EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010FJ0042

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta' Mejju 2012.
Carina Skareby vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku.
Kawża F-42/10.

Rapporti tal-qorti - Rapporti dwar Każijiet tal-Istaff

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:F:2012:64

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Mejju 2012 (*)

“Servizz pubbliku — Dmir ta’ assistenza — Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku mis-superjur dirett”

Fil-Kawża F‑42/10,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Carina Skareby, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Louvain (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Currall u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2011,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-3 ta’ Ġunju 2010, C. Skareby titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta’ Lulju 2009, li tiċħad it-talba tagħha għal assistenza permezz ta’ ilment dwar fastidju psikoloġiku u, jekk meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tad-19 ta’ Frar 2010, li ċaħdet l-ilment tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar “id-dritt għal amministrazzjoni tajba” jipprovdi:

“Dan id-dritt jinkludi :

a) id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

[…]”

3        L-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) jipprovdi:

“1. Uffiċjali jistgħu [għandhom] jżommu lura minn kull forma ta’ turment [fastidju] psikoloġiku jew sesswali.

2. Uffiċjal li kien vittma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni. Uffiċjal li ngħata [jkun ta] evidenza dwar turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, sakemm l-uffiċjal aġixxa b’onestà.

3. ‘Turment psikoloġiku’ ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika u tinvolvi atteġġament fi[żi]ku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna.

[…]”

4        Skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni applikabbli dakinhar tal-fatti:

“Il-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Ir-rikorrenti hija uffiċjal tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Diċembru 1996. Fit-18 ta’ April 2003, hija kienet ġiet assenjata lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Almaty (il-Każakistan). Billi iktar tard il-Kirigiżtan kien aċċetta delegazzjoni msejħa “reġjonalizzata”, ir-rikorrenti kienet ġiet assenjata, fid-19 ta’ April 2004, f’Bichkek (il-Kirigiżtan). F’nota verbali tat-8 ta’ Ġunju 2004 ppreżentata lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kirigiżtan u lill-Komunità diplomatika f’dak il-pajjiż, kien ġie ppreċiżat, minn naħa, li hija kellha tokkupa l-pożizzjoni ta’ “kap ta’ sezzjoni bi grad ta’ chargé d’affaires ad interim fl-assenza tal-kap tad-delegazzjoni”, li kellu jibqa’ akkreditat fil-Kirigiżtan, u, min-naħa l-oħra, li “d-delegazzjoni reġjonalizzata f’Bichkek [kienet] issubordinata għad-delegazzjoni [reġjonali] tal-Kummissjoni […] f’Almaty”. F’Awwissu 2007, ir-rikorrenti kienet irritornata fid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Relazzjonijiet esterni” tal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju).

6        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti introduċiet talba għal assistenza taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), li fiha lmentat li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa taż-żewġ superjuri diretti suċċessivi tagħha, li kienu, wieħed wara l-ieħor, kap tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Każakistan (iktar ’il quddiem, minn naħa, l-“ewwel kap tad-delegazzjoni” u, min-naħa l-oħra, it-“tieni kap tad-delegazzjoni”). Hija talbet, f’dan ir-rigward, il-ftuħ ta’ inkjesta amministrattiva bl-għan li jiġu stabbiliti l-fatti ta’ fastidju psikoloġiku allegati. Minn dik l-ittra jirriżulta li l-fatti kkontestati lill-ewwel kap tad-delegazzjoni kienu jkopru l-perijodu minn April 2003 sa’ Settembru 2005, filwaqt li dawk ikkontestati lit-tieni kap tad-delegazzjoni kienu seħħew bejn Ottubru 2005 u Awwissu 2007, id-data li fiha r-rikorrenti kienet irritornat fis-sede tal-Kummissjoni fi Brussell.

7        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti kienet ipprovdiet informazzjoni supplimentari għat-talba għal assistenza. Fiha, hija kienet ippreċiżat b’mod partikolari li l-ewwel u t-tieni kap tad-delegazzjoni kienu sistematikament ittraskuraw u mminimizzaw ir-rwol tagħha fi ħdan id-delegazzjonijiet ta’ Almaty u ta’ Bichkek, u dan, fil-fehma tagħha, kienu skreditaha u umiljaha fil-konfront tal-interlokuturi tagħha fil-Gvernijiet tal-Każakistan u tal-Kirigiżtan, tal-ambaxxaturi tal-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi preżenti f’dawn il-pajjiżi.

8        Wara t-talba tagħha għal assistenza, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2009, li l-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina (UID) kien irċieva mandat sabiex jiftaħ inkjesta amministrattiva fuq l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku li jikkonċernaw it-tieni kap tad-delegazzjoni. B’dik l-istess ittra, il-Kummissjoni kienet informat lir-rikorrenti bir-rifjut tagħha li tiftaħ tali inkjesta kontra l-ewwel kap tad-delegazzjoni, għaliex ir-rikorrenti ma kinitx ippreżentat it-talba għal assistenza fi żmien raġonevoli.

9        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti kienet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti, introduċiet ilment kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Marzu 2009, sa fejn din irrifjutat li tiftaħ inkjesta kontra l-ewwel kap tad-delegazzjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet dak l-ilment b’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2009. Fit-13 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti introduċiet rikors kontra d-deċiżjoni msemmija hawn fuq tal-4 ta’ Marzu 2009. Dan ir-rikors kien ġie milqugħ u r-rifjut kontenzjuż kien ġie annullat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (sentenza tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑95/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Skareby”).

10      Fil-frattemp, il-Kummissjoni kienet, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, informat lir-rikorrenti bil-konklużjonijiet adottati mill-UID fir-rapport tiegħu dwar l-inkjesta amministrattiva miftuħa kontra t-tieni kap tad-delegazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ inkjesta”). Skont dawn il-konklużjonijiet, il-fastidju allegat ma kienx ġie ppruvat u l-inkjesta kellha tingħalaq mingħajr konsegwenzi dixxiplinari. F’dik l-istess ittra, il-Kummissjoni kienet ukoll informat lir-rikorrenti li hija kienet, għaldaqstant, iddeċidiet li ma tkomplix tinvestiga t-talba għal assistenza u li tagħlaq il-fajl.

11      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ottubru 2009, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti, ir-rikorrenti introduċiet ilment kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2009, li ma tkomplix tinvestiga t-talba għal assistenza, ilment li ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra fid-19 ta’ Frar 2010.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

12      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi r-rapport ta’ inkjesta, kif ukoll il-provi li jakkompanjawh;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2009, li ċaħdet l-ilment tagħha għal fastidju psikoloġiku kontra t-tieni kap tad-delegazzjoni u, fejn meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tad-19 ta’ Frar 2010 li tiċħad l-ilment tagħha;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Fl-att promotur tagħha, ir-rikorrenti talbet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi r-rapport ta’ inkjesta kif ukoll il-provi li jakkumpanjawh, sabiex tkun tista’ tivverifika jekk inkjesta amministrattiva kinitx effettivament twettqet.

15      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li ma kienx possibbli għaliha li tikkomunika d-dokumenti inkwistjoni lir-rikorrenti, għaliex dawn jinkludu data ta’ karattru personali li għandha tkun protetta u li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika l-interessi ta’ terzi. Il-Kummissjoni tiddikjara, madankollu, li hija lesta li tibgħat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku verżjoni kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti, jekk dan jagħmel talba permezz ta’ digriet motivat. Madankollu l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq id-diffikultà li ser ikun hemm sabiex tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija dokumenti, billi l-allegati fatti ta’ fastidju kienu seħħew f’unità amministrattiva żgħira, b’mod li l-ħabi tal-ismijiet tax-xhieda ma kienx ser jimpedixxi li huma jintgħarfu b’elementi speċifiċi oħra.

16      B’digriet motivat tas-6 ta’ April 2011, mogħti skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kunfidenzjalità, allegata mill-Kummissjoni, tar-rapport ta’ inkjesta u tad-dokumenti li fuqhom huwa bbażat dan ir-rapport. Bl-istess digriet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi r-rapport ta’ inkjesta u d-dokumenti msemmija hawn fuq billi ppreċiża li la r-rikorrenti u lanqas l-avukati tagħha ma kienu ser ikunu awtorizzati li jikkonsultawh, għallinqas sakemm tingħata deċiżjoni fuq ir-rilevanza u l-kunfidenzjalità tagħhom.

17      Il-Kummissjoni kkomunikat ir-rapport ta’ inkjesta u d-dokumenti mitluba permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-18 ta’ April 2011 u r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-possibbli kunfidenzjalità fis-26 ta’ April tal-istess sena.

18      Wara li ħa konjizzjoni tar-rapport ta’ inkjesta u tad-dokumenti l-oħra mibgħuta mill-Kummissjoni u fid-dawl tal-motivi żviluppati fir-rikors, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku deherlu li huwa biss ir-rapport ta’ inkjesta li huwa rilevanti għad-deċiżjoni ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li dan ir-rapport kien jinkludi elementi kunfidenzjali, sa fejn, adottat wara inkjesta dwar fastidju, kien jinkludi data personali – jiġifieri l-ismijiet, kunjomijiet, funzjonijiet u gradi tal-persuni mismugħa – li kienet tippermetti li dawn jiġu identifikati. Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibgħatlu verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ inkjesta, filwaqt li titħalla barra d-data personali msemmija hawnhekk, u li tikkomunika dik il-verżjoni mhux kunfidenzjali lir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jibgħat lura lill-Kummissjoni d-dokumenti l-oħra li hija kienet ikkomunikatlu ineżekuzzjoni tad-digriet tas-6 ta’ April 2011. Ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet b’dawn id-diversi deċiżjonijiet b’ittra tal-31 ta’ Mejju 2011.

19      Il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ inkjesta fis-7 ta’ Ġunju 2011 u r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwaru permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta’ Lulju 2011, flimkien ma’ tliet annessi. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, li bagħtet il-kummenti tagħha dwar l-imsemmija osservazzjonijiet fid-29 ta’ Lulju tal-istess sena, kummenti li kienu kkompletati b’ittra tat-30 ta’ Awwissu 2011, flimkien ma’ diversi dokumenti.

20      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ dokumenti li hija kienet iddikjarat li ser tippreżenta fl-osservazzjonijiet tagħha tal-15 ta’ Lulju 2011.

21      Ir-rikorrenti ġiet mistiedna, fir-rapport preparatorju għas-seduta, sabiex matul is-seduta tirrispondi għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha u sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti annessi mal-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Awwissu 2011. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ġiet mistiedna sabiex, matul is-seduta tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti mibgħuta lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mir-rikorrenti fit-28 ta’ Settembru 2011.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

22      Minbarra l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2009, li ma tkomplix tinvestiga t-talba għal assistenza, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni, tad-19 ta’ Frar 2010, li tiċħad l-ilment tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-effett ta’ talbiet għal annullament formali kontra deċiżjoni li tiċħad ilment huwa, meta d-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit jistħarreġ l-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, punt 8). Billi d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment introdott kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2009 ma kellhiex, f’dan il-każ, kontenut awtonomu, ir-rikors għandu jitqies li huwa indirizzat biss kontra dik id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

24      Il-Kummissjoni targumenta li r-rikors huwa inammissibbli, minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fatt, anki jekk jitqies li r-rikors huwa fondat, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex sejjer jagħtiha rimedju. Il-fastidju psikoloġiku kien fi kwalunkwe każ waqaf wara r-ritorn tar-rikorrenti fis-sede tal-Kummissjoni, fi Brussell, fl-2007, u r-rikorrenti ma talbitx kumpens għad-dannu li sofriet.

25      L-iskop tar-rikors huwa, fil-verità, dak li jipprovoka l-ftuħ ta’ inkjesta amministrattiva ġdida bl-għan li twassal għal possibbli proċedura dixxiplinari kontra t-tieni kap tad-delegazzjoni jew, fil-każ li l-fatti jiġu stabbiliti, il-ksib ta’ sempliċi dikjarazzjoni ta’ dritt li tikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju. Issa, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddeċiedi jekk tiftaħx jew le proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal u l-uffiċjali l-oħra ma jistgħux iġegħluha tiftaħ tali proċedura. Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, ir-rikorrenti ma jkollhiex interess ġuridiku, għaliex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux iwaħħad id-dispożittiv tas-sentenzi tiegħu ma’ dikjarazzjoni ta’ dritt jew ta’ konstatazzjonijiet.

26      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkontestat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, hija targumenta li r-rikors tagħha huwa intiż għar-riintegrazzjoni tad-dinjità tagħha, u dan iseħħ bir-rikonoxximent li hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku. Hija tqis li, minħabba f’hekk, hija għandha interess personali sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex, f’każ ta’ annullament, l-amministrazzjoni tkun kostretta preċiżament sabiex teżamina mill-ġdid il-kwistjoni ta’ jekk hija kinitx vittma ta’ tali fastidju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

27      Għandu jiġi osservat li f’dan il-każ il-Kummissjoni sostniet l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma fir-risposta tagħha, minkejja l-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ċaħad eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà simili fis-sentenza Skareby (punti 22 sa 31), sentenza li kienet ingħatat qabel ma nżammet is-seduta f’din il-kawża. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar dan li ġej.

28      Huwa paċifiku li t-talbiet għal annullament ta’ att amministrattiv huma inammissibbli fin-nuqqas ta’ interess puridiku leġittimu, ċert u reali, u meta l-annullament tal-att ikkontestat ma jkunx jista’ jagħti rimedju lill-persuna kkonċernat.

29      F’dan il-każ, huwa veru li r-rikorrenti ma titlobx il-kumpens għad-danni li rriżultaw mill-fastidju allegat. Huwa veru wkoll li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni skont l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti sabiex tibda proċedura dixxiplinari. Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li l-fastidju allegat spiċċa f’Awwissu 2007 meta r-rikorrenti rritornat fis-sede tal-Kummissjoni, fi Brussell.

30      Madankollu, iċ-ċirkustanza mfakkra iktar ’il fuq ma jxejjnux is-suġġett ta’ dan ir-rikors u lanqas ma jikkanċellaw l-interess tar-rikorrenti li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

31      Fil-fatt, fir-rigward ta’ kwistjoni daqstant gravi daqs il-fastidju psikoloġiku, għandu jiġi ammess li l-allegata vittma ta’ tali fastidju, li tikkontesta quddiem il-qorti r-rifjut tal-istituzzjoni li tilqa’ t-talba tagħha għal assistenza, jibqgħalha, minkejja l-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Kummissjoni, l-interess rikjest mill-ġurisprudenza bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors.

32      Tali soluzzjoni hija neċessarja minħabba s-serjetà nnifisha tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku, fatti li jista’ jkollhom effetti distruttivi ħafna fuq l-istat ta’ saħħa tal-vittma. Issa, jekk l-unur ta’ uffiċjal li jirtira jiġġustifika l-interess tiegħu li jaġixxi kontra d-deċiżjoni li tippronunzja s-sospensjoni tiegħu, minkejja l-fatt li dik id-deċiżjoni ta’ sospensjoni neċessarjament titħassar fil-ġurnata tal-irtirar tiegħu (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑80/08, punt 35), dan għandu jgħodd ukoll għal membru tal-persunal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk tali fastidju jippersistix jew ta’ jekk l-uffiċjal jew aġent inkwistjoni jressaqx, għandux l-intenzjoni li jressaq, jew sempliċement għandu d-dritt li jressaq talbiet oħra, b’mod partikolari ta’ kumpens, b’rabta mal-fastidju psikoloġiku li tiegħu huwa jallega li huwa vittma. Għandu jiżdied f’dan il-kuntest li l-possibbli rikonoxximent mill-amministrazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, jkollu effett tajjeb fuq il-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-vittma.

33      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni ma tistax tiġi milqugħa.

 Fuq il-mertu

34      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u, t-tielet, fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura u fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ assistenza.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

35      Mid-diversi dokumenti proċedurali tar-rikorrenti jirriżulta li l-ewwel motiv huwa kompost minn żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta li effettivament kien hemm inkjesta amministrattiva mmexxija mill-UID, filwaqt li tikkritika, fit-tieni parti, l-insuffiċjenza tal-involviment tagħha fil-proċedura, abbażi tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 Dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq jekk effettivament kienx hemm inkjesta amministrattiva

36      Fl-att introduttiv ta’ istanza tagħha, meta hija kienet għada ma rċevietx komunika tar-rapport ta’ inkjesta, ir-rikorrenti kienet, qabel xejn, esprimiet dubji dwar il-fatt li kienet effettivament saret inkjesta.

37      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ inkjesta, ikkomunikat mill-Kummissjoni f’verżjoni mhux kunfidenzjali wara d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-6 ta’ April 2011 (punti 16 et seq iktar ’il fuq), ir-rikorrenti targumenta li l-imsemmi rapport juri li l-inkjesta kienet nieqsa minn dettalji, minn oġġettività u minn indipendenza. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti targumenta li kienu nstemgħu biss erba’ xhieda minn fost it-tletin li s-smigħ tagħhom kienu ġie indikati fit-talba għal assistenza. Barra minn hekk, ir-rapport ta’ inkjesta ma jinkludi l-ebda riferiment għall-eżempji preċiżi ta’ fastidju deskritti fit-talba għal assistenza u ma jirriżultax li dawn l-eżempji kienu s-suġġett ta’ xi investigazzjoni min-naħa tal-UID. Barra minn hekk, l-espożizzjoni ta’ ċerti fatti mill-UID hija parzjali. Ir-rapport ta’ inkjesta jinkludi wkoll inkoerenzi u kontradizzjonijiet. Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li d-dikjarazzjonijiet ta’ xhud C huma rrapportati kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Ingliż jitfa’ dubju fuq ix-xhieda inkwistjoni u l-preżentazzjoni tal-fatti mix-xhieda A u B fiha żbalji li jwasslu sabiex il-kredibbiltà tagħhom tiġi ddubitata.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-UID għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jikkonċerna t-tmexxija tal-inkjesti amministrattivi li jiġu afdati lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 173). B’mod partikolari, billi r-riżorsi ta’ dan id-dipartiment huma limitati, huwa għandu jinvestiga l-fajls li jinġabu quddiemu b’mod proporzjonat, jiġifieri, b’mod partikolari, b’mod li jippermettilu jalloka lil kull kawża parti xierqa mill-ħin għad-dispożizzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-UID għandu wkoll marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta mix-xhieda.

39      Konsegwentement, l-UID seta’ jiddeċiedi, f’dan il-każ, li jisma’ biss uħud mix-xhieda fost dawk kollha li s-smigħ tagħhom ġie indikati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-fajl ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jagħti l-wieħed x’jifhem li l-għażla tal-UID ma kinitx imparzjali jew kienet ta’ ħsara għall-kwalità tal-investigazzjonijiet. Fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti dwar d-dikjarazzjonijiet ta’ xhud C, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jarax għalfejn il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ dan ix-xhud kienu rrapportati kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Ingliż jitfa’ xi dubju fuqhom. Fir-rigward tal-assenzi tar-rikorrenti li jsemmu dawn ix-xhieda, dawn huma kkorroborati minn dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, b’mod li l-kredibbiltà tal-imsemmija xhieda ma tistax tiġi kkontestata fuq il-motiv li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ma humiex korretti fuq dan il-punt.

40      Barra minn hekk, is-suġġetti koperti fir-rapport ta’ inkjesta juru li l-UID ma naqasx milli jinvestiga fuq l-ilmenti ta’ fastidju allegati sostanzjalment mir-rikorrenti, anki jekk, kif hija tosserva, l-imsemmi rapport ma jkoprix l-“eżempji” partikolari kollha li hija kienet elenkat fit-talba għal assistenza. Għalhekk, l-UID kien effettivament eżamina l-kwistjoni tal-istruzzjonijiet li t-tieni kap tad-delegazzjoni kien taha permezz tas-subordinati tiegħu, jiġifieri l-kwistjoni ta’ jekk huwa kienx jew le ostakolaha milli tistabbilixxi rapporti fuq is-sitwazzjoni politika fil-Kirigiżtan u l-problema tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-pajjiżi donaturi lill-Kirigiżtan.

41      Imbagħad, ma jidhirx li hemm nuqqas ta’ imparzjalità fil-preżentazzjoni tal-fatti fir-rapport ta’ inkjesta. Għalhekk, fir-rigward tal-fatt li wara li fl-2005 hija lmentat ma persuna li fiha kellha fiduċja li l-ewwel kap tad-delegazzjoni kien jagħtiha fastidju, ir-rikorrenti ma kinitx segwiet l-ilment tagħha wara li dik il-persuna kienet qieset li l-attitudni tas-superjur dirett kienet waħda normali, ir-rapport ta’ inkjesta essenzjalment jillimita ruħu li jirriproduċi d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti nnifisha li jinsabu fis-suppliment għat-talba għal assistenza, tat-28 ta’ Novembru 2008.

42      Ir-rapport ta’ inkjesta lanqas ma jidher kontradittorju. Għalhekk, jekk ix-xhud B iddikjara li l-metodu tax-xogħol normali tat-tieni kap tad-delegazzjoni kien dak li jittrażmetti istruzzjonijiet permezz ta’ subordinati, l-UID seta’ jikkunsidra li, jekk dan kien jimxi b’dan il-mod mal-persunal kollu suġġett għall-ordnijiet tiegħu, madankollu dan l-aġir kien biss wieħed okkażjonali, peress li minn diversi dikjarazzjonijiet miġbura jirriżulta li t-tieni kap tad-delegazzjoni kien jimxi b’dan il-mod biss f’każijiet urġenti, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ importanza żgħira u minħabba l-assenza tal-persuna kkonċernat. Barra minn hekk, ma hemmx kontradizzjoni bejn, minn naħa, id-dikjarazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-sena 2006, li jgħid li hija frekwentement u regolarment kienet tipproduċi rapporti fuq is-sitwazzjoni politika fil-Kirigiżtan u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li mir-rapport ta’ inkjesta jirriżulta li l-imsemmija rapporti maħsuba għad-dipartimenti tal-Kummissjoni fi Brussell kienu stabbiliti f’Almaty fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rwol limitat tagħha fl-istabbiliment ta’ dawn ir-rapporti huwa kkonfermat mix-xhud C u mir-rikorrenti nnifisha.

43      Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ serjetà tal-inkjesta mwettqa mill-UID ma tistax tiġi dedotta mill-fatt li xi xhieda prodotti mir-rikorrenti jixhdu li hija kienet adegwatament irrappreżentat lill-Kummissjoni fil-laqgħat tal-pajjiżi donaturi lill-Kirigiżtan. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li din ix-xhieda differenti tikkonferma l-kompetenza tar-rikorrenti fil-kwalità ta’ chargé d’affaires ad interim, kif ukoll tal-kredibbiltà tagħha bħala rappreżentanti tal-Kummissjoni u jikkontradiċu d-dikjarazzjoni tat-tieni kap tad-delegazzjoni li tgħid li “d-donaturi l-oħra kollha lill-Kirigiżtan kienu ta’ opinjoni” kuntrarja. Madankollu, l-UID ma llimitax ruħu li jieħu konjizzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-tieni kap tad-delegazzjoni. Huwa ġabar xhieda oħra li tenfasizza l-“kuntest ġenerali”, jiġifieri l-impossibbiltà għar-rikorrenti li tassisti għall-avvenimenti uffiċjali kollha u li twettaq il-kompiti kollha li kienu jmissu lilha u dan, b’mod partikolari, minħabba l-assenzi tagħha meta l-istituzzjoni kellha tipprepara l-istrateġija tagħha fil-kuntest tal-laqgħat hawn fuq imsemmija tal-pajjiżi donaturi.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u tad-dokumenti prodotti mill-partijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li jqis li ngħata biżżejjed spjegazzjonijiet, jikkunsidra, minn naħa, li l-ilment ibbażat fuq in-natura ineffettiva tal-inkjesta tal-UID huwa infondata u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex neċessarju li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti, imressqa fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ inkjesta, intiżi sabiex, l-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġbor ix-xhieda ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew ta’ Stati Membri jew, talinqas, sabiex jinterroga l-Kummissjoni fuq ir-raġunijiet li wasslu lill-UID sabiex jagħżel fost ix-xhieda li hija kienet indikat li għandhom jinstemgħu, intiżi, it-tieni nett, sabiex huwa jordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-mistoqsijiet magħmula lix-xhieda u intiżi, it-tielet nett, sabiex huwa jiġbor x-xhieda tal-persuni li d-dikjarazzjonijiet tagħhom kienu ġew annessi mir-rikorrenti mal-imsemmija osservazzjonijiet.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

45      Billi tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża u r-“rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba” li hija tiddeduċi mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-rikorrenti tallega li kellha tingħata aċċess għar-rapport ta’ inkjesta, kif ukoll għall-provi prodotti insostenn tiegħu u li hija kellha tinstema’ fuq il-kontenut ta’ dawk id-dokumenti qabel mal-Awtorità tal-Ħatra adottat id-deċiżjoni kkontestata.

46      Għandu, madankollu, jiġi osservat li r-rikorrenti tista’ tinvoka l-obbligu, li l-Kummissjoni għandha, li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża, obbligu li skont ġurisprudenza stabbilita jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad‑dritt Komunitarju f’kull proċedura kontra persuna u li tista’ toħloq dannu lil din il‑persuna (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, punt 37; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, punt 76; sentenza Wenig vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). Fil-fatt, proċedura ta’ inkjesta tal-UID mibdija wara talba għal assistenza ta’ uffiċjal b’ilment dwar fastidju ma tista’ qatt tiġi assimilata ma’ proċedura ta’ inkjesta miftuħa kontra dak l-uffiċjal.

47      Barra minn hekk, u mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tiegħu, biżżejjed jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jadotta s-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali li kkonfermaw l-eżistenza tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2004, K vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑257/02, punt 104), bħalma tenfasizza, barra minn hekk, l-ispjegazzjoni tal-Artikolu 41 tal-ispjegazzjonijiet dwar dik il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17).

48      Minn din l-ottika, għandu jiġi rrikonoxxut li r-rikorrenti tista’ tinvoka drittijiet proċedurali li huma differenti mid-drittijiet tad-difiża u li ma humiex daqstant estiżi daqs dawn tal-aħħar (dwar din id-differenza, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, punt 91, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T‑290/94, punt 108).

49      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti setgħet tesponi dawn l-argumenti fi tliet okkażjonijiet, fil-kuntest tat-talba għal assistenza, permezz tal-informazzjoni supplimentari li hija pprovdiet bil-miktub fit-28 ta’ Novembru 2008 u waqt is-smigħ tagħha mill-UID fil-kuntest tal-inkjesta amministrattiva.

50      Billi d-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti tista’ ssostni f’dan il-każ la jimplikaw li hija kellha tingħata aċċess għar-rapport ta’ inkjesta kif ukoll għall-provi miġbura mill-UID u lanqas ma jindikaw li hija kellha tinstema’ fuq il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

51      Billi ż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv ġew miċħuda, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti

52      Ir-rikorrenti tikkuntesta, fl-ewwel lok, li l-Awtorità tal-Ħatra ma setgħetx tagħmel tagħha l-konklużjonijiet tal-UID li jgħidu li ma seħħx fastidju minħabba li, meta laqqa’ f’Almaty lill-membri tal-personal suġġetti għall-awtorità diretta tiegħu sabiex jiddiskuti dwar xogħolhom fl-assenza tagħha u meta bagħtilha istruzzjonijiet permezz tagħhom, it-tieni kap tad-delegazzjoni ma ttrattahiex b’mod differenti minn membri oħra tal-middle management tad-delegazzjoni ta’ Almaty. Fil-fatt, l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jassuġġettax in-natura ta’ fastidju psikoloġiku għall-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, jekk deċiżjoni espressa li tiċħad ilment introduċiet preċiżazzjonijiet importanti dwar il-motivi adottati mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni oriġinali, l-identifikazzjoni konkreta tal-motivi tal-amministrazzjoni għandha tirriżulta minn qari ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, punt 31).

54      Ippreċiżat dan, mid-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bħala rekwiżit għar-rikonoxximent ta’ fastidju. Fil-fatt, b’risposta għall-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li t-tieni kap tad-delegazzjoni kien jagħti istruzzjonijiet direttament lis-subordinati tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra kienet biss irrilevat li l-UID kien innota, minn naħa, li t-tieni kap tad-delegazzjoni ma kienx jaġixxi b’dan il-mod biss fil-konfront tal-persuna kkonċernata, iżda li din l-imġiba kienet tikkorrispondi għall-istil ġenerali tiegħu ta’ tmexxija tal-persunal u, min-naħa l-oħra, li l-fatt biss li r-rikorrenti ma kinitx taqbel ma’ dan l-istil ma kienx suffiċjenti sabiex dan jiġi kklassifikat bħala fastidju.

55      Ir-rikorrenti tikkunsidra, fit-tieni lok, li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti billi dan ma jissuġġettax r-realtà ta’ fastidju għall-eżistenza ta’ diversi vittmi, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata, bħad-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment, tat importanza lill-fatt li l-ebda persuna oħra li kienet taħdem fid-delegazzjoni reġjonali ta’ Almaty jew fid-delegazzjoni reġjonalizzata ma kienet ressqet ilment għal fastidju psikoloġiku kontra t-tieni kap tad-delegazzjoni.

56      Għandu, madankollu, jiġi rilevat li billi nnutat li ebda lment ieħor għal fastidju ma kien ġie ppreżentat kontra t-tieni kap tad-delegazzjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirrispondi l-allegazzjoni tar-rikorrenti li membri oħra tal-persunal kienu vittmi ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tiegħu.

57      Ir-rikorrenti tikkritika, fit-tielet lok, li d-deċiżjoni kkontestata, bħad-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tagħha, kienet ibbażata fuq il-konklużjonijiet tal-UID li tagħmel l-intenzjoni ta’ fastidju bħala element neċessarju għall-klassifikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku, meta dan ir-rekwiżit ma huwiex rikjesta bl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti kif interpretat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni (F‑52/05, parzjalment annullata b’sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, imma esklużivament għaliex, fil-punt 2 tad-dispożittiv, dik is-sentenza kkundannat lill-Kummissjoni sabiex tħallas kumpens lil Q, iktar ’il quddiem is-“sentenza Q vs Il-Kummissjoni”). Ir-rikorrenti tirrileva, ċertament, li, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra ddikjarat li l-UID ried biss jissottolinja l-fatt li l-ilmenti għal fastidju għandhom jiġu eżaminati mingħajr ma jittieħed kont tal-impressjoni suġġettiva tal-lanjant, iżda hija tqis li, meta għamlet hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma kkummentatx dwar il-fatt li l-UID kien ikkonkluda wkoll li hija “ma [kinitx] is-suġġett ta’ imġiba li kienet oġġettivament intiża li tiskredita jew li tiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha”.

58      Il-Kummissjoni tirrispondi li s-sentenza Q vs Il-Kummissjoni tintroduċi suġġettività eċċessiva għaliex, kuntrarjament għall-ġurisprudenza preċedenti, hija ma tissuġġettax l-eżistenza tal-fastidju għall-prova li min jagħti fastidju kellu l-intenzjoni li, bl-aġir tiegħu, volontarjament jiskredita lill-vittma jew jiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. B’dik is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-istituzzjonijiet ikunu fil-perikolu li jiġu strumentalizzati minn uffiċjali jew minn membru tal-persunali sensittivi żżejjed. Skont il-Kummissjoni, it-tifsira tal-fastidju għandha tieħu kont tal-intenzjoni, espressa jew preżunta, ta’ min allegatament qed jagħti fastidju, tal-perċezzjoni tal-preżunta vittma, tan-natura oġġettiva tal-fatti u tal-kuntest li fih dawn seħħew. Ċertament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ippreċiża, fil-punt 135 tas-sentenza Q vs Il‑Kummissjoni, li, sabiex tiġi kklassifikata bħala fastidju, l-imġiba inkawża għandha twassal “oġġettivament” għal skreditar tal-vittma jew għal degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Madankollu, din il-preċiżazzjoni tibqa’ insuffiċjenti, għaliex hija ma tipprekludix li mġiba mhux abbużiva li tista’ tiġġenera “oġġettivament” f’moħħ persuni suġġetti għal problemi psikoloġiċi degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew sentiment ta’ nuqqas ta’ kunsiderazzjoni taqa’ taħt il-kappa tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

59      Il-Kummissjoni tqis, għaldaqstant, li, sakemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jmurx lura għall-ġurisprudenza preċedenti għas-sentenza Q vs Il-Kummissjoni, f’kull każ, il-klassifikazzjoni ta’ fastidju għandha tiġi suġġetta għar-rekwiżit li l-imġiba kontenzjuża tkun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali, jikkunsidraha bħala abbużiva.

60      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-imġiba tat-tieni kap tad-delegazzjoni ma kinitx oġġettivament ta’ natura li tiskredita lir-rikorrenti jew li tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha u ma setgħetx għaldaqstant tiġi kklassifikata bħala abbużiva fis-sens imsemmi hawn fuq, imma li din kienet, għall-kuntrarju, normali għal kollox fil-kuntest ta’ relazzjoni tax-xogħol. Il-fatt li l-ebda membru ieħor tal-persunal tad-delegazzjoni ta’ Almaty, li kienu qegħdin f’kundizzjonijiet simili, ma kkunsidra ruħu bħala vittma ta’ fastidju mit-tieni kap tad-delegazzjoni juri li s-sentiment ta’ fastidju tar-rikorrenti kien ġej esklużivament mill-perċezzjoni personali tagħha tal-fatti.

61      Barra minn hekk, l-UID u l-Awtorità tal-Ħatra kienu kkonkludew li l-fatti ma kinux jikkostitwixxu atti ta’ fastidju minħabba n-natura tagħhom, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss parzjalment fuq in-nuqqas ta’ intenzjonalità tal-imġiba tat-tieni kap tad-delegazzjoni.

62      Fl-aħħar nett, l-imġiba kkontestata tat-tieni kap tad-delegazzjoni ma kellhiex effett repetittiv u sistematiku bħalma tirrikjedi d-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku.

63      F’dan ir-rigward, ghandu jitfakkar li fil-punti 133 et seq tas-sentenza Q vs Il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti bl-ebda mod ma jsemmi l-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju bħala element neċessarju għall-klassifikazzjoni ta’ mġiba bħala fastidju psikoloġiku. F’dik is-sentenza (ara wkoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Marzu 2010, N vs Il‑Parlament, F‑26/09, punt 72), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-fatt, innota dan li ġej:

“134 [L]-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex isseħħ teħtieġ li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza tal-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra “li ssir tul perijodu, hija repetittiva jew si[s]tematika” u li huma “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda mill-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett “li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna”.

135      Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3), tar-Regolamenti, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-atteġġamenti li jseħħu b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, mhux meħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-atteġġament tagħha, tiskredita l-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti biss li l-atteġġament[i] tagħha, ladarba jitwettqu volontarjament, kellhom oġġettivament konsegwenzi bħal dawn.”

64      Essenzjalment, il-Kummissjoni tqis li din il-ġurisprudenza tagħti importanza żejda lil dak li tħoss l-allegata vittma u għalhekk din hija sors ta’ inċertezza.

65      Fil-punt 135 tas-sentenza tiegħu Q vs Il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku madankollu ppreċiża li, sabiex jiġi kklassifikat bħala fastidju, l-atteġġamenti kontenzjużi “kellhom oġġettivament konsegwenzi bħal dawn” li jwasslu sabiex tiġi skreditata l-vittma jew għal degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Billi skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti, l-atteġġamenti inkwistjoni għandu jkollhom natura abbużiva, isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ fastidju hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, jikkunsidrahom bħala eċċessivi u ta’ min jikkritikahom.

66      F’dan il-każ, fir-rapport tiegħu, l-UID ikkonstata li “l-grupp inkarigat mill-inkjesta [kien] ikkonlud[a] li [l-persuna kkonċernata] ma [kinitx] l-oġġett ta’ atteġġjament li kien oġġettivament intiż li jiskreditaha jew li jiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha [u li kien] jidher li, irrispettivament mill-impressjonijiet suġġettivi tagħha, l-ebda wieħed mill-episodji u mill-atteġġjament invokati, ikkunsidrat isolatament jew globalment, ma seta’ jiġi kkunsidrat bħala fastidju psikoloġiku”.

67      Madankollu, il-mistoqsija li għandu jwieġeb it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija dik jekk, fid-deċiżjoni kkontestata u fiċ-ċaħda tal-ilment, il-Kummissjoni kinitx evalwat is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fid-dawl ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti, fis-sens li l-intenzjoni tal-awtur tal-fatti kkontestati li jiskredita jew jiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha hijiex rekwiżit tal-fastidju.

68      Issa, kif innotat ir-rikorrenti nnifisha, fid-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat li l-allegazzjonijiet ta’ fastidju għandhom jiġu eżaminati “independentement mill-impressjoni suġġettiva tal-vittima”. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment huma bbażati fuq motivi li x’aktar jistabbilixxu li l-allegazzjonijiet ta’ fastidju tar-rikorrenti ma kellhomx karattru oġġettiv. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tinnota li l-fatt li t-tieni kap tad-delegazzjoni jagħti istruzzjonijiet direttament lis-subordinati tar-rikorrenti kien jikkorrispondi għall-istil normali ta’ tmexxija tal-persunal tiegħu, mingħajr ma ġew evidenzjali ċirkustanzi partikolari li jistgħu juru, fl-adozzjoni ta’ tali atteġġament, attitudni ta’ ċaħda fil-konfront tal-persuna tar-rikorrenti. Imbagħad, u b’risposta għat-talba ta’ verifika tar-rikorrenti fformulata fis-suppliment għat-talba għal assistenza tat-28 ta’ Novembru 2008, dejjem fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-ebda uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor ma kien ilmenta mill-atteġġjament tat-tieni kap tad-delegazzjoni. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tistrieħ fuq analiżi oġġettiv tal-funzjonijiet tar-rikorrenti u minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li hija tifforma parti mill-middle management u li din il-pożizzjoni ma tipprekludix lit-tieni kap tad-delegazzjoni milli jissostitwiha b’uffiċjal ieħor sabiex jassisti għal laqgħat tal-pajjiżi donaturi lill-Kirigiżtan.

69      Peress li r-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ fastidju, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti kif interpretati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jippresupponi:

–        in-natura volontarja tal-atteġġjament, kliem, atti, lingwa mlissna jew miktuba inkwistjoni,

–        mingħajr madankollu ma huwa meħtieġ li dawn l-atteġġament, kliem, atti, lingwa mlissna jew miktuba jkunu twettqu bl-intenzjoni li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna,

–        imma sakemm dawn ikunu wasslu oġġettivament sabiex il-vittma tiġi skreditata jew sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha jiġu ddegradati,

il-motiv tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati ma kinux, oġġettivament, ta’ natura li jwasslu sabiex ir-rikorrenti tiġi skreditata huwa, waħdu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika legalment id-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti, u dan irrispettivament mill-interpretazzjoni adottata mill-UID.

70      Mill-bqija, għandha tiġi nnotata n-natura effettivament suġġettiva ħafna tal-evalwazzjoni tar-rikorrenti tal-atteġġamenti li hija tallega fil-konfront tat-tieni kap tad-delegazzjoni. Filwaqt li hija tilmenta li l-attitudni tiegħu kienet skreditatha mal-ambaxxati u mar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali preżenti fis-sede tad-delegazzjoni reġjonalizzata ta’ Bichkek, id-dokumenti li hija ppreżentat bħala annessi mal-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ inkjesta juru, għall-kuntrarju, l-istima li hija kienet tgawdi f’dawn l-ambjenti.

71      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv huwa infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura u fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ assistenza

72      Fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv tagħha, għandha ssir distinzjoni bejn l-ewwel parti, ibbażata esklużivament fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u t-tieni parti, li essenzjalment tikkritika diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li minnhom ir-rikorrenti tiddeduċi wkoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u nuqqas ta’ osservanza tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

73      Ir-rikorrenti ssostni li kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma humiex immotivati kif meħtieġ sa fejn fihom il-Kummissjoni ma rrispondietx għad-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li t-tieni kap tad-delegazzjoni kompla l-prattika tal-predeċessur tiegħu li jibgħat lejn il-Kirigiżtan il-persunal assenjat lid-delegazzjoni reġjonali tal-Każakistan mingħajr ma jikkonsultaha jew, minn tal-inqas, mingħajr ma jinformaha b’dan u b’dan il-mod imbarazzaha fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Istat ospitanti u tal-komunità diplomatika.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tiegħu u tar-regoli kollha ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il-Kummissjoni, T‑66/05, punt 65, u sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Settembru 2011, Nastvogel vs Il-Kunsill, F‑4/10, punt 66).

75      Barra minn hekk, l-insuffiċjenza inizjali tal-motivazzjoni tista’ tittaffa bi preċiżjonijiet supplimentari li jsiru, anki waqt il-kawża, meta, qabel l-introduzzjoni tar-rikors tagħha, il-persuna interessata diġà kellha elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, punt 36; u s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-1 ta’ Diċembru 2010, Gagalis vs Il-Kunsill, F‑89/09, punt 67).

76      F’dan il-każ, huwa korrett li d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment ma jsemmux speċifikament l-ilment li jgħid li t-tieni kap tad-delegazzjoni kien imbarazza lir-rikorrenti billi bagħat lejn il-Kirigiżtan il-persunal assenjat lid-delegazzjoni reġjonali tal-Każakistan mingħajr ma kkonsultaha jew, minn tal-inqas, mingħajr ma informaha b’dan. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija deċiżjonijiet huma motivati u li l-motivazzjoni tagħhom issemmi, minn tal-inqas, li kien jaqa’ taħt il-prerogattivi ġerarkiċi normali tat-tieni kap tad-delegazzjoni li jiddeċiedi min kellu jissostitwiha fil-laqgħat u li jiddelega uffiċjali oħra flok ir-rikorrenti.

77      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ikkompletat il-motivazzjoni tagħha fid-dokumenti ta’ proċedura tagħha. Hija wriet li l-prattika inkwistjoni għandha titqies fil-kuntest partikolari tar-rapporti bejn delegazzjoni reġjonalizzata u delegazzjoni reġjonali li żżomm ċertu numru ta’ responsabbiltajiet u li, f’dan il-kuntest, dik il-prattika tista’ tiġi aċċettata. Hija żżid li l-ewwel kap tad-delegazzjoni kien ta istruzzjonijiet, li baqgħu fis-seħħ, li kienu preċiżament intiżi sabiex ir-rikorrenti tkun dejjem informata bil-missjonijiet fil-Kirigiżtan, li hija tkun mistiedna sabiex tassisti għal laqgħat li jinżammu hemmhekk u li jintbagħtulha kopji tar-rapporti ta’ missjoni. Ukoll, f’kuntest ikkaratterizzat minn diversi proġetti u laqgħat spissi, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-fatt li r-rikorrenti mhux dejjem ġiet debitament informata seta’ kien dovut għal nuqqasijiet fortuwiti pjuttost milli xi tentattiv sabiex tiġi skreditata.

78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Dwar it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata prinċipalment fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

79      Ir-rikorrenti tallega, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, skorrettement, li l-fatt li t-tieni kap tad-delegazzjoni jsejjaħ membri tal-persunal tiegħu li kienu jaqgħu taħt l-awtorità tagħha sabiex jiddiskuti l-kompiti tagħhom fl-assenza tagħha u sabiex permezz tagħhom jittrażmetti istruzzjonijiet għall-attenzjoni tagħha jammonta għall-eżerċizzju tad-dritt tat-tieni kap tad-delegazzjoni li jagħti istruzzjonijiet lis-subordinati tiegħu.

80      Madankollu, li ssir dikjarazzjoni mingħajr ma din tiġi sostnuta b’xi argument, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar peress li, kif tesponi l-Kummissjoni f’dan il-każ b’mod konvinċenti, fil-kuntest partikolari tar-rapporti bejn delegazzjoni reġjonali u delegazzjoni reġjonalizzata, il-kap tad-delegazzjoni reġjonali jista’ jindirizza ruħu direttament lill-membri tal-persunal tad-delegazzjoni reġjonalizzata tiegħu u jittrażmetti, permezz tagħhom, istruzzjonijiet liċ-chargé d’affaires imqiegħed f’ras id-delegazzjoni reġjonalizzata, għaliex dan il-persunal tiegħu jibqa’ taħt l-awtorità tiegħu. Dan il-mod ta’ eżerċizzju tal-awtorità ġerarkika ma jfissirx, fih innifsu, l-iskreditar taċ-chargé d’affaires imqiegħed f’ras id-delegazzjoni reġjonalizzata jew id-degradar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu, fl-assenza ta’ kull ċirkustanza oħra f’dan is-sens. In-nota tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tippreżenta lir-rikorrenti bħala chargé d’affaires ad interim f’Bichkek tikkorrobora dan billi tippreċiża li “d-delegazzjoni reġjonalizzata f’Bichkek hija subordinata għad-delegazzjoni tal-Kummissjoni […] f’Almaty”.

81      Ir-rikorrenti ssostni, it-tieni nett, li d-deċiżjoni kkontestata, bħad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn fihom ir-rikorrenti hija indikata bħala li tifforma parti mill-“middle management”, meta hija kienet “uffiċjal residenti responsabbli – chargé d’affaires [ad interim]”, investita, bħala tali, b’livell ta’ responsabbiltà iktar importanti minn dak tal-middle management, kif tixhed il-Konvenzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, iffirmata fi Vjenna fit-18 ta’ April 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”).

82      Madankollu għandu jitfakkar, minn naħa, li n-nota tat-8 ta’ Ġunju 2004, imsemmija hawn fuq, tenfasizza s-subordinazzjoni tad-delegazzjoni reġjonalizzata ta’ Bichkek għad-delegazzjoni reġjonali ta’ Almaty u li jiġi nnutat, min-naħa l-oħra, li din in-nota tħabbar in-nomina tar-rikorrenti fil-kwalità ta’ “Kap ta’ Sezzjoni Kirigiżtan”. Barra minn hekk, huwa sinjifikattiv li r-rikorrenti kienet, fil-perijodu tal-fatti, titolari tal-grad A*9, imsemmi mill-ġdid AD 9, u li, fl-estensjoni tan-nota msemmija iktar ’il fuq, hija kienet taħdem, anki jekk fil-kwalità ta’ chargé d’affaires ad interim f’Bichkek, taħt l-awtorità u r-responsabbiltà tal-Kap tad-delegazzjoni reġjonali ta’ Almaty, kif jirriżulta barra minn hekk mis-siltiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li hija pproduċiet fil-proċess ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, waqt is-seduta r-rikorrenti semmiet biss tmien snin ta’ esperjenza bħala analista tal-politika ta’ sigurtà, fi ħdan is-Servizzi ta’ Sigurtà Svediżi, filwaqt li ppreċiżat li qabel ma ġiet assenjata f’Bichkek, hija ma kellhiex esperjenza fi ħdan id-DG “Relazzjonijiet esterni” tal-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ bħala chargé d’affaires.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-istatus taċ-chargés d’affaires ad interim fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tirregola biss ir-relazzjonijiet tal-missjonijiet diplomatiċi mal-Istati ospitanti, ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, sabiex tevalwa r-relazzjonijiet tax-xogħol bejn it-tieni kap tad-delegazzjoni u r-rikorrenti, li din tal-aħħar kienet tifforma parti mill-middle management fi ħdan il-Kummissjoni.

84      Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni interpretat ħażin l-importanza taċ-chargés d’affaires ad interim fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ir-rikorrenti ma tispjegax kif dan l-iżball ta’ interpretazzjoni seta’ jwassal lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ fastidju. Ċertament, ir-rikorrenti tindika li, billi għamlet dan, l-Awtorità tal-Ħatra kienet “kompl[iet] tippreġudika l-pożizzjoni tagħha”. Madankollu, anki jekk b’dan ir-rikorrenti tfisser li l-Awtorità tal-Ħatra nnifisha kienet ikkontribwixxiet għall-fastidju tagħha, għandu jiġi kkonstatat li żball ta’ liġi ma jikkostitwixxix fih innifsu att daqstant gravi daqs fastidju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni.

85      Ir-rikorrenti tallega, fit-tielet lok, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kienet qed tilmenta li l-għażla li membru ieħor tal-persunal jiġi fdat il-kompitu li jipprepara r-rapporti fuq is-sitwazzjoni politika fil-Kirigiżtan kienet ipprekludietha milli tassumi dak il-kompitu hija stess, filwaqt li effettivament hija kienet qed tikkritika l-fatt li rċeviet istruzzjonijiet qarrieqa dwar dan is-suġġett u li kienet għalhekk immanipulata.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fit-talba għal assistenza, ir-rikorrenti allegat li l-fatt li t-tieni kap tad-delegazzjoni kien talabha tipprepara “kontribuzzjonijiet” fuq is-sitwazzjoni fil-Kirigiżtan fil-forma ta’ “rapporti ta’ kuljum ta’ ħames linji” u li kien inkariga uffiċjal ieħor tad-delegazzjoni ta’ Almaty bil-kompitu li jsegwi l-inkwiet li kien inqala’ f’Bichkek f’Novembru 2006, għaliex hija ma kinitx tipprovdi analiżi politika reali, kienet tagħti l-impressjoni lis-superjuri tagħha fis-sede tal-Kummissjoni li hija ma kinitx kompetenti sabiex tipprepara rapporti politiċi adegwati.

87      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrispondiet, fid-dawl tar-rapport ta’ inkjesta, li r-responsabbiltà prinċipali għall-preparazzjoni ta’ rapporti fuq is-sitwazzjoni politika fil-Kirigiżtan kienet baqgħet f’idejn id-delegazzjoni ta’ Almaty, iżda li r-rikorrenti kienet ġiet awtorizzati, anzi saħansitra inkoraġġita, sabiex tipparteċipa f’dan il-kompitu, u b’hekk eskludiet impliċitament, imma wkoll ċertament, kull ipoteżi ta’ manipulazzjoni.

88      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jarax kif il-Kummissjoni, billi qieset li r-rikorrenti kienet qed tilmenta li ġiet prekluża milli tipprepara rapporti fuq is-sitwazzjoni politika fil-Kirigiżtan, kienet żnaturat l-ilment li hija kienet ressqet u li kien jenfasizza l-fatt li, billi llimita r-rwol tagħha fil-preparazzjoni ta’ dawn ir-rapporti, it-tieni kap tad-delegazzjoni kien ipprova juri l-inkompetenza tagħha f’dan il-qasam.

89      Fi kwalunkwe każ, l-allegat żnaturament tat-termini tal-ilment dwar fastidju tar-rikorrenti hija nieqsa minn sustanza sabiex tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

90      Ir-rikorrenti tallega, fir-raba’ lok, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-prerogattivi tagħha meta qieset li, peress li t-tieni kap tad-delegazzjoni ma kienx imur huwa stess fil-Kirigiżtan, huwa kellu l-poter li jiddeċiedi min kellu jissostitwih waqt il-laqgħat mal-pajjiżi donaturi lill-Kirigiżtan jew ma interlokuturi oħra. Fil-fatt, bħala “uffiċjal residenti responsabbli – chargé d’affaires [ad interim]”, hija biss kellha s-setgħa, skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tirrappreżenta lill-Kummissjoni fl-assenza tal-kap tad-delegazzjoni.

91      Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jqisx li f’dan il-każ huwa neċessarju li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-ħatra ta’ chargé d’affaires ad interim bħala kap ta’ delegazzjoni reġjonalizzata tipprekludix lill-kap tad-delegazzjoni reġjonali li taħtha taqa’ l-imsemmija delegazzjoni reġjonalizzata milli jaħtar uffiċjal ieħor sabiex jirrappreżenta lill-Kummissjoni matul il-laqgħat organizzati fil-pajjiż fejn huwa akkreditat dak iċ-chargé d’affaires.

92      Fil-fatt, anki jekk jitqies li f’dan il-każ il-Kummissjoni kienet interpretat ħażin il-prerogattivi taċ-chargés d’affaires ad interim fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, dan l-eventwali żball ta’ liġi ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Awtorità tal-Ħatra kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ fastidju. Ċertament, ir-rikorrenti ssostni li t-tieni kap tad-delegazzjoni kien talab lil uffiċjal ieħor sabiex jippresjedi laqgħa tal-pajjiżi donaturi lill-Kirigiżtan billi ppreċiża: “mhux [ir-rikorrenti]”. Madankollu, għalkemm dan l-approċċ ma kienx gradevoli għaliha, dan ma jwassalx sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, li jeħtieġ aġir fit-tul, repetittiv jew sistematiku u fejn l-interpretazzjoni suġġettiva mill-allegata vittma ma tistax tkun privileġġjata. Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2007 ir-rikorrenti argumentat li hija kienet tipparteċipa regolarment għal-laqgħat ta’ koordinament mal-pajjiżi donaturi lill-Kirigiżtan. Bl-istess mod, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2006, ir-rikorrenti kienet indikat li, f’dik is-sena, hija kellha rwol attiv fix-xena diplomatika. Ukoll, f’dan il-każ, l-atteġġjament tat-tieni kap tad-delegazzjoni li hija tikkritika ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat bħala wieħed fit-tul, repetittiv jew sistematiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti.

93      Fl-aħħar nett, għalkemm, kif innota l-UID, diversi xhieda indikaw in-nuqqas ta’ ċarezza fid-definizzjoni tal-kompiti rispettivi tad-delegazzjonijiet reġjonali u tad-delegazzjonijiet reġjonalizzati u għalkemm dan in-nuqqas ta’ kjarezza seta’ kien il-kaġun tad-diffikultajiet esperjenzati mir-rikorrenti, nuqqas ta’ preċiżjoni organizzattiva dwar it-tqassim tal-kompiti fi ħdan direttorat ġenerali tal-Kummissjoni ma jistax, bħala tali, jikkawża fastidju.

94      Barra minn hekk, sa fejn mill-eżistenza tal-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni diskussi iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tiddeduċi, barra minn hekk, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li hija ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali żbalji, hija ma turix li l-Awtorità tal-Ħatra kisret ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, nuqqas ta’ motivazzjoni, li huwa lment formali, ma għandux jiġi konfuż ma’ difett fil-legalità interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, punt 72).

95      Fl-aħħar nett, mill allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni r-rikorrenti tiddeduċi wkoll li kien inutilment li hija lmentat mill-eżistenza ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura u tad-dmir ta’ assistenza taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti. Peress li l-ilmenti bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ġew miċħuda, għandhom jiġu miċħuda wkoll, konsegwentement, l-aħħar ilmenti mqajma.

96      Għalhekk, peress li anki t-tielet motiv għandu jiġi miċħud, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tmien Kapitolu tat-tieni Titolu tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(2), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi biss parzjalment ikkundannata għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.

98      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tilfet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fit-talbiet tagħha, espressament talbet li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni ġiet miċħuda, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura u li jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati, l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti biss mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      C. Skareby hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha stess.

Van Raepenbusch

Barents

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Mejju 2012.

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

      President

It-testi tad-deċiżjoni preżenti kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha jinsabu disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq