Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62023CJ0028

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2024.
NFŠ a.s. vs Slovenská republika konajúca prostredníctvom Ministerstva školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky u Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okresný súd Bratislava III.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18/KE – Kunċett ta’ ‘kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet’ – Qafas kuntrattwali li jinkludi kuntratt ta’ sussidju u wegħda ta’ xiri – Interess ekonomiku dirett għall-awtorità kontraenti – Xogħol li jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti – Sussidju u wegħda ta’ xiri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern – Direttiva 89/665/KEE – Direttiva 2014/24/UE – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ effetti ta’ kuntratt pubbliku – Nullità assoluta ex tunc.
Kawża C-28/23.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:893

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

17 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18/KE – Kunċett ta’ ‘kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet’ – Qafas kuntrattwali li jinkludi kuntratt ta’ sussidju u wegħda ta’ xiri – Interess ekonomiku dirett għall-awtorità kontraenti – Xogħol li jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti – Sussidju u wegħda ta’ xiri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern – Direttiva 89/665/KEE – Direttiva 2014/24/UE – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ effetti ta’ kuntratt pubbliku – Nullità assoluta ex tunc

Fil-Kawża C‑28/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

NFŠ a.s.

vs

Slovenská republika konajúca prostredníctvom Ministerstva školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky,

Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NFŠ a.s., minn M. Čabák, P. Hodál u L. Královič, advokáti,

għas-Slovenská republika konajúca prostredníctvom Ministerstva školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky u għall-Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky, minn P. Horňák, P. Szabó u M. Tomaschek, advokáti,

għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová, A. Lukáčik u S. Ondrášiková, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, R. Lindenthal u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), tal-punt 6(c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68). kif ukoll tal-Artikolu 2d(1)(a) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħolijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, NFŠ a. s. u, min-naħa l-oħra, is-Slovenská republika konajúca prostredníctvom Ministerstva školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky (ir-Repubblika Slovakka, li taġixxi permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, għax-Xjenzi, għar-Riċerka u għall-Isport tar-Repubblika Slovakka), u l-Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza, għar-Riċerka u għall-Isport tar-Repubblika Slovakka) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Edukazzjoni”) dwar wegħda ta’ xiri tal-istadium nazzjonali tal-futbol li kellu jinbena minn NFŠ fis-Slovakkja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 89/665

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, bit-titolu “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni” jipprovdi:

“1.   […]

[…]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24] jew id-Direttiva [2014/23], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[…]”

4

L-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, bit-titolu “Ineffettività”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

(a)

jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skont id-Direttiva [2014/24] jew id-Direttiva [2014/23];

[…]

2.   Il-konsegwenzi meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali.

Il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi għall-annullament retroattiv tal-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-iskop tal-annullament għal dawk l-obbligi li xorta jkunu għad iridu jitwettqu. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2).

[…]”

5

Skont l-Artikolu 2e tad-Direttiva 89/665, bit-titolu “Ksur ta’ din id-direttiva u penali alternattivi”, l-Istat Membri għandhom jipprevedu, f’ċerti każijiet, l-assenza ta’ effetti tal-kuntratt jew tas-sanzjonijiet alternattivi.

Id‑Direttiva 2004/18

6

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18:

“1.   Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.

2.   

(a)

‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

(b)

‘Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi’ [kuntratti pubbliċi għal xogħolijiet] huma kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew l-wieħed l-esekuzzjoni, jew l-ieħor id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni bi kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali. Ix-‘xogħol’ ifisser l-andament tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u inġinerija civili meħuda bħala ħaġa waħda li hija suffiċenti fiha nnifisha biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.

[…]

9.   Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

[…]”

Id‑Direttiva 2014/24

7

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4.”

8

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘awtoritajiet kontraenti’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali u lokali, korpijiet irregolati mil-liġi pubblika, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

[…]

5.

‘kuntratti pubbliċi’ tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;

(6)

‘kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

(c)

it-twettiq, bi kwalunkwe mezz, ta’ xogħol li jikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tip jew id-disinn tax-xogħol;

[…]”

9

L-Artikolu 83 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Infurzar”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Sabiex jiżguraw implimentazzjoni korretta u effiċjenti b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-anqas il-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu jitwettqu minn awtorità, korp jew struttura waħda jew aktar. Huma għandhom jindikaw lill-Kummissjoni [Ewropea] l-awtoritajiet, il-korpi u l-istrutturi kompetenti kollha għal dawk il-kompiti.

(2)   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku hija mmonitorjata.

Meta l-awtoritajiet jew l-istrutturi ta’ monitoraġġ, fuq inizjattiva tagħhom stess jew meta jirċievu informazzjoni, jidentifikaw ksur speċifiku jew problemi sistemiċi, huma għandhom jingħataw is-setgħa biex jindikaw dawk il-problemi lill-awtoritajiet ta’ awditjar, qrati jew qrati ġenerali nazzjonali jew awtoritajiet jew strutturi adegwati oħra, bħall-ombudsman, il-parlamenti nazzjonali jew il-kumitati tagħhom.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 90(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat‑18 ta’ April 2016. […]”

11

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi:

“Id-Direttiva 2004/18/KE hija mħassra b’effett mit‑18 ta’ April 2016.”

Id‑dritt Slovakk

Il‑Liġi Nru 40/1964

12

L-Artikolu 39 taż-zákon č. 40/1964 Zb. Občiansky zákonník (il-Liġi Nru 40/1964 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili) tas‑26 ta’ Frar 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, tipprovdi:

“Kull att ġuridiku li, mill-kontenut jew mill-għan tiegħu, imur kontra d-dritt jew jikkostitwixxi evitar tiegħu, jew imur kontra l-moralità, huwa null.”

Il‑Liġi Nru 25/2006

13

L-Artikolu 3(3) taż-zákon č. 25/2006 Z. z. o verejnom obstarávaní a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 25/2006 dwar il-Kuntratti Pubbliċi u Li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet) tal‑14 ta’ Diċembru 2005, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fis-sens ta’ din il-liġi huwa kuntratt li għandu bħala għan jew l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, jew id-disinn u l-eżekuzzjoni flimkien ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati ma’ waħda mill-attivitajiet elenkati fit-Taqsima 45 tat-terminoloġija komuni għall-kuntratti pubbliċi […], jew it-twettiq ta’ kostruzzjoni. Kostruzzjoni fis-sens ta’ din il-liġi hija r-riżultat ta’ assjem ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jissodisfa funzjoni ekonomika jew funzjoni teknika, u li l-eżekuzzjoni tiegħu tissodisfa r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti.”

14

Skont l-Artikolu 147a ta’ din il-liġi:

“Jekk awtorità kontraenti, entità kontraenti jew persuna msemmija fl-Artikolu 7 tikkonkludi kuntratt, kuntratt ta’ konċessjoni, ftehim qafas jew emenda għal kuntratt, għal kuntratt ta’ konċessjoni jew għal ftehim qafas bi ksur ta’ din il-liġi, l-[Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi)] jew il-prosekutur għandu jippreżenta, f’terminu ta’ sena mill-konklużjoni tagħhom, azzjoni għal nullità quddiem qorti.”

Il‑Liġi Nru 343/2015

15

L-Artikolu 3(3) taż-zákon č. 343/2015 Z. z. o verejnom obstarávaní a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 343/2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet), tat‑18 ta’ Novembru 2015, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 343/2015”), tipprevedi:

“Kuntratt għal xogħlijiet fis-sens ta’ din il-liġi huwa kuntratt li għandu bħala għan:

[…]

(c)

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, fi kwalunkwe forma stabbilita mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti, li taffettwa b’mod deċiżiv it-tip ta’ kostruzzjoni jew id-disinn ta’ kostruzzjoni.”

16

L-Artikolu 181(1) u (11) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Offerent, kandidat, parteċipant jew persuna li setgħet kienet ikkonċernata mill-kisba ta’ kuntratt jew ta’ konċessjoni speċifika li taqbeż il-limitu u li d-drittijiet jew l-interessi legalment protetti tiegħu kienu jew setgħu ġew affettwati mill-proċedura tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti (iktar ’il quddiem il-“persuna kkonċernata”) tista’, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, tal-kuntratt ta’ konċessjoni jew tal-ftehim qafas, tressaq quddiem il-qorti talba għan-nullità tal-kuntratt, tal-kuntratt ta’ konċessjoni jew tal-ftehim qafas.

[…]

(11)   Id-dritt li tintalab il-konstatazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt, ta’ kuntratt ta’ konċessjoni jew ta’ ftehim qafas jiġi estint jekk dan ma jiġix invokat

(a)

f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż relatat mar-riżultat tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea konformement ma’ din il-liġi, jekk l-avviż ikun jinkludi wkoll ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, tal-avviż użat bħala sejħa għal offerti, tal-avviż ta’ konċessjoni jew tal-avviż ta’ kompetizzjoni,

(b)

f’terminu ta’ sitt xhur:

1.

mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż relatat mar-riżultat tal-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk l-avviż ma jkunx jinkludi ġustifikazzjoni skont il-punt (a); jew

2.

mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, tal-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet jew tal-ftehim qafas f’każijiet għajr dawk imsemmija fil-punt (a) u fl-ewwel subparagrafu.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Bil-għan li jitwettaq il-proġett ta’ kostruzzjoni tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk, il-Gvern Slovakk ippreveda, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 400/2013 tal‑10 ta’ Lulju 2013, li l-Ministeru għall-Edukazzjoni kellu jikkonkludi, mingħajr sejħa għal offerti, memorandum mal-kumpannija Národný futbalový štadión, a.s., li hija l-predeċessura fid-dritt ta’ NFŠ. Dan il-memorandum, konkluż fil‑11 ta’ Lulju 2013, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sussidju għall-kostruzzjoni ta’ dan l-istadium kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ din il-kostruzzjoni.

18

Fuq din il-bażi, fil‑21 ta’ Novembru 2013, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonkluda ma’ Národný futbalový štadión kuntratt ta’ sussidju, li permezz tiegħu dan il-ministeru impenja ruħu li jagħti lil din il-kumpannija sussidju ta’ EUR 27200000 iffinanzjat mill-baġit tal-Istat għall-kostruzzjoni tal-imsemmi stadium (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ sussidju”). L-imsemmija kumpannija ntrabtet li tiffinanzja tal-inqas 60 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni.

19

Fl‑10 ta’ Mejju 2016, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u NFŠ ikkonkludew l-emenda Nru 1 għall-kuntratt ta’ sussidju, li emendat it-test kollu ta’ dan il-kuntratt billi ħassret b’mod partikolari l-possibbiltà, inizjalment prevista favur is-Slovenský futbalový zväz (il-Federazzjoni Slovakka tal-Futbol), li tuża mingħajr ħlas ċertu bini fl-istess stadium.

20

Fl-istess jum, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, f’isem ir-Repubblika Slovakka bħala akkwirenti futura, ikkonkluda ma’ NFŠ, bħala bejjiegħa futura, wegħda ta’ xiri li tippreċiża l-kundizzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xiri tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk (iktar ’il quddiem il-“wegħda ta’ xiri”). Il-wegħda ta’ xiri tinkludi, fl-annessi tagħha, speċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati u l-parametri materjali ta’ dan l-istadium.

21

Id-dħul fis-seħħ tal-wegħda ta’ xiri kien suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, fosthom il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, li s-sussidju u din il-wegħda jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Il-Kummissjoni kkonstatat li dan kien il-każ permezz tad-Deċiżjoni SA.46530 tal‑24 ta’ Mejju 2017 (ĠU 2017, C 354, p. 1).

22

Diversi proċeduri ġudizzjarji dwar il-kuntratt ta’ sussidju jew dwar il-wegħda ta’ xiri huma attwalment pendenti. Quddiem l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja), li hija l-qorti tar-rinviju, NFŠ ressqet talba intiża li jiġi stabbilit il-kontenut tal-wegħda ta’ xiri f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-prezz ta’ xiri, sabiex teżerċita l-għażla, prevista favuriha minn din il-wegħda, li tbigħ il-bini mibni. Skont din il-kumpannija, il-wegħda ta’ xiri hija valida u ma tikkostitwixxix kuntratt pubbliku, peress li din ma tistabbilixxix obbligu eżekuttiv li jitwettqu xogħlijiet. Għaldaqstant, din ma hijiex kuntratt ta’ b’titolu oneruż.

23

Għall-kuntrarju, il-Ministeru għall-Edukazzjoni jsostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-kuntratt ta’ sussidju u l-wegħda ta’ xiri jikkostitwixxu assjem sħiħ ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi, li intenzjonalment huwa intiż, minħabba l-assenza ta’ sejħa għal offerti, sabiex tiġi evitata l-Liġi Nru 343/2015. B’mod partikolari, il-wegħda ta’ xiri hija ta’ natura oneruża, immanifestata mill-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-prezz tax-xiri li din tipprevedi.

24

Dan il-ministeru jsostni wkoll li huwa kellu influwenza determinanti fuq il-proġett tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk li, skont il-kuntratt ta’ sussidju, għandu jissodisfa r-rekwiżiti previsti, f’dak li jirrigwarda l-istadiums tal-kategorija 4, mir-Regolament tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) dwar l-infrastruttura tal-istadiums. Barra minn hekk, l-imsemmi ministeru stabbilixxa rekwiżiti addizzjonali permezz tal-korp ta’ tmexxija suprem ta’ dan il-proġett, il-kumitat ta’ gwida u ta’ monitoraġġ għall-kostruzzjoni ta’ dan l-istadju, li fih huwa kien fil-parti l-kbira rrappreżentat.

25

Barra minn hekk, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk kuntratt li jmur kontra l-Liġi Nru 25/2006, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew kontra l-Liġi Nru 343/2015 jistax jiġi effettwat biss bin-nullità, relattiva u ex nunc, invokabbli abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-liġijiet, hekk kif issostni NFŠ, jew jekk tali kuntratt jistax jiġi effettwat b’nullità assoluta ex tunc, skont l-Artikolu 39 tal-Liġi Nru 40/1964 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, tas‑26 ta’ Frar 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hekk kif isostni l-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-ġurisprudenza Slovakka f’dan il-qasam hija kontradittorja.

26

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kuntratt ta’ sussidju u l-wegħda ta’ xiri għandhom rabta ratione materiae u ratione temporis, u jikkostitwixxu qafas ta’ obbligi reċiproċi bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u NFŠ. B’mod iktar preċiż, il-kuntratt ta’ sussidju jinvolvi obbligu min-naħa tal-Istat li jagħti s-sussidju previst kif ukoll obbligu min-naħa tan-Národný futbalový štadión li tibni l-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u li tippermetti lill-Federazzjoni Slovakka tal-futbol tuża parti minnu. Il-wegħda ta’ xiri tistabbilixxi, favur NFŠ, għażla unilaterali ta’ bejgħ li tikkorrispondi għal obbligu għall-Istat li jixtri l-bini mibni.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1]

Kuntratt ta’ sussidju u wegħda ta’ xiri konklużi bejn ministeru (l-Istat) u entità rregolata mid-dritt privat magħżula b’mod mhux kompetittiv, jikkostitwixxu ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva [2004/18] jew tal-Artikolu 2(6)(c) [tal-punt 6(c) tal-Artikolu 2(1)] tad-Direttiva [2014/24], sa fejn il-kuntratt ta’ sussidju huwa għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, l-obbligi inklużi fil-kuntratt ta’ sussidju jinkludu obbligu fuq l-Istat li jagħti s-sussidju kif ukoll obbligu fuq l-entità rregolata mid-dritt privat li tibni binja konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-ministeru u li tippermetti lil organizzazzjoni sportiva tuża parti minnha, u l-obbligi inklużi fil-wegħda ta’ xiri jinkludu għażla unilaterali favur l-entità rregolata mid-dritt privat li tikkorrispondi għal obbligu għall-Istat li jixtri l-binja mibnija, kont meħud tal-fatt li dawn il-kuntratti jikkostitwixxu qafas ta’ obbligi reċiproki bejn il-ministeru u l-entità rregolata mid-dritt privat, li jippreżentaw rabta materjali u temporali?

[2]

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jew l-Artikolu 2(6)(c) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludu leġiżlazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru skont liema att ġuridiku li, permezz tal-kontenut tiegħu jew tal-għan tiegħu, jikser il-liġi jew jevitaha jew huwa kuntrarju għall-prinċipji aċċettati tal-moralità huwa null b’mod assolut (jiġifieri huwa null ab initio/ex tunc) jekk dan il-ksur tal-liġi jikkonsisti fi ksur gravi tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi?

[3]

L-Artikolu 2d(1)(a) u l-Artikolu 2d(2) tad-[Direttiva 89/665], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru skont liema att ġuridiku li, permezz tal-kontenut tiegħu jew tal-għan tiegħu, jikser il-liġi jew jevitaha jew huwa kuntrarju għall-prinċipji aċċettati tal-moralità huwa null b’mod assolut (jiġifieri huwa null ab initio/ex tunc) meta dan il-ksur tal-liġi jikkonsisti fi ksur gravi (evażjoni) tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali?

[4]

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jew l-Artikolu 2(6)(c) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu r-rikonoxximent ex tunc ta’ effetti legali ta’ wegħda ta’ xiri bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 u l-punt 6(c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, qafas kuntrattwali li jorbot lil Stat Membru ma’ operatur ekonomiku u li jinkludi kuntratt ta’ sussidju kif ukoll wegħda ta’ xiri, konklużi bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ stadium tal-futbol, liema qafas kuntrattwali joħloq obbligi reċiproċi bejn dan l-Istat u dan l-operatur ekonomiku, li jinkludu l-obbligu ta’ kostruzzjoni ta’ dan l-istadium konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-imsemmi Stat kif ukoll għażla unilaterali favur l-imsemmi operatur ekonomiku li tikkorrispondi għal obbligu għall-istess Stat li jixtri l-imsemmi stadium, u jagħti lill-istess operatur ekonomiku għajnuna mill-Istat irrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

Fuq l‑ammissibbiltà

29

NFŠ tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari minħabba li l-ewwel domanda tirrigwarda fatti konkreti li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni ta’ din l-ewwel domanda tinkludi konstatazzjonijiet fattwali żbaljati u qarrieqa. Barra minn hekk, dik il-qorti rriproduċiet mingħajr eżami kritiku t-test tad-domandi proposti minn parti fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-Repubblika Slovakka, u injorat, bi ksur tad-duttrina tal-att ikkjarifikat, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li kuntratt ma jikkostitwixxix kuntratt pubbliku fl-assenza ta’ obbligu li t-twettiq tiegħu jista’ jintalab quddiem qorti.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, minkejja li l-ewwel domanda tinkludi konstatazzjonijiet fattwali li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

31

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tar-rinviju hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima li hija tkun adita biha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, X‑Beteiligungsgesellschaft (VAT – Ħlasijiet suċċessivi), C‑324/20, EU:C:2021:880, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ċara, f’dan il-każ, li din ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm tali fatt, meta jiġi pprovat, jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, dan l-istess fatt ma jistax, madankollu, jipprevjeni lill-qorti nazzjonali milli tagħmel domanda preliminari u lanqas ma jista’ jkollu l-effett li jirrendi d-domanda hekk rrinvijata inammissibbli (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România,C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

34

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li d-direttiva applikabbli ratione temporis għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku hija, bħala prinċipju, dik fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u taqta’ definittivament il-kwistjoni dwar jekk hemmx jew le obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, ma humiex applikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jkun skada wara din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’din il-kawża, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-deċiżjoni li ma ssirx sejħa għal offerti għall-kostruzzjoni tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk ġiet adottata permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 400/2013 tal-Gvern Slovakk tal‑10 ta’ Lulju 2013, data li fiha kienet applikabbli d-Direttiva 2004/18. Bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, jidher li din ir-riżoluzzjoni qatghet definittivament, għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u għar-Repubblika Slovakka, il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm obbligu jew le li ssir sejħa għal offerti.

36

Fi kwalunkwe każ, anki jekk dik il-qorti kellha tasal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni li taqta’ definittivament il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm jew le obbligu li ssir tali sejħa għal offerti hija sussegwenti għat‑18 ta’ April 2016, data li fiha effettivament tħassret id-Direttiva 2004/18 u li fiha skada t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-kontenut tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jikkorrispondi essenzjalment, għal dak li jirrigwarda t-twettiq ta’ xogħol li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kontraenti, għall-kontenut tal-punt 6(c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24.

37

Bil-benefiċċju ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi ddeterminat jekk qafas kuntrattwali bil-karatteristiċi ta’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax il-kriterji ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet pubbliċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, fejn dan il-kunċett huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għalih il-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lil kuntratt mid-dritt ta’ Stat Membru ma hijiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat, konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, jekk tali qafas kuntrattwali jikkostitwixxix kuntratt b’titolu oneruż konkluż bil-miktub bejn operaturi ekonomiċi u awtorità kontraenti u, fl-affermattiv, jekk dan il-kuntratt għandux bħala għan it-twettiq ta’ xogħol li jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati minn din l-awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-direttiva.

39

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt wara li twettaq l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-fajl, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România,C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fl-ewwel lok, it-terminu “kuntratti” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 ikopri wkoll ftehimiet ta’ intenzjonijiet li jirriżultaw minn diversi dokumenti, mingħajr ma l-fatt li kull wieħed minn dawn id-dokumenti jikkostitwixxi kuntratt skont id-dritt nazzjonali jostakola dan.

41

F’din il-kawża, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kuntratt ta’ sussidju u l-wegħda ta’ xiri għandhom rabta ratione materiae, peress li t-tnejn ġew konklużi fil-kuntest tal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk, u rabta ratione temporis. Din tal-aħħar hija kkonfermata mid-Deċiżjoni SA.46530, li tindika li l-kostruzzjoni ta’ dan l-istadju bdiet biss fil-Ħarifa tal‑2016, jiġifieri wara l-konklużjoni, fl‑10 ta’ Mejju 2016, tal-emenda Nru 1 għall-kuntratt ta’ sussidju kif ukoll tal-wegħda ta’ xiri.

42

Fit-tieni lok, il-kuntratti li jifformaw il-qafas kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew konklużi bil-miktub, minn naħa, minn Národný futbalový štadión, f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ sussidju, u minn NFŠ, f’dak li jirrigwarda l-wegħda ta’ xiri, li huma operaturi ekonomiċi, u, min-naħa l-oħra, mill-Istat Slovakk, li huwa awtorità kontraenti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

43

Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk qafas kuntrattwali bil-karatteristiċi ta’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex konkluż b’titolu oneruż.

44

Minn naħa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “b’titolu oneruż” tirreferi għal kuntratt li permezz tiegħu kull waħda mill-partijiet timpenja ruħha twettaq provvista bħala korrispettiv għal oħra. In-natura sinallagmatika tal-kuntratt hija għalhekk karatteristika essenzjali ta’ kuntratt pubbliku, li neċessarjament tirriżulta fil-ħolqien ta’ obbligi legalment vinkolanti għal kull waħda mill-partijiet fil-kuntratt, li t-twettiq tagħhom għandu jkun jista’ jintalab quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax‑Fin‑Lex, C‑367/19, EU:C:2020:685, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta kuntratt ikun jinkludi obbligu ta’ xiri minn awtorità kontraenti mingħajr obbligu ta’ bejgħ impost fuq il-parti kontraenti tagħha, din l-assenza ta’ obbligu ta’ bejgħ ma hijiex neċessarjament biżżejjed sabiex tiġi eskluża n-natura sinallagmatika ta’ dan il-kuntratt u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku, peress li tali konklużi tista’ tintlaħaq biss, jekk ikun il-każ, wara l-eżami tal-elementi rilevanti kollha.

46

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-eżistenza ta’ obbligi reċiproċi bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u NFŠ. Barra minn hekk, dik il-qorti tindika b’mod partikolari li l-kuntratt ta’ sussidju jinkludi l-obbligu għall-Istat li jagħti s-sussidju kif ukoll l-obbligi, għall-predeċessura fid-dritt ta’ NFŠ, li tibni l-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, li tiffinanzja tal-inqas 60 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni u, fil-verżjoni oriġinali ta’ dan il-kuntratt, li tippermetti lill-Federazzjoni Slovakka tal-Futbol tuża parti minnu mingħajr ħlas. Għalkemm l-emenda Nru 1 għall-kuntratt ta’ sussidju neħħiet dan l-obbligu tal-aħħar, din l-emenda ma neħħietx l-obbligi l-oħra, li ġew ittrasferiti lil NFŠ.

47

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, l-awtorità kontraenti tirċievi servizz li jikkonsisti fit-twettiq tax-xogħlijiet li hija tkun trid tikseb u li jkollu interess ekonomiku dirett għaliha. Tali interess ekonomiku jista’ jiġi kkonstatat mhux biss meta jkun previst li l-awtorità kontraenti ssir il-proprjetarja tax-xogħlijiet jew tax-xogħol li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, iżda wkoll f’sitwazzjonijiet oħra, b’mod partikolari meta jkun previst li l-awtorità kontraenti jkollha titolu legali li jiżguralha d-disponibbiltà ta’ dawn ix-xogħlijiet, fid-dawl tal-użu pubbliku tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex) (C‑537/19, EU:C:2021:319, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Mill-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk jappartjeni lil NFŠ, il-kuntratt ta’ sussidju jillimita d-dritt ta’ trasferiment tal-proprjetà ta’ dan l-istadium lil terzi, b’mod partikolari billi jeżiġi għal dan l-għan kunsens bil-miktub minn qabel mill-Istat Slovakk. Għaldaqstant, dan l-Istat għandu fuq dan l-istadium, essenzjalment, dritt ta’ prelazzjoni li għandu valur ekonomiku intrinsiku.

49

L-interess ekonomiku jista’ jinsab ukoll fil-vantaġġi ekonomiċi li l-awtorità kontraenti tista’ tikseb mill-użu jew miċ-ċessjoni futuri tax-xogħol, fil-fatt li din tkun ipparteċipat finanzjarjament għat-twettiq tax-xogħol jew fir-riskji li din tassumi fil-każ li x-xogħol ikun falliment ekonomiku (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller,C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, hekk kif indikat NFŠ fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, l-għażla li għandha din il-parti bis-saħħa tal-wegħda ta’ xiri tikkostitwixxi garanzija kontra r-riskju kummerċjali fil-każ li l-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk jirriżulta li jkun falliment ekonomiku għaliha. B’hekk, billi impenjat ruħha li tixtri dan l-istadium fuq it-talba ta’ NFŠ, l-awtorità kontraenti assumiet ir-riskji kollha f’każ ta’ falliment ekonomiku tax-xogħol.

51

Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, sabiex kuntratt jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” li għandu bħala għan it-twettiq ta’ xogħol, dan ix-xogħol għandu jitwettaq konformement mal-ħtiġijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti, fejn il-mezzi użati għall-finijiet ta’ dan it-twettiq huma irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑536/07, EU:C:2009:664, punt 55).

52

F’dan ir-rigward, influwenza determinati tal-awtorità kontraenti fuq id-disinn ta’ bini previst tista’ tiġi identifikata, b’mod partikolari, jekk jista’ jiġi muri li din l-influwenza hija eżerċitata fuq l-istruttura arkitettonika ta’ dan il-bini, bħad-dimensjoni tiegħu, il-ħitan esterni tiegħu u l-ħitan ta’ appoġġ tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is‑22 ta’ April 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex) (C‑537/19, EU:C:2021:319, punt 53).

53

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk kellu jinbena konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. F’dan ir-rigward, dan tal-aħħar irrefera fil-kawża prinċipali, l-istess bħal NFŠ fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-osservanza tal-kriterji tar-Regolament tal-UEFA dwar l-infrastruttura tal-istadiums f’dak li jirrigwarda l-istadiums tal-kategorija 4.

54

Issa, l-obbligu li jiġu osservati dawn il-kriterji, fejn l-eżistenza ta’ dan l-obbligu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jista’ jippermetti li tiġi identifikata influwenza determinanti tal-Istat Slovakk fuq l-istruttura arkitettonika, fil-każ fejn dan ir-regolament jinkludi rekwiżiti relatati, pereżempju, mad-dimensjonijiet tal-art tal-logħob, mal-kapaċità tal-istadium f’numru ta’ spettaturi jew man-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ previsti, fatt li għandu jiġi eżaminat ukoll mill-qorti tar-rinviju.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, qafas kuntrattwali li għandu l-karatteristiċi ta’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet pubbliċi” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18.

56

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Kummissjoni qieset, fid-Deċiżjoni SA.46530, li s-sussidju bil-għan tal-kostruzzjoni tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk u l-wegħda ta’ xiri tiegħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

57

Skont NFŠ, din id-deċiżjoni timplika konstatazzjonijiet li jipprekludu li jiġi kklassifikat bħala kuntratt pubbliku il-qafas kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta, b’mod partikolari, li din il-kumpannija ma kellhiex l-obbligu li tibni l-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk. Barra minn hekk, l-imsemmija kumpannija tindika li hija kkonformat ruħha mar-regoli relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-għażla tal-fornituri tagħha, skont obbligu li tagħmel riferiment għalih l-imsemmija deċiżjoni.

58

Issa, minn naħa, għalkemm id-Deċiżjoni SA.46530 tindika li NFŠ tibqa’ l-proprjetarja tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk wara l-kostruzzjoni tiegħu, mingħajr ma jeżisti obbligu li l-proprjetà ta’ dan l-istadium tiġi ttrasferita lill-Istat Slovakk, din id-deċiżjoni ma ssemmix l-assenza ta’ obbligu ta’ kostruzzjoni tal-imsemmi stadium.

59

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-qrati nazzjonali għandhom jastjenu milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, fatt li l-evalwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din l-istituzzjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni, C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punti 9091 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, evalwazzjonijiet li jistgħu impliċitament jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni dwar għajnuna mill-Istat ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu imposti fuq il-qrati nazzjonali f’tilwima, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma għandhiex rabta mal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

60

Min-naħa l-oħra, meta awtorità kontraenti jkollha l-obbligu li tosserva r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, din l-awtorità kontraenti ma tistax teħles lilha nnifisha minn dan l-obbligu, li jaqa’ speċifikament fuqha, billi timponi fuq l-operatur ekonomiku li miegħu hija tikkonkludi tali kuntratt l-obbligu li jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-regoli waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku li jorbot lil NFŠ u lill-Istat Slovakk ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li d-Deċiżjoni SA.46530 tindika li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-istadium nazzjonali tal-futbol Slovakk ser ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti konformi mar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, qafas kuntrattwali li jorbot lil Stat Membru ma’ operatur ekonomiku u li jinkludi kuntratt ta’ sussidju kif ukoll wegħda ta’ xiri, konklużi bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ stadium tal-futbol, meta dan il-qafas kuntrattwali joħloq obbligi reċiproċi bejn dan l-Istat u dan l-operatur ekonomiku, li jinkludu l-obbligu ta’ kostruzzjoni ta’ dan l-istadium konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-imsemmi Stat kif ukoll għażla unilaterali favur l-imsemmi operatur ekonomiku li tikkorrispondi għal obbligu għall-istess Stat li jixtri l-imsemmi stadium, u jagħti lill-istess operatur ekonomiku għajnuna mill-Istat irrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda

62

Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 89/665 jew id-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu l-applikazzjoni, abbażi ta’ eċċezzjoni ta’ nullità mqajma mill-awtorità kontraenti, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kuntratt konkluż bi ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa effettwat b’nullità assoluta ex tunc.

Fuq l‑ammissibbiltà

63

NFŠ tqis li dawn id-domandi huma ipotetiċi. Il-Kummissjoni tiddubita wkoll dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmija domandi, minħabba li l-qorti tar-rinviju ma tindikax b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija teħtieġ risposta.

64

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano, C‑178/22, EU:C:2024:371, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Ministeru għall-Edukazzjoni invoka, permezz ta’ eċċezzjoni, in-nullità tal-qafas kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li dan il-qafas kuntrattwali ġie konkluż mingħajr sejħa għal offerti u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, hekk kif interpretata minn parti mill-ġurisprudenza nazzjonali, timponi li tiġi kkonstatata n-nullità assoluta ex tunc ta’ kuntratt konkluż bi ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

66

Għaldaqstant, it-tieni sar-raba’ domanda ma humiex ta’ natura ipotetika u ma jidhirx manifest li risposta għal dawn id-domandi ma tkunx utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tagħti deċiżjoni fuq it-tilwima li hija adita biha. Minn dan isegwi li dawn id-domandi huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

67

Fl-ewwel lok, id-Direttiva 89/665 ma tistax titqies li twettaq armonizzazzjoni kompleta u, għalhekk, li tkopri r-rimedji kollha possibbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, T‑Systems Magyarország, C‑263/19, EU:C:2020:373, punt 53).

68

Bil-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk eċċezzjoni ta’ nullità mqajma minn awtorità kontraenti taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

69

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, bit-titolu “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, isemmi, fil-paragrafu 3 tiegħu, il-persuni li għandhom ikunu jistgħu jressqu proċeduri ta’ reviżjoni taħt din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu aċċessibbli ta’ lanqas għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li tkun ġiet leża jew tkun tinsab fir-riskju li tiġi leża minn ksur allegat.

70

Barra minn hekk, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jsemmi d-deċiżjonijiet li għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ reviżjoni taħt din l-istess direttiva. Din id-dispożizzjoni teżiġi biss li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali proċeduri ta’ reviżjoni d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti.

71

Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva 89/665 ma hijiex intiża li tistabbilixxi proċeduri jew rimedji favur l-awtoritajiet kontraenti.

72

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma li jipproteġu lill-operaturi ekonomiċi kontra l-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, T‑Systems Magyarország (C‑263/19, EU:C:2020:373, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, imsemmi fit-tielet domanda preliminari, jirrigwarda l-konsegwenzi tal-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-kuntratti pubbliċi, bħall-Artikolu 2e ta’ din id-direttiva. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2e tal-imsemmija direttiva jirrigwarda biss il-proċeduri ta’ reviżjoni mressqa minn impriżi li għandhom jew li kellhom interess li jiksbu kuntratt speċifiku u li kienu ġew leżi jew li jinsabu f’riskju li jiġu leżi minn allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, T‑Systems Magyarország, C‑263/19, EU:C:2020:373, punt 54).

74

Minn dan isegwi li eċċezzjoni ta’ nullità mqajma minn awtorità kontraenti ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/665.

75

Fit-tieni lok, id-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi biss, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, regoli applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mingħajr ma tirregola l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dawn ir-regoli.

76

Madankollu, l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi regoli relatati mal-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Peress li dawn ir-regoli huma ta’ natura proċedurali, dawn huma applikabbli, b’effett mit‑18 ta’ April 2016, data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, għall-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ġodda jew pendenti, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din l-istess direttiva.

77

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan la jimponi u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni li permezz tagħha awtorità ta’ superviżjoni tista’ tibda, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, proċedura ta’ reviżjoni ex officio sabiex twettaq monitoraġġ tal-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et (C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 84).

78

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta tali proċedura tkun prevista, din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-kuntratti pubbliċi li huma s-suġġett ta’ tali reviżjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Għaldaqstant, tali proċedura għandha tosserva d-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punti 8586).

79

Bl-istess mod, l-Artikolu 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan la jimponi u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà, għal awtorità kontraenti, li tqajjem, f’tilwima li tirrigwarda kuntratt, eċċezzjoni ta’ nullità assoluta ex tunc ibbażata fuq ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

80

Barra minn hekk, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li r-rikors li wassal għat-tilwima fil-kawża prinċipali jikser id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 89/665 u d-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux l-applikazzjoni, abbażi ta’ eċċezzjoni ta’ nullità mqajma mill-awtorità kontraenti, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kuntratt konkluż bi ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa effettwat b’nullità assoluta ex tunc, bil-kundizzjoni li, fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlazzjoni li tipprevedi tali nullità tosserva d-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt.

Fuq l‑ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi],

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, qafas kuntrattwali li jorbot lil Stat Membru ma’ operatur ekonomiku u li jinkludi kuntratt ta’ sussidju kif ukoll wegħda ta’ xiri, konklużi bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ stadium tal-futbol, meta dan il-qafas kuntrattwali joħloq obbligi reċiproċi bejn dan l-Istat u dan l-operatur ekonomiku, li jinkludu l-obbligu ta’ kostruzzjoni ta’ dan l-istadium konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-imsemmi Stat kif ukoll għażla unilaterali favur l-imsemmi operatur ekonomiku li tikkorrispondi għal obbligu għall-istess Stat li jixtri l-imsemmi stadium, u jagħti lill-istess operatur ekonomiku għajnuna mill-Istat irrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

 

2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħolijiet], kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, kif ukoll id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn ma jipprekludux l-applikazzjoni, abbażi ta’ eċċezzjoni ta’ nullità mqajma mill-awtorità kontraenti, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kuntratt konkluż bi ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa effettwat b’nullità assoluta ex tunc, bil-kundizzjoni li, fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlazzjoni li tipprevedi tali nullità tosserva d-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.

Fuq