Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62000TJ0308

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla Estiża) ta' l-1 ta' Lulju 2004.
Salzgitter AG vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Għajnuna mill-Istat - Artikolu 4(c) KEFA, Artikoli 67 KEFA u 95 KEFA - Interventi finanzjarji favur l-impriża Salzgitter - Fruntiera ma' l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u l-ex Repubblika Ċekoslovakka - Għajnuna mhux innotifikata - Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar - Ċertezza legali.
Kawża T-308/00.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2004:199

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla Estiża)

1 ta' Lulju 2004 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Artikolu 4(c) KEFA, Artikoli 67 KEFA u 95 KEFA – Interventi finanzjarji favur l-impriża Salzgitter – Fruntiera ma' l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u l-ex Repubblika Ċekoslovakka – Għajnuna mhux innotifikata – Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar – Ċertezza legali"

Fil-kawża T-308/00,

Salzgitter AG, stabbilita f'Salzgitter (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing, bħala aġent, assistit minn K. Schroeter, avocat,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K.-D. Borchardt u V. Kreuschitz, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/797/CECA, tat-28 ta' Ġunju 2000, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija ta' l-azzar, illum miġbura taħt l-isem Salzgitter AG – Stahl und Technologie (SAG) (ĠU L 323, p. 5), 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla Estiża),

komposta minn V. Tiili, President, J. Pirrung, P. Mengozzi, A. W. H. Meij u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-procedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Ottubru 2003

taghti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 4 KEFA jiddisponi:

"Huma rikonoxxuti bħala inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u konsegwentement huma aboliti u pprojbiti fil-Komunità, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan it-Trattat:

[…]

c) "is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew il-piżijiet speċjali imposti minnhom, taħt kwalunkwe forma li jkunu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2       L-Artikolu 67 KEFA jipprevedi:

"1. Kull azzjoni ta' Stat Membru li jista' jkollha riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam u ta' l-azzar għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni mill-gvern ikkonċernat.

2. Jekk tali azzjoni hija ta' natura, billi żżid sostanzjalment id-differenzi fl-ispejjeż tal-produzzjoni, b'mod ieħor ħlief bil-bidliet fil-produttività, li tipprovoka skwilibriju serju, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u mal-Kunsill, tista' tieħu l-miżuri li ġejjin:

–       jekk l-azzjoni ta' dan l-Istat ikollha effetti dannużi fuq l-impriżi tal-faħam u ta' l-azzar li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dan l-Istat, il-Kummissjoni tista' tawtorizzah li jagħtihom għajnuna li l-ammont, il-kundizzjonijiet u t-tul taż-żmien tagħha jkunu stabbiliti bi ftehim magħha. […] 

–       jekk l-azzjoni ta' dan l-Istat ikollha effetti dannużi fuq l-impriżi tal-faħam u ta' l-azzar li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stati Membri oħra, il-Kummissjoni għandha tindirrizzalu rakkomandazzjoni sabiex jirrimedja dawn permezz ta' miżuri li huwa jqis li huma l-iktar kompatibbli ma' l-ekwilibriju ekonomiku tiegħu.

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3       L-ewwel u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 95 KEFA jipprovdi:

"Fil-każijiet kollha li mhumiex previsti f'dan it-Trattat, li fihom tkun tidher neċessarja deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni sabiex, fil-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5, jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, kif iddefiniti fl-Artikoli 2, 3 u 4, din id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tkun tista' tittieħed bil-kunsens tal-Kunsill li jiddeċiedi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv."

L-istess deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, meħuda bl-istess mod, għandha tiddetermina eventwalment is-sanzjonijiet applikabbli." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Sabiex tissodisfa l-eżiġenzi tar-ristrutturar tas-settur ta' l-azzar, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Artikolu 95 KEFA sabiex, mill-bidu tas-snin 80, twaqqaf sistema Komunitarja li tawtorizza l-għoti ta' għajnuna mill-Istat lill-industrija ta' l-azzar f'ċerti każijiet speċifiċi u limitati. Din is-sistema ġiet sussegwentement emendata diversi drabi sabiex ikunu jistgħu jiġu solvuti d-diffikultajiet li kienu jinqalgħu b'mod ċikliku fl-industrija ta' l-azzar. Id-deċiżjonijiet sussegwentement adottati f'dan ir-rigward huma ġeneralment magħrufa bħala l-"Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar".

5       Fit-18 ta' Diċembru 1996, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni Nru 2496/96/KEFA, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta' l-azzar (ĠU L 338, p. 42), li tikkostitwixxi s-Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar. Din id-deċiżjoni kienet applikabbli mill-1 ta' Jannar 1997 sat-22 ta' Lulju 2002.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6       Salzgitter AG – Stahl und Technologie (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") hija grupp li topera fis-settur ta' l-azzar li jinkludi Preussag Stahl AG u impriżi oħra involuti fl-istess settur.

7       Fil-Ġermanija, iz-Zonenrandförderungsgesetz (il-liġi Ġermaniża għall-iżvilupp taż-żona tal-fruntiera bejn l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u l-ex Repubblika taċ-Ċekoslovakkja, iktar 'il quddiem iz-"ZRFG") kienet ġiet adottata fil-5 ta' Awwissu 1971 u approvata, flimkien ma' l-emendi li saru wara, mill-Kummssjoni, wara eżami tal-miżuri previsti minnha fid-dawl ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li wara l-emenda, sar l-Artikolu 87KE) u l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE). L-aħħar emendi taz-ZRFG kienu ġew approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna kompatibbli mat-Trattat KE (ĠU 1993, C 3, p. 3). Iz-ZRFG intemmet definitivament fl-1995.

8       Mill-bidu, l-Artikolu 3 taz-ZRFG ippreveda inċentivi fiskali taħt il-forma ta' deprezzamenti speċjali (Sonderabschreibungen) u ta' riżervi eżenti mit-taxxa (steuerfreie Rücklagen) għall-investimenti magħmula f'kull stabbiliment ta' impriża li tinsab fiż-żona tal-fruntiera ma' l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja jew ma' l-ex Repubblika taċ-Ċekoslovakkja (iktar 'il quddiem iz-"Zonenrandgebiet"). Id-deprezzamenti speċjali kienu jikkonsistu fil-possibilità li titniżżel fil-bilanċ tal-kumpannija kwantità ta' deprezzamenti relatati ma' l-investimenti ammissibbli ogħla, meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni ġenerali, fl-ewwel sena jew fl-ewwel snin wara l-imsemmija investimenti ta' l-impriża in kwistjoni. Dan kien ifisser għall-impriża, bażi ta' taxxa mnaqqsa u għalhekk liqwidità ikbar għall-ewwel sena jew għall-ewwel snin wara l-investimenti, billi tagħtiha vantaġġ ta' liqwidità. Kien miksub ukoll vantaġġ simili mill-impriża permezz ta' riżervi eżenti mit-taxxa. Madankollu, id-deprezzamenti speċjali u r-riżervi eżenti ma kinux kumulattivi.

9       Permezz ta' ittra tat-3 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni, wara li osservat fil-kontijiet annwali ta' Preussag Stahl AG, waħda mill-kumpanniji tal-grupp Salzgitter AG, li din kienet ingħatat diversi għajnuniet bejn l-1986 u l-1995, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG, infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5) tas-Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar rigward l-għajnuna mogħtija mill-Ġermanja lil Preussag Stahl AG u lis-sussidjarji l-oħra li joperaw fl-industrija ta' l-azzar tal-grupp Salzgitter AG. Permezz ta' l-imsemmija deċiżjoni, ippubblikata fl-24 ta' April 1999 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 113, p. 9), il-Kummissjoni talbet lill-interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-għajnuna in kwistjoni.

10     Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Mejju 1999, kif ukoll l-osservazzjonijiet ta' l-unika terz interessat li intervjena, il-UK Steel Association, li hija bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

11     Fit-28 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 2000/797/KEFA dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija ta' l-azzar, illum miġbura taħt l-isem Salzgitter AG – Stahl und Technologie (SAG) (ĠU L 323, p. 5, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li tiddikjara li d-deprezzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa, previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG li minnhom ibbenefikat ir-rikorrenti għal bażi ammissibbli ta' 484 miljun u 367 miljun DEM rispettivament, kienu ġew meqjusa bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Skond l-Artikolu 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-imsemmija għajnuna mill-benefiċjarji tagħhom u talbitha tindika l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-irkupru tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12     Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta' Settembru 2000, ir-rikorrenti ressqet din it-talba.

13     Wara t-talba tar-rikorrenti, ifformulata fir-rikors tagħha, il-konvenuta ġiet mitluba mill-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta' ittra mir-Reġistratur tat-13 ta' Novembru 2000, tissodisfa l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa ta' l-Artikolu 23 tal-Protokoll fuq l-Istatut KEFA tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-3 ta' Jannar 2001, il-konvenuta ppreżentat, fir-Reġistru, proċess amministrattiv kompost minn 27 inkartament, li l-ebda minnhom ma kienu kunfidenzjali. Peremzz ta' ittra tal-11 ta' Jannar 2001, ir-Reġistru informa r-rikorrenti li hija setgħet tikkonsulta l-proċess amministrattiv ippreżentat fir-Reġistru.

14     Fit-30 ta' Jannar 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni fil-kuntest ta' din il-proċedura sabiex issostni t-talbiet tar-rikorrenti.

15     Peress li l-partijiet ma qajmu ebda oġġezzjoni għat-talba ta' intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din ġiet ammessa tintervjeni fid-29 ta' Marzu permezz ta' digriet tal-President tar-Raba' Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

16     Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fit-3 ta' Settembru 2001 wara li r-rikorrent u l-konvenuta ppreżentaw l-osservazzjonijiet fuq is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

17     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla Estiża), minn naħa, iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet qabel is-seduta u dan sar fit-terminu mogħti.

18     Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tas-16 ta' Ottubru 2003.

19     Ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti in sostenn tar-rikorrenti, jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż.

20     Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–       tikkundanna lir-rikorrent tħallas l-ispejjeż.

 Id-dritt

21     In sostenn tat-talbiet għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien raġunijiet. L-ewwel raġuni tirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni għamlet diversi konstatazzjonijiet żbaljati dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat; it-tieni raġuni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 4(c), KEFA u ta' l-Artikolu 67 KEFA; it-tielet raġuni hija bbażata fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95(a) KEFA; ir-raba' hija bbażata fuq żball ta' evalwazzjoni li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ta' ċerti investimenti li jaqgħu fil-qasam ta' l-applikazzjoni tat-Trattat KEFA; il-ħames raġuni hija bbażata fuq żball ta' evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni ma kklassifikatx ċerti proġetti ta' investimenti bħala miżuri intiżi għall-protezzjoni ta' l-ambjent; is-sitt raġuni hija bbażata fuq żball ta' evalwazzjoni fid-definizzjoni tar-rata ta' skont determinanti; is-seba' raġuni hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u, fl-aħħar nett, it-tmien raġuni hija bbażata fuq ksur ta' l-obbligu li tiġi indikata raġuni.

 Fuq l-ewwel raġuni li tirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni għamlet diversi konstatazzjonijiet żbaljati dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat

22     Permezz ta' l-ewwel raġuni tiegħu, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kklassifikat inkorrettament id-deprezzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa, previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat KEFA. Din ir-raġuni hija maqsuma f'erba partijiet ibbażati fuq in-natura ġenerali tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, fuq in-natura kumpensatorja allegata ta' dawn il-miżuri, fuq in-neċessità allegata li jiġu eżaminati r-regoli fiskali ta' l-Istati Membri tal-Komunità sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi oneru fiskali "normali" u, fl-aħħar nett, fuq l-obbligu allegat tal-Kummissjoni li turi l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq klassifikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet fiskali ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG safejn huma jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fiskali ġenerali

–       L-argumenti tal-partijiet

23     Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet fiskali taz-ZRFG huma dispożizzjonijiet ġenerali, applikabbli għall-impriżi kollha tal-Komunità li għandhom stabbilimenti fir-reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jmissu ma' l-ex Repubblika taċ-Ċekoslovakkja. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jistgħux jiġu kklasifikati bħala għajnuna mill-Istat.

24     Essenzjalment, l-intervenjenti taqbel ma' din il-pożizzjoni.

25     Il-konvenuta tosserva, qabel kollox, li n-natura definittiva tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar iz-ZRFG diġà pprekludiet l-adozzjoni ta' deċiżjoni li ma tikklassifikax il-miżuri previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG bħala għajnuna mill-Istat, peress li l-kunċett ta' għajnuna mill-Istat li jinsab fl-Artikolu 4(c) KEFA u dak li jinsab fl-Artikolu 87 KE huma bla dubju identiċi, anki jekk ir-regoli applikabbli għalihom huma fundamentalment differenti.

26     Il-konvenuta tippreċiża, wara, li t-tnaqqis fiskali previst fl-Artikolu 3 taz-ZRFG huwa intiżi għall-reġjun speċjali. Fil-fatt, għalkemm l-impriżi kollha jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri previsti minn din id-dispożizzjoni, dawn ta' l-aħħar jagħtu vantaġġi kompetittivi biss rigward investimenti magħmula fir-reġjun assistit u mhux rigward investimenti magħmula fi stabbilmenti li jinsabu barra minn dan ir-reġjun. Dawn il-miżuri kienu ġew adottati sabiex jiffavorixxu reġjun partikolari u għandhom, konsegwentement, jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

27     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-kunċett ta' għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi iżda wkoll interventi li taħt diversi forom, itaffu l-oneri li normalment huma ta' piż fuq il-baġit ta' impriża u li għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji skond it-tifsira stretta tal-kelma, għandhom l-istess natura, u effetti identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Rec. p. 1, 39; tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Rec. p. I-877, punt 13 u ta' l-1 ta' Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, Rec. p. I-7907, punt 34).

28     Barra minn hekk, il-qorti Komunitarja ppreċiżat il-kunċetti previsti mid-dispożizzjoniet tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawn il-preċiżjonijiet huma rilevanti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat KEFA, safejn huma mhumiex inkompattibbli miegħu. Għalhekk, huwa ġġustifikat, f'dan il-kuntest, li jsir riferiment għall-ġurisprudenza dwar l-għajnuna mill-Istat li taqa' taħt it-Trattat KE sabiex tiġi evalwata l-legalità ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna prevista mill-Artikolu 4(c) KEFA. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, tal-ġurisprudenza li tippreċiża l-kunċett ta' għajnuna mill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim' Istanza 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke et Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T-129/95, T-2/96 u T97/96, Ġabra p. II-17, punt 100, u tad-29 ta' Ġunju 2000, DGS vs Il-Kummissjoni, T-234/05, Ġabra p. II-2603, punt 115).

29     F'dan ir-rigward dan, skond ġurisprudenza ferm stabbilita, in-natura speċifika jew selettiva ta' miżura ta' Stat tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, anki fil-kuntest tat-Trattat KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 24 u tad-19 ta' Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni C-6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 17) jew fil-kuntest tat-Trattat KEFA (sentenza Ecotrade, punt 27 iktar ‘il fuq, punt 40), minkejja l-fatt li dawn il-kriterji mhijiex espressament imniżżla fl-Artikolu 4(c) KEFA. Għalhekk, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk il-miżura in kwistjoni tinvolvix vantaġġi esklussivi għal ċerti impriżi jew ċerti setturi ta' attività (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Ecotrade, punt 27 iktar ‘il fuq, punti 40 u 41).

30     Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta' għajnuna, bħal dak iddefinit fit-Trattat KE, għandu natura ġuridika u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti Komunitarja għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm ta' l-elementi konkreti tal-kawża li qedgħin quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa ta' l-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita kontroll sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni ta' jekk miżura tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 25; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, Ġabra p. II-3871, punt 95 u tas-17 ta' Ottubru 20002, Linde vs Il-Kummissjoni, T98/000, Ġabra  p. II‑3961, punt 40).

31     Ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tal-kwistjoni ta' jekk miżura titħolx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(3) KEFA, peress li l-eżerċizzju ta' tali verifika ġudizzjarja mhijiex kompatibbli mat-Trattat KEFA.

32     F'dan il-każ, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment li l-Kummissjoni qieset li d-dispożizzjonijiet fiskali ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG għandhom natura selettiva.

33     Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 hawn fuq, huwa importanti għalhekk li jiġi vverfikat jekk il-miżuri in kwistjoni jinvolvux vantaġġi esklużivi għal ċerti impriżi jew għal ċerti setturi ta' attività.

34     Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3 taz-ZRFG jipprevedi li l-persuni taxxabbli li jinvestu fi stabbiliment industrijali li jinsab fiz-Zonenrandgebiet jistgħu jiksbu, fuq talba u fir-rigward ta' inkonvenjenzi ekonomiċi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni speċifika ta' dan ir-reġjun, it-teħid in kunsiderazzjoni minn qabel, fil-kuntest tat-tassazzjoni fuq id-dħul, ta' ċerti fatturi li jistgħu jnaqqsu l-bażi tat-taxxa. L-għotjiet ta' deprezzamenti speċjali u riżervi speċjali awtorizzati skond l-Artikolu 3 taz-ZRFG jikkonċernaw l-investimenti mobbli kif ukoll immobbli li jagħmlu parti mill-assi fissi ta' l-istabbilment. Id-deprezzamenti speċjali 'l fuq minn 50% tal-prezz kost tal-beni jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni matul is-sena fiskali li fiha x-xiri jew il-manifattura seħħ jew seħħet jew matul ir-raba' snin fiskali segwenti flimkien mad-deprezzament previsti mil-liġi fuq it-taxxa. Ir-riżervi eżenti ta' taxxa ('il fuq minn 50% tal-prezz kost tal-beni tal-kapital immobbli) jistgħu jitwaqqfu għal massimu ta' sentejn qabel l-investiment ikun intemm.

35     Huwa kostanti li l-Artikolu 3 taz-ZRFG huwa applikabbli mingħajr distinzjoni għas-setturi kollha ta' attività, għal kull tip ta' investiment, kemm jekk huma mobbli u kemm jekk huma immobbli għall-impriżi kollha, mingħajr distinzjoni fuq id-daqs, l-attività jew is-sede.

36     Mandankollu, huwa wkoll kostanti li kundizzjoni neċessarja sabiex tibbenifika mill-miżuri previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG hija li l-istabbilimenti li fihom saru investimenti jridu jinsabu fiz-Zonenrandgebiet. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti bbenefikat mill-applikazzjoni tal-miżuri fiskali, previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG, għaż-żewġ stabbilimenti tagħha li jinsabu f'Peine u fi Salzgitter, ġo z-Zonenrandgebiet.

37     Il-fatt li l-benefiċċju ta' miżura fiskali, imniżżel f'liġi federali, huwa suġġett għal kundizzjoni li l-investiment għandu jkun lokalizzat f'żona ġeografikament limitata ta' Stat Membru, bħal f'dan il-każ, huwa, bħala prinċipju, biżżejjed sabiex tqis il-miżura in kwistjoni tikkonċerna kategorija speċifika ta' impriżi.

38     Fil-fatt, bħala prinċipju, miżura fiskali li tista' tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat hija differenti minn miżura fiskali ġenerali minħabba n-natura limitata, fid-dritt jew fil-fatt, tan-numru tal-benefiċjarji tagħha. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li mhuwiex importanti li s-selettività tal-miżura tirriżulta, per eżempju, minn kriterju wieħed jew, bħal dan il-każ, minn kriterju ta' lokalizzazzjoni ġeografika fuq parti ddefinita tat-territorju ta' Stat Membru. Min-naħa l-oħra, huwa importanti, sabiex miżura tkun tista' tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, li l-impriżi benefiċjarji tagħha jidħlu f'kategorija speċifika ddeterminata mill-applikazzjoni, fid-dritt jew fil-fatt, tal-kriterji stabbiliti mill-miżura in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti ta' l-EFTA ta' l-20 ta' Mejju 1999, In-Norveġja vs EFTA Surveillance Authority E-6/98, Ġabra tal-Qorti ta' l-EFTA, p. 74, punt 37).

39     F'dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-għan stess tal-miżuri fiskali in kwistjoni huwa li jiffavorixxi l-investimenti fl-istabbilimenti li jinsabu f'żona ġeografikament limitata tat-territorju Ġermaniż, jiġifieri fir-reġjuni mal-fruntieri ta' l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u ta' l-ex Repubblika taċ-Ċekoslovakkja. F'dan ir-rigward, la r-rikorrenti u lanqas l-intervenjenti ma kkontestaw il-fatt li, sabiex tibbenefika mill-vantaġġi fiskali in kwistjoni, l-investimenti għandhom isiru fl-istabbilmenti li jinsabu fiż-żona ġeografikament limitata tat-territorju Ġermaniż.

40     Huwa kostanti li l-impriżi stabbiliti fil-Ġermanja ma setgħux jibbenefikaw mill-għotjiet tad-deprezzamenti speċjali u mill-istabbiliment ta' riżervi eżenti mit-taxxa previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG għall-investimenti magħmula fl-istabbilimenti tagħhom li jinsabu barra miz-Zonenrandgebiet. Minn dan jirriżulta li dawn il-miżuri ma setgħux jibbenefikaw minnhom l-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali mingħajr distinzjoni.

41     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi affettwata mill-fatt li l-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu jipprevedu biss l-"istabbilimenti" li jinsabu fiz-Zonenrandgebiet u mhux l-impriżi. Fil-fatt, jekk teskludi n-natura selettiva ta' tali miżuri minħabba l-fatt li mhumiex l-impriżi li jibbenefikaw direttament minn dawn iżda l-istabbiliment tagħhom biss li jinsabu fiz-Zonenrandgebiet, dan jiffavorixxi l-evażjoni tas-sistema Komunitarja ta' l-għajnuna mill-Istat. F'kull każ, f'dan il-każ, ir-rikorrenti indikat li hija baqgħet l-unika impriża li topera fl-azzar attiva fiz-Zonenrandgebiet.

42     Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma allegatx li d-differenzjar li jirriżulta mill-miżuri fiskali in kwistjoni kien konformi man-natura u ma' l-ispirtu tas-sistema li tagħmel parti minnha (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p.709, punt 333; tad-9 ta' Diċembru, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni, C-353/95 P, Ġabra p. I-7007, punti 32 sa 37 u tat-13 ta' Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 52; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1995, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T-471/93, Ġabra p. II-2537, punt 62).

43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura kumpensatorja allegata ta' dawn il-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG

–       L-argumenti tal-partijiet

44     Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG ma kinux jagħtu vantaġġ finanzjarju partikolari lill-impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għotjiet ta' deprezzament speċjali jew ta' riżervi eżenti mit-taxxa, iżda jagħtu sempliċi kumpens (almenu parzjali) ta' l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta' attività ekonomika f'reġjun li, minħabba d-diviżjoni ta' l-Ewropa, jinsab artifiċjalment iżolat mill-intern ekonomiku tal-pajjiż li kien naturalment konness miegħu. B'hekk, skond ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet fiskali ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jagħtu lok għal ebda miżura ta' għajnuna reġjonali, intiża sabiex tikkumpensa l-iżvantaġġi reġjonali naturali. L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet kien li jikkumpensa biss żvantaġġ ekonomiku kkawżat mill-iżolament artifiċjali, ta' oriġini purament politika, ta' ċerti reġjuni mal-fruntieri Ġermaniżi.

45     F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li jirriżulta mid-dispożizzzjonijiet ta' l-Artikolu 87(2)(c)KE, li jiddikjara kompattibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija lill-ekonomija ta' ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta mid-diviżjoni tal-Ġermanja, li l-kundizzjonijiet fir-reġjuni li jmissu mal-fruntiera ta' l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja ma kinux "normali". Dan juri li l-miżuri meħuda favur ir-reġjuni mal-fruntieri ma kinux jagħmlu parti mill-programmi abitwali ta' għajnuna reġjonali, iżda huma kienu jikkostitwixxu regoli "sui generis". Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li dak li huwa validu fil-qasam tat-Trattat KE huwa wkoll validu f'dak tat-Trattat KEFA.

46     L-intervenjenti ssostni li l-Artikolu 87 KE jistabbilixxi distinzjoni bejn il-miżuri kompensatorji għall-iżvantaġġi, previsti fil-paragrafu 2(c) tiegħu u l-għajnuna reġjonali normali, prevista mill-paragrafu 3(a) u (c), fis-sens li l-miżuri kumpensatorji u l-għajnuna in kwistjoni ma jistgħux jiġu vvalutati bl-istess mod. L-għajnuna reġjonali hija kkaraterizzata mill-fatt li l-impriża li tinsab fir-reġjun żvantaġġat tibbenefika, permezz ta' għajnuna statali, minn vantaġġ fil-kundizzjonijiet ekonomiċi tagħha u fil-kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, skond l-intervenjenti, l-għajnuna prevista mill-Artikolu 87(2)(c) KE sservi sabiex tikkumpensa l-iżvantaġġi li ma jirriżultawx minn fatturi ekonomiċi naturali ta' l-impriża kkonċernata iżda minn każ ta' forza maġġuri, jiġifieri d-diviżjoni ta' l-Ewropa. B'hekk, l-għajnuna kumpensatorja għal żvantaġġi sservi biss sabiex twassal il-benefiċjaru tagħha għall-kundizzjonijiet li kien ikollu kieku ma kienx hemm l-avveniment dannuż.

47     Skond l-intervenjenti, ir-raġuni tan-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni fit-Trattat KEFA tas-sitwazzjoni taż-żoni Ġermaniżi mal-fruntieri in kwistjoni f'din il-kawża hija storika: it-Trattat KEFA kien ġie konkluż fit-18 ta' April 1951, jiġifieri f'data meta kien għad hemm idea li d-diviżjoni tal-Ġermanja kienet provviżorja u li setgħet tiġi megħluba bi trattat ġenerali ta' paċi.

48     L-intervenjenti ssostni wkoll li, safejn iz-ZRFG, b'mod partikolari fl-Artikolu 3 tagħha, kienet tipprevedi miżuri mhux speċifiċi għas-settur ta' l-azzar, it-Trattat KEFA ma kienx jipprekludi l-applikazzjoni sussidjarja ta' l-Artikolu 87(2)(c) KE għas-settur ta' l-azzar u l-possibbiltà għall-impriżi li joperaw fis-settur ta' l-azzar li jibbenefikaw minn tali miżuri ġenerali. Peress li l-Kummissjoni kienet eżaminat iz-ZRFG, kif ukoll l-emendi tagħha ulterjuri, fid-dawl ta' l-Artikolu 87(2)(c) KE u kienet waslet għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet taz-ZRFG kienu neċessarji sabiex jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet ir-rabta kawżali li teżizti bejn id-diviżjoni tal-Ġermanja u n-neċessità tal-miżuri kumpensatorji previsti miz-ZRFG. Skond l-intervenjenti, fuq il-bażi ta' eżami mwettaq mill-Kummissjoni, f'dak iż-żmien il-Ġermanja kienet awtorizzata, anki mit-Trattat KE biss, tintroduċi miżuri bħal dawk ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar, mingħajr ma tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-intervenjenti tosserva, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma għandha ebda "poter ta' approvazzjoni" fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(2)(c) KE li jistabbilixxi sistema ta' deroga legali. Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti tiddikjara li l-użu ta' deprezzamenti speċjali mill-impriżi li joperaw fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar skond l-Artikolu 3 taz-ZRFG, kien inkompattibli mar-regoli li jmexxu s-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar.

49     Il-konvenuta tirrispondi li l-għotja selettiva ta' miżuri favorevoli bħal dawk previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG tikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat meta hija intiża għall-kumpens ta' żvantaġġ ekonomiku. Fil-fatt, skond il-konvenuta, l-għajnuna għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-effetti tagħha u mhux fid-dawl ta' l-għan li hija għandha. Għalhekk, l-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jistax ikun ikkunsidrat bħala miżura fiskali ġenerali peress li m'għandux in-natura ta' għajnuna mill-Istat għas-sempliċi raġuni li l-għan iddikjarat tiegħu jikkonsisti fil-kumpens ta' l-iżvantaġġi ekonomiċi ta' reġjun.

50     Barra minn hekk, il-konvenuta teskludi kull possibbiltà ta' applikazzjoni b'analoġija ta' l-Artikolu 87(2)(c)KE. L-Artikolu 4(c)KEFA jipprojbixxi s-sussidji jew l-għajnuna awtorizzata mill-Istati taħt kwalunkwe forma. Kull nuqqas ta' rigorożità ta' din il-projbizzjoni huwa inkonċepibbli. Barra minn hekk, il-konvenuta ssostni li tali applikazzjoni tista' tkun iġġustifikata biss fil-każ li jkun hemm lakuna fit-Trattat KEFA, li skond hi, ma teżistix. Fil-fatt, skond l-opinjoni tal-konvenuta, in-nuqqas ta' dispożizzjoni speċifika għaż-żoni Ġermaniżi mal-fruntieri, fil-qasam tat-Trattat KEFA, jista' jiġi spjegat permezz tad-dixxiplina iktar rigoruża f'dan is-settur u dan juri li trattament favorevoli ma kienx intiż mill-awturi tat-Trattat. F'kull każ, il-konvenuta tqis li l-Artikolu 87(2)(c) KE ma jeskludix il-poter kollu ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni peress li din għandha tivverfika jekk l-għajnuna hijiex verament neċessarja għall-kumpens ta' l-iżvantaġġi ekonomiċi kkważati mid-diviżjoni tal-Ġermanja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

51     Permezz tat-tieni parti ta' l-ewwel raġuni tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tat-tieni element ta' għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-vantaġġ miksub mill-miżuri in kwistjoni.

52     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri fiskali li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG tawx vantaġġ lir-rikorrenti.

53     Skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 hawn fuq, il-kunċett ta' għajnuna jinkludi l-interventi statali li, taħt diversi forom, itaffi l-oneri li normalment huma ta' piż fuq il-baġit ta' impriża.

54     Mill-Artikolu 3 taz-ZRFG jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrinunzjat għall-applikazzjoni tar-regoli fiskali tas-sistema komuni Ġermaniża fil-qasam ta' l-għotja tad-deprezzamenti u ta' l-istabbiliment ta' riżervi għall-investimenti fl-assi fissi magħmula fl-istabbilimenti li jinsabu fiz-Zonenrandgebiet.

55     Hekk kif kien ġie diġà kkonstatat fil-punt 36 hawn fuq, ir-rikorrenti bbenefikat mill-applikazzjoni tal-miżuri fiskali, previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG, għaż-żewġ stabbilimenti tagħha li jinsabu f'Peine u fi Salzgitter, ġo z-Zonenrandgebiet

56     Il-qari ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG juri li dawk il-miżuri setgħu wasslu għal tnaqqis fil-piżijiet tar-rikorrenti, tnaqqis li hija ma setgħetx tibbenefika minnu taħt is-sistema fiskali Ġermiża tal-liġi ġenerali, almenu minn żewġ aspetti.

57     L-ewwel nett, dawn il-miżuri ppermettewlha li tnaqqas id-deprezzamenti addizzjonali flimkien ma' l-għotjiet tad-deprezzament fl-ewwel snin wara s-sena fiskali li fiha sar l-investiment; peress li dan l-ammont kien imnaqqas mill-profitt gross, id-dħul taxxabbli ta' l-impriża seta' jiġi mnaqqas kunsiderevolment għall-istess snin. Hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-punt 60 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti b'hekk setgħet tibbenefika minn "vantaġġ ta' likwidità", li hija ma kinitx tieħu kieku l-istabbilimenti tagħha ma kinux jinsabu fiz-Zonenrandgebiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li hija bbenefikat minn eċċess ta' likwidità minħabba l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, kif kien ukoll ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fil-punt 100 tad-deċiżjoni kkontestata.

58     It-tieni nett, jirriżulta mill-Artikolu 3 taz-ZRFG li d-deprezzament speċjali seta' jintuża mhux biss matul is-sena fiskali li fiha sar l-investiment iżda wkoll matul l-erba' snin fiskali segwenti; din il-possibbiltà ppermettiet l-impriża benefiċjarja li tifrex matul iż-żmien u anki tnaqqas il-bażi tad-dħul taxxabbli tagħha. Hekk kif jippreċiża l-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata "dan id-differiment tat-taxxa [...]jista' jkun analizzat bħala dejn bla interessi fuq l-ammont tat-taxxa ddiferit u t-tul taż-żmien tad-differiment" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, minkejja l-fatt li t-taxxa xorta kellha titħallas wara l-terminu tad-differiment, l-impriża kienet madankollu bbenefikat matul it-terminu tad-differiment minn vantaġġ ekwivalenti għad-differenza bejn l-ammont imnaqqas tat-taxxa fl-aħħar tat-terminu tad-differiment, filwaqt li jitqiesu r-rati ta' interessi, u l-ammont tat-taxxa li kien ikun dovut kieku d-differiment ma ngħatax.

59     Konsegwentement, il-miżuri fiskali previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG jikkostitwixxu differiment ta' taxxa li taffa l-oneri tar-rikorrenti li, normalment, ikunu piż fuq il-baġit tagħha.

60     Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-argumenti tar-rikorrenti u ta' l-intervenjenti li min-naħa waħda, isostnu li l-uniku għan tal-miżuri fiskali ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG huwa l-kumpens ta' żvantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-iżolament artifiċjali, ta' oriġini politika, tar-reġjuni taz-Zonenrandgebiet u, min-naħa l-oħra, isostnu li l-Artikolu 87(2)(c) KE juri li s-sitwazzjoni tar-reġjuni Ġermaniżi mal-fruntiera kkonċernati kienet anormali.

61     L-ewwel nett, il-fatt li, kif indikaw ir-rikorrenti u l-intervenjenti, l-Artikolu 87(2)(c) jirrikonoxxi li "għajnuna mogħtija lill-ekonomiji ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta bid-diviżjoni tal-Ġermanja, safejn dik l-għajnuna tkun meħtieġa biex tikkumpensa għall-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati b’dik id-diviżjoni" hija kompatibbli, ma jistax jaffettwa l-klassifikazzjoni ta' miżura ta' għajnuna mill-Istat, fis-sens tat-Trattat KEFA.

62     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 305(1) KE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE m'għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat KEFA, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati Membri, is-setgħat ta' l-istituzzjonijiet ta' dik il-Komunità, u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jżommu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom stess (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, T-37/97, Ġabra p. II‑859, punt 132). Huwa biss sakemm il-kwistjonijiet mhumiex is-suġġett ta' dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jew tar-regoli adottati fuq il-bażi ta' din ta' l-aħħar li t-Trattat KE u d-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tiegħu jistgħu japplikaw għall-prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1987, Deutsche Babcock, 328/85, Ġabra p. 5119, punt 10 u ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 100).

63     Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni ta' l-għotja ta' għajnuna mill-Istat hija s-suġġett tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(c) KEFA u konsegwentement, rigward din il-kwistjoni, l-Istati Membri la kellhom l-intenzjoni jżommu l-istess regoli u lanqas l-istess kamp ta' interventi tal-Komunitajiet (ara s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punti 101 u 102).

64     Konsegwentement, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet fit-Trattat KEFA identiċi jew ekwivalenti għal dawk fl-87(2)(c) KE, ir-rikonoxximent tal-kompatibbiltà ta' għajnuna mogħtija lill-ekonomija ta' ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni tal-Ġermanja fil-kuntest tat-Trattat KE la taffettwa l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA u lanqas, konsegwentement, il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, bħal dak imsemmi minn din id-dispożizzjoni.

65     Lanqas l-argument, imressaq mill-intervenjenti, li r-raġuni għan-nuqqas ta' dispożizzjonijiet fit-Trattat KEFA identiċi jew ekwivalenti għal dawk fl-87(2)(c) KE hija storika, ma jista' jiġi aċċettat.

66     Kemm mill-Artikolu 4(c) kif ukoll mill-kuntest u l-għanijiet li fihom ġiet ifformulata din id-dispożizzjoni, jirriżulta li t-Trattat KEFA kien intiż sabiex jittratta l-projbizzjoni fuq l-għajuna mill-Istat b'mod rigoruż. Għalkemm kien possibbli fl-1951 li temmen, kif isostni l-Gven Germaniż, li d-diviżjoni tal-Ġermanja kienet biss temporanja, jibqa' l-fatt li din is-sitwazzjoni, li bdiet fl-1948 meta saret il-linja ta' separazzjoni bejn iż-żewġ żoni okkupati, setgħet ittieħdet in kunsiderazzjoni fiż-żmien ta' l-ifformular tat-Trattat KEFA u dan kien rifless fit-test tiegħu.

67     Huwa veru li, sa l-iskadenza ta' l-Ewwel Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar tal-Kummissjoni [deċiżjoni Nru 257/80/KEFA tal-Kummissjoni, ta' l-1 ta' Frar 1980 li tistabbilixxi r-regoli Komunitarji għal għajnuna speċifika għall-industrija ta' l-azzar (ĠU L 29, p.5)], fil-31 ta' Diċembru 1981, il-Kummissjoni adottat interpretazzjoni differenti minn dik li qed issostni f'din il-kawża, li l-Artikolu 4(c) huwa applikabbli biss għall-għajnuna speċifika favur impriżi fis-settur tal-faħam u ta' l-azzar, jiġifieri għall-għajnuna li minnha bbenefikaw dawn l-impriżi, speċifikament jew b'mod prinċipali, filwaqt li l-applikazzjoni tas-sistemi ta' għajnuna ġenerali jew reġjonali għas-settur ta' l-industruja ta' l-azzar kienet taqa' taħt il-verifika tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 KEFA kif ukoll ta' dawk ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE.

68     Bla ħsara għall-eżami tat-tieni raġuni dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA u ta' l-Artikolu 67 KEFA, il-fatt li, matul ċertu perijodu, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, fil-kuntest tal-prassi deċiżjonali tagħha, li s-sistemi ġenerali jew reġjonali, anki meta kienu applikabbli għas-settur ta' industrija ta' l-azzar, ma kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 4(c) KEFA, ma jistax jaffettwa l-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat KEFA.

69     Fil-fatt, mit-Trattat KEFA ma jirriżultax li l-awturi tagħha riedu b'mod ċar li jagħtu lill-Artikolu 4(c) KEFA tali kamp ta' applikazzjoni restrittiv u li, konsegwentement, deroga minn din id-dispożizzjoni, intiża sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni d-diviżjoni tal-Ġermanja ma dehritilhomx neċessarja.

70     Barra minn hekk, ikun żbaljat li mill-eżistenza ta' eċċezzjoni għal projbizzjoni mniżżla fit-Trattat KE tiddedduċi estensjoni awtomatika u retroattiva ta' tali eċċezzjoni għal projbizzjoni ekwivalenti li tinsab fit-Trattat KEFA li ġie konkluż qabel. Tali raġunament iwassal għal emendi fit-test tat-Trattat KEFA u għall-evażjoni tal-proċeduri previsti għal dan l-effett.

71     It-tieni nett, anki li kieku kellu jitqies li, hekk kif inqtal mir-rikorrenti, is-sempliċi eżistenza tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 87(2)(c) KE tistabbilixxi n-natura "anormali" tal-kundizzjonijiet eżistenti fit-territorju taz-Zonenrandgebiet, jibqa' l-fatt li, f'dan il-każ, din il-konstatazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tipprekludi l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA minħabba n-natura kumpensatorja allegata tal-miżuri fiskali previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG ta' l-iżvantaġġ ekonomiku li jaffettwa dan it-territorju.

72     Hekk kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-Trattat KEFA, peress li l-abolizzjoni u l-projbizzjoni stabbiliti mill-Artikolu 4(c) għandhom natura ġenerali u assoluta, dawn ma jistgħux jiġu annullati bl-implementazzjoni ta' proċedura ta' kumpens approssimattiv u inċert (ara s-sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs l-Awtorità Għolja, punt 27 iktar 'il fuq, p. 55). Ir-rikorrenti ma pprovatx rabta kawżali ċerta eżistenti bejn dan l-iżvantaġġ allegat u l-miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw dan.

73     Barra minn hekk, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-legalità ta' deċiżjoni fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-elementi ta' informazzjoni li l-Kummissjoni seta' kellha fil-mument meta ħaditha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16 u Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, punt 29 iktar 'il fuq, punt 33).

74     F'dan il-każ, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-intervenjenti, waqt il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, irreferiet għall-eċċezzjoni tal-prinċipju ta' projbizzjoni ta' l-għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 87(2)(c) KE sabiex il-miżuri ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG jiġu kkunsidrati li kkumpensaw żvantaġġ ikkawżat mid-diviżjoni tal-Ġermanja. L-istess seħħ matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Hekk kif ġie ppreċiżat fil-punti 64 sa 66 hawn fuq, l-Artikolu 87(2)(c) mhuwiex applikabbli u m'għandux ekwivalenti taħt it-Trattat KEFA. Barra minn hekk, l-eżami tan-natura kumpensatorja ta' tali miżuri jidħol fis-setgħa ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti fil-verifika ta' jekk il-kundizzjonijiet tad-deroga mitluba ġewx sodisfatti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Diċembru 1999, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, T-132/96 u T/143/96, Ġabra p. II‑3663, punt 140).

75     Għaldaqstant, is-sempliċi riferement għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 87(2)(c) KE ma jistax ikun kkunsidrat bħala prova ta' rabta kawżali ċerta, għall-iskopijiet tat-Trattat KE, bejn il-vantaġġ mogħti lir-rikorrenti u l-iżvantaġġ ekonomiku allegatament sostnut mill-impriżi li jinsabu fiz-Zonenrandgebiet.

76     Fir-rigward ta' dak kollu li ntqal qabel, it-tieni parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-neċessità allegata li jiġu eżaminati r-regoli fiskali ta' l-Istati Membri tal-Komunità sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi oneru fiskali "normali"

–       L-argumenti tal-partijiet

77     Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda kriterju serju li jista' jiġi vverifikat mill-qorti Komunitarja sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi oneru fiskali "normali" għall-impriżi li fir-rigward tiegħu tista' tiġi stabbilita l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA. Skond ir-rikorrenti, sabiex tagħmel il-paragun man-"normalità", il-Kummissjoni ma kellhiex tirreferi biss għad-dispożizzjonijiet fiskali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif għamlet fil-punt 60 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija pparagunat ir-regoli fuq id-deprezzamenti speċjali li jirriżultaw miz-ZRFG mar-regoli ġenerali applikabbli għad-deprezzamenti speċjali fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni kellha wkoll tirreferi għar-rata ta' tassazzjoni kif ukoll għad-deprezzamenti tal-beni ta' l-investiment applikabbli fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar fis-suq komuni kollu jew, mill-inqas, fl-Istati Membri fejn huma stabbiliti l-kompetituri tar-rikorrenti. Dan it-tip ta' eżami kumparattiv tar-regoli fiskali applikabbli fl-Istati Membri differenti biss kien jippermetti verfika ta' jekk l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG tat lir-rikorrenti vantaġġ ta' l-istess natura u b'effetti identiċi ta' sussidju skond it-tifsira stretta tal-kelma.

78     Il-konvenuta tirrispondi li l-kundizzjonijiet bażiċi, b'mod partikolari l-infrastrutturi, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u li, bħala regola ġenerali, tassazzjoni ogħla hija marbuta ma' kundizzjonijiet bażiċi aħjar. Skond hi, din hija r-raġuni għalfejn l-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi l-punt ta' riferiment li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-eżami tan-natura selettiva tal-miżura in kwistjoni. Għalhekk, huwa rrilevanti li jsir paragun bejn ir-regoli applikabbli fl-Istati Membri differenti fuq dan is-suġġett.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

79     Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-Trattat KE, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE timponi biss li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta' sistema ġuridika partikolari, miżura statali hijiex ta' natura li tiffavorixxi "ċerti impriżi jew ċerti produtturi" meta mqabbla ma' oħra li huma f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika li hija komparabbli fid-dawl ta' l-għan intiż mill-imsemmija sistema (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 41 u Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 42, iktar 'il fuq, punt 47).

80     Tali evalwazzjoni għandha wkoll tkun applikabbli fir-rigward tat-Trattat KEFA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Ecotrade, punt 27 iktar 'il fuq, punt 41).

81     Konsegwentement, sabiex tidentifika dak li jikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens tal-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, huwa imperattiv li jiġi ddeterminat il-punt ta' riferiment, fil-kuntest ta' sistema ġuridika partikolari, li miegħhu għandu jiġi mqabbel dan il-vantaġġ. F'dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi oneru fiskali "normali", fis-sens ta' l-imsemmija ġurisprudenza, ma jistax isir eżami komparattiv tar-regoli fiskali applikabbli fl-Istati Membri kollha, jew anki sempliċiment xi ftit minnhom, mingħajr ma jkun hemm distorsjoni ta' l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet relatati mal-verifika ta' l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju tad-dispożizzjonijiet fiskali ta' l-Istati Membri, dan l-eżami jwassal għal paragun ta' sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi differenti li jirriżultaw f'diverġenzi leġiżlattivi jew regolatorji bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan ir-rikors turi d-diverġenza li teżisti bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari rigward il-bażi u r-rati ta' tassazzjoni tal-beni ta' investiment.

82     Għaldaqstant, il-Kummissjoni korrettament eżaminat biss il-vantaġġ li jirriżulta mill-miżuri ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG meta mqabbla mas-sistema fiskali ta' dritt ġenerali Ġermaniż.

83     Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta' dak li qed tallega r-rikorrenti, il-ġurisprudenza Komunitarja ma tipprekludix lill-Kummissjoni li tressaq il-prova li t-tnaqqis ta' oneri li għandhom jiġu sostnuti normalment minn impriża kellu l-istess effett ta' sussidju skond it-tifsira stretta tal-kelma.

84     Fil-fatt, jekk il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat jinkludi mhux biss il-benefiċċji pożittivi, bħal dawk tas-sussidji stess, iżda wkoll interventi li, taħt diversi forom, itaffu l-oneri li normalment huma ta' piż fuq il-baġit ta' impriża u li għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji skond it-tifsira stretta tal-kelma, għandhom l-istess natura, u effetti identiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, punt 27 iktar 'il fuq, p.39, Banco Exterior de España, punt 27 iktar 'il fuq, punt 13 u Ecotrade, punt 27 iktar 'il fuq, punt 34), il-ġurispudenza m'għandhiex bħala għan li tistabbilixxi ġerarkija bejn dak li jikkostitwixxi sussidju skond it-tifsira stretta tal-kelma, min-naħa waħda u l-miżuri l-oħra simili għal tali sussidju, min-naħa l-oħra, iżda li tiddefinixxi l-kunċett ta' għajnuna, fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA. Minn din id-definizzjoni, jirriżulta li minn meta prova hija mressqa li intervent Statali jikkostitwixxi tnaqqis ta' l-oneri li normalment huma ta' piż fuq il-baġit ta' impriża, din il-miżura għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna u għandha, minħabba din l-istess klassifikazzjoni, effett identiku bħal sussidju skond it-tifsira stretta tal-kelma. Għall-kuntrarju ta' dak li ssuġġerixxiet ir-rikorrenti, ebda prova addizzjonali m'għandha, konsegwentement, tiġi mressqa.

85     Konsegwentement, it-tielet parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba' parti, ibbażata fuq l-obbligu allegat tal-Kummissjoni li turi l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG huma identiċi għal dawk ta' sussidju konvenzjonali

–       L-agrumenti tal-partijiet

86     Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda evalwazzjoni ta' l-effetti li l-miżuri fiskali kkritikati mill-Kummissjoni kellhom fuq il-kompetizzjoni, filwaqt li jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza Ecotrade, punt 27 iktar 'il fuq, li l-Kummissjoni ma tistax tikklassifika bħala għajnuna, fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, miżuri Statali li jnaqqsu l-oneri ta' impriżi sakemm hija ma stabbilixxietx minn qabel li dawn il-miżuri għandhom l-istess effetti fuq il-kompetizzjoni bħal sussidju konvenzjonali.

87     Il-konvenuta tqis qabel kollox li l-verifika ta' għajnuna huwa kompitu limitat, peress li huwa għandu bħala għan mhux li jneħħi d-distorsjonijiet kollha ta' kompetizzjoni ġewwa l-Komunità iżda li jipprojbixxi biss ċerti aspetti ta' l-intervent pubbliku, bħal l-għotja ta' għajnuna. Il-konvenuta tosserva wkoll li l-kunċett ta' għajnuna huwa iktar ġerenali peress li huwa jinkludi wkoll il-miżuri li, min-natura u l-effetti tagħhom, huma ekwivalenti għal sussidji diretti. Minn dan jirriżulta, skond hi, li, sabiex tikklassifika miżuri ta' għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, mhuwiex neċessarju li tipprova minn qabel li l-miżuri in kwistjoni għandhom l-istess effetti fuq il-kompetizzjoni bħal dawk tas-sussidji konvenzjonali. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ġenerali fuq l-għajnuna, jiġfieri l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 4(c) KEFA ma jistabbilixxu ebda distinzjoni bejn l-għajnuna li hija sussidju fis-sens konvenzjonali tal-kelma u dik li mhijiex. Fir-rigward tas-sentenza Ecotrade, punt 27 iktar 'il fuq, dwar id-distinzjoni bejn is-sussidji skond it-tifsira stretta tal-kelma, jiġifieri, min-naħa waħda, il-kontribuzzjonijiet dirett ta' flus u, min-naħa l-oħra, il-forom l-oħra ta' għajnuna, bħar-rinunzja tad-dħul fuq it-taxxa li normalment kienu jiġu miġbura l-konvenuta tosserva li din id-distinzjoni hija totalment irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-miżuri in kwistjoni u m'għandhiex effett fuq l-eżami tas-selettività tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

88     Permezz tar-raba' parti tagħha, ir-rikorrenti, min-naħa waħda, tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk tnaqqis ta' oneri li normalment huma ta' piż fuq il-baġit ta' impriża jipproduċix effetti identiċi bħal dawk ta' sussidju konvenzjonali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li jirriżulta mis-sentenza Ecotrade, punt 27 iktar 'il fuq, li l-Kummissjoni kellha tressaq il-prova ta' l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG.

89     Għal dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punt 94 hawn fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Kummissjoni m'għandhiex l-obbligu li teżamina jekk tnaqqis ta' oneri li normalment huma ta' piż fuq il-baġit ta' impriża jipproduċix effetti identiċi bħal dawk ta' sussidju skond it-tifsira stretta tal-kelma. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

90     Għal dak li jikkonċerna t-tieni lment, dwar il-ħtieġa li tipprova l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, fil-kuntest ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, l-għajnuna mill-Istat hija meqjusa inkompattibbli mas-suq komuni mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit u vverfikat jekk, fil-realtà, jeżistix jew jekk hemmx riskju li jintlaħqu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Mejju 1999, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, T-164/96 sa T0167/96, T-122/97 u T-130/97, Ġabra p. II-1477, punt 82 u tas-16 ta' Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, T-158/96, Ġabra p. II-3927, punt 113).

91     Konsegwentement, sabiex taqa' taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(3) KEFA, miżura ta' għajnuna ma għandhiex neċessarjament ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew fuq il-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punti 32 u 33 u Falck et Acciaierie di Bolzano Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 102).

92     Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta' dak li ntqal mir-rikorrenti, il-punt 34 tas-sentenza Ecotrade, punt 27 iktar 'il fuq, ma jittrattax il-kwistjoni ta' l-effetti fuq il-kompetizzjoni li miżura, li tista' tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat jista' jkollha, iżda jirreferi biss għall-ġurisprudenza kostanti, iċċitata fil-punt 84 hawn fuq, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat.

93     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għall-kuntrarju ta' dak sostnut mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex teżamina jekk il-miżuri fiskali previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG kellhomx effett fuq il-kompetizzjoni sabiex tkun tista' tikklassifikahom bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA.

94     Minn dan jirriżulta li r-raba' parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda, hekk kif għandha tiġi miċħuda r-raġuni kollha kemm hi.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 4(c), KEFA u ta' l-Artikolu 67 KEFA

 L-argumenti tal-partijiet

95     Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-"integrazzjoni parzjali" stabbilita mit-Trattat KEFA, l-Artikolu 4(c) KEFA jipprevedi biss l-għajnuna speċifika favur impriżi fis-settur tal-faħam u ta' l-azzar. Konsegwentement, l-għajnuna msejħa "mhux speċifika", jiġifieri, f'dan il-każ, is-sistema ta' għajnuna li jibbenefikaw minnhom mhux biss l-impriżi tas-settur tal-faħam u ta' l-azzar, iżda wkoll is-setturi l-oħra kollha ta' l-ekonomija, ma taqax taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(c) KEFA. Skond ir-rikorrenti, fuq il-bażi tal-ġurispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni, is-sistemi ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu l-għajnuna mhux speċifika huma suġġetti biss għal verifika kkoordinata, irregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar l-għajnuna statali u minn dawk ta' l-Artikolu 67 KEFA.

96     Ir-rikorrenti tqis, konsegwentement, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni wiesgħa, li tmur kontra t-Trattat, tal-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA. Din l-interpretazzjoni wiesgħa ma setgħetx tbiddel b'mod validu l-kamp ta' applikazzjoni rispettiv ta' l-Artikolu 4(c) KEFA u ta' l-Artikolu 67 KEFA. Skond ir-rikorrenti, din l-interpretazzjoni wiesgħa seħħet meta ġew adottati l-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, li permezz tagħhom mill-1986 il-Kummissjoni resqet lil hinn mid-distinzjoni bejn għajnuna speċifika u għajnuna mhux speċifika.

97     Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 67 KEFA mhijiex limitata biss għall-miżuri ta' l-Istati Membri li m'għandhomx in-natura ta' għajnuna mill-Istat. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall kull miżura ta' sostenn mhux speċifika li l-Istati Membri kienu adottaw fil-kuntest tal-kompetenza ġenerali tagħhom fil-qasam tal-politika ekonomika u fiskali. Barra minn hekk, skond, b'mod partikolari, l-Artikolu 305 KE, il-Kummissjoni ma setgħetx tbiddel, permezz ta' l-adozzjoni tad-diversi Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar ulterjuri, in-natura parzjali ta' l-integrazzjoni introdotta mit-Trattat KEFA.

98     Skond ir-rikorrenti, safejn il-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, l-obbligu ta' notifika invokata mill-Kummissjoni fil-punti 67 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata ma jeżistix. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-miżuri fiskali ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu jikkostitwixxu "azzjoni ta' Stat Membru", fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) KEFA, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tinforma lill-Kummissjoni jekk l-applikazzjoni tagħhom kellhom "effetti tanġibbli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industrija ta' l-azzar". Skond ir-rikorrenti, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux sodisfatti f'dan il-każ huma rrilevanti, peress li l-gvern Ġermaniż informa diversi drabi lill-Kummissjoni fuq iz-ZRFG, fil-kuntest tan-notifiki skond l-Artikolu 88(2) KE. Barra minn hekk, huwa rrilevanti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hekk kif rrimarkat il-Kummissjoni fil-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, ma invokatx l-Artikolu 67 KEFA matul il-proċedura amministrattiva, peress li, skond ir-rikorrenti, l-imsemmi Artikolu huwa dispożizzjoni imperattiva bbażata fuq tqassim ta' setgħat bejn il-Komunità u l-Istati Membri, previst mit-Trattat KEFA fid-dawl ta' l-integrazzjoni parzjali.

99     L-intervenjenti taqbel ma' l-argumenti tar-rikorrenti.

100   Il-konvenuta tirrispondi li d-distinzjoni bejn għajnuna ġenerali u għajnuna speċifika mhijiex rilevanti, peress li t-Trattat KEFA ma jistabbilixxix tali distinzjoni. Hija ssostni li għalkemm l-Artikolu 67 KEFA jista' jkun applikabbli għal setturi vasti tal-politika fiskali ta' l-Istati Membri, huwa mhuwiex applikabbli għall-miżuri fiskali li jaqgħu biss taħt l-Artikolu 4(c) KEFA. Din id-delimitazzjoni turi kjarament li, sabiex tfittex id-dispożizzjoni applikabbli fit-Trattat KEFA, l-unika fattur determinanti huwa n-natura ta' għajnuna.

101   Fl-osservazzjonijiet fis-sottomissjonijiet ta’ l-intervent, il-konvenuta ssostni wkoll li r-rigorożità tal-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 4(c) KEFA ma tkun bla sens jekk din id-dispożizzjoni ma tkunx applikabbli għal sistema ta' għajnuna li mhijiex irriżervata għas-settur tal-faħam u ta' l-azzar. Skond il-konvenuta, ikun faċli għall-Istati Membri li jaħarbu mill-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni billi jirrikorru għal sistema ta' għajnuna mhux speċifika li, bil-modalitajiet tagħha, li tagħti benefiċċju mhux esklużiv iżda prinċipali lis-settur tal-faħam u ta' l-azzar.

102   Fl-aħħar nett, il-konvenuta ssostni li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi previsti mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 KEFA ma jistgħux ikunu dawk li l-Artikolu 4(c) KEFA jiddikjara, taħt kwalunkwe forma li jkunu, inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar, aboliti u pprojbiti. Skond il-konvenuta, l-Artikolu 67(2) KEFA hija dispożizzjoni speċjali li għandha tiġi applikata skond il-kundizzjonijiet li hija tipprevedi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni biss tista', eċċezjonalment, tawtorizza ċerta għajnuna finanzjarja fil-każ previst fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 67(2) jew tagħti l-kunsens għalihom fil-kuntest rigoruż ta' l-Artikoli 54 KEFA sa 56 KEFA. Skond il-konvenuta, f'kull każ, l-Artikolu 4(c) KEFA, li jipprevedi l-projbizzjoni ta' l-għajnuna, jikkostitwixxi regola ġenerali, filwaqt li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 67(2) KEFA, li jippermetti l-awtorizzazzjoni ta' għajnuna f'ċerti każijiet, huwa l-eċċezzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103   L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 80 KEFA, l-impriżi li jeżerċitaw attività ta' produzzjoni fil-qasam tal-faħam u ta' l-azzar biss huma suġġetti għat-Trattat KEFA.

104   Min dan jirriżulta li impriża hija suġġetta għall-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 4(c) KEFA biss safejn hija teżerċita tali attività ta' produzzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs l-Awtorità Għolja, 14/59, Ġabra . p. 445, 467 u 468 u tat-28 ta' Jannar, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 78).

105   F'dan il-każ, huwa kostanti li, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti hija impriża, fis-sens ta' l-Artikolu 80 KEFA.

106   Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel raġuni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-eżami ta' din ir-raġuni huwa limitat għad-determinazzjoni ta' jekk il-Kummissjoni ddikjaratx korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 4(c) KEFA huwa applikabbli għal sistema ta' għajnuna mhux speċifika fis-settur tal-faħam u l-azzar.

107   Skond l-Artikolu 4(c) KEFA, huma pprojbiti, taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat KEFA, is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati, taħt kwalunkwe forma li jkunu.

108   Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tabolixxi u tipprojbixxi ċerti interventi ta' l-Istati Membri fil-qasam li t-Trattat jissuġġetta għall-kompetenza Komunitarja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs l-Awtorità Għolja, punt 27 iktar 'il fuq, punt 47).

109   Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(c) KEFA la jistabbilixxi distinzjoni bejn l-għajnuna individwali u s-sistemi ta' għajnuna u lanqas bejn is-sistemi ta' għajnuna speċifika jew le fis-settur tal-faħam u l-azzar. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta' l-għajnuna mill-Istat prevista minn din id-dipożizzjoni hija fformulata b'mod strett ħafna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Settembu 1999, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T-110/98, Ġabra p. II-2585, punt 76).

110   Rigward l-Artikolu 67 KEFA, dan huwa intiż sabiex jimpedixxi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta inevitabbilment mill-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-Istati Membri (sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, punt 27 iktar 'il fuq p.47 u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Ferali vs Il-Kummissjoni, T‑6/99, Ġabra p. II-1523, punt 83). B'hekk, l-Artikolu 67 KEFA jipprevedi biss il-miżuri ta' salvagwardja li l-Komunità tista' tadotta kontra l-azzjoni ta' Stat Membru, li, għalkemm għandha effett tangibbli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam u ta' l-azzar, ma għandhiex impatt immedjat u dirett fuq dawn l-industriji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Mejju 1960, Hauts fourneaux et fonderies de Givors et vs L-Awtorità Għolja, 27/58 sa 29/58, Ġabra p. 503, 526).

111   Isegwi li l-qorti Komunitarja ddikjarat li l-Artikolu 4(c) KEFA u l-Artikolu 67 KEFA jipprevedu żewġ oqsma distinti (sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, punt 27 iktar 'il fuq p.47 u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I‑6117, punt 88) u l-Artikolu 67 KEFA ma jaqax taħt il-qasam ta' għajnuna mill-Istat (sentenza Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 141).

112   Ċertament, fil-bidu ta' snin 70 u sa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2320/81/KEFA tas-7 ta' Awwissu 1981, li tistabbilixxi r-regoli Komunitarji għall-għajnuna fl-industrija ta' l-azzar (ĠU L 228, p.14), li tikkostitwixxi t-Tieni Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 4(c) KEFA huwa applikabbli għall-għajnuna speċifika favur l-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar biss, jiġifieri għall-għajuna li minnha bbenefikaw dawn l-impriżi b'mod speċjali jew b'mod prinċipali, filwaqt li l-applikazzjoni lis-sistemi ta' għajnuna ġenerali jew regjonali kienet suġġetta għall-verifika tal-Kummissjoni fuq il-bażi kemm tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 KEFA u dawk ta' l-Artikoli 87 KEFA u 88 KEFA.

113   Din il-pożizzjoni kienet spjegata kemm min-neċessità li jiġi evitat li, minħabba l-projbizzjoni stretta ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, jinħolqu distorsjonijiet ta' kompetizzjoni ta' ħsara għall-industriji attivi fis-settur tal-faħam u ta' l-azzar, anki jekk kienet mogħtija għajnuna lill-industrija l-oħra tal-pajjiż in kwistjoni, kif ukoll min-neċessità li tinsab soluzzjoni għad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji kbar li affettwaw serjament is-settur ta' l-industrija ta' l-azzar. Fil-fatt, affaċċjata bl-isforzi ta' ristrutturar neċessarju fis-settur li kien superjuri kemm għall-"mezzi finanazjarji ta' kważi kull impriża li jopera fl-industrija ta' l-azzar" u kemm għall-fondi li kellha l-Komunità sabiex tirrimedja din is-soluzzjoni, il-Kummissjoni, bil-kunsens tal-Kunsill li ddeċieda b'mod unanimu, stabbilixxiet sistema ta' verifika u ta' komuniterizazzjoni ta' għajnuna lill-industrija ta' l-azzar "li n-natura komunitarja tagħha [kienet] irrispettata permezz tal-konformità tagħha mal-linji ta' gwida tal-Komunità f'dan il-qasam" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-ewwel punt ta' l-Ewwel Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar). Madankollu, kien previst li l-Ewwel Kodiċi Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar jkun limitat għall-għajnuna speċifika biss, peress li l-applikazzjoni ta' sistemi ta' għajnuna ġenerali lill-industrija ta' l-azzar kienet taħt il-verifika tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 67 KEFA u ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE.

114   Madankollu, l-adozzjoni ta' tali pożizzjoni, li tiffavorixxi lill-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar, ma tfissirx li, fil-kuntest tal-verifika tagħha fuq l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kienet abbandunat kull possibbiltà li tikkonstata li, minħabba r-ristrutturar neċessarju ta' l-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar u u minħabba n-neċċesità li l-għajnuna mill-Istat titwaqqaf gradwalment, il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA għandha tkun applikabbli, bħala prinċipju, kompletament sakemm dik l-għajnuna, kemm jekk kienet speċifika jew le għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar, mhijiex ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala għajnuna msejħa "komunitarja" u, għaldaqstant, kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. Huwa, fil-fatt, f'dan is-sens li għandu jiġi interpretat it-Tieni Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, kif ukoll il-Kodiċi sussegwenti, inkluż is-Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

115   Konsegwentement, għalkemm, mit-Tieni Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, il-Kodiċi jipprevedu "l-għajnuna kollha għall-industrija ta' l-azzar […] kemm jekk huma speċifiċi u kemm jekk le", din il-preċiżjoni għandha biss bħala suġġett li tagħti lura lill-Artikolu 4(c) KEFA l-portata oriġinali, peress li dan ta' l-aħħar ma jistabbilixxi ebda distinzioni bejn it-tipi ta' għajnuna li jaqgħu taħt il-projbizzjoni tiegħu.

116   F'dan il-każ, hekk kif kkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel raġuni, peress li l-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG favur ir-rikorrenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn il-miżuri, konsegwentement, ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA.

117   Għaldaqstant, minkejja l-inċertezza li setgħet inħolqot, f'dan il-każ, minħabba l-bidla fl-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, kwistjoni li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tas-seba' raġuni hawn taħt, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset ġustament fil-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Artikolu 4(c) KEFA kien applikabbli f'dan il-każ, u mhux l-Artikolu 67 KEFA.

118   Konsegwentement, it-tieni raġuni, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 4(c), KEFA u ta' l-Artikolu 67 KEFA, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95(a) KEFA

 L-Argumenti tal-partijiet

119   Ir-rikorrenti tqis li, fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tilqax ir-raġuni bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 67 KEFA, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni għamlet żball meta ma vverifikatx ex officio jekk il-miżuri fiskali li jaqgħu taħt l-Artikolu 3 taz-ZRFG setgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni, fid-dawl tal-għanijiet kollha tat-Trattat KEFA (Artikolu 2 KEFA sa 4 KEFA). Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li l-Kummissjoni m'għanda ebda diskrezzjoni biex tiddeċiedi l-kwistjoni ta' jekk hija kellhiex tipproċedi għal verifika skond l-Artikolu 95 KEFA. Is-setgħa tagħha hija limitata biss għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 2 KEFA, 3 KEFA u 4 KEFA msemmija fl-Artikolu 95 KEFA.

120   Ir-rikorrenti tikkontestata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza mogħtija fil-kawża Irish Steel (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1999, Stahl vs Il-Kummissjoni, T-106/96, Ġabra p.II-2155) tipprekludiha milli tawtorizza kriterji ta' awtorizzazzjoni stabbiliti mill-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, fis-sentenza ċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-projbizzjoni mniżżla f'kull wieħed minn dawn il-Kodiċi kienet valida biss għall-għajnuna mniżżla minnha u li hija tqis kompatibbli mat-Trattat KEFA, peress li l-Kummissjoni hija biss marbuta ma' l-imsemmi Kodiċi meta hija tevalwa jekk l-għajnuna prevista mill-Kodiċi hijiex kompatibbli mat-Trattat. Skond ir-rikorrenti, f'każijiet oħrajn, il-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar m'għandux ikun applikabbli u għalhekk ma jistax jinfluwenza deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 95 KEFA. Ir-rikorrenti ssostni li, safejn ir-regoli fuq id-deprezzamenti speċjali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jikkorrispondux għall-għajnuna prevista mill-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, l-adozzjoni ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 95 KEFA ma setgħetx tiġi eskluża.

121   Ir-rikorrenti żżid li, fir-rigward ta' l-għanijiet tat-Trattat KEFA kif imniżżla fl-Artikoli 2 KEFA, 3 KEFA u 4 KEFA, ir-rikonoxximent tal-kompatibbiltà ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG kien verament neċessarju sabiex tiġi assigurata l-eżistenza ta' inizjattivi suffiċjenti sabiex l-impriżi jiżviluppaw u jtejbu [l-Artikolu 3(d) KEFA] il-potenzjal tal-produzzjoni ta' l-istabbilimenti tagħhom fir-reġjuni mal-fruntiera kif ukoll sabiex jevitaw telf tal-ħaddiema u problemi ekonomiċi (it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2 KEFA). Dawn huma, skond ir-rikorrenti, l-istess kunsiderazzjonijiet politiċi li wasslu l-awturi tat-Trattat ta' Ruma, minħabba d-diviżjoni artifiċjali ta' l-Ewropa, li jiddikjaraw, fl-Artikolu 87(2)(c) KE li għajnuna mogħtija lill-ċerti żoni mal-fruntieri kienet kompatibbli mas-suq komuni. B'hekk, dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll fid-dawl ta' l-għanijiet intiżi mit-Trattat KEFA. F'dan il-każ, il-Kummissjoni m'għamiltx dan l-eżami fil-kuntest ta' l-Artikolu 95 KEFA.

122   L-intervenjenti ssostni li nuqqas ta' notifika ta' l-Istat Membru skond l-Artikolu 95 KEFA mhuwiex biżżejjed sabiex jeżonera, jew anki jimpedixxi, lill-Kummissjoni li tieħu inizjattiva taħt din id-dispożizzjoni u, eventwalment, li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni.

123   L-intervenjenti tindika wkoll li l-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar ma jsemmux il-każ partikolari tal-kumpens ta' l-iżvantaġġi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja. L-inapplikabbiltà tal-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar jirriżulta wkoll mis-sentenza mogħtija fil-kawża Irish Steel, punt 120 iktar 'il fuq, li tipprovdi li l-għajnuna li ma taqax taħt il-kategoriji previsti mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Kodiċi, tista' tibbenefika minn deroga individwali taħt l-Artikolu 95 KEFA. Skond l-intervenjenti, peress li l-miżuri kumpensatorji għad-danni ma jistgħux, f'kull każ, ikunu mqabbla ma għajnuna reġjonali, fis-sens tal-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, l-imsemmija Kodiċi mhumiex, għalhekk, applikabbli f'dan il-każ u għaldaqstant ma jipprekludux deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skond l-Artikolu 95 KEFA.

124   Fl-aħħar nett, l-intervenjenti tilmenta li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha skond l-Artikolu 95 KEFA. Dan l-iżball huwa dovut għall-fatt li l-Kummissjoni ma evalwatx l-għajnuna kumpensatorja għad-danni kkawżati lil ċerti reġjuni Ġermaniżi mal-fruntiera in kwistjoni bħala danni speċifiċi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja, li huwa każ ta' forza maġġuri, iżda evalwata skond ir-regoli stabbiliti mill-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, li mhumiex applikabbli f'dan il-każ. F'kull każ, l-intervenjenti tqis li, peress li l-iżvantaġġi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja jikkostitwixxu sitwazzjoni li mhijiex prevista mit-Trattat KEFA, il-Kummissjoni kellha tevalwa dan il-każ fuq il-bażi tal-kriterji mniżżla fl-Artikolu 87(2)(c) KE.

125   L-ewwel nett, il-konvenuta tirrispondi li, anki jekk, indipendentement mill-applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni individwali skond l-Artikolu 95 KEFA tiġi rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza Komunitarja għall-kategoriji ta' għajnuna li mhumiex previsti fil-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni hija suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. F'dan il-qasam, mhemmx dubju li mhemmx obbligu fuq il-Kummissjoni u iktar anqas obbligu ta' verifika ex officio. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha l-fakultà tevalwa jekk ċerti fatturi ġġustifikawx l-applikazzjoni regolari ta' l-Artikolu 95 KEFA. F'dan ir-rigward, il-konvenuta tirreferi għall-punt 124 tad-deċiżjoni kkontestata li fiha hija tindika li wettqet eżami skond l-Artikolu 95 KEFA u li ddeċidiet li ma tadottax deċiżjoni taħt l-imsemmi Artikolu.

126   It-tieni nett, skond il-konvenuta, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax iz-ZRFG per se, iżda tikkonċerna l-użi tad-deprezzamenti speċjali u l-istabbiliment ta' riżervi eżenti mit-taxxa mir-rikorrenti, jiġifieri għajnuna individwali. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar in-neċessità ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 95 KEFA, huwa rrilevanti jekk iz-ZRFG kinitx neċessarja sabiex tiġġarantixxi l-eżistenza, għall-impriżi, ta' inizjattivi suffiċjenti sabiex l-impriżi jiżviluppaw u jtejbu l-potenzjal tal-produzzjoni ta' l-istabbilimenti tagħhom fir-reġjuni mal-fruntiera kif ukoll sabiex tevita li ma jkunx hemm telf għal tul ta' żmien ta' impjiegi f'dawn iż-żoni. Skond il-konvenuta, dak li kellu jiġi stabbilit kien li d-deprezzamenti speċjali u l-istabbiliment ta' riżervi eżenti mit-taxxa kienu indispensabbli sabiex isiru ċerti investimenti li jagħtu taħt it-Trattat KEFA, ħaġa li r-rikorrenti m'għamlitx.

127   Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-intervent, il-konvenuta tosserva wkoll li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-uniku għan ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 95 KEFA huwa li jistabbilixxi sistema ta' deroga speċjali fit-Trattat KEFA sabiex jippermetti lill-Kummissjoni taffronta sitwazzjoni imprevedibbli. Il-Kummissjoni ma setgħetx tawtorizza l-għotja ta' għajnuna statali li mhijiex indispensabbli għall-kisba ta' l-għanijiet previsti fit-Trattat KEFA u li huma ta' natura li jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetezzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

128   Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 95 KEFA jawtorizzaw lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni jew rakkomandazzjoni bil-kunsens tal-Kunsill, li jiddeċiedi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv KEFA, fil-każijiet kollha li mhumiex previsti fit-Trattat meta jkun jidher li deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 KEFA, wieħed mill-għanijiet tal-Komunità ddefiniti fl-Artikoli 2 KEFA, 3 KEFA u 4 KEFA.

129   Fl-ispirtu tat-Trattat, l-Artikolu 4(c) KEFA ma jimpedixxix il-Kummissjoni milli taworizza, permezz ta' deroga, għajnuna prevista mill-Istati Membri u kompatibbli ma' l-għanijiet tat-Trattat fuq il-bażi ta' l-ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 95 KEFA (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1977, EISA vs Il-Kummissjoni, T-239/94, Ġabra p. II‑1839, punt 63) sabiex taffaċċja sitwazzjonijiet imprevedibbli.

130   Fil-qasam ta' għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni użat l-ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 95 KEFA b'żewġ modi differenti. Min-naħa waħda, hija adottat deċiżjonijiet ġenerali, jiġifieri l-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, li jipprevedu deroga ġenerali mill-projbizzjoni ta' l-għajnuna mill-Istat għal dak li jikkonċerna ċerti kategoriji ta' għajnuna. Min-naħa l-oħra, hija adottat deċiżjonijiet individwali li jawtorizzaw ċerta għajnuna speċifika b’mod eċċezzjonali.

131   B'hekk, l-Artikolu 4(c) KEFA ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni milli tawtorizza għajnuna mill-Istat, kemm taħt il-kategoriji speċjalment previsti mill-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar u kemm għall-għajnuna mill-Istat li ma taqax taħt dawn il-kategoriji, fuq il-bażi ta' l-ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 95 KEFA (ara f'dan is-sens, is-sentenzi EISA vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar 'il fuq, punti 70 sa 72; Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 79 u DSG vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar 'il fuq, punt 204).

132   F'dan il-każ, skond it-termini tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 95 KEFA għar-raġunijiet li ġejjin:

"(121) Il-Kummissjoni tosserva, qabel kollox, li f'dawn il-proċedimenti l-Ġermanja ma ppreżentatx talba formali sabiex tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 95 [KEFA].

(122) Is-sistema stabbilita mit-Trattat KEFA fil-qasam ta' għajnuna mill-Istat tippremetti lill-Kummissjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet u suġġett għall-ħarsien tal-proċedura prevista fl-fl-Artikolu 95 [KEFA], tawtorizza l-għotja ta' għajnuna mill-Istat fil-każijiet kollha li mhumiex previsti fit-Trattat meta jkun jidher li deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tkun neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 KEFA, wieħed mill-għanijiet tal-Komunità ddefiniti fl-Artikoli 2, 3 u 4.

(123) Skond is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1999 [Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, T-106/96, Ġabra p. II‑2155], in-nuqqas ta' notifika mhuwiex suffiċjenti sabiex jeżonera, jew anki jimpedixxi, lill-Kummissjoni milli tieħu inizjattiva fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 [KEFA] u li, eventwalment, tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, l-istess sentenza tippreċiża fil-punt 42 tagħha li l-Kummissjoni hija marbuta ma' sistema globali stabbilita mill-Kodiċi [ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar] meta hija tevalwa l-kompatibbiltà ta' għajnuna prevista fl-imsemmija Kodiċi mat-Trattat. Għalhekk, hija ma tistax tawtorizza tali għajnuna permezz ta' deċiżjoni individwali li tmur kontra r-regoli ġenerali stabbiliti minn dan il-Kodiċi. L-għajnuna reġjonali għall-investiment hija awtorizzata biss mill-[Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar] fis-seħħ mill-1986 għaż-żoni definiti b'mod eżawrjenti u li ma jinkludux lokalitajiet li fihom l-investimenti huma sussidjati minn deprezzamenti speċjali u minn riżervi eżenti mit-taxxa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Artikolu 95 [KEFA] m'għandux ikun applikabbli f'dan il-każ.

(124) Barra minn hekk, permezz ta' l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-Kummissjoni ssostni li mhijiex qed tittratta każ li mhuwiex previst fit-Trattat, li jeħtieġ deċiżjoni pożittiva sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tal-Komunità kif iddefiniti fl-Artikoli 2 [KEFA], 3 [KEFA] u 4 [KEFA]. Per eżempju, l-għajnuna mogħtija ma kinitx intiża sabiex tagħti lill-industrija ta' l-azzar Ġermaniża struttura stabbli u ekonomikament vijabbli. Bl-istess mod, il-Ġermanja qatt ma' għamlet riferiment għal pjan eventwali sabiex tnaqqas il-kapaċitajiet ġewwa l-grupp in kwistjoni, li kien direttament relatat ma' l-għotja tad-deprezzamenti speċjali u mar-riżervi eżenti mit-taxxa. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta' din l-għajnuna taħt l-Artikolu 95 [KEFA] mhijiex iġġustifikata f'dan il-każ.

(125) Barra minn hekk, fil-kuntest ta' l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar fil-bidu tas-snin 90 u tad-deċiżjonijiet individwali adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 [KEFA] li awtorizzaw l-għajnuna għar-ristrutturar ta' impriżi differenti, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu indikaw, fl-istqarrija konġunta fil-minuti tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 1993, li bla ħsara għad-dritt ta' kull Stat Membru li jitlob deċiżjoni taħt l-Artikolu 95 [KEFA] u skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1993, il-Kunsill jiddikjara d-determinazzjoni ċara tiegħu li tiġi evitata kull deroga ġdida taħt l-Artikolu 95 [KEFA] għall-għajnuna favur impriża partikolari"."

133   Minn dawn ir-raġunijiet jirriżulta li l-Kummissjoni eskludiet l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 95 KEFA, prinċipalment, fuq il-bażi tal-punt 42 tas-sentenza Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar 'il fuq, li hija tista' tawtorizza għajnuna mill-Istat prevista fil-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, skond l-Artikolu 95 KEFA, biss jekk tali awtorizzazzjoni ma tmurx kontra r-regoli ġenerali stabbiliti minn dan il-Kodiċi (punt 123 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussidjarjament, mill-punt 124 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset, f'dan il-każ, li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95 KEFA ma kinux ġew sodisfatti.

134   Konsegwentement, għall-kuntrarju ta' dak li qed tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma rrifjutatx li teżamina jekk l-Artikolu 95 KEFA setax ikun applikabbli f'dan il-każ. Fil-fatt, huwa kostanti li l-Kummissjoni vverfikat fil-punt 124 tad-deċiżjoni kontestata, minkejja l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli titlob l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 95 KEFA, jekk din id-dispożizzjoni setgħetx tiġi applikata. Mandankollu, hija kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ma kinux ġew sodisfatti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jiġi deċiż l-ilment imqajjem mir-rikorrenti dwar l-interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar 'il fuq, mill-Kummissjoni peress li, minkejja din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni xorta qieset neċessarju, fil-punt 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li teżamina jekk il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95 KEFA kinux ġew sodisfatti f'dan il-każ.

135   Huwa fid-dawl ta' dawn il-preċiżjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, kif sostnut mir-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlitx żball ta' evalwazzjoni meta rrifjutat tapplika d-deroga ta' l-Artikolu 95 KEFA għall-projbizzjoni ta' l-għajnuna prevista mill-Artikolu 4(c) KEFA.

–       Fuq l-iżball allegat ta' evalwazzjoni rigward ir-rifjut li jiġi applikat l-Artikolu 95 KEFA

136   Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li huwa kostanti li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali taħt l-Artikolu 95 KEFA biex tiddeċiedi jekk għajnuna hijiex neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, EISA vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar 'il fuq, punt 72; tas-7 ta' Lulju 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-89/96, Ġabra p. II‑2089, punt 47 u Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar 'il fuq, punt 43).

137   F'dan il-qasam, l-istħarriġ tal-legalità għandu, konsegwentement, ikun limitat għall-eżami ta' jekk il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz ta' distorsjoni jew żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti jew permezz ta' abbuż ta' poter jew abbuż ta' proċedura (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar 'il fuq, punt 63).

138   Sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni wettqietx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta' natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatturi ta' prova mressqa mir-rikorrenti għandhom ikunu biżżejjed sabiex l-evalwazzjoni tal-fatti sostnuti fid-deċiżjoni in kwistjoni jiġu meqjusa implawżibbli. (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑2169, punt 59).

139   F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti limitat ruħha li tindika li, fir-rigward ta' l-għanijiet tat-Trattat KEFA kif imniżżla fl-Artikoli 2 KEFA, 3 KEFA u 4 KEFA, ir-rikonoxximent tal-kompatibbiltà ta' l-Artiklu 3 taz-ZRFG mat-Trattat kien verament neċessarju sabiex tiġi assigurata l-eżistenza ta' inizjattivi suffiċjenti sabiex l-impriżi jiżviluppaw u jtejbu [Artikolu 3(d) KEFA] il-potenzjal tal-produzzjoni ta' l-istabbilimenti tagħhom fir-reġjuni li jmissu mal-fruntiera kif ukoll sabiex jevitaw telf tal-ħaddiema u problemi ekonomiċi [it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2 KEFA]. Tali allegazzjoni, ta' natura ġenerali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni titqies implawżibbli.

140   Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li turi li l-għajnuna għall-investiment, taħt il-forma ta' deprezzamenti speċjali u riżervi eżenti mit-taxxa għall-benefiċċju tagħha, kienu indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat KEFA.

141   Is-sempliċi riferiment mir-rikorrenti għall-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta' l-14 ta' Jannar 2000, li huwa evidenti li l-għajnuna ddikjarata kompatibbli skond l-Artikolu 87(2) KE sservi wkoll l-għanijiet tat-Trattat KEFA kif imniżżla fl-Artikoli 2 u 3 KEFA, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova suffiċjenti li l-għajnuna in kwistjoni hija neċessarja, fis-sens ta' l-Artikolu 95 KEFA. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi preċiżat, min-naħa waħda, li l-Artikolu 87(2) KE mhuwiex applikabbli fil-kuntest tat-Trattat KEFA u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tan-neċessità ta' l-għajnuna taħt l-Artikolu 95 KEFA għandha ssir fid-dawl ta' l-għanijiet stess tat-Trattat KEFA, li ma tinkludiex għajnuna ddikjarata kompatibbli taħt l-Artikolu 87(2) KE.

142   F'kull każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta' evalwazzjoni, meta osservat, fil-punt 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qatt m'għamlet riferiment għal pjan eventwali sabiex tnaqqas il-kapaċitajiet ġewwa l-grupp Salzgitter li kien direttament relatat ma' l-għajnuna mogħtija, sabiex teskludi l-applikazzjoni eventwali ta' l-Artikolu 95 KEFA.

143   Fil-fatt, peress li hemm iktar kapaċità milli huwa neċessarju fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar, it-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni setgħu effettivament dehru neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat, fil-kuntest ta' għajnuna li tista' tibbenefika minn deċiżjoni individwali taħt l-Artikolu 95 KEFA. B'hekk, tali tnaqqis jista' jikkontribwixxi sabiex jinżammu l-kundizzjonijiet li jinkorraġixxu lill-impriżi jiżviluppaw u jtejbu l-potenzjal tal-produzzjoni [Artikolu 3(d) KEFA] jew jimmodernizzaw il-produzzjoni [Artikolu 3(g) KEFA]. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kapaċità żejda tas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar, l-użu ta' tali kriterju jevita li jiġu ffavoriti inizjattivi ekonomikament prekarji, li, peress li huma jservu biss sabiex jaggravaw l-iżbilanċi li jaffettwaw is-swieq in kwistjoni, mhumiex, finalment, ta' natura li jsolvu l-problemi tar-reġjuni u ta' l-impriżi kkonċernati b'mod effettiv u għal tul ta' żmien twil.

144   Għaldaqstant, fid-dawl tad-diversità ta' l-għanijiet stabbiliti mit-Trattat u tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha, li hu dak li tiżgura l-konċiljazzjoni permanenti ta' dawn l-għanijiet differenti, billi tuża d-diskrezzjoni tagħha sabiex tissodisfa l-interess komuni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar 'il fuq, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-użu, f'dan il-każ, mill-Kummissjoni tal-kriterju tat-tnaqqis tal-kapaċità ta' produzzjoni ma jikkostitwixxix żball manifest ta' evalwazzjoni fil-kuntest ta' l-eżami ta' jekk l-Artikolu 95 KEFA huwiex applikabbli.

145   Peress li l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tikkunsidra li l-għajnuna għall-investimenti in kwistjoni naqqsu l-kapaċità ta' produzzjoni tar-rikorrenti, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-Ġermanja naqset milli tinformaha bi pjan eventwali ta' tnaqqis tal-kapaċità, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-għajnuna in kwistjoni serviet sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat.

146   Minn dan jirriżulta li t-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

147   Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat korrettament li l-miżuri fiskali li joħorġu mill-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li issa għandha tiġi eżaminata, is-seba' raġuni, ibbażata fuq il-ksur allegat tal-prinċipju taċ-ċertezza legali minħabba l-fatt li l-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mingħand ir-rikorrenti.

 Fuq is-seba' raġuni, dwar il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali

 L-argumenti tal-partijiet

148   Ir-rikorrenti tosserva, qabel kollox, li fil-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tidher li qed targumenta li limitazzjoni ta' żmien tad-dritt ta' rkupru ta' għajnuna hija eskluża b'mod ġenerali taħt it-Trattat KEFA, għall-kuntrarju ta' dak li huwa previst fit-Trattat KE, peress li din "tmur kontra l-prinċipju fundamentali tat-Trattat KEFA", tal-projbizzjoni assoluta ta' l-għajnuna mill-Istat. Skond ir-rikorrenti, tali argument joħloq differenza bejn id-dritt ta' għajnuna li jaqa' taħt it-Trattat KEFA u dak li jaqa' taħt it-Trattat li, fir-realtà, la teżisti fl-ispirtu u fil-konċezzjoni ta' dawn it-Trattati u lanqas fil-prassi tal-Kummissjoni. In-natura assoluta allegata ta' projbizzjoni ma tipprekludix il-ħarsien tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u r-rikonoxximent ta' terminu ta' preskrizzjoni.

149   Skond ir-rikorrenti, isegwi li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jista' wkoll ikun invokat fil-qasam tat-Trattat KEFA. Madankollu, huwa prinċipju ġenerali ta' dritt li jkun neċessarjament applikabbli wkoll fil-kuntest tad-dritt ta' għajnuna u mhuwiex suġġett għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

150   Wara, ir-rikorrenti ssostni li l-inġunzjoni għall-irkupru ta' l-għajnuna mill-Istat prevista fid-dritt Komunitarju hija intiża sabiex tneħħi l-vantaġġi kompetittivi, miksuba illegalment, li jkunu ppermettew l-impriża benefiċjarja li teżerċita prezzijiet iktar vantaġġużi mill-kompetituri tagħha. Issa, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għamlet ebda konstatazzjoni, f'dan il-każ, fuq l-effetti li d-deprezzamenti speċjali, previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, kellhom fuq il-kompetizzjoni.

151   Ir-rikorrenti ssostni wkoll li s-setgħa tal-Kummissjoni li tirrikjedi l-irkupru ta' għajnuna hija, f'kull każ, suġġetta għat-terminu ta' prekrizzjoni ta' għaxar snin. Dan it-terminu, previst mill-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill KE Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, kellu jidderieġi l-Kummissjoni f'dan il-każ, peress li huwa r-riżultat ta' bilanċ bejn il-prinċipju taċ-ċertezza legali u n-neċessità li tiġi stabbilita mill-ġdid kompetizzjoni bla distorsjoni.

152   Fl-aħħar nett, b'risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza li talbitha tikkjarifika u tippreċiża ċerti affermazzjonijiet tagħha, din ta' l-aħħar indikat li hija bagħtet regolarment, mis-snin 1980/1981, rapporti ta' attività annwali u kontijiet annwali lill-Kummissjoni, b'mod partikolari lid-dipartimenti responsabbli, f'dak iż-żmien, mill-eżami ta' l-għajnuna u tar-ristrutturar fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar fil-kuntest ta' sistema operattiva għall-kwota ta' produzzjoni għall-industrija ta' l-azzar u għall-azzjonijiet relatati tal-Kummissjoni għar-ristrutturar ta' l-industrija Ewropea ta' l-azzar, imwaqqfa fis-snin 80. Dawn l-affermazzjonijiet issemmew quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

153   Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-intervenjenti tirreferi għas-sentenza Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar 'il fuq, punt 69, li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza affermat li, peress li, fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ebda terminu ta' preskrizzjoni ma ġie stabbilit, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tosserva terminu ta' preskrizzjoni meta hija adottat l-imsemmija deċiżjoni. Minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet tittratta l-kwistjoni tal-preskrizzjoni b'mod differenti kieku r-Regolament Nru 659/1999 kien diġà daħal fis-seħħ fil-mument tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skond l-intervenjenti, peress li l-applikabbiltà sussidjarja tat-Trattat KE u tad-dispożizzjonijiet ta' leġiżlazzjoni sekondarja adottati fuq il-bażi tiegħu għall-oqsma koperti mit-Trattat KEFA hija possibbli, l-applikazzjoni sussidjarja ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 għall-għajnuna mill-Istat, li taqa' taħt it-Trattat KEFA, tista' tiġi eskluża biss jekk it-Trattat KEFA jipprovdi mod ieħor, li mhuwiex il-każ hawnhekk.

154   Il-konvenuta tirreferi għall-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni (T-126/96 u T-127/96. Ġabra p. II‑3437, punt 67) li tipprovdi li "sabiex tissodisfa l-funzjoni tagħha li tikkonsisti fl-assigurazzjoni taċ-ċertezza legali, terminu ta' preskrizzjoni għandu, bħala prinċipju, jiġi stabbilit minn qabel mil-leġiżlatur Komunitarju" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Konvenuta tosserva li dan mhuwiex il-każ hawnhekk.

155   Fir-rigward ta' l-argument dwar l-applikazzjoni sussidjarja tar-Regolament Nru 659/1999, il-konvenuta tosserva li dan ta' l-aħħar jikkonċerna t-Trattat KE biss u li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu ma jistax jitwessa' għat-Trattat KEFA permezz ta' interpretazzjoni tad-dritt. Il-leġiżlatur biss jista' jagħmel dan. Is-sentenza Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar 'il fuq, ma tbiddel xejn f'dan ir-rigward. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-imsemmi Regolament kien fis-seħħ fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt jibqa' li t-Trattat KEFA ma pprevedix tali terminu ta' preskrizzjoni u għalhekk dan it-terminu mhuwiex applikabbli.

156   Fl-aħħar nett, il-konvenuta tindika, b'risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li huwa ftit rilevanti li hi rat il-kontijiet annwali mibgħuta mir-rikorrenti, peress li tali komunikazzjoni ma tistax tieħu post notifika taħt il-proċedura li tirregola l-għajnuna mill-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

157   Bħala punt preliminari, għandu jiġi osservat li, skond it-termini tal-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li:

"Fil-kuntest tal-KEFA, l-għajnuna nazzjonali kollha hija pprojbita sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni speċjali taħt [il-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar] adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 [KEFA]. Din is-sitwazzjoni hija fundamentalment differenti minn dik taħt l-Artikolu 87(1) u (3) [KE], fejn il-Kummissjoni għandha setgħat ta' evalwazzjoni wiesgħa ħafna u mhemmx projbizzjoni assoluta ta' l-għajnuna, iżda inkompatibbiltà eventwali. Filwaqt li r-regola ta' preskrizzjoni prevista fir-Regolament […] Nru 659/1999 hija neċessarja sabiex sitwazzjoni koperta mit-Trattat KE tingħata ċertezza legali, preskrizzjoni fis-settur KEFA ma tagħmilx sens peress li dan jibqa' suġġett għall-"projbizzjoni" assoluta ta' l-għajnuna. Hija din il-"projbizzjoni" tat-Trattat KEFA li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali peress li mingħajr awtorizzazzjoni speċjali, l-għajnuna hija illegali. Limitazzjoni ta' żmien ta' l-eżami tal-miżuri tmur kontra dan il-prinċipju fundamentali tat-Trattat KEFA."

158   Din l-analiżi ma treġġix għall-eżami.

159   Ċertament, huwa veru li, sabiex jissodisfa l-funzjoni tiegħu, terminu ta' preskrizzjoni għandu jiġi stabbilit minn qabel. L-istabbiliment ta' dan it-terminu u l-modalitajiet ta' applikazzjoni tiegħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju. Issa, dan ta' l-aħħar ma intervjeniex sabiex jistabbilixxi terminu ta' preskrizzjoni fil-qasam tal-verifika ta' għajnuna mogħtija taħt it-Trattat KEFA (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 139).

160   Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali, fil-forom differenti tagħha, jipprova jiggarantixxi li s-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju jkunu prevedibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra P. I-569, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T-73/95, Ġabra p. II‑381, punt 29).

161   Il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali ma jistax jiġi eskluż, f'dan il-każ, għall-kuntrarju ta' dak li sostniet il-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, la minħabba n-nuqqas ta' terminu ta' preskrizzjoni u lanqas minħabba n-nuqqas ta' notifika minn qabel tal-miżuri ta' għajnuna in kwistjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond il-proċedura prevista fil kuntest tat-Trattat KEFA.

162   F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox, li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-possibbiltà li tikkonstata u, f'dan il-każ, tippenalizza ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni li rrikjediet l-irkupru ta' għajnuna, fin-nuqqas ta' terminu ta' preskrizzjoni u ta' notifika minn qabel ta' dawn (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 140).

163   Wara, għandu jiġi mfakkar li, f'dan il-każ, il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali huwa invokat mir-rikorrenti, benefiċjarja ta' l-għajnuna in kwistjoni. Il-mekkaniżmu tal-verifika u l-eżami ta' l-għajnuna mill-Istat stabbilit mid-dispożizzjonijiet tas-Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar ma jimponux obbligu speċifiku fuq il-benefiċjarju ta' għajnuna. Min-naħa waħda, l-obbligu tan-notifika u l-projbizzjoni minn qabel fuq l-implementazzjoni ta' proġetti ta' għajnuna, previsti mill-Artikolu 6 tas-Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, huma indirizzati lill-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, dan huwa wkoll id-destinatarju tad-deċiżjoni li għaliha l-Kummissjoni tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' għajnuna u titolbu jwaqqafha fit-terminu stabbiliti minnha (ara, b'analoġija, fil-kuntest tat-Trattat KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 73). Peress li l-Istat Membru huwa l-uniku interlokutur istituzzjonali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-verifika ta' l-għajnuna mill-Istat skond it-Trattat KEFA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Marzu 1998, Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni, T-129/96 Ġabra p. II-609, punt 80), ir-rikorrenti ma tistax tinżamm responsabbli għan-nuqqas ta' notifika minn qabel ta' għajnuna in kwistjoni.

164   Jekk l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni tiġi aċċetatta, dan ikun ifisser li s-setgħa tagħha li tordna l-irkupru ta' għajnuna ma tistax titqiegħed in kwistjoni għal unika raġuni li din l-għajnuna ma kinitx ġiet innotifikata minn qabel mill-Istat Membru, anki jekk din l-irregolarità ma kinitx it-tort tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna.

165   Huwa ċertament veru li l-qorti Komunitarja eskludiet li l-benefiċjarju ta' għajnuna jista' jkollu aspettattiva leġittima fir-regolarità ta' għajnuna jekk din kienet ġiet mogħtija bi ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura ta' verifika minn qabel ta' l-għajnuna mill-Istat, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti normalment għandu jkun f'pożizzjoni li jassigura li din il-proċedura tkun ġiet irrispettata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 14 u ta' l-14 ta' Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I‑135, punt 51; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, vs Il-Kummissjoni, punt 163 iktar 'il fuq, punt 77; tad-29 ta' Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II‑3207, punt 121 u ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, punt 110 iktar 'il fuq, punt 182).

166   Mandakollu, ir-rikorrenti ma tinvokax aspettativa leġittima fir-regolarità ta' l-għajnuna iżda ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali li mhuwiex limitat għall-kundizzjonijiet rikjesti għall-ħolqien ta' aspettativa leġittima minn naħa tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna.

167   Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, f'dan il-każ, il-Kummissjoni aġixxietx b'mod li jmur kontra l-prinċipju ta' ċertezza legali.

168   F'dan ir-rigward, huwa xieraq li tibda mis-sitwazzjoni li nħolqot mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-4 ta' Awwissu 1971 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet rigward l-applikazzjoni ta' sistema ta' għajnuna prevista mill-Artikolu 3 taz-ZRFG.

169   Hekk kif ġie indikat fil-punt 67 hawn fuq, sa l-iskadenza ta' l-Ewwel Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, fil-31 ta' Diċembru 1981, il-Kummissjoni adottat interpretazzjoni differenti minn dik adottata fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-applikazzjoni tas-sistemi ta' għajnuna ġenerali jew reġjonali għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar kienet taqa' taħt il-verifika tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 KEFA kif ukoll ta' dawk ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE iżda mhux l-Artikolu 4(c) KEFA.

170   Fuq il-bażi ta' din l-interpretazzjoni, huwa għalhekk possibbli li tikkunsidra li, sa l-31 ta' Diċembru 1981, is-sistemi ta' għajnuna ġenerali jew reġjonali li fuqhom il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet fuq il-bażi ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE − kif kien il-każ hawhekk, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 3 taz-ZRFG permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Awwissu 1971−setgħu legalment jagħtu benefiċċju lill-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar.

171   Min-naħa l-oħra, bid-dħul fis-seħħ tat-Tieni Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar fl-1 ta' Jannar 1982, flimkien mal-Kodiċi sussegwenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet sistema unika intiza sabiex tassigura trattament uniformi ta' l-għajnuna kollha għall-industrija ta' l-azzar, fil-kuntest ta' proċedura waħda, li tkopri wkoll kemm l-għajnuna speċifika (jiġifieri dawk li ġew mogħtija taħt sistemi li għandhom bħala għan jew effett prinċipali li jiffavorixxu l-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar) kif ukoll l-għajnuna li mhijiex speċifika, li jinkludu b'mod partikolari dawk li huma mogħtija taħt sistemi ġenerali jew reġjonali. L-istabbiliment ta' tali sistema kien parti minn sforz ta' ristrutturar neċessarju ta' l-industrija ta' l-azzar li kienet fi kriżi, billi tipprevedi t-twaqqif gradwali ta' l-għajnuna. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar ma kinux jipprevedu l-konsegwenzi ta' din is-sistema l-ġdida għal dak li jikkonċerna s-sistemi ta' għajnuna ġenerali jew reġjonali li qabel kienu awtorizzati.

172   Mit-Tielet Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar [deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3484/KEFA, tas-27 ta' Novembru 1985, li tistabbilixxi r-regoli Komunitarja għal għajnuna speċifika għall-industrija ta' l-azzar (ĠU L 340, p.1)], applikabbli bejn l-1 ta' Jannar 1986 u l-31 ta' Diċembru 1988, il-Kummissjoni ppreċiżat, fl-Artikolu 6 ta' dan il-Kodiċi, li hija għandha tiġi informata, f'terminu raġonevoli sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, bil-"proġetti" li jkunu intiżi sabiex japplikaw, għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar, sistemi ta' għajnuna li fuqhom hija kienet diġà ħadet deċiżjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. In-notifika tal-proġetti ta' għajnuna previsti fl-Artikolu 6 ta' l-imsemmi Kodiċi kellhom isiru lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 1988.

173   L-adozzjoni tat-Tielet Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, almenu, jista' jiġi analizzat, mid-data ta' adozzjoni ta' dan il-Kodiċi, bħala rtirar impliċitu tan-nuqqas ta' oġġezzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-1971, għal dak li jikkonċerna l-impriżi li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, li jinkludi r-rikorrenti. Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk l-applikazzjoni sussegwenti ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG favur ir-rikorrenti kinitx taqa' taħt l-obbligu ta' notifika tal-"proġetti" previsti mill-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar. Fil-fatt, la darba r-rikorrenti kienet ġiet aċċettata, ferm qabel dan il-Kodiċi, li tibbenefika mill-vantaġġ previst mill-Artikolu 3 taz-ZRFG, hija kompliet, fil-prattika, tibbenefika mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, li l-kudizzjonijiet tiegħu hija kienet tissodisfa.

174   Konsegwentement, is-sitwazzjoni, li rriżultat mill-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, kienet ikkaratterizzata minn elementi ta' inċertezza u ta' nuqqas ta' ċarezza, attribwibbli lill-Kummissjoni:

–       In-natura impliċita ta' rtirar parzjali−u, għaldaqstant, ta' natura li mhijiex ċara biżżejjed−tan-nuqqas ta' oġġezzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-1971;

–       ambigwità rigward il-portata ta' l-irtirar impliċitu tan-nuqqas ta' oġġezzjoni, iċċitat iktar 'il fuq għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta' jekk l-applikazzjoni sussegwenti ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG kellhiex tiġi nnotifikata bħala "proġett", fis-sens ta' l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar.

175   Flimkien ma' din is-sitwazzjoni ta' inċertezza u ta' nuqqas ta' ċarezza, kien hemm fatturi ulterjuri (indikati fil-punt 179 sa 178 iktar 'il quddiem), marbuta mal-kuntest ġuridiku (deskritt fil-punti 176 sa 178 iktar 'il quddiem) stabbiliti wara l-konstatazzjoni tal-kriżi manifesta fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar.

176   Minħabba din il-kriżi manifesta, il-Kummissjoni introduċiet, permezz tad-deċiżjoni Nru 2794/80/KEFA ta' l-31 ta' Ottubru 1980, li tistabbilixxi sistema ta' kwoti ta' produzzjoni ta' l-azzar għall-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar (ĠU L 291, p.1), sistema ta' kwoti sabiex tistabbilixxi mill-ġdid l-ekwilibriju bejn il-provvista u d-domanda, minħabba l-kapaċità żejda tal-produzzjoni. Kien previst li l-kalkolu tal-kwoti kellu jkun ibbażat fuq il-produzzjonijiet ta' riferiment ta' kull impriża li topera fl-industrija ta' l-azzar, permezz ta' ċerti aġġustamenti, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-investimenti magħmula jew l-isforzi ta' ristrutturar ta' l-impriżi. Għall-applikazzjoni ta' din is-sistema ta' kwoti, Il-Kummissjoni kellha informazzjoni regolari u rapida fuq il-produzzjoni u fuq il-kunsinni ta' l-impriżi kkonċernati u kellha setgħat ta' verifika, inklużi fuq il-post, ta' l-informazzjoni li kienet tiġi mogħtija lilha. Din is-sistema kumplessa ta' ffissar ta' kwoti u tas-sorveljanza tas-suq, amministrata mill-Kummissjoni, kienet ġiet estiża diversi drabi minn din ta' l-aħħar, sabiex tiżviluppaha u tipperfezzjonaha.

177   Fid-dawl ta' l-aġġustament tas-sistema hekk implementat, il-Kummissjoni stabbilixxiet rabta ċara bejn l-attribuzzjoni ta' għajnuna mhux awtorizzata u l-kwoti tal-produzzjoni, sabiex jiġi evitat akkumulu ta' dawn il-miżuri. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2177/83/KEFA tat-28 ta' Lulju 1983, fuq l-estensjoni tas-sistema ta' sorveljanza u ta' kwoti ta' produzzjoni għal ċerti prodotti għall-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar (ĠU L 208, p.1), il-Kummissjoni setgħet, skond l-Artikolu 15 A ta' l-imsemmija deċiżjoni, "tnaqqas il-kwoti ta' impriża, meta hija [kkonstatat] li l-impriża in kwistjoni [bbenefikat] minn għajnuna mhux awtorizzata mill-Kummissjoni skond it-[Tieni Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar] jew jekk il-kundizzjonijiet li taħthom kienet awtorizzata l-għajnuna ma [ġewx] osservati". Skond din id-dispożizzjoni, "tali konstatazzjoni [eskludiet]" ukoll l-impriża mill-benefiċċju ta' aġġustament [tal-kwoti] fis-sens ta' l-Artikoli 14, 14A, 14B, 14C u 16 tad-deċiżjoni [Nru 2177/83]". Tali formulazzjoni sostanzjalment identika tinsab fid-deċiżjonijiet ta' wara fuq l-estensjoni tas-sistema ta' sorveljanza u ta' kwoti ta' produzzjoni għall-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar, b'mod partikolari fl-Artikolu 15A tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3485/85/KEFA tas-27 ta' Novembru 1985, fuq l-estensjoni tas-sistema ta' sorveljanza u ta' kwoti ta' produzzjoni għal ċerti prodotti għall-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar (ĠU L 340, p. 5) u fl-Artikolu 15 A tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 194/88/KEFA, tas-6 ta' Jannar 1988, fuq l-estensjoni tas-sistema ta' sorveljanza u ta' kwoti ta' produzzjoni għal ċerti prodotti għall-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar (ĠU L 25, p.1), sat-10 ta' Ġunju 1988. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ħafna drabi li s-sistema tal-kwoti u tal-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar kienu jifformaw sett koerenti u jsegwu għan komuni, b'mod partikolari r-ristrutturar neċessarju sabiex jaġġustaw il-produzzjoni u l-kapaċità għal domanda prevedibbli u jistabbilixxu mill-ġdid il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea ta' l-azzar u għalhekk la huwa arbitrarju u lanqas diskriminatorju li l-informazzjoni li tinġabar mill-applikazzjoni ta' waħda minn dawn is-sistemi tista' tintuża bħala riferiment fl-oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1995, Finsider vs Il-Kummissjoni, 250/83, Ġabra p. 131, punt 9; tal-15 ta' Ottubru 1985, Krupp u Thyssen vs Il-Kummissjoni, 211/83, 212/83, 77/84 u 78/84, Ġabra p. 3409, punt 34 u tas-7 ta' April 1987, Dillinger Hüttenwerke vs Il-Kummissjoni, 226/85, Ġabra p. 1621, punt 2).

178   Għalhekk, il-Kummissjoni kellha bil-fors tasal sabiex tivverifka l-informazzjoni relatata mal-produzzjoni ta' l-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar li hija kienet qed tirċievi minn dawn ta' l-aħħar, b'mod partikolari sabiex tiddetermina jekk iż-żamma jew iż-żieda fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni ma rriżultawx minn għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata, li tista' tmur kontra l-għan tar-ristrutturar ta' l-industrija ta' l-azzar. Din il-verifika kellha, b'mod partikolari, l-għan li tiddetermina jekk il-kwoti tal-produzzjoni li kienu ġew mogħtija lill-impriżi b'mod perjodiku u nominattiv kellhomx, f'dan il-każ, jitnaqqsu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-obbligi iktar rigorużi li kienet, fl-istess ħin, qed timponi fuq l-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar, li jikkomunikaw il-programmi ta' investiment tagħhom, inklużi s-sorsi ta' finanzjament ta' dawn ta' l-aħħar, sabiex tkun tista' tinnota fiż-żmien opportun l-iżviluppi li jkunu jistgħu jaggravaw l-iżbilanċi fil-qasam tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, skond id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3302/81/KEFA, tat-18 ta' Novembru 1981, dwar l-informazzjoni li l-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar għandhom jagħtu fuq l-investimenti tagħhom (ĠU L333, p35), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2093/85/KEFA, tas-26 ta' Lulju 1985 (ĠU L 197, p.19), fis-seħħ sas-16 ta' Ottubru 1991.

179   Huwa f'dan il-kuntest ta' obbligi partikolari imposti fuq l-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar li r-rikorrenti, f'dak iż-żmien imsejħa Stahlwerke Peine – Salzgitter AG, bagħtet lill-Kummissjoni, fl-aħħar tas-sena 1988, ir-rapport ta' attività tagħha u l-kontijiet annwali tagħha għas-snin 1987/1988, li mill-qari tagħhom irriżulta li hija bbenefikat minn riżervi speċjali (Sonderposten mit Rücklageanteil) għall-investimenti fl-istabbilimenti li joperaw fl-industrija ta' l-azzar li jinsabu f'Peine u f'Salzgitter, ġewwa Zonenrandgebiet, skond l-Artikolu 3 taz-ZRFG. Informazzjoni ta' natura identika rriżultat mir-rapporti u l-kontijiet annwali għas-snin sussegwenti mibgħuta mir-rikorrenti. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, li t-trażmissjoni tagħha ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar kellha tosserva u tikkonstata n-nuqqas ta' notifika ta' din l-għajnuna u tibda l-proċedimenti adegwati. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid is-sistema ta' għajnuna prevista miz-ZRFG matul is-sena 1998, eżami li wassalha għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-14 ta' Diċembru 1988 [SG (88) D/1748] li ma tqajjimx oġġezzjonijiet f'dan ir-rigward.

180   Is-sitwazzjoni ta' inċertezza u ta' nuqqas ta' ċarezza deskritta fil-punt 174 hawn fuq, flimkien man-nuqqas ipprorogat ta' reazzjoni mill-Kummissjoni, minkejja l-konoxxenza tagħha ta' l-għajnuna li minnha kienet tibbenefika r-rikorrenti, b'hekk ikkreat, bi ksur għall-obbligu ta' diliġenza impost fuq din l-istituzzjoni, sitwazzjoni ekwivoka li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tikkjarifika qabel ma setgħet tieħu azzjoni intiża sabiex tordna l-irkupru ta' l-għajnuna diġà mħallsa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, Ġabra p. 565, punti 28 sa 32).

181   Mandankollu għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tatx tali kjarifika. B'mod partikolari, għandu jiġi osservat li fil-verżjonijiet ulterjuri tal-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, il-Kummissjoni rrepetiet il-kliem ta' l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar.

182   Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali, titlob l-irkupru ta' l-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti bejn l-1986 u l-1995.

183   Għalhekk, ir-raġuni bbażata fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali għandha tiġi milqugħa u l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn dawn jikkonċernaw l-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra l-għajnuna in kwistjoni minn għand ir-rikorrenti, għandhom, konsegwentement, jiġu annullati.

184   F'dawn il-ċirkustanżi, peress li l-irkupru ta' l-għajnuna mħallsa ġie eskluż, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li mhemmx lok li tiddeċiedi fuq ir-raġunijiet li, essenzjalment, jikkonċernaw it-tnaqqis u l-kalkolu ta' l-ammont ta' għajnuna li kellha tingħata lura. Rigward ir-raġuni bbażata fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni, li tikkonċerna l-konstatazzjoni ta' l-inkompatibbiltà ta' l-għajnuna in kwistjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju li sar hawn fuq fil-kuntest ta' l-ewwel tliet raġunijiet invokati mir-rikorrenti juri, b'mod suffiċjenti, li dan l-obbligu ġie osservat.

 Fuq l-ispejjeż

185   Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F'dan il-każ, ir-rikorrenti rebħet parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħha.

186   Għaldaqstant, skond evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li r-rikorrenti għandha tbati terz ta' l-ispejjeż u li l-Kummissjoni għandha tbati, barra mill-ispejjeż tagħha stess, żewġ terzi ta' l-ispejjeż tar-rikorrenti.

187   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      L-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/797/KEFA tat-28 ta' Ġunju 2000, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija ta' l-azzar, illum miġbura taħt l-isem Salzgitter AG – Stahl und Technologie (SAG), huma annullati.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati terz ta' l-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati, barra mill-ispejjeż tagħha stess, żewġ terzi ta' l-ispejjeż tar-rikorrenti.

4)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Tiili

Pirrung

Mengozzi

Meij

 

       Vilaras

Mogħtija f'seduta pubblika fil-Lussemburgu fl-1 ta' Lulju 2004

Reġistratur

 

       il-President

H. Jung

 

       V. Tiili

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel raġuni li tirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni għamlet diversi konstatazzjonijiet żbaljati dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq klassifikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet fiskali ta' l-Artikolu 3 taz-ZRFG safejn huma jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fiskali ġenerali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura kumpensatorja allegata ta' dawn il-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-neċessitŕ allegata li jiġu eżaminati r-regoli fiskali ta' l-Istati Membri tal-Komunitŕ sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi oneru fiskali "normali"

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq ir-raba' parti, ibbażata fuq l-obbligu allegat tal-Kummissjoni li turi l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG huma identiċi għal dawk ta' sussidju konvenzjonali

– L-agrumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 4(c), KEFA u ta' l-Artikolu 67 KEFA

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95(a) KEFA

L-Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

– Kunsiderazzjonijiet preliminari

– Fuq l-iżball allegat ta' evalwazzjoni rigward ir-rifjut li jiġi applikat l-Artikolu 95 KEFA

Fuq is-seba' raġuni, dwar il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża-il-Germaniż.

Fuq