EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0306

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Novembru 2021.
"Visma Enterprise" SIA vs Konkurences padome.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) u (3) TFUE – Ftehimiet vertikali – Restrizzjoni ‘minħabba l-għan’ jew ‘minħabba r-riżultat’ – Eżenzjoni – Reġistrazzjoni mid-distributur tat-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali – Klawżola li tagħti lid-distributur ‘prijorità għat-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ’ matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni – Eċċezzjoni – Oppożizzjoni tal-utent – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni purament interna – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonforma mas-soluzzjonijiet adottati mid-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-306/20.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:935

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) u (3) TFUE – Ftehimiet vertikali – Restrizzjoni ‘minħabba l-għan’ jew ‘minħabba r-riżultat’ – Eżenzjoni – Reġistrazzjoni mid-distributur tat-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali – Klawżola li tagħti lid-distributur ‘prijorità għat-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ’ matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni – Eċċezzjoni – Oppożizzjoni tal-utent – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni purament interna – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonforma mas-soluzzjonijiet adottati mid-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑306/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

“Visma Enterprise” SIA

vs

Konkurences padome,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Visma Enterprise” SIA, minn Z. Norenberga,

għall-Konkurences padome, minn V. Hitrovs,

għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere, V. Soņeca u L. Juškeviča, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn N. Khan, P. Berghe u I. Naglis, sussegwentement minn N. Khan u P. Berghe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) u (3) TFUE, u kif ukoll tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Visma Enterprise” SIA (li kienet “FMS Software” SIA u “FMS” SIA), u l-Konkurences padome (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, il-Latvja) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li timponi multa fuq Visma Enterprise minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Latvjan li hija allegatament wettqet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 330/2010 jipprovdi:

“Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali.

[...]”

Id-dritt Latvjan

4

Skont l-Artikolu 11(1) tal-Konkurences likums (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni):

“Huma pprojbiti u nulli sa mill-konklużjoni tagħhom il-ftehimiet bejn operaturi li għandhom l-għan jew ir-riżultat li jikkawżaw ostakolu, limitazzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fit-territorju tal-Latvja, inkluż il-ftehimiet dwar:

1)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet jew tat-tariffi, tkun xi tkun il-forma tagħhom, jew id-dispożizzjonijiet relatati mal-formazzjoni tagħhom kif ukoll dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet jew il-kundizzjonijiet tal-bejgħ;

2)

il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-volum tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, tas-swieq, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investimenti;

3)

it-tqassim tas-swieq skont territorju, klijenti, fornituri jew kundizzjonijiet oħra;

4)

id-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw il-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni ta’ tranżazzjoni mwettqa ma’ terz għall-aċċettazzjoni minn dan it-terz ta’ obbligi li, skont l-użanzi kummerċjali, ma japplikawx għat-tranżazzjoni inkwistjoni;

5)

il-parteċipazzjoni jew l-assenza ta’ parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti jew f’għoti jew f’dispożizzjonijiet li jirrigwardaw tali azzjonijiet (astensjonijiet) sakemm il-kompetituri ma jkunux ħabbru pubblikament l-offerta komuni tagħhom u sakemm tali offerta ma jkollhiex l-għan li tikkawża ostakolu, limitazzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni;

6)

l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet terzi, li toħloq kundizzjonijiet sfavorevoli għal dawk it-terzi f’termini ta’ kompetizzjoni; u

7)

atti (jew astensjoni) li jobbligaw lil operatur ieħor jabbanduna suq partikolari jew li jostakolaw il-wasla ta’ operatur ieħor potenzjali f’suq partikolari.”

5

L-Artikolu 11(2) ta’ din il-liġi jaċċetta l-validità tal-ftehimiet li jippermettu t-titjib tal-produzzjoni jew tal-bejgħ ta’ beni jew il-progress ekonomiku u li, konsegwentement, jibbenefikaw lill-konsumaturi, u l-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tapplikax għalihom jekk kemm-il darba tali ftehimiet ma jimponux fuq l-operaturi kkonċernati restrizzjonijiet li ma humiex neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq u jekk kemm-il darba dawn ma jippermettux li tiġi eliminata l-kompetizzjoni minn parti sostanzjali tas-suq rilevanti.

6

L-Artikolu 11(4) tal-imsemmija liġi jipprevedi li l-Ministru kabinets (il-Kunsill tal-Ministri, il-Latvja) għandu jiddetermina l-ftehimiet bejn l-operaturi li ma jippreġudikawx b’mod sostanzjali l-kompetizzjoni kif ukoll il-kriterji li skonthom ftehimiet konklużi bejn l-operaturi ma humiex suġġetti għall-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

7

Il-Ministru kabineta noteikumi Nr.797 “ Noteikumi par atsevišķu vertikālo vienošanos nepakļaušanu Konkurences likuma 11.panta pirmajā daļā noteiktajam vienošanās aizliegumam ” (id-Digriet Nru 797 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar “Dispożizzjonijiet relatati mal-eżenzjoni ta’ ċerti ftehimiet vertikali mill-projbizzjoni tal-akkordji msemmija fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni”), tad-29 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 797/2008”), adottat abbażi tal-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, japplika għal ċerti tipi ta’ ftehimiet vertikali u jipprevedi eżenzjonijiet f’dan ir-rigward.

8

Il-punt 8.2.1 tad-Digriet Nru 797/2008 jippermetti, f’każijiet eċċezzjonali, li jiġi ristrett il-bejgħ attiv (l-aġir tad-distributuri fir-riċerka attiva ta’ klijenti f’territorju illimitat jew fir-rigward ta’ numru illimitat ta’ klijenti), iżda jipprojbixxi r-restrizzjoni tal-bejgħ passiv (il-każijiet fejn id-distributur ikun ġie kkuntattjat minn klijent li ma jaqax taħt it-territorju jew il-klijentela rriżervata esklużivament għall-imsemmi distributur).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2013, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni għal ċerti prattiki ta’ FMS Software, ta’ “RGP” SIA, ta’ “Zemgales IT centrs” SIA, ta’ “PC Konsultants” SIA, ta’ “Guno M” SIA, ta’ “Softserviss” SIA, ta’ “I. R. Finanses” SIA, ta’ “FMS”, ta’ “FOX” SIA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkundanna lil FMS Software u lil FMS flimkien u in solidum għall-ħlas ta’ multa ta’ 45000 latu Latvjan (LVL) (madwar EUR 64000).

10

F’din id-deċiżjoni, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonstata li FMS Software, li għandha d-drittijiet tal-awtur fuq is-softwares informatiċi tal-kontabbiltà Horizon u Horizon Start, kienet ikkonkludiet ma’ diversi distributuri ftehim dwar id-distribuzzjoni tal-imsemmija softwares li kien jipprevedi vantaġġ fil-kuntest tal-proċess ta’ bejgħ favur ċerti distributuri, li kellu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn dawn id-distributuri. FMS kienet ħadet waħda mill-attivitajiet ekonomiċi ta’ FMS Software li fil-kuntest tagħha ġie kkonstatat il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

11

Wara li eżamina l-kuntratti ta’ kollaborazzjoni konklużi bejn FMS Software u d-distributuri tagħha għad-distribuzzjoni tas-softwares tal-kontabbiltà Horizon u Horizon Start kif ukoll kopja tal-kuntratt standard ta’ kollaborazzjoni bejn din il-kumpannija u l-imsemmija distributuri għas-sena 2011, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonstata li l-klawżola 4.1 ta’ dan l-aħħar kuntratt kienet tipprevedi li, fil-bidu tal-proċess ta’ bejgħ mal-utent finali, id-distributur huwa obbligat jirreġistra t-tranżazzjoni potenzjali f’database maħluqa minn FMS Software permezz tat-trażmissjoni ta’ formularju elettroniku standard li jippreċiża ċerta informazzjoni dwar dan l-utent. Skont din il-klawżola, id-distributur li jkun l-ewwel wieħed li jirreġistra t-tranżazzjoni potenzjali ma’ utent finali jibbenefika minn prijorità għat-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent. L-imsemmija klawżola kienet tipprevedi wkoll li din il-prijorità għandha tinżamm għal sitt xhur mid-data tar-reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni potenzjali (iktar ’il quddiem il-“ftehim inkwistjoni”).

12

Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkunsidra li l-ħolqien ta’ database dwar il-klijenti potenzjali tad-distributuri ta’ FMS Software ma huwiex ipprojbit, iżda l-vantaġġ li jirriżulta mill-“prijorità għall-operazzjoni ta’ bejgħ”, mogħti lid-distributur li rreġistra l-klijent potenzjali, juri l-eżistenza ta’ regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn id-distributuri, b’tali mod li huwa biss id-distributur li kien l-ewwel wieħed li informa lil FMS Software li jista’ jwettaq, matul perijodu determinat, l-operazzjoni ta’ bejgħ ma’ dan il-klijent, bil-kundizzjoni li huwa ma jikkontestax dan. Il-ftehim inkwistjoni huwa intiż sabiex jillimita l-kompetizzjoni bejn id-distributuri fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tas-softwares tal-kontabbiltà Horizon u Horizon Start. Peress li r-reġistrazzjoni tikkonċerna klijenti potenzjali li għalihom il-prodott inkwistjoni għadu ma ġiex mibjugħ, huwa impossibbli għad-distributuri li jikkompetu bejniethom sabiex jipproponu softwares tal-kontabbiltà b’kundizzjonijiet iktar interessanti. Fil-fatt, dan ikun jillimita l-benefiċċju li l-klijenti jiksbu mill-kompetizzjoni bejn id-distributuri, b’tali mod li l-għoti tal-vantaġġ previst mill-ftehim inkwistjoni, simili għal tqassim tas-suq skont il-klijentela, ikun intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-distributuri ta’ softwares tal-kontabbiltà. Dan il-ftehim allegatament għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, konsegwentement, la huwa neċessarju li jiġi eżaminat, la li jintwera li għandu effett restrittiv fuqha u lanqas li tiġi prodotta l-prova tal-applikazzjoni tiegħu jew tal-eżekuzzjoni effettiva tiegħu.

13

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni qies li l-ftehim inkwistjoni ma huwiex eżentat mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni skont il-punt 8.2.1 tad-Digriet Nru 797/2008 peress li jillimita l-klijentela li lilha d-distributuri jistgħu jbigħu s-softwares tal-kontabbiltà Horizon u Horizon Start.

14

Skont il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, il-ksur hekk ikkonstatat dam iktar minn ħames snin, u ntemm fuq l-inizjattiva ta’ FMS Software. Din l-awtorità qieset, barra minn hekk, li la kien xieraq u lanqas neċessarju li jinżammu responsabbli għal dan il-ksur il-partijiet l-oħra fil-ftehim inkwistjoni, jiġifieri d-distributuri ta’ FMS Software, minħabba li dawn ma kinux ipparteċipaw b’mod attiv fil-konklużjoni tiegħu u li s-setgħa fis-suq rispettiva tagħhom fir-rigward ta’ din il-kumpannija kienet insinjifikanti.

15

Visma Enterprise ippreżentat quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi sostniet, b’mod partikolari, li din hija vvizzjata minn żbalji materjali dwar l-evalwazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, dwar l-interpretazzjoni tal-għan tiegħu kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji sabiex jiġi evalwat jekk ċerti ftehimiet vertikali humiex eżentati mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni.

16

Skont Visma Enterprise, il-ftehim inkwistjoni ma jeliminax il-kompetizzjoni bejn id-distributuri, peress li ma jipprekludix lil dawn milli jissottomettu l-offerti tagħhom lil klijent diġà rreġistrat. Ma teżisti ebda ċirkustanza esterna għal dan il-ftehim li tista’ tiżvela għan komuni tal-partijiet li jaqsmu s-suq skont il-klijentela. Fil-fatt, id-distributuri ma jiġux informati bir-riżervazzjoni tal-klijenti.

17

Visma Enterprise sostniet ukoll li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni messu identifika żewġ awturi jew iktar tal-ksur. L-esklużjoni, minn din l-awtorità, tar-responsabbiltà tad-distributuri ta’ Visma Enterprise għall-ksur ikkonstatat tikkonferma li ma kienx hemm ksur. Barra minn hekk, il-fatt li d-distributuri ma kinux attivi meta kkonkludew il-ftehim inkwistjoni u li s-setgħa tagħhom fis-suq fir-rigward ta’ FMS Software ma kinitx sinjifikattiva ma jippermettix li tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħhom għal ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, huwa l-kompitu tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li jevalwa, fl-ewwel lok, jekk il-kundizzjonijiet tal-kollaborazzjoni bejn FMS Software u d-distributuri tagħha kinux is-suġġett ta’ eżenzjoni u huwa biss fit-tieni lok li għandu jevalwa jekk l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni kienx applikabbli jew le.

18

Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni sostna li l-ftehim inkwistjoni huwa intiż sabiex iqassam il-klijenti bejn id-distributuri għal sitt xhur mid-data tar-reġistrazzjoni u sabiex jelimina l-kompetizzjoni bejniethom. Permezz tal-għan tiegħu huwa għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, peress li, b’mod partikolari, Visma Enterprise ma invokat ebda motiv li jiġġustifika n-neċessità li jiġi limitat id-dritt ta’ distributur li joffri s-servizzi tiegħu lil klijent irriżervat minn distributur ieħor.

19

Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Mejju 2015, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Visma Enterprise u annullat il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-kundanna in solidum għall-ħlas tal-multa. Din il-qorti ordnat lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni jadotta att amministrattiv ġdid li għandu l-għan li jimponi multa fuq FMS Software u li jeskludi mill-kalkolu tal-multa d-dħul mill-bejgħ nett ta’ FMS għall-aħħar sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-kumplament tar-rikors ġie miċħud.

20

Visma Enterprise u l-Kunsill tal-Kompetizzjoni ppreżentaw, kull wieħed minnhom, appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza.

21

Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2017, is-Senāta Administratīvo lietu departaments (il-Qorti Suprema, Dipartiment Amministrattiv, il-Latvja) annullat is-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) tat-8 ta’ Mejju 2015 u rrinvijat il-kawża inkwistjoni quddiem din il-qorti sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid.

22

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw noti addizzjonali.

23

Visma Enterprise sostniet, b’mod partikolari, li l-prijorità mogħtija lid-distributur li kien l-ewwel wieħed li ressaq it-talba tiegħu tikkonsisti fl-għoti tas-sostenn ta’ Visma Enterprise fit-tfassil tal-offerta u tas-soluzzjonijiet tekniċi. Dan il-ftehim ma fih ebda wegħda min-naħa ta’ Visma Enterprise li tgħid li r-reġistrazzjoni tiggarantixxi li d-distributuri l-oħra ma humiex ser jagħmlu offerta lil klijent partikolari jew li Visma Enterprise ma hijiex ser tikkonsulta distributuri oħra dwar klijent partikolari. Bl-istess mod, il-ftehim ma jipprevedi ebda miżura ta’ sfurzar jew ta’ sanzjoni. Visma Enterprise bl-ebda mod ma timpedixxi lid-distributuri l-oħra milli jwettqu tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ma’ klijenti li lilhom wieħed mid-distributuri ta’ Visma Enterprise diġà pprovda servizzi. Id-distributuri huma ttrattati abbażi tal-prinċipju ta’ “min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel (first come, first served)”, li jiggarantixxi ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni ma’ distributur partikolari ma ċċaħħadx lill-klijent mill-possibbiltà li jikseb liċenzja ta’ softwer tal-kontabbiltà għal perijodu ulterjuri mingħand distributur ieħor. La Visma Enterprise u lanqas id-distributuri ma jipprekludu lill-klijent milli jbiddel id-distributur. Il-klijent jista’ wkoll jikkonkludi kuntratt ma’ distributur li ma jkunx l-ewwel wieħed li jkun irreġistrah, u dan jeskludi l-possibbiltà ta’ tqassim tas-suq.

24

Il-ftehim inkwistjoni jinkoraġġixxi lid-distributuri sabiex ikunu attivi fil-kuntest tad-distribuzzjoni tas-softwares tal-kontabbiltà, billi jwettqu b’mod attiv it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ tagħhom f’kompetizzjoni bejniethom. Dan huwa neċessarju minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur u tal-prodott inkwistjoni u minħabba l-partikolarità li s-sistema ta’ distribuzzjoni timplika l-azzjoni simultanja ta’ diversi distributuri li jeżerċitaw funzjoni ekwivalenti fis-suq. Is-sistema ta’ reġistrazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-kunsinna tal-prodott lill-klijent u s-servizzi li huma pprovduti lilu jkunu effikaċi u ta’ kwalità kif ukoll sabiex jiġi żgurat il-kontroll tax-xogħol tad-distributuri, peress li dawn ma humiex, waħedhom, f’pożizzjoni li jifhmu l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi pprovduti lill-klijenti.

25

B’hekk, ir-reġistrazzjoni, billi tiggarantixxi li Visma Enterprise tiġi informata f’ħin utli u billi tippermettilha timla lakuni fl-għarfien tad-distributur, hija intiża sabiex tevita li tiġi ppreġudikata r-reputazzjoni tal-prodott jew li l-klijent jirċievi impressjoni qarrieqa fuq is-softwer u l-funzjonalitajiet tiegħu. Il-provvista ta’ servizz ta’ kwalità minn distributur kompetenti tippermetti li jiġu ffrankati r-riżorsi ta’ Visma Enterprise.

26

L-għan tal-ftehim inkwistjoni huwa għalhekk li jinkoraġġixxi l-attività tad-distributuri li jitolbu tranżazzjonijiet mingħand Visma Enterprise, sabiex din tkun f’pożizzjoni, fid-dawl tad-dħul mistenni kif ukoll tas-settur ta’ attività u tal-interessi tal-klijenti potenzjali, li tippjana d-dħul tagħha, li tidentifika l-klijentela potenzjali, li tiddeċiedi dwar investimenti fl-iżvilupp tal-prodott tagħha kif ukoll li tagħti lill-klijent skont tal-manifattur fuq talba tad-distributur. Għaldaqstant, dan il-ftehim ifittex għan leġittimu sa fejn jippermetti l-organizzazzjoni tal-kollaborazzjoni mad-distributur, l-evalwazzjoni tal-konformità tal-prodott mal-bżonnijiet tax-xerrej, l-istabbiliment ta’ modalitajiet ta’ kollaborazzjoni ekwi mad-distributuri u l-użu tar-riżorsi b’mod razzjonali.

27

Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni wieġeb li Visma Enterprise twettaq tqassim ikkoordinat tal-klijenti bejn id-distributuri. Ma hemmx spjegazzjoni razzjonali u ekonomikament iġġustifikata għat-tnedija tal-proċess ta’ reġistrazzjoni qabel ma l-klijent potenzjali jkun ikkonferma x-xewqa tiegħu li jibda juża s-software żviluppat minn Visma Enterprise. L-evalwazzjoni tal-identifikazzjoni tal-klijenti potenzjali u tal-investiment neċessarju għall-iżvilupp tal-prodott tista’ sseħħ biss meta l-utent finali jkun aċċetta li jibda l-użu tas-software ikkummerċjalizzat.

28

Visma Enterprise ma tikkontrollax l-attivitajiet u l-kompetenzi tad-distributuri fil-kuntest tal-bejgħ mill-ġdid tas-software. Hija tivverifika l-għarfien tad-distributuri qabel ma tibda kollaborazzjoni magħhom u torganizza regolarment seminars għad-distributuri sabiex jikkompletaw l-għarfien tagħhom u jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom. Il-kliem “sakemm dan ma jkunx ikkontestat mill-utent finali”, li jinsab fil-ftehim inkwistjoni, ma tantx huwa importanti għall-evalwazzjoni tal-livell ta’ prova fil-qasam tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni. L-evalwazzjoni tal-imġiba probabbli ta’ klijent twassal sabiex jiġi eżaminat jekk il-klawżola kontenzjuża ġietx effettivament implimentata. Issa, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-implimentazzjoni ta’ din il-klawżola, ħlief sabiex l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ssir tiddependi mill-espressjoni tar-rieda ta’ terz.

29

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni sostna li l-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni la kienet tistabbilixxi sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva u lanqas sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali restrizzjonijiet tal-bejgħ passiv.

30

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ċaħdet ir-rikors billi ddikjarat id-deċiżjoni kontenzjuża legali u fondata. Wara li evalwat l-importanza tal-inklużjoni fil-ftehim inkwistjoni tal-kliem “sakemm dan ma jkunx ikkontestat mill-utent finali”, din il-qorti warrbet l-importanza tiegħu, minħabba li kellu natura formali u minħabba li l-konsumatur finali ma kellux għarfien tal-ftehim ta’ tqassim tal-klijentela. Skont l-imsemmija qorti, il-konstatazzjoni ta’ akkordju ma tistax tiddependi fuq l-aġir tal-klijenti, ħlief fil-każ tal-ftehimiet orizzontali, fejn l-eżistenza ta’ akkordju tista’ tiġi kkonstatata biss jekk il-klijenti jixtru prodotti bil-prezz kollużiv ikkonċernat.

31

Visma Enterprise ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza.

32

Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Novembru 2019, is-Senāta Administratīvo lietu departaments (il-Qorti Suprema, Dipartiment Amministrattiv) annullat is-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) tat-13 ta’ Settembru 2018.

33

Is-Senāta Administratīvo lietu departaments (il-Qorti Suprema, Dipartiment Amministrattiv) qieset li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ma wettqitx evalwazzjoni korretta tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-ftehim inkwistjoni. In-natura, il-portata u l-limiti ta’ dan il-ftehim jidhru fil-modalitajiet tal-implimentazzjoni tiegħu, previsti mill-partijiet fl-akkordju, u dan jinkludi wkoll il-mod kif l-oġġezzjonijiet eventwali tal-klijenti ser jinġabru u ser jaffettwaw il-marġni ta’ manuvra tal-bejjiegħ. Barra minn hekk, ftit jimporta li l-klijent ikun jaf bl-eżistenza tal-istipulazzjoni li tippermettilu jopponi l-prijorità tad-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistrah jew tal-kontenut tal-ftehim inkwistjoni b’mod ġenerali.

34

Min-naħa l-oħra, dak li huwa importanti huwa li wieħed ikun jaf kif id-distributuri għandhom jaġixxu fil-kuntest tal-proċess ta’ bejgħ jekk tali oġġezzjonijiet jiġu rċevuti. Dan il-punt jista’ jiġi kkjarifikat fid-dawl kemm tal-formulazzjoni ta’ dan il-ftehim kif ukoll tal-implimentazzjoni tiegħu. In-neċessità li din l-istipulazzjoni tiġi evalwata bħala li tirrifletti l-kontenut tal-ftehim inkwistjoni ma tistax tiġi assimilata mal-prova tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu bħala kundizzjoni preliminari għall-konstatazzjoni ta’ ksur. Huwa neċessarju li jiġi evalwat il-kontenut tal-ftehim kemm fid-dawl tal-kliem tiegħu kif ukoll tal-provi, prodotti mill-partijiet fil-proċedura, li jistgħu jindikaw in-natura vera tal-ftehim.

35

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-ftehim inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, din il-kawża għandha tiġi solvuta bl-applikazzjoni tad-dritt Latvjan, jiġifieri l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni u d-Digriet Nru 797/2008.

36

Madankollu, b’mod partikolari fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni dirett tad-dritt tal-Unjoni, imma fejn dawn id-dispożizzjonijiet kienu saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, għas-soluzzjonijiet offruti għal sitwazzjonijiet purament interni, kienet tikkonforma ruħha ma’ dawk tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’tali każijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li, biex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti fid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw.

37

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tas-Senāta Administratīvo lietu departaments (il-Qorti Suprema, Dipartiment Amministrattiv) jirriżulta li, fir-rigward tal-effetti probabbli tal-ftehimiet dwar il-kompetizzjoni, l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni jistabbilixxu l-istess kuntest ġuridiku. Dan ifisser li l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni ma għandhiex tkun differenti minn dik tal-Artikolu 101(1) TFUE. Huwa essenzjali li jiġi evitat li fil-Latvja jiġu ammessi kriterji ta’ evalwazzjoni differenti minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ftehimiet vertikali pprojbiti. Iċ-ċertezza legali li toħloq prattika istituzzjonali u ġudizzjarja prevedibbli hija konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt kemm tar-Repubblika tal-Latvja kif ukoll tal-Unjoni.

38

Minbarra dan, approċċ fundamentalment differenti fir-rigward tad-definizzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jista’ jkun sors ta’ differenzi bejn l-Istati Membri li jistgħu jfixklu l-funzjonament tas-suq intern.

39

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ ftehim li jipprevedi li d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni jingħata, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni, il-prijorità għat-twettiq tal-proċess ta’ bejgħ mal-utent finali kkonċernat, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan tal-aħħar, in-natura tal-ftehim waħedha hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan huwa ftehim li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Skont interpretazzjoni korretta tat-Trattat [FUE], il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri (li skontu d-distributur li rreġistra l-ewwel tranżazzjoni potenzjali jibbenefika minn prijorità għat-twettiq tal-proċess tal-bejgħ mal-utent finali kkonċernat matul 6 xhur b’effett minn din ir-reġistrazzjoni, sakemm dan ma jkunx ikkontestat mill-utent finali) jista’ jitqies bħala ftehim bejn impriżi li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) [TFUE]?

2)

Il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri, interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [FUE], jinkludi elementi li jindikaw li tali ftehim ma huwiex eżentat mill-projbizzjoni ġenerali tal-akkordji?

3)

Il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri, interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [FUE], jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi eċċezzjoni? L-eċċezzjoni li tippermetti l-konklużjoni ta’ ftehimiet vertikali li jirrestrinġu l-bejgħ attiv f’territorju jew lil klijentela li l-fornitur irriżerva esklużivament għalih jew li alloka esklużivament lil xerrej ieħor, meta din ir-restrizzjoni ma tkunx tillimita l-bejgħ imwettaq mill-klijenti tax-xerrej u meta s-sehem mis-suq tal-fornitur (tar-rikorrenti) ma jkunx jeċċedix 30 %, tapplika biss għas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva?

4)

Il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri, interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [FUE], jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi ksur biss abbażi tal-aġir illegali ta’ operatur ekonomiku uniku? Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [FUE], jippermettu li jiġi stabbilit li operatur uniku pparteċipa fl-akkordju?

5)

Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [FUE], jippermettu li tiġi stabbilita restrizzjoni (distorsjoni) tal-kompetizzjoni fi ħdan sistema ta’ distribuzzjoni, jew vantaġġ favur [Visma Enterprise], jew effett negattiv fuq il-kompetizzjoni?

6)

Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [FUE], jekk is-sehem mis-suq tan-network ta’ distribuzzjoni ma jkunx jeċċedi 30 % ([Visma Enterprise] hija produttur, b’mod li s-sehem mis-suq tagħha jinkludi wkoll il-volum ta’ bejgħ tad-distributuri tagħha), jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fi ħdan sistema ta’ distribuzzjoni u/jew barra din is-sistema, u dan il-ftehim huwa suġġett għall-projbizzjoni tal-akkordji?

7)

Konformement mal-Artikolu 101(3) [TFUE] u mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni [Nru 330/2010], [moqri] flimkien mal-Artikolu 4(b) tiegħu,

l-eżenzjoni tapplika għal sistema ta’ distribuzzjoni fejn i) id-distributur (kummerċjant) jagħżel huwa stess il-klijent potenzjali li jikkollabora miegħu; ii) il-fornitur ma jkunx identifika minn qabel, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, magħrufa u verifikabbli b’mod ċar, grupp speċifiku ta’ klijenti li kull distributur jipprovdi s-servizzi tiegħu lilhom; iii) il-fornitur, fuq talba tad-distributur (kummerċjant), jirriżerva klijenti potenzjali għal dan id-distributur; iv) id-distributuri l-oħra ma jkollhomx għarfien jew ma jkunux informati minn qabel bir-riżerva tal-klijent potenzjali; fejn v) l-unika kriterju sabiex jiġi rriżervat klijent potenzjali u, għalhekk, sabiex tiġi ddetrminata s-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva favur distributur partikolari tkun talba min-naħa ta’ dan id-distributur u mhux deċiżjoni tal-fornitur; jew fejn iv) ir-riżerva tibqa’ fis-seħħ matul 6 xhur mir-reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni potenzjali (fejn sussegwentement id-distribuzzjoni ma tibqax esklużiva)?

jista’ jiġi kkonstatat li l-bejgħ passiv ma jkunx limitat meta l-ftehim bejn il-fornitur u d-distributur ikun jinkludi klawżola li tipprovdi li x-xerrej (utent finali) jista’ jopponi r-riżerva tagħha, iżda li dan ix-xerrej ma jkunx ġie informat bil-klawżola inkwistjoni? L-aġir tax-xerrej (utent finali) jista’ jinfluwenza (jiġġustifika) it-termini tal-ftehim konkluż bejn il-fornitur u d-distributur?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ftehim inkwistjoni jikkonċerna sitwazzjoni purament interna u ma għandux effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, skont din il-qorti, it-tilwima għandha tiġi solvuta bl-applikazzjoni tad-dritt Latvjan. Madankollu, l-imsemmija qorti tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema Latvjana, l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni jistabbilixxu l-istess kuntest ġuridiku f’dak li jirrigwarda l-effetti probabbli tal-ftehimiet fuq il-kompetizzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma għandhiex tkun differenti. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa essenzjali li jiġi evitat li fil-Latvja jiġu ammessi kriterji sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ftehimiet vertikali pprojbiti differenti minn dawk previsti mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 3435, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service, C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service, C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti fil-kawża prinċipali kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni diretta ta’ dan id-dritt, sakemm l-imsemmija dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et, C‑542/14, EU:C:2016:578, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Tali ġurisdizzjoni hija ġġustifikata mill-interess manifest, għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sabiex, bil-għan li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service, C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju essenzjalment jirriżulta li l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni jipprevedi kuntest ġuridiku identiku għal dak previst fl-Artikolu 101(1) TFUE u li l-imsemmi Artikolu 11(1) għandu jingħata l-istess interpretazzjoni bħall-Artikolu 101(1) TFUE.

47

Barra minn hekk, dan il-fatt diġà wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE f’sitwazzjonijiet purament interni li ma għandhomx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li fihom kien japplika l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 11 sa 14, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et, C‑542/14, EU:C:2016:578, punti 16 sa 19).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 101(3) TFUE, li l-kontenut essenzjali tiegħu huwa riprodott fl-Artikolu 11(2) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni.

49

Min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 330/2010, ma hijiex stabbilita. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 101(1) TFUE jiġi ddikjarat, skont l-Artikolu 101(3) TFUE, inapplikabbli għall-ftehimiet vertikali. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni Latvjana rrendiet applikabbli s-soluzzjonijiet adottati mir-Regolament Nru 330/2010 għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, il-ħames u s-sitt domanda

50

Permezz tal-ewwel, il-ħames u s-sitt domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn fornitur u distributur li skontu d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali jibbenefika, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni, minn “prijorità għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ bejgħ”, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent, jista’ jiġi kkwalifikat bħala “ftehim li għandu bħala għan” jew “bħala riżultat” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

51

F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom, f’dan il-każ dwar l-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih din taqa’, il-ftehim inkwistjoni għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 29, kif ukoll tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 59).

52

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Skont l-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti il-ftehimiet kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

54

Sabiex jaqa’ taħt din il-projbizzjoni, ftehim għandu jkollu “bħala għan jew bħala riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni b’mod sinjifikattiv tal-kompetizzjoni fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punti 16, 1720 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 31).

55

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal qabel xejn għall-bżonn li jiġi kkunsidrat l-għan stess tal-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tagħmel distinzjoni ċara bejn il-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” u dak ta’ “restrizzjoni minħabba r-riżultat”, peress li kull wieħed minnhom huwa suġġett għal sistema probatorja differenti (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63).

57

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex jiġu kkwalifikati bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, b’mod li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalhekk, fir-rigward tal-prattiki kklassifikati bħala “restrizzjonijiet minħabba l-għan”, ma hemmx lok li jiġu mfittxija u lanqas a fortiori li jintwerew l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni sabiex jiġu kklassifikati bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE inkwantu l-esperjenza turi li tali aġir jikkawża tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li jwassal għal tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex ikun hemm għan antikompetittiv, huwa biżżejjed għalhekk li l-ftehim ikun jista’ konkretament jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 38).

59

Il-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jinvolvix restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jinsab għalhekk fil-konstatazzjoni li tali ftehim għandu, fih innifsu, livell suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx lok li jiġu mistħarrġa l-effetti tiegħu (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil-fatt, dan il-kunċett jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Madankollu, il-fatt li ftehim jikkostitwixxi ftehim vertikali ma jeskludix il-possibbiltà li dan jinvolvi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. Fil-fatt, għalkemm l-akkordji vertikali huma, min-natura tagħhom, ħafna drabi inqas dannużi fir-rigward tal-kompetizzjoni milli l-ftehimiet orizzontali, madankollu huma jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikollhom ukoll potenzjal restrittiv partikolarment għoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 43, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 21).

62

Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jsir riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-għanijiet li huwa jfittex li jilħaq, kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Il-fatt li miżura titqies li għandha għan leġittimu ma jeskludix li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ għan ieħor imfittex minnha u li għandu jiġi kkunsidrat, min-naħa tiegħu, bħala illeġittimu, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura u tal-kuntest li tinsab fih, l-imsemmija miżura tista’ tiġi kkunsidrata bħala li għandha għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fir-rigward, qabelxejn, tal-kontenut tal-ftehim inkwistjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola 4.1 tal-kuntratt standard ta’ kollaborazzjoni konkluż bejn Visma Enterprise u d-distributuri tagħha tipprevedi li d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali jibbenefika, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni potenzjali, minn “prijorità għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ bejgħ”, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-imsemmija klawżola, kif riprodott fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirriżultax fiex tikkonsisti din il-prijorità. Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa biss id-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra l-klijent potenzjali li jista’ jwettaq l-operazzjoni ta’ bejgħ miegħu, ħaġa li Visma Enterprise ikkontestat.

66

Kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess klawżola ma tidhirx, fiha nnifisha, li tipprojbixxi espressament lid-distributuri ta’ Visma Enterprise milli jindirizzaw b’mod attiv lil klijent potenzjali jew milli jwieġbu għat-talbiet ta’ dan il-klijent. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha madankollu tiddetermina l-kontenut eżatt tal-ftehim inkwistjoni.

67

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet fil-kawża prinċipali lanqas ma jaqblu dwar l-għan ta’ dan il-ftehim, peress li Visma Enterprise sostniet li dan huwa intiż sabiex jorganizza l-kollaborazzjoni mad-distributuri, sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-prodott mal-bżonnijiet tax-xerrej, sabiex jiġu stabbiliti modalitajiet ta’ kollaborazzjoni ekwi mad-distributuri u sabiex ir-riżorsi jintużaw b’mod razzjonali.

68

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-għanijiet imfittxija mill-ftehim inkwistjoni.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jikkunsidrawha (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Fl-aħħar nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqa’ l-ftehim inkwistjoni.

71

Fil-każ fejn dan il-ftehim ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, il-qorti tar-rinviju jkollha teżamina l-effetti tiegħu u, sabiex tkun tista’ tikklassifikah bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, hija jkollha tikkonstata l-għaqda tal-elementi li jistabbilixxu li, fil-fatt, kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni, jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Għal dan il-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih ikun jinsab dak il-ftehim, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jistgħu jkunu kemm reali kif ukoll potenzjali, iżda, fi kwalunkwe każ, għandhom ikunu suffiċjentement sinjifikattivi (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ftehim fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi eżaminat il-proċess tal-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih jiżvolġi fin-nuqqas tal-ftehim kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-kwantità limitata jew le tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ftehim, il-pożizzjoni u l-importanza tal-partijiet fis-suq tal-prodotti kkonċernati, in-natura iżolata ta’ dan il-ftehim jew, għall-kuntrarju, il-post tiegħu f’numru ta’ akkordji. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ kuntratti simili, mingħajr ma tkun neċessarjament determinanti, hija ċirkustanza li, flimkien ma’ oħrajn, tista’ tikkostitwixxi kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih għandu jiġi evalwat l-imsemmi ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal, 31/80, EU:C:1980:289, punt 19).

76

L-istabbiliment tax-xenarju kontrofattwali għandu l-għan li jiġu stabbiliti l-possibbiltajiet realistiċi ta’ aġir tal-atturi ekonomiċi fl-assenza tal-ftehim ikkonċernat u li b’hekk jiġi ddeterminat il-proċess probabbli tas-suq kif ukoll l-istruttura tiegħu fl-assenza ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 120).

77

Hija l-qorti nazzjonali, abbażi tal-informazzjoni rilevanti kollha, li għandha tiddetermina jekk il-ftehim inkwistjoni jissodisfax, fil-fatt, il-kundizzjonijiet sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal, 31/80, EU:C:1980:289, punt 20).

78

Barra minn hekk, kif sostniet, essenzjalment, il-Kummissjoni, l-akkordji vertikali jistgħu, bħala prinċipju, ikunu inqas ta’ ħsara għall-kompetizzjoni mill-ftehimiet orizzontali. B’hekk, restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn id-distributuri tal-istess trade mark (intra-brand competition) bħala prinċipju hija problematika biss meta l-kompetizzjoni effettiva bejn trade marks differenti fis-suq inkwistjoni (inter‑brand competition) tiddgħajjef (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 22).

79

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni u l-pożizzjoni tal-partijiet fih.

80

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari jirriżulta li l-parti tas-suq ta’ Visma Enterprise ma taqbiżx it-30 %. Din iċ-ċirkustanza għandha, flimkien ma’ elementi oħra, tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-istruttura tas-suq inkwistjoni, inkluża l-pożizzjoni ta’ Visma Enterprise fih, fatt li jista’ jaqa’ fil-kuntest ekonomiku li fih għandu jiġi evalwat il-ftehim inkwistjoni.

81

Il-qorti tar-rinviju għandha, sussegwentement, teżamina l-effetti, fuq il-kompetizzjoni, tar-“riżervazzjoni” tal-klijent potenzjali minn distributur fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domandi preliminari, jidher li huwa stabbilit li d-distributuri ma humiex informati bil-quddiem bir-“riżervazzjoni” tal-klijent potenzjali u li l-klijent finali ma huwiex informat bil-possibbiltà li jopponi din ir-riżervazzjoni kif ukoll fir-rigward tat-tul tagħha.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel, il-ħames u s-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn fornitur u distributur li permezz tiegħu d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali jibbenefika, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni, minn “prijorità għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ bejgħ”, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ftehim li għandu l-għan” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm dan il-ftehim, fid-dawl tal-kliem tiegħu, tal-għanijiet tiegħu u tal-kuntest tiegħu, ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li għandu grad ta’ dannu suffiċjenti fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jiġi hekk ikkwalifikat. Fil-każ li tali ftehim ma jkunx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq inkwistjoni, dan il-ftehim ikun jista’ jitqies li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod suffiċjentement sinjifikattiv minħabba l-effetti reali jew potenzjali tiegħu.

Fuq it-tieni, it-tielet u s-seba’ domanda

83

Permezz tat-tieni, it-tielet u s-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn fornitur u distributur li bis-saħħa tiegħu d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali jibbenefika, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni, minn “prijorità għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ bejgħ”, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent, jista’, fil-każ li jkun jikkostitwixxi ftehim li jkollu “bħala għan” jew “bħala riżultat” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jibbenefika minn eżenzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

84

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull ftehim li jirriżulta li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jkun is-suġġett ta’ eżenzjoni taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu biss jekk huwa jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li jinsabu fih, inkluża l-kundizzjoni li jikkontribwixxi għat-titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni tal-prodotti jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 230 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li t-titjib, fis-sens tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE, ma jistax jiġi identifikat għal kull vantaġġ li l-imsieħba jiksbu mill-ftehim inkwistjoni fir-rigward tal-attività tagħhom ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni. Dan it-titjib għandu, b’mod partikolari, ikollu vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi, ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li joħloq dan il-ftehim fuq il-livell tal-kompetizzjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 234 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

L-eżami ta’ ftehim, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar jikkontribwixxix għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni tal-prodotti jew għal promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku u jekk l-imsemmi ftehim joħloqx vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi, għandu jsir fid-dawl tal-argumenti ta’ fatt u tal-provi prodotti mill-impriżi (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 235 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Tali eżami jista’ jirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-eventwali speċifikazzjonijiet tas-settur ikkonċernat mill-ftehim inkwistjoni, kemm-il darba dawn il-karatteristiċi u dawn l-ispeċifiċitajiet ikunu deċiżivi għar-riżultat tal-eżami. Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 101(3) TFUE, hija n-natura favorevoli tal-effett fuq il-konsumaturi kollha fis-swieq rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 236 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li Visma Enterprise sostniet li l-ftehim inkwistjoni għandu l-effett, b’mod partikolari, li tittejjeb id-distribuzzjoni tal-prodott tiegħu, jiġi pprovdut prodott ta’ kwalità aħjar kif ukoll li tiffranka.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija din il-qorti li għandha tevalwa jekk dan il-ftehim jikkontribwixxix sabiex titjib il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-Artikolu 101(3) TFUE.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni, it-tielet u s-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn fornitur u distributur li permezz tiegħu d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali jibbenefika, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni, minn “prijorità għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ bejgħ”, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent, fil-każ li jikkostitwixxi ftehim li jkollu “bħala għan” jew “bħala riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jista’ jkun is-suġġett ta’ eżenzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu biss jekk huwa jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li jinsabu fih.

Fuq ir-raba’ domanda

91

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) għamlet ir-raba’ domanda fil-kuntest tal-ilment li Visma Enterprise kienet indirizzat kontra l-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li fiha l-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkunsidra li la kien xieraq u lanqas neċessarju li d-distributuri ta’ FMS Software jinżammu responsabbli għall-ksur ikkonstatat. Permezz ta’ dan l-ilment, Visma Enterprise kienet sostniet, essenzjalment, li, sa fejn l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, li jirriproduċi l-essenza tal-Artikolu 101(1) TFUE, jirrigwarda l-ftehimiet bejn l-impriżi, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma setax jissanzjona parti waħda biss għall-ftehim inkwistjoni, ħlief jekk jirrikonoxxi li ma kienx hemm ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

92

Għaldaqstant, ir-raba’ domanda għandha tinftiehem fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ ftehim li jikser din id-dispożizzjoni hija eskluża meta l-awtorità inkarigata mill-implimentazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tkun wettqet evalwazzjoni differenti fir-rigward tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur.

93

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 101(1) TFUE huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti l-ftehimiet kollha konklużi bejn l-impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kollha u l-prattiki miftiehma kollha, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

94

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun hemm “ftehim” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod speċifiku (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, Kilpailu- ja kuluttajavirasto, C‑450/19, EU:C:2021:10, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq evalwazzjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

96

Minn dan isegwi li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ftehim ipprojbit skont l-Artikolu 101(1) TFUE hija, bħala prinċipju, differenti minn dik tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur u tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq parti f’dan il-ftehim, minkejja li ċerti elementi fattwali jistgħu jirriżultaw rilevanti fl-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

97

Fil-fatt, l-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE filwaqt li t-tieni domanda tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din l-aħħar kwistjoni, bħala prinċipju, tittieħed inkunsiderazzjoni biss meta ksur tal-imsemmija dispożizzjoni jiġi kkonstatat minn qabel.

98

Għaldaqstant, sa fejn l-eżistenza ta’ ftehim li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE tiġi stabbilita skont il-kriterji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, l-evalwazzjoni tal-awtorità responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lill-partijiet f’dan il-ftehim ma tistax, bħala prinċipju, ikollha effett fuq il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur.

99

Il-kwistjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE hija, barra minn hekk, distinta minn dik dwar jekk awtorità inkarigata mill-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tistax timputa r-responsabbiltà għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni biss lil parti waħda minn ftehim li jikkostitwixxi dan il-ksur, liema kwistjoni ma tqajmitx fil-kawża prinċipali.

100

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ ftehim ipprojbit minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi eskluża għas-sempliċi raġuni li l-awtorità inkarigata mill-implimentazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni wettqet evalwazzjoni differenti fir-rigward tal-imputazzjoni lill-partijiet f’dan il-ftehim tar-responsabbiltà tal-ksur.

Fuq l-ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn fornitur u distributur li permezz tiegħu d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali jibbenefika, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni, minn “prijorità għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ bejgħ”, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ftehim li għandu l-għan” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm dan il-ftehim, fid-dawl tal-kliem tiegħu, tal-għanijiet tiegħu u tal-kuntest tiegħu, ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li għandu grad ta’ dannu suffiċjenti fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jiġi hekk ikkwalifikat.

Fil-każ li tali ftehim ma jkunx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq inkwistjoni, dan il-ftehim ikun jista’ jitqies li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod suffiċjentement sinjifikattiv minħabba l-effetti reali jew potenzjali tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 101(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn fornitur u distributur li permezz tiegħu d-distributur li kien l-ewwel wieħed li rreġistra t-tranżazzjoni potenzjali mal-utent finali jibbenefika, matul sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni, minn “prijorità għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ bejgħ”, sakemm dan ma jkunx ikkontestat minn dan l-utent, fil-każ li jikkostitwixxi ftehim li jkollu “bħala għan” jew “bħala riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jista’ jkun is-suġġett ta’ eżenzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu biss jekk huwa jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li jinsabu fih.

 

3)

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ ftehim ipprojbit minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi eskluża għas-sempliċi raġuni li l-awtorità inkarigata mill-implimentazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni wettqet evalwazzjoni differenti fir-rigward tal-imputazzjoni lill-partijiet f’dan il-ftehim tar-responsabbiltà tal-ksur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq