Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62020CJ0285
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 30 September 2021.#K v Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv).#Request for a preliminary ruling from the Centrale Raad van Beroep.#Reference for a preliminary ruling – Regulation (EC) No 883/2004 – Article 65(2) and (5) – Scope – Wholly unemployed worker – Unemployment benefits – Worker who resides and pursues an activity as an employed person in the competent Member State – Transfer of his or her residence to another Member State – Person not actually pursuing an activity as an employed person in the competent Member State before becoming wholly unemployed – Person on sick leave and receiving, on that basis, sickness benefits paid by the competent Member State – Pursuit of an activity as an employed person – Comparable legal situations.#Case C-285/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Settembru 2021.
K vs Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru°883/2004 – Artikolu 65(2) u (5) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ħaddiem f’qgħad sħiħ – Benefiċċji tal-qgħad – Ħaddiem li jirrisjedi u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti – Trasferiment tar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor – Persuna li effettivament ma teżerċitax attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti qabel ma tkun f’qgħad sħiħ – Persuna li waqfet mix-xogħol minħabba mard u li, fuq din il-bażi, tirċievi benefiċċji tal-mard imħallsa mill-Istat Membru kompetenti – Eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata – Sitwazzjonijiet legali paragunabbli.
Kawża C-285/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Settembru 2021.
K vs Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru°883/2004 – Artikolu 65(2) u (5) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ħaddiem f’qgħad sħiħ – Benefiċċji tal-qgħad – Ħaddiem li jirrisjedi u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti – Trasferiment tar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor – Persuna li effettivament ma teżerċitax attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti qabel ma tkun f’qgħad sħiħ – Persuna li waqfet mix-xogħol minħabba mard u li, fuq din il-bażi, tirċievi benefiċċji tal-mard imħallsa mill-Istat Membru kompetenti – Eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata – Sitwazzjonijiet legali paragunabbli.
Kawża C-285/20.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:785
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
30 ta’ Settembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru°883/2004 – Artikolu 65(2) u (5) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ħaddiem f’qgħad sħiħ – Benefiċċji tal-qgħad – Ħaddiem li jirrisjedi u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti – Trasferiment tar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor – Persuna li effettivament ma teżerċitax attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti qabel ma tkun f’qgħad sħiħ – Persuna li waqfet mix-xogħol minħabba mard u li, fuq din il-bażi, tirċievi benefiċċji tal-mard imħallsa mill-Istat Membru kompetenti – Eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata – Sitwazzjonijiet legali paragunabbli”
Fil-Kawża C‑285/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura
K
vs
Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv), minn M. Mollee, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u F. van Schaik, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K u r-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituutwerknemersverzekeringen (Uwv) (il-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Korp ta’ Ġestjoni tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Korp ta’ Ġestjoni tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallsu benefiċċji tal-qgħad fi tmiem perijodu ta’ waqfien mix-xogħol fi Stat Membru ieħor għajr ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li matul tiegħu huwa kien jirċievi mingħand dan l-Istat Membru ieħor benefiċċji tal-mard. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:
[...]
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.” |
6 |
It-titolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 16 tiegħu. |
7 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, persuni li qegħdin jirċievu benefiċċji fi flus minħabba jew bħala konsegwenza ta’ l-attività tagħhom bħala persuni impjegati jew bħala persuni impjegati għal rashom, għandhom jitqiesu bħallikieku qegħdin iwettqu din l-attività. Dan ma japplikax għal pensjonijiet marbuta ma’ l-invalidità, pensjonijiet ta’ l-età, pensjonijiet tas-superstiti jew għal pensjonijiet marbutin ma inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ma’ mard marbut max-xogħol jew għal benefiċċji fi flus marbutin ma’ mard li jkopru trattament għal perjodu mhux determinat.” |
8 |
It-Titolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disposizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji”, jipprovdi, fil-Kapitolu 6 tiegħu, li jinkludi l-Artikoli 61 sa 65a tal-imsemmi regolament, ir-regoli marbuta mal-benefiċċji tal-qgħad. |
9 |
L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni li ma għandhomx xogħol li kienu residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 5: “2. Persuna li ma għandha l-ebda impjieg u li, matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti u li tibqa’ residenti f’dak l-Istat Membru jew tmur lura lejn dak l-Istat Membru, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 64, persuna li ma għandha l-ebda impjieg tista, bħala pass supplimentari, tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istat Membru fejn hija wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Persuna li ma għandhiex impjieg, minbarra persuna li taħdem bejn il-fruntieri, li ma tmurx lura lejn l-Istat Membru ta’ residenza tagħha, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta' impjieg fl-Istat Membru fejn l-aħħar li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni tiegħu. [...] 5.
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali telaq mit-Turkija sabiex jistabbilixxi ruħu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sena 1979 u hemmhekk ħadem għal diversi persuni li jimpjegaw sas-sena 2015. |
11 |
Mis-sena 2005, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għex mal-familja tiegħu fil-Ġermanja. |
12 |
Fl‑1 ta’ Mejju 2015, huwa ġie rreklutat minn persuna li timpjega fil-Ġermanja. |
13 |
Fl‑24 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali twaqqaf mix-xogħol minħabba mard u, minn dik id-data, ma eżerċitax effettivament l-attività tiegħu. |
14 |
Għall-ewwel, huwa kompla jirċievi s-salarju tiegħu qabel ma bbenefika, mill‑14 ta’ Ottubru 2015, minn benefiċċju tal-mard fil-Ġermanja. |
15 |
Fit‑2 ta’ Frar 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali mar joqgħod għand ħuh fil-Pajjiżi l-Baxxi u talab it-tħassir tiegħu mir-reġistru tal-popolazzjoni fil-Ġermanja. |
16 |
Fil‑15 ta’ Frar 2016, il-persuna li timpjegah fil-Ġermanja temmet il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
17 |
Fis‑16 ta’ Frar 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie operat fi sptar fil-Ġermanja, fejn għex sad‑19 ta’ Frar 2016. |
18 |
Fl‑4 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali rreġistra fir-reġistru tal-popolazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-indirizz ta’ ħuh. |
19 |
Fil‑15 ta’ Marzu 2016, daħal fis-seħħ ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-persuna li timpjegah fil-Ġermanja. |
20 |
Fl‑4 ta’ April 2016, il-korp Ġermaniż kompetenti qies li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien kapaċi jwettaq xogħol mill-ġdid adattat għall-istat ta’ saħħa tiegħu u, għaldaqstant, waqaf iħallaslu benefiċċju tal-mard. |
21 |
Fit‑22 ta’ April 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq quddiem il-Korp ta’ Ġestjoni tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati talba għal benefiċċju tal-qgħad, b’effett mill‑4 ta’ April 2016. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2016, il-Korp ta’ Ġestjoni tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati ddikjara li ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar id-dritt tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-benefiċċji tal-qgħad. |
23 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Korp ta’ Ġestjoni tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati tal‑14 ta’ Settembru 2016. Dan tal-aħħar tenna l-pożizzjoni tiegħu li huwa ma huwiex awtorizzat jiddeċiedi dwar it-talba għal benefiċċju tal-qgħad tal-persuna kkonċernata. Fil-fehma tiegħu, l-Istat Membru kompetenti f’dan ir-rigward huwa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala l-aħħar Stat ta’ impjieg, peress li, sal‑24 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien effettivament jeżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Ġermanja u ma kienx ħaddiem fruntalier. |
24 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Overijssel (il-Qorti Distrettwali ta’ Overijssel, il-Pajjiżi l-Baxxi), li ċaħditu bħala infondat. Din il-qorti qieset li l-Korp ta’ Ġestjoni tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati kien ġustament iddikjara li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx ħaddiem fruntalier u ma kellux dritt għal benefiċċju tal-qgħad fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju, adita b’appell mis-sentenza tar-rechtbank Overijssel (il-Qorti Distrettwali ta’ Overijssel), tirrileva li l-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistax jitlob benefiċċju tal-qgħad fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004. |
26 |
Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jirrisjedi u jaħdem fil-Ġermanja u li, mill‑14 ta’ Ottubru 2015, huwa kien waqaf mix-xogħol u kien jirċievi benefiċċji tal-mard fil-Ġermanja, u dan sal‑4 ta’ April 2016, data li minnha huwa sab ruħu f’qgħad sħiħ. Peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ttrasferixxa r-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi fit‑2 ta’ Frar 2016, b’effett minn din id-data, huwa kien jirrisjedi fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(q) u (s) tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri fil-Ġermanja. |
27 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004 japplikax għal sitwazzjoni li fiha, qabel ma kienet f’qgħad sħiħ, il-persuna kkonċernata ma kinitx effettivament teżerċita attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti, iżda kienet waqfet mix-xogħol minħabba mard u kienet tirċievi, fuq din il-bażi, benefiċċju tal-mard imħallas minn dan l-Istat Membru. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li tali sitwazzjoni għandha titqies bħala sitwazzjoni ġuridika paragunabbli mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata u li, għaldaqstant, għandha tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, li jagħmel parti mit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, jassimila l-benefiċċju tal-mard mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata u tqis li din l-assimilazzjoni għandha tiġi applikata għall-finijiet tal-Artikolu 65(2) u (5) tal-imsemmi regolament. Hija timmotiva r-raġunament tagħha bil-fatt li interpretazzjoni loġika u koerenti tal-kunċett ta’ “twettiq ta’ attività bħala persuna impjegata” teżiġi li dan il-kunċett jiġi interpretat bl-istess mod fid-dispożizzjonijiet tat-titoli differenti tal-istess regolament. |
29 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), li ppreċeda l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1994, Maitland Toosey, C‑287/92, EU:C:1994:27, punt 13, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 1995, van Gestel, C‑454/93, EU:C:1995:205, punti 13, 20 u 24), hija rilevanti għall-każ ineżami. |
30 |
Hija tfakkar li, skont din il-ġurisprudenza, l-uniku element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa l-fatt li l-persuna kkonċernata tirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak li kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tiegħu matul l-aħħar impjieg tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li din id-dispożizzjoni tapplika għal persuna li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha tinżamm abbażi ta’ leave u li għalhekk effettivament ma teżerċitax l-attività tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Bergemann, 236/87, EU:C:1988:443). Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004 jirrigwarda mhux biss l-eżerċizzju effettiv tal-aħħar attività bħala persuna impjegata, iżda wkoll sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata effettivament ma teżerċitax attività. Barra minn hekk, din il-qorti tqis li r-raġunijiet li għalihom il-persuna kkonċernata ttrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kompetenti ma humiex rilevanti. |
31 |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat strettament sabiex, fost l-oħrajn, jiġu evitati l-abbużi (sentenza tas‑17 ta’ Frar 1977, Di Paolo, 76/76, EU:C:1977:32, punt 13). Barra minn hekk, din tkun konformi mal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġi żgurat lill-ħaddiem migrant il-benefiċċju tal-qgħad taħt il-kundizzjonijiet l-iktar favorevoli (sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 1988, Bergemann, 236/87, EU:C:1988:443, punti 18 u 20, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 1995, van Gestel, C‑454/93, EU:C:1995:205, punt 20). Fil-fatt, ir-rabta mal-Istat Membru ta’ residenza toffri, bħala prinċipju, l-aħjar possibbiltajiet lill-persuna kkonċernata li tintegra ruħha mill-ġdid professjonalment. |
32 |
Peress li qieset li l-kawża li tressqet quddiemha tqajjem kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu riżolti mingħajr dubji raġonevoli, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
33 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li l-persuna f’qgħad sħiħ li, matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kompetenti u li tibqa’ residenti f’dak l-Istat Membru jew tirritorna f’dan l-Istat Membru, tqiegħed lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru ta’ residenza. |
34 |
L-Artikolu 65(5)(a) tal-imsemmi regolament jippreċiża li l-ħaddiem imsemmi fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandu jirċievi benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, bħallikieku kien suġġett għal dik il-leġiżlazzjoni matul l-aħħar attività tiegħu bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza. |
35 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha, qabel ma kienet f’qgħad sħiħ, il-persuna kkonċernata kienet tirrisjedi fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kompetenti u ma kinitx effettivament teżerċita attività bħala persuna impjegata, iżda kienet waqfet mix-xogħol minħabba mard u kienet tirċievi, fuq din il-bażi, benefiċċji tal-mard mingħand l-Istat Membru kompetenti. |
36 |
Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk it-termini “matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata”, li jinsabu fl-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004, jirrigwardawx esklużivament l-eżerċizzju effettiv, mill-persuna kkonċernata, ta’ attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti jew jekk jirreferux ukoll għal sitwazzjoni li fiha din il-persuna ma teżerċitax effettivament attività bħala persuna impjegata, iżda tirċievi benefiċċji tal-mard imħallsa minn dan l-Istat Membru. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Ċek u dak Pollakk, l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004, li jinsab fit-Titolu III ta’ dan ir-regolament, ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament, peress li mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, iċċitata fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod espress li din tapplika għall-finijiet tat-Titolu II tal-istess regolament. |
38 |
It-termini “matul l-aħħar attività bħala persuna impjegata”, li jinsabu fl-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004, għandhom, kuntrarjament, jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ “‘attività bħala persuna impjegata’ bħala “attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti”. |
39 |
Minn dan jirriżulta li sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma teżerċitax effettivament attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti, iżda tkun waqfet mix-xogħol minħabba mard u tirċievi, fuq din il-bażi, benefiċċji tal-mard mogħtija minn dan l-Istat Membru, tista’ titqies li hija sitwazzjoni legali paragunabbli għal dik li tinsab fiha persuna li teżerċita attività bħala persuna impjegata u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004, jekk, skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, l-intitolament ta’ tali benefiċċji huwa assimilat għall-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata. |
40 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha, qabel ma kienet f’qgħad sħiħ, il-persuna kkonċernata kienet tirrisjedi fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kompetenti u ma kinitx effettivament teżerċita attività bħala persuna impjegata, iżda kienet waqfet mix-xogħol minħabba mard u kienet tirċievi, fuq din il-bażi, benefiċċji tal-mard imħallsa mill-Istat Membru kompetenti, bil-kundizzjoni, madankollu, li skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti, l-intitolament għal tali benefiċċji jkun assimilat għall-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata. |
Fuq it-tieni domanda
41 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet, b’mod partikolari ta’ natura familjari, li għalihom il-persuna kkonċernata ttrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kompetenti humiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
42 |
Għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, kif riprodotta fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, ma jirriżultax li r-raġunijiet għat-trasferiment tar-residenza tal-persuna kkonċernata għandhom xi rilevanza f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004, l-għan tiegħu huwa li jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Dan ir-regolament immodernizza u ssemplifika r-regoli inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li żamm l-istess għan ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst, C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 31). |
43 |
Minn ġurisprudenza stabbilita fil-kuntest tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71, li fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, tista’ tiġi trasposta fil-kuntest tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004 peress li din id-dispożizzjoni ssostitwixxiet l-imsemmi Artikolu 71, jirriżulta li dan huwa intiż li joħloq għall-persuni qiegħda residenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kompetenti l-kundizzjonijiet l-iktar favorevoli għat-tfittxija ta’ impjieg ġdid (sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 1988, Bergemann, 236/87, EU:C:1988:443, punt 18; tat‑8 ta’ Lulju 1992, Knoch, C‑102/91, EU:C:1992:303, punt 14, u tad‑29 ta’ Ġunju 1995, van Gestel, C‑454/93, EU:C:1995:205, punt 20). |
44 |
Li kieku, għalhekk, l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004 kellu jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-persuni li jkunu ttrasferixxew ir-residenza tagħhom għal ċerti raġunijiet, bħal raġunijiet familjari, dan ikollu l-effett li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, għalhekk, li jirrendi iktar diffiċli għall-persuni kkonċernati t-tfittxija ta’ impjieg fl-Istat Membru ta’ residenza, fejn huma preżunti li jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet l-iktar favorevoli għat-tfittxija ta’ impjieg ġdid, dan iktar u iktar għaliex tali trasferiment huwa ġeneralment ibbażat fuq diversi raġunijiet. Għaldaqstant, tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan imfittex mill-imsemmija dispożizzjoni. |
45 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 65(2) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet, b’mod partikolari ta’ natura familjari, li għalihom il-persuna kkonċernata ttrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kompetenti, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.