Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CC0426

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fid-9 ta’ Diċembru 2021.
GD u ES vs Luso Temp - Empresa de Trabalho Temporário SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Braga - Juízo do Trabalho de Barcelos.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/104/KE – Xogħol temporanju – Artikolu 5(1) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 3(1)(f) – Kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji” – Allowance dovuta għal ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud u għal bonus tal-vaganzi korrispondenti fil-każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol.
Kawża C-426/20.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:995

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fid‑9 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑426/20

GD,

ES

vs

Luso Temp - Empresa de Trabalho Temporário SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Braga - Juízo do Trabalho de Barcelos (il-Qorti Distrettwali ta’ Braga - il-Qorti Industrijali ta’ Barcelos, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija – Dritt għal leave mħallas – Allowances mat-tmiem tar-relazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji”

1.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fid-Direttiva 2008/104/KE ( 2 ) jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil impriża utenti ta’ ħaddiem temporanju li fil-mument tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħti allowances relatati ma’ leave mhux meħud b’mod inferjuri għal dak li għandhom dritt għalih ħaddiema ingaġġati direttament mill-istess impriża utenti?

2.

Dan huwa l-kontenut essenzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti nazzjonali Portugiża fil-kuntest ta’ dritt intern li jirregola b’dispożizzjoni partikolari d-drittijiet tal-ħaddiema temporanji mat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

3.

Il-premessi 1, minn 10 sa 12 u 15 tad-Direttiva 2008/104 jistabbilixxu:

“(1)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, hija mfassla biex tiżgura konformità sħiħa ma’ l-Artikolu 31 tal-Karta, li jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu, u għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta’ leave imħallas.

[…]

(10)

Hemm differenzi konsiderevoli fl-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u fis-sitwazzjoni legali, l-istatus u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fl-Unjoni Ewropea.

(11)

Ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija mhux biss jilħaq il-ħtiġijiet għall-flessibbiltà ta’ l-intrapriżi iżda wkoll il-ħtieġa li l-impjegati jirrikkonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata tagħhom. B’hekk huwa jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(12)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

[…]

(15)

Il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Fil-każ ta’ ħaddiema li għandhom kuntratt permanenti ma’ l-aġenzija ta’ xogħol temporanju tagħhom, u bil-ħsieb tal-protezzjoni speċjali li joffri tali kuntratt, għandu jkun previst li jkunu permessi eżenzjonijiet mir-regoli applikabbli fl-impriża utenti.”

4.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.”

5.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

6.

L-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(f)

‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

(i)

it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

(ii)

il-paga.”

7.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolat “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali” inkluż fil-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, jistabbilixxi:

“1.   Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

[…]

2.   Fir-rigward tal-paga, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li ssir eżenzjoni mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 fejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li għandhom kuntratt permanenti ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu fiż-żmien ta’ bejn l-assenjazzjonijiet.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta’ ftehim kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm ikun ipprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-Istati Membri, li fihom jew m’hemmx sistema fil-liġi biex strumenti ta’ ftehim kollettivi jiġu ddikjarati applikabbli universalment jew li m’hemmx sistema bħal din fil-liġi jew prattika biex id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu estiżi għall-impriżi simili kollha f’ċertu settur jew żona ġeografika, jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u abbażi ta’ ftehim konkluż minnhom, jistabbilixxu arranġamenti rigward il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu perijodu ta’ kwalifika għal trattament ugwali.

[…]”

B.   Id‑dritt nazzjonali tal‑Portugall

8.

Skont l-Artikolu 185 tal-Codigo do Trabalho (il-Kodiċi tax-Xogħol) approvat bil-Liġi 7/2009 tat‑12 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”) intitolat “Kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem permezz ta’ aġenzija temporanja”:

“[…]

(6)   Il-ħaddiem għandu d-dritt, proporzjonalment għat-tul tal-kuntratt tiegħu, għal leave, allowances għal leave annwali u bonus tal-Milied, kif ukoll għall-għotjiet l-oħra regolari u perjodiċi li l-ħaddiema tal-impriża utenti għandhom dritt għalihom għat-twettiq ta’ xogħol ekwivalenti jew ta’ valur ekwivalenti.

[…]”

9.

Skont l-Artikolu 237 tal-Kodiċi tax-Xogħol, intitolat “Dritt għal-leave”:

“(1)   Il-ħaddiem għandu d-dritt, kull sena, għal perijodu ta’ leave mħallas li jinkiseb fl‑1 ta’ Jannar.

(2)   Id-dritt għal-leave, bħala regola, jagħmel riferiment għax-xogħol imwettaq fis-sena preċedenti, irrispettivament mill-attendenza jew l-effettività tas-servizz.

[…]”

10.

L-Artikolu 238 tal-Kodiċi tax-Xogħol, intitolat “Tul tal-perijodu ta’ leave”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“(1)   Il-perijodu ta’ leave annwali għandu tul minimu ta’ tnejn u għoxrin ġurnata tax-xogħol.

[…]”

11.

L-Artikolu 239 tal-Kodiċi tax-Xogħol, intitolat “Każijiet speċjali ta’ tul tal-perijodu ta’ leave” jaqra kif ġej:

“(1)   Fis-sena tal-bidu, il-ħaddiem għandu dritt għal jumejn tax-xogħol leave għal kull xahar tat-tul tal-kuntratt, sa massimu ta’ għoxrin ġurnata, li jista’ jieħu minnhom wara li jkunu għaddew sitt xhur ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt.

(2)   Fil-każ fejn is-sena tispiċċa qabel ma jiskadi t-terminu msemmi fil-paragrafu preċedenti, it-teħid tal-leave jseħħ sat‑30 ta’ Ġunju tas-sena suċċessiva.

(3)   L-applikazzjoni ta’ dak stabbilit fil-paragrafi preċedenti ma tistax tirriżulta fit-teħid, fl-istess sena, ta’ leave ta’ iktar minn 30 ġurnata tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għal dak previst fi ftehimiet kollettivi tax-xogħol.”

12.

L-Artikolu 245 tal-Kodiċi tax-Xogħol, intitolat “Effetti tal-kuntratt tax-xogħol fuq id-dritt tal-leave”, jipprevedi:

“(1)   Mat-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol, il-ħaddiem għandu dritt jirċievi l-ħlas tal-leave u tal-allowance rispettiva:

a)

li jikkorrispondu għal leave miksub u mhux meħud;

b)

fi proporzjon għat-tul tas-servizz mogħti fis-sena tat-tmiem.

(2)   Fil-każ tal-ittra a) tal-paragrafu preċedenti, il-perijodu ta’ leave huwa importanti għall-għan tal-kalkolu tal-anzjanità fis-servizz.

(3)   Fil-każ ta’ tmiem tal-kuntratt fis-sena li ssegwi dik tal-bidu jew li t-tul tagħha ma jkunx iktar minn tnax-il xahar, il-kalkolu totali tal-leave jew tal-ħlas rispettiv li l-ħaddiem għandu dritt għalihom ma jistax jaqbeż dak dovut proporzjonalment għall-perijodu ta’ leave annwali, meħud inkunsiderazzjoni t-tul tal-kuntratt”.

II. Il‑fatti, il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

13.

GD u ES ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol temporanju mal-aġenzija Luso Temp - Empresa de Trabalho Temporàrio SA fid‑29 ta’ Ottubru 2017 u fid‑9 ta’ Ottubru 2017, rispettivament. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ġew imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-kumpannija Inoveplástika - Inovação e Tecnologia em Plásticos, S.A., u l-impjieg tagħhom intemm fit‑28 ta’ Ottubru 2019 (fil-każ tar-rikorrent GD) u fit‑8 ta’ Ottubru 2019 (fil-każ tar-rikorrent ES).

14.

Wara t-tmiem tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom, ir-rikorrenti ppreżentaw kawża quddiem it-Tribunal Judicial da Comarca de Braga, Juízo do Trabalho de Barcelos (il-Qorti Distrettwali ta’ Braga - il-Qorti Industrijali ta’ Barcelos, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju, sabiex jiksbu l-irkupru tal-ammonti tal-ħlas tal-leave u l-allowances għal-leave annwali dovuti għall-perijodu li fih taw servizz bħala impjegati tal-konvenuta fil-kuntest tal-kuntratti msemmija ta’ xogħol temporanju.

15.

Il-pożizzjonijiet tar-rikorrenti u tal-konvenuta huma differenti f’dak li jirrigwarda l-metodu tal-kalkolu tal-ġranet ta’ leave.

16.

Ir-rikorrenti jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq is-sistema ġenerali ta’ leave skont l-Artikoli 237, 238, 239 u 245 tal-Código do Trabalho (il-Kodiċi tax-Xogħol Portugiż). Bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fl‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena (2018 u 2019) ir-rikorrenti kienu jakkwistaw id-dritt għal tnejn u għoxrin ġurnata ta’ leave, flimkien mad-dritt għal jumejn leave għal kull xagħar komplet ta’ servizz mogħti matul is-sena tal-bidu (2017) u għal numru ta’ ġranet ta’ leave proporzjonalment għall-perijodu ta’ xogħol imwettaq matul is-sena tat-tmiem (2019), għal total ta’ sebgħa u sittin (fil-każ tar-rikorrent GD) u ħamsa u sittin (fil-każ tar-rikorrent ES) ġurnata ta’ leave mħallas.

17.

Min-naħa tagħha, il-konvenuta ssostni li għandha tiġi applikata s-sistema speċjali għall-kuntratti tax-xogħol temporanji prevista fl-Artikolu 185(6) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li fuq il-bażi tagħha kwalunkwe wieħed mir-rikorrenti għandu biss dritt għal perijodu ta’ leave (u għall-allowance rispettiva għal-leave annwali) proporzjonalment għat-tul tal-kuntratti rispettivi, għal total ta’ erbgħa u erbgħin ġurnata ta’ leave mħallas li jikkorrispondi għal sentejn ta’ xogħol imwettaq.

18.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeżisti kuntrast bejn l-Artikolu 185(6) tal-Kodiċi tax-Xogħol u l-Artikoli 3(1)(f) u 5(1) tad-Direttiva 2008/104 dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. Fil-fatt, id-dispożizzjoni tad-dritt Portugiż tintroduċi differenza fit-trattament bejn, minn naħa, il-ħaddiema li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti u, min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li ġew ingaġġati direttament mill-impriża utenti.

19.

Essenzjalment, il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandu biss id-dritt għal-leave u għall-allowances proporzjonalment għall-perijodu ta’ servizz mogħti, filwaqt li l-ħaddiem ingaġġat b’kuntratt direttament mill-impriża utenti għandu d-dritt għal-leave kollu li jistħoqqlu skont is-sistema ġenerali tal-Kodiċi tax-Xogħol.

20.

Id-differenza fit-trattament tirrigwarda biss lill-ħaddiema li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti f’sena partikolari u li waqfu milli jipprovdulha s-servizzi tagħhom fi żmien sentejn jew iktar wara din id-data, bħal f’din il-kawża. Kieku kien mod ieħor, ma kienet tqum ebda kwistjoni fil-każ ta’ ħaddiema li jinsabu fis-servizz tal-impriża utenti għal perijodu ta’ mhux iktar minn 12‑il xahar jew li jkunu bdew jagħtu servizz f’sena partikolari u jkunu waqfu f’dik suċċessiva.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Judicial da Comarca de Braga (il-Qorti Distrettwali ta’ Braga) issospendiet il-proċedura u għamlet id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 3(1)(f) u 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, jipprekludu regola bħal dik li tirriżulta mil-Artikolu 185(6) tal-Código do Trabalho (il-Kodiċi tax-Xogħol) (approvat bil-Lei n.o7/2009 (il-Liġi Nru 7/2009) tat‑12 ta’ Frar), li tipprevedi li l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija dejjem għandu biss id-dritt għal-leave u l-allowances rispettivi proporzjonali għall-ħin tax-xogħol ipprovdut lill-impriża utenti anki meta jidħol fil-funzjonijiet tiegħu f’sena u jtemmhom sentejn jew iktar snin wara din id-data, meta għal ħaddiem ingaġġat direttament mil-impriża utenti u li jeżerċita l-istess funzjonijiet u għall-istess perijodu ta’ żmien tiġi applikata s-sistema ġenerali ta’ leave li tiggarantilu perijodu ta’ leave u allowance rispettiv ogħla peress li dawn ma jkunux proporzjonali għall-ħin tax-xogħol ipprovdut?”

III. Analiżi legali

A.   Osservazzjonijiet preliminari

22.

Il-kwistjoni ġuridika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippronunzja ruħha dwarha b’risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali Portugiża f’din il-kawża hija, essenzjalment, jekk hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2008/104, dispożizzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ allowances għal-leave mhux meħud li għandhom jingħataw mat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, tipprevedi trattament differenti, speċifikament b’mod inqas favorevoli, għal ħaddiem temporanju meta mqabbel ma’ ħaddiem ingaġġat direttament mill-impriża utenti.

23.

Fi kliem ieħor, jeħtieġ li tiġi mwieġba l-mistoqsija, sal-lum mingħajr preċedent fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-inklużjoni jew le tal-allowances għal leave mhux meħud mat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol fil-kunċett tal-“kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg” imfakkar fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104 b’rabta mal-obbligu tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiem temporanju meta mqabbel mal-ħaddiem ingaġġat direttament mill-impriża utenti.

24.

It-tweġiba għal din il-kwistjoni tista’, fil-fehma tiegħi, tidher: a) minn qari sistematiku tad-Direttiva 2008/104, b’mod partikolari tal-għanijiet tagħha u tal-kuntest li fih hija tinsab; b) mir-rilevanza tal-istitut tal-leave (u tad-drittijiet ekonomiċi relatati miegħu) fid-dritt soċjali Ewropew; c) mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet simili dwar l-ugwaljanza fit-trattament inklużi f’direttivi oħra li jipproteġu lill-ħaddiema atipiċi jew prekarji.

25.

It-test tad-Direttiva 2008/104, minflok, huwa kompletament newtrali għall-għan tal-analiżi tagħna, peress li ma jinkludix u lanqas ma jeskludi mid-drittijiet li jikkomponu l-“kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg” l-allowances li huma suġġetti għat-talba fil-kawża prinċipali. L-Artikolu 3, fil-fatt, f’elenku li ma jistax ikun eżawrjenti, jillimita ruħu li jsemmi l-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-pawżi, il-perijodi tal-mistrieħ, ix-xogħol ta’ billejl, il-leave, il-ġranet ta’ festa u l-ħlas.

26.

Għalhekk, ma jagħmel ebda riferiment speċifiku għal allowances partikolari, u lanqas għal ammonti dovuti mat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol. L-unika riferiment rilevanti huwa dak għal-“leave” u, kif sejjer jintwera, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk b’riferiment għal dispożizzjonijiet oħra, diġà offriet interpretazzjoni wiesgħa li tinkludi d-drittijiet ta’ natura patrimonjali relatati mal-leave stess.

27.

Nosserva, madankollu, li din il-kawża, li tinsab fl-isfond tad-domanda preliminari proposta, għandha l-partikolarità ta’ dak li jidhirli li huwa, mill-qari tad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Portugiż, kunflitt relatat mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet interni ta’ Stat Membru; jekk dan huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja evidentement ma tistax tiddeċiedi din it-tilwima mingħajr ma taqbeż il-limiti tagħha.

28.

Il-qorti nazzjonali, fl-argumenti mressqa bħala l-bażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, tidher li xxaqleb lejn interpretazzjoni tal-Artikolu 185(6) tal-Kodiċi tax-Xogħol Portugiż bħala regola speċifika li, b’deroga mir-regoli ġenerali, tippermetti, f’ċirkustanzi speċifiċi, b’riferiment għall-allowances għal-leave mhux meħud mat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, trattament inferjuri għall-ħaddiema temporanji meta mqabbla mal-ħaddiema ingaġġati direttament mill-impriża utenti (u anki fir-rigward ta’ ħaddiema temporanji b’kuntratt għal perijodu iqsar).

29.

Il-Gvern Portugiż, minflok, jidher li jxaqleb lejn interpretazzjoni sistematika li skontha d-dispożizzjoni inkluża fl-Artikolu 185(6) tal-Kodiċi tax-Xogħol Portugiż ma hijiex deroga minn dawk inklużi fl-Artikolu 237 u dawk segwenti iżda għandha tinqara flimkien magħhom b’mod li tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema temporanji u dawk ingaġġati direttament mill-impriża utenti.

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, għandha tillimita ruħha li tirrepeti l-orjentazzjoni tagħha b’riferiment għall-portata tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fix-xogħol temporanju, kwistjoni sal-lum mingħajr preċedent, billi tippreċiża l-estensjoni tagħha fir-rigward tad-dritt għal-leave u għall-allowances relatati miegħu, u li tagħti lill-qorti nazzjonali xi għajnuniet li fuq il-bażi tagħhom, permezz ta’ interpretazzjoni konformi, jistgħu jiġu deċiżi tilwimiet bħal dik imressqa quddiemha.

B.   Id‑domanda preliminari

1. Għanijiet tad‑Direttiva, “flessigurtà” u rilevanza tad‑dritt għal‑leave (u għad‑drittijiet patrimonjali relatati) fid‑dritt soċjali tal‑Unjoni

31.

Skont ġurisprudenza stabbilita, “[…] għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti” ( 3 ).

32.

Huwa l-istess Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/104 li jistabbilixxi li l-għan tad-Direttiva huwa li “[j]iżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5”.

33.

Dwar il-kuntest li fih tinsab, id-Direttiva 2008/104, li ssib il-bażi ġuridika tagħha fl-Artikolu 137(1) u (2) preċedenti, KE (illum l-Artikolu 153 TFUE) ( 4 ), ġiet adottata, wara ġestazzjoni twila u kumplessa, sabiex tintegra fis-sistema tad-dritt soċjali Ewropew, żewġ direttivi preċedenti dwar ix-xogħol atipiku, li jirrigwardaw rispettivament ix-xogħol part-time u r-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat ( 5 ).

34.

Din id-direttiva, għalhekk, tinsab f’kuntest normattiv iktar ġenerali li l-għan tiegħu huwa essenzjalment li jagħmel applikabbli b’mod ġenerali għall-kategoriji kollha ta’ ħaddiema atipiċi l-forom ta’ protezzjoni previsti ( 6 ).

35.

L-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politiki soċjali għandha bħala għan globali l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, sabiex jintlaħaq grad ogħla ta’ armonizzazzjoni tad-dritt soċjali applikabbli għalih. Il-mudell leġiżlattiv li jifforma l-bażi ta’ din l-azzjoni huwa bbażat fuq it-tfittxija ta’ bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u ġie msejjaħ “flessigurtà” ( 7 ).

36.

Id-Direttiva 2008/104, li tikkostitwixxi l-frotta l-iktar matura tad-dibattitu dwar il-“flessigurtà” stimulat mill-Kummissjoni Ewropea fis-snin immedjatament preċedenti ( 8 ), hija intiża sabiex issib bilanċ ġust bejn it-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, minn naħa, u l-appoġġ tar-rwol pożittiv li x-xogħol tal-aġenzija jista’ jkollu billi jipprovdi biżżejjed flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, min-naħa l-oħra ( 9 ).

37.

L-għan tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jikkonsisti f’li “jqarreb il-kundizzjonijiet tax-xogħol temporanju mar-relazzjonijiet ta’ xogħol ‘normali’” ( 10 ) u huwa mfittex mid-Direttiva 2008/104 proprju permezz tad-dikjarazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

38.

Fil-fatt, bħalma jirriżulta ċar ħafna mit-test tad-Direttiva ( 11 ), il-garanziji li jinsabu fil-bażi tal-mudell ta’ “flessigurtà”, u għalhekk, l-importanza partikolari li għandu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fid-dawl tan-natura residwali ta’ tali relazzjonijiet tax-xogħol fir-rigward tal-forma komuni tar-relazzjoni tax-xogħol li hija rrappreżentata mill-kuntratti tax-xogħol għal żmien indeterminat (bil-persuna li timpjega li tuża l-prestazzjonijiet).

39.

Il-kunċett tal-“flessigurtà”, jiġifieri l-mudell ibbażat fuq azzjoni ta’ bbilanċjar bejn il-promozzjoni tal-impjieg u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ( 12 ), jirriżulta li huwa applikabbli biss meta jiġi rrispettat b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, li huwa tassew bażi fundamentali tas-sistema tal-“flessigurtà” fid-direttivi kollha li flimkien jistabbilixxuh.

40.

Kif osservat b’mod preċiż, fil-fatt, il-kompromess li jsostni d-direttiva u ppermetta l-approvazzjoni tagħha huwa l-iskambju bejn l-affermazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema temporanji u dawk tal-utent u t-tneħħija ta’ projbizzjonijiet u ostakoli għall-attività tal-aġenziji ( 13 ).

41.

Il-leġiżlatur nazzjonali għalhekk iċaqlaq l-attenzjoni tal-protezzjoni mill-perspettiva tal-aċċess għal dik tar-relazzjoni mal-utent permezz ta’ valorizzazzjoni qawwija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala teknika ta’ protezzjoni xierqa biex taħdem bħala rimedju sabiex jiġi evitat li l-ikbar spazji ta’ flessibbiltà fl-aċċess għax-xogħol jiddeterminaw tnaqqis eċċessiv tal-livell tal-protezzjonijiet ( 14 ).

42.

L-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 u l-kuntest li fih tinsab, għalhekk, jixhdu favur interpretazzjoni wiesgħa tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 15 ) li tinkludi għalhekk, fost l-istituti li għandhom jiġu żgurati lill-ħaddiema f’miżura ugwali meta mqabbla mal-ħaddiema ingaġġati direttament mill-impriża utenti anki l-allowances għal-leave mhux meħud.

43.

Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni restrittiva jkollha bħala konsegwenza li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jiġix applikat fil-punt fejn il-kuntratt tal-ħaddiem temporanju jintemm, u għalhekk jiġi ffavorit it-tmiem tal-kuntratti temporanji minflok l-applikazzjoni ta’ wieħed mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/104, jiġifieri dak li jiġi ffavorit l-aċċess tal-ħaddiema temporanji għall-impjieg permanenti.

44.

Fl-istess sens imbagħad tixhed ukoll ir-rilevanza fid-dritt soċjali Ewropew tal-istitut tal-leave u tad-drittijiet patrimonjali relatati miegħu.

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà, fil-fatt, iddikjarat li d-dritt għal-leave annwali mħallas jirrappreżenta “prinċipju essenzjali u imperattiv tad-dritt soċjali tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta” ( 16 ) u li għandu, bħala prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni, natura imperattiva peress li l-imsemmi prinċipju essenzjali “jinkludi d-dritt għal-leave annwali ‘mħallas’ bħala tali u, inerenti għall-ewwel wieħed, dak għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg” ( 17 ).

2. Fuq l‑interpretazzjoni estensiva tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament fir‑rigward tal‑“kondizzjonijiet bażiċi tax‑xogħol u l‑impjieg”

46.

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104, il-ħaddiema temporanji għandhom igawdu mill-ewwel ġurnata tal-assenjazzjoni tagħhom minn “kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg” almenu identiċi għal dawk li japplikaw kieku kienu impjegati direttament mill-impriża utenti sabiex jagħmlu l-istess xogħol ( 18 ).

47.

Għall-kunsiderazzjonijiet relatati mal-għanijiet, miri u kuntest li fih tinsab id-Direttiva 2008/104 fid-dritt soċjali Ewropew, apparti għar-rilevanza tad-dritt għal-leave u tal-allowances relatati miegħu diġà sostnuti b’mod konċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, tixhed favur interpretazzjoni wiesgħa u estensiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament anki ċerta ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2008/104 u dwar direttivi oħra li jikkostitwixxu l-mużajk tal-protezzjoni tal-ħaddiem atipiku jew prekarju fid-dritt soċjali Ewropew ( 19 ).

48.

L-interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg”, li tinkludi anki l-allowances għal-leave mhux meħud dovuti mat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, toriġina għalhekk, fil-fehma tiegħi, mhux biss minn kuntest sistematiku ġenerali relattiv għall-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 u għar-rilevanza tal-istitut tal-leave fir-relazzjoni tax-xogħol, iżda anki mill-analiżi viċina ta’ ċerta ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk mhux speċifikament ibbażata fuq l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2008/104.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, reċentement ippreċiżat, b’riferiment għad-Direttiva 2008/104, li “mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża li tiżgura r-rispett sħiħ tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea li, skont il-paragrafu 1 tiegħu, jistabbilixxi, b’mod ġenerali, id-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu. L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […] jindikaw, f’dan ir-rigward, li l-espressjoni ‘kundizzjonijiet tax-xogħol’ għandha tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 156 TFUE. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni sempliċement issemmi, mingħajr ma tiddefinixxihom iktar ’il quddiem, il-‘kundizzjonijiet tax-xogħol’ bħala wieħed mill-oqsma tal-politika soċjali tal-Unjoni li fiha l-Kummissjoni Ewropea tista’ tintervjeni sabiex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom. Fid-dawl tal-għan protettiv tad-drittijiet tal-ħaddiem temporanju segwit mid-Direttiva 2008/104, din l-assenza ta’ preċiżjoni timmilita favur interpretazzjoni wiesgħa ( 20 ) tal-kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet tax-xogħol’” ( 21 ).

50.

Ma’ din id-dikjarazzjoni ċara tal-prinċipju għandu jiżdied li, b’riferiment għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat fil-qosor il-limiti fir-rigward ta’ relazzjonijiet oħra tax-xogħol li jitbiegħdu mir-relazzjoni tax-xogħol “normali” stabbilita b’mod temporanju li, jiġi mfakkar, bi preċiżazzjoni espliċita tal-leġiżlatur, tirrappreżenta “l-forma ġenerali ta’ xogħol” ( 22 ). Hija għamlet dan billi indikat bi preċiżjoni l-portata tal-espressjoni “kundizzjonijiet tax-xogħol”, anki jekk b’riferiment għal dispożizzjonijiet differenti mid-Direttiva 2008/104 iżda f’kuntesti li jissovrapponu ruħhom fuqha.

51.

Peress li, fil-fatt, kif intqal, id-direttiva ġiet adottata sabiex tlesti l-kuntest normattiv li jeżisti fil-qasam tal-politika soċjali tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, bħalma ssuġġerixxiet il-Kummissjoni ( 23 ), dak li diġà ġiet stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tax-xogħol” fir-rigward tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ( 24 ).

52.

B’riferiment għall-paragrafu 1(4) tal-ftehim qafas iċċitat dwar ix-xogħol għal żmien determinat ( 25 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-espressjoni “kundizzjonijiet tal-impjieg” tirreferi għad-drittijiet u l-obbligi li jiddefinixxu relazzjoni ta’ xogħol partikolari, li tinkludi kemm il-kundizzjonijiet li fihom persuna teżerċita impjieg kif ukoll dawk relatati mat-twaqqif ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol ( 26 ) u li tali espressjoni tinkludi l-allowance li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tiegħu ( 27 ).

53.

F’dan is-sens, jidher li huwa kkonfermat il-kriterju li skontu sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax fil-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tax-xogħol” jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni kollha tax-xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah.

54.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, imbagħad, kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu kompletament trasposti għall-allowances eventwali dovuti lill-ħaddiem fil-punt tat-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu mal-persuna li timpjegah, b’mod li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tax-xogħol” jinkludi l-allowances li l-persuna li timpjega hija obbligata tagħti lill-ħaddiem fil-punt tat-tmiem tal-kuntratt tiegħu tax-xogħol għal żmien determinat ( 28 ).

55.

U reċentement ukoll, anki jekk b’riferiment għal allowance oħra mhux relatata mal-leave f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, iddikjarat li “kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol li jorbtu mal-persuna li timpjegah, […], jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet tal-impjieg’, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-imsemmi ftehim” ( 29 ).

56.

B’riferiment, imbagħad, għall-ħaddiema part-time, billi interpretat id-dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fil-każ ta’ ħaddiem li ma huwiex f’pożizzjoni, minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali bil-ħlas qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-kumpens ekonomiku li għalih huwa intitolat għandu jiġi kkalkolat b’mod li l-imsemmi ħaddiem ikun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li huwa kien ikun kieku eżerċita l-imsemmi dritt matul il-perijodu tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ( 30 ).

57.

B’mod ġenerali mbagħad, b’riferiment għad-dritt għall-allowances f’każ ta’ leave mhux meħud, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li meta r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm u li, għalhekk, it-teħid ta’ leave annwali mħallas ma huwiex iktar possibbli, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-ħaddiem għandu dritt għal allowance sabiex jiġi evitat li l-possibbiltà ta’ tgawdija ta’ dan id-dritt, anki f’forma pekunjarja, tiġi eskluża lill-ħaddiem stess ( 32 ).

58.

Id-dispożizzjoni kkombinata tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2008/104, li jirregolaw il-portata u l-estensjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, għandha, għalhekk, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata b’mod estensiv, billi jsir riferiment ukoll għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fir-rigward tal-“kundizzjonijiet tax-xogħol” li huma l-kontenut tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit għall-ħaddiema għal żmien determinat u għall-ħaddiema part-time.

59.

Bil-preċiżazzjoni li, minkejja li jeżistu l-istess raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ ħaddiema atipiċi jew prekarji, l-espressjonijiet użati mil-leġiżlatur fid-Direttiva 2008/104 huma iktar intiżi għal protezzjoni effettiva u għall-ħtieġa li tiġi evitata l-multiplikazzjoni ta’ statuti ġuridiċi differenti fil-konfront tal-ħaddiema prekarji.

60.

B’differenza mill-preċedenti tagħha fid-direttivi dwar ix-xogħol għal żmien determinat u x-xogħol part-time, wieħed jinnota, fl-ewwel lok, l-għażla li jiġi ddefinit il-prinċipju bħala “trattament ugwali” minflok “non-diskriminazzjoni”; fit-tieni lok, tintuża l-espressjoni “ta’ l-inqas dawk” minflok “m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli” b’riferiment għall-paragun mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni paragunabbli; fit-tielet lok il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg jagħmel riferiment espliċitament għal kważi l-istituti kollha tar-relazzjoni tax-xogħol, mingħajr prattikament ma jħalli spazju għal ebda interpretazzjoni ridotta; fir-raba’ lok, minħabba l-partikolarità tal-kuntratt ta’ xogħol permezz ta’ aġenzija, ġiet magħżula l-possibbiltà tal-“paragun ipotetiku”, minflok il-paragun mal-ħaddiema full-time jew għal żmien indeterminat “paragunabbli”. Minħabba dan, il-paragun dejjem sejjer ikun possibbli fil-każ ta’ ħaddiema temporanji peress li l-paragun sejjer isir mat-trattament li għalih għandu dritt ħaddiem ingaġġat direttament b’kompiti simili, anki fil-każ fejn tali ħaddiem ma jkunx effettivament preżenti b’mod organiku ( 33 ).

61.

Nota tal-aħħar rigward il-possibbiltajiet ta’ derogi permessi mill-Artikolu 5(2), (3) (4) tad-Direttiva 2008/104. Mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li l-leġiżlatur Portugiż ma użax il-possibbiltà permessa mid-direttiva li jattiva derogi għall-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Pjuttost, jinqara fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Portugiż li permezz tal-applikazzjoni tad-direttiva nnifisha ġew eliminati ċerti ambigwitajiet preċedenti preżenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 34 ).

62.

Dwar dan il-punt, għalhekk, nillimita ruħi biss għal osservazzjoni inċidentali qasira: għandi dubji dwar il-fatt li l-allowance għal-leave mhux meħud (li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ħlas” fis-sens proprju ( 35 )) tista’ tkun is-suġġett ta’ deroga, minħabba r-relazzjoni mad-dritt fundamentali għal-leave u, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tar-ratio ġenerali tad-direttiva, jiena konvint mill-ħtieġa li jsir qari restrittiv ta’ kwalunkwe fakultà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament permessa mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

63.

Sabiex niffoka l-analiżi fuq il-punt: l-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 u l-miri tagħha tal-protezzjoni tal-ħaddiema prekarji, flimkien mal-kuntest li fih ġiet immaturata l-istess direttiva u li fih tinsab fid-dritt soċjali Ewropew, in-natura tad-dritt fundamentali tal-leave u tal-allowances ekonomiċi relatati miegħu, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet analogi fil-kwistjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema prekarji huma kollha elementi li jixhdu b’mod univoku favur interpretazzjoni estensiva tal-espressjoni “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” b’mod li tinkludi l-allowances dovuti għall-ħaddiem temporanju mat-tmiem tal-kuntratt għal-leave mhux meħud matul ir-relazzjoni.

64.

Tali allowances, għalhekk, għandhom jiġu kkalkolati bl-istess metodoloġija adottata għall-ħaddiema mħaddma direttament mill-impriża utenti b’mod li l-kalkolu finali jkun l-istess, proporzjonalment maż-żmien maħdum.

3. Fuq il‑konsegwenzi għall‑qorti tar‑rinviju

65.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jagħmlu r-rikostruzzjoni tal-avveniment fattwali u l-interpretazzjoni tas-sistema nazzjonali.

66.

Bil-maqlub, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-indikazzjonijiet, meħuda mill-atti tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiemha, li huma xierqa sabiex iqiegħdu lill-qorti nazzjonali f’kundizzjoni li tiddeċiedi ( 36 ).

67.

Kif diġà indikat preċedentement, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li fil-Portugall il-ħaddiema temporanji li jidħlu fis-servizz ta’ impriża utenti matul sena kalendarja u ma jtemmux l-attività tagħhom sa sentejn kalendarji jew iktar wara din id-data jiġu rregolati bis-sistema speċifika tal-Artikolu 185(6) tal-Kodiċi tax-Xogħol Portugiż li skontha l-ħaddiema temporanji għandhom dritt biss għall-ħlas tal-leave u għal bonus għal-leave ikkalkolat proporzjonalment għaż-żmien maħdum. Din il-metodoloġija ta’ kalkolu hija differenti minn dik prevista għall-ħaddiema ingaġġati direttament mill-impriża utenti li għalihom, minflok, hija applikabbli s-sistema ġenerali, iktar vantaġġuża, ta’ kalkolu tal-leave mħallas hekk kif previst fl-Artikoli 237 sa 239 u 245 tal-Kodiċi tax-Xogħol Portugiż.

68.

Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Portugiż jidher li tirriżulta stedina għal qari differenti tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol Portugiż meta mqabbel ma’ dak meħud inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju ( 37 ).

69.

Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tidħol fil-mertu tad-dritt nazzjonali: skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, għandha biss is-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, minn fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali, filwaqt li hija esklużivament il-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 38 ).

70.

Jeħtieġ, barra minn hekk, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali, sa fejn possibbli, għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali fid-dawl tad-dritt Ewropew ( 39 ).

71.

Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi mill-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu dak kollu li huwa fis-setgħa tagħhom, meħud inkunsiderazzjoni t-totalità tad-dritt nazzjonali u bl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex jiżguraw l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minn dan id-dritt.

72.

Madankollu, dan il-prinċipju huwa suġġett għal ċerti limiti. B’mod partikolari, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tagħmel riferiment għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

73.

Barra minn hekk, kif diġà enfasizzat preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-qorti nazzjonali għall-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali rigward il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod li jista’ jkun konformi ma’ dak previst mid-dritt tal-Unjoni.

74.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fil-Portugall, il-ħaddiema temporanji jgawdux, matul l-assenjazzjoni tagħhom ma’ impriża utenti, minn kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ impjieg almenu indaqs għal dawk li kienu japplikaw għalihom kieku kienu ingaġġati direttament mill-impriża utenti ( 40 ).

75.

Il-qorti nazzjonali għandha tivverifika, għalhekk, jekk, bħalma jsostni l-Gvern Portugiż f’dak li għandu x’jaqsam mal-leave u l-allowance relattiv f’każ ta’ tmiem tal-kuntratt, tapplikax għall-ħaddiema temporanji s-sistema ġenerali prevista fl-Artikoli 237 sa 239 u 245 tal-Kodiċi tax-Xogħol, minkejja r-regola speċifika skont l-Artikolu 185(6) tal-Kodiċi tax-Xogħol. F’dan il-każ, din il-qorti ma tistax tiddeċiedi li l-ħaddiema temporanji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ impjieg inqas favorevoli minn dawk li kienu jkunu applikabbli għalihom kieku kienu ingaġġati direttament minn din l-impriża sabiex jokkupaw l-istess kariga u għalhekk ma tistax tikkonstata ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104.

IV. Konklużjoni

76.

L-Artikoli 3(1)(f) u 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, jipprekludi dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandu d-dritt għal-leave u l-allowances rispettivi f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol proporzjonali għall-ħin tax-xogħol ipprovdut lill-impriża utenti, meta għal ħaddiem ingaġġat direttament mil-impriża utenti u li jeżerċita l-istess funzjonijiet u għall-istess perijodu ta’ żmien tiġi applikata sistema differenti li tiggarantilu dritt għal perijodu ta’ leave itwal u allowance ogħla għal-leave annwali. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi, fil-fatt, anki fir-rigward tal-istitut tal-allowances tal-leave mhux meħud dovuti mat-tmiem tar-relazzjoni, li ħaddiem temporanju, għat-tul tal-assenjazzjoni tiegħu mal-impriża utenti, jirċievi l-istess trattament li kieku kien ikun applikabbli għal ħaddiem ingaġġat direttament mill-impriża utenti li jwettaq l-istess kompiti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9).

( 3 ) Ara, fost diversi, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun) (C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Li kien jagħti lill-istituzzjonijiet is-setgħa li “jadottaw […], permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament”, speċifikament fir-rigward tal-“kondizzjonijiet tax-xogħol”.

( 5 ) Dawn huma d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). F’dan is-sens, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:300, punt 36).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, S. Peers, Equal Treatment of Atypical Workers, Yearbook of European Law, Nru 1 (2013), Vol. 32, p. 43 et seq.

( 7 ) F’dan is-sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AKT (C‑533/13, EU:C:2014:2392, punt 33).

( 8 ) S. Robin-Olivier, A French reading of the directive 2008/104 on temporary agency work, 2010, ELLJ, p. 398 et seq.

( 9 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, COMP (2014) 176 Final, p. 20. Fl-istess sens tal-premessa 11 tad-Direttiva 2008/104.

( 10 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 51).

( 11 ) Premessa 15 tad-Direttiva 2008/104.

( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:300, punt 36).

( 13 ) N. Contouris - R. Horton, The Temporary Agency Work Directive: Another Broken Promise?, 2009, ILJ, p. 329 et seq.

( 14 ) Ara f’dan is-sens, M. Quaranta, “La somministrazione di lavoro: le nuove regole del decreto dignità ed i vincoli europei”, f’L. Calcaterra (editur), La somministrazione di lavoro, Editoriale Scientifica, Napoli, 2019, p. 407.

( 15 ) F’dan is-sens ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha fil-punt 22.

( 16 ) Ara, reċentement, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P, EU:C:2020:676, punt 113).

( 17 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874), punt 72 u s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 83).

( 18 ) Dawn il-kundizzjonijiet, b’dispożizzjoni espressa tad-direttiva fl-Artikolu 3, jirrigwardaw, kif intqal, l-istituti l-iktar importanti li diġà ġew iċċitati tar-relazzjoni tax-xogħol (il-paga, il-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-pawżi, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol billejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi) u għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema permezz ta’ aġenzija sal-punt li jkunu jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti fis-seħħ fl-impriża utenti (ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, COMP (2014) 176 Final, p. 5).

( 19 ) Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP.

( 20 ) L-użu tal-korsiv huwa tiegħi.

( 21 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 54) li tirriproduċi l-punt 44 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston.

( 22 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 51), b’riferiment għall-premessa 15 tad-Direttiva 2008/104.

( 23 ) Punt 35 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 24 ) Tali interpretazzjoni b’analoġija hija sostnuta, apparti l-għanijiet komuni li jinsabu fil-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istess portata tad-Direttiva 2008/104, peress li, skont l-Artikolu 3(2) hija tapplika għar-relazzjonijiet kollha ta’ xogħol għal żmien determinat.

( 25 ) Li skontu “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva”.

( 26 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vega González, (C‑158/16, EU:C:2017:1014, punt 34).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 32).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, (C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 28 u minn 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín (C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 36).

( 30 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Greenfield (C‑219/14, EU:C:2015:745, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 32 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) F’dan is-sens, ara, L. Zappalà, “Il lavoro somministrato e gli incerti confini della parità di trattamento”, f’L. Calcaterra (editur), La somministrazione di lavoro, Editoriale Scientifica, Napoli, 2019, p. 417.

( 34 ) F’dan is-sens il-Gvern Portugiż fil-punt 52 tal-osservazzjonijiet tiegħu.

( 35 ) Istitut li huwa derogabbli f’ċerti kundizzjonijiet skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/104.

( 36 ) Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Jannar 2015, Gimnasio Deportivo San Andrés (C‑688/13, EU:C:2015:46, mill-punt 30 sal-punt 32 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Ara, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles Capitale (C‑632/18, EU:C:2019:833, punti 4849 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 37 ) Kif intqal diġà fl-osservazzjonijiet preliminari tal-analiżi ġuridika tiegħi, il-Gvern Portugiż jidher li jipproponi interpretazzjoni sistematika li skontha d-dispożizzjoni inkluża fl-Artikolu 185(6) tal-Kodiċi tax-Xogħol Portugiż ma hijiex deroga minn dawk inklużi fl-Artikolu 237 u dawk sussegwenti iżda għandha tinqara b’mod li jevita kull diskriminazzjoni bejn ħaddiema temporanji u dawk ingaġġati direttament mill-impriża utenti.

( 38 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Lussemburgu) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32) u tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 66) u Rayonna prokuratura Lom, (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 60 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vega González (C‑158/16, EU:C:2017:1014, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq