EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62021CJ0433

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2022.
Agenzia delle Entrate vs Contship Italia SpA.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji – Sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli abbażi ta’ dħul minimu preżunt – Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema fiskali tal-kumpanniji u tal-entitajiet ikkwotati fis-swieq irregolati nazzjonali.
Kawżi magħquda C-433/21 u C-434/21.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:760

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

6 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji – Sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli abbażi ta’ dħul minimu preżunt – Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema fiskali tal-kumpanniji u tal-entitajiet ikkwotati fis-swieq irregolati nazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C‑433/21 u C‑434/21,

Li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Lulju 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2021, fil-proċeduri

Agenzia delle Entrate

vs

Contship Italia SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen (relatur), President tal-Awla, M. Safjan u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Contship Italia SpA, minn F. d’Ayala Valva, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, D. G. Pintus u F. Urbani Neri, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u P. Rossi, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ Libertà ta’ stabbiliment sanċit fl-Artikolu 49 TFUE.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet, li l-fatti tagħhom huma identiċi ħlief għas-snin fiskali kkonċernati, jiġifieri s-sena 2005 fil-Kawża C‑433/21 u s-sena 2004 fil-Kawża C‑434/21, bejn Contship Italia SpA (iktar ’il quddiem “Contship”), bħala kumpannija li qed tinkorpora u aventi kawża ta’ Borgo Supermercati Srl, u l-Agenzia delle Entrate (l-Awtorità tat-Taxxa, l-Italja), dwar l-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 30(1) tal-legge n. 724 – Misure di razionalizzazione della finanza pubblica (il-Liġi Nru 724 dwar Miżuri ta’ Razzjonalizzazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi), tat-23 ta’ Diċembru 1994 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 304, tat-30 ta’ Diċembru 1994), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 724/1994”), kien jipprevedi:

“Il-kumpanniji b’kapital azzjonarju, in akkomandita b’kapital azzjonarju, b’responsabbiltà limitata, f’isem kollettiv u in akkomandita sempliċi, kif ukoll il-kumpanniji u l-entitajiet ta’ kull tip mhux residenti, li għandhom stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali, huma kkunsidrati, bla ħsara għal prova kuntrarja, bħala kumpanniji tal-isem jekk l-ammont totali tad-dħul, taż-żidiet fil-bilanċ u r-rikavat, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma straordinarji, li jirriżultaw mir-rapport tal-profitt u t-telf, meta dan ikun obbligatorju, ikun inqas mis-somma tal-ammonti li jirriżultaw bl-applikazzjoni tal-perċentwali li ġejjin: a) 1 % tal-valur tal-beni indikati fl-Artikolu 53(1)(c) tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 917 – Approvazione del testo unico delle imposte sui redditi (id-Digriet Nru 917 tal-President tar-Repubblika li japprova t-test uniku dwar it-taxxi fuq id-dħul), tat-22 ta’ Diċembru 1986 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 302, tal-31 ta’ Diċembru 1986), anki jekk jikkostitwixxu assi finanzjarji fissi, miżjud bil-valur tal-krediti; b) 4 % tal-valur tal-assi fissi kkostitwiti minn proprjetà immobbli u tal-beni indikati fl-Artikolu 8 bis(1)(a) tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 633 – Istituzione e disciplina dell’imposta sul valore aggiunto (id-Digriet Nru 633 tal-President tar-Repubblika li Jistabbilixxi u li Jirregola t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tas-26 ta’ Ottubru 1972 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 292, tal-11 ta’ Novembru 1972, p. 2), fil-formulazzjoni emendata tiegħu, inkluż f’lokazzjoni; c) 15 % tal-valur tal-assi fissi l-oħra, inkluż f’lokazzjoni.

[…]

Id-dispożizzjonijiet stipulati iktar ’il fuq ma japplikawx: […]

5) għall-kumpanniji u għall-entitajiet li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati Taljani; […]”.

4

L-Artikolu 1(109) tal-legge n. 296 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2007) (Il-Liġi Nru 296 li Tipprevedi Dispożizzjonijiet għat-tfassil tal-baġit annwali u pluriennali tal-Istat (il-Liġi Finanzjarja 2007)], tas-27 ta’ Diċembru 2006 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 299, tas-27 ta’ Diċembru 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 296/2006”), estenda, b’effett mis-sena fiskali li kienet applikabbli għall-4 ta’ Lulju 2006, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni prevista fil-punt(5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, “għall-kumpanniji u għall-entitajiet li jikkontrollaw kumpanniji u entitajiet li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati Taljani u barranin, kif ukoll għall-kumpanniji u għall-entitajiet infushom li huma kkwotati u għall-kumpanniji kkontrollati minnhom, anki jekk indirettament”.

It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

5

Borgo Supermercati kienet kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-Dritt Taljan li kienet miżmuma 100 % minn Eurokai KGaA, ikkwotata fil-Borża fil-Ġermanja. Matul is-snin fiskali 2004 u 2005, Borgo Supermercati kienet “holding passiv”, fejn l-attività tagħha kienet tikkonsisti esklużivament fil-ġestjoni tas-sehem tagħha fil-kapital Mika Srl, fejn hija kienet l-uniku azzjonist.

6

Permezz ta’ żewġ kontijiet tat-taxxa, li jirrigwardaw is-snin fiskali 2004 u 2005, l-Awtorità tat-Taxxa qieset, b’applikazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 724/1994, li Borgo Supermercati kienet tissodisfa l-kriterji sabiex tkun tista’ titqies bħala kumpannija tal-isem u, konformement ma dan l-artikolu ddeterminat id-dħul taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji (IRES) ta’ din il-kumpannija, billi bnietu bi tluq mill-valur tal-attiv, waħdu, miżmum mill-imsemmija kumpannija, jiġifieri s-sehem ta’100 % fil-kapital ta’ Mika.

7

Borgo Supermercati ppreżentat żewġ rikorsi kontra dawn iż-żewġ kontijiet tat-taxxa quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Genova (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Genova, l-Italja), li min-naħa tagħha ċaħdet dawn iż-żewġ rikorsi fit-totalità tagħhom.

8

Borgo Supermercati ppreżentat żewġ appelli mid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Genova quddiem il-Commissione tributaria regionale della Liguria (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Liguria, l-Italja), li laqgħet parzjalment dawn iż-żewġ appelli.

9

Il-Commissione tributaria regionale della Liguria (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Liguria) iddeċidiet li l-fatt li Borgo Supermercati kienet miżmuma minn kumpannija kkwotata fil-Borża fil-Ġermanja, matul is-sena fiskali inkwistjoni, kien jippermetti l-estensjoni, fil-konfront tagħha, tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem prevista fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kien limitat, fid-data ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għall-kumpanniji kkwotati direttament fis-suq irregolat Taljan. Din l-interpretazzjoni estensiva hija meħtieġa abbażi tal-prinċipju li jgħid li huwa raġonevoli u opportun li r-raġuni ta’ esklużjoni relatata mal-kwotazzjoni fil-Borża tiġi interpretata konformement mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, minkejja li l-leġiżlatur ippreveda tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 biss wara r-riforma introdotta bil-Liġi Nru 296/2006.

10

L-Awtorità tat-Taxxa u Contship, li fil-frattemp kienet inkorporat lil Borgo Supermercati, appellaw mid-deċiżjonijiet tal-Commissione tributaria regionale della Liguria (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Liguria) quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju.

11

Insostenn tal-appelli tagħha, Contship issostni, essenzjalment, li l-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li kellha 100 % tal-azzjonijiet ta’ Borgo Supermercati kellha, abbażi ta’ interpretazzjoni koerenti tal-corpus leġiżlattiv, tiġi assimilata għal “kumpanniji u entitajiet li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati Taljani”, imsemmija fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u, għaldaqstant, is-sussidjarja ta’ din il-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż kellha tiġi eskluża ex lege mill-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem. Fil-fatt, skont Contship, interpretazzjoni tal-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, fil-formulazzjoni tiegħu sussegwenti għall-Liġi Nru 296/2006, li ma ssegwix l-approċċ deskritt iktar ’il fuq twassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tal-entità ta’ kontroll u tippreġudika kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà ekonomika u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

12

Fl-opinjoni ta’ Contship, l-interpretazzjoni tagħha hija kkonfermata mill-emenda magħmula għall-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, bil-Liġi Nru 296/2006, li kienet, b’xi mod, għamlet il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata konformi mal-prinċipji inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

13

Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem, prevista fl-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 724/1994, hija intiża li tiskoraġġixxi l-użu ta’ forma ġuridika speċifika għal finijiet oħra għajr dawk li jmexxu d-dinamika normali tal-entitajiet kummerċjali kollettivi. Dik il-qorti tispeċifika li l-imsemmija sistema fiskali tapplika biss għall-kumpanniji kummerċjali bi skop ta’lukru, inklużi l-istabbilimenti permanenti ta’ kumpanniji barranin u l-kumpanniji msejħa “ekstraterritorjali”.

14

L-imsemmija qorti tosserva li l-identifikazzjoni tal-kumpanniji suġġetti għall-imsemmija sistema fiskali titwettaq permezz tal-applikazzjoni ta’ test magħruf bħala tan-“natura operattiva” li huwa msejjes fuq evalwazzjoni tal-produttività tal-attivi miżmuma minn dawn il-kumpanniji f’relazzjoni ma parametri ta’ dħul minimu ddeterminati minn qabel bil-liġi. Għalhekk, meta, għas-sena fiskali kkonċernata, kumpannija tiddikjara dħul li jkun inqas mis-somma li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn il-parametri ta’ dħul minimu, jiġi preżunt li din il-kumpannija ma għandiex natura operattiva u dan iwassal għad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli abbażi tad-dħul minimu preżunt bil-liġi.

15

Il-qorti tar-rinviju tkompli tesponi li l-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 724/1994 jipprevedi wkoll raġunijiet ta’ esklużjoni mill-applikazzjoni tal-imsemmija sistema fiskali. Fost dawn ir-raġunijiet ta’ esklużjoni hemm dak previst fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kien jipprevedi li s-sistema kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem ma kinitx tapplika “għall-kumpanniji u għall-entitajiet li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati Taljani”.

16

Dik il-qorti tenfasizza li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 ġie estiż bil-Liġi Nru 296/2006, b’effett mis-sena fiskali li kienet applikabbli għall-4 ta’ Lulju 2006, “għall-kumpanniji u għall-entitajiet li jikkontrollaw kumpanniji u entitajiet li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati Taljani u barranin, kif ukoll għall-kumpanniji u għall-entitajiet infushom li huma kkwotati u għall-kumpanniji kkontrollati minnhom, anki jekk indirettament”. Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) madankollu tqis li din l-emenda ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u li l-formulazzjoni tal-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 hekk kif kienet qabel din l-emenda ma tippermettix li tiġi adottata interpretazzjoni li tgħid li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni ta’esklużjoni applikabbli għas-sussidjarji tal-kumpanniji kkwotati, fl-Italja jew f’pajjiż barrani, setgħet kienet diġà applikabbli fiż-żmien ta’ meta seħħew dawn il-fatti.

17

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment, sanċiti rispettivament fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 49 TFUE.

18

Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, minn naħa, il-punt (5) l-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 jista’ jwassal għal diskriminazzjoni, fis-sens strett tal-kelma, bejn il-kumpanniji li joħorġu titoli negozjabbli fis-swieq irregolati Taljani u l-kumpanniji kkwotati fi swieq barranin. Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-raġuni ta’ esklużjoni kkonċernata, li tista’ potenzjalment tammonta għal vantaġġ fiskali, ma ġietx estiża għall-kumpanniji omm ikkwotati fi swieq irregolati Taljani u barranin, jista’ jipproduċi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, bl-effett dissważiv li jirriżulta minn dan għall-kumpanniji li, għalkemm ma humiex residenti u ma għandhomx stabbilimenti permanenti, għandhom madankollu l-intenzjoni li jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment sekondarja fl-Italja billi jikkontrollaw kumpanniji residenti f’dan il-pajjiż.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm fil-Kawża C‑433/21 kif ukoll fil-Kawża C‑434/21, id-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 18 (li kien l-Artikolu 12 TKE) u 49 (ex Artikolu 43 TKE) tat-TFUE jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, bħall-[punt (5) tal-]Artikolu 30(1)[…] tal-[Liġi Nru 724/1994], teskludi [mill-kamp ta’ applikazzjoni tas]-sistema fiskali kontra l-evażjoni tal-kumpanniji li ma joperawx [għall-kumpanniji tal-isem] – ibbażata fuq l-iffissar ta’ standards minimi ta’ dħul u ta’ profitti, marbuta mal-valur ta’ assi determinati [attivi] tal-kumpannija, li n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħhom huwa indikazzjoni tan-natura mhux operattiva tal-kumpannija [li l-kumpannija hija waħda tal-isem] u jinvolvi d-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli b’mod preżunt – biss lill-kumpanniji u lill-entitajiet li l-ishma [it-titoli] tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati Taljani u mhux ukoll lill-kumpanniji u lill-entitajiet li l-ishma tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati f’pajjiżi barranin, kif ukoll lill-kumpanniji li jikkontrollaw jew li huma kkontrollati, anki indirettament, mill-istess kumpanniji u entitajiet ikkwotati?”

20

Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2021, il-kawżi preżenti ġew magħquda għall-finijiet kemm tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

21

Il-Gvern Taljan jeċċepixxu l-inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari minħabba n-natura ipotetika tad-domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi magħquda.

22

Dan il-gvern isostni li r-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem, prevista fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, kienet tapplika biss, fid-data ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għall-kumpanniji u għall-entitajiet li t-titoli tagħhom kienu nnegozjati fis-swieq irregolati Taljani u li, konsegwentement, peress li Contship qatt ma ħarġet titoli, la fis-suq Taljan u lanqas f’suq barrani, hija ma tistax issostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward tagħha.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali aditi bit-tilwima fil-kawża prinċipali u li għandhom jassumu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li trid tittieħed li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu l-ġudizzju tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 3435; tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 28).

24

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma għandux jiġi vverifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25, tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijet tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm Contship qatt ma ħarġet titoli la fis-suq Taljan u lanqas f’suq barrani, in-natura diskriminatorja tar-raġuni ta’ esklużjoni prevista fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 tista’ tirriżulta minn differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji sussidjarji tal-kumpanniji li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fis-swieq irregolati Taljani u l-kumpanniji sussidjarji tal-kumpanniji li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati barranin.

26

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, ukoll, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandiex effett dissważiv għall-kumpanniji kkwotati fi swieq irregolati barranin li, għalkemm ma humiex residenti u ma għandhomx stabbilimenti permanenti, għandhom madankollu l-intenzjoni li jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment sekondarja tagħhom fl-Italja billi jikkontrollaw kumpanniji residenti f’dan il-pajjiż.

27

Għalhekk, ma jirriżultax b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

28

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid‑dritt tal‑Unjoni li fir‑rigward tagħhom it‑Trattat FUE ma jistabbilixxix regoli speċifiċi dwar nondiskriminazzjoni. Issa, fil‑qasam tad‑dritt ta’ stabbiliment, il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat permezz tal‑Artikolu 49 TFUE (sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C‑193/94, EU:C:1996:70, punti 2021, kif ukoll tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 25, u d-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2021, O et, C‑691/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:895, punti 2021).

30

Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawżi prinċipali jirrigwardaw kumpannija Taljana kkontrollata minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 49 TFUE huwa d-dispożizzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 91, u tat-3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 52).

31

Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, iżda esklużivament interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

Fuq il-libertà ta’ stabbiliment

32

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-libertà ta’ stabbiliment sanċita fl-Artikolu 49 TFUE tipprekludi leġiżlazzjoni, bħal ma huwa l-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tillimita l-benefiċċju tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni fuq il-kumpanniji tal-isem biss għall-kumpanniji li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fis-swieq irregolati nazzjonali, filwaqt li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ esklużjoni l-kumpanniji l-oħra, nazzjonali jew barranin, li t-titoli tagħhom ma humiex innegozjati fis-swieq irregolati nazzjonali, iżda li huma kkontrollati minn kumpanniji u minn entitajiet ikkwotati fi swieq irregolati barranin.

33

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Din il-libertà tinkludi, konformement mal-Artikolu 54 TFUE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni prinċipali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C‑307/97, EU:C:1999:438, punt 35, u tal-20 ta’ Jannar 2021, Lexel, C‑484/19, EU:C:2021:34, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 54 TFUE, u tipprojbixxi, fir-rigward tal-kumpanniji, kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tal-uffiċju rreġistrat tagħhom (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 43, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, ma humiex ipprojbiti biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji, iżda hija pprojbita wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal, de facto, għall-istess riżultat (sentenzi tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 30, tat-3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 62, u tal-25 ta’ Frar 2021, Novo Banco, C‑712/19, EU:C:2021:137, punt 31).

36

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, distinzjoni skont il-post fejn jiġu nnegozjati t-titoli inkwistjoni tista’ tkun koperta minn tali projbizzjoni.

37

Madankollu, f’dan il-każ, skont il-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jistgħu jibbenefikaw mir-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem biss dawk il-“kumpanniji u entitajiet li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fi swieq irregolati Taljani”.

38

Għalhekk, meqjus il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tirriżulta l-ebda differenza fit-trattament bejn kumpannija miżmuma minn kumpannija omm ikkwotata fil-Ġermanja, bħal ma hija Contship, u kumpannija miżmuma minn kumpannija omm ikkwotata fl-Italja. Fil-fatt, peress li din il-leġiżlazzjoni tagħti l-benefiċċju tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem, prevista fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, biss lill-kumpanniji nfushom li huma kkwotati fis-suq irregolat Taljan, il-fatt li kumpannija tkun is-sussidjarja ta’ kumpannija omm ikkwotata fl-Italja jew f’pajjiż barrani huwa irrilevanti.

39

Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Contship qatt ma kienet ħarġet titoli fis-suq irregolat Taljan u, għal din ir-raġuni, hija ma kinitx tibbenefika mir-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem, prevista fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, l-istess bħal kull kumpannija Taljana oħra kkwotata. Għaldaqstant, anki li kieku Contship, minflok ma kienet ikkontrollata minn kumpannija kkwotata fil-Ġermanja, kienet ikkontrollata minn kumpannija kkwotata fl-Italja, hija xorta waħda ma kinitx tkun tista’ tinvoka r-raġuni ta’ esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-applikazzjoni tal-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 ma tista’ tirriżulta ebda differenza fit-trattament bejn il-kumpannija miżmuma minn kumpannija omm ikkwotata f’suq barrani u kumpannija miżmuma minn kumpannija omm ikkwotata f’suq Taljan.

41

Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE u li tali effetti restrittivi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari meta, minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali, kumpannija tiġi skoraġġuta milli toħloq entitajiet subordinati, bħal stabbiliment permanenti, fi Stati Membri oħra u li teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ tali entitajiet (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Vivendi, C‑719/18, EU:C:2020:627, punt 51, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2021, O et, C‑691/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:895, punt 23).

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-prinċipju tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri, fl-assenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati fuq livell tal-Unjoni, huma dawn tal-aħħar li għandhom jiddeterminaw is-sistema fiskali applikabbli għall-kumpanniji li huma preżunti biss tal-isem. Madankollu, tali kompetenza għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal- libertà ta’ stabbiliment (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C‑262/09, EU:C:2011:438, punti 3738, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities, C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, madankollu, mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirriżulta li, meta kumpannija omm hija kkwotata f’suq irregolat Taljan, is-sussidjarja tagħha ma tistax tibbenefika mir-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem, prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, jekk din is-sussidjarja nnifisha ma tkunx ikkwotata.

44

Minn dan jirriżulta li ebda trattament fiskali vantaġġuż għas-sussidjarji ma huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-kumpanniji omm jkunu kkwotati fil-borża nazzjonali.

45

Għalhekk, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tiffavorixxix lill-kumpanniji miżmuma minn kumpanniji omm ikkwotati f’suq irregolat nazzjonali, li jixtiequ jibbenefikaw mir-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem, minn din il-leġiżlazzjoni ma jista’ jirriżulta ebda effett dissważiv għall-kumpanniji omm ikkwotati fi swieq barranin.

46

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, li r-raġuni ta’ esklużjoni prevista fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994 kienet tapplika biss għall-kumpanniji preżunti li huma biss tal-isem li t-titoli tagħhom kienu nnegozjati fi swieq irregolati Taljani u għalhekk kienet teskludi l-kumpanniji tal-isem ikkwotati fi swieq barranin, inklużi dawk tal-Istati Membri li ma humiex ir-Repubblika Taljana. Madankollu, din l-aħħar sitwazzjoni ma hijiex dik li tirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali u, għaldaqstant, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk tali trattament differenti għandux jitqies bħala diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment tkun tmur lil hinn mi8d-domandi magħmula u ma tkunx utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina s-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

47

Konsegwentement, limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem, prevista fil-punt (5) tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 724/1994, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma hijiex ta’ natura li tostakola jew li tagħmel inqas attraenti l-istabbiliment, fit-territorju Taljan, ta’ kumpannija omm ikkwotata f’suq irregolat barrani.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem għall-kumpanniji li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fis-swieq irregolati nazzjonali filwaqt li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ esklużjoni l-kumpanniji l-oħra, nazzjonali jew barranin, li t-titoli tagħhom ma humiex innegozjati fis-swieq irregolati nazzjonali, iżda li huma kkontrollati minn kumpanniji u minn entitajiet ikkwotati fi swieq irregolati barranin.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema fiskali kontra l-evażjoni għall-kumpanniji tal-isem għall-kumpanniji li t-titoli tagħhom huma nnegozjati fis-swieq irregolati nazzjonali filwaqt li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ esklużjoni l-kumpanniji l-oħra, nazzjonali jew barranin, li t-titoli tagħhom ma humiex innegozjati fis-swieq irregolati nazzjonali, iżda li huma kkontrollati minn kumpanniji u minn entitajiet ikkwotati fi swieq irregolati barranin.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: It-Taljan.

Fuq