Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62023CJ0507

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
A vs Patērētāju tiesību aizsardzības centrs.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 82(1) – Dritt għal kumpens u responsabbiltà – Ipproċessar illegali ta’ data – Ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Kunċett ta’ ‘dannu’ – Kumpens għal dannu morali fil-forma ta’ għoti ta’ skuża – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ effettività – Evalwazzjoni tal-forma u tal-livell tal-kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-attitudni u tal-motivazzjoni tal-kontrollur.
Kawża C-507/23.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:854

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 82(1) – Dritt għal kumpens u responsabbiltà – Ipproċessar illegali ta’ data – Ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Kunċett ta’ ‘dannu’ – Kumpens għal dannu morali fil-forma ta’ għoti ta’ skuża – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ effettività – Evalwazzjoni tal-forma u tal-livell tal-kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-attitudni u tal-motivazzjoni tal-kontrollur”

Fil-Kawża C‑507/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

A

vs

Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, H. Kranenborg u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A u l-Patērētāju tiesību aizsardzības centrs (iċ-Ċentru ta’ Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“PTAC”) dwar il-kumpens għad-dannu morali li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li ġarrab minħabba l-ipproċessar mingħajr awtorizzazzjoni min-naħa tiegħu ta’ ċerta data personali tiegħu mill-PTAC.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 1, 75, 85, 146 u 148 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:

“(1)

Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ([iktar ’il quddiem] il-‘Karta’) u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(75)

Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ data personali li tista’ twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar jista’ jagħti lok għal […] dannu għar-reputazzjoni, […] jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; jew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom; […]

[…]

(85)

Il-vjolazzjoni ta’ data personali tista’, jekk ma tiġix indirizzata b’mod adegwat u fil-ħin, tirriżulta f’dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali lill-persuni fiżiċi bħat-telf ta’ kontroll tad-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, […] dannu għar-reputazzjoni, […] jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali ieħor […].

[…]

(146)

Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista’ ssofri persuna b’riżultat ta’ pproċessar li jikser dan ir-Regolament. […] Il-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal danni li tirriżulta minn ksur ta’ regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. […] Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. […]

[…]

(148)

Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu imposti pieni inklużi multi amministrattivi għal kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament […]. Madankollu, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għan-natura, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur, il-karattru intenzjonali tal-ksur, l-azzjonijiet meħuda biex itaffu d-danni sofruti, il-grad ta’ responsabbiltà […] u kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jiddisponi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“ Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); […]

[…]

(7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; […]

[…]

(12)

‘ksur ta’ data personali’ tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;

[…]”

6

L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali biss jekk, u sakemm, minn tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fih tkun issodisfatta.

7

Il-Kapitolu VIII tal-GDPR, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84 tiegħu.

8

L-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 sa 2 tiegħu:

“1.   Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.

2.   Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. […]”

9

L-Artikolu 83 tal-GDPR, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“[…] Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

(a)

in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b’kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta’ suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta’ dannu mġarrab minnhom;

(b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;

[…]

(k)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.”

10

L-Artikolu 84 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pieni”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Id‑dritt Latvjan

11

L-Artikolu 14, intitolat “Determinazzjoni tad-Dannu Morali”, tal-Valsts pārvaldes iestāžu nodarīto zaudējumu atlīdzināšanas likums (il-Liġi dwar il-Kumpens għad-Danni Kkawżati minn Awtoritajiet Nazzjonali), tat‑2 ta’ Ġunju 2005 (Latvijas Vēstnesis, 2005, Nru 96), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2005” jiddisponi:

“1.   Il-kumpens għad-dannu morali huwa ddeterminat skont l-importanza tad-drittijiet miksura u l-interessi protetti mil-liġi kif ukoll il-gravità tad-dannu inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat l-aġir tal-awtorità, tal-aġir u tal-koresponsabbiltà tal-persuna leża kif ukoll taċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra tal-każ.

2.   Id-dannu morali huwa kkumpensat permezz tal-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għad-dannu jew, jekk dan ma huwiex possibbli jew mhux kompletament possibbli jew mhux adegwat, bl-għoti ta’ skuża jew bil-ħlas ta’ kumpens adegwat.

3.   Jekk l-awtorità jew il-qorti, wara li tkun evalwat iċ-ċirkustanzi tal-każ, tikkonkludi l-assenza ta’ gravità tal-ksur tad-drittijiet jew tal-interessi protetti mil-liġi ta’ individwu, skuża bil-miktub jew pubblika tista’ tikkostitwixxi kumpens awtonomu jew komplementari għad-dannu morali.

4.   Il-kumpens għad-dannu morali huwa ffissat għal massimu ta’ EUR 7000. Fil-każ ta’ dannu morali serju, dan il-massimu jista’ jammonta għal EUR 10000, iżda, fil-każ ta’ ħsara għall-ħajja jew ħsara partikolarment gravi għas-saħħa, il-kumpens massimu jista’ jammonta għal EUR 30000”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa magħruf fil-Latvja bħala ġurnalist espert fil-qasam tal-karozzi.

13

Fil-kuntest ta’ kampanja intiża li tissensibilizza lill-konsumaturi dwar ir-riskji involuti fix-xiri ta’ vettura użata, il-PTAC xandar, fuq diversi siti internet, sekwenza video li, b’mod partikolari, kienet tqiegħed fix-xena persunaġġ li jimita lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mingħajr ma dan tal-aħħar ta l-kunsens tiegħu.

14

Minkejja l-oppożizzjoni espressa minnu fir-rigward tat-twettiq u tat-tixrid ta’ din is-sekwenza video, din baqgħet disponibbli online. Barra minn hekk, il-PTAC ċaħad it-talbiet espressi tiegħu intiżi għall-waqfien ta’ dan it-tixrid u għal kumpens għal dannu għar-reputazzjoni tiegħu.

15

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għalhekk adixxa lill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), sabiex, minn naħa, tiġi kkonstatata l-illegalità tal-aġir tal-PTAC, li jikkonsisti fl-użu u fit-tixrid tad-data personali tiegħu mingħajr awtorizzazzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jinkiseb kumpens għad-dannu morali tiegħu, fil-forma ta’ għoti ta’ skuża u ta’ kumpens ta’ EUR 2000. Wara li ddikjarat illegali dan l-aġir, din il-qorti ordnat lill-PTAC itemm dawn tal-aħħar u jiskuża ruħu pubblikament ma’ dan ir-rikorrent kif ukoll iħallsu kumpens ta’ EUR 100 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab.

16

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2023, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), li kienet qed tiddeċiedi fl-appell, ikkonfermat in-natura illegali tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-PTAC, abbażi tal-Artikolu 6 tal-GDPR, u ordnat il-waqfien ta’ dan l-aġir kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ skuża fuq is-siti internet li xandru s-sekwenza video, skont l-Artikolu 14 tal-Liġi tal‑2005. B’kuntrast ma’ dan, din il-qorti ċaħdet it-talba għal kumpens pekunjarju għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija qieset, b’mod partikolari, li l-ksur imwettaq ma kienx serju, minħabba li s-sekwenza video kellha l-għan li twettaq missjoni ta’ interess pubbliku, u mhux li tagħmel ħsara lir-reputazzjoni, lill-unur u lid-dinjità ta’ dan ir-rikorrent. Barra minn hekk, hija qieset li dan il-ksur kien dovut għall-fatt li l-PTAC kien interpreta ħażin dispożizzjonijiet legali ta’ natura kumplessa.

17

Fl-appell ta’ kassazzjoni tiegħu ppreżentat quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkontesta din is-sentenza sa fejn il-kumpens pekunjarju għad-dannu morali tiegħu ġie rrifjutat. Huwa jsostni, essenzjalment, li l-qorti tal-appell wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tad-drittijiet tiegħu u fl-evalwazzjoni tad-dannu li jirriżulta minn din tal-aħħar. Huwa jsostni wkoll li kumpens fil-forma ta’ għoti ta’ skuża la huwa ekwu u lanqas adegwat fid-dawl tal-Artikolu 82 tal-GDPR.

18

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl tas-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali) (C‑300/21, iktar ’il quddiem is-sentenza Österreichische Post, EU:C:2023:370), li l-Artikolu 82 tal-GDPR ma jippermettix li jiġi ordnat kumpens għal ksur ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma qabel ikun ikkaratterizzat dannu kkawżat minn dan il-ksur. Fil-fehma tagħha, f’dan il-każ, il-qorti tal-appell kisret dan l-Artikolu 82 billi ordnat tali kumpens mingħajr ma kkonstatat preġudizzju għar-reputazzjoni, għall-unur u għad-dinjità tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, din il-qorti tfittex li tiddetermina jekk, fid-dawl tal-Artikolu 1(2) tal-GDPR kif ukoll tal-premessi 75, 85 u 146 tiegħu, ipproċessar illegali ta’ data personali jistax jikkostitwixxi, waħdu, ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ din id-data, kif iggarantit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, u, konsegwentement, jikkostitwixxi “dannu” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 82, inkluż meta ma tiġi stabbilita ebda ħsara għar-reputazzjoni, għall-unur jew għad-dinjità tas-suġġett tad-data.

19

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kumpens adegwat għal dannu morali skont l-Artikolu 82(1) tal-GDPR, kif interpretat fis-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (C‑300/21, EU:C:2023:370). Hija tixtieq tkun taf jekk l-obbligu ta’ għoti ta’ skuża lill-persuna leża, li fid-dritt Latvjan jista’ jikkostitwixxi forma ta’ kumpens awtonomu jew komplementari, jistax f’ċerti każijiet jitqies bħala kumpens suffiċjenti, fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 82(1).

20

Fit-tielet u l-aħħar lok, din il-qorti tistaqsi, fid-dawl tal-punt 58 ta’ din is-sentenza, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġu evalwati l-forma u l-livell tal-kumpens dovut f’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi madwar, jew saħansitra li jiġġustifikaw, l-aġir tal-awtur tal-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 82(1) [tal-GDPR], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar illegali ta’ data personali, inkwantu ksur [ta’ dan ir-]regolament, jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, indħil mhux iġġustifikat fid-dritt suġġettiv ta’ persuna għall-protezzjoni tad-data tagħha u dannu kkawżat lill-imsemmija persuna?

2)

L-Artikolu 82(1) [tal-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li, meta ma jkunx hemm il-possibbiltà li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ikkawżar tad-dannu, jiġi impost l-obbligu ta’ għoti ta’ skuża bħala l-uniku kumpens għad-dannu mhux materjali?

3)

L-Artikolu 82(1) [tal-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li ċirkustanzi indikattivi tal-attitudni u tal-motivazzjoni tal-kontrollur (pereżempju, in-neċessità li titwettaq missjoni ta’ interess pubbliku, in-nuqqas ta’ intenzjoni li jiġi kkawżat dannu lis-suġġett tad-data jew id-diffikultajiet ta’ komprensjoni tal-kuntest ġuridiku) jiġġustifikaw l-iffissar ta’ kumpens iżgħar għad-dannu msemmi?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huwa biżżejjed, waħdu, sabiex jikkostitwixxi “dannu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 82(1).

23

L-Artikolu 82(1) tal-GDPR jiddisponi li “[k]walunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab”.

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament interpretat dan l-Artikolu 82(1) fis-sens li s-sempliċi ksur ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed sabiex abbażi ta’ dan jagħti dritt għal kumpens, peress li l-eżistenza ta’ “dannu”, materjali jew morali, jew ta’ “dannu” li jkun ġie “mġarrab” tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni, bħall-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur, liema tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. Għalhekk, il-persuna li titlob kumpens għal dannu morali abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni għandha mhux biss tistabbilixxi l-ksur tal-istess regolament, iżda wkoll li dan il-ksur ikkawżalha tali dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post,C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 32, 33, 4250; tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punti 4142; kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punti 22, 24, 2527).

25

Peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi huma neċessarji u suffiċjenti sabiex wieħed ikollu dritt għal kumpens, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Gemeinde Ummendorf,C‑456/22, EU:C:2023:988, punt 14), dan id-dritt ma jistax ikun suġġett għal dimostrazzjoni addizzjonali li s-suġġett tad-data, kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ġarrab preġudizzju mhux iġġustifikat għall-interess ġuridiku li huwa intiż li jipproteġi l-istess regolament, jiġifieri d-dritt ta’ tali suġġett tad-data għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu.

26

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, minkejja li d-dispożizzjoni tal-GDPR li kienet is-suġġett ta’ ksur tagħti drittijiet lill-persuni fiżiċi, tali ksur ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi “dannu morali”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, u jista’ jservi ta’ bażi għal dritt għal kumpens f’dan ir-rigward, peress li l-imsemmi regolament jeżiġi li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza jkunu wkoll issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 40).

27

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR hija kkorroborata mill-premessi 75, 85 u 146 tiegħu. Fil-fatt, minn dawn il-premessi jirriżulta, l-ewwel nett, li t-twettiq ta’ dannu fil-kuntest ta’ pproċessar illegali ta’ data personali huwa konsegwenza biss potenzjali u mhux awtomatika ta’ tali pproċessar, it-tieni nett, li ksur tal-GDPR ma jwassalx neċessarjament għal dannu u, it-tielet nett, li għandha teżisti rabta kawżali bejn il-ksur inkwistjoni u d-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data sabiex jiġi stabbilit dritt għal kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post,C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 37).

28

L-imsemmija interpretazzjoni hija għalhekk ta’ natura li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data personali bħala dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, li għalih tirreferi l-premessa 1 tal-GDPR.

29

Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jikkostitwixxi “dannu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 82(1).

Fuq it‑tieni domanda

30

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ skuża tista’ tikkostitwixxi kumpens adegwat għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari meta jkun impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-okkorrenza ta’ dan id-dannu.

31

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-aspetti proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post,C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 53, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punt 32).

32

F’dan il-każ, peress li l-GDPR ma jinkludix dispożizzjoni li għandha l-għan li tiddefinixxi r-regoli dwar l-evalwazzjoni tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, il-qrati nazzjonali għandhom, għal dan l-għan, japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post,C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 54 u 59; tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punti 2733; kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punt 40).

33

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jindika li l-imsemmi prinċipju jista’ jkollu effett konkret f’din il-kawża prinċipali.

34

Fir-rigward tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ effettività, il-funzjoni esklużivament kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82 tal-GDPR timplika li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kumpens dovut skont dan l-artikolu għandhom jiġu stabbiliti fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, sakemm tali kumpens ikun sħiħ u effettiv, mingħajr ma jkun neċessarju, għall-finijiet ta’ tali kumpens sħiħ, li jiġi impost il-ħlas ta’ danni punittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post,C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 5758; tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punti 23, 24, 35, 3643; kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punt 42).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fl-assenza ta’ gravità tad-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data, qorti nazzjonali tista’ tikkumpensa dan billi tagħti lil dan is-suġġett tad-data kumpens minimu, sakemm l-ammont baxx ta’ danni hekk mogħti jkun ta’ natura li jikkumpensa b’mod sħiħ dan id-dannu, fatt li għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punt 46).

36

Bl-istess mod, l-Artikolu 82(1) tal-GDPR ma jipprekludix li l-għoti ta’ skuża tista’ tikkostitwixxi kumpens awtonomu jew komplementari għal dannu morali, kif jipprevedi f’dan il-każ l-Artikolu 14 tal-Liġi tal‑2005, sakemm tali forma ta’ kumpens tosserva l-imsemmija prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, b’mod partikolari sa fejn din għandha tippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu morali li ġie konkretament imġarrab minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali adita, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ inkwistjoni.

37

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ skuża tista’ tikkostitwixxi kumpens adegwat għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari meta jkun impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-okkorrenza ta’ dan id-dannu, sakemm din il-forma ta’ kumpens tkun ta’ natura li tikkumpensa b’mod sħiħ id-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data.

Fuq it‑tielet domanda

38

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-attitudni u l-motivazzjoni tal-kontrollur ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex, jekk ikun il-każ, is-suġġett tad-data jingħata kumpens inferjuri għad-dannu li huwa jkun ġarrab konkretament.

39

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 83 tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 148 tiegħu, jirriżulta li, sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok li tiġi imposta multa amministrattiva u sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kriterji relatati mal-attitudni u mal-motivazzjoni tal-kontrollur, bħala “fattur aggravanti jew mitiganti”. B’kuntrast ma’ dan, dawn il-kriterji ma jissemmewx fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, u lanqas fil-premessa 146 tiegħu, li tirrigwarda speċifikament id-dritt għal kumpens previst f’dan l-Artikolu 82.

40

L-assenza ta’ riferiment għal tali kriterji hija ġġustifikata mill-fatt li l-Artikolu 82 tal-GDPR jissodisfa funzjoni esklużivament kumpensatorja, sa fejn kumpens, b’mod partikolari pekunjarju, ibbażat fuq dan l-Artikolu 82 għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu mġarrab, kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament li jinsabu wkoll fil-Kapitolu VIII tiegħu, jiġifieri l-Artikoli 83 u 84 tiegħu, li għandhom, min-naħa tagħhom, essenzjalment għan punittiv, peress li jippermettu rispettivament li jiġu imposti multi amministrattivi u sanzjonijiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post,C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 3840, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punt 22).

41

Għaldaqstant, fid-dawl tad-differenzi ta’ formulazzjoni u ta’ għanijiet eżistenti bejn l-Artikolu 82 tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 146 tiegħu, u l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 148 tiegħu, ma jistax jitqies li l-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti speċifikament f’dan l-Artikolu 83 huma applikabbli mutatis mutandis fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu 82 (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-konstatazzjoni tgħodd, b’mod partikolari, għall-iffissar tal-ammont tad-danni dovuti bħala kumpens għal dannu bbażat fuq l-imsemmi Artikolu 82 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punti 3944) kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għad-determinazzjoni tal-forma, pekunjarja jew oħra, u tal-livell ta’ tali kumpens.

42

Fit-tieni lok, il-funzjoni esklużivament kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR tipprekludi li l-grad ta’ gravità u l-eventwali natura intenzjonali tal-ksur ta’ dan ir-regolament imwettaq mill-kontrollur jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens għal dannu abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punti 28 sa 30).

43

Fid-dawl tal-funzjoni esklużivament kumpensatorja, u mhux punittiva, issodisfatta minn dan id-dritt għal kumpens, il-gravità ta’ tali ksur ma tistax tinfluwenza l-ammont tad-danni mogħtija skont dan l-Artikolu 82(1) u dan l-ammont ma jistax jiġi ffissat f’livell li jeċċedi l-kumpens sħiħ tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss id-dannu konkretament imġarrab mis-suġġett tad-data li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ tali kumpens pekunjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 64).

44

Bl-istess mod, il-funzjoni esklużivament kumpensatorja tal-imsemmi Artikolu 82(1) ma tkunx osservata jekk l-attitudni u l-motivazzjoni tal-kontrollur jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-forma tal-kumpens mogħti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jew sabiex jingħata kumpens ta’ “livell inferjuri” għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data, kif tipprevedi l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

45

Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-attitudni u l-motivazzjoni tal-kontrollur ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex, jekk ikun il-każ, is-suġġett tad-data jingħata kumpens inferjuri għad-dannu li huwa jkun ġarrab konkretament.

Fuq l‑ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqri fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jikkostitwixxi “dannu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 82(1).

 

2)

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-għoti ta’ skuża tista’ tikkostitwixxi kumpens adegwat għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari meta jkun impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-okkorrenza ta’ dan id-dannu, sakemm din il-forma ta’ kumpens tkun ta’ natura li tikkumpensa b’mod sħiħ id-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data.

 

3)

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li l-attitudni u l-motivazzjoni tal-kontrollur ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex, jekk ikun il-każ, is-suġġett tad-data jingħata kumpens inferjuri għad-dannu li huwa jkun ġarrab konkretament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq