Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62020CJ0161
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 5 April 2022.#European Commission v Council of the European Union.#Action for annulment – Council decision, contained in the act of the Permanent Representatives Committee (Coreper) of 5 February 2020, endorsing the submission to the International Maritime Organisation (IMO) concerning the introduction of life cycle guidelines to estimate well-to-tank greenhouse gas emissions of sustainable alternative fuels – Article 17(1) TEU – External representation of the European Union – Transmission of that submission to the IMO by the Member State holding the Presidency of the Council, on behalf of the Member States and the Commission.#Case C-161/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2022.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-att tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-5 ta’ Frar 2020 li tapprova s-sottomissjoni lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar l-introduzzjoni tal-linji gwida dwar iċ-ċiklu tal-ħajja għall‑istima tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra well‑to‑tank ta’ karburanti sostenibbli alternattivi – Artikolu 17(1) TUE – Rappreżentanza esterna tal-Unjoni Ewropea – Trażmissjoni ta’ din is-sottomissjoni lill-IMO mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
Kawża C-161/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2022.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-att tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-5 ta’ Frar 2020 li tapprova s-sottomissjoni lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar l-introduzzjoni tal-linji gwida dwar iċ-ċiklu tal-ħajja għall‑istima tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra well‑to‑tank ta’ karburanti sostenibbli alternattivi – Artikolu 17(1) TUE – Rappreżentanza esterna tal-Unjoni Ewropea – Trażmissjoni ta’ din is-sottomissjoni lill-IMO mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
Kawża C-161/20.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:260
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
5 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-att tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-5 ta’ Frar 2020 li tapprova s-sottomissjoni lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar l-introduzzjoni tal-linji gwida dwar iċ-ċiklu tal-ħajja għall‑istima tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra well‑to‑tank ta’ karburanti sostenibbli alternattivi – Artikolu 17(1) TUE – Rappreżentanza esterna tal-Unjoni Ewropea – Trażmissjoni ta’ din is-sottomissjoni lill-IMO mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni”
Fil-Kawża C‑161/20,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl‑14 ta’ April 2020,
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland, S. L. Kalėda, W. Mölls u E. Georgieva, sussegwentement minn J.-F. Brakeland, S. L. Kalėda u E. Georgieva, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn N. Rouam, K. Michoel, T. Haas u A. Norberg, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn V. Van Thuyne u W. Timmermans, advocaten,
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, D. Czechová, K. Najmanová u L. Březinová, bħala aġenti,
Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn J. Nymann-Lindegren, M. Jespersen, V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, sussegwentement minn V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn S. Chala, bħala aġent,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn J.-L. Carré, T. Stéhelin u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, H. S. Gijzen J. M. Hoogveld, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,
Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn O. Simonsson, J. Lundberg, C. Meyer‑Seitz, A. M. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, H. Shev, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Prechal, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, I. Jarukaitis, N. Jääskinen u I. Ziemele, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi (Relatriċi), A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2021,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Novembru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tinsab fl-att tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal‑5 ta’ Frar 2020 li tapprova s-sottomissjoni lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar l-introduzzjoni tal-linji gwida dwar iċ-ċiklu tal-ħajja għall‑istima tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra well‑to‑tank ta’ karburanti sostenibbli alternattivi, sabiex din tiġi trażmessa mill-Presidenza tal-Kunsill lill-IMO f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Riżoluzzjoni 65/276
2 |
Ir-Riżoluzzjoni 65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑3 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 65/276”), tistipula: “L-Assemblea Ġenerali, [...] Filwaqt li tirrikonoxxi li kull organizzazzjoni reġjonali għandha tiddefinixxi l-metodi tar-rappreżentanza esterna tagħha, Filwaqt li tfakkar ir-Riżoluzzjoni 3208 (XXIX) tagħha tal-11 ta’ Ottubru 1974 li permezz tagħha hija tat l-istatus ta’ osservatur lill-Komunità Ekonomika Ewropea, Filwaqt li tfakkar ukoll li, skont id-dispożizzjonijiet legali rilevanti, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet ruħha għall-Komunità Ewropea, li hija parti f’numru ta’ strumenti konklużi taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li assoċjat ruħha max-xogħlijiet ta’ diversi istituzzjonijiet speċjalizzati u korpi tan-Nazzjonijiet Uniti bħala osservatriċi jew bħala parteċipanti, [...] 1. [...] 2. Tiddeċiedi li tadotta l-modalitajiet stipulati fl-anness tar-riżoluzzjoni preżenti għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, fil-kwalità ta’ osservatriċi, fis-sessjonijiet u fix-xogħol tagħha u f’dawk tal-kummissjonijiet u tal-gruppi ta’ ħidma tagħha, fil-laqgħat u konferenzi internazzjonali organizzati taħt l-awspiċi tagħha, kif ukoll fil-konferenzi tan-Nazzjonijiet Uniti; [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
L‑istrumenti relatati mal-IMO
3 |
L-IMO, stabbilita permezz tal-Konvenzjoni li toħloq l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, iffirmata f’Genève fis‑6 ta’ Marzu 1948 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 289, p. 3), fil-verżjoni tagħha rilevanti għal din il-kawża, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni IMO”), hija istituzzjoni speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ambjent marittimu u tal-arja mill-vapuri. |
4 |
L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni IMO jipprevedi: “L-Istati kollha jistgħu jsiru Membri tal-Organizzazzjoni, bil-kundizzjonijiet previsti fil-Parti III.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
L-Istati Membri kollha huma partijiet fil-Konvenzjoni IMO. |
6 |
L-Unjoni, min-naħa l-oħra, ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni. |
7 |
L-Artikolu 25(a) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi: “Il-Kunsill [tal-IMO] jista’ jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti li jkopru r-relazzjoni tal-Organizzazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra [...].” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
8 |
Skont l-Artikolu 66 tal-imsemmija konvenzjoni: “L-[IMO] tista’, fuq kwistjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra li ma humiex aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, li madankollu l-interessi u l-attivitajiet tagħhom huma relatati mal-għanijiet tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
9 |
Fit‑28 ta’ Ġunju 1974, il-Kummissjoni, permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il-President tagħha u s-Segretarju Ġenerali tal-IMO, ikkonkludiet ftehim ta’ kooperazzjoni mal-IMO skont l-Artikolu 229 tat-Trattat KEE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1974”). Dan il-ftehim, li għadu fis-seħħ, jipprovdi, essenzjalment, li s-Segretarjat tal-IMO u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw u jikkonsultaw lil xulxin fl-oqsma ta’ interess komuni skont il-modalitajiet li għandhom jiġu ddefiniti bejniethom fuq bażi ta’ każ b’każ, għandhom jiskambjaw informazzjoni u għandhom iżommu lil xulxin informati dwar l-attivitajiet kollha u l-programmi ta’ ħidma kollha previsti li jistgħu jkunu ta’ interess għal xi waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-imsemmi ftehim, is-segretarjat tal-IMO għandu jistieden lill-Kummissjoni tibgħat osservaturi għall-konferenzi organizzati mill-IMO u għal-laqgħat tal-korpi tal-IMO li jista’ jkollhom effett fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-Unjoni. |
10 |
Minbarra l-korpi prinċipali tagħha, l-Assemblea, il-Kunsill u s-Segretarjat, l-IMO għandha ħames kumitati, fosthom il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu (iktar ’il quddiem il-“KPAM”) u l-Kumitat tas-Sigurtà Marittima, li għandhom setgħat deċiżjonali fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet adottati taħt l-awspiċi tagħha jew li barra minn hekk hija responsabbli għalihom. |
11 |
Id-dokument rivedut dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-metodi ta’ ħidma tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima u tal-KPAM u tal-korpi sussidjarji tagħhom (MSC‑MEPC.1/Circ.5/Rev.1 tat‑13 ta’ Ġunju 2018, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura KSM-KPAM”) jipprovdi, fil-punt 1.5 tiegħu, intitolat “Għanijiet”: “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dokument għandhom l-għan li jilħqu l-għanijiet li ġejjin: [...]
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
12 |
Skont ir-Regola 5(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KPAM, is-Segretarju Ġenerali ta’ dan il-kumitat għandu jagħmel stedina sabiex jiġu rrappreżentati minn osservaturi, f’kull sessjoni tal-imsemmi kumitat li fiha l-kwistjonijiet li jikkonċernawhom direttament jkunu fuq l-aġenda, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi l-oħra li magħhom ġie konkluż ftehim jew arranġament speċjali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi li magħhom l-IMO stabbilixxiet relazzjonijiet. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
13 |
Fost il-konvenzjonijiet konklużi taħt l-awspiċi tal-IMO hemm il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif issupplimentata minn żewġ protokolli adottati matul is-snin 1978 u 1997 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Marpol”). L-Istati Membri kollha huma partijiet f’din il-konvenzjoni, filwaqt li l-Unjoni ma hijiex. |
14 |
Skont il-Konvenzjoni Marpol, l-IMO adottat numru ta’ miżuri obbligatorji intiżi li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“GS”) mit-trasport marittimu internazzjonali. Bħalissa qed jiġu kkunsidrati miżuri oħra. |
15 |
Il-KPAM huwa l-korp deċiżjonali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Marpol. |
16 |
Il-Kunsill tal-IMO approva deċiżjoni tal-KPAM dwar l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma Intersessjonali dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-GS minn vapuri (Intersessional Working Group on Reduction of GHG Emissions from Ships, iktar ’il quddiem l-“GĦIS-GS”), inkarigat milli jirrapporta lill-KPAM matul is-sessjonijiet tiegħu. |
17 |
Il-KPAM ta mandat lill-GĦIS-GS sabiex jifformula proposti konkreti li jinkoraġġixxu l-użu ta’ karburanti alternattivi b’emissjonijiet ta’ karbonju baxx jew mingħajr tali emissjonijiet, u dawn il-proposti kellhom jirrigwardaw b’mod partikolari d-definizzjoni, għat-tipi kollha rilevanti ta’ karburanti, ta’ linji gwida dwar l-intensità tal-GS/karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll dwar it-tfassil ta’ sistemi ta’ inċentiv għall-użu tal-imsemmija karburanti alternattivi. |
18 |
Fil-kuntest ta’ dan il-mandat, waqt il-laqgħa tiegħu tal-11 sal-15 ta’ Novembru 2019, l-GĦIS-GS stieden “lill-Istati Membri kkonċernati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jippreżentaw proposti għal abbozzi ta’ linji gwida dwar l-intensità taċ-ċiklu tal-ħajja tal-GS/karbonju għat-tipi rilevanti kollha ta’ karburanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
19 |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni għaddiet lill-Kunsill dokument ta’ ħidma li joriġina mis-servizzi tagħha, intitolat “Union submission to the seventh meeting of the [ISWG-GHG] of the IMO in London from 23 to 27 March 2020 on the introduction of lifecycle guidelines to estimate well-to[-]tank greenhouse gas (GHG) emissions of sustainable alternative fuels to incentivise the uptake of sustainable alternative fuels at global level” (Sottomissjoni tal-Unjoni għas-7 laqgħa tal-[GĦIS-GS] tal-IMO f’Londra mit‑23 sas‑27 ta’ Marzu 2020 dwar l-introduzzjoni ta’ linji gwida dwar iċ-ċiklu tal-ħajja għall-istima tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GS) well-to-tank ta’ karburanti sostenibbli alternattivi sabiex tinċentiva l-użu ta’ karburanti sostenibbli alternattivi fil-livell globali” (SWD(2019) 456 final). |
20 |
F’dan id-dokument ta’ ħidma, il-Kummissjoni kienet tindika li s-sottomissjoni li kien hemm fl-anness tiegħu kienet taqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni u li din kienet ippreżentata lill-Kunsill sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fid-dawl tat-trażmissjoni tagħha lill-IMO. Barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-imsemmi dokument ta’ ħidma kien jippreċiża dan li ġej: “Il-proposti jew dokumenti ta’ informazzjoni li huma sottomessi lill-IMO dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esterna tal-[Unjoni] jikkostitwixxu atti ta’ rappreżentanza esterna. Dawn is-sottomissjonijiet għandhom jiġu ppreżentati minn attur tal-Unjoni li jista’ jirrappreżentaha barra skont it-Trattat, jiġifieri, għall-kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt il-[politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK)], il-Kummissjoni jew id-delegazzjoni tal-[Unjoni], skont l-Artikolu 17(1) TUE u l-Artikolu 221 TFUE.” |
21 |
Fl-aħħar, fis-sottotitolu tas-sottomissjoni stess, kien hemm imsemmi li din ġiet “ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
22 |
Fil‑31 ta’ Jannar 2020, il-grupp ta’ ħidma “Trasport marittimu” tal-Kunsill, minn naħa, iddeċieda li jipproponi lill-Coreper li s-sottomissjoni tiġi ppreżentata lill-IMO mhux f’isem l-Unjoni, iżda f’isem is-27 Stat Membru u l-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, wara li emenda, b’mod partikolari, is-sottotitolu tal-abbozz ta’ sottomissjoni tal-Kummissjoni, huwa stieden lill-Coreper japprova s-sottomissjoni hekk emendata, bil-għan tat-trażmissjoni tagħha lill-IMO mill-Presidenza tal-Kunsill. |
23 |
Fil‑5 ta’ Frar 2020, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Coreper approva s-sottomissjoni kif emendata (iktar ’il quddiem is-“sottomissjoni kontenzjuża”), bil-għan li tiġi trażmessa mill-Presidenza tal-Kunsill lill-IMO f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni. |
24 |
Permezz ta’ posta elettronika tas‑7 ta’ Frar 2020, ir-Repubblika tal-Kroazja, li, f’dik id-data, kellha l-presidenza tal-Kunsill, bagħtet is-sottomissjoni kontenzjuża lill-IMO f’isem is-27 Stat Membru u l-Kummissjoni. |
It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
25 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u żżomm l-effetti tagħha ratione temporis kif ukoll tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. |
26 |
Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tagħha. |
27 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Settembru, tal‑24 ta’ Settembru, tal‑25 ta’ Settembru, tal‑1 ta’ Ottubru, tas‑6 ta’ Ottubru, tat‑8 ta’ Ottubru u tat‑13 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
Fuq ir‑rikors
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
28 |
Ir-Repubblika Ellenika ssostni essenzjalment li r-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-premessa, ikkontestata mill-Kunsill, li l-Unjoni għandha l-istatus ta’ osservatur mal-IMO. Għalhekk, sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, preliminarjament, tinterpreta l-Konvenzjoni IMO sabiex tiddetermina jekk l-Unjoni għandhiex dan l-istatus jew le. Madanollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni għal dan il-għan, peress li l-imsemmija konvenzjoni ma tagħmilx parti mid-dritt tal-Unjoni. |
29 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax in-natura kontestabbli, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Coreper li tissottometti dokument ta’ riflessjoni lil kummissjoni stabbilita minn ftehim internazzjonali, sa fejn tali deċiżjoni hija intiża li tipproduċi effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punti 59 sa 67). |
30 |
Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li l-motivi invokati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huma bbażati fuq il-ksur tat-Trattati, peress li dan il-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-każijiet ta’ ftuħ tar-rikors għal annullament imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi. |
31 |
Ċertament, bħala prinċipju l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni ma hijiex parti fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Unjoni tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi tagħha, eżerċizzju bħal dan għandu jsir b’osservanza tad-dritt internazzjonali rilevanti (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9, u tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 127). |
33 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 263 TFUE, ir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali, sa fejn dan it-teħid inkunsiderazzjoni jirriżulta neċessarju sabiex tiġi deċiża l-kawża li tressqet quddiemha. |
34 |
Issa, f’dan il-każ, sabiex tiddeċiedi din it-tilwima, huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni IMO sabiex tiddetermina jekk l-Unjoni għandhiex jew le status fi ħdan din l-organizzazzjoni. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors tal-Kummissjoni. |
Fuq il‑mertu
36 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE, u, għaldaqstant, fuq il-kompetenza esterna eslużiva li għandha l-Unjoni, skont din id-dispożizzjoni, inkwantu l-att li għandu jiġi adottat minn korp maħluq permezz ta’ ftehim internazzjonali “[j]ista’ [j]olqot xi regoli komuni jew [i]biddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”. Min-naħa tiegħu, it-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tas-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE u, għaldaqstant, tal-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni. |
37 |
Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv. |
Fuq it‑tieni motiv
– L-argumenti tal-partijiet
38 |
Insostenn tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax il-PESK, hija għandha f’dan il-każ, konformement mas-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, is-setgħa ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni. Huwa għal din ir-raġuni, u fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam li tagħmel parti minnu s-sottomissjoni kontenzjuża, li hija kienet ipproponiet li din tiġi ppreżentata “mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea”. |
39 |
Il-Kummissjoni żżid li la r-regoli applikabbli għall-kooperazzjoni mal-IMO, fosthom il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1974, moqrija fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 65/276, u lanqas ir-regoli tal-proċedura KSM-KPAM, b’mod partikolari l-punt 1.5.6 tiegħu, ma kienu jipprekludu li l-imsemmija sottomissjoni tiġi ppreżentata f’isem l-Unjoni. |
40 |
Għall-kuntrarju, fir-rigward, minn naħa, tar-Riżoluzzjoni 65/276, din tirrikonoxxi l-qafas interistituzzjonali l-ġdid tal-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Din ir-riżoluzzjoni tenfasizza b’mod speċifiku li “hija kull organizzazzjoni reġjonali li għandha tiddefinixxi l-modalitajiet tar-rappreżentanza esterna tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Peress li dan ir-rikonoxximent huwa ta’ natura ġenerali, il-fatt li l-imsemmija riżoluzzjoni ma tapplikax għall-istituzzjonijiet speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti ma għandu ebda effett fuq ir-rilevanza tagħha sabiex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha fil-konfront ta’ dawn l-istituzzjonijiet speċjalizzati. Barra minn hekk, permezz ta’ nota verbali konġunta tas‑27 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill u l-Kummissjoni informaw lill-IMO bil-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri li, sa mill‑1 ta’ Diċembru 2009, “l-Unjoni Ewropea għandha teżerċita d-drittijiet kollha u għandha tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea, inkluż l-istatus tagħha fi ħdan l-organizzazzjoni” u li “l-bidliet li ser jirriżultaw f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet tar-rappreżentanza għandhom jiġu kkomunikati fi żmien xieraq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
41 |
Min-naħa l-oħra, il-punt 1.5.6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-KSM-KPAM jippermetti espressament il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li għandhom l-istatus ta’ osservatur fil-ħidma tal-KPAM. |
42 |
Issa, il-Kummissjoni tirrileva li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, is-sottomissjoni kontenzjuża ntbagħtet lill-IMO mill-Presidenza tal-Kunsill f’isem “l-Istati Membri u l-Kummissjoni”, u mhux f’isem l-Unjoni. |
43 |
Barra minn hekk, il-Kunsill żbalja meta qies li l-kompetenza tal-Unjoni kienet esklużiva għal parti biss mis-sottomissjoni kontenzjuża u li din kellha titqies li hija ibrida min-natura tagħha stess. Barra minn hekk, li kieku l-“Kummissjoni” kellha tinftiehem bħala riferiment indirett għall-Unjoni, id-deċiżjoni kkontestata kienet tipprekludi lill-Kummissjoni milli tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda din il-parti tal-imsemmija sottomissjoni. |
44 |
Fi kwalunkwe każ, is-setgħa ta’ rappreżentanza tal-Unjoni mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati timplika li l-Presidenza tal-Kunsill ma tista’ qatt tirrappreżenta ġuridikament lill-Unjoni u lanqas teżerċita l-kompetenzi esterni tagħha. Peress li t-trażmissjoni lill-IMO, permezz ta’ posta elettronika, tas-sottomissjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att ta’ rappreżentanza esterna, dan twettaq bi ksur tal-Artikolu 17(1) TUE. |
45 |
Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Unjoni mhijiex membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali bl-ebda mod ma jawtorizza lil Stat Membru, li jaġixxi individwalment fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-organizzazzjoni internazzjonali, jassumi impenji li jistgħu jaffettwaw regoli tal-Unjoni adottati sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattat. |
46 |
Barra minn hekk, l-emendi introdotti bit-Trattat ta’ Lisbona u li minnhom jirriżultaw, b’mod partikolari, l-Artikolu 1, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 47 TUE kif ukoll l-Artikolu 220 TFUE, għandhom effett fuq il-mod kif il-Komunità, li saret l-Unjoni, tipparteċipa fix-xogħol tal-istituzzjonijiet speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti. B’mod partikolari, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità, inklużi dawk marbuta mal-istatus tagħha fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali li magħhom il-Kummissjoni kienet tiżgura rabtiet skont l-Artikolu 229 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 302 KE). Barra minn hekk, dawn l-emendi ġuridiċi minn dak iż-żmien kienu ġeneralment rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. L-iktar manifestazzjoni notevoli ta’ dan ir-rikonoxximent hija preċiżament ir-Riżoluzzjoni 65/276. |
47 |
Skont il-Kunsill, sostnut mill-Istati Membri intervenjenti kollha, it-tieni motiv huwa infondat. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
48 |
Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, l-Artikolu 17(1) TUE jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza esklużiva sabiex tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, b’tali mod li hija din l-istituzzjoni li kellha tibgħat is-sottomissjoni inkwistjoni lill-IMO. Barra minn hekk, peress li din is-sottomissjoni seħħet f’qasam li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, din kellha tiġi ppreżentata f’isem l-Unjoni u mhux f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li, sa fejn l-argument tal-Kummissjoni jista’ jinftiehem bħala li jikkritika d-deċiżjoni kkontestata talli awtorizzat il-Presidenza tal-Kunsill tibgħat lill-IMO s-sottomissjoni inkwistjoni mhux biss f’isem l-Istati Membri iżda wkoll f’isem il-Kummissjoni, minkejja li l-Kummissjoni kienet opponiet dan, tali argument huwa manifestament tardiv, peress li tressaq għall-ewwel darba biss fir-replika. Għaldaqstant, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli. |
50 |
Fir-rigward tal-mertu ta’ dan il-motiv, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, skont il-kliem stess tas-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, bl-eċċezzjoni tal-PESK u tal-istanzi l-oħra previsti fit-Trattati, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni. |
51 |
Issa, din id-dispożizzjoni ma tintroduċi ebda distinzjoni li skontha l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna esklużiva tagħha skont l-Artikolu 3(2) TFUE jew teżerċita kompetenza esterna kondiviża mal-Istati Membri, kemm jekk hija tagħmel dan flimkien magħhom jew jekk il-Kunsill jipprevalixxi ruħu mill-possibbiltà li jiġbor fi ħdanu l-maġġoranza meħtieġa sabiex l-Unjoni teżerċita waħedha din il-kompetenza esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 126). |
52 |
Minn dan isegwi li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tirrappreżenta lill-Unjoni fl-eżerċizzju, minnha, tal-kompetenza esterna tagħha ma tistax tiddependi min-natura esklużiva jew kondiviża ta’ din il-kompetenza esterna, li hija tapplika biss għar-regoli interni tal-Unjoni li ma jorbtux lill-Istati terzi jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra. |
53 |
Fit-tieni lok, għalkemm huwa minnu li, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, it-Trattati jillimitaw il-kompetenza tagħha sabiex tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni biss bis-saħħa tad-derogi espressament imsemmija fl-Artikolu 17(1) TUE, xorta jibqa’ l-fatt li, kif diġà tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, meta l-Unjoni, bħala suġġett tad-dritt internazzjonali, tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi tagħha, tali eżerċizzju għandu jsir b’osservanza tad-dritt internazzjonali rilevanti. |
54 |
Issa, minn naħa, mill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni IMO jirriżulta li huma biss l-Istati li jistgħu jaderixxu magħha. B’hekk, għalkemm l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-IMO, l-Unjoni fiha nnifisha ma hijiex. |
55 |
Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, skont l-Artikolu 25a) ta’ din il-konvenzjoni, il-Kunsill tal-IMO jista’ jikkonkludi ftehimiet jew jadotta dispożizzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet l-oħra, u li, skont l-Artikolu 66 tal-imsemmija konvenzjoni, l-IMO tista’, għal kull kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, tikkollabora ma’ dawn l-organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra li, mingħajr ma jkunu istituzzjonijiet speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, ikollhom interessi u attivitajiet li huma relatati mal-għanijiet segwiti minnha. |
56 |
Barra minn hekk huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 229 tat-Trattat KEE, ikkonkludiet mal-IMO l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1974, li jipprevedi b’mod partikolari l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipparteċipa, bħala osservatriċi, fix-xogħol tal-IMO u li jippermettilha, għaldaqstant, li tittrażmetti, f’isimha stess, sottomissjoni lil din l-organizzazzjoni. |
57 |
Madankollu, huwa paċifiku li la l-Komunità u lanqas l-Unjoni, li ssostitwixxietha, ma kkonkludew ftehim mal-IMO, b’tali mod li l-Unjoni ma għandha ebda status fi ħdan din tal-aħħar. |
58 |
Issa, mill-atti tal-proċess u mid-dibattiti waqt is-seduta jirriżulta li l-istanzi tal-IMO jikkunsidraw, abbażi tat-testi applikabbli għal din l-organizzazzjoni, li huma biss l-organizzazzjonijiet intergovernattivi li magħhom hija kkonkludiet ftehimiet li jistgħu jipparteċipaw fix-xogħlijiet tagħha, b’mod partikolari permezz tad-depożitu ta’ sottomissjonijiet li jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ atti ġuridiċi. Barra minn hekk, huwa fuq il-bażi ta’ tali kunsiderazzjoni li, fl‑14 ta’ Frar 2005, is-Segretarju Ġenerali tal-IMO rrifjuta sottomissjoni ppreżentata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, f’isem il-Komunità, b’risposta għal stedina mibgħuta mill-IMO lill-organizzazzjonijiet intergovernattivi, minħabba li l-Komunità ma kinitx membru tal-IMO u lanqas ma kellha l-istatus ta’ osservatur fi ħdan din l-organizzazzjoni. |
59 |
F’dan il-kuntest, huwa ċertament minnu, l-ewwel, li l-punt 1.5.6 tar-Regoli tal-Proċedura KSM-KPAM jipprevedi l-parteċipazzjoni attiva ta’ organizzazzjonijiet li għandhom l-istatus ta’ osservatur fil-ħidma tal-KPAM, it-tieni, li, konformement mar-Regola 5(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KPAM, jistgħu jiġu rrappreżentati fi ħdan dan il-kumitat permezz ta’ osservaturi l-organizzazzjonijiet intergovernattivi għajr l-IMO li magħhom ġie konkluż ftehim jew arranġament speċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li magħhom l-IMO stabbilixxiet relazzjonijiet u, it-tielet, li s-sottomissjoni kontenzjuża ntbagħtet lill-IMO bi tweġiba għall-istedina tal-GĦIS-GS imsemmija fil-punt 18 tas-sentenza preżenti, li kienet indirizzata lill-“Istati Membri u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi kkonċernati”. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jimplikawx li l-Unjoni, li ma kinitx organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-istatus ta’ osservatur mal-IMO u li magħha din ma kienet ikkonkludiet ebda ftehim jew arranġament speċjali, kif tfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, kienet awtorizzata tippreżenta s-sottomissjoni kontenzjuża f’isimha stess. |
60 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-Kummissjoni, li kkonkludiet mal-IMO l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1974, l-Unjoni ma tgawdi minn ebda titolu li jippermettilha tipparteċipa hija stess fix-xogħol tal-istituzzjonijiet u tal-kumitati ta’ din l-organizzazzjoni. |
61 |
Mill-bqija, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fir-rakkomandazzjoni tagħha lill-Kunsill intiża sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ u tmexxi negozjati mal-IMO dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea (SEC(2002) 381 final), li l-Komunità ma kellhiex id-dritt tipparteċipa fix-xogħol tal-IMO u li għalhekk kien fl-interess tagħha li taderixxi mal-Konvenzjoni OMI. |
62 |
Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari l-introduzzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 47 TUE kif ukoll tal-Artikolu 220 TFUE, jimplika li l-Unjoni kellha d-dritt li taġixxi f’isimha stess fi ħdan l-IMO. |
63 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, minn naħa, tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 47 TUE, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, rispettivament, li l-Unjoni tissostitwixxi u hija s-suċċessur tal-Komunità u li hija għandha personalità ġuridika. Din il-konsegwenza ġuridika marbuta mat-Trattat ta’ Lisbona ġiet ikkomunikata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni lill-IMO permezz ta’ nota verbali konġunta tas‑27 ta’ Novembru 2009 u ttieħdet inkunsiderazzjoni fir-Riżoluzzjoni 65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. |
64 |
Madankollu, minbarra l-fatt li, kif ikkonferma s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’nota tal‑1 ta’ Ġunju 2011, din ir-riżoluzzjoni la tapplika għall-istituzzjonijiet speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, la l-imsemmija riżoluzzjoni u lanqas, b’mod partikolari minħabba n-natura unilaterali tagħha, in-nota verbali tas‑27 ta’ Novembru 2009 ma jistgħu, fi kwalunkwe każ, jagħtu lill-Unjoni status fi ħdan l-IMO li l-Komunità ma kellhiex. |
65 |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 220 TFUE, huwa minnu li dan jagħti lill-Unjoni l-kompetenza sabiex tistabbilixxi “l-forom kollha xierqa ta’ koperazzjoni ma’ l-organi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħha”, filwaqt li l-Artikolu 229 tat-Trattat KEE kien jafda lill-Kummissjoni l-kompitu “li tiżgura r-rabtiet utli kollha mal-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti [u] tal-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
66 |
Madankollu, l-adozzjoni ta’ dan l-Artikolu 220 TFUE ma kellhiex bħala konsegwenza li l-Unjoni ssostitwixxiet ruħha għall-Kummissjoni bħala parti mill-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi minnha abbażi tal-Artikolu 229 tat-Trattat KEE, bħall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1974. Fil-fatt, għalkemm, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona l-Unjoni ssostitwixxiet ruħha u saret is-suċċessur tal-Komunità, la din l-aħħar dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattati ma pprevediet li l-Unjoni tista’ tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni. |
67 |
Fit-tielet lok, il-fatt li l-Unjoni ma hijiex membru tal-IMO u ma kkonkludietx ftehimiet speċifiċi ma’ dan tal-aħħar li jippermettulha tipparteċipa fix-xogħol ta’ din l-organizzazzjoni ma jipprekludix li l-kompetenza esterna tagħha tkun tista’ tiġi effettivament eżerċitata f’dan il-qasam. |
68 |
Għal dawn il-finijiet, minn naħa, għandu jiġi żgurat li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-kompetenza tagħha fuq il-livell intern u li, fl-eżerċizzju tagħha, hija tiddefinixxi, skont il-proċedura applikabbli għall-qasam ikkonċernat, il-pożizzjoni tagħha stess. |
69 |
Min-naħa l-oħra, meta l-Unjoni ma tkunx membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali u tkun għalhekk prekluża mid-dritt internazzjonali rilevanti milli teżerċita, fi ħdan tali organizzazzjoni, il-kompetenza tagħha fuq il-livell estern, din il-kompetenza tista’ tiġi eżerċitata, b’mod partikolari, mill-Istati Membri, li jaġixxu flimkien, skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, fl-interess tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu preklużi milli jittrażmettu sottomissjonijiet lil din l-organizzazzjoni, irrispettivament minn jekk jikkonċernawx oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew kompetenza li din tikkondividi mal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-ILO), tad‑19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punt 5; sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 31, u l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 44). |
70 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kunsill approva, fuq proposta tal-Kummissjoni, is-sottomissjoni tal-Unjoni li kellha tiġi ppreżentata lill-IMO, sottomissjoni li l-Kummissjoni, kif ikkonfermat hija stess waqt is-seduta, la tikkontesta l-modalitajiet ta’ approvazzjoni u lanqas il-kontenut tagħha. |
71 |
Madankollu, din is-sottomissjoni, għar-raġunijiet esposti fil-punti 53 sa 66 ta’ din is-sentenza, u irrispettivament mill-fatt li din taqax taħt il-kompetenza esklużiva jew taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni, ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tiġi ppreżentata lill-IMO f’isem l-Unjoni mingħajr ma tikser ir-regoli li jirregolaw ix-xogħol ta’ din l-organizzazzjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill ġustament ikkunsidra li s-sottomissjoni kontenzjuża kellha tiġi ppreżentata mill-Istati Membri f’isimhom, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. |
72 |
F’dak li jikkonċerna, fir-raba’ u l-aħħar lok, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-Repubblika tal-Kroazja ma setgħetx tittrażmetti s-sottomissjoni kontenzjuża mingħajr ma tikser il-kompetenza esterna tal-Unjoni u s-setgħa ta’ rappreżentanza esterna tal-Kummissjoni, huwa minnu li s-sempliċi fatt li l-Unjoni ma hijiex membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali ma jawtorizzax lil Stat Membru, li jaġixxi individwalment fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni internazzjonali, jieħu impenji li jistgħu jaffettwaw regoli tal-Unjoni adottati sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattat (sentenza tal-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-45/07, EU:C:2009:81, punt 30). |
73 |
Madankollu, f’dan il-każ, mill-posta elettronika mibgħuta fis‑7 ta’ Frar 2020 lill-IMO mir-Repubblika tal-Kroazja jirriżulta li din, f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni, sempliċement bagħtet lil din l-organizzazzjoni s-sottomissjoni kontenzjuża tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. |
74 |
Ċertament, fid-dawl tar-relazzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni mal-IMO skont il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1974, u sa fejn id-dritt internazzjonali rilevanti ma jidhirx li jipprekludi dan, l-Istati Membri setgħu jagħtu lill-Kummissjoni r-responsabbiltà li tiżgura r-rappreżentanza tagħhom fl-eżerċizzju konġunt tagħhom, fl-interess tal-Unjoni, ta’ kompetenza esterna li hija kienet prekluża milli teżerċita skont ir-regoli applikabbli tal-Konvenzjoni IMO. |
75 |
Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma teżiġi li l-Istati Membri jattribwixxu lill-Kummissjoni r-responsabbiltà li tiżgura r-rappreżentanza tagħhom, minkejja li d-dritt internazzjonali rilevanti ma jipprekludix dan. |
76 |
Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 17(1) TUE, minbarra d-derogi li huwa jsemmi espressament, jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza esklużiva sabiex tiżgura biss ir-rappreżentanza tal-Unjoni u mhux tal-Istati Membri, inkluż meta dawn jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni. |
77 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeċiedu każ b’każ il-modalitajiet tar-rappreżentanza esterna tagħhom, inkluż meta jintervjenu, flimkien, fl-interess tal-Unjoni. Għal dawn il-finijiet, xejn ma jipprekludi lill-imsemmija Stati milli jinkarigaw, fosthom, lill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, sakemm dan l-Istat Membru ma jaġixxi la individwalment u lanqas f’isem l-Unjoni. |
78 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq l‑ewwel motiv
79 |
Il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel motiv tagħha biss sabiex tistabbilixxi li l-Unjoni kellha f’dan il-każ kompetenza esklużiva u li, għaldaqstant, is-sottomissjoni kontenzjuża kellha tiġi ppreżentata f’isem l-Unjoni. |
80 |
Issa, għar-raġunijiet indikati fil-punti 51, 52 u 54 ta’ din is-sentenza, tkun xi tkun in-natura, esklużiva jew kondiviża, tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li taħtha taqa’ s-sottomissjoni inkwistjoni, l-Unjoni ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tippreżenta hija stess din is-sottomissjoni lill-IMO b’osservanza tad-dritt internazzjonali rilevanti. |
81 |
Sussegwentement, kif sostna wkoll essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel motiv huwa ineffettiv u għalhekk għandu jiġi miċħud. |
82 |
Billi ebda wieħed mill-motivi ma ntlaqa’, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l‑ispejjeż
83 |
L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn jintalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kunsill, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar. |
84 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.