Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62021CJ0096

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Marzu 2022.
DM vs CTS Eventim AG & Co. KGaA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Bremen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/KE – Dritt ta’ reċess fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod u l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju – Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess – Artikolu 16(l) – Provvista ta’ servizzi marbuta ma’ attivitajiet ta’ divertiment – Kuntratt li jipprevedi data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiku – Provvista ta’ servizzi ta’ biljetti – Intermedjarju li jaġixxi f’ismu iżda għan-nom tal-organizzatur ta’ attività ta’ divertiment – Riskju marbut mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
Kawża C-96/21.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:238

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

31 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/KE – Dritt ta’ reċess fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod u l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju – Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess – Artikolu 16(l) – Provvista ta’ servizzi marbuta ma’ attivitajiet ta’ divertiment – Kuntratt li jipprevedi data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiku – Provvista ta’ servizzi ta’ biljetti – Intermedjarju li jaġixxi f’ismu iżda għan-nom tal-organizzatur ta’ attività ta’ divertiment – Riskju marbut mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess”

Fil-Kawża C‑96/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Bremen (il-Qorti tad-Distrett ta’ Bremen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

DM

vs

CTS Eventim AG & Co. KGaA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CTS Eventim AG & Co. KGaA, minn M. Schlingmann u M. Gerecke, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo u A. Laine kif ukoll minn S. Hartikainen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemagħat l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn DM u CTS Eventim AG & Co. KGaA (iktar ’il quddiem “CTS Eventim”), fornitur ta’ servizzi ta’ biljetterija, dwar l-eżistenza ta’ dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kuntratt dwar l-akkwist ta’ biljetti ta’ dħul għal kunċert.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4 u 49 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“(4)

Skont l-Artikolu 26(2) TFUE, is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, u l-libertà ta’ stabbiliment huma żgurati. L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

[…]

(49)

Għandhom jeżistu ċerti eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess, kemm għall-kuntratt mill-bogħof kif ukoll għal dawklil hinn mill-post tan-negozju. […] L-għoti ta’ dritt ta’ reċess lill-konsumatur jista’ ukoll ma jkunx xieraq fil-każ ta’ ċerti servizzi li għalihom il-konklużjoni tal-kuntratt timplika li tiġi riservata kapaċità li għaliha l-kummerċjant jista’ jsibha diffiċli jsib sostituzzjoni, kieku kellu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ reċess. Dan ikun il-każ pereżempju tar-riservazzjonijiet f’ lukandi jew relatati ma’ djar tal-vaganzi, avvenimenti kulturali jew sportivi.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva;

(3)

‘oġġetti’ tfisser kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli, bl-eċċezzjoni tal-oġġetti mibjugħa permezz ta’ eżekuzzjoni jew b’mod ieħor bl-awtorità tal-liġi; jidħlu fost l-“oġġetti” koperti minn din id-Direttiva l-ilma, il-gass u l-elettriku fejn huma għall-bejgħ f’volum limitat jew fi kwantità fissa;

[…]

(5)

‘kuntratt ta’ bejgħ’ tfisser kwalunkwe kuntratt li permezz tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lil konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm l-oġġetti kif ukoll is-servizzi;

(6)

‘kuntratt ta’ servizz’ tfisser kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan;

(7)

‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”:

“1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

(c)

l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit u n-numru tat-telefon, tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, fejn ikun disponibbli, biex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel kuntatt malajr mal-kummerċjant u jikkomunika b’mod effikaċi miegħu u, jekk applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu jkun qed jaġixxi;

(d)

jekk differenti mill-indirizz ipprovdut skont il-punt (c), l-indirizz ġeografiku tal-post tan-negozju tal-kummerċjant, u fejn applikabbli dak tal-kummerċjant li f’ismu qed jaġixxi, fejn il-konsumatur jista’ jirreferi kwalunkwe lment;

[…]”

7

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ reċess” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.” […]”

8

L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Effetti tar-reċess”, huwa fformulat kif ġej:

“L-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess għandu jittermina l-obbligi tal-partijiet:

(a)

li jwettqu l-kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju; jew […]”

9

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess”, jipprovdi:

“L-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu d-dritt ta’ reċess stabbilit fl-Artikolu 9 sa 15 għall-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward ta’ dan li ġej:

[…]

(l)

il-forniment ta’ akkomodazzjoni għal skopijiet mhux residenzjali, trasport tal-oġġetti, servizzi tal-kiri tal-karozzi, kejtering jew servizzi relatati ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk il-kuntratt jipprevedi data speċifika jew perjodu speċifiku ta’ eżekuzzjoni;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

10

L-Artikolu 312g tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Dritt ta’ reċess”, jipprevedi:

“1.   Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju jew kuntratti mill-bogħod, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt ta’ reċess skont l-Artikolu 355.

2.   Ħlief meta l-partijiet ikunu ftehmu mod ieħor, ma jkunx hemm dritt ta’ reċess għall-kuntratti li ġejjin:

[…]

9)

il-kuntratti ta’ forniment ta’ akkomodazzjoni għal skopijiet mhux residenzjali, trasport tal-oġġetti, servizzi tal-kiri tal-karozzi, kejtering jew servizzi relatati ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk il-kuntratt jipprevedi data speċifika jew perjodu speċifiku ta’ eżekuzzjoni;

[…]”

11

Skont l-Artikolu 355 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Dritt ta’ reċess fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi”:

“1.   Meta l-liġi tagħti lill-konsumatur dritt ta’ reċess skont din id-dispożizzjoni, il-konsumatur u l-kummerċjant ma jibqgħux marbuta bid-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ rieda li jikkonkludu l-kuntratt jekk il-konsumatur ikun irreċeda d-dikjarazzjoni tiegħu f’dan is-sens fit-terminu stabbilit.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fit-12 ta’ Novembru 2019, DM, fil-kwalità tagħha ta’ konsumatur, ordnat, permezz ta’ pjattaforma ta’ riżervazzjoni online operata minn CTS Eventim, fornitur ta’ servizzi ta’ biljetterija, biljetti ta’ dħul għal kunċert organizzat minn terz.

13

Dan il-kunċert, li kellu jseħħ fl-24 ta’ Marzu 2020 fi Brunswick (il-Ġermanja), ġie annullat minħabba r-restrizzjonijiet amministrattivi adottati mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa possibbli li dan il-kunċert jiġi pospost għal data ulterjuri.

14

Fid-19 ta’ April 2020, DM talbet lil CTS Eventim ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-biljetti ta’ dħul kif ukoll ta’ spejjeż anċillari, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 207.90. Il-qorti tar-rinviju tindika li, billi għamlet hekk, DM impliċitament iddikjarat ir-reċess mill-kuntratt tagħha konkluż ma’ CTS Eventim.

15

Sussegwentement, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-annullament ta’ attivitajiet ta’ divertiment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, CTS Eventim, li taġixxi f’isem l-organizzatur tal-kunċert, bagħtet lil DM vawċer maħruġ minn dan l-organizzatur, fl-ammont ta’ EUR 199, li jikkorrispondi għall-prezz tax-xiri tal-biljetti.

16

Quddiem il-qorti tar-rinviju, DM teżiġi mingħand CTS Eventim ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-biljetti ta’ dħul kif ukoll tal-ispejjeż anċillari.

17

Mitluba tiddeċiedi dwar il-validità tar-reċess ta’ DM, il-qorti tar-rinviju tqis li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess li tinsab fl-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 ma tistax tapplika fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija tqis li din l-eċċezzjoni għandha tibbenefika biss lill-fornitur dirett ta’ servizz marbut ma’ attività ta’ divertiment, jiġifieri, f’dan il-każ, lill-organizzatur tal-kunċert, u mhux lil fornitur ta’ servizzi ta’ biljetti li l-attività tiegħu hija limitata għat-trasferiment ta’ dritt ta’ aċċess għal dan il-kunċert. Hija żżid li, wara reċess li jseħħ f’terminu ta’ diversi xhur qabel id-data prevista għal din l-attività, il-kummerċjant ikollu l-possibbiltà li jopera b’mod ieħor il-kapaċitajiet irriżervati, billi jbigħ mill-ġdid il-biljetti kkonċernati lil persuni oħra.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16(l) tad-Direttiva [2011/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun suffiċjenti għall-esklużjoni tad-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur jekk il-kummerċjant ma jipprovdix direttament lill-konsumatur servizz marbut ma’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni [divertiment] iżda jbigħ lill-konsumatur id-dritt għall-aċċess għal tali servizz?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings, C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiemha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, sa fejn l-attività ta’ CTS Eventim hija limitata għat-trasferiment ta’ dritt ta’ aċċess għal attività ta’ divertiment organizzata minn terz, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-kumpannija ma tipprovdix direttament lill-konsumatur servizz marbut ma’ din l-attività, peress li huwa biss l-organizzatur tal-kunċert li huwa l-fornitur immedjat ta’ tali servizz.

22

Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix fiha informazzjoni preċiża dwar il-kuntest li fih CTS Eventim teżerċita l-attività tagħha, b’mod iktar partikolari f’dak li jirrigwarda l-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw ir-relazzjoni bejn CTS Eventim u l-organizzatur tal-kunċert li l-annullament tiegħu wassal għall-kawża prinċipali. Madankollu, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn CTS Eventim, jirriżulta li dawn il-partijiet huma marbuta b’relazzjoni kuntrattwali li permezz tagħha CTS Eventim tbigħ biljetti f’isimha, iżda għan-nom tal-organizzatur.

23

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “kuntratt li jsir mill-bogħod”, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2011/83, peress li ġie konkluż bejn DM bħala konsumatur u CTS Eventim bħala professjonist, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dan l-aħħar kunċett jinkludi mhux biss lill-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kuntest tal-attività kummerċjali, negozju, sengħa jew professjoni tagħha stess fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-direttiva msemmija, iżda wkoll il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala intermedjarja, f’isem jew għan-nom ta’ dan il-kummerċjant (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Tiketa, C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 31).

24

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda preliminari għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontra konsumatur li kkonkluda, ma’ intermedjarju li jaġixxi f’ismu, iżda għan-nom tal-organizzatur ta’ attività ta’ divertiment, kuntratt mill-bogħod dwar l-akkwist ta’ dritt ta’ aċċess għal din l-attività.

25

L-Artikoli 9 sa 15 tad-Direttiva 2011/83 jagħtu lill-konsumatur dritt ta’ reċess wara, b’mod partikolari, il-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

26

Għalhekk, konformement mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/83, il-konsumatur għandu, bħala prinċipju, terminu ta’ erbatax-il jum sabiex jirtira mill-kuntratt mill-bogħod, peress li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar għandu, skont l-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, l-effett li jtemm l-obbligu tal-partijiet li jeżegwixxu l-imsemmi kuntratt.

27

Madankollu, l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi eċċezzjonijiet għal dan id-dritt ta’ reċess b’mod partikolari fl-ipoteżi, imsemmija fil-punt (l) ta’ dan l-artikolu, ta’ provvista ta’ servizzi marbuta ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk il-kuntratt jipprevedi data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiku.

28

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, din għandha tingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2020, Möbel Kraft, C‑529/19, EU:C:2020:846, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Minn dan isegwi li n-natura ġuridika mogħtija mid-dritt nazzjonali lil servizz ipprovdut minn professjonist lil konsumatur ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikollha effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83.

30

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment lil konsumatur ta’ dritt ta’ aċċess għal attività ta’ divertiment minn intermedjarju li jaġixxi f’isem l-organizzatur ta’ din l-attività jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi marbuta ma’ din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83, għandu, minn naħa, jiġi vverifikat jekk tali relazzjoni kuntrattwali bejn l-intermedjarju u l-konsumatur tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz”, iddefinit fil-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

31

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett huwa ddefinit b’mod wiesa’, bħala li jkopri kull kuntratt, minbarra kuntratt ta’ bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2011/83, li permezz tiegħu l-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, NK (Proġett ta’ dar individwali), C‑208/19, EU:C:2020:382, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Konformement mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2011/83, il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ bejgħ” ifisser kwalunkwe kuntratt li permezz tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lil konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dawn, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm l-oġġetti kif ukoll is-servizzi; Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “oġġetti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva bħala li jkopri, bħala prinċipju, kull oġġett mobbli tanġibbli, ħlief l-oġġetti mibjugħa fuq sekwestru jew b’xi mod ieħor mill-awtorità tal-ġustizzja.

33

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-relazzjoni kuntrattwali bejn DM u CTS Eventim tirrigwarda, bħala obbligu essenzjali ta’ din tal-aħħar, it-trasferiment tad-dritt ta’ aċċess għall-attività ta’ divertiment inkluża fil-biljetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li tali relazzjoni kuntrattwali, li tirrigwarda essenzjalment it-trasferiment ta’ dritt u mhux ta’ oġġett, taqa’, awtomatikament, taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz”, fis-sens tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2011/83. Għaldaqstant, l-eżekuzzjoni tagħha mill-professjonist tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tagħha.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li dritt jew awtorizzazzjonijiet huma kkonstatati minn dokumenti li, bħala tali, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ ma huwiex biżżejjed sabiex dawn jiddaħħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, minflok dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C‑97/98, EU:C:1999:515, punti 3536).

36

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk it-trasferiment ta’ dritt ta’ aċċess għal attività ta’ divertiment minn intermedjarju li jaġixxi f’isem l-organizzatur ta’ din l-attività jistax jitqies bħala servizz li huwa marbut ma’ din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83.

37

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kategoriji differenti ta’ servizzi elenkati f’din id-dispożizzjoni jikkorrispondu għal eċċezzjonijiet settorjali li jirrigwardaw, b’mod ġenerali, is-servizzi pprovduti fis-setturi kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-eżekuzzjoni tagħhom ma hijiex dovuta għal data jew għal perijodu speċifiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punti 2224).

38

Sa fejn l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 ikopri għalhekk, bħala prinċipju, is-servizzi kollha pprovduti fis-settur tal-attivitajiet ta’ divertiment, mill-użu tal-kelma “relatati” jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata biss għas-servizzi intiżi direttament għat-twettiq ta’ attività ta’ divertiment bħala tali.

39

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-trasferiment ta’ dritt ta’ aċċess għal attività ta’ rikreazzjoni jikkostitwixxi, fih innifsu, servizz marbut ma’ din l-attività, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83.

40

Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax sa fejn tali servizz jista’, filwaqt li jaqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni, jiġi pprovdut minn persuna oħra għajr l-organizzatur tal-attività ta’ divertiment stess.

41

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(1)(c) u (d) tagħha, kull kummerċjant huwa obbligat, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju jew b’offerta tal-istess tip, jikkomunikalu, jekk ikun il-każ, l-identità tal-kummerċjant li għall-interessi tiegħu jkun qiegħed jaġixxi.

42

Għalhekk, id-Direttiva 2011/83 tipprevedi espressament il-possibbiltà li kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jista’ jiġi konkluż minn bejjiegħ jew fornitur fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ relazzjoni kuntrattwali li abbażi tagħha dan jaġixxi f’isem bejjiegħ jew fornitur ieħor.

43

Minn dan isegwi li l-fatt li servizz huwa pprovdut mhux mill-organizzatur ta’ attività ta’ rikreazzjoni stess, iżda minn intermedjarju li jaġixxi f’ismu ma jipprekludix li tali servizz jista’ jitqies li huwa marbut mal-imsemmija attività.

44

Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 49 ta’ din id-direttiva, l-imsemmi għan jikkonsisti fil-protezzjoni tal-kummerċjant kontra r-riskju marbut mar-riżervazzjoni ta’ ċerti kapaċitajiet li dan jista’ jkollu diffikultajiet sabiex jissodisfa fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess, b’mod partikolari fir-rigward tal-avvenimenti kulturali jew sportivi.

45

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 huwa intiż, b’mod partikolari, li jistabbilixxi protezzjoni tal-interessi tal-fornituri ta’ ċerti servizzi, sabiex dawn ma jbatux l-inkonvenjenzi sproporzjonati marbuta mal-annullament, mingħajr spejjeż jew raġunijiet, ta’ servizz li jkun ta lok għal riżervazzjoni minn qabel, bħala konsegwenza ta’ rtirar tal-konsumatur ftit taż-żmien qabel id-data prevista għall-provvista ta’ dan is-servizz (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 28).

46

Miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss għas-servizzi pprovduti b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali fir-rigward tal-konsumatur li t-tmiem tiegħu permezz ta’ reċess, skont l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2011/83, ipoġġi r-riskju marbut mar-riżervazzjoni tal-kapaċitajiet irrilaxxati b’dan il-mod fuq l-organizzatur tal-attività kkonċernata.

47

Konsegwentement, huwa biss sa fejn dan ir-riskju jaqa’ fuq l-organizzatur tal-attività kkonċernata li t-trasferiment ta’ dritt ta’ aċċess għaliha minn intermedjarju jista’ jikkostitwixxi servizz marbut ma’ din l-attività, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83.

48

F’dan ir-rigward, il-punt dwar jekk, fid-data li fiha l-konsumatur jinvoka d-dritt ta’ reċess tiegħu, huwiex possibbli għall-kummerċjant, jekk ikun il-każ, li jissodisfa b’mod ieħor il-kapaċitajiet li jkunu rrilaxxati minħabba l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari permezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-biljetti kkonċernati lil klijenti oħra, huwiex irrilevanti. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 ma tistax tiddependi minn tali evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

49

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lil CTS Eventim mal-organizzatur tal-kunċert li l-annullament tiegħu wassal għall-kawża prinċipali, dan l-organizzatur huwa obbligat li jeħles lil CTS Eventim minn kull responsabbiltà f’każ ta’ talba għal rimbors tal-prezz tal-biljett ippreżentata minn xerrej. B’hekk, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara reċess min-naħa ta’ DM, huwa l-organizzatur tal-kunċert li għandu jirrimborsa lil DM il-prezz tax-xiri tal-biljetti mixtrija mingħand CTS Eventim.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, it-trasferiment, minn CTS Eventim lil DM, tad-dritt ta’ aċċess għall-kunċert li l-annullament tiegħu wassal għall-kawża prinċipali jikkostitwixxi servizz marbut ma’ attività ta’ divertiment, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83.

51

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux neċessarjament jitqies bħala li jipprevedi data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiku, għandu jiġi kkonstatat li, mill-għan tiegħu, kuntratt li jirrigwarda t-trasferiment ta’ dritt ta’ aċċess għal attività ta’ divertiment għandu neċessarjament jiġi eżegwit matul il-perijodu bejn id-data tat-trasferiment u d-data li fiha għandha titwettaq l-attività li għaliha dan id-dritt jagħti aċċess.

52

F’dan ir-rigward, il-punt dwar jekk id-dritt ta’ aċċess huwiex ċedut mill-organizzatur tal-attività ta’ divertiment stess jew permezz ta’ intermedjarju huwa irrilevanti.

53

Konsegwentement, kuntratt li jirrigwarda t-trasferiment ta’ dritt ta’ aċċess għal attività ta’ divertiment konkluż minn intermedjarju li jaġixxi f’ismu, iżda għan-nom tal-organizzatur ta’ din l-attività, għandu jitqies bħala li jipprevedi data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiku, meta din l-attività tkun prevista li sseħħ f’data jew f’perijodu speċifiku.

54

Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li l-kunċert li jagħtu aċċess għalih id-drittijiet ittrasferiti minn CTS Eventim lil DM kien previst li jseħħ f’data preċiża.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontra konsumatur li kkonkluda, ma’ intermedjarju li jaġixxi f’ismu, iżda għan-nom tal-organizzatur ta’ attività ta’ divertiment, kuntratt mill-bogħod li jirrigwarda l-akkwist ta’ dritt ta’ aċċess għal din l-attività, sakemm, minn naħa, ix-xoljiment permezz ta’ reċess, konformement mal-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tal-konsumatur ipoġġi r-riskju marbut mar-reżervazzjoni tal-kapaċitajiet hekk illiberati fuq l-organizzatur tal-attività kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-attività ta’ divertiment li dan id-dritt jagħti aċċess għaliha tkun prevista li għandha sseħħ f’data jew f’perijodu speċifiku.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontra konsumatur li kkonkluda, ma’ intermedjarju li jaġixxi f’ismu, iżda għan-nom tal-organizzatur ta’ attività ta’ divertiment, kuntratt mill-bogħod li jirrigwarda l-akkwist ta’ dritt ta’ aċċess għal din l-attività, sakemm, minn naħa, ix-xoljiment permezz ta’ reċess, konformement mal-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tal-konsumatur ipoġġi r-riskju marbut mar-reżervazzjoni tal-kapaċitajiet hekk illiberati fuq l-organizzatur tal-attività kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-attività ta’ divertiment li dan id-dritt jagħti aċċess għaliha tkun prevista li għandha sseħħ f’data jew f’perijodu speċifiku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq