Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0123

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2021.
    Ferrari SpA vs Mansory Design & Holding GmbH u WH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinni Komunitarji – Artikolu 4, 6 u 11 – Azzjoni għal kontrafazzjoni – Disinn Komunitarju mhux irreġistrat – Dehra ta’ parti ta’ prodott – Kundizzjonijiet għal protezzjoni – Komponent ta’ prodott kumpless – Karattru individwali – Att ta’ żvelar lill-pubbliku.
    Kawża C-123/20.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:889

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinni Komunitarji – Artikolu 4, 6 u 11 – Azzjoni għal kontrafazzjoni – Disinn Komunitarju mhux irreġistrat – Dehra ta’ parti ta’ prodott – Kundizzjonijiet għal protezzjoni – Komponent ta’ prodott kumpless – Karattru individwali – Att ta’ żvelar lill-pubbliku”

    Fil-Kawża C‑123/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

    Ferrari SpA

    vs

    Mansory Design & Holding GmbH,

    WH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Ferrari SpA, minn R. Pansch u A. Sabellek, Rechtsanwälte,

    għal Mansory Design & Holding GmbH kif ukoll għal WH, minn B. Ackermann, Rechtsanwältin,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn T. Machovičová, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Lulju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2)(b), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 11(1) kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ferrari SpA u Mansory Design band Holding GmbH (iktar ’il quddiem “Mansory Design”) kif ukoll WH, amministratur ta’ din tal-aħħar, dwar azzjoni għal kontrafazzjoni u ta’ talbiet annessi, minħabba allegat ksur tad-drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju mhux irreġistrat.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 6, 7, 16, 17, 21 u 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdu:

    “(6)

    Ġaladarba l-miri ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri, il-protezzjoni ta’ dritt wieħed tad-disinn għal żona waħda li tikkomprendi l-Istati Membri kollha, ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti u tista’, għalhekk, tinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, [l-Unjoni] tista tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. […]

    (7)

    Il-protezzjoni mtejba għad-disinji industrijali mhux biss tippromwovi l-kontribuzzjoni tad-disinjaturi individwali għas-somma ta’ l-eċċellenza Komunitarja fil-qasam, imma wkoll tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom.

    […]

    (16)

    Uħud [mis-setturi tal-ekonomija l-Unjoni] jipproduċu numri kbar ta’ disinji għal prodotti li spiss ikollhom ħajja qasira fis-suq meta l-protezzjoni mingħajr il-piż tal-formalitajiet tar-reġistrazzjoni tkun ta’ vantaġġ u t-tul taż-żmien tal-protezzjoni jkun ta’ sinifikat inqas. Mill-banda l-oħra, jeżistu setturi ta’ l-industrija li jivvalutaw il-vantaġġi tar-reġistrazzjoni minħabba ċ-ċertezza legali ikbar li tipprovdi u li teħtieġ il-possibbiltà ta’ skond iktar fit-tul tal-protezzjoni li tikkorrispondi mal-ħajja mbassra fis-suq tal-prodotti tagħhom.

    (17)

    Dan isejjaħ għal żewġ għamliet ta’ protezzjoni, waħda għal disinn fuq skond qasir mhux irreġistrat u l-oħra għal disinn fuq skond itwal u rreġistrat.

    […]

    (21)

    In-natura esklużiva tad-dritt ikkonferit bid-disinn Komunitarju rreġistrat hija konsistenti maċ-ċertezza legali ikbar tiegħu. Huwa approprjat illi d-disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkostitwixxi dritt biss sabiex jipprevjeni milli jiġi kkupjat. Għalhekk, il-protezzjoni ma għandhiex tinfirex għall-prodotti tad-disinji li jkunu r-riżultat ta’ disinn li jkun wasal għalih disinjatur ieħor b’mod indipendenti. Dan id-dritt għandu jinfirex ukoll għall-kummerċ fil-prodotti li jinkorporaw disinji b’kontravenzjoni.

    […]

    (25)

    Dawk is-setturi ta’ l-industrija li jipproduċu numri kbar ta’ disinji bil-possibbiltà ta’ ħajja qasira fuq perjodi qosra taż-żmien li minnhom x’uħud jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu kummerċjalizzati jsibu vantaġġ fid-disinn Komunitarju mhux irreġistrat […]”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-disinn Komunitarju”, jipprovdi fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

    “Disinn għandu jkun protett

    (a)

    b’‘disinn Komunitarju mhux irreġistrat’, jekk magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f’dan ir-Regolament”.

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    a)

    ‘disinn’ ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu;

    b)

    ‘prodott’ ifisser kull oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn, inklużi fost ħwejjeġ oħra l-partijiet maħsuba sabiex jiġu mmuntati fi prodott kumpless, imballaġġ, muntatura, simboli grafiċi u tipi tipografiċi, imma jeskludi l-programmi tal-kompjuter;

    ċ)

    ‘prodott kumpless’ ifisser prodott li jkun kompost minn komponenti multipli li posthom jista’ jiġi mibdul hekk illi l-prodott jista jiġi żarmat jew armat mill-ġdid.”

    6

    L-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

    “1.   Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

    2.   Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

    a)

    jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar; u

    b)

    safejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet dwar in-novità u l-karattru individwali”

    7

    L-Artikolu 5 tar-Regolament, intitolat “Novità” jipprovdi dan li ġej fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

    “Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

    a)

    fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun [hemm] talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

    […]”

    8

    L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Karattru individwali” jipprovdi dan li ġej fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

    “Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

    a)

    fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun [hemm] talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba”.

    9

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Żvelar”, jipprovdi:

    “Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-[Unjoni]. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-kondizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità”.

    10

    L-Artikolu 11 tal-istess regolament, intitolat “Bidu u l-iskond [tmiem] tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat”, jipprovdi:

    “1.   Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba [ġewwa l-Unjoni].

    2.   Għall-għan tal-paragrafu 1, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-[Unjoni] jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-[Unjoni]. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità”.

    11

    Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”:

    “1.   Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.

    2.   Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett.

    L-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur.

    […]”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Ferrari hija manifattur ta’ karozzi tat-tlielaq u tal-isport stabbilita fl-Italja. Il-mudell tal-ogħla livell FXX K, prodott f’numru limitat ħafna, huwa intiż esklużivament għal sewqan fuq ċirkwit.

    13

    Ferrari ppreżentat il-mudell FXX K għall-ewwel darba lill-pubbliku fi stqarrija għall-istampa tat-2 ta’ Diċembru 2014. Din l-istqarrija kien fiha ż-żewġ ritratti segwenti, li kienu juru rispettivament il-vettura mill-ġenb u minn quddiem.

    Image

    14

    Il-Ferrari FXX K teżisti f’żewġ verżjonijiet li d-differenza bejniethom hija biss il-kulur tal-“V” li tinsab fuq il-bonit. Fl-ewwel verżjoni, murija mir-ritratti riprodotti hawn fuq, din il-“V” hija ta’ kulur iswed bl-eċċezzjoni tal-ponta baxxa tagħha, li hija tal-istess kulur bħall-kulur bażiku tal-vettura kkonċernata. Fit-tieni verżjoni, l-imsemmija “V” hija kollha kemm hi ta’ kulur iswed.

    15

    Mansory Design, li WH huwa l-amministratur tagħha, hija impriża ta’ personalizzazzjoni ta’ karozzi ta’ kwalità għolja. It-tnejn li huma huma stabbiliti fil-Ġermanja. Mill-2016, Mansory Design tipproduċi u tikkummerċjalizza settijiet ta’ aċċessorji ta’ personalizzazzjoni (imsejħa “kits ta’ tuning”) intiżi sabiex tiġi mmodifikata d-dehra tal-Ferrari 488 GTB, mudell tat-triq, prodott f’serje, disponibbli sa mill-2015, b’tali mod li ssir tixbah id-dehra tal-Ferrari FXX K.

    16

    Mansory Design tipproponi diversi settijiet intiżi sabiex jimmodifikaw id-dehra tal-Ferrari 488 GTB, li fosthom żewġ verżjonijiet tal-kit ta’ quddiem li jirrifletti ż-żewġ verżjonijiet tal-Ferrari FXX K, fuq l-ewwel verżjoni, il-“V” fuq il-bonit hija ta’ kulur iswed bl-eċċezzjoni tal-ponta baxxa tagħha, filwaqt li hija kollha kemm hi ta’ kulur iswed fuq it-tieni verżjoni. It-trasformazzjoni sħiħa tal-Ferrari 488 GTB timplika s-sostituzzjoni ta’ parti kbira tal-muntatura viżibbli tal-karozzerija. F’Marzu 2016, waqt il-Fiera Internazzjonali tal-Karozzi ta’ Genève (l-Isvizzera), Mansory Design ippreżentat vettura li għaddiet minn din it-trasformazzjoni taħt l-isem Mansory Siracusa 4XX.

    17

    Ferrari tqis li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-partijiet minn Mansory Design tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet mogħtija minn disinn wieħed jew iktar Komunitarji mhux irreġistrati li hija l-proprjetarja tagħhom.

    18

    Prinċipalment, Ferrari ddikjarat li l-kummerċjalizzazzjoni tal-kits ta’ quddiem tikkostitwixxi ksur tal-ewwel disinn Komunitarju mhux irreġistrat li hija l-proprjetarju tiegħu, li jirrigwarda l-parti mill-mudell FXX K tagħha magħmula mill-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit, l-element fil-forma ta’ ġewnaħ ħiereġ miċ-ċentru ta’ dan l-ewwel element u li jinfetaħ f’sens lonġitudinali, jiġifieri l-“istrake”, l-ispoiler ta’ quddiem b’linja doppja integrat fil-bamper u l-pont vertikali ċentrali li jgħaqqad l-ispoiler ta’ quddiem u l-bonit. Din il-parti hija pperċepita bħala unità li tiddefinixxi l-“karatteristiċi ta’ wiċċ” speċifiċi ta’ din il-vettura, u tfakkar ukoll ajruplan jew vettura ta’ Formula 1. Skont Ferrari, dan id-disinn Komunitarju mhux irreġistrat inħoloq fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tat-2 ta’ Diċembru 2014.

    19

    Sussidjarjament, Ferrari allegat li hija proprjetarja ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat li jirrigwarda l-ispoiler ta’ quddiem b’linja doppja, li nħoloq fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tat-2 ta’ Diċembru 2014, jew, l-iktar tard, fil-pubblikazzjoni, fit-3 ta’ April 2015, ta’ film intitolat “Ferrari FXX K”. – The Making Of”, u li kien ukoll kontrafatt bil-kummerċjalizzazzjoni minn Mansory Design tal-kits ta’ quddiem.

    20

    B’mod iktar sussidjarju, Ferrari bbażat l-azzjoni tagħha fuq it-tielet disinn Komunitarju mhux irreġistrat li jirrigwarda l-muntatura tal-Ferrari FXX K fl-intier tiegħu, kif ġie żvelat f’ritratt ieħor tal-vettura, ippreżentat f’ħarsa oblikwa, li kien jinsab ukoll fl-istqarrija għall-istampa tat-2 ta’ Diċembru 2014.

    21

    Ferrari invokat ukoll, f’dak li jirrigwarda l-partijiet offruti għall-bejgħ fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, drittijiet ibbażati fuq il-protezzjoni kontra l-imitazzjoni skont id-dritt dwar il-kompetizzjoni żleali.

    22

    Fl-ewwel istanza, Ferrari, abbażi ta’ dawn l-elementi, talbet il-waqfien, fl-Unjoni Ewropea kollha, tal-manifattura, tal-offerta għall-bejgħ, tat-tqegħid fis-suq, tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni, tal-użu jew tal-pussess tal-aċċessorji kontenzjużi, u ressqet diversi talbiet annessi, jiġifieri l-provvista ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà, il-ġbir u distruzzjoni tal-prodotti inkwistjoni u l-għoti ta’ kumpens finanzjarju. Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ċaħdet dawn it-talbiet kollha.

    23

    Ferrari appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fejn sostniet li t-talbiet tagħha għal waqfien kif ukoll it-talbiet tagħha relatati mal-ġbir u d-distruzzjoni tal-prodotti inkwistjoni, sa fejn dawn kienu bbażati fuq id-drittijiet mogħtija mid-disinni Komunitarji invokati, ma kienx għad għandhom skop, minħabba l-iskadenza, li seħħet fit-3 ta’ Diċembru 2017, tad-drittijiet inkwistjoni. Għall-kuntrarju, Ferrari żammet, b’mod partikolari, it-talbiet intiżi għall-kumpens għad-dannu tagħha.

    24

    Il-qorti tal-appell ċaħdet lil Ferrari, billi qieset infondati t-talbiet tagħha magħmula abbażi tal-imsemmija disinni Komunitarji mhux irreġistrati. Skont dik il-qorti, l-ewwel disinn Komunitarju invokat, fir-rigward tal-parti tal-Ferrari FXX K deskritta fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, qatt ma eżista, peress li Ferrari ma wrietx li r-rekwiżit minimu ta’ ċerta awtonomija u ta’ ċerta kompletezza fir-rigward tal-forma kien issodisfatt. It-tieni disinn Komunitarju invokat minn Ferrari, dwar id-dehra tal-ispoiler ta’ quddiem, huwa wkoll nieqes mill-element ta’ realtà minħabba li lanqas ma jissodisfa l-kundizzjoni tal-kompletezza tal-forma. Fir-rigward tat-tielet disinn imsemmi, li jirrigwarda l-muntatura tal-Ferrari FXX K meħuda fl-intier tagħha, dan jeżisti tabilħaqq, iżda ma ġiex kontrafatt minn Mansory Design.

    25

    Għalhekk, Ferrari ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). Din il-qorti, li ammettiet dan ir-rikors, tqis li l-eżitu ta’ dan tal-aħħar jiddependi mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod partikolari tal-punt dwar taħt liema kundizzjonijiet id-dehra ta’ parti minn prodott, f’dan il-każ dik mitluba minn Ferrari fuq parti mill-mudell FXX K, tista’, skont dan ir-regolament, tibbenefika minn protezzjoni inkwantu disinn Komunitarju mhux irreġistrat.

    26

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar jekk l-iżvelar lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, tal-immaġni ta’ prodott fl-intier tiegħu huwiex ekwivalenti għall-iżvelar tad-disinni tal-partijiet ta’ dan il-prodott.

    27

    Jekk jitqies li dan huwa l-każ, hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk id-dehra ta’ parti ta’ prodott, sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi disinn apparti, distint minn dak ta’ dan il-prodott, għandhiex ikollha, kif iddeċidiet il-qorti tal-appell, ċerta awtonomija u ċerta kompletezza fir-rigward tal-forma tagħha, li tippermetti li jiġi kkonstatat li d-dehra ta’ din il-parti ma titħallatx kompletament ma’ dik tal-prodott inkwistjoni u tagħti, għall-kuntrarju, impressjoni globali awtonoma meta mqabbla mal-forma globali ta’ dan.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-disponibbiltà għall-pubbliku tal-immaġni ta’ prodott fl-intier tiegħu, skont l-Artikolu 11(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, tista’ twassal għall-istabbiliment ta’ disinni Komunitarji mhux irreġistrati għal ċerti partijiet ta’ dan il-prodott, meqjusa separatament?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    Fil-kuntest tal-eżami tal-karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, liema kriterju legali għandu jiġi applikat sabiex tiġi ddeterminata l-impressjoni ġenerali fil-każ ta’ parti li – bħal, pereżempju, parti komponenti mill-istruttura ta’ vettura – tkun inkorporata fi prodott kumpless? B’mod partikolari, tista’ tingħata importanza determinanti għall-kwistjoni ta’ jekk, f’moħħ l-utent avżat, l-apparenza tal-parti tingħaqadx kompletament ma’ dik tal-prodott kumpless u żżommx ċerta awtonomija u kompletezza fir-rigward tal-forma tagħha li jippermettu li tiġi kkonstatata impressjoni estetika ġenerali indipendenti mill-forma magħquda?”

    Fuq id-domandi preliminari

    29

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ immaġni ta’ prodott, bħall-pubblikazzjoni tar-ritratti ta’ karozza, jista’ jwassal għall-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn fuq parti jew komponent minn dan il-prodott, u, fl-affermattiv, sa fejn id-dehra ta’ parti minn prodott, fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, jew komponent minn prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) u tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament għandha tkun awtonoma meta mqabbla mal-prodott fl-intier tiegħu sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk din id-dehra għandhiex karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament.

    30

    Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn huwa ddefinit bħala “d-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 6/2002, id-dehra tikkostitwixxi element determinanti ta’ disinn (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 62 kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 25).

    31

    Fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 6 u 7 tiegħu, dan jistabbilixxi protezzjoni tad-disinni għal territorju wieħed li jinkludi l-Istati Membri kollha, protezzjoni aħjar tad-disinn industrijali li għandha bħala effett li tiffavorixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet ukoll li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-disinni Komunitarji (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Nintendo, C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Barra minn hekk, mill-premessi 16 u 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, billi stabbilixxa s-sistema tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, sabiex jiffavorixxi l-innovazzjoni, jipproteġi d-disinni applikati jew inkorporati fi prodotti li għandhom ċiklu ta’ ħajja ekonomika qasira u li għalihom id-disinjaturi tagħhom jixtiequ jiksbu protezzjoni rapida u effettiva mingħajr ma jkollhom ibatu formalitajiet ta’ reġistrazzjoni u li għalihom it-tul ta’ protezzjoni għandu rwol sekondarju.

    33

    Il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-ħolqien tal-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju, kemm jekk irreġistrat jew mhux irreġistrat, jiġifieri n-novità u l-karattru individwali, fis-sens tal-Artikoli 4 sa 6 tar-Regolament Nru 6/2002, huma l-istess kemm għall-prodotti kif ukoll għall-partijiet ta’ prodott. Madankollu, fir-rigward tal-protezzjoni tad-dehra ta’ parti ta’ prodott kumpless, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

    34

    F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-elementi tal-karozza inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux “partijiet ta’ prodott”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, jew “partijiet komponenti ta’ prodott ikkumplikat”, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) u tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. B’dan premess, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil din il-qorti kull indikazzjoni utli sabiex taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk l-iżvelar lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, tal-immaġni ta’ prodott fl-intier tiegħu huwiex ekwivalenti għall-iżvelar tad-disinni tal-partijiet ta’ dan il-prodott.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, sakemm il-kundizzjonijiet materjali għall-kisba tal-protezzjoni jkunu ssodisfatti, il-kundizzjoni formali sabiex jinħoloq disinn Komunitarju mhux irreġistrat hija żvelar lill-pubbliku skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament. B’konformità ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie żvelat lill-pubbliku ġewwa l-Unjoni “jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-[Unjoni]”.

    37

    Kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, id-disinn Komunitarju mhux irreġistrat jitnissel mid-data li fiha jiġi żvelat lill-pubbliku għall-ewwel darba fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, disinn huwa “żvelat” meta jsir pubbliku permezz ta’ fatti li setgħu, fil-kors normali tal-kummerċ, “ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati” tas-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni. Dan il-kriterju jista’ jiġi ssodisfatt fil-każ fejn ir-rappreżentazzjonijiet tad-disinn inkwistjoni ġew żvelati lill-kummerċjanti li joperaw fis-settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C‑479/12, EU:C:2014:75, punt 30).

    38

    Naturalment, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex l-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn ta’ prodott meħud fl-intier tiegħu jwassal għall-iżvelar tad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott, huwa imperattiv li d-dehra ta’ din il-parti tkun identifikabbli b’mod ċar waqt dan l-iżvelar. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, iċ-ċirkoli speċjalizzati ma jistgħux, f’dak li jirrigwarda l-parti tal-prodott ikkonċernata, jiksbu raġonevolment il-konoxxenza meħtieġa mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

    39

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fir-rigward tad-disinni Komunitarji rreġistrati, li s-sistema Komunitarja tad-disinni li tirriżulta mir-Regolament Nru 6/2002 teżiġi li r-rappreżentazzjoni ta’ disinn tippermetti li dan jiġi identifikat b’mod ċar, sabiex l-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti fir-rigward tad-drittijiet ta’ terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Mast-Jägermeister vs EUIPO, C‑217/17 P, EU:C:2018:534, punti 54, 5560). Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll rilevanti fir-rigward tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, peress li l-kompetituri attwali u potenzjali tad-disinjatur jew tal-operatur tad-disinn inkwistjoni għandhom, f’dan il-każ ukoll, bżonn ta’ informazzjoni ċara u preċiża.

    40

    Madankollu, ir-rekwiżit dwar il-kapaċità li jiġi identifikat is-suġġett tal-protezzjoni, li jikkontribwixxi għal ċertu livell ta’ ċertezza legali fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, ma jimplikax obbligu għall-kreaturi li jiżvelaw separatament kull waħda mill-partijiet tal-prodotti tagħhom li għalihom jixtiequ jibbenefikaw minn protezzjoni ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali obbligu huwa kuntrarju għall-għan ta’ sempliċità u ta’ rapidità li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, iġġustifika l-istabbiliment tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 42).

    41

    Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ żvelar distint tad-disinn ta’ parti minn prodott fuq il-kreaturi, f’isem iċ-ċertezza legali ta’ terzi, twassal sabiex jiġi injorat l-ekwilibriju mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, li jimplika min-natura tiegħu tnaqqis tal-livell ta’ din is-sigurtà meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta mid-disinni Komunitarji rreġistrati.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-livell ta’ protezzjoni li jibbenefika minnu d-detentur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat huwa wkoll ridott. Minn naħa, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002, id-detentur huwa protett biss kontra l-kopja tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat tiegħu. Min-naħa l-oħra, it-tul tal-protezzjoni offruta lid-disinni Komunitarji mhux irreġistrati huwa limitat għal tliet snin li jibdew jgħaddu mill-ewwel żvelar lill-pubbliku, skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament.

    43

    F’din il-perspettiva, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma esprimiex rieda differenti, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq il-kreaturi obbligu ta’ żvelar distint ta’ kull waħda mill-partijiet tal-prodotti tagħhom li għalihom jixtiequ jibbenefikaw minn protezzjoni ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat.

    44

    Madankollu, il-kriterju tal-għarfien tal-fatti li jikkostitwixxu żvelar miċ-ċirkoli speċjalizzati jippreżumi li d-disinn tal-parti jew tal-komponent tal-prodott ikun identifikabbli b’mod ċar. Meta, bħal f’dan il-każ, l-att ta’ żvelar jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ immaġni ta’ prodott, il-karatteristiċi tal-parti jew tal-komponent ta’ dan il-prodott li għalih jintalab id-disinn inkwistjoni għandhom, għalhekk, ikunu viżibbli b’mod ċar.

    45

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward tat-termini “kull disinn” li jinsab fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, hemm bżonn, sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali tad-disinn, li jkun possibbli li jitqabbel dan ma’ disinn jew diversi disinni preċiżi, individwalizzati, determinati u identifikati fost id-disinni kollha żvelati lill-pubbliku preċedentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 25). Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jkun hemm immaġni li tippermetti li jkun jidher, b’mod preċiż u ċert, dan id-disinn mitlub.

    46

    Il-paragun tal-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti għandu jsir fid-dawl tal-apparenza kollha ta’ kull wieħed minn dawn id-disinni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni ġenerali li dan id-disinn jipproduċi fuq l-utent avżat għandha tkun differenti minn dik li tiġi prodotta fuq dan l-utent mhux b’kombinazzjoni ta’ elementi iżolati, ibbażati fuq numru ta’ disinni preċedenti, imma minn wieħed jew diversi disinni preċedenti, meħuda individwalment (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 35).

    47

    Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “karattru individwali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jirregolax ir-relazzjoni bejn id-disinn ta’ prodott u d-disinni tal-partijiet li jifformawh, iżda r-relazzjoni bejn dawn id-disinni u disinni preċedenti oħra.

    48

    Sabiex jiġi evalwat dan il-karattru individwali fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat mid-dehra tad-disinn invokat, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq id-definizzjoni nnifisha tal-kunċett ta’ “disinn”, kif previst fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, il-forma, in-nisġa u/jew il-materjali.

    49

    Fl-assenza ta’ definizzjoni tal-espressjoni “parti ta’ prodott” fir-Regolament Nru 6/2002, din għandha tinftiehem f’konformità mas-sens abitwali fil-lingwa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, din hija sezzjoni tal-“intier” li jikkostitwixxi l-prodott. Sabiex id-dehra ta’ din is-sezzjoni tkun tista’ tiġi protetta bħala disinn Komunitarju, din għandha, mid-definizzjoni tagħha stess, tkun viżibbli. L-istess japplika, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, meta d-disinn mitlub jikkonsisti f’parti komponenti ta’ prodott kumpless.

    50

    Minn dan isegwi li, sabiex il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni bħala disinn Komunitarju jkunu jistgħu jiġu evalwati, il-parti ta’ prodott jew il-parti komponenti tal-prodott kumpless inkwistjoni għandha tkun viżibbli u delimitata minn karatteristiċi li jikkostitwixxu d-dehra partikolari tagħha, jiġifieri permezz ta’ linji, kontorni, kuluri, forom jew anki konsistenza partikolari. Dan jippreżumi li d-dehra ta’ din il-parti ta’ prodott jew ta’ din il-parti komponenti ta’ prodott kumpless tista’, minnha nnifisha, tipproduċi impressjoni globali u ma tistax tkun ibbażata kompletament fuq il-prodott globali.

    51

    Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-karatteristiċi tad-disinni mitluba minn Ferrari għall-partijiet li jikkomponu l-karrozzerija tal-karozza kkonċernata jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għall-kisba tal-protezzjoni bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat.

    52

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ immaġni ta’ prodott, bħall-pubblikazzjoni ta’ ritratti ta’ karozza, iwassal għall-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn fuq parti minn dan il-prodott, fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, jew fuq komponent mill-imsemmi prodott, inkwantu prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) u tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament sakemm id-dehra ta’ din il-parti jew komponent tkun identifikabbli b’mod ċar fil-mument ta’ dan l-iżvelar. Sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat jekk din id-dehra tissodisfax il-kundizzjoni tal-karattru individwali msemmi fl-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, huwa neċessarju li l-parti jew il-komponent inkwistjoni jikkostitwixxi sezzjoni viżibbli tal-prodott jew tal-prodott kumpless, iddefinita sewwa minn linji, kontorni, kuluri, forom jew nisġa partikolari.

    Fuq l-ispejjeż

    53

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ immaġni ta’ prodott, bħall-pubblikazzjoni ta’ ritratti ta’ karozza, iwassal għall-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn fuq parti minn dan il-prodott, fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, jew fuq komponent mill-imsemmi prodott, inkwantu prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) u tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament sakemm id-dehra ta’ din il-parti jew komponent tkun identifikabbli b’mod ċar fil-mument ta’ dan l-iżvelar.

     

    Sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat jekk din id-dehra tissodisfax il-kundizzjoni tal-karattru individwali msemmi fl-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, huwa neċessarju li l-parti jew il-komponent inkwistjoni jikkostitwixxi sezzjoni viżibbli tal-prodott jew tal-prodott kumpless, iddefinita sewwa minn linji, kontorni, kuluri, forom jew nisġa partikolari.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq