Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0866

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2021.
    SC vs Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal‑ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 52(1)(b) – Ħaddiem li eżerċita attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri – Perijodu minimu meħtieġ mid‑dritt nazzjonali għall‑kisba ta’ dritt għal pensjoni tal‑irtirar – Teħid inkunsiderazzjoni tal‑perijodu ta’ kontribuzzjoni kkompletat taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor – Aggregazzjoni – Kalkolu tal‑ammont tal‑benefiċċju tal‑irtirar li għandu jitħallas.
    Kawża C-866/19.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:865

     SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

    21 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal‑ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 52(1)(b) – Ħaddiem li eżerċita attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri – Perijodu minimu meħtieġ mid‑dritt nazzjonali għall‑kisba ta’ dritt għal pensjoni tal‑irtirar – Teħid inkunsiderazzjoni tal‑perijodu ta’ kontribuzzjoni kkompletat taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor – Aggregazzjoni – Kalkolu tal‑ammont tal‑benefiċċju tal‑irtirar li għandu jitħallas”

    Fil‑Kawża C‑866/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Najwyższy (il‑Qorti Suprema, il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2019, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑27 ta’ Novembru 2019, fil‑proċedura

    SC

    vs

    Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tat‑Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tat‑Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen (Relatur), L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il‑proċedura bil‑miktub,

    wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

    għaż‑Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie, minn J. Piotrowski u S. Żółkiewski, radcowie prawni,

    għall‑Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall‑Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall‑Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

    għall‑Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Brauhoff, bħala aġenti,

    wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑15 ta’ April 2021,

    tagħti l‑preżenti

    Sentenza

    1

    It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 52(1)(b) tar‑Regolament (KE) Nru 883/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il‑kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

    2

    Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ tilwima bejn SC u ż‑Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie (l‑Istituzzjoni tal‑Assigurazzjonijiet Soċjali, Fergħa Nru 1 f’Varsavja, il‑Polonja) (iktar ’il quddiem l‑“Awtorità dwar il‑Pensjonijiet”) dwar id‑determinazzjoni tal‑ammont tal‑pensjoni tal‑irtirar fuq bażi pro rata li għandu jitħallas lilu minn din l‑awtorità.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Ir‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar il‑pubblikazzjoni [l‑applikazzjoni] ta’ l‑iskemi tas‑sigurtà soċjali għall‑persuni impjegati, għall‑persuni li jaħdmu għal rashom u l‑membri tal‑familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il‑Komunità, fil‑verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1408/71”), tħassar fl‑1 ta’ Mejju 2010, id‑data li fiha sar applikabbli r‑Regolament Nru 883/2004.

    Ir‑Regolament Nru 1408/71

    4

    L‑Artikolu 1(r) tar‑Regolament Nru 1408/71 kien jiddefinixxi l‑espressjoni “perjodi ta’ assigurazzjoni” bħala “perjodi ta’ kontribuzzjoni jew perjodu ta’ impjieg jew ta’ xogħol għal rasu kif iddefiniti u magħrufa bħala perjodi ta’ assigurazzjoni bil‑leġislazzjoni taħt liema kienu kompluti jew ikkunsidrati bħala kompluti, u l‑perjodi kollha meqjusa bħala tali, fejn huma meqjusa mill‑imsemmija leġislazzjoni bħala ekwivalenti għall‑perjodi ta’ assigurazzjoni”.

    5

    L‑Artikolu 45 tar‑Regolament Nru 1408/71, intitolat “Konsiderazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt il‑leġislazzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l‑persuna impjegata jew li taħdem għal rasha, għall‑akkwist, ir‑retenzjoni jew l‑irkuprar tad‑dritt tal‑benefiċċji”, kien jipprovdi, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn il‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat Membru tagħmel l‑akkwist, ir‑retenzjoni u l‑irkuprar tad‑dritt tal‑benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl‑ambitu tat‑tifsira tal‑paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat‑twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza, l‑istituzzjoni kompetenti ta’ dak l‑Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal‑perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il‑leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jakk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l‑iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il‑perjodi bħallikieku twettqu taħt il‑leġislazzjoni tagħha.”

    6

    L‑Artikolu 46 ta’ dan ir‑regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji”, kien jipprevedi, fil‑paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Fejn il‑kondizzjonijiet meħtieġa mil‑leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall‑intitolar tal‑benefiċċji jkunu ġew sodisfatti mingħajr ma jkollu jkun applikat l‑Artikolu 45 jew l‑Artikolu 40(3), jkunu japplikaw ir‑regoli li ġejjin:

    (a)

    l‑istituzzjoni kompetenti tikkalkula l‑ammont tal‑benefiċċji li jkunu dovuti:

    (i)

    fuq naħa waħda, taħt id‑dispożizzjonijiet biss tal‑leġislazzjoni li hija tamministra;

    (ii)

    fuq in‑naħa l‑oħra, insegwitu għall‑paragrafu 2;

    […]

    2.   Fejn il‑kondizzjonijiet mitluba mil‑leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall‑intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l‑applikazzjoni ta’ l‑Artikolu 45 jew ta’ l‑Artikolu 40(3), japplikaw ir‑regoli li ġejjin:

    (a)

    l‑istituzzjoni kompetenti tikkalkula l‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju li għalih il‑persuna kkonċernata tkun tista’ tagħmel it‑talba basta l‑perjodi kollha ta’ l‑assigurazzjoni u/jew tar‑residenza, li kienu mwettqa taħt il‑leġislazzjoni ta’ l‑Istati Membri li għalihom il‑persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, jkunu ġew imwettqa fl‑Istat inkwistjoni taħt il‑leġislazzjoni li hija tamministra fil‑jum tal‑għoti tal‑benefiċċju. […]

    (b)

    l‑istituzzjoni kompetenti sussegwentement tiddetermina l‑ammont attwali tal‑benefiċċju abażi tal‑ammont teoretiku li għalih hemm riferenza fil‑paragrafu preċedenti skond il‑proporzjon tat‑tul taż‑żmien tal‑perjodi ta’ assigurazzjoni jew tar‑residenza mwettqa qabel il‑materjalizzazzjoni tar‑riskju taħt il‑leġislazzjoni li hija tamministra mat‑tul taz‑żmien totali tal‑perjodi ta’ assigurazzjoni u tar‑residenza mwettqa qabel il‑materjalizzazzjoni tar‑riskju taħt il‑leġislazzjonijiet ta’ l‑Istati Membri kollha kkonċernati.”

    Ir‑Regolament Nru 883/2004

    7

    Skont l‑Artikolu 1(t) tar‑Regolament Nru 883/2004, l‑espressjoni “perjodu ta’ assigurazzjoni” tfisser “perjodi ta’ kontribuzzjoni, impjieg jew impjieg għal rashom kif definiti jew rikonoxxuti bħala perjodi ta’ assigurazzjoni mil‑leġislazzjoni li taħthom ikunu magħmulin jew meqjusin bħala magħmula, u l‑perjodi kollha meqjusin bħala tali, fejn il‑leġislazzjoni msemmijja tqishom bħala ekwivalenti għal perjodi ta’ assigurazzjoni”.

    8

    L‑Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 883/2004, intitolat “Għadd flimkien ta’ perjodi”, li ħa post l‑Artikolu 45(1) tar‑Regolament Nru 1408/71, huwa fformulat b’dan il‑mod:

    “Sakemm dan ir‑Regolament ma jgħidx mod ieħor, l‑istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l‑leġislazzjoni tiegħu tagħmel:

    il‑kisba, iż‑żamma, id‑dewmien jew l‑irkupru tad‑dritt għal benefiċċji,

    […]

    kondizzjonali fuq l‑ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza, għandha, sa fejn ikun hemm bżonn, tqis perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il‑leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor bħallikieku kienu perjodi magħmula taħt il‑leġislazzjoni applikabbli.”

    9

    Il‑Kapitolu 5 tat‑Titolu III tar‑Regolament Nru 883/2004, intitolat “Pensjonijiet ta’ l‑età u tas‑superstiti”, jinkludi b’mod partikolari l‑Artikolu 52 ta’ dan ir‑regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji”. Il‑paragrafu 1 ta’ dan l‑Artikolu 52, li essenzjalment jirriproduċi d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 46(2) tar‑Regolament Nru 1408/71, jipprovdi:

    “L‑istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkula l‑ammont tal‑benefiċċju li jkollu jingħata:

    (a)

    taħt il‑leġislazzjoni applikata minnha, meta l‑kondizzjonijiet għall‑intitolar għal benefiċċji kienu sodisfatti b’mod esklużiv taħt liġi nazzjonali biss (benefiċċju indipendenti);

    (b)

    billi tasal għal ammont teoretiku u mbagħad għal ammont attwali (benefiċċju pro rata), kif ġej:

    (i)

    l‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju huwa daqs il‑benefiċċju li l‑persuna konċernata tista’ titlob jekk il‑perjodi kollha ta’ assigurazzjoni jew/u ta’ residenza li kienu magħmula taħt il‑leġislazzjonijiet ta’ l‑Istati Membri l‑oħra kienu magħmula taħt il‑leġislazzjoni applikata minnha fil‑jum ta’ l‑għoti tal‑benefiċċju. Jekk, taħt din il‑leġislazzjoni, l‑ammont ma jiddependix mit‑tul tal‑perjodi magħmula, dak l‑ammont għandu jitqies bħala l‑ammont teoretiku;

    (ii)

    l‑istituzzjoni kompetenti għandha imbagħad tistabbilixxi l‑ammont attwali tal‑benefiċċju pro rata billi tapplika għall‑ammont teoretiku il‑proporzjoni bejn it‑tul tal‑perjodi magħmula qabel immaterjalizza ruħu r‑riskju taħt il‑leġislazzjoni applikata minnha u t‑tul totali tal‑perjodi magħmula qabel il‑materjalizzazzjoni tar‑riskju taħt il‑leġislazzjonijiet ta’ l‑Istati Membri kollha konċernati.”

    Id‑dritt Pollakk

    10

    Konformement mal‑punt 2 tal‑Artikolu 5(1) tal‑ustawa o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych (il‑Liġi dwar Pensjonijiet tal‑Irtirar u Oħrajn Ipprovduti mill‑Fond tal‑Assigurazzjoni Soċjali), tas‑17 ta’ Diċembru 1998, fil‑verżjoni applikabbli għat‑tilwima fil‑kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2018, entrata 1270), fil‑kuntest tad‑determinazzjoni tad‑dritt għall‑pensjoni tal‑irtirar u tal‑kalkolu tal‑ammont tagħha, il‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑pensjoni tal‑irtirar iżda ma għandhomx jaqbżu l‑limitu ta’ terz tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji attestati.

    It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2014, maħruġa mill‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet, ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali ngħata pensjoni tal‑irtirar b’effett mill‑5 ta’ Novembru 2013.

    12

    Għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tad‑dritt għal pensjoni tal‑irtirar, l‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet ħadet inkunsiderazzjoni d‑diversi perijodi ta’ assigurazzjoni tar‑rikorrent fil‑kawża prinċipali. Din l‑awtorità bdiet billi ddeterminat it‑tul tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja u mbagħad ħadet inkunsiderazzjoni l‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat Membru sa massimu ta’ terz ta’ dawn il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji. Fl‑aħħar nett, u sa fejn l‑assigurat ma kienx issodisfa, fuq il‑bażi biss tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja, it‑tul minimu ta’ assigurazzjoni meħtieġ għall‑kisba ta’ dritt għall‑pensjoni tal‑irtirar, il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il‑każ ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, ġew miżjuda mat‑tul tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja.

    13

    Wara li ġie ddeterminat it‑tul ta’ assigurazzjoni u konformement mal‑Artikolu 52(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004, l‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet ikkalkolat bl‑istess mod l‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju, filwaqt li żiedet il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji nazzjonali u l‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji nazzjonali fil‑limitu ta’ terz ta’ dawn l‑ewwel perijodi, qabel ma żiedet il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. L‑ammont effettiv tal‑benefiċċju ġie kkalkolat fuq bażi pro rata tat‑tul tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja, kontributorji u mhux kontributorji, b’dawn tal‑aħħar fil‑limitu ta’ terz tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji nazzjonali, meta mqabbel mat‑tul totali tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati kemm taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja u kemm taħt dik ta’ Stat Membru ieħor.

    14

    Ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra d‑deċiżjoni tal‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet tal‑24 ta’ Frar 2014, fejn talab b’mod partikolari li l‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod iktar estiż fil‑kalkolu tal‑ammont tal‑pensjoni tal‑irtirar minħabba li l‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet kienet, fil‑fehma tiegħu, wettqet żball sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni r‑raġunament tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (C‑440/09, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Tomaszewska, EU:C:2011:114), sentenza li minnha jirriżulta li, fid‑determinazzjoni tal‑perijodi neċessarji sabiex jinkiseb id‑dritt għal pensjoni tal‑irtirar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑limitu li ma jistax jinqabeż mill‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji, il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha kkompletati matul il‑karriera professjonali tal‑ħaddiem migrant, inklużi dawk ikkompletati fi Stati Membri oħra.

    15

    Peress li qieset li l‑metodu ta’ kalkolu applikat mill‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet kien korrett, is‑Sąd Okręgowy w Warszawie (il‑Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il‑Polonja) ċaħdet dan ir‑rikors permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015.

    16

    Fuq appell ippreżentat mir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali, is‑Sąd Apelacyjny w Warszawie (il‑Qorti tal‑Appell ta’ Varsavja, il‑Polonja) irriformat, permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Awwissu 2017, l‑imsemmija sentenza kif ukoll id‑deċiżjoni tal‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet tal‑24 ta’ Frar 2014. Dik il‑qorti speċifikat li l‑interpretazzjoni mogħtija fis‑sentenza Tomaszewska fir‑rigward tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 45 tar‑Regolament Nru 1408/71 ma hijiex valida biss għad‑determinazzjoni tat‑tul neċessarju għall‑kisba ta’ dritt għal pensjoni tal‑irtirar iżda hija valida wkoll għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑benefiċċju dovut.

    17

    L‑Awtorità dwar il‑Pensjonijiet ippreżentat appell tal‑kassazzjoni kontra l‑imsemmija sentenza quddiem is‑Sąd Najwyższy (il‑Qorti Suprema, il‑Polonja). Insostenn tal‑appell tagħha, din l‑awtorità ssostni, l‑ewwel, li s‑sentenza Tomaszewska kienet tikkonċerna l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 45(1) tar‑Regolament Nru 1408/71, li jikkorrispondi għall‑Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 883/2004, u mhux tal‑Artikolu 46(2) tar‑Regolament Nru 1408/71, li jikkorrispondi għall‑Artikolu 52(1) tar‑Regolament Nru 883/2004, li huwa inkwistjoni fil‑kawża prinċipali. It‑tieni, dik is‑sentenza hija intiża li tapplika biss f’sitwazzjonijiet fattwali analogi għal dawk tal‑kawża li tat lok għall‑imsemmija sentenza. It‑tielet, l‑applikazzjoni tal‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 45 tar‑Regolament Nru 1408/71, kif mogħtija fis‑sentenza Tomaszewska, għall‑kawża prinċipali ser twassal sabiex il‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod iktar estiż minn dak previst fid‑dritt Pollakk, li ser iwassal għal żieda fil‑parti tal‑kontribuzzjoni tal‑iskema Pollakka ta’ assigurazzjonijiet soċjali fil‑benefiċċju dovut lill‑assigurat. Ir‑raba’, mill‑punt 2 tad‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni Amministrattiva għall‑Koordinazzjoni ta’ Sistemi tas‑Sigurtà Soċjali Nru H6 tas‑16 ta’ Diċembru 2010 dwar l‑applikazzjoni ta’ ċerti prinċipji dwar l‑aggregazzjoni tal‑perjodi skont l‑Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2011, C 45, p. 5), jirriżulta li l‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkomunikati minn Stati Membri oħra għandhom jiġu aggregati mill‑Istat Membru destinatarju mingħajr ma jiddaħħal inkwistjoni l‑valur tagħhom, b’tali mod li l‑awtorità Pollakka responsabbli għall‑assigurazzjonijiet soċjali ma tistax tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ assigurazzjoni nazzjonali b’mod iktar estiż minn dak previst fid‑dritt nazzjonali.

    18

    Skont il‑qorti tar‑rinviju, l‑Artikolu 52(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004 jista’ jingħata tliet interpretazzjonijiet differenti.

    19

    L‑ewwel interpretazzjoni possibbli hija dik segwita mis‑Sąd Apelacyjny w Warszawie (il‑Qorti tal‑Appell ta’ Varsavja), li tibbaża ruħha fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 45(1) tar‑Regolament Nru 1408/71, kif tirriżulta mis‑sentenza Tomaszewska, fis‑sens li l‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑limitu li ma jistax jinqabeż mill‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji meta mqabbla mal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji, il‑perijodi kollha ta’ assigurazzjoni kkompletati, inklużi dawk ikkompletati fi Stati Membri oħra. Din il‑finzjoni ġuridika ma tapplikax biss għall‑kisba tad‑dritt għal benefiċċju, iżda wkoll għall‑kalkolu tal‑ammont, kemm teoretiku u kemm effettiv, ta’ dan il‑benefiċċju.

    20

    It‑tieni interpretazzjoni hija dik fis‑sens li s‑sentenza Tomaszewska għandha biss influwenza parzjali fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 52 tar‑Regolament Nru 883/2004, fis‑sens li huwa biss il‑paragrafu 1(b)(i) ta’ dan l‑artikolu li jipprevedi espliċitament li l‑ammont teoretiku għandu jiġi kkalkolat bl‑użu tal‑finzjoni ġuridika li l‑assigurat ikkompleta l‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha, inklużi dawk ikkompletati fi Stati Membri oħra, fi ħdan l‑Istat Membru li jkun intalab jagħti l‑benefiċċju. Għall‑kuntrarju, il‑kalkolu tal‑ammont effettiv imsemmi fil‑paragrafu 1(b)(ii) tal‑imsemmi artikolu għandu jitwettaq mingħajr l‑applikazzjoni sistematika ta’ din il‑finzjoni.

    21

    It‑tielet interpretazzjoni timplika li s‑sentenza Tomaszewska tapplika biss għall‑kisba tad‑dritt għal pensjoni tal‑irtirar, u mhux għall‑kalkolu tal‑ammont tagħha.

    22

    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑Sąd Najwyższy (il‑Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l‑proċedura quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari segwenti:

    “L‑Artikolu 52(1)(b) tar‑[Regolament Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑istituzzjoni kompetenti:

    a)

    għandha tieħu inkunsiderazzjoni – konformement mad‑dritt nazzjonali – il‑perijodi mhux kontributtivi fil‑limitu tat‑terz tat‑total tal‑perijodi kontributtivi kkompletati taħt id‑dritt nazzjonali u taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra kemm sabiex jiġi ddeterminat l‑ammont teoretiku (punt i) kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat l‑ammont effettiv tal‑benefiċċju (punt ii); jew

    b)

    għandha tieħu inkunsiderazzjoni – konformement mad‑dritt nazzjonali – il‑perijodi mhux kontributtivi fil‑limitu tat‑terz tat‑total tal‑perijodi kontributtivi kkompletati taħt id‑dritt nazzjonali u taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra biss sabiex jiġi ddeterminat l‑ammont teoretiku (punt i) iżda mhux sabiex jiġi ddeterminat l‑ammont effettiv tal‑benefiċċju (punt ii); jew

    c)

    ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, meta jiġi ddeterminat l‑ammont teoretiku (punt i) u l‑ammont effettiv tal‑benefiċċju (punt ii), il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fi Stat Membru ieħor għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑limitu applikabbli għall‑perijodi mhux kontributtivi previst fid‑dritt nazzjonali?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    23

    Permezz tad‑domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 52(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis‑sens li l‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑limitu li ma jistax jinqabeż mill‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji meta mqabbla mal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji konformement mal‑leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat Membru, id‑diversi perijodi ta’ assigurazzjoni, inklużi dawk ikkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, fil‑kuntest tal‑kalkolu tal‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju taħt il‑punt (i) ta’ din id‑dispożizzjoni kif ukoll tal‑ammont effettiv tal‑benefiċċju taħt il‑punt (ii) tal‑imsemmija dispożizzjoni.

    24

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, minkejja li r‑Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2010, bir‑Regolament Nru 883/2004, id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 45 u 46 tar‑Regolament Nru 1408/71 ġew essenzjalment riprodotti, rispettivament, fl‑Artikoli 6 u 52 tar‑Regolament Nru 883/2004. Għaldaqstant, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑imsemmija dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1408/71 iżżomm, kif osserva l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 28 tal‑konklużjonijiet tiegħu, ir‑rilevanza tagħha kollha fir‑rigward tal‑interpetazzjoni tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni tar‑Regolament Nru 883/2004.

    25

    Għandu jitfakkar li d‑dispożizzjonijiet kemm tar‑Regolament Nru 1408/71 u kemm tar‑Regolament Nru 883/2004 ma jorganizzawx skema komuni ta’ sigurtà soċjali iżda l‑għan tagħhom huwa biss li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn id‑diversi skemi nazzjonali li jibqgħu fis‑seħħ. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑Istati Membri jżommu l‑kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw l‑iskemi tas‑sigurtà soċjali tagħhom (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 35, u tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz‑Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 38).

    26

    Peress li r‑Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 ma jiddeterminawx il‑kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l‑kostituzzjoni tal‑perijodi ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni, dawn il‑kundizzjonijiet għandhom, kif jirriżulta kemm mill‑Artikolu 1(r) tar‑Regolament Nru 1408/71 u kemm mill‑Artikolu 1(t) tar‑Regolament Nru 883/2004, jiġu ddefiniti esklużivament mil‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru li taħtha jkunu ġew ikkompletati l‑perijodi inkwistjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Salgado Alonso, C‑306/03, EU:C:2005:44, punt 30).

    27

    Madankollu, għalkemm hija l‑leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, il‑kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji, l‑Istati Membri għandhom xorta waħda josservaw id‑dritt tal‑Unjoni u, b’mod partikolari, id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE dwar il‑libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal‑Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit‑territorju tal‑Istati Membri (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punti 3637, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit, C‑29/19, EU:C:2020:36, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Sabiex tiġi żgurata din l‑osservanza, l‑Artikolu 45 tar‑Regolament Nru 1408/71, kif riprodott essenzjalment fl‑Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 883/2004, jipprevedi li, meta l‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l‑kisba, iż‑żamma jew l‑irkupru tad‑dritt għall‑benefiċċji għall‑ikkompletar ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, l‑istituzzjoni kompetenti ta’ dan l‑Istat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru daqslikieku kienu perijodi kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni applikati minn din l‑istituzzjoni. Fi kliem ieħor, il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri għandhom jiġu aggregati (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz‑Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 41).

    29

    B’hekk, l‑Artikolu 45 tar‑Regolament Nru 1408/71, l‑istess bħall‑Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 883/2004, jimplimenta l‑prinċipju ta’ aggregazzjoni tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ residenza jew ta’ impjieg li huwa stabbilit fl‑Artikolu 48 TFUE. Dan huwa wieħed mill‑prinċipji li jservu bħala bażi għall‑koordinazzjoni, fil‑livell tal‑Unjoni, tal‑iskemi tas‑sigurtà soċjali tal‑Istati Membri li hija intiża sabiex jiġi żgurat li l‑eżerċizzju tad‑dritt għal moviment liberu ma jkollux l‑effett li jċaħħad lil ħaddiem minn vantaġġi tas‑sigurtà soċjali li għalihom kien ikun intitolat li kieku kien ikkompleta l‑karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed. Fil‑fatt, tali konsegwenza tkun tista’ tiddisswadi lill‑ħaddiem tal‑Unjoni milli jeżerċita d‑dritt għal moviment liberu tiegħu u tikkostitwixxi, għalhekk, ostakolu għal din il‑libertà (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Tomaszewska, punt 30 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għaldaqstant, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, għad‑determinazzjoni tal‑perijodu ta’ assigurazzjoni minimu meħtieġ sabiex jinkiseb id‑dritt għal pensjoni tal‑irtirar, limitu li ma jistax jinqabeż mill‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji meta mqabbla mal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji, l‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji, il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha kkompletati matul il‑karriera professjonali tal‑ħaddiem migrant, inklużi dawk ikkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Tomaszewska, punti 37 u 39).

    31

    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi speċifikat li dan il‑prinċipju ta’ aggregazzjoni japplika fis‑sitwazzjonijiet kollha fejn il‑kisba tad‑dritt għal pensjoni tal‑irtirar teħtieġ it‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑perijodi kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra u għalhekk l‑applikazzjoni tiegħu ma tistax tkun limitata għas‑sitwazzjoni speċifika, bħal dik li tat lok għas‑sentenza Tomaszewska, fejn il‑limitu minimu ma jkunx intlaħaq fuq il‑bażi ta’ kalkolu inizjali li sempliċement iżid, mal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji u mhux kontributorji ddeterminati skont id‑dispożizzjonijiet nazzjonali, il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkunu ġew inklużi fil‑kalkolu ta’ dan il‑limitu.

    32

    Madankollu, it‑tilwima fil‑kawża prinċipali ma tikkonċernax il‑kisba ta’ dritt għall‑pensjoni, li r‑regoli dwarha huma stabbiliti fl‑Artikolu 45(1) tar‑Regolament Nru 1408/71, li ġie ssostitwit bl‑Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 883/2004, iżda tikkonċerna l‑kalkolu tal‑ammont ta’ pensjoni tal‑irtirar.

    33

    F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l‑punt (a) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 48 TFUE jeżiġi, għall‑istabbiliment tal‑moviment liberu tal‑ħaddiema, li l‑Parlament Ewropew u l‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea jadottaw il‑miżuri meħtieġa għall‑aggregazzjoni tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha kkompletati taħt id‑diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, u dan mhux biss għall‑eliġibbiltà u għaż‑żamma tad‑dritt għall‑benefiċċji, iżda wkoll għall‑kalkolu tagħhom.

    34

    Mill‑formulazzjoni tal‑Artikolu 52(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004, li essenzjalment jirriproduċi r‑regoli dwar il‑kalkolu stabbiliti b’mod partikolari fl‑Artikolu 46 tar‑Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Tomaszewska, punt 22 u l‑ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta li l‑kalkolu tal‑ammont tal‑pensjoni tal‑irtirar għandu jitwettaq f’żewġ stadji, fejn l‑ewwel jiġi kkalkolat ammont teoretiku u mbagħad ammont effettiv.

    35

    Fir‑rigward tal‑ewwel stadju, previst fl‑Artikolu 52(1)(b)(i) ta’ dan ir‑regolament, l‑istituzzjoni kompetenti hija meħtieġa tikkalkola l‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju li għalih l‑assigurat seta’ jkun intitolat li kieku l‑perijodi kollha ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza li huwa kkompleta taħt il‑leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri oħra kienu kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni applikata minn din l‑istituzzjoni (ara, fir‑rigward tal‑Artikolu 46(2)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 1980, Menzies, 793/79, EU:C:1980:172, punt 9, u tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz‑Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 42).

    36

    Konformement ma’ din id‑dispożizzjoni, l‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju għandu għalhekk jiġi kkalkolat daqslikieku l‑assigurat kien eżerċita l‑attività professjonali kollha tiegħu esklużivament fl‑Istat Membru inkwistjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 1980, Menzies, 793/79, EU:C:1980:172, punt 10; tal‑21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki, C‑30/04, EU:C:2005:492, punt 27; u tal‑21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 41).

    37

    Kif osserva l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 53 tal‑konklużjonijiet tiegħu, dan jimplika, f’dan il‑każ, li l‑perijodi ta’ kontribuzzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja u taħt dik tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑limitu ta’ terz li, skont il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja, ma jistax jinqabeż mill‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji meta mqabbla mal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju. Fi kliem ieħor, għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju, il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri għandhom ikunu s‑suġġett ta’ aggregazzjoni.

    38

    Din l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 52(1)(b)(i) tar‑Regolament Nru 883/2004 hija konformi mal‑għan ta’ din id‑dispożizzjoni sa fejn il‑kalkolu li għandu jitwettaq taħtha, bħal fil‑każ ta’ dak li għandu jitwettaq taħt l‑Artikolu 46(2)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, huwa intiż li jiżgura, lill‑ħaddiem, l‑ammont teoretiku massimu li għalih seta’ jkun intitolat li kieku l‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha tiegħu kienu ġew ikkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru inkwistjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 1980, Menzies, 793/79, EU:C:1980:172, punt 11, u tal‑21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki, C‑30/04, EU:C:2005:492, punt 28).

    39

    Barra minn hekk, kif fakkar l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 56 tal‑konklużjonijiet tiegħu, il‑fatt li jiġu mmassimizzati l‑elementi rilevanti għall‑kalkolu tal‑ammont teoretiku huwa konformi mal‑ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l‑Artikolu 46(2) tar‑Regolament Nru 1408/71, li ġie ssostitwit bl‑Artikolu 52(1) tar‑Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi interpretat fid‑dawl tal‑għan stabbilit fl‑Artikolu 48 TFUE, li huwa li jikkontribwixxi, b’mod partikolari permezz tal‑aggregazzjoni tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ residenza jew ta’ impjieg, għall‑istabbiliment tal‑moviment liberu tal‑ħaddiema, li jimplika li l‑ħaddiema migranti la għandhom jitilfu drittijiet għal benefiċċji tas‑sigurtà soċjali u lanqas ma għandhom iġarrbu tnaqqis fl‑ammont tagħhom minħabba li jkunu eżerċitaw id‑dritt għal moviment liberu tagħhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Reichling, C‑406/93, EU:C:1994:320, punti 2124; tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Lustig, C‑244/97, EU:C:1998:619, punti 3031; kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 43).

    40

    Għall‑kuntrarju, fil‑kuntest tat‑tieni stadju, previst fl‑Artikolu 52(1)(b)(ii) tar‑Regolament Nru 883/2004, l‑istituzzjoni kompetenti għandha tistabbilixxi l‑ammont effettiv tal‑benefiċċju fuq il‑bażi tal‑ammont teoretiku, fuq bażi pro rata tat‑tul tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni applikata minnha meta mqabbel mat‑tul totali tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza kkompletati taħt il‑leġiżlazzjonijiet tal‑Istati Membri kkonċernati kollha (ara, fir‑rigward tal‑Artikolu 46(2)(b) tar‑Regolament Nru 1408/71, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 1980, Menzies, 793/79, EU:C:1980:172, punt 9, u tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz‑Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 42).

    41

    L‑Artikolu 52(1)(b)(ii) tar‑Regolament Nru 883/2004 huwa għalhekk intiż biss li jqassam il‑piż rispettiv tal‑benefiċċji bejn l‑istituzzjonijiet tal‑Istati Membri kkonċernati fuq bażi pro rata tat‑tul tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ kull wieħed mill‑imsemmija Stati Membri. Din l‑applikazzjoni, fl‑istadju tal‑kalkolu tal‑ammont effettiv, tal‑prinċipju ta’ determinazzjoni pro rata u mhux tal‑prinċipju ta’ aggregazzjoni hija ġġustifikata fid‑dawl tal‑assenza ta’ skema komuni ta’ sigurtà soċjali li timplika li, filwaqt li ma jiġux ippenalizzati l‑ħaddiema li jkunu eżerċitaw id‑dritt tagħhom għal moviment liberu, għandha titħares l‑integrità finanzjarja tal‑iskemi tas‑sigurtà soċjali tal‑Istati Membri. Issa, it‑teħid inkunsiderazzjoni, fil‑kalkolu pro rata, ta’ perijodu li ma jikkorrispondi għal ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza effettiva fl‑Istat Membru inkwistjoni jista’ joħloq żbilanċ, b’mod unilaterali u artifiċjali, fit‑tqassim tal‑piż tal‑benefiċċji bejn l‑Istati Membri f’sens li jkun inkompatibbli mal‑mekkaniżmu stabbilit f’dan l‑artikolu (ara, f’dan is‑sens, fir‑rigward tal‑Artikolu 46(2)(b) tar‑Regolament Nru 1408/71, is‑sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1980, Menzies, 793/79, EU:C:1980:172, punt 11).

    42

    Kif osserva wkoll, essenzjalment, l‑Avukat Ġenerali fil‑punti 55 u 58 tal‑konklużjonijiet tiegħu, skont il‑prinċipju ta’ determinazzjoni pro rata, kull istituzzjoni kompetenti jkollha tħallas biss il‑parti tal‑benefiċċju marbuta mal‑perijodi rilevanti kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni applikata minnha. B’hekk, l‑ammont effettiv tal‑benefiċċju li jkollu jitħallas jirrappreżenta l‑proporzjon tal‑ammont teoretiku li jikkorrispondi għall‑perijodi totali ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza effettivament ikkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru inkwistjoni.

    43

    Għaldaqstant, l‑ammont effettiv tal‑benefiċċju għandu jiġi kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑perijodi kollha ta’ kontribuzzjoni effettivi jew assimilati mil‑leġiżlazzjoni applikata mill‑istituzzjoni kompetenti (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2002, Barreira Pérez, C‑347/00, EU:C:2002:560, punt 39), bl‑esklużjoni tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati barra mill‑Istat Membru kkonċernat.

    44

    F’dan il‑każ, il‑kalkolu tal‑ammont effettiv tal‑benefiċċju għandu għalhekk jitwettaq konformement mal‑leġiżlazzjoni Pollakka, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja kif ukoll il‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat Membru, fil‑limitu ta’ terz ta’ dawn il‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji, kif teżiġi din il‑leġiżlazzjoni, iżda b’esklużjoni tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fi Stat Membru ieħor.

    45

    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑risposta li għandha tingħata għad‑domanda magħmula hija li l‑Artikolu 52(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis‑sens li, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑limitu li ma għandux jinqabeż mill‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji meta mqabbla mal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji konformement mal‑leġiżlazzjoni nazzjonali, l‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru kkonċernat għandha, fil‑kalkolu tal‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju previst fil‑punt (i) ta’ din id‑dispożizzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha, inklużi dawk ikkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, filwaqt li l‑kalkolu tal‑ammont effettiv tal‑benefiċċju previst fil‑punt (ii) tal‑imsemmija dispożizzjoni għandu jitwettaq fid‑dawl biss tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru kkonċernat.

    Fuq l‑ispejjeż

    46

    Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din tal‑aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    L‑Artikolu 52(1)(b) tar‑Regolament (KE) Nru 883/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il‑kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis‑sens li, għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑limitu li ma għandux jinqabeż mill‑perijodi ta’ assigurazzjoni mhux kontributorji meta mqabbla mal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kontributorji konformement mal‑leġiżlazzjoni nazzjonali, l‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru kkonċernat għandha, fil‑kalkolu tal‑ammont teoretiku tal‑benefiċċju previst fil‑punt (i) ta’ din id‑dispożizzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha, inklużi dawk ikkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, filwaqt li l‑kalkolu tal‑ammont effettiv tal‑benefiċċju previst fil‑punt (ii) tal‑imsemmija dispożizzjoni għandu jitwettaq fid‑dawl biss tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru kkonċernat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal‑kawża: il‑Pollakk.

    Fuq