Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006FJ0021

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-28 ta' Ġunju 2007.
Joao da Silva vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Uffiċjali.
Kawża F-21/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2007 I-A-1-00179; II-A-1-00981

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:F:2007:116




SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2007

Kawża F-21/06

Joao da Silva

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Ħatra fi grad – Pożizzjoni ta’ direttur ippubblikata qabel l-1 ta’ Mejju 2004 – Emenda tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 2 u Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Klassifikazzjoni fi grad skond dispożizzjonijiet ġodda inqas favorevoli – Prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 235 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. da Silva, jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Mejju 2005, li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala direttur fil-grad A*14, skala 2, il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*15, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/R/8003/03, ippubblikat fis-7 ta’ Novembru 2003 (ĠU C 268 A, p. 1), kif ukoll ir-rikostituzzjoni sħiħa tal-karriera tiegħu b’effett retroattiv mid-data tal-klassifikazzjoni tiegħu fi grad u skala hekk irrettifikati, inklużi l-ħlas ta’ l-interessi moratorj.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Mejju 2005, safejn din tirrigwarda l-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala direttur fil-grad A*14, skala 2, hija annullata. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tar-rikorrent kif ukoll l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali – Reklutaġġ – Applikazzjoni ta’ l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(2); Anness XIII, Artikolu 5(5); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja fir-Regolament Nru 723/2004, li temenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra, sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni fi grad u fi skala ta’ uffiċjal maħtur f’pożizzjoni ogħla wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, fl-1 ta’ Mejju 2004, wara proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal qabel din id-data, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq is-soluzzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju fl-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ ħatra f’pożizzjoni ta’ direttur permezz ta’ promozzjoni u għalhekk jipprovdi għal klassifikazzjoni fil-“grad ogħla li jmiss”.

Fil-fatt, il-proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tista’, meta jibbenefika minnha uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju f’impjieg attiv, tiġi ekwiparata ma’ promozzjoni. Il-ħatra, f’każ bħal dan, f’pożizzjoni ogħla ma tistax tiġi kkunsidrata bħala t-tieni reklutaġġ fi ħdan l-istituzzjonijiet li għandu l-effett li jinterrompi l-karriera tal-benefiċjarju, iżda bħala avvanz fil-karriera tiegħu, u hija ma tistax twassal, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu, kif dan il-prinċipju ġie adottat fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal, għal tnaqqis fil-grad tiegħu jew fl-iskala tiegħu, u, konsegwentement, għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu. Tali soluzzjoni hija iktar u iktar meħtieġa billi hija konformi mad-dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni, li b’mod partikolari jimplika li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità kompetenti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss l-interessi tas-servizz, iżda wkoll dawk ta’ l-uffiċjal ikkonċernat, billi uffiċjal maħtur f’pożizzjoni ogħla b’rikonoxximent tal-merti personali tiegħu għandu interess leġittimu, mingħajr ma dan imur kontra r-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ, li r-remunerazzjoni tiegħu ma titbaxxiex.

(ara l-punti 63, 75, 76, 79 u 80)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 1984, Vlachos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 20/83 u 21/83, Ġabra p. 4149, punt 23; 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C-298/93 P, Ġabra p. I-3009, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T-133/89, Ġabra p. II‑245, punt 27; 1 ta’ Ġunju 1999, Rodríguez Pérez et vs Il-Kummissjoni, T‑114/98 u T-115/98, ĠabraSP p. I-A-97 u II-529, punt 32




SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TA’ L-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Uffiċjali – Ħatra fi grad – Pożizzjoni ta’ direttur ippubblikata qabel l-1 ta’ Mejju 2004 – Emenda tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 2 u Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Klassifikazzjoni fi grad skond dispożizzjonijiet ġodda inqas favorevoli – Prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu”

Fil-Kawża F-21/06,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skond l-Artikoli 235 KE u 152 KEEA,

Joao da Silva, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn G. Vandersanden u L. Levi, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall, H. Kraemer, u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Arpio Santacruz u I. Sulce, bħala aġenti,

intervenjent,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, I. Boruta u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: S. Boni, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bir-rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-2 ta’ Marzu 2006 b’faks (il-preżentata ta’ l-oriġinal saret fis-6 ta’ Marzu 2006), J. da Silva jitlob, b’mod partikolari:

–        l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-18 ta’ Mejju 2005, sa fejn din tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala direttur fil-grad A*14, skala 2,

–        il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*15, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/R/8003/03, ippubblikat fis-7 ta’ Novembru 2003 (ĠU C 268 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”), kif ukoll

–        ir-rikostituzzjoni sħiħa tal-karriera tiegħu b’effett retroattiv mid-data tal-klassifikazzjoni tiegħu fi grad u skala hekk irrettifikati, inklużi l-ħlas ta’ l-interessi moratorj.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sat-30 ta’ April 2004, kien ifformulat kif ġej:

“1. Qabel ma jimtela post battal [pożizzjoni vakanti] f’istituzzjoni, l-awtorità tal-ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra:

a)      jekk il-post jistax jimtela minn promozzjoni jew trasferiment minn ġewwa l-istituzzjonijiet;

b)      jekk twettaqx kompetizzjonijiet interni fl-istituzzjoni;

ċ)      x’applikazzjonijiet għat-trasferiment saru minn uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra tat-tlett Komunitajiet Ewropej;

u mbagħad issegwi l-proċedura għall-kompetizzjonijiet fuq il-bażi jew tal-kwalifiki jew ta’ l-eżamijiet, jew ta’ kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet. L-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni.

Il-proċedura tista’ wkoll tkun segwita għall-iskop li tkun kostitwita riserva għal reklutaġġ fil-futur.

2. Proċedura oħra barra l-proċedura tal-kompetizzjoni tista’ tkun adottata mill-awtorità tal-ħatra għar-reklutaġġ ta’ l-uffiċjali tal-gradi A 1 jew A 2 u, f’każijiet ta’ eċċezzjoni, ukoll għar-reklutaġġ għal postijiet li jeħtieġu kwalifiki speċjali”.

3        Struttura ġdida tal-karrieri ġiet implementata bir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

4        Mill-Premessa 10 ta’ dan ir-Regolament, jirriżulta dan li ġej:

“Hemm bżonn ċar li jissaħħaħ il-prinċipju ta’ l-iżvilupp fil-karriera bbażat fuq mertu, li tkun stabbilita konnessjoi aktar viċina bejn ir-rendiment u r-remunerazzjoni billi jkunu stabbiliti inċentivi akbar għal rendiment aħjar b’bidliet strutturali tas-sistema tal-karrieri, filwaqt li tkun żgurata ekwivalenza ta’ profili medji tal-karrieri bejn l-istrutturi l-ġodda u l-qodma, waqt li jinżammu mal-pjan ta’ l-istabbiliment u d-dixxiplina ta’ l-estimi”.

5        L-implementazzjoni ta’ din l-istruttura l-ġdida tal-karrieri saret flimkien ma’ miżuri tranżitorji stabiliti fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 723/2004. L-Artikolu 2(1) ta’ dan l-Anness jipprovdi b’mod partikolari li, fir-rigward ta’ l-uffiċjali li għandhom waħda mill-pożizzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-gradi A 3 u A 2 għandhom jingħataw l-isem ġdid ta’ A*14 u A*15, rispettivament.

6        L-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jaqra kif ġej:

“Uffiċjal fil-grad A 3 fit-30 t’April 2004, mal-ħatra wara dik id-data bħala Direttur, għandu jkun promoss għal grad ogħla li jmiss, skond l-Artikolu 7(5) ta’ dan l-Anness. L-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal m’għandhiex tapplika”.

7        Skond l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali li kienu inklużi f’lista tal-kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u huma rreklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, għandhom:

–        jekk il-lista tħejjiet għall-kategoriji A*, B*, jew C*, ikunu kklassifikati fil-grad ippubblikat fil-kompetizzjoni;

–        jekk il-lista tħejjiet għall-kategoriji A, LA, B, jew C, ikunu kklassifikati skond it-tabella li ġejja:

Grad tal-kompetizzjoni

Grad tar-reklutaġġ

A/LA 8

A*5

A/LA 7 u A/LA 6

A*6

A/LA 5 u A/LA 4

A*9

A/LA 3

A*12

A 2

A*14

A 1

A*15

B 5 u B 4

B*3

B 3 u B 2

B*4

C 5 u C 4

C*1

C 3 u C 2

C*2

   

8        Il-bidla mill-iskala ta’ remunerazzjoni l-qadima għal dik il-ġdida hija s-suġġett ta’ l-Artikolu 7 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[b]illi l-gradi jingħataw ismijiet ġodda skond l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-Anness ma jwasslux għal xi tibdil fis-salarju bażiku fix-xahar imħallas lil kull uffiċjal”.

9        Skond l-Artikolu 19 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Jekk, matul perjodu transitorju mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2008, ir-remunerazzjoni netta fix-xahar ta’ uffiċjal, qabel l-applikazzjoni ta’ xi koeffiċjent tal-korrezzjoni, huwa anqas mir-remunerazzjoni netta li kieku kien jirċievi taħt l-istess kondizzjonijiet personali fix-xahar ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, huwa għandu jkun intitolat għal benefiċċju ta’ kumpens daqs id-differenza. Din id-diposizzjoni m’għandhiex tapplika fejn it-tnaqqis fir-remunerazzjoni netta tirriżulta mill-aġġustament tal-paga ta’ sena, riferuta fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-garanzija ta’ dħul nett m’għandhiex tkopri l-effett tas-sisa speċjali, il-bidliet fir-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni jew il-bidliet fl-arranġamenti biex tkun trasferita parti mis-salarju”.

10      L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ direttur fil-grad A 2 tad-Direttorat “Teknoloġiji emerġenti u infrastruttura, Applikazzjonijiet” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Soċjetà ta’ l-informazzjoni”, ippubblikat fis-7 ta’ Novembru 2003, skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kien jipprovdi, fost il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, li “[r]-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma dawk previsti għall-uffiċjali fil-grad A 2 tal-Komunitajiet Ewropej”. Id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet kienet iffissata għall-5 ta’ Diċembru 2003.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrent daħal jaħdem mal-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 1991 bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad A 4 u ġie assenjat lid-DĠ “Telekomunikazzjoni, industriji ta’ l-informazzjoni u innovazzjoni”.

12      Fis-16 ta’ Marzu 1993, ir-rikorrent ġie maħtur, dejjem bħala membru tal-persunal temporanju, Kap tad-Diviżjoni B 3 “Komunikazzjonijiet mobbli” ta’ l-istess DĠ, li dak iż-żmien kien jissejjaħ “Tekonoloġiji u industriji ta’ l-informazzjoni u telekomunikazzjoni”. Huwa ġie promoss għall-grad A 3, skala 4, fl-1 ta’ Frar 1997.

13      B’deċiżjoni tas-17 ta’ April 2002, ir-rikorrent ġie maħtur uffiċjal bi prova, b’effett mis-16 ta’ Marzu 2002, u l-klassifikazzjoni tiegħu ġiet stabbilita għall-grad A 3, skala 6. Huwa żamm il-pożiżżjoni li kellu dak iż-żmien bħala Kap ta’ Diviżjoni. Fis-16 ta’ Diċembru 2002, ir-rikorrent ġie stabbilit fl-impjieg tiegħu.

14      Barra minn dan, f’żewġ okkażjonijiet, huwa ġie msejjaħ sabiex jaġixxi bħala direttur, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal: l-ewwel darba, minn Novembru 2002 sa Jannar 2003 u, it-tieni darba, mis-16 ta’ April sas-16 ta’ Settembru 2004.

15      Fl-20 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrent applika għall-pożizzjoni imsemmija fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

16      Fl-1 ta’ Mejju 2004, id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 723/2004, il-grad A 3, skala 7, li kellu r-rikorrent, ingħata l-isem ġdid ta’ A*14, skala 7.

17      Matul il-laqgħa tas-7 ta’ Lulju 2004, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ħatar lir-rikorrent fil-pożizzjoni ta’ direttur imsemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Il-punt 7.11 tal-minuti ta’ din il-laqgħa kien jgħid li d-data li fiha kellha tidħol fis-seħħ din id-deċiżjoni ser tiġi ffissata iktar ’il quddiem.

18      Fl-1 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrent laħaq l-iskala 8 tal-grad A*14.

19      B’ittra tal-11 ta’ Jannar 2005, S., direttriċi tad-Direttorat “Persunal u karriera” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, avżat lir-rikorrent bid-diffikultajiet li ltaqgħat magħhom l-amministrazzjoni sabiex tiddetermina l-klassifikazzjoni tiegħu, diffikultajiet li kienu wasslu lil din ta’ l-aħħar sabiex, fil-25 ta’ Ottubru 2004, tikkonsulta lis-servizz legali, li kien għadu ma tahiex il-parir tiegħu.

20      B’ittra tal-21 ta’ Frar 2005, indirizzata lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, ir-rikorrent wera l-istagħġib tiegħu fir-rigward tad-dewmien biex tiġi adottata d-deċiżjoni formali tal-ħatra tiegħu fil-pożiżżjoni ta’ direttur, bil-kliem li ġej:

“Jiena inqas u inqas nista’ nifhem dan in-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni fir-rigward tiegħi billi l-avviż ta’ pożiżżjoni ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali kien jispeċifika b’mod ċar li dan kellu jkun fil-grad A 2, jiġifieri l-grad A*15 [mill-1 ta’ Mejju 2004]. Nindikalkom, għall-finijiet prattiċi, li llum jiena qiegħed fil-grad A*14 [skala] 8, jiġifieri l-aħħar skala tal-grad A*14 u li huwa ta’ l-inqas normali li jiena niġi maħtur fil-grad A*15 mingħajr telf fis-salarju”.

21      B’nota tat-2 ta’ Marzu 2005, S. informat lir-rikorrent li l-amministrazzjoni kienet għadha mhijiex f’pożizzjoni li tħejji l-att formali tal-ħatra għal raġunjijiet indipendenti mir-rieda tagħha, billi s-servizz legali kien għadu ma tax il-parir tiegħu, wara l-konsultazzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2004.

22      B’ittra tas-7 ta’ April 2005, ir-rikorrent wera dispjaċir għan-nuqqas ta’ kull deċiżjoni formali fir-rigward tiegħu u wera l-intenzjoni tiegħu li jgħarraf b’din is-sitwazzjoni lil V. Reding, Kummissarju, u lil J.‑M. Barroso, President tal-Kummissjoni, jekk ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni “ġusta u ekwa” fi żmien ġimgħa.

23      B’nota tat-8 ta’ April 2005, S. avżat lir-rikorrent bil-fatt li, billi s-servizz legali ta l-parir tiegħu, l-amministrazzjoni kienet f’pożizzjoni li tħejji d-deċiżjoni formali ta’ ħatra. Hija speċifikat, l-ewwel nett, li r-rikorrent ma kellux l-anzjanità neċessarja fil-grad A 3 (li ngħata l-isem ġdid ta’ A*14 mill-1 ta’ Mejju 2004) sabiex jiġi promoss għal grad ogħla bħala kandidat “intern” u li għalhekk huwa ma setax jiġi promoss għall-grad A*15, it-tieni nett, li l-ħatra tiegħu kellha tiġi ttrattata bħala reklutaġġ ġdid fil-grad A*14, skala 2, mingħajr koeffiċjent ta’ korrezzjoni, bl-applikazzjoni tal-kriterji normali u, fl-aħħar nett, li ma kienx possibbli għar-rikorrent illi jżomm il-grad tiegħu ta’ A*14, skala 8.

24      B’ittra tal-11 ta’ April 2005, ir-rikorrent avża lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” li ma setax jaċċetta klassifikazzjoni li kienet tammonta għal tnaqqis mid-drittijiet “attwali” tiegħu (remunerazzjoni) u futuri (pensjoni) bi ksur ta’ l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kif ukoll ta’ l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, huwa talab li, qabel mad-deċiżjoni formali ta’ ħatra tkun ippreżentata għall-firma tal-President tal-Kummissjoni, jingħatawlu spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet li kienu wasslu lill-amministrazzjoni sabiex ma timxix ma’ l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u mad-dispożizzjoni fuq imsemmija.

25      B’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2005, li r-rikorrent irċieva fis-27 ta’ Mejju 2005 u li hija ffirmata mill-President tal-Kummissjoni, il-ħatra tar-rikorrent għall-pożiżżjoni ta’ direttur ġiet ikkonfermata b’effett mis-16 ta’ Settembru 2004 u l-klassifikazzjoni tiegħu kienet stabbilita fil-grad A*14, skala 2, bl-anzjanità fl-iskala b’effett mill-1 ta’ Settembru 2004.

26      B’nota tat-30 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrent informa lill-President tal-Kummissjoni li ħassu obbligat jirrifjuta l-proposta ta’ ħatra bħala direttur billi l-klassifikazzjoni fil-grad A*14, skala 2, li kienet tirriżulta minnha, kellha l-effett li tnaqqas is-salarju nett tiegħu fix-xahar b’madwar EUR 1 000 u kienet pjuttost tammonta għal tnaqqis fil-grad b’mod impliċitu, u iktar kienet sanzjoni milli promozzjoni. Barra minn dan, huwa enfasizza li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien espressament jirreferi għall-grad A 2, li ngħata l-isem ġdid ta’ A*15 mill-1 ta’ Mejju 2004, u li ma kienx jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu li kieku seta’ jipprevedi klassifikazzjoni fil-grad A*14, skala 2. Huwa talab lill-President tal-Kummissjoni sabiex jissospendi l-ħatra tiegħu sa l-eżitu tal-proċedura prekontenzjuża li kien biħsiebu jippreżenta kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2005 u sostna li “deċiżjoni ġusta tkun li tiġi proposta [lilu] klassifikazzjoni li la tkun ta’ preġudizzju għad-drittijiet [tiegħu] u lanqas għar-remunerazzjoni [tiegħu]”. Kopja ta’ din l-ittra ġiet ukoll indirizzata lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”.

27      Fl-14 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrent ippreżenta lment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li permezz tiegħu huwa talab, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Mejju 2005, sa fejn din tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala direttur fil-grad A*14 skala 2 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*15, mingħajr telf fis-salarju, b’effett mis-16 ta’ Settembru 2004 jew, sussidjarjament, il-ħatra tiegħu fi skala li ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni tiegħu, biż-żamma tal-grad u ta’ l-iskala li kellu sa dakinhar, jiġifieri l-grad A*14, skala 8.

28      B’deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Novembru 2005, notifikata bil-posta fil-21 ta’ Novembru 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrent.

29      B’nota ta l-uffiċċju għall-amministrazzjoni u l-ħlas ta’ intitolament individwali tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“PMO”), tat-12 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrent ġie informat li, skond l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, somma ta’ EUR 12 615.85 kienet ser tiġi rkuprata permezz ta’ ammonti mnaqqsa kull xahar, minn Frar sa Lulju 2006, sabiex tkopri d-dħul żejjed li huwa kiseb u li tikkorrispondi għad-differenza fir-remunerazzjoni bejn il-grad A*14, skala 8, li kellu qabel u l-grad A*14, skala 2, mogħti bl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

30      B’nota tat-23 ta’ Jannar 2006, wara laqgħa li seħħet bejniethom fid-19 ta’ Jannar 2006, indirizzata lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, ir-rikorrent indika li ma setax “jaċċetta l-pożiżżjoni ta’ [d]irettur fil-grad A*14, skala 2, mingħajr fattur tal-moltiplikazzjoni u mingħajr fattur ta’ protezzjoni nominali” u talab “li s-salarju [tiegħu] jiġi korrett billi jiżdied minn Jannar 2006 […] u li l-ordni ta’ rkupru ta’ iktar minn EUR 12 600 għal salarji li allegatament ġew ‘indebitament’ irċevuti tiġi annullata”. Ir-rikorrent għal darb’oħra enfasizza f’din in-nota:

“Infakkarkom li jiena qatt m’aċċettajt il-ħatra tiegħi fil-grad A*14 skala 2”.

31      B’ittra tat-13 ta’ Frar 2006, id-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” informa lir-rikorrent bil-fatt li, bi ftehim mal-kabinett tal-Viċi President tal-Kummissjoni, S. Kallas, ma kienx biħsiebu jipproponi li l-Kulleġġ tal-Kummissarji jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata.

32      Fil-21 ta’ Frar 2006, ir-rikorrent kiteb mill-ġdid lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” dwar ir-rifjut tiegħu tal-pożiżżjoni ta’ direttur bi klassifikazzjoni fil-grad A*14, skala 2, u talab lill-Awtorità tal-Ħatra tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, billi kien għadu ma rċieva l-ebda spjegazzjoni jew motivazzjoni min-naħa tagħha, u tieħu kull mizura utli sabiex is-salarju tiegħu jiġi korrett billi jiżdied, minn Jannar 2006, kif ukoll tannulla l-ordni ta’ rkupru ta’ l-ammont li allegatament irċieva indebitament. Huwa informa wkoll lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” bl-intenzjoni tiegħu li jippreżenta rikors kontra ċ-ċaħda ta’ l-ilment tiegħu, b’mod partikolari minħabba n-natura ta’ ordni pubbliku tat-termini li fihom jistgħu jinbdew proċeduri, u speċifika li r-rikors tiegħu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jqiegħed fid-dubju r-rifjut tiegħu li jaċċetta l-pożiżżjoni ta’ direttur. Il-Kummissjoni ma weġbitx għal din l-ittra.

33      B’nota tat-22 ta’ Frar 2006 indirizzata lill-Kummissarju S. Kallas, il-Kummissarju V. Reding iddikjarat li kienet sorpriża bis-sitwazzjoni li kien jinsab fiha r-rikorrent u stiednet S. Kallas sabiex jimpenja ruħu personalment sabiex isib soluzzjoni, sabiex jiġi evitat li l-każ tal-persuna kkonċernata jinġieb għall-konoxxenza tal-Parlament Ewropew jew ta’ pubbliku ikbar.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

34      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat, inkluża l-eċċezzjoni ta’ illegalità li tinsab fih;

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        konsegwentement, iddaħħlu mill-ġdid fil-grad u fl-iskala li fihom kellu normalment jiġi kklassifikat (jew dak ekwivalenti għalih skond il-klassifikazzjoni stabbilita bir-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004) skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti;

–        iwettaq rikostituzzjoni sħiħa tal-karriera tiegħu b’effett retroattiv mid-data tal-klassifikazzjoni tiegħu fi grad u skala hekk irrettifikati (inklużi l-evalwazzjoni ta’ l-esperjenza tiegħu fil-grad hekk irrettifikat, id-drittijiet tiegħu li javanza fil-karriera u d-drittijiet tiegħu għal pensjoni), inkluż il-ħlas ta’ interessi moratorji abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, biż-żieda ta’ żewġ punti, fuq it-total tas-somom li jikkorrispondu għad-differenza bejn it-trattament li jikkorrispondi għall-klassifikazzjoni tiegħu skond id-deċiżjoni tal-ħatra u l-klassifikazzjoni li għaliha kellu jkun intitolat sad-data meta tingħata d-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni regolari tiegħu.

–        jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

35      Il-konvenuta titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad r-rikors bħala infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

36      B’digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-17 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea ġie awtorizzat jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-konvenuta.

 Id-dritt

37      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur:

–        ta’ l-Artikolu 2(1) u ta’ l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ l-ekwivalenza tal-pożizzjoni u tal-grad kif ukoll ta’ l-interessi tas-servizz;

–        tal-prinċipji ta’ non-retroattività u ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kif ukoll tad-drittijiet kweżiti u tad-dritt li l-uffiċjal jiżviluppa l-karriera tiegħu;

–        tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

38      Sussidjarjament, fl-ipoteżi li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata tkun ikkostitwita mill-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront ta’ din id-dispożizzjoni.

39      Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok u flimkien, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi.

 L-argumenti tal-partijiet

 Dwar l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 2(1) u ta’ l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal

40      F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, ir-rikorrent josserva li l-konvenuta tagħmel distinzjoni bejn il-kandidat “estern”, li huwa dak li jipparteċipa fi proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa kemm għal kandidati li diġà jaħdmu għall-istituzzjoni kif ukoll għal kandidati li ma jaħdmux għal din ta’ l-aħħar, u l-kandidat “intern”, li huwa dak li jipparteċipa fi proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa biss għall-persuni li diġà jaħdmu ma’ l-imsemmija istituzzjoni. Fuq il-bażi ta’ din id-distinzjoni, il-konvenuta ħassitha obbligata tapplika l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tiddetermina l-grad u l-iskala tar-rikorrent meta ġie maħtur, billi l-grad A 2 ma kienx jeżisti iktar mill-1 ta’ Mejju 2004.

41      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma jikkontestax li ma kellux l-anzjanità fil-grad mitluba sabiex ikun jista’ jippreżenta l-kandidatura tiegħu għal proċedura għal promozzjoni miftuħa skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, għalkemm il-konvenuta segwiet il-proċedura għal promozzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, hija ma kinitx sabet applikant li jissodisfa r-rekwiżiti kollha mitluba għall-pożizzjoni vakanti, u għalhekk fetħet il-proċedura ta’ reklutaġġ skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn dan, jekk il-fatt li wieħed ikollu l-kwalità ta’ uffiċjal fil-mument li fih jingħata bidu għall-proċedura ta’ l-għażla jikkostitwixxi differenza essenzjali fis-sitwazzjoni ġuridika tal-kandidati, li tiġġustifika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent kellu preċiżament il-kwalità ta’ uffiċjal fil-mument li fih ingħata bidu għall-proċedura ta’ l-għażla, b’mod li s-sitwazzjoni tiegħu ma setgħatx tiġi rregolata abbażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli għal persuni li għadhom kif ġew irreklutati.

42      Ir-rikorrent iżid li l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jirregolax espliċitament l-ipoteżi ta’ ħatra li sseħħ wara l-1 ta’ Mejju 2004 wara proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa qabel din id-data skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, madankollu jintroduċi d-dispożizzjonijiet li huma utli sabiex il-gradi l-qodma jkunu jistgħu jiġu kkonvertiti fi gradi ġodda, iddefiniti minn dan l-Anness. Dan huwa l-għan ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li permezz tiegħu l-grad A 2 ingħata l-isem ġdid ta’ A*15.

43      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda biss il-gradi ta’ l-uffiċjali li jinsabu f’waħda mill-pożizzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal fl-1 ta’ Mejju 2004, filwaqt li r-rikorrent ma kellux f’dik id-data l-kwalità ta’ direttur f’waħda minn dawn il-pożizzjonijiet u għalhekk ma kienx ikklassifikat fil-grad A 2, jibqa’ l-fatt li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien ikun ta’ natura li jsolvi l-problema li tirriżulta mill-“għajbien” tal-grad A 2, imsemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, filwaqt li jevita li r-rikorrent, maħtur għal pożizzjoni ogħla, isib ruħu mnaqqas fil-grad.

44      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jiċħad kull applikazzjoni b’analoġija ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi l-proċedura li abbażi tagħha huwa ġie maħtur direttur, jispeċifika espliċitament li l-proċedura ta’ reklutaġġ li huwa jistabbilixxi hija differenti minn dik tal-kompetizzjoni. Barra minn dan, sa fejn l-Artikolu 12(3) ta’ l-imsemmi Anness XIII jintroduċi sistema li tidderoga mir-regola ta’ konverżjoni tal-gradi li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ l-istess Anness, huwa għandu jiġi interpretat restrittivament. Sussidjarjament, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa s-suġġett ta’ argumenti separati fis-sottomissjonijiet tiegħu.

45      Ir-rikorrent iqis li, sabiex tiġi ddefinita l-klassifikazzjoni tiegħu, il-konvenuta kien imissha applikat l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda speċifikament is-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjal fil-grad A 3 fit-30 ta’ April 2004, li, jekk jiġi maħtur wara din id-data bħala direttur, għandu jiġi promoss għall-grad ogħla li jmiss.

46      Ir-rikorrent jirrikonoxxi li l-ħatra tiegħu ma saritx b’riżultat ta’ promozzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, huwa jikkontesta l-interpretazzjoni tal-konvenuta li tgħid li l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għal sitwazzjonijiet ta’ promozzjoni taħt l-imsemmi Artikolu 45. Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jillimita din id-dispożizzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, huwa kien jippreferi t-terminu “promozzjoni” għat-terminu “ħatra”. Barra minn dan, il-fatt li l-istruttura l-ġdida tal-karrieri tipprevedi żewġ gradi għall-pożiżżjoni ta’ direttur – A*14 u A*15 – kontra grad wieħed fis-sistema ta’ qabel – A 2 – ma jfissirx li l-Artikolu 5(5) ta’ l-imsemmi Anness jirrigwarda biss il-promozzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

47      Ir-rikorrent jikkonkludi li, bil-fatt li applikat l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-konvenuta kisret l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5(5) ta’ l-istess Anness. Huwa jżid li, li kieku kienu jeżistu diversi possibilitajiet sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni tiegħu, kien ikun għall-konvenuta, imqar skond id-dmir ta’ premura, li tagħżel dik li kienet tkun l-iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata.

48      Il-konvenuta tosserva li, kieku l-pożiżżjoni in kwistjoni kienet ġiet ppubblikata skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent lanqas biss kien ikun jista’ jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu, billi ma kellux l-anzjanità mitluba, bħala uffiċjal stabbilit fil-grad A 3, sabiex jiġi promoss għall-grad A 2. Huwa biss billi l-impjieg in kwistjoni kien miftuħ għall-kandidati “esterni”, skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li r-rikorrent kien eliġibbli u seta’ jipparteċipa fil-proċedura ta’ l-għażla. Minn dan isegwi li r-regoli applikabbli huma dawk li jirregolaw il-ħatra ta’ kull kandidat “estern” bħala uffiċjal. Matul is-seduta, il-konvenuta ekwiparat il-ħatra tar-rikorrent skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma’ “tieni reklutaġġ” fi ħdan l-istituzzjoni.

49      Skond il-konvenuta, dan ir-raġunament ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, billi l-fatt li wieħed ikollu jew ma jkollux il-kwalità ta’ uffiċjal fil-mument li fih jingħata bidu għall-proċedura ta’ l-għażla jikkostitwixxi differenza essenzjali bejn il-kandidati, differenza li tiġġustifika l-applikazzjoni għar-rikorrent tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għal dawk li jkunu għadhom kif ġew irreklutati.

50      Fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-konvenuta tosserva li dan jirrigwarda biss il-persuni li diġà kellhom il-kwalità ta’ uffiċjal qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Madankollu, skond il-konvenuta, li kieku dan l-Artikolu 2 kellu japplika b’analoġija għall-klassifikazzjoni fil-grad meta jsir reklutaġġ, il-loġika tgħid li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata kemm għar-reklutaġġ magħmul wara proċedura ta’ kompetizzjoni kif ukoll għal dik magħmula wara proċedura skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn iż-żewġ proċeduri, minkejja li distinti fl-għan tagħhom, mhumiex distinti quddiem bdil fl-istruttura tal-karrieri li sseħħ bejn il-pubblikazzjoni ta’ l-avviż tal-kompetizzjoni jew ta’ pożizzjoni vakanti u l-ħatra.

51      Fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-konvenuta ssostni li din id-dispożizzjoni hija fost id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Anness li permezz tagħhom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jipproteġi d-dritt li jiżviluppaw il-karriera tagħhom dawk l-uffiċjali li, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, diġà kellhom din il-kwalità, u li hija tirrigwarda biss il-promozzjoni, u għalhekk il-proċedura ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux dik ta’ l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-uffiċjali fil-grad A 3, id-dritt li jiżviluppaw il-karriera tagħhom kien jinkludi, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-possibbiltà ta’ promozzjoni għall-grad A 2 fil-każ ta’ ħatra għal pożizzjoni ta’ direttur jew ta’ konsulent ewlieni. Fl-istruttura l-ġdida tal-karrieri, il-pożizzjoni ta’ direttur hija prevista għal grad ta’ A*14, b’possibbiltà ta’ promozzjoni għall-grad A*15. Huwa b’deroga għal din ir-regola li l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi promozzjoni għall-grad A*15 għall-uffiċjali li żammew il-grad A 3 ta’ qabel, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, meta ġew maħtura għal pożizzjoni ta’ direttur. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, fil-każ ta’ pożizzjoni vakanti ta’ direttur skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretati fis-sens li l-ħatra għal pożizzjoni bħal din titlob anzjanità ta’ sentejn fil-grad A 3. Min-naħa l-oħra, din l-aħħar dispożizzjoni ma tapplikax meta r-reklutaġġ iseħħ skond il-proċedura ta’ l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Dwar l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ non-retroattività u ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kif ukoll tad-drittijiet kweżiti u tad-dritt li l-uffiċjali jiżviluppa l-karriera tiegħu

52      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata twassal għat-tnaqqis tiegħu fil-grad. Fil-fatt, fejn qabel l-adozzjoni formali tad-deċiżjoni kkontestata huwa kien ikklassifikat fil-grad A*14, skala 8, minħabba din id-deċiżjoni huwa ġie kklassifikat fil-grad A*14, skala 2. Dan ir-riżultat jippreġudika d-drittijiet kweżiti fir-rigward tal-klassifikazzjoni u tad-drittijiet pekunjarji tiegħu, li tnaqqsu b’mod sostanzjali, kif ukoll fir-rigward tad-dritt li jiżviluppa l-karriera tiegħu.

53      Ir-rikorrent jenfasizza li r-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu, kemm fit-test innifsu tagħhom kif ukoll fil-miżuri tranżitorji li jipprovdu għalihom, il-prinċipju tad-drittijiet kweżiti. Fil-fatt, iż-żamma tas-salarju bażiku kif ukoll tal-livell ta’ remunerazzjoni, minkejja l-bidla fl-isem tal-gradi, hija ggarantita mill-Artikolu 7(1) u mill-Artikolu 19 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Bl-istess mod, l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal jiggarantixxi li l-ħatra f’pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni AD la tbiddel il-grad u lanqas l-iskala milħuqa mill-uffiċjal fil-mument tal-ħatra tiegħu. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal jiggarantixxi d-drittijiet kweżiti fl-anzjanità fl-iskala fil-każ ta’ ħatra fi grad ogħla.

54      Il-konvenuta kisret ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettativi leġittimi, billi r-rikorrent kellu d-dritt jistenna li d-deċiżjoni tal-ħatra, li ttieħdet wara li ngħata bidu għall-proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa fis-7 ta’ Novembru 2003, tkun konformi ma’ l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, billi xejn fir-Regolamenti tal-Persunal ma jawtorizza t-tqegħid fid-dubju tal-klassifikazzjoni ta’ uffiċjal minħabba l-ħatra tiegħu fi grad ogħla abbażi ta’ l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

55      Ir-rikorrent jikkritika lill-konvenuta talli fl-ebda mument ma ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li huwa diġà kien uffiċjal kemm fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ reklutaġġ kif ukoll fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda li rriżultaw mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax ikollha l-effett li tippreġudika d-drittijiet miksuba mir-rikorrent qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal.

56      Il-konvenuta tosserva li r-rikorrent ma kienx suġġett għal tnaqqis fil-grad, billi l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*14, skala 2, tirriżulta mill-ħatra tiegħu bħala direttur wara l-proċedura ta’ reklutaġġ skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      Fir-rigward ta’ l-allegat ksur tad-drittijiet pekunjarji kweżiti, il-konvenuta tosserva li l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 19 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwardaw dak li jissejjaħ il-“protezzjoni ta’ l-ammont nominali” u jirrigwarda l-każ ta’ uffiċjal li s-sitwazzjoni tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal baqgħet ma nbidlitx wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, b’mod li l-bidliet li dan ir-Regolament ġab miegħu għal sitwazzjoni li kienet teżisti qabel jiġu nnewtralizzati u din tibqa’ teżisti. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 19 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda l-ipoteżijiet li fihom id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Regolament seta’ jkollu impatt fuq l-allowances li l-uffiċjal jirċievi. L-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li tista’ titqabbel ma’ proċedura ta’ promozzjoni, kif prevista mill-Artikolu 29(1)(a)(ii) u (iii) tar-Regolamenti tal-Persunal iktar milli ma’ reklutaġġ.

58      Fir-rigward ta’ l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettativi leġittimi, ir-rikorrent jibqa’ ma weriex li l-amministrazzjoni tatu xi garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti li l-klassifikazzjoni tiegħu kellha ssir fil-grad A*15. Il-konvenuta tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, l-aspettativi leġittimi jistgħu jinħolqu biss minn garanziji konformi mar-regoli applikabbli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Devillez et vs Il-Parlament, T-46/90, Ġabra p. II-699, punt 38, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Wasmeier vs Il-Kummissjoni, T-381/00, ĠabraSP p. I-A-125 u II-677, punt 106). Skond il-konvenuta, l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi b’mod ċar għall-klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fil-gradi li jindika, mingħajr ma jagħti l-ebda marġini ta’ diskrezzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra.

59      Barra minn dan, għalkemm l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni speċifika tabilħaqq jirrappreżenta qafas legali li jorbot lill-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-kwalifiki mitluba mill-applikanti, dan ma jikkostitwixxix qafas li jorbot fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni futura ta’ reklutaġġ ta’ l-uffiċjal magħżul abbażi ta’ dan l-avviż. Din l-aħħar deċiżjoni ta’ reklutaġġ hija suġġetta biss għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħha.

 Dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

60      F’dak li jirrigwarda r-raba’ motiv, ir-rikorrent iqis li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura, billi huwa fl-ebda mument ma ngħata x’jifhem li kien ser jiġi rreklutat fi grad inqas minn dak imsemmi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u lanqas fi grad marbut mal-pożizzjoni ta’ Kap ta’ Diviżjoni, iktar u iktar billi d-deċiżjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji tas-7 ta’ Lulju 2004, li ħatritu direttur, ma tat l-ebda informazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu u billi d-deċizjoni kkontestata m’identifikatx il-bażi ġuridika speċifika li tippermetti l-klassifikazzjoni tiegħu.

61      Ir-rikorrent jirrimarka li l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu tant mhijiex ċara li d-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” iddeċieda li kien utli li jikkonsulta s-servizz legali, li ħa zmien kunsiderevoli sabiex ta l-parir tiegħu.

62      Il-konvenuta ssostni li l-argument tar-rikorrent li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix espressament għall-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jaffettwax il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, iżda jikkostitwixxi kritika tal-motivazzjoni tagħha, li tista’, skond ġurisprudenza stabbilita, tiġi kkompletata permezz tal-motivazzjoni li tinsab fit-tweġiba għall-ilment. Barra minn dan, iż-żmien twil li għadda bejn id-dħul fis-servizz tar-rikorrent bħala direttur u l-adozzjoni formali tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-konsultazzjoni tas-servizz legali, ma jikkostitwixxux elementi li huma ta’ natura li jqiegħdu fid-dubju l-legalità ta’ l-imsemmija deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu bħala għan li jistabbilixxi “miżuri tranżitorji” wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, ma fih l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-każ ta’ uffiċjal maħtur f’pożizzjoni ogħla wara l-1 ta’ Mejju 2004, wara proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal qabel din id-data.

64      La l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li fuqu jibbaża ruħu r-rikorrent, u lanqas l-Artikolu 12(3) ta’ l-imsemmi Anness, li l-konvenuta f’dan il-każ applikat b’analoġija, ma jistgħu, ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, jiġu applikati f’din l-ipoteżi.

65      Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw esklużivament il-possibilitajiet li timtela pożizzjoni vakanti fi ħdan istitituzzjoni, permezz ta’ promozzjoni skond l-Artikolu 29(1)(a)(iii) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-każ ta’ l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jew permezz ta’ kompetizzjoni, fil-każ ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-istess Anness.

66      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi, b’mod ġenerali, għall-“ħatra” ta’ uffiċjal, fil-grad A 3 fit-30 ta’ April 2004, bħala direttur wara din id-data, huwa jispeċifika li l-persuna kkonċernata hija “promossa” għall-grad ogħla li jmiss u li l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tirrigwarda l-promozzjoni, m’għandhiex tapplika.

67      Għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ reklutaġġ, prevista mill-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġiet effettivament segwita f’dan il-każ, la tikkonċerna l-promozzjoni vera u proprja u lanqas, kif jirriżulta mill-istess termini ta’ din id-dispożizzjoni, il-proċedura tal-kompetizzjoni.

68      Jibqa’ l-fatt li l-każ tar-rikorrent iqajjem il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu li, minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax titħalla mingħajr risposta mill-amministrazzjoni. Anki jekk l-Artikolu 5(5) jew l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu applikati bħala tali, mhuwiex eskluż li s-sistema prevista minn waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiġi adottata f’dan il-każ b’applikazzjoni ta’ wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tas-servizz pubbliku Komunitarju, bħal dawk invokati fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ motivi.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrent, fil-grad A 3, skala 7, fit-30 ta’ April 2004 (li ngħata l-isem ġdid ta’ A*14, skala 7, fl-1 ta’ Mejju 2004, bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal), ġie maħtur direttur wara proċedura ta’ reklutaġġ skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u ġie kklassifikat fil-grad A*14, skala 2, jiġifieri fl-istess grad bħal dak li kellu qabel, iżda fi skala inqas.

70      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu, jekk klassifikazzjoni bħal din tistax tkun validament iġġustifikata jew jekk, kif isostni r-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra kienet obbligata tikklassifikah fil-grad ogħla li jmiss, jiġifieri l-grad A*15.

71      L-ewwel nett, il-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu ġie invokat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ l-ordni ta’ preferenza stabbilita fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li skond dan, meta l-Awtorità tal-Ħatra tkun qed taħseb biex timla pożizzjoni vakanti, hija għandha l-ewwel tikkunsidra jekk il-pożizzjoni tistax timtela permezz ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment minn ġewwa l-istituzzjoni u, sussegwentement, wara li tagħmel dan l-eżami, tikkunsidra jekk twettaqx kompetizzjonijiet interni fl-istituzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Vlachos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 20/83 u 21/83, Ġabra p. 4149, punti 19, 23 u 24; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T-3/97, ĠabraSP p. I-A-89 u II-215, punt 65, u tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, ĠabraSP p. I-A-49 u II-223, punti 91 u 92).

72      Dan madankollu ma jfissirx li l-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu huwa espress biss fl-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

73      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ġie interpretat fis-sens li joffri lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal temporanju l-possibbiltà, għalkemm hija bla dubju possibbiltà eċċezzjonali, li jibbenefikaw minn ħatra f’pożizzjoni fi grad ogħla u, għalhekk, minn avvanz fil-karriera tagħhom. Fil-fatt, il-proċedura ta’ reklutaġġ prevista minn din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax biss ir-reklutaġġ ta’ persuni li għadhom mhumiex fis-servizz tal-Komunitajiet, iżda wkoll l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal temporanju diġà fis-servizz. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Diċembru 1974 (Van Belle vs Il-Kunsill, 176/73, Ġabra. p. 1361, punt 10), la huwa ekwu u lanqas konformi ma’ l-interessi tas-servizz li l-imsemmija proċedura tkun tista’ tiġi applikata biss fir-rigward ta’ applikanti li mhumiex uffiċjali meta hija tissostitwixxi kompetizzjoni, interna jew miftuħa, li l-applikanti li huma uffiċjali ma setgħux jiġu esklużi minnha.

74      Fi kliem ieħor, bħal fil-każ ta’ kompetizzjoni miftuħa (sentenza Van Belle vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8), il-proċedura prevista fl-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tikkostitwixxix biss mod ta’ reklutaġġ estern, kuntrarjament għal kompetizzjoni interna jew għal ħatra fi grad ogħla permezz tal-promozzjoni, billi hija miftuħa kemm għall-applikanti li ġejjin minn barra l-istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll għall-applikanti li diġà għandhom il-kwalità ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal temporanju.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni l-konvenuta, wieħed ma jistax jikkunsidra l-ħatra ta’ uffiċjal, f’impjieg attiv, f’pożizzjoni ogħla skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala t-tieni reklutaġġ fi ħdan l-istituzzjonijiet, li għandu l-effett li jinterrompi l-karriera tiegħu. F’każ bħal dan, pjuttost hemm lok li jitqies li l-proċedura magħżula mill-Awtorità tal-Ħatra għandha tiġi ekwiparata mal-proċedura ta’ promozzjoni, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Vlachos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), fir-rigward tal-mili ta’ pożizzjoni permezz ta’ kompetizzjoni interna fl-istituzzjoni.

76      Billi l-ħatra ta’ uffiċjal f’pożizzjoni ogħla tikkostitwixxi avvanz fil-karriera tiegħu, hija ma tistax twassal, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu, kif dan il-prinċipju ġie adottat fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal, għal tnaqqis fil-grad tiegħu jew fl-iskala tiegħu, u, konsegwentement, għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu.

77      Fil-fatt, jirriżulta mill-iskala tas-salarji bażiċi fix-xahar, iffissati għal kull grad u għal kull skala, fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod tranżitorju, fl-Artikolu 2 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li kull avvanz fil-karriera, jiġifieri fil-grad, għandu normalment iwassal għal żieda fis-salarju bażiku fix-xahar u, jekk dan ma jkunx il-każ, għall-inqas għaż-żamma tal-livell ta’ remunerazzjoni li kien jirċievi qabel il-ħatra f’pożizzjoni ogħla. Barra minn hekk, progress bħal dan fl-emolumenti jissodisfa l-għan imsemmi fil-Premessa 10 tar-Regolament Nru 723/2004 u li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi, fil-każ ta’ promozzjoni, għall-klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjal fl-ewwel, jew anki fit-tieni skala tal-grad ogħla.

78      It-tielet nett, għandha tiġi ddeterminata wkoll il-klassifikazzjoni li, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, effettivament kellha tingħata lir-rikorrent wara l-ħatra tiegħu bħala direttur.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-pożizzjoni ta’ direttur tista’ tiġi pprovduta fil-gradi A*14 u A*15, skond l-Anness XIII.1 (“Tipi ta’ posizzjonijiet matul il-perjodu transitorju”) tar-Regolamenti tal-Persunal. Billi l-proċedura ta’ reklutaġġ partikolari prevista fl-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tista’, meta jibbenefika minnha uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju f’impjieg attiv, tiġi ekwiparata ma’ promozzjoni, kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq is-soluzzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju nnifsu fl-Artikolu 5(5) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk jipprovdi għal klassifikazzjoni fil-“grad ogħla li jmiss”, jiġifieri, f’dan il-każ, il-grad A*15, billi r-rikorrent kien kap ta’ dipartiment fil-grad A*14 qabel il-ħatra tiegħu bħala direttur, u dan skond l-Artikolu 7(5) ta’ l-istess Anness.

80      Tali soluzzjoni hija iktar u iktar meħtieġa billi hija konformi mad-dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni, li b’mod partikolari jimplika, skond ġurisprudenza stabbilita, li meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità kompetenti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss l-interessi tas-servizz, iżda wkoll dawk ta’ l-uffiċjal ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C-298/93 P, Ġabra p. I-3009, punt 38; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T-133/89, Ġabra p. II-245, punt 27, u ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999, Rodríguez Pérez et vs Il-Kummissjoni, T-114/98 u T-115/98, ĠabraSP p. I-A-97 u II-529, punt 32). F’dan il-każ, ir-rikorrent kellu interess leġittimu, mingħajr ma dan imur kontra r-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ, li r-remunerazzjoni tiegħu ma titbaxxiex wara li jkun ġie maħtur f’pożizzjoni ogħla b’rikonoxximent tal-merti personali tiegħu.

81      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talbiet tar-rikors dwar ir-rikostituzzjoni tal-karriera tar-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw il-miżuri li l-konvenuta ser ikollha tieħu sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

82      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipju li kull uffiċjal huwa intitolat li jiżviluppa l-karriera tiegħu fi ħdan l-istitituzzjoni tiegħu, meta tat lir-rikorrent, maħtur f’pożizzjoni ogħla wara l-1 ta’ Mejju 2004, wara proċedura ta’ reklutaġġ mibdija qabel din id-data skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, klassifikazzjoni fi grad u fi skala inqas għal dik li kellu qabel il-ħatra tiegħu.

83      Konsegwentement, mingħajr m’hemm bżonn li jiġu eżaminati la l-argumenti l-oħra mressqa in sostenn ta’ l-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ motivi u lanqas it-tieni motiv u l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-konfront ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

84      Kif iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tiegħu tas-26 ta’ April 2006, Falcione vs Il-Kummissjoni (F-16/05, ĠabraSP p. I-A-1-3 u II-A-1-7, punti 77 sa 86), sakemm ma jkunux daħlu fis-seħħ ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-ispejjeż, hemm lok li jiġu applikati biss ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, p. 84), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

85      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

86      Barra minn dan, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) ta’ l-istess Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, il-Kunsill, parti intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-18 ta’ Mejju 2005, sa fejn din tirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ J. da Silva bħala direttur fil-grad A*14, skala 2, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ J. da Silva.

3)      Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 2007.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha u li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra huma disponibbli fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq