EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62021CJ0829

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2023.
TE u RU vs Stadt Frankfurt am Main u EF vs Stadt Offenbach am Main.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Hessischer Verwaltungsgerichtshof u Verwaltungsgericht Darmstadt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Direttiva 2003/109/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4), Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4), Artikolu 19(2) u Artikolu 22 – Dritt ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru – Għoti mill-ewwel Stat Membru ta’ ‘permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul’ għal żmien illimitat – Ċittadin ta’ pajjiż terz assenti mit-territorju tal-ewwel Stat Membru matul perijodu ta’ iktar minn sitt snin – Telf konsekuttiv tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul – Applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ mit-tieni Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109/KE – Ċaħda tal-applikazzjoni mit-tieni Stat Membru minħabba t-telf ta’ dan id-dritt – Kundizzjonijiet.
Kawżi magħquda C-829/21 u C-129/22.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2023:525

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Direttiva 2003/109/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4), Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4), Artikolu 19(2) u Artikolu 22 – Dritt ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru – Għoti mill-ewwel Stat Membru ta’ ‘permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul’ għal żmien illimitat – Ċittadin ta’ pajjiż terz assenti mit-territorju tal-ewwel Stat Membru matul perijodu ta’ iktar minn sitt snin – Telf konsekuttiv tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul – Applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ mit-tieni Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109/KE – Ċaħda tal-applikazzjoni mit-tieni Stat Membru minħabba t-telf ta’ dan id-dritt – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑829/21 u C‑129/22,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Hesse, il-Ġermanja) (C‑829/21), u mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) (C‑129/22), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Diċembru 2021 u tal‑21 ta’ Frar 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Diċembru 2021 u fl‑24 ta’ Frar 2022 rispettivament, fil-proċeduri

TE,

RU, irrappreżentata legalment minn TE

vs

Stadt Frankfurt am Main (C‑829/21),

u

EF

vs

Stadt Offenbach am Main (C‑129/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta ta’ Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4), tal-Artikolu 14(1), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) u tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/109”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑829/21, TE u RU, irrappreżentati legalment minn TE, żewġ ċittadini Ganjani, u l-iStadt Frankfurt am Main (il-Belt ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li ġġedded il-permess ta’ residenza ta’ TE u li toħroġ permess ta’ residenza lil RU, u, fil-Kawża C‑129/22, EF, ċittadin Pakistani, u l-iStadt Offenbach am Main (il-Belt ta’ Offenbach am Main, il-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li ġġedded il-permess ta’ residenza ta’ EF, minħabba l-fatt li, fir-rigward taż-żewġ tilwimiet, TE u EF tilfu d-dritt tagħhom għall-istatus ta’ resident fit-tul mogħti mir-Repubblika Taljana u attestat b’permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul għal żmien illimitat minħabba l-assenza tagħhom mit-territorju Taljan għal perijodu ta’ iktar minn sitt snin.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 4, 6, 10, 11, 17, 21 u 22 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdu:

“4.

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali [tal-Unjoni] dikjarata fit-Trattat.

[…]

(6)

Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. […]

[…]

(10)

Għandu jiġi preskritt sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-istatus ta’ residenti ta’ perjodu twil ta’ żmien. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, u jagħtu kont ta’ l-ammont normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, kif ukoll ikunu trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċ-ċertezza legali adattata lil dawk konċernati. Dawn ma għandhomx jikkostitwixxu mezz biex ifixklu l-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza.

(11)

Il-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul għandu jiġi ċertifikat permezz ta’ permessi tar-residenza li jippermettu lil dawk konċernati li jagħtu prova ta’ l-istatus legali tagħhom faċilment u minnufih. […]

[…]

(17)

L-armonizzazzjoni tat-termini għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul jippromwovi kunfidenza komuni bejn l-Istati Membri. […]

[…]

(21)

L-Istat Membru li fih residenti għat-tul ikollu l-ħsieb li jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha ta’ residenza għandu ikun jista’ jivverifika li l-persuna konċernata tissodisfa l-kondizzjonijiet għar-residenza fit-territorju tiegħu […]

(22)

Biex jiġi evitat li jingħata dritt ta’ residenza mhux validu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu fit-tieni Stat Membru l-istess trattament, taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Direttiva, li ikunu igawdu fl-Istat Membru li fih ikunu akkwistaw l-istatus. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)

it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; […]

[…]”

5

L-Artikolu 2(b) sa (d) u (g) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;

c)

‘l-ewwel Stat Membru’ tfisser l-Istat membru li għall-ewwel darba ta’ l-istatus ta’ rewsidenti għal perjodui twil ta’ żmien lil ċittadin ta’ pajjiż terz;

d)

‘it-tieni Stat Membru’, tfisser xi Stat Membru minbarra dak li jkun ta’ għall-ewwel darba l-istatus ta’ residenti għat-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz u li fih ir-residenti għat-tul jeżerċita d-dritt ta’ residenza.

[…]

g)

‘permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul’ tfisser il-permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Membru konċernat ma’ l-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul.”

6

Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, li jinkorpora l-Artikoli 4 sa 13 tagħha, jinkludi sett ta’ regoli relatati mal-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru, b’mod partikolari fil-qasam tal-għoti u tat-telf ta’ dan l-istatus.

7

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.

2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess KE ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.”

8

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Irtirar jew telf ta’ status”, jipprovdi:

“1.   Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:

[…]

c)

fil-każ ta’ assenza mit-territorju tal-[Unjoni] għal perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi.

[…]

4.   Ir-resident għat-tul li ikun irrisjeda fi Stat Membru ieħor skond il-Kapitolu III ma għandux aktar ikollu d-dritt li jżomm l-istatus tiegħu/tagħha ta’ resident għat-tul miksub fl-ewwel Stat Membru fejn dak l-istatus jingħata fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 23.

F’kull każ wara sitt snin ta’ nuqqas mit-territorju ta’ l-Istat Membru li ikun ta l-istatus ta’ residenti għat-tul il-persuna konċernata ma għandhiex ikollha aktar id-dritt li żżomm l-istatus tagħha ta’ resident għat-tul fl-imsemmi Stat Membru.

B’deroga mit-tieni subparagrafu l-Istat Membru konċernat jista’ jipprovdi li għal raġunijiet speċifiċi ir-residenti għat-tul jista’ jżmomm l-istatus tiegħu/tagħha ta’ residenti għat-tul fl-imsemmi Stat membru fil-każ ta’ assenzi għal perjodu li jeċċedi s-sitt snin.

5.   Fir-rigward tal-każi msemmija fil-paragrafu 1(ċ) u fil-paragrafu 4, l-Istati Membri li ikunu taw l-istatus għandhom jipprovdu għal proċedura faċilitata għall-kisba mill-ġdid ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul.

L-imsemmija proċedura għandha tapplika b’mod partikolari fil-każi ta’ persuni li ikunu rrisjedew fit-tieni Stat Membru minħabba raġunijiet ta’ studju.

Il-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-kisba mill-ġdid ta’ status ta’ residenti għat-tul għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi nazzjonali.

6.   L-iskadenza tal-Permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul ma għandha bl-ebda mod tinvolvi l-irtirar jew it-telf ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul.

[…]”

9

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Residenza fl-Istati Membri l-oħra”, jinkludi l-Artikoli 14 sa 23 tagħha.

10

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi:

“Residenti għat-tul għandu jikseb id-dritt li jirrisjedu fit-territorju ta’ l-Istati Membri minbarra dak li ikun tah l-istatus ta’ residenti għat-tul, għal perjodu li jisboq it-tlett xhur, kemm-il darba l-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-kapitolu jitħarsu.”

11

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-residenza f’tieni Stat Membru”, jipprovdi:

“1.   Mill-aktar fis u mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, ir-residenti għat-tul jista’ japplika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għal permess ta’ residenza.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuni konċernati jipprovdu evidenza li huma ikollhom:

a)

riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantnu lilhom infushom u lill-membri tal-familja tagħhom, mingħajr ma jirrikorru għall-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. […]

[…]

4.   L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’evidenza dokumentarja, li għandha tiġi stabbilita bili-liġi nazzjonali, li l-persuni konċernati jissodisfaw il-kondizzjonijiet relevanti, kif ukoll permezz tal-permess ta’ residenti għat-tul u dokument validu ta’ l-ivvjaġġar jew kopji ċertifikati tagħhom.

L-evidenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ ukoll tinkludi dokumentazzjoni fir-rigward ta’ l-akkommodazzjoni xierqa.

[…]”

12

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Eżami ta’ l-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-permess ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 jiġu sodisfatti, allura, bla ħsara għad-disposizzjonijiet li jirrelataw mal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, it-tieni Stat Membru għandu joħroġ lir-resident għat-tul permess ta’ residenza li jiġġedded. Il-permess ta’ residenza għandu, b’applikazzjoni, jekk meħtieġ, jiġġedded malli jiskadi. It-tieni Stat Membru għandu jinnotifika lill-ewwel Stat Membru bid-deċiżjoni tiegħu.”

13

Skont l-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”:

“1.   Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal permess ta’ residenza. Dan għandu jiġi notifikat liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat skont il-proċeduri ta’ notifikazzjoni taħt il-leġislazzjoni relevanti nazzjonali. In-notifikazzjoni għandha tispeċifika l-proċeduri possibbli ta’ rimedju disponibbli u l-limitu ta’ żmien biex tittieħed dik l-azzjoni.

[…]

2.   Fejn applikazzjoni għal permess ta’ residenza tiġi rifjutata, jew permess ma jiġġeddidx jew jiġi irtirat, il-persuna konċernata għandu ikollha d-dritt li tiftaħ proċeduri legali fl-Istat Membru konċernat.”

14

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Irtirar tal-permess ta’ residenza u obbligu għal dħul lura”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenti għat-tul, it-tiini Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira l-permess tar-residenza u li jobbliga lill-persuna konċernata u lill-membri tal-familja tiegħu/tagħha, skond il-proċeduri li hemm provvidiment dwarhom fil-liġi nazzjonali, inklużi proċeduri ta’ tneħħija, li jħallu t-territorju tiegħu fil-każi li ġejjin:

[…]

b)

fejn il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 ma jkunux aktar imħarsa.”

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

15

L-Artikolu 2 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Sabiex akkomodazzjoni titqies li hija xierqa, din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa suffiċjenti sabiex applikant għal akkomodazzjoni jingħata akkomodazzjoni soċjali tal-kiri ssussidjata mill-awtoritajiet pubbliċi. […]”

16

Il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-AufenthG jipprovdi li, bħala regola ġenerali, l-għoti ta’ permess ta’ residenza jippreżupponi li l-mezzi ta’ għajxien huma żgurati.

17

Skont l-Artikolu 9a(2)(6) ta’ din il-liġi, permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul jingħata jekk il-barrani kkonċernat ikollu akkomodazzjoni xierqa għalih u għall-membri tal-familja tiegħu li jgħixu fl-istess dar.

18

L-Artikolu 38a tal-istess liġi, intitolat “Permess ta’ residenza fit-tul fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Permess ta’ residenza jinħareġ lil barrani li jgawdi l-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jekk jixtieq jibqa’ iktar minn 90 jum residenti fit-territorju federali […]”

19

Il-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(9) tal-istess liġi jipprovdi li l-permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul jiskadi biss jekk il-barrani jgħix barra mit-territorju Ġermaniż għal perijodu ta’ sitt snin.

20

L-Artikolu 52(6) tal-AufenthG jipprovdi li l-permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 38a tagħha għandu, bħala prinċipju, jiġi rrevokat jekk il-barrani jitlef l-istatus tiegħu ta’ resident fit-tul fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni.

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑829/21

21

TE, ċittadina Ganjana, daħlet fit-territorju Ġermaniż fit‑3 ta’ Settembru 2013, mill-Italja.

22

Hija għandha permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul maħruġ fl-Italja li jinkludi l-kliem “illimitata” ((żmien) illimitat) u “Soggiornante di Lungo Periodo – [UE]” (resident fit-tul – [UE]).

23

Skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG, l-Ausländerbehörde der Stadt Offenbach (l-Uffiċċju tal-Barranin tal-Belt ta’ Offenbach, il-Ġermanja), li kellu kompetenza dak iż-żmien, taha, fil‑5 ta’ Diċembru 2013, permess ta’ residenza validu għal tul ta’ sena.

24

Fil‑5 ta’ Awwissu 2014, TE welldet lil RU. Peress li din tal-aħħar kienet tbati minn difett fil-qalb serju ħafna li kien jeħtieġ operazzjonijiet u eżamijiet ta’ segwitu, TE kellha tieqaf taħdem. Quddiem din is-sitwazzjoni, hija kellha tirrikorri għall-benefiċċji soċjali sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-familja tagħha.

25

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Barranin tal-Belt ta’ Offenbach tat‑30 ta’ Jannar 2015, l-applikazzjonijiet ta’ TE u ta’ RU, ippreżentati fit‑12 ta’ Novembru 2014 u intiżi, rispettivament, għat-tiġdid u għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, ġew miċħuda, għar-raġuni li l-mezzi ta’ għajxien tagħhom ma kinux iggarantiti, kuntrarjament għar-rekwiżit imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-AufenthG. Dawn intalbu jitilqu mit-territorju Ġermaniż u ġew mhedda bi tneħħija lejn ir-Repubblika Taljana fir-rigward ta’ TE u lejn ir-Repubblika tal-Gana fir-rigward ta’ RU.

26

Ir-rikors ippreżentat minn TE u RU kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2015.

27

TE u RU mbagħad talbu li jiġi ammess appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Hesse, il-Ġermanja).

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2016, din il-qorti laqgħet l-appell minħabba dubji serji li kellha dwar il-fondatezza tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, fid-dawl tal-importanza tal-kura medika li kellha bżonn RU, ċirkustanza li, skont din il-qorti, tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-AufenthG.

29

Mill‑1 ta’ Novembru 2017, il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju ġiet sospiża.

30

Fis‑7 ta’ Settembru 2020, il-Belt ta’ Frankfurt am Main, li fil-frattemp saret konvenuta f’din il-proċedura, reġgħet bdiet din il-proċedura, billi sostniet li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil TE abbażi tal-Artikolu 38 tal-AufenthG ma kienx għadu possibbli. Fil-fatt, hija ilha iktar minn sitt snin ma toqgħod l-Italja u għalhekk ma għadhiex tibbenefika mill-istatus ta’ resident fit-tul. Permess ta’ residenza lanqas ma jista’ jinħareġ lil TE taħt l-Artikolu 9a tal-AufenthG peress li TE u RU jgħixu f’appartament iffinanzjat mis-servizzi soċjali, li ma jikkostitwixxix “akkomodazzjoni xierqa” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Hesse) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 38a(1) tal-AufenthG li, skont id-dritt nazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tkun residenti għal żmien twil u li tkun tixtieq tibdel l-Istat ta’ residenza tagħha għandha tibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru anki fid-data tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħha, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 14 et seq tad-Direttiva 2003/109, li jipprevedu biss li persuna li tkun residenti għal żmien twil għandha d-dritt li tirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li jkun taha l-istatus ta’ persuna residenti għal żmien twil, kemm-il darba l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ din id-Direttiva jkunu ssodisfatti wkoll?

2)

Meta tiddeċiedi dwar talba għal tiġdid taħt l-Artikolu 38a(1) tal-AufenthG, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-barranin tista’ tikkonstata, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 et seq tad-Direttiva 2003/109 u f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet l-oħra għal tiġdid temporanju jkunu ssodisfatti u fejn il-persuna barranija jkollha b’mod partikolari dħul stabbli u regolari, li din il-persuna, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, fil-frattemp, jiġifieri wara li tkun stabbilixxiet ruħha fit-tieni Stat Membru, tilfet l-istatus li kellha fl-ewwel Stat Membru, konstatazzjoni din li twassal għat-telf ta’ dritt? Id-data rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni hija dik tal-aħħar deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda:

Il-persuna li hija residenti għal żmien twil għandha l-oneru li turi li d-dritt ta’ residenza tagħha bħala persuna li hija residenti għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru ma skadiex?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali jistgħu jeżaminaw il-permess ta’ residenza maħruġ għal żmien illimitat lill-persuna li hija residenti għal żmien twil jew dan ikun kuntrarju għall-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet amministrattivi?

4)

Fil-każ ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz li tkun waslet fil-Ġermanja mill-Italja b’permess ta’ residenza maħruġ għal żmien illimitat lil persuni li jkunu residenti għal żmien twil, li jkollha dħul stabbli u regolari, il-fatt li ma tkunx stabbilixxiet li għandha akkomodazzjoni xierqa jista’ jiġi invokat fil-konfront tagħha f’sitwazzjoni fejn il-Ġermanja ma użatx is-setgħa prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109 u fejn l-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali kienet meħtieġa biss minħabba l-fatt li, bħala ċittadina li ma għandhiex permess ta’ residenza taħt l-Artikolu 38a tal-AufenthG, ma kienet tirċievi ebda allowance għat-tfal?”

Il‑Kawża C‑129/22

32

EF, ċittadin Pakistani, daħal fit-territorju Ġermaniż fl‑1 ta’ April 2014, mill-Italja.

33

Huwa għandu permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul maħruġ fl-Italja li jinkludi l-kliem “illimitata” ((żmien) illimitat) u “Soggiornante di Lungo Periodo – [UE]” (resident fit-tul – [UE]).

34

Skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG, l-Ausländerbehörde des Landkreises Offenbach (l-Uffiċċju tal-Barranin tad-distrett ta’ Offenbach, il-Ġermanja), li kellu kompetenza dak iż-żmien, tah, fl‑10 ta’ Lulju 2014, permess ta’ residenza validu għal tul ta’ sena.

35

Dan il-permess ta’ residenza mbagħad baqa’ jiġġedded b’mod kontinwu, l-aħħar darba fit‑28 ta’ Mejju 2019 mill-Belt ta’ Offenbach am Main, li issa għandha kompetenza, sat‑13 ta’ Lulju 2021.

36

L-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG, ippreżentata minn EF fis‑17 ta’ Marzu 2021, ġiet madankollu miċħuda minn din il-belt fis‑27 ta’ April 2021, essenzjalment għar-raġuni li dan kien tilef l-istatus ta’ resident fit-tul, peress li ma kienx irrisjeda fl-Italja għal iktar minn sitt snin.

37

Fis‑6 ta’ Mejju 2021, EF ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) bil-għan, b’mod partikolari, li jobbliga lill-Belt ta’ Offenbach am Main iġġedded il-permess ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 38a tal-AufenthG.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ċittadin ta’ pajjiż terz li, fl-ewwel Stat Membru (f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana), ikun ġie rrikonoxxut li għandu l-istatus ta’ resident għal żmien twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109, jista’ jitlob, fit-tieni Stat Membru (f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza li jkun inħariġlu skont l-Artikoli 14 et seq tad-Direttiva 2003/109 mingħajr ma jkollu għalfejn jistabbilixxi li huwa għadu jibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

2)

L-istatus ta’ resident għat-tul għandu jitqies li nżamm fit-tieni Stat Membru għas-sempliċi raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu permess ta’ residenza għat-tul – UE maħruġ mill-ewwel Stat Membru għal perijodu illimitat, filwaqt li, għal perijodu ta’ sitt snin, huwa ma rrisjediex fit-territorju tal-Istat Membru li tah dan l-istatus?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

3)

Fil-kuntest tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza, it-tieni Stat Membru huwa kompetenti sabiex jeżamina t-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva [2003/109] u, jekk ikun il-każ, sabiex jirrifjuta t-tiġdid, jew l-ewwel Stat Membru huwa kompetenti sabiex jikkonstata t-telf sussegwenti ta’ dan l-istatus?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

4)

F’dan il-każ, l-eżami tar-raġuni għat-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva [2003/109] jeħtieġ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tispeċifika l-kundizzjonijiet li jimplikaw it-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru jew huwa biżżejjed li d-dritt nazzjonali jipprevedi, mingħajr riferiment konkret [għal din id-]Direttiva, li t-tieni Stat Membru jista’ jirrifjuta l-permess ta’ residenza ‘jekk il-persuna barranija titlef l-istatus tagħha bħala resident għal żmien twil fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni’?”

39

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Novembru 2022, il-Kawżi C‑829/21 u C‑129/22 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel tliet domandi fil‑Kawżi C‑829/21 u C‑129/22

40

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑829/21 u C‑129/22 jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/109 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jġedded permess ta’ residenza li huwa jkun ta lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva għar-raġuni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tagħha, li, peress li kien assenti għal perijodu ta’ iktar minn sitt snin mit-territorju tal-Istat Membru li tah l-istatus ta’ resident fit-tul, dan iċ-ċittadin ikun tilef id-dritt għal dan l-istatus f’dan l-aħħar Stat Membru u, jekk dan ikun il-każ, għal liema kundizzjonijiet hija suġġetta tali deċiżjoni ta’ rifjut.

41

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li l-benefiċċju tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-“ewwel Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, huwa kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta minn qabel minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jixtieq jirrisjedi fit-territorju tat-“tieni Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din l-istess direttiva, abbażi ta’ permess ta’ residenza mogħti skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tagħha. L-Artikolu 19(2) ta’ din l-istess direttiva jikkonferma l-eżistenza ta’ tali kundizzjoni.

42

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109 jikkorrobora li din il-kundizzjoni għandha wkoll tiġi ssodisfatta sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tikseb it-tiġdid ta’ tali permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru, peress li, konformement mal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu 22, dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jirrifjuta li jġedded l-imsemmi permess meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 14 sa 16 ta’ din id-direttiva ma jibqgħux issodisfatti.

43

Barra minn hekk, mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li, kuntrarjament għall-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’dan l-Artikolu 15, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mill-kundizzjoni msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

44

In-natura imperattiva ta’ din il-kundizzjoni tirriżulta mill-fatt li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt ta’ residenza fit-tieni Stat Membru huwa dritt idderivat mid-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru.

45

Minn dan isegwi li jekk it-tieni Stat Membru, meta jipproċessa applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109, jikkonstata li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun tilef id-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru għar-raġuni, b’mod partikolari, kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109, li huwa ilu assenti mit-territorju tal-ewwel Stat Membru għal iktar minn sitt snin, din il-konstatazzjoni tipprekludi tali tiġdid.

46

Fit-tieni lok, kif tikkonferma l-premessa 21 tad-Direttiva 2003/109, fis-sistema stabbilita minn din id-direttiva, huwa t-tieni Stat Membru, li fih jixtieq jirrisjedi iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz abbażi tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul li huwa jibbenefika minnu fl-ewwel Stat Membru, li għandu jivverifika jekk dan iċ-ċittadin jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jingħata permess ta’ residenza jew it-tiġdid tiegħu, fosthom il-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, li huwa effettivament għandu dan id-dritt fl-ewwel Stat Membru.

47

Għalhekk, fil-kuntest ta’ tali verifika, it-tieni Stat Membru jista’ jintalab jeżamina jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma tilifx id-dritt għall-imsemmi status minħabba b’mod partikolari r-raġuni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109.

48

Għalkemm tali verifika tista’, jekk ikun il-każ, twassal lit-tieni Stat Membru jikkonstata t-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul u, konsegwentement, konformement mal-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109, jirrifjuta liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat it-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, huwa biss l-ewwel Stat Membru li jista’ jipproċedi bl-irtirar tal-imsemmi status u tal-permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul jew jista’, fejn xieraq, japplika l-proċedura ssemplifikata għall-irkupru ta’ dan l-istatus, liema proċedura għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9(5) tal-imsemmija direttiva.

49

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-data rilevanti għall-evalwazzjoni, mit-tieni Stat Membru, tal-kwistjoni dwar jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/109 għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, tliet dati jistgħu, prima facie, jittieħdu inkunsiderazzjoni.

50

Għalhekk, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-data rilevanti tista’ tkun id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza, jew data sussegwenti qabel dik tad-deċiżjoni amministrattiva dwar din l-applikazzjoni, jew data iktar sussegwenti, li tkun bejn id-data tal-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni amministrattiva li tiċħad l-imsemmija applikazzjoni u dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja, pereżempju, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑829/21, id-data tal-aħħar seduta.

51

Madankollu, l-unika data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/109 hija dik tal-preżentazzjoni, miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, tal-applikazzjoni tiegħu għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva.

52

Fil-fatt, li jiġi ammess li l-Istati Membri għandhom, għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, il-possibbiltà li jadottaw data sussegwenti, matul proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, imur kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali, sa fejn is-suċċess ta’ tali applikazzjoni għal tiġdid tal-permess ta’ residenza jista’ jiddependi minn ċirkustanzi imputabbli mhux lill-applikant innifsu, iżda prinċipalment lill-amministrazzjoni jew lill-qrati nazzjonali, bħall-ikbar jew l-inqas ħeffa li tiġi pproċessata biha l-applikazzjoni jew li tingħata deċiżjoni fuq rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 42).

53

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 10 tad-Direttiva 2003/109, fil-kuntest tar-regoli proċedurali li jirregolaw l-eżami tal-applikazzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident fit-tul, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati livell adegwat ta’ ċertezza legali.

54

Dan premess, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk it-tieni Stat Membru jqis li t-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru minħabba, pereżempju, il-fatt tal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt snin imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109 seħħ matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja dwar l-imsemmija applikazzjoni għat-tiġdid, xejn ma jipprekludih milli jadotta fuq din il-bażi deċiżjoni ġdida li tirrifjuta dan it-tiġdid jew li tirtira dan il-permess ta’ residenza skont l-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva.

55

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-oneru tal-prova li l-kundizzjoni msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza hija vverifikata għall-finijiet tal-għoti jew tat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109, sa fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikollu d-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru, din il-prova għandha tiġi prodotta, bħala prinċipju, minn dan iċ-ċittadin.

56

Madankollu, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109, moqri fid-dawl tal-premessa 11 tagħha, jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, huwa biżżejjed, bħala prinċipju, li l-imsemmi ċittadin jippreżenta lit-tieni Stat Membru l-permess ta’ residenza tiegħu tal-UE għal resident fit-tul, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, peress li tali permess, jekk ikun għadu validu, jippermetti lill-istess ċittadin jipprova faċilment u immedjatament id-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident fit-tul u s-sostenibbiltà ta’ dan id-dritt. Għaldaqstant, tali permess validu jippermetti li jiġi preżunt li dan iċ-ċittadin għad għandu d-dritt għall-imsemmi status.

57

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn qari flimkien tal-Artikolu 2(b) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul jagħti, fil-prinċipju, lid-detentur tiegħu, id-dritt li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri għajr dak li ikun tah l-istatus ta’ resident fit-tul, għal perijodu li jeċċedi tliet xhur (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir, C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 42).

58

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi, kuntrarjament, li l-iskadenza tal-permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul ma twassal bl-ebda mod għall-irtirar jew għat-telf tal-istatus ta’ resident fit-tul, li jattesta n-natura dikjaratorja ta’ tali permess ta’ residenza.

59

F’dan il-każ, huwa paċifiku li TE u EF għandhom, kull wieħed minnhom, fl-ewwel Stat Membru, jiġifieri r-Repubblika Taljana, permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul għal żmien illimitat u għalhekk validu, b’tali mod li għandu jiġi preżunt, favur tagħhom, li huma għad għandhom id-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul f’dan l-Istat Membru.

60

Tali preżunzjoni, sa fejn hija imposta fuq it-tieni Stat Membru waqt l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għat-tiġdid tiegħu, taqa’ fl-ispirtu ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li, kif stabbilit fil-premessa 17 tad-Direttiva 2003/109, hija promossa mill-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-istatus ta’ resident fit-tul li għandha bħala għan din id-direttiva.

61

Fil-ħames lok, għandu jiġi ppreċiżat li din il-preżunzjoni madankollu ma hijiex ta’ natura inkonfutabbli.

62

Fil-fatt, fid-dawl tan-natura dikjaratorja tal-permess ta’ residenza tal-UE għal resident fit-tul diġà rrilevata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, anki jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun f’pożizzjoni li jippreżenta lit-tieni Stat Membru tali permess validu, dan l-Istat Membru jista’, b’mod partikolari meta jipproċessa applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza mogħti skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109, iqis neċessarju li jeżamina jekk is-sostenibbiltà tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul għandhiex tiġi kkontestata minħabba waħda mir-raġunijiet għat-telf tal-imsemmi status ta’ resident fit-tul imsemmija fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

63

Tali kontestazzjoni hija madankollu suġġetta għall-konstatazzjoni, mit-tieni Stat Membru, tal-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement konkreti u konkordanti li waħda minn dawn ir-raġunijiet tista’ tkun applikabbli għall-każ li jiġi ppreżentat quddiemu.

64

Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġuni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109, jikkostitwixxi indizju ta’ tali telf li jista’ jiġġustifika verifika mit-tieni Stat Membru tas-sostenibbiltà tad-dritt għall-imsemmi status, il-fatt li, fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, ikunu għaddew iktar minn sitt snin mill-wasla tal-persuna kkonċernata fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew mill-kisba tal-ewwel permess ta’ residenza tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva f’dan l-istess Stat Membru.

65

Fis-sitt lok, fil-preżenza ta’ tali indizji, it-tieni Stat Membru huwa obbligat iwettaq żewġ tipi ta’ verifiki supplimentari speċifikament fir-rigward tar-raġuni tat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109.

66

L-ewwel, sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tapplikax, it-tieni Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kull preżenza fiżika tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru matul il-perijodu ta’ sitt snin, anki jekk ma teċċedix, matul dan il-perijodu, tul totali ta’ ftit jiem biss, hija biżżejjed sabiex tipprekludi t-telf tad-dritt tagħha għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Landeshauptmann von Wien (Telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil), C‑432/20, EU:C:2022:39, punt 47).

67

Tali interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109 hija bbażata, b’mod partikolari, fuq in-neċessità, diġà enfasizzata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jiġu ggarantiti, fil-kuntest tar-regoli proċedurali li jirregolaw l-eżami tal-applikazzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident fit-tul, livell adegwat ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Landeshauptmann von Wien (Telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil), C‑432/20, EU:C:2022:39, punti 38 sa 40).

68

Konsegwentement, preżenza, anki jekk qasira ħafna, taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fit-territorju tal-ewwel Stat Membru matul il-perijodu ta’ sitt snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandha bħala konsegwenza li l-preskrizzjoni stabbilita minn din tal-aħħar tiġi interrotta u li terminu ġdid ta’ sitt snin jibda jiddekorri mid-data li fiha tintemm kull preżenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

69

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109, huwa t-tieni Stat Membru li għandu jeżamina huwa stess jekk jeżistux elementi li jippermettulu li jiddeduċi li l-perijodu ta’ sitt snin imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva jkun skada fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata u, fl-affermattiv, li jinformaha b’din iċ-ċirkustanza u bil-fatt li dan it-terminu seta’ ġie interrott u li terminu ġdid ta’ sitt snin jista’ jkun beda, peress li fil-frattemp hija reġgħet kienet preżenti fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

70

F’dan il-kuntest, it-tieni Stat Membru għandu jistieden liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jekk jinvoka tali interruzzjoni, sabiex jipproduċi provi ta’ natura li juru preżenza fit-territorju tal-ewwel Stat Membru matul l-imsemmi perijodu ta’ sitt snin, anki jekk tali preżenza kienet ta’ ftit jiem biss.

71

It-tieni, jekk mill-verifiki mwettqa mit-tieni Stat Membru jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kien assenti mit-territorju tal-ewwel Stat Membru għal perijodu ta’ iktar minn sitt snin, it-tieni Stat Membru għandu wkoll jivverifika, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109, jekk l-ewwel Stat Membru għamilx użu, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, mill-possibbiltà msemmija f’din id-dispożizzjoni li jipprevedi, b’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, li, “għal raġunijiet speċifiċi”, ir-resident fit-tul iżomm l-istatus tiegħu fl-imsemmi Stat Membru “fil-każ ta’ assenzi għal perjodu li jeċċedi s-sitt snin” u, jekk dan ikun il-każ, jekk fil-każ ineżami tali raġuni speċifika hijiex stabbilita.

72

Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ verifiki, it-tieni Stat Membru għandu javviċina lill-ewwel Stat Membru sabiex jitlob l-assistenza tiegħu peress li dawn il-verifiki jeżiġu rikors għal informazzjoni li jista’ jkollu dan l-aħħar Stat Membru biss.

73

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jobbliga lill-Istati Membri, b’mod ġenerali u għalhekk, b’mod partikolari, fil-kuntest tas-sitwazzjonijiet irregolati mid-Direttiva 2003/109, josservaw u jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati.

74

Fl-aħħar, huwa biss fi tmiem dawn il-verifiki u fid-dawl ta’ evalwazzjoni tal-elementi rilevanti kollha li, f’ċerti każijiet, it-tieni Stat Membru jista’, biss għall-finijiet tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109, jislet il-konklużjoni li, fid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma kellux iktar id-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru u jista’, għal din ir-raġuni, jirrifjuta li jġedded dan il-permess ta’ residenza, konformement mal-Artikolu 22(1)(b) ta’ din l-istess direttiva.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi fil-Kawżi C‑829/21 u C‑129/22 għandha tkun li d-Direttiva 2003/109, b’mod partikolari l-Artikolu 22(1)(b) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jġedded permess ta’ residenza li huwa jkun ta lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva għar-raġuni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tal-imsemmija direttiva, li peress li kien assenti għal perijodu ta’ iktar minn sitt snin mit-territorju tal-Istat Membru li tah l-istatus ta’ resident fit-tul u peress li dan l-aħħar Stat Membru ma rrikorriex għall-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tal-istess direttiva, dan iċ-ċittadin ikun tilef id-dritt għal dan l-istatus f’dan l-istess Stat Membru, bil-kundizzjoni li l-perijodu ta’ sitt snin ikun intemm mhux iktar tard mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-imsemmi permess u li dan iċ-ċittadin ikun ġie mistieden minn qabel jipproduċi l-prova ta’ eventwali preżenzi fl-imsemmi territorju matul dan il-perijodu.

Fuq ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑129/22

76

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑129/22 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu debitament trasposti fid-dritt nazzjonali mit-tieni Stat Membru li jimplimentahom permezz ta’ żewġ dispożizzjonijiet distinti fejn l-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi r-raġuni għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva u fejn it-tieni dispożizzjoni tipprevedi li permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva għandu jiġi rrevokat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun tilef id-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-Istat Membru li jkun ħareġ tali permess, mingħajr ma tirreferi konkretament għal waħda mir-raġunijiet għat-telf tal-imsemmi dritt imsemmija fl-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva.

77

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109 teżiġi li dawn jiġu implimentati permezz ta’ dispożizzjonijiet li għandhom l-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza neċessarji sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 87, kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2020, Subdelegación del Gobierno en Barcelona (Residenti għal perijodu twil), C‑503/19 u C‑592/19, EU:C:2020:629, punti 3637).

78

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109, minn din il-ġurisprudenza jsegwi wkoll li, jekk jirriżulta li dan ma huwiex il-każ, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jiċħad applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz intiża għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109.

79

Dan l-Artikolu 22(1)(b) huwa traspost, konformement mar-rekwiżiti ta’ speċifiċità, ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, b’dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 52(6) tal-AufenthG li tipprovdi li permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva għandu jiġi rrevokat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jitlef id-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru ieħor, anki jekk din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tirreferix espressament għar-raġunijiet tat-telf tad-dritt għall-imsemmi status previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109.

80

Fil-fatt, minn naħa, minn tali dispożizzjoni nazzjonali jirriżulta b’mod inekwivoku li tali permess ta’ residenza għandu jiġi rrevokat mit-tieni Stat Membru jekk il-persuna kkonċernata tkun tilfet id-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-Istat Membru li jkun taha dan id-dritt.

81

Min-naħa l-oħra, il-fatt deskritt f’din id-dispożizzjoni nazzjonali li jippermetti lit-tieni Stat Membru jiġġustifika tali revoka, jiġifieri l-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tilef id-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru, jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għad-diversi raġunijiet għat-telf tad-dritt għall-imsemmi status previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109, peress li l-Istat Membru li jkun ta dan id-dritt jista’ jirtirah biss abbażi ta’ waħda mill-imsemmija raġunijiet.

82

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109 huwa traspost b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ speċifiċità, ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77, b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru bħall-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(9) tal-AufenthG li jipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul f’dan l-Istat Membru jitlef id-dritt għal dan l-istatus meta jkun assenti mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru matul perijodu ta’ sitt snin.

83

Għaldaqstant, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109, it-tieni Stat Membru jista’ jirrifjuta li jagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva jew jista’ jirrifjuta t-tiġdid ta’ tali permess jekk dan l-Istat Membru jikkonstata li l-imsemmi ċittadin ikun tilef id-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru għar-raġuni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑129/22 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu debitament trasposti fid-dritt nazzjonali mit-tieni Stat Membru li jimplimentahom permezz ta’ żewġ dispożizzjonijiet distinti fejn l-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi r-raġuni għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva u fejn it-tieni dispożizzjoni tipprovdi li permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva għandu jiġi rrevokat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun tilef id-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-Istat Membru li jkun ħareġ tali permess, mingħajr ma tirreferi konkretament għal waħda mir-raġunijiet għat-telf tal-imsemmi dritt previsti fl-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva.

Fuq ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑829/21

85

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑829/21 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun talab l-għoti ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva jew it-tiġdid ta’ tali permess jista’ jiċħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ma jkunx inkluda dokumenti ta’ sostenn mal-applikazzjoni tiegħu li jistabbilixxu li huwa għandu akkomodazzjoni xierqa, meta dan l-Istat Membru ma jkunx implimenta din id-dispożizzjoni.

86

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà mfakkra fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tivverifika li d-dritt nazzjonali tagħha jinkludi dispożizzjoni li timplimenta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109 bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza neċessarja sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali. Jekk jirriżulta li dan ma jkunx il-każ, it-tieni Stat Membru ma jkunx jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jiċħad applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-għoti ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva jew għat-tiġdid ta’ tali permess.

87

F’dan il-każ, skont il-kliem stess tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑829/21 tqis li “r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rrikorrietx għall-awtorizzazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109”.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑829/21 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun talab l-għoti ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva jew it-tiġdid ta’ tali permess, ma jistax jiċħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ma jkunx inkluda dokumenti ta’ sostenn mal-applikazzjoni tiegħu li jistabbilixxu li huwa għandu akkomodazzjoni xierqa, meta dan l-Istat Membru ma jkunx implimenta din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

89

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011, b’mod partikolari l-Artikolu 22(1)(b) tagħha,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

Stat Membru jista’ jirrifjuta li jġedded permess ta’ residenza li huwa jkun ta lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, kif emendata, għar-raġuni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tal-imsemmija direttiva, kif emendata, li peress li kien assenti għal perijodu ta’ iktar minn sitt snin mit-territorju tal-Istat Membru li tah l-istatus ta’ resident fit-tul u peress li dan l-aħħar Stat Membru ma rrikorriex għall-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tal-istess direttiva, kif emendata, dan iċ-ċittadin ikun tilef id-dritt għal dan l-istatus f’dan l-istess Stat Membru, bil-kundizzjoni li l-perijodu ta’ sitt snin ikun intemm mhux iktar tard mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-imsemmi permess u li dan iċ-ċittadin ikun ġie mistieden minn qabel jipproduċi l-prova ta’ eventwali preżenzi fl-imsemmi territorju matul dan il-perijodu.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109, kif emendata bid-Direttiva 2011/51,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn id-dispożizzjonijiet jiġu debitament trasposti fid-dritt nazzjonali mit-tieni Stat Membru li jimplimentahom permezz ta’ żewġ dispożizzjonijiet distinti fejn l-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi r-raġuni għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident fit-tul imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, kif emendata, u fejn it-tieni dispożizzjoni tipprovdi li permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, kif emendata, għandu jiġi rrevokat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun tilef id-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident fit-tul fl-Istat Membru li jkun ħareġ tali permess, mingħajr ma tirreferi konkretament għal waħda mir-raġunijiet għat-telf tal-imsemmi dritt previsti fl-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva, kif emendata.

 

3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109, kif emendata bid-Direttiva 2011/51,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun talab l-għoti ta’ permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, kif emendata, jew it-tiġdid ta’ tali permess, ma jistax jiċħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ma jkunx inkluda dokumenti ta’ sostenn mal-applikazzjoni tiegħu li jistabbilixxu li huwa għandu akkomodazzjoni xierqa, meta dan l-Istat Membru ma jkunx implimenta din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq