Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62021CJ0181
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 9 January 2024.#G. and Others v M.S. and X.#Requests for a preliminary ruling from the Sąd Okręgowy w Katowicach and Sąd Okręgowy w Krakowie.#Reference for a preliminary ruling – Article 267 TFEU – Possibility for the referring court to take account of the preliminary ruling of the Court – Interpretation sought by the referring court necessary to enable it to give judgment – Independence of the judiciary – Conditions for the appointment of judges of the ordinary courts – Possibility of challenging an order which has definitively ruled on an application for the grant of interim measures – Possibility of removing a judge from a panel of judges of the court – Inadmissibility of the requests for a preliminary ruling.#Joined Cases C-181/21 and C-269/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Jannar 2024.
G. et vs M.S. u X.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach u Sąd Okręgowy w Krakowie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Kawżi magħquda C-181/21 u C-269/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Jannar 2024.
G. et vs M.S. u X.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach u Sąd Okręgowy w Krakowie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Kawżi magħquda C-181/21 u C-269/21.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:1
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
9 ta’ Jannar 2024 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari”
Fil-Kawżi magħquda C‑181/21 u C‑269/21,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) u mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Marzu 2021 u tal‑31 ta’ Marzu 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2021 u fis‑27 ta’ April 2021 rispettivament, fil-proċeduri
G.
vs
M.S. (C‑181/21)
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Praw Obywatelskich,
Sąd Okręgowy w Katowicach,
u
BC,
DC
vs
X (C‑269/21),
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Praw Obywatelskich,
Sąd Okręgowy w Krakowie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, N. Piçarra, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, L. S. Rossi, I. Jarukaitis (Relatur), A. Kumin, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Prokuratura Okręgowa w Katowicach u l-Prokuratura Okręgowa w Krakowie, minn R. Babiński, S. Bańko, A. Reczka, B. Szyprowski u E. Tkaczewska‑Kuk, |
– |
għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski, V. Vachev u M. Wróblewski, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, K. Straś u S. Żyrek, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. A. M. de Ree u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 6(1) sa (3), kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu, fil-Kawża C‑181/21, fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija privata u konsumatur fir-rigward ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu, u, fil-Kawża C‑269/21, fil-kuntest ta’ tilwima bejn konsumaturi u bank fir-rigward ta’ dejn u ta’ talba għall-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu ddenominat f’munita barranija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Kostituzzjoni
3 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”): “L-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa [(il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-‘KRS’)], għal żmien indeterminat.” |
4 |
Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni: “Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.” |
5 |
L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprovdi: “1. Il-[KRS] huwa kompost:
[…] 3. Il-mandat tal-membri eletti [tal-KRS] huwa ta’ erba’ snin. 4. Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma [tal-KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.” |
Il‑Liġi dwar il‑Qrati Ordinarji
6 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-ustawa Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190), li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”): “1. L-imħallfin għandhom jistabbilixxu awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja. 2. L-organi ta’ awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja huma:
|
7 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 24(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Ministru għall-Ġustizzja jaħtar il-Presidenti tas-sądy okręgowe (il-qrati reġjonali) minn fost l-imħallfin tas-sądy apelacyjne (il-qrati tal-appell), tas-sądy okręgowe (il-qrati reġjonali) jew tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali), għal perijodu ta’ sitt snin skont l-Artikolu 26 ta’ din il-liġi. Wara li jkun ħatar il-President ta’ sąd Okręgowy (qorti reġjonali), il-Ministru għall-Ġustizzja jippreżentah lill-Assemblea Ġenerali kompetenti tal-imħallfin tas-sąd okręgowy (qorti reġjonali) kkonċernata. |
8 |
Konformement mal-Artikolu 29(1) ta’ din il-liġi, il-kulleġġ ta’ sąd apelacyjny (qorti tal-appell) iwettaq il-kompiti previsti mill-imsemmija liġi u: “[…] 1a) jagħti opinjonijiet dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-sąd apelacyjny (qorti tal-appell) ikkonċernata […]” |
9 |
Konformement mal-Artikolu 31 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-kulleġġ ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali) jagħti, b’mod partikolari, l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali) kkonċernata u tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali). Bis-saħħa tal-Artikolu 30(1) ta’ din il-liġi, il-kulleġġ huwa formazzjoni komposta, skont il-punt a) ta’ din id-dispożizzjoni, mill-President tas-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali) kkonċernata u, skont il-punt 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, tal-Presidenti tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali) sedenti f’din is-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali), fejn dan il-punt 2 daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020. Konformement mal-Artikolu 30(3) tal-imsemmija liġi, li wkoll daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020, id-delegati tal-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali) jistgħu jassistu għal-laqgħat li matulhom l-imsemmi kulleġġ għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef f’din is-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali), u għandhom id-dritt tal-vot biss għal dan il-għan. |
10 |
Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat‑13 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kien ifformulat kif ġej: “1. L-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin sendenti f’sąd apelacyjny (qorti ta’ appell) għandha tkun komposta mill-imħallfin tas-sąd apelacyjny (il-qorti tal-appell) ikkonċernat, mir-rappreżentanti tal-imħallfin tas-sądy okręgowe (il-qrati reġjonali) li jkunu qed joperaw taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan is-sąd apelacyjny (il-Qorti tal-Appell) […], u mir-rappreżentanti tal-imħallfin tas-sądy rejonowe (il-qrati distrettwali) li jkunu qed joperaw taħt il-ġurisdizzjoni tal-imsemmi sąd apelacyjny (Qorti tal-Appell) […] […]” |
11 |
Konformement mal-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, l-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali) hija komposta mill-imħallfin kollha ta’ din il-qorti. L-imħallfin delegati għall-funzjoni ta’ mħallef fi ħdan l-imsemmija qorti jistgħu jieħdu sehem f’din l-assemblea iżda ma għandhomx dritt ta’ vot. |
12 |
Mill‑14 ta’ Frar 2020, din l-assemblea tista’, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 36(1) ta’ din il-liġi, teleġi delegati li jassistu għal-laqgħat li matulhom il-kulleġġ tas-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali) kkonċernata għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati għal pożizzjoni ta’ mħallef ta’ dan is-sąd okręgowy (il-Qorti Reġjonali) jew ta’ mħallef ta’ sąd rejonowy (qorti distrettwali). Konformement mal-Artikolu 36(2) ta’ din il-liġi, dawn id-delegati huma eletti b’vot sigriet u f’numru ugwali għal dak tal-membri tal-kulleġġ tal-imsemmija sąd okręgowy (il-Qorti Reġjonali). |
13 |
L-Artikolu 42a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi: “1. Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-qrati jew tal-korpi tal-qrati, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed inkwistjoni l-leġittimità tal-[qrati], tal-korpi kostituzzjonali tal-Istat u tal-korpi ta’ kontroll u ta’ protezzjoni tal-liġi. 2. Qorti ordinarja jew awtorità oħra ma tistax tikkonstata jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jiġu eżerċitati funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja li jirriżultaw minn din il-ħatra.” |
14 |
Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat‑13 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 55(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kien ifformulat kif ġej: “L-imħallfin tal-qrati ordinarji huma maħtura għall-pożizzjoni ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-[KRS] f’terminu ta’ xahar mid-data li fiha tintbagħat din il-proposta.” |
15 |
L-Artikolu 55(1) tal-imsemmija liġi kif emendata issa jipprovdi: “Imħallef ta’ qorti ordinarja huwa persuna maħtura f’tali pożizzjoni mill-President tar-Repubblika tal-Polonja u li tat il-ħalfa tagħha quddiem dan tal-aħħar.” |
16 |
Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat‑13 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 58 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kien ifformulat kif ġej: “1. Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja vakanti, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-assemblea. 2. L-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tal-Appell jew l-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin Reġjonali għandha tiddeċiedi dwar il-kandidati permezz ta’ vot u għandha tittrażmetti l-kandidaturi kollha, b’indikazzjoni tan-numru ta’ voti miksuba, lill-President tas-sąd apelacyjny [(il-Qorti tal-Appell)] jew tas-sąd okręgowy [(il-Qorti Reġjonali)], skont il-każ.” |
17 |
Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 58 tħassar. Sussegwentement, il-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 58 ġie fformulat kif ġej: “Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja vakanti, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-kulleġġ. […]” |
Il‑Liġi dwar il‑Qorti Suprema
18 |
L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), b’mod partikolari, stabbilixxiet, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja). |
19 |
Skont l-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata bil-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019 li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra: “1. Għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] ir-rikorsi straordinarji, it-tilwimiet fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referendums, il-kawżi l-oħra relatati mad-dritt pubbliku, inkluż il-kontenzjuż dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll ir-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Przewodniczy Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji [(il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u tat-Televiżjoni, il-Polonja)], jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji u militari, kif ukoll quddiem is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)]. 2. L-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew dikjarazzjonijiet dwar ir-rikuża ta’ mħallef jew l-għażla tal-qorti li quddiemha għandha ssir proċedura, li jinvolvu lmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti adita bil-kawża għandha tibgħat immedjatament talba lill-President tal-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] sabiex din tiġi ttrattata konformement mar-regoli stabbiliti minn dispożizzjonijiet distinti. Is-sottomissjoni ta’ talba lill-President tal-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] ma tissospendix il-proċedura pendenti. 3. It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk din tkun tirrigwarda l-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità tiegħu sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. […]” |
20 |
L-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprevedi li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS. |
Il‑Liġi dwar il‑Kunsill Nazzjonali tal‑Ġudikatura.
21 |
Skont l-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsil Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3): “1. Is-Sejm jeleġġi, minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax-il membru [tal-KRS] għal mandat komuni ta’ perijodu ta’ erba’ snin. 2. Meta jipproċedu għall-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-Sejm għandu, sa fejn ikun possibbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ rappreżentanza fi ħdan [il-KRS] ta’ mħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati. 3. Il-mandat konġunt tal-membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri uxxenti tal-[KRS] għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-jum li fih jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-[KRS].” |
22 |
Id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, tipprevedi: “Il-mandat tal-membri [tal-KRS] imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 187(1) tal-[Kostituzzjoni], eletti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet attwali, għandu jibqa’ effettiv sal-jum ta’ qabel il-bidu tal-mandat tal-membri l-ġodda [tal-KRS], mingħajr madankollu ma jinqabżu d-90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, sakemm dan il-mandat ma jkunx spiċċa qabel minħabba li jkun wasal fi tmiemu.” |
Il‑Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili
23 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 48 tal-ustawa - Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”): “1. Imħallef jiġi rrikużat ipso iure:
[…]
[…]” |
24 |
L-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara: “Indipendentement mir-raġunijiet iddikjarati fl-Artikolu 48, il-qorti tirrikuża lil imħallef, fuq talba tiegħu jew ta’ parti, jekk teżisti ċirkustanza tali li tqajjem dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef fil-kawża kkonċernata.” |
25 |
L-Artikolu 50 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “1. Il-partijiet għandhom jitolbu r-rikuża ta’ mħallef bil-miktub jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali sottomessa lill-qorti li quddiemha hija pendenti l-kawża kkonċernata filwaqt li jindikaw il-plawżibbiltà tar-raġunijiet għal rikuża. 2. Barra minn hekk, il-parti li ħadet sehem fis-seduta għandha turi li huwa plawżibbli li ċ-ċirkustanza li tiġġustifika r-rikuża seħħet jew inġiebet għall-għarfien tagħha biss sussegwentement. 3. Sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal rikuża ta’ mħallef:
|
26 |
L-Artikolu 365(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi: “Deċiżjoni finali torbot mhux biss lill-partijiet u lill-qorti li tkun tatha, iżda wkoll lill-qrati l-oħra, lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra u lill-korpi ta’ amministrazzjoni pubblika, kif ukoll, fil-każijiet previsti mil-liġi, lil persuni oħra.” |
27 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 367(3) ta’ dan il-kodiċi: “Il-qrati tat-tieni istanza għandhom jeżaminaw il-kawżi b’kulleġġ ta’ tliet imħallfin in camera, il-qorti għandha tiddeċiedi b’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, ħlief meta tagħti sentenza.” |
28 |
Konformement mal-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-imsemmi kodiċi, il-proċedura tkun nulla “jekk il-kompożizzjoni tal-qorti adita ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet legali jew jekk il-kawża tkun instemgħet fil-preżenza ta’ mħallef suġġett għal rikuża ipso jure”. |
29 |
L-Artikolu 401 tal-istess kodiċi jipprevedi: “Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri jista’ jintalab minħabba raġunijiet ta’ nullità:
[…]” |
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑fatti li taw lok għall‑Kawża C‑181/21
30 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda tilwima bejn kumpannija privata u konsumatur u titratta dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu. |
31 |
Din il-kumpannija privata ppreżentat rikors kontra dan il-konsumatur bil-għan tal-ħlas ta’ ammont ta’ 16000 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 3450), flimkien mal-interessi u spejjeż ta’ proċedura. Is-Sąd Rejonowy w Dąbrowie Górniczej (il-Qorti Distrettwali ta’ Dąbrowa Górnicza, il-Polonja) tat deċiżjoni fuq il-mertu fil-forma ta’ ordni ta’ ħlas. L-imsemmi konsumatur ressaq oppożizzjoni kontra din id-deċiżjoni. Din l-oppożizzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ digriet ta’ din il-qorti distrettwali. |
32 |
L-istess konsumatur ressaq ilment kontra dan id-digriet quddiem is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja). Kulleġġ ġudikanti ta’ tlett imħallfin, li kien jinkludi l-Imħallef A.Z., ġie maħtur biex jeżamina dan l-ilment. |
33 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-ħatra tal-Imħallef A.Z. fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice), mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-imħallef, li sa mis-sena 1996 kienet tokkupa l-pożizzjoni tiegħu fis-Sąd Rejonowy w Jaworznie (il-Qorti Distrettwali ta’ Jaworzno, il-Polonja), ikkandidat lilha nnifisha biex tokkupa pożizzjoni vakanti ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice). |
34 |
Wara opinjoni minn qabel dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.Z. mogħtija mis-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti ta’ Appell ta’ Katowice), l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Imħallfin Sedenti ta’ din il-qorti qagħdet lura milli tagħti opinjoni dwar din il-kandidatura. Fil-fatt, fl‑14 ta’ Jannar 2019 din l-assemblea adottat riżoluzzjoni li permezz tagħha hija indikat li kienet qed toqgħod lura milli tieħu sehem fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin għall-pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-imsemmija qorti u fis-sądy okręgowe (qrati reġjonali) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, fid-dawl tat-tħassib tagħha dwar l-istatus u l-funzjonament tal-KRS li għandu rwol f’tali proċedura ta’ ħatra. |
35 |
Barra minn hekk, permezz ta’ riżoluzzjoni adottata fl-istess jum, l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Imħallfin Sedenti tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti ta’ Appell ta’ Katowice) ordnat lill-President tagħha, minn naħa, joqgħod lura milli jittrażmetti l-kandidaturi għall-pożizzjonijiet vakanti ta’ mħallef fi ħdan din il-qorti u s-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) sakemm din tkun ħarġet opinjoni fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jressaq l-aġenda tagħha lejn data ulterjuri bil-għan li tipprepara l-proċeduri ta’ ħatra, sakemm jiġu ċċarati d-dubji dwar il-KRS. |
36 |
Minkejja r-riżoluzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-President tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti ta’ Appell ta’ Katowice), li fl-istess waqt huwa l-President tal-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin ta’ din il-qorti u li nħatar President tal-imsemmija qorti mill-Ministru għall-Ġustizzja, laqa’ l-kandidatura tal-Imħallef A.Z. Din tal-aħħar inħatret imħallef fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. |
37 |
Waqt seduta li nżammet in camera fit‑18 ta’ Marzu 2021, l-Imħallef Relatur ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti msemmi fil-punt 32 tal-imsemmija sentenza esprima dubji dwar jekk dan il-kulleġġ ġudikanti jistax jitqies bħala “qorti” fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-ħatra tal-Imħallef A.Z. fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice). Huwa f’dan il-kuntest li l-Imħallef Relatur adixxa, b’inizjattiva tiegħu, lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tal-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. |
Il‑fatti li taw lok għall‑kawża C‑269/21
38 |
Il-kawża prinċipali tinvolvi tilwima bejn konsumaturi u bank, fir-rigward ta’ dejn u ta’ talba għall-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu ddenominat f’munita barranija. |
39 |
Dawn il-konsumaturi adixxew lis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) bil-għan li jiksbu l-kundanna ta’ dan il-bank biex iħallas, b’mod partikolari, ammont ta’ PLN 104537 (madwar EUR 22540) u l-annullament retroattiv tal-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat billi jistrieħu fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819). Barra minn hekk huma talbu l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji li, b’mod partikolari, jippermettulhom jissospendu l-ħlasijiet ta’ kull xahar li għandhom jiġu eżegwiti b’applikazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu sakemm tingħata sentenza definittiva fil-kawża prinċipali. |
40 |
It-trattament ta’ din it-tilwima u ta’ din it-talba għal għoti ta’ miżuri kawtelatorji ġiet fdata lil kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. |
41 |
Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ottubru 2020, din laqgħet l-imsemmija talba. |
42 |
L-imsemmi bank ressaq ilment kontra dan id-digriet. Kulleġġ ġudikanti ta’ tlett imħallfin sedenti fi ħdan is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) inħatar biex jeżamina dan l-ilment. Wieħed mill-membri ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti hija l-Imħallef A.T. li ġiet maħtura wkoll Imħallef Relatriċi u li kienet tippresjedi l-imsemmi kulleġġ ġudikanti. Dan l-aħħar kulleġġ biddel l-imsemmi digriet u ċaħad it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fl-intier tagħha. Peress li tali deċiżjoni ma kinitx iżjed suġġetta għal appell, il-kawża għalhekk intbagħtet lura quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu. |
43 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tal-Imħallef A.T. fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-imħallef, li f’dak iż-żmien kienet sedenti fis-Sąd Rejonowy dla Krakowa-Krowodrzy w Krakowie (il-Qorti Distrettwali għal Kraków‑Krowodrza fi Kraków, il-Polonja) mis-sena 2009, ipproponiet lilha nnifisha bħala kandidata għall-pożizzjoni vakanti ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków). L-imsemmija mħallef kienet l-unika kandidata għal din il-pożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ħafna mħallfin tas-sądy Rejonowe (il-qrati distrettwali) ma jipparteċipawx iżjed f’dawn il-kompetizzjonijiet minkejja l-esperjenza kbira tagħhom minħabba li l-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin tal-qrati ordinarji ma hijiex iżjed konformi mal-Kostituzzjoni, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-KRS, li sar ippolitiċizzat ħafna, ma humiex iktar ibbażati fuq kriterji oġġettivi u jiffavorixxu l-kandidati sostnuti mill-presidenti ta’ qrati – li ġew maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja. |
44 |
Il-Kolegium Sądu Okręgowego w Krakowie (il-Kulleġġ tal-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.T. waqt seduta tal‑1 ta’ Ġunju 2020. |
45 |
Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li l-maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ huma presidenti tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) kif ukoll ta’ sądy rejonowe (qrati distrettwali), fejn il-ħatra tagħhom hija direttament influwenzata mill-Ministru għall-Ġustizzja. Hija żżid li l-kandidatura tal-Imħallef A.T. ma tqegħditx għall-opinjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) peress li l-leġiżlatur Pollakk neħħa kull influwenza reali tal-awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja fuq il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin fil-Polonja. Fil-fatt, mill‑14 ta’ Frar 2020 u, b’mod partikolari, wara d-dħul fis-seħħ, wara emenda, tal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, l-opinjoni ta’ din l-assemblea ma hijiex meħtieġa iżjed. |
46 |
Fis‑7 ta’ Lulju 2020, il-KRS adotta riżoluzzjoni li tirrakkomanda l-ħatra tal-Imħallef A.T. fil-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków). Fl‑4 ta’ Frar 2021, il-President tar-Repubblika tal-Polonja pproċeda b’din il-ħatra. |
47 |
Iċ-ċirkustanzi tal-imsemmija ħatra jwasslu lill-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin, imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li ddeċieda dwar l-ilment tal-bank imressaq kontra d-digriet tagħha tad‑9 ta’ Ottubru 2020 u, sussegwentement, fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni adottata minn dan il-kulleġġ ġudikanti. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk hijiex marbuta bid-digriet ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti li annulla l-miżuri kawtelatorji li hija kienet iddeċidiet jew jekk kulleġġ ġudikanti ġdid, li ma jinkludix lill-Imħallef A.T. għandux jinħatar skont is-sistema ta’ attribuzzjoni każwali tal-kawżi biex dan l-ilment jiġi eżaminat mill-ġdid. |
Il‑motivi tar‑rinviji għal deċiżjoni preliminari u d‑domandi magħmula fil‑kawżi C‑181/21 u C‑269/21
48 |
Il-qrati tar-rinviju josservaw, essenzjalment, li, b’differenza tal-kawżi l-oħra li bihom ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa, il-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 jirrigwardaw ħatriet għal pożizzjonijiet ta’ mħallef fi ħdan il-qrati ordinarji u mhux fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). |
49 |
F’dan ir-rigward, huma jindikaw ċertu numru ta’ żviluppi, marbuta mar-riformi ġudizzjarji reċenti fil-Polonja, li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-KRS u tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni ġudizzjarja u r-rwol rispettiv tagħhom fil-proċess ta’ ħatra għal tali pożizzjonijiet kif ukoll l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dawn il-ħatriet. Dawn l-elementi differenti jwassluhom iqiegħdu f’dubju jekk il-kulleġġi ġudikanti li jinkludu mħallfin maħtura fi tmiem tali proċess ta’ ħatra humiex “qorti” fis-sens, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni. |
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati b’mod kważi identiku fil-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
Fuq it‑tgħaqqid tal‑Kawżi C‑181/21 u C‑269/21
51 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Mejju 2021, il-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq it‑talbiet għall‑applikazzjoni tal‑proċedura mħaffa
52 |
Il-qrati tar-rinviju talbu li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu ssuġġettati għal proċedura mħaffa bis-saħħa tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kienet iġġustifikata fir-rigward tal-fatt li mill-inqas mijiet ta’ persuni huma sedenti fi ħdan qrati ordinarji u fihom jagħtu numru dejjem jiżdied ta’ deċiżjonijiet filwaqt li dawn il-persuni, fil-fehma tagħhom, inħatru fil-kariga ta’ mħallef ta’ tali qrati “bi ksur flagranti tar-regoli tad-dritt Pollakk li jirregolaw il-ħatra tal-Imħallfin”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domandi magħmula fl-iqsar żmien possibbli sabiex, fl-interess tal-partijiet fil-kawża, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u taċ-ċertezza legali, jitneħħew id-dubji fuq il-funzjonament tal-qrati ordinarji li fihom huma sedenti ż-żewġ imħallfin li l-ħatra tagħhom hija inkwistjoni f’dawn il-kawżi fejn jidħlu r-rekwiżiti relatati ma’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi. |
53 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun suġġett għal proċedura mħaffa, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien. |
54 |
Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑5 ta’ Mejju 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li d-domandi magħmula jirrigwardaw il-funzjonament ta’ dawn il-qrati ordinarji li fi ħdanhom huma sedenti numru kbir ta’ mħallfin bħal dawk li l-ħatra tagħhom hija inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma tikkostitwixxix raġuni li tistabbilixxi urġenza straordinarja, li hija madankollu neċessarja biex jiġi ġġustifikat trattament bil-proċedura mħaffa. L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanza fejn numru kunsiderevoli ta’ partijiet f’kawża jkun potenzjalment ikkonċernat bid-deċiżjonijiet meħuda ta’ kuljum mill-imħallfin li l-ħatriet tagħhom jitqiegħdu f’dubju f’dawn il-kawżi. Fl-aħħar nett, in-natura sensittiva tal-imsemmija domandi ma timplikax fiha nnifisha l-ħtieġa li dawn jiġu ttrattati fl-iqsar żmien possibbli, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
56 |
Il-Gvern Pollakk, sostnut waqt is-seduta mill-Prokuratura Okręgowa w Katowicach (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) u mill-Prokuratura Okręgowa w Krakowie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), isostni, essenzjalment, li l-problematika relatata mal-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri, bħal dawk imqajma mid-domandi magħmula, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ dawn tal-aħħar u mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. |
57 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li jista’ jkun hekk, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Barra minn hekk, mill-kliem tad-domandi magħmula jirriżulta b’mod ċar li dawn ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk iżda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fihom. |
59 |
Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari
60 |
Fil-Kawża C‑181/21, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jsostni, essenzjalment, li huwa biss il-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li huwa inkarigat mill-kawża prinċipali, u mhux imħallef ta’ dan il-kulleġġ li jaġixxi waħdu, li kien kompetenti biex iressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi magħmula f’din il-kawża. |
61 |
Fil-Kawża C‑269/21 dan il-gvern isostni li, bis-saħħa tar-regoli proċedurali Pollakki, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ma hijiex kompetenti biex jistħarreġ il-legalità tal-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li taw id-digriet li jiddeċiedi definittivament it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fformulata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, il-legalità tal-ħatra tal-Imħallef A.T. li kienet sedenti fi ħdan dan il-kulleġġ ġudikanti. Sostnut mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula minn din il-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja biex tinqata’ l-kawża prinċipali. |
62 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tal-kawżi li huma mitluba jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali u li fil-kuntest tagħha huma mitluba jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-Kawża C‑181/21, għandu jiġi enfasizzat mill-bidu li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’din il-kawża, din it-talba ntbagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Imħallef Relatur fil-kawża prinċipali fi ħdan kulleġġ ġudikanti ta’ tlett imħallfin. Dan l-imħallef jesprimi dubji fir-rigward tal-konformità, b’mod partikolari, mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti, b’mod partikolari, mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba li fl-imsemmi kulleġġ ġudikanti hija preżenti l-Imħallef A.Z., li nħatret skont il-proċedura fis-seħħ wara r-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka. |
67 |
Permezz tad-domandi preliminari tiegħu, dan l-imħallef tal-qorti tar-rinviju jistaqsi jekk imħallef li jagħmel parti mill-istess kulleġġ ġudikanti tiegħu fil-kawża prinċipali u li nħatar taħt ċerti ċirkustanzi partikolari, jissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. |
68 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, bil-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, meta jqum dubju serju fuq dan il-punt, fejn din il-verifika hija neċessarja għall-aspettattivi li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom l-obbligu li jnisslu fuq il-parti f’kawża (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 129 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-ħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-interpretazzjoni preliminari mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja timplika li l-qorti nazzjonali li, bħall-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑181/21, tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’, waħedha, tislet il-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni billi tevalwa, fid-dawl tagħha, il-legalità tal-ħatra ta’ mħallef ieħor tal-istess kulleġġ ġudikanti u, jekk ikun il-każ, billi tirrikuża lil dan tal-aħħar. |
70 |
Issa, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑181/21 ma jirriżulta li, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt nazzjonali, l-imħallef li pproċeda għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża jista’, waħdu, jimxi b’dan il-mod. |
71 |
B’hekk, ma jidhirx li dan l-imħallef jista’, waħdu, jieħu inkunsiderazzjoni r-risposti eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tiegħu. |
72 |
L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba fil-Kawża C‑181/21 għalhekk ma tissodisfax bżonn oġġettiv marbut ma’ deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu, waħedha, fil-kawża prinċipali. |
73 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 għandha titqies li tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali u ipotetiċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, hija inammissibbli. |
74 |
Fir-rigward tal-Kawża C‑269/21, għandu jiġi osservat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju nnifisha tenfasizza li d-digriet mogħti mill-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) li biddel id-deċiżjoni tagħha stess u ċaħad it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fformulata mill-konsumaturi kkonċernati ma huwiex suġġett għal appell. Madankollu hija tinvoka n-nuqqas ta’ ċertezza legali madwar dan id-digriet minħabba dubji dwar il-legalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li tatha minħabba l-preżenza, f’dan il-kulleġġ, tal-Imħallef A.T. Dan premess, din il-qorti ma tindika ebda dispożizzjoni tad-dritt proċedurali Pollakk li tagħtiha l-kompetenza biex tipproċedi, barra minn hekk b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, għal eżami tal-konformità, b’mod partikolari mad-dritt tal-Unjoni, ta’ digriet definittiv mogħti fuq tali talba minn kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin. |
75 |
Barra minn hekk mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji ġiet deċiża definittivament minn digriet li, bis-saħħa tal-Artikolu 365 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jorbot lill-qorti tar-rinviju u li din tal-aħħar la hija kompetenti biex “tirrikuża” mħallef li jagħmel parti mill-kulleġġ ġudikanti li ta dan id-digriet u lanqas biex tqiegħed inkwistjoni dan id-digriet. |
76 |
Fid-dawl tal-elementi mqajma fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑269/21 hija kompetenti, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt nazzjonali, biex tevalwa, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li ta d-digriet li jiddeċiedi definittivament it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji u, b’mod partikolari, il-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-Imħallef A.T., u biex, jekk ikun il-każ, dan id-digriet jitqiegħed inkwistjoni. |
77 |
Fil-fatt, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li jinkludi lill-Imħallef A.T., li biddel id-digriet tal-ewwel istanza tal-qorti tar-rinviju, ċaħad it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-intier tagħha. It-trattament ta’ din it-talba, imressqa minn dawn tal-aħħar b’mod parallel mal-azzjoni tagħhom fuq il-mertu, għalhekk ġie definittivament magħluq. |
78 |
B’hekk, id-domandi magħmula fil-Kawża C‑269/21 jirrigwardaw intrinsikament stadju tal-proċedura fil-kawża prinċipali li ġie definittivament magħluq u li huwa distint mit-tilwima fuq il-mertu li waħedha hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinvju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant dawn id-domandi ma jikkorrispondux għal ħtieġa oġġettiva għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima iżda huma intiżi li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġenerali, mhux konnessa mal-ħtiġijiet tal-imsemmija tilwima, dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin ordinarji fil-Polonja. |
79 |
Għaldaqstant l-imsemmija domandi jeċċedu l-qafas tal-kompitu ġudizzjarju li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprem – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 hija inammissibbli wkoll. |
81 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
82 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Marzu 2021, u mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2021, huma inammissibbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) Fil-kliem prinċipali tal-ewwel paġna saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.