Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0677

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Ottubru 2022.
    Industriegewerkschaft Metall (IG Metall) u ver.di - Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft vs SAP SE u SE-Betriebsrat der SAP SE.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Kumpannija Ewropea – Direttiva 2001/86/KE – Involviment tal-ħaddiema fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-kumpannija Ewropea – Artikolu 4(4) – – Kumpannija Ewropea kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni – Kontenut tal-ftehim innegozjat – Elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema bħala membri tal-bord superviżorju – Proċedura ta’ elezzjoni li tipprovdi għal sehem ta’ votazzjoni separat għar-rappreżentanti tas-sindakati.
    Kawża C-677/20.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:800

     SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    18 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Kumpannija Ewropea – Direttiva 2001/86/KE – Involviment tal-ħaddiema fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-kumpannija Ewropea – Artikolu 4(4) – – Kumpannija Ewropea kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni – Kontenut tal-ftehim innegozjat – Elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema bħala membri tal-bord superviżorju – Proċedura ta’ elezzjoni li tipprovdi għal sehem ta’ votazzjoni separat għar-rappreżentanti tas-sindakati”

    Fil-Kawża C‑677/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

    Industriegewerkschaft Metall (IG Metall),

    ver.di – Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft

    vs

    SAP SE,

    SE-Betriebsrat der SAP SE,

    fil-preżenza ta’:

    Konzernbetriebsrat der SAP SE,

    Deutscher Bankangestellten-Verband eV,

    Christliche Gewerkschaft Metall (CGM),

    Verband angestellter Akademiker und leitender Angestellter der chemischen Industrie eV,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, D. Gratsias u L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, F. Biltgen (Relatur), N. Piçarra, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Frar 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Industriegewerkschaft Metall (IG Metall) u ver.di – Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft, minn S. Birte Carlson, Rechtsanwältin,

    għal SAP SE, minn K. Häferer-Duttiné, P. Matzke u A. Schulz, Rechtsanwälte,

    għal Konzernbetriebsrat der SAP SE, minn H.-D. Wohlfarth, Rechtsanwalt,

    għal Christliche Gewerkschaft Metall (CGM), minn G. Gerhardt, Prozessbevollmächtigter,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

    għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Rodesch, avocat,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali waqt is-seduta tat‑28 ta’ April 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Industriegewerkschaft Metall (IG Metall) u ver.di – Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft, żewġ organizzazzjonijiet sindakali, kontra SAP SE, kumpannija Ewropea (SE), u SE-Betriebsrat der SAP SE, il-Kumitat ta’ Impriża ta’ SAP, dwar il-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema fi ħdan SAP.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-premessi 3, 5, 10, 15 u 18 tad-Direttiva 2001/86 jistabbilixxu:

    “(3)

    Sabiex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet soċjali tal-Komunità, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali, notabbilment fil-qasam ta’ l-involviment tal-ħaddiema, immirati sabiex jiżguraw illi l-istabbiliment ta’ SE ma jġibx miegħu l-għibien jew it-tnaqqis tal-prattiki ta’ l-involviment tal-ħaddiema li jeżistu fil-kumpaniji parteċipanti fl-istabbiliment ta’ SE. Dan il-għan għandu jiġi segwit billi jiġi stabbilit sett ta’ regoli f’dan il-qasam, illi jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251)].

    […]

    (5)

    Id-diversità kbira fir-regoli u l-prattiki illi teżisti fl-Istati Membri rigward il-manjiera li fiha r-rappreżentanti tal-ħaddiema huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet ġewwa l-kumpaniji tagħmilha mhux tal-parir illi jiġi stabbilit mudell wieħed Ewropew ta’ l-involviment tal-ħaddiema li jista’ japplika għas-SE.

    […]

    (10)

    Ir-regoli tal-votazzjoni ġewwa l-korp speċjali li jirrappreżenta lill-ħaddiema għall-għanijiet tan-negozjati, b’mod partikolari meta jiġu konklużi ftehimijiet li jipprovdu livell ta’ parteċipazzjoni iktar baxx minn dak il-wieħed li jkun jeżisti ġewwa kumpanija parteċipanti jew aktar, għandhom ikunu proporzjonati skond ir-riskju tal-għibien jew it-tnaqqis tas-sistemi u l-prattiki eżistenti tal-parteċipazzjoni. Dan ir-riskju huwa akbar fil-każ ta’ SE stabbilita permezz tat-trasformazzjonijew l-inkorporazzjoni milli meta tkun stabbilita permezz tal-ħolqien ta’ kumpanija prinċipali (li kollha l-ishma ta’ kumpanija/kumpaniji oħra u tikkontrollaha/tikkontrollahom) jew sussidjarja komuni.

    […]

    (15)

    Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-drittijiet l-oħra eżistenti li jirrigwardaw l-involviment u ma għandhiex għalfejn taffettwa l-istrutturi eżistenti tar-rappreżentazzjoni pprovduti fil-liġijiet u l-prattiki Komunitarji u nazzjonali.

    […]

    (18)

    Huwa prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta’ din id-Direttiva illi tiżgura d-drittijiet miksuba tal-ħaddiema rigward l-involviment fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija. Id-drittijiet tal-ħaddiema fis-seħħ qabel l-istabbiliment ta’ SE għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet ta’ l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (il-prinċipju ta’ “qabel u wara”). B’konsegwenza ta’ dan, dan l-avviċinament għandu japplika mhux biss waqt l-istabbiliment inizjali ta’ SE iżda ukoll għall-bidliet strutturali f’SE eżistenti u għall-kumpaniji affettwati mill-proċessi tal-bidliet strutturali”.

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Din id-Direttiva tirregola l-involviment tal-ħaddiema fl-affarijiet ta’ kumpaniji pubbliċi Ewropej ta’ liabilità limitata […], kif riferit fir-[Regolament Nru 2157/2001].

    2.   Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti sabiex jiġu involuti l-ħaddiema f’kull SE skond il-proċedura tan-negozjati riferita fl-Artikoli 3 sa 6 jew, skond iċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 7, bi qbil ma’ l-Anness”.

    5

    Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (e)

    ‘rappreżentanti tal-ħaddiema’ tfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema pprovduti skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali;

    (f)

    ‘korp rappreżentattiv’ ifisser il-korp li jirrappreżenta lill-ħaddiema stabbilit bil-ftehimijiet riferiti fl-Artikolu 4 jew skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness, bil-għan illi jgħarraf u jikkonsulta lill-ħaddiema ta’ SE u s-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha lokati fil-Komunità u, fejn japplika, jeżerċitaw id-drittijiet tal-parteċipazzjoni fein għandha x’taqsam is-SE;

    (g)

    ‘korp speċjali tan-negozjati’ jfisser korp stabbilit skond l-Artikolu 3 sabiex jinnegozja mal-korp kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti rigward li jiġu stabbiliti l-arranġamenti sabiex jinvolvu l-ħaddiema fis-SE;

    (h)

    ‘involviment tal-ħaddiema’ jfisser kull mekkaniżmu, inklużi t-tagħrif, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, li permezz tagħhom ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu ġewwa l-kumpanija;

    (i)

    ‘tagħrif’ ifisser l-għoti tat-tagħrif lill-korp tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tal-ħaddiema mill-organu kompetenti tas-SE dwar il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lis-SE nnifisha u lil kull wieħed mis-sussidjarja jew mill-istabbilimenti tagħha li jinsabu fi Stati Membri jew li jaqbżu l-poteri ta’ l-organi illi jieħdu d-deċiżjonijiet fi Stat Membru singolu fiż-żmien, fil-manjiera u bil-kontenut li jħallu lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati jagħmlu stima fil-fond dwar l-impatt possibbli u fejn xieraq, iħejju l-konsultazzjonijiet ma’ l-organu kompetenti tas-SE;

    (j)

    ‘konsultazzjoni’ tfisser li jiġu stabbiliti d-djalogu u l-iskambju ta’ l-opinjonijiet bejn il-korp li jirrapreżenta lill-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-organu kompetenti tas-SE, fiż-żmien, fil-manjiera u bil-kontenut li jħallu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut, li jesprimu opinjoni dwar il-miżuri previsti mill-organu kompetenti illi jistgħu jittieħdu f’konsiderazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġewwa s-SE;

    (k)

    ‘parteċipazzjoni’ tfisser l-influwenza tal-korp tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-affarijiet tal-kumpanija permezz:

    tad-dritt li jeleġġu jew jaħtru wħud mill-membri ta’ l-organu superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija, jew

    tad-dritt li jirrakkomandaw u/jew jopponu l-ħatra ta’ wħud mill-membri jew il-membri kollha ta’ l-organu superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija.”

    6

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, li jinsab fit-Taqsima II tagħha, intitolat “Il-Proċedura tan-Negozjati”, jipprovdi:

    “1.   Fejn l-organi maniġerjali jew amministrattivi tal-kumpaniji parteċipanti jagħmlu pjan sabiex jistabbilixxu SE, huma għandhom mill-aktar fis possibbli wara li jippubblikaw it-termini ta’ l-abbozz ta’ l-inkorporazzjoni jew tal-ħolqien ta’ kumpanija prinċipali jew wara illi jiftiehmu fuq pjan li jiffurmaw sussidjarja jew li jittrasformaw f’SE, jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż illi jipprovdu t-tagħrif dwar l-identità tal-kumpaniji parteċipanti, is-sussidjarji u l-istabbilimenti interessati, u n-numru tal-ħaddiema tagħhom, għalbiex jibdew in-negozjati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpaniji dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fis-SE.

    2.   Għal dan il-għan, għandu jinħoloq korp speċali tan-negozjati illi jirrappreżenta lill-ħaddiema tal-kumpaniji parteċipanti u tas-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (b)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodu li jrid jiġi użat għall-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tal-korp speċjali tan-negozjati li għandhom jiġu eletti jew maħtura fit-territorji tagħhom. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex kemm jista’ jkun jiżguraw illi dawn il-membri jinkludu mill-inqas membru li jirrappreżenta lill-kumpaniji parteċipanti li għandhom ħaddiema fl-Istat Membru interessat. Dawn il-miżuri ma għandhomx iżidu n-numru totali tal-membri.

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi dawn il-membri jistgħu jinkludu r-rappreżentanti tat-trejdunjonijietkemm jekk huma l-ħaddiema ta’ kumpanija parteċipanti jew ta’ sussidjarja jew ta’ stabbliment interessat u kemm jekk le.

    […]

    3.   Il-korp speċjali tan-negozjati u l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ ftehim bil-miktub, l-arranġamenti sabiex jiġu involuti l-ħaddiema ġewwa s-SE.

    […]”

    7

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/86, dwar il-kontenut tal-ftehim dwar il-modalitajiet tal-involviment tal-ħaddiema fi ħdan l-SE, jipprovdi fil-paragrafu 2(g) u fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

    “2.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-partijiet, u bla ħsara għall-paragrafu 4, il-ftehim riferit fil-paragrafu 1 bejn l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti u l-korp speċjali tan-negozjati għandu jispeċifika:

    […]

    g)

    jekk, matul in-negozjati, il-partijiet jiddeċiedu illi jistabbilixxu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni, is-sustanza ta’ dawn l-arranġamenti inklużi (jekk japplikaw) in-numru tal-membri fil-korp amministrattiv jew superviżorju tas-SE li l-ħaddiema huma intitolati jeleġġu, jaħtru, jirrakkomandaw jew jopponu, [il-proċeduri sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jeleġġu, jaħtru jew jirrakkomandaw dawn il-membri jew jopponu,] u d-drittijiet tagħhom;

    […]

    3.   Il-ftehim ma għandux, għajr jekk ikun hemm dispożizzjoni xorta oħra fih, ikun bla ħsara għar-regoli standard riferiti fl-Anness.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3) (a), fil-każ ta’ SE stabbilita permezz ta’ trasformazzjoni, il-ftehim għandu jipprovdi mill-inqas l-istess livell ta’ l-elementi kollha ta’ l-involviment tal-ħaddiema bħal dawk li jeżistu fil-kumpanija li trid tiġi trasformata f’SE.”

    8

    L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

    “Sabiex jinkiseb il-għan deskritt fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ hawn taħt, jistabbilixxu r-regoli standard dwar l-involviment tal-ħaddiema illi jridu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet iddikjarati fl-Anness.

    […]”

    9

    Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa skond il-liġijiet Komunitarji bil-ħsieb li jipprevienu l-użu ħażin ta’ SE bl-għan li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet dwar l-involviment tal-ħaddiema jew iż-żamma ta’ dawn id-drittijiet.”

    10

    L-Artikolu 13(3)(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “Din id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika:

    a)

    id-drittijiet eżistenti ta’ l-involviment tal-ħaddiema pprovduti bil-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali fl-Istati Membri kif igawdu minnhom il-ħaddiema tas-SE u tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha, għajr il-parteċipazzjoni fil-korpi tas-SE”.

    11

    L-Anness tad-Direttiva 2001/86 jinkludi r-regoli standard imsemmija fl-Artikolu 7 tagħha.

    Id‑dritt Ġermaniż

    Il‑MitbestG

    12

    L-Artikolu 7 tal-Gesetz über die Mitbestimmung der Arbeitnehmer (il-Liġi dwar il-Parteċipazzjoni tal-Impjegati fit-Tmexxija), tal‑4 ta’ Mejju 1976 (BGBl. 1976 I, p. 1153), kif emendata bil-Liġi tal‑24 ta’ April 2015 (BGBl. 2015 I, p. 642) (iktar ’il quddiem il-“MitbestG”), jipprovdi:

    “(1)   Il-bord superviżorju ta’ impriża

    1.

    li tipikament ma timpjegax iktar minn 10000 ħaddiem għandu jkun kompost minn sitt rappreżentanti tal-azzjonisti u sitt rappreżentanti tal-ħaddiema;

    2

    li tipikament tinkludi iktar minn 10000 ħaddiem, iżda mhux iktar minn 20000 ħaddiem, għandu jkun kompost minn tmien rappreżentanti tal-azzjonisti u tmien rappreżentanti tal-ħaddiema;

    3.

    li tipikament timpjega iktar minn 20000 ħaddiem għandu jkun kompost minn għaxar rappreżentanti tal-azzjonisti u għaxar rappreżentanti tal-ħaddiema.

    […]

    (2)   Fost il-membri tal-bord superviżorju li jirrappreżentaw il-ħaddiema għandu jkun hemm,

    1.

    meta dan il-bord superviżorju jinkludi sitt rappreżentanti tal-ħaddiema, erba’ ħaddiema tal-impriża u żewġ rappreżentanti tas-sindakati;

    2.

    meta dan il-bord superviżorju jinkludi tmien rappreżentanti tal-ħaddiema, sitt ħaddiema tal-impriża u żewġ rappreżentanti tas-sindakati;

    3.

    meta dan il-bord superviżorju jinkludi għaxar rappreżentanti tal-ħaddiema, seba’ ħaddiema tal-impriża u tliet rappreżentanti tas-sindakati.

    […]

    (5)   Is-sindakati imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu rappreżentati fl-impriża stess jew f’impriża oħra li l-ħaddiema tagħha jipparteċipaw fl-elezzjoni tal-membri tal-bord superviżorju tal-impriża skont din il-liġi”.

    13

    Għal dak li jirrigwarda l-elezzjoni tar-rappreżentanti tas-sindakati fil-bord superviżorju, l-Artikolu 16 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “(1)   Id-delegati jeleġġu l-membri tal-bord superviżorju li jirrappreżentaw is-sindakati skont l-Artikolu 7(2) b’votazzjoni sigrieta u fl-osservanza tal-prinċipji tal-votazzjoni proporzjonata […]

    (2)   L-elezzjoni tiżvolġi abbażi ta’ kandidaturi nominati mis-sindikati rappreżentati fl-impriża nnifisha jew f’impriża oħra li l-ħaddiema tagħha jipparteċipaw fl-elezzjoni tal-membri tal-bord superviżorju tal-impriża skont din il-liġi. […]”

    Is‑SEBG

    14

    L-Artikolu 2 tal-Gesetz über die Beteiligung der Arbeitnehmer in einer Europäischen Gesellschaft (il-Liġi dwar l-Involviment tal-Impjegati fi Ħdan Kumpannija Ewropea), tat‑22 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 3675, 3686), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sa mill‑1 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem l-“SEBG”), jistabbilixxi:

    “[…]

    (8)   L-involviment tal-ħaddiema jirreferi għal kwalunkwe proċedura, inkluż l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, li permezz tagħha r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan l-impriża.

    […]

    (12)   ‘Parteċipazzjoni’ tfisser l-influwenza tal-ħaddiema fuq l-affarijiet ta’ kumpannija

    1.

    billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jeleġġu jew jinnominaw parti mill-membri tal-korp superviżorju jew amministrattiv tal-kumpannija; jew

    2.

    billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrakkomandaw jew jopponu l-ħatra ta’ membru jew l-membri kollha tal-korp superviżorju jew amministrattiv tal-kumpannija.”

    15

    L-Artikolu 21 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “[…]

    (3)   Jekk jiġi konkluż ftehim ta’ parteċipazzjoni bejn il-partijiet, il-kontenut tiegħu għandu jiġi speċifikat. B’mod partikolari, għandu jkun hemm ftehim dwar:

    1.

    in-numru ta’ membri tal-korp superviżorju jew amministrattiv tas-SE, li jistgħu jeleġġu jew jaħtru l-ħaddiema jew li jistgħu jirrakkomandaw jew jirrifjutaw il-ħatra tagħhom;

    2.

    il-proċedura li tippermetti lill-ħaddiema jeleġġu jew jaħtru dawn il-membri jew jirrakkomandaw jew jirrifjutaw il-ħatra tagħhom, u

    3.

    id-drittijiet ta’ dawn il-membri.

    […]

    (6)   Mingħajr preġudizzju għar-relazzjoni bejn din il-liġi u dispożizzjonijiet oħra relattivi għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpannija, fil-każ ta’ SE stabbilita permezz ta’ trasformazzjoni, il-ftehim għandu jipprovdi, għall-elementi kollha tal-involviment tal-ħaddiema, livell tal-inqas ekwivalenti għal dak li jeżisti fil-kumpannija li trid tiġi trasformata f’SE. Dan japplika wkoll meta jsir tibdil tal-istruttura ta’ organizzazzjoni duwalista tal-kumpanija għal struttura ta’ organizzazzjoni monista u viċe versa.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    16

    Qabel ma ġiet ittrasformata f’SE, SAP kellha l-forma ġuridika ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Ġermaniż u kellha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bord superviżorju kompost minn tmien membri li jirrappreżentaw lill-azzjonisti u minn tmien membri li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, fosthom sitt ħaddiema tal-impriża u żewġ rappreżentanti tas-sindakati. Iż-żewġ rappreżentanti tas-sindakati kienu, skont l-Artikolu 16(2) tal-MitbestG, ġew proposti mis-sindakati rrappreżentati fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji li għalih tappartjeni SAP u kienu ġew eletti abbażi ta’ votazzjoni separata minn dik implimentata għall-elezzjoni tas-sitt membri l-oħra tal-bord superviżorju li jirrappreżentaw il-ħaddiema.

    17

    Minn meta, fl‑2014, SAP ġiet ittrasformata f’SE, hija għandha bord superviżorju kompost minn 18-il membru. Skont il-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema fi ħdan SAP, konkluż bejn SAP u l-grupp speċjali tan-negozjati stabbilit fi ħdanha (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ involviment”), disgħa mill-membri tal-bord superviżorju huma rappreżentanti tal-ħaddiema. Dan il-ftehim ta’ involviment jipprevedi, b’mod partikolari, il-modalitajiet ta’ ħatra tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u jindika, f’dan ir-rigward, li s-sindakati rrappreżentati fi ħdan il-grupp li għalih tappartjeni SAP għandhom dritt esklużiv ta’ proposta ta’ kandidati għal parti mis-siġġijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema impjegati fil-Ġermanja, l-elezzjoni ta’ dawn il-kandidati mill-ħaddiema li huma s-suġġett ta’ votazzjoni separata minn dik li abbażi tagħha jiġu eletti r-rappreżentanti l-oħra tal-ħaddiema.

    18

    Il-ftehim ta’ involviment jinkludi wkoll regoli dwar il-ħolqien ta’ bord superviżorju mnaqqas għal tnax-il membru (iktar ’il quddiem il-“bord superviżorju mnaqqas”), li fosthom sitta minnhom huma rappreżentanti tal-ħaddiema. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jikkorrispondu għall-ewwel erba’ siġġijiet, attribwiti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huma eletti mill-ħaddiema impjegati fil-Ġermanja. Is-sindakati rrappreżentati fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji li għalih tappartjeni SAP jistgħu jipproponu kandidati għal parti mis-siġġijiet attribwiti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda l-ebda votazzjoni separata minn dik li abbażi tagħha r-rappreżentanti l-oħra tal-ħaddiema jiġu eletti ma hija prevista għall-elezzjoni ta’ dawn il-kandidati.

    19

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw mingħajr suċċess, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, ir-regoli tal-ftehim ta’ involviment dwar il-ħatra tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju mnaqqas. B’riżultat ta’ dan, huma ppreżentaw appell quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), billi qiesu li l-imsemmija regoli jmorru kontra l-Artikolu 21(6) tas-SEBG u għalhekk għandhom jiġu annullati, minħabba li ma jipprevedux li s-sindakati jibbenefikaw minn dritt ta’ proposta esklużiva, jiġifieri ggarantit permezz ta’ votazzjoni separata, għal ċertu numru ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord superviżorju mnaqqas.

    20

    SAP ssostni, min-naħa tagħha, li d-dritt esklużiv tas-sindikati li jipproponu kandidati għall-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju mnaqqas, previst fl-Artikolu 7(2) tal-MitbestG, moqri flimkien mal-Artikolu 16(2) tiegħu, ma huwiex kopert mill-Artikolu 21(6) tas-SEBG.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, abbażi tad-dritt nazzjonali biss, hemm lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jiġu annullati r-regoli tal-ftehim ta’ involviment dwar il-ħatra tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju mnaqqas. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(6) tas-SEBG fil-fatt teżiġi li l-partijiet fil-ftehim ta’ involviment jiżguraw, waqt it-twaqqif ta’ SE permezz ta’ trasformazzjoni, li l-elementi ta’ proċedura ta’ involviment tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 2(8) tas-SEBG, li jikkaratterizzaw l-influwenza tal-ħaddiema fuq it-teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan kumpannija, jibqgħu jeżistu b’mod ekwivalenti fl-SE li għandha tinħoloq. Għalhekk, qabel kollox, dawn l-elementi għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tad-dritt nazzjonali rilevanti, skont, f’kull każ, il-proċeduri ta’ involviment tal-ħaddiema diġà fis-seħħ fil-kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha tiġi ttrasformata, fis-sens tal-Artikolu 2(8) tas-SEBG. Sussegwentement, l-elementi li jikkaratterizzaw l-influwenza tal-ħaddiema fuq it-teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan kumpannija għandhom jibqgħu jeżistu b’mod ekwivalenti fl-SE li għandha tiġi stabbilita. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(6) tas-SEBG ċertament ma timponix iż-żamma integrali tal-proċeduri u tal-istat tad-dritt eżistenti fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata, iżda l-elementi proċedurali li jikkaratterizzaw b’mod determinanti l-influwenza tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq it-teħid ta’ deċiżjoni fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata għandhom ikunu ggarantiti kwalitattivament, b’mod ekwivalenti, fil-ftehim ta’ involviment tal-ħaddiema applikabbli għall-SE. Issa, skont id-dritt nazzjonali, l-applikazzjoni ta’ votazzjoni separata għall-elezzjoni tal-kandidati proposti mis-sindakati bħala rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord superviżorju mnaqqas għandha preċiżament l-għan li ssaħħaħ l-influwenza tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq it-teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan impriża, billi tiggarantixxi li, fost dawn ir-rappreżentanti, hemm persuni li għandhom livell għoli ta’ għarfien tal-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet tal-impriża filwaqt li jkollhom kompetenza esterna.

    22

    F’dan il-każ, ir-regoli tal-ftehim ta’ involviment dwar il-ħatra tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju mnaqqas ma josservawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 21(6) tas-SEBG peress li, filwaqt li jagħtu lis-sindakati rrappreżentati fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji li għalih tappartjeni SAP id-dritt li jipproponu kandidati għall-elezzjonijiet tal-membri tal-imsemmi bord superviżorju li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, huma ma jipprevedux votazzjoni separata għall-elezzjoni ta’ dawn il-membri u għalhekk ma jiggarantixxux il-preżenza effettiva ta’ rappreżentant tas-sindakati fost ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju.

    23

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 jipprevedix livell ta’ protezzjoni uniformi differenti u inqas għoli minn dak previst fid-dritt Ġermaniż u li huwa impost, jekk ikun il-każ, fuq l-Istati Membri kollha. Fl-affermattiv, hija tkun obbligata tinterpreta l-Artikolu 21(6) tas-SEBG b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 21(6) ta[s-SEBG] li jipprovdi li, fil-każ li tiġi kkostitwita SE […] permezz ta’ trasformazzjoni, stabbilita fil-Ġermanja, għandha tiġi żgurata proċedura ta’ selezzjoni separata għall-kandidati nnominati mis-sindakat, fir-rigward ta’ ċertu numru mill-membri tal-bord superviżorju li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, huwa konformi mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [2001/86]?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    Fuq is‑suġġett tad‑domanda preliminari

    25

    SAP tqis li, preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 u għandha tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk, billi timponi l-adozzjoni, fil-ftehim dwar l-involviment tal-ħaddiema, ta’ regoli iktar stretti f’każ ta’ kostituzzjoni ta’ SE permezz ta’ trasformazzjoni milli fil-każ ta’ kostituzzjoni ta’ tali kumpannija permezz ta’ rimedju ieħor differenti minn dawk imsemmija fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt primarju, b’mod partikolari mal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE, kif ukoll mal-Artikoli 16, 17 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tkun tressqet il-kawża u li jkollhom jassumu r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tad-dettalji partikolari ta’ kull kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    F’dan il-każ, id-domanda preliminari għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, peress li l-qorti tar-rinviju ma esprimietx dubju dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

    28

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 267 TFUE ma jiftaħx rimedji ġudizzjarji lill-partijiet f’kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun obbligata li tevalwa l-validità tad-dritt tal-Unjoni għall-unika raġuni li din il-kwistjoni ġiet invokata quddiemha minn waħda minn dawn il-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2011, MSD Sharp & Dohme, C‑316/09, EU:C:2011:275, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX,C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 37).

    29

    Minn dan isegwi li ma hemmx lok, f’dan il-każ, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86.

    Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 4(4) tad‑Direttiva 2001/86

    30

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema applikabbli għal SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni, kif previst f’din id-dispożizzjoni, għandux jipprevedi votazzjoni separata bil-għan li jeleġġi, bħala rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju tal-SE, ċertu proporzjon ta’ kandidati proposti mis-sindakati, peress li d-dritt applikabbli jimponi tali votazzjoni separata f’dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-bord superviżorju tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE.

    31

    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha u, skont il-każ, l-oriġini tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, dan tal-aħħar jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 13(3)(a) ta’ din id-direttiva, fil-każ ta’ SE kkostitwita permezz ta’ trasformazzjoni, il-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema applikabbli għal din l-SE, jipprevedi, “mill-inqas l-istess livell ta’ l-elementi kollha ta’ l-involviment tal-ħaddiema bħal dawk li jeżistu fil-kumpanija li trid tiġi trasformata f’SE”.

    33

    Fir-rigward tal-espressjoni “l-elementi kollha ta’ l-involviment”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2001/86 tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(h) tagħha, l-“involviment tal-ħaddiema” bħala li jkopri “kull mekkaniżmu, inklużi t-tagħrif, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, li permezz tagħhom ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu ġewwa l-kumpanija”. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kunċett ta’ “parteċipazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(k) tagħha bħala “l-influwenza tal-korp tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-affarijiet tal-kumpanija”, “permezz tad-dritt li jeleġġu jew jaħtru wħud mill-membri ta’ l-organu superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija” jew “tad-dritt li jirrakkomandaw u/jew jopponu l-ħatra ta’ wħud mill-membri jew il-membri kollha ta’ l-organu superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija”.

    34

    Għalhekk, minn naħa, minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li l-“parteċipazzjoni” tikkostitwixxi, bħala tali, mekkaniżmu li permezz tiegħu r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan l-impriża, billi jeżerċitaw, jew id-dritt tagħhom li jeleġġu, jew li jaħtru ċerti membri tal-korpi ta’ superviżjoni jew ta’ amministrazzjoni tal-kumpannija, jew id-dritt tagħhom li jirrakkomandaw din il-ħatra jew li jopponuha. Fid-dawl tal-espressjoni “l-elementi kollha” użata fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-elementi kollha li jikkaratterizzaw il-metodu ta’ parteċipazzjoni inkwistjoni, li huma ta’ natura li jippermettu lill-korp li jirrappreżenta lill-ħaddiema jew lir-rappreżentanti tagħhom jeżerċitaw influwenza fuq in-negozju tal-kumpannija, bħal, b’mod partikolari, il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ elezzjoni, ta’ ħatra, ta’ rakkomandazzjoni jew ta’ oppożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ ftehim dwar SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni.

    35

    Min-naħa l-oħra, l-imsemmija definizzjonijiet jirreferu għall-kunċett ta’ “rappreżentanti tal-ħaddiema”, li, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/86, jirreferi “[għar-]rappreżentanti tal-ħaddiema pprovduti skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali”. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddefinixxiex dan il-kunċett, iżda sempliċement irrefera f’dan ir-rigward għal-liġijiet u/jew għall-prattiki nazzjonali.

    36

    L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tal-espressjoni “mill-inqas l-istess livell […] bħal [dak] li jeżist[i] fil-kumpanija li trid tiġi trasformata f’SE”, li tinsab fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva.

    37

    Fil-fatt, sa fejn jirreferu għal-livell ta’ involviment li jeżisti fil-kumpannija qabel it-trasformazzjoni tagħha f’SE, dawn it-termini jirreferu manifestament għal-leġiżlazzjoni u/jew għall-prattiki nazzjonali fl-Istat Membru tas-sede ta’ din il-kumpannija, jiġifieri, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Minn dan isegwi li huma l-partijiet għall-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema fi ħdan l-SE li għandhom jivverifikaw li l-livell ta’ involviment tal-ħaddiema previst minnu huwa, għall-elementi kollha ta’ dan l-involviment, tal-inqas ekwivalenti għal dak iffissat minn din il-leġiżlazzjoni.

    38

    L-analiżi tal-kliem tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 għalhekk diġà turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tad-definizzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-livell ta’ involviment tagħhom li għandu jiġi ppreżervat, tal-inqas b’mod ekwivalenti, fil-każ ta’ kostituzzjoni ta’ SE permezz ta’ trasformazzjoni, irrefera għal-leġiżlazzjoni u/jew għall-prattiki nazzjonali tal-Istat Membru tas-sede tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE. Għalhekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-parteċipazzjoni, kemm id-determinazzjoni tal-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentaw lill-ħaddiema kif ukoll dik tal-elementi karatteristiċi tal-parteċipazzjoni li jippermettu lill-imsemmija rappreżentanti tal-ħaddiema jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan l-impriża, permezz tal-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva, jeħtieġu li jsir riferiment għall-evalwazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mil-leġiżlatur nazzjonali kif ukoll għall-prattiki nazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2001/86, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra preċiżament li d-diversità kbira tar-regoli u tal-prattiki eżistenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-mod kif ir-rappreżentanti tal-impjegati huma involuti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-kumpanniji kienet tirrendi mhux xierqa l-introduzzjoni ta’ mudell Ewropew uniku ta’ involviment tal-impjegati applikabbli għall-SE.

    39

    Minn dan isegwi li jekk element proċedurali stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal, f’dan il-każ, il-votazzjoni speċifika għall-elezzjoni tal-kandidati proposti minn sindakati għal numru definit ta’ siġġijiet fi ħdan il-bord ta’ superviżjoni ta’ kumpannija, bħala rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan dan il-bord, jikkostitwixxi element karatteristiku tas-sistema nazzjonali ta’ parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, introdotta bil-għan li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u li din il-leġiżlazzjoni tattribwilha, bħal f’dan il-każ, natura imperattiva, dan l-element proċedurali għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti minn “l-elementi kollha ta’ l-involviment tal-ħaddiema”, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86. Dan l-element proċedurali għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ftehim dwar il-modalitajiet ta’ involviment previst minn din l-istess dispożizzjoni.

    40

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, dan isostni l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirriżerva trattament partikolari għall-SE kkostitwiti permezz ta’ trasformazzjoni sabiex ma jiġux ippreġudikati d-drittijiet ta’ involviment li l-ħaddiema tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE jibbenefikaw minnhom skont il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattiki nazzjonali.

    41

    Għalhekk, qabel kollox, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jelenka l-elementi differenti li l-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema fi ħdan l-SE għandu jinkludi, fejn, jekk ikun applikabbli, in-numru tal-membri tal-korp amministrattiv jew superviżorju tal-SE li l-ħaddiema huma intitolati jeleġġu, jaħtru, jirrakkomandaw jew jopponu, il-proċeduri sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jeleġġu, jaħtru jew jirrakkomandaw dawn il-membri jew jopponu l-ħatra tagħhom, kif ukoll id-drittijiet tagħhom. Issa, din id-dispożizzjoni tipprevedi li hija tapplika “bla ħsara għall-paragrafu 4” ta’ dan l-istess artikolu, b’tali mod li dan l-aħħar paragrafu ma jistax jiġi analizzat bħala dispożizzjoni derogatorja, li għandha tiġi interpretata b’mod strett.

    42

    Sussegwentement, mill-premessa 10 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, f’każ ta’ ħolqien ta’ SE, b’mod partikolari permezz ta’ trasformazzjoni, hemm riskju ikbar ta’ tmiem jew dgħufija tas-sistemi u tal-prattiki ta’ parteċipazzjoni eżistenti.

    43

    L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, mogħtija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza hija, fit-tielet lok, konformi mal-għan imfittex minn din id-direttiva. Fil-fatt, skont il-premessa 18 ta’ din id-direttiva, “[H]uwa prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta[l-imsemmija] Direttiva illi tiżgura d-drittijiet miksuba tal-ħaddiema rigward l-involviment fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija”. Din il-premessa tipprovdi wkoll li “[i]d-drittijiet tal-ħaddiema fis-seħħ qabel l-istabbiliment ta’ SE għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet ta’ l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (il-prinċipju ta’ ‘qabel u wara’)”. Għalhekk mid-Direttiva 2001/86 jirriżulta li l-garanzija tad-drittijiet miksuba li ried il-leġiżlatur tal-Unjoni timplika mhux biss iż-żamma tad-drittijiet miksuba tal-impjegati fil-kumpanija li għandha tiġi trasformata f’SE, iżda wkoll l-estensjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-impjegati kollha tal-SE (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi,C‑635/11, EU:C:2013:408, punti 4041).

    44

    Għandu jingħad ukoll, kif jirriżulta wkoll mill-premessi 10 u 15 tad-Direttiva 2001/86 kif ukoll mill-Artikolu 11 ta’ din l-istess direttiva, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi r-riskju li l-ħolqien ta’ SE, b’mod partikolari permezz ta’ trasformazzjoni, iwassal għal dgħufija, jew anki għat-tmiem, tad-drittijiet ta’ involviment li l-ħaddiema tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE kienu jibbenefikaw minnhom skont il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattiki nazzjonali.

    45

    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, li tirriżulta mill-punti 32 sa 44 ta’ din is-sentenza, hija sostnuta wkoll mill-oriġini ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minn naħa, kif irrikonoxxew il-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet u kif jirriżulta mir-rapport finali tal-grupp ta’ esperti “Systèmes européens d’implication des salariés” (rapport Davignon) tax-xahar ta’ Mejju 1997 (C4‑0455/97), is-sistema applikabbli għall-SE permezz ta’ trasformazzjoni kienet tikkostitwixxi, matul in-negozjati għall-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, il-punt prinċipali ta’ kontenzjoni. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż esprima tħassib, b’mod partikolari, dwar ir-riskju li l-ħolqien ta’ SE permezz ta’ trasformazzjoni jwassal għal tnaqqis fil-livell tal-involviment tal-ħaddiema tal-kumpannija li kellha tinbidel. Huwa biss bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni li tkopri speċifikament l-ipoteżi tal-ħolqien ta’ SE permezz ta’ trasformazzjoni u li tiggarantixxi li tali ħolqien ma jwassalx għal dgħufija tal-livell ta’ involviment tal-ħaddiema eżistenti fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata, dispożizzjoni li finalment tinsab fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86, li l-proċess ta’ adozzjoni ta’ din id-direttiva seta’ jkompli.

    46

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema applikabbli għal SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni għandu jipprevedi votazzjoni separata għall-elezzjoni, bħala rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju ta’ SE, ċertu proporzjon ta’ kandidati proposti mis-sindakati, peress li d-dritt nazzjonali applikabbli jimponi tali votazzjoni separata għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-bord superviżorju tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE.

    47

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, huwa fid-dawl tad-dritt Ġermaniż kif kien japplika għal SAP qabel ma ġiet ittrasformata f’SE, b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tal-MitbestG, moqri flimkien mal-Artikolu 16(2) tiegħu, li għandu jiġi evalwat jekk il-ftehim ta’ involviment jiggarantixxix livell mill-inqas ekwivalenti ta’ involviment tal-ħaddiema fit-teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan din il-kumpannija wara t-trasformazzjoni tagħha f’SE.

    48

    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kif imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, sa fejn il-garanzija tad-drittijiet miksuba mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni timplika mhux biss iż-żamma tad-drittijiet miksuba tal-ħaddiema fil-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE, iżda wkoll l-estensjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-ħaddiema kollha ta’ SE, il-ħaddiema kollha tal-SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni għandhom jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE.

    49

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-ħaddiema kollha ta’ SAP għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura elettorali preskritta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, u dan anki fl-assenza ta’ indikazzjoni f’dan is-sens f’din il-leġiżlazzjoni. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-punt 55 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, sabiex jiġu ppreservati kompletament id-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema, sabiex jiġu promossi l-għanijiet soċjali tal-Unjoni kif stabbiliti fil-premessa 3 tad-Direttiva 2001/86 u sabiex tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ proċeduri ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq livell transnazzjonali, id-dritt li tipproponi ċertu proporzjon tal-kandidati għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan bord superviżorju ta’ SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni, bħalma hija SAP, ma jistax jiġi rriżervat għas-sindakati Ġermaniżi biss, iżda għandu jiġi estiż għas-sindakati kollha rrappreżentati fi ħdan l-SE, is-sussidjarji tagħha u l-istabbilimenti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn dawn is-sindakati fir-rigward ta’ dan id-dritt.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema applikabbli għal SE maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni, kif previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jipprevedi votazzjoni separata bil-għan li jeleġġi, bħala rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju tal-SE, ċertu proporzjon ta’ kandidati proposti mis-sindakati, meta d-dritt nazzjonali applikabbli jimponi tali votazzjoni separata għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-bord superviżorju tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE, l-ugwaljanza ta’ trattament bejn il-ħaddiema ta’ din l-SE, is-sussidjarji tagħha u l-istabbilimenti tagħha kif ukoll bejn is-sindakati rappreżentati hemmhekk għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ din il-votazzjoni.

    Fuq l‑ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    l-ftehim li jirrigwarda l-modalitajiet dwar l-involviment tal-ħaddiema applikabbli għal kumpannija Ewropea (SE) maħluqa permezz ta’ trasformazzjoni, kif previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jipprevedi votazzjoni separata bil-għan li jeleġġi, bħala rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-bord superviżorju tal-SE, ċertu proporzjon ta’ kandidati proposti mis-sindakati, meta d-dritt nazzjonali applikabbli jimponi tali votazzjoni separata għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-bord superviżorju tal-kumpannija li għandha tiġi ttrasformata f’SE, l-ugwaljanza ta’ trattament bejn il-ħaddiema ta’ din l-SE, is-sussidjarji tagħha u l-istabbilimenti tagħha kif ukoll bejn is-sindakati rappreżentati hemmhekk għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ din il-votazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.

    Fuq