

    30

    Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jibda bit-test li ġej: “[m]a ser issir l-ebda oġġezzjoni għall-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni sakemm isirulu t-tibdiliet li ġejjin b’mod non-diskriminatorju u jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni l-iktar fis possibbli, b’kunsiderazzjoni għat-termini neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali”. Fis-subartikoli 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni ssemmi f’kull subartikolu, it-tibdil meħtieġ fil-pjan sabiex tiġi rrimedjata l-inkompatibbiltà rrilevata fis-subartikolu tal-Artikolu 1 li jikkorrispondi. Għalhekk, l-eventwali annullament ta’ ċerti subartikoli tiegħu iwassal sabiex il-Kummissjoni żżomm fis-seħħ l-impenn tagħha li ma toġġezzjonax għall-pjan nazzjonijali, filwaqt li jnaqqas in-numru ta’ tibdiliet li għalihom kien suġġett inizjalment dan l-impenn.

    31

    Mill-istruttura ta’ dawn iż-żewġ artikoli jirriżulta li s-subartikoli 1 sa 4 tagħhom ma jistgħux jitqiesu li jistgħu jiġu sseparati fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 28 hawn fuq. Fil-fatt, l-eventwali annullament ta’ wieħed minn dawn is-subartikoli tal-Artikolu 1, kif ukoll dak tas-subartikolu li jikkorrispondi miegħu fl-Artikolu 2 ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata.

    32

    Tali annullament jissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-adozzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti tar-Repubblika tal-Estonja hija suġġetta għal erba’ tibdiliet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrimedjati erba’ inkompatibbiltajiet mal-kriterji tal-Anness III, b’deċiżjoni differenti li skontha, dan il-pjan jista’ jiġi adottat sakemm ikun hemm numru anqas ta’ tibdiliet. Id-deċiżjoni li tista’ tissostitwixxi b’dan il-mod lid-deċiżjoni kkontestata hija iktar u iktar differenti minn din tal-aħħar billi l-motivi mressqa mir-Repubblika tal-Estonja jikkontestaw l-inkompatibbiltà kkonstatata u t-tibdil korrispondenti meħtieġ fis-subartikoli 1 u 2 tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, huma preċiżament dawn iż-żewġ inkompatibbiltajiet li jeżiġu t-tibdiliet l-iktar sinjifikattivi fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti tar-Repubblika tal-Estonja.

    33

    Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, biżżejjed jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu dettalji dwar l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, fil-każ li l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Artikou 3(1), imsemmija wkoll fil-motivi mqajma mir-Repubblika tal-Estonja jiġu annullati, l-Artikolu 3(2) u (3) jisfa’ bla sinjifikat.

    34

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li fil-każ li l-motivi mqajma mir-Repubblika tal-Estonja huma fondati, ikun hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fl-intier tagħha inkwantu d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ilmenti mressqa ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-allegata inammissibbiltà parzjali ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq il-mertu

    35

    Ir-Repubblika tal-Estonja tqajjem ħames motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq abbuż ta’ poter li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 9(1) u (3) u tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, fit-tieni lok, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fit-tielet lok, fuq ksur tal-Artikolu 175 KE, fir-raba’ lok, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, fil-ħames lok, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 9(1) u (3) u tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva

    L-argumenti tal-partijiet

    36

    Ir-Repubblika tal-Estonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja u mir-Repubblika Slovakka, tqis li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, minn dawn id-dispożizzjonijet jirriżulta li t-tfassil ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti, jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri u li l-Kummissjoni għandha tillimitha ruħha għal stħarriġ tal-kwistjoni jekk dan il-pjan huwiex kompatibbli mal-kriterji msemmija fl-Anness III u fl-Artikolu 10 tad-Direttiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddeċiedu l-metodu li jadottaw sabiex ifasslu l-pjan tagħhom ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti kif ukoll id-data u l-previżjonijiet li jużaw sabiex jiddeterminaw l-emissjonijiet awtorizzati għall-installazzjonijiet matul il-perijodu stabbilit mill-imsemmi pjan.

    37

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisitx il-metodu li bih ir-Repubblika tal-Estonja stabbilixxiet il-pjan tagħha ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti. Mill-premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tiddetermina l-kwantità totali ta’ kwoti ammissibbli, il-Kummissjoni użat il-metodu tagħha u bbażat ruħha fuq id-data bażika magħżula minnha nfisha u fuq il-mudell Primes, imfassal minn espert Grieg, filwaqt li injorat sostanzjalment il-pjan ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti tar-Repubblika tal-Estonja Għalhekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet hija stess, de facto, il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati fil-kuntest tal-pjan ta’ allokazzjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja.

    38

    Fir-replika, ir-Repubblika tal-Estonja żiedet li l-kunċett ta’ “limitu” li skont il-Kummissjoni jikkostitwixxi l-limitu estern applikabbli għall-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati minn Stat Membru, ma għandu l-ebda bażi legali u la jidher fid-Direttiva u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata.

    39

    Fl-aħħar nett, fir-risposta tagħha għan-nota ta’ intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika tal-Estonja tenfasizza li “fi Stat irregolat mill-istat tad-dritt”, l-atti amministrattivi għandhom jiġu adottati skont il-liġi u għaldaqstant, b’mod konformi mal-kompetenzi mogħtija lill-korpi amministrattivi diversi. Anki fil-każ li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jkollu effett sinjifikattiv fuq l-iskema ta’ skambju tal-Unjoni Ewropea, dan ma jiġġustifikax li deċiżjoni illegali tibqa’ fis-seħħ. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Estonja tenfasizza li l-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li jridu jiġu allokati prevista fil-pjan tagħha hija marġinali fil-kuntest ikbar tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    40

    Ir-Repubblika tal-Litwanja tenfasizza li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa ġenerali sabiex tawtorizza pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, iżda biss setgħa ta’ stħarriġ, limitat għall-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-pjan mal-kriterji tal-Anness III.

    41

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, b’mod partikolari, tosserva li matul l-ewwel perijodu ta’ applikazzjoni tal-iskema, mis-sena 2005 sas-sena 2007 kienet saret, b’mod sinjifikattiv, allokazzjonijiet eċċessiva ta’ kwoti meta mqabbla mal-emissjonijiet ivverifikati fis-sena 2005 u s-sena 2006, b’tali mod li l-benefiċċju għall-ambjent tal-iskema ta’ skambju kien tassew limitat, jekk mhux ineżistenti. Skont il-Kummissjoni, dan l-eċċess ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti kien sinjifikattiv ħafna fl-Estonja peress li l-emissjonijiet tagħha vverifikati għas-sena 2005 laħqu t-12.62 miljun tunnellata ta’ ewkivalenza ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2), filwaqt li l-kwantità annwali medja ta’ kwoti għall-ewwel perijodu kienet ta’ 19-il miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2.

    42

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jenfasizza li, jekk il-Kummissjoni titlef waħda mill-kawżi dwar il-pjanijiet ta’ allokazzjonijiet nazzjonali, hemm riskju li l-prezz tal-kwoti matul it-tieni fażi jinżel b’mod sinjifikattiv minħabba l-offerta eċċessiva ta’ kowti li tirriżulta, u dan iġib fix-xejn l-effetti tad-Direttiva bħala mezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. Fi kliem ieħor, il-konsegwenzi jkunu terribbli. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tadotta interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva li tippermetti lill-Kummissjoni tistħarreġ il-pjanijiet nazzjonali b’mod effettiv u konsegwentement tipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu limitu li la jwassal għal żieda fil-prezz tal-karbonju u lanqas, għaldaqstant, ma jinkoraġġixxi t-tnaqqis ta’ emissjonijiet.

    43

    Imbagħad, il-Kummissjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostnu li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeterminatx il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati mir-Repubblika tal-Estonja, iżda stabbilixxiet limitu għal din il-kwantità totali. Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tistabbilixxi dan il-limitu, hija bilfors kellha tuża data oġġettiva u affidabbli u tapplika standards ta’ evalwazzjoni komuni bbażati fuq l-istess premessi għall-Unjoni kollha, sabiex timminimizza d-distorsjonijiet fis-suq intern u tevita kwalunkwe differenzi fit-trattament bejn l-Istati Membri.

    44

    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li sabiex l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra topera b’mod tajjeb, huwa essenzjali li l-kwantità totali ta’ kwoti tkun insuffiċjenti kemm fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fuq il-livell tal-Istati Membri. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-Kummissjoni użat mudell wieħed, jiġifieri l-mudell Primes, kif ukoll data liberament aċċessibbli, laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ esperti nazzjonali, sabiex tistabbilixxi l-limitu tal-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati minn kull Stat Membru. Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa biss stħarriġ indipendenti u koerenti tad-data użata li jippermetti li jkun hemm garanziji suffiċjenti li jiżguraw li d-data tirrifletti r-realità u li l-użu tagħha ma twassalx, b’mod sinjifikattiv, għal allokazzjonijiet eċċessiva ta’ kwoti, bħal dik li rriżultat matul l-ewwel perijodu ta’ skambju, mis-sena 2005 sas-sena 2007. Skont ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Artikoli 87 KE u 88 KE jimponu li ssir evalwazzjoni indipendenti u oġġettiva tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tal-Istati Membri.

    45

    Il-Kummissjoni tqis li hi pprovdiet lir-Repubblika tal-Estonja, b’mod partikolari fil-premessi 2, 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fid-diversi komunikazzjonijiet li ppubblikat, spjegazzjonijiet dettaljati dwar ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li d-data ta’ emissjonijiet ivverifikati fl-2005 kienet l-aħjar data disponibbli. Il-Kummissjoni tirrileva li l-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 [COM (2003) 830 finali], invokata mir-Repubblika tal-Estonja ġiet segwita minn żewġ komunikazzjonijiet bl-istess għan [COM (2005) 703 finali u COM (2006) 725 finali], li mhuma bl-ebda mod kunfliġġenti mal-approċċ li hija ħadet.

    46

    Bil-kontra, il-Kummissjoni tirrikonoxxi fil-kontroreplika tagħha li, fl-1 ta’ Lulju 2005 hija rċiviet, permezz ta’ posta elettronika, osservazzjonijiet min-naħa tar-Repubblika tal-Estonja, inklużi f’rapport li jinsab fl-Anness 4 tar-rikors, li fihom l-esperti Estonjani fformulaw ċerti rimarki ġenerali dwar il-mod kif ġiet meqjusa l-produzzjoni tal-enerġija elettronika fil-previżjonijiet inizjali tal-2005, iżda mingħajr ma speċifikaw dak li xtaqu jemendaw. Il-Kummissjoni tosserva li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport inkwistjoni wassal lill-mudellatur tal-Università Teknika Nazzjonali ta’ Ateni sabiex jemeda, b’mod sinjifikattiv, id-data u l-previżjonijiet inizjali użati.

    47

    Il-Kummissjoni tqis li ma imponiet il-metodu tagħha ta’ kalkolu la fuq ir-Repubblika tal-Estonja u lanqas fuq xi Stat Membru ieħor u tosserva li diversi Stati Membri fasslu l-pjanijiet tagħhom ta’ allokazzjonijiet nazzjonali b’mod konformi mal-limitu stabbilit għall-kwantità totali ta’ kwoti fid-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni indirizzatilhom. Mhuwiex preċiż li jingħad li l-Kummissjoni pprivat lir-Repubblika tal-Estonja mill-marġni ta’ diskrezzjoni preżunta li għandha sabiex tfassal il-pjan nazzjonali tagħha, inkluż għal dak li jikkonċerna l-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati. Bl-istess mod, il-konsultazzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tat-tfassil tal-pjan nazzjonali, ma ġietx ipprivata mill-effettività kollha tagħha. Il-Kummissjoni tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ma jistabbilixxux biss il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, iżda wkoll id-distribuzzjoni tal-kwoti bejn id-diversi installazzjonijiet fit-territorju tagħhom.

    48

    Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Estonja bbażat fuq l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni tenfasizza li din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-armonizzazzjoni tal-metodu għad-determinazzjoni tal-kwantità totali ta’ kwoti, iżda għall-possibbiltà li jiġi armonizzat iktar dan il-metodu. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma għandhiex għażla oħra ħlief li tapplika l-istess metodu għall-kalkolu tal-limitu tal-kwantità totali ta’ kwoti applikabbli għal kull Stat Membru, għaliex inkella jinkiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    — Fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

    49

    L-ewwel nett, huwa paċifiku bejn il-partijiet u jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessi u l-istruttura ġenerali tad-Direttiva, li t-tnaqqis tal-emissjonijet tal-gassijiet serra, b’mod ġenerali, u l-iskema għall-skambju ta’ kwoti stabbilita mid-Direttiva, b’mod partikolari, huma ta’ importanza kbira ħafna fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, fenomenu li jirrappreżenta waħda mill-akbar theddidiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali li d-dinja hija kkonfrontata bihom attwalment.

    50

    Huwa madankollu ġustament li r-Repubblika tal-Estonja tfakkar, fir-risposta għall-argumenti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li, f’komunità rregolata mill-istat tad-dritt, l-atti amministrattiv għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-kompetenzi mogħtija lill-korpi amministrattivi diversi. Għaldaqstant, anki fil-każ li l-argument tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jkollu impatt negattiv fuq l-operat tajjeb tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ikun fondat, dan il-fatt ma jiġġustifikax li d-deċiżjoni kkontestata tibqa’ fis-seħħ, f’każ li dan l-att ikun ġie adottat bi ksur tal-kompetenzi mogħtija mid-Direttiva lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni rispettivament.

    51

    F’dan ir-rigward, meta tkun involuta t-transpożizzjoni jew l-implementazzjoni ta’ direttiva fil-qasam tal-ambjent, għandu jitfakkar il-kliem tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li jgħid li “direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. Minn dan jirriżulta li, ladarba d-direttiva inkwistjoni ma tispeċifikax il-forma u l-metodi sabiex jinkiseb riżultat partikolari, il-libertà tal-Istati Membri rigward l-għażla tal-forom u tal-metodi xierqa għall-kisba tal-imsemmi riżultat tibqa’, bħala regola, sħiħa. Jirriżulta barra minn hekk li, fin-nuqqas ta’ regola Komunitarja li tispeċifika, b’mod ċar u preċiż, il-forma u l-metodi li għandhom jintużaw mill-Istat Membru, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ, b’mod partikolari skont l-Artikoli 211 KE u 226 KE, li għandha tipprova, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li l-istrumenti użati mill-Istat Membru għal dan il-għan imorru kontra d-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-374/04, Ġabra p. II-4431, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Għandu jingħad li applikazzjoni rigoruża ta’ dawn il-prinċipji hija importanti ħafna sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, prinċipju li jorbot lill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolamentari tagħhom u li suppost ġie osservat meta ġiet adottata d-Direttiva 2003/87 (premessa 30 tad-Direttiva). Skont dan il-prinċipju, il-Komunità Ewropea tintervjeni biss, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni ppjanata ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għaldaqstant, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni mixtieqa, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju. B’hekk, f’qasam bħalma huwa dak tal-ambjent, irregolat bl-Artikoli 174 KE sa 176 KE, li fih il-Komunità u l-Istati Membri t-tnejn huma kompetenti, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Komunità, jiġifieri f’dan il-każ fuq il-Kummissjoni, biex turi sa fejn il-kompetenzi tal-Istat Membru u, għaldaqstant, il-libertà ta’ azzjoni tiegħu, huma limitati fid-dawl tal-Artikolu 10 u tal-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

    53

    Fir-rigward, iktar preċiżament, tal-implementazzjoni tad-Direttiva, mill-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll mill-Artikolu 11(2) tagħha jirriżulta b’mod inekwivoku li huwa biss l-Istat Membru li għandu l-kompetenza, minn naħa, li jfassal il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet li bih jipproponi li jilħaq l-għanijiet definiti fid-Direttiva għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li jieħu deċiżjonijiet finali li jistabbilixxu l-kwantità totali ta’ kwoti li ser jalloka għal kull perijodu ta’ ħames snin, u d-distribuzzjoni ta’ din il-kwantità bejn l-operaturi ekonomiċi. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompetenzi, l-Istat Membru għandu għalhekk ċertu libertà ta’ azzjoni fl-għażla tal-miżuri li huwa jqis l-iktar adatti sabiex jintlaħaq, fil-kuntest speċifiku tas-suq nazzjonali tal-enerġija, ir-riżultat speċifikat mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

    54

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ stħarriġ rigward il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tivverifika l-konformità tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet innotifikat mill-Istat Membru, mal-kriterji elenkati fl-Anness III u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva u li tirrifjuta dan il-pjan abbażi ta’ inkompatibbiltà ma’ dawn il-kriterji u dawn id-dispożizzjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni motivata. Mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jirriżulta wkoll li, fil-każ li l-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet jiġi rrifjutat, l-Istat Membru ma jistax jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 11(2) ħlief jekk it-tibdiliet fil-pjan proposti mill-Istat Membru wara r-rifjut ikunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 92 iktar ’il quddiem).

    55

    Meta tuża s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha fir-rigward tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni sa fejn dan l-istħarriġ iwassalha tuża l-evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi tagħha stess fid-dawl tal-għan ġenerali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika (Artikolu 1 u l-premessa 5 tad-Direttiva). Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-isħarriġ tagħha tal-legalità f’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja teżerċita stħarriġ komplet rigward l-applikazzjoni korretta min-naħa tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi lilha nfisha għall-Kummissjoni meta din ikollha tagħmel, f’dan il-kuntest, evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jekk l-awtorità kompetenti qabżitx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u jekk il-garanziji proċedurali, li għandhom importanza ferm iżjed fundamentali f’dan il-kuntest, ġewx osservati bis-sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 80 u 81, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, Ġabra p. II-3305, punti 166 u 171, u Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99, Ġabra p. II-3495, punti 177 u 182, u tal-21 ta’Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T-392/02, Ġabra p. II-4555, punti 126 u 188).

    — Fuq l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha f’dan il-każ

    56

    F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Estonja tikkritika lill-Kummissjoni li eċċediet il-kompetenzi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn dan l-argument huwa intiż sabiex jistabbilixxi li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet rilevanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tagħmel stħarriġ komplet għal dak li jikkonċerna din il-kwistjoni ta’ liġi. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-libertà ta’ azzjoni li għandha r-Repubblika tal-Estonja għall-implementazzjoni tad-Direttiva, u l-marġni ta’ diskrezzjoni li minnha tibbenifika l-Kummssjoni, sa fejn l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet jimplika li hija trid tuża l-evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi tagħha stess, huma rilevanti biss sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-mod kif kull awtorità eżerċitat il-kompetenzi tagħha stess, iżda ma jistgħux jirriżultaw f’bidla fit-tqassim tal-kompetenzi bejn dawn l-awtoritajiet.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 13, kif ukoll fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li parti mill-kwantità totali ta’ kwoti li r-Repubblika tal-Estonja tipproponi li talloka, jiġifieri 11.657987 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 fis-sena, mhijiex kompatibbli mal-kriterji nru 1 sa 3 tal-Anness III. Barra minn hekk, il-parti tal-kwantità totali ta’ kwoti li tikkorrispondi għall-emissjonijiet addizzjonali ta’ installazzjoni ta’ kombustjoni li mhijex inkluża fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet stabbilit għall-ewwel fażi, valutata għal 0.313883 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 fis-sena, ukoll mhijiex kompatibbli mal-imsemmija kriterji.

    58

    Fl-istess ħin, fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li mhumiex ser isiru oġġezzjonijiet għall-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet sakemm il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati għall-finijiet tal-iskema Komuntarja tkun imnaqqsa b’11.657987 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 fis-sena. Skont l-istess dispożizzjoni, il-kwantità totali ta’ kwoti approvata mill-Kummissjoni b’dan il-mod, għandha tiġi mnaqqsa wkoll bl-ekwivalenti tad-differenza eventwali li teżisti bejn il-kwoti allokati lill-installazzjoni msemmija fil-punt preċedenti u l-ammont ta’ 0.313883 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 irriżervati kull sena għal dan il-għan. Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ammont tat-total annwali medju ta’ kwoti ta’ 12.717058 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2, imnaqqas bir-“riżerva” li r-Repubblika tal-Estonja beħsiebha tikkostitwixxi, u l-ekwivalenti ta’ differenza eventwali li teżisti bejn il-kwoti allokati lill-installazzjoni msemmija iktar ’il fuq u l-ammont ta’ 0.313883 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 irriżervati kull sena għal din l-installazzjoni, m’għandux jinqabeż.

    59

    Fl-atti tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-esklużjoni tal-kwantitatjiet ta’ kwoti msemmija iktar ’il fuq tikkostitwixxi impożizzjoni ta’ limitu estern jew ta’ “limitu” fuq ir-Repubblika tal-Estonja, u ma tistabbilixxix il-kwantità totali ta’ kwoti li tista’ talloka.

    60

    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, billi indikat kwantità speċifika ta’ kwoti, li kull eċċess tagħha jitqies inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva, u billi rrifjutat il-pjan nazzjonali tar-Repubblika tal-Estonja sa fejn il-kwantità totali tal-kwoti proposti hemmhekk taqbeż dan il-limitu, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ li għandha skont l-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva.

    61

    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-Kummissjoni hija kompetenti, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, li tistħarreġ il-pjan nazzjonali mfassal minn Stat Membru skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva u li tirrifjutah fil-każ li tikkonkludi li huwa inkompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva.

    62

    Barra min hekk, billi tagħmel stħarriġ bħal dan u billi tagħti raġunijiet għal tali deċiżjoni ta’ rifjut, il-Kummissjoni għandha d-dritt tagħmel kritika speċifika fir-rigward tal-inkompatibbiltajiet ikkonstatati u jekk tikkundisra dan xieraq, tagħmel proposti jew rakkomandazzjonijiet, li ma jkunux vinkolanti, sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jbiddel il-pjan tiegħu b’mod li, skont il-Kummissjoni, jagħmluh kompatibbli mal-imsemmija kriterji u dispożizzjonijiet.

    63

    Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-kwistjoni jekk il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tad-diversi Stati Membri humiex kompatibbli mal-kriterji tal-Anness III, il-Kummissjoni tista’ tagħżel punt komuni ta’ paragun. Għal dan il-għan hija tista’, b’mod partikolari, tfassal mudell ekonomiku u ekoloġiku tagħha stess. Billi tfassal u tuża mudell bħal dan, il-Kummissjoni għandha, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, marġni ta’ diskrezzjoni, b’tali mod li l-użu ta’ punt ta’ referenza komuni bħal dan, f’deċiżjoni ta’ rifjut ta’ pjan nazzjonali, ma jistax jiġi kkontestat ħlief għar-raġuni li din id-deċiżjoni tkun ivvizzjata minn żball manifesti ta’ evalwazzjoni.

    64

    Min-naħa l-oħra, billi timponi, fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tirrifjuta pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, limitu speċifiku kkalkolat abbazi tal-mudell ekonomiku tagħha stess u tal-għażla tagħha ta’ data, għall-kwantità totali ta’ kwoti li Stat Membru għandu dritt jistabbilixxi, fil-prattika, il-Kummissjoni tissostitwixxi lilha nfisha għall-Istat Membru għall-finijiet li tiġi stabbilita din il-kwantità totali. Fil-fatt, tali dispożizzjoni tista’ tobbliga Stat Membru jbiddel il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tiegħu sabiex il-kwantità totali ta’ kwoti tikkorrispondi b’mod eżatt mal-limitu indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi kwantità totali ugwali jew iżgħar mil-limitu indikat mill-Kummissjoni, għaliex inkella jkun impossibbli għalih li jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva.

    65

    Tali deċiżjoni ta’ rifjut tippriva lill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva minn kull sinjifikat, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li huwa l-Istat Membru u mhux il-Kummissjoni li għandu jiddeċiedi l-kwantità totali ta’ kwoti li ser jalloka. Dan il-fatt huwa partikolarment rilevanti f’każ bħal dan, fejn il-limitu speċifiku impost b’dan il-mod mill-Kummissjoni, jiġifieri 12.717058 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 fis-sena, jirrappreżenta biss 52.2% tal-kwantità totali ta’ kwoti li r-Repubblika tal-Estonja kienet qed tipproponi li talloka fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tagħha.

    66

    Ċertament, ir-Repubblika tal-Estonja, fil-kuntest tad-deċiżjoni li hija tadotta skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, tibqa’ libera li tistabbilixxi l-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati f’ammont iżgħar mill-kwantità totali li l-Kummissjoni tqis kompatibbli mad-Direttiva. Madankollu, peress li l-Kummissjoni pproponiet tnaqqis drastiku tal-kwantità totali ta’ kwoti li r-Repubblika tal-Estonja kienet qed tipproponi li talloka, huwa inkonċepibbli, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li din tal-aħħar tistabbilixxi l-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, f’ammont differenti mil-limitu stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, fir-realtà, kienet il-Kummissjoni li stabbilixxiet b’mod indirett il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, minflok ir-Repubblika tal-Estonja.

    67

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni żviluppata mill-Kummissjonit fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tispjega fuq liema bażi kien ġie kkalkolat il-limitu impost, tikkonferma li hija ma llimitatx ruħha għal stħarriġ tal-legalità tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet innotifikat mir-Repubblika tal-Estonja, iżda fil-fatt, issostitwixxiet l-analiżi tagħha għal dik magħmula minn din tal-aħħar.

    68

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tfassil ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, li jkun adattat sabiex jilħaq l-għanijiet tad-Direttiva u li josserva l-kriterji elenkati fl-Anness III, b’mod partikolari, il-kriterji nru 1 sa 3, jobbliga lill-Istat Membru sabiex jagħmel diversi evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-politiki u l-miżuri speċifiċi li jridu jiġu adottati fuq livell nazzjonali bl-għan li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet, iżda wkoll għal dak li jirrigwarda l-miżuri li għandhom jiġu applikati mill-operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, dawn l-evalwazzjonijiet huma essenzjalment prospettivi, sa fejn l-Istat Membru għandu jipprevedi l-iżvilupp tal-emissjonijiet fit-territorju tiegħu minn diversi snin qabel, u dan abbażi tad-data disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-pjan nazzjonali tiegħu ta’ allokazzjonijiet.

    69

    Huwa fin-natura stess ta’ tali eżerċizzju li l-Istat Membru huwa obbligat jagħmel għażliet, fl-ewwel lok, rigward il-politiki u l-miżuri li jridu jiġu adottati, u fit-tieni lok, rigward il-metodu li jrid jintuża u d-data li permezz tagħha għandha ssir l-analiżi sabiex jiġi antiċipat l-iżvilupp prevedibbli tal-emissjonijiet inkwistjoni. Ex hypothesi, dawn l-għażliet la huma korretti u lanqas mhux korretti f’termini assoluti, peress li jista’ jintuża b’mod validu ċertu numru ta’ metodi u ta’ data differenti. Meta tistħarreġ dawn l-għażliet tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha għalhekk tirrispetta l-libertà ta’ azzjoni li huwa għandu, u sa fejn dan tal-aħħar jibbaża ruħu fuq data u parametri ta’ analiżi kredibbli u suffiċjenti, fid-dawl tal-krtierji tal-Anness III, il-pjan nazzjonali tiegħu ta’ allokazzjonijiet ma jistax jiġi rrifjutat. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika l-affidabbiltà u l-koerenza ta’ kull aspett tal-pjan imfassal mill-Istat Membru, kif ukoll tistħarreġ jekk l-elementi tiegħu jikkostitwixxux il-fatturi kollha li għandhom jitqiesu sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ tali natura li jistgħu jsostnu l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom.

    70

    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għanhom jiġu eżaminati l-kritiki speċifiċi, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kontra l-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja.

    — Fuq l-għażla taċ-ċifri relattivi għall-emissjonijiet li jridu jservu bħala punt ta’ tluq għall-finijiet tal-previżjonijiet għall-perijodu ta’ żmien mis-sena 2008 sas-sena 2012

    71

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-kriterju nru 1 tal-Anness III kien rilevanti fil-kuntest preżenti sa fejn jipprovdi li l-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati ma għandhiex taqbeż dak li huwa meħtieġ, b’kull probabbiltà, għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji l-oħra ta’ dan l-Anness. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni nfisha ddefinixxiet il-kunċett ta’ applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Anness III fil-punt 18 tal-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Jannar 2004 (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), filwaqt li ppreċiżat li sabiex jirrispetta dan ir-rekwiżit, Stat Membru ma għandux jalloka iktar mill-kwoti meħtieġa fid-dawl tal-kriterji obligatoriji l-iktar vinkolanti, jiġifieri l-kriterji nru 1 sa 5 tal-Anness III. Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, kif barra minn hekk ikkonfermat il-Kummissjoni fis-seduta, li hija qieset li l-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet Estonjan kien inkompatibbli mal-kriterju nru 1 tal-Anness III, mhux b’mod awtonomu iżda minħabba l-fatt li l-kwantità totali ta’ kwoti proposti ma kinitx limitata għal dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-krtierji nru 2 u 3 tal-Anness III.

    72

    Fit-tieni lok, mill-premessi 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat il-kriterju nru 2 inkluż fl-Anness III billi hija stess stabbilixxiet bħala punt ta’ tluq, għall-emissjonijiet eżistenti tal-gassijiet serra, iċ-ċifri relattivi għall-emissjonijiet tas-sena 2005, minflok ma ħadet bħala punt ta’ tluq iċ-ċifri użati mir-Repubblika tal-Estonja fil-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet u stħarrġet il-legalità tagħhom, permezz ta’ verifika b’mod partikolari tal-kwistjoni jekk din kinitx marret lil hinn mil-libertà ta’ azzjoni tagħha għall-implementazzjoni tad-Direttiva.

    73

    Ċertament, applikazzjoni korretta tal-kriterju nru 2 tal-Anness III jawtorizza lill-Kummissjoni tivverifika l-kompatibbiltà tal-kwantità totali tal-kwoti li jridu jiġu allokati ma’ “l-istimi tal-progress attwali u proġettati sabiex iwettqu l-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri għall-impennji Komunitarji magħmula skond id-Deċiżjoni [Nru 280/2004/KE]”. Madankollu, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aħħar stima magħmula qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ [ta]l-emissjonijiet ta’ gass[ijiet] serra tal-Komunità u biex jiġi implementat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 273), saret abbażi ta’ ċifri ikkomunikati mill-installazzjonijiet Estonjani għas-sena 2005, minħabba li din id-data kienet l-iktar waħda affidabbli u l-iktar eżatta li hija setgħet tuża. Barra minn hekk, skont il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm diversi Stati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Estonja, għażlu li jużaw bħala punt ta’ tluq għall-previżjonijiet tagħhom, il-medja tad-data tal-emissjonijiet tas-sena 2005 ivverifikata b’mod indipendenti, u stimi ta’ emissjonijiet għal snin oħra pprovduti minn dawn l-Istati Membri sabiex jitnaqqsu l-effetti ta’ avvenimenti partikolari li seħħew matul sena partikolari, il-Kummissjoni rrifjutat dan l-approċċ billi rrilevat li l-effetti ta’ fatturi partikolari, bħall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, jiġu kkumpensati b’mod ġenerali, fuq il-meddha ta’ sena u li hija ma kellhiex indikazzjonijiet li d-data ta’ emissjonijiet ivverifikata għas-sena 2005 ma setgħetx titqies bħala rappreżentattiva.

    74

    Madankollu, il-kompetenza tal-Kummissjoni li tistħarreġ il-kompatibbiltà ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet mal-istimi msemmija iktar ’il fuq, ma tawtorizzahiex tqis li l-użu, għall-finijiet tal-imsemmi pjan, ta’ ċifri differenti minn dawk użati fil-kuntest ta’ dawn l-istimi, iwassal sabiex il-pjan ikun inkompatibbli mal-kriterju nru 2 tal-Anness III, sakemm l-Istat Membru ma jkunx jista’ jiġġustifika dan l-użu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-premessi 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Estonja fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi insostenn taċ-ċifri użati fil-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet, b’mod partikolari, minħabba li dawn tal-aħħar kienu “inqas affidabbli” minn dawn użati fl-aħħar stima u li ma kienx hemm “raġunijiet suffiċjenti, għal dak li jikkonċerna l-Estonja, sabiex id-data dwar l-emissjonijiet għall-2005 ivverifikata b’mod inidependenti tiġi adattata”. Hija qieset li stima eċċessiva tal-emissjonijiet mir-Repubblika tal-Estonja ma setgħetx tiġi eskluża, u evokat ir-riskju li ċ-ċifri kkomunikati minnha “mhumiex verament rappreżentattivi tal-emissjonijiet reali”.

    75

    Billi rrifjutat il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet innotifikat mir-Repubblika tal-Estonja abbażi ta’ tali raġunament, li jikkonsisti essenzjalment sempliċiment fl-evokazzjoni tal-eżistenza ta’ dubju rigward in-natura affidabbli tad-data użata mir-Repubblika tal-Estonja, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Kif ġie rrilevat fil-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq, hija kellha tivverifika l-legalità tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet filwaqt li tosserva l-libertà ta’ azzjoni mogħtija lill-Istat Membru sabiex jimplementa d-Direttiva fil-kuntest tat-tfassil tal-imsemmi pjan. Billi rrifjutat il-pjan Estonjan għar-raġuni li d-data użata għal dan il-għan ma kinitx, fil-fehma tagħha, l-aħjar disponibbli u li għalhekk kien hemm riskju ta’ stima eċċessiva tal-emissjonijiet mir-Repubblika tal-Estonja u li xejn ma kien jindika li d-data li bbażat ruħha fuqha ma setgħetx titiqies bħala rappreżentattiva, hija ma rrispettatx l-imsemmija libertà ta’ azzjoni. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali libertà ta’ azzjoni timplika neċessarjament li l-Istat Membru seta’ jagħżel, b’mod validu, data li hija differenti mill-previżjonijiet tiegħu, bħala punt ta’ tluq. Madankollu, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li d-data użata minnha stess biss setgħet tintuża għall-finijiet tat-tfassil ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, jippriva lill-Istati Membri minn kull libertà ta’ azzjoni f’dan ir-rigward. Billi adottat tali approċċ, il-Kummissjoni ma rrispettatx il-fatt li hija hi kompetenti biex tistħarreġ l-għażliet magħmula mill-Istati Membri għall-finijiet ta’ tfassil tal-pjan nazzjonali tagħhom, u mhux biex tagħmel l-għażla tagħha stess fir-rigward tad-data li trid tintuża, u li tiddeċiedi biss fuq l-eventwali kontestazzjonijiet ta’ din l-għażla mill-Istati Membri.

    76

    Fi kwalunkwe każ, mill-proċess jirriżulta li ċ-ċifri użati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja, la kienu neċessarjament l-iktar rappreżentattivi, u lanqas konsegwentement, l-iktar affidabbli. Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-approċċ ta’ ċerti Stati Membri li huwa msemmi fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jiġu aċċettati, għall-anqas għal dak li jikkonċerna l-każ partikolari tar-Repubblika tal-Estonja. Fl-ewwel lok, mill-Anness 4 tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet jirriżulta li s-sena 2005, meqjusa mill-Kummissjoni, ma kinitx sena rappreżentattiva għal dak li jikkonċerna r-Repubblika tal-Estonja. Fil-fatt, l-emissjonijiet ta’ din is-sena huma ferm iktar baxxi mill-valur ta’ referenza kkalkolat, għal dak li jirrigwarda ċ-ċentrali elettriċi u l-installazzjonijiet industrijali, abbażi tat-tliet snin meta l-emissjonijiet kienu l-ogħla bejn is-sena 2000 u s-sena 2005 u, għal dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet għall-produzzjoni ta’ sħana, abbażi tat-tliet snin meta l-emissjonijiet kienu l-ogħla bejn is-sena 1995 u s-sena 2005, u dan minkejja żieda kbira fil-prodott gross domestiku (PGD) minn sena għal sena mill-2000 sas-sena 2005. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni mistoqsija dwar dan is-suġġett mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta, ma pprovdiet l-ebda prova li fuqha setgħet tibbaża l-argument tagħha li l-effetti tad-diversi fatturi meqjusa, bħall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, b’regola ġenerali, jiġu kkumpensati fuq meddha ta’ sena.

    77

    Minn dan isegwi li għall-kuntrarju ta’ dak li affermat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni attakkata, mhux biss iċ-ċifri li użat ma kinux neċessarjament l-iktar rappreżentattivi, u, konsegwentement l-iktar affidabbli, għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja, iżda kellha ċertu numru ta’ provi li kienu jimplikaw, għall-anqas fil-każ tar-Repubblika tal-Estonja, li kien hemm riskju li l-għażla taċ-ċifri tas-sena 2005 bħala punt ta’ tluq għall-finijiet tal-kalkoli tagħha, setgħet twassal għad-distorsjoni tagħhom.

    — Fuq l-għażla tal-metodi użati għall-finijiet tal-previżjonijiet tal-iżvilupp tal-emissjonijiet bejn il-perijodu ta’ referenza u l-perijodu bejn l-2008 u l-2012

    78

    Fil-premessa 8 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet mal-kriterju nru 3 tal-Anness III, li jgħid li l-kwantitajiet ta’ kwoti li jridu jiġu allokati għandhom ikunu “konsistenti mal-potenz[j]ali, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ l-attiviajiet koperti b’din l-iskema sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet”. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-data riżultanti mill-mudell Primes, imfassal minn espert tal-Università Teknika Nazzjonali ta’ Ateni, minħabba li “kienet tikkostitwixxi l-istimi l-iktar eżatti u l-iktar affidabbli taż-żieda fil-PGD u tat-titjib fl-intensità tal-karbonu” sabiex tevalwa l-iżvilupp tal-emissjonijiet bejn il-perijodu ta’ referenza u l-perijodu bejn l-2008 u l-2012, u anki matul dan il-perijodu tal-aħħar. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-previżjonijiet tagħha relattivi għal dan l-iżvilupp fuq iċ-ċifri vverifikati għall-emissjonijiet tas-sena 2005, kif adattati minn żewġ koeffiċjenti li jirriflettu, rispettivament, l-istima tagħha tar-rata ta’ żieda tal-PGD matul il-perijodu taż-żmien mis-sena 2005 sas-sena 2010 u r-rata probabbli ta’ titjib fl-intensità tal-karbonju għal kull unità ta’ PGD matul l-istess perijodu.

    79

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar mill-ġdid li l-Istati Membri għandhom libertà ta’ azzjoni sabiex jiddeċiedu l-metodu li jadottaw għat-tfassil tal-pjan nazzjonali tagħhom ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti. Billi ddeċidiet li tuża d-data riżultanti mill-mudell Primes minħabba li hija allegatament l-iktar affidabbli meta mqabbla mad-data l-oħra, iżda mingħajr ma stabbilixxiet in-natura insuffiċjenti tal-metodu użat mir-Repubblika tal-Estonja sabiex tikkalkola d-data użata għall-finijiet tal-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet, il-Kummissjoni ma rrispettatx din il-libertà ta’ azzjoni.

    80

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni nfisha rrikonoxxiet fis-seduta, b’mod espliċitu, li ma għandhiex dritt tissostitwixxi l-valutazzjoni tagħha tal-aspetti relattivi għall-għażliet politiċi, għal dik magħmula minn Stat Membru għall-finijiet tat-tfassil tal-pjan nazzjonali tiegħu ta’ allokazzjonijiet, u lanqas ma tista’ twettaq stħarriġ marġinali rigward tali għażla. Madankollu, il-Kummissjoni sostniet li tali għażla ta’ politika tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, biss jekk tkun ġiet stabbilita fi strumenti leġiżlattivi qabel is-sena 2004 u jekk din tkun ġiet innotifikata lilha sabiex tkun tista’ tqisha fit-tfassil tal-mudell ekonomiku tagħha stess.

    81

    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni la invokat xi test legali u lanqas xi dispożizzjoni legali li tista’ tiġġustifika tali limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni, minn Stat Membru, tal-politika tagħha dwar l-enerġija nazzjonali għall-finijiet tat-tfassil tal-pjan nazzjonali tiegħu ta’ allokazzjonijiet. Bil-kontra, huwa l-Istat Membru li għandu jfassal pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva u, għaldaqstant, li jiddetermina liema huma l-aspetti tal-politika tiegħu dwar l-enerġija nazzjonali li l-aħjar jiġu meqjusa. Madankollu, mill-punt 3 tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja, anness mar-rikors, jirriżulta li dan l-Istat Membru enfasizza n-natura strateġika tar-riżervi tiegħu ta’ oil shale, kif ukoll id-diffikultajiet ta’ sigurtà għall-provvista li jistgħu jirriżultaw minn żieda sinjifikattiva fl-użu ta’ gass naturali, filwaqt li rrileva li l-importazzjonijiet ta’ gass tiegħu joriġinaw minn pajjiż esportatur wieħed, jiġifieri r-Russja.

    82

    Billi applikat il-mudell Primes, ibbażat essenzjalment fuq parametri ekonomiċi u ekoloġiċi, il-Kummissjoni ma qisitx, f’dan il-każ, ir-rilevanza eventwali ta’ din il-kunsidrazzjoni ġeostrateġika li r-Repubblika tal-Estonja kienet madankollu inkludiet, b’mod espliċitu, fil-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet u għaldaqstant ma rrispettatx il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha.

    83

    Fi kwalunkwe każ, għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ir-rata ta’ evoluzzjoni tal-PGD matul il-perijodu taż-żmien mis-sena 2005 sas-sena 2010, mill-proċess jirriżulta li ċ-ċifri relattivi għaż-żieda fil-PGD użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi ddeterminat il-limitu tal-emissjonijiet għall-Estjona għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, ma kinux l-aħjar disponibbli fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Estonja użat previżjoni ta’ żieda ta’ 9.6% għas-sena 2006, ibbażata fuq l-aħħar data li kellu l-Ministeru tal-Finanzi Estjonjan. Hija pprevediet rata ta’ żieda ftit inqas għolja, ta’ 7.4% sa 8.4%, għal kull waħda mill-erba’ snin sussegwenti.

    84

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, li skont iċ-ċifri ppubblikata fl-2005 f’dokument intitolat “European Energy and Transport Trends”, kienet prevista żieda annwali ta’ 5.1839% għall-Estonja mis-sena 2005 sas-sena 2010. Madankollu, mill-proċess, u b’mod iktar partikolari, meta d-dokument intitolat “Tabella Primes ‘L-Estonja: limitazzjoni fil-karbonju baxx / nuqqas ta’ ġbir u ħażna tas-CO2’”, anness mar-rikors, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 tad-deċiżjoni ikkontestata jinqraw flimkien, jirriżulta li r-rata ta’ 5.1839% toħroġ minn sempliċi kalkolu aritmetiku magħmul abbażi ta’ ċifri relattivi għall-PGD tar-Repubblika tal-Estonja, użati wkoll fil-mudell Primes, jiġifieri EUR 8 biljun fis-sena 2005 u EUR 10.3 biljun fis-sena 2010. Madankollu, il-Kummissjoni tispjega, fl-istess nota ta’ qiegħ il-paġna, li sabiex tqis iċ-ċifri l-iktar reċenti mgħarrfa lilha, hija ddeċidiet li tissostitwixxi l-valur previst għaż-żieda fil-PGD fid-dokument intitolat “European Energy and Transport Trends” bi previżjonijiet ekonomiċi oħra, ippubblikati f’Novembru 2006 f’dokument intitolat “Economic Forecasts Autumn 2006”, iżda biss għas-snin li għalihom dawn il-previżjonijiet l-iktar reċenti kienu disponibbli. Għaldaqstant, hija użat dawn iċ-ċifri tal-aħħar għas-snin 2006 sa 2008, iżda għas-snin 2009 u 2010 baqgħet tuża rata ta’ żieda kkalkolata abbażi ta’ ċifri ppreżentati fid-dokument intitolat “European Energy and Transport Trends” tal-2005.

    85

    Għandu jiġi kkonstatat li billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma użatx l-aħjar data disponibbli għal dak li jikkonċerna l-previżjonijiet taż-żieda tal-PGD tar-Repubblika tal-Estonja għas-snin 2009 u 2010 u li lanqas ma ġġustifikat b’mod suffiċjenti, ir-rifjut tal-previżjonijiet ippreżentati mir-Repubblika tal-Estjonja għal dawn is-sentejn. Fil-fatt, il-previżjonijiet magħmula mir-Repubblika tal-Estonja fil-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet huma, minn naħa, ibbażati fuq data iktar reċenti minn dik użata fid-dokument intitolat “European Energy and Transport Trends” u, min-naħa oħra, iktar qrib minn dawk tad-dokument intitolat “Economic Forecasts Autumn 2006” li l-Kummissjoni stess użat għas-snin 2006 sa 2008 minħabba li kienu iktar affidabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li hija użat l-aħjar data disponibbli għas-snin 2009 u 2010 billi rrifjutat il-previżjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja u billi użat minflokom dawk tad-dokument intitolat “European Energy and Transport Trends”, mhijiex kredibbli.

    86

    Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tar-rata ta’ titjib tal-intensità tal-emissjonijiet ta’ karbonju għal kull unità tal-PGD, huwa paċifiku li l-Kummissjoni bbażat ruħha direttament fuq id-data li tirriżulta mill-mudell Primes, jiġifieri dik ta’ 1945.3 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull miljun EUR ta’ PGD fl-2005 u dik ta’ 1346.3 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull miljun EUR ta’ PGD fl-2010. Madankollu, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fis-seduta, jekk waħda mid-data li ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu mwettaq fil-kuntest tat-tfassil tal-mudell Primes ma tkunx korretta, kif huwa l-każ hawnhekk għal dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda tal-PGD tar-Repubblika tal-Estonja, (ara l-punti 84 u 85 iktar ’il fuq), id-data l-oħra inkluża fl-aħħar verżjoni ta’ dan il-mudell, tkun neċessarjament inkorretta. Fil-fatt, din id-data tal-aħħar hija bbażata fuq previżjoni ta’ żieda tal-PGD li ma kinitx l-iktar waħda eżatta disponibbli fiż-żmien tat-tfassil tal-mudell. Kif irrikonoxxiet ukoll il-Kummissjoni fis-seduta, f’tali ċirkustanzi huwa meħtieġ li jiġu kkalkolati mill-ġdid il-previżjonijiet kollha li jirriżultaw mill-mudell, billi jintużaw stimi aġġornati tar-rata ta’ żieda tal-PGD. Peress li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel dan, id-data użata minnha fid-deċiżjoni kkontestata, ma tistax titqies bħala l-aħjar disponibbli.

    — Fuq ir-raġunijiet l-oħra ppreżentati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet

    87

    Għandha tingħata risposta wkoll għall-argument tal-Kummissjoni li l-użu tad-data tas-sena 2005 u tal-mudell Primes kien iġġustifikat mill-ħtieġa li kull pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet jiġi evalwat b’riferiment għall-istess ċifri u parametri ta’ analiżi, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    88

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-invokazzjoni tal-imsemmi prinċipju ma tistax tbiddel it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri pprovdut mid-Direttiva, li tgħid li dawn tal-aħħar huma kompetenti sabiex ifasslu pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet u sabiex jieħdu deċiżjoni finali fuq il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati.

    89

    Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament ir-Repubblika tal-Estonja, il-Kummissjoni tista’ tiżgura trattament ugwali tal-Istati Membri, b’mod adegwat, billi teżamina l-pjan ippreżentat minn kull wieħed minnhom bl-istess grad ta’ diliġenza. Ċertament, kif ġie mfakkar fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha d-dritt tfassal mudell ekonomiku u ekoloġiku tagħha stess, ibbażat fuq id-data li tagħżel hi u li tużah bħala punt ta’ paragun sabiex tivverifika jekk il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kull Stat Membru huwiex kompatibbli mal-kriterji tal-Anness III. Għall-finijiet tat-tfassi ta’ tali mudell, il-Kummussjoni għandha, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 itkar ’il fuq, marġni ta’ diskrezzjoni.

    90

    Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex dritt tissostitwixxi l-analiżi li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-mudell tagħha għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Memberu fil-pjan nazzjonali tiegħu ta’ allokazzjonijiet, u lanqas ma tista’ tirrifjutah għar-raġuni li hemm diverġenza bejn din l-evalwazzjoni u l-analiżi tagħha. Fil-fatt, kieku l-Kummissjoni kella s-setgħa li tassigura li l-analiżi tagħha stess tipprevali, l-Artikolu 9(1) u l-Artkolu 11(2) tad-Direttiva, li jagħtu lill-Istati Membri kompetenzi sabiex ifasslu pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti, u wara li jiddeċiedu l-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, jispiċċaw mingħajr sinjifikat.

    91

    Fl-aħħar lok, l-argument tal-Kummissjoni li l-Artkolu 9(3) tad-Direttiva, li jagħtiha setgħa ta’ stħarriġ u setgħa li tirrifjuta l-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, jisfa ineffettiv jekk hi ma tkunx tista’ tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-limitu għall-kwantità totali ta’ kwoti li Stat Membru għandu d-dritt li jalloka, għandu jiġi miċħud.

    92

    Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti u, b’mod partikolari mill-punti 62 u 63 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tistħarreġ pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet b’mod utli, u tirrifjutah skont il-ħtieġa, mingħajr ma jkollha bżonn tistabbilixxi limitu bħal dan. Barra minn hekk, l-argument li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni ta’ staġnar, jekk l-Istat Memnbru u l-Kummissjoni ma jilħqux ftehim dwar il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati abbażi tat-tibdiliet suċċessivi tal-pjan nazzjonali ppreżentati minn Stat Membru, ma jistax jintlaqa’. Minn naħa, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha ssolvi din il-problema potenzjali, fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li din ma tqumx hawnhekk. Min-naħa l-oħra, jekk din il-problema kellha tkun solvuta sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ staġnar permanenti, huwa inkonċepibbli li din tiġi solvuta billi tingħata preċedenza lill-fehma tal-Kummissjoni fuq dik tal-Istat Memrbu peress li, kif jirriżulta mill-punt 54 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ stħarriġ u ta’ rifjut, filwaqt li l-Istat Membru huwa kompetenti kemm sabiex jippreżenta pjan nazzjonali, kif ukoll sabiex jieħu d-deċiżjoni finali dwar l-allokazzjonijiet ta’ kwoti.

    93

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi wkoll il-konstatazzjoni li l-inklużjoni ta’ emissjonijiet addizzjonali ta’ installazzjoni speċifika, tal-ammont ta’ 0.313883 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 fis-sena, hija wkoll inkompatibbli mal-kriterji nru 1 sa 3 tal-Anness III. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata wkoll għal dak li jikkonċerna din il-konstatazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għal spjegazzjoni tar-raġunijiet li wassluha sabiex tikkonkludi li kien hemm din l-inkompatibbiltà, iżda speċifikat li l-ammont inkwistjoni kellu jiġi eskluż mill-kwantità totali ta’ kwoti, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

    94

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati. Għaldaqstant, m’hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni, it-tielet u l-ħames motivi mqajma mir-Repubblika tal-Estonja peress li huma indirizzati kontra dawn l-istess dispożizzjonijiet.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

    L-argumenti tal-partijiet

    95

    Ir-Repubblika tal-Estonja tenfasizza li, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’attenzjoni u imparzjalità. Fil-fehma tagħha, dan il-prinċipju għandu japplika mhux biss għar-relazzjonijiet tagħhom mal-individwu, iżda wkoll għar-relazzjoni tagħhom mal-Istati Membri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisitx il-fatti u l-informazzjoni kollha li ġew ipprovduti lilha u għaldaqstant, ma użatx biżżejjed diliġenza fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    96

    B’mod iktar partikolari, ir-Repubblika tal-Estonja tikkritika lill-Kummissjoni li qieset, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti kien inkompatibbli mal-kriterju nru 3 tal-Anness III minħabba li, fil-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, ma kinitx ġiet inkluża “riżerva” ta’ kwoti, stabbilita minnha skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/780/KE tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar li jiġi evitat l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tal-effett tas-serra skont l-iskema Komunitarja tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-attivitajiet tal-proġetti skont il-Protokoll ta’ Kyoto [skont id-Direttiva] (ĠU L 96, 9.4.2008, p. 38). Din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex eżatta peress li minn eżami dettaljat tal-pjan ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti, u b’mod partikolari tal-Annessi 1 u 3 tiegħu, jirriżulta li r-Repubblika tal-Estonja effettivament inkludiet riżerva ta’ kwoti stabbilita skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2006/780, fil-kwantità totali ta’ kwoti.

    97

    Il-Kummissjoni tosserva li l-informazzjoni ppreżentata mir-Repubblika tal-Estonja fil-pjan ta’ allokazzjonijiet nazzjonali tagħha, b’mod partikolari fl-Annessi 1 u 3 tiegħu dwar l-inklużjoni ta’ “riżerva” fil-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, ma kinitx ċara biżżejjed u li kienet saħansitra kontradittorija. Barra minn hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni għoddew il-kwantitajiet tal-emissjonijiet kollha tal-installazzjonijiet imsemmija għat-tieni perijodu ta’ skambju u msemmija fl-Anness 1 tal-pjan Estonjan ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti. Dan il-kalkolu ma ppermettix li jitqies li “r-riżerva” kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni meta ġiet stabbilita l-kwantità totali ta’ kwoti skont l-Artikolu 3(1) jew (3) tad-Deċiżjoni 2006/780.

    98

    Fir-rigward tal-kumplament, il-Kummissjoni tirreferi għall-arguementi li ppreżentat b’risposta għat-tieni motiv imqajjem mir-Repubblika tal-Estonja.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    99

    Għandu jiġi osservat li fost il-garanziji mogħtiija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, fil-proċeduri amministrattivi hemm inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjon tajba, li marbut miegħu hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II-1, punt 86, tad-29 ta’ Ġunju 1993, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-7/92, Ġabra p. II-669, punt 34, u tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 99).

    100

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, sa fejn ir-Repubblika tal-Estonja tqajjem, essenzjalment, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-istess żbalji li invokat fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, hija tikkontesta l-iffissar mill-Kummissjoni ta’ limitu relattiv għall-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn it-tliet dispożizzjonijiet diġà ġew annullati abbażi tal-ewwel motiv, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din il-parti ta’ dan il-motiv.

    101

    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Repubblika tal-Estonja tikkritika lill-Kummissjoni li fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata qieset li l-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti kien inkompatibbli mal-kriterju nru 3 tal-Anness III minħabba li ma ġietx inkluża “riżerva” ta’ kwoti stabbilita minnha skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780 fil-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, din il-parti tal-motiv ser tiġi eżaminata fil-punti li ġejjin. Peress li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2006/780 jipprevedi, fir-realità, il-ħolqien ta’ żewġ riżervi differenti, rispettivament fis-subartikolu 1 u 2 tiegħu, iż-żewġ partijiet tar-riżerva li l-Kummissjoni tirreferi għalihom fid-deċiżjoni kkontestata, ser jiġu ttrattati bħala żewġ riżervi fil-kumplament ta’ din is-sentenza.

    102

    Il-Kummissjoni kkwalifikat il-pożizzjoni tagħha dwar din l-aħħar parti ta’ dan il-motiv, matul is-seduta. Fl-atti tagħha, mhux biss issostni li l-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet kien vag għal dak li jikkonċerna r-riżervi previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780, iżda li barra minn hekk, mill-kalkoli tagħha bbażati fuq l-annessi ta’ dan l-istess pjan jirriżulta li dawn ir-riżervi ma kinux ġew inklużi fil-kwantità totali ta’ kwoti previsti fl-istess pjan. Fis-seduta, min-naħa l-oħra, hija ppreċiżat li fiż-żmien meta d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet abbozzata, mill-qari tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja, u b’mod partikolari, tal-annessi tiegħu, ma kienx jidher ċar jekk ir-riżervi msemmija iktar ’il fuq kinux ġew meqjusa għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwantità totali ta’ kwoti.

    103

    Għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċifri ppreżentati mir-Repubblika tal-Estonja fl-annessi tal-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjonijiet kienu jidhru koerenti u jinftehmu, u li r-riżervi ta’ kwoti kkostitwiti mir-Repubblika tal-Estonja skont l-Artkolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780 kienu ġew inklużi fil-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, prevista skont il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni. B’mod partikolari, meta l-Anness 1 tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet jinqara flimkien mat-tabella inkluża fl-ewwel paġna tal-Anness 3 tiegħu, jirriżulta li l-ammont ta’ 948531 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 jirrappreżenta t-total tal-kwoti inklużi fir-riżerva relattiva għall-installazzjonijiet li qegħdin iwettqu attivitajiet ta’ proġetti li għalihom kienet diġà ntbagħtet ittra ta’ awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2006/780. Minn dawn iż-żewġ anness jirriżulta wkoll li l-kwantità ta’ kwoti ta’ 795026 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 kellha tkun ikkompensata bl-irtirar ta’ kwoti ta’ ċerti installazzjonijiet speċifiċi li l-emissjonijiet tagħhom huma mnaqqsa direttament bis-saħħa tal-proġetti inkwistjoni. Minn sempliċi kalkolu aritmetiku mwettaq abbażi ta’ data inkluża fl-istess annessi jirriżulta li l-bilanċ tar-riżerva jammonta għal 153505 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2. Minn dawn l-annessi jirriżulta wkoll li dawn il-kwantitajiet ta’ kwoti għandhom ikunu kkompensati b’mod speċifiku bl-irtirar ta’ kwoti mill-installazzjonijiet li għadhom mhumiex identifikati iżda li jaqgħu taħt is-settur tal-produzzjoni tas-sħana, li l-emissjonijiet tagħhom huma mnaqqsa b’mod indirett, bis-saħħa tal-proġetti inkwistjoni.

    104

    Bl-istess mod, meta l-Anness 1 tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet jinqara flimkien mat-tabella inluża fit-tieni paġna tal-Anness 3 tiegħu, jirriżulta li l-ammont ta’ 9194742 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 jirrappreżenta t-total ta’ kwoti inklużi fir-riżerva relattiva għall-installazzjonijiet li qegħdin iwettqu attivitajiet ta’ proġetti li għalihom ma kinitx għada ntbagħtet ittra ta’ awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2006/780. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’din l-istess paġna tal-Anness 3 tal-pjan nazzjonali jirriżulta li l-kwantitajiet ta’ kwoti inklużi f’din ir-riżerva għandhom ikunu kkompensati wkoll bi tnaqqis ta’ emissjonijiet f’ċerti installazzjonijiet li għandhom mhumiex identifikati.

    105

    Għandu jiġi enfasizzat li l-kwantitajiet ta’ kwoti inklużi fiż-żewġ riżervi msemmija iktar ’il fuq huma għaldaqstant ikkumpensati bi tnaqqis fl-emissjonijiet f’ċerti installazzjonijiet li l-emissjonijiet reali tagħhom huma xorta waħda meqjusa fl-Anness 1 tal-pjan ta’ allokazzjonijiet sabiex tiġi kkalkolata l-kwantità totali ta’ kwoti. L-effett tal-allokazzjonijiet ta’ dawn il-kwoti lir-riżervi huwa għalhekk perfettament newtrali fir-rigward tal-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati. Peress li dan huwa l-każ, jekk il-kwantitajiet ta’ kwoti inklużi f’dawn ir-riżervi mhumiex imnaqqsa mill-kwantità totali ta’ kwoti, għandu jiġi konkluż li huma neċessarjament inklużi hemmhekk.

    106

    F’dan ir-rigward, is-somma tal-valuri indikati fl-Anness 1 tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet li tikkorrispondi għall-emissjoinijet ta’ kull installazzjoni elenkata, hija ta’ 112820158 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2. Dan it-total jikkorrispondi b’mod preċiż għal dak ta’ 112666653 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 użat fil-kalkolu finali inkluż fl-aħħar paġna ta’ dan l-anness u li jirrappreżenta t-total tal-kwoti previsti għall-installazzjonijiet li jkunu diġà joperaw fil-perijodu bejn l-2008 u l-2012, ħlief sa fejn kwantità ta’ kwoti ta’ 153505 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 tkun ġiet imnaqqsa. Dan l-ammont tal-aħħar jikkorrispondi b’mod preċiż mal-parti tar-riżerva kkostitwita skont l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni 2006/780 li kellha tkun ikkumpensata b’mod indirett fl-installazzjonijiet mhux identifikati.

    107

    Mill-annessi tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ma jirriżultawx ir-raġunijiet għalfejn ir-Repubblika tal-Estonja qieset li kien hemm lok li jiġi mnaqqas dan l-ammont mill-kwantità totali ta’ kwoti. F’dan l-isfond, ma jidhirx li l-imsemmija parti tar-riżerva inkwistjoni ġiet inkluża fil-kwantità totali ta’ kwoti kkalkolati mir-Repubblika tal-Estonja. Għall-anqas, il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet jidher ambigwu f’dan ir-rigward.

    108

    Min-naħa l-oħra, peress li l-parti l-oħra tar-riżerva kkostitwita skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2006/780, jiġifieri kwantità ta’ kwoti ta’ 795026 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2, kif ukoll it-total tar-riżerva kkostitwita skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni, ma tnaqqsux mill-kwantità totali ta’ kwoti, mill-informazzjoni fil-proċess jirriżulta li kien korrett li kienu inklużi fiha.

    109

    Mhijiex il-qorti Komunitarja li għandha tiddeċiedi b’mod preċiż u definittiv, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv ibbażat fuq ksur allegat tal-prinċipju ta’ amminstrazzjoni tajba, sa fejn ir-riżervi inkwistjoni ġew realment inklużi fil-kwantità totali ta’ kwoti. F’dan il-kuntest, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni eżaminatx, b’attenzjoni u imparzjalità, kull aspett rilevanti ta’ dan il-każ.

    110

    F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-informazzjoni fil-proċess ma tidhirx li tista’ tiġi rrikonċiljata mal-konklużjoni li laħqet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kwoti inklużi fir-riżervi inkwistjoni ma kinux ġew inklużi fil-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la spjegat fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq liema bażi waslet għal din il-konklużjoni, u llimitat ruħha għal affermazzjoni, fl-atti tagħha, li l-kalkoli tagħha kienu jindikaw li dan ma kienx il-każ u, fis-seduta, li ma kienx jidher ċar jekk ir-riżervi inkwistjoni kinux ġew meqjusa għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwantità totali ta’ kwoti. Fis-seduta, il-Kummissjoni, li inizjalment kienet talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta dokument quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li spjegat li l-kalkoli tagħha kienu jinsabu fih, sussegwentement irtirat din it-talba filwaqt li indikat li dak l-aspett ma kienx għadu rilevanti.

    111

    Fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet preċiżi dwar il-lakuni li fih il-pjan nazzjonali Estonjan ta’ allokazzjonijiet jew dwar l-iżbalji allegatament imwettqa mir-Repubblika tal-Estonja f’dan il-pjan, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kalkoli inklużi fil-pjan nazzjonali Estonjan ta’ allokazzjonijiet kienu vvizzjati bi żball.

    112

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod adegwat il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ppreżentat mir-Repubblika tal-Estonja, u b’mod partikolari l-Annessi 1 u 3 tiegħu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni jekk ir-riżervi previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780 kinux inklużi fil-kwantità totali ta’ kwoti proposti. Konsegwentement, hija kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, f’dan ir-rigward, dan il-motiv huwa fondat.

    113

    Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati.

    Konklużjoni

    114

    Kif jidher mill-punti 31 sa 34 iktar ’il fuq, mill-annullament tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 94 iktar ’il fuq) u minn dak tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni (ara l-punt 113 iktar ’il fuq), jirriżulta li din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata fl-intier tagħha. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jinfirdu mill-bqija tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-annullament tagħhom ibiddel is-sustanza stess tagħha.

    Fuq l-ispejjeż

    115

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Estonja.

    116

    Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 87(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2007 dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika tal-Estonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, hija annullata.

     

    2)

    Il-Kummissjoni għandha tbati, barra mill-ispejjeż tagħha stess, dawk tar-Repubblika tal-Estonja.

     

    3)

    Ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Forwood

    Šváby

    Moavero Milanesi

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2009.

    Firem

    Werrej

     

    Il-kuntest ġuridiku

     

    Il-fatti u l-proċedura

     

    It-talbiet tal-partijiet

     

    Fuq l-ammissibbiltà

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq il-mertu

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 9(1) u (3) u tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    — Fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

     

    — Fuq l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha f’dan il-każ

     

    — Fuq l-għażla taċ-ċifri relattivi għall-emissjonijiet li jridu jservu bħala punt ta’ tluq għall-finijiet tal-previżjonijiet għall-perijodu ta’ żmien mis-sena 2008 sas-sena 2012

     

    — Fuq l-għażla tal-metodi użati għall-finijiet tal-previżjonijiet tal-iżvilupp tal-emissjonijiet bejn il-perijodu ta’ referenza u l-perijodu bejn l-2008 u l-2012

     

    — Fuq ir-raġunijiet l-oħra ppreżentati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet

     

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Konklużjoni

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.

    Fuq