EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0319

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2021.
Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo vs ZV et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Id-Direttiva 2014/42/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċ-ċaħda tal-assi akkwistati illegalment fl-assenza ta’ kundanna kriminali.
Kawża C-319/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:883

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Id-Direttiva 2014/42/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċ-ċaħda tal-assi akkwistati illegalment fl-assenza ta’ kundanna kriminali”

Fil-Kawża C‑319/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2019, fil-proċedura

Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo

kontra

ZV,

AX,

“Meditsinski tsentar po dermatologia i estetichna meditsina PRIMA derm” ООD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, minn S. Tsatsarov,

għal ZV, AX u “Meditsinski tsentar po dermatologia i estetichna meditsina PRIMA DERM” ООD, minn S. Kostov u G. Atanasov, advokati,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u M. Georgieva, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn T. Machovičová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn N. Nikolova kif ukoll minn I. Zaloguin u M. Wilderspin, sussegwentement minn N. Nikolova u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114), kif ukoll tal-Artikoli 17 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imustestvo (il-Kummissjoni responsabbli għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ċ-ċaħda ta’ proprjetà akkwistati b’mod illegali, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“kummissjoni responsabbli miċ-ċaħda tal-proprjetà”) u ZV u lil AX u “Meditsinski tsentar po dermatologia i estetichna meditsina PRIMA DERM” ООD dwar talba għaċ-ċaħda tal-proprjetà allegatament akkwistata b’mod illegali minn ZV u mill-membri tal-familja tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 9, 15 u 22 tad-Direttiva 2014/42 jindikaw:

“(9)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet [tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158), u Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223)]. Dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru għandhom jiġu parzjalment sostitwiti għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

[…]

(15)

Għandu jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-mezzi strumentali u r-rikavat ta’ kriminalità, jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat mill-kriminalità, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali. Tali kundanna definittiva tista’ tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia. […]

[…]

(22)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. Ma żżommx lill-Istati Membri milli jipprevedu setgħat aktar estensivi fil-liġi nazzjonali tagħhom, inkluż, pereżempju, fir-rigward tar-regoli tagħhom dwar l-evidenza.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement u dwar il-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn:

Il-Konvenzjoni mfassla skont l-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea [ĠU 1997, C 195, p. 1] […]

[…]”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tirriżulta minn proċedimenti in absentia.”

Id-dritt Bulgaru

7

Iż-Zakon za otnemane v polza na darzhavata na nezakono pridobito imushtestvo (il-Liġi dwar il-ċaħda favur l-Istat ta’ proprjetajiet akkwistati b’mod illegali) (DV Nru 38, tat-18 ta’ Mejju 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar iċ-ċaħda tal-proprjetà tal-2012”), li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Novembru 2012, tħassret miż-Zakon za protivodeystvie na korupsiata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushestvo (il-Liġi dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ċ-ċaħda tal-proprjetajiet akkwistati illegalment) (DV no 7, tad-19 ta’ Jannar 2018), iżda, kif ippreċiżat il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, tibqa’ applikabbli f’dan il-każ ratione temporis.

8

L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar iċ-ċaħda tal-proprjetajiet tal-2012 kien jistabbilixxi:

“1)   Din il-Liġi tirregola l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet taċ-ċaħda, mill-Istat, tal-proprjetajiet miksuba illegalment.

2)   Proprjetajiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 jfissru l-proprjetajiet li fir-rigward tal-akkwist tagħhom ma jista’ jiġi kkonstatat ebda sors legali.”

9

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

“Il-proċeduri introdotti f’din il-Liġi għandhom jitmexxew irrispettivament minn kwalunkwe proċeduri kriminali li jkunu tressqu fil-konfront tal-persuna li tkun taħt inkjesta u/jew persuni f’kollużjoni magħha.”

10

L-Artikolu 22(1) tal-imsemmija liġi kien jipprevedi:

“L-inkjesta msemmija fl-Artikolu 21(2) għandha tinfetaħ permezz ta’ att tad-direttur territorjali kkonċernat, meta persuna tiġi intimata jew akkużata li wettqet ksur kriminali li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

[…]

8. l-Artikoli 201 sa 203;

[…]

20. l-Artikoli 282, 283 u 283a;

[…]

tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fil-5 ta’ Mejju 2015, il-Voenno okrazhna prokuratura - Sofia (uffiċċju tal-prosekutur militari tar-reġjun ta’ Sofija, il-Bulgarija) innotifika lill-Kummissjoni responsabbli miċ-ċaħda tal-proprjetajiet bil-fatt li kienu nbdew proċeduri kriminali kontra ZV għar-reat previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 282(2) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) ta’ dan il-kodiċi.

12

B’mod partikolari, ZV qed titfittex talli, mid-29 ta’ Novembru 2004 sal-10 ta’ Settembru 2014, bħala uffiċjal diriġenti tad-dipartiment tad-dermatoloġija, tal-venereoloġija u l-allerġoloġija tal-Voennomeditsinska akademia (Akkademja tal-Mediċina Militari) ta’ Sofija (il-Bulgarija), wettqet atti li jmorru lil hinn mill-kompetenzi li hija kellha fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, bil-għan li takkwista vantaġġ materjali għaliha nnifisha jew għal DERMA PRIM-MK OOD, kumpannija li fiha kellha maġġoranza tal-ishma.

13

Il-proċeduri kriminali kontra ZV huma attwalment pendenti quddiem is-Sofiyski voenen sad (il-Qorti militari ta’ Sofija, il-Bulgarija).

14

Abbażi tan-notifika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur militari tar-reġjun ta’ Sofija, il-Kummissjoni inkarigata miċ-ċaħda tal-proprjetajiet fetħet investigazzjoni fir-rigward ta’ ZV, skont l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar iċ-ċaħda ta’ proprjetajiet tal-2012.

15

Fi tmiem l-investigazzjoni, din il-kummissjoni kkonstatat li kien jeżisti sproporzjon kbir bejn, minn naħa, il-patrimonju ta’ ZV u ta’ żewġha kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-dħul tagħhom. Konsegwentement, fit-18 ta’ Jannar 2017, hija ressqet talba quddiem il-qorti tar-rinviju intiża għaċ-ċaħda favur l-Istat tal-proprjetajiet akkwistati illegalment minn ZV u mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkunsidrati bħala marbuta ma’ ZV jew li jinsabu taħt il-kontroll tagħha.

16

Fuq talba tal-imsemmija kummissjoni, il-qorti tar-rinviju adottat miżuri kawtelatorji dwar il-proprjetajiet li tagħhom intalbet iċ-ċaħda.

17

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din it-talba, billi jinvokaw in-nuqqas ta’ konformità tal-Liġi dwar iċ-ċaħda ta’ proprjetajiet tal-2012 mad-Direttiva 2014/42. Huma jallegaw li din id-direttiva tapplika wkoll għall-qasam mhux kriminali u li ma ġietx trasposta b’mod korrett fid-dritt Bulgaru, sa fejn, b’mod partikolari, l-imsemmija liġi ma tipprevedix il-garanziji proċedurali għall-konvenuti u għall-partijiet terzi li għalihom japplikaw ir-regoli dwar l-impożizzjoni ta’ miżuri kawtelatorji jew iċ-ċaħda ta’ proprjetajiet akkwistati illegalment.

18

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, qabelxejn, li l-Liġi dwar iċ-ċaħda ta’ proprjetajiet tal-2012 kienet tipprevedi espliċitament, fl-Artikolu 2 tagħha, li l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ ċaħda invokata quddiem qorti ċivili ma jiddependix mill-proċeduri kriminali miftuħa kontra l-persuna kkonċernata mill-investigazzjoni jew il-persuni marbuta magħha jew ikkontrollati minnha. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, is-sempliċi eżistenza ta’ akkużi kriminali kontra persuna hija kundizzjoni suffiċjenti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ din il-persuna. Għalhekk, il-proċedura mibdija skont din il-liġi tiżvolġi indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata mill-investigazzjoni kinitx is-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva.

19

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Liġi dwar iċ-ċaħda ta’ proprjetajiet tal-2012 qalbet l-oneru tal-prova. Fil-fatt, ikun biżżejjed għall-kummissjoni inkarigata miċ-ċaħda ta’ proprjetajiet li tallega suspett raġonevoli li proprjetajiet nkisbu illegalment. Issa, il-leġiżlatur nazzjonali b’hekk ħoloq preżunzjoni tan-natura illegali tal-akkwist tal-proprjetajiet li l-oriġini tagħhom ma hijiex stabbilita jew ma ġietx ipprovata u introduċa l-kunċett ta’ “sproporzjonalità fil-patrimonju” bħala prova unika u determinanti tal-eżistenza ta’ proprjetajiet akkwistati illegalment. Għaldaqstant, huma suġġetti għal ċaħda mhux biss il-proprjetajiet li joriġinaw minn attività kriminali jew minn ksur amministrattiv gravi, iżda wkoll il-proprjetà kollha li l-provenjenza tagħha ma hijiex stabbilita jew ma hijiex ipprovata.

20

Fl-aħħar nett, skont din il-qorti, anki jekk it-talba għal ċaħda ta’ proprjetajiet għandha tiġi ttrattata skont id-dritt proċedurali ċivili, il-miżura ta’ ċaħda ta’ proprjetajiet akkwistati illegalment hija, min-natura tagħha stess, miżura kriminali li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/42.

21

Issa, peress li l-Liġi dwar iċ-ċaħda ta’ proprjetajiet tal-2012 ma tipprevedix il-garanziji minimi meħtieġa mid-Direttiva 2014/42, din tmur kontra din id-direttiva. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova eċċessiv fuq il-persuna kkonċernata jmur ukoll kontra l-Artikolu 48 tal-Karta.

22

Madankollu, peress li kellha ċerti dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/42, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Mizura ta’ ċaħda ta’ proprjetà miksuba illegalment hija miżura tad-dritt kriminali fis-sens tad-[Direttiva 2014/42] jew miżura tad-dritt ċivili f’sitwazzjoni fejn:

(A)

l-għan taċ-ċaħda ta’ proprjetà, kif iddikjarat mil-liġi nazzjonali, huwa l-prevenzjoni ġenerali tal-possibbiltajiet li tinkiseb proprjetà illegalment u li tiġi ttrasferita tali proprjetà, iżda dan mingħajr ma l-konfiska ma hija suġġetta għall-kundizzjoni li jitwettaq reat jew ksur ieħor jew għall-eżistenza ta’ rabta diretta jew indiretta bejn il-ksur u l-proprjetà akkwistata;

(B)

it-theddida ta’ ċaħda ma tikkonċernax oġġett individwali iżda (I) il-proprjetà kollha tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ verifika, (II) id-drittijiet ta’ proprjetà ta’ terzi (persuni fiżiċi u ġuridiċi) akkwistati bi ħlas jew mingħajr ħlas mingħand il-persuna li tkun is-suġġett ta’ verifika, u (III) id-drittijiet ta’ proprjetà tal-persuni li jkunu involuti bħala msieħba mal-persuna li tkun is-suġġett ta’ verifika u ta’ terzi;

(C)

l-unika kundizzjoni għaċ-ċaħda hija l-invokazzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ illegalità tal-proprjetà kollha li fir-rigward tagħha ma jkunx ġie stabbilit l-oriġini legali tagħha (mingħajr definizzjoni minn qabel tat-tifsira ta’ ‘oriġini legali jew illegali’);

(D)

tiddefinixxi mill-ġdid il-legalità tal-proprjetà akkwistata għall-persuni kkonċernati kollha (il-persuna li tkun is-suġġett ta’ verifika, terzi u persuni li kienu involuti bħala msieħba fil-passat) b’effett retroattiv għal għaxar snin bħala konsegwenza tal-assenza ta’ prova li tistabbilixxi l-oriġini tal-akkwist tal-proprjetà tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ verifika, liema prova ma kienx hemm obbligu legali li tiġi prodotta fil-mument tal-akkwist tad-dritt ta’ proprjetà speċifiku inkwistjoni?

2)

L-istandards minimi stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/42 dwar id-drittijiet iggarantiti lill-proprjetarji u lil terzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li d-dritt u l-prassi ġudizzjarja nazzjonali jipprevedu konfiska mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-konfiska previsti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/42 f’sitwazzjoni fejn il-proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata jkunu twaqqfu minħabba l-assenza ta’ reat kriminali (ikkonstatat mill-qorti) jew fejn il-persuna kkonċernata tkun ġiet illiberata minħabba l-assenza ta’ reat kriminali?

3)

B’mod partikolari, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-salvagwardji rrikonoxxuti f’din id-dispożizzjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ persuna li tkun instabet ħatja u li l-proprjetà tagħha tkun suġġetta għal konfiska għandhom jiġu applikati anki fil-każ, bħal dak ineżami, ta’ proċedura li tiżvolġi b’mod parallel u indipendenti mill-proċeduri kriminali?

4)

Il-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-[Karta], ir-rekwiżit ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit fl-Artikolu 48(2) tagħha u l-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li:

[A] -

toħloq preżunzjoni li l-proprjetà li l-oriġini tagħha ma tkunx ġiet stabbilita jew ipprovata għandha natura kriminali (Artikolu 1(2) [tal-Liġi dwar iċ-Ċaħda ta’ Proprjetà tal-2012]);

[B] -

toħloq preżunzjoni li jeżistu raġunijiet plawżibbli sabiex jiġi ssuspettat li l-proprjetà kienet akkwistata illegalment (Artikolu 21(2) [tal-Liġi dwar iċ-Ċaħda ta’ Proprjetà tal-2012];

[Ċ] -

taqleb l-oneru tal-prova tal-oriġini tal-proprjetà u tar-riżorsi użati sabiex tiġi akkwistata mhux biss għall-persuna li tkun is-suġġett ta’ verifika iżda wkoll għal terzi, li jkollhom jipprovaw l-oriġini mhux tal-proprjetà tagħhom iżda dak tal-proprjetà tal-predeċessur tagħhom, u dan anki meta jkunu akkwistaw il-proprjetà bi ħlas;

[D] -

tintroduċi l-kunċett ta’ “patrimonju sproporzjonat” bħala prova unika u determinanti tal-eżistenza ta’ proprjetà akkwistata illegalment;

[E] -

taqleb l-oneru tal-prova għall-persuni kkonċernati kollha u mhux biss għall-persuna li tkun instabet ħatja, u dan sa minn qabel il-kundanna ta’ din tal-aħħar u indipendentement minnha;

[F] -

tippermetti l-applikazzjoni ta’ metodoloġija ta’ riċerka u ta’ analiżi legali u ekonomika li fuq il-bażi tagħha tiġi stabbilita l-preżunzjoni tan-natura illegali tal-proprjetà kkonċernata, kif ukoll il-valur tagħha, preżunzjoni din li hija vinkolanti għall-qorti li tagħti d-deċiżjoni mingħajr ma tkun tista’ teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kontenut u tal-applikazzjoni tal-metodoloġija?

5)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li liġi nazzjonali tissostitwixxi r-raġunijiet plawżibbli għal suspett (fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ investigati u eżaminati mill-qorti) li l-proprjetà kienet ġiet akkwistata bħala riżultat ta’ aġir kriminali bil-preżunzjoni ta’ illegalità tal-oriġini tal-arrikkiment ibbażata biss fuq il-konstatazzjoni li l-arrikkiment huwa ta’ natura ikbar minn valur speċifiku stabbilit fid-dritt nazzjonali (pereżempju EUR 75 000 f’perijodu ta’ għaxar snin)?

6)

Id-dritt għall-proprjetà, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 17 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li:

[A] -

tintroduċi preżunzjoni inkonfutabbli dwar il-kontenut u l-portata tal-proprjetà akkwistata illegalment (Artikolu 63(2) [tal-Liġi dwar iċ-Ċaħda ta’ Proprjetà tal-2012];

[B] -

tintroduċi preżunzjoni inkonfutabbli ta’ illegalità tat-tranżazzjonijiet ta’ akkwist u ta’ trasferiment (Artikolu 65 [tal-Liġi dwar iċ-Ċaħda ta’ Proprjetà tal-2012]; jew

[Ċ] -

tillimita d-drittijiet ta’ terzi li jkollhom jew li jinvokaw drittijiet awtonomi fir-rigward tal-proprjetà li tkun is-suġġett ta’ ċaħda fil-kuntest tal-proċedura għan-notifika tal-kawża lil terzi konformement mal-Artikolu 76(1) [tal-Liġi dwar iċ-Ċaħda ta’ Proprjetà tal-2012]?”

7)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 8(1) sa (10) tad-Direttiva 2014/42 għandhom effett dirett sa fejn jipprevedu garanziji u salvagwardji għall-persuni kkonċernati mill-konfiska jew għal terzi li jkunu aġixxew in bona fide?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23

Il-Kummissjoni responsabbli miċ-ċaħda tal-proprjetajiet ssostni li r-risposta għad-domandi preliminari hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali sa fejn id-Direttiva 2014/42 ma hijiex applikabbli għal din it-tilwima, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. B’mod partikolari, skont din il-kummissjoni, it-talba għal ċaħda ta’ proprjetajiet toriġina mir-reat imsemmi fl-Artikolu 282(2) tal-Kodiċi Kriminali. Issa, dan ir-reat ma jaqax taħt ir-reati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/42, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li fir-rigward tagħhom ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 30, u tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Issa, meta, bħal f’din il-kawża, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda tqum fuq il-mertu tad-domandi (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Konsegwentement, it-talba għal domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/42 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li ċ-ċaħda ta’ proprjetajiet akkwistati illegalment hija ordnata minn qorti nazzjonali fil-kuntest jew wara proċedura li ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ ksur wieħed jew iktar kriminali.

28

Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, kuntrarjament għall-atti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001 (C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 47), il-ksur li dwaru ZV qed tiġi akkużata jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ksur fis-sens tal-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/42.

29

Il-fatt li ċerti partijiet interessati jsostnu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-realtà, l-imsemmija reati ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni u li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/42 jew mal-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tagħha ma jistgħux jikkontestaw din il-premessa.

30

Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, tivverifika l-eżattezza tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit mill-qorti tar-rinviju, hija għandha titlaq mill-premessa li din id-direttiva tista’ tapplika fil-kawża prinċipali.

31

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva 2014/42 tirregolax iċ-ċaħda tal-mezzi u tar-rikavat provenjenti minn attivitajiet illegali li hija ordnata minn qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest jew wara proċedura li ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ ksur wieħed jew iktar kriminali.

32

Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/42 hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti, Kapitolu 4 tat-Trattat FUE, intitolat “Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”, u, b’mod iktar partikolari, fuq l-Artikolu 82(2) u fuq l-Artikolu 83(1) TFUE.

33

Dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu regoli minimi, minn naħa, sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali u, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet f’oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi li għandhom dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew mill-effetti ta’ dawn ir-reati jew minn bżonn li jiġu miġġielda fuq bażi komuni.

34

F’dan ir-rigward, jekk għandu jkun possibbli li jiġu miċħuda strumenti u rikavat minn kriminalità jew proprjetajiet li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak ta’ dawn l-istrumenti jew rikavati, mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan għandu jkun il-każ biss jekk ikun hemm kundanna definittiva għal reat kriminali, peress li tali kundanna definittiva tista’ tirriżulta wkoll minn proċedura fil-kontumaċja.

35

Huwa għalhekk li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu ċ-ċaħda tal-mezzi kollha jew ta’ parti mill-istrumenti u tar-rikavat jew tal-proprjetajiet li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak ta’ dawn il-mezzi jew rikavat, suġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tkun ġiet deċiża fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja.

36

Konsegwentement, fid-dawl tal-għanijiet u tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/42 kif ukoll tal-kuntest li fih din ġiet adottata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-direttiva, bħad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 li hija intiża, konformement mal-premessa 9 tagħha, li testendi d-dispożizzjonijiet tagħha, hija att intiż li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli minimi komuni ta’ ċaħda tal-mezzi u tar-rikavat fir-rigward ta’ reati kriminali, bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ ċaħda adottati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 56).

37

Id-Direttiva 2014/42 ma tirregolax għaldaqstant iċ-ċaħda tal-mezzi u tar-rikavat provenjenti minn attivitajiet illegali li hija ordnata minn qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest jew wara proċedura li ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ ksur wieħed jew iktar kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 57). Tali ċaħda ma taqax, fil-fatt, taħt ir-regoli minimi li din id-direttiva tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, u l-leġiżlazzjoni tagħha taqa’ għalhekk taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, imsemmija fil-premessa 22 tal-imsemmija direttiva, li jipprevedu setgħat iktar estiżi fid-dritt nazzjonali tagħhom.

38

F’dan il-każ, jidher li l-proċedura ta’ ċaħda pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju hija ta’ natura ċivili u tikkoeżisti, fid-dritt intern, ma’ sistema ta’ ċaħda rregolata mid-dritt kriminali. Ċertament, skont l-Artikolu 22(1) tal-Liġi dwar iċ-ċaħda ta’ proprjetajiet tal-2012, tali proċedura tinbeda mill-kummissjoni responsabbli miċ-ċaħda ta’ proprjetajiet meta din tal-aħħar tiġi informata bil-fatt li persuna hija akkużata li wettqet ċerti reati kriminali. Madankollu, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, ladarba tinfetaħ, din il-proċedura, li tiffoka esklużivament fuq il-proprjetajiet li allegatament inkisbu illegalment, titmexxa b’mod indipendenti minn eventwali proċeduri kriminali mibdija kontra l-allegat awtur tal-ksur inkwistjoni kif ukoll l-eżitu ta’ tali proċedura, b’mod partikolari l-kundanna eventwali tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 60).

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba li tadotta fil-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kuntest jew fl-eżitu ta’ proċeduri li jirrigwardaw ksur jew numru ta’ ksur kriminali. Barra minn hekk, iċ-ċaħda li hija tista’ tordna wara l-eżami tat-talba li tressqet quddiemha ma tiddependix mill-kundanna kriminali tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, tali proċedura ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/42 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 61).

40

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura– Haskovo u Apelativna prokuratura– Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8), li fiha d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-kawża prinċipali hija differenti mill-kawża li tat lok għal din is-sentenza sa fejn iċ-ċaħda inkwistjoni f’din il-kawża tal-aħħar kienet prevista mill-Kodiċi Kriminali, l-applikazzjoni tagħha kienet marbuta mat-twettiq ta’ dan ir-reat, f’dan il-każ il-kuntrabandu, u l-persuna kkonċernata kienet ġiet ikkundannata għat-twettiq tal-imsemmi reat.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2014/42 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ċ-ċaħda ta’ proprjetajiet akkwistati illegalment hija ordnata minn qorti nazzjonali fil-kuntest jew wara proċedura li ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ ksur wieħed jew iktar kriminali.

Dwar it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-seba’ domanda

42

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni, għat-tielet, għall-ħames u għas-seba’ domanda.

Fuq ir-raba’ u s-sitt domanda

43

Permezz tar-raba’ u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Karta u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 17 u 48 tagħha.

44

Issa, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma msemmija jew l-effetti indiretti ta’ wieħed mill-oqsma fuq l-ieħor, fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakkja, C‑485/19,EU:C:2021:313, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-proċedura ta’ ċaħda inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/42, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni Bulgara li tirregola din il-proċedura ma tistax titqies li timplimenta d-dritt tal-Unjoni.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Karta ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għar-raba’ u s-sitt domanda (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-2 ta’ Lulju 2020, S.A.D. Maler und Anstreicher, C‑256/19, EU:C:2020:523, punti 32 sa 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ċ-ċaħda ta’ proprjetajiet akkwistati illegalment hija ordnata minn qorti nazzjonali fil-kuntest jew wara proċedura li ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ ksur wieħed jew iktar kriminali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq