Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62021CJ0407
Judgment of the Court (Second Chamber) of 8 June 2023.#Union fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC - Que choisir) and Consommation, logement et cadre de vie (CLCV) v Premier ministre and Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État.#Reference for a preliminary ruling – Package travel and linked travel arrangements – Directive (EU) 2015/2302 – Article 12(2) to (4) – Termination of a package travel contract – Unavoidable and extraordinary circumstances – COVID-19 pandemic – Refund of payments made by the traveller concerned for a package – Refund in the form of a sum of money or equivalent refund in the form of a credit note (‘voucher’) – Obligation to provide that traveller with a refund not later than 14 days after the relevant contract is terminated – Temporary derogation from that obligation – Adjustment of the temporal effects of a decision taken in accordance with national law annulling national legislation that is contrary to that obligation.#Case C-407/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2023.
Union fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC - Que choisir) u Consommation, logement et cadre de vie (CLCV) vs Premier ministre u Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(2) sa (4) – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Rimbors tal-pagamenti mwettqa mill-vjaġġatur ikkonċernat abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Rimbors fil-forma ta’ somma flus jew rimbors ekwivalenti, fil-forma ta’ nota ta’ kreditu (‘vawċer’) – Obbligu li dan il-vjaġġatur jiġi rrimborsat mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ikkonċernat – Deroga temporali għal dan l-obbligu – Modulazzjoni tal-effetti temporali ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet konformement mad-dritt nazzjonali u li tannulla leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-imsemmi obbligu.
Kawża C-407/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2023.
Union fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC - Que choisir) u Consommation, logement et cadre de vie (CLCV) vs Premier ministre u Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(2) sa (4) – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Rimbors tal-pagamenti mwettqa mill-vjaġġatur ikkonċernat abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Rimbors fil-forma ta’ somma flus jew rimbors ekwivalenti, fil-forma ta’ nota ta’ kreditu (‘vawċer’) – Obbligu li dan il-vjaġġatur jiġi rrimborsat mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ikkonċernat – Deroga temporali għal dan l-obbligu – Modulazzjoni tal-effetti temporali ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet konformement mad-dritt nazzjonali u li tannulla leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-imsemmi obbligu.
Kawża C-407/21.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2023:449
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
8 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 –Artikolu 12(2) sa (4) – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija ta’ COVID-19 – Rimbors tal-pagamenti mwettqa mill-vjaġġatur ikkonċernat abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Rimbors fil-forma ta’ somma flus jew rimbors ekwivalenti, fil-forma ta’ nota ta’ kreditu (‘vawċer’) – Obbligu li dan il-vjaġġatur jiġi rrimborsat mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ikkonċernat – Deroga temporali għal dan l-obbligu – Modulazzjoni tal-effetti temporali ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet konformement mad-dritt nazzjonali u li tannulla leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-imsemmi obbligu”
Fil-Kawża C‑407/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura
Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir),
Consommation, logement et cadre de vie (CLCV)
vs
Premier ministre,
Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Ġunju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir) u Consommation, logement u cadre de vie (CLCV), minn R. Froger u A. Londoño López, avocats, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A. Ferrand, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u T. Willaert, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Severi u M. Cherubini, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Drugda, S. Ondrášiková u B. Ricziová, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, I. Rubene u C. Valero, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir) et Consommation, logement et cadre de vie (CLCV), u l-Premier ministre (il-Prim Ministru) u l-ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance (il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Irkupru), rigward talba intiża għall-annullament minħabba eċċess ta’ poter tal-ordonnance no 2020–315, du 25 mars 2020, relative aux conditions financières de résolution de certains contrats de voyages touristiques et de séjours en cas de circonstances exceptionnelles et inévitables ou de force majeured (id-Digriet Nru 2020‑315 tal‑25 ta’ Marzu 2020 dwar il-Kundizzjonijiet Finanzjarji għall-Ħall ta’ Ċerti Kuntratti ta’ Vvjaġġar Turistiku u Vaganzi fil-Każ ta’ Ċirkustanzi Inevitabbli u Finanzjarji jew Forza Maġġuri (JORF tas‑26 ta’ Marzu 2020, test nru 35) (iktar ‘il quddiem id-“Digriet Nru 2020‑315”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2015/2302
3 |
Skont il-premessi 5, 31 u 46 tad-Direttiva 2015/2302:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzazzjoni”, jipprovdi: “Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inkluż dispożizzjonijiet li jkunu iktar jew inqas stretti li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġatur.” |
7 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. […] 2. Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali. 3. L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk: […]
4. L-organizzatur għandu jagħti kwalunkwe rifużjoni meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 jew, fir-rigward tal-paragrafu 1, irodd lura kwalunkwe pagamenti li jkunu saru minn jew f’isem il-vjaġġatur għall-pakkett bit-tariffa adatta ta’ terminazzjoni mnaqqsa. Dawn ir-rifużjonijiet jew rimborżi għandhom isiru lill-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14-il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat. […]” |
8 |
L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jiddisponi: “[…] 2. Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. 3. Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.” |
Ir‑Rakkomandazzjoni (UE) 2020/648
9 |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/648 tat‑13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tali vvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2020, L 151, p. 10), jistabbilixxi, fil-premessi 9, 13 sa 15, 21 u 22 tiegħu:
[…]
[…]
|
10 |
Skont il-punt 1 ta’ din ir-rakkomandazzjoni: “Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna l-vouchers li t-trasportaturi jew l-organizzaturi jistgħu jipproponu lill-passiġġieri jew lill-vjaġġaturi, bħala alternattiva għar-rimborż fi flus, u li huma soġġetti għall-aċċettazzjoni volontarja tal-passiġġieri jew tal-vjaġġaturi, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
[…]” |
Id‑dritt Franċiż
11 |
Id-Digriet Nru 2020‑315 ġie adottat fuq il-bażi tas-setgħa mogħtija lill-Gvern Franċiż permezz tal-Loi no 2020-290, du 23 mars 2020 d’urgence pour faire face à l’épidémie de COVID-19 (il-Liġi Nru 2020‑290 tat‑23 ta’ Marzu 2020 dwar Miżuri ta’ Emerġenza b’Rispons għat-Tifqigħa tal-COVID-19) (JORF tal‑14 ta’ Marzu 2020, test nru 2) bl-għan “sabiex titratta l-konsegwenzi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali tal-imxija tal-epidemija tal-[COVID]‑19 u l-konsegwenzi tal-miżuri meħuda sabiex tiġi limitata dik l-imxija, u b’mod partikolari sabiex tipprevjeni u tillimita l-waqfa tal-operat min-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw attività ekonomika u ta’ assoċjazzjonijiet, kif ukoll tal-impatt tagħha fuq l-impjieg”. |
12 |
Konformement ma’ Artikolu 1, II tad-Digriet Nru 2020-315, permezz ta’ deroga għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li jimplimentaw l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302, meta kuntratt ta’ bejgħ ta’ vvjaġġar u vaganzi “jinħall” bejn l‑1 ta’ Marzu u l‑15 ta’ Settembru 2020, l-organizzatur jew il-bejjiegħ bl-imnut jista’ jipproponi, minflok ir-rimbors tal-pagamenti kollha mwettqa abbażi tal-“kuntratt imħall”, nota ta’ kreditu li l-klijent jista’ juża taħt ċerti kundizzjonijiet. Dan l-Artikolu 1 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom, fin-nuqqas ta’ użu ta’ din in-nota ta’ kreditu, il-vjaġġatur għandu dritt għar-rimbors sħiħ ta’ dawn il-pagamenti. |
13 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali proposta kellha tiġi fformulata mhux iktar tard minn 3 xhur wara l-komunikazzjoni tal-“ħall” tal-kuntratt ikkonċernat u li din il-proposta kienet sussegwentement valida matul tul ta’ 18-il xahar. Kien biss fi tmiem dan it-terminu ta’ 18-il xahar u fin-nuqqas ta’ aċċettazzjoni, mill-klijent ikkonċernat, tal-arranġament identiku jew ekwivalenti għal dak li l-“kuntratt imħall” kien jipprevedi u li kien ġie propost lilu, li l-professjonist ikkonċernat kien obbligat li jirrimborsa l-pagamenti kollha mwettqa abbażi ta’ dan il-kuntratt. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
14 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, żewġ assoċjazzjonijiet ta’ difiża tal-interessi tal-konsumaturi, adixxew il-qorti tar-rinviju b’talba intiża għall-annullament tad-Digriet Nru 2020‑315, fejn sostnew li d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet kienu jiksru l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, li jipprevedi, b’mod partikolari, id-dritt għall-vjaġġatur ikkonċernat, f’każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġjar, wara li jkunu seħħew “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, li jiġi rrimborsat għall-pagamenti kollha mwettqa abbażi ta’ dan il-pakkett mhux iktar tard minn 14-il ġurnata wara dan ix-xoljiment, u jiksru l-kompetizzjoni ħielsa fi ħdan is-suq uniku u l-għan ta’ armonizzazzjoni li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 2020‑315 kienu ttieħdu sabiex titħares il-likwidità u s-solvenza tal-fornituri ta’ servizz msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, f’kuntest fejn iktar minn 7000 operatur ta’ vvjaġġar u ta’ vaganzi rreġistrati ġewwa Franza kellhom iħabbtu wiċċhom, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li affettwat simultanjament mhux biss Franza u l-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa iżda wkoll kważi l-kontinenti kollha, ma’ volum ta’ kanċellamenti ta’ arranġamenti fuq skala mingħajr preċedent u bi prenotazzjonijiet li ġew kważi kollha kkanċellati, kienu jinsabu f’diffikultà kbira, u fejn ir-rimbors immedjat tal-pagamenti kollha relatati mal-arranġamenti hekk annullati kien ta’ natura, fir-rigward ta’ tali ċirkustanzi, li jipperikola l-eżistenza ta’ dawn l-operaturi, u, b’konsegwenza, il-possibbiltà għall-klijenti kkonċernati, li jkunu jistgħu jiksbu rimbors ta’ dawn il-pagamenti. |
16 |
Minbarra dan, din il-qorti tippreċiża, li l-ammont totali tan-noti ta’ kreditu maħruġa mill-professjonisti Franċiżi sal‑15 ta’ Settembru 2020, data li fiha ntemm il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Digriet Nru 2020‑315, huwa ta’ EUR 990 miljun, li jirrappreżenta 10% tad-dħul mill-bejgħ tas-settur ikkonċernat ta’ sena normali. |
17 |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l‑ewwel domanda
18 |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li, wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzatur ta’ dan il-vjaġġ huwa obbligat, skont din id-dispożizzjoni, li jirrimborsa l-vjaġġatur ikkonċernat il-pagamenti kollha mwettqa abbażi ta’ dan il-pakkett tal-ivvjaġġar, billi tali rimbors japplika biss għal ħlas lura ta’ dawn il-pagamenti fil-forma ta’ somma flus jew, bil-kontra, jista’ jsir ukoll, favur dan l-organizzatur, fil-forma ta’ nota ta’ kreditu ugwali għall-ammont tal-imsemmija pagamenti (jiġifieri “vawċer”). |
19 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jagħti lill-vjaġġatur ikkonċernat id-dritt li jxolji kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment jekk “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, iseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, għandhom konsegwenzi importanti fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-pakkett jew fuq it-trasport ta’ passiġġieri lejn dan il-post ta’ destinazzjoni. F’każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar skont dan il-paragrafu 2, dan il-vjaġġatur għandu dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti mwettqa abbażi tal-imsemmi pakkett. |
20 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 12(3)(b) ta’ din id-direttiva, jekk l-organizzatur tal-ivvjaġġar ikkonċernat huwa prekluż milli jwettaq kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar minħabba “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” u jikkomunika x-xoljiment ta’ dan il-kuntratt lill-vjaġġatur ikkonċernat mingħajr dewmien eċċessiv qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar, huwa jista’ jxolji l-imsemmi kuntratt u jirrimborsa kompletament lil dan il-vjaġġatur pagamenti mwettqa abbażi ta’ dan il-pakkett tal-ivvjaġġar, iżda ma huwiex obbligat għal kumpens addizzjonali. |
21 |
Minbarra dan, l-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva jippreċiża b’mod partikolari li r-rimborsi favur l-imsemmi vjaġġatur iseħħu mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-istess kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. |
22 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tagħmel l-ewwel domanda fil-kuntest tal-adozzjoni, mill-Gvern Franċiż, tad-Digriet Nru 2020‑315, li l-Artikolu 1 tiegħu kien jawtorizza lill-organizzaturi tal-ivvjaġġar, f’dak li jikkonċerna l-“ħall” ikkomunikat bejn l‑1 ta’ Marzu u l‑15 ta’ Settembru 2020, li jwettqu l-obbligu tagħhom ta’ rimbors billi jipproponu lill-vjaġġatur ikkonċernat, mhux iktar tard minn 3 xhur wara l-komunikazzjoni tal-“ħall” tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat, vawċer għal ammont ugwali għall-pagamenti mwettqa abbażi ta’ dan il-pakkett, fejn tali proposta kienet valida matul tul ta’ 18-il xahar. |
23 |
Sabiex tingħata tweġiba għall-kwistjoni jekk din il-proposta tistax tikkostitwixxi “rimbors” fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li din id-direttiva ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “rimbors”. |
24 |
Sussegwentement, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ komuni tagħhom billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li jifformaw parti minnha (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel, C‑578/19, EU:C:2021:213, punt 37). |
25 |
Skont is-sens normali tiegħu fil-lingwaġġ komuni, it-terminu “jirrimborsa” jirreferi għall-fatt li persuna tingħata somma flus li hija tkun nefqet jew antiċipat lil persuna oħra, u jimplika għalhekk għal din tal-aħħar il-fatt li tħallas lura din is-somma lill-ewwel persuna. Barra minn hekk tali tifsira tirriżulta mingħajr ambigwità mill-qari tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302 fl-intier tiegħu, li jippreċiża li r-rimbors sħiħ jirreferi għal “kull pagament li jkun sar” abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, li għalhekk ineħħi kull dubju rigward is-suġġett tar-rimbors, peress li dan tal-aħħar jirrigwarda somma flus. |
26 |
Isegwi li l-kunċett ta’ “rimbors” fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302, japplika għal ħlas lura tal-pagamenti mwettqa abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fil-forma ta’ somma flus. |
27 |
Tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Gvern Slovakk ibbażat fuq id-distinzjoni terminoloġika li ssir, fir-rigward ta’ dan il-kunċett, b’mod partikolari fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża u dik Ingliża tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302, bejn, minn naħa, ħlas lura (“reimbursement” fil-lingwa Ingliża, “Rückzahlung” fil-lingwa Ġermaniża) tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, “rimbors” (“refund” fil-lingwa Ingliża, “Erstattung” fil-lingwa Ġermaniża) tagħhom imsemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 12(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, billi dan ir-rimbors ikopri, skont dan il-gvern, ukoll kumpens f’forma oħra għajr somma flus. |
28 |
Fil-fatt, mhux biss tali distinzjoni terminoloġika hija perfettament kompatibbli ma’ interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li timplika ħlas lura fil-forma ta’ somma flus, iżda wkoll, anki jekk jiġi preżunt li kienet mod ieħor, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jew tingħata natura prijoritarja meta pparagunata mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, peress li l-imsemmija dispożizzjoni għandha, fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, tiġi interpretata skont il-kuntest u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Issa, il-kuntest tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302 u l-għan ta’ din id-direttiva sempliċement jikkorroboraw l-interpretazzjoni letterali adottata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza. |
30 |
Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li, skont l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva, ir-rimbors għandu jseħħ mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat iwassal sabiex jindika li dan ir-rimbors għandu jsir fil-forma ta’ somma flus sa fejn dan it-terminu huwa intiż li jiżgura li l-vjaġġatur ikkonċernat ikun jista’, ftit ta’ żmien wara x-xoljiment ta’ dan il-kuntratt, mill-ġdid jiddisponi liberament mis-somma li huwa kien nefaq għall-finijiet tal-pagament ta’ dan il-pakkett tal-ivvjaġġar. Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ tali terminu jkun ftit utli jekk dan il-vjaġġatur kellu jikkuntenta ruħu b’vawċer jew kull arranġament ieħor ta’ natura differenti, li minnu huwa ma jistax, fi kwalunkwe każ, jieħu vantaġġ ħlief wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
31 |
Barra minn hekk, hekk kif l-Avukata Ġenerali essenzjalment irrilevat ukoll fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kuntest l-iktar wiesa’ li fih id-Direttiva 2015/2302 tagħmel parti minnu, jiġifieri dak tal-qasam tad-drittijiet tal-vjaġġaturi u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, jenfasizza li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi, f’att leġiżlattiv partikolari relatat ma’ dan il-qasam, il-possibbiltà li jiġi ssostitwit obbligu ta’ ħlas ta’ somma flus permezz ta’ arranġament li jkollu forma oħra, bħal b’mod partikolari, il-proposta ta’ vawċers, din il-possibbiltà hija speċifikament prevista f’dan l-att leġiżlattiv. L-assenza ta’ kwalunkwe riferiment, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, għal tali possibbiltà għalhekk twassal li jiġi kkonfermat li dan l-artikolu huwa intiż biss għal rimborsi fil-forma ta’ somma flus. |
32 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2015/2302, mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, li dan l-għan jikkonsisti f’kontribuzzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għat-twettiq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi l-iktar uniformi possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġi kollox kompriż għall-Islas Canarias), C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 29). |
33 |
Id-dritt għar-rimbors mogħti lill-vjaġġaturi fl-Artikolu 12(2) u (3) tal-imsemmija direttiva jissodisfa dan l-iskop ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, minkejja li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rimbors” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12, li tgħid li l-vjaġġatur ikkonċernat għandu d-dritt li jitħallas lura l-pagamenti mwettqa abbażi tal-pakkett tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-forma ta’ somma flus, li jista’ jiddisponi liberament minnha, x’aktarx iktar tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu u, għaldaqstant, għat-twettiq ta’ dan l-għan milli l-interpretazzjoni li ikun biżżejjed jekk l-organizzatur ikkonċernat jipproponilu vawċer jew forma differenti oħra ta’ kumpens pospost. |
34 |
Dan jestendi bla ħsara għall-possibbiltà għall-vjaġġatur parti fi kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar li jagħti kunsens, fuq bażi volontarja, li jaċċetta, minflok rimbors fil-forma ta’ somma flus, vawċer, sa fejn tali possibbiltà ma ċċaħħdux mid-dritt tiegħu għal dan ir-rimbors, hekk kif dan huwa indikat fil-premessa 9 tar-Rakkomandazzjoni 2020/648. |
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzatur ta’ dan il-pakkett huwa obbligat, skont din id-dispożizzjoni, li jirrimborsa l-vjaġġatur ikkonċernat għall-pagamenti kollha mwettqa abbażi tal-imsemmi pakkett, tali rimbors japplika unikament għal ħlas lura ta’ dawn il-pagamenti fil-forma ta’ somma flus. |
Fuq it‑tieni domanda
36 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar huma temporanjament liberi, fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ kriżi sanitarja dinjija li tostakola l-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, mill-obbligu tagħhom li jirrimborsaw lill-vjaġġaturi kkonċernati, mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment ta’ kuntratt, il-pagamenti kollha mwettqa abbażi tal-kuntratt xolt, inkluż meta tali leġiżlazzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li, minħabba n-numru sinjifikattiv ta’ talbiet għal rimbors mistennija, is-solvenza ta’ dawn l-organizzaturi tal-ivvjaġġar tiġi affettwata b’tali mod li tipperikola l-eżistenza tagħhom u li għalhekk tinżamm il-vijabbiltà tas-settur ikkonċernat. |
37 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, l-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 jimponi fuq l-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar li jħallsu lura lill-vjaġġaturi kkonċernati, fil-forma ta’ somma flus, il-pagamenti kollha mwettqa abbażi tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat meta dan il-kuntratt tal-ivvjaġġar jiġi xolt minħabba s-seħħ ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” li għandhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq, jew jipprekludu, l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt tal-ivvjaġġar. |
38 |
Hekk kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2020‑315 kien jawtorizza lill-organizzaturi tal-ivvjaġġar, f’dak li jikkonċerna l-“ħall” ikkomunikat bejn l‑1 ta’ Marzu u l‑15 ta’ Settembru 2020, jiġifieri matul perijodu li kien beda ftit qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID‑19 u li ntemm ftit xhur warajha, li jipproponu lill-vjaġġatur ikkonċernat, mhux iktar tard minn 3 xhur wara l-komunikazzjoni tal-“ħall” tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat, vawċer minflok ma jirrimborsawh fil-forma ta’ somma flus il-pagamenti mwettqa abbażi ta’ dan il-kuntratt tal-ivvjaġġar, fejn tali rimbors isir obbligatorju biss fit-tmiem it-tul ta’ validità tal-vawċer ta’ 18-il xahar. |
39 |
It-tieni domanda hija intiża essenzjalment sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompatibbiltà ta’ tali dispożittiv nazzjonali mal-obbligu ta’ rimbors sħiħ li jaqa’ fuq l-organizzatur tal-ivvjaġġar ikkonċernat, stabbilit fl-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, fejn din il-kwistjoni hija għalhekk neċessarjament ibbażata fuq il-premessa li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dik dwar is-seħħ ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, huma ssodisfatti f’dan il-każ. |
40 |
Il-Gvern Ċek, Taljan u dak Slovakk isostnu li l-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 ma japplikax fil-kuntest ta’ kriżi sanitarja f’livell dinji bħal dik ipprovokata mill-pandemija ta’ COVID‑19, peress li tali avveniment ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ix-xoljiment li seħħ minħabba din il-kriżi għalhekk ma jistax jagħti lok għal dritt għal rimbors sħiħ tal-pagamenti mwettqa abbażi tal-pakketti tal-ivvjaġġar xolti. |
41 |
Għalhekk għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk kriżi sanitarja dinjija bħall-pandemija tal-COVID-19 tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għax-xoljimenti previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2020‑315. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”. |
43 |
Barra minn hekk, il-premessa 31 ta’ din id-direttiva tippreċiża l-portata tal-imsemmi kunċett, billi tipprovdi li “[d]an jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar”. |
44 |
Minbarra dan, hekk kif tfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” jistgħu unikament jiġġustifikaw xoljiment mill-vjaġġatur ikkonċernat, billi jagħtuh dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti mwettqa abbażi tal-pakkett tal-ivvjaġġar, meta dawn iseħħu “fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu” u li dawn “jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”. |
45 |
Jekk, għall-finijiet tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, il-klassifikazzjoni bħala avveniment partikolari ta’ sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens ta’ din id-direttiva, tiddependi, obbligatorjament, miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ u b’mod partikolari mis-servizzi tal-ivvjaġġar konkretament miftehma kif ukoll mill-konsegwenzi ta’ dan l-avveniment minflok id-destinazzjoni maħsuba, xorta jibqa’ l-fatt li kriżi sanitarja dinjija bħall-pandemija tal-COVID-19 għandha, inkwantu tali, titqies bħala li tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett. |
46 |
Fil-fatt, tali avveniment jevita b’mod manifest kull kontroll u l-konsegwenzi tiegħu ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu. Barra minn hekk dan l-avveniment jiżvela l-eżistenza ta’ “riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem” imsemmija fil-premessa 31 tal-imsemmija direttiva. |
47 |
Hija irrilevanti, f’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li, bħal fil-każ tal-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva, din il-premessa turi dawn it-termini billi tirreferi għall-eżempju ta’ “tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar” peress li tali preċiżazzjoni hija intiża mhux sabiex tirrestrinġi l-portata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” għal avvenimenti lokali, iżda sabiex jiġi enfasizzat li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom, fi kwalunkwe każ, jimmanifestaw ruħhom b’mod partikolari fil-post ta’ destinazzjoni maħsub u jkollhom, f’dan ir-rigward, konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat. |
48 |
F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukata Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk l-imxija ta’ marda gravi fil-posta ta’ destinazzjoni kkonċernat tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett, l-istess għandu għalhekk japplika a fortiori għall-imxija ta’ marda gravi fuq skala dinjija, peress li l-effetti tagħha jmissu wkoll dan il-post. |
49 |
Minbarra dan, interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, li din id-dispożizzjoni tapplika unikament għal avvenimenti ta’ portata lokali, bl-esklużjoni ta’ avvenimenti ta’ portata iktar wiesgħa, tmur kontra, parzjalment, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn, fl-assenza ta’ kull kriterju ta’ delimitazzjoni previst għal dan il-għan minn din id-direttiva, id-demarkazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ avvenimenti tista’ tkun imċajpra u varjabbli, li b’mod definittiv ikollu bħala konsegwenza li jsir aleatorju l-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija lill-imsemmija dispożizzjoni. |
50 |
Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija inkoerenti fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst fid-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, din timplika li l-vjaġġaturi li jxolju l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar tagħhom billi jinvokaw id-dehra ta’ marda lokalment ristretta ma jkunux obbligati li jħallsu spejjeż ta’ xoljiment, filwaqt li l-vjaġġaturi li jxolju dan il-kuntratt minħabba d-dehra ta’ marda ta’ skala dinjija jkollhom iħallsu tali spejjeż, b’mod li l-vjaġġaturi kkonċernati jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni inqas fil-każ ta’ seħħ ta’ kriżi sanitarja dinjija milli f’każ ta’ dehra ta’ marda lokalment limitata. |
51 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 jista’ jkopri t-tifqigħa ta’ kriżi sanitarja dinjija, għalhekk din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata għax-xoljimenti ta’ kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar meta dawn ikunu bbażati fuq il-konsegwenzi pprovokati minn tali avveniment. |
52 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Franċiż madankollu jsostni li sitwazzjoni bħall-kriżi sanitarja marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 hija ta’ portata tali li tikkostitwixxi wkoll każ ta’ “forza maġġuri”, kunċett li jista’ jkopri każijiet li l-karatteristiċi tagħhom jmorru lil hinn mis-sitwazzjonijiet maħsuba fl-adozzjoni tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302. Minn dan, dan il-gvern jiddeduċi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, abbażi ta’ dan, minn din id-dispożizzjoni f’dak li jikkonċerna tali każijiet speċifiċi. |
53 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma għandux kontenut identiku fid-diversi oqsma ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, billi t-tifsira tiegħu għandha tiġi stabbilita skont il-kuntest ġuridiku li fih huwa intiż li jipproduċi l-effetti tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 54). |
54 |
Issa, hekk kif il-Gvern Franċiż jammetti huwa stess, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, huwa relatat mal-kunċett ta’ “forza maġġuri” kif dan tal-aħħar huwa ddefinit f’ġurisprudenza stabbilita sew, jiġifieri bħala li huwa intiż għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ dak li jinvokah, li ma jkunux normali u li jkunu imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja kull diliġenza użata (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 85). Għalhekk, minkejja l-assenza għal kull riferiment, f’din id-direttiva, għall-forza maġġuri, dan il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” jikkonkretizza l-kunċett ta’ “forza maġġuri” fil-kuntest tal-imsemmija direttiva. |
55 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat ukoll fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, il-ġenesi tad-Direttiva 2015/2302 u b’mod partikolari x-xogħol preparatorju ta’ din tal-aħħar jikkonfermaw li l-imsemmi kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” kien ġie ssostitwit b’dak ta’ “forza maġġuri” li kien jinsab fid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2015/2302. |
56 |
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi implimentazzjoni eżawrjenti tal-kunċett ta’ “forza maġġuri” għall-finijiet tal-imsemmija direttiva. |
57 |
Għalhekk, ma hemmx lok għall-Istati Membri li jilliberaw, abbażi tal-forza maġġuri, u biss temporanjament, l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom, previst fl-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302, peress li la din id-dispożizzjoni u ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jagħmlu eċċezzjoni għan-natura imperattiva ta’ dan l-obbligu abbażi tal-forza maġġuri (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, ÖBB-Personenverkehr, C‑509/11, EU:C:2013:613, punti 49 u 50). |
58 |
Minn dan kollu jirriżulta li, fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar wara t-tifqigħa ta’ kriżi sanitarja dinjija, l-organizzaturi tal-ivvjaġġar kkonċernati huma obbligati li jirrimborsaw il-vjaġġaturi kkonċernati l-pagamenti kollha mwettqa abbażi tal-pakkett tal-ivvjaġġar, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva. |
59 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni jekk id-Direttiva 2015/2302 tippermettix madankollu lill-Istati Membri, fiċ-ċirkustanzi ta’ kriżi sanitarja dinjija bħall-pandemija tal-COVID‑19, li jeħilsu lill-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar minn tali obbligu ta’ rimbors, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja, l-imsemmija direttiva hija intiża għal armonizzazzjoni sħiħa tal-qasam maħsub, b’mod li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti fl-istess direttiva, b’mod partikolari dispożizzjonijiet iktar stretti intiżi li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġaturi kkonċernati. |
60 |
Minbarra dan, mill-Artikolu 23(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi kkonċernati skont din id-direttiva għandhom natura imperattiva. |
61 |
Issa, il-fatt li l-organizzaturi tal-ivvjaġġar jinħelsu mill-obbligu tagħhom li jirrimborsaw lill-vjaġġaturi kkonċernati l-pagamenti mwettqa abbażi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jimplika, bi ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2302, tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni ta’ dawn il-vjaġġaturi li jirriżulta mill-Artikolu 12(2) sa (4) ta’ din id-direttiva. |
62 |
B’konsegwenza, leġiżlazzjoni nazzjonali li teħles lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu tar-rimbors li huma għandhom skont l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302 tikser din id-dispożizzjoni. |
63 |
Madankollu l-Gvern Slovakk isostni li l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2015/2302, jibbażaw ruħhom fuq il-forza maġġuri għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni, meta s-sitwazzjoni sfavorevoli marbuta ma’ krizi sanitarja dinjija bħall-pandemija tal-COVID‑19, u b’mod partikolari, il-konsegwenzi finanzjarji li rriżultaw minnha għas-settur tat-turiżmu, tipprekludihom milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jimplimentaw din id-direttiva. |
64 |
F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi enfasizzat li mill-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 62 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali leġiżlazzjoni tista’ tikkostitwixxi ksur tal-obbligu li għandu kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji tad-Direttiva 2015/2302 li jieħdu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tagħha, konformement mal-għan li din id-direttiva hija intiża li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 69). |
65 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tħassib ta’ diffikultajiet interni ma jistax jiġġustifika astensjoni minn Stat Membru li japplika d-dritt tal-Unjoni korrettament (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Azelvandre, C‑552/07, EU:C:2009:96, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Ċertament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri għal twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE jirriżulta li, meta Stat Membru ma huwiex konformi mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex eskluż li dan jista’ jinvoka, fir-rigward ta’ tali nuqqas ta’ konformità, il-forza maġġuri. |
67 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma jippreżupponix impossibbiltà assoluta, madankollu dan jeħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni jkun dovut minħabba ċirkustanzi mhux relatati ma’ min jinvokahom, ikunu anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha applikata, billi sitwazzjoni ta’ forza maġġuri minbarra dan tista’ tiġi invokata biss għall-perijodu neċessarju sabiex dawn id-diffikultajiet jiġu rrimedjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Issa, anki jekk jiġi preżuppost li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri li jsostnu utilment, quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, li n-nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva huwa ġġustifikat abbażi tal-forza maġġuri sabiex għalhekk jinkiseb li din il-leġiżlazzjoni tista’ tkompli tapplika matul il-perijodu neċessarju, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2020‑315 b’mod ċar ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-invokazzjoni tal-forza maġġuri, kif dawn jirriżultaw mill-imsemmija ġurisprudenza. |
69 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, minkejja li kriżi sanitarja ta’ daqs bħal dak tal-pandemija ta’ COVID‑19 ma hijiex relatata mal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll hija anormali u imprevedibbli, leġiżlazzjoni nazzjonali li teħles, b’mod iġġeneralizzat, lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar kollha mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom, previst fl-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302, f’dak li jikkonċerna x-xoljimenti kkomunikati matul perijodu predefinit ta’ diversi xhur, ma tistax, min-natura tagħha stess, tiġi ġġustifikata mir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn tali avveniment u għalhekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-invokazzjoni tal-forza maġġuri. |
70 |
Fil-fatt, billi wasslet, fil-fatti, għal sospensjoni provviżorja ġġeneralizzata ta’ dan l-obbligu ta’ rimbors, l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni ma hijiex limitata unikament għas-sitwazzjonijiet li fihom tali restrizzjonijiet, b’mod partikolari dawk finanzjarji, ikunu realment immanifestaw ruħhom, iżda testendi għall-kuntratti kollha li jkunu ġew xolti matul il-perijodu ta’ referenza, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja konkreta u individwali tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar ikkonċernati. |
71 |
It-tieni, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jirriżultax li l-konsegwenzi finanzjarji li għalihom id-dispożittiv tal-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2020‑315 huwa intiż li jirrispondi ma setgħux jiġu evitati mod ieħor ħlief bil-ksur tal-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302 u b’mod partikolari bl-adozzjoni, għall-benefiċċju tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar ikkonċernati, ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jistgħu jiġu awtorizzati abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, possibbiltà li għaliha Stati Membri oħra setgħu japplikaw, kif esponiet ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 82 sa 84 tal-konklużjonijiet tagħha. |
72 |
F’dan il-kuntest, għalkemm diversi gvernijiet insistew fuq il-fatt li l-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ għajnuna mill-Istat kienet twassal, għal numru kbir ta’ Stati Membri, għal diffikultajiet partikolari, il-possibbiltà li jiġu adottati dawn il-miżuri fi żmien qasir jiddependi b’mod partikolari mill-istrutturi eżistenti tal-organizzazzjoni tas-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar kif ukoll miż-żmien neċessarju għal tali adozzjoni konformement mal-proċeduri tagħhom, hemm lok li jitfakkar f’dan ir-rigward li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet ta’ natura interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑395/13, EU:C:2014:2347, punt 51). |
73 |
Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat, f’dan il-kuntest, l-argument invokat, b’mod partikolari, mill-Gvern Ċek, li s-soluzzjoni li tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għandha tkun “rimedju finali”. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri permezz tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan, li jipprevedu ċerti forom ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, dawk li jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, filwaqt li dan id-dritt ma jippermettilhomx preċiżament li jonqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jieħdu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ ta’ direttiva, f’dan il-każ id-Direttiva 2015/2302. |
74 |
Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Istati Membri kellhom ukoll il-possibbiltà li jistabbilixxu dispożizzjonijiet iddestinati, mhux biex jimponu, iżda biex jinkoraġġixxu jew jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni, mill-vjaġġaturi kkonċernati, ta’ vawċers minflok rimbors fil-forma ta’ somma flus, billi tali soluzzjonijiet jistgħu huma wkoll jikkontribwixxu sabiex jitnaqqsu l-problemi ta’ likwidità tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar ikkonċernati, hekk kif dan jintwera fir-Rakkomandazzjoni 2020/648, b’mod partikolari fil-premessa 15 tagħha. |
75 |
It-tielet, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat ukoll fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2020‑315, sa fejn tipprevedi li jinħelsu l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu ta’ rimbors tagħhom matul perijodu li jista’ jestendi sa 21 xahar mill-komunikazzjoni tal-“ħall” tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat, ma hijiex manifestament ikkonċepita b’mod li jiġu limitati l-effetti tagħha għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet ikkawżati mill-avveniment li jista’ jaqa’ taħt il-forza maġġuri. |
76 |
Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar huma temporanjament meħlusa, fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ kriżi sanitarja dinjija li tostakola l-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, mill-obbligu tagħhom li jirrimborsaw lill-vjaġġaturi kkonċernati, mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment ta’ kuntratt, il-pagamenti kollha mwettqa abbażi tal-kuntratt xolt, inkluż meta tali leġiżlazzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li, minħabba n-numru sinjifikattiv ta’ talbiet għal rimbors mistennija, is-solvenza ta’ dawn l-organizzaturi tal-ivvjaġġar tiġi affettwata sal-punt li tkun fil-perikolu l-eżistenza tagħhom u li għalhekk tinżamm il-vijabbiltà tas-settur ikkonċernat. |
Fuq it‑tielet domanda
77 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’rikors għal annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302, li timmodula l-effetti temporali tad-deċiżjoni tagħha li tannulla din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
78 |
Hemm lok li jitfakkar li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali u partikolari kollha li huma xierqa sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 38). |
79 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati li jħassru l-konsegwenzi illeċiti ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, fejn tali obbligu jaqa’, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, fuq kull korp tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi l-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra att nazzjonali li jikkostitwixxi tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 170 u 171 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Isegwi li, meta qorti nazzjonali hija adita b’rikors għal annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija obbligata, konformement mal-modalitajiet proċedurali applikabbli għal tali rikorsi previsti fl-ordinament ġuridiku intern tagħha kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li tannulla din il-leġiżlazzjoni. |
81 |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-qrati nazzjonali, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-fakultà li jaġġustaw l-effetti tad-deċiżjonijiet tagħhom ta’ annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
82 |
Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li qorti nazzjonali tista’, b’kunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent jew man-neċessità li tiġi mwarrba theddida reali u gravi ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, eċċezzjonalment u każ b’każ tiġi awtorizzata li tapplika dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizzaha li żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat, sa fejn il-kundizzjonijiet ippreċiżati f’din il-ġurisprudenza jiġu osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 178 u 179). |
83 |
Madankollu f’dan il-każ, minn naħa, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat ukoll fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tagħha, daqstant gravi kemm kienu l-konsegwenzi finanzjarji maħluqa għas-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar mill-pandemija tal-COVID‑19, li għalihom il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha, għandu jiġi kkonstatat li tali theddida tal-interessi ekonomiċi tal-operaturi attivi f’dan is-settur ma hijiex paragunabbli mal-kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent jew mal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 57). |
84 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż indika li d-dannu li jirriżulta, skont il-każ, mill-annullament mill-qorti tar-rinviju tad-Digriet Nru 2020‑315 huwa ta’ “importanza limitata”. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li l-annullament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwassal sabiex ikun hemm konsegwenzi dannużi fuq is-settur ta’ pakketti tal-ivvjaġġar ta’ portata tali li ż-żamma tal-effetti tagħha tkun neċessarja għall-finijiet li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-operaturi ta’ dan is-settur. |
85 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda għandha tiġi risposta li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil qorti nazzjonali, adita b’rikors għal annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302 li timmodula l-effetti temporali tad-deċiżjoni tagħha li tannulla din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
Fuq l‑ispejjeż
86 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.