Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0373

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2021.
    Finanzamt München Abteilung III vs Dubrovin & Tröger GbR - Aquatics.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)° – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(i) u (j) – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja – Edukazzjoni skolastika jew universitarja – Lezzjonijiet elementari tal-għawm.
    Kawża C-373/19.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:873

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    21 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)°– Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(i) u (j) – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja – Edukazzjoni skolastika jew universitarja – Lezzjonijiet elementari tal-għawm”

    Fil-Kawża C‑373/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

    Finanzamt München Abteilung III

    vs

    Dubrovin & Tröger GbR – Aquatics,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn K. Jürimäe Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tad-Disa’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ġermaniż, minn S. Eisenberg u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u R. Pethke, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt München Abteilung III (iċ-Ċentru tat-Taxxa ta’ München III, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem iċ-“Ċentru tat-Taxxa”) u Dubrovin & Tröger – Aquatics (iktar ’il quddiem “Dubrovin & Tröger”) dwar ir-rifjut taċ-Ċentru tat-Taxxa li jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) is-servizzi ta’ tagħlim tal-għawm ipprovduti minn Dubrovin & Tröger.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    It-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Eżenzjonijiet”, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 2, dwar “[e]żenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, li fih jinsab l-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (i)

    il-provvista ta’ edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid, inkluża l-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija li hija relatata mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku li jkollhom dan bħala l-għan tagħhom jew minn organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala li għandhom oġġetti simili;

    (j)

    tagħlim mogħti privatament minn għalliema u li jkopri edukazzjoni skolastika jew universitarja;

    […]”

    Id-dritt Ġermaniż

    4

    Skont l-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) tal‑21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”):

    “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

    1.

    il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż minn imprenditur fil-kuntest tal-impriża tiegħu. […]

    […]”

    5

    L-Artikolu 4 tal-UStG, intitolat “Eżenzjonijiet ta’ kunsinni u servizzi oħra”, jistabbilixxi li:

    “Fost it-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-punt 1 tal-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi, huma eżentati:

    […]

    21.

    a)

    is-servizzi li jsegwu direttament għan skolastiku jew edukattiv, li huma pprovduti minn skejjel privati jew stabbilimenti oħra ta’ taħriġ ġenerali jew vokazzjonali,

    aa)

    jekk jiġu approvati mill-Istat abbażi tal-Artikolu 7(4) tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali) jew awtorizzati abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Land, jew

    bb)

    jekk l-awtorità kompetenti tal-Land tiċċertifika li jkunu qed iwasslu b’mod regolari għal professjoni jew għal eżami quddiem persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku,

    b)

    is-servizzi ta’ tagħlim li jsegwu direttament għan skolastiku jew edukattiv li huma pprovduti minn għalliema indipendenti

    aa)

    fl-istabbilimenti ta’ tagħlim superjuri fis-sens tal-Artikoli 1 u 70 tal-Hochschulrahmengesetz (il-Liġi Qafas dwar l-Istabbilimenti ta’ Tagħlim Superjuri) u fl-iskejjel pubbliċi ta’ taħriġ ġenerali jew vokazzjonali, jew

    bb)

    fl-iskejjel privati u stabbilimenti oħra ta’ taħriġ ġenerali jew vokazzjonali, sa fejn jissodisfaw il-kundizzjonijiet indikati fis-subparagrafu (a);

    22.

    a)

    konferenzi, korsijiet u avvenimenti oħra, ta’ natura xjentifika jew edukattiva, organizzati minn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, skejjel superjuri ta’ amministrazzjoni u ekonomija, universitajiet popolari jew korpi li jsegwu għanijiet ta’ utilità pubblika jew dawk ta’ organizzazzjoni professjonali, jekk il-parti l-kbira tad-dħul jintuża biex jiġu koperti l-ispejjeż,

    b)

    avvenimenti kulturali u sportivi oħra organizzati mill-operaturi msemmija fil-punt (a), fejn il-miżata tkun tikkonsisti f’miżati ta’ reġistrazzjoni;

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    6

    Dubrovin & Tröger topera skola tal-għawm taħt il-forma ta’ kumpannija ċivili rregolata mid-dritt ordinarju. Fil-kuntest tal-attività tagħha, hija tipprovdi, essenzjalment lil tfal, korsijiet ta’ livelli differenti li jirrigwardaw it-tagħlim tal-affarijiet bażiċi u tat-tekniki tal-għawm. F’dan ir-rigward, hija tqis li dawn is-servizzi għandhom ikunu eżentati mill-VAT.

    7

    Peress li qies, wara kontroll fiskali li jirrigwarda s-snin 2007 sa 2011, li l-imsemmija servizzi ma kinux jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet tal-VAT previsti fil-punti 21 u 22 tal-Artikolu 4 tal-UStG, iċ-Ċentru tat-Taxxa ħareġ, fit‑22 ta’ Novembru 2011, fit‑3 ta’ Settembru 2012 u fit‑12 ta’ Awwissu 2013, avviżi annwali ta’ tassazzjoni għall-VAT għal dawn is-snin.

    8

    Dubrovin & Tröger ikkontestat dawn l-avviżi permezz ta’ lment u sussegwentement, wara li dan ġie miċħud, permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja).

    9

    Waqt li dan ir-rikors kien pendenti, iċ-Ċentru tat-Taxxa ħareġ, fil‑21 ta’ Diċembru 2017, avviżi annwali emendati li fihom dan tal-aħħar, filwaqt li żamm il-klassifikazzjoni tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala tranżazzjonijiet taxxabbli, ħa inkunsiderazzjoni u naqqas il-VAT tal-input imħallsa. Skont ir-regoli ta’ proċedura fiskali applikabbli, dawn l-avviżi annwali emendati saru s-suġġett tal-proċedura quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi).

    10

    Din il-qorti laqgħet l-imsemmi rikors billi enfasizzat li, jekk is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux eżentati fid-dritt nazzjonali, dawn kellhom jiġu eżentati skont l-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).

    11

    Fil-fatt, il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) qieset li t-tagħlim tat-tekniki bażiċi tal-għawm jikkostitwixxi tagħlim skolastiku u li, barra minn hekk, kumpannija ċivili tista’ tinvoka, bl-istess mod bħal imprenditur individwali, l-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112.

    12

    Iċ-Ċentru tat-Taxxa ppreżenta appell għal reviżjoni mid-deċiżjoni tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi). Huwa sostna, b’mod partikolari, li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux, kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt nazzjonali, taħt l-eżenzjonijiet mill-VAT, peress li Dubrovin & Tröger ma għandhiex il-kwalità ta’ għalliem li jagħti lezzjonijiet personali, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112.

    13

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, fl-ewwel lok, li s-servizzi pprovduti minn Dubrovin & Tröger jikkostitwixxu tagħlim, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, peress li jeżisti interess ġenerali kkaratterizzat fit-tagħlim ta’ din il-kompetenza bażika elementari li hija l-għawm, kompetenza li kull bniedem għandu jkollu, b’mod partikolari sabiex ikun jista’ jaffaċċja sitwazzjonijiet ta’ diffikultà fil-qasam akwatiku.

    14

    Din il-qorti żżid li din il-kawża hija differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie (C‑449/17, EU:C:2019:202), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, ma jkoprix it-tagħlim tas-sewqan ipprovdut minn skola tas-sewqan. Fil-fatt, minbarra li dan tal-aħħar jikkostitwixxi tagħlim speċjalizzat, filwaqt li l-varji lezzjonijiet tal-għawm huma intiżi li jkun hemm sovrappożizzjoni bejniethom, dan ma għandux natura ta’ interess ġenerali.

    15

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji determinanti sabiex organu jkun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala “li għandu għanijiet simili” għal dawk ta’ organi rregolati mid-dritt pubbliku li għandhom bħala għan l-edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni skolastika jew universitarja jew it-taħriġ vokazzjonali jew it-taħriġ mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

    16

    Din il-qorti tidher li tqis li l-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C‑174/11, EU:C:2012:716), dwar ir-rikonoxximent tan-“natura soċjali” ta’ organu fid-dawl tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, għandhom japplikaw b’analoġija għar-rikonoxximent ta’ organu bħala “li għandu għanijiet simili” fil-kuntest tal-Artikolu 132(1)(i) ta’ din id-direttiva. B’hekk, ir-rikonoxximent ta’ Dubrovin & Tröger bħala organu rikonoxxut “bħala li għandu għanijiet simili” jista’ jirriżulta mill-interess ġenerali marbut mat-tagħlim ta’ din il-kompetenza bażika elementari li hija l-għawm.

    17

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rekwiżiti applikabbli għal dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ “għalliem li jagħti tagħlim privatament” li l-operatur għandu jkollu sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jista’ jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-VAT, skont jekk għandhomx il-kwalità ta’ imprenditur individwali jew dik ta’ kumpannija ċivili rregolata mid-dritt ordinarju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-għalliem jagħti l-lezzjonijiet lil diversi persuni f’daqqa ma jipprekludix il-kwalifika tiegħu ta’ għalliem li jagħti lezzjonijiet fuq bażi personali (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Haderer, C‑445/05, EU:C:2007:344, punti 3031).

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Il-kunċett ta’ edukazzjoni skolastika u universitarja fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva [2006/112] jinkludi wkoll il-provvista ta’ lezzjonijiet tal-għawm?

    2)

    Ir-rikonoxximent ta’ organu fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 bħala organu li għandu għan komparabbli ma’ dawk ta’ organi rregolati mid-dritt pubbliku li huma responsabbli mill-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika u universtiarja, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid, jista’ jirriżulta mill-fatt li t-tagħlim ipprovdut minn dan l-organu huwa l-ksib ta’ kompetenza bażika elementari (f’dan il-każ l-għawm)?

    3)

    Jekk ir-risposta li tingħata għat-tieni domanda hija fin-negattiv, l-eżenzjoni mit-taxxa taħt l-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112 teħtieġ li l-persuna taxxabbli jkun imprenditur individwali?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    19

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tagħlim tal-għawm mogħti minn skola tal-għawm.

    20

    L-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi eżenzjonijiet li, kif jindika t-titolu tal-kapitolu li taħtu jaqa’ dan l-artikolu, għandhom bħala għan li jiffavorixxu ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali. Madankollu, dawn l-eżenzjonijiet ma jikkonċernawx l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kollha, iżda biss dawk li huma elenkati u deskritti b’mod iddettaljat (is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Brockenhurst College, C‑699/15, EU:C:2017:344, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 17).

    21

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, The English Bridge Union, C‑90/16, EU:C:2017:814, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 18).

    22

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li dawn jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali, li jirriżulta mill-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, li jipprevedi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati għad-definizzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 132 għandhom jiġu interpretati b’mod li dawn jiġu mċaħħda mill-effett tagħhom (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Brockenhurst College, C‑699/15, EU:C:2017:344, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 19).

    23

    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112 ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”.

    24

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minn naħa, it-trasferiment ta’ għarfien u ta’ kompetenzi bejn għalliem u l-istudenti huwa element partikolarment importanti tal-attività ta’ tagħlim (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C‑434/05, EU:C:2007:343, punt 18, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 21).

    25

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika u universitarja”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex limitat biss għat-tagħlim li jwassal għal eżamijiet sabiex tinkiseb kwalifika jew li jippermetti li jinkiseb taħriġ sabiex titwettaq attività professjonali, iżda jinkludi attivitajiet oħra li t-tagħlim tagħhom jingħata ġewwa skejjel jew universitajiet sabiex jiġu żviluppati l-konoxxenzi u l-kapaċitajiet tal-istudenti, sakemm dawn l-attivitajiet ma jkollhomx natura purament rikreattiva (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, C‑473/08, EU:C:2010:47, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punti 2223).

    26

    B’hekk, il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika u universitarja”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, ikopri attivitajiet li huma distinti kemm minħabba n-natura tagħhom stess kif ukoll minħabba l-kuntest li fih jiġu eżerċitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C‑434/05, EU:C:2007:343, punt 20, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 24).

    27

    Minn dan jirriżulta li, permezz ta’ dan il-kunċett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri ċertu tip ta’ sistema ta’ tagħlim li hija komuni għall-Istati Membri kollha, indipendentement mill-karatteristiċi speċifiċi għal kull sistema nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 25).

    28

    Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika u universitarja” għall-finijiet tas-sistema tal-VAT, jirreferi, b’mod ġenerali, għal sistema integrata ta’ trasferiment ta’ għarfien u ta’ kompetenzi dwar firxa wiesgħa u ddiversifikata ta’ suġġetti, kif ukoll l-approfondiment u l-iżvilupp ta’ dan l-għarfien u ta’ dawn il-kompetenzi mill-istudenti hekk kif javvanzaw u jispeċjalizzaw f’livelli differenti li jikkostitwixxu din is-sistema (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 26).

    29

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk it-tagħlim tal-għawm mogħti minn skola tal-għawm, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112.

    30

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li jeżisti interess ġenerali kkaratterizzat mit-tagħlim tal-għawm u li dan il-fatt jippermetti, għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112, li ssir distinzjoni bejn dan it-tagħlim u tagħlim ieħor, bħat-tagħlim tas-sewqan ipprovdut minn skola tas-sewqan, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie (C‑449/17, EU:C:2019:202).

    31

    Madankollu, għandu jiġi osservat li, għalkemm it-tagħlim tal-għawm ipprovdut minn skola tal-għawm, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu importanza ċerta u għandu għan ta’ interess ġenerali, dan xorta jikkostitwixxi tagħlim speċjalizzat u li huwa pprovdut fuq bażi ad hoc, li ma huwiex ekwivalenti, waħdu, għat-trażmissjoni ta’ għarfien u ta’ kompetenzi dwar firxa wiesgħa u ddiversifikata ta’ suġġetti, kif ukoll għall-approfondiment u għall-iżvilupp tagħhom, li hija karatteristika tal-edukazzjoni skolastika jew universitarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie, C‑449/17, EU:C:2019:202, punt 29, kif ukoll id-digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Finanzamt Hamburg-Barmbek-Uhlenhorst, C‑47/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:840, punt 33).

    32

    Mill-bqija, u filwaqt li ma tistax tiġi miċħuda l-importanza tal-għarfien trażmess fil-kuntest tat-tagħlim tas-sewqan awtomobilistiku u dak tat-tbaħħir, b’mod partikolari sabiex jiġu affrontati sitwazzjonijiet ta’ diffikultà u, b’mod iktar ġenerali, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u l-integrità fiżika tal-persuni, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta ddeċidiet, fis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, A & G Fahrschul-Akademie (C‑449/17, EU:C:2019:202), u fid-digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Finanzamt Hamburg-Barmbek-Uhlenhorst (C‑47/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:840), li dan it-tagħlim ma jaqax fil-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112.

    33

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix it-tagħlim tal-għawm ipprovdut minn skola tal-għawm.

    Fuq it-tieni u t-tielet domanda

    34

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix it-tagħlim tal-għawm ipprovdut minn skola tal-għawm.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq