EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002TJ0309

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tmien Awla Estiża) tal-11 ta' Ġunju 2009.
Acegas-APS SpA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Għajnuna mill-Istat - Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u self b’rata preferenzjali - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni - Rikors għal annullament - Nuqqas ta’ interess individwali - Inammissibbiltà.
Kawża T-309/02.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-01809

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2009:192

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Rikors għal annullament — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T-309/02,

Acegas-APS SpA, li kienet Acqua, Elettricità, Gas e servizi SpA (Acegas), stabbilita f’Trieste (l-Italja), irrappreżentata minn F. Devescovi, F. Ferletic, L. Daniele, F. Spitaleri u S. Gobbato, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Acegas-APS SpA, li kienet Acqua, Elettricità, Gas e servizi SpA (Acegas), hija kumpannija b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, miżmum mill-belt ta’ Trieste (l-Italja). Hija ġiet stabbilita fl-1997 wara li ġiet ittrasformata l-impriża muniċipali Azienda Comunale Elettricità Gas e Acqua, li r-rikorrenti daħlet fid-drittijiet u l-obbligi tagħha. L-istatut ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti jipprovdi li s-servizzi pubbliċi li qabel kienu pprovduti mill-impriża muniċipali ġew attribwiti lilha. Skont l-għan soċjali tal-kumpannija, ir-rikorrenti prinċipalment tipprovdi t-tqassim tal-ilma, tal-elettriku u tal-gas metanu kif ukoll il-ġbir, it-trasport u t-trattament tal-iskart fit-territorju tal-belt ta’ Trieste (l-Italja) u ta’ xi muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Trieste. Skont l-istatut tagħha, ir-rikorrenti tista’ ukoll tintervjeni f’setturi komplimentari jew f’setturi fdati lilha mill-belt ta’ Trieste jew, bi ftehim minn qabel ma’ din il-belt, minn entitajiet pubbliċi jew privati oħrajn.

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2

Il-legge no 142 ordinamento delle autonomie locali (Liġi Nru 142 li torganizza l-awtoritajiet awtonomi lokali, tat-8 ta’ Ġunju 1990, GURI Nru 135, tat-, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 142/90”) introduċiet fl-Italja riforma tal-istrumenti legali ta’ organizzazzjoni għad-dispożizzjoni tal-komuni għall-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-tqassim tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tat-trasport. L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi, kif emendat, ipprovda l-possibbiltà għall-komuni li joħolqu kumpanniji f’diversi forom ġuridiċi sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi, fosthom kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90”). Ir-rikorrenti hija kumpannija tal-Liġi Nru 142/90.

3

F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 9 bis tal-legge no 488 di conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1o luglio 1986, no 318, recante provvedimenti urgenti per la finanza locale (Liġi Nru 488 li tikkonverti f’liġi, b’ċerti emendi, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 318 tal-, li jintroduċi miżuri urġenti favur il-finanzi lokali, tad-, GURI Nru 190, tat-), ingħata self b’rata speċjali ta’ interessi mill-Cassa Depositi e Prestiti (iktar ’il quddiem iċ-“CDDPP”) bejn l-1994 u l-1998 lil ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li kienu jipprovdu servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem is-“self taċ-CDDPP”).

4

Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 3(69) u (70) tal-legge Nru 549 (su) misure di razionalizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 549 dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tat-28 ta’ Diċembru 1995, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-, iktar ’il quddiem il-Liġi Nru 549/95) u tad-decreto-legge no 331 (su) armonizzazione delle disposizioni in materia di imposte sugli oli minerali, sull’alcole, sulle bevande alcoliche, sui tabacchi lavorati e in materia di IVA con quelle recate da direttive CEE e modificazioni conseguenti a detta armonizzazione, nonché disposizioni concernenti la disciplina dei centri autorizzati di assistenza fiscale, le procedure dei rimborsi di imposta, l’esclusione dall’ILOR dei redditi di impresa fino all’ammontare corrispondente al contributo diretto lavorativo, l’istituzione per il 1993 di un’imposta erariale straordinaria su taluni beni ed altre disposizioni tributarie (Digriet Leġiżlattiv Nru 331 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoniiet dwar taxxi f’diversi oqsma, tat-, GURI Nru 203, tat-, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93”), iddaħħlu l-miżuri li ġejjin favur l-impriżi tal-Liġi Nru 142/90:

l-eżenzjoni mit-taxxi kollha fuq it-trasferimenti tal-attiv li jsiru mat-trasformazzjoni ta’ impriżi speċjali u impriżi muniċipali f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti”);

l-eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri t-taxxa fuq il-profitti tal-persuni ġuridiċi u t-taxxa lokali fuq id-dħul, matul tliet snin, u sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 1999 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin”).

Il-proċeduri amministrattivi

5

Wara li sar ilment fir-rigward tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju, tas-16 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Novembru 1997, informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-awtoritajiet Taljani.

6

B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Taljani pprovdew parti mill-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, saret laqgħa fid-, fuq talba tal-awtoritajiet Taljani.

7

B’ittra tas-17 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1999, C 220, p. 14).

8

Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi interessati u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar. Saru wkoll laqgħat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani kif ukoll it-terzi interessati li intervjenew.

9

Ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, bħal ACEA SpA, AEM SpA u Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), li ppreżentaw ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (Kawżi T-297/02, T-301/02 u T-300/02 rispettivament), sostnew, b’mod partikolari, li t-tliet tipi ta’ miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

10

L-awtoritajiet Taljani u l-Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), konfederazzjoni li tiġbor fiha b’mod partikolari kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u impriżi speċjali tal-komuni fl-Italja, adottaw, essenzjalment, din il-pożizzjoni.

11

Min-naħa l-oħra, il-Bundesverband der deutschen Industrie eV (BDI), assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industija u tal-fornituri ta’ servizzi marbutin magħha, ikkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux biss fl-Italja iżda wkoll fil-Ġermanja.

12

Bl-istess mod, Gas-it, assoċjazzjoni Taljana ta’ operaturi privati fis-settur tat-tqassim tal-gass, iddikjarat li l-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

13

Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (ĠU 2003, L 77, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Id-deċiżjoni kkontestata

14

Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox li l-eżami tagħha jirrigwarda biss l-iskemi ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali stabbiliti mill-miżuri inkwistjoni u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil diversi impriżi, minkejja li l-eżami tagħha fid-deċiżjoni kkontestata huwa ġenerali u astratt. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li r-Repubblika Taljana “ma tatx vantaġġi fiskali fuq bażi individwali u ma nnotifikat [ha] […] b’ebda każ individwali ta’ għajnuna meta bagħtitilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni tindika li hija tqis, konsegwentement, li għandha twettaq eżami ġenerali u astratt tal-iskemi inkwistjoni KEmm mill-aspett tal-klassifikazzjoni tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

15

Skont il-Kummissjoni, is-self taċ-CDDPP u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin (iktar ’il quddiem, meqjusin flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) huma għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-għoti, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ta’ tali vantaġġi lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu bħala effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-konfront tal-impriżi l-oħra kollha li jixtiequ jipprovdu l-istess servizzi (premessi 48 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) u (3) KE u lanqas il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u, barra minn hekk, jiksru l-Artikolu 43 KE (premessi 94 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

16

Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn it-taxxi huma dovuti meta tiġi kkostitwita entità ekonomika ġdida jew meta jsir trasferiment tal-attiv bejn diversi entitajiet ekonomiċi. Mill-aspett sostantiv, l-impriżi muniċipali, minn naħa, u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxi favurihom hija ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema (premessi 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

17

Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

“Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti […] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin […] u l-vantaġġi li jirriżultaw mis-self [taċ-CDDPP …] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni [kkontestata].

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ riferiment użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.

[…]”

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19

B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

20

Fit-28 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

21

Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana wkoll ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bir-referenza C-290/02. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rikors u dawk fil-Kawżi T-292/02, T-297/02, T-300/02, T-301/02 u T-309/02 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li kienu konnessi, peress li l-motivi ppreżentati f’kull waħda minn dawn il-kawżi kienu simili ħafna. Permezz ta’ digriet tal-, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri fil-Kawża C-290/02 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tagħha, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li taqta’ l-Kawżi T-292/02, T-297/02, T-300/02, T-301/02 u T-309/02.

22

Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawża C-290/02 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li saret kompetenti sabiex tiddeċiedi r-rikorsi ppreżentati minn Stati Membri kontra l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 5, p. 85). Din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bir-referenza T-222/04.

23

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għas-sentenza finali.

24

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, bil-miktub, domandi lill-partijiet, u dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

25

B’digriet tal-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi T-292/02, T-297/02, T-300/02, T-301/02, T-309/02, T-189/03 u T-222/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

26

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ April 2008.

27

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibili;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jobbliga lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna inkwistjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

29

Preliminarjament, il-Kummissjoni tikkontesta l-interess ġuridiku tar-rikorrenti inkwantu r-rikors tagħha huwa intiż sabiex jitlob l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-self b’rata preferenzjali mogħti miċ-CDDPP. Fil-fatt, l-ebda dokument fil-proċess ma jindika li r-rikorrenti bbenefikat mill-imsemmi self.

30

Il-Kummissjoni mbagħad tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

31

Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att ta’ portata ġenerali inkwantu tikkonċerna skema ta’ għajnuna u b’hekk numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi definiti skont kriterju ġenerali, bħall-fatt li huma parti minn kategorija ta’ impriżi. Fil-fehma tagħha, m’għandhomx jitqajmu dubji dwar il-portata ġenerali, u b’hekk in-natura leġiżlattiva, ta’ att minħabba l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, kemm-il darba jkun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu.

32

Skont il-Kummissjoni, sabiex individwu jkun ikkonċernat individwalment minn att ta’ portata ġenerali, dan l-att għandu jippreġudika d-drittijiet speċifiċi tiegħu jew l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu għandha tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ dan l-att fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmi individwu. Il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kollha li bbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, ma nkisrux drittijiet speċifiċi ta’ ċerti impriżi li jistgħu jiġu ddivrenzjati mill-impriżi l-oħrajn kollha li huma benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kienet obbligata u lanqas setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni ta’ impriża preċiża. La d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jirreferu għas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji individwali.

33

Il-Kummissjoni tħoss li l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tistipula li l-fatt li wieħed ikun benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li l-imsemmi benefiċjarju huwa kkonċernat individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

34

Kawżi iktar reċenti ma jqajmux dubji dwar din il-ġurisprudenza stabbilita. Skont il-Kummissjoni, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sardegna Lines”), ma tistax tiġi applikata għar-rikorsi kollha ppreżentati minn benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli u li jkun ġie ordnat l-irkpru tagħha. Din il-konklużjoni għandha tinsilet b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun ġiet eżaminata b’mod astratt. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sardegna Lines, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-fatt ibbenefikat minn għajnuna individwali, peress li l-vantaġġ ingħata permezz ta’ att adottat abbażi ta’ liġi reġjonali kkaratterizzata minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġiet eżaminata bir-reqqa matul il-proċedura formali ta’ eżami.

35

Il-fatti ta’ dan il-każ huma differenti wkoll minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alzetta”), inkwantu, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni la kienet taf in-numru eżatt u lanqas l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, hija ma KEllhiex l-informazzjoni kollha rilevanti u ma kinitx taf l-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’kull wieħed mill-każijiet. Barra minn hekk, fil-każ preżenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tapplika b’mod awtomatiku, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Alzetta, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ingħatat permezz ta’ att ulterjuri.

36

Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, mhuwiex il-fatt li tkun magħrufa l-identità ta’ impriża li huwa importanti għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà, iżda l-fatt li tkun inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal xi karatteristiċi tal-każ inkwistjoni li jkunu tali li jiġġustifikaw eżami individwali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma kienet ingħatat ebda informazzjoni li turi li, fir-rigward tar-rikorrenti, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna jew kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli mas-suq komuni.

37

Fi kwalunkwe każ, la l-fatt li pparteċipat fil-proċedura formali ta’ eżami previst mill-Artikolu 88(2) KE, u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma huma biżżejjed, skont il-Kummissjoni, biex jindividwalizzaw lir-rikorrenti. Fil-fatt, billi r-rikorsi ppreżentati mill-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata mhumiex ammissibbli skont l-Artikolu 230 KE, l-istess għandu japplika għal dawk ippreżentati mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata.

38

Fl-aħħar lok, il-fatt li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f’dan il-każ jiġi ddikjarat inammissibbli ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li r-rimedji legali previsti mill-Artikoli 241 KE u 234 KE huma biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677), iktar ’il quddiem is-“sentenza UPA”).

39

Fir-rigward tal-interess ġuridiku tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija impriża b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku, ikkostitwita bis-saħħa tal-Liġi Nru 142/90 u b’hekk koperta bl-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin. Fir-rigward tas-self taċ-CDDPP, hija tiġbed attenzjoni għall-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ratione temporis. Fil-fatt, il-perijodu li matulu s-self taċ-CDDPP għandu jkun ingħata sabiex jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mas-suq komuni ma ġiex speċifikat fiha. Għaldaqstant huwa diffiċili li jkun magħruf jekk ir-rikorrenti effettivament ibbenefikatx minnu. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata toħloq inċertezza legali fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani talbu informazzjoni mingħand ir-rikorrenti sabiex jirkupraw l-għajnuna marbuta mas-self taċ-CDDPP. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha interess ġuridiku. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tiddikjara li hija lesta ċċedi r-rikors tagħha sa fejn huwa jirrigwarda s-self taċ-CDDPP, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tikkonferma b’mod espliċitu li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għas-self taċ-CDDPP mogħti bejn l-1994 u l-1998. F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob li, għall-finijiet tal-qsim tal-ispejjeż, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-inċertezza li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata dwar is-self taċ-CDDPP.

40

Fir-rigward tal-interess individwali, ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala att ta’ portata ġenerali.

41

Ir-rikorrenti ssostni li l-interess individwali tagħha jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà tal-kawżi ppreżentati mill-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna (sentenzi Sardegna Lines u Alzetta). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li wieħed ikun benefiċjarju effettiv ta’ skema ta’ għajnuna u l-obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna diġà riċevuta huma ż-żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex ikun hemm interess individwali. Dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti f’din il-kawża.

42

Il-Kummissjoni ma tistax tnaqqas il-portata tas-sentenza Sardegna Lines billi tiddikjara li hija kienet tirrigwarda għajnuna individwali. Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ miżura individwali li timplementa l-iskema ta’ għajnuna huwa konsostanzjali għall-iskema stess. Fir-realtà, din il-kawża tirrigwarda skema ta’ għajnuna.

43

Ir-rikorrenti tqis li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi hija żbaljata. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, għall-kuntrarju dan huwa grupp magħluq, jiġifieri dak tal-impriżi muniċipali li ġew mibdula f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li bdew l-attività tagħhom qabel il-31 ta’ Diċembru 1999 u/jew ħadu self miċ-CDDPP bejn l-1994 u l-1998. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taf eżattament l-isem ta’ dawn il-kumpanniji.

44

Fl-aħħar nett, insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti tinvoka d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, il-fatt li dan ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja sħiħa u effettiva tal-individwi, skont l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis- (ĠU 2000, C 364, p. 1).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE persuna fiżika jew legali tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

46

F’dak li jirrigwarda r-rabta individwali mitluba mid-dispożizzjoni ċċitata hawn fuq, hija ġurisprudenza stabbilita, li persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C-321/95 P, Ġabra p. I-1651, punti 7 u 28).

47

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, bħala prinċipju, mhuwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward tal-impriża rikorrenti, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15, u s-sentenza Alzetta, punt 35 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-punti 34 u 35 tas-sentenza Sardegna Lines, punt 34 iktar ’il fuq, li, peress li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża inkwantu impriża tas-settur marittimu f’Sardenja, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna għall-armaturi Sardi, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kienet ikkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni kien ammissibbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Alzetta, punt 35 iktar ’il fuq, punt 39).

49

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna settorjali u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T-136/05, Ġabra p. II-4063, punt 70).

50

Fir-rigward l-ewwel nett tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, ir-rikorrenti tallega li, peress li hija kumpannija koperta bl-iskema inkwistjoni, hija benefiċjarja effettiva tal-imsemmija skema, minkejja li mhijiex f’pożizzjoni li tindika l-ammont tal-għajnuna li hija bbenefikat minnha.

51

Mir-risposta bil-miktub tar-Repubblika Taljana għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li r-rikorrenti ddikjarat bilanċ fiskali negattiv għall-perijodu rilevanti, u li, konsegwentement, hija stmat li ma kienx hemm taxxa x’titħallas.

52

Madankollu, minn din ir-risposta jirriżulta wkoll li l-awtorità tat-taxxa wettqet verifika li żvelat xi irregolaritajiet fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa magħmula mir-rikorrenti. Wara din il-verifika, ir-rikorrenti talbet u kisbet l-applikazzjoni tal-iskema prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 289, dwar id-dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u multi-annwali tal-Istat [legge n. 289, disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato, du 27 septembre 2002 (suppliment ordinarju Nru 240/L tal-GURI Nru 305, tal-), iktar ’il quddiem l-“amnestija fiskali”], għall-perijodu 1997-2002. Dan il-mekkaniżmu ta’ amnestija fiskali jippermetti, permezz ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa, li jintemmu l-verifiki u l-azzjonijiet kollha li jkunu fis-seħħ. Barra minn hekk, mill-informazzjoni mogħtija waqt is-seduta mill-Kummissjoni u mhux ikkontestata mir-Repubblika Taljana, jirriżulta li l-amnestija fiskali hija definittiva, b’tali mod li l-ammonti kollha mħallsa abbażi tagħha ma jistgħux jitħallsu lura.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma spjegatx kif l-ammont li hija ħallset jew li se tħallas huwa marbut mas-snin 1997 sa 1999, peress li l-amnestija fiskali li hija bbenefikat minnha tikkonċerna s-snin 1997-2001, u kif din il-maħfra ta’ djun, inkambju għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, hija marbuta mal-iskema inkwistjoni.

54

Fin-nuqqas ta’ fatturi konvinċenti sabiex jiġi stabbilit li hija kienet effettivament ibbenefikat mill-iskema inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tistax titqies bħala kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

55

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija parti minn grupp magħluq ta’ impriżi u li l-Kummissjoni taf eżattament l-isem tal-impriżi appartenenti għall-imsemmi grupp, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm ikun stabbilit, bħal f’dan il-każ, li din l-applikazzjoni ssir minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C-451/98, Ġabra p. I-8949, punt 52, u digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, von Pezold vs Il-Kummissjoni, T-108/03, Ġabra p. II-655, punt 46).

56

L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva m’għandux iqiegħed f’dubju din il-konklużjoni. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummisjoni vs Jégo-Quéré (C-263/02 P, Ġabra p. I-3425), u fis-sentenza tagħha UPA. Min-naħa l-oħra, minkejja li huwa minnu li l-kundizzjoni, mitluba fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, li persuna għandha tkun ikkonċernata individwalment għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li jistgħu jindividwalizzaw rikorrent, interpretazzjoni bħal din ma tistax twassal għall-esklużjoni tal-kundizzjoni inkwistjoni (ara sentenza UPA, punt 44).

57

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-self taċ-CDDPP, mill-proċedura bil-miktub jirriżulta li, wara li l-Kummissjoni kkonfermat fil-kontroreplika tagħha li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkopri biss is-self taċ-CDDPP mogħti bejn l-1994 u l-1998, ir-rikorrenti ċediet ir-rikors tagħha sa fejn kien jirrigwarda l-imsemmi self.

58

Barra minn hekk, peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-perijodu kkonċernat ikopri biss is-snin mill-1994 sal-1998, it-talba tar-rikorrenti sabiex l-ispejjeż jinqasmu għandha tiġi miċħuda.

59

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax titqies bħala kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u li, għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud, fl-intier tiegħu, bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

60

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Acegas-APS SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq