Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014FJ0116

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015.
Simona Murariu vs L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA).
Servizz pubbliku – Persunal tal-EIOPA – Membru tal-persunal temporanju – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Rekwiżit ta’ esperjenza professjonali minima ta’ tmien snin – Kandidat intern li diġà ġie kkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju fi tmiem perijodu ta’ prova – Assenjazzjoni provviżorja għall-impjieg il-ġdid li tfisser klassifikazzjoni fi grad ogħla – Żball materjali li jinsab fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Irtirar tal-offerta ta’ impjieg – Applikabbiltà tad-DĠI – Konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal – Aspettattivi leġittimi.
Kawża F-116/14.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:F:2015:89

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Servizz pubbliku — Persunal tal-EIOPA — Membru tal-persunal temporanju — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Rekwiżit ta’ esperjenza professjonali minima ta’ tmien snin — Kandidat intern li diġà ġie kkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju fi tmiem stage — Assenjazzjoni provviżorja għall-impjieg il‑ġdid li tfisser klassifikazzjoni fi grad ogħla — Żball materjali li jinsab fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Irtirar tal-offerta ta’ impjieg — Applikabbiltà tad-DĠI — Konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal — Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża F‑116/14,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE,

Simona Murariu, membru tal-persunal temporanju tal-Awtorità Ewropea tal‑Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, residenti fi Frankfurt am Main (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn L. Levi, avukat,

rikorrenti,

vs

Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), irrappreżentata minn C. Coucke, bħala aġent, assistita minn F. Tuytschaever, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Barents, President, E. Perillo u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit‑23 ta’ Ottubru 2014, S. Murariu ppreżentat dan ir-rikors intiż essenzjalment, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2014, li permezz tagħha, fl-opinjoni tagħha, id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tal‑Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA jew iktar ’il quddiem l‑“Awtorità”) irtira d-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta’ Novembru 2013 li jinnominaha, b’mod provviżorju, f’pożizzjoni li kienet is-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti kif ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2014 li ċaħdet l-ilment tagħha u, min-naħa l-oħra, sabiex l-EIOPA tiġi kkundannata għall-ħlas tad-danni materjali u morali li hija tikkunsidra li sofriet.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolamenti tal-Persunal

2

L-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli għall-kawża, jipprevedi:

“Uffiċjal jista’ jissejjaħ biex jieħu posizzjoni temporanjament fi grad fil-grupp tal‑funzjoni tiegħu li huwa ogħla mill-grad sostantiv tiegħu. Mill-bidu tar-raba’ xahar tat-tali posizzjoni temporanja, huwa għandu jirċievi benefiċċju tad‑differenza li huwa daqs id-differenza bejn ir-remunerazzjoni konnessa mal‑grad u l-iskala sostantivi tiegħu, u r-remunerazzjoni li kieku jirċievi fl-iskala li kien ikun ikklassifikat jekk jinħatar għall-grad tal-posizzjoni temporanja tiegħu.

It-tul ta’ żmien tal-posizzjoni temporanja m’għandux jaqbeż is-sena, ħlief fejn, direttament jew indirettament, il-posizzjoni hija biex jinbidel uffiċjal li huwa sekondat għal posizzjoni oħra fl-interessi tas-servizz, imsejjaħ għal servizz militari jew assenti fuq vakanzi ta’ mard fit-tul.”

3

L-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1.   Id-disposizzjonijiet ġenerali biex idaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tal‑Persunal, għandhom ikunu adottati minn kull istituzzjoni, wara li jkunu kkonsultati l-Kumitat tal-Persunal u l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal tagħhom. L-aġenziji għandhom jadottaw ir-regoli xierqa ta’ l-implimentazzjoni biex idaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tat-Persunal, wara konsultazzjoni mal‑Kumitat relevanti tal-Persunal u bil-ftehim mal-Kummissjoni [Ewropea].

[…]

3.   It-tali disposizzjonijiet ġenerali u r-regoli kollha adottati bi ftehim bejn l‑istituzzjonijiet għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-persunal.

[…]”

Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg

4

Fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju, l-Artikolu 10 tar-Regolamenti applikabbli għal impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), applikabbli għall-kawża, jipprevedi:

“1.   [...] l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal [...] [japplika] b’analoġija.

2.   Il-grad u l-iskala li fihom se jkun ingaġġat il-persunal temporanju għandhom jingħadu fil-kuntratt tagħhom.

3.   L-assenjament ta’ persunal temporanju għal posizzjoni li ġġorr grad ogħla minn dak li kienu ngaġġati fih għandu jkun irreġistrat fil-ftehim supplimentari mal-kuntratt tas-servizz tagħhom.

[…]”

5

L-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi b’mod partikolari, li “[M]embru tal-persunal temporanju jista’ jkun meħtieġ iservi perjodu ta’ prova li ma jaqbiżx is-sitt xhur” u li “[m]embru tal-persunal temporanju li x-xogħol tiegħu ma kienx tajjeb biex jiġġustifika li jinżamm fil-posizzjoni tiegħu għandu jitkeċċa”. Fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2014 u li tirriżulta mir-Regolament (EU, Euratom) Nru 1023/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r‑Regolamenti tal-Persunal […] u l-[Kondizzjonijiet tal-impjieg] (ĠU L 287, p. 15), din id-dispożizzjoni tipprevedi issa li tali perijodu ta’ prova huwa mandatorju.

6

L-Artikolu 15(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi li:

“Persunnal temporanju għandu fil-bidu ikun ikklassifikat skond l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal

Meta membru tal-persunal temporanju huwa assenjat għal posizzjoni li tikkorrospondi ma’ grad ogħla, kif ipprovdut fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu, 10, [tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg] il-klassifikazzjoni tiegħu għandha tkun stabbilita skond l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

Ir-Regolament Nru 1094/2010

7

Mill-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (EIOPA), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE [li tistabbilixxi l-Kumitat tas‑Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS)] (ĠU L 331, p. 48) jirriżulta li l-Awtorità hija komposta, b’mod partikolari, minn, “Bord tas‑Superviżuri, li għandu jwettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 43”; “Bord Maniġerjali, li għandu jwettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 47”; “President, li għandu jwettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 48”, u “Direttur Eżekuttiv, li għandu jwettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 53”.

8

Skont l-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1094/2010, “[i]l-Bord tas-Superviżuri għandu jkun magħmul mi[ll-] President, li m’għandux ikollu vot; […] il-kapijiet tal-awtorità pubblika nazzjonali, kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’kull Stat Membru, li għandhom jiltaqgħu personalment tal-inqas darbtejn fis-sena; […] rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni [Ewropea], li m’għandux ikollu vot; […] rappreżentant wieħed tal-B[ord Ewropew dwar ir‑riskju sistemiku] li m’għandux ikollu vot; [u] rappreżentant wieħed ta’ kull waħda miż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra, li m’għandux ikollhom vot”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1) jipprevedi, minn naħa tiegħu, li “l‑Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul mill-President u sitt membri oħrajn tal-Bord tas-Superviżuri, eletti mill-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri u minn fosthom stess”.

9

L-Artikolu 68, intitolat “Persunal”, tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi:

“1.   Ir-Regolamenti dwar il-Persunal, [il-Kondizzjonijiet tal-impjieg] u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini li dawn jiġu applikati, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità, inkluż id-Direttur Eżekuttiv tagħha u l-President tagħha.

2.   Il-Bord Maniġerjali, bi qbil mal-Kummissjoni [Ewropea], għandu jadotta l‑miżuri implimentattivi meħtieġa, skont l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti dwar il-Persunal […].

[…]”

10

L-Artikolu 77, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-persunal”, tar‑Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 68, il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ ssekondar kollha konklużi mis-CEIOPS jew mis-Segretarjat tiegħu u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011 għandhom jiġu onorati sad-data ta’ skadenza tagħhom. […]

2.   Il-membri kollha tal-persunal taħt kuntratti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu offruti l-possibbiltà li jikkonkludu kuntratti ta’ aġenti temporanji [membri tal-persunal temporanju] skont l-Artikolu 2(a) tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg] fil-gradi varji, hekk kif stabbilit fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Awtorità.

Għandha ssir għażla interna limitata għal persunal li għandu kuntratti mas‑CEIOPS jew is-Segretarjat tiegħu, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mill-awtorità awtorizzata sabiex tikkonkludi kuntratti sabiex tiġi ċċekkjata l-abbiltà, l-effiċjenza u l-integrità ta’ dawk li jkunu ser jiġu reklutati. […]

3.   Skont it-tip u l-livell ta’ funzjonijiet li għandhom jitwettqu, l-applikanti li jintgħażlu jiġu offruti kuntratti ta’ aġenti temporanji applikabbli għal tul ta’ żmien li mill-inqas jikkorrespondi għaż-żmien li jkun għad baqa’ taħt il-kuntratt preċedenti.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 53(3) tar-Regolament Nru 1094/2010 rispettivament, “[i]l-Bord Maniġerjali [tal-Awtorità] għandu jipproponi, għall‑adozzjoni mill-Bord tas-Superviżuri [tal-Awtorità], programm ta’ ħidma annwali u multiannwali” filwaqt li “d-Direttur Eżekuttiv [tal-Awtorità] għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura l-operat tal‑Awtorità, skont dan ir-Regolament.”

Id-deċiżjoni tat-30 ta ’ Ġunju 2011

12

Fit-30 ta’ Ġunju 2011 id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA (iktar ’il quddiem id‑“direttur eżekuttiv”) adotta deċiżjoni dwar il-proċedura ta’ ġestjoni ta’ kuntratti f’każ ta’ suċċess fi proċedura ta’ reklutaġġ interna (“Decision on Contract Management – Handling of successful internal recruitment […]”, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011”), li taqra kif ġej:

“Bħalissa teżisti lakuna fir-Regolamenti […] u fir-regoli ta’ implementazzjoni mill-[…] EIOPA għall-ġestjoni ta’ kuntratti meta kandidat intern jikseb suċċess fi [proċedura] ta’ reklutaġġ.

Sabiex jiġi solvut l-ewwel każ [li bih hija affaċjata l-Aġenzija] u sakemm tiġi implementata politika [tal-Awtorità] [dwar dan is-suġġett], għandhom jiġu applikati l-kriterji li ġejjin, li għandhom iservu bħala bażi għall-prassi futura fuq din il-kwistjoni:

1.

Dan huwa applikabbli għall-kandidati interni li kisbu suċċess [fi proċedura] ta’ reklutaġġ [għal pożizzjoni oħra] bl-istess funzjonijiet.

2.

Dan jimplika ftehim supplimentari mal-kuntratt oriġinali f’dak li jirrigwarda, skont il-każ, l-isem tal-impjieg, il-grad u l-iskala.

3.

In-nomina ssir fl-iskala 1 jew 2 (tal-grad) skont l-iskala preċedenti [tal-persuna kkonċernata].

4.

Ma jsir l-ebda bdil fil-kuntratt oriġinali f’dak li jirrigwarda d-data tad-dħul fis-seħħ tal-perijodu ta’ tiġdid tal-kuntratt.

5.

Obbligu li jsir perijodu ta’ [sitt] xhur ta’ assenjazzjoni provviżorja [fil-funzjonijiet il-ġodda].

6.

Fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja fil-pożizzjoni b’suċċess, il-membru tal-persunal jiġi kkonfermat fl-impjieg il-ġdid u s-salarju [tiegħu] jiżdied retroattivament [skont il-grad propost fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti tal-impjieg inkwistjoni].

Dawn il-kriterji ġew diskussi mal-Kumitat tal-Persunal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-DĠI “Reklutaġġ

13

Fl-10 ta’ Jannar 2011, waqt l-ewwel laqgħa tal-Bord Maniġerjali (“Management Board”) tal-EIOPA, id-Direttur Eżekuttiv temporanju spjega lill-membri tal-Bord Maniġerjali li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-persuna tal-Awtorità kellhom qabel xejn jiġu approvati mill-Kummissjoni Ewropea qabel ma jkunu jistgħu jiġu adottati mill‑“Board” tal-EIOPA (“before there can be a final approval by the Board of EIOPA”).

14

Waqt laqgħa li saret fil-15 ta’ Novembru 2012, il-Bord Maniġerjali tal-EIOPA adotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 110 tar‑Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI”) dwar il-proċedura ta’ reklutaġġ u ta’ appell tal-membri tal-persunal temporanju (iktar ’il quddiem id‑“DĠI ‘Reklutaġġ'”). L-Artikolu 7, intitolat “Klassifikazzjoni tal-membri tal‑persunal temporanji” tad-DĠI “Reklutaġġ” jipprevedi li n-numru minimu ta’ snin ta’ esperjenza professjonali sabiex tkun tista’ tiġi reklutat f’impjieg ta’ grad AD 8 huwa ta’ disa’ snin.

Id-DĠI “Miżuri Tranżitorji

15

Waqt laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2012, il-Bord Maniġerjali tal-EIOPA adotta wkoll id-DĠI dwar il-proċedura ta’ selezzjoni interna prevista mid-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-persunal li jinsabu fl-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1094/2010.

Il-verżjoni inizjali tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord Maniġerjali tal-15 ta ’ Novembru 2012

16

Mill-verżjoni inizjali tal-minuti tal-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2012 jirriżulta li l‑Bord Maniġerjali tal-EIOPA ddeċieda li jitlob lill-membri tal-Bord tas‑Superviżuri (“Board of Supervisors”) japprovaw permezz ta’ proċedura bil‑miktub il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, imsejħa wkoll id-DĠI skont l-Artikolu 110 tar‑Regolamenti tal-Persunal, li kienu diġà ġew approvati mill-Kummissjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

17

Ir-rikorrenti ġiet impjegata mis-CEIOPS bħala membru tal-persunal temporanju. Fl-1 ta’ Jannar 2011, meta l-EIOPA daħlet flok is-CEIOPS, din ikkonkludiet kuntratt mar-rikorrenti li permezz tiegħu hija ġiet ingaġġata mill-EIOPA bħala membru tal-persunal temporanju, fis-sens l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg, għal żmien indeterminat.

18

Għalhekk, fl-1 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti bdiet taqdi l-funzjonijiet tagħha bħala espert tal-grupp tal‑funzjonijiet ta’ amministraturi (AD) tal-grad AD 5 fi ħdan l-EIOPA. Skont l-Artikolu 5 tal-kuntratt ta’ impjieg tagħha, hija għamlet stage ta’ sitt xhur, kif previst mill-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg.

19

Wara proċedura ta’ selezzjoni interna għal pożizzjoni ta’ espert dwar l-atturi fis‑suq (“expert on stakeholders”, iktar ’il quddiem l-“‘expert on stakeholders’”) fil-grad AD 6 li fi tmiemha l-applikazzjoni tagħha ġiet milqugħa, ir-rikorrenti ġiet assenjata b’mod provviżorju f’din il-pożizzjoni għal perijodu ta’ sitt xhur b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2011. Il-dħul tagħha f’dawn il-funzjonijiet il-ġodda ġie rregolat bil-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011.

20

Fid-19 ta’ Lulju 2012, jiġifieri fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja ta’ sitt xhur li matulu hija kompliet titħallas fil-grad ta’ AD 5 li jirrifletti l-impjieg tagħha msemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti ġiet ikkonfermata fil‑funzjonijiet il-ġodda tagħha ta’ “expert on stakeholders”, konferma li kienet akkumpanjata minn klassifikazzjoni fil-grad AD 6, u bbenefikat b’mod retroattiv mill-klassifikazzjoni f’dan il-grad u, konsegwentement, mis-salarju korrispondenti, għall-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja ta’ sitt xhur, filwaqt li żammet il-benefiċċju tal-impjieg tagħha għal żmien indeterminat fi ħdan l-Awtorità.

21

Fl-24 ta’ Mejju 2013, l-EIOPA ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 1327TAAD08 (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”) għall-impjieg ta’ espert anzjan fil-pensjonijiet tax‑xogħol (“senior expert on personal pensions”) fil-grad AD 8 (iktar ’il quddiem l-“impjieg ta’ espert anzjan”) li permezz tiegħu l-kandidat magħżul kien ser jiġi offrut kuntratt ta’ membru tal‑persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ta’ perijodu inizjali ta’ tliet snin. Fir-rigward tal-kriterji li kellhom jiġu ssodisfatti mill-kandidati, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien jipprevedi b’mod partikolari li dawn kellu “jkollhom, [fl-iskadenza tat-terminu li fih kellhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom, jiġifieri s-16 ta’ Ġunju 2013,] tal-inqas [tmien] snin ta’ esperjenza professjonali full-time stabbilita f’qasam rilevanti għall-impjieg vakanti”.

22

Ir-rikorrenti ppreżentat il-kandidatura tagħha għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Fis-17 ta’ Lulju 2013, l-EIOPA informatha permezz ta’ posta elettronika li hija kienet ġiet magħżula għall-pożizzjoni u talbitha tikkonferma l-interess tagħha għal dan l-impjieg. Fil-posta elettronika kien spjegat ukoll li, jekk ir-rikorrenti “taċċetta l-offerta, hija tkun assenjata b’mod provviżorju f’dan il-grad il-ġdid għal perijodu ta’ sitt xhur [u li, jekk fi tmiem dan il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja, hija tkun sodisfaċenti, [hija] tiġi kkonfermata f’dan il-grad il-ġdid” (“In case you accept it, you will be on provisional assignment on that new level for the period of [six] month[s]. If you passed it, you will be confirmed on that new level”). L-għada, ir‑rikorrenti kkonfermat li kienet qed taċċetta l-pożizzjoni li kienet offruta lilha.

23

Permezz ta’ nota tas-7 ta’ Novembru 2013, u skont il-proċedura deskritta fid‑deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, li kienet diġà ġiet segwita bl-ingaġġ tagħha fl-impjieg ta’ “expert on stakeholders”, ir-rikorrenti ġiet assenjata, għal darb’oħra b’mod provviżorju għal perijodu ta’ sitt xhur, fil-pożizzjoni ta’ espert anzjan b’effett mis-16 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013”). Mill-proċess jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja, ir-rikorrenti kompliet titħallas fil-grad AD 6 relatat mal-impjieg preċedenti tagħha ta’ “expert on stakeholders” u li bis-saħħa tiegħu hija baqgħet tibbenefika mill-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju ingaġġat għal żmien indeterminat.

24

Fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja ta’ sitt xhur, li kellu jiskadi fil-15 ta’ Marzu 2014, kien previst li r-rikorrenti, sakemm il-prestazzjonijiet tagħha matul dan il-perijodu kienu sodisfaċenti għall-Awtorità, setgħet tiġi kkonfermata fil‑funzjonijiet il-ġodda tagħha u, għalhekk, tibbenefika minn klassifikazzjoni fil‑grad AD 8, prevista fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-impjieg ta’ espert anzjan, li kellha tiġi applikata fil-konfront tagħha b’mod retroattiv fis-16 ta’ Settembru 2013 skont id-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, filwaqt li żżomm il-benefiċċju ta’ impjieg għal żmien indeterminat, indipendentament mill-fatt li l-impjieg offrut mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien jirrigwarda biss ingaġġ għal żmien determinat ta’ tliet snin.

25

Fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ stħarriġ intern annwali, l-EIOPA sabet żball fl‑avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Fil-fatt, kif espost fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, dan kien jirrikjedi kandidati li jkollhom esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tmien snin, filwaqt li skont id-DĠI “Reklutaġġ”, ir-reklutaġġ f’impjieg ta’ grad AD 8 fi ħdan l-Awtorità kien miftuħ biss għal kandidati li jkollhom esperjenza professjonali rilevanti ta’ mill-inqas disa’ snin. Konsegwentement, fit-3 ta’ Frar 2014 uffiċjal mit-tim tar-riżorsi umani talab lir-rikorrenti tipprova li kellha, fid-data tal-iskadenza tat-terminu tas-sottomissjoni tal-kandidaturi, jiġifieri fis-16 ta’ Ġunju 2013, disa’ snin ta’ esperjenza professjonali sabiex tkun intitolata għall-impjieg ta’ espert anzjan.

26

Permezz ta’ posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2014, is-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti talabha tgħaddilu ċerta informazzjoni sabiex ikun jista’ jiffinalizza r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2013. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti ġiet informata li kienet “temmet b’suċċess il-perijodu ta’ prova”.

27

Matul laqgħa mad-Direttur tad-Direttorat “Regolamenti” li saret fil-11 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tal-11 ta’ Frar 2014”), ir-rikorrenti ġiet informata li l-Awtorità kellha, fir-rigward tad-DĠI “Reklutaġġ”, xi mistoqsijiet dwar it-tul tal-esperjenza professjonali rilevanti tagħha qabel ma bdiet il‑funzjonijiet tagħha bħala espert anzjan.

28

Fit-12 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppruvat, mingħajr suċċess, tikseb aċċess għat-test tad-DĠI “Reklutaġġ”, sabiex tieħu konoxxenza effettiva tagħhom.

29

Fit-13 ta’ Frar 2014, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-sena 2013 ġie ffinalizzat. Minnu kien jirriżulta li hija kienet sodisfaċenti fiż-żewġ pożizzjonijiet li hija kienet okkupat fis-sena kkonċernata. Din l-evalwazzjoni pożittiva kienet konformi mal-evalwazzjonijiet tagħha għas-sentejn preċedenti.

30

Fid-19 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti, skont kif qalet hi, finalment kisbet aċċess għad-DĠI “Reklutaġġ”. Madankollu hija tistqarr li sabet żewġ verżjonijiet differenti ta’ dawn id-DĠI.

31

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Frar 2014, intitolata “Riżultat tal-proċedura ta’ reklutaġġ [għall-pożizzjoni ta’ espert anzjan]”, id-Direttur Eżekuttiv informa lir‑rikorrenti li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien fih żball, peress li, kuntrarjament għal dak li kienu jitolbu d-DĠI “Reklutaġġ”, jiġifieri li mill-inqas disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti huma meħtieġa sabiex tkun tista’ tokkupa pożizzjoni ta’ grad AD 8 fi ħdan l-Awtorità, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien indika b’mod żbaljat rekwiżit ta’ tmien snin. Id-Direttur Eżekuttiv sussegwentement spjega li, wara li ġie kkonstatat li r-rikorrenti ma kellhiex, fid-data tal-iskadenza tat-terminu previst għas-sottomissjoni tal-kandidaturi, disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti, l-ewwel nett, huwa kien obbligat jirrifjuta l-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ espert anzjan u, it-tieni nett, anke jekk, kif enfasizza, id-deċiżjoni tiegħu ngħatat fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja ta’ sitt xhur f’pożizzjoni ta’ grad AD 8, li kien beda fis‑16 ta’ Settembru 2013 u li, skont l-informazzjoni tiegħu, kien sodisfaċenti, huwa ma setax jikkonfermaha f’dan il-grad. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti nżammet fil-grad AD 6, jiġifieri l-grad li hija kellha minħabba l-impjieg ta’ “expert on stakeholders”, inkluż għall-perijodu maħdum mis-16 ta’ Settembru 2013 fil-kuntest tal-funzjonijiet ta’ espert anzjan, u dan skont ir-regoli stabbiliti fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

32

Fit-12 ta’ Marzu 2014, saret laqgħa bejn ir-rikorrenti, id-diretturi tad-Direttorat “Regolamenti” u tad-Direttorat “Operazzjonijiet” u l-Kap tal-Unità “Politika” sabiex jiġi stabbilit kif setgħet jew kif kellha tkun issa l-pożizzjoni ta’ impjieg tar‑rikorrenti fi ħdan l-Awtorità, peress li essenzjalment mill-fajl kien jirriżulta li hija kellha status ta’ membru tal-persunal temporanju ingaġġat għal żmien indeterminat fil-grad AD 6 bis-saħħa tal-impjieg ta’ “expert on stakeholders” li hija kienet tokkupa qabel l-assenjazzjoni provviżorja fil-pożizzjoni ta’ espert anzjan.

33

Fil-25 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. F’dan l-ilment, hija talbet lid-Direttur Eżekuttiv, minn naħa, jadotta deċiżjoni ġdida li tikkonferma formalment l-eliġibbiltà tagħha għall-pożizzjoni ta’ espert anzjan u, min-naħa l-oħra, sabiex jagħti istruzzjonijiet ċari sabiex jipproċedu bil-pagament retroattiv favur tagħha ta’ remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-grad AD 8 mis-16 ta’ Settembru 2013, data li fiha hija ġiet assenjata provviżorjament fil-pożizzjoni inkwistjoni.

34

Insostenn tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment sostniet li, kuntrarjament għal dak li sostna d-Direttur Eżekuttiv fid-deċiżjoni kkontestata, id-DĠI “Reklutaġġ” ma kienu bl-ebda mod fis-seħħ jew applikabbli fil-każ tagħha peress li dawn la kienu ġew adottati regolarment, la ppubblikati u lanqas b’xi mod ieħor miġjuba għall-konoxxenza tal-persunal tal-Awtorità jew tal-kandidati u li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti fil-verità kien jagħmel riferiment għal gwida għall-użu tal-kandidati u għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, iżda ma kien bl-ebda mod isemmi d-DĠI “Reklutaġġ”. Ir-rikorrenti enfasizzat b’mod partikolari li d-Direttur Eżekuttiv innifsu kien irrikonoxxa li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien fih żball f’dak li jirrigwarda l-perijodu minimu ta’ esperjenza professjonali rilevanti meħtieġa għall‑pożizzjoni ta’ espert anzjan.

35

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ adozzjoni tad-DĠI tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fis-sens tal‑Artikolu 101 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti rrilevat li l-Bord Maniġerjali tal-Awtorità, f’Jannar 2011, kien indika li dawn kellhom jiġu approvati minn qabel mill-Kummissjoni, ħaġa li din tal-aħħar għamlet fit-3 ta’ April 2012, qabel ma l-verżjoni finali tagħhom ma ntbagħtet lill-“Board” tal‑Awtorità għall-adozzjoni. Madankollu, matul il-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012 u kif ħareġ mill-minuti ta’ din il-laqgħa, id-DĠI tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ġew għal darb’oħra sottomessi lill‑Bord Maniġerjali, li kien indika, fl-imsemmija minuti, li “l-membri tal-Bord tas‑Superviżuri kienu mitluba japprovaw id-dokumenti relatati mad-[DĠI tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg] permezz ta’ proċedura bil-miktub” (“The BoS Members will be asked to approve the HR implementing Rules documents by written procedure”). Issa, ir-rikorrenti enfasizzat, peress li din l-adozzjoni bi proċedura bil-miktub mill-Bord tas‑Superviżuri ma seħħitx, id-DĠI tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma setgħux jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali, b’tali mod li r-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali rilevanti minima ta’ disa’ snin sabiex tkun tista’ tokkupa impjieg ta’ grad AD 8, li kien jinsab f’dak li kien biss, konsegwentement, abbozz ta’ DĠI li ma kienx għadu ġie adottat, ma setax jiġi applikat fil-każ tagħha minflok ir-rekwiżit ta’ tmien snin li kien previst, min-naħa tiegħu, espliċitament fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

36

Fl-10 ta’ April 2014, id-Direttur Eżekuttiv talab lir-rikorrenti sabiex tikkonferma jekk xtaqitx tibqa’ taħdem fi ħdan l-EIOPA f’impjieg ta’ grad AD 6 disponibbli f’dipartiment ieħor bis-saħħa tal-mobiltà interna. Fl-14 ta’ April 2014, ir-rikorrenti rrispondiet, b’mod partikolari, li kien b’dispjaċir għaliha li ma setgħetx tokkupa mill-ġdid il-pożizzjoni oriġinali tagħha fit-tim tar-relazzjonijiet esterni tal-Unità “Politika”. Sussegwentement, id-Direttur Eżekuttiv iddeċieda, fit-22 ta’ Mejju 2014 u skont ix-xewqa tagħha, li jerġa’ jassenja lir-rikorrenti fi ħdan it-tim tar-relazzjonijiet esterni tal-Unità “Politika”.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2014, innotifikata lir-rikorrenti fl-istess jum, id-Direttur Eżekuttiv, bħala awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-EIOPA, ċaħad l-ilment tar‑rikorrenti tal-25 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l‑ilment”).

38

Qabel xejn, l‑awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal‑Awtorità kkontestat in-nuqqas ta’ adozzjoni tad-DĠI tar-Regolamenti tal‑Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg mill-Bord Maniġerjali waqt il-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2012. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, ir-rekwiżiti legali għall-adozzjoni ta’ tali DĠI kienu ssodisfatti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-entitajiet awtorizzati jew obbligati legalment li jadottawh, peress li tali DĠI għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali, wara approvazzjoni mill-Kummissjoni u konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal, li kien il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, ir‑riferiment, fil-minuti tal-laqgħa tal-Bord Maniġerjali tal-15 ta’ Novembru 2012, għal sottomissjoni ta’ test lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri sabiex japprovawh fi tmiem proċedura bil-miktub kien biss żball materjali ta’ redazzjoni, peress li l-Bord Maniġerjali ma kienx obbligat jissottometti dan it-test lill-Bord ta’ Superviżuri u li dan la kien il-każ u lanqas l-intenzjoni tal-Bord Maniġerjali.

39

Għalhekk, skont l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Awtorità, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-DĠI tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ma kinux jiddependu fuq intervent tal-Bord tas-Superviżuri, b’tali mod li d-DĠI, li kienu nġabu għall-konoxxenza tal-persunal, setgħu jiġu applikati f’dan il-każ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet informata dwar il-fatt li l-Bord Maniġerjali kien sadattant adotta, fit-22 ta’ Lulju 2014, rettifika tal‑minuti tal-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Novembru2012 sabiex jippreċiża li l‑proċedura li kienet ġiet effettivament segwita mill-Bord Maniġerjali sabiex jadotta d-DĠI “Reklutaġġ” kienet tabilħaqq dik preskritta fl-Artikolu 68(2) tar‑Regolament Nru 1094/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“rettifika”).

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

40

Ir-rikorrenti essenzjalment titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

jannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

jikkundanna l-EIOPA tikkumpensa d-dannu materjali, evalwat skont id‑differenza ta’ remunerazzjoni bejn ir-remunerazzjoni ta’ pożizzjoni fi grad AD 6 u r-remunerazzjoni ta’ pożizzjoni fi grad AD 8, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’żewġ punti, prinċipalment, mis-16 ta’ Settembru 2013 u, sussidjarjament, għall‑perijodu bejn is-16 ta’ Settembru 2013 u l-24 ta’ Frar 2014;

fi kwalunkwe każ, li jingħatalha kumpens għad-dannu morali subit bl-għoti ta’ ammont evalwat ex aequo et bono għal EUR 20000;

jikkundanna lill-EIOPA għall-ispejjeż.

41

L-EIOPA essenzjalment titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

jiddikjara r-rikors infondat;

jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

42

Permezz ta’ posta elettronika tar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Jannar 2015, l-Imħallef Relatur ta’ din il-kawża, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamel mistoqsijiet lill-Awtorità, li għalihom din irrispondiet fil-qafas tar-risposta tagħha.

43

L-Awtorità indikat b’mod partikolari li ebda kandidat ieħor tal-lista ta’ riżerva stabbilita fi tmiem il-proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa bl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma kien ġie nnominat għall-pożizzjoni ta’ espert anzjan u li barra minn hekk hija lanqas ma kienet ippubblikat avviż ta’ pożizzjoni vakanti ġdid sabiex timla dan l-impjieg, għaliex, fil-kuntest tat-tnaqqis baġitarju ta’ 7.5 % għas-sena finanzjarja 2015, din il-pożizzjoni ma baqgħetx disponibbli fi ħdan l-EIOPA sabiex jiġu koperti bżonnijiet oħra.

44

Fir-rigward tal-modalità ta’ komunikazzjoni lill-persunal tagħha tad-DĠI tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Awtorità spjegat li, fl-ewwel lok, matul sessjoni ta’ informazzjoni ġenerali li saret fit-12 ta’ Novembru 2012, il-persunal kien ġie informat bl-adozzjoni imminenti tad-DĠI “Reklutaġġ” mill-Bord Maniġerjali. L-aġenda ta’ din il-laqgħa ta’ informazzjoni, li kienet tqassmet lill-membri kollha tal-persunal, kien fiha f’dan ir-rigward punt intitolat “Implementazzjoni […] tad-DĠI [tar-Regolamenti tal‑Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg]”. Barra minn hekk, l-Awtorità spjegat li, fit-18 ta’ Diċembru 2012, id-DĠI “Reklutaġġ” inġabu għall‑konoxxenza tal-persunal permezz ta’ pubblikazzjoni fuq is-sit intranet imsejjaħ “Allegro” tal-EIOPA, li fi ħdan l-Awtorità kien magħruf li l-persunal kellu aċċess permezz tal-Firefox u mhux permezz tal-Internet Explorer. L-Awtorità spjegat li l-abbozz tad-DĠI “Reklutaġġ” kien ukoll tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-persunal fis-sit intranet Allegro. L-Awtorità kkonċediet li l-abbozz tad-DĠI “Reklutaġġ” u d-DĠI “Reklutaġġ” finali kellhom xi differenzi. Għaldaqstant, hija fakkret li, fi kwalunkwe każ, iż-żewġ testi kienu jipprevedu bl-istess mod li kien hemm bżonn li persuna jkollha disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti sabiex tkun tista’ tiġi ngaġġata f’impjieg ta’ grad AD 8.

45

Fid-dawl tas-seduta, il-partijiet ġew mistiedna, fir-rapport preparatorju tas-seduta, jirrispondu bil-miktub għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet għamlu dan fit-terminu mogħti u, min-naħa tagħha, l-EIOPA ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub għar-risposti tar-rikorrenti għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura hawn fuq imsemmija. Minn naħa tagħha, ir-rikorrenti, matul is-seduta, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposti bil-miktub tal-EIOPA għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

46

F’dan il-kuntest, l-Awtorità kkonfermat li l-ebda ftehim supplimentari ma kien ġie formalment konkluż mar-rikorrenti b’rabta mal-pożizzjoni ta’ espert anzjan, għaliex, bis-saħħa tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, l-iffirmar ta’ tali ftehim supplimentari mal-kuntratt ta’ ingaġġar jitqies bħala li jkun seħħ biss wara l-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja ta’ sitt xhur fl-impjieg il-ġdid. Għalhekk, il-kuntratt preċedenti tar-rikorrenti fl-ebda mument ma ġie emendat. Barra minn hekk, l-Awtorità indikat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li r-rikorrenti kienet, fuq talba tagħha, kisbet leave għal raġunijiet personali għal perijodu ta’ sena sabiex tieħu impjieg f’awtorità pubblika nazzjonali ta’ sorveljanza ta’ stabbilimenti finanzjarji u, f’dan ir-rigward, l-EIOPA spjegat li r-rikorrenti setgħet tibbenefika minn tali leave unikament minħabba l‑pożizzjoni tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat li kienet għadha tgawdi minnha bis-saħħa tad-dispożittiv implementat permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 u li tagħha issa hija qed tikkontesta l‑validità. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali dispożittiv, ir-rikorrenti kienet tkun ingaġġata bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat fl-impjieg ta’ grad AD 8 mis-16 ta’ Settembru 2013 u għalhekk kienet tkun tista’ tikseb leave għal raġunijiet personali biss għal perijodu massimu ta’ tliet xhur, li kien jikkostrinġiha, li kieku xtaqet taċċetta l-offerta ta’ impjieg ta’ sena tal-awtorità pubblika nazzjonali ta’ sorveljanza hawn fuq imsemmi, sabiex tirriżenja mill-EIOPA.

47

Finalment, peress li waqt is-seduta, l-EIOPA ma setgħetx tirrispondi għal mistoqsija magħmula minn membru Tribunal għas-Servizz Pubbliku li xtaq ikun jaf jekk il-Kumitat tal-Persunal kienx ġie kkonsultat mhux biss dwar l-ewwel verżjoni tad-DĠI “Reklutaġġ”, iżda wkoll, wara l-parir tal-Kummissjoni, dwar it‑tieni verżjoni tal-imsemmija DĠI, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li ma jagħlaqx il-proċedura orali fi tmiem is-seduta sabiex l-EIOPA tingħata l-opportunità tipproduċi provi insostenn tal-pożizzjoni tagħha, ħaġa li għamlet fit-12 ta’ Mejju 2015. Minn naħa tagħha, ir-rikorrenti ssottomettiet, fit-22 ta’ Mejju 2015, osservazzjonijiet dwar ir-risposta u l-provi prodotti f’dan il-kuntest mill-EIOPA.

48

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq il-proċedura orali fis-27 ta’ Mejju 2015.

Id-dritt

Fuq is-suġġett tar-rikors

49

Għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-proċedura, il-qorti tal‑Unjoni tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jingħaqdu, fil-fatt, mat-talbiet kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija purament konfermatorja tad-deċiżjoni li kontriha sar l-ilment u li, għalhekk, l-effett tal-annullament tagħha fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata ma jkunx differenti minn dak li jirriżulta mill-annullament tagħha (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 33, u tad-19 ta’ Novembru 2014, EH vs Il-Kummissjoni, F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 85).

50

F’dan il-każ, anki jekk id-deċiżjoni dwar l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuq it‑talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, il-motivazzjoni li tinstab f’din id-deċiżjoni tippreċiża ċerti aspetti tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, din il-motivazzjoni għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa tikkoinċidi ma’ dan l-aħħar att (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, EH vs Il‑Kummissjoni, F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata.)

Fuq it-talbiet għal annullament

51

Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment ħames motivi, ibbażati rispettivament:

l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali;

it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi;

it-tielet, fuq l-illegalità tad-DĠI “Reklutaġġ” minħabba nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal;

ir-raba’, fuq ksur ta’ drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

il-ħames, prinċipalment, fuq l-illegalità tar-regoli li jinsabu fid‑deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 u, sussidjarjament, fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑kamp ta’ applikazzjoni tal-istess deċiżjoni.

Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti motivi

52

L-Awtorità inizjalment eċċepixxiet, fid-dawl tar-regola ta’ konkordanza bejn l‑ilment u r-rikors, l-inammissibbiltà tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames motivi, qabel ma rrinunzjat, waqt is-seduta, li tikkontesta l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv.

53

L-Awtorità ssostni li t-tieni u l-ħames motivi huma inammissibbli għaliex fl‑ilment tagħha r-rikorrenti la qajmet il-kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u lanqas dik tal-legalità tar-regoli previsti fid-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2011, u lanqas ma żviluppat argumenti marbuta strettament ma’ dawn il-kwistjonijiet.

54

F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar, minn naħa, li, peress li l-proċedura prekontenzjuża għandha natura informali u li f’dan l-istadju l-persuni kkonċernati ġeneralment jaġixxu, bħal ma kien il-każ f’din il-kawża, mingħajr l-għajnuna ta’ avukat, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l‑ilmenti b’mod ristrettiv, iżda għandha, għall-kuntrarju teżaminahom b’moħħ miftuħ. Min-naħa l-oħra, l-għan tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex dak li jorbot, b’mod strett u assolut, il-fażi kontenzjuża eventwali, peress li r-rikors kontenzjuż la jbiddel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 76).

55

Issa, mill-ilment jirriżulta li r-rikorrenti kienet osservat li, abbażi tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u tal-gwida għall-użu tal-kandidati, jiġifieri dokument ta’ spjega tal-EIOPA mqiegħed għad-dispożizzjoni kemm tal-kandidati interni kif ukoll esterni, hija ma stennietx li fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata jkunu applikabbli regoli oħra minbarra dawk li jidhru fil‑Kondizzjonijiet tal-impjieg. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità ma tistax tippretendi b’mod raġonevoli, fl-istadju kontenzjuż, li hija ma kinitx tinstab f’pożizzjoni li tifhem bi preċiżjoni suffiċjenti, fl-istadju tal-ilment, li l-persuna kkonċernata kellha l-ħsieb li tinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschoaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 78).

56

Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tikkonċerna t-tieni motiv, minħabba ksur tar-regola ta’ konkordanza, għandha tiġi miċħuda.

57

Fir-rigward tal-ħames motiv, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li dan il-punt ta’ kontestazzjoni effettivament ma kienx invokat b’mod espliċitu fl‑ilment, minkejja li r-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors teżiġi, bħala prinċipju, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li l-motiv imqajjem quddiem il-qorti tal‑Unjoni kien diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l‑amministrazzjoni tkun f’pożizzjoni li tkun taf il-kritika li l-persuna kkonċernata fformulat fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 71).

58

Madankollu, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-ħames motiv, li, prinċipalment, huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, anki jekk ir-rikorrenti ammettiet li aċċettat li tkun sottomessa għall-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja fil-qafas tal-proċedura ta’ ngaġġar għall-pożizzjoni ta’ espert anzjan, hija talbet, fl-ilment tagħha, li matul dan il-perijodu titħallas tal-grad AD 8, li jammonta għal kontestazzjoni tal-possibbiltà, prevista fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, li tali ħlas isir wara l-konferma tal-persuna kkonċernata fil-funzjonijiet il-ġodda tagħha fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja u li tali ħlas isir biss b’mod retroattiv.

59

Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà ddeċieda li rikorrent jista’ jifformula eċċezzjoni ta’ illegalità għall-ewwel darba fi stadju kontenzjuż, minkejja r-regola ta’ konkordanza (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, CR vs Il-Parlament, F‑128/12, EU:F:2014:38, punt 32, u tat-18 ta’ Settembru 2014, Cerafogli vs BĊE, F‑26/12, EU:F:2014:218, punt 39, li kienet is‑suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑787/14 P). Għalhekk, b’mod definittiv u skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni ta’ illegalità tirrikjedi biss, sabiex tkun ammissibbli, li l-att ġenerali li tiegħu titqajjem l‑illegalità, ikun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-kawża li hija s-suġġett tar-rikors u li jkun hemm rabta ġuridika diretta bejn id‑deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali li tiegħu titqajjem l-illegalità (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2007, Walderdorff vs Il-Kummissjoni, T‑442/04, EU:T:2007:161, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 36).

60

Peress li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti kienu ssodisfatti f’din il-kawża kemm fir-rigward tad-DĠI “Reklutaġġ” kif ukoll tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2011, anki l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità li jirrigwardaw rispettivament kull wieħed minn dawn iż-żewġ atti ġenerali għandhom konsegwentement, fi kwalunkwe każ u għal din l-aħħar raġuni, jiġu ddikjarati ammissibbli.

61

Finalment, anki jekk l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv ma ġietx ikkontestata mill‑Awtorità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, fid-dawl tal‑ġurisprudenza msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, it-tielet motiv, li jirrigwarda l-illegalità tad-DĠI “Reklutaġġ” minħabba nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal, aspett li ma kienx ġie invokat fl-ilment, huwa ammissibbli.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali

– L-argumenti tal-partijiet

62

L-ewwel nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-Bord tas-Superviżuri ma kienx approva d-DĠI “Reklutaġġ”, skont dak li kien ġie deċiż mill-Bord Maniġerjali tal-EIOPA fil-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2012, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ma setgħux jikkostitwixxu bażi ġuridika li tippermetti li titwarrab il-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali rilevanti ta’ mill-inqas tmien snin li kienet tidher fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u, għalhekk, tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li, bid-deċiżjoni li tintalab l-approvazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri, il-Bord Maniġerjali madankollu ma kisirx ir-Regolament Nru 1094/2010.

63

Il-fatt li l-Bord Maniġerjali qies neċessarju li jikkoreġi l-minuti tal-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2012 sabiex jippreċiża li d-DĠI “Reklutaġġ” kienu ġew adottati b’mod leġittimu tikkostitwixxi l-prova ta’ approċċ inkoerenti. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, għall-perijodu ta’ bejn il-15 ta’ Novembru 2012, id-data tal-laqgħa tal-Bord Maniġerjali msemmija hawn fuq, u t-22 ta’ Lulju 2014, id-data tal-adozzjoni tar-rettifika, id-DĠI “Reklutaġġ” kienu għadhom iridu jiġu approvati mill-Bord tas-Superviżuri sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati u għalhekk jidħlu fis-seħħ. Fi kwalunkwe każ, ir‑rikorrenti tikkontesta “l-legalità u l-eżistenza tar-rettifika”.

64

It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrenti tirrileva li, minn naħa, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li jikkostitwixxi l-qafas ġuridiku vinkolanti għall-Awtorità u li bis-saħħa tiegħu hija kienet issottomettiet il‑kandidatura tagħha, ma kien jagħmel l-ebda riferiment għad-DĠI “Reklutaġġ”. Min-naħa l-oħra, peress li l-Awtorità ma kinitx ġabithom għall-konoxxenza tal‑persunal tagħha skont l-Artikolu 110(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-inqas fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, id-DĠI “Reklutaġġ” ma setgħux, fl-opinjoni tagħha, jiġu applikati jew infurzati fil-konfront tagħha.

65

L-EIOPA titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud billi ssostni, b’mod partikolari, li r‑riferiment għall-approvazzjoni tad-DĠI “Reklutaġġ” mill-Bord tas-Superviżuri fil-minuti tal-laqgħa tal-Bord Maniġerjali tal-15 ta’ Novembru 2012 kien sempliċement żball materjali ta’ redazzjoni u li, barra minn hekk dan kien ġie kkorreġut permezz ta’ rettifika, kif kien ġie spjegat lir-rikorrenti fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

66

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ legalità, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 1094/2010, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħad-DĠI “Reklutaġġ”, għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali, wara konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal u bi ftehim mal-Kummissjoni, u li għandhom jinġabu għall‑konoxxenza tal-persunal.

67

Huwa stabbilit li, fit-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni approvat formalment l‑abbozz tad-DĠI “Reklutaġġ”. Indipendament mill-kwistjoni dwar jekk il-Kumitat tal-Persunal kienx ġie kkonsultat jew le, kwistjoni li ser tiġi kkunsidrata fil-qafas tal-eżami tat-tielet motiv, għandu jiġi vverifikat, fil-kuntest ta’ dan il‑motiv, jekk il-Bord Maniġerjali kellux l-awtorità li jadotta d-DĠI “Reklutaġġ” u, b’mod partikolari, jekk setax jagħmel dan mingħajr l-intervent tal‑Bord tas-Superviżuri.

68

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 1094/2010 joħroġ ċar li d-DĠI “Reklutaġġ”, li huma l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-persunal tal-Awtorità, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 1094/2010 jistipula li l-adozzjoni ta’ tali DĠI taqa’ taħt il-kompetenza tal-Bord Maniġerjali.

69

Ir-rikorrenti tidher qed tikkontesta li bis-sempliċi firma tal‑President tal-Bord Maniġerjali fuq verżjoni tad-DĠI “Reklutaġġ” jista’ jiġi dedott li l‑Bord Maniġerjali effettivament approva din il-verżjoni. F’dan ir-rigward, kif essenzjalment tenfasizza l-Awtorità, il-firma f’dan il-każ ma sservix ħlief biex tawtentika d-DĠI bħala att adottat mill-Bord Maniġerjali. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn ġew adottati mill-President tal-Awtorità fil-kapaċità individwali tiegħu.

70

Fir-rigward tal-indikazzjoni fil-minuti tal-laqgħa tal-Bord Maniġerjali tal-15 ta’ Novembru 2012, li matulha d-DĠI “Reklutaġġ” kienu ġew approvati, li l-adozzjoni tagħhom kienet suġġetta għall-approvazzjoni tal-membri tal-Bord tas-Superviżuri u mhux biss tal-Bord Maniġerjali, din la għandha taffettwa l-konstatazzjoni li d-DĠI “Reklutaġġ” ġew adottati mill-Bord Maniġerjali fl-imsemmija laqgħa, u lanqas il-legalità tagħhom jew tal‑applikabbiltà tagħhom f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Bord Maniġerjali kien, fi kwalunkwe każ, bis-saħħa tat-testi applikabbli għall‑Awtorità, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1094/2010 u speċjalment l‑Artikolu 68(2) ta’ dan ir-regolament, l-uniku organu kompetenti sabiex jadottahom u, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti baqgħet ma pproduċietx prova li d-DĠI “Reklutaġġ” kienu jaqgħu wkoll jew jaffettwaw il-prerogattivi deċiżjonali tal‑Bord tas-Superviżuri. Barra minn hekk, ebda element fil-fajl sottomess lit‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jista’ jikkontradixxi jew joħloq dubju fl‑ispjegazzjoni mogħtija mill-Awtorità, li tgħid li dan ir-riferiment għall-approvazzjoni mill-Bord tas-Superviżuri fil-minuti tal-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2012 kien sempliċi żball materjali fir-redazzjoni tal‑imsemmija minuti.

71

Dejjem dwar din il-kwistjoni, jekk il-minuti tal-ewwel laqgħa tal-Bord Maniġerjali li saret fl-10 ta’ Jannar 2011 jinqraw fit-totalità tagħhom, dan jikkonfermaw li, malli dan iddeċieda u ppreżenta l-proċedura li huwa kien ser isegwi f’dan ir-rigward, il-Bord Maniġerjali ma kellux l-intenzjoni u lanqas ikkunsidra li jissuġġetta l-adozzjoni effettiva d-DĠI “Reklutaġġ” għall-approvazzjoni tal-membri tal-Bord tas-Superviżuri. Fil-fatt, filwaqt li l‑abbrevjazzjoni “BoS” tirreferi għall-Bord tas-Superviżuri (“Board of Supervisors”), huwa ċar li, kif issostni l-EIOPA, ir-riferiment magħmul fil-punt 7 tal-minuti hawn fuq imsemmija għal approvazzjoni mill-“Board” tal-EIOPA, u mhux mill-“BoS”, huwa riferiment għall-Bord Maniġerjali tal-EIOPA u mhux għall-Bord tas-Superviżuri. Għalhekk, il-kontenut tal-imsemmija minuti jikkonferma li, sussegwentement, l-indikazzjoni fil-minuti tal-laqgħa tal‑Bord Maniġerjali tal-15 ta’ Novembru 2012 dwar l-intervent tal-membri tal-Bord tas-Superviżuri kienet żball materjali u ma jista’ bl-ebda mod jiġi raġonevolment interpretat, f’dan il-kuntest, bħala manifestazzjoni għall-arrieda tal-volontà intenzjonali tal-Bord Maniġerjali li jissuġġetta l-adozzjoni tat-test tad-DĠI tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord tas-Superviżuri.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li, meta kkorreġiet il-minuti tal‑15 ta’ Novembru 2012, l-Awtorità adottat approċċ inkoerenti li jwassal sabiex id-DĠI “Reklutaġġ” ikunu inapplikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, bir-rettifika tiegħu, il-Bord Maniġerjali llimita ruħu li jikkoreġi żball materjali ta’ redazzjoni sabiex il-kontenut tal-minuti tal-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2012 jirrifletti r‑realtà tal-proċedura li huwa kien effettivament segwa sabiex jadotta d-DĠI “Reklutaġġ”, jiġifieri dik prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1094/2010, u li ma kinitx tinvolvi l-intervent tal-Bord tas-Superviżuri.

73

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi prinċipju jitlob li l-amministrazzjoni tqiegħed lill-persuni kkonċernati f’pożizzjoni li jkunu jafu, bl-eżatt, il-portata tal‑obbligi tagħhom jew tad-drittijiet li għandhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten, C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 25; tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 28, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 44). Sussegwentement, u skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li r-regola stabbilita mill-amministrazzjoni u li tistabbilixxi drittijiet u obbligi għall-membri tal-persunal tagħha tingħata l-pubbliċità adegwata skont il‑modalitajiet u l-forom li l-amministrazzjoni għandha tistabbilixxi (sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑80/08, EU:F:2009:160, punt 90; tal-14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il-Kummissjoni, F‑113/07, EU:F:2011:44, punt 73, u tal-15 ta’ Ottubru 2014, Moschonaki vs Il‑Kummissjoni, F‑55/10 RENV, EU:F:2014:235, punt 41).

74

Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli dwar ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ istituzzjoni jew ta’ aġenzija hija obbligata tindika b’mod l-iktar eżatt possibbli fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex timtela’ l-pożizzjoni kkonċernata, bil-għan li l-persuni jitpoġġew f’pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok li jitfgħu l-kandidatura tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, EU:C:1974:112, punt 40, u tat-2 ta’ Ottubru 1996, Vecchi vs Il-Kummissjoni, EU:T:1996:136, punt 50). Ċertament, l‑awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ma hijiex obbligata li tfakkar il-kundizzjonijiet espressament previsti mir-Regolamenti tal‑Persunal, peress li huwa preżunt li l-kandidati jkunu jafu dwarhom, iżda avviż ta’ pożizzjoni vakanti jiġi mċaħħad mill-għan tiegħu, li huwa dak li jinforma lill-kandidati bil‑kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfatti biex timtela’ l-pożizzjoni, jekk l‑amministrazzjoni tista’ twarrab kandidat minħabba raġuni li ma tidhirx espressament fl-imsemmi avviż jew fir-Regolamenti tal-Persunal, jew li ma kinitx preċedentement ippubblikata b’mod aċċessibbli jew magħruf mill-kandidat ikkonċernat (ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il-Kummissjoni, F‑113/07, EU:F:2011:44, punt 74, u tal-15 ta’ Ottubru 2014, Moschonaki vs Il‑Kummissjoni, F‑55/10 RENV, EU:F:2014:235, punt 42).

75

F’dan il-każ, ir-raġuni li għaliha r-rikorrenti ma setgħetx tiġi kkonfermata fi tmiem il-perijodu tal-assenjazzjoni provviżorja fil-pożizzjoni li kienet is-suġġett tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jiġifieri li hija ma kellhiex it-tul tal‑esperjenza professjonali rilevanti rikjesta ta’ mill-inqas disa’ snin sabiex tokkupa tali impjieg ta’ grad AD 8, ċertament ma kinitx fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għaliex dan kien issemmi, b’mod żbaljata, rekwiżit minimu ta’ tmien snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku madankollu jqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, istituzzjoni jew aġenzija għandha, bħala prinċipju, il‑possibbiltà, jekk mhux saħansitra, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fit-tmexxija tad-diversi proċeduri ta’ selezzjoni għal pożizzjonijiet tal-istess grad, l-obbligu li kandidat jitwarrab minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni li, minħabba żball materjali ta’ redazzjoni, ma tidhirx bħala tali f’wieħed mill-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti tagħha, imma li, bħal f’dan il-każ, toħroġ b’mod ċar u inekwivoku mid-DĠI tar-Regolamenti tal‑Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg adottati mill-imsemmija istituzzjoni jew aġenzija u li kienu ppubbliċizzati b’mod adegwat u li, għalhekk, huma meqjusa magħrufa minn kandidat normalment diliġenti li jifforma parti mill-persunal tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija inkwistjoni.

76

Issa, f’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li d-DĠI “Reklutaġġ”, fil-verżjoni finali tagħhom, inġiebu għall-konoxxenza tal-persunal tal-Awtorità fit-18 ta’ Diċembru 2012, permezz ta’ pubblikazzjoni fis-sit intranet Allegro, u dan, fuq kollox, wara li saret laqgħa ta’ informazzjoni għall‑persunal fit-12 ta’ Novembru 2012. Dan il-mod ta’ pubblikazzjoni jirrispetta r-rekwiżit tal-Artikolu 110(3) tar-Regolamenti tal-Persunal li jagħti lill‑amministrazzjoni diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 110 tar‑Regolamenti tal-Persunal (ara, dwar l-unika komunikazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal, is‑sentenza tal-25 ta’ Novembru 1976, Küster vs Il‑Parlament, 123/75, EU:C:1976:162, punt 7).

77

Għandu jintqal ukoll li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega b’mod konvinċenti għal-liema raġuni hija ma setgħetx taċċessa, fit-12 ta’ Frar 2014 jew qabel, id-DĠI “Reklutaġġ” billi tidħol fuq is-sit intranet Allegro li, kif enfasizzat l-Awtorità, ma jinfetaħx fuq Internet Explorer, iżda jirrikjedi l-użu ta’ navigatur ieħor, fatt li, kif kompliet tenfażizza wkoll l-Awtorità mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, il-persunal kollu tal-Awtorità kellu jkun jaf. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li kull deċiżjoni suġġetta, bħad-DĠI “Reklutaġġ”, għall-adozzjoni mill-Bord Maniġerjali hija rreġistrata fuq server informatiku kondiviż fi ħdan l-Awtorità u aċċessibbli dejjem għall-persunal kollu. Hija lanqas ma tikkontesta li ż-żewġ verżjonijiet tad-DĠI “Reklutaġġ”, li għalihom allegatament hija kellha aċċess għall-ewwel darba biss fid-19 ta’ Frar 2014, kienu identiċi f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta’ minimu ta’ disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti sabiex tkun tista’ tokkupa pożizzjoni ta’ grad AD 8 fi ħdan l-Awtorità.

78

Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-DĠI “Reklutaġġ” minħabba nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal

– L-argumenti tal-partijiet

79

Bl-argument li l-Kumitat tal-Persunal kien ġie stabbilit fi ħdan l-Awtorità biss b’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ssostni insostenn tat-tielet motiv tagħha, li għandu jiġi eżaminat qabel it-tieni wieħed, li, f’tali ċirkustanzi fejn ma kien hemm l-ebda Kumitat tal-Persunal, huwa evidenti li, bi ksur tal‑Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan il-kumitat ma setax kien ikkonsultat qabel il-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2012, li matulha l-Bord Maniġerjali allegatament, kif issostni l-Awtorità, adotta d-DĠI “Reklutaġġ”.

80

Skont l-EIOPA, il-Kumitat tal-Persunal kien ġie debitament ikkonsultat dwar it‑test tad-DĠI “Reklutaġġ”, approvat mill-Kummissjoni u sussegwentement adottat mill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità.

– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

81

L-ewwel nett, mill-fajl jidher ċar li, kuntrarjament għal dak li qed issostni r‑rikorrenti, il-Kumitat tal-Persunal kien ġie stabbilit qabel id-data tal-15 ta’ Novembru 2012. Fil-fatt, ir-riżultati tal-ewwel elezzjoni tat-tliet membri tal‑Kumitat tal-Persunal tħabbru fit-13 ta’ April 2011.

82

Fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit, applikabbli b’analoġija għall-aġenzija bħall-EIOPA u li jinsab fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li d-DĠI huma stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ kull istituzzjoni jew aġenzija wara konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal, mid-dokumenti prodotti mill-Awtorità annessi mar-risposta tagħha jirriżulta li fid-19 ta’ Settembru 2011, saret laqgħa bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-management tal-EIOPA u li, matulha, kien miftiehem li l-Kumitat tal-Persunal kellu jibgħat il-proposti tiegħu għal emendi fir-rigward tat-tliet settijiet ta’ DĠI, relatati, rispettivament, mal-membri tal-persunal temporanju, mal-membri tal-persunal bil-kuntratt u mal-management intermedjarju. F’dan ir-rigward, fl-14 ta’ Ottubru 2011, il-koordinatur tar-Riżorsi Umani bagħat posta elettronika lill-Kumitat tal-Persunal li fiha talbu jagħti l‑kummenti tiegħu dwar id-DĠI hawn fuq imsemmija, filwaqt li, fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kumitat tal-Persunal irrisponda li ma kellux kummenti x’jagħti dwar id-diversi DĠI sottomessi għall-eżami tiegħu.

83

Huwa għalhekk korrett li t-test tal-preambolu tal-DĠI “Reklutaġġ” jirreferi b’termini mhux ekwivoċi għall-fatt li l-korp ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal kien ġie effettivament ikkonsultat, billi jindika li, “l-[Bord Maniġerjali] tal-EIOPA [adotta d-DĠI ‘Reklutaġġ’] skont l-[A]rtikolu 110 tar-Regolamenti tal‑Persunal u wara konsultazzjoni mal-[k]umitat tal-[p]ersunal tal-EIOPA”.

84

It-tieni nett, anki jekk, insostenn għat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti invokat biss argument wieħed, jiġifieri l-assenza ta’ stabbiliment tal-Kumitat tal-Persunal qabel il-15 ta’ Novembru 2012, argument miċħud bħala manifestament infondat, l-argumenti waqt is-seduta kienu jirrigwardaw ukoll il-kwistjoni, imqajma minn membru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dwar jekk il-Kumitat tal-Persunal kienx reġa’ ġie kkonsultat dwar l-abbozz DĠI “Reklutaġġ” kif emendat wara l‑formulazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ osservazzjonijiet li jissuġġettaw l‑approvazzjoni tat-test tagħhom fis-sens tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 1094/2010.

85

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-aġenziji għandhom jadottaw id-DĠI wara konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal tagħhom u bi ftehim mal‑Kummissjoni, filwaqt li l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 1094/2010, li jirreferi għall-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, jippreċiża li d-DĠI tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandhom ikunu adottati mill-“Bord Maniġerjali [tal-EIOPA], bi qbil mal-Kummissjoni”.

86

Għalkemm id-DĠI tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux ikunu adottati minn aġenzija mingħajr il-ftehim tal-Kummissjoni, u għalhekk jagħtu lil din tal-aħħar ċertu setgħa ta’ tutela, min-naħa l-oħra hija prevista biss konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal, jiġifieri forma modesta ta’ parteċipazzjoni f’teħid ta’ deċiżjoni, li bl-ebda mod ma timplika l-obbligu għall-amministrazzjoni li ssegwi l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kumitat tal-Persunal fil-kuntest tal‑konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Dan espost, l-amministrazzjoni għandha tosserva dan l-obbligu kull darba li l-konsultazzjoni tal-Kumitat tal‑Persunal hija tali li tista’ teżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-att li għandu jiġi adottat u jekk ma jkunx hekk ikun hemm preġudizzju għall-effettività tal-obbligu ta’ konsultazzjoni, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Cerafogli u Poloni vs BĊE, T‑63/02, EU:T:2003:308, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal‑Persunal ma jistabbilixxux b’mod kronoloġiku l-istadji tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-DĠI minn aġenzija, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk il‑Kumitat tal-Persunal tagħha jistax jew għandux jinstema’ qabel jew wara l-qbil tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizzi Pubblika madankollu jirrileva li, fil-kuntest leġiżlattiv inkwistjoni f’dan il-każ, il-poter ta’ adozzjoni tad-DĠI formalment mogħti lill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità huwa suġġett għall-kundizzjoni tal-qbil tal-Kummissjoni, minkejja li, fir-realtà, kemm l‑Awtorità kif ukoll il-Kummissjoni għandhom is-setgħa deċiżjonali f’din il‑materja. Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-Kumitat tal-Persunal ta’ aġenzija jista’, bħal f’dan il-każ, jiġi kkonsultat qabel l-approvazzjoni ta’ abbozz ta’ DĠI mill-Kummissjoni, sakemm it-test sussegwentement adottat, formalment, mill-aġenzija ma jkunx sostanzjalment differenti, minħabba l-emendi magħmula fuq talba tal-Kummissjoni, mit-test inizjalment sottomess lill-Kumitat tal‑Persunal.

88

Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-Awtorità kienet obbligata li tikkonsulta mill-ġdid lill-Kumitat tal-Persunal qabel l-adozzjoni tad-DĠI “Reklutaġġ” biss jekk kienet iddeċidiet li taċċetta emendi, mitluba mill‑Kummissjoni, għall-proposta inizjali tagħha u li kienu jaffettwaw b’mod sostanzjali l-istruttura ta’ din il-proposta. Tali obbligu huwa min-naħa l-oħra eskluż għal emendi speċifiċi u b’effett limitat, peress li għandu jitfakkar li n-natura sostanzjali ta’ emenda għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tas-suġġett u tal‑pożizzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati fid-dispożittiv inġenerali, u mhux mill-perspettiva tal-konsegwenzi individwali li dawn jista’ jkollhom fuq l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 52).

89

Issa, f’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizzi Pubbliku jikkonstata li, bid‑Deċiżjoni C(2012) 2272 finali tat-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni approvat id-DĠI tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg stabbiliti minn diversi aġenziji, fosthom id-DĠI “Reklutaġġ” tal-EIOPA. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mit-test ta’ din id-deċiżjoni, prodott mill-Awtorità, ma jirriżultax li l-Kummissjoni talbet xi emenda, speċifika jew sostanzjali, tat-test tad‑DĠI “Reklutaġġ” li ġie sottomess għall-approvazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonstatat, fir-raba’ premessa, li “eżami ddetalljat kien wassal għall-konklużjoni li l-abbozzi tad-[DĠI] kienu segwew, fil-parti l-kbira tagħhom, id-dispożizzjonijiet rilevanti adottati mill-Kummissjoni għall-persunal proprju tagħha [u li ]d-diverġenzi meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni [kienu] limitati għal partikolaritajiet ta[l] [a]ġenziji [inkwistjoni]”.

90

Għaldaqstant, skont il-prinċipji stabbiliti fil-punti 87 u 88 ta’ din is-sentenza, ma kien jeżisti a priori l-ebda obbligu għall-EIOPA li tikkonsulta mill-ġdid mal‑Kumitat tal-Persunal dwar l-abbozz tad-DĠI “Reklutaġġ” wara li ngħatat id‑deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

91

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura segwita għall‑adozzjoni tad-DĠI tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg mill-Awtorità, kienu ġew sottomessi diversi testi ta’ DĠI, flimkien, lill-Kumitat tal-Persunal u lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, fid-9 ta’ Novembru 2012, il-koordinatur tar-Riżorsi Umani bagħat posta elettronika lill‑Kumitat tal-Persunal li fiha huwa semma diskussjonijiet ma’ dan tal-aħħar dwar l-abbozzi tad-DĠI tar-Regolamenti tal-Persunal u tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, inkluż id-DĠI “Reklutaġġ”, diġà approvati mill-Kummissjoni u li kellhom jiġu sottomessi għall-adozzjoni lill-Bord Maniġerjali waqt il-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2012. Issa, minn din il-posta elettronika jirriżulta wkoll li test wieħed biss kien għadu ma ġiex sottomess, fid‑9 ta’ Novembru 2012, lill-Kumitat tal-Persunal u li dan tal-aħħar kien indika espressament, b’posta elettronika tal-14 ta’ Novembru 2012, li huwa ma kellux kummenti x’jagħmel fir‑rigward tal-imsemmi test.

92

Għalhekk, il-konstatazzjonijiet fattwali preċedenti, minn naħa jikkonfermaw li l-ebda bidla sostanzjali ma kienet saret fl-abbozzi tad-DĠI li dwarhom il-Kumitat tal-Persunal kien diġà ġie kkonsultat. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, huma jikkonfermaw li dan tal-aħħar kien involut sostanzjalment fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-diversi DĠI tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal‑Persunal u li huwa ma xtaqx iżid osservazzjonijiet fuq it-test tad-DĠI “Reklutaġġ” li t-trażmissjoni tiegħu lill-Bord Maniġerjali kienet ġiet mgħarrfa lilu bil-posta elettronika tad-9 ta’ Novembru 2012 imsemmija hawn fuq u li tiegħu huwa kien jaf il-kontenut, li, li kieku kellu jkun differenti mill-kontenut tal‑abbozz tad-DĠI “Reklutaġġ” li kien inizjalment sottomess lilu, ma setax ikollu ħlief emendi speċifiċi u limitati fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-DĠI “Reklutaġġ” minħabba nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

– L-argumenti tal-partijiet

94

Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li, bid-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità ċaħdet, b’mod retroattiv, il-kandidatura tagħha fil-proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u, b’mod partikolari, li hija neħħitilha drittijiet suġġettivi li d-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013 kienet tatha meta ħatritha fil-pożizzjoni kkonċernata b’effett mis-16 ta’ Settembru 2013. B’dan l-aġir, l-Awtorità ma rrispettatx l-aspettattiva leġittima tagħha fil-legalità tal‑ingaġġar tagħha li seħħ fis-7 ta’ Novembru 2013. Skont ir-rikorrenti, l-ebda ċirkustanza oġġettiva ma setgħet twassalha sabiex tinduna bl-iżball fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jew, ukoll, b’elementi ta’ natura li jikkonfutaw il-legalità tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013.

95

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Awtorità aġixxiet f’termini manifestament irraġonevoli jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat, rispettivament, seba’ xhur wara li aċċettat il-pożizzjoni ta’ espert anzjan, fit-18 ta’ Lulju 2013, u disa’ xhur wara l-pubblikazzjoni, fl-24 ta’ Mejju 2013, tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

96

L-Awtorità titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud billi ssostni li ma huwiex possibbli li r-rikorrenti ma kinitx konxja bl-illegalità li taffettwa r-reklutaġġ tagħha, għaliex id-DĠI “Reklutaġġ” kienu ġew ippubblikati fuq is-sit intranet tal-EIOPA. Barra minn hekk, fil-qafas ta’ erbatax‑il proċedura ta’ reklutaġġ organizzati bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-24 ta’ Mejju 2013, id-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il‑kundizzjoni li persuna jkollha minn tal-inqas disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti sabiex tkun tista’ tokkupa pożizzjonijiet ta’ grad AD 8 kienet rikjesta f’kollha, u ma huwiex possibbli li, fid-dawl tad-daqs żgħir tal-EIOPA, ir-rikorrenti ma kinitx raġonevolment taf b’dan.

– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

97

Preliminarjament, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, li huwa fost il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, EU:C:1981:94, punt 48), jimplika li kull uffiċjal jew membru tal-persunal għandu d-dritt li jinvoka dan il-prinċipju meta huwa jsib ruħu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tatu assigurazzjonijiet speċifiċi, tat lok għall-ħolqien, fir-rigward tiegħu, ta’ aspettattivi fondati. Barra minn hekk, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, AER vs Karatzoglou, C‑213/06 P, EU:C:2007:453, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Anki jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jillimita d-dritt tal-amministrazzjoni li tirtira, b’effett retroattiv, att ivvizzjat b’illegalità fil-każ li d-destinatarju tal-att seta’ jibbaża ruħu fuq l-apparenza ta’ legalità tiegħu, din il‑kundizzjoni ma hijiex meqjusa ssodisfatta meta jkun hemm ċirkustanzi oġġettivi li kellhom iwasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinduna bl-iżball inkwistjoni jew, fi kliem ieħor, fil-preżenza ta’ elementi ta’ natura tali li joħolqu dubji dwar il-legalità tal-att. Għalhekk l-persuna kkonċernata ma tistax tibbaża ruħha fuq l-apparenza ta’ legalità tal-att irtirat b’mod partikolari meta l-imsemmi att huwa nieqes minn bażi legali jew ġie adottat bi ksur evidenti tar-regoli ta’ dritt applikabbli (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

F’dan il-każ, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ċertament ma kienx jinkludi l-ebda riferiment għad-DĠI “Reklutaġġ”, u għalhekk a fortiori l-ebda riferiment għall‑Artikolu 7 tal-imsemmija DĠI li jeżiġi esperjenza professjonali rilevanti ta’ mill-inqas disa’ snin sabiex tkun okkupata pożizzjoni ta’ grad AD 8. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir‑rikorrenti ma setgħetx b’mod raġonevoli ma tkunx taf li dawn id-DĠI ma kinux neċessarjament japplikaw fil-każ tagħha.

100

Fil-fatt, ma huwiex irraġonevoli li jitqies li membru tal-persunal temporanju esperjenzat, bħar-rikorrenti, li kienet tokkupa diġà pożizzjoni ta’ grad AD 6 fi ħdan l-Awtorità, kellu jistaqsi lilu nnifsu dwar it-tul minimu tal‑esperjenza professjonali neċessarja sabiex ikun jista’ jiġi ngaġġat u/jew ikklassifikat f’imjieg ta’ grad AD 8 bħal dak imsemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Dan japplika iktar u iktar f’dan il-każ peress li, minn naħa, il-kisba tal-pożizzjoni ta’ espert anzjan kienet timplika, fil-każ tar-rikorrenti, progressjoni ta’ żewġ gradi meta mqabbla mal-klassifikazzjoni tagħha fil-grad AD 6 fl-impjieg tagħha ta’ “expert on stakeholders”. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari li fih ġeneralment joperaw l-aġenziji tal-Unjoni, li huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill-fatt li għandhom numru limitat ta’ persunal u minn limitazzjonijiet operazzjonali partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punti 97 u 100, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 93). Issa, qabel ma mliet il-pożizzjoni ta’ espert anzjan, l-Awtorità, entità amministrattiva ta’ daqs żgħir li kellha biss 13–il pożizzjoni tal-grupp tal‑funzjonijiet ta’ assistenti u 70 pożizzjoni tal-grupp tal-funzjonijiet ta’ amministraturi, u minnhom 11-il pożizzjoni biss ta’ grad AD 8, kienet ippubblikat mhux inqas minn erbatax-il avviż ta’ pożizzjoni vakanti sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ grad AD 8 u, għal kull waħda minn dawn il-pożizzjonijiet, intalab b’mod sistematiku li l-kandidati jkollhom minimu ta’ disa’ snin ta’ esperjenza professjonali.

101

Għaldaqstant, għandu jerġa’ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, il‑bażi tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju mal‑istituzzjoni jew mal-aġenzija kkonċernata huwa kuntratt ta’ ngaġġar (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1977, Schertzer vs Il-Parlament, 25/68, EU:C:1977:158, punt 40, u tad-19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament, C‑18/91 P, EU:C:1992:269, punt 39). Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tintemm relazzjoni kuntrattwali, ladarba jkun hemm qbil reċiproku bejn il‑partijiet, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ma toperax b’mod unilaterali bl-istess mod bħal Awtorità tal-Ħatra, iżda hija marbuta bid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti li jorbtuha mal-membru tal-persunal tagħha u, fi kwalunkwe każ, bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg, b’mod partikolari tal-Artikoli 14 u 47 tagħhom.

102

F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, fejn l-EIOPA kkonfermat b’mod espliċitu fir-risposti miktuba u orali tagħha li hija ma kellha l-ebda intenzjoni li tuża xi waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, iżda li tibbaża ruħha biss fuq id-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2011, it-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku jqis li, indipendentament mill-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Awtorità ma setgħetx tiddeċiedi b’mod unilaterali li tirtira l-proposta ta’ impjieg, irregolata mill‑kundizzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, kif kien imfakkar fil-posta elettronika tas-17 ta’ Lulju 2013 li fformalizzat din l-offerta, u tiċħad b’mod retroattiv il-kandidatura tar-rikorrenti.

103

Fil-fatt, għalkemm ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma tipprojbixxi lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, permezz ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali iktar favorevoli għall-membri tal-persunal, milli tillimita, fl-interess tal-imsemmija membri tal-persunal, is-setgħa tagħha, ibbażata fuq l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li xxolji kuntratti ta’ impjieg konklużi b’mod validu (sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1994, Düchs vs Il‑Kummissjoni, T‑558/93, EU:T:1994:279, punt 43, u tas-7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, EU:T:2004:214, punt 53), hija ma tistax madankollu, minbarra fill-każijiet imsemmija fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ixxolji ruħha b’mod unilaterali mill-impenji kuntrattwali tagħha mal-membru tal-persunal ikkonċernat. B’mod partikolari, offerta ta’ impjieg magħmula lil kandidat sabiex jiġi ngaġġat bħala membru tal-persunal temporanju ċertament tikkostitwixxi sempliċi intenzjoni u, għalhekk, att preparatorju, li ma joħloqx drittijiet, li jista’ jiġi irtirat, pereżempju meta l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tiskopri, wara li tkun saret l-offerta ta’ impjieg, li waħda mill‑kundizzjonijiet tal-ingaġġar previsti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mill‑avviż ta’ pożizzjoni vakanti jew mir-regoli interni ma hijiex issodisfatta mill‑persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il-Kummissjoni, F‑57/11, EU:F:2012:145, punt 66, u d-digriet tal-10 ta’ Lulju 2014, Mészáros vs Il-Kummissjoni, F‑22/13, EU:F:2014:189, punt 73). Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti meta tali offerta tkun ġiet aċċettata, kemm meta dan iseħħ permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, bħal dik tas-7 ta’ Novembru 2013, u kemm jekk ir-relazzjoni kuntrattwali ġdida, fil-fatt, tkun diġà bdiet tiġi eżegwita. Fil-fatt, f’sitwazzjoni tali, il-qbil reċiproku bejn il-partijiet kontraenti jagħti bidu għal obbligi ġodda ta’ natura kuntrattwali li jillimitaw is-setgħa tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li taġixxi b’mod unilaterali lil hinn mill‑każijiet espressament previsti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 47 tagħhom, u, fi kwalunkwe każ, li taġixxi b’mod retroattiv.

104

Issa, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva l-ewwel nett, li r‑rikorrenti kienet espressament aċċettat, fit-18 ta’ Lulju 2013, l-offerta ta’ impjieg magħmula l-ġurnata ta’ qabel mill-Awtorità skont il-posta elettronika tagħha tas‑17 ta’ Lulju 2013 indirizzata lir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, mill-kontenut tal‑posta elettronika jirriżulta li kien fiha żewġ aspetti: l-ewwel offerta formali ta’ “assenjazzjoni provviżorja” li saret lir-rikorrenti, li baqgħet iżżomm il-benefiċċju tal-ingaġġar tagħha għal żmien indeterminat fil-grad AD 6, filwaqt li saritilha t-tieni offerta li, min-naħa tagħha, kienet suġġetta għall-kwalità tas-servizzi li kienet ser tintwera mill-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja. Għalhekk, din il-posta elettronika ma kienx fiha offerta ta’ ngaġġar immedjata skont il-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li kien jirreferi biss għal impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat ta’ tliet snin skont l-Artikolu 9 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva, it-tieni nett, li l-offerta vinkolanti ta’ “assenjazzjoni provviżorja” immaterjalizzat ruħha, f’dan il-każ, bid-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013, anki jekk, formalment, ma kinitx hemm ftehim supplimentari għall-kuntratt ta’ ngaġġar iffirmat miż-żewġ partijiet. It-tielet nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li r-rikorrenti effettivament eżerċitat il-funzjonijiet tagħha bħala espert anzjan għal kważi sitt xhur u li, ir‑raba’ nett, l-EIOPA indikat, waqt is-seduta, li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg iżda d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, li kienet ġiet adottata mid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità bil-għan li timtela lakuna fir-Regolamenti tal-Persunal u fil‑Kondizzjonijiet tal-impjieg.

105

F’tali ċirkustanzi, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Awtorità ma setgħetx tiddeċiedi, fl-24 ta’ Frar 2014, b’mod unilaterali, b’effett retroattiv u bla bażi ġuridika tanġibbli, li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti fl‑impjieg ta’ espert anzjan, li jammonta, fi kliem ieħor, għall-irtirar tal-offerta tal‑impjieg tagħha tas-17 ta’ Lulju 2013, fil-parti vinkolanti tagħha relatata ma’ assenjazzjoni provviżorja, li kienet diġà ġiet aċċettata mir-rikorrenti u li kienet għalhekk eżawriet l-effetti tagħha. Dan japplika wkoll anki jekk din kienet biss offerta ta’ assenjazzjoni provviżorja għal perijodu ta’ sitt xhur flimkien mal-possibbiltà għar-rikorrenti, billi taċċetta t-tieni offerta jekk din tikkonkretizza ruħha, li testendi r-relazzjoni ta’ impjieg tagħha għal żmien indeterminat, li tirriżulta mill-kuntratt fis-seħħ fil-grad AD 6, għall-impjieg ta’ espert anzjan li normalment kien jimtela’ biss għal żmien determinat ta’ tliet snin.

106

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, inkwantu tirrifjuta b’mod retroattiv il‑kandidatura tar-rikorrenti għall-impjieg ta’ espert anzjan, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali.

107

Dwar il-kwistjoni ta’ jekk, kif issostni r-rikorrenti, b’mod partikolari fil‑formulazzjoni tat-talba tagħha, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Awtorità effettivament irtiratx id-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013, li tassenja lir-rikorrenti fuq perijodu ta’ prova fl-impjieg ta’ espert anzjan, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix espressament l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013. Issa, it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li din l-aħħar deċiżjoni kienet tipprevedi biss assenjazzjoni provviżorja tar-rikorrenti b’effett mis-16 ta’ Settembru 2013 u kienet tipprevedi, f’każ ta’ konferma fil-funzjonijiet il-ġodda hekk okkupati, deċiżjoni futura tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, f’dan il-każ offerta ta’ assenjazzjoni definittiva, li tikkonfermaha fi grad AD 8 previst għall-impjieg ta’ espert anzjan, u dan b’mod retroattiv mid-data tas‑16 ta’ Settembru 2013. Finalment, peress li kien tabilħaqq bl-eżekuzzjoni ta’ din id‑deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013 li r-rikorrenti ġiet rimunerata fil-grad AD 6 matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja u peress li ma bbenefikatx, minħabba r-rifjut sussegwenti tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Awtorità li tikkonfermaha fil-funzjonijiet tagħha, minn remunerazzjoni retroattiva mis-16 ta’ Settembru 2013 fi grad AD 8, għandu jitqies li d-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013 ma ġietx irtirata jew posposta mod ieħor mid-deċiżjoni kkontestata peress li, għall-kuntrarju, din kienet eżawriet l-effetti kollha tagħha.

108

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ parzjalment billi tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu, bi ksur, fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, tad-drittijiet kweżiti u tat-termini kuntrattwali, hija tiċħad b’mod retroattiv il-kandidatura tar-rikorrenti fl-impjieg ta’ espert anzjan u tirtira b’mod impliċitu l-offerta ta’ impjieg, diġà aċċettata mir‑rikorrenti, li kienet saret fis-17 ta’ Lulju 2013.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Artikolu 41 tal‑Karta

– L-argumenti tal-partijiet

109

Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma ngħatatx il-possibbiltà li tressaq b’mod effettiv l‑osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità kisret id-dritt għal smigħ tagħha qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li kkawżatilha preġudizzju. Issa, hija ssostni li, li kieku ngħatat l-opportunità li tagħti l‑perspettiva tagħha dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Awtorità kellhiex id-dritt li tadotta l‑imsemmija deċiżjoni, hija setgħet tinfluwenza l-kontenut ta’ din tal-aħħar.

110

L-EIOPA titlob li dan il-motiv jiġi miċħud billi tosserva, b’mod partikolari, li r-rikorrenti nstemgħet fil-kuntest ta’ laqgħat li hija kellha fit-3 u fil-11 ta’ Frar 2014 ma’ membru tat-tim tar-Riżorsi Umani u mad-direttur tad‑Direttorat “Regolamenti”, rispettivament.

– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

111

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Awtorità, f’dan il-każ, osservatx b’mod sħiħ id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din kellhiex mill-inqas disa’ snin esperjenza professjonali rilevanti minn meta hija kienet ippreżentat il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ espert anzjan, mill-proċess u mill-argumenti matul is-seduta jirriżulta li, minn naħa, ir-rikorrenti kienet ġiet informata, waqt il-laqgħa li hija kellha, fit-3 ta’ Frar 2014, ma’ membru tat‑tim tar-Riżorsi Umani, li l-Awtorità kienet f’dak iż-żmien fil-fażi li tivverifika jekk hija kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ minimu ta’ disa’ snin esperjenza professjonali rikjesta sabiex tkun tista’ tokkupa impjieg ta’ grad AD 8, u min-naħa l-oħra, li, matul il-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2014 mad-direttur tad-Direttorat “Regolamenti”, it-tnejn ippruvaw jistabbilixxu jekk, b’mod konkret, hija kinitx tissodisfa jew le l-kundizzjoni msemmija hawn fuq ta’ minimu ta’ disa’ snin ta’ esperjenza professjonali.

112

Mill-proċess jirriżulta wkoll b’mod partikolari li, matul il-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2014, id-direttur tad-Direttorat “Regolamenti” kien ta lir-rikorrenti l‑possibbiltà li tikkontesta l-kalkolu, magħmul mill-amministrazzjoni, tan-numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali favur tagħha. Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-istatus tal-esperjenza professjonali preċedenti tagħha, ir-rikorrenti kellha l‑possibbiltà li effettivament issostni l-perspettiva tagħha mal-imsemmi direttur qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata mid-Direttur Eżekuttiv.

113

Minbarra l-fatt li r-rikorrenti kienet instemgħet fil-kuntest tal-verifika tal‑perijodu tal-esperjenza professjonali tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku iqis, fil-kuntest fattwali li għadu kif ġie deskritt, li, mhux biss talli r-rikorrenti ma setgħetx tinjora l-importanza li l-Awtorità rabtet mal-kwistjoni dwar jekk hija kellhiex mill-inqas disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti sabiex tkun tista’ tokkupa pożizzjoni ta’ grad AD 8, iżda talli r-rikorrenti kienet ġiet informata li, b’dispjaċir għall-Awtorità, hija ma setgħetx tistenna li tkun ikkonfermata fil-pożizzjoni ta’ espert anzjan fi grad AD 8 jekk ma tipprovax li kellha, fid-data prevista fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, mill-inqas disa’ snin esperjenza professjonali rilevanti.

114

Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellha wkoll il-possibbiltà li tikkompleta l‑pożizzjoni tagħha dwar il-mod tal-kalkolu tal-esperjenza professjonali tagħha u dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li joħorġu minnha matul it-tlettax–il jum li kien hemm bejn il-laqgħa tal-11 ta’ Frar 2014 u l-għoti, fl-24 ta’ Frar 2014, tad‑deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 59).

115

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, qabel iddeċidiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li ma tikkonfermax lir-rikorrenti fil‑pożizzjoni ta’ espert anzjan, l-Awtorità osservat id-dritt għal smigħ tar‑rikorrenti skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

116

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat, prinċipalment, fuq l-illegalità tar-regoli li jinsabu fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 u, sussidjarjament, fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni

– L-argumenti tal-partijiet

117

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 hija illegali għal erba’ raġunijiet

118

L-ewwel nett, id-Direttur Eżekuttiv ma kienx kompetenti li jadotta d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2011 peress li, skont l-opinjoni tar-rikorrenti, din il-kompetenza hija tal-Bord Maniġerjali li seta’ jadotta test analogu billi jibbaża ruħu fuq l‑Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 1094/2010. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta essenzjalment li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 tista’ tikkostitwixxi “istruzzjoni amministrattiva” fis-sens tal-Artikolu 53(3) ta’ dan ir-regolament.

119

It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-motiv li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, jiġifieri l-eżistenza ta’ lakuna ġuridiku li jeħtieġ timtela’ bejn ir-Regolamenti tal-Persunal u d-DĠI tar-Regolamenti tal‑Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg stabbiliti mill-Awtorità għall-każijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, f’pożizzjonijiet ta’ membri tal-persunal temporanju, ta’ membri tal-persunal diġà impjegati mill-Awtorità taħt l-istess skema, anki jekk fi grad iżgħar. Ir-rikorrenti tqis li, f’każ ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi tal‑istess membru tal-persunal f’impjiegi differenti fi ħdan l-Awtorità u taħt l‑istess status ta’ membru tal-persunal temporanju, huwa biss l-ewwel impjieg li għandu jagħti lok għal perijodu ta’ prova taħt forma ta’ stage kif previst fl‑Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, il-Kondizzjonijiet tal‑impjieg ma jipprevedux, fis-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju li diġà ġie kkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu fi ħdan aġenzija fi tmiem tal-perijodu ta’ prova msemmi f’din id-dispożizzjoni, li dan il-membru tal-persunal jista’ jiġi suġġett għal obbligu li jidħol f’perijodu ta’ prova ġdid meta huwa jkun ser jiġi assenjat f’impjieg ieħor ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-istess aġenzija, u dan anki jekk jintalab jeżerċita funzjonijiet oħra jew li jagħmel dan fi grad ogħla.

120

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 tista’ twassal għal sitwazzjoni abbużiva meta, bħal f’dan il-każ, l-istess membru tal-persunal temporanju jibqa’ 18–il xahar f’“perijodu ta’ prova”, u dan, f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ tliet snin biss.

121

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Awtorità kellha tħassar id-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, għaliex l-għan tagħha kien biss li tieħu ħsieb l-ewwel każ ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ membru tal-persunal temporanju, u dan sakemm tiġi implementata politika ta’ ġestjoni ta’ kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju. Issa, peress li d-DĠI “Reklutaġġ” kienu ġew adottati, id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2011 ma kinitx iktar applikabbli f’dan il-każ.

122

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 kienet applikata b’mod żbaljat fir-rigward tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti la kien isemmi perijodu ta’ prova u lanqas l‑eżistenza tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011. Ir-rikorrenti madankollu rrikonoxxiet, matul is-seduta, li, meta hija aċċettat l-offerta tal-impjieg ta’ espert anzjan fit-18 ta’ Lulju 2013, hija kienet aċċettat li tiġi suġġetta għall-iskema ta’ assenjazzjoni provviżorja prevista fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011.

123

L-Awtorità titlob li l-ħames motiv jiġi miċħud billi targumenta li d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2011 hija “istruzzjoni amministrattiva interna” li d-Direttur Eżekuttiv seta’ jadotta billi jibbaża ruħu fuq il-kompetenza mogħtija lilu f’dan ir‑rigward mill-Artikolu 53(3) tar-Regolament Nru 1094/2010. Dwar l-għan tagħha, l-Awtorità tispjega li din id-deċiżjoni, li ġiet adottata għall‑benefiċċju tal-persunal, hija intiża sabiex tagħti l-possibbiltà lill-kandidati interni tal-EIOPA li jibdew jaħdmu f’pożizzjoni ta’ grad ogħla mingħajr ma jitilfu l-benefiċċju tal-kuntratt preċedenti tagħhom, konkluż għal żmien determinat jew indeterminat, li finalment, jibqa’ dejjem attiv u ma jintemmx jew jiskadi minħabba l-assenjazzjoni provviżorja f’impjieg ta’ grad ogħla.

– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

124

Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti fil-verità trid teċepixxi l-illegalità tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestatx b’mod espliċitu, fl-ilment tagħha, il-legalità ta’ din id-deċiżjoni, u lanqas b’mod partikolari, il-prinċipju stess li tkun suġġetta għal darb’oħra għall‑obbligu li ttemm b’suċċess perijodu ta’ prova, analogu għall-obbligu ta’ perijodu ta’ prova previst fl-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Madankollu, kif ġie espost fil-punti 58 sa 60 ta’ din is-sentenza, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

125

F’dak li jikkonċerna l-kompetenza ratione personae tad-Direttur Eżekuttiv sabiex jadotta d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni tista’ taqa’ fil-kategorija ta’ “istruzzjonijiet amministrattivi interni”, li l-adozzjoni tagħhom hija, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regolament Nru 1094/2010, fil-kompetenza tad-Direttur Eżekuttiv. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni tal-illegalità tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 għandha tiġi miċħuda inkwantu tirrigwarda vizzju ta’ inkompetenza ratione personae.

126

F’dak li jikkonċerna nuqqas ta’ inkompetenza ratione materiae, huwa neċessarju li jiġi eżaminat qabel xejn jekk, kif sostna d-Direttur Eżekuttiv fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, f’din id-data kienx hemm effettivament “lakuna ġuridika” bejn ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg u r-regoli interni tal-Awtorità li jimplementawhom li tiġġustifika li jkun hemm prassi amministrattiva derogatorja f’dak li jikkonċerna l-ingaġġar f’impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat, li kien is-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikat esternament u fi ħdan l-Awtorità, ta’ membru tal-persunal diġà impjegat għal żmien indeterminat mill-Awtorità fl-istess kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju, iżda fi grad inqas minn dak tal-impjieg li jrid jimtela’.

127

Qabel xejn, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 tipprevedi, fattwalment u taħt l-isem “assenjazzjoni provviżorja” (“provisional assignment”), li l-ingaġġar, imsejjaħ ukoll assenjazzjoni definittiva, tal-persuna kkonċernata f’pożizzjoni ta’ grad ogħla jkun suġġett u pospost sa ma tingħata prova, fi tmiem ta’ perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur magħmula taħt forma ta’ assenjazzjoni provviżorja, tal-kwalità tas-servizzi fil-funzjonijiet il-ġodda, li konsegwentement kienu qed jiġu okkupati b’mod temporanju. Dan id‑dispożittiv ta’ “assenjazzjoni provviżorja” essenzjalment huwa intiż sabiex tintuża l-possibbiltà għal membru tal-persunal temporanju li jokkupa b’mod provviżorju impjieg ta’ grad ogħla, kif previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija skont l-Artikolu 10 tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg, filwaqt li jimponi fuqu perijodu ta’ prova, analogu fil-għan tiegħu għall-istage previst fl-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, f’tali dispożittiv, li ma huwiex previst mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, li lanqas ma jirreferi għall-Artikolu 14 tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg u li għalhekk jidher bħala dispożittiv sui generis, l‑ingaġġar jew l-assenjazzjoni l-ġdida ssir definittiva biss wara perijodu ta’ prova li matulu l-membru tal-persunal temporanju, li għandu kuntratt li jirrigwarda pożizzjoni oħra u fi grad inqas, jiġi assenjat biss b’mod temporanju fl-impjieg ta’ grad ogħla li għandu jimtela u li huwa s-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

128

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jimponi ċertament f’każ ta’ “assenjazzjoni” ġdida, anki “provviżorja”, terminoloġija użata fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, il-konklużjoni ta’ ftehim supplimentari għall-kuntratt tal‑impjieg li l-konklużjoni tiegħu għandha tkun kontemporanja għall-bidla tal‑assenjazzjoni. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-Awtorità u r-rikorrenti, permezz tal-posta elettronika rispettiva tagħhom tas-17 u tat-18 ta’ Ġunju 2013, li kienet tirrigwarda rispettivament l-offerta u l-aċċettazzjoni tal-impjieg suġġett tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, iddeċidew kuntrattwalment dwar assenjazzjoni provviżorja, mingħajr madankollu ma ħasbu dwar ir-realtà ta’ assenjazzjoni definittiva, u li din il-posta elettronika għandha titqies li hija, kumplessivament, ftehim supplimentari għall‑kuntratt tal-impjieg fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, min-naħa l-oħra, li l-konklużjoni ta’ tali ftehim supplimentari ma ċaħħditx lil awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Awtorità mill-possibbiltà li tiddeċiedi, fi tmiem perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja tar-rikorrenti, li tikkonkludi ftehim supplimentari ġdid li bih jiġi deċiż li tkun assenjata b’mod definittiv fil-funzjonijiet il-ġodda u fil-grad il-ġdid.

129

Wara dawn il-konstatazzjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg ma tindika speċifikament jekk, fatt li huwa kkontestat mir-rikorrenti, l‑amministrazzjoni tistax, taħt il-forma ta’ assenjazzjoni provviżorja, timponi perijodu ġdid ta’ prova fuq membru tal-persunal temporanju, f’dan il-każ b’kuntratt għal żmien indeterminat, li kien diġà ġie kkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, meta hija tixtieq, fi tmiemu, li tassenjaha jew tingaġġaha b’mod permanenti f’impjieg ieħor fi grad ogħla.

130

Fil-fatt, l-iktar l-iktar, l-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi li “[l-]assenjament ta’ persunal temporanju għal posizzjoni li ġġorr grad ogħla minn dak li kienu ngaġġati fih għandu jkun irreġistrat fil-ftehim supplimentari mal-kuntratt tas-servizz tagħhom”. Madankollu mill-kliem jew mill-istruttura tal-Artikoli 10 u 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jirriżultax li jipprekludu lill-amministrazzjoni milli tkun tista’ teżiġi mill-membru tal-persunal ikkonċernat li huwa jwettaq perijodu ta’ prova ġdid fis-sens tal‑Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew kwalunkwe forma oħra ta’ perijodu ta’ prova rikjesta minn din l-assenjazzjoni ġdida.

131

Għalhekk, meta tingaġġa f’waħda minn dawn il-pożizzjonijiet l-oħra lil xi membru tal-persunal tagħha diġà kkonfermat, taħt kuntratt għal żmien determinat jew indeterminat, fil-funzjonijiet preċedenti tiegħu fi tmiem perijodu ta’ prova fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-awtorità li għandha s‑setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tista’ tiddeċiedi li tiddispensa lill‑persuna kkonċernata milli twettaq perijodu ta’ prova ġdid meta tqis li hija qed tkompli, f’din il-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju, ir-relazzjoni ta’ xogħol mal‑persuna li timpjegaha, u dan anki fil-każ fejn il-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg issir flimkien ma’ avvanz fill-grad jew ma’ żvilupp fil-funzjonijiet eżerċitati u fejn l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti marbut mal-impjieg il-ġdid mogħti jkun isemmi biss reklutaġġ għal żmien determinat.

132

Min-naħa l-oħra, meta l-kuntratt il-ġdid ta’ impjieg mal-istess awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ikun jirrigwarda kategorija oħra ta’ impjieg jew iwassal għal ksur fil-karriera tal-membru tal-persunal temporanju diġà kkonfermat b’perijodu ta’ prova skont l-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg, li jirriżulta, pereżempju, minn bidla sostanzjali fin-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mill-membru tal-persunal ikkonċernat jew inkella, bħal f’dan il-każ, b’differenza ta’ żewġ gradi, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha, tiddeċiedi li tqis, għall-finijiet tal-Artikolu 14 tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, li l-kuntratt ta’ impjieg tal-persuna kkonċernata, anki jekk ikun sar permezz ta’ ftehim supplimentari għall-kuntratt preċedenti, jirrigwarda impjieg differenti li jimplika li l-persuna kkonċernata, bħall-kandidati esterni għall-istituzzjoni jew mill‑aġenzija, bħal membri tal-persunal temporanju ta’ istituzzjonijiet jew aġenziji oħra jew inkella individwi li ma jaħdmux mal-Unjoni, jagħtu prova tal‑kwalitajiet professjonali suffiċjenti għall-funzjonijiet il-ġodda, li jiġġustifikaw għalhekk konferma f’dawn il-funzjonijiet u klassifikazzjoni fi grad ogħla minn dak ta’ qabel.

133

Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-Awtorità setgħet tipprevedi, fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, li kandidat għal impjieg li għandu jimtela fi ħdan l-Awtorità, diġà fis-servizz tal-Awtorità bħala membru tal-persunal temporanju kkonfermat iżda fi grad iżgħar għal dak tal-impjieg inkwistjoni, jista’ jiġi suġġett, l-istess bħal kandidat estern tal-Awtorità suġġett, minn naħa tiegħu, għal perijodu ta’ prova fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fil‑pożizzjoni inkwistjoni, għal forma ġdida ta’ perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur, li r‑riżultati tiegħu ser jiddeterminaw jekk ulterjorment ikunx hemm ingaġġar formali fil-funzjonijiet il-ġodda u fi grad ġdid ogħla permezz ta’ ftehim supplimentari għall-kuntratt tiegħu li jipprevedi l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu b’mod permanenti fil‑pożizzjoni kkonċernata. Interpretazzjoni simili, ispirata minn applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għal membru tal-persunal temporanju li ma ġiex ingaġġat mill-ġdid minn istituzzjoni jew aġenzija, iżda li jibbenefika diġà minn impjieg għal żmien determinat jew indeterminat fi ħdanha miksub fi tmiem perijodu ta’ prova fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jippermetti wkoll li l-membri tal-persunal temporanju li huma diġà kkonfermati fi ħdan aġenzija ma jkunux ippenalizzati, għaliex, f’dan il-każ, l-aġenzija tista’ tasal sabiex tagħti preferenza lir-reklutaġġ ta’ kandidati li fir-rigward tagħhom hija tista’ teżiġi evalwazzjoni tas-servizzi fi tmiem il‑perijodu ta’ prova, f’dan il-każ skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’dannu preċiżament għall-kandidati interni tal‑aġenzija li għalihom perijodu ta’ prova ġdida ma jkunx previst.

134

Issa huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-Awtorità setgħetx tikkundizzjona r-remunerazzjoni tagħha fi grad AD 8 għall-fatt li ttemm b’suċċess il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja.

135

F’dan ir-rigward, fiċ-ċirkustanzi tal-każ li jikkonċernaw l-ingaġġar ta’ membri tal‑persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata qabel xejn li, bħala prinċipju, kull kandidat magħżul fi tmiem ta’ proċedura ta’ selezzjoni għandu jkun ingaġġat għat-tul u fil-grad previsti mill-avviż tal-pożizzjoni vakanti, li jikkorrispondi, f’dan il-każ, għall-grad AD 8 għal żmien determinat ta’ tliet snin. F’dan ir‑rigward, l-Awtorità kkonfermat li kull kandidat estern kien jiġi ngaġġat f’tali grad u għal tali perijodu, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk qabel kienx membru tal-persunal temporanju, li kienx diġà ġie suġġett jew le għal perijodu ta’ prova skont l-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, f’istituzzjoni jew aġenzija oħra. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva madankollu li, f’din il‑kawża, ir-rikorrenti tixtieq tkompli l-impjieg tagħha għal żmien indeterminat, li fil-kuntest tiegħu hija kienet tokkupa, qabel ma ġiet assenjata b’mod provviżorju f’dak ta’ espert anzjan, l-impjieg ta’ “expert on stakeholders”.

136

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi l-possibbiltà li uffiċjal jew membru tal‑persunal, mitlub iwettaq ad interim, f’perijodu massimu ta’ sena, funzjonijiet li normalment jitolbu klassifikazzjoni ogħla minn dak tal-impjieg oriġinali tiegħu, ma jiġix immedjatament rimunerat fi grad ogħla. Dan l-artikolu jipprevedi għalhekk il‑possibbiltà ta’ assenjazzjoni provviżorja, li huwa jillimita madankollu għal perijodu massimu ta’ erba’ xhur, li fi tmiemu l-persuna kkonċernata għandha essenzjalment titħallas fi grad ogħla. F’dan il-każ, u indipendament mill-fatt li l‑Awtorità ma kinitx użat din id-dispożizzjoni, il-perijodu massimu ta’ erba’ xhur kien inqabeż b’mod ċar.

137

Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li d‑dispożittiv implementat bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 ma huwiex previst b’mod espliċitu la mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u lanqas mir-Regolamenti tal‑Persunal, applikabbli b’analoġija. Dan id-dispożittiv jippermetti b’mod konkret lill-Awtorità toffri l-possibbiltà lil wieħed mill-membri tal-persunal temporanju tagħha li jikseb, fi żmien medju, mingħajr ma jitlef il-benefiċċju tal-impjieg preċedenti tiegħu, għal żmien determinat jew indeterminat, il-grad ogħla previst għall‑impjieg li għalih huwa kien kandidat, u li fih huma jiġi assenjat b’mod definittiv biss fi tmiem tal-perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur imwettaq taħt forma ta’ assenjazzjoni provviżorja msemmija hawn fuq. Dan id‑dispożittiv jidher partikolarment favorevoli fil-prinċipju tiegħu, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti, għaliex jista’ jippermetti li l-persuni kkonċernati jiksbu diversi gradi f’termini ta’ klassifikazzjoni mingħajr ma jkunu esposti għall-obbligu ta’ rexissjoni tal-kuntratt preċedenti, obbligu li, min-naħa l‑oħra, huwa impost fuq kandidat li ma għandux impjieg fi ħdan l-Awtorità.

138

F’din il-perspettiva, l-Awtorità riedet, min-naħa, tiżgura ruħha li l-membru tal‑persunal ikkonċernat juri l-kwalitajiet professjonali suffiċjenti sabiex jiġi kkonfermat u assenjat b’mod permanenti u definittiv fl-impjieg il-ġdid tiegħu li kien is-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikat u biex jibbenefika b’mod retroattiv, fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja, mis-salarju ta’ grad ogħla previst għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet il-ġodda. Min-naħa l-oħra, l‑Awtorità xtaqet tiżgura ċerta protezzjoni lill-membri tal-persunal temporanju li huma diġà kkonfermati fil-funzjonijiet tagħhom fi ħdanha, f’dan il-każ mingħajr ma timponi fuqhom ir-rexissjoni tal-kuntratt preċedenti tagħhom, eventwalment għal żmien indeterminat, biex għalhekk tippermettilhom, b’differenza minn membri tal-persunal temporanju ġejjin minn aġenziji jew istituzzjonijiet oħra, li ma jispiċċawx mingħajr impjieg fil-każ fejn, fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorju, huma ma jkunux taw prova ta’ kwalitajiet professjonali suffiċjenti, evalwati fid-dawl tal-funzjonijiet il-ġodda.

139

Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-kandidati interni tal‑Awtorità, li jiġu assenjati f’impjieg ta’ grad ogħla skont il-kundizzjonijiet previsti mid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, huma mitluba jeżerċitaw il-funzjonijiet relatati mal-imsemmi impjieg. Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, fejn l-amministrazzjoni la kellha l-intenzjoni li tuża l‑Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-eżerċizzju ad interim ta’ funzjonijiet fi grad ogħla, u lanqas a fortiori l-possibbiltà li membru tal-persunal jiġi provviżorjament assenjat għal erba’ xhur, f’impjieg ta’ grad ogħla filwaqt li jirċievi s-salarju tal-impjieg oriġinali tiegħu, fi grad iżgħar, jidher li l-ebda raġuni oġġettiva u ġuridika ma tippermetti li jkun iġġustifikat li r-rikorrenti, bħala kandidata interna tal-Awtorità, ma setgħetx tibbenefika b’mod immedjat mis‑salarju marbut mal-grad imħabbar għall-impjieg imsemmi fl-avviż tal‑pożizzjoni vakanti li għalih hija kienet kandidata u li hija kienet okkupat permezz ta’ assenjazzjoni provviżorja.

140

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, sa fejn tipprovdi, fil-punt 6 tagħha, li l-membru tal-persunal temporanju, assenjat b’mod provviżorju f’impjieg li għalih hija normalment prevista klassifikazzjoni ogħla mill-impjieg tiegħu kurrenti, ma jiġix immedjatament ikklassifikat fil-grad imsemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, iżda li dan isir b’mod retroattiv fi tmiem perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur, hija invalida, għaliex din twassal, f’każijiet bħal dawk tar-rikorrenti, sabiex kandidat intern fl-Awtorità jiġi assenjat b’mod provviżorju f’impjieg li kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ selezzjoni b’pubblikazzjoni mingħajr ma tingħatalu l-klassifikazzjoni prevista għall-impjieg imsemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u dan minkejja li l-persuna kkonċernata tintalab teżerċita b’mod sħiħ il-funzjonijiet relatati mal-impjieg inkwistjoni għal perijodu ta’ iktar minn erba’ xhur.

141

Għalhekk, l-eċċezzjoni tal-illegalità għandha tiġi parzjalment milqugħa u d‑deċiżjoni kkontestata annullata sa fejn din ittellef lir-rikorrenti mill-benefiċċju ta’ salarju li jikkorrispondi mal-grad AD 8 matul il-perijodu ta’ prova ta’ eżerċizzju ta’ funzjonijiet taħt il-forma ta’ assenjazzjoni provviżorja, mis-16 ta’ Settembru 2013 sal-24 ta’ Frar 2014.

Fuq it-talbiet għad-danni

L-argumenti tal-partijiet

142

Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tan-natura illegali tad-deċiżjoni kkontestata, hija kellha tiġi ngaġġata mill-Aġenzija fil-grad AD 8 mis-16 ta’ Settembru 2013. Għalhekk, hija titlob, prinċipalment, il-ħlas tad-differenza fis-salarju ta’ bejn il-gradi AD 6 u AD 8 minn din id-data jew, sussidjarjament, għall-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Settembru 2013 u l-24 ta’ Frar 2014. Barra minn hekk, hija tqis li sofriet dannu morali. Fil-fatt, fid-dawl tal-kwalità tas-servizzi tagħha kif ukoll tal‑livell ta’ professjonalità u ta’ impenn tagħha fl-attivitajiet tal-Aġenzija, hija sofriet inġustizzja enormi f’dan il-każ li tiġġustifika l-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 20000 bħala kumpens għal dan id-dannu morali.

143

L-Awtorità ssostni li, peress li ma ġietx ippreżentata fl-ilment, it-talba għad‑danni, mill-inqas għad-dannu morali allegatament subit, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, it-talbiet għad-danni relatati mad-dannu kemm materjali kif ukoll morali għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

144

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta teżisti, bħal f’dan il-każ, rabta diretta bejn rikors għal annullament u rikors għad-danni, din tal-aħħar hija ammissibbli inkwantu aċċessorja għar-rikors għal annullament, mingħajr il-bżonn li tiġi preċeduta minn talba lill‑amministrazzjoni għall-kumpens tad-danni allegatament subiti u minn ilment li jikkontesta l-fondatezza taċ-ċaħda impliċita jew espliċita tat-talba (sentenza tat-28 ta’ April 2009, Violetti et vs Il-Kummissjoni, F‑5/05 u F‑7/05, EU:F:2009:39, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet, fl-ilment tagħha, mhux biss talbet li tiġi kkonfermata fil-funzjonijiet tagħha ta’ espert anzjan, iżda talbet ukoll sabiex l-Awtorità tordna l-pagament, fil-każ tagħha, ta’ salarju li jikkorrispondi għal grad AD 8 b’effett mis-16 ta’ Settembru 2013. Tali talba għandha natura ta’ talba għad-danni.

145

Fuq il-mertu, fir-rigward tad-dannu materjali allegat mir-rikorrenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja effettivament maħdum mir-rikorrenti, jiġifieri dak inkluż bejn is-16 ta’ Settembru 2013 u l-24 ta’ Frar 2014, mill-motivi ta’ din is-sentenza, li jsostnu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li r-rikorrenti ġarrbet dannu materjali ċert u reali matul dan il-perijodu peress li, bla ħsara għall-perijodu ta’ erba’ xhur imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal‑Persunal applikabbli f’każ ta’ eżerċizzju ad interim ta’ funzjonijiet ta’ grad ogħla, hija kellha titħallas fil-grad AD 8 u mhux fil-grad AD 6. Għalhekk, it-talbiet għad-danni tagħha għandhom jintlaqgħu sa fejn dawn huma intiżi għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu materjali subit matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja, għandha wkoll tintlaqa’ t-talba tagħha sabiex dan l-ammont ta’ kumpens jiżdied b’interessi moratorji ffissati bir-rata ta’ finanzjament tal-BĊE, miżjuda b’żewġ punti.

146

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-24 ta’ Frar 2014, data tad‑deċiżjoni kkontestata u li minnha r-rikorrenti ma eżerċitatx iktar il-funzjonijiet ta’ espert anzjan, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, jekk, kif titlob hi, ir-rikorrenti kienet ingaġġata, b’mod immedjat u definittiv, fl-impjieg ta’ espert anzjan, hija bħala prinċipju kellha tkun ingaġġata skont il-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jiġifieri ċertament, fil-grad AD 8, iżda għal żmien determinat ta’ tliet snin. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ setgħet teżiġi r-rexissjoni tal-impjieg preċedenti minħabba n-natura sostanzjalment differenti tal-funzjonijiet u tal-grad ogħla previst għall-impjieg il-ġdid inkwistjoni.

147

Madankollu, mill-proċess jirriżulta, b’mod partikolari mill-posta elettronika rispettiva tal-Awtorità u tar-rikorrenti tas-17 u tat-18 ta’ Lulju 2013, li tgħodd bħala ftehim supplimentari għall-kuntratt tal-impjieg li kien fis-seħħ, ftehim supplimentari li kien ifformalizzat bid-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013, li l-partijiet kienu ddeċidew biss kuntrattwalment, għall-bidu, dwar l-“assenjazzjoni provviżorja” tar‑rikorrenti fl‑impjieg ta’ espert anzjan u mhux dwar assenjazzjoni permanenti. F’tali ċirkustanzi, kif korrettament sostniet l-Awtorità, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ setgħet tipposponi, għal data wara l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ikkonċernati taħt il-forma ta’ assenjazzjoni provviżorja, il‑konklużjoni u l-iffirmar ta’ ftehim supplimentari ġdid li jipprevedi, iktar tard, assenjazzjoni ġdida, din id-darba deċiża b’mod definittiv, tar-rikorrenti u li tissostitwixxi, kuntrattwalment, dik li kellha qabel, jiġifieri “expert on stakeholders”.

148

F’dan il-każ, minn dan isegwi li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Awtorità setgħet, bid-deċiżjoni kkontestata, tirrifjuta li tikkonferma lir-rikorrenti fil-funzjonijiet tagħha ta’ espert anzjan, li kien iwassal, b’mod definittiv, li tirrinunzja li tipproponilha ftehim supplimentari ġdida għall-kuntratt tagħha li jinkludi offerta ta’ assenjazzjoni permanenti u definittiva fil-funzjonijiet ta’ espert anzjan, u dan minħabba r-raġuni leġittima li ma kinitx issodisfat il-kundizzjoni ta’ minimu ta’ disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti fis-16 ta’ Ġunju 2013, kif kien previst mid-DĠI “Reklutaġġ”, bil-konsegwenza li madankollu hija setgħet terġa’ tieħu lura l-funzjonijiet ta’ “expert on stakeholders” jew funzjonijiet oħra li fil-konfront tagħhom hija kienet baqgħet ingaġġata mal-Awtorità, f’dan il-każ għal żmien indeterminat, jiġifieri funzjonijiet li jikkorrispondu mal-grad AD 6.

149

Għaldaqstant, sa fejn jirrigwardaw dannu materjali li seħħ wara l-24 ta’ Frar 2014 u li jirriżulta minn differenza fis-salarju bejn il-gradi AD 6 u AD 8, it-talbiet għad‑danni għandhom jiġu miċħuda.

150

Fir-rigward tad-dannu morali allegat, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità, bħad-deċiżjoni kkontestata, fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, ħlief meta r-rikorrenti turi li sofriet dannu morali separabbli mill-illegalità li wasslet għall-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88).

151

F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment invokat il-kondotta tagħha, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi professjonali tagħha sabiex turi li hija kienet sofriet dannu morali li kien jikkonsisti f’sentiment ta’ inġustizzja u ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tal‑valur ġust ta’ xogħolha, kif ukoll l-impressjoni, jekk mhux saħansitra l-konvinzjoni, li hija kienet sofriet tnaqqis fil-grad.

152

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sentiment ta’ inġustizzja u l-anzjetajiet li jirriżultaw mill-fatt, li persuna, ikollha tiftaħ proċedura prekontenzjuża, imbagħad kontenzjuża, bil-għan li tara d-drittijiet tagħha rrikonoxxuti jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxi dannu li jista’ jirriżulta mill-uniku fatt li l-amministrazzjoni tkun wettqet illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 u 28).

153

F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li l-iskema speċifika ta’ assenjazzjoni provviżorja f’pożizzjoni ta’ grad ogħla, stabbilita mill-Awtorità fil-forma ta’ “istruzzjoni amministrattiva” bħad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, ċertament ma kinitx, kuntrarju għal dak li kien il-każ tad-DĠI tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg meħuda mill‑Awtorità, ġiet adottata bi qbil reċiproku mal-istituzzjoni ta’ tutela tal-EIOPA, jiġifieri l‑Kummissjoni, u, għar-raġunijiet esposti preċedentement, ma tidhirx li hija kompletament konformi mar-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal u tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg.

154

Għalhekk, jidher li din l-iskema speċifika kienet ġiet maħsuba sabiex il-membri tal-persunal temporanju li kienu diġà ġew ikkonfermati fil‑funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-Awtorità, bħar-rikorrenti, jibbenefikaw minn mod ta’ aċċess rapidu għal impjiegi ta’ gradi ogħla, mingħajr ma jitilfu l-benefiċċju tal-impjieg inizjali tagħhom, fil-każ fejn, fi tmiem perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur li matulu l‑funzjonijiet l-ġodda jiġu eżerċitati fil-kuntest ta’ assenjazzjoni provviżorja, huma ma jurux li jistgħu jwettqu l-funzjonijiet l-ġodda b’mod sodisfaċenti, u għalhekk l-impjieg inizjali jerġa’ jidħol fis-seħħ, mingħajr ma jkun skada.

155

Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, jidher li l-vantaġġ li minnu bbenefikat ir-rikorrenti, b’mod definittiv, mill-iskema speċifika ta’ assenjazzjoni provviżorja maħluqa mill-EIOPA fir-rigward tal-impjieg ta’ “expert on stakeholders” u ta’ dak ta’ espert anzjan kien daqs l-iżvantaġġ, fir-rigward ta’ dan l-aħħar impjieg, li hija sofriet minħabba l‑inkonvenjenzi tal-imsemmija skema. Din l-iskema ppermettitilha b’mod partikolari, kuntrarjament għall-kandidati esterni mill-Awtorità li x’aktarx kien ikollhom jirriżenjaw mill-funzjonijiet tagħhom sabiex jokkupaw l-impjieg ta’ espert anzjan, li żżomm il-benefiċċju tal-impjieg tagħha għal żmien indeterminat fil-grad AD 6. F’dawn iċ-ċirkustanzi, irrispettivament mill-merti tal‑persuna kkonċernata fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jqisx li r-rikorrenti wriet l-eżistenza ta’ dannu morali separabbli mill-illegalità li wasslet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ b’dan l-annullament.

156

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li:

id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn:

meta tinjora, f’relazzjoni kuntrattwali, id-drittijiet kweżiti u t-termini kuntrattwali, hija tiċħad retroattivament il-kandidatura tar-rikorrenti għall-impjieg ta’ espert anzjan u tirtira impliċitament l-offerta ta’ impjieg, taħt skema ta’ assenjazzjoni provviżorja, diġà aċċettata mir-rikorrenti, li kienet saritilha fis‑17 ta’ Lulju 2013;

hija ċċaħħad lir-rikorrenti mill-benefiċċju ta’ salarju li jikkorrispondi għall-grad AD 8 matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja mis‑16 ta’ Settembru 2013 sal-24 ta’ Frar 2014;

il-kumplament tat-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda;

l-EIOPA għandha tiġi kkundannata li tikkumpensa d-dannu materjali tar‑rikorrenti, li sofriet bejn is-16 ta’ Settembru 2013 u l-24 ta’ Frar 2014, f’ammont li jikkorrispondi għad-differenza fir-remunerazzjoni bejn il-gradi AD 6 u AD 8, miżjuda b’interessi moratorji, mis-16 ta’ Settembru 2013, bir‑rata stabbilita mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid matul il-perijodu kkonċernat u miżjuda b’żewġ punti;

il-kumplament tat-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

157

Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l‑oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha, iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l‑oħra, jew saħansitra li ma tiġix ikkundannata f’dan ir-rigward.

158

Mill-motivi msemmija f’din is-sentenza jirriżulta li l-Awtorità hija l-parti li għandha tiġi kkunsidrata bħala li tilfet parzjalment. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-EIOPA tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-fatt li s‑sitwazzjoni tar-rikorrenti hija parzjalment dovuta għal żball materjali fir‑redazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li, konsegwentement, l-Awtorità bi żball għamlitilha offerta ta’ impjieg li hija sussegwentement illegalment irtirat fi tmiem il-perijodu ta’ prova, jiġġustifikaw li, u fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-EIOPA tbati l-ispejjeż tagħha stess u li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha tar-rikorrenti, anki jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ ir-rikors biss parzjalment.

 

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2014 tal-Awtorità Ewropea tal‑Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol hija annullata sa fejn:

meta tinjora, f’relazzjoni kuntrattwali, id-drittijiet kweżiti u t‑termini kuntrattwali, hija tiċħad retroattivament il-kandidatura ta’ S. Murariu għall-impjieg ta’ espert anzjan fil-pensjonijiet tax‑xogħol (“senior expert on personal pensions”) u tirtira impliċitament l-offerta ta’ impjieg, taħt skema ta’ assenjazzjoni provviżorja, diġà aċċettata minn S. Murariu, li kienet saritilha fis‑17 ta’ Lulju 2013;

hija ċċaħħad lil S. Murariu mill-benefiċċju ta’ salarju li jikkorrispondi għall-grad AD 8 matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja mis-16 ta’ Settembru 2013 sal-24 ta’ Frar 2014.

 

2)

Il-bqija tat-talbiet għal annullament huma miċħuda.

 

3)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol hija kkundannata li tikkumpensa d-dannu materjali lil S. Murariu, li sofriet bejn is-16 ta’ Settembru 2013 u l-24 ta’ Frar 2014, f’ammont li jikkorrispondi għad-differenza fir-remunerazzjoni bejn il-gradi AD 6 u AD 8, miżjud bl-interessi moratorji, mis-16 ta’ Settembru 2013, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament matul il-perijodu kkonċernat u miżjuda b’żewġ punti.

 

4)

Il-kumplament tat-talbiet għad-danni huma miċħuda.

 

5)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn S. Murariu.

 

Barents

Perillo

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Lulju 2015.

W. Hakenberg

Reġistratur

R. Barents

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq