Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62011FJ0115
Judgment of the European Union Civil Service Tribunal (Second Chamber), 10 July 2014.#CG v European Investment Bank (EIB).#Civil service — Staff of the EIB — Appointment — Post as Head of Division — Appointment of a candidate other than the applicant — Irregularities in the selection procedure — Duty of impartiality of the members of the selection panel — Reprehensible behaviour of the Chairperson of the selection panel vis-à-vis the applicant — Conflict of interests — Oral presentation common to all the candidates — Documents supplied for the oral presentation apt to favour one of the candidates — Candidate having assisted in the drafting of the documents supplied — Breach of the principle of equal treatment — Action for annulment — Request for compensation.#Case F‑115/11.
SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla) 10 ta’ Lulju 2014.
CG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Ħatra — Pożizzjoni ta’ Kap ta’ Diviżjoni — Ħatra ta’ kandidat li ma huwiex ir-rikorrenti — Irregolaritajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni — Dmir ta’ imparzjalità tal-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni — Imġieba skorretta tal-President tal-Bord ta’ Selezzjoni fil-konfront tar-rikorrenti — Kunflitt ta’ interessi — Espożizzjoni orali komuni għall-kandidati kollha — Dokumenti pprovduti għall-espożizzjoni orali li jistgħu jiffavorixxu wieħed mill-kandidati — Kandidat li pparteċipa fir-redazzjoni tad-dokumenti pprovduti — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza — Rikors għal annullament — Talba għad-danni.
Kawża F‑115/11.
SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla) 10 ta’ Lulju 2014.
CG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Ħatra — Pożizzjoni ta’ Kap ta’ Diviżjoni — Ħatra ta’ kandidat li ma huwiex ir-rikorrenti — Irregolaritajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni — Dmir ta’ imparzjalità tal-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni — Imġieba skorretta tal-President tal-Bord ta’ Selezzjoni fil-konfront tar-rikorrenti — Kunflitt ta’ interessi — Espożizzjoni orali komuni għall-kandidati kollha — Dokumenti pprovduti għall-espożizzjoni orali li jistgħu jiffavorixxu wieħed mill-kandidati — Kandidat li pparteċipa fir-redazzjoni tad-dokumenti pprovduti — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza — Rikors għal annullament — Talba għad-danni.
Kawża F‑115/11.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:F:2014:187
SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)
10 ta’ Lulju 2014 (*)
“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Ħatra – Pożizzjoni ta’ Kap ta’ Diviżjoni – Ħatra ta’ kandidat li ma huwiex ir-rikorrenti – Irregolaritajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni – Dmir ta’ imparzjalità tal-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni – Imġiba skoretta tal-President tal-Bord ta’ Selezzjoni fil-konfront tar-rikorrenti – Kunflitt ta’ interessi – Espożizzjoni orali komuni għall-kandidati kollha – Dokumenti pprovduti għall-espożizzjoni orali li jistgħu jiffavorixxu wieħed mill-kandidati – Kandidat li pparteċipa fir-redazzjoni tad-dokumenti pprovduti – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza – Rikors għal annullament – Talba għad-danni”
Fil-Kawża F‑115/11,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE,
CG, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, residenti f’Sandweiler (il-Lussemburgu), inizjalment irrappreżentata minn N. Thieltgen, sussegwentement minn J.-N. Louis u D. de Abreu Caldas, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Nuvoli u T. Gilliams, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,
konvenut,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),
kompost minn M. I. Rofes i Pujol (Relatur), President, K. Bradley u J. Svenningsen, Imħallfin,
Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,
wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014,
jagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-27 ta’ Ottubru 2011, CG titlob, essenzjalment, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) li taħtar lil A, minflok ir-rikorrenti, għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni tal-“Politika tar-Riskju u tat-Tarifikazzjoni” (“Risk Policy and Pricing division”, iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni RPP”), li tifforma parti mid-Dipartiment tar-Riskju-Kreditu tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Amministrazzjoni tar-Riskji (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Amministrazzjoni tar-Riskji’”), u jikkundanna lill-Bank għall-ħlas tad-danni materjali u morali li hija tqis li sofriet.
Il-kuntest ġuridiku
2 Skont l-Artikolu 308 TFUE, l-Istatut tal-Bank huwa stabbilit permezz ta’ protokoll anness ma’ dan it-trattat u mat-Trattat UE, li minnhom huwa jifforma parti.
3 L-Artikolu 7(3)(h) tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank jipprevedi l-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi tar-regoli tal-proċedura tal-Bank. Dawn ir-regoli ġew approvati fl-4 ta’ Diċembru 1958 u kienu suġġetti għal diversi emendi. Dawn jipprovdu li r-Regoli tal-Persunal tal-Bank huma adottati mill-Bord tad-Diretturi.
4 Fl-20 ta’ April 1960, il-Bord tad-Diretturi adotta r-Regoli tal-Persunal tal-Bank. Fir-verżjoni tagħhom applikabbi għat-tilwima, l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Persunal jipprovdi li l-persunal tal-Bank huwa kkostitwit minn tliet kategoriji ta’ aġenti, skont il-funzjoni tagħhom, il-funzjoni “maniġerjali” u l-“funzjoni C”; it-tieni kategorija tipprevedi l-persunal amministrattiv u tinkludi tliet funzjonijiet, il-“funzjoni D”, il-funzjoni E” u l-“funzjoni F”; it-tielet kategorija tikkonċerna l-persunal eżekuttiv u hija kkostitwita minn erba’ funzjonijiet.
5 L-Artikolu 41 tar-Regoli tal-Persunal tal-Bank jipprovdi:
“Tilwim ta’ kwalunkwe natura f’livell individwali bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu għandu jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea].
Tilwim, minbarra dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ miżuri dixxiplinari, huwa suġġett għal proċedura bonarja quddiem il-Kummissjoni ta’ Konċiljazzjoni tal‑Bank u dan, indipendentement mill-azzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Fil-25 ta’ Mejju 2004, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bank approva dokument intitolat “Struzzjonijiet dwar il-Mobbiltà Interna u l-Promozzjonijiet” (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjonijiet”).
7 L-Artikolu 2 tal-Istruzzjonijiet, intitolat “Pubblikazzjoni ta’ Pożizzjonijiet Vakanti”, jipprovdi:
“Bħala regola ġenerali, il-pożizzjonijiet vakanti kollha għandhom ikunu miftuħa għall-membri kollha tal-persunal u ppubblikati. […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 L-Artikolu 3 tal-Istruzzjonijiet, intitolat “Użu ta’ Bordijiet”, jipprovdi:
“Il-ġudizzju kollettiv tal-persunal maniġerjali bl-użu ta’ bordijiet għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-bilanċ, għall-ġustizzja u għat-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni fil-mili tal-pożizzjonijiet vakanti. […] l-użu ta’ bordijiet ikun meħtieġ sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti tal-funzjoni C jew ogħla [minn din il-funzjoni] […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 L-Anness I tal-Istruzzjonijiet, dwar il-kompożizzjoni u r-rwol tal-bordijiet ta’ selezzjoni, jipprovdi:
“[…] Il-bordijiet għandhom ikunu l-iktar rappreżentattivi possibbli tal-istaff maniġerjali, fid-dawl tal-ambitu u tal-impatt tal-pożizzjoni eżaminata. Dawn għandhom jinkludu ħames membri u għandhom jinkludu nisa u rġiel. Dawn għandhom jinkludu tal-inqas rappreżentant tad-[Dipartiment tar-Riżorsi Umani] u rappreżentant ta’ direttorat ġenerali ieħor, differenti minn dak tal-pożizzjoni li għandha timtela. Il-membri tal-bord għandu jkollhom tal-inqas l-istess livell tal-funzjoni tal-pożizzjoni li għandha timtela.
Id-Direttur Ġenerali responsabbli mill-pożizzjoni u [d-Dipartiment tar-] Riżorsi Umani għandhom jiddeċiedu flimkien il-kompożizzjoni tal-Bord.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Bank ħejja dokument intitolat “Prattiki Tajba tal-Bordijiet ta’ Selezzjoni” (iktar ’il quddiem il-“Prattiki Tajba”). Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima, l-Artikolu 4.1 jipprovdi:
“Il-Bordijiet huma kkostitwiti minn ħames membri votanti u osservatur li jirrappreżenta lill-[Kumitat Konġunt għall-Ugwaljanza tal-Opportunitajiet bejn Irġiel u Nisa]. Il-President tal-Bord jirrappreżenta abitwalment lid-direttorat ġenerali li jimla l-pożizzjoni. Il-ħames membri votanti għandhom l-istess drittjiet ta’ votazzjoni. L-osservatur tal-[Kumitat Konġunt għall-Ugwaljanza tal‑Opportunitajiet bejn Irġiel u Nisa] ma għandux dritt ta’ vot. Il-ħames membri votanti għandu tal-inqas ikollhom l-istess livell tal-funzjoni tal-pożizzjoni vakanti. Il-kompożizzjoni tal-Bord hija miftiehma bejn [id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani] u d-Direttorat Ġenerali li jimla l-pożizzjoni u għandha tinkludi tal-inqas membru votant ta’ sess femminli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 L-Artikolu 5.1 tal-Prattiki Tajba jipprovdi dan li ġej:
“Il-President tal-Bord għandu l-istess drittijiet ta’ votazzjoni bħall-membri votanti l-oħra, iżda huwa jaġixxi bħala ‘primus inter pares’ […], li jfisser li fin-nuqqas ta’ konsensus fir-rigward tar-rakkomandazzjoni finali l-President ikollu dritt ta’ vot deċiżiv fir-rakkomandazzjoni finali, li għandu jiġi spjegat (kemm-il darba eżerċitat) fil-minuti tal-laqgħa tal-Bord.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 Skont l-Artikolu 10.3 tal-Prattiki Tajba:
“[…] Fl-evalwazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet tal-Bord, […] il-President jitkellem fl-aħħar sabiex jippermetti lill-membri l-oħra jesprimu l-perspettiva tagħhom mingħajr ma jkunu influwenzati mid-Direttorat Ġenerali li jirrekluta. […]”
13 Fi kliem l-Artikolu 17 tal-Prattiki Tajba:
“Id-deċiżjoni tal-ħatra tittieħed mill-President tal-Bank wara konsultazzjoni mal-kollegi tiegħu tal-Kumitat ta’ Tmexxija, wara l-proposta tad-Direttur [tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani]. Għal dan il-għan, id-Direttur [tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani], fuq il-bażi tal-minuti tal-Bord, jibgħat proposta ta’ ħatra lill-[Kumitat ikkostitwit mill-Kumitat ta’ Tmexxija u s-Segretarju Ġenerali] filwaqt li jżid, jekk iqis li jkun xieraq, kull kunsiderazzjoni addizzjonali [tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani].”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
14 Ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-Bank fis-16 ta’ Lulju 1998 fil-funzjoni E tal-kategorija tal-persunal amministrattiv.
15 Fl-1 ta’ April 2001, ir-rikorrenti ġiet promossa għall-funzjoni D, skala 1, tal-kategorija tal-persunal amministrattiv.
16 Fl-1 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti nħatret Kap tad-Diviżjoni “Koordinazzjoni” (iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni tal-Koordinazzjoni”) fi ħdan id-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji” u ġiet promossa għall-funzjoni C tal-kategorija tal-persunal maniġerjali. Fid-data tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti kienet għadha tokkupa din il-pożizzjoni.
17 Meta r-rikorrenti assumiet il-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni tal-Koordinazzjoni, id-DĠ “Amministrazzjoni tar-riskji” kien immexxi minn direttur ġenerali li kellu taħt is-superviżjoni diretta tiegħu lil X, Direttur tad-Dipartiment tar-Riskju-Kreditu, lil Y, Direttur tad-Dipartiment tar-Riskju Finanzjajru, u lir-rikorrenti.
18 Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-sena 2008, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji”, bħala evalwatur, qies li l-prestazzjoni tagħha kienet konformi mal-aspettattivi kollha u r-rikorrenti ngħatat bonus.
19 Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għall-ewwel semestru tas-sena 2009, l-evalwatur ikkonkluda li l-prestazzjoni tar-rikorrenti kienet tajba ħafna. Ir-rikorrenti kisbet żieda fis-salarju ta’ tliet skali żgħar u bonusijiet.
20 Permezz ta’ nota tas-16 ta’ Frar 2011, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji” ssottometta proposta ta’ riorganizzazzjoni ta’ dan id-Direttorat Ġenerali lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bank.
21 Fit-18 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni dwar ir-rispett tad-dinjità tal-persuna fuq il-post tax-xogħol fil-konfront ta’ X u Y. F’din it-talba, ir-rikorrenti affermat li, mix-xahar ta’ Ġunju 2010, fir-rigward ta’ X, u mix-xahar ta’ Settembru 2008, fir-rigward ta’ Y, dawn wettqu fil-konfront tagħha atti ta’ intimidazzjoni u ta’ fastidju, li jikkonsistu, fost affarijiet oħra, fl-“ixkaffar” permezz tad-dilwazzjoni u/jew it-tnaqqis tar-rwol tagħha u tar-responsabbiltajiet tagħha.
22 Fit-22 ta’ Frar 2011, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bank approva l-proġett ta’ riorganizzazzjoni tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji” (iktar ’il quddiem ir-“riorganizzazzjoni tad-DĠ ‘Amministrazzjoni tar-Riskju’”). Din l-organizzazzjoni ġdida kienet differenti mill-proposta li tidher fin-nota tas-16 ta’ Frar 2011 tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji”.
23 Permezz ta’ ittra tad-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tat-28 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ġiet informata bil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni u ġiet mistiedna tesponi l-ilment tagħha f’memorandum.
24 Permezz ta’ memorandum tal-14 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti kkonstatat okkorrenzi ta’ fastidju u ta’ intimidazzjoni li ż-żewġ persuni, X u Y, allegatament wettqu fil-konfront tagħha.
25 Permezz ta’ nota tat-30 ta’ Marzu 2011, il-President tal-Bank informa lill-persunal bil-fatt li l-Kumitat ta’ Tmexxija kien approva r-riorganizzazzjoni tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji” b’effett mill-1 ta’ April 2011 (iktar ’il quddiem in-“nota għall-persunal tat-30 ta’ Marzu 2011”). Minn din in-nota jirriżulta li, minn din id-data, il-politika ġenerali tar-riskju, inkluż il-ftehim ta’ Basel, l-adegwatezza tal-fondi proprji, is-simulazzjoni tal-kriżi u t-tarifikazzjoni, kienet taqa’ taħt diviżjoni ġdida, id-Diviżjoni RPP, fi ħdan id-Dipartiment tar-Riskju-Kreditu tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji”. In-nota għall-persunal tat-30 ta’ Marzu 2011 kienet tindika wkoll li, fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji”, Y, Direttur tad-Dipartiment tar-Riskju Finanzjarju, kellu jsir Direttur tad-Dipartiment tar-Riskju-Kreditu u li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni ġdida ta’ Kap tad-Diviżjoni RPP (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni kontenzjuża”) kellu jiġi ppubblikat skont il-proċeduri normali tal-Bank.
26 Fl-20 ta’ Mejju 2011, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni kontenzjuża ġie ppubblikat. It-terminu sabiex isir l-att tal-kandidatura ġie stabbilit għas-7 ta’ Ġunju 2011.
27 Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Ġunju 2011 mibgħuta lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, ir-rikorrenti talbet is-sospensjoni tal-proċedura ta’ reklutaġġ sabiex timtela l-pożizzjoni kontenzjuża, b’mod partikolari peress li Y, li kien jagħmel parti mill-Bord ta’ Selezzjoni, kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li kienet għadha għaddejja u li kienet mibdija minnha. Dan il-messaġġ elettroniku baqa’ mingħajr risposta.
28 Fis-7 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti għamlet l-att tal-kandidatura għall-pożizzjoni kontenzjuża.
29 Permezz ta’ posta elettronika tal-10 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ġiet mistiedna għal intervista mal-Bord ta’ Selezzjoni li kellha ssir fis-17 ta’ Ġunju 2011. L-istedina għall-intervista mal-Bord ta’ Selezzjoni kienet tindika li l-Bord kien kompost minn ħames persuni, fosthom Y li kien jippresjedih. Ġie wkoll speċifikat li, waqt l-intervista, ir-rikorrenti kellha tagħmel espożizzjoni ta’ għaxar minuti fuq kwistjoni lilha kkomunikata fil-posta elettronika u li għaliha hija setgħet tgħin lilha nnifisha permezz tad-dokumenti annessi mal-posta elettronika.
30 Permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Ġunju 2011 indirizzata lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, ir-rikorrenti talbet li Y jiġi ssostitwit.
31 Permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Ġunju 2011 ukoll, id-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani rrisponda lir-rikorrenti li l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Selezzjoni kienet ser tinżamm. Huwa informaha li hija “inkonċepibbli” l-possibbiltà li Y, Direttur tad-Dipartiment tar-Riskju-Kreditu, ma jippresjedix l-intervisti kollha li jsiru mill-Bord ta’ Selezzjoni. Huwa enfasizza li aġent tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani kien membru tal-Bord ta’ Selezzjoni u li waħda mir-responsabbiltajiet prinċipali tiegħu kienet dik li jiżgura li l-kandidati kollha jkollhom trattament ugwali u oġġettiv.
32 Fis-16 ta’ Ġunju 2011 f’nofsinhar, ir-rikorrenti bagħtet b’posta elettronika l-ittra ta’ motivazzjoni tagħha u l-curriculum vitae tagħha lis-Segretarjat tal-Bord ta’ Selezzjoni.
33 B’posta elettronika tas-16 ta’ Ġunju 2011 filgħaxija, ir-rikorrenti informat lis-Segretarjat tal-Bord ta’ Selezzjoni li, għal raġunijiet mediċi, hija ma setgħetx tattendi għall-intervista stabbilita għall-pitgħada u li hija kienet ser tkun bil-leave tal-mard għal tliet ġimgħat.
34 Fis-17 ta’ Ġunju 2011, il-kandidati kollha, minbarra r-rikorernti, kellhom intervista mal-Bord ta’ Selezzjoni.
35 Permezz ta’ posta elettronika tad-29 ta’ Ġunju 2011, mibgħuta wkoll bil-posta, ir-rappreżentant tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fil-Bord ta’ Selezzjoni stieden lir-rikorrenti tagħtih data, bejn it-8 u l-14 ta’ Lulju 2011, għall-intervista tagħha mal-Bord. Fl-assenza ta’ risposta mir-rikorrenti, l-imsemmi membru tal-Bord talabha b’posta elettronika tas-7 ta’ Lulju 2011, u b’ittra rreġistrata, tikkonferma jekk hija kinitx disponibbli fil-11, fit-13 jew fl-14 ta’ Lulju 2011 għal din l-intervista.
36 Permezz ta’ posta elettronika tal-11 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti indikat li hija kienet disponibbli fit-13 u fl-14 ta’ Lulju 2011, skont il-konvenjenza tal-Bord.
37 Fil-11 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni li ħa konjizzjoni tal-ilment ta’ fastidju mressaq mir-rikorrenti ta l-opinjoni tiegħu (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni”). Fir-rigward ta’ X, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni kkonkluda li ma setax “jikkonstata attitudni abbużiva u intenzjonata li setgħet tiġi kklassifikata bħala fastidju min-naħa tiegħu” u, fir-rigward ta’ Y, wara li kkonstata li ċerta mġiba rraportata mir-rikorrenti rriżultat, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni ma ppronunzjax ruħu fuq il-kwistjoni ta’ jekk din l-imġiba kinitx tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku. F’din l-opinjoni, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni fformula wkoll serje ta’ rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-Bank.
38 Fit-13 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti nstemgħet mill-Bord ta’ Selezzjoni, ippresjedut minn Y.
39 Fil-minuti tiegħu tat-18 ta’ Lulju 2011, redatti fit-tmiem tal-proċedura ta’ selezzjoni, il-Bord ikkonkluda b’mod unanimu li A kien l-aħjar kandidat għall-pożizzjoni kontenzjuża u rrakkomanda l-ħatra tiegħu.
40 Permezz ta’ posta elettronika tas-27 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ġiet informata li A ntgħażel mill-Bord.
41 Permezz ta’ nota tat-28 ta’ Lulju 2011, il-President tal-Bank informa lill-persunal bid-deċiżjoni tiegħu, meħuda wara li kkonsulta l-kollegi tiegħu tal-Kumitat ta’ Tmexxija, li jaħtar lil A għall-pożizzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011”).
42 Permezz ta’ posta elettronika tad-29 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti talbet lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jinformaha bil-miktub bir-raġunijiet li għalihom ma ntgħażlitx il-kandidatura tagħha kif ukoll bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla ta’ kandidat ieħor.
43 Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti bagħtet lill-President tal-Bank ilment intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 kif ukoll talba ta’ kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-illegalità ta’ din id-deċiżjoni u mill-fatt li ġiet obbligata tidher quddiem Bord ta’ Selezzjoni li wieħed mill-membri tiegħu kien persuna li allegatament ikkawżatilha fastidju u li fil-konfront tagħha kienet għaddejja proċedura ta’ investigazzjoni.
44 Fit-8 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ntlaqgħet minn aġent tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani li taha aċċess għall-parti mill-minuti tal-Bord ta’ Selezzjoni li tikkonċerna lilha.
45 Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Bank irrikonoxxa li rċieva l-ilment tal-5 ta’ Settembru 2011. Huwa informa lir-rikorrenti li minħabba l-assenza sat-23 ta’ Settembru 2011 tal-persuna responsabbli fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, l-ilment u t-talba għad-danni kienu ser jiġu ttrattati wara li jintemm il-leave ta’ dan l-aġent u li huwa kien ser jinformaha bid-deċiżjoni tiegħu wara din id-data.
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura
46 Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jannulla d-deċiżjoni tal-28 ta’ Lulju 2011;
– jordna lill-Bank jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi proċedura regolari intiża sabiex timtela l-pożizzjoni kontenzjuża;
– jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Bank fil-konfront tagħha fir-rigward tal-illegalità tad-deċiżjoni li jinħatar A għall-pożizzjoni kontenzjuża;
– jikkundanna lill-Bank għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni materjali u morali subiti mir-rikorrenti, flimkien mal-interessi moratorji:
– dwar id-danni morali: EUR 50 000;
– dwar id-danni materjali fir-rigward tat-telf ta’ remunerazzjoni: EUR 436 100;
– bħala miżura ta’ istruttorja, tordna perizja sabiex jiġi kkonstatat l-estent tad-danni materjali u morali li jirriżultaw mill-illegalità tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011, li s-suġġett f’dan ir-rigward huwa espost b’mod iktar wiesa’ fl-att ta’ produzzjoni ta’ prova anness mar-rikors;
– tikkundanna lill-Bank għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura.
47 Il-Bank jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u/jew infondat;
– jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
48 Fir-replika tagħha ppreżentata fis-6 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti talbet lit-Tribunal jordna, bħala miżura ta’ istruttorja, is-smigħ ta’ xhud speċifikat f’att ta’ produzzjoni ta’ prova anness mal-istess replika u, sussidjarjament, li jaċċetta bħala produzzjoni ta’ prova ġdida x-xhieda tal-istess xhud indikat fl-istess anness. Din it-talba saret insostenn tat-talbiet għall-annullament tar-rikors. Mistoqsija mit-Tribunal dwar din it-talba ta’ miżura ta’ istruzzjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt sussegwenti, ir-rikorrenti speċifikat li din ma setgħetx tiġi fformulata fir-rikors tagħha peress li hija kienet taf biss fi Frar 2012 bil-fatti li dwarhom dan ix-xhud jista’ jesprimi ruħu.
49 Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tad-29 ta’ Jannar 2014, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Huma debitament aderixxew ruħhom għal din l-istedina.
50 Fis-seduta, ir-rikorrenti rtirat it-tieni u l-ħames kapijiet tat-talbiet tar-rikors tagħha.
Id-dritt
1. Fuq l-ewwel kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011
51 Insostenn tat-talba għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ reklutaġġ. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter.
52 Fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-invokar tat-tieni u t-tielet motivi.
53 Għalhekk, għandu jitqies li r-rikorrenti qiegħda tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ reklutaġġ. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet: l-ewwel parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-Bord ta’ Selezzjoni u t-tieni parti fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-għażla tal-mistoqsijiet sottomessi lill-kandidati, għażla li ffavorixxiet lil A.
Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-Bord ta’ Selezzjoni
54 Fl-ambitu tal-ewwel parti tal-motiv uniku tagħha ta’ annullament, ir-rikorrenti tqajjem żewġ ilmenti: hija tilmenta, fl-ewwel lok, min-nuqqas ta’ imparzjalità tal‑President tal-Bord ta’ Selezzjoni, Y, u, fit-tieni lok, min-nuqqas ta’ imparzjalità tal-membri l-oħra tal-Bord.
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-ilment ta’ imparzjalità ta’ Y bħala membru u President tal-Bord ta’ Selezzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
55 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 ittieħdet wara rakkomandazzjoni tad-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani bbażata fuq proċedura ta’ reklutaġġ ivvizzjata minn irregolaritajiet u li għalhekk din kellha tiġi annullata. Hija tirrileva li, fit-28 ta’ Frar 2011, infetħet fuq talba tagħha proċedura ta’ investigazzjoni dwar ir-rispett tad-dinjità tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, minħabba fatti ta’ intimidazzjoni u ta’ fastidju li tagħhom hija qieset li kienet vittma sa minn Settembru 2008, partikolarment min-naħa ta’ Y. Fid-data tal-11 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni speċifika fl-opinjoni tiegħu li Y kien ipperċepit bħala “raġel ambizzjuż” u “steamroller li javvanza mingħajr ma jippreokkupa wisq ruħu mid-danni kollaterali li jista’ jikkawża” u li huwa eskluda lir-rikorrenti mill-pożizzjoni tagħha billi assuma huwa stess l-aspetti strateġiċi kollha li d-Diviżjoni tal-Koordinazzjoni kienet tinvolvi.
56 Ir-rikorrenti tafferma li, minħabba l-proċedura ta’ investigazzjoni għal fastidju li nfetħet fuq talba tagħha u li kienet tirrigwarda lil Y, dan tal-aħħar kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fil-konfront tagħha matul il-proċedura ta’ selezzjoni, sitwazzjoni li kienet tipprekludih milli jagħti opinjoni oġġettiva u imparzjali fuq il-kandidatura tagħha. Ir-rikorrenti żżid li, barra minn hekk, Y ippresjeda l-Bord ta’ Selezzjoni u minħabba f’hekk huwa seta’ jinfluwenza direttament jew indirettament lill-membri l-oħra tal-Bord fir-rigward tal-għażla tal-persuna li tieħu l-pożizzjoni. Bil-preżenza ta’ Y fil-Bord ta’ Selezzjoni, l-opinjoni ta’ dan il-bord ma setgħetx għalhekk tipprovdi l-garanziji ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività meħtieġa.
57 Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li, minkejja l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni, li fiha dan ikkonstata fil-konfront ta’ Y ċerta mġiba li hija kienet irraportat, u minkejja t-talba tagħha espressa li Y ma jagħmilx parti mill-Bord ta’ Selezzjoni, il-Bank ma bidilx il-kompożizzjoni tal-Bord u hija kellha tidher quddiem bord ta’ selezzjoni li fih kien hemm wieħed mill-individwi li allegatament wettqu fastidju fil-konfront tagħha.
58 Il-Bank iwieġeb li, sa fejn Y kien id-direttur tad-dipartiment li kien se jirrekluta, il-ħatra tiegħu bħala membru tal-Bord ta’ Selezzjoni kienet tirrifletti prattika stabbilita u kienet konformi mal-prattiki tajba. Fir-rigward tal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni, il-Bank jirrileva li dan ikkonkluda li ebda att ta’ fastidju ma ġie imputat lill-persuni implikati. Huwa adotta wkoll miżuri adattati għall-iżgurar tal-imparzjalità tal-bordijiet, bħall-preżenza fi ħdan il-Bord ta’ rappreżentant tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u l-preżenza bħala membru osservatur ta’ rappreżentant tal-Kumitat Konġunt għall-Ugwaljanza tal-Opportunitajiet bejn Irġiel u Nisa (iktar ’il quddiem il-“KOPU”). Fl-aħħar nett, il-minuti tal-Bord ta’ Selezzjoni juru li ma ħax pożizzjoni diskriminatorja fil-konfront tar-rikorrenti u li l-pożizzjoni tiegħu bħala President tal-Bord ma kellha l-ebda rwol fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011. Fil-fatt, mill-minuti tal-Bord jirriżulta li r-rikorrenti ġiet ikklassifikata fl-aħħar post mill-ħames kandidati, li d-deċiżjoni tal-Bord li jirrakkomanda lil A għall-pożizzjoni kontenzjuża ttieħdet b’mod unanimu mill-membri tal-Bord u li l-punti mogħtija mill-membri tal-Bord lil kull wieħed mill-kandidati kienu omoġenji, sa fejn ebda membru ma mar lil hinn b’mod sinjifikattiv mil-linja espressa mill-membri l-oħra.
– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal
59 Skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lil bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jew bord ta’ selezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet orali li għalihom huma suġġetti l-kandidati għandha tiġi kkumpensata bl-osservanza skrupluża tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet (sentenzi Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑92/01, EU:T:2002:220, punt 24, u Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, EU:T:2005:115, punt 38).
60 Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni huwa marbut li jiggarantixxi li l-evalwazzjonijiet tiegħu tal-kandidati kollha eżaminati, fl-eżamijiet orali, isiru f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività (sentenza Pantoulis vs Il-Kummissjoni, T‑290/03, EU:T:2005:316, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minkejja li l-proċedura ta’ reklutaġġ inkwistjoni ma ħaditx il-forma ta’ kompetizzjoni, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata f’dan il-każ peress li bord ta’ selezzjoni għandu l-għan, bħal bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, li jagħżel l-aħjar kandidati minn fost dawk li applikaw wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti u għandu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ selezzjoni.
61 Konsegwentement, huwa l-kompitu tal-Bank li, skont prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, jiżgura l-organizzazzjoni tajba tal-proċedura ta’ selezzjoni u li jiżgura għall-kandidati kollha ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni li l-intervisti mal-bord ta’ selezzjoni jsiru bl-iktar mod kalm u regolari possibbli. Dan jitlob li l-membri kollha tal-bord ta’ selezzjoni, maħtura mill-Bank, ikollhom l-indipendenza neċessarja sabiex l-oġġettività tagħhom ma tkunx tista’ titqiegħed f’dubju.
62 Għalhekk, huwa l-kompitu tat-Tribunal li jivverifika jekk il-Bord ta’ Selezzjoni ġiex ikkostitwit u ffunzjonax b’mod regolari, bl-osservanza partikolarment tad-dmir tiegħu ta’ imparzjalità, peress li din l-osservanza hija waħda mir-regoli prinċipali fix-xogħol tal-bordijiet tal-għażla ta’ kompetizzjonijiet kif ukoll fix-xogħol tal-bordijiet ta’ selezzjoni li huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal‑Unjoni (ara, fir-rigward tal-funzjonament ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, id-digriet Meierhofer vs Il-Kummissjoni, F‑74/07 RENV, EU:F:2011:63, punt 62).
63 It-Tribunal huwa għalhekk mitlub sabiex jeżamina, f’dan il-każ, jekk Y kienx jinsab f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fil-konfront tar-rikorrenti sa fejn huwa kien suġġett għal proċedura ta’ investigazzjoni għal fastidju li nbdiet minnha. Fil-każ affermattiv, in-nuqqas ta’ Y milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jastjeni milli jevalwa l-kandidatura tar-rikorrenti jikkostitwixxi ksur tad-dmir tiegħu ta’ imparzjalità u, konsegwentement, tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord fl-intier tiegħu.
64 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kunflitt ta’ interessi jikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha uffiċjal jew aġent jitwassal, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, sabiex jippronunzja ruħu fuq kwistjoni li fir-rigward tat-trattazzjoni tagħha jew tas-soluzzjoni għaliha huwa jkollu interess personali ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza tiegħu (bħala eżempju, is-sentenza Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza Giannini”, EU:T:2008:68, punt 223).
65 Issa, is-sempliċi fatt li membru ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jew ta’ bord ta’ selezzjoni jkun is-suġġett ta’ lment ta’ fastidju mressaq minn kandidat f’kompetizzjoni jew fi proċedura ta’ selezzjoni ma jistax, bħala tali, jimplika l-obbligu għall-membru kkonċernat li jirrikuża ruħu mill-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jew mill-bord ta’ selezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BY vs AESA, F‑81/11, EU:F:2013:82, punt 72). Min-naħa l-oħra, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li dan il-membru tal-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jkollu kunflitt ta’ interessi fis-sens li jkollu, direttament jew indirettament, interess personali sabiex jiffavorixxi jew jiżvantaġġa wieħed mill-kandidati, l-obbligu ta’ imparzjalità, kif stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeżiġi li dan ma jkunx jista’ jesprimi ruħu fuq il-merti ta’ dan il-kandidat, partikolarment jekk il-persuna magħżula fit-tmiem tas-selezzjoni inkwistjoni tkun mistennija tikkollabora sussegwentement taħt l-awtorità ġerarkika tiegħu.
66 F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-Diviżjoni RPP maħluqa reċentement kienet tifforma parti mid-Dipartiment tar-Riskju-Kreditu u li Y, bħala direttur ta’ dan id-dipartiment, kien ser ikun l-anzjan ġerarkiku dirett tal-kandidat li jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża. It-Tribunal għandu għalhekk jeżamina jekk ir-rikorrenti pprovdietx indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li skonthom Y, bħala membru u President tal-Bord ta’ Selezzjoni, kellu interess personali ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza tiegħu fl-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni kontenzjuża.
67 F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa paċifiku li, fit-28 ta’ Frar 2011, proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-osservanza tad-dinjità tal-persuna fuq il-post tax-xogħol infetħet fuq talba tar-rikorrenti fuq il-bażi ta’ fatti ta’ intimidazzjoni u ta’ fastidju senjatament imwettqa minn Y. Għalhekk, it-Tribunal josserva li l-Bank qies li tali proċedura ta’ investigazzjoni kienet neċessarja fid-dawl taċ-ċirkustanzi u li ma kienx hemm lok li t-talba tar-rikorrenti tiġi miċħuda mill-ewwel.
68 Lanqas ma huwa kkontestat li, fil-11 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni li ħa konjizzjoni tal-ilment imressaq mir-rikorrenti ta l-opinjoni tiegħu, li ma tinkludi ebda konklużjoni formali fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-imġiba imputata lil Y kinitx tikkostitwixxi fastidju, anki jekk il-Kumitat ta’ Investigazzjoni kkonstata partikolarment li ċerta mġiba rraportata mir-rikorrenti rriżultat. Bi tweġiba għal domanda fformulata mit-Tribunal fis-seduta, il-Bank afferma li, normalment, l-opinjoni ta’ kumitat ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-fastidju tintbagħat lill-President tal-Bank għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, iżda mhux direttament lill-persuni implikati jew lil-lanjant. Huwa speċifika wkoll li, mingħajr dubju, Y irċieva l-komunikazzjoni formali tad-deċiżjoni li ma jittiħdux passi ulterjuri fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-President tal-Bank ħa fid-dawl tal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni, iżda mhux l-opinjoni nnifisha.
69 Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit ukoll li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni kontenzjuża ġie ppubblikat fl-20 ta’ Mejju 2011 u li l-intervista tar-rikorrenti mal-Bord ta’ Selezzjoni saret fit-13 ta’ Lulju 2011, jiġifieri jumejn wara li l-Kumitat ta’ Investigazzjoni ta l-opinjoni tiegħu, imbagħad li, fit-18 ta’ Lulju 2011, il-Bord ta’ Selezzjoni kiteb il-minuti tiegħu fejn indika lil A għal din il-pożizzjoni.
70 Għalhekk, mill-punti preċedenti jirriżulta li l-proċedura ta’ selezzjoni saret b’mod parallel mal-proċedura ta’ investigazzjoni.
71 Imbagħad, mill-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni jirriżulta li r-rikorrenti lmentat partikolarment minħabba “xkaffar” minn Y permezz tad-dilwazzjoni u/jew it-tnaqqis tar-rwol tagħha u tar-responsabbiltajiet tagħha.
72 F’dan ir-rigward, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni kkonstata li “[m]atul iż-żmien il-pożizzjoni ta[r-rikorrenti] inbidlet f’għajnejn [Y]: minn kollaboratriċi evalwata u nnotata b’mod favorevoli ħafna, hija saret element li jostakola t-triq li huwa ħejja. Peress li hija kienet iktar kompetitur għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali tad-[DĠ ‘Amministrazzjoni tar-Riskji’], [Y] ma kellu ebda eżitazzjoni jimla l-postijiet vakanti ta’ poter imħollija mi[r-rikorrenti] minħabba mard u li din tal-aħħar ipprovat mis-sitwazzjoni ta’ mard tagħha tissodisfa kif setgħet” u li, minħabba f’hekk, Y “seta’ bil-mod il-mod jeskludi [lir-rikorrenti] mill-pożizzjoni tagħha billi jassumi huwa stess l-aspetti strateġiċi kollha li d-Dipartiment tal-Koordinazzjoni kien jinvolvi. Fil-fatt, huwa b’hekk stabbilit […] li l-organigramma tad-[DĠ ‘Amministrazzjoni tar-Riskji’] hija tali li [Y] jiġbor taħt idejh il-funzjonijiet prinċipali u strateġiċi kollha li jagħtu viżibbiltà għolja fir-rigward tal-ġerarkija tal-Bank u li [r-rikorrenti] hija limitata għal funzjonijiet amministrattivi. Dak li [r-rikorrenti] antiċipat fi-fatt seħħ”.
73 Fl-opinjoni tiegħu, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni jafferma wkoll li r-“relazzjonijiet [tar-rikorrenti], preċedentement eċċellenti ma’ [ Y] iddeġeneraw, billi [Y] mela l-vojt li [r-rikorrenti] ħalliet u beda bil-mod il-mod jassumi l-funzjonijiet l-iktar importanti u ta’ sfida intellettwali [tar-rikorrenti], filwaqt li din tal-aħħar ma aċċettatx dan l-indħil fuq il-kompetenzi tagħha. Finalment, kull komunikazzjoni u kull relazzjoni ta’ fiduċja bejn it-tnejn sar[u] impossibli”.
74 Bl-istess mod, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni josserva li Y “huwa […] ipperċepit bħala raġel ambizzjuż li għandu viżjonijiet tal-futur professjonali tiegħu u li huwa deskritt minn xi wħud bħala steamroller li javvanza mingħajr ma jippreokkupa wisq ruħu mid-danni kollaterali li jista’ jikkawża” u li “bil-preżenza [tar-rikorrenti], din kienet qiegħda tostakola l-ambizzjonijiet tiegħu u l-assenza tagħha […] minħabba mard waqqfet parzjalment eżekuzzjoni tajba tax-xogħol, hija kellha tiġi skartata”.
75 Mill-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni jirriżulta wkoll li Y fil-fatt adotta ċerta mġiba li r-rikorrenti imputat lilu u li, fil-mument tal-intervista tar-rikorrenti mal-Bord ta’ Selezzjoni, fit-13 ta’ Lulju 2011, ir-relazzjonijiet professjonali bejn ir-rikorrenti u Y kienu serjament iddeterjoraw.
76 Ladarba Y isir l-anzjan ġerarkiku dirett tar-rikorrenti kemm-il darba din kellha tintgħażel u tinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża, it-Tribunal iqis li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u tal-fatti esposti fil-punti 67 sa 75 ta’ din is-sentenza, u partikolarment tal-fatti li l-Kumitat ta’ Investigazzjoni, fl-opinjoni tiegħu, jikkunsidra li huma stabbiliti, ir-rikorrenti pprovdiet, f’dan il-każ, indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti insostenn tat-teżi tagħha li, meta Y inħatar bħala membru tal-Bord ta’ Selezzjoni, huwa kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi ta’ natura li tqiegħed f’dubju l-kapaċità tiegħu li jevalwa bl-oġġettività neċessarja l-kandidatura tar-rikorrenti.
77 Huwa paċifiku li Y ipparteċipa fl-intervista u fl-evalwazzjoni tar-rikorrenti, meta huwa kellu d-dmir li jastjeni inkwantu kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tagħha.
78 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikoli 5.1 u 10.3 tal-prattiki tajba jipprovdu li l-President tal-Bord ta’ Selezzjoni għandu dritt ta’ vot deċiżiv fil-każ ta’ assenza ta’ konsensus fuq ir-rakkomandazzjoni finali u li, fid-deliberazzjonijiet, huwa għandu jitkellem l-aħħar sabiex ma jinfluwenzax lill-membri l-oħra tal-Bord ta’ Selezzjoni. Konsegwentement, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li Y, bħala President tal-Bord ta’ Selezzjoni, kien f’pożizzjoni li jkollu rwol deċiżiv fix-xogħol tal-Bord u li jinfluwenza lill-membri l-oħra tal-Bord ta’ Selezzjoni.
79 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr ġudizzju intempestiv tal-kontenut tad-dibattiti bejn il-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni u tal-pożizzjonijiet meħuda mid-diversi membri tal-Bord, inkluż minn Y, għandu jiġi konkluż li Y, minħabba l-fatt li kien fil-Bord ta’ Selezzjoni, kiser id-dmir tiegħu ta’ imparzjalità. Konsegwentement, sa fejn kull wieħed mill-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni għandu jkollu l-indipendenza neċessarja sabiex l-oġġettività tal-Bord ta’ Selezzjoni fl-intier tiegħu ma tkunx tista’ tiġi kompromessa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li kien hemm ksur tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord ta’ Selezzjoni fl-intier tiegħu.
80 Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tal-Bank.
81 Qabelxejn, fir-rigward tal-argument li kien “inkonċepibbli” li d-direttur tad-dipartiment li jirrikluta, f’dan il-każ Y, ma jippresjedix l-intervisti kollha tal-Bord ta’ Selezzjoni, huwa suffiċjenti li jiġi indikat li l-Artikolu 4.1 tal-Prattiki Tajba jipprovdi li l-President tal-Bord jirrapreżenta “abitwalment lid-direttorat ġenerali” li jimla l-pożizzjoni u li l-Anness I tal-Istruzzjonijiet ma jeżiġix li l-Bord ikun kompost mid-direttur tad-dipartiment li jirrikluta. Għalhekk, fir-regoli interni tal-Bank, ma hijiex kwistjoni tad-dipartiment li jirrikluta, iżda tad-direttorat ġenerali li jirrikluta, u huwa permissibbli li d-direttur tad-dipartiment li jimla l-pożizzjoni ma jkunx membru tal-Bord ta’ Selezzjoni.
82 Barra minn hekk, għandu jitfakkar (ara l-punti 30 u 31 iktar ’il fuq) li r-rikorrenti kienet talbet, permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Ġunju 2011 mibgħuta lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, sabiex Y jiġi ssostitwit, liema talba ġiet lilha rrifjutata dakinhar stess mill-istess direttur. Issa, fil-preżenza ta’ kunflitt ta’ interessi, il-Bank kellu jevita li Y ikun membru, u iktar u iktar president, tal-Bord ta’ Selezzjoni jew, tal-inqas, kellu jieħu passi sabiex dan jastjeni minn kull intervent fl-intervista u fl-evalwazzjoni tar-rikorrenti, ħaġa li huwa ma għamilx.
83 Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni tal-11 ta’ Lulju 2011 tikkonkludi li ma kienx hemm imġiba ta’ fastidju min-naħa ta’ Y u li, għal din ir-raġuni, ma kienx hemm kunflitt ta’ interessi min-naħa ta’ Y, it-Tribunal ifakkar li l-proċedura ta’ selezzjoni saret b’mod parallel mal-proċedura ta’ investigazzjoni (ara l-punt 70 ta’ din is-sentenza) u li, meta, fl-14 ta’ Ġunju 2011, id-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani rrifjuta li jissostitwixxi lil Y fil-Bord ta’ Selezzjoni, il-Kumitat ta’ Investigazzjoni kien għadu ma tax l-opinjoni tiegħu. Peress li l-intervista tal-Bord ta’ Selezzjoni mar-rikorrenti kienet inizjalment intiża li ssir fis-17 ta’ Ġunju 2011, il-Bank għalhekk ma kienx qed jara inkonvenjenza fil-fatt li Y, li f’dik id-data kien suġġett għal proċedura ta’ investigazzjoni għal fastidju, ikun membru tal-Bord ta’ Selezzjoni. Għalhekk, l-argument tal-Bank ibbażat fuq il-konklużjonijiet negattivi tal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ atti ta’ fastidju mwettqa minn Y huwa irrilevanti. Fi kwalunkwe każ, indipendentement mid-data li fiha Y seta’ sar jaf li l-Kumitat ta’ Investigazzjoni ta l-opinjoni tiegħu, din l-opinjoni ma seta’ jkollha ebda effett fuq l-eżistenza stess tal-kunflitt ta’ interessi ta’ Y matul il-proċedura ta’ selezzjoni. Fil-fatt, il-fatt li r-relazzjonijiet professjonali bejn Y u r-rikorrenti ddeterjoraw serjament qabel ma nbdiet il-proċedura ta’ selezzjoni, kif jirriżulta mill-opinjoni tal-Kumitat ta’ Investigazzjoni, huwa suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jiġi konkluż li Y kellu kunflitt ta’ interessi.
84 Bl-istess mod, it-Tribunal jirrileva li l-eżistenza ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi min-naħa ta’ membru tal-Bord ta’ Selezzjoni fil-konfront ta’ kandidat ma tistax tiġi kkumpensata la bil-preżenza ta’ rappreżentant tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Bord u lanqas bil-preżenza ta’ osservatur tal-KOPU.
85 Finalment, fir-rigward tal-argument tal-Bank li mill-minuti tal-Bord ta’ Selezzjoni jirriżulta li Y ma ħax pożizzjoni diskriminatorja fir-rigward tar-rikorrenti u li A ntagħżel b’mod unanimu, ir-Tribunal josserva li fil-fatt, kif isostni l-Bank, il-punti mogħtija minn kull membru tal-Bord lil kull wieħed mill-kandidati huma relattivament omeġenji. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi min-naħa ta’ Y jew il-possibbiltà li Y, bħala President tal-Bord, seta’ jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kandidati li saret mill-membri l-oħra tal-Bord ta’ Selezzjoni.
86 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet irregolari sa fejn il-President tal-Bord ta’ Selezzjoni, u, konsegwentement, il-Bord fl-intier tiegħu, kisru d-dmir tagħhom ta’ imparzjalità. Għalhekk, jeħtieġ li l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-motiv jiġi ddikjarat fondat.
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-membri l-oħra tal-Bord ta’ Selezzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
87 Ir-rikorrenti tallega li l-membri tal-Bord l-oħra setgħu jkunu parzjali, peress li l-parti kbira tagħhom approvat ir-riorganizzazzjoni tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji”, u b’mod partikolari l-ħolqien tad-Diviżjoni RPP li tagħha l-Kap ingħata kważi t-totalità tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet li kienu jifformaw parti mill-funzjonijiet tiegħu bħala Kap tad-Diviżjoni tal-Koordinazzjoni.
88 Il-Bank ma jippronunzjax ruħu fuq dan it-tieni lment.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
89 Huwa suffiċjenti li jiġi osservat li r-rikorrenti sempliċement tallega li l-membri l-oħra tal-Bord ta’ Selezzjoni setgħu kisru d-dmir ta’ imparzjalità tagħha, mingħajr ma sostniet li, f’dan il-każ, dawn fil-fatt hekk għamlu. B’dan il-mod, hija tinqeda bi spekulazzjonijiet puri mingħajr ma ġġib prova li tista’ tipprova din l-allegazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment tal-ewwel parti tal-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
90 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ewwel parti tal-motiv uniku tar-rikors, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ selezzjoni, hija parzjalment fondata.
Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
L-argumenti tal-partijiet
91 Ir-rikorrenti tafferma li l-espożizzjoni orali ta’ għaxar minuti quddiem il-Bord ta’ Selezzjoni li għaliha l-kandidati kollha kienu suġġetti kienet tikkonsisti fi preżentazzjoni qasira fuq suġġett tekniku fuq il-bażi ta’ żewġ noti interni tal-Bank li ġew mgħoddija lill-kandidati kollha qabel l-intervista tagħhom mal-Bord ta’ Selezzjoni. Issa, sa fejn A pprepara jew ipparteċipa fir-redazzjoni ta’ dawn iż-żewġ noti interni, dan tal-aħħar ġie inġustament ipprivileġġjat b’paragun mal-kandidati oħra. Billi manifestament iffavorixxa lil wieħed mill-kandidati għall-pożizzjoni kontenzjuża inkwantu għażel li jibbaża l-eżami tal-espożizzjoni orali fuq iż-żewġ noti interni hawn fuq imsemmija, il-Bord ta’ Selezzjoni kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
92 Il-Bank jammetti li A kkollabora fil-fażi ta’ preparazzjoni taż-żewġ noti inkwistjoni, iżda jqis li ebda kandidat ma ġie inġustament żvantaġġjat, peress li dawn in-noti ma kinux jeħtieġu għarfien partikolari sabiex jinftiehmu u tqassmu lill-kandidati kollha qabel l-intervista. L-espożizzjoni orali kienet biss eżami fost id-diversi eżamijiet li kienu jikkostitwixxu l-proċedura ta’ selezzjoni u ma kinitx intiża sabiex tevalwa l-kompetenzi tekniċi tal-kandidati, iżda pjuttost il-kompetenzi ta’ komunikazzjoni u ta’ perswassjoni tagħhom.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal
93 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, jew ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti, sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Jirriżulta wkoll li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkollhomx differenzi essenzjali, jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku. Sabiex differenza fit-trattament tista’ tkun kompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, din id-differenza għandha tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u għandha tkun proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-differenzjazzjoni (ara, pereżempju, is-sentenzi Giannini, EU:T:2008:68, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Brown vs Il-Kummissjoni, F‑37/05, EU:F:2009:121, punt 64).
94 Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjonijiet u li l-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għandu jiżgura strettament l-osservanza tiegħu matul l-andament tal-kompetizzjoni. Minkejja li l-bord għandu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet u l-kontenut dettaljat tal-eżamijiet, il-qorti tal-Unjoni għandha madankollu l-kompitu li teżerċita l-istħarriġ tagħha sal-livell meħtieġ sabiex tiżgura trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla bejniethom adoperata mill-bord tal-għażla (sentenzi Giannini, EU:T:2008:68, punt 132, u De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 43).
95 Finalment, għandu jiġi osservat li kull eżami jinvolvi, b’mod ġenerali u b’mod inerenti, riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament, fid-dawl tan-natura neċessarjament limitata tan-numru ta’ mistoqsijiet li jistgħu raġonevolment isiru matul eżami fir-rigward ta’ suġġett partikolari. Għalhekk, ġie aċċettat li ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jiġi kkonstatat biss meta l-bord ma jkunx illimita, fl-għażla tal-eżamijiet, ir-riskju ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet inerenti għaliha, b’mod ġenerali, f’kull eżami (sentenzi Giannini, EU:T:2008:68, punt 133, u De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:14, punt 45).
96 F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-kandidati kellhom ilkoll jirrispondu għal mistoqsija simili li kull membru tal-Bord ta’ Selezzjoni għamlilhom. Barra minn hekk, il-Bord ta’ Selezzjoni stabbilixxa eżami identiku għall-kandidati kollha, li kien jikkonsisti fi preżentazzjoni orali fuq il-bażi ta’ żewġ noti interni tal-Bank, sabiex jevalwa l-kapaċità tagħhom li jippreżentaw tema kumplessa u teknika lil pubbliku mhux speċjalizzat u li jikkonvinċuh bil-proposta tagħhom. Iż-żewġ noti hawn fuq imsemmija kellhom għalhekk iservu sabiex jeżaminaw il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni, ta’ preżentazzjoni, ta’ spjegazzjoni u ta’ perswassjoni tal-kandidati, u mhux il-konoxxenzi tekniċi tagħhom.
97 Mill-proċess jirriżulta wkoll li A pparteċipa fir-redazzjoni taż-żewġ noti interni mogħtija lill-kandidati għall-finijiet tal-preżentanzzjoni orali quddiem il-Bord ta’ Selezzjoni. It-Tribunal iqis li s-sempliċi fatt li wieħed ikun l-awtur jew il-koawtur ta’ dawn in-noti jagħti familjarità reali fir-rigward tal-kontenut tagħhom u potenzjalment jiffaċilita kull preżentazzjoni bbażata fuqhom.
98 Ċertament, kif il-Bank isostni, ġie deċiż li l-familjarità ma’ dokument li ċerti kandidati f’kompetizzjoni seta’ kellhom minħabba x-xogħol tagħhom ma timplikax li huma ġew inġustament vantaġġjati bl-għażla tal-Bord tal-Għażla li jieħu dan id-dokument bħala bażi għall-mistoqsijiet ta’ eżami, sa fejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lil ċerti kandidati bl-għażla ta’ dan id-dokument jagħmel parti mir-riskju inerenti, bħala regola ġenerali, għal kull eżami u, min-naħa l-oħra, sa fejn it-test ta’ dan id-dokument kien aċċessibbli qabel l-eżami (sentenza Giannini, EU:T:2008:68, punt 164).
99 F’dan ir-rigward, it-Tribunal jirrileva li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Giannini (EU:T:2008:68), ir-rikorrent, kandidat eskluż minn kompetizzjoni, ilmenta mill-fatt li kandidati oħra kienu ħadmu, qabel il-kompetizzjoni, fuq dokumenti preparatorji tad-dokument li serva ta’ bażi għall-eżami bil-miktub. Mis-sentenza Giannini (EU:T:2008:68) jirriżulta li l-identità bejn id-dokumenti preparatorji u d-dokument suġġett għall-kandidati ma setgħetx tiġi preżunta u l-kandidati li ħadmu fuq id-dokumenti preparatorji ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq konoxxenza possibbilment miksuba mix-xogħol tagħhom fuq dawn id-dokumenti preparatorji. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ikkonkludiet li l-faċilità potenzjali li l-kandidati li ħadmu fuq id-dokumenti preparatorji seta’ kellhom sabiex jgħaddu mill-eżami bil-miktub fuq il-bażi tal-familjarità tagħhom ma’ dawn id-dokumenti preparatorji kellha rilevanza limitata ħafna u ddeċidiet li l-kandidati kkonċernati ma kinux ġew inġustament vantaġġjati.
100 Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li kandidat wieħed, A, kien jaf aħjar mill-kompetituri tiegħu d-dokumenti pprovduti lill-kandidati għall-preparazzjoni tal-espożizzjoni tagħhom (EU:T:2008:68), A, bħala awtur jew koawtur, ħadem direttament fuq iż-żewġ noti interni tal-Bank, u mhux fuq dokumenti preparatorji ta’ dawn iż-żewġ noti interni, li l-kontenut tagħhom bħala dokumenti preparatorji ma kinux neċessarjament identiċi għal dak taż-żewġ noti interni inkwistjoni. Konsegwentement, sa fejn l-espożizzjoni orali tal-kandidati kienet tipprevedi partikolarment l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jikkonvinċu pubbliku mhux speċjalizzat, il-vantaġġ fil-konfront tal-kandidati l-oħra li minnu bbenefika A fl-eżami tal-espożizzjoni orali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fir-redazzjoni kompleta jew parzjali taż-żewġ noti hawn fuq imsemmija huwa ferm reali u rilevanti.
101 Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li ż-żewġ noti interni inkwistjoni ġew ipprovduti lill-kandidati kollha qabel l-intervista tagħhom mal-Bord ta’ Selezzjoni, lanqas mill-argument tal-Bank, imressaq fis-seduta, li ż-żewġ noti kienu magħrufa ħafna mill-kandidati kollha ferm qabel ma nbdiet il-proċedura ta’ selezzjoni. Fis-seduta, il-Bank ammetta li l-Bord ta’ Selezzjoni seta’ għażel, għall-eżami tal-espożizzjoni orali, testijiet oħra minflok iż-żewġ noti hawn fuq imsemmija. Għalhekk, huwa stabbilit li A ġie inġustament ipprivileġġjat b’paragun mal-kandidati l-oħra.
102 Konsegwentement, għandu jiġi konkluż, billi għażel li jibbaża l-eżami tal-espożizzjoni orali komuni għall-kandidati kollha fuq iż-żewġ noti interni tal-Bank hawn fuq imsemmija, il-Bank kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
103 Għalhekk, it-tieni parti tal-motiv uniku tar-rikors hija fondata.
104 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ħtieġa ta’ eżami tat-talba għal miżuri ta’ istruttorja, l-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011, għandu jintlaqa’.
2. Fuq it-tieni u t-tielet kapi tat-talbiet, intiżi għall-ksib ta’ kumpens
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
105 Il-Bank isostni li l-qorti tal-Unjoni ma jkollha ebda bażi ta’ kompetenza jekk ir-rikors li bih hija tkun adita ma jkunx intiż kontra att tal-amministrazzjoni li jiċħad il-pretensjonijiet tar-rikorrent. F’dan il-każ, bil-posta elettronika tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Bank informa lir-rikorrenti li t-talba tagħha għad-danni tal-5 ta’ Settembru 2011 kellha tiġi ttrattata meta tidħol lura mil-leave il-persuna responsabbli fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, fit-23 ta’ Settembru 2011. Issa, ir-rikorrenti adixxiet lit-Tribunal bit-talba tagħha għad-danni fis-27 ta’ Ottubru 2011, mingħajr ma ħadet risposta espressa mill-Bank għat-talba tagħha tal-5 ta’ Settembru 2011, u qabel ma skada t-terminu ta’ tliet xhur sabiex tiġi fis-seħħ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħha. Konsegwentement, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
106 Il-Bank iżid li t-talbiet għad-danni għandhom effett doppju, tal-inqas parzjalment, flimkien mat-talba għad-danni fformulata fir-rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2011 quddiem it-Tribunal u rreġistrat taħt in-Numru ta’ Referenza F‑95/11, fir-rigward tad-dannu li r-rikorrenti allegatament sostniet minħabba l-pubblikazzjoni tal-pożizzjoni kontenzjuża. Għalhekk, it-talbiet għad-danni huma wkoll, fi kwalunkwe każ, inammissibbli fuq il-bażi tal-lis alibi pendens, tal-inqas parzjalment.
107 Bi tweġiba għat-talba tat-Tribunal, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni fid-dawl tas-sentenzi De Nicola vs BEI (T‑37/10 P, EU:T:2012:205) u De Nicola vs BEI (T‑264/11 P, EU:T:2013:461), il-Bank jafferma li minkejja li, skont dawn is-sentenzi, talba għad-danni setgħet tiġi sottomessa quddiem il-qorti tal-Unjoni mingħajr ma tkun preċedentement tressqet talba għad-danni quddiem l-amministrazzjoni, meta persuna tiddeċiedi li titlob l-ewwel lill-amministrazzjoni sabiex tieħu pożizzjoni fuq ċerta kwistjoni, anki jekk din il-proċedura ma tkunx obbligatorja, il-persuna kkonċernata għandha tippermetti lill-amministrazzjoni adita minnha tippronunzja ruħha f’terminu raġonevoli. Dan il-kunċett ta’ terminu raġonevoli, enfasizzat fis-sentenza Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 26 sa 30), huwa applikabbli kemm għat-terminu li persuna għandha sabiex tressaq talba quddiem l-amministrazzjoni kif ukoll għat-terminu li l-amministrazzjoni għandha sabiex tieħu pożizzjoni fuq din it-talba.
108 Ir-rikorrenti twieġeb li t-talbiet għad-danni tar-rikors tagħha għandhom jitqiesu ammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
109 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet kollha għad-danni, it-Tribunal ifakkar li skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, essenzjalment, kull kwistjoni bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu tista’ tkun azzjonabbli ġudizzjarjament quddiem il-qorti tal-Unjoni, b’dan però li tali azzjoni tista’ tiġi ppreċeduta minn proċedura bonarja quddiem il-Kummissjoni ta’ Konċiljazzjoni tal-Bank, u dan indipendentement mill-azzjoni mressqa quddiem il-qorti (sentenza De Nicola vs BEI, EU:T:2012:205, punt 74).
110 Diġà ġie deċiż li mill-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, li jipprevedi proċedura ta’ konċiljazzjoni li titmexxa b’mod indipendenti mill-azzjoni mressqa quddiem il-qorti, jirriżulta ċar li l-ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni kontenzjuża ma hija bl-ebda mod suġġetta għall-eżawriment ta’ din il-proċedura amministrattiva li hija ta’ natura fakultattiva għall-impjegati tal-Bank (ara, f’dan is-sens, is-sentenza De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, EU:T:2001:69, punt 96), filwaqt li l-uffiċjali jew l-aġenti għandhom jistennew it-tmiem tal-proċedura prekontenzjuża prevista mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti UE”).
111 Barra minn hekk, fis-sentenza De Nicola vs BEI (EU:T:2013:461, punti 69 sa 73), mogħtija fuq appell mis-sentenza tat-Tribunal De Nicola vs BEI (F‑59/09, EU:F:2011:19), li fiha, b’applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti UE, it-Tribunal qies li ma kellu ebda bażi ta’ kompetenza sabiex jiddeċiedi r-rikors għad-danni li bih huwa ġie adit peress li dan ir-rikors ma ġiex indirizzat kontra att adottat mill-Bank li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata, inkwantu ebda talba għad-danni ma saret preċedentement lill-Bank, ġie deċiż li, fin-nuqqas ta’ regolamenti interni rilevanti fi ħdan il-Bank, it-Tribunal ma setax jagħmel il-kompetenza tiegħu jew l-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni li bih huwa jiġi adit dipendenti fuq “l-assenza ta’ talba għad-danni indirizzata lill-Bank u ta’ kull att li jikkawża preġudizzju li miegħu t-talbiet għad-danni jistgħu jintrabtu”. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-unika dispożizzjoni rilevanti f’dan il-kuntest hija dik prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, li n-natura u r-ratio legis tagħha huwa ferm differenti minn dawk tar-Regolamenti UE, inkluż tal-Artikoli 90 u 91 tagħhom, u li l-eżistenza stess tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludi li jsiru analoġiji stretti b’paragun mal-imsemmija Regolamenti UE.
112 Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni ta’ membru tal-persunal tal-Bank ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni tat-tressiq minn qabel ta’ talba għad-danni quddiem il-Bank u lanqas għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju li miegħu jistgħu jintrabtu t-talbiet għad-danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni indirizzata lill-Bank minn membru tal-persunal tiegħu taqa’ taħt il-proċedura interna għal ftehim bonarju, li, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija fi kwalunkwe każ fakultattiva.
113 F’dan il-każ, kif espost fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, b’posta elettronika tal-5 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti bagħtet lill-Bank talba għad-danni intiża sabiex tikseb kumpens għad-danni allegatament sostnuti minħabba partikolarment l-illegalità tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011. Fis-27 ta’ Ottubru 2011, meta l-Bank kien għadu ma ppronunzjax ruħu fuq it-talba tagħha, hija ppreżentat dan ir-rikors. Sa fejn it-talba għad-danni mressqa quddiem il-Bank saret fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ ftehim bonarju ta’ kwistjonijiet bejn il-membri tal-persunal u l-Bank u sa fejn l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni quddiem it-Tribunal ma hijiex suġġetta għall-eżawriment ta’ din il-proċedura amministrattiva, dan ir-rikors għad-danni għandu jitqies li huwa ammissibbli.
114 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-ġurisprudenza invokata mill-Bank fir-risposta tiegħu. Fil-fatt, is-sentenzi tat-Tribunal De Nicola vs BEI (F‑55/08, EU:F:2009:159) u De Nicola vs BEI (F‑59/09, EU:F:2011:19) li għalihom huwa jirreferi ġew rispettivament annullati speċjalment fil-punti tagħhom invokati mill-Bank permezz tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea De Nicola vs BEI (EU:T:2012:205) u De Nicola vs BEI (EU:T:2013:461), sentenzi li barra minn hekk it-Tribunal issottometta lill-Bank għal osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 107 iktar ’il fuq).
115 Bl-istess mod, it-Tribunal jikkonstata li l-punt 137 tas-sentenza tat-Tribunal De Nicola vs BEI (EU:F:2011:19), punt invokat ukoll mill-Bank fir-risposta tiegħu, ma għandux rilevanza, peress li dan jirrigwarda il-kwistjoni tal-bidu tad-dekorrenza għall-kalkulazzjoni tat-terminu raġonevoli li fih impjegat tal-Bank għandu jippreżenta rikors quddiem it-Tribunal sabiex ma jitqiesx li huwa tardiv. Bl-istess mod, lanqas il-punti 26 sa 30 tas-sentenza Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI (EU:C:2013:134), invokati mill-Bank fl-osservazzjonijiet tiegħu bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fuq is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea De Nicola vs BEI (EU:T:2012:205) u De Nicola vs BEI (EU:T:2013:461), ma huma rilevanti, peress li dawn jittrattaw il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” li fih aġent tal-Bank għandu jippreżenta rikors għall-annullament ta’ att ta’ dan tal-aħħar li jikkawżalu preġudizzju.
116 F’dan il-każ, it-Tribunal ma huwiex mitlub jeżamina l-kwistjoni tat-tul tat-terminu għal preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni taħt il-piena li dan ir-rikors jitqies tardiv, iżda għandu jeżamina jekk jistax jieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni jew le. B’mod partikolari, huwa għandu janalizza jekk jistax jieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ta’ membru tal-persunal tal-Bank ippreżentat meta r-rikorrent ma stenniex ir-risposta tal-Bank għat-talba għad-danni li bagħatlu qabel. L-argumentazzjoni ta’ difiża żviluppata mill-Bank hija għalhekk irrilevanti.
117 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inammissibbiltà parzjali tat-talbiet għad-danni minħabba lis alibi pendens, għandu jitfakkar li, meta rikors ikollu identità tal-partijiet, tas-suġġett u tal-motivi ma’ rikors ippreżentat qabel, dan għandu, skont ġurisprudenza stabbilita, jiġi miċħud bħala inammissibbli (digriet Vienne et vs Il-Parlament, F‑22/06, EU:F:2006:89, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).
118 Għalhekk, huwa l-kompitu tat-Tribunal li jeżamina jekk ir-rikorsi fil-Kawża F‑95/11 u f’din il-kawża, ippreżentati fit-28 ta’ Settembru u fis-27 ta’ Ottubru 2011 rispettivament, jinvolvux l-istess partijiet, jirrigwardawx l-istess suġġett u humiex ibbażati fuq l-istess motivi.
119 Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-identità tal-partijiet inkwistjoni fil-kuntest taż-żewġ rikorsi, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ din hija ssodisfatta. Fil-fatt, iż-żewġ rikorsi huma bejn ir-rikorrenti u l-Bank.
120 Fir-rigward tal-kundizzjonijiet marbuta mal-identità tas-suġġett, għandu jiġi rrilevat li, fil-Kawża F‑95/11, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-illegalità tad-deċiżjoni tal-Bank li jibdel in-natura tal-funzjonijiet tagħha kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħhom billi rtiralha r-responsabbiltajiet li hija kellha fil-qasam tal-politika ġenerali tar-riskju, kif din id-deċiżjoni tirriżulta min-nota għall-persunal tat-30 ta’ Marzu 2011. Hija titlob ukoll kumpens għad-danni li hija allegatament sostniet wara l-ksur mill-Bank tad-dmirijiet tiegħu ta’ premura u ta’ protezzjoni li bihom dan huwa marbut fil-każ tal-assenza tal-persunal tiegħu minħabba mard, kif ukoll tal-Artikolu 42 tar-Regolamenti tal-Persunal peress li ma adottax, sabiex sussegwentement jikkomunikaha lilha, deċiżjoni individwali fir-rigward tagħha intiża sabiex tibdel il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju u n-natura tal-funzjonijiet tagħha.
121 F’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni lilha kkawżati mill-illegalità tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 u mill-fatt li ġiet obbligata tidher quddiem bord ta’ selezzjoni li wieħed mill-membri tiegħu kien suġġett, fuq talba tagħha, għal proċedura ta’ investigazzjoni għal fastidju psikoloġiku li kienet għaddejja.
122 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għad-danni ta’ dan ir-rikors u dawk tar-rikors fil-Kawża F‑95/11 ma għandhomx suġġett identiku. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-bank ibbażata fuq il-lis alibi pendens għandha tiġi miċħuda.
123 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-talbiet għad-danni huma ammissibbli.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
124 Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ selezzjoni ħolqitilha ħafna inkwiet inkwantu, minkejja t-talbiet tagħha, hija kellha tippreżenta ruħha quddiem bord ta’ selezzjoni li wieħed mill-membri tiegħu kien wieħed mill-individwi li allegatament wettqu fastidju fil-konfront tagħha li kien suġġett għal proċedura ta’ investigazzjoni li hija bdiet u li kienet għaddejja.
125 Ir-rikorrenti tafferma wkoll li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 ikkawżatilha sentiment ta’ inkomprensjoni, ta’ umiljazzjoni u ta’ qerq profond min-naħa tal-Bank. Din id-deċiżjoni kkawżatilha dannu għar-reputazzjoni professjonali tagħha inkwantu, filwaqt li hija kienet ngħatat il-parti l-kbira tal-funzjonijiet marbuta mal-pożizzjoni kontenzjuża qabel ir-riorganizzazzjoni tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji”, hija ma nħatritx f’din il-pożizzjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 ikkawżatilha dannu morali sinjifikattiv, li hija tevalwa ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 50 000.
126 Finalment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 ikkawżatilha dannu materjali, li jikkorrispondi għal telf ta’ remunerazzjoni ladarba l-ħatra tagħha fil-pożizzjoni kontenzjuża kienet tippermettilha li tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-għanijiet strateġiċi tad-DĠ “Amministrazzjoni tar-Riskji” u li tibbenefika minn avvanz fil-karriera iktar rapidu. Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu materjali ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 436 100.
127 Il-Bank jafferma li t-talba għad-danni ma għandha l-ebda bażi peress li huwa ma jista’ jiġi imputat b’ebda aġir illegali. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrenti ma wrietx ir-realtà ta’ dan id-dannu, peress li t-telf tar-remunerazzjoni huwa biss ipotetiku.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
128 Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tippresupponi li r-rikorrent juri l-eżistenza ta’ irregolarità, ta’ dannu reali u ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat. Peress li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni (sentenza Arguelles Arias vs Il-Kunsill, F‑122/12, EU:F:2013:185, punt 128).
129 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-dannu morali li r-rikorrenti tinvoka joriġina parzjalment mid-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 u parzjalment mill-fatt li hija kellha tippreżenta ruħha quddiem bord ta’ selezzjoni li kien jinkludi wieħed mill-individwi li allegatament wettqu fastidju fil-konfront tagħha li fir-rigward tiegħu hija kienet taf li kien hemm proċedura ta’ investigazzjoni għaddejja u li dan kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fil-konfront tagħha.
130 Fil-punt 104 ta’ din is-sentenza ġie deċiż li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 kellha tiġi annullata minħabba ksur tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord ta’ Selezzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, u fil-punt 77 ta’ din is-sentenza ġie deċiż li Y kellu jastjeni mill-intervista tal-Bord ta’ Selezzjoni mar-rikorrenti u mill-evalwazzjoni tagħha. Peress li ġew ikkonstatati irregolaritajiet min-naħa tal-Bank, għandu jiġi eżaminat jekk dawn in-nuqqasijiet kellhomx konsegwenzi dannużi għar-rikorrenti.
131 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dannu morali li r-rikorrenti tqis li sostniet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrenti ma turix li sostniet dannu morali li huwa separat mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament u li ma jistax ikun kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament (sentenza CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 64).
132 It-Tribunal ifakkar li huwa paċifiku li s-sentiment ta’ inġustizzja u t-turmenti kkawżati mill-fatt, għal persuna, li jkollha tibda proċedura kontenzjuża sabiex id-drittijiet tagħha jiġu rrikonoxxuti jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi dedott mill-fatt biss li l-amministrazzjoni kkawżat illegalitajiet. Filwaqt li jqis li għal dawn id-danni għandu jsir ħlas ta’ kumpens ladarba dawn ma humiex ikkumpensati bis-sodisfazzjon li jirriżulta mill-annullament ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CC vs Il-Parlament, F‑9/12, EU:F:2013:116, punt 128, li hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑457/13 P), it-Tribunal, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom ingħatat id-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011, jiġifieri fi tmiem ta’ proċedura ta’ selezzjoni li fiha r-rikorrenti kellha tippreżenta ruħha quddiem bord ta’ selezzjoni ppresjedut minn wieħed mill-individwi li allegatament wettqu fastidju fil-konfront tagħha li fir-rigward tiegħu hija kienet taf li kienet għaddejja proċedura ta’ investigazzjoni u li dan kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fil-konfront tagħha, u li matulha ma ġiex osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, jiddeċiedi li tkun evalwazzjoni ġusta, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, li l-kumpens għal dan id-dannu morali sostnut mir-rikorrenti jiġi ffissat, ex æquo et bono, fis-somma ta’ EUR 25 000.
133 Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba tar-rikorrenti sabiex il-Bank jiġi kkundannat jikkumpensa d-dannu materjali li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 ikkawżatilha minħabba li d-deċiżjoni li hija ma tinħatarx fil-pożizzjoni kontenzjuża kellha impatt fuq ir-remunerazzjoni futura tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li r-rikorrenti ma stabbilixxietx ir-realità tad-dannu subit. Fil-fatt, jekk stess wieħed jissopponi li, fit-tmiem tal-proċedura ta’ selezzjoni, ir-rikorrenti nħatret fil-pożizzjoni kontenzjuża, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat, b’mod konkret, x’possibbiltajiet ta’ avvanz fil-karriera hija kien ikollha, peress li tali possibbiltajiet ta’ avvanz huma purament ipotetiċi. Minn dan isegwi li t-talbiet għad-danni tar-rikorrenti f’dan is-sens ma jistgħux jintlaqgħu.
134 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 25 000.
Fuq l-ispejjeż
135 Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il‑kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.
136 Mir-raġunijiet esposti f’din is-sentenza jirriżulta li, peress li r-rikors essenzjalment intlaqa’, il-Bank huwa l-parti li tilfet il-kawża. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir‑rikorrenti talbet espressament li l-Bank jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm għalhekk lok li l-Bank jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)
jaqta’ u jiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-28 ta’ Lulju 2011 dwar il-ħatra ta’ A fil-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni tal-“Politika tar-riskju u tat-tarifikazzjoni” hija annullata.
2) Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa kkundannat iħallas lil CG is-somma ta’ EUR 25 000.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn CG.
Rofes i Pujol |
Bradley |
Svenningsen |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju 2014.
Reġistratur |
Il-President |
W. Hakenberg |
M. I. Rofes i Pujol |
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.